Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0226

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 fir-rigward ta’ miżuri ta’ intervent bikri, kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni u l-finanzjament ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni

    COM/2023/226 final

    Strasburgu, 18.4.2023

    COM(2023) 226 final

    2023/0111(COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 fir-rigward ta’ miżuri ta’ intervent bikri, kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni u l-finanzjament ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    {SEC(2023) 230 final} - {SWD(2023) 225 final} - {SWD(2023) 226 final}


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    L-emendi proposti għad-Direttiva 2014/59/UE 1 (id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek jew il-BRRD) huma parti mill-pakkett leġiżlattiv dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u l-assigurazzjoni ta’ depożitu (CMDI) li jinkludi wkoll emendi għar-Regolament (UE) Nru 806/2014 2 (ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni jew l-SRMR) u għad-Direttiva 2014/49/ 3 (id-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti jew id-DGSD).

    Minkejja li l-qafas tal-UE dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet ilu ferm stabbilit, każijiet preċedenti ta’ fallimenti ta’ banek urew li hemm bżonn ta’ titjib. L-għan tar-riforma tas-CMDI huwa li tibni fuq l-objettivi tal-qafas dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet u li tiżgura approċċ aktar konsistenti għar-riżoluzzjoni, sabiex kwalunkwe bank fi kriżi jkun jista’ joħroġ mis-suq b’mod ordnat, filwaqt li jiġu ppreżervati l-istabbiltà finanzjarja, flus il-kontribwenti u tiġi żgurata l-kunfidenza tad-depożitanti. B’mod partikolari, il-qafas dwar ir-riżoluzzjoni eżistenti għal banek iżgħar u medji jeħtieġ li jissaħħaħ fir-rigward tat-tfassil, tal-implimentazzjoni u, l-aktar importanti, tal-inċentivi għall-applikazzjoni tiegħu, sabiex ikun jista’ jiġi applikat b’mod aktar kredibbli għal dawk il-banek.

    Kuntest tal-proposta

    Wara l-kriżijiet globali tad-dejn finanzjarju u sovran, l-UE ħadet azzjonijiet deċiżivi, f’konformità mas-sejħiet internazzjonali għar-riforma, sabiex toħloq settur finanzjarju aktar sikur għas-suq uniku tal-UE. Dan kien jinkludi l-provvista tal-għodod u tas-setgħat sabiex jiġi indirizzat il-falliment ta’ kwalunkwe bank b’mod ordnat, filwaqt li jiġu ppreżervati l-istabbiltà finanzjarja, il-finanzi pubbliċi u l-protezzjoni tad-depożitanti. L-Unjoni Bankarja nħolqot fl-2014 u bħalissa hija magħmula minn żewġ pilastri: Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) u Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM). Madankollu, l-Unjoni Bankarja għadha ma hijiex kompluta u hija nieqsa mit-tielet pilastru tagħha: skema Ewropea ta’ assigurazzjoni tad-depożiti (EDIS) 4 . Il-proposta tal-Kummissjoni adottata fl-24 ta’ Novembru 2015 sabiex tiġi stabbilita l-EDIS 5 għadha pendenti.

    L-Unjoni Bankarja hija appoġġata minn Ġabra Unika tar-Regoli li, f’dak li għandu x’jaqsam mas-CMDI, hija magħmula minn tliet atti legali tal-UE adottati fl-2014: il-BRRD, l-SRMR u d-DGSD. Il-BRRD tiddefinixxi s-setgħat, ir-regoli u l-proċeduri għall-irkupru u għar-riżoluzzjoni tal-banek, inklużi arranġamenti ta’ kooperazzjoni transfruntierasa biex jiġu indirizzati l-fallimenti bankarji transfruntiera. L-SRMR joħloq il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) u l-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) u jiddefinixxi s-setgħat, ir-regoli u l-proċeduri għar-riżoluzzjoni tal-entitajiet stabbiliti fl-Unjoni Bankarja, fil-kuntest tal-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni. Id-DGSD tiżgura l-protezzjoni tad-depożitanti u tistabbilixxi r-regoli għall-użu tal-fondi tad-DGS. Il-BRRD u d-DGSD japplikaw fl-Istati Membri kollha filwaqt li l-SRMR japplika fl-Istati Membri li jipparteċipaw fl-Unjoni Bankarja.

    Il-pakkett bankarju tal-2019, magħruf ukoll bħala l-“pakkett dwar it-tnaqqis tar-riskju”, irreveda l-BRRD, l-SRMR, ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRR) 6 u d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRD) 7 . Dawn ir-reviżjonijiet kienu jinkludu miżuri li jwettqu l-impenji tal-UE magħmulin f’fora internazzjonali 8 sabiex tieħu passi ulterjuri għall-milja tal-Unjoni Bankarja billi pprovdew miżuri kredibbli għat-tnaqqis tar-riskju sabiex itaffu t-theddidiet għall-istabbiltà finanzjarja.

    F’Novembru 2020, il-Grupp tal-Euro qabel dwar il-ħolqien u l-introduzzjoni bikrija ta’ garanzija komuni għall-SRF mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) 9 .

    Ir-riforma tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-assigurazzjoni ta’ depożitu (CMDI) u l-implikazzjonijiet usa’ għall-Unjoni Bankarja

    Flimkien mar-riforma tas-CMDI, Unjoni Bankarja kompluta, inkluż it-tielet pilastru tagħha, l-EDIS, tkun toffri livell ogħla ta’ protezzjoni finanzjarja u ta’ kunfidenza lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji tal-UE, iżżid il-fiduċja u ssaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja bħala kundizzjonijiet neċessarji għat-tkabbir, għall-prosperità u għar-reżiljenza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja u fl-UE b’mod aktar ġenerali. L-Unjoni tas-Swieq Kapitali tikkomplementa l-Unjoni Bankarja peress li ż-żewġ inizjattivi huma essenzjali sabiex tiġi ffinanzjata t-tranżizzjoni doppja (diġitali u ekoloġika), jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro u jissaħħu l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE u l-kompetittività tagħha f’dinja li dejjem tinbidel, b’mod partikolari meta wieħed iqis l-ambjent ekonomiku u ġeopolitiku impenjattiv ta’ dawn iż-żminijiet 10   11 .

    F’Ġunju 2022, il-Grupp tal-Euro ma qabilx dwar pjan ta’ ħidma aktar komprensiv sabiex titwettaq l-Unjoni Bankarja billi tiġi inkluża EDIS. Minflok, il-Grupp tal-Euro stieden lill-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi aktar immirati għar-riforma tal-qafas tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u għall-assigurazzjoni ta’ depożitu nazzjonali 12 .

    B’mod parallel, il-Parlament Ewropew, fir-rapport annwali tiegħu tal-2021 dwar l-Unjoni Bankarja 13 , enfasizza wkoll l-importanza li titwettaq bl-istabbiliment tal-EDIS u appoġġa lill-Kummissjoni fit-tressiq ta’ proposta leġiżlattiva dwar ir-rieżami tas-CMDI. Filwaqt li l-EDIS ma ġietx approvata b’mod espliċitu mill-Grupp tal-Euro, din tkun tagħmel ir-riforma tas-CMDI aktar robusta u twassal sinerġiji u titjib fl-effiċjenza għall-industrija. Pakkett leġiżlattiv bħal dan ikun parti mill-aġenda għat-tlestija tal-Unjoni Bankarja, kif enfasizzata fil-Linji Gwida Politiċi tal-President von der Leyen, li fakkret ukoll l-importanza tal-EDIS, u kif appoġġata regolarment mill-mexxejja 14 .

    L-objettivi tal-qafas dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u l-assigurazzjoni ta’ depożitu (CMDI)

    Il-qafas dwar is-CMDI kien imfassal għall-mitigazzjoni tar-riskji u għall-ġestjoni tal-falliment tal-istituzzjonijiet ta’ kwalunkwe daqs, filwaqt li jikseb erba’ objettivi ġenerali:

    (i)tiġi protetta l-istabbiltà finanzjarja filwaqt li jiġi evitat kontaġju, u b’hekk jiġu żgurati d-dixxiplina fis-suq u l-kontinwità ta’ funzjonijiet kritiċi għas-soċjetà,

    (ii)jiġi ssalvagwardjat il-funzjonament tas-suq uniku u jiġu pprovduti kundizzjonijiet ekwi madwar l-UE;

    (iii)jiġi mminimizzat ir-rikors għall-flus tal-kontribwenti u jiddgħajjef in-nexus sovran-bankarju u

    (iv)jiġu protetti d-depożitanti u tiġi żgurata l-kunfidenza tal-konsumaturi.

    Il-qafas dwar is-CMDI jipprevedi sett ta’ strumenti li jistgħu jiġu applikati fid-diversi stadji taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ banek f’diffikultà: azzjoni ta’ rkupru appoġġata minn pjanijiet ta’ rkupru abbozzati mill-banek; miżuri ta’ intervent bikri; miżuri għall-prevenzjoni tal-falliment ta’ bank; pjanijiet ta’ riżoluzzjoni mħejjin mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni; u sett ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni meta l-bank jiġi ddikjarat li qiegħed ifalli jew x’aktarx li se jfalli u jitqies li r-riżoluzzjoni tal-bank (aktar milli l-likwidazzjoni tiegħu) tkun fl-interess pubbliku. Barra minn hekk, il-proċeduri nazzjonali ta’ insolvenza, li huma barra mill-qafas dwar is-CMDI 15 jkomplu japplikaw għal dawk il-banek li qegħdin ifallu li jistgħu jiġu ttrattati skont dawn il-proċeduri nazzjonali, meta jkunu aktar xierqa (aktar milli riżoluzzjoni) u ma jagħmlux ħsara lill-interess pubbliku jew jipperikolaw l-istabbiltà finanzjarja.

    Il-qafas dwar is-CMDI għandu l-għan li jipprovdi taħlita ta’ sorsi ta’ finanzjament sabiex jiġu ġestiti l-fallimenti b’mod ekonomikament effiċjenti, jiġu protetti l-istabbiltà finanzjarja u d-depożitanti u tinżamm id-dixxiplina fis-suq, filwaqt li jitnaqqsu r-rikors għall-baġit pubbliku u, fl-aħħar mill-aħħar, il-kost għall-kontribwenti. Il-kost tar-riżoluzzjoni tal-bank l-ewwel ikun koperta mir-riżorsi proprji tal-bank, jiġifieri allokat lill-azzjonisti u lill-kredituri tal-bank innifsu (li jikkostitwixxu l-kapaċità interna ta’ assorbiment tat-telf tal-bank), li jnaqqas ukoll il-periklu morali u ttejjeb id-dixxiplina fis-suq. Jekk ikun meħtieġ, dan jista’ jiġi kkomplementat minn fondi minn skemi ta’ garanzija tad-depożiti (DGS) u minn arranġamenti ta’ finanzjament tar-riżoluzzjonijiet (fondi nazzjonali ta’ riżoluzzjoni (RF) jew l-SRF fl-Unjoni Bankarja). Dawn il-fondi huma ffinanzjati minn kontribuzzjonijiet mill-banek kollha irrispettivament mid-daqs u mill-mudell kummerċjali tagħhom. Fl-Unjoni Bankarja, dawn ir-regoli ġew integrati aktar billi l-SRB ġie fdat bil-ġestjoni u bis-sorveljanza tal-SRF, li huwa ffinanzjat minn kontribuzzjonijiet mill-industrija fl-Istati Membri parteċipanti tal-Unjoni Bankarja. Skont l-għodda applikata għal bank f’diffikultà (eż. miżuri preventivi, kawtelatorji, ta’ riżoluzzjoni jew alternattivi skont proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza) u d-dettalji speċifiċi tal-każ, il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat 16 jista’ jkun neċessarju għal interventi minn RF/SRF, minn DGS jew b’finanzjament pubbliku mill-baġit tal-Istat.

    Raġunijiet għall-proposta

    Minkejja l-progress miksub mill-2014, ir-riżoluzzjoni rarament ġiet applikata, speċjalment fl-Unjoni Bankarja. Ġew identifikati oqsma għal aktar tisħiħ u aġġustament fir-rigward tal-qafas dwar is-CMDI f’termini ta’ disinn, ta’ implimentazzjoni u l-aktar importanti, ta’ inċentivi għall-applikazzjoni tiegħu.

    Sal-lum, ħafna banek ta’ daqs iżgħar jew medju li kienu qegħdin ifallu ġew ittrattati skont reġimi nazzjonali li spiss jinvolvu l-użu ta’ flus il-kontribwenti (salvataġġi) minflok xbieki ta’ sikurezza ffinanzjati mill-industrija, bħall-SRF fl-Unjoni Bankarja li s’issa ma ntużax f’riżoluzzjoni. Dan imur kontra l-intenzjoni tal-qafas peress li ġie stabbilit wara l-kriżi finanzjarja globali, li kienet tinvolvi bidla fundamentali kbira minn salvataġġ għal rikapitalizzazzjoni interna. F’dan il-kuntest, il-kost tal-għażla tal-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjonijiet iffinanzjati mill-banek kollha huwa konsiderevoli.

    Il-qafas ta’ riżoluzzjoni ma laħaqx bis-sħiħ l-objettivi ġenerali ewlenin, b’mod partikolari l-iffaċilitar tal-funzjonament tas-suq uniku tal-UE fis-settur bankarju billi jiżgura kundizzjonijiet ekwi, il-ġestjoni ta’ kriżijiet transfruntiera u domestiċi u l-minimizzazzjoni tar-rikors għal flus il-kontribwenti.

    Ir-raġunijiet huma prinċipalment dovuti għal inċentivi mhux allinjati fl-għażla tal-għodda t-tajba għall-ġestjoni ta’ banek li jkunu qegħdin ifallu, li jwasslu għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-qafas armonizzat dwar ir-riżoluzzjoni, favur perkorsi oħrajn. Dan huwa dovut b’mod ġenerali għad-diskrezzjoni wiesgħa fil-valutazzjoni tal-interess pubbliku, għad-diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzjament fir-riżoluzzjoni mingħajr ma jiġi impost telf fuq id-depożitanti, u għal aċċess aktar faċli għall-finanzjament barra mir-riżoluzzjoni. Segwitu ta’ dan il-perkors iżid ir-riskji ta’ frammentazzjoni u ta’ eżiti subottimali fil-ġestjoni tal-fallimenti tal-banek, b’mod partikolari dawk ta’ banek iżgħar u ta’ daqs medju.

    Ir-rieżami tal-qafas dwar is-CMDI u l-interazzjoni mal-proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza għandhom jipprovdu soluzzjonijiet sabiex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet. Għandu jippermetti wkoll li l-qafas jilħaq bis-sħiħ l-objettivi tiegħu u jkun adattat għall-iskop tiegħu għall-banek kollha fl-UE irrispettivament mid-daqs, mill-mudell kummerċjali u ,o;l-istruttura tar-responsabbiltà tagħhom, anke banek iżgħar u ta’ daqs medju, jekk dan ikun meħtieġ miċ-ċirkostanzi prevalenti. Ir-reviżjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura applikazzjoni konsistenti tar-regoli madwar l-Istati Membri, li tipprovdi kundizzjonijiet ekwi aħjar, filwaqt li tipproteġi l-istabbiltà finanzjarja u lid-depożitanti, tipprevjeni l-kontaġju u tnaqqas ir-rikors għal flus il-kontribwenti. B’mod partikolari, il-qafas għandu jittejjeb sabiex tiġi ffaċilitata r-riżoluzzjoni ta’ banek iżgħar u ta’ daqs medju kif inizjalment mistenni, billi jiġu mmitigati l-impatti fuq l-istabbiltà finanzjarja u fuq l-ekonomija reali mingħajr rikors għall-finanzjament pubbliku, u billi titrawwem il-kunfidenza tad-depożitanti tagħhom, li jikkonsistu primarjament minn unitajiet domestiċi u minn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). F’termini tad-daqs tal-bidliet previsti, ir-rieżami tas-CMDI ma jfittixx li jittrasforma l-qafas kurrenti iżda pjuttost li jġib it-titjib tant meħtieġ f’diversi oqsma ewlenin sabiex il-qafas jaħdem kif maħsub għall-banek kollha.

    Sommarju tal-elementi tar-riforma tal-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u tal-assigurazzjoni ta’ depożitu (CMDI)

    L-emendi inklużi fil-pakkett tas-CMDI jkopru firxa ta’ aspetti ta’ politika u jikkostitwixxu rispons koerenti għall-problemi identifikati:

    ·l-espansjoni tal-ambitu tar-riżoluzzjoni billi tiġi rrieżaminata l-valutazzjoni tal-interess pubbliku, meta din tilħaq l-objettivi tal-qafas, eż. il-protezzjoni tal-istabbiltà finanzjarja, ta’ flus il-kontribwenti u tal-kunfidenza tad-depożitanti aħjar mill-proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza;

    ·it-tisħiħ tal-finanzjament f’riżoluzzjoni billi tiġi kkomplementata l-kapaċità interna ta’ assorbiment tat-telf tal-istituzzjonijiet, li tibqa’ l-ewwel linja ta’ difiża, bl-użu ta’ fondi tad-DGS f’riżoluzzjoni sabiex jgħinu fl-aċċess għall-fondi ta’ riżoluzzjoni mingħajr ma jiġi impost telf fuq id-depożitanti, meta xieraq, soġġett għal kundizzjonijiet u għal salvagwardji;

    ·l-emendar tal-gradazzjoni ta’ pretensjonijiet fl-insolvenza u l-iżgurar ta’ preferenza ġenerali tad-depożitanti bi preferenza ta’ depożitant ta’ livell wieħed, bl-għan li jkun jistgħu jintużaw il-fondi tad-DGS f’miżuri għajr l-iżborż ta’ depożiti koperti;

    ·l-armonizzazzjoni tat-test tal-anqas kost għat-tipi kollha ta’ interventi tad-DGS barra mill-iżborż ta’ depożiti koperti f’insolvenza, sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet ekwi u tiġi żgurata l-konsistenza tal-eżiti;

    ·l-iċċarar tal-qafas ta’ intervent bikri billi jitneħħa t-trikkib bejn il-miżuri ta’ intervent bikri u dawk superviżorji, filwaqt li tiġi pprovduta ċ-ċertezza legali dwar il-kundizzjonijiet applikabbli u tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u ta’ riżoluzzjoni;

    ·l-iżgurar ta’ skattar f’waqtu tar-riżoluzzjoni; u

    ·it-titjib tal-protezzjoni tad-depożitanti (eż. titjib immirat tad-dispożizzjonijiet tad-DGSD dwar l-iskop tal-protezzjoni u l-kooperazzjoni transfruntiera, l-armonizzazzjoni tal-għażliet nazzjonali, u t-titjib tat-trasparenza dwar ir-robustezza finanzjarja tad-DGSs).

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Il-proposta tressaq emendi għal-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex tagħmilha kompletament konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u tal-assigurazzjoni ta’ depożitu. Ir-rieżami tal-BRRD/SRMR u tad-DGSD għandu l-għan li jtejjeb il-funzjonament tal-qafas b’mod li jipprovdi l-għodod lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni sabiex ikunu jistgħu jittrattaw il-falliment ta’ kwalunkwe bank, irrispettivament mid-daqs u mill-mudell kummerċjali, sabiex tiġi ppreżervata l-istabbiltà finanzjarja, jiġu protetti d-depożitanti, u jiġi evitat ir-rikors għal flus il-kontribwenti.

    Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-UE

    Il-proposta tibni fuq ir-riformi mwettqin wara l-kriżi finanzjarja li wasslu għall-ħolqien tal-Unjoni Bankarja u tal-ġabra unika tar-regoli għall-banek kollha tal-UE.

    Il-proposta tgħin sabiex tissaħħaħ il-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-UE adottata fl-aħħar għaxar snin sabiex jitnaqqsu r-riskji fis-settur finanzjarju u sabiex tiġi żgurata ġestjoni ordnata tal-fallimenti tal-banek. L-għan huwa li s-sistema bankarja ssir aktar robusta u fl-aħħar mill-aħħar jiġi promoss il-finanzjament sostenibbli tal-attività ekonomika fl-UE. Hija konsistenti bis-sħiħ mal-għanijiet fundamentali tal-UE ta’ promozzjoni tal-istabbiltà finanzjarja, ta’ tnaqqis tal-appoġġ tal-kontribwenti fir-riżoluzzjoni bankarja u ta’ protezzjoni tal-fiduċja tad-depożitanti. Dawn l-objettivi jwasslu għal livell għoli ta’ kompetittività u ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-proposta temenda regolament eżistenti, l-SRMR, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni mtejba tal-għodod li diġà huma disponibbli fil-qafas dwar ir-riżoluzzjoni bankarja, filwaqt li tiċċara l-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni, tiffaċilita l-aċċess għal xbieki ta’ sikurezza fil-każ ta’ falliment ta’ bank u ttejjeb iċ-ċarezza u l-konsistenza tar-regoli ta’ finanzjament. Billi tistabbilixxi rekwiżiti armonizzati għall-applikazzjoni tal-qafas dwar is-CMDI lill-banek fl-Istati Membri li jipparteċipaw fl-SRM, il-proposta tnaqqas b’mod konsiderevoli r-riskju ta’ regoli nazzjonali diverġenti f’dawk l-Istati Membri, li jistgħu jfixklu l-kompetizzjoni fis-suq intern.

    Konsegwentement, il-bażi ġuridika għall-proposta hija l-istess bħall-bażi ġuridika tal-att leġiżlattiv oriġinali, jiġifieri l-Artikolu 114 tat-TFUE. Dik id-dispożizzjoni tippermetti li jiġu adottati miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom bħala l-objettiv tagħhom l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Il-bażi ġuridika taqa’ fil-qasam tas-suq intern, li huwa meqjus bħala kompetenza kondiviża, kif iddefinita mill-Artikolu 4 tat-TFUE. Il-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet ikkunsidrati jirrappreżentaw aġġornamenti u emendi għad-dritt eżistenti tal-UE u, għalhekk, jikkonċernaw oqsma li fihom l-UE diġà eżerċitat il-kompetenza tagħha u ma għandhiex l-intenzjoni li tieqaf teżerċita tali kompetenza.

    Peress li l-objettivi fil-mira tal-miżuri proposti għandhom l-għan li jissupplimentaw il-leġiżlazzjoni diġà eżistenti tal-UE u, għalhekk, jistgħu jinkisbu l-aħjar fil-livell tal-UE milli b’inizjattivi nazzjonali differenti. B’mod partikolari, ir-raġuni għal reġim ta’ riżoluzzjoni speċifiku u armonizzat tal-UE għall-banek kollha fl-UE ġiet stabbilita fil-bidu tal-qafas fl-2014. Il-karatteristiċi ewlenin tiegħu jirriflettu l-gwida internazzjonali u l-“Key Attributes of Effective Resolution Regimes for Financial Institutions” adottati mill-Bord għall-Istabilità Finanzjarja wara l-kriżi finanzjarja globali tal-2008.

    Il-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa inkorporat fil-qafas ta’ riżoluzzjoni eżistenti. L-objettivi tiegħu, jiġifieri l-armonizzazzjoni tar-regoli u tal-proċessi għar-riżoluzzjoni, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri. Minflok, minħabba l-effetti ta’ falliment ta’ kwalunkwe istituzzjoni fl-UE kollha, dawn jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-UE permezz ta’ azzjoni tal-UE.

    L-intenzjoni tal-qafas ta’ riżoluzzjoni eżistenti minn dejjem kienet li jipprovdi sett ta’ għodod komuni sabiex jittratta b’mod effettiv kwalunkwe falliment ta’ bank, irrispettivament mid-daqs, mill-mudell kummerċjali jew mill-post tiegħu, b’mod ordnat, meta dan ikun neċessarju sabiex tiġi ppreżervata l-istabbiltà finanzjarja tal-UE, tal-Istat Membru jew tar-reġjun li fih jopera, u sabiex jiġu protetti d-depożitanti mingħajr dipendenza fuq fondi pubbliċi.

    Il-proposta temenda ċerti dispożizzjonijiet tal-SRMR sabiex ittejjeb il-qafas eżistenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tiegħu għal banek iżgħar u ta’ daqs medju, peress li inkella jista’ ma jilħaqx l-objettivi tiegħu.

    Ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja, għall-kunfidenza tad-depożitanti jew għall-użu tal-finanzi pubbliċi fi Stat Membru wieħed jista’ jkollhom impatti estensivi fuq bażi transfruntiera u fl-aħħar mill-aħħar jistgħu jikkontribwixxu għal frammentazzjoni tas-suq uniku. In-nuqqas ta’ azzjoni fil-livell tal-UE għal banek anqas sinifikanti u l-esklużjoni perċepita tagħhom minn xibka ta’ sikurezza mutwalizzata potenzjalment jaffettwaw ukoll il-kapaċità tagħhom li jaċċessaw is-swieq u jattiraw lid-depożitanti meta mqabblin ma’ banek sinifikanti. Barra minn hekk, soluzzjonijiet nazzjonali sabiex jiġu indirizzati l-fallimenti ta’ banek jaggravaw in-nexus sovran-bankarju u jimminaw l-idea wara l-Unjoni Bankarja li tiġi introdotta bidla fundamentali minn salvataġġ għal rikapitalizzazzjoni interna.

    Azzjoni fil-livell tal-UE għar-riforma tal-qafas ta’ riżoluzzjoni ma tippreskrivix l-istrateġija li għandha tittieħed meta l-banek ifallu. L-għażla bejn strateġija/għodda ta’ riżoluzzjoni armonizzata tal-UE u l-istrateġija nazzjonali ta’ likwidazzjoni tibqa’ fid-diskrezzjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-interess pubbliku. Din hija mfassla għal kull każ ta’ falliment speċifiku u mhux awtomatikament xprunata minn kunsiderazzjonijiet bħad-daqs tal-bank, l-ilħuq ġeografiku tal-attivitajiet tiegħu u l-istruttura tas-settur bankarju. Fil-prattika, din tagħmel il-valutazzjoni tal-interess pubbliku t-test tas-sussidjarjetà fl-UE.

    Għalhekk, filwaqt li jeħtieġ li tintuża bażi ta’ każ b’każ għall-valutazzjoni ta’ jekk bank jiġix soġġett għal riżoluzzjoni jew le, huwa kruċjali li tiġi ppreżervata l-possibbiltà għall-banek kollha li jiġu soġġetti għal riżoluzzjoni u li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom l-inċentivi t-tajbin sabiex jagħżlu riżoluzzjoni, minħabba n-natura potenzjalment sistemika tal-istituzzjonijiet kollha, kif diġà previst fl-SRMR.

    L-Istati Membri xorta jistgħu jikkunsidraw il-likwidazzjoni għall-banek iżgħar jew ta’ daqs medju skont il-qafas riformat. F’dan ir-rigward, ir-reġimi nazzjonali ta’ insolvenza (li ma humiex armonizzati) jibqgħu fis-seħħ meta proċedura ta’ insolvenza titqies bħala alternattiva aħjar għar-riżoluzzjoni. Il-kontinwità tal-għodod tiġi ppreżervata b’dan il-mod, inklużi dawk barra r-riżoluzzjoni, bħal: miżuri preventivi u kawtelatorji; għodod ta’ riżoluzzjoni; miżuri alternattivi fi ħdan il-proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza u l-iżborż ta’ depożiti koperti f’każ ta’ likwidazzjoni parzjali.

    Għalhekk, l-emendar tal-SRMR jitqies bħala l-aħjar għażla. Isib il-bilanċ it-tajjeb bejn l-armonizzazzjoni tar-regoli u ż-żamma tal-flessibbiltà nazzjonali, meta rilevanti. L-emendi jkomplu jippromwovu applikazzjoni uniformi tal-qafas ta’ riżoluzzjoni u l-konverġenza ta’ prattiki tal-awtoritajiet superviżorji u ta’ riżoluzzjoni, kif ukoll jiżguraw kundizzjonijiet ekwi fi ħdan is-suq intern għas-servizzi bankarji. Dan huwa partikolarment importanti fis-settur bankarju fejn ħafna istituzzjonijiet joperaw madwar is-suq intern tal-UE. Ir-regoli nazzjonali ma jistgħux jilħqu dawn l-objettivi.

    Proporzjonalità

    Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-UE ma għandhomx jaqbżu dak li jkun neċessarju sabiex jintlaħqu l-objettivi tagħha, b’mod konsistenti mal-objettivi ġenerali tat-Trattati.

    Il-proporzjonalità kienet parti integrali mill-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta. L-emendi proposti ġew ivvalutati individwalment skont l-objettiv tal-proporzjonalità. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ proporzjonalità tar-regoli eżistenti ġie vvalutat f’diversi oqsma u ġew analizzati għażliet speċifiċi mmirati lejn it-tnaqqis tal-piż amministrattiv u tal-kostijiet ta’ konformità għal istituzzjonijiet iżgħar, b’mod partikolari billi jitneħħa l-obbligu li jiġi ddeterminat ir-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u għall-obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL) għal ċerti tipi ta’ entitajiet.

    Il-kundizzjonijiet għall-aċċess tal-arranġamenti ta’ finanzjament tar-riżoluzzjoni skont il-qafas kurrenti ma jqisux biżżejjed id-differenzi fuq il-bażi tal-proporzjonalità abbażi tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni, tad-daqs u/jew tal-mudell kummerċjali. Il-kapaċità tal-banek li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni tiddependi fuq l-istokk ta’ strumenti utilizzabbli għar-rikapitalizzazzjoni interna disponibbli fil-karti bilanċjali tagħhom fiż-żmien tal-intervent. Madankollu, l-evidenza tissuġġerixxi li xi banek (iżgħar u ta’ daqs medju) f’ċerti swieq jiffaċċjaw diffikultajiet strutturali fl-akkumulazzjoni tal-MREL. Għal dawk il-banek, meta titqies l-istruttura ta’ responsabbiltà speċifika tagħhom (b’mod partikolari dawk li jiddependu b’mod sinifikanti fuq il-finanzjament tad-depożiti), ċerti depożiti jkollhom bżonn jiġu rrikapitalizzati internament sabiex jaċċessaw l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni, li jista’ jqajjem tħassib dwar l-istabbiltà finanzjarja u l-fattibbiltà operazzjonali b’kunsiderazzjoni tal-impatt ekonomiku u soċjali f’diversi Stati Membri. L-emendi proposti (eż. Regoli ċari dwar l-adattar tal-MREL għal strateġiji ta’ riżoluzzjoni ta’ trasferiment, l-introduzzjoni ta’ preferenza ta’ depożitant ta’ livell wieħed u l-permess li l-fondi tad-DGS inaqqsu d-distakk għall-aċċess tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni) itejbu l-aċċess għall-finanzjament fir-riżoluzzjoni. Huma jintroduċu wkoll aktar proporzjonalità għall-banek li jiġu solvuti skont l-istrateġiji ta’ trasferiment, billi jippermettu l-protezzjoni tad-depożiti minn rikapitalizzazzjoni interna, meta xieraq, u jindirizzaw b’mod effettiv il-problema tal-finanzjament tar-riżoluzzjoni mingħajr ma jdgħajfu l-kundizzjonijiet minimi ta’ rikapitalizzazzjoni interna għall-aċċess għall-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni.

    Għażla tal-istrument

    Qiegħed jiġi propost li l-miżuri jiġu implimentati billi r-Regolament dwar l-SRM jiġi emendat permezz ta’ regolament. Il-miżuri proposti jelaboraw jew ikomplu jirreferu għad-dispożizzjonijiet diġà eżistenti inkorporati f’dan l-istrument legali.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Il-qafas dwar is-CMDI kien imfassal għall-evitar u għall-ġestjoni tal-fallimenti tal-istituzzjonijiet ta’ kwalunkwe daqs jew mudell kummerċjali. Ġie żviluppat bl-objettivi li tinżamm l-istabbiltà finanzjarja, li jiġu protetti d-depożitanti, jiġi mminimizzat l-użu tal-appoġġ pubbliku, li jiġi limitat il-periklu morali, u li jittejjeb is-suq intern għas-servizzi finanzjarji. L-evalwazzjoni kkonkludiet li, b’mod ġenerali, il-qafas dwar is-CMDI għandu jittejjeb f’ċerti aspetti, bħal protezzjoni aħjar ta’ flus il-kontribwenti.

    B’mod partikolari, l-evalwazzjoni turi li ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà fil-ġestjoni tal-fallimenti tal-banek għadhom insuffiċjenti. Id-deċiżjoni tal-awtoritajiet pubbliċi dwar jekk għandhomx jirrikorru għal riżoluzzjoni jew għal insolvenza tista’ tvarja b’mod konsiderevoli fost l-Istati Membri. Barra minn hekk, ix-xbieki ta’ sikurezza ffinanzjati mill-industrija mhux dejjem ikunu effettivi u għandhom jippersistu kundizzjonijiet ta’ aċċess diverġenti għall-finanzjament fir-riżoluzzjoni u barra r-riżoluzzjoni. Dawn jaffettwaw l-inċentivi u joħolqu opportunitajiet għall-arbitraġġ meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar liema għodda għall-ġestjoni tal-kriżijiet għandha tintuża. Fl-aħħar nett, il-protezzjoni tad-depożitanti għadha mhux uniformi u inkonsistenti madwar l-Istati Membri f’numru ta’ oqsma.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Il-Kummissjoni wettqet skambji estensivi permezz ta’ għodod ta’ konsultazzjoni differenti sabiex tilħaq lill-partijiet ikkonċernati kollha involuti, sabiex tifhem aħjar kif mar il-qafas kif ukoll il-lok possibbli għal titjib.

    Fl-2020, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni dwar valutazzjoni tal-impatt tal-bidu kkombinata u pjan direzzjonali bl-għan li tipprovdi analiżi dettaljata tal-azzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-livell tal-UE u l-impatt potenzjali ta’ għażliet ta’ politika differenti fuq l-ekonomija, fuq is-soċjetà u fuq l-ambjent.

    Fl-2021, il-Kummissjoni nediet żewġ konsultazzjonijiet: konsultazzjoni mmirata u pubblika sabiex tfittex feedback mill-partijiet ikkonċernati dwar kif ġie applikat il-qafas dwar is-CMDI u fehmiet dwar modifiki possibbli. Il-konsultazzjoni mmirata, li tinkludi 39 mistoqsija teknika ġenerali u speċifika, kienet disponibbli bl-Ingliż biss u miftuħa mis-26 ta’ Jannar sal-20 ta’ April 2021. Il-konsultazzjoni pubblika kienet tikkonsisti f’10 mistoqsijiet ġenerali, disponibbli fil-lingwi kollha tal-UE u damet għaddejja matul il-perjodu ta’ rispons mill-25 ta’ Frar sal-20 ta’ Mejju 2021.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ospitat konferenza ta’ livell għoli fit-18 ta’ Marzu 2021 li fiha laqqgħat rappreżentanti mill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. Il-konferenza kkonfermat l-importanza ta’ qafas effettiv iżda enfasizzat ukoll id-dgħufijiet kurrenti.

    Il-persunal tal-Kummissjoni kkonsulta wkoll ripetutament lill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-qafas dwar is-CMDI u dwar ir-reviżjonijiet possibbli tal-BRRD/tal-SRMR u tad-DGSD fil-kuntest tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar is-Settur Bankarju, il-Pagamenti u l-Assigurazzjoni. B’mod parallel mad-diskussjonijiet fil-Grupp ta’ Esperti, il-kwistjonijiet indirizzati f’din il-proposta kienu koperti wkoll f’laqgħat tal-korpi preparatorji tal-Kunsill, jiġifieri l-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni Bankarja u l-Grupp ta’ Ħidma ta’ Livell Għoli dwar l-EDIS.

    Barra minn hekk, matul il-fażi preparatorja tal-leġiżlazzjoni, il-persunal tal-Kummissjoni kellu wkoll diversi laqgħat (fiżiċi u virtwali) ma’ rappreżentanti tal-industrija bankarja kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn.

    Ir-riżultati tal-inizjattivi kollha msemmijin hawn fuq ikkontribwew għat-tħejjija ta’ din il-proposta u tal-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanjaha. Ipprovdew evidenza ċara tal-ħtieġa li jiġu aġġornati u kompluti r-regoli kurrenti sabiex jintlaħqu bl-aħjar mod l-objettivi tal-qafas. L-Anness 2 tal-valutazzjoni tal-impatt jipprovdi s-sommarji ta’ dawn il-konsultazzjonijiet u tal-konferenza pubblika.

    Ġbir u użu tal-għarfien espert

    Il-Kummissjoni ħarġet sejħa għal parir lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) dwar il-finanzjament f’insolvenza u f’riżoluzzjoni. Il-Kummissjoni fittxet parir tekniku mmirat sabiex: (i) tivvaluta d-diffikultà rrapportata għal xi banek iżgħar u ta’ daqs medju sabiex joħorġu biżżejjed strumenti finanzjarji li jassorbu t-telf; (ii) teżamina r-rekwiżiti attwali għall-aċċess ta’ sorsi ta’ finanzjament disponibbli fil-qafas kurrenti; u (iii) tivvaluta l-impatti kwantitattivi ta’ diversi għażliet ta’ politika possibbli fil-qasam tal-finanzjament f’riżoluzzjoni u f’insolvenza u l-effettività tagħhom fil-kisba tal-objettivi ta’ politika. L-EBA wieġbet f’Ottubru 2021 17 .

    Il-Kummissjoni bbenefikat ukoll mill-opinjoni pprovduta mill-Pjattaforma Fit for Future f’Diċembru 2021. L-opinjoni enfasizzat il-ħtieġa li l-qafas dwar is-CMDI jkun adattat għall-iskop tiegħu għall-banek kollha, b’mod proporzjonat, filwaqt li jitqies l-impatt potenzjali fuq il-kunfidenza tad-depożitanti u fuq l-istabbiltà finanzjarja.

    Valutazzjoni tal-impatt 18

    Il-proposta kienet soġġetta għal valutazzjoni tal-impatt estensiva li tqis il-feedback li wasal mill-partijiet ikkonċernati u l-ħtieġa li jiġu indirizzati diversi kwistjonijiet interkonnessi li jkopru tliet testi legali differenti.

    Il-valutazzjoni tal-impatt qieset firxa ta’ għażliet ta’ politika sabiex jiġu indirizzati l-problemi identifikati fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-qafas dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u l-assigurazzjoni ta’ depożitu. Minħabba r-rabtiet qawwija bejn is-sett ta’ għodod għall-ġestjoni tal-kriżijiet u l-finanzjament tiegħu, il-valutazzjoni tal-impatt qieset pakketti ta’ għażliet ta’ politika li jiġbru flimkien il-karatteristiċi rilevanti tad-disinn tal-qafas dwar is-CMDI sabiex jiġi żgurat approċċ komprensiv u konsistenti. Xi bidliet proposti – relatati ma’ miżuri ta’ intervent bikri, l-iskattaturi sabiex jiġi ddeterminat jekk bank huwiex qiegħed ifalli jew x’aktarx li se jfalli, u l-armonizzazzjoni ta’ ċerti karatteristiċi tad-DGSD – huma komuni fil-pakketti ta’ għażliet ikkunsidrati.

    Il-pakketti differenti ta’ għażliet huma ffokati l-aktar fuq l-analiżi tal-ispettru tal-possibbiltajiet sabiex jitwessa’ b’mod kredibbli u effettiv il-kamp ta’ applikazzjoni tar-riżoluzzjoni bħala funzjoni tal-livell ta’ ambizzjoni sabiex il-finanzjament isir aktar aċċessibbli. B’mod partikolari, l-għażliet ta’ politika jikkunsidraw li jiffaċilitaw l-użu tal-fondi tad-DGS f’riżoluzzjoni, inkluż li jservu bħala pont, taħt is-salvagwardja tat-test tal-anqas kost, sabiex itejbu l-proporzjonalità fl-aċċess għall-arranġamenti ta’ finanzjament f’riżoluzzjoni għall-banek, b’mod partikolari għal banek iżgħar u ta’ daqs medju, li jkunu soġġetti għal strateġiji ta’ trasferiment mal-ħruġ mis-suq. Barra minn hekk, l-għażliet ta’ politika jesploraw il-possibbiltà li l-fondi tad-DGS jintużaw b’mod aktar effettiv u effiċjenti skont test tal-anqas kost armonizzat għal miżuri għajr il-ħlas ta’ depożiti koperti, tfittex li ttejjeb il-kompatibbiltà tal-inċentivi għall-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni meta tagħżel l-aktar għodda xierqa għall-ġestjoni ta’ kriżi. L-isfruttar tal-fondi tad-DGS għal miżuri għajr il-ħlas ta’ depożiti koperti jiddependi minn meta d-DGS tikklassifika fil-ġerarkija tal-pretensjonijiet. Għalhekk, l-għażliet ta’ politika jesploraw ukoll xenarji differenti ta’ armonizzazzjoni tal-preferenza tad-depożitanti.

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-valutazzjoni tal-impatt tesplora tliet pakketti possibbli ta’ għażliet ta’ politika li jwasslu eżiti b’meded differenti ta’ ambizzjoni. Kull pakkett jagħmel ħiltu sabiex joħloq qafas ibbażat fuq l-inċentivi, billi jħeġġeġ l-applikazzjoni ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni b’mod aktar konsistenti, iżid iċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà, irendi l-kundizzjonijiet ekwi, u jiffaċilita l-aċċess għal xbieki komuni ta’ sikurezza, u dan kollu filwaqt li jżomm xi alternattivi barra mir-riżoluzzjoni skont il-proċeduri nazzjonali ta’ insolvenza. Madankollu, sa mit-tfassil tagħhom, il-pakketti ta’ għażliet jilħqu dawn l-objettivi sa punt li jvarja u l-fattibbiltà politika tagħhom ma hijiex l-istess.

    L-għażla ppreferuta tipprevedi titjib ambizzjuż fl-ekwazzjoni tal-finanzjament, li jiftaħ il-possibbiltà li l-ambitu tar-riżoluzzjoni jitwessa’ sostanzjalment sabiex jinkludi banek iżgħar u ta’ daqs medju u allinjament aħjar tal-inċentivi għad-deċiżjoni dwar l-aħjar għodda ta’ kriżi għal dawn l-istituzzjonijiet. Din tqieset aktar effettiva, effiċjenti u koerenti fil-kisba tal-objettivi tal-qafas meta mqabbla ma’ għażliet oħrajn, inkluża ix-xenarju bażi li fih ma tittieħed l-ebda azzjoni. B’mod partikolari, it-tneħħija tas-superpreferenza għad-DGS ġiet identifikata bħala l-aktar mezz effettiv sabiex jiġi żgurat li l-fondi tad-DGSs ikunu jistgħu jintużaw f’riżoluzzjoni. L-eżistenza ta’ superpreferenza għall-pretensjonijiet tad-DGSs hija r-raġuni ewlenija għaliex il-fondi tad-DGSs kważi qatt ma jistgħu jintużaw barra mill-iżborż ta’ depożiti koperti f’insolvenza minħabba l-impatt li għandha fuq l-eżitu tat-test tal-anqas kost (LCT) li jipprivileġġa żborż. Madankollu, instab li s-superpreferenza tispiċċa tipproteġi l-mezzi finanzjarji tad-DGSs u tas-settur bankarju minn rikostituzzjoni possibbli billi xxekkel kwalunkwe intervent tad-DGSs fir-riżoluzzjoni, mingħajr ma ġġib protezzjoni aħjar għad-depożiti koperti. Għalhekk, it-tneħħija tas-superpreferenza tad-DGS hija neċessarja sabiex jiġi indirizzat l-eżitu eżistenti tal-valutazzjoni tal-LCT li huwa żbilanċjat favur l-iżborż u sabiex jiġi pprovdut finanzjament adegwat f’riżoluzzjoni sabiex ir-riżoluzzjoni ta’ banek iżgħar u ta’ daqs medju permezz ta’ trasferiment tan-negozju u l-ħruġ mis-suq tal-bank fallut issir fattibbli.

    Il-valutazzjoni tal-impatt inkludiet ukoll għażla oħra li tikkonsisti f’riforma ambizzjuża tal-qafas dwar is-CMDI inkluża l-EDIS, fil-forma ta’ mudell intermedju u ibridu, differenti mill-proposta tal-2015 tal-Kummissjoni. Din l-għażla tirrikonoxxi l-importanza li tiġi stabbilita sistema komuni ta’ assigurazzjoni tad-depożiti għar-robustezza tal-qafas u għat-tlestija tal-Unjoni Bankarja; madankollu, f’dan l-istadju ġiet ivvalutata bħala politikament mhux fattibbli.

    Il-proposta tkun tinvolvi kostijiet għall-awtoritajiet u għal ċerti banek, skont sa liema punt ir-riżoluzzjoni tiġi estiża fuq il-bażi ta’ valutazzjonijiet tal-interess pubbliku każ b’każ u ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ. L-użu tal-fondi tad-DGSs u tal-RF/SRF ikun aktar kosteffiċjenti f’termini ta’ mezzi finanzjarji meħtieġa li jintużaw, iżda jista’ jwassal ukoll għal ħtiġijiet ta’ rikostituzzjoni permezz ta’ kontribuzzjonijiet mill-industrija. Madankollu, b’mod ġenerali, il-kostijiet għall-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u għall-banek jiġu kkumpensati mill-benefiċċji ta’ prontezza mtejba għal spettru akbar ta’ banek, minn inċentivi ċċarati meta jiġi deċiż liema għodod ta’ kriżi għandhom jintużaw, minn tnaqqis fir-rikors għall-fondi tal-kontribwenti, u minn aktar stabbiltà finanzjarja u kunfidenza tad-depożitanti, u dan kollu bis-saħħa ta’ regoli aktar ċari u tal-aċċess għal xbieki ta’ sikurezza ffinanzjati mill-industrija. Għall-konsumaturi u għall-pubbliku, il-kostijiet għandhom ikunu limitati u bbilanċjati b’mod ċar mill-benefiċċji, b’mod partikolari permezz ta’ żieda fil-protezzjoni tad-depożitanti, fl-istabbiltà finanzjarja u l-użu mnaqqas ta’ flus il-kontribwenti.

    Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju approva l-valutazzjoni tal-impatt wara l-ewwel opinjoni negattiva. Sabiex jiġu indirizzati l-kummenti mqajmin mill-Bord, il-valutazzjoni tal-impatt ġiet estiża sabiex tinkludi spjegazzjonijiet addizzjonali dwar: (i) in-natura tal-problemi li r-rieżami għandu l-għan li jindirizza u l-merti ġenerali tar-riżoluzzjoni meta mqabbla mal-proċedimenti ta’ insolvenza sabiex jiġu protetti l-istabbiltà finanzjarja, il-kunfidenza tad-depożitanti u jiġi mminimizzat ir-rikors għall-flus tal-kontribwenti; (ii) kjarifiki dwar kif ir-riforma tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; u (iii) dettalji addizzjonali dwar aspetti oħrajn bħall-konsistenza mar-rieżami tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, l-interazzjoni mal-proposta tal-2015 tal-Kummissjoni dwar l-EDIS, kif tqies il-parir tal-EBA jew il-kundizzjonijiet li fihom id-DGsS jistgħu jintervjenu f’riżoluzzjoni.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Ir-rieżami huwa ffokat l-aktar fuq l-istabbiliment u fuq il-funzjonament ġenerali tal-qafas dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u l-assigurazzjoni ta’ depożitu, b’attenzjoni partikolari mogħtija lill-banek iżgħar u ta’ daqs medju u trattament aktar ugwali tad-depożitanti. Ir-riforma proposta hija mistennija ġġib benefiċċji fir-rigward tal-effettività tal-qafas u taċ-ċarezza legali.

    Ir-riforma hija newtrali għat-teknoloġija u ma għandhiex impatt fuq il-prontezza diġitali.

    Drittijiet fundamentali

    L-UE hija impenjata li tilħaq standards għoljin ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u hija firmatarja għal sett wiesa’ ta’ konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem. F’dan il-kuntest, il-proposta tikkonforma ma’ dawn id-drittijiet, kif elenkati fil-konvenzjonijiet ewlenin tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li hija parti integrali mit-Trattati tal-UE u mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-UE.

    5.ELEMENTI OĦRAJN

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    Il-proposta tirrikjedi li l-Istati Membri jittrasponu l-emendi għall-BRRD fil-liġijiet nazzjonali tagħhom fi żmien 18-il xahar mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva emendatorja.

    Il-proposta tinkludi rekwiżiti għall-EBA sabiex toħroġ standards fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-qafas u sabiex tirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni effettiva tagħha, eż. fir-rigward tal-valutazzjonijiet tar-riżolvibbiltà mwettqin mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jew it-tħejjija għall-eżekuzzjoni tar-riżoluzzjoni.

    Il-leġiżlazzjoni se tkun soġġetta għal evalwazzjoni 5 snin wara l-iskadenza tal-implimentazzjoni tagħha sabiex jiġi vvalutat kemm kienet effettiva u effiċjenti f’termini tal-ilħuq tal-objettivi tagħha u sabiex jiġi deċiż jekk ikunux meħtieġa miżuri jew emendi ġodda.

    6.SPJEGAZZJONI FID-DETTALL TAD-DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI TAL-PROPOSTA

    Miżuri ta’ intervent bikri u tħejjija għar-riżoluzzjoni

    L-Artikolu 13 huwa ssostitwit minn sett ġdid ta’ artikoli (l-Artikoli 13 sa 13c) li jirriflettu d-dispożizzjonijiet tal-BRRD dwar intervent bikri (l-Artikoli 27 sa 29 tal-BRRD), sabiex il-BĊE jiġi pprovdut b’bażi ġuridika applikabbli direttament għall-eżerċitar ta’ dawk is-setgħat. Bħal fil-BRRD, il-mekkaniżmu ta’ eskalazzjoni bejn it-tipi differenti ta’ miżuri huwa ċċarat u huwa speċifikat li l-adozzjoni minn qabel ta’ miżuri ta’ intervent bikri, jew l-issodisfar tal-kundizzjonijiet għal intervent bikri, ma humiex prerekwiżiti sabiex tinbeda t-tħejjija għar-riżoluzzjoni jew sabiex jiġu eżerċitati s-setgħat relatati.

    L-SRMR diġà kien jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Bord u l-BĊE jew l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali (NCAs) meta s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ bank tibda tiddeterjora. Madankollu, dawk id-dispożizzjonijiet kellhom bżonn jissaħħu sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni aħjar u aktar effettiva. L-Artikolu 13c il-ġdid jibni fuq l-Artikolu 13 preċedenti u jipprovdi dettalji addizzjonali dwar il-kooperazzjoni fit-tħejjija għar-riżoluzzjoni, dwar it-tip ta’ informazzjoni li għandha tiġi skambjata, is-sitwazzjonijiet li fihom il-BĊE jew l-NCA jeħtieġ li jiskambjaw informazzjoni u t-tip ta’ arranġamenti li l-Bord jista’ jistabbilixxi sabiex iħejji għal riżoluzzjoni.

    Twissija bikrija ta’ falliment jew ta’ probabbiltà ta’ falliment

    L-Artikolu 13c jinkludi obbligu għall-BĊE, jew għall-NCA, fir-rigward tal-gruppi transfruntiera anqas sinifikanti taħt il-mandat dirett tal-Bord, li tinnotifika minn kmieni biżżejjed lill-Bord malli tqis li jkun hemm riskju materjali li istituzzjoni jew entità tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tiġi vvalutata bħala li qiegħda tfalli jew li x’aktarx qiegħda tfalli, kif stabbilit fl-Artikolu 18(4). Din in-notifika għandha tinkludi r-raġunijiet għall-valutazzjoni tal-BĊE/NCA kif ukoll ħarsa ġenerali lejn is-soluzzjonijiet alternattivi li jistgħu jipprevjenu l-falliment tal-istituzzjoni jew tal-entità kkonċernata f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.

    B’rikonoxximent tar-rwol kritiku li għandu t-twaqqit tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tal-preżervazzjoni kemm jista’ jkun tal-livelli ta’ kapital, tal-MREL u tal-likwidità tal-istituzzjoni jew tal-entità, u b’mod aktar ġenerali, fl-iżgurar li jkunu fis-seħħ il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex il-Bord iwettaq b’suċċess l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni mħejjija għal kull istituzzjoni jew entità, il-Bord għandu s-setgħa li jivvaluta, f’kooperazzjoni msaħħa mal-BĊE/NCA, dak li tqis li jkun perjodu ta’ żmien raġonevoli għall-finijiet ta’ tiftix ta’ soluzzjonijiet ta’ natura privata jew amministrattiva, li kapaċi jipprevjenu l-falliment. Matul dan il-perjodu ta’ twissija bikrija, il-BĊE/NCA għandha tkompli teżerċita l-kompetenzi tagħha, filwaqt li tikkoordina mal-Bord f’konformità mal-Artikolu 13c. Il-BĊE/NCA u l-Bord għandhom jimmonitorjaw, f’kooperazzjoni mill-qrib, l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-entità u l-implimentazzjoni ta’ miżuri alternattivi. F’dan il-kuntest, il-Bord u l-BĊE/NCA għandhom jiltaqgħu regolarment, bi frekwenza stabbilita mill-Bord.

    Jekk ma tinstab jew tiġi implimentata l-ebda miżura alternattiva xierqa li tevita l-falliment f’dan il-perjodu ta’ żmien, il-BĊE/NCA għandha tivvaluta jekk l-istituzzjoni jew l-entità hijiex qiegħda tfalli jew x’aktarx li tfalli. Meta l-BĊE/NCA tikkonkludi li l-istituzzjoni jew l-entità qiegħda tfalli jew x’aktarx li se tfalli, għandha tikkomunika dan formalment lill-Bord, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18(1). Il-Bord jista’ wkoll jagħmel din il-valutazzjoni huwa stess, f’konformità mar-regoli eżistenti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1). Imbagħad, il-Bord għandu jiddetermina jekk il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni humiex issodisfati. Meta l-valutazzjoni tal-interess pubbliku tirriżulta fil-ħtieġa li tiġi solvuta l-istituzzjoni jew l-entità, il-Bord għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni. Dan huwa konformi mal-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE relatata ma’ każ li għaddej fl-Unjoni Bankarja, li skont dan il-valutazzjoni tal-BĊE hija miżura preparatorja mfassla sabiex tippermetti lill-Bord jieħu deċiżjoni rigward ir-riżoluzzjoni ta’ bank. Il-Qorti ddikjarat ukoll li l-Bord għandu s-setgħa esklużiva li jivvaluta l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni, soġġett għall-approvazzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mill-Kummissjoni u, meta applikabbli, għan-nuqqas ta’ oġġezzjoni mill-Kunsill 19 .

    Valutazzjoni tal-interess pubbliku (PIA)

    Il-qafas dwar is-CMDI kien imfassal għall-evitar u għall-ġestjoni tal-fallimenti tal-istituzzjonijiet ta’ kwalunkwe daqs filwaqt li jiġu protetti d-depożitanti u l-kontribwenti. Meta bank jitqies li qiegħed ifalli jew x’aktarx li se jfalli u jkun hemm interess pubbliku fi-riżoluzzjoni tiegħu, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jintervjenu billi jużaw l-għodod u s-setgħat mogħtijin mill-BRRD/SRMR fin-nuqqas ta’ soluzzjoni privata. Fin-nuqqas ta’ interess pubbliku għar-riżoluzzjoni, il-falliment ta’ bank għandu jiġi ttrattat permezz ta’ proċedimenti nazzjonali ordnati ta’ stralċ imwettqin mill-awtoritajiet nazzjonali, potenzjalment b’finanzjament mid-DGS jew minn sorsi oħrajn ta’ finanzjament, skont kif ikun xieraq.

    Essenzjalment, il-valutazzjoni tal-interess pubbliku (PIA) tqabbel ir-riżoluzzjoni kontra l-insolvenza, b’mod partikolari billi tivvaluta kif kull xenarju jilħaq l-objettivi ta’ riżoluzzjoni. L-objettivi tar-riżoluzzjoni li fl-isfond tagħhom issir il-valutazzjoni jinkludu: (i) l-impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja (kriżi mifruxa ħafna tista’ tirriżulta f’eżitu differenti tal-PIA minn falliment idjosinkratiku); (ii) il-valutazzjoni tal-impatt fuq il-funzjonijiet kritiċi tal-bank; u (iii) il-ħtieġa li jiġi limitat l-użu ta’ għajnuna finanzjarja pubblika straordinarju. Skont il-qafas kurrenti, ir-riżoluzzjoni tista’ tintgħażel biss meta l-insolvenza ma tippermettix li jintlaħqu l-objettivi ta’ riżoluzzjoni bl-istess mod.

    L-SRMR iħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Bord meta jwettaq il-PIA, li jwassal għal applikazzjonijiet u għal interpretazzjonijiet diverġenti li mhux dejjem jirriflettu bis-sħiħ il-loġika u l-intenzjoni tal-leġiżlazzjoni. F’xi każijiet, il-PIA ġiet applikata b’mod pjuttost restrittiv fl-Unjoni Bankarja.

    Sabiex jiġu mminimizzati d-diverġenzi u titwessa’ l-applikazzjoni tal-PIA, jiġifieri jitwessa’ l-ambitu tar-riżoluzzjoni, il-proposta tinkludi l-emendi leġiżlattivi li ġejjin:

    Emendi għall-objettivi tar-riżoluzzjoni

    L-objettiv tar-riżoluzzjoni li jirrikjedi l-minimizzazzjoni tad-dipendenza fuq għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja ma jippermettix distinzjoni bejn l-użu tal-flus mill-baġit nazzjonali u l-użu ta’ xbieki ta’ sikurezza ffinanzjati mill-industrija (l-SRF jew id-DGSs). Għalhekk, dan l-objettiv ta’ riżoluzzjoni huwa emendat sabiex jinkludi referenza speċifika għall-appoġġ ipprovdut mill-baġit ta’ Stat Membru, sabiex jindika li l-finanzjament ipprovdut minn xbieki ta’ sikurezza ffinanzjati mill-industrija għandu jitqies bħala preferibbli għall-finanzjament appoġġat mill-flus tal-kontribwenti (l-Artikolu 14(2)(c)). Dan huwa kkomplementat b’bidla fir-regoli proċedurali dwar il-PIA, li tirrikjedi li l-Bord iqis u jqabbel l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja kollha li tista’ tkun raġonevolment mistennija li tiġi pprovduta lill-istituzzjoni f’riżoluzzjoni kontra dawk fix-xenarju kontrofattwali ta’ insolvenza. Jekk l-għajnuna għal-likwidazzjoni tkun mistennija fix-xenarju kontrofattwali ta’ insolvenza, dan għandu jwassal għal eżitu pożittiv tal-PIA (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(5)).

    L-objettiv ta’ riżoluzzjoni relatat mal-protezzjoni tad-depożitanti huwa emendat sabiex jiċċara li r-riżoluzzjoni għandu jkollha l-għan li tipproteġi lid-depożitanti, filwaqt li timminimizza t-telf għall-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti. Dan ifisser li r-riżoluzzjoni għandha tkun ippreferuta jekk l-insolvenza tkun aktar għalja għad-DGS.



    Bidliet proċedurali għat-tqabbil bejn il-proċedimenti ta’ riżoluzzjoni u l-proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza

    Skont l-SRMR kurrenti, il-Bord huwa mistenni jagħżel l-insolvenza sakemm l-għażla għal riżoluzzjoni ma tiksibx aħjar l-objettivi ta’ riżoluzzjoni. It-test kurrenti tal-Artikolu 18(5) jipprevedi li r-riżoluzzjoni għandha tintgħażel biss meta l-istituzzjoni fi proċedimenti normali ta’ insolvenza ma tissodisfax l-objettivi ta’ riżoluzzjoni bl-istess mod. Sabiex ikun possibbli li titwessa’ l-applikazzjoni tar-riżoluzzjoni, l-Artikolu 18(5) huwa emendat sabiex jiċċara li l-proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza għandhom jintgħażlu bħala l-istrateġija ppreferuta biss meta jilħqu l-objettivi tal-qafas aħjar mir-riżoluzzjoni (u mhux sal-istess punt). Filwaqt li żżomm l-insolvenza bħala l-għażla prestabbilita, l-emenda twassal għal żieda fl-oneru tal-provi għall-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni sabiex juru li r-riżoluzzjoni ma tkunx fl-interess pubbliku. Madankollu, il-PIA se tibqa’ deċiżjoni każ b’każ skont id-diskrezzjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

    Użu ta’ DGS f’riżoluzzjoni

    Skont il-qafas kurrenti, id-deċiżjoni dwar l-użu tal-fondi tad-DGS għall-finanzjament tar-riżoluzzjoni tittieħed mill-Bord wara li jikkonsulta lid-DGS u l-ammont tal-kontribuzzjoni tad-DGS jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-valwazzjoni tat-telf li kienu jġarrbu d-depożitanti koperti ma ġewx protetti milli jġarrbu telf. Sabiex jiġi żgurat li l-possibbiltajiet imtejbin u l-kundizzjonijiet stretti għall-użu tar-riżorsi nazzjonali tad-DGSs għall-finanzjament ta’ strateġiji ta’ trasferiment f’riżoluzzjoni skont l-Artikolu 109 emendat tal-BRRD jiġu applikati wkoll b’mod konsistenti fl-Unjoni Bankarja, l-Artikolu 79 tal-SRMR huwa emendat sabiex jispeċifika li d-DGS li magħha tkun affiljata l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tintuża għall-finijiet u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 109 tal-BRRD. Barra minn hekk, jitħassru t-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 79(5) tal-SRMR, li jirriflettu l-kundizzjonijiet skont it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 109(5) kurrenti tal-BRRD.

    Minħabba li fi ħdan l-Unjoni Bankarja, id-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni jittieħdu mill-Bord filwaqt li l-finanzjament jista’ jiġi pprovdut mir-riżorsi tad-DGSs nazzjonali, ir-referenza għall-Artikolu 109 tal-BRRD fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tal-SRMR tiżgura wkoll li r-rwol imsaħħaħ tad-DGS skont il-BRRD għandu japplika fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet għall-banek taħt il-mandat tal-Bord. B’mod partikolari, il-kalkolu tal-kost tar-ripagament lid-depożitanti għall-fini tal-limitazzjoni tal-ammont tal-kontribuzzjoni tad-DGS għar-riżoluzzjoni jibqa’ fil-livell nazzjonali taħt ir-responsabbiltà tad-DGS fuq il-bażi tat-test tal-anqas kost (LCT). Il-Bord għandu jiddetermina l-ammont tal-kontribuzzjoni li għandha tiġi pprovduta mid-DGS biss wara li jikkonsulta lid-DGS dwar ir-riżultati ta’ dan il-kalkolu u għandu jkun marbut b’dawn ir-riżultati. Għalhekk, il-Bord ma għandux ikun jista’ jiddetermina kontribuzzjoni tad-DGS għal tranżazzjoni li tkun ogħla mill-kost tar-ripagament tad-depożitanti kif ikkalkolat mid-DGS skont ir-regoli tad-DGSD (l-ebda ksur tal-LCT), u lanqas ogħla minn dak li huwa meħtieġ sabiex tiġi ssodisfata l-kundizzjoni ta’ aċċess għall-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (rekwiżit ta’ 8 % ta’ obbligazzjonijiet u ta’ fondi proprji totali).

    Kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja

    Sabiex jiġi żgurat li l-fondi pubbliċi fil-forma ta’ għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja ma jintużawx sabiex jappoġġaw istituzzjonijiet jew entitajiet li ma humiex finanzjarjament vijabbli, huwa neċessarju li jiġu previsti kundizzjonijiet stretti dwar meta tali appoġġ jista’ jiġi pprovdut u x’forma jista’ jieħu. Ir-regoli eżistenti jipprevedu ċerti limitazzjonijiet iżda ma humiex preċiżi biżżejjed. L-għoti ta’ għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja barra mir-riżoluzzjoni għandu jkun limitat għal każijiet ta’ rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja, ta’ miżuri preventivi tad-DGS bl-għan li jiġu ppreżervati s-solidità finanzjarja u l-vijabbiltà fit-tul tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, ta’ miżuri meħudin mid-DGS sabiex jinżamm l-aċċess tad-depożitanti u ta’ forom oħrajn ta’ appoġġ mogħti fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ stralċ. L-għoti ta’ għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja fi kwalunkwe sitwazzjoni oħra barra mir-riżoluzzjoni ma għandux ikun permess u għandu jwassal sabiex l-istituzzjoni jew l-entità riċeventi titqies bħala li qiegħda tfalli jew li x’aktarx tfalli.

    Rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja

    Trid tingħata attenzjoni partikolari lill-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja mogħtija fil-forma ta’ rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja. Huwa neċessarju li jiġu stabbiliti b’mod aktar ċar il-forom permissibbli ta’ miżuri kawtelatorji pprovduti barra mir-riżoluzzjoni u mmirati lejn ir-rikapitalizzazzjoni tal-entità kkonċernata. Il-miżuri mogħtija għandhom ikunu ta’ natura temporanja minħabba li suppost jindirizzaw il-konsegwenzi negattivi ta’ xokkijiet esterni u ma jintużawx sabiex jikkumpensaw għad-dgħufijiet intrinsiċi marbutin, pereżempju, ma’ mudell kummerċjali skadut. L-użu ta’ strumenti perpetwi, bħall-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni, għandhom isiru eċċezzjonali u possibbli biss jekk forom oħrajn ta’ strumenti kapitali ma jkunux adegwati. Tali bidla hija neċessarja sabiex jiġi żgurat li l-appoġġ jibqa’ ta’ natura temporanja. Huma meħtieġa wkoll rekwiżiti aktar b’saħħithom u aktar espliċiti dwar id-determinazzjoni minn qabel tal-istrateġija ta’ durata u ta’ ħruġ għall-miżuri kawtelatorji. L-entità li tirċievi l-appoġġ għandha tkun solventi fiż-żmien meta jiġu applikati l-miżuri, jiġifieri vvalutata mill-awtorità kompetenti bħala li ma tkunx qiegħda tikser u li x’aktarx ma tiksirx ir-rekwiżiti kapitali applikabbli fit-12-il xahar li ġejjin. Jekk il-kundizzjonijiet li fihom jingħata l-appoġġ ma jiġux irrispettati, l-entità li tirċievi l-appoġġ għandha titqies bħala li qiegħda tfalli jew li x’aktarx tfalli.

    Emendi relatati mar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u għal obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL)

    MREL għal strateġiji ta’ trasferiment

    Kif diġà previst taħt il-qafas kurrenti, il-livell tar-rekwiżit tal-MREL għandu jirrifletti l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ppreferuta. Id-dispożizzjoni eżistenti tal-Artikolu 12d tiffoka fuq il-kalibrazzjoni tal-MREL għal strateġiji ta’ rikapitalizzazzjoni interna (rekwiżit għall-assorbiment tat-telf u l-ammont ta’ rikapitalizzazzjoni, b’regoli dettaljati dwar kif kull wieħed għandu jiġi aġġustat, u fuq rekwiżiti ta’ subordinazzjoni mmirati l-aktar lejn l-iżgurar tal-konformità mar-rekwiżit ta’ TLOF minimu ta’ 8 %). Filwaqt li tirrikonoxxi l-possibbiltà li jintużaw għodod ta’ riżoluzzjoni minbarra rikapitalizzazzjoni interna, il-BRRD kurrenti ma tirregolax fid-dettall il-kalibrazzjoni tal-MREL għall-istrateġiji ta’ trasferiment. Fil-prattika, dan iwassal għal inċertezza legali u metodoloġiji diverġenti applikati mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni meta jistabbilixxu l-MREL għal tali strateġiji.

    Għalhekk, huwa neċessarju li tiġi pprovduta bażi ġuridika aktar ċara għad-distinzjoni tal-kalibrazzjoni tal-MREL għall-istrateġiji ta’ trasferiment minn dik għar-rikapitalizzazzjoni interna, anki għall-fini tal-proporzjonalità u tal-applikazzjoni konsistenti. F’dan ir-rigward, jiżdied l-Artikolu 12da ġdid li jistabbilixxi l-prinċipji li għandhom jitqiesu mill-SRB meta jiġi kkalibrat l-MREL għal strateġiji ta’ trasferiment - daqs, mudell kummerċjali, profil tar-riskju, analiżi tat-trasferibbiltà, kummerċjabbiltà, jekk l-istrateġija hijiex trasferiment ta’ assi jew negozjar ta’ ishma, użu komplementari tal-veikolu tal-immaniġġjar tal-assi għal assi li ma jistgħux jiġu ttrasferiti, u l-ammont li d-DGS hija mistennija tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-istrateġija ppreferuta f’riżoluzzjoni.

    L-emendi jsaħħu l-prinċipju li l-MREL għandu jibqa’ l-ewwel linja u l-linja ewlenija tad-difiża għall-banek kollha, inkluż għal dawk li se jkunu soġġetti għal strateġija ta’ trasferiment u ta’ ħruġ mis-suq, sabiex jiġi żgurat li t-telf jiġi assorbit sal-massimu possibbli mill-azzjonisti u mill-kredituri.

    L-istima tar-rekwiżit ta’ bafer kombinat f’każ ta’ projbizzjoni ta’ ċerti distribuzzjonijiet

    Sabiex tiġi indirizzata lakuna eżistenti fiċ-ċarezza legali tal-qafas kurrenti fir-rigward tas-setgħa sabiex jiġu pprojbiti ċerti distribuzzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ entità li tissodisfa r-rekwiżit ta’ bafer kombinat flimkien mal-MREL tagħha, b’mod partikolari meta l-entità ma tkunx soġġetta għar-rekwiżit ta’ bafer kombinat (skont l-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE) fuq l-istess bażi tal-MREL tagħha, jiżdied paragrafu 7 ġdid mal-Artikolu 10a sabiex jiġi ċċarat li s-setgħa li jiġu pprojbiti ċerti distribuzzjonijiet għandha tiġi applikata fuq il-bażi tal-istima tar-rekwiżit ta’ bafer kombinat li tirriżulta mill-att delegat skont l-Artikolu 45c(4) li jispeċifika l-metodoloġija li għandha tintuża mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni sabiex jistmaw ir-rekwiżit ta’ bafer kombinat f’ċirkostanzi bħal dawn.

    Eżenzjoni de minimis minn ċerti rekwiżiti tal-MREL

    Skont ir-regoli eżistenti tal-MREL fl-SRMR, obbligazzjonijiet strutturalment subordinati msemmijin fl-Artikolu 72b(2)(d)(iii) tas-CRR huma koperti mid-definizzjoni ta’ “strumenti eliġibbli subordinati” użata fl-Artikolu 12c tal-SRMR. Madankollu, l-obbligazzjonijiet li huma permessi li jkunu eliġibbli fis-CRR skont l-eżenzjoni de minimis fl-Artikolu 72b(4) tas-CRR ma jikkwalifikawx bħala “strumenti eliġibbli subordinati” skont l-SRMR minħabba li l-paragrafu 4 tal-Artikolu 72b tas-CRR huwa espliċitament eskluż mid-definizzjoni fl-Artikolu 3(1)(49b) tal-SRMR.

    Sabiex tiġi kkoreġuta din l-inkonsistenza u f’konformità mal-approċċ segwit fil-BRRD, jiżdied paragrafu 10 ġdid mal-Artikolu 12c, li jħalli lill-SRB jippermetti lill-entitajiet ta’ riżoluzzjoni jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ subordinazzjoni tal-MREL bl-użu ta’ obbligazzjonijiet superjuri meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 72b(4) tas-CRR.

    Sabiex jiġi żgurat l-allinjament mal-qafas tat-TLAC, l-entitajiet ta’ riżoluzzjoni li jibbenefikaw mill-eżenzjoni de minimis ma jistax ikollhom ir-rekwiżit ta’ subordinazzjoni tal-MREL tagħhom aġġustat ’l isfel b’ammont ekwivalenti għall-provvediment ta’ 3.5 % tat-TREA għat-TLAC skont it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12c(4) tal-BRRD.

    Kontribuzzjonijiet u impenji ta’ pagament irrevokabbli

    Sabiex jitqies it-tmiem tal-perjodu inizjali għall-akkumulu tal-Fond u għat-tnaqqis segwenti fl-ammont ta’ kontribuzzjonijiet ex ante regolari, isiru emendi tekniċi fl-Artikoli 69 u 71 sabiex jiġi skollegat l-ammont massimu ta’ kontribuzzjonijiet ex post li jistgħu jinġabru mill-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante regolari, u b’hekk jiġi evitat limitu baxx b’mod sproporzjonat fuq il-kontribuzzjonijiet ex post, minbarra li tippermetti differiment tal-ġbir tal-kontribuzzjonijiet ex ante regolari f’każ li l-kost ta’ ġbir annwali ma jkunx proporzjonat mal-ammont li għandu jiġi ġġenerat. It-trattament ta’ impenji ta’ pagament irrevokabbli huwa ċċarat ukoll fl-Artikolu 70, kemm fir-rigward tal-użu tagħhom f’riżoluzzjoni kif ukoll fir-rigward tal-proċedura li għandha tiġi segwita f’każ li istituzzjoni jew entità ma tibqax soġġetta għall-obbligu li tħallas kontribuzzjonijiet.

    Barra minn hekk, sabiex jiġu pprovduti aktar trasparenza u ċertezza fir-rigward tas-sehem tal-impenji ta’ pagament irrevokabbli fl-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet ex ante li għandhom jinġabru, huwa ċċarat li l-Bord għandu jiddetermina tali sehem fuq bażi annwali, soġġett għal-limiti applikabbli.

    Dispożizzjonijiet oħrajn

    Emendi għall-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet

    Il-Bord huwa meħtieġ jidentifika l-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-entitajiet ta’ grupp meta jkunu qegħdin ifasslu pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-grupp. L-intensità u l-livell ta’ dettall ta’ din il-ħidma fir-rigward ta’ sussidjarji li ma humiex entitajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jvarjaw skont id-daqs u l-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet u l-entitajiet ikkonċernati, il-preżenza ta’ funzjonijiet kritiċi u l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni tal-grupp. Għalhekk, l-SRMR huwa emendat bl-introduzzjoni ta’ subparagrafu ġdid fl-Artikolu 8(10), li jippermetti lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jsegwu approċċ simplifikat, meta xieraq, meta jwettqu dan il-kompitu.

    Kjarifiki dwar l-Artikolu 27(9)

    Id-dispożizzjonijiet kurrenti tal-Artikolu 27(9) u (10) ma humiex ċari dwar x’inhuma l-kundizzjoni u s-sekwenza tal-użu tal-SRF u s-sorsi alternattivi ta’ finanzjament wara l-forniment ta’ finanzjament inizjali sa limitu ta’ TLOF ta’ 5 % u wara li l-obbligazzjonijiet kollha mhux garantiti u mhux preferuti, minbarra depożiti eliġibbli, ikunu ġew valwati negattivament jew ġew ikkonvertiti kompletament. Għalhekk, il-paragrafi 9 u 10 tal-Artikolu 27 huma emendati sabiex jipprovdu ċarezza legali u flessibbiltà addizzjonali sabiex l-SRF jintuża lil hinn mit-TLOF ta’ 5 %.

    Governanza tal-Bord

    Sabiex jiġu ffaċilitati l-kontinwità u l-bini ta’ għarfien espert istituzzjonali, isiru emendi għall-Artikolu 56 sabiex tiġi stabbilita l-possibbiltà li l-President, il-Viċi-President u l-Membri permanenti tal-Bord iservu t-tieni mandat, fl-istess kapaċità bħall-ewwel mandat tagħhom. Il-proċedura għat-tiġdid tal-President, tal-Viċi President u tal-Membri tal-Bord tfasslet filwaqt li tqieset il-proċedura applikabbli għat-tiġdid tal-Presidenti tal-ESAs.

    Isiru emendi oħrajn għall-Artikoli 43, 53 u 55 sabiex jingħata dritt tal-vot lill-Viċi President u sabiex jiġi akkomodat dan id-dritt tal-vot fl-SRMR. Il-ħatra tiegħu ssegwi l-istess proċedura bħal dik tal-President u jista’ jissostitwixxi lill-President fl-assenza jew fl-impediment raġonevoli tiegħu. Għalhekk, trattament differenti għall-Viċi President milli għal membri oħrajn tal-Bord ma kienx jidher ġustifikat.

    Gradaazzjoni ta’ pretensjonijiet tal-SRF

    L-Artikolu 22(6) jipprevedi li l-Bord għandu jkun jista’ jirkupra kwalunkwe spiża raġonevoli mġarrba kif xieraq b’rabta mal-użu ta’ għodod u ta’ setgħat ta’ riżoluzzjoni mill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni bħala kreditur preferut. Madankollu, l-SRMR ma speċifikax il-gradazzjoni relattiva tal-Bord għal kredituri preferuti oħrajn. Lanqas ma kien ċar kif din id-dispożizzjoni tista’ tiġi operazzjonalizzata, minħabba li l-gradazzjoni ta’ pretensjonijiet fl-insolvenza hija stabbilita esklużivament fil-liġijiet nazzjonali li jirregolaw il-proċedimenti normali ta’ insolvenza (anki jekk dik il-gradazzjoni tkun parzjalment armonizzata madwar l-UE). Il-paragrafu 6 il-ġdid miżjud mal-Artikolu 76 jiċċara li dawk il-pretensjonijiet tal-Bord għandu jkollhom, f’kull Stat Membru parteċipanti, l-istess klassifikazzjoni bħall-pretensjonijiet tal-fondi ta’ riżoluzzjoni nazzjonali skont l-Artikolu 108(9) il-ġdid tal-BRRD (li għandhom ikunu ogħla mill-pretensjonijiet tad-depożitanti u tad-DGSs).

    Barra minn hekk, l-SRF jista’ jintuża aktar f’riżoluzzjoni għall-finijiet identifikati fl-Artikolu 76(1). S’issa, l-SRMR ma speċifikax jekk tali użu joħloqx talba favur il-Bord u, jekk iva, dwar il-gradazzjoni tal-insolvenza ta’ pretensjoni bħal din. Fl-Artikolu 76 jiżdied paragrafu 5 ġdid li jispeċifika li, meta l-attività tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni tiġi parzjalment ittrasferita lil istituzzjoni tranżitorja jew lil xerrej privat bl-appoġġ tal-SRF, il-Bord għandu jkollu pretensjoni kontra l-entità residwa. L-eżistenza ta’ tali talba għandha tiġi vvalutata fuq bażi ta’ każ b’każ, skont l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni u l-mod li bih l-SRF intuża b’mod konkret, iżda għandha tkun konnessa mal-użu tal-SRF sabiex iġarrab telf minflok il-kredituri, bħal meta l-SRF jintuża sabiex jiggarantixxi l-assi u l-obbligazzjonijiet ittrasferiti lil riċevitur jew sabiex ikopri d-differenza bejn l-assi u l-obbligazzjonijiet ittrasferiti. Meta l-SRF jintuża sabiex jappoġġa l-applikazzjoni tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna bħala l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni primarja (l-Artikolu 27(1), il-punt (a)), minflok il-valwazzjoni negattiva u l-konverżjoni tal-obbligazzjonijiet ta’ ċerti kredituri, dan ma għandux jiġġenera pretensjoni kontra l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, peress li jkun jelimina l-iskop tal-kontribuzzjoni tal-SRF. Il-kumpensi mħallsin minħabba l-ksur tal-prinċipju li “l-ebda kreditur ma jmur agħar” bl-istess mod ma għandhomx jiġġeneraw pretensjoni favur il-Bord.

    Allokazzjoni tar-responsabbilitajiet

    L-Artikolu 7 stabbilixxa diviżjoni tal-kompiti li biha l-Bord għandu responsabbiltà diretta għal entitajiet taħt ir-responsabbiltà diretta tal-BĊE, għal istituzzjonijiet transfruntiera anqas sinifikanti, u għall-entitajiet li għalihom kien hemm deċiżjoni, jew fuq l-inizjattiva tal-Bord, fuq din ta’ awtorità nazzjonali kompetenti, jew fuq dan ta’ Stat Membru, li l-Bord jeżerċita responsabbiltà diretta. L-NRAs iżommu r-responsabbiltà primarja fuq l-entitajiet l-oħrajn kollha. Madankollu, għalkemm l-Artikolu 7 kien espliċitu dwar din id-diviżjoni tal-kompiti, il-lingwaġġ tal-Artikoli tar-Regolament li jittrattaw ir-responsabbiltajiet speċifiċi kkonċernati, bħall-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet, il-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà, il-valutazzjoni tal-obbligi simplifikati, l-istabbiliment tal-MREL jew l-adozzjoni ta’ skemi ta’ riżoluzzjoni, irrefera għall-Bord biss u, għalhekk, ma għamlhiex ċara bis-sħiħ li, fil-każ ta’ entitajiet li jaqgħu taħt il-mandat tagħhom, ir-responsabbiltà għall-kompiti msemmijin kienet tal-NRAs. Dan il-punt huwa ċċarat fl-Artikolu 7.

    Bl-istess mod, is-setgħa għall-Bord li jipprojbixxi ċerti distribuzzjonijiet meta entità fil-mandat tagħha ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ bafer kombinat minbarra l-MREL tagħha ġiet stabbilita fl-SRMR, iżda l-proċedura eżatta li tirregola l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ma ġietx speċifikata. Issa qiegħed jiġi ċċarat fl-Artikolu 10a(1) li l-Bord jista’ jagħti struzzjonijiet lill-NRA rilevanti sabiex teżerċita din is-setgħa.

    Ġew identifikati wkoll numru ta’ każijiet li fihom ingħataw setgħat lill-NRAs fil-BRRD iżda, fin-nuqqas ta’ referenza fl-SRMR, il-modalitajiet tal-applikazzjoni tagħhom fil-każ ta’ entitajiet taħt il-mandat dirett tal-Bord ma kinux ċari. Sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni, huwa ċċarat fl-Artikolu 12 li, għal entitajiet taħt il-mandat dirett tiegħu, il-Bord huwa responsabbli għall-għoti tal-permess għall-eżerċizzju, għat-tifdija, għar-rimborż jew għar-riakkwist ta’ strumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 78a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. L-Artikolu 8 huwa emendat ukoll sabiex jiċċara li l-Bord jista’, fejn iqis li jkun neċessarju, jagħti struzzjonijiet lill-NRAs sabiex jirrikjedu lil istituzzjoni jew lil entità żżomm rekords dettaljati tal-kuntratti finanzjarji li għalihom l-istituzzjoni tkun parti. Fl-Artikolu 18(11) huwa ċċarat ukoll li l-Bord jista’ jagħti struzzjonijiet lill-NRAs sabiex jeżerċitaw is-setgħa tagħhom li jissospendu xi obbligi finanzjarji wara d-determinazzjoni li l-istituzzjoni jew l-entità qiegħda tfalli jew x’aktarx li se tfalli, skont l-Artikolu 33a tad-Direttiva 2014/59/UE.

    L-emendi għall-Artikolu 18 jiċċaraw ukoll id-diviżjoni tal-kompiti bejn il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward tal-valutazzjoni li entità qiegħda tfalli jew x’aktarx li se tfalli. F’xi sitwazzjonijiet, primarjament fil-każ ta’ gruppi anqas sinifikanti transfruntiera, ta’ istituzzjonijiet u ta’ entitajiet anqas sinifikanti li jirċievu assistenza mill-SRF, u ta’ istituzzjonijiet u entitajiet anqas sinifikanti speċifiċi li għalihom ikun ġie deċiż, fuq inizjattiva tal-Bord, ta’ awtorità nazzjonali kompetenti jew ta’ Stat Membru, li l-Bord jeżerċita responsabbiltà diretta, għalkemm l-iskema ta’ riżoluzzjoni tiġi adottata mill-Bord, is-superviżjoni tal-istituzzjoni jew tal-entità, u għalhekk il-valutazzjoni ta’ jekk istituzzjoni jew entità tkunx qiegħda tfalli jew x’aktarx li tfalli, hija r-responsabbiltà tal-awtorità nazzjonali kompetenti. Għalhekk, huwa speċifikat li l-valutazzjoni ta’ jekk istituzzjoni jew entità hijiex qiegħda tfalli jew x’aktarx li tfalli għandha ssir mill-BĊE għall-istituzzjonijiet sinifikanti u mill-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti għall-istituzzjonijiet u għall-entitajiet anqas sinifikanti li għalihom il-Bord jadotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni.

    Fl-aħħar nett, sabiex jiġi rifless l-istabbiliment tal-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni, huwa speċifikat fl-Artikolu 31 li l-NRAs għandhom jikkonsultaw lill-Bord qabel ma jaġixxu f’konformità mal-Artikolu 86 tal-BRRD, dan jipprevedi li l-proċedimenti normali ta’ insolvenza fir-rigward tal-istituzzjonijiet u tal-entitajiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-BRRD ma għandhomx jinbdew ħlief fuq inizjattiva tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni u li deċiżjoni li tqiegħed istituzzjoni jew entità fi proċedimenti normali ta’ insolvenza għandha tittieħed biss bil-kunsens tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

    Skambju ta’ informazzjoni

    Isiru diversi emendi sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni għall-Bord. L-Artikoli 30 u 34 huma emendati sabiex jiċċaraw li l-informazzjoni li l-Bord jista’ jitlob mill-BĊE tkopri mhux biss l-informazzjoni disponibbli għalih fil-funzjoni superviżorja tiegħu iżda wkoll l-informazzjoni miġbura fil-funzjoni ta’ bank ċentrali tiegħu. Skont l-Artikolu 8(4a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 20 , l-SRB għandu jiżgura l-protezzjoni fiżika u loġika ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali u għandu jirrikjedi awtorizzazzjoni mill-BĊE għat-trażmissjoni ulterjuri li tista’ tkun meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-kompiti tal-Bord.

    Huwa introdott Artikolu 30a ġdid li jippermetti lill-SRB jikseb informazzjoni miżmuma mill-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati stabbiliti mill-Artikolu 32a tad-Direttiva (UE) 2015/849 21 , li tista’ tkun rilevanti meta titwettaq il-valutazzjoni tal-interess pubbliku. L-SRB jista’ jitlob biss informazzjoni dwar in-numru ta’ klijenti li għalihom entità hija l-uniku sieħeb bankarju jew is-sieħeb bankarju prinċipali. L-SRB għandu jirċievi dik l-informazzjoni permezz tal-awtoritajiet jew l-entitajiet pubbliċi li jimmaniġġjaw il-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati, iffiltrata mid-data personali li ma tkunx rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tal-SRB.

    Jiddaħħlu wkoll emendi sabiex il-BERS, l-ESAs u d-DGS jinġiebu taħt l-ambitu tal-obbligu li jikkooperaw u jaqsmu l-informazzjoni mal-SRB, inkluża l-possibbiltà li jiġu konklużi memoranda ta’ qbil dwar il-kondiviżjoni tal-informazzjoni mal-Bord.

    Barra minn hekk, l-Artikolu 34 huwa emendat sabiex jippermetti lill-Bord jispeċifika l-proċedura u l-forma li biha jitlob il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, kif ukoll sabiex speċifikament isemmi l-MES bħala waħda mill-entitajiet li magħhom jistgħu jseħħu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni.

    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 74 huwa emendat sabiex jipprovdi twissija bikrija mill-Bord lill-BĊE u lill-Kummissjoni meta jipprevedi ħtieġa possibbli li tintuża l-garanzija ta’ kontinġenza fiskali, sabiex jippermetti l-attivazzjoni f’waqtha ta’ tali garanzija ta’ kontinġenza.

    Divulgazzjonijiet

    Ir-regoli tal-SRMR dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali speċifika għall-istituzzjoni huma pjuttost stretti u fil-futur jistgħu jxekklu l-isforzi favur aktar trasparenza fir-rigward tas-settur bankarju. Sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni, l-Artikolu 88 huwa emendat sabiex jippermetti lill-Bord jiddivulga informazzjoni li ma tinġabarx direttament mill-istituzzjonijiet u mill-entitajiet fil-mandat tiegħu iżda li tirriżulta mill-analiżijiet, mill-valutazzjonijiet u mid-determinazzjonijiet tiegħu stess meta din id-divulgazzjoni ma tkunx timmina l-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-rigward tal-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika u jkun hemm interess pubbliku prevalenti relatat mad-divulgazzjoni.

    2023/0111 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 fir-rigward ta’ miżuri ta’ intervent bikri, kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni u l-finanzjament ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 114 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 22 ,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 23 ,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)Il-qafas tal-Unjoni dwar ir-riżoluzzjoni għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għad-ditti ta’ investiment (“istituzzjonijiet”) ġie stabbilit wara l-kriżi finanzjarja globali tal-2008-2009 u b’segwitu għall-pubblikazzjoni b’approvazzjoni internazzjonali tal-Key Attributes of Effective Resolution Regimes for Financial Institutions 24 tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja. Il-qafas tal-Unjoni dwar ir-riżoluzzjoni jikkonsisti fid-Direttiva 2014/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 25 u fir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 26 . Iż-żewġ atti japplikaw għall-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni, u għal kwalunkwe entità oħra li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva jew ta’ dak ir-Regolament (“entitajiet”). Il-qafas tal-Unjoni dwar ir-riżoluzzjoni għandu l-għan li jittratta b’mod ordnat il-falliment tal-istituzzjonijiet u tal-entitajiet billi jippreżerva l-funzjonijiet kritiċi tal-istituzzjonijiet u tal-entitajiet u jevita t-theddid għall-istabbiltà finanzjarja, u fl-istess ħin jipproteġi lid-depożitanti u l-fondi pubbliċi. Barra minn hekk, il-qafas tal-Unjoni dwar ir-riżoluzzjoni għandu l-għan li jrawwem l-iżvilupp tas-suq intern fis-settur bankarju billi joħloq reġim armonizzat sabiex jiġu indirizzati kriżijiet transfruntiera b’mod koordinat u billi jiġu evitati kwistjonijiet relatati mal-kundizzjonijiet ekwi.

    (2)Diversi snin mill-implimentazzjoni tiegħu, il-qafas tal-Unjoni dwar ir-riżoluzzjoni kif applikabbli bħalissa ma jwettaqx kif maħsub fir-rigward ta’ xi wħud minn dawk l-objettivi. B’mod partikolari, filwaqt li l-istituzzjonijiet u l-entitajiet għamlu progress sinifikanti fir-riżolvibbiltà u allokaw riżorsi sinifikanti għal dak l-għan, b’mod partikolari permezz tal-akkumulazzjoni tal-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni u l-ġmigħ għall-arranġamenti ta’ finanzjament tar-riżoluzzjoni, il-qafas tal-Unjoni dwar ir-riżoluzzjoni rarament jintuża. Il-fallimenti ta’ ċerti istituzzjonijiet u entitajiet iżgħar u ta’ daqs medju huma, minflok, indirizzati l-aktar permezz ta’ miżuri nazzjonali mhux armonizzati. Minflok arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jintużaw flus il-kontribwenti. Dik is-sitwazzjoni tidher li tirriżulta minn inċentivi inadegwati. Dawk l-inċentivi inadegwati jirriżultaw mill-interazzjoni tal-qafas tal-Unjoni dwar ir-riżoluzzjoni mar-regoli nazzjonali, billi d-diskrezzjoni wiesgħa fil-valutazzjoni tal-interess pubbliku mhux dejjem tiġi eżerċitata b’mod li jirrifletti kif il-qafas tal-Unjoni dwar ir-riżoluzzjoni kien maħsub li japplika. Fl-istess ħin, il-qafas tal-Unjoni dwar ir-riżoluzzjoni ftit ra użu minħabba r-riskji għad-depożitanti ta’ istituzzjonijiet iffinanzjati b’depożiti li jġarrbu telf sabiex jiġi żgurat li dawk l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jaċċessaw finanzjament estern f’riżoluzzjoni, b’mod partikolari fin-nuqqas ta’ obbligazzjonijiet oħrajn li jistgħu jirċievu rikapitalizzazzjoni interna. Fl-aħħar nett, il-fatt li hemm regoli inqas stretti dwar l-aċċess għall-finanzjament barra mir-riżoluzzjoni milli fir-riżoluzzjoni skoraġġixxa l-applikazzjoni tal-qafas tal-Unjoni dwar ir-riżoluzzjoni favur soluzzjonijiet oħrajn, li spiss jinvolvu l-użu ta’ flus il-kontribwenti minflok ir-riżorsi proprji tal-istituzzjoni jew tal-entità jew tax-xbieki ta’ sikurezza ffinanzjati mill-industrija. Dik is-sitwazzjoni min-naħa tagħha tiġġenera riskji ta’ frammentazzjoni, riskji ta’ eżiti subottimali fil-ġestjoni tal-fallimenti tal-istituzzjonijiet u tal-entitajiet, b’mod partikolari fil-każ ta’ istituzzjonijiet u ta’ entitajiet iżgħar u ta’ daqs medju, u kostijiet tal-għażla minn riżorsi finanzjarji mhux użati. Għalhekk, huwa neċessarju li tiġi żgurata applikazzjoni aktar effettiva u koerenti tal-qafas tal-Unjoni dwar ir-riżoluzzjoni u li jiġi żgurat li dan ikun jista’ jiġi applikat kull meta jkun fl-interess pubbliku, inkluż għal istituzzjonijiet iżgħar u ta’ daqs medju ffinanzjati primarjament permezz ta’ depożiti u mingħajr obbligazzjonijiet suffiċjenti oħrajn li jistgħu jiġu soġġetti għal rikapitalizzazzjoni interna.

    (3)Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, l-Istati Membri li stabbilew kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti rispettivi għandhom jitqiesu bħala Stati Membri parteċipanti għall-finijiet ta’ dak ir-Regolament. Madankollu, ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 ma fih l-ebda dettall dwar il-proċess għat-tħejjija tal-bidu tal-kooperazzjoni msaħħa f’kompiti relatati mar-riżoluzzjoni. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu stabbiliti dawk id-dettalji.

    (4)L-intensità, u l-livell ta’ dettall, tal-ħidma ta’ ppjanar ta’ riżoluzzjoni meħtieġa fir-rigward tas-sussidjarji li ma ġewx identifikati bħala entitajiet ta’ riżoluzzjoni jvarjaw skont id-daqs u l-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet u tal-entitajiet ikkonċernati, il-preżenza ta’ funzjonijiet kritiċi, u l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni tal-grupp. Għalhekk, jenħtieġ li l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (il-“Bord”) ikun jista’ jqis dawk il-fatturi meta jidentifika l-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ tali sussidjarji u jsegwi approċċ simplifikat, meta dan ikun xieraq.

    (5)Istituzzjoni jew entità li tkun qed tiġi stralċata skont id-dritt nazzjonali, wara determinazzjoni li l-istituzzjoni jew l-entità qiegħda tfalli jew x’aktarx se tfalli u konklużjoni mill-Bord li r-riżoluzzjoni tagħha ma tkunx fl-interess pubbliku, fl-aħħar mill-aħħar tkun riesqa sabiex toħroġ mis-suq. Dan jimplika li pjan għall-azzjonijiet li għandhom jittieħdu f’każ ta’ falliment ma huwiex meħtieġ, irrispettivament minn jekk l-awtorità kompetenti tkunx diġà rtirat l-awtorizzazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-entità kkonċernata. L-istess japplika għal istituzzjoni residwa taħt riżoluzzjoni wara t-trasferiment tal-assi, tad-drittijiet u tal-obbligazzjonijiet fil-kuntest ta’ strateġija ta’ trasferiment. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi speċifikat li f’dawk is-sitwazzjonijiet, l-adozzjoni ta’ pjanijiet ta’ riżoluzzjoni ma tkunx meħtieġa.

    (6)Bħalissa l-Bord jista’ jipprojbixxi ċerti distribuzzjonijiet meta istituzzjoni jew entità tonqos milli tissodisfa r-rekwiżit ta’ bafer kombinat meta jitqies b’mod supplimentari għar-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u għall-obbligazzjonijiet eliġibbli (“MREL”). Madankollu, sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-allinjament mal-proċeduri eżistenti għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet meħudin mill-Bord, huwa neċessarju li jiġu speċifikati b’mod aktar ċar ir-rwoli tal-awtoritajiet involuti fil-proċess għall-projbizzjoni tad-distribuzzjonijiet. Għalhekk, xieraq li jiġi stabbilit li l-Bord jenħtieġ li jindirizza struzzjoni sabiex jipprojbixxi tali distribuzzjonijiet lill-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, li jenħtieġ li timplimenta d-deċiżjoni tal-Bord. Barra minn hekk, f’ċerti sitwazzjonijiet, istituzzjoni jew entità tista’ tkun meħtieġa tikkonforma mal-MREL fuq bażi differenti mill-bażi li fuqha dik l-istituzzjoni jew l-entità tkun meħtieġa tikkonforma mar-rekwiżit ta’ bafer kombinat. Dik is-sitwazzjoni toħloq inċertezzi dwar il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-Bord li jipprojbixxi d-distribuzzjonijiet u għall-kalkolu tal-ammont massimu distribwibbli relatat mal-MREL. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi stabbilit li, f’dawk il-każijiet, il-Bord jenħtieġ li jagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni sabiex jipprojbixxu ċerti distribuzzjonijiet fuq il-bażi tal-istima tar-rekwiżit ta’ bafer kombinat li jirriżulta mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1118 27 . Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u ċ-ċertezza legali, jenħtieġ li l-Bord jikkomunika r-rekwiżit ta’ bafer kombinat stmat lill-istituzzjoni jew lill-entità, li mbagħad jenħtieġ li tiddivulga pubblikament dak ir-rekwiżit ta’ bafer kombinat stmat.

    (7)Id-Direttiva 2014/59/UE u r-Regolament (UE) Nru 575/2013 jistabbilixxu s-setgħat li għandhom jiġu eżerċitati mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, li wħud minnhom ma humiex inklużi fir-Regolament (UE) Nru 806/2014. Fil-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni, dan jista’ joħloq inċertezza dwar min huwa meħtieġ li jeżerċita dawk is-setgħat u f’liema kundizzjonijiet huma meħtieġa li jiġu eżerċitati. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi speċifikat kif l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li jeżerċitaw ċerti setgħat stabbiliti biss fid-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward ta’ entitajiet u ta’ gruppi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Bord. F’dawk il-każijiet, jenħtieġ li l-Bord ikun jista’, meta jqis li jkun neċessarju, jagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni sabiex jeżerċitaw dawk is-setgħat. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Bord ikun jista’ jagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni sabiex jirrikjedu li istituzzjoni jew entità żżomm rekords dettaljati tal-kuntratti finanzjarji li għalihom l-istituzzjoni jew l-entità tkun parti, jew li japplikaw is-setgħa sabiex jissospendu xi obbligi finanzjarji skont l-Artikolu 33a tad-Direttiva 2014/59/UE. Madankollu, minħabba li l-permessi għat-tnaqqis tal-istrumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 28 , li huwa applikabbli wkoll għall-istituzzjonijiet u għall-entitajiet u għall-obbligazzjonijiet soġġetti għall-MREL, ma jeħtiġux l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, jenħtieġ li l-Bord ikun jista’ jagħti dawk il-permessi lill-istituzzjonijiet jew lill-entitajiet direttament, mingħajr ma jkollu jagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni sabiex jeżerċitaw dik is-setgħa.

    (8)Ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 29 , ir-Regolament (UE) 2019/877 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 30 u d-Direttiva (UE) 2019/879 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 31 implimentaw fid-dritt tal-Unjoni it-“Total Loss-absorbing Capacity (TLAC) Term Sheet” internazzjonali, ippubblikata mill-Bord għall-Istabilità Finanzjarja fid-9 ta’ Novembru 2015 (l-“istandard tat-TLAC”), għall-banek globali sistemikament importanti, fid-dritt tal-Unjoni msejħin istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (G-SIIs). Ir-Regolament (UE) 2019/877 u d-Direttiva (UE) 2019/879 emendaw ukoll l-MREL stabbilit fid-Direttiva 2014/59/UE u fir-Regolament (UE) Nru 806/2014. Huwa neċessarju li d-dispożizzjonijiet fir-Regolament (UE) Nru 806/2014 dwar l-MREL jiġu allinjati mal-implimentazzjoni tal-istandard tat-TLAC għall-G-SIIs fir-rigward ta’ ċerti obbligazzjonijiet li jistgħu jintużaw sabiex tiġi ssodisfata l-parti tal-MREL li jenħtieġ li tiġi ssodisfata b’fondi proprji u b’obbligazzjonijiet subordinati oħrajn. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-obbligazzjonijiet li jikklassifikaw pari passu ma’ ċerti obbligazzjonijiet esklużi jiġu inklużi fil-fondi proprji u fl-istrumenti eliġibbli subordinati tal-entitajiet ta’ riżoluzzjoni meta l-ammont ta’ dawk l-obbligazzjonijiet esklużi fil-karta bilanċjali tal-entità ta’ riżoluzzjoni ma jaqbiżx il-5 % tal-ammont tal-fondi proprji u tal-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-entità ta’ riżoluzzjoni u l-ebda riskju relatat mal-prinċipju li “l-ebda kreditur ma jmur agħar” ma jirriżulta minn dik l-inklużjoni.

    (9)Ir-regoli għad-determinazzjoni tal-MREL huma ffokati l-aktar fuq l-istabbiliment tal-livell xieraq tal-MREL bis-suppożizzjoni tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna bħala l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ppreferuta. Madankollu, ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 jippermetti lill-Bord juża għodod ta’ riżoluzzjoni oħrajn, jiġifieri dawk li jiddependu fuq it-trasferiment tan-negozju tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni lil xerrej privat jew lil istituzzjoni tranżitorja. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi speċifikat li, f’każ li l-pjan ta’ riżoluzzjoni jipprevedi l-użu tal-għodda tal-bejgħ ta’ negozju jew tal-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja u l-ħruġ tal-entità ta’ riżoluzzjoni mis-suq, jenħtieġ li l-Bord jiddetermina l-livell tal-MREL għall-entità ta’ riżoluzzjoni kkonċernata fuq il-bażi tal-ispeċifiċitajiet ta’ dawk l-għodod ta’ riżoluzzjoni u tal-ħtiġijiet differenti ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni li dawk l-għodod jinvolvu.

    (10)Il-livell tal-MREL għall-entitajiet ta’ riżoluzzjoni huwa s-somma tal-ammont tat-telf mistenni fir-riżoluzzjoni u l-ammont ta’ rikapitalizzazzjoni li jippermetti lill-entità ta’ riżoluzzjoni tkompli tikkonforma mal-kundizzjonijiet tagħha għall-awtorizzazzjoni u li jippermettilha ssegwi l-attivitajiet tagħha għal perjodu xieraq. Ċerti strateġiji ta’ riżoluzzjoni preferuti jinvolvu t-trasferiment ta’ assi, ta’ drittijiet u ta’ obbligazzjonijiet lil riċevitur u ħruġ mis-suq, b’mod partikolari l-għodda tal-bejgħ tan-negozju. F’dawk il-każijiet, l-objettivi segwiti mill-komponent tar-rikapitalizzazzjoni jistgħu ma japplikawx bl-istess mod bħal fil-każ ta’ strateġija ta’ rikapitalizzazzjoni interna ta’ bank miftuħ, minħabba li l-Bord ma huwiex se jkun meħtieġ jiżgura li l-entità ta’ riżoluzzjoni tirrestawra l-konformità mar-rekwiżiti ta’ fondi proprji tagħha wara azzjoni ta’ riżoluzzjoni. Madankollu, it-telf f’każijiet bħal dawn huwa mistenni jaqbeż ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji tal-entità ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi stabbilit li l-livell tal-MREL ta’ dawk l-entitajiet ta’ riżoluzzjoni jkompli jinkludi ammont ta’ rikapitalizzazzjoni li jiġi aġġustat b’mod li jkun proporzjonat għall-istrateġija ta’ riżoluzzjoni.

    (11)Meta l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni tipprevedi l-użu ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni minbarra rikapitalizzazzjoni interna, il-ħtiġijiet ta’ rikapitalizzazzjoni tal-entità kkonċernata ġeneralment ikunu iżgħar wara r-riżoluzzjoni milli fil-każ ta’ rikapitalizzazzjoni interna tal-bank miftuħ. Il-kalibrazzjoni tal-MREL f’każ bħal dan jenħtieġ li tqis dak l-aspett meta jiġi stmat ir-rekwiżit ta’ rikapitalizzazzjoni. Għalhekk, meta jaġġusta l-livell tal-MREL għall-entitajiet ta’ riżoluzzjoni li l-pjan ta’ riżoluzzjoni tagħhom jipprevedi l-bejgħ ta’ għodda tan-negozju jew tal-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja u l-ħruġ tagħha mis-suq, jenħtieġ li l-Bord iqis il-karatteristiċi ta’ dawk l-għodod, inkluż il-perimetru mistenni tat-trasferiment lix-xerrej privat jew lill-istituzzjoni tranżitorja, it-tipi ta’ strumenti li għandhom jiġu ttrasferiti, il-valur u l-kummerċjabbiltà mistennija ta’ dawk l-istrumenti, u d-disinn tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ppreferuta, inkluż l-użu komplementari tal-għodda ta’ separazzjoni tal-assi. Peress li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni trid tiddeċiedi fuq bażi ta’ każ b’każ dwar kwalunkwe użu possibbli fir-riżoluzzjoni ta’ fondi mill-iskema ta’ garanzija tad-depożiti u peress li tali deċiżjoni ma tistax tiġi preżunta b’ċertezza ex ante, jenħtieġ li l-Bord ma jqisx il-kontribuzzjoni potenzjali tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti (f’riżoluzzjoni meta jiġi kkalibrat il-livell tal-MREL.

    (12)Huwa neċessarju li jiġu żgurati inċentivi ugwali sabiex jinbnew ammonti suffiċjenti ta’ MREL għall-istituzzjonijiet u għall-entitajiet li jkunu soġġetti għal strateġiji ta’ trasferiment kemm fir-riżoluzzjoni kif ukoll barra minnha. Għalhekk, jenħtieġ li l-istabbiliment tal-livell tal-MREL għall-istituzzjonijiet u għall-entitajiet li jistgħu jkunu soġġetti għal miżuri fil-kuntest ta’ proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza skont l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 32 isegwi l-istess regoli bħal dawk applikabbli għalihom L-istabbiliment tal-MREL għall-entitajiet ta’ riżoluzzjoni li l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ppreferuta tagħhom tipprevedi l-bejgħ tan-negozju jew it-trasferiment lil istituzzjoni tranżitorja li jwassal għall-ħruġ tagħhom mis-suq.

    (13)Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 33 , il-BĊE huwa kompetenti sabiex iwettaq kompiti superviżorji fir-rigward ta’ intervent bikri. Huwa neċessarju li jitnaqqsu r-riskji li jirriżultaw minn traspożizzjonijiet diverġenti fil-liġijiet nazzjonali tal-miżuri ta’ intervent bikri fid-Direttiva 2014/59/UE u li tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni effettiva u konsistenti mill-BĊE tas-setgħat tiegħu li jieħu miżuri ta’ intervent bikri.  Madankollu, minħabba nuqqas ta’ ċertezza dwar l-iskattaturi għall-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri ta’ intervent bikri u t-trikkib parzjali ma’ miżuri superviżorji, il-miżuri ta’ intervent bikri rarament intużaw. Għalhekk, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/59/UE dwar miżuri ta’ intervent bikri jiġu riflessi fir-Regolament (UE) Nru 806/2014, u b’hekk tiġi żgurata għodda legali unika u direttament applikabbli għall-BĊE, u jenħtieġ li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri ta’ intervent bikri jiġu ssimplifikati u speċifikati aktar. Sabiex jitneħħew l-inċertezzi dwar il-kundizzjonijiet u t-twaqqit għat-tneħħija tal-korp maniġerjali u l-ħatra ta’ amministraturi temporanji, jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu identifikati b’mod espliċitu bħala miżuri ta’ intervent bikri u l-applikazzjoni tagħhom jenħtieġ li tkun soġġetta għall-istess skattaturi. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-BĊE jkun meħtieġ jagħżel il-miżuri xierqa sabiex jindirizza sitwazzjoni speċifika f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Sabiex il-BĊE jkun jista’ jqis ir-riskji għar-reputazzjoni jew ir-riskji relatati mal-ħasil tal-flus jew mat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, jenħtieġ li l-BĊE jivvaluta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ intervent bikri mhux biss fuq il-bażi ta’ indikaturi kwantitattivi, inklużi r-rekwiżiti kapitali jew ta’ likwidità, il-livell ta’ ingranaġġ, is-self improduttiv jew il-konċentrazzjoni ta’ skoperturi, iżda wkoll fuq il-bażi ta’ skattaturi kwalitattivi.

    (14)Huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-Bord ikun jista’ jħejji għar-riżoluzzjoni possibbli ta’ istituzzjoni jew ta’ entità. Għalhekk, jenħtieġ li l-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti tinforma lill-Bord dwar id-deterjorament tal-kundizzjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni jew ta’ entità minn kmieni biżżejjed, u jenħtieġ li l-Bord ikollu s-setgħat neċessarji sabiex jimplimenta l-miżuri preparatorji. Huwa importanti li sabiex il-Bord ikun jista’ jirreaġixxi malajr kemm jista’ jkun għal deterjorament tas-sitwazzjoni ta’ istituzzjoni jew ta’ entità, jenħtieġ li l-applikazzjoni minn qabel ta’ miżuri ta’ intervent bikri ma tkunx kundizzjoni sabiex il-Bord jagħmel arranġamenti għall-kummerċjalizzazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-entità jew sabiex jitlob informazzjoni sabiex jiġi aġġornat il-pjan ta’ riżoluzzjoni u titħejja l-valwazzjoni. Sabiex tiġi żgurata reazzjoni konsistenti, ikkoordinata, effettiva u f’waqtha għad-deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni jew ta’ entità u sabiex issir tħejjija kif xieraq għal riżoluzzjoni possibbli, huwa neċessarju li jittejbu l-interazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-BĊE, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-Bord. Malli istituzzjoni jew entità tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ intervent bikri, jenħtieġ li l-BĊE, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-Bord iżidu l-iskambji ta’ informazzjoni tagħhom, inkluża informazzjoni proviżorja, u jimmonitorjaw is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjoni jew tal-entità b’mod konġunt.

    (15)Huwa neċessarju li jiġu żgurati azzjoni f’waqtha u koordinazzjoni bikrija bejn il-Bord u l-BĊE, jew l-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti, fir-rigward ta’ gruppi transfruntiera anqas sinifikanti meta istituzzjoni jew entità tkun għadha negozju avvjat iżda meta jkun hemm riskju materjali li dik l-istituzzjoni jew l-entità tista’ tfalli. Għalhekk, jenħtieġ li l-BĊE jew l-awtorità kompetenti nazzjonali rilevanti tinnotifika lill-Bord kmieni kemm jista’ jkun dwar dan ir-riskju. Jenħtieġ li dik in-notifika jkun fiha r-raġunijiet għall-valutazzjoni tal-BĊE jew tal-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti u ħarsa ġenerali lejn il-miżuri alternattivi tas-settur privat, l-azzjoni superviżorja jew il-miżuri ta’ intervent bikri li huma disponibbli sabiex jiġi evitat il-falliment tal-istituzzjoni jew tal-entità f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Jenħtieġ li tali notifika bikrija ma tippreġudikax il-proċeduri sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni humiex issodisfati. In-notifika minn qabel mill-BĊE jew mill-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti lill-Bord ta’ riskju materjali li istituzzjoni jew entità qiegħda tfalli jew x’aktarx li tfalli ma għandhiex tkun kundizzjoni għal determinazzjoni sussegwenti li istituzzjoni jew entità fil-fatt qiegħda tfalli jew x’aktarx tfalli. Barra minn hekk, jekk fi stadju aktar tard l-istituzzjoni jew l-entità tiġi vvalutata li qiegħda tfalli jew x’aktarx tfalli u ma jkun hemm l-ebda soluzzjoni alternattiva sabiex jiġi evitat tali nuqqas f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, il-Bord għandu jieħu deċiżjoni dwar jekk għandux jieħu azzjoni ta’ riżoluzzjoni. F’każ bħal dan, il-puntwalità tad-deċiżjoni li tiġi applikata azzjoni ta’ riżoluzzjoni lil istituzzjoni jew entità tista’ tkun fundamentali għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni, b’mod partikolari minħabba li intervent aktar bikri fl-istituzzjoni jew fl-entità jista’ jikkontribwixxi sabiex jiġu żgurati livelli suffiċjenti ta’ kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ likwidità sabiex tiġi eżegwita dik l-istrateġija. Għalhekk, huwa xieraq li l-Bord ikun jista’ jivvaluta, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE jew mal-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti, x’jikkostitwixxi perjodu ta’ żmien raġonevoli sabiex jiġu implimentati miżuri alternattivi bl-għan li jiġi evitat il-falliment tal-istituzzjoni jew tal-entità. Sabiex jiġi żgurat eżitu f’waqtu u sabiex il-Bord ikun jista’ jħejji kif suppost għar-riżoluzzjoni potenzjali tal-istituzzjoni jew tal-entità, jenħtieġ li l-Bord u l-BĊE, jew l-awtorità kompetenti nazzjonali rilevanti, jiltaqgħu regolarment, u l-Bord jenħtieġ li jiddeċiedi dwar il-frekwenza ta’ dawk il-laqgħat filwaqt li jqis iċ-ċirkostanzi tal-każ.

    (16)Sabiex jiġi kopert ksur materjali tar-rekwiżiti prudenzjali, huwa neċessarju li jiġu speċifikati aktar il-kundizzjonijiet għad-determinazzjoni ta’ li l-impriżi prinċipali, inklużi l-kumpaniji azzjonarji, qegħdin ifallu jew x’aktarx ifallu. Ksur ta’ dawk ir-rekwiżiti minn impriża prinċipali jenħtieġ li jkun materjali meta t-tip u l-firxa ta’ tali ksur ikunu komparabbli ma’ ksur li, li kieku twettaq minn istituzzjoni ta’ kreditu, kien ikun jiġġustifika l-irtirar tal-awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/36/UE.

    (17)Il-qafas ta’ riżoluzzjoni huwa maħsub sabiex jiġi applikat potenzjalment għal kwalunkwe istituzzjoni jew entità, irrispettivament mid-daqs u mill-mudell kummerċjali tagħha, jekk l-għodod disponibbli skont id-dritt nazzjonali ma jkunux adegwati sabiex jiġi ġestit il-falliment tagħha. Sabiex jiġi żgurat eżitu bħal dan, jenħtieġ li jiġu speċifikati l-kriterji sabiex tiġi applikata l-valutazzjoni tal-interess pubbliku lil istituzzjoni jew lil entità li qiegħda tfalli.

    (18)Il-valutazzjoni ta’ jekk ir-riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni jew ta’ entità tkunx fl-interess pubbliku jenħtieġ li tirrifletti l-kunsiderazzjoni li d-depożitanti huma protetti aħjar meta l-fondi tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti jintużaw b’mod aktar effiċjenti u t-telf għal dawk il-fondi jiġi mminimizzat. Għalhekk, fil-valutazzjoni tal-interess pubbliku, l-objettiv ta’ riżoluzzjoni tal-protezzjoni tad-depożitanti jenħtieġ li jitqies bħala miksub aħjar f’riżoluzzjoni jekk l-għażla għall-insolvenza tkun aktar għalja għall-iskema ta’ garanzija tad-depożiti.

    (19)Il-valutazzjoni ta’ jekk ir-riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni jew ta’ entità hijiex fl-interess pubbliku jenħtieġ li tirrifletti wkoll, sa fejn ikun possibbli, id-differenza bejn, minn naħa, il-finanzjament ipprovdut permezz ta’ xbieki ta’ sikurezza ffinanzjati mill-industrija (arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jew skemi ta’ garanzija tad-depożiti) u, min-naħa l-oħra, finanzjament ipprovdut mill-Istati Membri minn flus il-kontribwenti. Il-finanzjament ipprovdut mill-Istati Membri jġarrab riskju ogħla ta’ periklu morali u inċentiv aktar baxx għad-dixxiplina fis-suq. Għalhekk, meta jivvaluta l-objettiv li jimminimizza d-dipendenza fuq għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja, jenħtieġ li l-Bord isib finanzjament permezz tal-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jew l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti, preferibbli għall-finanzjament permezz ta’ ammont ugwali ta’ riżorsi mill-baġit tal-Istati Membri.

    (20)Sabiex jiġi żgurat li l-objettivi ta’ riżoluzzjoni jintlaħqu bl-aktar mod effettiv, jenħtieġ li l-eżitu tal-valutazzjoni tal-interess pubbliku jkun negattiv biss meta l-istralċ tal-istituzzjoni jew tal-entità li tkun qiegħda tfalli fi proċedimenti normali ta’ insolvenza jikseb l-objettivi ta’ riżoluzzjoni b’mod aktar effettiv u mhux biss fl-istess livell bħar-riżoluzzjoni.

    (21)Fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/59/UE, ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 u d-Direttiva 2014/49/UE, huwa neċessarju li jiġu speċifikati aktar il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jingħataw b’mod eċċezzjonali miżuri ta’ natura prekawzjonarja li jikkwalifikaw bħala għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja. Sabiex jiġu mminimizzati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mid-differenzi fin-natura tal-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti fl-Unjoni, l-interventi ta’ skemi bħal dawn fil-kuntest ta’ miżuri preventivi li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2014/49/UE li jikkwalifikaw bħala għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja jenħtieġ li jkunu permessi b’mod eċċezzjonali meta l-istituzzjoni jew l-entità benefiċjarja ma tissodisfa l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet sabiex titqies bħala li qiegħda tfalli jew x’aktarx tfalli. Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-miżuri kawtelatorji jittieħdu minn kmieni biżżejjed. Bħalissa l-BĊE jibbaża l-kunsiderazzjoni tiegħu li istituzzjoni jew entità tkun solventi, għall-finijiet ta’ rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja, fuq valutazzjoni li tħares ’il quddiem għat-12-il xahar segwenti ta’ jekk l-istituzzjoni jew l-entità tistax tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ fondi proprji stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew fir-Regolament (UE) 2019/2033, u mar-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali stabbilit fid-Direttiva 2013/36/UE jew fid-Direttiva (UE) 2019/2034. Jenħtieġ li dik il-prattika tkun stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 806/2014. Barra minn hekk, il-miżuri sabiex jiġi pprovdut salvataġġ għal assi indeboliti, inklużi l-vetturi tal-immaniġġjar tal-assi jew l-iskemi ta’ garanzija tal-assi, jistgħu jkunu effettivi u effiċjenti fl-indirizzar tal-kawżi ta’ diffikultà finanzjarja possibbli li jiffaċċjaw l-istituzzjonijiet u l-entitajiet u fil-prevenzjoni tal-falliment tagħhom u, għalhekk, jistgħu jikkostitwixxu miżuri kawtelatorji rilevanti. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi speċifikat li tali miżuri kawtelatorji jistgħu jieħdu l-forma ta’ miżuri ta’ assi indeboliti.

    (22)Sabiex tiġi ppreservata d-dixxiplina fis-suq, jiġu protetti l-fondi pubbliċi u jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, jenħtieġ li l-miżuri kawtelatorji jibqgħu l-eċċezzjoni u jiġu applikati biss sabiex jindirizzaw tfixkil serju fis-suq jew sabiex tiġi ppreżervata l-istabbiltà finanzjarja. Barra minn hekk, jenħtieġ li ma jintużawx miżuri kawtelatorji sabiex jiġi indirizzat it-telf imġarrab jew probabbli. L-aktar strument affidabbli sabiex jiġi identifikat it-telf imġarrab jew li x’aktarx jiġġarrab huwa rieżami tal-kwalità tal-assi mill-BĊE, mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea) (EBA), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 34 jew mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Jenħtieġ li l-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jużaw tali rieżami sabiex jidentifikaw telf imġarrab jew li x’aktarx jiġġarrab jekk tali rieżami jkun jista’ jitwettaq fi ħdan perjodu ta’ żmien raġonevoli. Meta dan ma jkunx possibbli, jenħtieġ li l-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jidentifikaw telf imġarrab jew li x’aktarx jiġġarrab bl-aktar mod affidabbli possibbli fiċ-ċirkostanzi prevalenti, fuq il-bażi ta’ spezzjonijiet fuq il-post, meta dan ikun xieraq.

    (23)Ir-rikapitalizzazzjoni ta’ prekawzjoni għandha l-għan li tappoġġa lil istituzzjonijiet u lil entitajiet vijabbli identifikati bħala li x’aktarx jiltaqgħu ma’ diffikultajiet temporanji fil-futur qarib u li tipprevjeni s-sitwazzjoni tagħhom milli tkompli tiddeterjora. Sabiex jiġi evitat li jingħataw sussidji pubbliċi lil negozji li diġà ma jagħmlux profitt meta jingħata l-appoġġ, il-miżuri kawtelatorji mogħtijin fil-forma ta’ akkwist ta’ strumenti ta’ fondi proprji jew ta’ strumenti kapitali oħrajn jew permezz ta’ miżuri ta’ assi indeboliti jenħtieġ li ma jaqbżux l-ammont neċessarju sabiex jiġu koperti d-defiċits ta’ kapital kif identifikati fix-xenarju avvers ta’ stress test jew ta’ eżerċizzju ekwivalenti. Sabiex jiġi żgurat li l-finanzjament pubbliku jitwaqqaf fl-aħħar mill-aħħar, jenħtieġ li dawk il-miżuri kawtelatorji jkunu wkoll limitati fiż-żmien u jkun fihom skeda ta’ żmien ċara għat-terminazzjoni tagħhom (strateġija ta’ ħruġ). L-istrumenti perpetwi, inkluż il-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni, jenħtieġ li jintużaw biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali u jkunu soġġetti għal ċerti limiti kwantitattivi minħabba li min-natura tagħhom ma humiex adattati sew għall-konformità mal-kundizzjoni ta’ temporanjetà.

    (24)Jenħtieġ li l-miżuri kawtelatorji jkunu limitati għall-ammont li l-istituzzjoni jew l-entità jkollha bżonn iżżomm is-solvenza tagħha f’każ ta’ avveniment ta’ xenarju avvers kif iddeterminat fi stress test jew f’eżerċizzju ekwivalenti. Fil-każ ta’ miżuri kawtelatorji fil-forma ta’ miżuri ta’ assi indeboliti, jenħtieġ li l-istituzzjoni jew l-entità riċeventi tkun tista’ tuża dak l-ammont sabiex tkopri t-telf fuq l-assi ttrasferiti jew flimkien ma’ akkwiżizzjoni ta’ strumenti kapitali, dment li ma jinqabiżx l-ammont globali tad-defiċit identifikat. Huwa neċessarju wkoll li jiġi żgurat li tali miżuri kawtelatorji fil-forma ta’ miżuri ta’ assi indeboliti jikkonformaw mar-regoli eżistenti dwar l-għajnuna mill-Istat u mal-aħjar prattiki, li huma jirrestawraw il-vijabbiltà fit-tul tal-istituzzjoni jew tal-entità, dik l-għajnuna mill-Istat tkun limitata għall-minimu neċessarju u li jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Għal dawk ir-raġunijiet, jenħtieġ li l-awtoritajiet ikkonċernati, f’każ ta’ miżuri kawtelatorji fil-forma ta’ miżuri ta’ assi indeboliti, iqisu l-gwida speċifika, inklużi l-Pjan ta’ Azzjoni tal-AMC 35 u l-Komunikazzjoni dwar l-Indirizzar ta’ Self Improduttiv 36 . Dawk il-miżuri kawtelatorji fil-forma ta’ miżuri ta’ assi indeboliti dejjem jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-kundizzjoni prevalenti ta’ temporanjetà wkoll. Il-garanziji pubbliċi mogħtijin għal perjodu speċifikat fir-rigward tal-assi indeboliti tal-istituzzjoni jew tal-entità kkonċernata huma mistennijin jiżguraw konformità aħjar mal-kundizzjoni ta’ temporanjetà meta mqabblin mat-trasferimenti ta’ tali assi lil entità appoġġata pubblikament. Sabiex jiġi żgurat il-ħruġ mis-suq ta’ istituzzjonijiet u ta’ entitajiet li jirriżulta li ma jkunx vijabbli, minkejja l-appoġġ riċevut, huwa neċessraju li jiġi stabbilit li n-nuqqas ta’ konformità mill-istituzzjoni jew mill-entità kkonċernata mat-termini tal-miżuri ta’ appoġġ speċifikati fiż-żmien li jkunu ngħataw tali miżuri għandu jirriżulta li l-istituzzjoni jew l-entità kkonċernata titqies li qiegħda tfalli jew x’aktarx tfalli.

    (25)Huwa importanti li tiġi żgurata azzjoni ta’ riżoluzzjoni rapida u f’waqtha mill-Bord meta tali azzjoni tinvolvi l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat jew ta’ għajnuna mill-Fond. Għalhekk, huwa neċessarju li l-Bord ikun jista’ jadotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni kkonċernata qabel ma l-Kummissjoni tkun ivvalutat jekk tali għajnuna tkunx kompatibbli mas-suq intern. Madankollu, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern f’xenarju bħal dan, jenħtieġ li l-iskemi ta’ riżoluzzjoni li jinvolvu l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat jew ta’ għajnuna mill-Fond fl-aħħar mill-aħħar jibqgħu soġġetti għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni ta’ tali għajnuna. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta mill-aktar fis prattikabbli jekk l-għajnuna mill-Fond tkunx kompatibbli mas-suq uniku, u sabiex jiġi żgurat fluss bla xkiel ta’ informazzjoni, huwa neċessarju wkoll li jiġi stabbilit li jenħtieġ li l-Bord u l-Kummissjoni jikkondividu minnufih l-informazzjoni neċessarja kollha dwar l-użu possibbli tal-għajnuna mill-Fond u li jiġu previsti regoli speċifiċi dwar meta u liema informazzjoni jenħtieġ li l-Bord jipprovdi lill-Kummissjoni sabiex jinforma l-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Fond.

    (26)Il-proċedura li tirregola d-dħul f’riżoluzzjoni u l-proċedura li tirregola d-deċiżjoni li jiġu applikati s-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u ta’ konverżjoni huma simili. Għalhekk, huwa xieraq li l-kompiti rispettivi tal-Bord u tal-BĊE jew tal-awtorità nazzjonali kompetenti jiġu allinjati, kif rilevanti, meta, minn naħa, jivvalutaw jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tas-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u ta’ konverżjoni jkunux preżenti, u, min-naħa l-oħra, meta jivvalutaw il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni.

    (27)Huwa possibbli li l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni tiġi applikata għal entità ta’ riżoluzzjoni li hija l-kap ta’ grupp ta’ riżoluzzjoni, filwaqt li s-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u ta’ konverżjoni għandhom jiġu applikati għal entità oħra tal-istess grupp. L-interdipendenzi bejn tali entitajiet, inkluża l-eżistenza ta’ rekwiżiti kapitali konsolidati li għandhom jiġu rrestawrati u l-ħtieġa li jiġu attivati mekkaniżmi upstream tat-telf u downstream tal-kapital, jistgħu jagħmluha diffiċli li jiġu vvalutati l-ħtiġijiet ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni għal kull entità separatament, u għalhekk li jiġu ddeterminati l-ammonti neċessarji li għandhom jiġu valwati negattivament u jiġu kkonvertiti għal kull entità. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi speċifikata l-proċedura għall-applikazzjoni tas-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva u ta’ konverżjoni ta’ strumenti kapitali u ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli f’dawk is-sitwazzjonijiet, meta l-Bord jenħtieġ li jqis tali interdipendenzi. Għal dak l-għan, meta entità waħda tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tas-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva u ta’ konverżjoni u entità oħra fl-istess grupp tissodisfa fl-istess ħin il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni, jenħtieġ li l-Bord jadotta skema ta’ riżoluzzjoni li tkopri ż-żewġ entitajiet.

    (28)Sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali, u fid-dawl tar-rilevanza potenzjali tal-obbligazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn avvenimenti inċerti futuri, inkluż l-eżitu tal-litigazzjonijiet pendenti fiż-żmien tar-riżoluzzjoni, huwa neċessarju li jiġi stabbilit liema trattament dawk l-obbligazzjonijiet jenħtieġ li jirċievu għall-applikazzjoni tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna. Jenħtieġ li f’dak ir-rigward il-prinċipji gwida jkunu dawk ipprovduti fir-regoli kontabilistiċi, u b’mod partikolari r-regoli kontabilistiċi stabbiliti fl-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità 37 kif adottat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 37 . Fuq dik il-bażi, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jagħmlu distinzjoni bejn il-provvedimenti u l-obbligazzjonijiet kontinġenti. Il-provvedimenti huma obbligazzjonijiet li huma relatati ma’ ħruġ probabbli ta’ fondi u li jistgħu jiġu stmati b’mod affidabbli. L-obbligazzjonijiet kontinġenti ma humiex rikonoxxuti bħala obbligazzjonijiet kontabilistiċi peress li huma relatati ma’ obbligu li ma jistax jitqies probabbli fiż-żmien tal-istima jew ma jistax jiġi stmat b’mod affidabbli.

    (29)Peress li l-provvedimenti huma obbligazzjonijiet kontabilistiċi, jenħtieġ li jiġi speċifikat li tali provvedimenti għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħal obbligazzjonijiet oħrajn. Jenħtieġ li dawn il-provvedimenti jkunu rikapitalizzabbli internament, sakemm ma jissodisfawx wieħed mill-kriterji speċifiċi sabiex jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna. Minħabba r-rilevanza potenzjali ta’ dawk id-dispożizzjonijiet fir-riżoluzzjoni u sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza fl-applikazzjoni tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna, jenħtieġ li jiġi speċifikat li d-dispożizzjonijiet ikunu parti mill-obbligazzjonijiet ta’ kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna u li, b’riżultat ta’ dan, l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna tapplika għalihom.

    (30)Skont il-prinċipji kontabilistiċi, l-obbligazzjonijiet kontinġenti ma jistgħux jiġu rikonoxxuti bħala obbligazzjonijiet u, għalhekk, jenħtieġ li ma jkunux rikapitalizzabbli internament. Madankollu, huwa neċessarju li jiġi żgurat li obbligazzjoni kontinġenti li tirriżulta minn avveniment li jkun improbabbli jew li ma jistax jiġi stmat b’mod affidabbli fiż-żmien tar-riżoluzzjoni ma tfixkilx l-effettività tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni u b’mod partikolari tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna. Sabiex jikseb dak l-objettiv, il-valwatur jenħtieġ li, bħala parti mill-valwazzjoni għall-finijiet ta’ riżoluzzjoni, jivvaluta l-obbligazzjonijiet kontinġenti li huma inklużi fil-karta bilanċjali tal-istituzzjoni jew tal-entità taħt riżoluzzjoni u jikkwantifika l-valur potenzjali ta’ dawk l-obbligazzjonijiet għall-aħjar kapaċitajiet tal-valwatur. Sabiex jiġi żgurat li, wara l-proċess ta’ riżoluzzjoni, l-istituzzjoni jew l-entità tkun tista’ ssostni fiduċja suffiċjenti fis-suq għal ammont xieraq ta’ żmien, il-valwatur jenħtieġ li jqis dak il-valur potenzjali meta jistabbilixxi l-ammont li bih l-obbligazzjonijiet rikapitalizzabbli internament jeħtieġ li jiġu valwati negattivament jew ikkonvertiti sabiex jiġu rrestawrati l-proporzjonijiet ta’ kapital tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tapplika s-setgħat ta’ konverżjoni tagħha għal obbligazzjonijiet rikapitalizzabbli internament sa fejn ikun neċessraju sabiex jiġi żgurat li r-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni tkun biżżejjed sabiex tkopri t-telf potenzjali li jista’ jiġi kkawżat minn obbligazzjoni li tista’ tirriżulta minħabba avveniment improbabbli. Meta tivvaluta l-ammont li għandu jiġi valwat negattivament jew jiġi kkonvertit, jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tikkunsidra bir-reqqa l-impatt tat-telf potenzjali fuq l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni fuq il-bażi ta’ għadd ta’ fatturi, inkluża l-probabbiltà li jseħħ l-avveniment, il-perjodu ta’ żmien għall-materjalizzazzjoni tiegħu u l-ammont tal-obbligazzjoni kontinġenti.

    (31)F’ċerti ċirkostanzi, wara li l-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni jkun ipprovda kontribuzzjoni sa massimu ta’ 5 % tal-obbligazzjonijiet totali tal-istituzzjoni jew tal-entità inklużi l-fondi proprji, il-Bord jista’ juża sorsi addizzjonali ta’ finanzjament sabiex jappoġġa aktar l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni tagħha. Jenħtieġ li jiġi speċifikat b’mod aktar ċar f’liema ċirkostanzi l-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni jista’ jipprovdi appoġġ ulterjuri meta l-obbligazzjonijiet kollha bi gradazzjoni ta’ prijorità aktar baxxa minn depożiti li ma jkunux legalment jew diskrezzjonalment esklużi minn rikapitalizzazzjoni interna jkunu ġew valwati negattivament jew ġew ikkonvertiti bis-sħiħ.

    (32)Is-suċċess tar-riżoluzzjoni jiddependi fuq aċċess f’waqtu mill-Bord għal informazzjoni rilevanti mill-istituzzjonijiet u mill-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Bord u mill-istituzzjonijiet u mill-awtoritajiet pubbliċi. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-Bord ikun jista’ jaċċessa informazzjoni ta’ natura statistika li l-BĊE ġabar fid-dawl tal-funzjoni tiegħu bħala bank ċentrali, minbarra l-informazzjoni disponibbli għall-BĊE bħala superviżur fil-qafas tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 38 , jenħtieġ li l-Bord jiżgura l-protezzjoni fiżika u loġika ta’ informazzjoni statistika kunfidenzjali u jenħtieġ li jirrikjedi awtorizzazzjoni mill-BĊE għat-trażmissjoni ulterjuri li tista’ tkun meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-kompiti tal-Bord. Billi informazzjoni relatata man-numru ta’ klijenti li għalihom istituzzjoni jew entità tkun l-uniku sieħeb bankarju jew is-sieħeb bankarju prinċipali, li tinżamm mill-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati stabbiliti skont id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 39 , tista’ tkun neċessarja sabiex titwettaq il-valutazzjoni tal-interess pubbliku, jenħtieġ li l-Bord ikun jista’ jirċievi dik l-informazzjoni fuq bażi ta’ każ b’każ. Jenħtieġ li jiġi speċifikat ukoll iż-żmien eżatt tal-aċċess indirett għall-informazzjoni mill-Bord. B’mod partikolari, meta l-informazzjoni rilevanti tkun disponibbli għal istituzzjoni jew għal awtorità li tkun obbligata tikkoopera mal-Bord meta l-Bord jitlob informazzjoni, jenħtieġ li tali istituzzjoni jew awtorità tipprovdi dik l-informazzjoni lill-Bord. Jekk, f’dak iż-żmien l-informazzjoni ma tkunx disponibbli, irrispettivament mir-raġuni għal dan in-nuqqas ta’ disponibbiltà, jenħtieġ li l-Bord ikun jista’ jikseb dik l-informazzjoni mill-persuna fiżika jew ġuridika li jkollha dik l-informazzjoni permezz tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jew direttament, wara li jkun informa lil dawk l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni dwar dan. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li l-Bord jispeċifika l-proċedura u l-forma li fihom jenħtieġ li jirċievi informazzjoni mingħand entitajiet finanzjarji sabiex jiġi żgurat li tali informazzjoni tkun l-aktar adattata għall-ħtiġijiet tiegħu, inklużi kmamar tad-data virtwali. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-usa’ kooperazzjoni possibbli mal-entitajiet kollha suxxettibbli li jżommu data rilevanti għall-Bord, u neċessarja għat-twettiq tal-kompiti mogħtijin lilu, u sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tat-talbiet lill-istituzzjonijiet u lill-entitajiet, l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet pubbliċi li magħhom il-Bord jenħtieġ li jkun jista’ jikkoopera, jivverifika d-disponibbiltà tal-informazzjoni u jiskambja l-informazzjoni, jenħtieġ li jinkludu l-membri tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali, id-DGSs rilevanti, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, l-awtoritajiet Superviżorji Ewropej u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà. Fl-aħħar nett, sabiex jiġi żgurat intervent f’waqtu tal-arranġamenti finanzjarji kuntrattati għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni f’każ ta’ bżonn, jenħtieġ li l-Bord jinforma lill-Kummissjoni u lill-BĊE malli jqis li jista’ jkun neċessarju li jiġu attivati tali arranġamenti finanzjarji u jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-BĊE bl-informazzjoni kollha neċessarja għat-twettiq tal-kompiti tagħhom fir-rigward ta’ tali arranġamenti finanzjarji.

    (33)L-Artikolu 86(1) tad-Direttiva 2014/59/UE jipprevedi li proċedimenti normali ta’ insolvenza fir-rigward ta’ istituzzjonijiet u ta’ entitajiet fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva ma għandhomx jinbdew ħlief fuq l-inizjattiva tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni u li deċiżjoni li istituzzjoni jew entità titqiegħed taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza għandha tittieħed biss bil-kunsens tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni. Dik id-dispożizzjoni ma hijiex riflessa fir-Regolament (UE) Nru 806/2014. F’konformità mad-diviżjoni tal-kompiti speċifikati fir-Regolament (UE) Nru 806/2014, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jikkonsultaw lill-Bord qabel ma jaġixxu f’konformità mal-Artikolu 86(1) tad-Direttiva 2014/59/UE għall-istituzzjonijiet u għall-entitajiet li huma taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Bord.

    (34)Il-kriterji tal-għażla għall-kariga tal-Viċi-President tal-Bord huma l-istess bħal dawk għall-għażla tal-President u ta’ membri full-time oħrajn tal-Bord. Għalhekk, xieraq li l-Viċi-President tal-Bord jiġi pprovdut ukoll bl-istess drittijiet tal-vot bħal dawk li jgawdu l-President u l-membri full-time tal-Bord.

    (35)Sabiex jiġu żgurati l-kontinwità istituzzjonali u l-akkumulu ta’ għarfien espert istituzzjonali, il-President, jenħtieġ li l-Viċi-President u l-membri l-oħrajn full-time tal-Bord jitħallew iservu għal żewġ mandati konsekuttivi fil-karigi rispettivi tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġġedded il-mandat tagħhom għal mandat ta’ ħames snin, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dmirijiethom matul l-ewwel mandat.

    (36)Sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni preliminari mill-Bord fis-sessjoni plenarja tiegħu tal-abbozz tal-baġit preliminari qabel ma l-President jippreżenta l-abbozz finali tiegħu, jenħtieġ li jiġi estiż il-perjodu għall-President sabiex iressaq proposta inizjali għall-baġit annwali tal-Bord.

    (37)Wara l-perjodu inizjali ta’ akkumulazzjoni tal-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni msemmi fl-Artikolu 69(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, il-mezzi finanzjarji disponibbli tiegħu jistgħu jiffaċċjaw tnaqqis żgħir taħt il-livell fil-mira tiegħu, b’mod partikolari li jirriżulta minn żieda fid-depożiti koperti. Għalhekk, l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet ex ante li x’aktarx jintalbu f’dawk iċ-ċirkostanzi x’aktarx li jkun żgħir. Għaldaqstant, jista’ jkun possibbli li, wara xi snin, l-ammont ta’ dawk il-kontribuzzjonijiet ex ante ma jibqax proporzjonat meta mqabbel mal-kost tal-ġbir ta’ dawk il-kontribuzzjonijiet. Għalhekk, jenħtieġ li l-Bord ikun jista’ jiddifferixxi l-ġbir tal-kontribuzzjonijiet ex ante għal sena jew aktar sakemm l-ammont li għandu jinġabar jilħaq ammont li jkun proporzjonat għall-kost tal-proċess tal-ġbir, dment li tali differiment ma jaffettwax materjalment il-kapaċità tal-Bord li juża l-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni.

    (38)L-impenji ta’ pagament irrevokabbli huma wieħed mill-komponenti tal-mezzi finanzjarji disponibbli tal-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġu speċifikati ċ-ċirkostanzi li fihom jistgħu jissejħu dawk l-impenji ta’ pagament, u l-proċedura applikabbli meta jintemmu l-impenji f’każ li istituzzjoni jew entità ma tibqax soġġetta għall-obbligu li tħallas kontribuzzjonijiet lill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Barra minn hekk, sabiex jiġu pprovduti aktar trasparenza u ċertezza fir-rigward tas-sehem tal-impenji ta’ pagament irrevokabbli fl-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet ex ante li għandhom jinġabru, jenħtieġ li l-Bord jiddetermina tali sehem fuq bażi annwali, soġġett għal-limiti applikabbli.

    (39)L-ammont annwali massimu ta’ post kontribuzzjonijiet straordinarji lill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni li jistgħu jiġu eżerċitati bħalissa huwa limitat għal tliet darbiet l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Wara l-perjodu inizjali ta’ akkumulazzjoni msemmi fl-Artikolu 69(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, tali kontribuzzjonijiet ex ante jiddependu biss, f’ċirkostanzi għajr l-użu tal-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, fuq varjazzjonijiet fil-livell ta’ depożiti koperti u, għalhekk, x’aktarx li jsiru żgħar. L-ibbażar tal-ammont massimu ta’ kontribuzzjonijiet ex post straordinarji fuq kontribuzzjonijiet ex ante jista’ mbagħad ikollu l-effett li jillimita drastikament il-possibbiltà li l-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni jiġbor kontribuzzjonijiet ex post, u b’hekk titnaqqas il-kapaċità tiegħu għal azzjoni. Sabiex jiġi evitat eżitu bħal dan, jenħtieġ li jiġi stabbilit limitu differenti u jenħtieġ li l-ammont massimu ta’ kontribuzzjonijiet straordinarji ex post permessi li jiġu eżerċitati jiġi stabbilit għal tliet darbiet ta’ wieħed minn tmienja tal-livell fil-mira tal-Fond.

    (40)Il-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni jista’ jintuża sabiex jappoġġa l-applikazzjoni tal-għodda tal-bejgħ ta’ negozju jew tal-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja, meta sett ta’ assi, ta’ drittijiet, u ta’ obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jiġu ttrasferiti lil riċevitur. F’dak il-każ, il-Bord jista’ jkollu pretensjoni kontra l-istituzzjoni jew kontra l-entità residwa fl-istralċ sussegwenti tagħha taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza. Dan jista’ jseħħ meta l-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni jintuża b’rabta mat-telf li l-kredituri kieku kienu jġarrbu, inkluż taħt il-forma ta’ garanziji għall-assi u għall-obbligazzjonijiet, jew il-kopertura tad-differenza bejn l-assi u l-obbligazzjonijiet ittrasferiti. Sabiex jiġi żgurat li l-azzjonisti u l-kredituri li jitħallew lura fl-istituzzjoni jew fl-entità residwa jassorbu effettivament it-telf tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni u jtejbu l-possibbiltà ta’ ripagamenti f’insolvenza lill-Bord, dawk il-pretensjonijiet tal-Bord kontra l-istituzzjoni jew kontra l-entità residwa, u l-pretensjonijiet li jirriżultaw minn spejjeż raġonevoli mġarrbin kif xieraq mill-Bord, jenħtieġ li jibbenefikaw mill-istess gradazzjoni ta’ prijorità fl-insolvenza bħall-klassifikazzjoni tal-pretensjonijiet tal-arranġamenti nazzjonali ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni f’kull Stat Membru parteċipanti, li jenħtieġ li tkun ogħla mill-gradazzjoni ta’ prijorità tad-depożiti u tal-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti.  

    (41)Peress li xi wħud mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 dwar ir-rwol li jista’ jkollhom l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti fir-riżoluzzjoni huma simili għal dawk tad-Direttiva 2014/59/UE, l-emendi li saru għal dawk id-dispożizzjonijiet fid-Direttiva 2014/59/UE bi [OP jekk jogħġbok daħħal in-numru tad-Direttiva li temenda d-Direttiva 2014/59/UE] jenħtieġ li jiġu riflessi fir-Regolament (UE) Nru 806/2014.

    (42)It-trasparenza hija kruċjali sabiex jiġu żgurati l-integrità tas-suq, id-dixxiplina fis-suq, u l-protezzjoni tal-investituri. Sabiex jiġi żgurat li l-Bord ikun jista’ jrawwem, u jipparteċipa fi sforzi favur aktar trasparenza, jenħtieġ li l-Bord jiddivulga jiżvela informazzjoni li tirriżulta mill-analiżijiet, mill-valutazzjonijiet u mid-determinazzjonijiet tiegħu stess, inklużi l-valutazzjonijiet tar-riżolvibbiltà tiegħu, meta tali divulgazzjoni ma timminax il-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-rigward tal-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika u meta jkun hemm interess pubbliku prevalenti fid-divulgazzjoni.

    (43)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 806/2014 jiġi emendat kif meħtieġ.

    (44)Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza, jenħtieġ li l-emendi għar-Regolament (UE) Nru 806/2014 li huma simili għall-emendi għad-Direttiva 2014/59/UE bi… [OP, jekk jogħġbok daħħal in-numru tad-Direttiva li temenda d-Direttiva 2014/59/UE] jiġu applikati mill-istess data bħad-data għat-traspożizzjoni ta’ … [OP, jekk jogħġbok daħħal in-numru tad-Direttiva li temenda d-Direttiva 2014/59/UE], li hija … [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = 18-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju]. Madankollu, ma hemm l-ebda raġuni sabiex tiġi posposta l-applikazzjoni ta’ dawk l-emendi għar-Regolament (UE) Nru 806/2014 li huma relatati esklużivament mal-funzjonament tal-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li dawk l-emendi japplikaw minn … [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = xahar wieħed (1) mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju].

    (45)Billi l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jittejbu l-effettività u l-effiċjenza tal-qafas ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni għall-istituzzjonijiet u għall-entitajiet, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba r-riskji li approċċi nazzjonali diverġenti jistgħu jinvolvu għall-integrità tas-suq uniku iżda pjuttost jistgħu, billi jiġu emendati r-regoli li diġà huma stabbiliti fil-livell tal-Unjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi għar-Regolament (UE) Nru 806/2014

    Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 huwa emendat kif ġej:

    (1)l-Artikolu 3(1) huwa emendat kif ġej:

    (a)il-punt (24a) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “(24a) “entità ta’ riżoluzzjoni” tfisser persuna ġuridika stabbilita fi Stat Membru parteċipanti, li l-Bord jew l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, f’konformità mal-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament, tkun identifikat bħala entità li fir-rigward tagħha l-pjan ta’ riżoluzzjoni jipprevedi azzjoni ta’ riżoluzzjoni;”;

    (b)jiddaħħlu l-punti (24d) u (24e) li ġejjin:

    “(24d) “G-SII mhux tal-UE” tfisser G-SII mhux tal-UE kif iddefinita fl-Artikolu 4(1), il-punt (134), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

    (24e)    “entità G-SII” tfisser entità G-SII kif iddefinita fl-Artikolu 4(1), il-punt (136), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;”;

    (c)il-punt (49) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “(49) “obbligazzjonijiet rikapitalizzabbli internament” tfisser obbligazzjonijiet, inklużi dawk l-obbligazzjonijiet li jwasslu għal provvedimenti kontabilistiċi, u strumenti kapitali li ma jikkwalifikawx bħala strumenti tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni, jew bħala strumenti tal-Grad 1 jew tal-Grad 2 addizzjonali ta’ entità kif imsemmijin fl-Artikolu 2 u li ma humiex esklużi mill-ambitu tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 27(3);”;

    (2)fl-Artikolu 4, jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

    “1a. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Bord mill-aktar fis possibbli bit-talba tagħhom sabiex jidħlu f’kooperazzjoni msaħħa mal-BĊE skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

    Wara n-notifika magħmula skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u qabel ma tiġi stabbilita kooperazzjoni msaħħa, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha dwar l-entitajiet u l-gruppi stabbiliti fit-territorju tagħhom li l-Bord jista’ jirrikjedi sabiex iħejji għall-kompiti mogħtijin lilu minn dan ir-Regolament u mill-Ftehim.”;

    (3)l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

    (a)fil-paragrafu 3, ir-raba’ subparagrafu, l-ewwel sentenza hija ssostitwita b’dan li ġej:

    “Meta jwettqu l-kompiti msemmijin f’dan il-paragrafu, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament. Kwalunkwe referenza għall-Bord fl-Artikolu 5(2), fl-Artikolu 6(5), fl-Artikolu 8(6), (8), (12) u (13), fl-Artikolu 10(1) sa (10), fl-Artikolu 10a, fl-Artikoli 11 sa 14, fl-Artikolu 15(1), (2) u (3), fl-Artikolu 16, fl-Artikolu 18(1), (1a), (2) u (6), fl-Artikolu 20, fl-Artikolu 21(1) sa (7), fl-Artikolu 21(8), it-tieni subparagrafu, fl-Artikolu 21(9) u (10), fl-Artikolu 22(1), (3) u (6), fl-Artikoli 23 u 24, fl-Artikolu 25(3), fl-Artikolu 27(1) sa (15), fl-Artikolu 27(16), it-tieni subparagrafu, it-tieni sentenza, it-tielet subparagrafu, u r-raba’ subparagrafu, l-ewwel, it-tielet u r-raba’ sentenzi, u fl-Artikolu 32 għandhom jinqraw bħala referenzi għall-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tal-gruppi u tal-entitajiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.”;

    (b)il-paragrafu 5 huwa emendat kif ġej:

    (i)il-kliem “Artikolu 12(2)” huwa ssostitwit bil-kliem “Artikolu 12(3)”;

    (ii)jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “Wara li tkun daħlet fis-seħħ in-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri parteċipanti jistgħu jiddeċiedu li r-responsabbiltà għat-twettiq tal-kompiti relatati ma’ entitajiet u ma’ gruppi stabbiliti fit-territorju tagħhom, minbarra dawk imsemmijin fil-paragrafu 2, għandha tiġi rritornata lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, f’liema każ l-ewwel subparagrafu ma jibqax japplika. L-Istati Membri li għandhom l-intenzjoni jagħmlu użu minn dik l-għażla għandhom jinnotifikaw lill-Bord u lill-Kummissjoni dwar dan. In-notifika għandu jkollha effett mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.”;

    (4)l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

    (a)fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “Il-Bord jista’ jagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni sabiex jeżerċitaw is-setgħat imsemmijin fl-Artikolu 10(8) tad-Direttiva 2014/59/UE. L-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni għandhom jimplimentaw l-istruzzjonijiet tal-Bord f’konformità mal-Artikolu 29 ta’ dan ir-Regolament.”;

    (b)fil-paragrafu 10, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “L-identifikazzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward tas-sussidjarji msemmijin fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b), li ma humiex entitajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jkunu soġġetti għal approċċ simplifikat mill-Bord jekk tali approċċ ma jaffettwax b’mod negattiv ir-riżolvibbiltà tal-grupp, filwaqt li jitqiesu d-daqs tas-sussidjarja, il-profil tar-riskju tagħha, in-nuqqas ta’ funzjonijiet kritiċi u l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni tal-grupp.”;

    (c)jiżdied il-paragrafu 14 li ġej:

    “14. Il-Bord ma għandux jadotta pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għall-entitajiet u għall-gruppi msemmijin fil-paragrafu 1 meta jkun japplika l-Artikolu 22(5) jew meta l-entità jew il-grupp ikun qiegħed jiġi stralċat f’konformità mad-dritt nazzjonali applikabbli skont l-Artikolu 32b tad-Direttiva 2014/59/UE.”;

    (5)l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

    (a)fil-paragrafu 4, ir-raba’ subparagrafu, il-kliem “fl-ewwel subparagrafu” huwa ssostitwit bil-kliem “fit-tielet subparagrafu”;

    (b)fil-paragrafu 7, il-kliem “indirizzat lill-istituzzjoni jew lill-impriża prinċipali” huma sostitwiti bil-kliem “indirizzati lill-entità jew lill-impriża prinċipali” u l-kliem “ l-impatt fuq il-mudell tal-operat tal-istituzzjoni” huwa ssostitwit bil-kliem “impatt fuq il-mudell kummerċjali tal-entità jew tal-grupp”;

    (c)il-paragrafu 10 huwa emendat kif ġej:

    (i)fit-tieni subparagrafu, il-kelma “istituzzjoni” hija ssostitwita bil-kliem “entità kkonċernata”;

    (ii)fit-tielet subparagrafu, il-kelma “istituzzjoni” hija ssostitwita bil-kelma “entità”;

    (iii)jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “Jekk il-miżuri proposti mill-entità kkonċernata effettivament inaqqsu jew ineħħu l-impedimenti għar-riżolvibbiltà, il-Bord għandu jieħu deċiżjoni, wara li jkun ikkonsulta lill-BĊE jew lill-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti u, meta xieraq, lill-awtorità makroprudenzjali deżinjata. Dik id-deċiżjoni għandha tindika li l-miżuri proposti effettivament inaqqsu jew ineħħu l-impedimenti għar-riżolvibbiltà u għandha tagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali sabiex jirrikjedu lill-istituzzjoni, lill-impriża prinċipali, jew lil kwalunkwe sussidjarja tal-grupp ikkonċernat, jimplimentaw il-miżuri proposti.”;

    (6)l-Artikolu 10a huwa emendat kif ġej:

    (a)fil-paragrafu 1, il-formulazzjoni introduttorja hija ssostitwita b’dan li ġej:

    “1. Meta entità tkun f’sitwazzjoni fejn tissodisfa r-rekwiżit ta’ bafer kombinat meta kkunsidrat flimkien ma’ kull wieħed mir-rekwiżiti msemmijin fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 141a(1) tad-Direttiva 2013/36/UE, iżda tonqos milli tissodisfa r-rekwiżit ta’ bafer kombinat meta jitqies flimkien mar-rekwiżiti msemmijin fl-Artikoli 12d u 12e ta’ dan ir-Regolament meta kkalkolat f’konformità mal-Artikolu 12a(2), il-punt (a) ta’ dan ir-Regolament, il-Bord għandu jkollu s-setgħa, f’konformità mal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, li jordna lill-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni sabiex tipprojbixxi lil entità milli tiddistribwixxi aktar mill-Ammont Massimu Distribwibbli relatat mar-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u għall-obbligazzjonijiet eliġibbli (“M-MDA”), ikkalkolat f’konformità mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, permezz ta’ kwalunkwe waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:”;

    (b)jiżdied il-paragrafu 7 li ġej:

    “7. Meta entità ma tkunx soġġetta għar-rekwiżit ta’ bafer kombinat fuq l-istess bażi bħall-bażi li fuqha tkun meħtieġa tikkonforma mar-rekwiżiti msemmijin fl-Artikoli 12d u 12e, Il-Bord għandu japplika l-paragrafi 1 sa 6 ta’ dan l-Artikolu fuq il-bażi tal-istima tar-rekwiżit ta’ bafer kombinat f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1118*. Għandu jkun japplika l-Artikolu 128, ir-raba’ paragrafu, tad-Direttiva 2013/36/UE.

    Il-Bord għandu jinkludi r-rekwiżit ta’ bafer kombinat stmat imsemmi fl-ewwel subparagrafu fid-deċiżjoni li tiddetermina r-rekwiżiti msemmijin fl-Artikoli 12d u 12e ta’ dan ir-Regolament. L-entità għandha tagħmel ir-rekwiżit ta’ bafer kombinat stmat disponibbli għall-pubbliku flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 45i(3) tad-Direttiva 2014/59/UE.

    _________________________________

    *    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1118 tas-26 ta’ Marzu 2021 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-metodoloġija li għandha tintuża mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex jiġi stmat ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-rekwiżit ta’ riżerva kombinat għal entitajiet ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni fejn il-grupp ta’ riżoluzzjoni ma huwiex soġġett għal dawk ir-rekwiżiti skont dik id-Direttiva (ĠU L 241, 8.7.2021, p. 1).”;

    (7)fl-Artikolu 12, jiżdied il-paragrafu 8 li ġej:

    “8. Il-Bord għandu jkun responsabbli għall-għoti tal-permessi msemmijin fl-Artikoli 77(2) u 78a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 lill-entitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Il-Bord għandu jindirizza d-deċiżjoni tiegħu lill-entità kkonċernata.”;

    (8)fl-Artikolu 12a, il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “1. Il-Bord u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni għandhom jiżguraw li l-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 12(1) u (3) jissodisfaw, f’kull ħin, ir-rekwiżiti għal fondi proprji u għal obbligazzjonijiet eliġibbli meta dan ikun meħtieġ mill-Bord u kif iddeterminat minnu, f’konformità ma’ dan l-Artikolu u mal-Artikolu 12b sa 12i.”;

    (9)l-Artikolu 12c huwa emendat kif ġej:

    (a)fil-paragrafi 4 u 5, il-kelma “GSIIs” hija ssostitwita bil-kliem “entitajiet G-SII”;

    (b)fil-paragrafu 7, it-test introduttorju, il-kliem “paragrafu 3” huwa ssostitwit bil-kliem “paragrafu 4”, u l-kelma “GSIIs” hija ssostitwita bil-kliem “entitajiet G-SII”;

    (c)il-paragrafu 8 huwa emendat kif ġej:

    (i)fl-ewwel subparagrafu, il-kelma “GSIIs” hija ssostitwita bil-kliem “entitajiet G-SII”;

    (ii)fit-tieni subparagrafu, il-punt (c), il-kelma “G-SII” hija ssostitwita bil-kliem “entità G-SII”;

    (d)jiżdied il-paragrafu 10 li ġej:

    “10. Il-Bord jista’ jippermetti lill-entitajiet ta’ riżoluzzjoni jikkonformaw mar-rekwiżiti msemmijin fil-paragrafi 4, 5 u 7 bl-użu ta’ fondi proprji jew ta’ obbligazzjonijiet kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 3 meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)għal entitajiet li huma entitajiet G-SII jew entitajiet ta’ riżoluzzjoni li huma soġġetti għall-Artikolu 12d(4) jew (5), il-Bord ma jkunx naqqas ir-rekwiżit imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, skont l-ewwel subparagrafu ta’ dak il-paragrafu;

    (b)l-obbligazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li ma jissodisfawx il-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 72b(2), il-punt (d), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 72b(4), il-punti (b) sa (e), ta’ dak ir-Regolament.”;

    (10)fl-Artikolu 12d, il-paragrafu 3, it-tmien subparagrafu, u l-paragrafu 6, it-tmien subparagrafu, il-kliem “funzjonijiet ekonomiċi kritiċi” huwa ssostitwit bil-kliem “funzjonijiet kritiċi”;

    (11)jiddaħħal l-Artikolu 12da li ġej:

    Artikolu 12da

    Determinazzjoni tar-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u għall-obbligazzjonijiet eliġibbli għal strateġiji ta’ trasferiment li jwasslu għall-ħruġ mis-suq

    1. Meta jiġi applikat l-Artikolu 12d lil entità ta’ riżoluzzjoni li l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ppreferuta tagħha tipprevedi primarjament l-użu tal-għodda tal-bejgħ ta’ negozju jew l-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja u l-ħruġ tagħha mis-suq, il-Bord għandu jistabbilixxi l-ammont ta’ rikapitalizzazzjoni previst fl-Artikolu 12d(3) b’mod proporzjonat fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin, kif rilevanti:

    (a)id-daqs, il-mudell kummerċjali, il-mudell ta’ finanzjament u l-profil tar-riskju tal-entità ta’ riżoluzzjoni, u l-profondità tas-suq li fih topera l-entità ta’ riżoluzzjoni;

    (b)l-ishma, strumenti oħrajn ta’ sjieda, assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet li għandhom jiġu ttrasferiti lil riċevitur kif identifikati fil-pjan ta’ riżoluzzjoni, filwaqt li jitqiesu:

    (i)il-linji operatorji ewlenin u l-funzjonijiet kritiċi tal-entità ta’ riżoluzzjoni;

    (ii)l-obbligazzjonijiet esklużi mir-rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 27(3);

    (iii)is-salvagwardji msemmijin fl-Artikoli 73 sa 80 tad-Direttiva 2014/59/UE;

    (c)il-valur mistenni u l-kummerċjabbiltà tal-ishma, ta’ strumenti oħrajn ta’ sjieda, ta’ assi, ta’ drittijiet jew ta’ obbligazzjonijiet tal-entità ta’ riżoluzzjoni msemmijin fil-punt (b), filwaqt li jitqiesu:

    (i)kwalunkwe impediment materjali għar-riżolvibbiltà, identifikat mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni, li jkun direttament relatat mal-applikazzjoni tal-għodda tal-bejgħ ta’ negozju jew tal-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja;

    (ii)it-telf li jirriżulta mill-assi, mid-drittijiet jew mill-obbligazzjonijiet li jifdal fl-istituzzjoni residwa;

    (d)jekk l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ppreferuta tipprevedix it-trasferiment ta’ ishma jew ta’ strumenti oħrajn ta’ sjieda maħruġin mill-entità ta’ riżoluzzjoni, jew tal-assi, tad-drittijiet u tal-obbligazzjonijiet kollha tal-entità ta’ riżoluzzjoni jew ta’ parti minnhom;

    (e)jekk l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ppreferuta tipprevedix l-applikazzjoni tal-għodda tas-separazzjoni tal-assi.

    2. Meta l-pjan ta’ riżoluzzjoni jipprevedi li l-entità għandha tiġi stralċata skont proċedimenti normali ta’ insolvenza jew proċeduri nazzjonali ekwivalenti oħrajn u jipprevedi l-użu tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti skont l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2014/49/UE, il-Bord għandu jqis ukoll il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu meta jwettaq il-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 12d(2a), it-tieni subparagrafu, ta’ dan ir-Regolament.

    3. L-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ma għandhiex tirriżulta f’ammont li jkun ogħla mill-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 12d(3).”;

    (12)fl-Artikolu 12e(1), il-kliem “G-SII jew parti minn G-SII” huwa ssostitwit bil-kliem “entità G-SII”;

    (13)l-Artikolu 12g huwa emendat kif ġej:

    (a)il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

    (i)it-tieni subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “Il-Bord, wara li jkun ikkonsulta mal-awtoritajiet kompetenti, inkluż il-BĊE, jista’ jiddeċiedi li japplika r-rekwiżit stabbilit f’dan l-Artikolu għal entità kif imsemmi fl-Artikolu 2, il-punt (b), u għal istituzzjoni finanzjarja kif imsemmija fl-Artikolu 2, il-punt (c), li hija sussidjarja ta’ entità ta’ riżoluzzjoni iżda li ma hijiex entità ta’ riżoluzzjoni hija nnifisha.”;

    (ii)fit-tielet subparagrafu, il-kliem “l-ewwel subparagrafu” huwa ssostitwit bil-kliem “l-ewwel u t-tieni subparagrafi”;

    (b)jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

    “4. Meta, f’konformità mal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni globali, is-sussidjarji stabbiliti fl-Unjoni, jew impriża prinċipali tal-Unjoni u l-istituzzjonijiet sussidjarji tagħha, ma jkunux entitajiet ta’ riżoluzzjoni u l-membri tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni Ewropew, meta jkun stabbilit skont l-Artikolu 89 tad-Direttiva 2014/59/UE, jaqblu ma’ dik l-istrateġija, is-sussidjarji stabbiliti fl-Unjoni jew, fuq bażi konsolidata, l-impriża prinċipali tal-Unjoni, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżit tal-Artikolu 12a(1) billi joħorġu l-istrumenti msemmijin fil-paragrafu 2, il-punti (a) u (b), ta’ dan l-Artikolu għal kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

    (a)l-impriża prinċipali apikali tagħhom stabbilita f’pajjiż terz;

    (b)is-sussidjarji ta’ dik l-impriża prinċipali apikali li huma stabbiliti fl-istess pajjiż terz;

    (c)entitajiet oħrajn skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, il-punti (a)(i) u (b)(ii), ta’ dan l-Artikolu.”;

    (14)l-Artikolu 12k huwa emendat kif ġej:

    (a)fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza hija ssostitwita b’din li ġejja:

    “B’deroga mill-Artikolu 12a(1), il-Bord għandu jiddetermina perjodi tranżitorji adatti sabiex l-entitajiet jikkonformaw mar-rekwiżiti fl-Artikoli 12f jew 12g, jew mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 12c(4), (5) jew (7), kif ikun xieraq.”;

    (b)fil-paragrafu 3, il-punt (a), il-kliem “l-Bord jew l-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni” huwa ssostitwit bil-kliem “l-Bord”;

    (c)fil-paragrafu 4, il-kliem “GSII” huwa ssostitwit bil-kliem “G-SII jew G-SII mhux tal-UE”;

    (d)fil-paragrafi 5 u 6, il-kliem “il-Bord u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni” huwa ssostitwit bil-kliem “il-Bord”;

    (15)l-Artikolu 13 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    Artikolu 13

    Miżuri ta’ intervent bikri

    1. Il-BĊE jista’ japplika miżuri ta’ intervent bikri meta entità kif imsemmija fl-Artikolu 7(2)(a) tissodisfa kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)l-entità tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 102 tad-Direttiva 2013/36/UE jew fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u tkun tapplika waħda minn dawn li ġejjin:

    (i)l-entità ma tkunx ħadet l-azzjonijiet ta’ rimedju meħtieġa mill-BĊE, inklużi l-miżuri msemmijin fl-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/UE, fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jew fl-Artikolu 49 tad-Direttiva (UE) 2019/2034;

    (ii)il-BĊE jqis li l-azzjonijiet ta’ rimedju minbarra l-miżuri ta’ intervent bikri ma humiex biżżejjed sabiex jindirizzaw il-problemi minħabba, fost l-oħrajn, deterjorament rapidu u sinifikanti tal-kundizzjoni finanzjarja tal-entità;

    (b)l-entità tikser jew x’aktarx tikser fit-12-il xahar ta’ wara l-valutazzjoni tal-BĊE r-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu II tad-Direttiva 2014/65/UE, fl-Artikoli 3 sa 7, 14 sa 17, jew 24, 25 u 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, jew fl-Artikoli 12f jew 12g ta’ dan ir-Regolament.

    Il-BĊE jista’ jiddetermina li l-kundizzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a)(ii), tiġi ssodisfata mingħajr ma jkun ħa azzjonijiet ta’ rimedju oħrajn qabel, inkluż l-eżerċizzju tas-setgħat imsemmijin fl-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/UE jew fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

    2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-miżuri ta’ intervent bikri għandhom jinkludu dawn li ġejjin:

    (a)ir-rekwiżit għall-korp maniġerjali tal-entità li jagħmel xi waħda minn dawn li ġejjin:

    (i)li jimplimenta wieħed jew aktar mill-arranġamenti jew mill-miżuri stabbiliti fil-pjan ta’ rkupru;

    (ii)li jaġġorna l-pjan ta’ rkupru f’konformità mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2014/59/UE meta ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-intervent bikri jkunu differenti mis-suppożizzjonijiet stabbiliti fil-pjan ta’ rkupru inizjali u li jimplimenta wieħed jew aktar mill-arranġamenti jew mill-miżuri stabbiliti fil-pjan ta’ rkupru aġġornat f’perjodu ta’ żmien speċifiku;

    (b)ir-rekwiżit għall-korp maniġerjali tal-entità li jsejjaħ, jew, jekk il-korp maniġerjali jonqos milli jikkonforma ma’ dak ir-rekwiżit, li jsejjaħ direttament, laqgħa tal-azzjonisti tal-entità, u fiż-żewġ każijiet jistabbilixxi l-aġenda u jitlob li l-azzjonisti jikkunsidraw ċerti deċiżjonijiet għall-adozzjoni;

    (c)ir-rekwiżit li l-korp maniġerjali tal-entità li jfassal pjan, f’konformità mal-pjan ta’ rkupru meta applikabbli, għan-negozjar dwar ir-ristrutturar tad-dejn ma’ wħud mill-kredituri tiegħu jew mal-kredituri kollha tiegħu;

    (d)ir-rekwiżit li tinbidel l-istruttura legali tal-istituzzjoni;

    (e)ir-rekwiżit li jitneħħa jew jiġi ssostitwit il-korp maniġerjali jew maniġerjali superjuri tal-entità fl-intier tagħha jew fir-rigward tal-individwi, f’konformità mal-Artikolu 13a;

    (f)il-ħatra ta’ amministratur temporanju wieħed jew aktar għall-entità, f’konformità mal-Artikolu 13b.

    3. Il-BĊE għandu jagħżel il-miżuri xierqa ta’ intervent bikri bbażati fuq dak li huwa proporzjonat għall-objettivi segwiti, filwaqt li jqis is-serjetà tal-ksur jew tal-ksur probabbli u l-ħeffa tad-deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-entità, fost informazzjoni rilevanti oħra.

    4. Għal kull waħda mill-miżuri msemmijin fil-paragrafu 2, il-BĊE għandu jistabbilixxi skadenza li tkun xierqa għat-tlestija ta’ dik il-miżura u li tippermetti lill-BĊE jevalwa l-effettività tagħha.

    5. Meta grupp jinkludi entitajiet stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti kif ukoll fi Stati Membri mhux parteċipanti, il-BĊE għandu jirrappreżenta lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri parteċipanti għall-finijiet ta’ konsultazzjoni u ta’ kooperazzjoni ma’ Stati Membri mhux parteċipanti f’konformità mal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2014/59/UE.

    Meta grupp jinkludi entitajiet stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti u sussidjarji stabbiliti, jew fergħat sinifikanti li jinsabu fi Stati Membri mhux parteċipanti, il-BĊE għandu jikkomunika kwalunkwe deċiżjoni jew miżura msemmija fl-Artikoli 13 sa 13c rilevanti għall-grupp lill-awtoritajiet kompetenti u/jew lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-Istati Membri mhux parteċipanti, kif xieraq.”;

    (16)jiddaħħlu l-Artikoli 13a, 13b u 13c li ġejjin:

    Artikolu 13a

    Sostituzzjoni tal-maniġment superjuri jew tal-korp maniġerjali

    Għall-finijiet tal-Artikolu 13(2), il-punt (e), il-maniġment superjuri jew il-korp maniġerjali l-ġdid, jew il-membri individwali ta’ dawk il-korpi, għandhom jinħatru f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali u jkunu soġġetti għall-approvazzjoni tal-BĊE.

    Artikolu 13b

    Amministratur temporanju

    1. Għall-finijiet tal-Artikolu 13(2), il-punt (f), il-BĊE jista’, fuq il-bażi ta’ dak li huwa proporzjonat fiċ-ċirkostanzi, jaħtar kwalunkwe amministratur temporanju sabiex jagħmel waħda minn dawn li ġejjin:

    (a)jissostitwixxi temporanjament il-korp maniġerjali tal-entità;

    (b)jaħdem temporanjament mal-korp maniġerjali tal-entità.

    Il-BĊE għandu jispeċifika l-għażla tiegħu skont il-punti (a) jew (b) fiż-żmien tal-ħatra tal-amministratur temporanju.

    Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (b), il-BĊE għandu jispeċifika aktar fiż-żmien tal-ħatra tal-amministratur temporanju r-rwol, id-dmirijiet u s-setgħat ta’ dak l-amministratur temporanju u kwalunkwe rekwiżit għall-korp maniġerjali tal-entità sabiex jikkonsulta jew jikseb il-kunsens tal-amministratur temporanju qabel ma jieħu deċiżjonijiet jew azzjonijiet speċifiċi.

    Il-BĊE għandu jippubblika l-ħatra ta’ kwalunkwe amministratur temporanju, ħlief meta l-amministratur temporanju ma jkollux is-setgħa li jirrappreżenta lill-entità.

    Kwalunkwe amministratur temporanju għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 91(1), (2) u (3) tad-Direttiva 2013/36/UE. Il-valutazzjoni mill-BĊE ta’ jekk l-amministratur temporanju jikkonformax ma’ dawk ir-rekwiżiti għandha tkun parti integrali mid-deċiżjoni li jinħatar dak l-amministratur temporanju.

    2. Il-BĊE għandu jispeċifika s-setgħat tal-amministratur temporanju fil-mument tal-ħatra tiegħu fuq il-bażi ta’ xi jkun proporzjonat fiċ-ċirkostanzi. Tali setgħat jistgħu jinkludu wħud mis-setgħat jew is-setgħat kollha tal-korp maniġerjali tal-entità, skont l-istatuti tal-entità u skont id-dritt nazzjonali, inkluża s-setgħa li jeżerċita l-funzjonijiet amministrattivi kollha tal-bord maniġerjali tal-entità jew uħud minnhom. Is-setgħat tal-amministratur temporanju fir-rigward tal-entità għandhom ikunu konformi mad-dritt soċjetarju applikabbli.

    3. Il-BĊE għandu jispeċifika r-rwol u l-funzjonijiet tal-amministratur temporanju fil-mument tal-ħatra. Tali rwol u funzjonijiet jistgħu jinkludu dawn kollha li ġejjin:

    (a)aċċertar tal-pożizzjoni finanzjarja tad-debitur;

    (b)il-ġestjoni tan-negozju jew ta’ parti min-negozju tal-entità sabiex tiġi ppreżervata jew irrestawrata l-pożizzjoni finanzjarja tagħha;

    (c)it-teħid ta’ miżuri sabiex tiġi rrestawrata l-ġestjoni soda u prudenti tan-negozju tal-entità.

    Il-BĊE għandu jispeċifika kwalunkwe limitu fuq ir-rwol u fuq il-funzjonijiet tal-amministratur temporanju fil-mument tal-ħatra tiegħu.

    4. Il-BĊE għandu jkollu s-setgħa esklużiva li jaħtar u jneħħi kwalunkwe amministratur temporanju. Il-BĊE jista’ jneħħi amministratur temporanju fi kwalunkwe ħin u għal kwalunkwe raġuni. Il-BĊE jista’ jvarja t-termini tal-ħatra ta’ amministratur temporanju fi kwalunkwe ħin soġġett għal dan l-Artikolu.

    5. Il-BĊE jista’ jitlob li ċerti atti ta’ amministratur temporanju jkunu soġġetti għall-kunsens minn qabel tal-BĊE. Il-BĊE għandu jispeċifika kwalunkwe rekwiżit ta’ dan it-tip fil-mument tal-ħatra tal-amministratur temporanju jew meta ssir kwalunkwe varjazzjoni fit-termini tal-ħatra tal-amministratur temporanju.

    Fi kwalunkwe każ, l-amministratur temporanju jista’ jeżerċita s-setgħa li jsejjaħ laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tal-entità u li jistabbilixxi l-aġenda ta’ tali laqgħa biss bil-kunsens minn qabel tal-BĊE.

    6. Fuq talba tal-BĊE, l-amministratur temporanju għandu jfassal rapporti dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-entità u dwar l-atti mwettqin matul il-ħatra tiegħu, f’intervalli stabbiliti mill-BĊE, u fi kwalunkwe każ fi tmiem il-mandat tiegħu.

    7. L-amministratur temporanju għandu jinħatar għal massimu ta’ sena waħda (1). Dak il-perjodu jista’ jiġġedded b’mod eċċezzjonali jekk il-kundizzjonijiet għall-ħatra tal-amministratur temporanju jkomplu jiġu ssodisfati. Il-BĊE għandu jiddetermina dawk il-kundizzjonijiet u għandu jiġġustifika kwalunkwe tiġdid tal-ħatra tal-amministratur temporanju lill-azzjonisti.

    8. Soġġetta għal dan l-Artikolu, il-ħatra ta’ amministratur temporanju ma għandhiex tippreġudika d-drittijiet tal-azzjonisti stabbiliti fid-dritt soċjetarju tal-Unjoni jew nazzjonali.

    9. Amministratur temporanju maħtur skont il-paragrafi 1 sa 8 ta’ dan l-Artikolu ma għandux jitqies bħala viċi direttur jew direttur de facto skont id-dritt nazzjonali.

    Artikolu 13c

    Tħejjija għar-riżoluzzjoni

    1. Għall-entitajiet u għall-gruppi msemmijin fl-Artikolu 7(2), u għall-entitajiet u għall-gruppi msemmijin fl-Artikolu 7(4), il-punt (b), u fl-Artikolu 7(5) meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, il-BĊE jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-Bord mingħajr dewmien dwar kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

    (a)kwalunkwe waħda mill-miżuri msemmijin fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jew l-Artikolu 104(1) tad-Direttiva 2013/36/UE li jeħtieġu li tittieħed minn entità jew minn grupp;

    (b)meta l-attività superviżorja turi li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-Regolament jew fl-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2014/59/UE jkunu ssodisfati fir-rigward ta’ entità jew ta’ grupp, il-valutazzjoni li dawk il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfati, irrispettivament minn kwalunkwe miżura ta’ intervent bikri;

    (c)l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe waħda mill-miżuri ta’ intervent bikri msemmijin fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament jew fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 2014/59/UE.

    Il-Bord għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bin-notifika li jkun irċieva skont l-ewwel subparagrafu.

    Il-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti għandhom jimmonitorjaw mill-qrib, f’kooperazzjoni mal-Bord, is-sitwazzjoni tal-entitajiet u tal-gruppi msemmijin fl-ewwel subparagrafu u l-konformità tagħhom mal-miżuri msemmijin fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a), li jkollhom l-għan li jindirizzaw deterjorament fis-sitwazzjoni ta’ dawk l-entitajiet u l-gruppi u bil-miżuri ta’ intervent bikri msemmijin fl-ewwel subparagrafu, il-punt (c).

    2. Il-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti għandhom jinnotifikaw lill-Bord mill-aktar fis possibbli meta jqisu li hemm riskju materjali li tkun tapplika waħda jew aktar miċ-ċirkostanzi msemmijin fl-Artikolu 18(4) fir-rigward ta’ entità kif imsemmija fl-Artikolu 7(2), jew ta’ entità kif imsemmija fl-Artikolu 7(4), il-punt (b), u fl-Artikolu 7(5) meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Dik in-notifika għandu jkun fiha:

    (a)ir-raġunijiet għan-notifika;

    (b)ħarsa ġenerali lejn il-miżuri li jipprevjenu l-falliment tal-entità f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, l-impatt mistenni tagħhom fuq l-entità fir-rigward taċ-ċirkostanzi msemmijin fl-Artikolu 18(4) u l-perjodu ta’ żmien mistenni għall-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri.

    Wara li jkun irċieva n-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Bord għandu jivvaluta, f’kooperazzjoni msaħħa mal-BĊE jew mal-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti, x’jikkostitwixxi perjodu ta’ żmien raġonevoli għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kundizzjoni msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 18(1), filwaqt li jitqiesu l-veloċità tad-deterjorament tal-kundizzjonijiet tal-entità, il-ħtieġa li tiġi implimentata b’mod effettiv l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni u kwalunkwe kunsiderazzjoni rilevanti oħra. Il-Bord għandu jikkomunika dik il-valutazzjoni lill-BĊE jew lill-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti mill-aktar fis possibbli.

    Wara n-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti u l-Bord għandhom, f’kooperazzjoni msaħħa, jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tal-entità, l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe miżura rilevanti fil-perjodu ta’ żmien mistenni tagħhom u kwalunkwe żvilupp rilevanti ieħor. Għal dak l-għan, il-Bord u l-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti għandhom jiltaqgħu regolarment, bi frekwenza stabbilita mill-Bord b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi tal-każ. Il-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti u l-Bord għandhom jipprovdu lil xulxin bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti mingħajr dewmien.

    Il-Bord għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni li jkun rċieva skont l-ewwel subparagrafu.

    3. Il-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti għandha tipprovdi lill-Bord bl-informazzjoni kollha mitluba mill-Bord li tkun neċessarja għal dan kollu li ġej:

    (a)l-aġġornament tal-pjan ta’ riżoluzzjoni u t-tħejjija għar-riżoluzzjoni possibbli ta’ entità kif imsemmija fl-Artikolu 7(2), jew ta’ entità kif imsemmija fl-Artikolu 7(4), il-punt (b), u fl-Artikolu 7(5) meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet;

    (b)it-twettiq tal-valwazzjoni msemmija fl-Artikolu 20(1) sa (15).

    Meta tali informazzjoni ma tkunx diġà disponibbli għall-BĊE jew għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-Bord u l-BĊE u tali awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jikkooperaw u jikkoordinaw sabiex jiksbu dik l-informazzjoni. Għal dak l-għan, il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandu jkollhom is-setgħa li jirrikjedu li l-entità tipprovdi tali informazzjoni, inkluż permezz ta’ spezzjonijiet fuq il-post, u li jipprovdu dik l-informazzjoni lill-Bord.

    4. Il-Bord għandu jkollu s-setgħa li jikkummerċjalizza għal xerrejja potenzjali, jew li jagħmel arranġamenti għal tali kummerċjalizzazzjoni, l-entità msemmija fl-Artikolu 7(2), jew l-entità msemmija fl-Artikolu 7(4), il-punt (b), u fl-Artikolu 7(5) meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet jew meta t-tali kundizzjonijiet jirrikjedu li l-entità tagħmel dan, għall-finijiet li ġejjin:

    (a)it-tħejjija għar-riżoluzzjoni ta’ dik l-entità, soġġetta għall-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 39(2) tad-Direttiva 2014/59/UE u għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali stabbiliti fl-Artikolu 88 ta’ dan ir-Regolament;

    (b)l-informar tal-valutazzjoni mill-Bord dwar il-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 18(1), il-punt (b), ta’ dan ir-Regolament.

    5. Għall-finijiet tal-paragrafu 4, il-Bord għandu jkollu s-setgħa li:

    (a)jitlob lill-entità kkonċernata tistabbilixxi pjattaforma diġitali għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni li tkun neċessarja għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ dik l-entità max-xerrejja potenzjali jew ma’ konsulenti u ma’ valwaturi mqabbdin mill-Bord;

    (b)jirrikjedi li l-awtorità nazzjonali rilevanti ta’ riżoluzzjoni tabbozza skema ta’ riżoluzzjoni preliminari għall-entità kkonċernata.

    6. Id-determinazzjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-Regolament jew fl-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2014/59/UE jkunu ssodisfati u l-adozzjoni minn qabel ta’ miżuri ta’ intervent bikri ma humiex kundizzjonijiet neċessarji għall-Bord sabiex iħejji għar-riżoluzzjoni tal-entità jew sabiex jeżerċita s-setgħat imsemmijin fil-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu.

    7. Il-Bord għandu jinforma lill-Kummissjoni, lill-BĊE, lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti rilevanti u lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni rilevanti bi kwalunkwe azzjoni meħuda skont il-paragrafi 4 u 5 mingħajr dewmien.

    8. Il-BĊE, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-Bord u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni rilevanti għandhom jikkooperaw mill-qrib:

    (a)meta jikkunsidraw it-teħid tal-miżuri msemmijin fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) li għandhom l-għan li jindirizzaw deterjorament fis-sitwazzjoni ta’ entità u ta’ grupp, u l-miżuri msemmijin fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (c);

    (b)meta jikkunsidraw li jieħdu kwalunkwe waħda mill-azzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 4 u 5;

    (c)matul l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet imsemmijin fil-punti (a) u (b) ta’ dan is-subparagrafu.

    Il-BĊE, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-Bord u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni rilevanti għandhom jiżguraw li dawk il-miżuri u l-azzjonijiet ikunu konsistenti, koordinati u effettivi.”;

    (17)fl-Artikolu 14(2), il-punti (c) u (d) huma ssostitwiti b’dan li ġej:

    “(c) li jiġu protetti l-fondi pubbliċi billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja, b’mod partikolari meta tiġi pprovduta mill-baġit ta’ Stat Membru;

    (d) li jiġu protetti d-depożitanti filwaqt li jiġi mminimizzat it-telf għal skemi ta’ garanzija tad-depożiti, u li jiġu protetti l-investituri koperti mid-Direttiva 97/9/KE;”;

    (18)fl-Artikolu 16, il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “2. Il-Bord għandu jieħu azzjoni ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ impriża prinċipali msemmija fl-Artikolu 2, il-punt (b), meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(1).

    Għal dawk il-finijiet, impriża prinċipali kif imsemmija fl-Artikolu 2, il-punt (b), għandha titqies li qiegħda tfalli jew x’aktarx li tfalli fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

    (a)l-impriża prinċipali tissodisfa waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(4), il-punti (b), (c) jew (d);

    (b)l-impriża prinċipali tikser materjalment, jew ikun hemm elementi oġġettivi li juru li l-impriża prinċipali, fil-futur qarib, se tikser materjalment ir-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew fid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2013/36/UE.”;

    (19)l-Artikolu 18 huwa emendat kif ġej:

    (a)il-paragrafi 1, 1a, 2 u 3 huma ssostitwiti kif ġej:

    “1. Il-Bord għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni skont il-paragrafu 6 fir-rigward tal-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 7(2), u tal-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 7(4), il-punt (b) u fl-Artikolu 7(5) meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, biss meta dan ikun iddetermina, matul is-sessjoni eżekuttiva tiegħu, hekk kif jirċievi komunikazzjoni skont it-tieni subparagrafu jew fuq inizjattiva proprja tiegħu, li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)l-entità qiegħda tfalli jew x’aktarx tfalli;

    (b)b’kont meħud tat-twaqqit, tal-ħtieġa li tiġi implimentata b’mod effettiv l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni u ta’ ċirkostanzi rilevanti oħrajn, ma jkunx hemm prospett raġonevoli li xi miżura alternattiva tas-settur privat, inklużi miżuri minn IPS, azzjoni superviżorja, miżuri ta’ intervent bikri, jew valwazzjoni negattiva jew konverżjoni ta’ strumenti kapitali rilevanti u tal-obbligazzjonijiet eliġibbli kif imsemmijin fl-Artikolu 21(1), meħudin fir-rigward tal-entità, tkun tipprevjeni l-falliment tal-entità f’limitu ta’ żmien raġonevoli;

    (c)tkun neċessarja azzjoni ta’ riżoluzzjoni fl-interess pubbliku skont il-paragrafu 5.

    Il-valutazzjoni tal-kundizzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a), għandha ssir mill-BĊE għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 7(2), il-punt (a), jew mill-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 7(2), il-punt (b), l-Artikolu 7(3), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 7(4), il-punt (b) u l-Artikolu 7(5), wara li jkun ikkonsulta mal-Bord. Il-Bord, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, jista’ jagħmel valutazzjoni bħal din biss wara li jkun informa lill-BĊE jew lill-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti bl-intenzjoni tiegħu li jagħmel valutazzjoni bħal din u biss jekk il-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti, fi żmien tlett ijiem tal-kalendarju mill-wasla ta’ dik l-informazzjoni, ma tagħmilx valutazzjoni bħal din hija stess. Il-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti għandha, mingħajr dewmien, tipprovdi lill-Bord bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti li l-Bord jitlob sabiex jinforma l-valutazzjoni tiegħu, qabel jew wara li jiġi informat mill-Bord bl-intenzjoni tiegħu li jagħmel il-valutazzjoni tal-kundizzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a).

    Meta l-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti jkunu vvalutaw li l-kundizzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a), tkun issodisfata fir-rigward ta’ entità kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, hija għandha tikkomunika dik il-valutazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Bord mingħajr dewmien.

    Il-valutazzjoni tal-issodisfar tal-kundizzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b), għandha ssir mill-Bord fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu u f’kooperazzjoni msaħħa mal-BĊE jew mal-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti. Il-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti għandhom, mingħajr dewmien, jipprovdu lill-Bord bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti li l-Bord jitlob sabiex jinforma l-valutazzjoni tiegħu. Il-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti jistgħu jinformaw ukoll lill-Bord li hija tqis li tkun issodisfata l-kundizzjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b).

    1a. Il-Bord jista’ jadotta skema ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-paragrafu 1 fir-rigward ta’ korp ċentrali u tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha affiljati b’mod permanenti miegħu li huma parti mill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni meta l-korp ċentrali u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha affiljati b’mod permanenti miegħu, jew il-grupp ta’ riżoluzzjoni li jappartjeni għalih, jikkonformaw fis-sħuħija tagħhom mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu.

    2. Mingħajr preġudizzju għall-każijiet meta l-BĊE jkun iddeċieda li jeżerċita direttament kompiti superviżorji relatati mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont l-Artikolu 6(5), il-punt (b) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, fil-każ li jirċievi komunikazzjoni skont il-paragrafu 1 fir-rigward ta’ entità jew ta’ grupp kif imsemmi fl-Artikolu 7(3), il-Bord għandu jikkomunika l-valutazzjoni tiegħu kif imsemmi fil-paragrafu 1, ir-raba’ subparagrafu, lill-BĊE jew lill-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti mingħajr dewmien.

    3. L-adozzjoni preċedenti ta’ miżura skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2014/59/UE, skont l-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolametn jew skont l-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/UE ma għandhiex tkun kundizzjoni għat-teħid ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni.”;

    (b)il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

    (i)fl-ewwel subparagrafu, il-punt (d) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “(d) tkun meħtieġa għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja ħlief meta tali għajnuna tingħata f’waħda mill-forom imsemmijin fl-Artikolu 18a(1)”;

    (ii)jitħassru t-tieni u t-tielet subparagrafi;

    (c)il-paragrafu 5 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “5. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (c), azzjoni ta’ riżoluzzjoni għandha tiġi ttrattata bħala waħda fl-interess pubbliku meta dik l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni tkun neċessarja għall-kisba u proporzjonata fir-rigward ta’ wieħed jew ta’ aktar mill-objettivi tar-riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 14 u meta l-istralċ tal-istituzzjoni fi proċedimenti normali ta’ insolvenza ma jissodisfax dawk l-objettivi ta’ riżoluzzjoni b’mod aktar effettiv.

    Meta jwettaq il-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Bord, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għalih fiż-żmien ta’ dik il-valutazzjoni, għandu jikkunsidra u jqabbel l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja kollha li tista’ tkun raġonevolment mistennija li tingħata lill-entità, kemm fil-każ ta’ riżoluzzjoni kif ukoll fil-każ ta’ stralċ f’konformità mad-dritt nazzjonali applikabbli.”;

    (d)fil-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “Fi żmien 24 siegħa mit-trażmissjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mill-Bord, il-Kummissjoni għandha tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni jew toġġezzjona għaliha, jew fir-rigward tal-aspetti diskrezzjonali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni fil-każijiet mhux koperti fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jew fir-rigward tal-użu propost tal-għajnuna mill-Istat jew tal-għajnuna mill-Fond li ma titqiesx kompatibbli mas-suq intern.”;

    (e)jiżdied il-paragrafu 11 li ġej:

    “11. Meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, il-punti (a) u (b), il-Bord jista’ jagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni sabiex jeżerċitaw is-setgħat skont il-liġi nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 33a tad-Direttiva 2014/59/UE, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali. L-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni għandhom jimplimentaw l-istruzzjonijiet tal-Bord f’konformità mal-Artikolu 29.”;

    (20)jiddaħħal l-Artikolu 18a li ġej:

    Artikolu 18a

    Għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja

    1. Għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja barra mill-azzjoni ta’ riżoluzzjoni tista’ tingħata lil entità kif imsemmi fl-Artikolu 2 biss f’wieħed mill-każijiet li ġejjin u dment li l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja tikkonforma mal-kundizzjonijiet u mar-rekwiżiti stabbiliti fil-qafas tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat:

    (a)meta, sabiex jiġi rrimedjat taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru jew sabiex tiġi ppreżervata l-istabbiltà finanzjarja, l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja tieħu kwalunkwe waħda mill-forom li ġejjin:

    (i)garanzija tal-Istat sabiex issostni l-faċilitajiet ta’ likwidità minn banek ċentrali f’konformità mal-kundizzjonijiet tal-banek ċentrali;

    (ii)garanzija tal-Istat għal obbligazzjonijiet maħruġin ġodda;

    (iii)akkwiżizzjoni ta’ strumenti ta’ fondi proprji għajr strumenti tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni jew ta’ strumenti kapitali oħrajn, jew użu ta’ miżuri ta’ assi indeboliti bi prezzijiet, b’durata, u b’termini li ma jagħtux vantaġġ mhux dovut lill-istituzzjoni jew lill-entità kkonċernata, dment li l-ebda waħda miċ-ċirkostanzi msemmijin fl-Artikolu 18(4), il-punti (a), (b) jew (c), jew fl-Artikolu 21(1) ma tkun preżenti fil-mument li fih tingħata l-għajnuna pubblika.

    (b)meta l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja tieħu l-forma ta’ intervent permezz ta’ skema ta’ garanzija tad-depożiti sabiex tippreżerva s-solidità finanzjarja u l-vijabbiltà fit-tul tal-istituzzjoni ta’ kreditu f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 11a u 11b tad-Direttiva 2014/49/UE, dment li ma tkun preżenti l-ebda waħda miċ-ċirkostanzi msemmijin fl-Artikolu 18(4);

    (c)meta l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja tieħu l-forma ta’ intervent permezz ta’ skema ta’ garanzija tad-depożiti fil-kuntest tal-istralċ ta’ istituzzjoni skont l-Artikolu 32b tad-Direttiva 2014/59/UE u f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2014/49/UE;

    (d)meta l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja tieħu l-forma ta’ għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE mogħtija fil-kuntest tal-istralċ tal-istituzzjoni jew tal-entità skont l-Artikolu 32b tad-Direttiva 2014/59/UE, minbarra l-appoġġ mogħti minn skema ta’ garanzija tad-depożiti skont l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2014/49/UE.

    2. Il-miżuri ta’ appoġġ imsemmijin fil-paragrafu 1, il-punt (a), għandhom jinkludu dawn il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)il-miżuri jkunu limitati għal entitajiet solventi, kif ikkonfermat mill-BĊE jew mill-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti;

    (b)il-miżuri huma ta’ natura prekawzjonarja u temporanja u huma bbażati fuq strateġija ta’ ħruġ iddefinita minn qabel approvata mill-BĊE jew mill-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti, inklużi data ta’ terminazzjoni speċifikata b’mod ċar, data tal-bejgħ jew skeda tar-ripagamenti għal kwalunkwe waħda mill-miżuri pprovduti;

    (c)il-miżuri jkunu proporzjonati sabiex jirrimedjaw il-konsegwenzi tat-taqlib serju jew sabiex jippreżervaw l-istabbiltà finanzjarja;

    (d)il-miżuri ma jintużawx sabiex jikkumpensaw għat-telf li ġarrbet l-entità jew li x’aktarx iġġarrab fil-futur qarib.

    Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (a), entità għandha titqies solventi meta l-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti jkunu kkonkludew li ma jkun seħħ l-ebda ksur, jew x’aktarx li mhux se jseħħ ksur fit-12-il xahar ta’ wara, ta’ kwalunkwe rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE, fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2019/2033, fl-Artikolu 40 tad-Direttiva (UE) 2019/2034 jew ir-rekwiżiti applikabbli rilevanti skont id-dritt nazzjonali jew tal-Unjoni.

    Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (d), l-awtorità kompetenti rilevanti għandha tikkwantifika t-telf li ġarrbet jew li x’aktarx iġġarrab l-entità. Dik il-kwantifikazzjoni għandha tkun ibbażata, bħala minimu, fuq il-karta bilanċjali tal-istituzzjoni, dment li l-karta bilanċjali tikkonforma mar-regoli u mal-istandards kontabilistiċi applikabbli, kif ikkonfermati minn awditur estern indipendenti, u, meta disponibbli, fuq ir-rieżamijiet tal-kwalità tal-assi mwettqa mill-BĊE, mill-EBA jew mill-awtoritajiet nazzjonali jew, meta jkun xieraq, wara spezzjonijiet fuq il-post imwettqin mill-BĊE jew mill-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti.

    Il-miżuri ta’ appoġġ imsemmijin fil-paragrafu 1, il-punt (a)(iii), għandhom ikunu limitati għal miżuri li jkunu ġew ivvalutati mill-BĊE jew mill-awtorità nazzjonali kompetenti kif neċessarji sabiex tinżamm is-solvenza tal-entità billi jiġi indirizzat id-defiċit ta’ kapital tagħha stabbilit fix-xenarju avvers stress tests nazzjonali, tal-Unjoni jew madwar l-MSU, jew eżerċizzji ekwivalenti mwettqin mill-BĊE, mill-EBA jew mill-awtoritajiet nazzjonali, meta applikabbli, ikkonfermati mill-BĊE jew mill-awtorità kompetenti rilevanti.

    B’deroga mill-paragrafu 1, il-punt (a)(iii), l-akkwiżizzjoni ta’ strumenti tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni għandha tkun permessa b’mod eċċezzjonali meta n-natura tad-defiċit identifikat tkun tali li l-akkwiżizzjoni ta’ kwalunkwe strument ta’ fondi proprji ieħor jew ta’ strumenti kapitali oħrajn ma tkunx tagħmilha possibbli għall-entità kkonċernata li tindirizza d-defiċit ta’ kapital tagħha stabbilit fix-xenarju avvers fl-istress test rilevanti jew f’eżerċizzju ekwivalenti. L-ammont ta’ strumenti ta’ Ekwità Komuni ta’ Grad 1 akkwiżiti ma għandux jaqbeż it-2 % tal-ammont tal-iskopertura totali għar-riskju tal-istituzzjoni jew tal-entità kkonċernata kkalkolat f’konformità mal-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

    F’każ li kwalunkwe waħda mill-miżuri ta’ appoġġ imsemmijin fil-paragrafu 1, il-punt (a), ma tinfediex, ma titħallasx lura jew ma tiġix itterminata b’xi mod ieħor f’konformità mat-termini tal-istrateġija ta’ ħruġ stabbilita fiż-żmien tal-għoti ta’ tali miżura, il-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti għandha tikkonkludi li l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 18(1), il-punt (a), tkun issodisfata fir-rigward tal-istituzzjoni jew tal-entità li tkun irċiviet dawk il-miżuri ta’ appoġġ u għandha tikkomunika dik il-valutazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Bord, f’konformità mal-Artikolu 18(1), it-tielet subparagrafu.”;

    (21)l-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:

    (a)il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “1. Meta l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni tinvolvi l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE jew tal-Fond f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-iskema ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18(6) ta’ dan ir-Regolament ma għandhiex tidħol fis-seħħ qabel ma l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni pożittiva jew kondizzjonali, jew deċiżjoni li ma hijiex se tqajjem oġġezzjoni, dwar il-kompatibbiltà tal-użu ta’ tali għajnuna mas-suq intern. Il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tal-użu tal-għajnuna mill-Istat jew tal-għajnuna mill-Fond mas-suq intern sa mhux aktar tard minn meta tapprova jew toġġezzjona għall-iskema ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikolu 18(7), it-tieni subparagrafu, jew meta jiskadi l-perjodu ta’ 24 siegħa msemmi fl-Artikolu 18(7), il-ħames subparagrafu, skont liema jiġi l-ewwel.

    Meta jwettqu l-kompiti mogħtijin lilhom mill-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandu jkollhom fis-seħħ arranġamenti strutturali li jiżguraw l-indipendenza operazzjonali u jevitaw kunflitti ta’ interess li jistgħu jirriżultaw bejn il-funzjonijiet fdati bit-twettiq ta’ dawk il-kompiti u funzjonijiet oħrajn u għandhom jippubblikaw b’mod xieraq l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-organizzazzjoni interna tagħhom f’dan fir-rigward.”;

    (b)il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “3. Malli l-Bord iqis li jista’ jkun neċessarju li jintuża l-Fond, huwa għandu jikkuntattja lill-Kummissjoni b’mod informali, fil-pront, u b’mod kunfidenzjali, sabiex jiddiskutu l-użu possibbli tal-Fond, inklużi l-aspetti legali u ekonomiċi relatati mal-użu tiegħu. Ladarba l-Bord ikun ċert biżżejjed li l-iskema ta’ riżoluzzjoni prevista tkun se tinvolvi l-użu ta’ għajnuna mill-Fond, il-Bord għandu jinnotifika formalment lill-Kummissjoni bl-użu propost tal-Fond. Dik in-notifika għandu jkun fiha l-informazzjoni kollha li l-Kummissjoni teħtieġ sabiex tagħmel il-valutazzjonijiet tagħha skont dan il-paragrafu, u li l-Bord ikollu fil-pussess tiegħu jew li l-Bord ikollu s-setgħa li jikseb f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

    Malli tirċievi n-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk l-użu tal-Fond joħloqx jew jheddidx li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni billi jiffavorixxi lill-entità benefiċarja jew lil kwalunkwe impriża oħra, sa fejn tkun tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, u tkun inkompatibbli mas-suq intern. Għall-użu tal-Fond, il-Kummissjoni għandha tapplika l-kriterju stabbilit għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat kif stabbiliti fl-Artikolu 107 tat-TFUE. Il-Bord għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni fil-pussess tiegħu, jew li l-Bord ikollu s-setgħa li jikseb f’konformità ma’ dan ir-Regolament, u li l-Kummissjoni tqis li tkun neċessarja sabiex twettaq dik il-valutazzjoni.

    Meta tagħmel il-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tkun iggwidata mir-regolamenti rilevanti kollha adottati skont l-Artikolu 109 tat-TFUE, mill-komunikazzjonijiet u mill-gwida kollha relatati u rilevanti tal-Kummissjoni, u l-miżuri kollha adottati mill-Kummissjoni b’applikazzjoni tar-regoli tat-Trattati relatati mal-għajnuna mill-Istat kif ikunu fis-seħħ fiż-żmien li fih għandha ssir il-valutazzjoni. Dawk il-miżuri għandhom jiġu applikati bħallikieku r-referenzi għall-Istat Membru responsabbli għan-notifika tal-għajnuna kienu referenzi għall-Bord, u bi kwalunkwe modifika neċessarja oħra.

    Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-kompatibiltà tal-użu tal-Fond mas-suq intern u tindirizza dik id-deċiżjoni lill-Bord u lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri kkonċernati. Dik id-deċiżjoni tista’ tkun kontinġenti fuq kundizzjonijiet jew fuq impenji fir-rigward tal-benefiċjarju u għandha tqis il-ħtieġa għall-eżekuzzjoni f’waqtha tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni mill-Bord.

    Id-deċiżjoni tista’ tistipula wkoll obbligi fuq il-Bord, fuq l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni fl-Istat Membru parteċipanti jew fl-Istati Membri kkonċernati jew fuq il-benefiċjarju sabiex tippermetti l-monitoraġġ tal-konformità tagħhom magħha. Dawn jistgħu jinkludu rekwiżiti dwar il-ħatra ta’ fiduċjarju jew ta’ persuna indipendenti oħra sabiex tgħin fil-monitoraġġ. Fiduċjarju jew persuna indipendenti oħra tista’ twettaq tali funzjonijiet kif speċifikat fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

    Kwalunkwe deċiżjoni skont dan il-paragrafu għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Il-Kummissjoni tista’ toħroġ deċiżjoni negattiva, indirizzata lill-Bord, li fiha tiddeċiedi li l-użu tal-Fond Uniku kif propost ma jkunx kompatibbli mas-suq intern u ma jkunx jista’ jiġi implimentat fil-forma kif proposta mill-Bord. Malli jirċievi deċiżjoni bħal din, il-Bord għandu jikkunsidra mill-ġdid l-iskema ta’ riżoluzzjoni tiegħu u għandu jħejji skema ta’ riżoluzzjoni riveduta.”;

    (c)il-paragrafu 10 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “10. B’deroga mill-paragrafu 3, il-Kunsill jista’, wara applikazzjoni ta’ Stat Membru jew tal-Bord, fi żmien 7 ijiem minn meta ssir tali applikazzjoni, jiddeċiedi b’mod unanimu li l-użu tal-Fond għandu jitqies kompatibbli mas-suq intern, meta deċiżjoni bħal din tkun iġġustifikata minn ċirkostanzi eċċezzjonali. Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar il-każ meta l-Kunsill ma jkunx iddeċieda fi żmien dawk is-7 ijiem.”;

    (22)l-Artikolu 20 huwa emendat kif ġej:

    (a)il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “1. Qabel jiddeċiedi dwar jekk humiex issodisfati l-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni, jew il-kundizzjonijiet għall-valwazzjoni negattiva jew għall-konverżjoni ta’ strumenti kapitali u ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 21(1), il-Bord għandu jiżgura li titwettaq valwazzjoni ġusta, prudenti u realistika tal-assi u tal-obbligazzjonijiet ta; entità kif imsemmija fl-Artikolu 2 minn persuna li tkun indipendenti minn kwalunkwe awtorità pubblika, inklużi l-Bord u l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, u mill-entità kkonċernata.”;

    (b)jiddaħħal il-paragrafu 8a li ġej:

    “8a. Meta dan ikun neċessarju sabiex jinforma d-deċiżjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 5, il-punti (c) u (d), il-valwatur għandu jikkomplementa l-informazzjoni fil-paragrafu 7, il-punt (c), bi stima tal-valur tal-assi u tal-obbligazzjonijiet li ma jidhrux fil-karta bilanċjali, inklużi l-obbligazzjonijiet u l-assi kontinġenti.”;

    (c)fil-paragrafu 18, jiżdied il-punt (d) li ġej:

    “(d) meta jiġi ddeterminat it-telf li l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti kienet iġġarrab li kieku l-istituzzjoni ġiet stralċata skont proċedimenti normali ta’ insolvenza, tapplika l-kriterji u l-metodoloġija msemmijin fl-Artikolu 11e tad-Direttiva 2014/49/UE u fi kwalunkwe att delegat adottat skont dak l-Artikolu.”;

    (23)l-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

    (a)il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

    (i)l-ewwel subparagrafu huwa emendat kif ġej:

    il-formulazzjoni introduttorja hija ssostitwita b’dan li ġej:

    “1. Filwaqt li jaġixxi skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18, il-Bord għandu jeżerċita s-setgħa li jagħmel valwazzjoni negattiva jew konverżjoni ta’ strumenti kapitali rilevanti, u ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli kif imsemmi fil-paragrafu 7a, fir-rigward tal-entitajiet u tal-gruppi msemmijin fl-Artikolu 7(2), u lill-entitajiet u lill-gruppi msemmijin fl-Artikolu 7(4), il-punt (b), u fl-Artikolu 7(5), meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, iżda biss meta jiddetermina, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, hekk kif jirċievi komunikazzjoni skont it-tieni subparagrafu jew fuq inizjattiva proprja, li tkun ġiet issodisfata kundizzjoni waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:”;

    il-punt (e) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “(e) għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja tkun meħtieġa mill-entità jew mill-grupp, ħlief meta dik l-għajnuna tingħata f’waħda mill-forom imsemmijin fl-Artikolu 18a(1).”;

    (ii)it-tieni subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “Il-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu, il-punti (a) sa (d), għandha ssir mill-BĊE għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 7(2)(a), jew mill-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 7(2)(b), (4)(b) u (5), u mill-Bord, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, f’konformità mal-allokazzjoni tal-kompiti skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18(1) u (2).”;

    (b)jitħassar il-paragrafu 2;

    (c)fil-paragrafu 3, il-punt (b) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “(b) wara li jitqies iż-żmien, il-ħtieġa li jiġu implimentati b’mod effettiv is-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u ta’ konverżjoni jew l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni għall-grupp ta’ riżoluzzjoni u ċirkostanzi rilevanti oħrajn, ma jkun hemm l-ebda prospett raġonevoli li kwalunkwe azzjoni, inklużi miżuri alternattivi tas-settur privat, azzjoni superviżorja jew miżuri ta’ intervent bikri, minbarra l-valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni ta’ strumenti kapitali rilevanti, u ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli kif imsemmijin fil-paragrafu 7a, tipprevjeni l-falliment ta’ dik l-entità jew ta’ dak il-grupp f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.”;

    (d)il-paragrafu 9 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “9. Meta waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 jiġu ssodisfati fir-rigward ta’ entità msemmija f’dak il-paragrafu, u l-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 18(1) jiġu ssodisfati wkoll fir-rigward ta’ dik l-entità jew ta’ entità li tappartjeni għall-istess grupp, għandha tkun tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18(6), (7) u (8).”;

    (24)l-Artikolu 27 huwa emendat kif ġej:

    (a)il-paragrafu 7 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “7. Il-Fond jista’ jagħmel kontribuzzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 6 biss meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)kontribuzzjoni għall-assorbiment tat-telf u għar-rikapitalizzazzjoni ugwali għal ammont ta’ mhux anqas minn 8 % tal-obbligazzjonijiet totali inklużi l-fondi proprji tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, imkejlin f’konformità mal-valwazzjoni prevista fl-Artikolu 20(1) sa (15), tkun saret mill-azzjonisti, mid-detenturi ta’ strumenti kapitali rilevanti u ta’ obbligazzjonijiet oħrajn ta’ kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna permezz ta’ tnaqqis, valwazzjoni negattiva, jew konverżjoni skont l-Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2014/59/UE u l-Artikolu 21(10) ta’ dan ir-Regolament, u permezz tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti skont l-Artikolu 79 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 109 tad-Direttiva 2014/59/UE meta rilevanti;

    (b)il-kontribuzzjoni mill-Fond ma taqbiżx il-5 % tal-obbligazzjonijiet totali inklużi l-fondi proprji tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, imkejlin f’konformità mal-valwazzjoni prevista fl-Artikolu 20(1) sa (15).”;

    (b)il-paragrafi 9 u 10 huma ssostitwiti b’dan li ġej:

    “9. Il-Fond jista’ jagħmel kontribuzzjoni minn riżorsi li jkunu nġabru permezz ta’ kontribuzzjonijiet ex ante kif imsemmi fl-Artikolu 70 u li jkunu għadhom ma ntużawx, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)il-Fond ikun għamel kontribuzzjoni skont il-paragrafu 6 u jkun intlaħaq il-limitu ta’ 5 % imsemmi fil-paragrafu 7, il-punt (b);

    (b)l-obbligazzjonijiet kollha li jikklassifikaw anqas minn depożiti, u li ma humiex esklużi minn rikapitalizzazzjoni interna skont il-paragrafi 3 u 5, ġew ivvalwati negattivament jew ikkonvertiti bis-sħiħ.

    10. F’ċirkostanzi straordinarji, bħala alternattiva jew b’mod supplimentari għall-kontribuzzjoni tal-Fond imsemmija fil-paragrafu 9, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 9, il-Bord jista’ jfittex aktar finanzjament minn sorsi alternattivi ta’ finanzjament.”;

    (c)fil-paragrafu 13, it-tieni subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “Il-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tistabbilixxi l-ammont li bih l-obbligazzjonijiet rikapitalizzabbli internament jeħtieġ li jiġu valwati negattivament jew ikkonvertiti:

    (a)sabiex jiġi rrestawrat il-proporzjon tal-kapital ta’ Grad 1 ta’ Ekwità Komuni tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, jew, meta applikabbli, sabiex jiġi stabbilit il-proporzjon tal-istituzzjoni tranżitorja, filwaqt li titqies kwalunkwe kontribuzzjoni ta’ kapital mill-Fond magħmula skont l-Artikolu 76(1), il-punt (d);

    (b)sabiex tiġi sostnuta kunfidenza suffiċjenti fis-suq fl-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew fl-istituzzjoni tranżitorja, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġu koperti l-obbligazzjonijiet kontinġenti, u l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni tkun tista’ tkompli tissodisfa, għal tal-anqas sena waħda (1), il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni u sabiex tkompli twettaq l-attivitajiet li għalihom tkun awtorizzata skont id-Direttiva 2013/36/UE jew id-Direttiva 2014/65/UE.”;

    (25)l-Artikolu 30 huwa emendat kif ġej:

    (a)it-titolu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    Obbligu ta’ kooperazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni”;

    (b)jiddaħħlu l-paragrafi 2a, 2b u 2c li ġejjin:

    “2a. Il-Bord, il-BERS, l-EBA, l-ESMA u l-EIOPA għandhom jikkooperaw mill-qrib u jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni neċessarja kollha għat-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom.

    2b. Il-BĊE u membri oħrajn tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) għandhom jikkooperaw mill-qrib mal-Bord u jipprovdulu l-informazzjoni neċessarja kollha għat-twettiq tal-kompiti tal-Bord, inkluża l-informazzjoni miġbura minnhom f’konformità mal-istatut tagħhom. L-Artikolu 88(6) għandu japplika għall-iskambji kkonċernati.

    2c. L-awtoritajiet deżinjati msemmijin fl-Artikolu 2(1), il-punt (18), tad-Direttiva 2014/49/UE għandhom jikkooperaw mill-qrib mal-Bord u jipprovdulu l-informazzjoni neċessarja kollha għat-twettiq tal-kompiti tiegħu.”;

    (c)il-paragrafu 6 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “6. Il-Bord għandu jagħmel ħiltu sabiex jikkoopera mill-qrib ma’ kwalunkwe faċilità pubblika ta’ assistenza finanzjarja, inklużi l-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), b’mod partikolari fis-sitwazzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)fiċ-ċirkostanzi straordinarji msemmijin fl-Artikolu 27(9) u meta tali faċilità tkun tat, jew x’aktarx tagħti, assistenza finanzjarja diretta jew indiretta lil entitajiet stabbiliti fi Stat Membru parteċipanti;

    (b)meta l-Bord ikun ikkuntratta lill-Fond arranġament finanzjarju skont l-Artikolu 74.”;

    (d)il-paragrafu 7 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “7. Meta jkun neċessarju, il-Bord għandu jikkonkludi memorandum ta’ qbil mal-BĊE u ma’ membri oħrajn tas-SEBĊ, mal-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni u mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jiddeskrivi t-termini ġenerali ta’ kif se jikkooperaw skont il-paragrafi 2, 2a, 2b u 4 ta’ dan l-Artikolu u skont l-Artikolu 74, it-tieni paragrafu, fit-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni. Il-memorandum għandu jiġi rrieżaminat fuq bażi regolari u jiġi ppubblikat soġġett għar-rekwiżiti ta’ segretezza professjonali.”;

    (26)jiddaħħal l-Artikolu 30a li ġej:

    Artikolu 30a

    Informazzjoni miżmuma minn mekkaniżmu awtomatizzat ċentralizzat

    1. L-awtoritajiet li joperaw il-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati stabbiliti mill-Artikolu 32a tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill** għandhom jipprovdu lill-Bord, fuq talba tiegħu, b’informazzjoni relatata man-numru ta’ klijenti li għalihom entità kif imsemmija fl-Artikolu 2 tkun l-uniku sieħeb bankarju jew is-sieħeb bankarju prinċipali.

    2. Il-Bord għandu jitlob l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 biss fuq bażi ta’ każ b’każ u, meta jkun neċessarju, għall-fini tat-twettiq tal-kompiti tiegħu skont dan ir-Regolament.

    3. Il-Bord jista’ jaqsam l-informazzjoni miksuba skont l-ewwel paragrafu mal-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni fil-kuntest tat-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament.

    _________________________________

    **    Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).”;

    (27)fl-Artikolu 31, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

    “3. Għall-entitajiet u għall-gruppi msemmijin fl-Artikolu 7(2), u għall-entitajiet u għall-gruppi msemmijin fl-Artikolu 7(4), il-punt (b) u l-Artikolu 7(5) meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkonsultaw lill-Bord qabel ma jaġixxu skont l-Artikolu 86 tad-Direttiva 2014/59/UE.”;

    (28)fl-Artikolu 32(1), l-ewwel subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    Meta grupp jinkludi entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti kif ukoll fi Stati Membri mhux parteċipanti jew f’pajjiżi terzi, mingħajr preġudizzju għal xi approvazzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni meħtieġa skont dan ir-Regolament, il-Bord għandu jirrappreżenta l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni tal-Istati Membri parteċipanti għall-iskopijiet ta’ konsultazzjoni u ta’ kooperazzjoni mal-Istati Membri mhux parteċipanti jew f’pajjiżi terzi, f’konformità mal-Artikoli 7, 8, 12, 13, 16, 18, 45h, 55, u 88 sa 92 tad-Direttiva 2014/59/UE.”;

    (29)l-Artikolu 34 huwa emendat kif ġej:

    (a)fil-paragrafu 1, il-formulazzjoni introduttorja hija ssostitwita b’dan li ġej:

    “Il-Bord, billi jagħmel użu sħiħ mill-informazzjoni kollha li diġà tkun disponibbli għall-BĊE, inkluża l-informazzjoni miġbura mill-membri tas-SEBĊ f’konformità mal-istatut tagħhom, jew mill-informazzjoni kollha disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, għall-BERS, għall-EBA, għall-ESMA jew għall-EIOPA, jista’ jeħtieġ, permezz tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jew direttament, wara li jkun informa lil dawk l-awtoritajiet, lill-persuni ġuridiċi jew fiżiċi li ġejjin sabiex jipprovdulu l-informazzjoni neċessarja kollha, f’konformità mal-proċedura mitluba mill-Bord u fil-forma mitluba mill-Bord, sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu:”;

    (b)il-paragrafi 5 u 6 huma ssostitwiti b’dan li ġej:

    “5. Il-Bord, il-BĊE, il-membri tas-SEBĊ, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-BERS, l-EBA, l-ESMA, l-EIOPA u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jistgħu jfasslu memoranda ta’ qbil li jistabbilixxu proċedura li tirregola l-iskambju ta’ informazzjoni. L-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Bord, il-BĊE u membri oħrajn tas-SEBĊ, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-BERS, l-EBA, l-ESMA, l-EIOPA u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni ma għandux jitqies li jikser ir-rekwiżiti tas-segretezza professjonali.

    6. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-BĊE, il-membri tas-SEBĊ, il-BERS, l-EBA, l-ESMA, l-EIOPA, u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkooperaw mal-Bord sabiex jivverifikaw jekk xi informazzjoni jew l-informazzjoni kollha mitluba tkunx diġà disponibbli fiż-żmien li ssir it-talba. Meta tali informazzjoni tkun disponibbli, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-BĊE u membri oħrajn tas-SEBĊ, il-BERS, l-EBA, l-ESMA, l-EIOPA, Jew l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni għandhom jipprovdu dik l-informazzjoni lill-Bord.”;

    (30)fl-Artikolu 43(1), jiddaħħal il-punt (aa) li ġej:

    “(aa) il-Viċi-President maħtur f’konformità mal-Artikolu 56;”;

    (31)fl-Artikolu 50(1), il-punt (n) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “(n) jaħtar Uffiċjal tal-Kontabilità u Awditur Intern, soġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, li għandhom ikunu funzjonalment indipendenti fit-twettiq ta’ dmirijiethom;”;

    (32)l-Artikolu 53 huwa emendat kif ġej:

    (a)fil-paragrafu 1, l-ewwel sentenza hija ssostitwita b’dan li ġej:

    “Il-Bord fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu għandu jkun magħmul mill-President, mill-Viċi-President u mill-erba’ membri msemmijin fl-Artikolu 43(1), il-punt (b).”;

    (b)fil-paragrafu 5, il-kliem “l-Artikolu 43(1)(a) u (b)” huma ssostitwiti bil-kliem “l-Artikolu 43(1), il-punti (a), (aa) u (b)”.;

    (33)fl-Artikolu 55, il-paragrafi 1 u 2 huma ssostitwiti b’dan li ġej:

    “1. Meta jiddeliberaw dwar entità individwali jew grupp stabbiliti biss fi Stat Membru parteċipanti wieħed, jekk il-membri kollha msemmijin fl-Artikolu 53(1) u (3) ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim konġunt b’kunsens sa skadenza stipulata mill-President, il-President, il-Viċi-President u l-membri msemmijin fl-Artikolu 43(1), il-punt (b), għandhom jieħdu deċiżjoni b’maġġoranza sempliċi.

    2. Meta jiddeliberaw fuq grupp transkonfinali, jekk il-membri kollha msemmijin fl-Artikolu 53(1) u (4) ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim konġunt b’kunsens sa skadenza stipulata mill-President, il-President, il-Viċi-President u l-membri msemmijin fl-Artikolu 43(1), il-punt (b), għandhom jieħdu deċiżjoni b’maġġoranza sempliċi.”;

    (34)l-Artikolu 56 huwa emendat kif ġej:

    (a)fil-paragrafu 2, il-punt (d) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “(d) l-istabbiliment ta’ abbozz preliminari tal-baġit u abbozz tal-baġit tal-Bord, f’konformità mal-Artikolu 61 u l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Bord, f’konformità mal-Artikolu 63;”;

    (b)fil-paragrafu 5, l-ewwel subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “Il-mandat tal-President, tal-Viċi President u tal-membri msemmijin fl-Artikolu 43(1), il-punt (b), għandu jkun ta’ ħames snin. Dak il-mandat għandu jkun jista’ jiġġedded darba.

    Persuna li sservi żewġ mandati bħala l-President, il-Viċi President jew membru msemmi fl-Artikolu 43(1), il-punt (b), ma għandhiex tkun eliġibbli għall-ħatra f’xi waħda miż-żewġ karigi l-oħrajn.”;

    (c)fil-paragafu 6, l-ewwel sottoparagrafu, tiżdied is-sentenza li ġejja:

    “Il-Kummissjoni tista’ torganizza l-ismijiet fil-lista qasira fl-ordni li tirrifletti l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-adegwatezza ta’ kull kandidat fid-dawl tal-kriterji msemmijin fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.”;

    (d)jiddaħħal il-paragrafu 6a li ġej:

    “6a. Fid-9 xhur ta’ qabel it-tmiem tal-ewwel mandat tal-President, tal-Viċi President u tal-membri msemmijin fl-Artikolu 43(1), il-punt (b), il-Kummissjoni għandha tevalwa r-riżultati miksubin fl-ewwel mandat u għandha tiddeċiedi jekk tressaqx proposta għat-tiġdid tal-mandat fuq il-bażi tar-riżultati ta’ dik l-evalwazzjoni.

    Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni sabiex jiġġedded il-mandat tal-President, tal-Viċi President u tal-membri msemmijin fl-Artikolu 43(1), il-punt (b). Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.”;

    (e)fil-paragrafu 7, l-ewwel sentenza hija ssostitwita b’dan li ġej:

    “Il-President, il-Viċi President, u l-membri msemmijin fl-Artikolu 43(1), il-punt (b), għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jinħatru s-suċċessuri tagħhom u dawn jibdew bid-dmirijiet tagħhom f’konformità mad-deċiżjoni tal-Kunsill imsemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.”;

    (35)l-Artikolu 61 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    Artikolu 61

    Stabbiliment tal-baġit

    1. Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, il-President għandu jħejji abbozz preliminari tal-baġit tal-Bord, inkluża dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u tan-nefqa tal-Bord għas-sena segwenti, flimkien mat-tabella tal-persunal, għas-sena segwenti, u jippreżentah lill-Bord fis-sessjoni plenarja tiegħu.

    Meta dan ikun neċessarju, il-Bord fis-sessjoni plenarja tiegħu għandu jaġġusta l-abbozz preliminari tal-baġit tal-Bord flimkien mal-abbozz tat-tabella tal-persunal.

    2. Fuq il-bażi tal-abbozz preliminari tal-baġit kif adottat mill-Bord fis-sessjoni plenarja tiegħu, il-President għandu jfassal abbozz tal-baġit tal-Bord u jissottomettih lill-Bord fis-sessjoni plenarja tiegħu għall-adozzjoni.

    Sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena, il-Bord, fis-seduta plenarja tiegħu, għandu jaġġusta l-abbozz tal-baġit mill-President, meta dan ikun neċessarju, u jadotta l-baġit finali tal-bord flimkien mat-tabella tal-persunal.”;

    (36)fl-Artikolu 69, il-paragrafu 4 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “4. Jekk, wara l-perjodu inizjali msemmi fil-paragrafu 1, il-mezzi finanzjarji disponibbli jonqsu taħt il-livell fil-mira speċifikat f’dak il-paragrafu, għandhom jinġabru kontribuzzjonijiet regolari kkalkolati f’konformità mal-Artikolu 70 sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira. Il-Bord jista’ jipposponi l-ġbir tal-kontribuzzjonijiet regolari ġġenerati f’konformità mal-Artikolu 70 għal sena waħda (1) jew aktar sabiex jiżgura li l-ammont li għandu jinġabar jilħaq ammont li jkun proporzjonat għall-kostijiet tal-proċess tal-ġbir, dment li tali differiment ma jaffettwax materjalment il-kapaċità tal-Bord li juża l-Fond skont it-Taqsima 3. Wara li jkun intlaħaq il-livell fil-mira għall-ewwel darba u meta l-mezzi finanzjarji disponibbli jkunu sussegwentement tnaqqsu għal anqas minn żewġ terzi tal-livell fil-mira, dawk il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti f’livell li jippermetti li jintlaħaq il-livell fil-mira fi żmien 6 snin.”;

    (37)l-Artikolu 70 huwa emendat kif ġej:

    (a)il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “3. Il-mezzi finanzjarji disponibbli li għandhom jitqiesu sabiex jintlaħaq il-livell fil-mira speċifikat fl-Artikolu 69 jistgħu jinkludu impenji ta’ pagamenti irrevokabbli li huma kompletament sostnuti b’kollateral ta’ assi b’riskju baxx mhux ostakolati b’xi drittijiet ta’ parti terza, għad-dispożizzjoni ħielsa u allokati għall-użu esklużiv tal-Bord għall-finijiet speċifikati fl-Artikolu 76(1). Is-sehem ta’ dawk l-impenji irrevokabbli ta’ pagament ma għandhomx jaqbżu l-50 % tal-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet miġburin f’konformità ma’ dan l-Artikolu. F’dak il-limitu, il-Bord għandu jiddetermina kull sena s-sehem ta’ impenji ta’ pagament irrevokabbli fl-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet li għandhom jinġabru f’konformità ma’ dan l-Artikolu.”;

    (b)jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

    “3a. Il-Bord għandu jeżerċita l-impenji ta’ pagament irrevokabbli magħmulin skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu meta l-użu tal-Fond ikun meħtieġ skont l-Artikolu 76.

    Meta istituzzjoni jew entità ma tibqax taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2 u ma tibqax soġġetta għall-obbligu li tħallas kontribuzzjonijiet f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Bord għandu jeżerċita l-impenji ta’ pagament irrevokabbli magħmulin skont il-paragrafu 3 u li jkunu għadhom dovuti. Jekk il-kontribuzzjoni marbuta mal-impenn ta’ pagament irrevokabbli titħallas kif xieraq mal-ewwel eżerċitar, il-Bord għandu jħassar l-impenn u jirritorna l-kollateral. Jekk il-kontribuzzjoni ma titħallasx kif xieraq mal-ewwel eżerċitar, il-Bord għandu jissekwestra l-kollateral u jħassar l-impenn.”;

    (38)fl-Artikolu 71(1), it-tieni subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “L-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet straordinarji ex post fis-sena ma għandux jaqbeż tliet darbiet it-12,5 % tal-livell fil-mira.”;

    (39)fl-Artikolu 74, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “Il-Bord għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-BĊE malli jqis li jista’ jkun neċessarju li jiġu attivati arranġamenti finanzjarji kuntrattati għall-Fond f’konformità ma’ dan l-Artikolu, u għandu jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-BĊE bl-informazzjoni neċessarja kollha sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom fir-rigward ta’ tali arranġamenti finanzjarji.”;

    (40)l-Artikolu 76 huwa emendat kif ġej:

    (a)il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “3. Meta l-Bord jiddetermina li l-użu tal-Fond għall-finijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 x’aktarx iwassal sabiex parti mit-telf ta’ entità msemmija fl-Artikolu 2 jingħadda lill-Fond, għandhom japplikaw il-prinċipji li jirregolaw l-użu tal-Fond imsemmijin fl-Artikolu 27.”;

    (b)jiżdiedu l-paragrafi 5 u 6 li ġejjin:

    “5. Meta l-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 22(2), il-punt (a) jew (b), jintużaw għat-trasferiment ta’ parti biss mill-assi, mid-drittijiet jew mill-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, il-Bord għandu jkollu pretensjoni kontra l-entità residwa għal kwalunkwe spiża u telf imġarrab mill-Fond bħala riżultat ta’ kwalunkwe kontribuzzjoni magħmula għar-riżoluzzjoni skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu b’rabta ma’ telf li l-kredituri kieku kienu jġarrbu.

    6. Il-pretensjonijiet tal-Bord imsemmijin fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 22(6) għandu, f’kull Stat Membru parteċipanti, ikollhom l-istess gradazzjoni ta’ prijorità bħall-pretensjonijiet tal-arranġamenti nazzjonali ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru li jirregolaw proċedimenti normali ta’ insolvenza skont l-Artikolu 108(9) tad-Direttiva 2014/59/UE.”;

    (41)l-Artikolu 79 huwa emendat kif ġej:

    (a)il-paragrafi 1, 2 u 3 huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

    “1. L-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw li meta l-Bord jieħu azzjoni ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, dment li tali azzjoni tiżgura li d-depożitanti jkomplu jkollhom aċċess għad-depożiti tagħhom, sabiex jiġi evitat li d-depożitanti jġarrbu telf, l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti li magħha tkun affiljata dik l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tikkontribwixxi għall-finijiet u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 109 tad-Direttiva 2014/59/UE.

    2. Il-Bord għandu jiddetermina l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti f’konformità mal-paragrafu 1 wara li jkun ikkonsulta l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti, u meta jkun neċessarju, l-awtorità deżinjata skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1), il-punt (18), tad-Direttiva 2014/49/UE, dwar il-kost stmat tar-ripagament lid-depożitanti skont l-Artikolu 11e tad-Direttiva 2014/49/UE u f’konformità mal-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament.

    3. Il-Bord għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu lill-awtorità deżinjata skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1), il-punt (18), tad-Direttiva 2014/49/UE u lill-iskema ta’ garanzija tad-depożiti li magħha tkun affiljata l-istituzzjoni. L-iskema ta’ garanzija tad-depożiti għandha timplimenta dik id-deċiżjoni mingħajr dewmien.”;

    (b)fil-paragrafu 5, jitħassru t-tieni u t-tielet subparagrafi;

    (42)fl-Artikolu 85(3), il-kliem “imsemmija fl-Artikolu” huwa ssostitwit bil-kliem “adottata skont l-Artikolu”;

    (43)fl-Artikolu 88, jiżdied il-paragrafu 7 li ġej:

    “7. Dan l-Artikolu ma għandux jipprevjeni lill-Bord milli jiddivulga l-analiżijiet jew il-valutazzjonijiet tiegħu, inkluż meta jkunu bbażati fuq informazzjoni pprovduta mill-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 2 jew minn awtoritajiet oħrajn kif imsemmi fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, meta l-Bord jivvaluta li d-divulgazzjoni ma timminax il-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-rigward tal-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika u li jkun hemm interess pubbliku fid-divulgazzjoni li jipprevali fuq kwalunkwe interess ieħor imsemmi fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu. Tali divulgazzjoni għandha titqies li saret mill-Bord fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu skont dan ir-Regolament għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.”.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika minn ... [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = 18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju].

    Madankollu, l-Artikolu 1, il-punti (1)(a), il-punti (2) u, (3), il-punt (4)(a), il-punt (5)(a), (b) u (c)(i) u (ii), il-punt (6)(a), il-punt (7), il-punt (13)(a)(i) u (b), il-punt (14)(a), (b) u (d), il-punt (19)(d) u (e), il-punt (21), il-punt (23)(a)(i), l-ewwel inċiż, (b) u (d), il-punti (25) sa (35), u l-punti (39), (42) u (43), għandhom japplikaw minn … [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = xahar wieħed (1) mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju].

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)    Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).
    (2)    Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).
    (3)    Id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149).
    (4)    Barra minn hekk, għad ma hemm l-ebda qbil dwar mekkaniżmu kredibbli u robust għall-provvista ta’ likwidità f’riżoluzzjoni fl-Unjoni Bankarja, f’konformità mal-istandard stabbilit mill-pari internazzjonali.
    (5)    COM/2015/0586 final.
    (6)    Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
    (7)    Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
    (8)    Il-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja u l-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB). Il-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (verżjoni aġġornata tal-2014), Key Attributes of effective resolution regimes for financial institutions u (2015), Principles on Loss-absorbing and Recapitalisation Capacity of Globally Systemically Important Banks (G-SIBs) in Resolution, Total Loss-absorbing Capacity (TLAC) Term Sheet .
    (9)    Il-Grupp tal-Euro (it-30 ta’ Novembru 2020), Statement of the Eurogroup in inclusive format on the ESM reform and the early introduction of the backstop to the Single Resolution Fund .  L-implimentazzjoni sseħħ bejn l-2022-2024. Madankollu, il-Ftehim li Jemenda t-Trattat li Jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà għadu ma ġiex irratifikat.
    (10)    Il-Kummissjoni Ewropea (2020), Commission Work Programme 2021 , it-taqsima 2.3, p. 5.
    (11)    Il-Kummissjoni Ewropea (2023), Long-term competitiveness of the EU: looking beyond 2030 .
    (12)    Il-Grupp tal-Euro (is-16 ta’ Ġunju 2022), Eurogroup statement on the future of the Banking Union.
    (13)    Il-Parlament Ewropew (2022), L-Unjoni Bankarja – rapport annwali 2021 ; il-Parlament Ewropew beda joħroġ rapport dwar l-Unjoniu Bankarja kull sena mill-2015 .
    (14)    Laqgħa tas-Summit dwar l-euro (l-24 ta’ Marzu 2023), Statement of the Euro Summit, meeting in inclusive format .
    (15)    Il-proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza ma humiex armonizzati. Madankollu, id-deċiżjoni mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni dwar jekk bank li qiegħed ifalli għandux jitqiegħed f’riżoluzzjoni, li teħtieġ tqabbil bejn il-proċedimenti ta’ riżoluzzjoni u proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza (valutazzjoni tal-interess pubbliku), hija parti mill-qafas dwar is-CMDI. Jekk awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddeċiedi li ma tagħmilx bank inadempjenti f’riżoluzzjoni, il-każ jiġi sussegwentement ittrattat fil-livell nazzjonali, fejn issir il-valutazzjoni tal-bidu tal-proċedimenti ta’ insolvenza jew ta’ tipi oħrajn ta’ proċedimenti ta’ stralċ, skont id-dettalji speċifiċi tar-reġimi nazzjonali ta’ insolvenza.
    (16)    Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat huma intrinsikament marbutin mal-qafas dwar is-CMDI u huma komplementari għalih. Dawn ir-regoli ma humiex soġġetti għal dan ir-rieżami u għal din il-valutazzjoni tal-impatt. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn iż-żewġ oqfsa, f’Novembru 2020 il-Grupp tal-Euro stieden lill-Kummissjoni twettaq rieżami tal-qafas ta’ għajnuna mill-Istat għall-banek, u sabiex jitlesta b’mod parallel mar-rieżami tal-qafas dwar is-CMDI, filwaqt li jiġi żgurat id-dħul fis-seħħ tiegħu fl-istess ħin mal-qafas aġġornat dwar is-CMDI.
    (17)    EBA (it-22 ta’ Ottubru 2021), Call for advice regarding funding in resolution and insolvency .
    (18)    Jekk jogħġbok ara r-referenzi għal SWD(2023)226 (skeda fil-qosor tal-IA) u SEC(2023)230 (l-opinjoni pożittiva tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju).
    (19)    L-Ordni tas-6 ta’ Mejju 2019, ABLV Bank / il-BĊE, T-281/18, EU:T:2019:296, il-punti 34 sa 36, u s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank / il-BĊE, C-551/19 P u C-552/19 P, EU:C:2021:369, il-punti 62 sa 71.
    (20)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 Novembru, 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 318, 27.11.1998, p.8).
    (21)    Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).
    (22)    ĠU C , , p. .
    (23)    ĠU C , , p. .
    (24)    Il-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja, Key Attributes of Effective Resolution Regimes for Financial Institutions, il-15 ta’ Ottubru 2014.
    (25)    Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).
    (26)    Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).
    (27)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1118 tas-26 ta’ Marzu 2021 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-metodoloġija li għandha tintuża mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex jiġi stmat ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-rekwiżit ta’ riżerva kombinat għal entitajiet ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni fejn il-grupp ta’ riżoluzzjoni ma huwiex soġġett għal dawk ir-rekwiżiti skont dik id-Direttiva (ĠU L 241, 8.7.2021, p. 1).
    (28)    Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
    (29)    Ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-proporzjon ta’ lieva finanzjarja, il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett, rekwiżiti għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontropartijiet ċentrali, skoperturi għal impriżi ta’ investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta’ rappurtar u divulgazzjoni, u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 1).
    (30)    Regolament (UE) 2019/877 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 dwar il-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 226).
    (31)    Id-Direttiva (UE) 2019/879 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu u ditti tal-investiment u d-Direttiva 98/26/KE (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 296).
    (32)    Id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149).
    (33)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).
    (34)    Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).
    (35)    COM(2018) 133 final.
    (36)    COM(2020) 822 final.
    (37)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta’ Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1).
    (38)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 Novembru, 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 318, 27.11.1998, p.8).
    (39)    Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).
    Top