Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0598

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda fl-Anness XIII (Trasport) għall-Ftehim ŻEE (Regolament tal-EMSA)

    COM/2023/598 final

    Brussell, 18.10.2023

    COM(2023) 598 final

    2023/0366(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda fl-Anness XIII (Trasport) għall-Ftehim ŻEE

    (Regolament tal-EMSA)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.Suġġett tal-proposta

    Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE b’rabta mal-adozzjoni prevista tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt dwar emenda tal-Anness XIII (Trasport) tal-Ftehim ŻEE

    2.Kuntest tal-proposta

    2.1.Il-Ftehim ŻEE

    Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) jiggarantixxi drittijiet u obbligi ugwali fl-ambitu tas-Suq Intern għaċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi fiż-ŻEE. Jipprevedi l-inklużjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE li tkopri l-erba’ libertajiet fit-30 Stat taż-ŻEE li jinkludu l-Istati Membri tal-UE, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein. Barra minn hekk, il-Ftehim ŻEE jkopri l-kooperazzjoni f’oqsma importanti oħra bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni, il-politika soċjali, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, it-turiżmu u l-kultura, kollettivament magħrufin bħala l-politiki “ta’ appoġġ u orizzontali”. Il-Ftehim ŻEE daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994. L-Unjoni flimkien mal-Istati Membri tagħha hija parti għall-Ftehim ŻEE.

    2.2.Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

    Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa responsabbli għall-ġestjoni tal-Ftehim ŻEE. Huwa forum għall-iskambju ta’ fehmiet b’rabta mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE. Id-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu b’konsensus u huma vinkolanti fuq il-Partijiet. Ir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni ta’ kwistjonijiet taż-ŻEE min-naħa tal-UE hija tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea. 

    2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

    Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mistenni jadotta d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (“l-att previst”) rigward l-emenda tal-Anness XIII (Trasport) tal-Ftehim ŻEE.

    L-iskop tal-att previst huwa li jinkorpora r-Regolament li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (ir-Regolament EMSA) 1 fil-Ftehim ŻEE.

    L-att previst isir vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.

    3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

    Il-Kummissjoni tippreżenta l-abbozz ta’ Deċiżjoni anness tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-pożizzjoni, ladarba adottata, tiġi ppreżentata fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE kemm jista’ jkun malajr.

    L-abbozz ta’ Deċiżjoni anness tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jintroduċi drittijiet ta’ parteċipazzjoni għall-Istati taż-ŻEE fl-EFTA fl-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, li jmorru lil hinn minn dawk li jistgħu jitqiesu bħala sempliċi adattamenti tekniċi fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94. Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.

    4.Bażi legali

    4.1.Bażi legali proċedurali

    4.1.1.Prinċipji

    L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu ‘‘l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

    Il-kunċett ta’ ‘‘atti li jkollhom effetti legali’’ jinkludi atti li jkollhom effetti legali permezz tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li jistgħu “jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 2 .

    4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

    Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa korp stabbilit minn ftehim, jiġifieri l-Ftehim ŻEE. L-att, li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mitlub jadotta, jikkostitwixxi att li jkollu effetti legali. L-att previst isir vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.

    L-att previst ma jissupplimentax jew ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

    4.2.Bażi legali sostantiva

    4.2.1.Prinċipji

    Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 tiddependi primarjament fuq il-bażi legali sostantiva tal-att legali tal-UE li għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

    Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun identifikabbli bħala l-għan ewlieni, billi l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew il-komponent ewlieni jew predominanti.

    4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

    Billi d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt tinkorpora r-Regolament (UE) Nru 100/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 (ĠU L 39, 9.2.2013, p. 30) fil-Ftehim ŻEE, huwa xieraq li din id-deċiżjoni tal-Kunsill tiġi bbażata fuq l-istess bażi legali sostantiva bħall-att li huwa inkorporat. Għalhekk, il-bażi legali sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 100(2) tat-TFUE.

    4.3.Konklużjoni

    Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 100(2) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE u l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

    5.Pubblikazzjoni tal-att previst

    Billi l-att tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE se jemenda l-Anness XIII (Trasport) tal-Ftehim taż-ŻEE, huwa xieraq li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

    2023/0366 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda fl-Anness XIII (Trasport) għall-Ftehim ŻEE

    (Regolament tal-EMSA)


    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 3 , u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 4 (‘‘il-Ftehim ŻEE’’) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

    (2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista' jiddeċiedi li jemenda, inter alia, l-Anness XIII (Trasport) għall-Ftehim ŻEE.

    (3)Ir-Regolament (KE) Nru 100/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 5 jenħtieġ li jiġi inkorporat fil-Ftehim taż-ŻEE.

    (4)Għalhekk jenħtieġ li l-Anness XIII (Trasport) tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat skont dan.

    (5)Jenħtieġ għalhekk li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta fl-Anness XIII (Trasport) għall-Ftehim ŻEE, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    Ir-Regolament (UE) Nru 100/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà, ĠU L 39, 9.2.2013, p. 30.
    (2)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
    (3)    ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
    (4)    ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.
    (5)    Ir-Regolament (UE) Nru 100/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà, ĠU L 39, 9.2.2013, p. 30.
    Top

    Brussell, 18.10.2023

    COM(2023) 598 final

    ANNESS

    tal-

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda fl-Anness XIII (Trasport) għall-Ftehim ŻEE





















    (Regolament tal-EMSA)


    ANNESS

    ABBOZZ TA’ DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

    Nru […]

    ta’ […]

    li temenda l-Anness XIII (Trasport) tal-Ftehim ŻEE

    IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

    Billi:

    (1)Ir-Regolament (EU) Nru 100/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea dwar Sigurtà Marittima 1 għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim taż-ŻEE.

    (2)Jenħtieġ għalhekk, li l-Anness XIII tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Punt 56o (ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) tal-Anness XIII tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

    1.Jiżdied l-inċiż li ġej:

    “-32013 R 0100: Ir-Regolament (UE) Nru 100/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 (ĠU L 39, 9.2.2013, p. 30).”

    2.Fl-adattament (b), għandu jiddaħħal il-kliem “u l-Artikolu 2a” wara l-kliem “l-Artikolu 2”.

    3.It-test tal-adattament (c) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “L-Artikolu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (i)Fil-paragrafu 3, għandu jiddaħħal dan li ġej: “L-Aġenzija għandha tassisti lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jew lill-Kumitat Permanenti, kif meħtieġ, fit-twettiq tal-kompiti tagħha relatati ma’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti u taħriġ u kwalifiki għall-baħħara f’pajjiżi terzi skont il-Ftehim taż-ŻEE.”

    (ii)Fil-paragrafu 4, għandu jiddaħħal dan li ġej: “Meta ż-żjara jew spezzjoni tkun saret fi Stat tal-EFTA f’isem l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, l-Aġenzija għandha tibgħat ir-rapport lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u lill-Istat tal-EFTA kkonċernat.”

    (iii)Fil-paragrafu 5, għandu jiddaħħal dan li ġej: “L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandha tirċievi wkoll l-analiżi tal-Aġenzija.’”

    4.It-test tal-adattament (e) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Għandu jiżdied il-paragrafu li ġej mal-Artikolu 6:

    “4.Permezz ta’ deroga mill-Artikoli 12(2)(a) u 82(3)(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg għall-Aġenti l-Oħra, iċ-ċittadini tal-Istati tal-EFTA li jgawdu d-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini jistgħu jiddaħħlu jaħdmu b’kuntratt mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.

    B’deroga mill-Artikoli 12(2)(e), 82(3)(e) u 85(3) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għal Aġenti Oħra, il-lingwi msemmija fl-Artikolu 129(1) tal-Ftehim ŻEE għandhom jitqiesu mill-Aġenzija, fir-rigward tal-persunal tagħha, bħala lingwi tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 55(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.””

    5.It-test tal-adattament (f) għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Għandu jiżdied il-paragrafu li ġej mal-Artikolu 7:

    “L-Istati tal-EFTA għandhom jikkonċedu lill-Aġenzija u lill-persunal tagħha l-privileġġi u l-immunitajiet ekwivalenti għal dawk li jinsabu fil-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.””

    6.It-test tal-adattament (g) għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Fl-Artikolu 10(2), il-kliem “l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA,” għandu jiddaħħal wara l-kelma “il-Kummissjoni”.

    7.It-test tal-adattament (h) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “L-Artikolu 11 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (i)Dan li ġej għandu jiżdied mal-paragrafu 1:

    “L-awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandu jkollha rappreżentant wieħed fuq il-Bord Amministrattiv, mingħajr id-dritt tal-vot.”

    (ii)Dan li ġej għandu jiżdied mal-paragrafu 2:

    “L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandha taħtar membru tal-Bord Amministrattiv kif ukoll sostitut li jirrappreżenta lill-membru fl-assenza tiegħu/tagħha.’

    (iii)Għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “5.    L-Istati Membri fl-EFTA għandhom jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-Bord Amministrattiv u fi ħdanu għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-Istati Membri tal-UE ħlief għad-dritt għall-vot.””

    8.Fl-adattament (i), in-numru “7” huwa sostitwit bin-numru “12”.

    9.L-adattament (b) huwa nnumerat mill-ġdid bħala adattament (c), l-adattamenti (c), (d), (e), (f), (g), (h), (i) u (j) huma nnumerati mill-ġdid bħala adattamenti (f), (g), (h), (i), (j), (k), (l) u (m) rispettivament.

    10.Qegħdin jiddaħħlu l-adattamenti li ġejjin:

    “(b)    Fl-Artikolu 1(1) il-kliem “kif ukoll ir-reazzjoni għat-tniġġis marin ikkawżat mill-installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass” ma għandhomx japplikaw għall-Istati tal-EFTA, sa fejn l-installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass ma jkunux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Ftehim taż-ŻEE.”

    “(d)    Fl-Artikoli 2(3)(d) u 2(5) il-kliem “kif ukoll tniġġis marin ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass” ma għandhomx japplikaw għall-Istati tal-EFTA, sa fejn l-installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass ma jkunux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Ftehim taż-ŻEE.”

    “(e)    L-Artikoli 2(4)(g) u 2a(2)(e) ma għandhomx japplikaw għall-Istati tal-EFTA, sa fejn l-installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass ma jkunux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Ftehim taż-ŻEE.”

    “(n)    Fl-Artikolu 10(2)(c), għandu jiddaħħal il-kliem “u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” wara l-kelma “il-Kummissjoni”.

    “(o)    Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal-Liechtenstein. Konsegwentement, il-Liechtenstein mhux se jipparteċipa fl-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima jew jikkontribwixxi finanzjarjament għat-tħaddim tagħha.”

    Artikolu 2

    It-test tar-Regolament (UE) Nru 100/2013 bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li se jiġi ppubblikat fis-Suppliment dwar iż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun awtentiku.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi […], bil-kundizzjoni li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE 2 *.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

    Magħmul fi Brussell, […].

       Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

       Il-President

       […]

       Is-Segretarji

       tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

       […]


    Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti

    għad-Deċiżjoni Nru …/… li tinkorpora r-Regolament (UE) 100/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-Ftehim

    Il-partijiet jirrikonoxxu li l-inkorporazzjoni ta’ dan l-att hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni diretta tal-Protokoll 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea għaċ-ċittadini tal-Istati tal-EFTA fit-territorju ta’ kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 11 ta’ dak il-Protokoll.

    (1)    ĠU L 39, 9.2.2013, p. 30.
    (2)    *    [Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.] [Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]
    Top