This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52023IP0366
P9_TA(2023)0366 – Implications of Chinese fishing operations for EU fisheries and the way forward – European Parliament resolution of 17 October 2023 on the implications of Chinese fishing operations on EU fisheries and the way forward (2022/2148(INI))
P9_TA(2023)0366 — L-implikazzjonijiet tal-operazzjonijiet tas-sajd Ċiniżi għas-sajd tal-UE u t-triq 'il quddiem — Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Ottubru 2023 dwar l-implikazzjonijiet tal-operazzjonijiet tas-sajd Ċiniżi għas-sajd tal-UE, u t-triq ’il quddiem (2022/2148(INI))
P9_TA(2023)0366 — L-implikazzjonijiet tal-operazzjonijiet tas-sajd Ċiniżi għas-sajd tal-UE u t-triq 'il quddiem — Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Ottubru 2023 dwar l-implikazzjonijiet tal-operazzjonijiet tas-sajd Ċiniżi għas-sajd tal-UE, u t-triq ’il quddiem (2022/2148(INI))
ĠU C, C/2024/2652, 29.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2652/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/2652 |
29.4.2024 |
P9_TA(2023)0366
L-implikazzjonijiet tal-operazzjonijiet tas-sajd Ċiniżi għas-sajd tal-UE u t-triq 'il quddiem
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Ottubru 2023 dwar l-implikazzjonijiet tal-operazzjonijiet tas-sajd Ċiniżi għas-sajd tal-UE, u t-triq ’il quddiem (2022/2148(INI))
(C/2024/2652)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (2) (ir-“Regolament IUU”), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998 tas-7 ta’ Diċembru 2020 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem (3), |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Settembru 2022 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat fis-suq tal-Unjoni (COM(2022)0453) u l-abbozz ta’ rapport tal-Parlament dwar dik il-proposta, |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Mejju 2018 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1005/2008, u r-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontroll tas-sajd (COM(2018)0368) u r-rapport tal-Parlament dwar dik il-proposta, |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Frar 2022 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 (COM(2022)0071) u l-abbozz ta’ rapport tal-Parlament dwar dik il-proposta, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 2020 bit-titolu “Strateġija Mill-Għalqa sal-Platt” (COM(2020)0381) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Ottubru 2021 dwar dik l-istrateġija (4), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 2020 bit-titolu “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030” (COM(2020)0380), u r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ġunju 2021 dwar dik l-istrateġija (5), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Lulju 2021 dwar l-istabbiliment ta’ Żoni Marini Protetti (MPAs) fil-Baħar Antartiku u l-konservazzjoni tal-bijodiversità tal-Oċean tan-Nofsinhar (6), |
|
— |
wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kumitat għas-Sajd tal-14 ta’ Marzu 2023 bil-ħsieb tat-tħejjija tar-rakkomandazzjoni mill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim ta’ Marrakexx li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (COM(2022)0582), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982, fis-seħħ mis-16 ta’ Novembru 1994 u rratifikata miċ-Ċina fil-15 ta’ Mejju 1996, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS) tal-1 ta’ Novembru 1974, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) tas-6 ta’ Marzu 1948, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Settur tas-Sajd (Konvenzjoni Nru 188) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol tal-14 ta’ Ġunju 2007, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Protokoll ta’ Torremolinos tat-2 ta’ April 1993 dwar il-Konvenzjoni Internazzjonali ta’ Torremolinos għas-Sikurezza tal-Bastimenti tas-Sajd u l-Ftehim ta’ Cape Town tal-2012 biex tissaħħaħ is-sikurezza tas-sajd, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim tal-4 ta’ Marzu 2023 skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika tal-baħar ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni konġunta tal-Kunsill Konsultattiv għall-Flotta ta’ Distanzi Twal u tal-Kunsill Konsultattiv għas-Swieq tat-13 ta’ Diċembru 2022 dwar l-indirizzar tal-attivitajiet globali tal-flotot Ċiniżi tal-ilmijiet imbiegħda: l-implikazzjonijiet għall-governanza tas-sajd, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Osservatorju Ewropew tas-Suq għall-Prodotti tas-Sajd u l-Akkwakultura (EUMOFA) tad-29 ta’ Novembru 2022 bit-titolu “The EU Fish Market – 2022 Edition” (Is-Suq tal-Ħut tal-UE – Edizzjoni tal-2022), |
|
— |
wara li kkunsidra l-istudju mid-Dipartiment Tematiku għall-Politiki Strutturali u ta’ Koeżjoni tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tad-9 ta’ Diċembru 2022 bit-titolu “Research for PECH Committee – Role and impact of China on world fisheries and aquaculture” (Riċerka għall-Kumitat PECH — Ir-rwol u l-impatt taċ-Ċina fuq is-sajd u l-akkwakultura globali), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Miżuri tal-Istat tal-Port biex Jipprevjeni, Jiskoraġġixxi u Jelimina Sajd Illegali, Mhux Irrappurtat u Mhux Irregolat, approvat matul il-Konferenza tat-22 ta’ Novembru 2009 tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), u fis-seħħ mill-5 ta’ Ġunju 2016, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-FAO tal-2022 bit-titolu “The State of World Fisheries and Aquaculture 2022: Towards Blue Transformation” (L-Istat tas-Sajd u l-Akkwakultura fid-Dinja 2022: Lejn Trasformazzjoni Blu), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-UE u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina tas-16 ta’ Lulju 2018 bit-titolu “Sħubija Blu dwar l-Oċeani: Lejn Governanza Aħjar tal-Oċeani”, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Protokoll li jemenda l-Ftehim ta’ Marrakexx li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ – Ftehim dwar is-Sussidji tas-Sajd, adottat fit-12-il Konferenza Ministerjali fis-17 ta’ Ġunju 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tat-12 ta’ Marzu 2019 bit-titolu “UE-Ċina – Perspettiva strateġika” (JOIN(2019)0005), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2022 dwar l-istrateġija Indo-Paċifika fil-qasam tal-kummerċ u tal-investiment (7), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Liġi dwar is-Sajd tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, adottata fl-20 ta’ Jannar 1986, u r-riforma proposta ppubblikata mill-Ministeru Ċiniż għall-Agrikoltura u l-Affarijiet Rurali fit-28 ta’ Awwissu 2019, |
|
— |
wara li kkunsidra t-13-il pjan ta’ ħames snin taċ-Ċina għall-iżvilupp tas-sajd fl-ilmijiet imbiegħda, ippubblikat fl-2017 u l-14-il pjan ta’ ħames snin, ippubblikat fl-1 ta’ Lulju 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta taċ-Ċilì, il-Kolombja, l-Ekwador u l-Perù tat-3 ta’ Novembru 2020 dwar bastimenti tas-sajd li jtajru bandiera barranija f’żoni li jmissu mal-ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni nazzjonali ta’ kull pajjiż, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Att tal-Istati Uniti dwar is-Sigurtà Marittima u l-Infurzar tas-Sajd, adottat fl-20 ta’ Diċembru 2019, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Sigurtà Nazzjonali/NSM-11 tal-President tal-Istati Uniti tas-27 ta’ Ġunju 2022 dwar il-Ġlieda kontra s-Sajd Illegali, Mhux Irrappurtat u Mhux Irregolat u l-Abbużi tax-Xogħol Assoċjati, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Istrateġija Nazzjonali ta’ Ħames Snin għall-Ġlieda kontra s-Sajd Illegali, Mhux Irrappurtat u Mhux Irregolat (2022–2026) tad-19 ta’ Ottubru 2022, imfassla mill-Grupp ta’ Ħidma Interaġenzjali tal-Istati Uniti dwar is-Sajd IUU, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tas-Servizz ta’ Riċerka tal-Kungress tal-Istati Uniti tat-12 ta’ April 2022 bit-titolu “China’s Role in the Exploitation of Global Fisheries: Issues for Congress” (Ir-Rwol taċ-Ċina fl-Isfruttament tas-Sajd Globali: Kwistjonijiet għall-Kungress), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Istitut għall-Iżvilupp Barrani tat-2 ta’ Ġunju 2020 bit-titolu “China’s distant-water fishing fleet: scale, impact and governance” (Il-flotta tas-sajd taċ-Ċina tal-ilmijiet imbiegħda: skala, impatt u governanza), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Fondazzjoni tal-Ġustizzja Ambjentali tat-30 ta’ Marzu 2022 bit-titolu “The Ever-Widening Net: Mapping the scale, nature and corporate structures of illegal, unreported and unregulated fishing by the Chinese distant-water fleet” (Ix-xibka li dejjem titwessa’: L-immappjar tal-iskala, in-natura u l-istrutturi korporattivi tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat mill-flotta Ċiniża tal-ilmijiet imbiegħda), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Inizjattiva Globali Kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali u tal-Poseidon Aquatic Resource Management Ltd bit-titolu “The Illegal, Unreported and Unregulated Fishing Index” (L-Indiċi tas-Sajd Illegali, Mhux Irrappurtat u Mhux Irregolat), ippubblikat fit-23 ta’ Diċembru 2021, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Wegħda ta’ Alleanza ta’ Azzjoni dwar is-Sajd IUU biex jiġu stimulati l-ambizzjoni u l-azzjoni fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li ntlaħaq qbil dwarha fit-28 ta’ Ġunju 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A9-0282/2023), |
|
A. |
billi l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jgħid li l-UE għandha tmexxi r-relazzjonijiet esterni tagħha dwar is-sajd bil-għan jiġu żgurati sfruttament sostenibbli, ġestjoni u konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u l-ambjent tal-baħar; |
|
B. |
billi l-Artikolu 12 tar-Regolament IUU jgħid li l-importazzjoni ta’ prodotti tas-sajd li jirriżultaw minn sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) għandha tkun ipprojbita; billi l-UE, bħala l-akbar suq ta’ importazzjoni għall-prodotti tas-sajd fid-dinja, għandha rwol ċentrali fil-ġlieda kontra s-sajd IUU madwar id-dinja; billi l-politika ta’ tolleranza żero fir-rigward tas-sajd IUU għandha tapplika bl-istess mod għall-pajjiżi kollha, irrispettivament mid-daqs; |
|
C. |
billi attwalment hemm erba’ pajjiżi terzi b’karta ħamra u tmien pajjiżi terzi b’karta safra; billi r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina qatt ma kienet soġġetta għal proċedura skont ir-Regolament IUU, minkejja evidenza konsiderevoli tal-involviment sinifikanti u dejjem jikber tagħha fis-sajd IUU, kif analizzat fi studju ta’ Diċembru 2022 bit-titolu “The role and impact of China on world fisheries and aquaculture” (Ir-rwol u l-impatt taċ-Ċina fuq is-sajd u l-akkwakultura globali), ikkummissjonat mill-Kumitat għas-Sajd; |
|
D. |
billi, f’konformità mal-Artikolu 30 tar-Regolament IUU, u fuq talba tal-Kummissjoni, l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) se tgħin lill-UE fil-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali li jittrattaw is-sajd, inklużi l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs), biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni u l-konformità tal-miżuri, speċjalment dawk immirati lejn il-ġlieda kontra s-sajd IUU; |
|
E. |
billi, f’konformità mal-Artikolu 31(3) tar-Regolament IUU, pajjiż terz jista’ jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax jekk jonqos milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq milli jieħu azzjoni biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU; billi l-proċedura tal-karta s-safra fir-Regolament IUU hija maħsuba biex taġixxi bħala twissija u tippermetti lill-UE tidħol fi djalogu ma’ pajjiż terz li ma jikkooperax; |
|
F. |
billi, fin-nuqqas ta’ ċifri uffiċjali affidabbli, huwa stmat li ċ-Ċina għandha l-akbar flotta tas-sajd fid-dinja, inkluża l-akbar flotta tas-sajd tal-ilmijiet imbiegħda fid-dinja, b’aktar minn 2 700 bastiment skont ċifri uffiċjali Ċiniżi, u li hija l-akbar importatur fid-dinja ta’ frakass tal-fdal tal-ħut (8); billi l-flotta tal-UE tal-ilmijiet imbiegħda hija komparattivament ħafna iżgħar, b’259 bastiment; |
|
G. |
billi l-isfruttament żejjed tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fl-ilmijiet territorjali tagħha stess u fiż-żona ekonomika esklużiva tagħha stess, u d-deterjorament tal-ħabitats minħabba t-tniġġis, jistgħu jitqiesu parzjalment bħala r-raġunijiet għaliex iċ-Ċina issa żviluppat l-akbar flotta tas-sajd tal-ilmijiet imbiegħda u l-industrija tal-akkwakultura fid-dinja; billi l-iskala tal-produzzjoni, l-estrazzjoni u l-konsum tal-frott tal-baħar taċ-Ċina għandha riperkussjonijiet estensivi fuq il-ġestjoni u l-konservazzjoni tal-ħut, u s-sigurtà tal-ikel madwar id-dinja; billi l-flotta taċ-Ċina tal-ilmijiet imbiegħda hija kompetitur ewlieni għall-flotta tas-sajd tal-Unjoni; |
|
H. |
billi ċ-Ċina hija t-tielet l-akbar esportatur ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura f’termini ta’ valur għall-UE, wara n-Norveġja u r-Renju Unit; billi aktar minn 80 % tal-ħut ikkunsmat fiċ-Ċina jiġi mill-akkwakultura (9); billi l-produzzjoni tal-akkwakultura taċ-Ċina fl-2020 ammontat għal madwar 70,5 miljun tunnellata, li waħedha tirrappreżenta 58 % tal-produzzjoni globali tal-akkwakultura u 63 % tal-produzzjoni tal-akkwakultura Asjatika; billi l-importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ammontaw għal EUR 1 815 371 000 fl-2022, jiġifieri 5,6 % tal-importazzjonijiet totali tal-UE; billi l-bilanċ kummerċjali tal-UE mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura jinsab f’defiċit konsiderevoli (EUR 1 095 600 000); |
|
I. |
billi l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi tistma li s-sussidji għas-sajd Ċiniż bejn l-2008 u l-2017 kienu jirrappreżentaw madwar 41 % tas-sussidji globali kollha; |
|
J. |
billi ċ-Ċina kellha l-agħar punteġġ globali għas-sajd IUU tal-152 Stat kostali eżaminati kemm fl-2019 kif ukoll fl-2022 għall-Indiċi tas-Sajd IUU; billi l-flotta taċ-Ċina żgur mhijiex l-unika flotta involuta fis-sajd IUU, iżda għandha impatt estensiv madwar id-dinja minħabba d-daqs u l-preżenza globali tagħha; |
|
K. |
billi l-UE tappoġġja l-iżvilupp u l-ġestjoni ta’ sajd sostenibbli, inklużi miżuri biex jittejbu l-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ, spezzjoni, kontroll u sorveljanza fil-ġlieda kontra s-sajd IUU, kif ukoll biex jiġu żgurati kompetittività u kundizzjonijiet ekwi; |
|
L. |
billi ċ-Ċina għadha ma rratifikatx konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin biex tindirizza s-sajd IUU, inkluż il-Ftehim tal-FAO dwar il-Miżuri tal-Istat tal-Port u l-Konvenzjoni Nru 188 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar ix-Xogħol fis-Settur tas-Sajd; |
|
M. |
billi r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina hija firmatarja tal-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) ta’ Ġunju 2022 dwar is-sussidji għas-sajd; |
|
N. |
billi r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina rratifikat il-Ftehim għall-prevenzjoni tas-sajd mhux irregolat fl-ibħra internazzjonali fl-Oċean Artiku Ċentrali f’Ġunju 2022; |
|
O. |
billi l-UE u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ffirmaw ftehim bilaterali fl-2018, magħruf bħala s-Sħubija Blu, li għandu l-għan li tittejjeb il-kooperazzjoni dwar il-governanza globali tal-oċeani; billi l-grupp ta’ ħidma permanenti tas-Sħubija Blu jiltaqa’ darba jew darbtejn fis-sena; billi din l-assoċjazzjoni hija bbażata fuq tliet pilastri li jallinjaw mal-politika tal-UE dwar il-governanza internazzjonali tal-oċeani – it-tisħiħ tal-qafas ta’ governanza tal-oċeani, inkluż is-sajd u l-miżuri għall-ġlieda kontra s-sajd IUU, it-trawwim tal-kundizzjonijiet għal ekonomija blu sostenibbli u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni dwar ix-xjenza, ir-riċerka u d-data dwar il-baħar; |
|
P. |
billi l-parir konġunt tal-Kunsill Konsultattiv għall-Flotta ta’ Distanzi Twal u l-Kunsill Konsultattiv tas-Suq tal-15 ta’ Diċembru 2022 jgħid li l-pass li bih tinkiseb il-kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina fil-ġlieda kontra s-sajd IUU mhuwiex proporzjonat mal-espansjoni rapida tal-flotta tas-sajd Ċiniża tal-ilmijiet imbiegħda u l-impatt globali tal-attivitajiet vasti, mhux sostenibbli u opaki tagħha; |
|
Q. |
billi l-Uffiċċju tat-Teżor għall-Kontroll tal-Assi Barranin tal-Istati Uniti ħareġ sanzjonijiet skont l-Att ta’ Magnitsky kontra diversi kumpaniji tas-sajd Ċiniżi, li jkopru total ta’ 157 bastiment, fuq użu allegat ta’ xogħol furzat; |
|
R. |
billi l-qabdiet globali taċ-Ċina mill-baħar bħalissa jammontaw għal bejn 14 u 16-il miljun tunnellata, li minnhom bejn 3 u 4 miljun tunnellata jiġu minn sajd fl-ilmijiet imbiegħda, inkluż proporzjon kbir li jinqabad fl-ilmijiet lil hinn mill-Afrika tal-Punent u lil hinn mill-Amerka t’Isfel tal-Punent (l-Ekwador u l-Perù) (10); |
|
S. |
billi, sabiex jiġi żgurat li l-produzzjoni tal-Unjoni ta’ prodotti tas-sajd ma tiġix ipperikolata u li jkun hemm provvista adegwata ta’ prodotti tas-sajd għall-industrija tal-ipproċessar tagħha, il-Kunsill, abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, jista’ darbtejn fis-sena jnaqqas jew jissospendi d-dazji tal-importazzjoni għal għadd ta’ prodotti tas-sajd fil-kwoti tariffarji b’volum xieraq (11); billi 39 % tal-fletti tat-tonn importati fl-UE fl-2017 u li jibbenefikaw minn kwoti tariffarji awtonomi ta’ 0 % ġew miċ-Ċina (12); |
|
T. |
billi skont id-data tal-EUMOFA, iċ-Ċina esportat 5,35 miljun tunnellata ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fl-2017 (9 % lejn l-UE), b’valur nominali ta’ EUR 19,17-il biljun (l-importazzjonijiet tal-UE kienu jirrappreżentaw 8 % ta’ dan il-valur); billi d-data tal-EUMOFA għall-2021, l-aħħar sena li għaliha hemm ċifri disponibbli, tiżvela wkoll li l-esportazzjonijiet Ċiniżi tal-frott tal-baħar naqsu għal 3,71 miljun tunnellata (10 % lejn l-UE), b’valur nominali ta’ EUR 18,1-il biljun (l-importazzjonijiet tal-UE jammontaw għal 8 % ta’ dan il-valur); |
|
U. |
billi l-frott tal-baħar Ċiniż importat fis-suq Ewropew huwa l-prodott ta’ operazzjonijiet opaki u jimmina serjament il-kompetittività tas-suq uniku tal-UE; billi dan għandu riperkussjonijiet ekonomiċi u tax-xogħol severi għall-kumpaniji fis-settur u tul il-katina tal-provvista kollha; |
|
V. |
billi fl-2020 iċ-Ċina għamlet ir-regoli tagħha dwar is-sajd fl-ilmijiet imbiegħda aktar stretti; billi, fl-2017, iċ-Ċina impenjat ruħha li tillimita l-flotta tagħha tal-ilmijiet imbiegħda għal 3 000 bastiment sal-2020; |
|
W. |
billi l-istrateġija marittima hija parti essenzjali mill-pjan taċ-Ċina li tespandi s-setgħa tagħha; billi l-politiċizzazzjoni u l-militarizzazzjoni tas-settur marittimu ċivili tagħha jistgħu jiġu osservati, inkluż fir-rigward tas-sajd; billi l-UE għandha tikkunsidra l-isfidi strateġiċi tas-sovranità relatati mas-sajd, b’mod partikolari fir-reġjuni ultraperiferiċi tagħha; |
L-iżgurar ta’ trasparenza massima
|
1. |
Jiddeplora n-nuqqas ta’ trasparenza tal-awtoritajiet Ċiniżi fir-rigward tal-għadd ta’ bastimenti li jagħmlu parti mil-flotta Ċiniża tal-ilmijiet imbiegħda; jinsab imħasseb u mħawwad li, fin-nuqqas ta’ ċifri uffiċjali affidabbli, id-diversi stimi tad-daqs tal-flotta taċ-Ċina tal-ilmijiet imbiegħda jvarjaw minn 2 900 sa 16 966 bastiment; jinnota li l-flotta tas-sajd totali Ċiniża fiha sa 564 000 bastiment, skont il-FAO; ifakkar li l-FAO tinsisti fuq it-trasparenza, filwaqt li tirrikonoxxi li huwa meħtieġ titjib biex il-qabdiet tas-sajd taċ-Ċina fl-ilmijiet imbiegħda jiġu assenjati b’mod aktar preċiż skont iż-żona u l-qabdiet diżaggregati skont l-ispeċi; jesprimi dispjaċir li r-regolament “ta’ kontroll” adottat miċ-Ċina japplika biss għall-bastimenti tal-ilmijiet imbiegħda, li jirrappreżentaw biss frazzjoni tal-flotta kollha tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ u tiggwida lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fl-implimentazzjoni ta’ standards li jirregolaw is-sajd fl-ilmijiet imbiegħda bil-għan li jersaq lejn tekniki tas-sajd sostenibbli; |
|
2. |
Jinsab imħasseb li xi partijiet tal-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar ikkontestat, wieħed mill-aktar ibħra mistada fid-dinja, huma kkunsidrati miċ-Ċina bħala “ilmijiet nazzjonali”, li jwassal għall-esklużjoni tal-bastimenti tas-sajd Ċiniżi li joperaw fiż-żona milli jingħaddu bħala parti mill-flotta tagħha tal-ilmijiet imbiegħda, kif ukoll għal tensjonijiet akbar, hekk kif iċ-Ċina tipprova tasserixxi d-dominanza tagħha fiż-żona permezz tal-attività tagħhom; |
|
3. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja l-innovazzjoni u r-riċerka biex tiżviluppa strumenti ta’ monitoraġġ, traċċar u ġeolokalizzazzjoni għall-bastimenti fl-ibħra internazzjonali billi tappoġġja l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi internazzjonali mfassla biex jikkoordinaw is-sistemi tad-data u jipprovdu data kompluta u preċiża u informazzjoni trasparenti dwar il-post, l-oriġini u l-attività tal-bastimenti tas-sajd; |
|
4. |
Jilqa’ l-fatt li l-ftehim ta’ trilogu għar-riforma tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 (13) dwar il-kontroll tas-sajd jeħtieġ li l-prodotti tas-sajd importati fl-UE u maqbuda fuq il-baħar jindikaw in-numru tal-OMI tal-bastiment tas-sajd, jew identifikatur uniku ieħor tal-bastiment jekk in-numru tal-OMI ma japplikax; |
|
5. |
Jitlob li l-Kummissjoni tieħu miżuri biex twaqqaf l-użu ta’ bnadar ta’ konvenjenza; jitlob li jkun hemm aċċess pubbliku għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tal-bastimenti tas-sajd, irrispettivament mill-bandiera tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb is-sistema tagħha għall-identifikazzjoni ta’ bastimenti involuti f’sajd IUU, kif previst fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1184 (14), sabiex il-pajjiż ta’ oriġini ta’ dgħajsa jkun jista’ jiġi identifikat anke jekk l-Istat tal-bandiera tagħha ma jkunx ċar u sabiex id-dgħajjes li fuqhom ikun instab ksur tad-drittijiet tal-bniedem jiġu inklużi wkoll; |
|
6. |
Jitlob lill-Kummissjoni biex titlob aktar trasparenza mill-awtoritajiet Ċiniżi dwar l-attivitajiet tas-sajd mwettqa mill-flotot Ċiniżi tal-ilmijiet imbiegħda u l-ftehimiet tas-sajd tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tniedi sistema ta’ identifikazzjoni tal-qbid f’kooperazzjoni mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ibbażata fuq ir-rakkomandazzjonijiet fil-Linji Gwida Volontarji tal-FAO għall-Iskemi ta’ Dokumentazzjoni tal-Qbid; jirrimarka l-importanza li jintużaw l-għodod internazzjonali kollha disponibbli fil-ġlieda kontra s-sajd IUU; jinnota, bi tħassib, li n-natura opaka ta’ dawn il-ftehimiet tista’ tinkoraġġixxi s-sajd IUU u tagħmilha diffiċli għall-gvernijiet affettwati u għal partijiet interessati oħra biex jimmonitorjaw l-attivitajiet tal-flotta taċ-Ċina tal-ilmijiet imbiegħda; jistieden lill-Kummissjoni tniedi, mas-sħab internazzjonali tagħha, strateġija għall-monitoraġġ tal-ftehimiet bilaterali li daħlet fihom iċ-Ċina bil-għan li tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kemm fil-ktajjen tal-provvista kif ukoll fil-kummerċ; |
|
7. |
Jinnota li l-ftehimiet dwar is-sajd bejn ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u pajjiżi terzi qegħdin jiżdiedu; jinsab imħasseb li dawn il-ftehimiet jistgħu jagħmlu ħsara lill-interessi tal-industrija lokali, ipoġġu s-sigurtà tal-ikel tal-popolazzjoni f’riskju u joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni ġusta; jiddeplora n-nuqqas ta’ trasparenza dwar dawn il-ftehimiet, il-liċenzji u l-awtorizzazzjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-effetti kumulattivi mhux sostenibbli possibbli fuq ir-riżorsi tas-sajd ta’ pajjiżi terzi li għandhom ukoll ftehimiet dwar is-sajd mal-UE; jinsab imħasseb dwar l-aħbar ta’ sajd eċċessiv fl-ilmijiet lil hinn mill-Afrika tal-Punent, speċjalment fil-Golf tal-Guinea u fil-Lag Volta fil-Ghana, li fihom huwa rrappurtat li hija involuta l-flotta taċ-Ċina tal-ilmijiet imbiegħda; |
|
8. |
Jitlob li ċ-Ċina tirratifika u timplimenta l-Ftehim tal-FAO dwar il-Miżuri tal-Istat tal-Port, u ftehimiet u trattati internazzjonali oħra mfassla biex jiġġieldu s-sajd IUU malajr kemm jista’ jkun, kif ukoll tiżgura li l-bastimenti tas-sajd fl-ibħra internazzjonali jsegwu l-ftehimiet internazzjonali dwar il-ġestjoni u l-miżuri ta’ konservazzjoni tal-ekosistema tal-baħar; jistieden lill-Istati kostali jiżvelaw ir-reati mwettqa minn bastimenti tas-sajd tal-ilmijiet imbiegħda u s-sanzjonijiet applikati kontrihom; |
|
9. |
Jilqa’ l-inizjattiva tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (DĠ MARE) tal-Kummissjoni li, fl-10 ta’ Mejju 2023, nieda sit web li jkun fih data dwar l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tal-UE li jistadu barra l-ilmijiet tal-UE u bastimenti mhux tal-UE li jistadu fl-ilmijiet tal-UE; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tas-sajd ta’ pajjiżi terzi u lill-RFMOs jadottaw miżuri simili; jissottolinja l-importanza li s-sistema leġiżlattiva eżistenti għall-flotot tal-UE tiġi applikata wkoll għal flotot minn pajjiżi terzi bil-għan li jiġu infurzati l-istess standards dwar it-trasparenza tal-attivitajiet tas-sajd u t-traċċabbiltà tal-prodotti; |
Id-difiża tal-Unjoni Ewropea kontra prattiki kummerċjali inġusti
|
10. |
Jappella lill-Istati Membri biex japplikaw il-leġiżlazzjoni tal-UE b’mod strett fir-rigward tas-sistema tat-traċċabbiltà u tar-rapport tal-qabdiet; jemmen li d-diġitalizzazzjoni taċ-ċertifikati tal-qbid IUU permezz tas-sistema CATCH se tnaqqas l-opportunitajiet għall-importazzjonijiet frawdolenti u ttaffi l-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jipprovdu informazzjoni dwar kemm mill-prodotti li jinqabdu minn bastimenti Ċiniżi sussegwentement jidħlu fis-suq tal-UE; jirrimarka l-ħtieġa li jiġu armonizzati u intensifikati l-kontrolli doganali u tal-portijiet, kif ukoll fuq il-pjattaformi kummerċjali, tal-prodotti tas-sajd importati kollha sabiex jiġi ristrett il-moviment tal-prodotti li ġejjin mis-sajd illegali fis-suq uniku; jitlob ċertifikazzjoni tal-oriġini msaħħa għall-prodotti tas-sajd importati sabiex is-sajd ikun soġġett għal-leġiżlazzjoni Ewropea aktar milli għal-leġiżlazzjoni tal-Istat tal-bandiera, sabiex jiġi żgurat li l-prodotti li jidħlu fis-suq uniku jiġu minn sorsi sostenibbli u l-oriġini u l-konformità tagħhom ikunu ġew ikkontrollati u li tikkontribwixxi għall-preservazzjoni tas-saħħa pubblika u għall-prevenzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni; |
|
11. |
Jinsab imħasseb dwar l-għadd kbir ta’ rapporti minn gvernijiet u organizzazzjonijiet mhux governattivi ta’ sajd IUU minn bastimenti li jtajru l-bandiera Ċiniża u allegat sajd IUU minn bastimenti apolidi li jistgħu jkunu r-responsabbiltà tal-awtoritajiet Ċiniżi u tal-bastimenti bi sjieda Ċiniża li jtajru l-bandiera ta’ pajjiż terz; jirrimarka li dawn il-prattiki illegali jinkludu s-sajd mingħajr liċenzja, is-sajd għal speċijiet protetti, is-sajd bi rkaptu pprojbit, it-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar, in-nuqqas ta’ dikjarazzjoni tal-qabdiet u d-diżattivazzjoni tas-sistemi ta’ identifikazzjoni awtomatiċi użati għat-traċċar; |
|
12. |
Jinsab imħasseb dwar l-aħbar tal-preżenza ta’ għadd ta’ bastimenti Ċiniżi li jistadu mingħajr kontrolli fl-ibħra internazzjonali maġenb iż-żoni ekonomiċi esklussivi ta’ xi pajjiżi tal-Amerka Latina, inklużi l-Ekwador u l-Arġentina; jirrimarka li l-flotta tal-UE li topera f’dawn iż-żoni tas-sajd spiss tiffaċċja kompetizzjoni inġusta għar-riżorsi tas-sajd, bħall-klamari tal-pinen qosra tal-Arġentina (Illex argentinus) u l-klamari tal-Patagonja (Loligo gahi); jemmen li l-istabbiliment tal-RFMOs biex tiġi żgurata kopertura globali adegwata taż-żoni u tal-ispeċijiet, speċjalment f’żoni mingħajr l-ebda struttura tal-RFMO (pereżempju, in-Nofsinhar tal-Atlantiku), huwa importanti sabiex jiġu promossi l-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd u l-kompetizzjoni ġusta fil-livell globali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoopera mal-partijiet kollha involuti biex taħdem biex jintlaħaq dan l-għan; |
|
13. |
Jilqa’ l-Ftehim milħuq fin-NU dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika tal-baħar ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, u jħeġġeġ lill-UE u liċ-Ċina jirratifikawh u jdaħħluh fis-seħħ; |
|
14. |
Jiddispjaċih għall-kundizzjonijiet burokratiċi kumplessi u xi drabi arbitrarji imposti mill-awtoritajiet Ċiniżi fuq ċerti ditti tal-UE li jixtiequ jesportaw prodotti tas-sajd lejn iċ-Ċina; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-awtoritajiet Ċiniżi biex tintemm din is-sitwazzjoni; |
|
15. |
Jinsab imħasseb dwar l-aħbar rigward azzjoni aggressiva minn għadd ta’ bastimenti Ċiniżi, bħall-attakki fuq il-bastiment tas-sajd Spanjol “Playa de Rodas” fi Frar 2020, li matulhom sitt bastimenti li jtajru l-bandiera Ċiniża kienu involuti billi daħlu fuqu, bagħtulu theddid ta’ mewt u ppruvaw jagħmlulu sabotaġġ u jaħbtu miegħu; |
|
16. |
Iħeġġeġ liċ-Ċina u lill-pajjiżi li magħhom hija ffirmat ftehimiet dwar is-sajd biex isaħħu l-kapaċità tagħhom li jimmonitorjaw, jidentifikaw, jipprevjenu u jirrispondu għal inċidenti tas-sajd IUU; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li żżid l-appoġġ tekniku u finanzjarju għal dak l-għan permezz tal-EFCA; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi assistenza teknika u tippromwovi l-bini tal-kapaċità, bl-użu tal-mezzi kollha possibbli fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd, f’konformità mal-għanijiet tal-UE dwar il-governanza internazzjonali tal-oċeani, sabiex tħeġġeġ u tappoġġja lill-Istati kostali li magħhom l-UE żżomm djalogu biex jintensifikaw il-ġlieda tagħhom kontra s-sajd IUU u jsaħħu r-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà u trasparenza fil-kundizzjonijiet għall-aċċess taż-żoni ekonomiċi esklużivi tagħhom (ŻEE); |
|
17. |
Jitlob, b’mod aktar ġenerali, li tissaħħaħ il-ġlieda kontra s-sajd IUU, b’mod partikolari fl-ilmijiet internazzjonali u fiż-żoni koperti mill-awtoritajiet tal-Istati kostali li ma għandhomx biżżejjed kapaċitajiet ta’ kontroll; iqis li dan jista’ jinkiseb permezz ta’ operazzjonijiet konġunti bħall-PESCAO (Governanza reġjonali mtejba tas-sajd fl-Afrika tal-Punent); ifaħħar lill-EFCA għar-rwol tagħha fil-proġett PESCAO, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017)2951 tat-28 ta’ April 2017; jirrimarka li dan il-proġett, li jinkludi l-għan li tissaħħaħ il-prevenzjoni tas-sajd IUU, għandu jintemm f’Diċembru 2023; jistieden lill-Kummissjoni tibda evalwazzjoni tal-proġett PESCAO u, jekk ikun meħtieġ, tiddefinixxi prijoritajiet ġodda u tagħmel dan it-tip ta’ proġett aktar effettiv, kif ukoll testendih u tipprovdilu riżorsi addizzjonali; jinnota li l-flotot navali għandhom kapaċitajiet speċifiċi tal-ilmijiet imbiegħda u li xi Stati Membri jafdaw l-operazzjonijiet ta’ kontroll tas-sajd lill-forzi navali tagħhom; jisħaq li l-qafas Ewropew ta’ finanzjament għall-kontroll tas-sajd għandu jinbidel biex jippermetti lill-forzi navali jieħdu sehem f’operazzjonijiet kontra s-sajd illegali fiż-żoni msemmija, flimkien mal-operazzjonijiet tagħhom fil-ġlieda kontra l-piraterija; |
|
18. |
Jissottolinja l-importanza tal-Preżenza Marittima Koordinata (CMP) fil-Golf tal-Guinea, li, minn mindu ġiet implimentata f’Marzu 2021, kellha impatt pożittiv ħafna f’termini ta’ tnaqqis tas-sajd IUU, tal-piraterija u ta’ attivitajiet illegali oħra fiż-żona (it-traffikar tad-drogi, tal-armi u tal-bnedmin, il-kriminalità sinifikanti fil-portijiet, it-tniġġis serju tal-baħar, eċċ.); ifakkar li din is-CMP se tiġi riveduta sa mhux aktar tard minn Frar 2024; jistieden lill-Kunsill jagħti attenzjoni speċjali lill-Golf tal-Guinea u jagħmel progress fil-ħidma lejn it-tiġdid ta’ din is-CMP; |
|
19. |
Iħeġġeġ lill-produtturi tal-frott tal-baħar fl-UE biex jiddiversifikaw is-sħab tagħhom għall-ipproċessar primarju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex fl-UE jrawmu produzzjoni tal-akkwakultura sostenibbli li qed tikber u jnaqqsu l-ostakli għall-iżvilupp tagħha, kif ukoll jippromwovu l-innovazzjoni f’sorsi ta’ għalf komplementari, bħall-alka, biex tiġi evitata aktar dipendenza fuq l-importazzjonijiet ta’ frakass tal-fdal tal-ħut; |
|
20. |
Jisħaq li ċ-Ċina żiedet b’mod sinifikanti l-importazzjonijiet tagħha ta’ xi prodotti lejn l-UE, bħat-tonn, permezz ta’ kwoti tariffarji awtonomi; jinnota li l-mekkaniżmu tal-kwoti tariffarji awtonomi jista’ joħloq distorsjonijiet tas-suq; iqis li kwoti tariffarji awtonomi ta’ volum mhux xieraq jistgħu jikkawżaw kompetizzjoni inġusta mal-flotot tal-UE u ma’ pajjiżi li jgawdu aċċess preferenzjali (il-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, l-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi tal-UE); jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tkompli tivvaluta r-rilevanza ta’ dawk il-kwoti tariffarji fid-dawl tal-impatt tagħhom fuq l-industrija tas-sajd Ewropea u tadattahom fejn meħtieġ; jistieden lill-awtoritajiet Ewropej jeżerċitaw kawtela u jżidu l-kontrolli biex jiżguraw li kwalunkwe esportazzjoni li tibbenefika minn kwoti tariffarji awtonomi ma tkunx prodott ta’ sajd IUU; |
|
21. |
Jinnota li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri reċentement osservat li l-kontrolli tal-Istati Membri dwar il-legalità tal-frott tal-baħar importat mhumiex uniformi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-atturi kollha involuti jimpenjaw ruħhom għall-implimentazzjoni rapida, uniformi u globali tas-sistema tal-IT CATCH ladarba l-użu tagħha jsir obbligatorju fl-UE kollha għall-prodotti kollha tas-sajd u tal-akkwakultura importati fl-UE, kif ukoll tippromwovi l-użu volontarju tas-sistema minn pajjiżi terzi; |
|
22. |
Jinnota li ċ-Ċina tissussidja l-flotot tagħha li joperaw fiż-żoni ekonomiċi esklużivi u fl-ibħra internazzjonali; ifakkar li dan l-appoġġ jieħu għadd ta’ forom, inklużi sussidji diretti (għajnuna għall-fjuwil, modernizzazzjoni u sostituzzjoni tal-bastimenti), eżenzjonijiet mit-taxxa, primjums tal-assigurazzjoni u skontijiet fuq is-self, eċċ.; jirrimarka li, għal darb’oħra fin-nuqqas ta’ ċifri uffiċjali, is-sussidji tal-Gvern Ċiniż għas-settur tas-sajd tiegħu fl-2018 huma stmati li ammontaw għal USD 7,2 biljun, li jirrappreżentaw 20 % tas-sussidji tas-sajd globali kollha; jisħaq li dawn is-sussidji taw spinta lill-iżvilupp rapidu tal-flotta taċ-Ċina tal-ilmijiet imbiegħda, bir-riskju konsegwenti ta’ kapaċità żejda u sajd eċċessiv; jisħaq li l-iffirmar reċenti f’Ġunju 2022 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-sussidji għas-sajd għandu jillimita l-ammonti mogħtija; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jimplimentaw dan il-ftehim mill-aktar fis possibbli; |
Il-ħarsien tar-riżorsi tas-sajd, id-drittijiet tal-bniedem u s-sovranità tal-ikel
|
23. |
Jinnota li l-intensità tal-attivitajiet tal-flotta tas-sajd Ċiniża qiegħda fit-triq lejn it-tnaqqis tar-riżorsi tas-sajd, filwaqt li tnaqqas l-impatt pożittiv li jirriżulta mill-isforzi li saru, fost l-oħrajn, mill-flotta tal-UE; huwa tal-fehma li l-istatus tar-riżorsi tas-sajd kollha fil-mira fid-dinja għandu jiġi vvalutat xjentifikament bil-ħsieb li jiġi ddeterminat il-livell ta’ sfruttament; jistieden lill-UE żżomm l-ambizzjoni tagħha li tmexxi bl-eżempju, filwaqt li tkompli tippromwovi kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tal-UE fil-konfront tal-operaturi ta’ pajjiżi terzi; |
|
24. |
Jirrakkomanda l-istabbiliment ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni, inklużi dawk reġjonali, f’pajjiżi li magħhom l-Unjoni għandha ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli; jinnota li l-ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli mal-Mauritania, li jinkludi pjan ta’ ġestjoni għall-ispeċijiet pelaġiċi, naqqas il-pressjoni tas-sajd eżerċitata mill-bastimenti kollha li għandhom fil-mira tagħhom dawn l-istokkijiet; jenfasizza l-importanza ta’ tali pjanijiet ta’ ġestjoni biex jiġu evitati effetti diretti u indiretti li jikkontribwixxu għas-sajd eċċessiv fiż-ŻEE tal-pajjiżi kkonċernati u effetti soċjoekonomiċi negattivi, b’attenzjoni speċifika li għandha tingħata lill-flotta artiġjanali lokali, kif ukoll l-implikazzjonijiet negattivi fuq il-fiduċja fl-UE bħala sieħba; |
|
25. |
Jisħaq li l-introduzzjoni ta’ governanza aħjar tas-sajd fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tkun prijorità sabiex jiġi miġġieled is-sajd IUU u tinbena infrastruttura xierqa, titħarreġ forza tax-xogħol kwalifikata fil-kontrolli tal-portijiet u tiġi organizzata sistema ta’ difiża effettiva biex tlaħħaq mal-indħil fuq il-baħar; ifakkar li s-sajd IUU jseħħ primarjament fiż-ŻEE tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li huma ekonomikament u soċjalment dipendenti ħafna fuq is-sajd u li ma għandhomx ir-riżorsi meħtieġa biex jiġġieldu l-indħil minn bastimenti barranin fl-ilmijiet tagħhom; |
|
26. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija biex tindirizza l-fatt li ċ-Ċina qiegħda timporta dejjem aktar frakass tal-fdal tal-ħut mill-bqija tad-dinja, speċjalment minn pajjiżi tul il-kosta tal-Afrika tal-Punent; jisħaq li dawn, u kwalunkwe importazzjoni bħal din f’postijiet oħra, jistgħu jikkawżaw ħsara kbira lis-settur tas-sajd lokali u jipperikolaw is-sigurtà tal-ikel fl-Afrika; jilqa’ l-progress promettenti u reċenti li sar fl-użu ta’ proteini bbażati fuq il-pjanti fl-għalf tal-ħut sostenibbli, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw dan l-iżvilupp; |
|
27. |
Jinsab imħasseb ħafna dwar l-informazzjoni rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol inumani abbord xi bastimenti tas-sajd Ċiniżi; iħeġġeġ liċ-Ċina tirratifika, malajr kemm jista’ jkun, il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar ix-Xogħol fis-Settur tas-Sajd (Nru 188); |
|
28. |
Jisħaq li l-UE jeħtiġilha żżid il-kooperazzjoni tagħha mar-Renju Unit, mal-Istati Uniti, mal-Ġappun u ma’ atturi ewlenin oħra fil-politika tas-sajd u l-oċeani, bl-użu tal-istrumenti diplomatiċi u kummerċjali tagħha biex tħeġġeġ liċ-Ċina tagħmel progress fir-riformi meħtieġa tal-qafas ta’ governanza tas-sajd tagħha; jilqa’ l-fatt li, fl-2022, il-President tal-Istati Uniti ta istruzzjonijiet lis-Segretarju tal-Istat tiegħu, f’koordinazzjoni mal-Missjoni tal-Istati Uniti għall-Unjoni Ewropea, biex jikkoopera mal-UE, mal-Ġappun, ma’ membri oħra tal-G7 u sħab oħra biex jiġu indirizzati l-prattiki tas-sajd dannużi fl-Afrika tal-Punent, fl-Amerka Latina, fil-Karibew u fir-reġjun Indo-Paċifiku; ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li l-UE tkun minn ta’ quddiem fin-negozjati internazzjonali sabiex tippromwovi l-ambizzjonijiet, il-viżjoni u l-għanijiet tagħha għal sajd sostenibbli; |
|
29. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid il-kooperazzjoni tagħha mal-Gvern tal-Istati Uniti biex tieħu approċċ globali fil-ġlieda kontra s-sajd IUU u l-agħar abbużi tad-drittijiet tax-xogħol u tal-bniedem assoċjati mal-fenomenu; jistieden lill-Kummissjoni u l-Kunsill jinforzaw kif xieraq ir-Regolament (UE) 2020/1998 (15) kontra kumpaniji Ċiniżi li diġà ġew issanzjonati mit-Teżor tal-Istati Uniti u, jekk ikun meħtieġ, jestendu din il-miżura għal kumpaniji oħra akkużati bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem li qegħdin ukoll jimblukkaw il-prospetti tat-tkabbir ekonomiku għall-popolazzjonijiet lokali; |
|
30. |
Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tikkoopera b’mod estensiv ma’ pajjiżi terzi dwar is-sajd, b’mod partikolari dwar il-kontroll tas-sajd; |
|
31. |
Jilqa’ l-fatt li l-membri tal-FAO tawha mandat speċifiku biex tippromwovi s-sostenibbiltà soċjali fil-ktajjen tal-valur tas-sajd u tal-akkwakultura, inklużi r-rikonoxximent u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol; jinnota li d-Diviżjoni tas-Sajd u l-Akkwakultura tal-FAO beħsiebha tfassal linji gwida li jikkonsistu f’parti ġenerali u sitt taqsimiet li jiffukaw fuq is-sajd industrijali, is-sajd fuq skala żgħira, il-produzzjoni tal-akkwakultura, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-bejgħ bl-imnut; jistieden lill-FAO tagħti attenzjoni speċjali lill-impatt globali tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura taċ-Ċina meta tiżviluppa dawn il-linji gwida; |
|
32. |
Jilqa’ l-fatt li kemm l-UE kif ukoll iċ-Ċina qed jipparteċipaw fl-inizjattiva tal-Portijiet Blu tal-FAO, li għandha l-għan li tiżviluppa linji gwida dwar l-aħjar prattiki internazzjonali għall-portijiet tas-sajd li jinsabu fil-proċess ta’ tranżizzjoni lejn mudelli tal-ekonomija blu sabiex tittejjeb is-sostenibbiltà tagħhom billi jitħares l-ambjent u jiġu promossi l-benefiċċji soċjali u ekonomiċi assoċjati; |
|
33. |
Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-inizjattivi Ċiniżi kollha mmirati lejn il-ġlieda kontra s-sajd IUU, u fid-dawl ta’ tali valutazzjonijiet, tieħu azzjonijiet xierqa skont ir-Regolament IUU; |
L-iżgurar tal-kontinwità tad-djalogu bejn iċ-Ċina u l-UE
|
34. |
Jissottolinja l-kollaborazzjoni maċ-Ċina fil-livell globali, fi ħdan l-FAO, l-RFMOs u d-WTO, bil-għan li jiġu żviluppati politiki u regolamenti globali kontra s-sajd IUU; |
|
35. |
Jistieden lill-UE u liċ-Ċina jikkooperaw mill-qrib, u b’mod trasparenti, dwar l-użu sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u dwar il-governanza tal-oċeani – b’mod partikolari s-sajd, u l-ġlieda kontra s-sajd IUU u l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ traċċabilità adegwata; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta r-riżultati tal-inizjattiva tas-Sħubija Blu mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina; |
|
36. |
Jilqa’ l-fatt li l-14-il pjan ta’ ħames snin taċ-Ċina għall-iżvilupp tas-sajd tagħha jinkludi l-miri li ġejjin: it-tisħiħ tal-infurzar tal-liġi, it-titjib tal-protezzjoni tal-ħajja akkwatika u l-promozzjoni tal-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd, it-titjib tas-sikurezza tal-attivitajiet tas-sajd li jinvolvu partijiet barranin, il-promozzjoni tal-iżvilupp miftuħ u l-kooperazzjoni ta’ benefiċċju għal kulħadd, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali fl-industrija tas-sajd, u t-tkomplija tat-titjib tal-kapaċità biex jiġu onorati l-ftehimiet; iħeġġeġ liċ-Ċina tilħaq dawn il-miri, inklużi l-miżuri li jikkonċernaw il-flotta tagħha tal-ilmijiet imbiegħda; |
|
37. |
Jilqa’ l-fatt li l-abbozz ta’ riforma tal-Liġi dwar is-Sajd taċ-Ċina, ippubblikat fl-2019, jirreferi għas-sostenibbiltà u l-konservazzjoni bħala vetturi tat-trasformazzjoni tas-sajd Ċiniż, jiċċara l-penali għas-sajd IUU u jistabbilixxi mekkaniżmi ta’ kontroll ġodda għall-flotta tagħha tal-ilmijiet imbiegħda; jittama li din il-proposta mill-Ministeru tal-Agrikoltura u l-Affarijiet Rurali tiġi adottata malajr kemm jista’ jkun mill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu; jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jaġġornaw il-leġiżlazzjoni tagħhom malajr kemm jista’ jkun sabiex jindirizzaw is-sajd IUU u s-sajd eċċessiv b’mod effettiv; |
|
38. |
Jinnota diskrepanza bejn ir-riżorsi umani u finanzjarji allokati lid-DĠ MARE u lill-EFCA fir-rigward taċ-Ċina u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi mhumiex biżżejjed biex ikopru l-ħtiġijiet reali; jitlob li tali riżorsi jiġu bbilanċjati mill-ġdid sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tad-djalogu; |
|
39. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-politika tas-sajd tagħha dwar iċ-Ċina tkun konsistenti mal-politiki l-oħra kollha tagħha, speċjalment il-politiki kummerċjali, soċjali u ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jikkunsidraw it-twaqqif ta’ grupp ta’ ħidma interdipartimentali dwar is-sajd IUU taħt is-superviżjoni ta’ Viċi President tal-Kummissjoni; jissuġġerixxi li dan il-grupp ta’ ħidma għandu jikkoordina l-isforzi tad-diversi Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, l-EFCA u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka; jinnota li diġà twaqqaf grupp simili fl-Istati Uniti, jiġifieri l-Grupp ta’ Ħidma Interaġenzjali dwar is-Sajd IUU stabbilit skont l-Att tal-Istati Uniti dwar is-Sigurtà Marittima u l-Infurzar tas-Sajd, li jlaqqa’ flimkien 21 dipartiment u aġenzija federali; |
|
40. |
Jilqa’ l-fatt li l-UE reċentement issieħbet fl-Alleanza ta’ Azzjoni dwar is-Sajd IUU; iħeġġeġ lill-membri tal-Alleanza jikkoordinaw is-sistemi nazzjonali tagħhom għall-ġlieda kontra s-sajd IUU u, b’mod partikolari, jeżaminaw il-possibbiltà li b’mod konġunt joħorġu karti sofor u ħomor jew strumenti simili oħra;
° ° ° |
|
41. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u lill-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd. |
(1) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.
(2) ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.
(3) ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 1.
(6) ĠU C 99, 1.3.2022, p. 214.
(8) Pauly, D. et al., “Research for PECH Committee – Role and impact of China on world fisheries and aquaculture” (Riċerka għall-Kumitat PECH – Ir-rwol u l-impatt taċ-Ċina fis-sajd u l-akkwakultura globali), Il-Parlament Ewropew, Dipartiment Tematiku għall-Politika Strutturali u ta’ Koeżjoni, Brussell, 2022, pp. 14 u 28.
(9) Osservatorju Ewropew tas-Suq għall-Prodotti tas-Sajd u l-Akkwakultura, “The EU Fish Market – 2022 Edition” (Is-Suq tal-Ħut tal-UE – Edizzjoni tal-2022), 29 ta’ Novembru 2022.
(10) Pauly, D. et al., “Research for PECH Committee – Role and impact of China on world fisheries and aquaculture” (Riċerka għall-Kumitat PECH – Ir-rwol u l-impatt taċ-Ċina fis-sajd u l-akkwakultura globali), Il-Parlament Ewropew, Dipartiment Tematiku għall-Politika Strutturali u ta’ Koeżjoni, Brussell, 2022, pp. 14 u 28.
(11) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1706 tat-13 ta’ Novembru 2020 li jiftaħ u jipprevedi l-ġestjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal ċerti prodotti tas-sajd għall-perjodu 2021-2023 (ĠU L 385, 17.11.2020, p. 3).
(12) L-opinjoni tal-Kunsill Konsultattiv għall-Flotta ta’ Distanzi Twal, “EU autonomous tariff quotas (ATQs) for certain fishery products Tuna loins for the period 2021-2023” (Il-kwoti tariffarji awtonomi tal-UE għal ċerti prodotti tas-sajd ta’ flettijiet tat-tonn għall-perjodu 2021-2023), Lulju 2020.
(13) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).
(14) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1184 tat-8 ta’ Lulju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 468/2010 li jistabbilixxi l-lista tal-UE ta’ bastimenti involuti f’sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (ĠU L 184, 11.7.2022, p. 9).
(15) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998 tas-7 ta’ Diċembru 2020 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem (ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2652/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)