Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023IP0238

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2023 dwar l-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel u r-reżiljenza fit-tul tal-agrikoltura tal-UE (2022/2183(INI))

    ĠU C, C/2024/483, 23.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/483/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/483/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje C


    C/2024/483

    23.1.2024

    P9_TA(2023)0238

    L-iżgurar tas-sigurtà alimentari u r-reżiljenza fit-tul tal-agrikoltura tal-UE

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Ġunju 2023 dwar l-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel u r-reżiljenza fit-tul tal-agrikoltura tal-UE (2022/2183(INI))

    (C/2024/483)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 39 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jelenka l-iżgurar tad-disponibbiltà tal-provvisti, l-istabbilizzazzjoni tas-swieq u l-iżgurar li l-provvisti jaslu għand il-konsumaturi bi prezzijiet raġonevoli bħala objettivi tal-politika agrikola komuni,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (1),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 25 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 11 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, li fihom huwa rikonoxxut id-dritt għall-ikel bħala parti mid-dritt għal livell ta’ għajxien xieraq,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2012, bit-titolu “L-approċċ tal-UE għar-reżiljenza: nitgħallmu mill-kriżijiet tas-sigurtà tal-ikel” (COM(2012)0586),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Novembru 2021 bit-titolu “Pjan ta’ kontinġenza biex jiġu żgurati l-provvista tal-ikel u s-sigurtà alimentari fi żminijiet ta’ kriżi” (COM(2021)0689),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Marzu 2022 dwar is-salvagwardja tas-sigurtà tal-ikel u t-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel (COM(2022)0133),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Marzu 2022 dwar il-ħtieġa ta’ pjan ta’ azzjoni urġenti tal-UE biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel kemm fl-UE kif ukoll barra l-UE fid-dawl tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2022 dwar l-indirizzar tas-sigurtà alimentari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (3),

    wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2022/2557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE (4), li żżid il-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-ikel mal-lista ta’ setturi koperti,

    wara li kkunsidra r-rapporti dwar l-istat tas-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni fid-dinja, ir-Rapport Globali dwar il-Kriżijiet tal-Ikel u r-rapport dwar in-nutrizzjoni globali, inkluża l-edizzjoni tal-2021, il-Linji Gwida dwar id-Dritt għall-Ikel tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) tan-NU, il-Linji Gwida Volontarji dwar is-Sistemi tal-Ikel u n-Nutrizzjoni tal-Kumitat tal-FAO dwar is-Sigurtà tal-Ikel Dinjija, l-għaxar elementi tal-agroekoloġija bħala linji gwida għat-tranżizzjoni lejn sistema agrikola u tal-ikel sostenibbli (FAO), u l-Qafas għal Azzjoni għas-Sigurtà Alimentari u n-Nutrizzjoni fi Kriżijiet Imtawla tal-2014,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-25 ta’ Settembru 2015 intitolata “Transforming our World: the 2030 Agenda for Sustainable Development” (Nittrasformaw id-Dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-1 ta’ April 2016, bit-titolu “United Nations Decade of Action on Nutrition (2016-2025)” (Għaxar Snin ta’ Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Nutrizzjoni (2016-2025)), li għandha l-għan li ssaħħaħ l-isforzi biex jintemm il-ġuħ u tinqered il-malnutrizzjoni fid-dinja kollha u li jiġi żgurat aċċess universali għal nutrizzjoni aktar tajba għas-saħħa u sostenibbli għall-bnedmin kollha, huma min huma u jgħixu fejn jgħixu,

    wara li kkunsidra l-Linji Gwida Volontarji tal-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija (CFS) għall-governanza responsabbli tal-pussess tal-art, is-sajd u l-foresti fil-kuntest tas-sigurtà alimentari nazzjonali (2012) u l-Prinċipji tas-CFS għal Investiment Responsabbli fis-Sistemi tal-Agrikoltura u tal-Ikel (2015),

    wara li kkunsidra l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (SDGs) u r-rabta mill-qrib u l-integrazzjoni tagħhom, b’mod partikolari l-SDG 1 biex jintemm il-faqar fil-forom kollha tiegħu, l-SDG 2 biex jintemm il-ġuħ, jinkisbu sigurtà tal-ikel u nutrizzjoni aħjar u tiġi promossa agrikoltura sostenibbli,

    wara li kkunsidra r-Rapport tan-NU tat-30 ta’ Diċembru 2021 bit-titolu “Seeds, right to life and farmers’ rights” (Żrieragħ, dritt għall-ħajja u drittijiet tal-bdiewa) (A/HRC/49/43) mir-Rapporteur Speċjali dwar id-dritt għall-ikel,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2022 bit-titolu “L-iżgurar tad-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-fertilizzanti” (COM(2022)0590),

    wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-iżvilupp tal-proteini tal-pjanti fl-Unjoni Ewropea tat-22 ta’ Novembru 2018 (COM(2018)0757),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2022 dwar viżjoni fit-tul għaż-Żoni Rurali tal-UE – Lejn żoni rurali aktar b’saħħithom, konnessi, reżiljenti u prosperi sal-2040 (5),

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

    wara li kkunsidra r-Regola 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-Kumitat għall-Iżvilupp,

    wara li kkunsidra r-rapport fuq inizjattiva proprja tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A9-0185/2023),

    A.

    billi fl-24 ta’ Frar 2022 il-Federazzjoni Russa invadiet illegalment lill-Ukrajna, li kellha konsegwenzi diżastrużi, inkluża theddida serja għas-sigurtà globali tal-ikel, bl-aktar pajjiżi vulnerabbli jkunu l-aktar f’riskju; billi l-invażjoni tal-Ukrajna fuq skala sħiħa tar-Russja aggravat serjament sitwazzjoni diġà diffiċli u ta’ sfida fis-settur agroalimentari, li għadu qed jirkupra mill-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 u qed ibati mill-kriżi klimatika li għaddejja bħalissa u miż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-fertilizzanti;

    B.

    billi l-effetti tal-kriżi kkawżata mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna poġġew is-sigurtà tal-ikel u r-reżiljenza tas-sistema globali tal-ikel fiċ-ċentru tal-aġenda politika; billi l-produzzjoni Ewropea tal-ikel trid għalhekk titqies bħala settur strateġiku u tingħata l-istess prijorità daqs is-sigurtà l-enerġija, id-difiża u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-livell tal-UE u dak internazzjonali;

    C.

    billi, skont l-FAO, fil-bidu tal-2022, l-Ukrajna u r-Russja kienu jirrappreżentaw kważi 30 % tal-esportazzjonijiet globali tal-qamħ u tal-qamħirrum, filwaqt li r-Russja kienet l-akbar esportatur ta’ fertilizzanti fid-dinja; billi aktar minn 30 pajjiż, prinċipalment fl-Afrika, fil-Lvant Nofsani u fl-Asja Ċentrali, jiddependu fuq l-Ukrajna u r-Russja għal aktar minn 30 % tal-ħtiġijiet tagħhom ta’ importazzjoni tal-qamħ; billi l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna qed taggrava din l-insigurtà tal-ikel globali u tista’ twassal biex bejn tmien sa 13-il miljun persuna oħra jispiċċaw f’insigurtà tal-ikel, skont is-simulazzjonijiet tal-FAO;

    D.

    billi l-politika agrikola komuni (PAK) tat kontribut pożittiv għat-tisħiħ tar-rwol tal-PAK tal-agrikoltura Ewropea fis-60 sena li ilha fis-seħħ; billi għandha tkompli tagħmel dan fil-futur b’appoġġ baġitarju li jkun suffiċjenti u estensiv biżżejjed biex jiggarantixxi s-sigurtà u l-provvista tal-ikel fl-Ewropa;

    E.

    billi l-gwerra kontra l-Ukrajna u ż-żidiet sinifikanti fil-prezzijiet għal inputs bħall-fertilizzanti, l-enerġija u l-għalf li rriżultaw mill-kunflitt, flimkien mal-ispekulazzjoni tal-ikel, qed iwasslu għal distorsjonijiet u tensjonijiet kumulattivi sinifikanti fis-swieq agrikoli, tas-sajd u tal-akkwakultura globali, b’mod partikolari għaċ-ċereali, iż-żejt veġetali u l-bhejjem; billi l-produzzjoni tal-ikel u l-aċċess għall-ikel ma jridux jiġu pperikolati aktar u taħt l-ebda ċirkostanza ma għandhom jintużaw bħala arma ġeopolitika, peress li dan ikollu impatt fuq l-ekonomiji madwar id-dinja, speċjalment fuq iċ-ċittadini u dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà;

    F.

    billi l-ewwel irvellijiet tal-ikel li faqqgħu fil-pajjiżi Għarab fl-2008 urew kemm l-ikel jista’ jintuża b’mod effettiv bħala arma biex jikkawża instabbiltà ġeopolitika;

    G.

    billi mhux biss il-prezzijiet tal-ikel għall-konsumatur, iżda wkoll l-introjti tal-unitajiet domestiċi, huma fatturi kruċjali tas-sigurtà tal-ikel; billi, meta jiffaċċjaw prezzijiet tal-ikel għoljin bla preċedent, l-unitajiet domestiċi b’introjtu aktar baxx, li jonfqu sehem kbir mill-baġit tagħhom fuq l-ikel, jistgħu jiġu mġiegħla jagħżlu ikel anqas tajjeb għas-saħħa u anqas varjat, u b’hekk isiru partikolarment vulnerabbli għar-riskju ta’ mard li ma jitteħidx marbut ma’ dieti ħżiena;

    H.

    billi għalkemm il-prezzijiet tal-ikel huma għoljin, mhumiex qed jikkumpensaw l-ispejjeż tal-produzzjoni għall-bdiewa u l-kooperattivi agrikoli tal-UE; billi l-ispejjeż tal-produzzjoni tagħhom kienu qed jiżdiedu b’mod esponenzjali matul is-sena li għaddiet minħabba ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-imballaġġ kif ukoll minħabba d-disponibilità u l-kwistjonijiet tal-prezzijiet tal-fertilizzanti u l-makkinarju;

    I.

    billi skont il-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali, ir-Russja u l-Ukrajna rrappreżentaw 8,6 % tal-produzzjoni globali taċ-ċereali, eskluż ir-ross, u 24 % tal-esportazzjonijiet fis-sena tal-ħsad 2021; billi bħala riżultat tal-gwerra li qed isseħħ mir-Russja kontra l-Ukrajna, l-interruzzjonijiet u l-konġestjonijiet fl-infrastruttura kritika, b’mod partikolari l-faċilitajiet tat-trasport u tal-ħżin għall-prodotti agrikoli, qed jillimitaw il-moviment tal-ikel, tal-għalf u ta’ prodotti agrikoli oħra, b’mod partikolari ċ-ċereali u ż-żrieragħ li minnhom jintgħasar iż-żejt mill-Baħar l-Iswed; billi l-prezzijiet fis-swieq agrikoli globali kienu diġà għolew qabel l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, parzjalment minħabba l-impatti klimatiċi u l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19;

    J.

    billi l-infrastrutturi tat-trasport u tal-ħżin huma essenzjali biex jiġu żgurati flussi kummerċjali, provvisti u stabbiltà tas-suq effiċjenti u siguri; billi kwalunkwe tfixkil għal dawn jista’ jaffettwa l-livelli tal-prezzijiet tal-konsumatur li qabel kienu raġonevoli; billi s-sigurtà tal-ikel tmur lil hinn mill-agrikoltura u l-produzzjoni tal-ikel u għandha impatti fuq diversi oqsma, mhux biss fuq il-produtturi u l-konsumaturi primarji, iżda wkoll fuq l-ekonomija inġenerali, il-kummerċ, l-iżvilupp u l-isforzi umanitarji, u fuq il-koeżjoni soċjali u reġjonali;

    K.

    billi l-Kummissjoni għandha tuża l-mezzi kollha possibbli biex tiżgura li s-suq uniku Ewropew jiffunzjona tajjeb; billi l-Kummissjoni għandha żżid l-isforzi tagħha biex tindirizza l-ostakli kollha agroalimentari fis-suq uniku, inkluż l-iżblukkar tal-konġestjonijiet tat-trasport;

    L.

    billi, skont l-FAO, il-kunċett tas-sigurtà tal-ikel mhuwiex limitat għall-produzzjoni tal-ikel, iżda jinkludi wkoll id-dimensjonijiet tad-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-istabbiltà, kif ukoll id-dritt tal-bniedem rikonoxxut fuq livell internazzjonali għall-ikel u aċċess stabbli u affordabbli għal dieti tajbin għas-saħħa u nutrittivi għal kulħadd; billi l-ebda dritt tal-bniedem ma jinkiser daqshekk ta’ spiss;

    M.

    billi nutrizzjoni tajba għas-saħħa u bbilanċjata tagħmel differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies u tippermetti l-iżvilupp ekwu u sostenibbli tas-soċjetà; billi l-konsumaturi qed jagħżlu dejjem aktar għażliet tal-ikel tajbin għas-saħħa u siguri, prodotti sostenibbli, trasparenza fil-katina tal-provvista, traċċabbiltà aħjar tal-proċessi kollha ta’ produzzjoni u distribuzzjoni abbażi tad-dritt tagħhom għal aktar informazzjoni dwar l-oriġini u l-metodi ta’ produzzjoni tal-oġġetti tal-ikel li jikkunsmaw;

    N.

    billi l-aċċess għal ikel sigur u tajjeb għas-saħħa għal kulħadd huwa dritt rikonoxxut internazzjonalment; billi huwa essenzjali li s-soċjetà tiffoka fuq id-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-ikel għal kulħadd, minħabba l-implikazzjonijiet u l-konsegwenzi soċjali, ekonomiċi u ambjentali tagħhom kif ukoll l-effetti tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem;

    O.

    billi d-dritt għall-edukazzjoni huwa dritt fundamentali tal-bniedem; billi l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 2 jimmira li jinqered il-ġuħ sal-2030; billi l-UE għandha tiddefendi d-dritt għal ikel adegwat bħala prijorità tas-sistemi tal-ikel sabiex tinkiseb is-sigurtà tal-ikel u tittejjeb in-nutrizzjoni;

    P.

    billi, skont ir-Rapport tan-NU mir-Rapporteur Speċjali dwar id-dritt għall-ikel bit-titolu “Seeds, right to life and farmers’ rights” (Żrieragħ, dritt għall-ħajja u drittijiet tal-bdiewa), id-dritt għall-ikel huwa marbut b’mod inerenti mas-sistemi taż-żrieragħ tal-bdiewa u d-dritt indiviżibbli tagħhom li jaħżnu, jużaw, jiskambjaw u jbigħu b’mod liberu ż-żrieragħ maħżuna mill-azjendi agrikoli; billi Tim Ewropa għandu jappoġġa programmi li jqisu l-ħtiġijiet tas-sistemi taż-żrieragħ tal-bdiewa jew tas-sistemi taż-żrieragħ informali u jappoġġa l-banek taż-żrieragħ jew il-libreriji taż-żrieragħ li jippermettu lill-bdiewa u lill-ġardinara jiġbru, jikkonservaw u jikkondividu żrieragħ indiġeni, razez lokali u varjetajiet;

    Q.

    billi l-kriżi tal-ikel ma tirrispettax fruntieri u l-ebda pajjiż ma jista’ jegħlibha waħdu; billi hemm ħtieġa urġenti għal azzjoni konġunta u solidarjetà;

    R.

    billi bħala riżultat tal-kriżi tal-provvista globali, l-FAO tistma li l-prezzijiet internazzjonali tal-ikel u tal-għalf għolew għal livelli mingħajr preċedent minn meta l-FAO bdiet twettaq l-analiżi tal-prezzijiet u ogħla mil-livelli diġà għoljin tagħhom, anke għal prodotti li għalihom l-ebda żieda fil-prezz ma kienet ġustifikata; billi l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel laħqet 17,26 % f’Ottubru 2022; billi ħafna nies fid-dinja jinsabu f’riskju li l-iskarsezza tal-ikel, il-ġuħ u l-ikel ma jibqgħux affordabbli; billi sabiex tiġi identifikata, evitata u eliminata l-ispekulazzjoni tal-ikel li tikkontribwixxi għall-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel, l-operaturi tul il-katina tal-provvista tal-ikel jeħtieġ li jkunu aktar trasparenti dwar is-sehem tagħhom tal-valur miżjud, li jżid it-trasparenza ġenerali tas-suq;

    S.

    billi l-insigurtà tal-ikel globali mhijiex primarjament ikkawżata minn nuqqasijiet fil-provvista iżda minn kunflitti, distribuzzjoni inugwali tal-ikel, ikel mhux affordabbli u interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista globali; billi ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel taffettwa l-aktar lill-familji b’introjtu baxx, li jonfqu l-akbar proporzjon tal-introjtu tagħhom fuq l-ikel; billi huwa essenzjali li jiġu analizzati l-fatturi li qed jgħollu l-prezzijiet għall-inputs agrikoli u l-effett li dan għandu fuq iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel;

    T.

    billi wieħed minn kull tliet persuni madwar id-dinja għad m’għandux aċċess għal ikel adegwat u suffiċjenti u għal nutrizzjoni tajba għas-saħħa; billi 2,3 biljun persuna fid-dinja batew minn insigurtà tal-ikel moderata jew severa fl-2021; billi ħafna minn dawn il-persuni huma impjegati fl-agrikoltura; billi, skont id-WFP, l-insigurtà akuta tal-ikel affettwat rekord ta’ 349 miljun persuna fl-2022;

    U.

    billi l-ġuħ u l-insigurtà tal-ikel qed jiżdiedu madwar id-dinja u ħafna pajjiżi jinsabu ’l bogħod b’mod sinifikanti milli jilħqu l-mira ta’ ġuħ żero sal-2030; billi li l-malnutrizzjoni tirrappreżenta piż tul il-ħajja għall-individwi u għas-soċjetajiet peress li tipprevjeni lit-tfal milli jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u għalhekk tillimita l-iżvilupp ekonomiku tal-bniedem u dak nazzjonali;

    V.

    billi l-Ftehim ta’ Marrakech tal-1994 u b’mod partikolari l-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar l-Agrikoltura kkontribwew għall-ispeċjalizzazzjoni tar-reġjuni agrikoli fil-produzzjoni ta’ għelejjel tal-prodotti bażiċi speċifiċi, u b’hekk ħolqu dipendenzi mill-perkors fis-sistemi ta’ produzzjoni; billi din is-sitwazzjoni mhijiex reżiljenti għall-kriżijiet, peress li tħalli b’mod partikolari lill-pajjiżi importaturi tal-ikel vulnerabbli għal xokkijiet fil-prezzijiet;

    W.

    billi n-natura u l-bijodiversità jinteraġixxu mal-agrikoltura, l-ikel u n-nutrizzjoni f’għadd ta’ oqsma ewlenin, billi jipprovdu varjetà ta’ pjanti u annimali minn sorsi domestikati u selvaġġi;

    X.

    billi l-bijodiversità tal-għelejjel hija importanti peress li din tippermetti lill-bdiewa individwali jadattaw l-ippjanar agrikolu tagħhom għall-kundizzjonijiet klimatiċi u jagħmlu s-sistemi tal-ikel naturalment aktar reżiljenti għat-tibdil fil-klima, il-pesti u l-patoġeni; billi, fl-istess ħin, dan l-approċċ ibbażat fuq in-natura jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-bijodiversità; billi ġew stabbiliti għadd ta’ proġetti innovattivi minn xi pajjiżi mhux tal-UE, bħall-inizjattiva Afrikana “Great Green Wall”, li tippromwovi proġetti agroekoloġiċi; billi l-appoġġ tal-UE għal sistemi tal-ikel sostenibbli huwa waħda mill-prijoritajiet tal-programmi indikattivi pluriennali adottati ma’ madwar 70 pajjiż sieħeb fl-ambitu tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) – l-istrument Ewropa Globali għall-perjodu 2021–2027;

    Y.

    billi d-disponibbiltà tal-ikel tvarja minħabba x-xokkijiet ekonomiċi, il-klima, l-istaġuni u l-interuzzjonijiet; billi l-UE trid tinvesti fir-reżiljenza tas-settur agroalimentari u tikseb tranżizzjoni lejn agrikoltura aktar sostenibbli, li se ssaħħaħ is-sigurtà tal-ikel fit-tul u tista’ tipprovdi sorsi alternattivi ta’ introjtu għall-bdiewa; billi huma meħtieġa sforzi biex jiġi miġġieled it-tisħin globali biex jiġi żgurat li l-agrikoltura tkun reżiljenti u sostenibbli fit-tul;

    Z.

    billi 63 % tal-persuni b’introjtu baxx madwar id-dinja huma impjegati fl-agrikoltura u l-maġġoranza l-kbira tagħhom jaħdmu f’azjendi agrikoli żgħar u ta’ daqs medju li s-sostenibbiltà ekonomika tagħhom bħalissa hija mhedda;

    AA.

    billi skont il-valutazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE), il-kompetizzjoni għall-użu tal-art agrikola u l-foresti qed tiżdied bl-istess pass bħat-tkabbir fil-popolazzjoni tal-bniedem tad-dinja, li hija stmata li se tiżdied minn 8 biljun illum għal 9,5 biljun sal-2050;

    AB.

    billi s-sigurtà tal-ikel attwali u dik futura fl-Unjoni Ewropea hija marbuta direttament mal-għanijiet tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt u l-Istrateġija għall-Bijodiversità; billi l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt iddeskriviet diversi inizjattivi importanti, inkluż pjan ta’ kontinġenza tal-UE biex jiġu żgurati l-provvista u s-sigurtà tal-ikel fi żminijiet ta’ kriżi;

    AC.

    billi l-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku jistgħu jagħmlu s-sistema tal-ikel tal-UE aktar ġusta, aktar b’saħħitha u aktar favur l-ambjent, peress li s-sigurtà tal-ikel tal-UE u dik globali jiddependu fuq sistemi tal-ikel reżiljenti u sostenibbli fuq terminu qasir u twil; billi l-effett kumulattiv tal-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni relatata mal-Patt Ekoloġiku jrid ikun li tiġi ppreservata l-kapaċità tal-produzzjoni tal-ikel tal-UE, jinvolvi tranżizzjoni bla xkiel kemm fir-rigward taż-żmien kif ukoll tar-rekwiżiti u ma jridx iżid id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, li kollha kemm huma jistgħu jipperikolaw is-sigurtà tal-ikel fl-UE; billi huwa vitali li jiġi allokat finanzjament pubbliku suffiċjenti għas-setturi tal-għelejjel u tal-bhejjem sabiex jiġu protetti kontra effetti negattivi u jiġi evitat tnaqqis fil-produzzjoni tal-ikel tal-UE;

    AD.

    billi l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku għandha tiżgura tranżizzjoni ġusta li tiggarantixxi protezzjoni adegwata għall-bdiewa, speċjalment il-bdiewa f’azjendi agrikoli żgħar u ta’ daqs medju, u ammonti suffiċjenti ta’ prodotti agrikoli siguri u affordabbli għall-konsumaturi, f’konformità mal-għanijiet fit-tul tal-UE dwar ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà; billi għajxien sostenibbli għall-produtturi primarji, li l-introjtu tagħhom għadu lura, huwa ċentrali għall-ġestjoni sostenibbli tal-kriżijiet attwali fis-swieq agrikoli u għall-kisba dejjiema tal-miri tal-Patt Ekoloġiku;

    AE.

    billi kważi 34 % tal-bdiewa Ewropej kellhom 65 sena jew aktar fl-2016; billi l-fatt li ħafna bdiewa se jirtiraw fil-futur qarib huwa kwistjoni ta’ tħassib kbir f’għadd ta’ Stati Membri; billi t-tiġdid ġenerazzjonali huwa waħda mill-akbar sfidi għall-eżistenza kontinwa ta’ settur agrikolu u ta’ sistemi tal-ikel reżiljenti fl-UE; billi, filwaqt li huma prijorità tal-UE, l-isforzi li saru permezz tal-PAK s’issa ma kinux biżżejjed biex jindirizzaw is-sitwazzjoni għall-aħjar u għalhekk se jkun meħtieġ sett usa’ ta’ għodod ta’ politika;

    AF.

    billi l-bdiewa żgħażagħ b’mod partikolari huma innovattivi, speċjalment fl-użu ta’ teknoloġiji ġodda; billi, jekk jiġu mħallsa, motivati u mogħtija s-setgħa kif xieraq, huma lesti li jagħmlu investimenti li jistgħu jżidu s-sostenibbiltà agrikola, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kompetittività; billi l-konnettività ma’ networks tal-broadband b’kapaċità għolja hija kruċjali għall-modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli, iż-żieda fil-produttività u t-titjib tal-effiċjenza; billi huma meħtieġa inċentivi biex jiġi promoss it-taħriġ fl-IT għall-bdiewa;

    AG.

    billi ż-żieda qawwija u sinifikanti fil-prezzijiet globali tal-fertilizzanti u tal-enerġija flimkien maż-żieda qawwija fi spejjeż oħra tal-input qed joħolqu diffikultajiet għall-bdiewa u jheddu l-produzzjoni futura tal-għelejjel u b’hekk is-sigurtà tal-ikel u l-affordabbiltà; billi f’Settembru 2022 il-prezzijiet tal-fertilizzanti nitroġenużi żdiedu b’149 % meta mqabbla mal-prezzijiet fis-suq tal-fertilizzanti tal-UE fis-sena ta’ qabel; billi fid-dawl tal-kriżi attwali tal-input u tal-enerġija, il-Kummissjoni trid tagħti attenzjoni mill-qrib lis-sitwazzjoni ekonomika tal-bdiewa Ewropej;

    AH.

    billi l-isfidi ġeopolitiċi attwali juru li s-sigurtà tal-ikel mhijiex kisba permanenti, li l-produzzjoni Ewropea tal-ikel għandha titqies bħala settur strateġiku u għandha tiġi ppreservata u msaħħa f’dan ir-rigward; billi l-funzjonament kif suppost tas-suq uniku Ewropew huwa prekondizzjoni biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel; billi l-ostakli tariffarji u mhux tariffarji kollha fis-settur agroalimentari għandhom jiġu rieżaminati; billi żoni u komunitajiet rurali aktar b’saħħithom, vibranti, reżiljenti u prosperi huma kruċjali għas-sigurtà u l-awtonomija tal-ikel tal-Ewropa u għall-prosperità tal-Unjoni Ewropea;

    AI.

    billi l-agrikoltura hija ta’ importanza kbira għall-ekonomija tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, li spiss jiffaċċjaw sitwazzjoni partikolarment fraġli tas-sigurtà tal-ikel; billi minħabba n-natura tas-sigurtà tal-ikel, l-ispejjeż ta’ reazzjoni wara li jseħħ il-fatt huma ogħla minn dawk ta’ intervent aktar kmieni;

    AJ.

    billi jekk l-UE trid tevita d-destabbilizzazzjoni, il-faqar tal-ikel, il-karestija, l-inkwiet soċjali u politiku f’pajjiżi oħra, l-Unjoni trid tiżviluppa viżjoni biex tiżgura s-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni fl-UE u tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-ikel fil-livell internazzjonali;

    AK.

    billi huwa stmat li 20 % tal-ikel kollu prodott jintilef jew jinħela; billi aktar minn 36 miljun persuna mhumiex f’pożizzjoni finanzjarja biex jieklu ikla ta’ kwalità kull jumejn; billi l-popolazzjoni l-aktar fil-bżonn qed tiżdied b’riżultat tal-kriżi ekonomika attwali;

    AL.

    billi l-kumpaniji tal-ikel involuti fil-loġistika u d-distribuzzjoni bl-ingrossa, il-produzzjoni industrijali fuq skala kbira u l-ipproċessar ġew identifikati bħala entitajiet kruċjali li r-reżiljenza tagħhom jeħtieġ li tissaħħaħ peress li jipprovdu servizzi essenzjali; billi s-swieq bl-ingrossa huma entitajiet ta’ interess pubbliku li jipprovdu lil żoni reġjonali u interreġjonali vasti b’servizz li huwa essenzjali għall-provvista u d-distribuzzjoni lill-konsumatur finali ta’ prodotti agrikoli u tas-sajd friski u li jitħassru u li jiggarantixxu l-kwalità u l-konformità tagħhom mal-istandards tas-saħħa; billi, barra minn hekk, is-swieq bl-ingrossa diġà wrew ir-reżiljenza tagħhom u r-rwol vitali li għandhom billi jiżguraw il-kontinwità tal-provvista u d-distribuzzjoni tal-ikel matul il-pandemija tal-COVID-19;

    AM.

    billi 11,9 % biss tal-maniġers kollha tal-azjendi agrikoli fl-UE fl-2020 kellhom anqas minn 40 sena, filwaqt li 33,2 % tal-maniġers tal-azjendi agrikoli tal-UE kellhom 65 sena u aktar; billi l-età medja tal-bdiewa Ewropej żdiedet għal 57 sena; billi fl-2020 kien hemm 5,3 miljun azjenda agrikola anqas fl-UE milli fl-2005, tnaqqis ta’ 37 %; billi l-għadd ta’ maniġers tal-azjendi agrikoli naqas b’ 11,2 % bejn l-2016 u l-2020; billi l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE rreġistraw tnaqqis ġenerali fl-għadd ta’ maniġers tal-azjendi agrikoli;

    AN.

    billi n-nisa għandhom rwol vitali fiż-żoni rurali; billi, bl-għan li jiġi miġġieled it-tnaqqis previst ta’ dawn iż-żoni fl-UE, huwa vitali li n-nisa jingħataw rikonoxximent u viżibbiltà għall-ħidma tagħhom fl-azjendi agrikoli u s-sjieda konġunta tagħhom; billi azzjonijiet u miżuri huma meħtieġa biex titnaqqas ukoll id-differenza bejn il-ġeneri fis-settur agroalimentari, u huwa imperattiv li n-nisa jiġu involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha meta jiġu żviluppati pjanijiet u politiki;

    Sfidi għas-Sigurtà tal-Ikel Ewropea

    1.

    Jenfasizza r-reżiljenza tas-settur agroalimentari matul il-kriżijiet riċenti, il-kapaċità tiegħu li jżomm il-funzjonament tal-ktajjen tal-provvista tal-ikel u jiżgura s-sigurtà tal-ikel f’ċirkostanzi diffiċli ħafna; jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 u l-invażjoni illegali Russa tal-Ukrajna, madankollu, kixfu problemi strutturali fis-settur agrikolu Ewropew u joħolqu riskji sinifikanti għas-swieq agrikoli tal-Istati Membri, speċjalment dawk li huma ġeografikament l-eqreb għall-gwerra; jistieden, għalhekk lill-Kunsill biex fil-kuntest tar-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali, jikkunsidra li jħaffef il-proċess ta’ tnaqqis tal-appoġġ tal-PAK lejn il-medja tal-UE sabiex jagħti s-setgħa lill-bdiewa fl-Istati Membri fejn dan il-proċess għadu ma tlestiex biex ilaħħqu mal-isfidi attwali; jisħaq li hija meħtieġa azzjoni immedjata mill-Unjoni Ewropea biex tipproteġi s-sigurtà tal-ikel minn theddid bħat-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità; jissottolinja li kemm l-iżgurar tal-ekosistemi funzjonali kif ukoll il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima huma essenzjali għad-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-ikel, kif ukoll għall-għajxien rurali;

    2.

    Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE ssaħħaħ is-sigurtà tal-ikel, l-awtonomija strateġika u r-reżiljenza tas-settur tal-biedja tagħha u l-katina tal-provvista kollha tagħha billi tnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet minn barra l-UE u billi tiddiversifika l-provvista ta’ importazzjonijiet kritiċi tal-produzzjoni bħall-fertilizzanti, l-għalf u l-materja prima; jenfasizza li l-ktajjen tal-provvista ma jridux isiru għodda ġeopolitika biex jiddestabbilizzaw u jipperikolaw is-sigurtà tal-ikel fil-livell globali, speċjalment fil-pajjiżi l-aktar żvantaġġati u vulnerabbli; jisħaq li l-ktajjen tal-provvista qosra u reġjonali għandhom jittejbu b’mod sostenibbli;

    3.

    Jilqa’ l-adozzjoni, minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali, ta’ miżuri temporanji li jappoġġaw lill-bdiewa tal-UE, li għandhom jinżammu jekk l-invażjoni Russa tal-Ukrajna tkompli; jisħaq li dawn il-miżuri se jippermettu lill-bdiewa jżidu b’mod sostenibbli l-produzzjoni agrikola tal-UE u jiggarantixxu s-sopravivenza tal-azjendi agrikoli matul l-istaġun tal-ħsad 2022-2023, li se jikkontribwixxi għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta mingħajr dewmien pjan strateġiku olistiku li jiżgura s-sigurtà tal-ikel għall-UE, li jista’ jinkludi l-użu ta’ stokkijiet strateġiċi tal-ikel; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ l-istabbiltà fid-dawl ta’ rendimenti imprevedibbli minħabba t-tibdil fil-klima u fatturi oħra, li jistgħu jiġu aggravati permezz tal-ispekulazzjoni;

    4.

    Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika s-setturi l-aktar milquta mill-kriżi u tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tippermetti li jingħatalhom appoġġ urġenti u aktar sostanzjali;

    5.

    Jisħaq li d-dipendenza fuq l-ikel taggrava d-dejn tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b’hekk tipperikola l-kisbiet li saru fis-sigurtà tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jevalwaw il-mezzi kollha disponibbli biex tiġi evitata kwalunkwe inadempjenza fil-bilanċ tal-pagamenti tal-pajjiżi importaturi tal-ikel, inkluż is-serħan mid-dejn taħt l-awspiċi ta’ inizjattivi internazzjonali, finanzjament dirett u ristrutturar tad-dejn tagħhom; itenni l-importanza ta’ finanzjament ibbażat fuq l-għotjiet, speċjalment għall-pajjiżi l-anqas żviluppati;

    6.

    Jilqa’ l-Qafas Temporanju għall-Kriżijiet il-ġdid biex jgħin lill-produtturi Ewropej ilaħħqu mal-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna, iżda jissottolinja l-ħtieġa li jiġi identifikat appoġġ finanzjarju ġdid biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel Ewropea u ta’ pajjiżi terzi; jenfasizza s-sitwazzjoni kritika tas-suq tal-ħnieżer u tal-ħalib f’xi Stati Membri u jitlob appoġġ finanzjarju dirett u immedjat għal dawn is-setturi;

    7.

    Ifakkar fil-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD) stabbilit fl-Artikolu 208 tat-TFUE, li skontu “l-Unjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-objettivi ta’ koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x’aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw”, u l-importanza li tiġi żgurata l-koerenza bejn il-politiki kollha tal-UE sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-benefiċċju tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u tiżdied l-effettività tal-impenn tal-UE għas-sigurtà tal-ikel globali; jinsisti li l-iżgurar tal-PCD fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel huwa importanti biex jikkontribwixxi għall-ħarsien tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem u għall-prevenzjoni ta’ kriżijiet umanitarji;

    Agrikoltura sostenibbli u reżiljenti

    8.

    Jirrimarka l-importanza ċentrali tas-settur agrikolu u dak tal-ikel fl-ekonomija u biex jipprovdu opportunitajiet ta’ impjieg deċenti u sostenibbli b’kundizzjonijiet ta’ xogħol siguri f’żoni rurali; jinnota li l-ispejjeż dejjem jiżdiedu tal-inputs tal-azjendi agrikoli jżidu mal-ispejjeż tal-produzzjoni diġà għoljin u jipperikolaw id-dħul tal-bdiewa; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa biex tipprovdi sigurtà fl-ippjanar tal-produzzjoni għall-bdiewa, kif ukoll riżorsi finanzjarji u garanziji adegwati, li jagħmluha possibbli li tinżamm u, jekk ikun meħtieġ, tiżdied il-produzzjoni tal-ikel, jissaħħu s-sistemi tal-biedja sostenibbli, tiżdied id-diversità tal-għelejjel tal-ikel tal-UE u tiżdied il-kwalità tal-prodotti, filwaqt li jiġu rrifjutati imitazzjonijiet artifiċjali u industrijali;

    9.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-art agrikola tibqa’ disponibbli primarjament għall-produzzjoni sostenibbli tal-ikel u l-għalf peress li din l-art tikkontribwixxi għall-konservazzjoni tal-bijodiversità filwaqt li tikkontribwixxi wkoll għas-sigurtà tal-ikel u tista’ tgħin ukoll biex titnaqqas id-dipendenza enerġetika tal-UE; jenfasizza li dan irid jitqies fil-proposti leġiżlattivi rilevanti kollha, li jridu jqisu kemm il-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra kif ukoll li jitreġġa’ lura t-telf tal-bijodiversità, f’konformità mal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt u l-Istrateġija għall-Bijodiversità, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel fit-tul u tkun konformi mal-objettivi tal-PAK; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiżgura, fl-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku, id-diversità tal-mudelli agrikoli fl-UE kollha u tiżgura li l-intraprenditorija u l-attività agrikoli jinżammu madwar l-Unjoni minn perspettiva strateġika f’termini ta’ sigurtà tal-ikel;

    10.

    Jistieden lill-Kummissjoni tqis b’mod partikolari l-mudelli tal-biedja effiċjenti ħafna f’żoni b’art agrikola fertili fejn l-ikel jiġi prodott b’mod sostenibbli; jenfasizza l-ħtieġa ta’ kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni speċifiċi għall-agrikoltura f’żoni urbanizzati fejn l-azjendi agrikoli tal-familja jiffaċċjaw spejjeż ogħla u sfidi oħra;

    11.

    Jinnota li minħabba ż-żieda fl-urbanizzazzjoni u fil-popolazzjoni globali kien hemm tnaqqis enormi fl-art disponibbli għall-agrikoltura, u li huwa possibbli li jiġi prodott b’mod sinifikanti aktar fuq anqas art permezz ta’ intensifikazzjoni sostenibbli jew biedja urbana;

    12.

    Jenfasizza l-potenzjal tal-biedja vertikali għall-produzzjoni tal-ikel li hija indipendenti mit-temp u mill-istaġuni, u li tista’ tikseb rendimenti ogħla b’anqas użu ta’ ilma u pestiċidi; jappella għal rikonoxximent akbar ta’ din il-prattika fil-politika tal-UE, kif ukoll għal inizjattivi biex jiżdiedu l-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp għall-biedja vertikali;

    13.

    Ifakkar li l-leġiżlazzjoni b’appoġġ għall-agrikoltura b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju trid tkun faċli biex tiġi implimentata mill-partijiet ikkonċernati li jistgħu jgħinu biex titjieb is-sigurtà tal-ikel tal-Ewropa billi jiżguraw li l-bdiewa jirċievu paga aħjar filwaqt li jippermettu lis-settur agrikolu jkollu rwol importanti fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra; jesprimi dispjaċir, madankollu, għall-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni ma qisitx it-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-azjendi agrikoli u kienet tinkludi biss is-sekwestru;

    14.

    Jisħaq fuq l-importanza tal-protezzjoni u tal-promozzjoni tad-dritt tal-komunitajiet lokali għas-sigurtà tal-ikel; jiddeplora, f’dan il-kuntest, il-fatt li l-ħtif tal-art huwa mifrux f’ħafna pajjiżi, li jdgħajjef is-sovranità tal-ikel; jappella lill-UE tappoġġa bil-qawwa l-prevenzjoni tal-ħtif tal-art; jisħaq fuq l-importanza li jitnieda proċess inklużiv li jkollu l-għan li jiggarantixxi l-parteċipazzjoni effettiva tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-komunitajiet lokali fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki u l-azzjonijiet relatati mal-ħtif tal-art; jappella biex il-proġetti kollha li jippromwovu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-art, inkluż il-kummerċ, jirrispettaw il-Linji Gwida Volontarji dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art (VGGT), kif ukoll għal miżuri li jiżguraw li l-proġetti ma jipperikolawx id-drittijiet tal-art tal-bdiewa fuq skala żgħira;

    15.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-liġi qafas futura tal-UE dwar sistemi tal-ikel sostenibbli tippromwovi ambjenti tal-ikel favorevoli u kunsiderazzjonijiet soċjali, li fihom jkunu l-aktar disponibbli għażliet tal-ikel tajbin għas-saħħa u sostenibbli, affordabbli, reklamati u attraenti, u tippromwovi ktajjen tal-provvista qosra u l-konsum ta’ prodotti lokali u staġonali;

    16.

    Jirrimarka li l-introjtu tal-azjendi agrikoli fl-UE għadu anqas minn nofs il-pagi u s-salarji grossi fl-UE u li għalhekk l-istabbiltà ekonomika għandha titressaq ’il fuq fl-aġenda fid-dawl tax-xejriet inflazzjonarji;

    17.

    Jissottolinja l-valur tal-ikel li jrid jinftiehem ukoll bħala ħafna aktar minn sempliċi prodott bażiku iżda bħala dritt għan-nies li jrid jiġi realizzat, u l-impatt u l-esternalitajiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali jridu jiġu vvalutati aħjar, u mmitigati jew xprunati kif meħtieġ;

    18.

    Jinnota li l-Patt Ekoloġiku Ewropew jista’ jkun pass importanti fit-tranżizzjoni tal-UE lejn ekonomija u agrikoltura aktar ekoloġiċi, sostenibbli u reżiljenti; jirrimarka, madankollu, li xi wħud mill-miżuri proposti jista’ jkollhom effetti mhux intenzjonati, li għadhom ma ġewx ivvalutati u identifikati kif xieraq fil-livell tal-azjendi agrikoli, b’mod partikolari dwar il-ħtieġa li tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel fit-tul u l-vijabbiltà tal-azjendi agrikoli, speċjalment l-azjendi agrikoli żgħar u ta’ daqs medju; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, twettaq valutazzjoni komprensiva tal-impatt kumulattiv tal-proposti leġiżlattivi tal-Patt Ekoloġiku fuq is-settur tal-biedja tal-UE b’mod olistiku u sistematiku li jkopri d-dimensjonijiet kollha tas-sostenibbiltà, b’mod partikolari dawk ambjentali, ekonomiċi u soċjali, bil-ħsieb li jiġu żgurati s-sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni, il-vijabbiltà tal-azjendi agrikoli u l-produzzjoni agrikola fl-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tevita sitwazzjoni fejn il-bdiewa Ewropej jiffaċċjaw kompetizzjoni inġusta minn importazzjonijiet li ma jissodisfawx l-istandards tagħna;

    19.

    Jinsisti fuq il-ħtieġa ta’ miżuri proporzjonati, tranżizzjoni ġusta, perjodu ta’ żmien xieraq għall-adattament u mekkaniżmu ta’ ħlas ġust bl-għan li jinżammu l-kompetittività, il-produttività u r-reżiljenza soċjali tas-settur agroalimentari tal-UE;

    20.

    Jissottolinja li prattiki agroambjentali klimatiċi bħall-agroekoloġija, l-agroforestrija, il-ġestjoni integrata tal-pesti, il-biedja organika, il-biedja ta’ preċiżjoni u s-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola għandhom il-potenzjal li jindirizzaw l-isfidi klimatiċi, tal-bijodiversità, ambjentali, ekonomiċi u soċjali; jisħaq fuq l-importanza li jsiru investimenti effiċjenti u mmirati tajjeb fil-mitigazzjoni, kif ukoll fil-miżuri ta’ adattament, sabiex jitnaqqsu r-riskji u jiġu evitati spejjeż sinifikanti fit-tul;

    21.

    Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-bdiewa b’għodod aħjar li jippermettulhom jagħtu kontribut dejjem akbar għat-tranżizzjoni ekoloġika li għaddejja bħalissa; jirrimarka, f’dan il-kuntest, li l-bdiewa jeħtieġ li jkunu jistgħu jikkontribwixxu (lil hinn mill-awtokonsum) għall-produzzjoni tal-enerġija, b’mod partikolari l-enerġija rinnovabbli, fl-UE, sabiex tingħata spinta reali lill-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari u lill-prattika tal-enerġija nadifa; jemmen, barra minn hekk, li huwa meħtieġ li l-bdiewa u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom jiġu involuti fl-identifikazzjoni ta’ żoni xierqa;

    22.

    Jisħaq li s-sigurtà tal-ikel tinkludi wkoll l-aspetti tas-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni u għandha titqies f’perspettiva fuq perjodu ta’ żmien qasir, medju u twil;

    23.

    Jappella li titqies ir-rabta bejn is-saħħa pubblika u l-bijodiversità, f’konformità mal-approċċ “saħħa waħda”;

    24.

    Jappella għall-applikazzjoni stretta tal-prinċipju “saħħa waħda”, li torbot is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-kwistjonijiet ambjentali fil-politiki kollha li jaffettwaw id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-ikel; jenfasizza li s-sigurtà tal-ikel qatt ma għandha tiġi pperikolata u jenfasizza l-importanza li l-politiki jitmexxew b’mod ġust u soċjoekonomikament ekwu lejn il-promozzjoni ta’ ikel nutrizzjonali u affordabbli prodott b’mod li jkun sostenibbli fit-tul, f’konformità mal-konservazzjoni tal-bijodiversità u s-soluzzjonijiet agroekoloġiċi; jenfasizza l-importanza ta’ tikkettar xieraq u trasparenti li jiffaċilita għażliet tajbin għas-saħħa għall-konsumaturi;

    Tiġdid ġenerazzjonali

    25.

    Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar it-tnaqqis fl-għadd ta’ azjendi agrikoli u maniġers tal-azjendi agrikoli flimkien maż-żieda fl-età medja tal-bdiewa Ewropej; jenfasizza li fit-tul, il-prijorità ewlenija biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel Ewropea hija t-tiġdid ġenerazzjonali;

    26.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija ambizzjuża u komprensiva tal-UE dwar it-tiġdid ġenerazzjonali fis-settur agrikolu, bl-għan li jiżdied l-għadd ta’ bdiewa żgħażagħ, jittejbu l-kompetenzi u l-ħiliet tagħhom, b’mod partikolari biex jiġu sfruttati bis-sħiħ l-opportunitajiet offruti mill-biedja intelliġenti u l-intelliġenza artifiċjali; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi “verifika soċjoekonomika tal-bdiewa żgħażagħ” fil-leġiżlazzjoni agrikola, klimatika jew ambjentali kollha li jmiss;

    27.

    Jirrimarka li nuqqas ta’ aċċess għall-art, ħlas insuffiċjenti li ma jippermettix għajxien deċenti, opportunitajiet aħjar ta’ impjieg mhux agrikolu u piż regolatorju li qed jiżdied huma fatturi ewlenin li jispjegaw għaliex aktar u aktar bdiewa jħossuhom imġiegħla jitilqu mis-settur u għaliex anqas nies huma inklinati li jibdew jaħdmu fil-biedja; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-bdiewa jkollhom sors ta’ introjtu prevedibbli u jistgħu jaqilgħu l-għajxien tagħhom mill-attività tagħhom;

    28.

    Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tingħata spinta lill-investiment, inkluża d-diġitalizzazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, tfassal b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri linji gwida li għandhom l-għan li jiffaċilitaw is-sinerġiji bejn il-fergħat ta’ finanzjament tal-PAK u dawk tal-politika ta’ koeżjoni;

    29.

    Jistieden lill-Kummissjoni tikkomunika azzjonijiet relatati mas-sigurtà tal-ikel b’mod konsistenti u koordinat; ifakkar lill-Kummissjoni biex tevalwa l-impatti fuq il-proċeduri u s-sigurtà tal-ikel fil-proposta leġiżlattiva tagħha;

    Strateġija tal-UE dwar il-proteini

    30.

    Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta b’mod urġenti strateġija komprensiva tal-UE dwar il-proteini li tintroduċi miżuri effettivi biex tiżdied il-produzzjoni tal-UE tal-proteini fuq perjodu ta’ żmien qasir, medju u twil; jemmen li din l-istrateġija għandha tiffoka fuq il-produzzjoni lokali sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tagħha u titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi; jemmen ukoll li l-istrateġija trid tissalvagwardja, jew iżżid l-introjtu tal-bdiewa minn produzzjoni sostenibbli;

    31.

    Iqis li l-Kummissjoni għandha tivvaluta l-potenzjal li jiġu massimizzati s-sinerġiji mal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli tal-UE biex tiżdied id-disponibbiltà ta’ għalf b’kontenut għoli ta’ proteini; jissottolinja li dipendenza għolja fuq l-importazzjonijiet tal-ikel u tal-għalf tesponi lill-popolazzjonijiet għall-volatilitajiet tas-suq globali; jisħaq fuq il-ħtieġa, minħabba t-tfixkil fil-ktajjen tal-produzzjoni globali u ż-żieda fil-volatilità tal-prezzijiet, li tiġi żviluppata awtonomija strateġika miftuħa għall-UE bil-għan li jiġi żgurat l-aċċess għas-swieq ewlenin u titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti kritiċi bħal sorsi ta’ proteini u għalf bbażati fuq il-pjanti;

    Tekniki ġodda ta’ kultivazzjoni

    32.

    Jirrikonoxxi l-importanza li l-għelejjel isiru aktar reżiljenti għat-tibdil fil-klima u għal patoġeni ġodda, u li jiżdiedu u jinżammu r-rendimenti fuq terminu qasir u twil, b’mod partikolari fid-dawl tan-nixfiet u n-nuqqas ta’ ilma li qed jolqtu għadd dejjem akbar ta’ Stati Membri tal-UE; jisħaq li dan jiddependi mir-restawr u l-konservazzjoni tal-bijodiversità, is-saħħa tal-ħamrija, l-applikazzjoni ta’ metodi agroekoloġiċi u organiċi, u jissottolinja l-importanza tas-sigurtà u d-diversità taż-żrieragħ; jisħaq li n-nissiela u l-bdiewa jeħtieġ li jkollhom aċċess garantit għal żrieragħ ta’ kwalità ta’ varjetajiet ta’ pjanti adattati għall-pressjonijiet tat-tibdil fil-klima u ta’ sistemi ta’ biedja b’input baxx, inklużi varjetajiet tradizzjonali u adattati għal-lokal u materjal eteroġenu; jisħaq fuq il-ħtieġa tagħhom li jkollhom aċċess garantit għar-riżorsi ġenetiċi meħtieġa għal aktar tnissil;

    33.

    Jirrimarka li prattiki ta’ kultivazzjoni innovattivi u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi f’ambjenti kkontrollati u magħluqa jeħtieġu provvista sigura ta’ materja prima tal-materjal tat-tkabbir; jemmen li l-produzzjoni u l-provvista tal-UE ta’ dawn il-materjali għandhom jiġu ggarantiti;

    34.

    Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-użu mmirat u l-iżvilupp ulterjuri ta’ tekniċi ġodda tat-tnissil fl-agrikoltura; jappella biex l-UE tħaffef l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar l-użu ta’ tekniki ġodda ta’ tnissil bi sħubija mal-Istati Membri, filwaqt li timxi mal-prinċipju ta’ prekawzjoni sabiex l-għelejjel jagħtu rendimenti aktar produttivi b’mod sostenibbli u jkunu aktar reżiljenti għat-tibdil fil-klima u patoġeni ġodda, speċjalment fil-kuntest ta’ organiżmi ta’ ħsara, nixfiet, għargħar, skarsezzi tal-ilma, u kundizzjonijiet estremi tat-temp oħra li qed jiffaċċjaw għadd dejjem akbar ta’ Stati Membri tal-UE; jirrimarka li tekniċi ġodda ta’ tnissil jistgħu jippromwovu agrikoltura sostenibbli, li mhijiex possibbli mingħajr l-innovazzjoni;

    35.

    Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li r-riżultati tar-riċerka jiġu integrati fil-prattiki tal-biedja peress li dan ikollu rwol importanti fil-kisba tal-miri tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, billi tiġi żviluppata agrikoltura aktar sostenibbli, u dan jinkludi li l-raħħala Ewropej jingħataw alternattivi għat-tnaqqis tal-użu ta’ fertilizzanti u pestiċidi sintetiċi;

    36.

    Jenfasizza l-importanza li jingħata aċċess ugwali għal innovazzjonijiet teknoloġiċi u xjentifiċi li jkunu kapaċi jtejbu r-reżistenza tal-varjetajiet u jrawmu d-diversità tar-riżorsi ġenetiċi u s-sistemi ta’ produzzjoni tal-ikel, b’konformità mar-regoli dwar is-sigurtà tal-ikel tal-UE;

    37.

    Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kif xieraq u aħjar l-effetti tal-organiżmi ġenetikament modifikati fuq is-saħħa, il-bijodiversità u l-inklużjoni soċjali, u fuq il-libertà tal-għażla tal-bdiewa u tal-konsumaturi;

    38.

    Jappella biex issir analiżi komprensiva tal-effetti soċjoekonomiċi u ambjentali li jkollhom fuq is-sistema alimentari l-privattivi fuq il-proċessi tat-tnissil, fuq il-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti u fuq partijiet minnhom, inkluż il-potenzjal li dawn iżidu l-konċentrazzjoni tas-suq u l-monopolizzazzjoni fil-katina alimentari, kif ukoll l-impatt tagħhom fuq l-aċċessibbiltà tal-prezzijiet u d-disponibbiltà tal-ikel;

    39.

    Jemmen li l-applikazzjoni mmirata ta’ tekniki ġenomiċi ġodda u l-approvazzjoni ta’ żrieragħ li jużaw dawn it-tekniki fl-UE huma miżuri importanti biex l-agrikoltura ssir sostenibbli fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt;

    40.

    Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi djalogu mal-Ewropa kollha dwar l-opportunitajiet li l-metodi ta’ tnissil il-ġodda joffru biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u jistedinha teduka lill-pubbliku dwar id-differenzi bejn il-pjanti transġeniċi u l-metodi ġodda ta’ tnissil;

    41.

    Jissottolinja l-importanza tas-sigurtà u d-diversità taż-żrieragħ, b’mod partikolari l-importanza tal-promozzjoni tal-proteini tal-pjanti mkabbra fl-UE biex jiġi prodott ikel u għalf miksuba lokalment b’valur nutrizzjonali għoli filwaqt li l-bdiewa jingħataw aċċess għal żrieragħ ta’ kwalità għal varjetajiet ta’ pjanti adattati għall-pressjonijiet tat-tibdil fil-klima u sistemi tal-biedja b’input baxx, inklużi varjetajiet tradizzjonali u adattati lokalment u materjal eteroġenu;

    42.

    Jappella biex l-UE u l-Istati Membri tagħha ma joħorġux privattivi fuq materjal bijoloġiku; jappella biex jissalvagwardjaw il-libertà tal-operat u l-eżenzjoni tal-varjetarjiet ta’ dawk li jrabbu;

    L-intelliġenza artifiċjali u l-ġestjoni preċiża tal-għelejjel

    43.

    Jenfasizza li t-teknoloġiji diġitali u l-ġestjoni preċiża tal-għelejjel jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet innovattivi għal sfidi ewlenin peress li dawn jistgħu jippermettu l-monitoraġġ tad-deforestazzjoni, it-tnaqqis tal-użu ta’ pestiċidi, fertilizzanti u l-konsum tal-ilma fl-agrikoltura, iż-żieda tal-rendimenti u t-titjib fir-rendiment ekonomiku u ambjentali; jirrimarka li dawn it-teknoloġiji ta’ spiss jinvolvu spejjeż relatati mal-investiment li jkunu kbar u li soluzzjonijiet xierqa u finanzjamenti addizzjonali għall-bdiewa huma għaldaqstant meħtieġa biex isiru bi prezz raġonevoli u aċċessibbli għal azjendi agrikoli tal-familja u ta’ daqs żgħir; jisħaq li dawn it-teknoloġiji għandhom ikunu aċċessibbli għall-bdiewa b’azjendi agrikoli ta’ daqs żgħir u li l-bdiewa dejjem iżommu d-drittijiet fuq id-data tagħhom;

    44.

    Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-użu tal-innovazzjoni diġitali sostenibbli sabiex timmodernizza l-agrikoltura tal-UE u b’hekk tippermetti lill-bdiewa jwettqu bis-sħiħ il-potenzjal tal-produzzjoni tagħhom u jiżguraw l-introjtu tagħhom fil-kuntest tat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluż permezz ta’ ċiklu tan-nutrijenti ottimizzat, filwaqt li tiżgura wkoll l-inklużjoni diġitali; jisħaq li dawn it-teknoloġiji l-ġodda jistgħu jipprovdu wkoll soluzzjonijiet alternattivi għall-bdiewa Ewropej li jgħinuhom jissodisfaw rekwiżiti ġodda, b’mod partikolari fir-rigward tal-pestiċidi u t-tnaqqis tal-input;

    45.

    Jenfasizza li t-teknoloġiji tad-data spazjali u tal-intelliġenza artifiċjali jistgħu jkunu sors ta’ informazzjoni importanti għall-agrikoltura u l-katina kollha tal-ikel, fejn it-teknoloġija tagħmilha possibbli li l-informazzjoni tgħaddi mingħand il-produttur għall-konsumatur u viċe versa, u b’hekk jitjieb il-mod li ta’ kif il-katina tal-valur sħiħa taħdem, li jwassal biex tonqos il-ħela u l-ispejjeż marbuta mal-loġistika jonqsu wkoll; jirrimarka, madankollu, li l-użu ta’ tali data għadu limitat ħafna, peress li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ma tkunx disponibbli liberament jew hi kumplessa wisq biex tintuża mill-azjendi agrikoli jew mill-awtoritajiet lokali; jappella għal użu akbar ta’ tali data u teknoloġiji kif ukoll disponibbiltà akbar tagħhom biex il-bdiewa jiġu appoġġati fit-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata r-reżiljenza tal-agrikoltura tal-UE; jappella għall-iżvilupp ta’ spazju tad-data sigur u ta’ min jafda fuqu li jippermetti lis-settur tal-biedja jaqsam u jaċċessa data, u dan itejjeb ir-rendiment ekonomiku u ambjentali fil-qasam;

    Il-loġistika

    46.

    Jistieden lill-UE tirrikonoxxi l-importanza strateġika taċ-ċentri loġistiċi, b’mod partikolari s-swieq bl-ingrossa, bħala parti integrali u komplementari tal-produzzjoni agrikola primarja, li mingħajrha l-bdiewa u l-kumpaniji tat-trasport ma jkunux jistgħu jfornu lill-konsumaturi b’mod konsistenti u li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-konsumaturi;

    47.

    Jappella għal investiment fl-infrastruttura għal trasport u faċilitajiet ta’ ħażna aktar sostenibbli għal prodotti friski jew prodotti oħra li joriġinaw mill-azjendi agrikoli, li jgħin ukoll biex titnaqqas il-ħela tal-ikel u l-impronta ambjentali tas-settur; jappella, f’dan il-kuntest, biex l-UE tirrikonoxxi d-differenzi reġjonali, tistimola l-produzzjoni ta’ ikel lokali u tieħu kont ta’ żoni skarsament popolati u l-ħtiġijiet tagħhom;

    Il-pestiċidi

    48.

    Jirrikonoxxi l-fatt li regoli ġodda li jnaqqsu r-riskju u l-użu tal-pestiċidi fl-UE bl-għan li jkun hemm sistema tal-ikel aktar ġusta, aktar sana u aktar b’saħħitha mil-lat ambjentali skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew huma talba importanti fil-livell ta’ soċjetà;

    49.

    Jissottolinja li n-numru tad-dakkara ilu nieżel mal-Ewropa kollha u jenfasizza li hemm ħtieġa urġenti li nipproteġu n-naħal u d-dakkara, speċjalment billi ninkoraġġixxu l-kontroll bijoloġiku tal-pesti u nnaqqsu l-użu u r-riskji tal-pestiċidi; jenfasizza madankollu l-fatt li l-Kummissjoni ppreżentat proposta leġiżlattiva b’miri vinkolanti għat-tnaqqis tal-pestiċidi, li jinkludu projbizzjoni fuq l-użu tagħhom fl-hekk imsejħa żoni sensittivi, mingħajr ma qabel offriet lill-bdiewa alternattivi effettivi biżżejjed ta’ kontroll tal-pesti li jkunu wkoll affordabbli jew mingħajr ma ħadet kont tal-impatt li n-nuqqas ta’ għodda li jipproteġu l-pjanti minn organiżmi li jagħmlu ħsara jista’ jkollhom fuq is-sigurtà tal-ikel tal-UE, id-dipendenza tagħha fuq importazzjonijiet minn pajjiżi terzi u l-kapaċità li l-pjanti jinżammu f’saħħithom; jenfasizza li din il-proposta ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet reġjonali tal-agrikoltura Ewropea u ma tinkludix valutazzjoni tal-impatt globali bl-impatti kkwantifikati fuq il-produzzjoni tal-ikel, il-kompetittività tal-biedja tal-UE, l-impatt potenzjali fuq il-bdiewa, id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-ikel, il-prezzijiet tal-ikel u t-tixrid ta’ organiżmi li jagħmlu ħsara; ifakkar li r-restrizzjoni tal-użu tal-pestiċidi f’żoni sensittivi diġà huwa rregolat fil-leġiżlazzjoni ta’ xi Stati Membri;

    50.

    Jisħaq fuq ir-rwol ewlieni tal-IPM fit-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-pestiċidi, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li din tiġi applikata b’mod xieraq; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-bdiewa jingħataw appoġġ finanzjarju u appoġġ b’mezzi oħra biex jaqilbu għal dawn il-prattiki;

    51.

    Jesprimi tħassib dwar id-definizzjoni ambigwa tal-Kummissjoni tal-frażi “żoni sensittivi” u l-mod li bih il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandhom jintużaw f’dawn iż-żoni, li fil-prattika jistgħu jwasslu għal tnaqqis fil-produzzjoni agrikola u b’hekk iwasslu għal tnaqqis fl-introjtu tal-bdiewa, u fit-terminu medju għal terminu twil iwasslu biex azjendi agrikoli tal-għelejjel li jkunu ta’ daqs żgħir u medju jgħibu, riskju akbar li l-azjendi agrikoli jiġu abbandunati, żieda fil-kompetizzjoni inġusta, żieda fil-prezzijiet tal-ikel kif ukoll żieda fl-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, u dawn kollha jaffettwaw b’mod dirett is-sigurtà tal-ikel;

    52.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm disponibbli prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkunu effettivi u suffiċjenti billi toħroġ l-awtorizzazzjonijiet b’mod aktar rapidu u billi tevita d-dewmien, tippermetti sett ta’ għodod adegwat kontra l-pesti u l-mard, u tiżgura approċċ armonizzat u bbażat fuq ix-xjenza għall-aċċess għal prodotti li jipproteġu l-pjanti mal-UE kollha;

    53.

    Jenfasizza li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti effettivi u suffiċjenti se jibqgħu indispensabbli biex l-għelejjel jiġu protetti minn pesti u mard ġodda sabiex jiġi evitat it-telf fil-produzzjoni tal-ikel; jesprimi tħassib dwar il-possibbiltà li aktar restrizzjonijiet fuq id-disponibbiltà ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jistgħu jimminaw l-isforzi li qegħdin isiru biex jiġi implimentat l-approċċ olistiku tal-IPM.

    54.

    Jikkundanna l-istandards doppji tal-UE dwar il-pestiċidi, li jippermettu l-esportazzjoni mill-UE ta’ sustanzi perikolużi li huma stess huma pprojbiti fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura r-reċiproċità fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-agrikoltura u l-prodotti agrikoli, u tmexxi bl-eżempju billi tiżgura li l-pestiċidi perikolużi pprojbiti fl-UE ma jiġux esportati lejn pajjiżi sħab, u b’hekk tipprevjeni li r-residwi ta’ pestiċidi pprojbiti jiġu tollerati fl-ikel fis-suq tal-UE u ssaħħaħ il-mekkaniżmu ta’ infurzar tal-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (TSD);

    It-taħriġ u l-kondiviżjoni tal-għarfien

    55.

    Jistieden lill-Kummissjoni tinnota l-importanza tat-taħriġ tul il-ħajja attiv tal-bdiewa kif ukoll l-importanza tal-appoġġ lil prattiki ġodda ta’ mitigazzjoni u prattiki agrikoli ġodda sabiex tiżdied l-attrattività tas-settur agrikolu u ż-żoni rurali; jisħaq li l-kondiviżjoni tal-għarfien u t-trasferiment tal-għarfien bejn il-pari fuq suġġetti bħalma huma l-ġestjoni tal-art, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu, il-prattiki agro-ekoloġiċi u l-ktajjen tal-valur ġusti u reżiljenti jistgħu jkunu fattur ewlieni biex inrawmu produzzjoni agroalimentari aktar sostenibbli filwaqt li nissalvagwardjaw il-produttività agrikola;

    Il-katina tal-provvista tal-ikel

    56.

    Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tieħu miżuri addizzjonali biex tiżviluppa katina tal-ikel aktar reżiljenti, aktar trasparenti u aktar ġusta, b’mod partikolari billi ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-produtturi primarji fil-katina tal-provvista tal-ikel kollha kemm hi; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw l-infurzar effettiv tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Inġusti u jqisu miżuri li jiġġieldu l-ispekulazzjoni tal-ikel; iqis li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, li jistgħu jinkludu l-kooperattivi, jistgħu jgħinu biex jissaħħaħ ir-rwol tal-bdiewa bħala sidien ta’ negozju fil-katina tal-ikel, li jżidu l-valur permezz ta’ miżuri innovattivi u jottimizzaw l-ispejjeż tal-produzzjoni billi jgħaqqdu s-servizzi u l-akkwisti;

    57.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa tal-użu sħiħ tal-iskemi tal-iskejjel sabiex jiġi żgurat li t-tfal fil-bżonn ikollhom aċċess għall-ikel; jenfasizza, barra minn hekk, li l-programmi ta’ akkwist pubbliku huma ta’ utilità fit-trawwim tal-appoġġ pubbliku għax-xiri mingħand bdiewa b’azjenda agrikola żgħira u produtturi lokali meta jinkiseb ikel nutrittiv għad-distribuzzjoni, u dan jista’ jevita l-insigurtà tal-ikel;

    In-nisa fiż-żoni rurali

    58.

    Jisħaq fuq l-importanza li tiġi eliminata d-differenza bejn il-ġeneri fis-settur agroalimentari billi ninvestu fin-nisa u nippromwovu miżuri li jiġbdu aktar nisa lejn is-settur; jindika l-ħtieġa li n-nisa jingħataw appoġġ biex isiru imprendituri, biex in-nisa jsibu impjieg u biex ikun hemm rappreżentanza politika tan-nisa; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-inklużjoni ta’ perspettiva tal-ġeneru fil-ġestjoni tas-sigurtà tal-ikel u li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet f’dan ir-rigward;

    59.

    Jisħaq li s-sostenibbiltà tfisser l-ibbilanċjar tal-iżvilupp ekonomiku, l-impatti ambjentali u l-ugwaljanza soċjali, inkluża l-ġustizzja bejn il-ġeneri; jenfasizza l-impatti negattivi fuq il-ġeneru taż-żieda fl-insigurtà tal-ikel peress li n-nisa għandhom it-tendenza li jnaqqsu mill-konsum tal-ikel tagħhom fi żminijiet ta’ nuqqas ta’ ikel u n-nisa u l-bniet jammontaw għal 60 % ta’ dawk li mhumiex mitmugħa biżżejjed; jinnota li 60 % tan-nisa li jgħixu fl-Afrika sub-Saħarjana jaħdmu fis-settur agrikolu u huma vulnerabbli ħafna għall-effetti tat-tibdil fil-klima fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel u tal-ilma tagħhom;

    L-istrateġija dwar il-fertilizzanti

    60.

    Jenfasizza li s-settur tal-fertilizzanti huwa essenzjali biex is-sigurtà tal-ikel tiġi żgurata fid-dinja kollha; jilqa’ l-fatt li fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-iżgurar tad-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-fertilizzanti (COM(2022)0590), il-Kummissjoni stabbiliet strateġija biex tappoġġa lill-bdiewa jlaħħqu mal-ispejjeż eċċezzjonalment għoljin; iqis, madankollu, li filwaqt li l-komunikazzjoni fiha ċerti rakkomandazzjonijiet ta’ politika validi għall-futur medju u fit-tul, hija ma tipprovdix miżuri biex titnaqqas id-dipendenza fuq inputs esterni li kulma jmur qed isiru aktar għoljin, ma tistabbilixxix passi konkreti u ma tipproponix miżuri immedjati adegwati li jappoġġaw lill-bdiewa fil-kriżi kurrenti, u dan jista’ jkollu konsegwenzi serji ħafna għas-sigurtà tal-ikel; jisħaq f’dan ir-rigward fuq l-importanza tar-reviżjoni li jmiss tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP);

    61.

    Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi viżjoni fit-tul għall-kisba ta’ awtonomija strateġika fir-rigward tal-fertilizzanti, u dan sabiex tagħti inċentiva lill-industrija biex iddur għal metodi ta’ produzzjoni aktar sostenibbli; jisħaq li l-prattiki fil-qasam tal-biedja u sorsi ta’ nutrijenti alternattivi jistgħu jtejbu ċ-ċikli tan-nutrijenti u jnaqqsu d-dipendenza fuq il-fertilizzanti kimiċi, u b’hekk inaqqsu d-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-fertilizzanti; jenfasizza, f’dan il-kuntest, fuq il-ħtieġa li jingħata aktar appoġġ lir-riċerka u l-innovazzjoni fil-livell tal-UE; jenfasizza f’dan ir-rigward li biex tiġi żgurata l-produzzjoni tal-ikel fit-tul, għandhom jintużaw u jiġu żviluppati bis-sħiħ ir-riżorsi li huma faċilment disponibbli u prodotti fl-UE, bħalma huma l-fertilizzanti organiċi;

    62.

    Jistieden lill-Kummissjoni tgħolli l-limiti għall-użu ta’ fertilizzanti nitroġenużi mid-demel tal-annimali, bħal pereżempju RENURE (REcovered Nitrogen from manURE), diġestat mill-bijoskart u kwalunkwe sors effettiv u vverifikat ieħor; jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-frattemp, tippermetti deroga temporanja biex l-ispejjeż tal-fertilizzanti jitnaqqsu filwaqt li timmira li tintroduċi dispożizzjonijiet ta’ qafas fit-tul sabiex tippromwovi l-ekonomija ċirkolari fost l-azjendi agrikoli u tnaqqas id-dipendenza fuq ir-riżorsi ta’ pajjiżi terzi; jirrimarka li dawn il-miżuri fuq medda itwal għandhom jinkludu l-abbozzar ta’ strateġiji għall-interventi fl-azjendi agrikoli, inkluż fatturi li jirrigwardaw il-pjanijiet ta’ ġestjoni tan-nutrijenti, ir-rivitalizzazzjoni tal-ħamrija, il-biedja ta’ preċiżjoni, il-biedja organika u l-użu ta’ għelejjel leguminużi fi skemi ta’ newba tal-għelejjel, u għandhom ikunu akkumpanjati minn perijodi ta’ tranżizzjoni twal biżżejjed u ġusti;

    63.

    Jirrikonoxxi li l-industrija tal-fertilizzanti fl-UE għandu jkollha aċċess għall-materja prima meħtieġa biex tipproduċi fertilizzanti fl-UE u biex tiżgura li l-prospettivi ta’ ħsad għall-UE ma jitqegħdux f’periklu;

    64.

    Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikseb nutrijenti ewlenin bħall-fosfat u l-putassa minn oriġini oħrajn u jistedinha tgħaġġel il-proċess biex tantiċipa nuqqasijiet ta’ stokk li jista’ jkun hemm fil-futur;

    Niġġieldu t-telf u l-ħela tal-ikel

    65.

    Itenni li madwar terz tal-ikel kollu prodott madwar id-dinja jintilef jew jinħela f’xi stadju jew ieħor tal-katina tal-provvista tal-ikel mill-għalqa sa ma jasal għall-platt; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-telf u l-ħela tal-ikel jistgħu jiġu evitati jekk jiġi implimentat approċċ olistiku li jinkludi miżuri dwar l-użu ta’ imballaġġ sostenibbli u riċiklabbli, u jistgħu jiġu evitati wkoll jekk il-mard fl-annimali jiġi evitat u kkontrollat; jemmen li t-telf u l-ħela tal-ikel jistgħu jitnaqqsu kemm jista’ jkun anki jekk jittieħdu miżuri li jnaqqsu l-preżenza ta’ patoġeni fl-ikel, pereżempju billi jiżguraw iġjene xierqa u jużaw teknoloġiji mtejba matul il-katina tal-valur kollha kemm hi;

    66.

    Jenfasizza l-effetti pożittivi li l-appoġġ lill-produzzjoni lokali u l-konsum ta’ prodotti staġjonali u lokali minn ktajjen tal-ikel qosra u ġenwini jista’ jkollhom biex titnaqqas il-ħela tal-ikel; jisħaq fuq l-effetti pożittivi li l-edukazzjoni tal-konsumatur fuq dan is-suġġett jista’ jkollha f’dan ir-rigward; ifakkar li t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel jista’ jikkontribwixxi bil-qawwi għas-sigurtà tal-ikel mad-dinja kollha; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tippromwovi kampanji biex tqajjem kuxjenza fost il-produtturi, il-konsumaturi u l-bejjiegħa dwar kemm hu importanti li nevitaw kwalunkwe tip ta’ ħela tal-ikel u dwar ir-riperkussjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali li din il-ħela tista’ tikkawża; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri biex jimplimentaw programmi ta’ prevenzjoni tal-ħela tal-ikel li jkunu effettivi; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom ukoll itejbu l-kejl tal-volumi ta’ ħela tal-ikel u jissorveljaw il-ħela tal-ikel matul il-katina ta’ provvista kollha; jistieden lis-supermarkets, b’mod partikolari, biex jindirizzaw b’urġenza l-kwistjoni tal-ħela tal-ikel li tista’ tiġi evitata permezz ta’ modi alternattivi, pereżempju billi jaħdmu ma’ proġetti komunitarji lokali bħalma huma l-banek tal-ikel, biex itaffu l-faqar tal-ikel u l-insigurtà tal-ikel fuq il-livell lokali;

    67.

    Iqis li hemm urġenza biex jittieħdu l-miżuri neċessarji biex tinbidel il-perċezzjoni tal-“prodotti tal-ikel mhux perfetti”, jiġifieri dawk il-prodotti tal-ikel li d-dehra tagħhom ma tissodisfax l-istandards tas-suq minkejja li dan ma jaffettwax it-togħma jew il-valur nutrizzjonali tagħhom, u l-bżonn li tinbidel il-leġiżlazzjoni dwar id-data li tindika “l-aħjar kwalità sa/sa meta l-aħjar jiġu kkunsmati” fuq it-tikketti tal-ikel;

    68.

    Jirrimarka li l-OIE tqis li madwar 20 % tal-produzzjoni dinjija tal-ikel tintilef minħabba mard fl-annimali tal-irziezet u li, għalhekk, waħda mill-prijoritajiet li għandha tiġi kkunsidrata biex nitimgħu lid-dinja hija li nnaqqsu l-okkorrenza ta’ dan il-mard;

    Il-bijokarburanti:

    69.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa perspettiva realistika għall-produzzjoni tal-bijokarburanti li tieħu inkunsiderazzjoni l-istrateġija tal-UE dwar il-proteini, peress li l-waqfien tal-produzzjoni tal-bijokarburanti jwassal ukoll għall-eliminazzjoni ta’ prodotti sekondarji b’livelli għolja ta’ proteini, u b’hekk il-kriżi tal-ikel aktar tiggrava milli tittaffa; jistieden lill-UE tagħti prijorità lill-produzzjoni tal-ikel aktar milli lill-produzzjoni tal-bijokarburant ibbażata fuq l-għelejjel;

    70.

    Jenfasizza r-rwol importanti tal-bdiewa fil-produzzjoni ta’ enerġiji rinnovabbli fl-UE u l-ħtieġa li neliminaw il-limiti attwali dwar l-awtokonsum biex nippermettu kontribut konkret lejn l-iżvilupp tal-aħjar prattiki għal ekonomija ċirkolari u produzzjoni ta’ enerġija nadifa;

    Il-bhejjem

    71.

    Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-atturi ekonomiċi biex jaħsbu b’mod strateġiku dwar x’post għandu jingħata lill-biedja sostenibbli tal-bhejjem fit-territorji Ewropej kollha, u dan billi jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ir-rwol tagħha fiċ-ċiklu tan-nitroġenu u l-provvista ta’ emendi organiċi għall-għelejjel, l-aħjar użu minn kull tip ta’ ħamrija agrikola u l-promozzjoni ta’ dieta varjata u bbilanċjata; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokaw biżżejjed fondi pubbliċi għas-setturi agrikoli kollha biex jevitaw l-effetti negattivi, li jinkludu n-nuqqas tal-produzzjoni tal-ikel fl-UE li min-naħa tiegħu jista’ jimmina s-sigurtà tal-ikel;

    72.

    Ifakkar fl-importanza ta’ sistema ta’ trattament xieraq tal-annimali ta’ kwalità għolja, inklużi fit-trasport u t-tbiċċir; jilqa’ r-reviżjoni ppjanata tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trattament xieraq tal-annimali, inklużi l-aġġornament tal-leġiżlazzjoni kurrenti dwar it-trattament xieraq tal-annimali u l-ħtieġa li tiġi żviluppata, implimentata u infurzata leġiżlazzjoni msaħħa u ġdida, speċifika għall-ispeċijiet, peress li hemm nuqqas ġenerali ta’ implimentazzjoni u infurzar effettivi tal-leġiżlazzjoni attwali; jissottolinja l-importanza li tqis l-aħħar avvanzi fix-xjenza tat-trattament xieraq tal-annimali u tirreaġixxi għal talbiet pubbliċi, politiċi u tas-suq għal standards ogħla tat-trattament xieraq tal-annimali u għall-aġġornament tas-sistemi ta’ kenn tal-bhejjem u tal-prattiki tal-produzzjoni;

    Ir-riżorsi naturali

    73.

    Jenfasizza l-kontribut li biedja aktar sostenibbli u effiċjenti li tippreserva r-riżorsi naturali bħalma huma l-ħamrija, l-ilma u l-foresti tagħti għas-sigurtà tal-ikel. Din it-tip ta’ biedja tikseb vantaġġ mill-opportunitajiet li joffru l-bijoenerġija sostenibbli u l-bijoekonomija sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali li tilħaq bilanċ u tiġġenera sinerġiji fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tikkonċerna s-settur agrikolu;

    74.

    Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi programm speċifiku biex tappoġġa lill-Istati Membri jtejbu l-ġestjoni tal-ilma fl-agrikoltura, l-iffrankar tal-ilma u l-kapaċità ta’ ħżin tal-ilma billi jikkompletaw, jimmodernizzaw u jottimizzaw il-faċilitajiet ta’ irrigazzjoni eżistenti kif ukoll jippromwovu infrastruttura ġdida filwaqt li jikkonformaw mar-regoli ambjentali applikabbli u jtejbu l-kapaċità ta’ ħżin tal-kontenut ta’ tira, li jżid ir-reżiljenza tas-sistema tal-produzzjoni agrikola u jiggarantixxi l-provvista tal-ilma; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-iżvilupp, il-ħażna u l-użu tal-ilma mormi ttrattat għall-agrikoltura; jappella għal implimentazzjoni mgħaġġla tal-politika ta’ koeżjoni u ta’ miżuri speċifiċi ta’ żvilupp tal-infrastruttura biex niġġieldu n-nixfiet estremi fl-Ewropa;

    75.

    Jenfasizza kif il-kunflitt, il-kriżi tal-klima u tal-bijodiversità u l-pandemija kienu punti ta’ bidla għall-ġuħ fid-dinja, li preċedentement kien qed jonqos, iżda li issa qed jaffettwa madwar 10 % tal-popolazzjoni dinjija; jenfasizza l-ħtieġa ta’ sforzi kontinwi biex jerġgħu jibdew u jinżammu l-esportazzjonijiet taċ-ċereali tal-Ukrajna, li għandhom itaffu l-pressjonijiet fin-Nofsinhar Globali; jistieden lill-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, tintensifika l-isforzi fid-“diplomazija tal-ikel”, filwaqt li żżomm f’moħħha li fil-preżent l-Unjoni hija waħda mill-akbar produtturi globali tal-qamħ u li n-nuqqasijiet fil-provvista tal-ikel fin-Nofsinhar Globali jistgħu jagħmlu lil dawn il-pajjiżi terzi aktar vulnerabbli għall-influwenza ta’ reġimi awtoritarji;

    76.

    Jisħaq li teknoloġiji diġitali innovattivi ma għandhomx joħolqu dipendenzi fuq mogħdijiet ġodda, u jenfasizza li dawn ma għandhomx isaħħu l-konċentrazzjoni tal-azjendi agrikoli iżda għandhom ikunu disponibbli u aċċessibbli għall-bdiewa fuq skala żgħira;

    77.

    Jemmen li l-produzzjoni tal-enerġija fuq skala żgħira fl-azjendi agrikoli stess għandha potenzjal enormi fir-rigward tal-produzzjoni tal-enerġija fiż-żoni rurali u biex tiżdied iċ-ċirkolarità fl-azjendi agrikoli stess billi l-iskart u l-flussi ta’ residwi tal-azjenda agrikola, bħad-demel fost l-oħrajn, jiġu ttrasformati fi sħana u elettriku; jenfasizza li l-ostakli kollha għandhom jitneħħew biex iħeġġu lill-bdiewa jinvestu f’dawn it-teknoloġiji tal-azjendi agrikoli ċirkolari, bħalma huma l-impjanti fuq skala żgħira tal-bijogass; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-użu ta’ dawn l-installazzjonijiet innovattivi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir użu mir-residwi ta’ dan il-proċess, bħal pereżempju r-RENUREs, li għandhom jiġu maqsuma f’kategoriji u użati bħala fertilizzanti kimiċi;

    78.

    Iqis li jista’ jsir kontribut għas-sigurtà tal-ikel anki permezz ta’ proġetti ffinanzjati taħt il-kapitlu REPowerEU l-ġdid u jħeġġeġ biex jiġu adottati proġetti li huma ta’ benefiċċju kemm għas-settur tal-enerġija kif ukoll għal dak tal-agrikoltura;

    79.

    Jenfasizza l-ħtieġa li l-ġestjoni tal-provvista tibqa’ tiġi appoġġata permezz ta’ appoġġ għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u organizzazzjonijiet interprofessjonali;

    80.

    Jissottolinja l-fatt li l-bdiewa Ewropej jissodisfaw l-aktar rekwiżiti stretti ta’ produzzjoni fid-dinja u jisħaq li l-politiki ma għandhomx iwasslu għar-rilokazzjoni tal-produzzjoni jew għal kundizzjonijiet mhux ekwivalenti ta’ kompetizzjoni;

    Il-PAK u l-futur tal-bdiewa

    81.

    Itenni li l-PAK għandha tkompli tiżgura s-sigurtà tal-ikel waqt li ttejjeb ir-rispons għat-talbiet il-ġodda tas-soċjetà għal ikel sostenibbli u nutrizzjoni aktar sana; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-bdiewa jkollhom sors ta’ introjtu prevedibbli u jistgħu jaqilgħu l-għixien tagħhom mill-attività tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, tappoġġa l-baġit tal-PAK fil-QFP biex tiżgura kemm it-tranżizzjoni tas-sigurtà tal-ikel u t-tranżizzjoni ekoloġika u fl-istess waqt tipprovdi l-ingranaġġ meħtieġ għall-investimenti;

    82.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġġieldu n-nuqqas fl-għadd ta’ azjendi agrikoli fiż-żoni rurali u jenfasizza fuq il-ħtieġa li niffukaw fuq l-appoġġ għat-tkomplija tal-biedja u għall-innovazzjoni; jenfasizza l-kontribut ta’ azjendi agrikoli żgħar għall-awtonomija tal-ikel sostenibbli u s-sigurtà tal-ikel tal-UE, b’mod partikolari fis-sistemi tal-ikel lokali, u jisħaq fuq l-importanza li niżguraw li l-produtturi fuq skala żgħira jkunu involuti b’mod xieraq fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet meta dawn ikunu affettwati;

    83.

    Jistieden lill-Kummissjoni, meta tabbozza l-komunikazzjoni tagħha dwar il-PAK futura, tqis li tagħmel politika li tintegra l-produzzjoni tal-ikel u s-sigurtà tal-ikel b’mod koerenti, filwaqt li tiżgura l-koerenza tagħha mal-politika tal-kummerċ, mal-politika ambjentali, mal-politika umanitarja u mal-politika ta’ żvilupp internazzjonali;

    84.

    Jilqa’ bi ħġaru u jappoġġa l-kummenti tal-Kummissarju għall-Agrikoltura, li qal li l-baġit attwali għall-PAK, li huwa anqas minn 0,4 % tal-PDG tal-UE, ma huwiex suffiċjenti biex jipprovdi s-sigurtà tal-ikel, u li għaldaqstant dan l-ammont għandhom jogħla b’mod kunsiderevoli sa mhux aktar mill-QFP li jmiss; jappella biex fir-riżerva għall-kriżijiet agrikoli jintefgħu riżorsi addizzjonali apparti l-fondi attwali tal-PAK u biex, jekk tintefaq kollha, ir-riżerva għall-kriżijiet timtela mill-ġdid permezz ta’ mezzi li mhumiex id-dixxiplina baġitarja, peress li dan ikun ifisser li lill-bdiewa nkunu qed nagħtuhom fondi tal-UE biex jaffaċċjaw il-kriżi minn naħa, imma min-naħa l-oħra nkunu qed noħduhomlhom lura permezz ta’ ħlasijiet diretti;

    85.

    Jenfasizza l-importanza li nidentifikaw mod aktar flessibbli ta’ kif ir-rekwiżiti tal-PAK jiġu applikati, u dan permezz tal-inklużjoni ta’ ħlasijiet bil-quddiem lill-produtturi u billi ngħollu l-livell ta’ dawn il-ħlasijiet;

    86.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-għajnuna Ewropea tilħaq lill-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli malajr kemm jista’ jkun u tadatta ruħha għall-kuntest ta’ kriżijiet multidimensjonali, u l-importanza ta’ approċċ umanitarju msaħħaħ; jissottolinja l-fatt li, fl-2022, il-Kummissjoni allokat aktar minn EUR 900 miljun għall-assistenza umanitarja tal-ikel, li kienet 60 % aktar milli fl-2021 u kważi 80 % aktar milli fl-2020;

    87.

    Jitlob lill-UE tiżgura l-kontinwità bejn l-għajnuna umanitarja, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-azzjonijiet ta’ paċi sabiex jiġu indirizzati l-kawżi profondi tal-insigurtà tal-ikel u jiġu indirizzati d-dgħufijiet tas-sistemi tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, f’konformità mal-approċċ nexus;

    Ekosistemi reżiljenti u diversi bħala xprun tas-sigurtà tal-ikel

    88.

    Josserva li l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq il-produzzjoni agrikola qiegħed isir aktar evidenti, fejn l-għelejjel u r-rendimenti qed ikunu milquta b’mod negattiv minħabba ż-żieda fil-frekwenza ta’ nixfiet, għargħar u kundizzjonijiet estremi tat-temp oħra;

    89.

    Ifakkar li d-degradazzjoni tal-bijodiversità, speċjalment tal-ispeċi li jipproduċu l-għasel, tikkontribwixxi biex ir-rendiment agrikolu jonqos u b’hekk timmina s-sigurtà tal-ikel tagħna; jenfasizza li l-agrikoltura tibbaża ruħha fuq ekosistemi reżiljenti, b’mod partikolari ekosistemi tal-ħamrija funzjonali, u popolazzjonijiet suffiċjenti ta’ dakkara u predaturi ta’ pesti; jisħaq li jekk inżidu r-reżiljenza tal-agrikoltura Ewropea għall-klima s-settur ikun jista’ jibqa’ kompetittiv fis-suq globali, u b’hekk jipprovdi l-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku;

    90.

    Jilqa’ l-analiżi komprensiva tal-Kummissjoni tal-fatturi li jixprunaw is-sigurtà tal-ikel; jissottolinja l-konklużjonijiet tagħha li jindikaw l-urġenza ta’ tranżizzjoni lejn sistema tal-ikel sostenibbli li tkun kapaċi tiżgura s-sigurtà tal-ikel kemm fuq terminu qasir kif ukoll fit-tul;

    Id-dimensjoni internazzjonali tas-sigurtà tal-ikel

    91.

    Jenfasizza fuq il-ħtieġa urġenti li l-politika kummerċjali tal-UE tkun konformi mal-istandards Ewropej għal ikel sostenibbli biex ma xxekkilx il-kompetittività tal-UE; jinnota li l-UE għandha rwol ewlieni fil-kummerċ globali tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel, u li huwa fundamentali li l-politika kummerċjali tal-UE tkun taqbel ukoll mal-miri Ewropej fir-rigward tas-sostenibbiltà;

    92.

    Jappella biex, fin-negozjati u l-ftehimiet kummerċjali bilaterali u multilaterali jkun hemm kapitlu ddedikat għall-prodotti tal-ikel u l-prodotti agrikoli, u biex dawn ma jitqisux bħala sempliċi pedini ta’ negozjar; jesprimi tħassib dwar l-impatt li ż-żieda fil-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles mingħajr dispożizzjonijiet sodi dwar is-sostenibbiltà kellha fuq is-settur agrikolu Ewropew, li ta’ spiss jaffaċċja kompetizzjoni inġusta minn produtturi minn pajjiżi terzi li huma suġġetti għal leġiżlazzjoni ħafna anqas stretta; jappella, barra minn hekk, għal reċiproċità akbar bejn il-produtturi Ewropej u l-produtturi minn pajjiżi terzi dwar l-istandards tal-produzzjoni;

    93.

    Jenfasizza li s-sigurtà tal-ikel huwa suġġett kumpless u multidimensjonali u li teħtieġ approċċ koerenti u integrat li jieħu inkunsiderazzjoni l-isfidi attwali minn perspettivi differenti: l-iżvilupp ekonomiku, kummerċjali, ambjentali, reġjonali u internazzjonali;

    94.

    Jenfasizza fuq ir-responsabbiltà tal-UE mhux biss li tiżgura l-provvista tal-ikel tagħha stess, iżda li tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-ġuħ f’partijiet oħra tad-dinja li jkunu żvantaġġati; jissottolinja li l-UE għandha tappoġġa pajjiżi sħab biex jistabbilixxu objettivi ambjentali għoljin, kif ukoll tassistihom u tiggwidahom f’din it-tranżizzjoni meta meħtieġ; jenfasizza li s-sħab minn pajjiżi li qed jiżviluppaw u pajjiżi li jinsabu f’sitwazzjoni fraġli fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel, li jafu jeħtieġu trattament speċjali u differenti, għandhom jingħataw kunsiderazzjoni xierqa;

    95.

    Iqis li fi żmien medju għal twil, bħala attur dinji ewlieni fis-settur agroalimentari l-UE għandha tippromwovi kriterji ta’ sostenibbiltà dinjin ogħla u timpenja ruħha ma’ sħab internazzjonali biex flimkien jiżviluppaw punti ta’ riferiment u standards internazzjonali għal sistemi tal-ikel reżiljenti u sostenibbli li jimxu mar-regoli tad-WTO;

    96.

    Jenfasizza li l-finanzjament umanitarju u għall-iżvilupp, kif ukoll miżuri oħrajn, li jindirizzaw il-ġuħ u l-malnutrizzjoni fl-Ewropa u lil hinn minnha għandhom bżonn jiżdiedu bil-qawwi biex jindirizzaw b’mod xieraq il-kriżi dinjija tas-sigurtà tal-ikel, li ġiet iggravata mill-gwerra fl-Ukrajna;

    97.

    Jisħaq li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa strateġija integrata ġenwina mal-pajjiżi sħab tagħha sabiex tħeġġeġ l-iżvilupp, it-tisħiħ u l-espansjoni tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-ikel lokali, tnaqqas il-vulnerabbiltajiet assoċjati mad-dipendenzi internazzjonali, speċjalment fir-rigward tal-fertilizzanti u ċ-ċereali, filwaqt li ssaħħaħ is-swieq lokali u reġjonali permezz ta’ programmi infrastrutturali, bħal programmi għall-infrastruttura tas-suq, għas-sistemi tat-tkessiħ u t-toroq, u kif ukoll għas-swieq tal-bdiewa online, sabiex tissaħħaħ, b’mod partikolari, ir-reżiljenza tal-bdiewa b’azjendi agrikoli żgħar, speċjalment fil-qafas tal-Inizjattiva Global Gateway;

    98.

    Jiddeplora l-ispekulazzjoni finanzjarja fuq il-prodotti bażiċi tal-agrikoltura u tal-ikel, li qed taggrava l-volatilità tal-prezzijiet u qed tgħolli l-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa; jinnota bi tħassib li l-ispekulazzjoni finanzjarja fuq il-prodotti bażiċi tal-ikel taffettwa b’mod partikolari lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u lill-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli, b’mod partikolari f’kuntest ta’ gwerra; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq jevalwaw ir-rwol u l-firxa tal-ispekulazzjoni fl-iffissar tal-prezzijiet tal-prodotti bażiċi;

    99.

    Jissottolinja li statistika trasparenti dwar l-istokkijiet taċ-ċereali kemm mill-partijiet ikkonċernati pubbliċi kif ukoll minn dawk privati hija essenzjali; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-operaturi tan-negozji tal-ikel jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex isaħħu r-regoli ta’ trasparenza dwar il-prezzijiet u l-istokkijiet agrikoli globali, b’mod partikolari billi jsaħħu u jestendu s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar is-Swieq Agrikoli;

    100.

    Jirrimarka li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma l-aktar vulnerabbli għaż-żieda fil-prezzijiet globali tal-ikel u tal-agrikoltura, li jheddu l-aċċessibbiltà tal-prezzijiet tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu fuq il-proposta tal-FAO li għandha l-għan li tistabbilixxi faċilità ta’ finanzjament għall-importazzjoni tal-ikel biex tgħin lill-pajjiżi b’introjtu baxx li huma l-aktar dipendenti fuq l-importazzjonijiet tal-ikel jaċċessaw is-swieq globali tal-ikel; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa li r-regoli kummerċjali jiġu żviluppati, inkluż dawk li jaqgħu taħt il-mandat tad-WTO, bl-għan li l-pajjiżi b’introjtu baxx jiġu megħjuna jibnu sistemi tal-ikel lokali aktar b’saħħithom;

    101.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li niffukaw aktar fuq azzjonijiet fl-agrikoltura li jħarsu d-dritt għas-sigurtà tal-ikel tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw bħala prijorità u li jżidu l-kapaċità tagħhom li jissodisfaw ir-rekwiżiti nutrizzjonali tal-popolazzjonijiet tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ aktar sistematiku għad-determinazzjoni u għall-valutazzjoni tal-impatt tal-politiki tal-UE dwar l-objettivi tal-PCD;

    102.

    Jilqa’ l-impenn tal-UE u tal-Istati Membri tagħha li jallokaw kważi EUR 8 biljun f’għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp għas-sigurtà tal-ikel globali fil-perjodu 2021-2024, inklużi EUR 600 miljun oħra biex jgħinu lill-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP) jindirizzaw il-konsegwenzi tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew, kull sena sal-2024, dwar l-għanijiet, il-miżuri u r-riżultati ta’ dan l-impenn;

    103.

    Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-għajnuna umanitarja u l-assistenza għall-ikel u jżidu s-servizzi ta’ nutrizzjoni essenzjali u jadottaw miżuri suffiċjenti għal żmien qasir u għat-tul oħrajn fil-pajjiżi u r-reġjuni l-aktar vulnerabbli, b’mod partikolari d-19-il “hotspot tal-ġuħ” identifikati mill-FAO u mid-WFP li għadhom ibatu minn nuqqas ta’ finanzjament umanitarju li jindirizza l-ġuħ u l-malnutrizzjoni;

    104.

    Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet Ewropej tal-finanzi għall-iżvilupp joħolqu sinerġiji bejn l-istrument NDICI – Ewropa Globali u l-istrateġija l-ġdida tal-Global Gateway, bl-użu tal-approċċ ta’ Tim Ewropa, sabiex jikkoordinaw l-investimenti fis-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi sħab; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-proċess ta’ rieżami ta’ nofs it-terminu tal-istrument NDICI – Ewropa Globali, teżamina mill-qrib l-ammonti u l-proġetti assoċjati mas-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi sħab u tivvaluta bis-sħiħ l-effettività tal-miżuri appoġġati;

    105.

    Jilqa’ t-tnedija ta’ diversi inizjattivi multilaterali għas-sigurtà tal-ikel; jistieden, madankollu, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu rwol ewlieni fil-koordinazzjoni tad-diversi inizjattivi biex jiġi żgurat impenn internazzjonali effettiv għas-sigurtà tal-ikel globali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu internazzjonali ta’ tħejjija u rispons għall-kriżijiet tal-ikel, taħt il-patroċinju tal-FAO u tad-WFP, bl-għan li jiġu identifikati r-riskji u l-vulnerabbiltajiet, b’mod partikolari fl-infrastruttura kritika tal-ikel u l-ktajjen tal-provvista, u tittejjeb il-koordinazzjoni tar-reazzjonijiet waqt il-kriżijiet; jappoġġa, barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ riżervi strateġiċi tal-ikel, minħabba r-rwol li l-istokkijiet jista’ jkollhom biex itaffu l-impatti tal-kriżijiet tal-ikel; jitlob li jissaħħaħ ir-rwol tan-Network Globali Kontra l-Kriżijiet tal-Ikel;

    106.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li proporzjon sinifikanti tal-pakkett ta’ 30 % tal-fondi tal-NDICI-Ewropa Globali assenjat għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jiġi allokat għal proġetti li jtejbu r-reżiljenza u l-adattament tal-agrikoltura għat-tibdil fil-klima, inkluż permezz tal-istabbilizzazzjoni ta’ għoljiet, ir-reklamazzjoni tal-art, ir-riforestazzjoni, l-irrigazzjoni, il-ġestjoni tal-baċiri idrografiċi u l-appoġġ għall-isforzi edukattivi dwar din il-kwistjoni; jinsisti li dawk l-investimenti għandhom ikunu konformi mal-Aġenda 2030, il-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u jqisu l-VGGT tal-FAO u tas-CFS u l-Prinċipji tal-FAO u tas-CFS għal Investiment Responsabbli fis-Sistemi tal-Agrikoltura u tal-Ikel;

    107.

    Jinnota li skont l-FAO n-nisa jirrappreżentaw sa 43 % tal-forza tax-xogħol agrikola globali, u b’hekk għandhom rwol vitali fiż-żoni rurali, iżda minkejja dan xorta jiffaċċjaw diskriminazzjoni sinifikanti f’dak li għandu x’jaqsam mas-sjieda tal-art u tal-bhejjem, il-paga ugwali, il-parteċipazzjoni fl-entitajiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-kreditu u għas-servizzi finanzjarji; jenfasizza li t-tfal u n-nisa huma l-aktar vulnerabbli għall-insigurtà tal-ikel;

    108.

    Jisħaq li d-disparità globali bejn il-ġeneri fl-insigurtà tal-ikel kibret f’dawn l-aħħar snin, b’mod partikolari minħabba inugwaljanza prevalenti bejn il-ġeneri u diskriminazzjoni fil-pajjiżi kkonċernati; jappella għalhekk biex jittieħdu azzjonijiet u miżuri li jappoġġaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-settur tal-biedja u jirrimarka li l-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel huwa wieħed mill-modi ta’ kif jitnaqqsu l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi sħab jiżguraw li n-nisa, inklużi l-organizzazzjonijiet tan-nisa, ikunu involuti fl-abbozzar ta’ programmi u fl-implimentazzjoni ta’ proġetti kif ukoll fil-proċessi ta’ teħid tad-deċiżjonijiet għall-ġlieda kontra l-insigurtà tal-ikel;

    109.

    Jenfasizza li l-ħolqien ta’ impjiegi vijabbli fl-agrikoltura huwa kruċjali biex tiġi żgurata l-vijabbiltà fit-tul ta’ dan is-settur fuq livell globali; ifakkar li l-investimenti fis-settur tal-bdiewa b’azjendi agrikoli żgħar irendu l-aħjar redditi f’termini ta’ tnaqqis tal-faqar u tkabbir, u b’hekk jissaħħaħ l-introjtu tal-bdiewa b’azjendi agrikoli żgħar, speċjalment il-bdiewa nisa b’azjendi agrikoli żgħar;

    110.

    Jistieden lill-Kummissjoni tabbozza politika li tintegra l-produzzjoni tal-ikel u s-sigurtà tal-ikel b’mod koerenti, filwaqt li tiżgura l-koerenza tagħha mal-politika tal-kummerċ, mal-politika ambjentali, mal-politika umanitarja u mal-politika ta’ żvilupp internazzjonali;

    o

    o o

    111.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    (1)   ĠU C 270, 7.7.2021, p. 2.

    (2)   ĠU C 361, 20.9.2022, p. 2.

    (3)   ĠU C 47, 7.2.2023, p. 149.

    (4)   ĠU L 333, 27.12.2022, p. 164.

    (5)   ĠU C 177, 17.5.2023, p. 35.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/483/oj

    ISSN 1977-0987 (electronic edition)


    Top