IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.4.2023
COM(2023) 211 final
2023/0110(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili rigward l-adeżjoni tal-Brażil għall-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili (il-Kumitat) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni ta’ dan il-Kumitat dwar l-adeżjoni tal-Brażil għall-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili
Il-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili (“il-Ftehim”) huwa ftehim plurilaterali fil-qafas tad-WTO li għandu l-għan li jelimina d-dazji tal-importazzjoni fuq l-inġenji tal-ajru kollha, għajr l-inġenji tal-ajru militari, kif ukoll il-magni tal-inġenji tal-ajru ċivili u l-partijiet u l-komponenti tagħhom, il-komponenti u s-subassemblaġġi kollha tal-inġenji tal-ajru ċivili, u s-simulaturi tat-titjiriet u l-partijiet u l-komponenti tagħhom. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1980.
L-Unjoni Ewropea (“UE”) hija parti għall-Ftehim. Dsatax-il Stat Membru tal-UE huma wkoll partijiet għall-Ftehim f’isimhom stess. Minħabba li l-politika kummerċjali komuni hija kwistjoni ta’ kompetenza esklużiva tal-UE u s-sħubija tal-UE fid-WTO tkopri t-territorji li għalihom tapplika l-politika kummerċjali komuni (jiġifieri l-Istati Membri tal-UE), il-Kummissjoni se tesprimi l-pożizzjoni fil-Kumitat f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.
Il-Brażil ippreżenta lill-Kumitat l-applikazzjoni tiegħu tal-adeżjoni għall-Ftehim fl-14 ta’ Ġunju 2022, flimkien mal-proposti tiegħu dwar l-impenji tariffarji.
Fl-10 ta’ Ottubru 2022, il-Kumitat iddiskuta l-proċess għar-rieżami tal-applikazzjoni tal-Brażil biex jissieħeb fil-Ftehim, li hija l-ewwel talba għall-adeżjoni li se tiġi rieżaminata mill-membri tad-WTO f’dan il-Kumitat.
Id-deċiżjoni prevista tal-Kunsill li hija s-suġġett ta’ din il-proposta tippermetti li l-Kummissjoni tesprimi l-pożizzjoni f’isem l-Unjoni Ewropea rigward l-adeżjoni tal-Brażil fil-Kumitat.
2.2.Il-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili
Il-kompitu tal-Kumitat huwa li jwettaq rieżami ta’ kif qed jiġi applikat il-Ftehim u jikkonsulta dwar l-iżviluppi fl-industrija tal-inġenji tal-ajru ċivili biex jiddetermina jekk humiex meħtieġa emendi biex tkun iggarantita l-kontinwazzjoni tal-kummerċ ħieles u mingħajr distorsjoni.
Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat jiġu adottati b’kunsens. Meta ma tkunx tista’ tintlaħaq deċiżjoni b’kunsens, il-kwistjoni li tkun qed tiġi diskussa għandha tiġi deċiża permezz ta’ votazzjoni.
2.3.L-att previst tal-Kumitat
Filwaqt li l-ebda data speċifika ma ġiet miftiehma fil-mument attwali, fil-futur qrib il-Kumitat għandu jadotta deċiżjoni dwar l-adeżjoni tal-Brażil għall-Ftehim (“l-att previst”).
L-att previst jiġi adottat mill-Kumitat abbażi tal-Artikolu 9.1.3 tal-Ftehim u l-punt 5 tan-Nota ta’ Gwida dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu 9.1.3 tal-Ftehim. Dan tal-aħħar jipprevedi li “[m]eta jkun hemm deċiżjoni mill-Kumitat li taqbel mat-termini tal-adeżjoni, il-gvern applikant għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jikkonforma mat-termini tal-adeżjoni tiegħu u, bil-kunsens tal-Kumitat, il-gvern applikant jista’ jiddepożita mad-Direttur Ġenerali tad-WTO strument ta’ adeżjoni, li jiddikjara t-termini hekk miftiehma”.
L-għan tal-att previst huwa li jippermetti lill-Brażil jaderixxi għall-Ftehim u jsaħħaħ il-kummerċ ħieles u mingħajr distorsjoni fis-settur tal-inġenji tal-ajru ċivili.
L-att previst se jsir vinkolanti fuq il-partijiet f’konformità mal-Artikolu 9.3.1 tal-Ftehim, li jipprevedi li “[il-]Ftehim għandu jidħol fis-seħħ […] għal kull gvern ieħor […] fit-tletin jum wara d-data tal-aċċettazzjoni jew tal-adeżjoni tiegħu għal dan il-Ftehim.”
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Noti Ġenerali
L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li l-UE tkun tista’ tingħaqad ma’ kunsens possibbli fil-Kumitat dwar l-att previst.
Filwaqt li għadu mhuwiex kompletament ċar meta l-Firmatarji se jkunu jistgħu jilħqu kunsens, il-pożizzjoni tal-UE għandha tiġi stabbilita minn qabel mill-Kunsill skont l-Artikolu 218(9) TFUE.
Il-pożizzjoni proposta tal-Unjoni hija li tappoġġa l-adeżjoni tal-Brażil għall-Ftehim. Il-Kummissjoni tirrakkomanda dan għar-raġunijiet li ġejjin:
L-offerta tal-Brażil
Dazji doganali u imposti oħra
Il-Brażil joffri lill-Kumitat impenji tariffarji abbażi tal-obbligi tal-Artikolu 2.1 tal-Ftehim. Ladarba d-diskussjonijiet dwar l-impenji tariffarji tal-Brażil jiġu konklużi fil-Kumitat u l-lista ta’ linji tariffarji li tirrifletti dawn l-obbligi tiġi riżolta, il-Brażil ikun lest biex jinkorpora fi żmien debitu t-trattament mingħajr dazju għall-prodotti msemmija fl-iskeda tiegħu tal-GATT. Wara li titlesta l-proċedura tal-adeżjoni tal-Brażil, il-Ftehim jiġi integrat fl-ordni ġuridiku tal-Brażil.
Il-Brażil diġà japplika trattament mingħajr dazju għall-prodotti kollha elenkati fl-impenji tariffarji proposti, meta dawn jintużaw fl-inġenji tal-ajru ċivili. Fir-rigward tal-obbligi skont l-Artikolu 2.1.2, il-leġiżlazzjoni attwali tal-Brażil diġà tagħti trattament mingħajr dazju lill-prodotti użati għat-tiswija tal-inġenji tal-ajru. Rigward l-impenji tal-Artikolu 2.2 tal-Ftehim, il-Brażil diġà għandu proċedura ta’ amministrazzjoni doganali bbażata fuq sistema ta’ użu finali li tipprovdi trattament mingħajr dazju komparabbli mat-trattament li jipprovdu firmatarji oħra għall-Ftehim li mhuwiex ta’ xkiel għall-kummerċ u lanqas ma hu inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-GATT u ftehimiet multilaterali oħra nnegozjati taħt l-awspiċji tal-GATT.
Ostakli tekniċi għall-kummerċ
Rigward l-obbligi skont l-Artikolu 3, dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ, il-Brażil jipparteċipa b’mod attiv fid-diskussjonijiet tal-Kumitat dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ fid-WTO u ma jadotta l-ebda politika li tmur kontra l-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ.
Akkwist pubbliku mmexxi mill-gvern, sottokuntratti obbligatorji u inċentivi
Il-prattiki, il-linji gwida u l-proċeduri ta’ akkwist tal-Brażil diġà huma konformi mar-rekwiżiti tal-Ftehim. Bħala prinċipju ġenerali, diversi dispożizzjonijiet tal-Liġi nazzjonali Brażiljana dwar l-Akkwist Pubbliku - il-Liġi 14,133/2021 - jipprojbixxu t-trattament differenti bejn il-fornituri nazzjonali u barranin. Peress li l-liġi attwali diġà tippromwovi dan l-allinjament, il-bidliet operazzjonali li pprovda s-Segretarjat tal-Ġestjoni tal-Ministeru tal-Ekonomija permezz tal-Istruzzjoni Normattiva Nru 10, ta’ Frar 2020 ggarantew li anki kumpaniji barranin mhux stabbiliti fil-Brażil jista’ jkollhom aċċess għal opportunitajiet ta’ akkwist.
Restrizzjonijiet kummerċjali
Il-Brażil ma japplikax restrizzjonijiet kwantitattivi jew rekwiżiti ta’ liċenzjar għall-importazzjoni biex jirrestrinġi l-importazzjonijiet ta’ inġenji tal-ajru ċivili b’mod li mhuwiex konsistenti mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-GATT u skont ftehimiet multilaterali oħra nnegozjati taħt l-awspiċji tal-GATT. Bl-istess mod, ma hemmx restrizzjonijiet kwantitattivi jew rekwiżiti ta’ liċenzjar tal-esportazzjoni mmirati biex jirrestrinġu, għal raġunijiet kummerċjali jew kompetittivi, l-esportazzjonijiet ta’ inġenji tal-ajru ċivili lil Firmatarji oħra b’mod li mhuwiex konsistenti mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-GATT u skont ftehimiet multilaterali oħra nnegozjati taħt l-awspiċji tal-GATT.
Appoġġ mill-gvern, krediti għall-esportazzjoni, u kummerċjalizzazzjoni tal-inġenji tal-ajru
Fl-2007, il-Brażil sar Parteċipant fil-“Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Inġenji tal-Ajru Ċivili” (ASU), li huwa anness tal-Arranġament tal-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). Għalhekk, il-programmi uffiċjali Brażiljani ta’ appoġġ għall-kreditu għall-esportazzjoni jsegwu strettament il-linji gwida tal-ASU, li jfisser li ma jipprovdux krediti għall-esportazzjoni appoġġati b’mod uffiċjali f’termini u kundizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk stabbiliti fl-ASU.
Gvernijiet reġjonali u lokali
Skont il-kostituzzjoni Brażiljana, il-President tar-Repubblika għandu s-setgħa esklużiva li jikkonkludi trattati internazzjonali, ad referendum tal-Kungress Nazzjonali. Barra minn hekk, kif issemma qabel, l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni bit-termini tal-Ftehim mill-Gvern Federali fil-Brażil wara r-ratifika internazzjonali jew l-adeżjoni tfisser li dan il-Ftehim huwa strument legali vinkolanti fil-pajjiż.
Rakkomandazzjoni
Hu mistenni li l-adeżjoni tal-Brażil għall-Ftehim mistennija tagħti kontribut pożittiv biex is-swieq tal-inġenji tal-avjazzjoni ċivili jkomplu jinfetħu fuq livell internazzjonali, billi jikber l-għadd tal-partijiet għall-Ftehim u b’hekk pajjiżi oħra jitħajru jaderixxu wkoll. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-offerta tal-Brażil tiġi aċċettata.
Għaldaqstant, qed jiġi propost li l-Kummissjoni tkun awtorizzata tesprimi fil-Kumitat dwar l-Inġenji tal-Ajru Ċivili l-pożizzjoni tal-Unjoni favur l-adeżjoni tal-Brażil għall-Ftehim.
L-inizjattiva hija kompletament konsistenti mal-politika eżistenti. Deċiżjonijiet simili ġew adottati għal pereżempju l-adeżjonijiet tal-Awstralja jew ta’ New Zealand għal ftehim speċifiku ieħor tad-WTO, jiġifieri l-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kumitat huwa korp stabbilit bl-Artikolu 8.1 tal-Ftehim.
L-att li l-Kumitat huwa mitlub jadotta, jikkostitwixxi att li għandu effetti legali. L-att previst ikun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 9.3.1 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili.
L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw il-politika kummerċjali komuni.
Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 TFUE.
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 207 TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.
2023/0110 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili rigward l-adeżjoni tal-Brażil għall-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 80/271/KEE u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1980.
(2)Il-Brażil ippreżenta lill-Kumitat dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili (il-Kumitat) l-applikazzjoni tiegħu tal-adeżjoni għall-Ftehim fl-14 ta’ Ġunju 2022, flimkien mal-proposti tiegħu dwar l-impenji tariffarji.
(3)Fid-dawl ta’ dawn l-impenji, l-applikazzjoni tal-Brażil għall-adeżjoni għall-Ftehim tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-Ftehim.
(4)Hu mistenni li l-adeżjoni tal-Brażil għall-Ftehim tagħti kontribut pożittiv għall-kummerċ ħieles u mingħajr distorsjoni fis-settur tal-inġenji tal-ajru ċivili.
(5)Skont l-Artikolu 9.1.3 tal-Ftehim u l-punt 5 tan-Nota ta’ Gwida dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu 9.1.3 tal-Ftehim, il-Kumitat għandu s-setgħa li jieħu deċiżjoni li taqbel mat-termini tal-adeżjoni.
(6)Għaldaqstant, hemm bżonn li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat b’rabta mal-adeżjoni tal-Brażil għall-Ftehim,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili għandha tkun li taqbel mal-adeżjoni tal-Brażil għall-Ftehim dwar il-Kummerċ fl-Inġenji tal-Ajru Ċivili.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
F'isem il-Kunsill
Il-President