Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024DC0624

    Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tas-Slovenja

    COM/2024/624 final

    Brussell, 19.6.2024

    COM(2024) 624 final

    Rakkomandazzjoni għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tas-Slovenja

    {SWD(2024) 600 final} - {SWD(2024) 624 final}


    Rakkomandazzjoni għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tas-Slovenja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

    (2)Ir-Regolament REPowerEU 3 , adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi gradwalment. B’hekk tkun tista’ tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Is-Slovenja żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

    (3)Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” 4 , sabiex jiġu infurmati d-deċiżjonijiet ta’ politika u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għaż-żieda fit-tkabbir. Il-Komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività fuq disa’ fatturi li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Fost dawn il-fatturi, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u s-suq uniku jirriżultaw bħala prijoritajiet ta’ politika ta’ importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni segwiet din il-Komunikazzjoni bir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività 5 . Ir-rapport jagħti dettalji dwar il-punti b’saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-Suq Uniku tal-Ewropa, filwaqt li jsegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa’ xprunaturi tal-kompetittività identifikati.

    (4)Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024 6 , li ta bidu għaċ-ċiklu tal-2024 tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024 madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-22 ta’ Marzu 2024. Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju tal-2024 tas-Slovenja. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li l-Kunsill adotta fit-12 ta’ April 2024, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2024 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fil-11 ta’ Marzu 2024.

    (5)Fit-30 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. Barra minn hekk jinkludi r-Regolament (KE) 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u d-Direttiva 2011/85/UE emendata dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 7 . L-objettivi tal-qafas il-ġdid huma s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv, permezz ta’ konsolidazzjoni fiskali gradwali kif ukoll ta’ riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u b’fokus akbar fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Jenħtieġ li kull Stat Membru jissottometti pjan fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju fihom l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopru orizzont ta’ ppjanar ta’ 4 snin jew 5 snin skont it-tul regolari tal-leġiżlatura nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 8 fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju jenħtieġ li jkun konformi mar-rekwiżiti fir-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ’lisfel sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, jew li jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin. Għall-fini tal-appoġġ għat-tħejjija ta’ dawk il-pjanijiet, fil-[21 ta’ Ġunju] 2024, il-Kummissjoni hija mistennija tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida dwar il-kontenut tal-pjanijiet u r-rapporti ta’ progress annwali sussegwenti li se jkollhom jissottomettu u, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1263, se tibgħatilhom gwida teknika dwar l-aġġustamenti fiskali (trajettorji ta’ referenza u informazzjoni teknika, fejn applikabbli). Jenħtieġ li l-Istati Membri jissottomettu l-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom ta’ terminu medju sal-20 ta’ Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw l-involviment tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, u l-konsultazzjoni ta’ istituzzjonijiet fiskali indipendenti, tas-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra, kif xieraq.

    (6)Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

    (7)Fit-30 ta’ April 2021, is-Slovenja ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fl-20 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għas-Slovenja 9 , li ġiet emendata fis-17 ta’ Ottubru 2023 skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 biex tiġi aġġornata l-kontribuzzjoni finanzjarja massima għall-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 10 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li s-Slovenja laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

    (8)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż għas-Slovenja 11 tal-2024 fid-19 ta’ Ġunju 2024. Huwa vvaluta l-progress tas-Slovenja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023, u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovenja. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tas-Slovenja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

    (9)Abbażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat 12 , id-defiċit tal-gvern estiż tas-Slovenja naqas minn 3,0 % tal-PDG fl-2022 għal 2,5 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 72,5 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 69,2 % fi tmiem l-2023. Kif imħabbar fil-gwida tal-politika fiskali għall-2024 13 , il-Kummissjoni qed tieħu l-ewwel pass għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti. Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni adottat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE 14 . Dak ir-rapport ivvaluta s-sitwazzjoni baġitarja tas-Slovenja, billi d-defiċit tal-gvern estiż ippjanat tagħha fl-2024 jaqbeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG. Ir-rapport ikkonkluda li fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju kif stabbilit skont l-Artikolu 126(4) tat-TFUE, f’Lulju l-Kummissjoni biħsiebha ma tipproponix li tiftaħ proċedura ta’ defiċit eċċessiv għas-Slovenja.

    (10)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda li s-Slovenja tieħu azzjoni biex tara li fl-2023 jiġi żgurat li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali tkun konformi ma’ pożizzjoni ta’ politika newtrali kumplessiva 15 , filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat li għadu għaddej lill-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Is-Slovenja ngħatat rakkomandazzjoni li għandha tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Is-Slovenja ġiet irrakkomandata wkoll tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tuża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 16 kienet restrittiva, b’0,5 % tal-PDG, f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri tad-dħul diskrezzjonali) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,4 % tal-PDG. Dan jinkludi l-kost imnaqqas tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza mmirati għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija b’0,3 % tal-PDG. Iż-żieda tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 kienet konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE kienet tammonta għal 1,3 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali kien jammonta għal 4,6 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta żieda ta’ 0,2 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. Is-Slovenja ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u ta’ fondi oħra tal-UE. Is-Slovenja ffinanzjat l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, pereżempju fl-infrastruttura ferrovjarja, is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-prevenzjoni tad-diżastri naturali, li huma parzjalment iffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.

    (11)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta li l-PDG reali jikber bi 2,3 % fl-2024 u 2,6 % fl-2025, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 2,8 % fl-2024 u 2,4 % fl-2025.

    (12)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 2,8 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 68,1 % sa tmiem l-2024. Iż-żieda tad-defiċit fl-2024 tirrifletti prinċipalment investiment pubbliku ogħla, inkluża n-nefqa ffinanzjata nazzjonalment għar-rikostruzzjoni ta’ wara l-għargħar, u l-indiċjar tal-benefiċċji soċjali, filwaqt li hija parzjalment ikkumpensata minn tnaqqis fis-sussidji, l-irtirar ta’ miżuri li jnaqqsu d-dħul biex jittaffa l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u żieda temporanja fir-rata tat-taxxa korporattiva. Abbażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata li tkun espansjonarja fil-livell ta’ 0,2 % tal-PDG fl-2024.

    (13)In-nefqa li tammonta għal 0,7 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbla ma’ 0,2 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq id-defiċit u d-dejn tal-gvern estiż tas-Slovenja. Nefqa li tammonta għal 0,4 % tal-PDG hija mistennija li tkun appoġġata minn self mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbla ma’ 0,1 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni.

    (14)Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda 17 li s-Slovenja tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali 18 fl-2024 għal mhux aktar minn 5,5 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ tal-proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tas-Slovenja hija pproġettata li tiżdied b’5,6 % fl-2024 19 , li hija ogħla mir-rata ta’ tkabbir massima rakkomandata. Dan l-infiq eċċessiv fuq ir-rata massima rakkomandata għat-tkabbir f’nefqa netta primarja ffinanzjata nazzjonalment jikkorrispondi għal inqas minn 0,1 % tal-PDG fl-2024. Dan jirriskja li ma jkunx kompletament konformi ma’ dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill. 

    (15)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda lis-Slovenja tieħu azzjoni biex tnaqqas b’mod gradwali l-miżuri urġenti ta’ appoġġ għall-enerġija fis-seħħ, u tuża l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern, kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill speċifika wkoll li, jekk iż-żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija jeħtieġu li jitkomplew il-miżuri ta’ appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta’ appoġġ, jenħtieġ li s-Slovenja tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett 20 tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija huwa pproġettat li jkun 1,4 % tal-PDG fl-2023, 0,1 % fl-2024 u 0,0 % fl-2025. B’mod partikolari, il-kumpens għall-fornituri tal-gass u l-elettriku mibjugħa bi prezzijiet stabbiliti amministrattivament huwa preżunt li jibqa’ fis-seħħ fl-2024, għalkemm b’impatt żgħir. Jekk l-iffrankar relatat jintuża biex inaqqas id-defiċit tal-gvern, kif irrakkomandat mill-Kunsill, dawn il-proġettazzjonijiet jimplikaw aġġustament fiskali ta’ 1,3 % tal-PDG fl-2024, billi n-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali 21 tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,1 % tal-PDG f’dik is-sena. Il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huma pproġettati li jiġu eliminati b’mod gradwali kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Dan huwa konformi ma’ dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Madankollu, l-iffrankar relatat mhuwiex ipproġettat li jintuża bis-sħiħ biex inaqqas id-defiċit tal-gvern. Dan iwassal għal riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

    (16)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li s-Slovenja tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari trawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat nazzjonalment huwa pproġettat li jiżdied għal 5,3 % tal-PDG fl-2024 (minn 4,6 % tal-PDG fl-2023). Dan huwa konformi ma’ dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Min-naħa tagħha, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-UE, fosthom l-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, hija mistennija tibqa’ stabbli f’1,3 % tal-PDG fl-2024 minn 1,3 % tal-PDG fl-2023.

    (17)Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir u fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 2,2 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis tad-defiċit fl-2025 jirrifletti prinċipalment l-introduzzjoni ta’ kontribuzzjoni ġdida għall-kura fit-tul, li għandha tiġi imposta minn Lulju 2025, li hija pproġettata li żżid il-kontribuzzjonijiet soċjali b’madwar 0,4 % tal-PDG. In-nefqa gradwalment aktar baxxa għar-rikostruzzjoni ta’ wara l-għargħar se jkollha impatt fuq l-investiment pubbliku, li huwa pproġettat li jonqos b’0,4 punti perċentwali għal 5,4 % tal-PDG. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG mistenni jonqos għal 66,4 % fi tmiem l-2025.

    (18)Żieda sostanzjali fil-kostijiet tat-tixjiħ hija pproġettata għas-Slovenja, li tirriżulta f’żidiet fl-infiq fuq il-kura tas-saħħa, il-kura fit-tul u l-pensjonijiet fid-deċennji li ġejjin. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza diġà fih diversi miżuri biex tiġi appoġġata s-sostenibbiltà fiskali. Lil hinn mill-pjan, ikun importanti li jiġi mmonitorjat l-infiq biex jiġu żgurati l-adegwatezza u s-sostenibbiltà fiskali tal-protezzjoni soċjali. Ir-rieżamijiet tal-infiq jistgħu jintużaw biex jiġu identifikati oqsma ta’ nfiq ta’ prijorità aktar baxxa jew ineffiċjenti. Il-fondi liberati jistgħu mbagħad jiġu riallokati biex jiġu indirizzati sfidi fiskali ġodda, inkluż fil-qasam tal-protezzjoni soċjali. Sabiex jiġi żgurat li l-infiq isir aktar effettiv, ikun kruċjali li l-miżuri ta’ segwitu jiġu implimentati malajr u li jkunu konsistenti mar-riformi strutturali li għaddejjin.

    (19)Il-proporzjon tat-taxxa mal-PDG tas-Slovenja għadu taħt il-medja tal-UE u l-kompożizzjoni tagħha ma tantx tiffavorixxi t-tkabbir. L-ogħla kategorija tat-taxxa fuq l-introjtu personali u l-porzjon tat-taxxa fuq ix-xogħol għal diversi livelli ta’ introjtu għadhom fost l-ogħla fl-UE filwaqt li t-taxxi fuq il-proprjetà, inklużi t-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà, għadhom baxxi ħafna, b’sehem taħt nofs il-medja tal-UE. It-tnaqqis tal-porzjon tat-taxxa fuq ix-xogħol inaqqas il-kostijiet lavorattivi, jagħti spinta lid-domanda għax-xogħol u jtejjeb il-kompetittività. Pagi netti ogħla jistgħu jagħtu spinta lill-provvista ta’ ħaddiema. Għalkemm is-sehem tad-dħul mit-taxxa ambjentali huwa ogħla mill-medja tal-UE, is-sistema tat-taxxa tista’ tintuża biex tippromwovi aktar l-objettivi ekoloġiċi, inkluż billi jiġi applikat il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”.

    (20)L-investiment pubbliku fis-Slovenja huwa ogħla mill-medja tal-UE u żdied matul dawn l-aħħar ftit snin. Madankollu, l-effettività u l-effiċjenza tiegħu jistgħu jittejbu billi l-ippjanar għall-investiment pubbliku jiġi kkoordinat aħjar fis-setturi u l-ministeri kollha. Sett koerenti ta’ dokumenti ta’ ppjanar fit-tul u pjan integrat fuq terminu medju għal investimenti potenzjali jkunu wkoll għodod biex tittejjeb l-effiċjenza tal-investiment pubbliku, inkluża l-prijoritizzazzjoni ta’ proġetti f’konformità mal-prijoritajiet nazzjonali u Ewropej. Dan jgħin ukoll biex jiżdied il-potenzjal tat-tkabbir u s-sostenibbiltà fiskali tal-pajjiż.

    (21)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-Anness V, il-kriterju 2.2, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti, kif ukoll il-pjan nazzjonali tiegħu għall-enerġija u l-klima. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tas-Slovenja permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li s-Slovenja tkompli l-implimentazzjoni tar-riformi u taċċellera l-investimenti billi tindirizza d-dewmien emerġenti filwaqt li tiżgura kapaċità amministrattiva b’saħħitha. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali biex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

    (22)Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, is-Slovenja hija meħtieġa tirrieżamina kull programm sa Marzu 2025, filwaqt li tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha għall-enerġija u l-klima. Dan ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-UE inkluż f’kull programm. Is-Slovenja għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad hemm sfidi u disparitajiet qawwija bejn ir-reġjun kapitali u l-bqija tal-pajjiż. L-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni u t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva fil-livell nazzjonali u reġjonali huma kruċjali. Il-prijoritajiet miftiehma fil-programmi għadhom rilevanti. Lil hinn mill-miżuri ta’ kapaċità amministrattiva, huwa partikolarment importanti li jitkomplew l-investimenti ekoloġiċi, speċjalment il-protezzjoni mill-għargħar u l-miżuri ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, filwaqt li jiġu prijoritizzati soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura. Huwa daqstant importanti li jitkomplew l-investimenti fit-trasport sostenibbli biex titnaqqas id-dipendenza qawwija fuq l-ivvjaġġar bil-karozzi tal-passiġġieri. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta, li jappoġġaw l-eliminazzjoni gradwali tal-faħam, tibqa’ kruċjali. Sħubijiet pubbliċi-privati fir-riċerka u l-iżvilupp biex tiżdied il-produttività tax-xogħol jibqgħu pertinenti. Barra minn hekk, huwa importanti li jitrawwem it-tagħlim għall-adulti, inkluż fil-ħiliet diġitali u ekoloġiċi, u fil-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, filwaqt li jiġu modernizzati u diġitalizzati s-servizzi soċjali u tas-suq tax-xogħol. Hija prijorità li titħaffef id-deistituzzjonalizzazzjoni u l-iżvilupp ta’ servizzi soċjali bbażati fil-komunità ta’ kwalità, adegwati u affordabbli, b’mod partikolari l-kura fit-tul, biex tiġi appoġġata l-inklużjoni soċjali. Is-Slovenja tista’ wkoll tagħmel użu mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex tagħti spinta lill-investimenti fl-iżvilupp u l-manifattura ta’ teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi, b’mod partikolari fis-settur tal-enerġija rinnovabbli u tat-tisħin.

    (23)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, is-Slovenja qed tiffaċċja diversi sfidi addizzjonali relatati mas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tagħha, in-nuqqas ta’ ħiliet u ta’ ħaddiema kif ukoll l-investiment skars fil-kapital ta’ riskju u l-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni.

    (24)It-test tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA) tal-2022 żvela deterjorament sinifikanti tal-ħiliet bażiċi (b’mod partikolari fil-qari u l-matematika). Iż-żieda fis-sehem ta’ studenti ta’ 15-il sena bi prestazzjoni baxxa u t-tnaqqis fl-aqwa prestazzjoni fil-matematika u l-qari jista’ jkollhom impatt negattiv fuq il-provvista tal-ħiliet u l-kompetittività tas-Slovenja fil-futur. Ir-riforma li għaddejja tal-kurrikuli tal-iskejjel tista’ tinkludi wkoll miżuri li jgħinu biex jissaħħu l-ħiliet bażiċi flimkien mal-ħiliet ekoloġiċi u diġitali, it-tagħlim tal-lingwi u t-titjib tal-kompetenzi intraprenditorjali u finanzjarji, barra minn hekk il-professjoni tal-għalliema tista’ ssir aktar attraenti.

    (25)Abbażi tal-istħarriġ tal-Kummissjoni dwar il-fiduċja fin-negozju 22 , il-maniġers tan-negozju fl-industrija Slovena ilhom jirrapportaw in-nuqqas ta’ ħaddiema bħala fattur b’saħħtu ħafna li jillimita l-attività minn nofs l-2021. Ir-rati ta’ postijiet tax-xogħol battala huma wkoll ferm ogħla mill-medja tal-UE. Minkejja l-miżuri meħuda skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, għad hemm akkumulazzjoni sinifikanti ta’ applikazzjonijiet ta’ ħaddiema barranin, minħabba rekwiżiti legali eċċessivament ikkumplikati. In-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet diġà qed iżomm lura l-investiment u l-produzzjoni, speċjalment fl-industrija. Dawn ifixklu wkoll il-forniment bla xkiel ta’ servizzi inkluż il-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul. Għalhekk, biex tingħata spinta lill-kompetittività u t-tkabbir, huwa essenzjali li tiżdied il-provvista ta’ ħaddiema, inkluż billi tiġi stimulata aktar il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, jiġu attirati ħaddiema minn pajjiżi mhux tal-UE, u tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-ħaddiema migranti fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà. 

    (26)In-nefqa pubblika fuq ir-riċerka, in-nefqa fuq l-innovazzjoni mhux fuq ir-riċerka mill-kumpaniji u n-nefqa fuq l-innovazzjoni għal kull impjegat għadhom relattivament baxxi fis-Slovenja. L-investiment tal-kapital ta’ riskju relattiv għall-PDG huwa baxx ukoll, speċjalment meta mqabbel mal-medja tal-UE, u jaffettwa b’mod negattiv id-dinamiżmu tan-negozju u għalhekk il-kapaċità ta’ innovazzjoni u tkabbir tal-kumpaniji. Dan, min-naħa tiegħu, ifixkel il-kompetittività tas-Slovenja. It-titjib ulterjuri tal-kundizzjonijiet għall-kapital ta’ riskju jista’ jgħin biex jattira aktar kapital barrani u jgħin lin-negozji ġodda innovattivi jespandu.

    (27)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għas-Slovenja, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (3) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro.

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li s-Slovenja tieħu azzjoni fl-2024 u l-2025 biex:

    1.Tissottometti l-pjan fiskali strutturali ta’ terminu medju fil-ħin. F’konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta 23 fl-2025 għal rata konsistenti mat-tqegħid tad-dejn tal-gvern estiż fuq trajettorja ta’ tnaqqis plawżibbli fuq terminu medju u ż-żamma tad-defiċit tal-gvern estiż taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Tiżgura s-sostenibbiltà fiskali tal-protezzjoni soċjali u tibbilanċja mill-ġdid id-dħul mit-taxxa lejn sorsi aktar favorevoli għat-tkabbir u sostenibbli. Ittejjeb l-effiċjenza tal-infiq pubbliku billi twettaq rieżamijiet tal-infiq u permezz ta’ ġestjoni aħjar tal-investiment pubbliku.

    2.Issaħħaħ il-kapaċità amministrattiva għall-ġestjoni tal-fondi tal-UE, taċċellera l-investimenti u żżomm il-momentum fl-implimentazzjoni tar-riformi. Tindirizza d-dewmien emerġenti biex tippermetti implimentazzjoni kontinwa, rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, filwaqt li tqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex titjieb il-kompetittività.

    3.Issaħħaħ il-kompetittività billi tagħti spinta ulterjuri lil-livelli tal-ħiliet, tiżgura li r-riforma li għaddejja tal-kurrikuli tgħin ukoll fit-tisħiħ tal-ħiliet bażiċi, billi tindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema, u billi tippromwovi d-dinamiżmu tan-negozju u l-ħolqien ta’ kumpaniji b’rata għolja ta’ tkabbir billi ttejjeb il-kundizzjonijiet għall-investiment tal-kapital ta’ riskju u l-investituri istituzzjonali kif ukoll l-investimenti fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj .
    (2)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17), ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj .
    (3)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1), ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj .
    (4)    COM(2023) 168 final.
    (5)    COM(2024) 77 final.
    (6)    COM(2023) 901 final.
    (7)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj ) u d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj ).
    (8)    Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1263 tad-29 ta’ April 2024 (ĠU L 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj ). Nefqa netta tfisser in-nefqa tal-gvern netta minn (i) in-nefqa fuq l-imgħax, (ii) il-miżuri tad-dħul diskrezzjonali, (iii) in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) in-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) l-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
    (9)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovenja (10612/21).
    (10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-20 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovenja (13615/1/23).
    (11)    SWD(2024) 624 final.
    (12)    Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22.4.2024
    (13)    COM(2023) 141 final.
    (14)    Ir-Rapport tal-Kummissjoni, imħejji f’konformità mal-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, 19.6.2024, COM(2024)598 final.
    (15)    Abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju tas-Slovenja fl-2023, li jintuża biex titkejjel il-pożizzjoni fiskali, huwa stmat għal 11,5 % f’termini nominali, abbażi tar-rata ta’ tkabbir potenzjali reali medja ta’ 10 snin u d-deflatur tal-PDG tal-2023.
    (16)    Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq perjodu medju ta’ żmien u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta mill-miżuri diskrezzjonali tad-dħul (u esklużi l-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni.
    (17)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2023 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tas-Slovenja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tas-Slovenja, ĠU C 312, 1.9.2023, p. 224.
    (18)    In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali netta minn (i) miżuri ta’ dħul diskrezzjonali, (ii) nefqa fuq l-imgħax, (iii) nefqa fuq il-qgħad ċikliku, u (iv) u miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
    (19)    Dan iqis 0,7 % tal-miżuri ta’ darba tal-PDG fl-2024, relatati mal-kostijiet ta’ emerġenza fuq terminu qasir għar-rikostruzzjoni wara l-għargħar f’Awwissu 2023 (kif ukoll 0,4 % tal-PDG fl-2023, relatati mal-istess kawża). Barra minn hekk, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE huwa pproġettat li jipprovdi 0,15 % tal-PDG tal-kostijiet ta’ emerġenza fl-2023, 0,3 % tal-PDG fl-2024 u 0,15 % tal-PDG fl-2025. Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrefera wkoll għall-għargħar devastanti li laqat l-Italja f’Mejju 2023 u qabel li l-kost tal-appoġġ dirett ta’ emerġenza relatat ma’ dak l-għargħar jitqies f’valutazzjonijiet sussegwenti tal-konformità u, fil-prinċipju, jitqies bħala miżuri temporanji u ta’ darba. Ġie segwit approċċ simili fir-rigward tal-għargħar devastanti li laqat lis-Slovenja f’Awwissu 2023.
    (20)    Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta’ dawk il-miżuri, inklużi d-dħul u n-nefqa u, meta jkun applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.
    (21)    Din il-kontribuzzjoni titkejjel bħala l-bidla fin-nefqa primarja tal-gvern estiż, netta minn (i) l-impatt baġitarju inkrementali tal-miżuri diskrezzjonali tad-dħul, (ii) il-miżuri ta’ darba, (iii) in-nefqa fuq il-qgħad ċikliku u (iv) in-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, meta mqabbla mar-rata ta’ tkabbir tal-PDG nominali potenzjali fuq terminu medju (10 snin), espressa bħala proporzjon mal-PDG nominali.
    (22)     Serje kronoloġika — Kummissjoni Ewropea (europa.eu)
    (23)    Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263, “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern netta min-nefqa fuq l-imgħax, mill-miżuri ta’ dħul diskrezzjonali, min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u minn miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
    Top