Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0317

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Qafas ta’ finanzi sostenibbli li jaħdem fil-prattika

    COM/2023/317 final

    Strasburgu, 13.6.2023

    COM(2023) 317 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Qafas ta’ finanzi sostenibbli li jaħdem fil-prattika

    {SWD(2023) 209 final}


    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni

    Qafas ta’ finanzi sostenibbli li jaħdem fil-prattika

    Introduzzjoni

    Il-Patt Ekoloġiku Ewropew 1 u t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u sostenibbli sal-2050 jippreżentaw sfidi konsiderevoli, b’mod partikolari fil-kuntest ġeopolitiku u ekonomiku attwali, iżda joffru wkoll opportunitajiet għall-UE. L-investiment fit-tranżizzjoni ekoloġika se jgħin biex l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima u biex tinbena soċjetà sostenibbli, ġusta u prospera. L-investimenti f’sorsi tal-enerġija nodfa u sostenibbli u fl-effiċjenza enerġetika jsaħħu l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE u jnaqqsu d-dipendenza tagħna fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi u ta’ fjuwils fossili minn barra l-UE, u b’hekk jgħinu biex jimmoderaw il-prezzijiet tal-enerġija fil-futur. Biex dan iseħħ, huma meħtieġa wkoll investimenti fil-kapaċità tagħna li niżviluppaw u nimmanifatturaw teknoloġiji nodfa, biex nevitaw li noħolqu dipendenzi strateġiċi ġodda u biex insaħħu l-kompetittività tal-UE. B’kuntrast ma’ dan, in-nuqqas li tittieħed azzjoni fil-ħin biex jiġu indirizzati r-riskji relatati mal-klima u man-natura se jġarrab spejjeż sinifikanti għan-negozji u għas-soċjetà u jista’ jwassal għal riaġġustamenti fixkiela, b’implikazzjonijiet għall-istabbiltà finanzjarja. Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-UE teħtieġ investimenti addizzjonali ta’ madwar EUR 700 biljun fis-sena biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, RepowerEU u l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti 2 3 . Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-investimenti se jkollhom jiġu minn finanzjament privat.

    L-aġenda tal-finanzi sostenibbli tal-UE għandha l-għan li tappoġġa lill-kumpaniji u lis-settur finanzjarju f’dan l-isforz billi tinkoraġġixxi l-finanzjament privat ta’ proġetti u teknoloġiji ta’ tranżizzjoni u tiffaċilita l-flussi finanzjarji lejn investimenti sostenibbli. L-UE għamlet progress konsiderevoli fl-implimentazzjoni tal-aġenda tagħha dwar il-finanzi sostenibbli matul dawn l-aħħar ħames snin. L-istadji importanti jinkludu l-adozzjoni tar-Regolament dwar it-Tassonomija 4 , ir-Regolament dwar id-Divulgazzjoni tal-Finanzi Sostenibbli (Sustainable Finance Disclosure Regulation, SFDR) 5 , il-parametri referenzjarji klimatiċi tal-UE fir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji 6 , ir-Regolament dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej 7 u d-Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà (Corporate Sustainability Reporting Directive, CSRD) 8 . L-UE għamlet ukoll kjarifiki li d-dmirijiet fiduċjarji fis-setturi tal-ġestjoni tal-assi, ir-riassigurazzjoni u l-investiment jinkludu wkoll riskji għas-sostenibbiltà u stabbiliet dispożizzjonijiet li jirrikjedu li l-preferenzi tas-sostenibbiltà tal-investituri fil-livell tal-konsumatur jiġu diskussi fil-punt tal-bejgħ 9 . Fil-ħarifa tal-2021, il-Kummissjoni pproponiet miżuri prudenzjali bħala parti mill-pakketti bankarji 10 u tal-assigurazzjoni 11 biex tiżdied ir-reżiljenza tas-settur finanzjarju għar-riskji għas-sostenibbiltà; dawn bħalissa qed jiġu nnegozjati mill-koleġiżlaturi. Flimkien, dawn l-elementi jiżguraw li s-settur finanzjarju qed iqis dejjem aktar il-fatturi ta’ sostenibbiltà.

    Il-pakkett ippreżentat illum huwa pass importanti lejn it-tlestija tal-qafas tal-finanzi sostenibbli. L-Atti Delegati tat-Tassonomija 12 se jippermettu li l-investimenti f’aktar setturi u attivitajiet ekonomiċi jiġu rikonoxxuti bħala ambjentalment sostenibbli, inklużi attivitajiet u kriterji assoċjati għas-sitt objettivi ambjentali kollha tar-Regolament dwar it-Tassonomija 13 . Il-proposta għal regolament dwar it-trasparenza u l-integrità tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni ambjentali, soċjali u ta’ governanza (environmental, social and governance, ESG) 14 se tiżgura li l-klassifikazzjonijiet ESG isiru komponent aktar affidabbli u trasparenti tal-katina tal-valur tal-finanzi sostenibbli. L-istandards Ewropej tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà li jmiss skont is-CSRD se jippermettu lill-kumpaniji jikkomunikaw informazzjoni dwar is-sostenibbiltà b’mod standardizzat lil varjetà ta’ selliefa, investituri u partijiet ikkonċernati oħra. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 15 turi kif il-qafas ta’ finanzjament sostenibbli jinkludi l-finanzjament ta’ tranżizzjoni u tispjega kif il-kumpaniji, l-investituri u l-intermedjarji finanzjarji jistgħu volontarjament jużaw il-qafas ta’ finanzjament sostenibbli attwali biex jiffinanzjaw it-tranżizzjoni tagħhom lejn ekonomija newtrali għall-klima u sostenibbli, filwaqt li jsaħħu l-kompetittività tagħhom, b’eżempji u spjegazzjonijiet prattiċi. Fl-aħħar nett, id-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjah dwar l-użabbiltà tat-Tassonomija tal-UE u l-qafas usa’ tal-finanzi sostenibbli tal-UE jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-pilastri ewlenin tal-qafas issa fis-seħħ, u jieħu kont tal-miżuri ta’ użabbiltà adottati reċentement 16 .

    Analiżi bikrija tar-rapportar turi li l-qafas ta’ finanzjament sostenibbli tal-UE qed jibda jaħdem kif maħsub, filwaqt li jiffaċilita l-finanzjament privat għal investimenti ekoloġiċi u ta’ tranżizzjoni permezz tat-trasparenza u bħala sett ta’ għodod komprensiv. Pereżempju, il-kumpaniji qed japplikaw it-tassonomija u qed jibdew jikkomunikaw l-investimenti sostenibbli tagħhom fuq il-bażi tagħha.

    Minkejja l-progress sinifikanti miksub s’issa, u l-opportunitajiet u l-vantaġġi kompetittivi li toffri t-tranżizzjoni fit-tul, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-kumpaniji jiffaċċjaw sfidi sinifikanti meta jgħaddu għal ekonomija newtrali għall-klima u sostenibbli. Dawn l-isfidi jinkludu l-identifikazzjoni ta’ soluzzjonijiet fejn it-teknoloġiji ekoloġiċi għadhom mhumiex disponibbli, l-artikolazzjoni tal-objettivi u l-azzjonijiet ta’ sostenibbiltà bħala parti mill-istrateġiji tan-negozju, u l-konformità ma’ standards ogħla ta’ sostenibbiltà ambjentali u soċjali u rekwiżiti ta’ divulgazzjoni relatati mas-sostenibbiltà u l-indirizzar tan-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet fil-forza tax-xogħol.

    L-implimentazzjoni u l-ewwel applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tas-sostenibbiltà jistgħu jkunu ta’ sfida wkoll, peress li l-introduzzjoni gradwali tar-rapportar tista’ tqajjem mistoqsijiet dwar l-implimentazzjoni u l-użu u tista’ tirrikjedi investimenti fil-livell tal-kumpaniji fl-oriġini, fl-ipproċessar u fl-iżgurar tal-kwalità tal-informazzjoni meħtieġa. Il-Kummissjoni hija impenjata li tappoġġa b’mod attiv l-implimentazzjoni, u li tiżgura l-użu u l-inklużività tal-qafas għall-kumpaniji ta’ daqsijiet differenti, mudelli ta’ negozju u b’punti ta’ tluq differenti.

    Qafas ta’ finanzi sostenibbli li jaħdem fil-prattika

    Bl-elementi ewlenin tal-qafas finanzjarju sostenibbli fis-seħħ 17 , il-kumpaniji u l-entitajiet finanzjarji bdew japplikaw l-għodod u l-istandards ta’ divulgazzjoni għall-attivitajiet ekonomiċi u ta’ finanzjament tagħhom. Matul il-ftit snin li ġejjin, il-kwalità u d-disponibbiltà tad-divulgazzjonijiet u tad-data se jitjiebu hekk kif l-implimentazzjoni tal-qafas ta’ finanzjament sostenibbli tavvanza, u l-atturi tas-suq se jkunu jistgħu jingranaw it-tassonomija u informazzjoni oħra tal-ESG biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-investiment, jartikolaw u jinvolvu ruħhom f’objettivi ta’ sostenibbiltà u jiksbu jew jipprovdu finanzjament għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u sostenibbli. Il-benefiċċji mill-applikazzjoni tal-qafas se jiżdiedu bid-disponibbiltà progressiva tad-data. Dan se jikkoinċidi mal-implimentazzjoni tal-Punt ta’ Aċċess Uniku Ewropew (European Single Access Point, ESAP) 18 , li se jippermetti aċċess diġitali u miftuħ għal dik id-data.

    Ir-rapportar tat-tassonomija mill-ewwel sena ta’ applikazzjoni juri li t-tassonomija qed taħdem fil-prattika. Id-data turi li l-kumpaniji fl-indiċi STOXX Europe 600 li rrapportaw xi allinjament mat-tassonomija 19 , bħala medja rrapportaw allinjament tat-tassonomija ta’ madwar 23 % għan-nefqa kapitali, 24 % għan-nefqa operazzjonali u 17 % għad-dħul 20 . Dan juri li l-kumpaniji jistgħu jinvestu fl-allinjament tal-attivitajiet ekonomiċi mat-tassonomija irrispettivament mill-punti tat-tluq tagħhom. L-istituzzjonijiet finanzjarji u l-investituri diġà jistgħu jużaw din id-data biex jidentifikaw kumpaniji u setturi fi tranżizzjoni u biex jipprovdu soluzzjonijiet ta’ finanzjament relatati mat-tranżizzjoni.

    Il-Kummissjoni hija impenjata li tappoġġa l-implimentazzjoni tal-qafas tal-finanzi sostenibbli u li tiżgura li l-għodod u d-divulgazzjonijiet jaħdmu fil-prattika. Abbażi tal-feedback tal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni se tintensifika l-isforzi tagħha biex ittejjeb l-użabbiltà u l-koerenza tal-qafas, filwaqt li tiżgura li d-diversi elementi jkunu faċli biex jintużaw u l-piżijiet amministrattivi jiġu minimizzati kemm jista’ jkun. Il-Kummissjoni tinsab lesta wkoll li tipprovdi appoġġ tekniku lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw din l-implimentazzjoni, inklużi l-istandards Ewropej tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà li jmiss, permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku 21 .

    Il-qafas tal-finanzi sostenibbli huwa inklużiv u proporzjonat. Dan se jippermetti lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (small and medium-sized enterprises, SMEs) biex jiġbru l-finanzjament għat-tranżizzjoni tagħhom filwaqt li jimminimizzaw il-piż amministrattiv. Il-SMEs mhux elenkati, b’mod partikolari l-mikrointrapriżi, mhumiex soġġetti għall-qafas regolatorju tal-UE għall-finanzi sostenibbli minħabba d-daqs u l-kapaċità amministrattiva tagħhom, madankollu xi SMEs jistgħu jkunu interessati fil-finanzjament ta’ investimenti sostenibbli u jistgħu jiksbu benefiċċji billi jużaw b’mod volontarju għodod ta’ finanzjament sostenibbli. Madankollu, l-SMEs jista’ jkollhom bżonn l-appoġġ tal-finanzjament u tas-sħab fil-katina tal-valur tagħhom meta jikkunsidraw il-ħtiġijiet finanzjarji ta’ tranżizzjoni tagħhom u meta jiġbru l-finanzjament ta’ tranżizzjoni fil-prattika. F’dan il-kuntest, l-intermedjarji finanzjarji jenħtieġ li jqisu li l-kapaċità tal-SMEs li jipprovdu informazzjoni dettaljata tista’ tkun limitata u li japplikaw il-prinċipju tal-proporzjonalità meta jittrattaw ma’ klijenti SMEs interessati li jiġbru finanzjament għal investimenti ekoloġiċi.

    Diġà ġew adottati serje ta’ inizjattivi u miżuri mmirati biex jindirizzaw kwistjonijiet ewlenin ta’ użu u mistoqsijiet imqajma mill-partijiet ikkonċernati. Pereżempju, il-Kummissjoni reċentement iċċarat l-interazzjoni bejn ir-Regolament dwar it-Tassonomija u r-Regolament dwar id-Divulgazzjoni dwar il-Finanzi Sostenibbli (Sustainable Finance Disclosure Regulation, SFDR) fir-rigward tal-kunċett ta’ “investiment sostenibbli” u kif l-operaturi għandhom jinterpretaw ir-rekwiżiti tat-Tassonomija tal-UE f’termini ta’ konformità ma’ salvagwardji minimi inklużi l-aspetti soċjali u ta’ governanza 22 . Dan jikkomplementa l-pubblikazzjoni reċenti ta’ gwida tal-Kummissjoni dwar l-interazzjoni bejn l-SFDR u r-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji fir-rigward ta’ prodotti li jsegwu b’mod passiv il-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika u l-Parametri Referenzjarji allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi 23 .

    Il-Kummissjoni se tkompli l-ħidma tagħha fuq it-titjib tal-użabbiltà tat-tassonomija u tal-qafas usa’ tal-finanzi sostenibbli, bl-appoġġ tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (European Supervisory Authorities, ASE) u tal-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli, u abbażi ta’ involviment ulterjuri tal-partijiet ikkonċernati. Il-valutazzjoni komprensiva tal-SFDR imħabbra f’Diċembru 2022 hija parti importanti minn dawn l-isforzi. Bħala parti mill-valutazzjoni tal-SFDR, fil-ħarifa tal-2023 se titnieda konsultazzjoni pubblika.

    Finanzjament tat-tranżizzjoni

    It-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u sostenibbli teħtieġ investimenti urġenti, fuq skala kbira, f’teknoloġiji ekoloġiċi u attivitajiet ekonomiċi sostenibbli. Dan jeħtieġ ukoll investimenti f’attivitajiet tranżizzjonali, f’konformità mar-Regolament dwar it-Tassonomija 24 , fejn it-teknoloġiji ekoloġiċi għadhom mhumiex disponibbli. Is-settur finanzjarju jista’ jappoġġa l-iżvilupp ta’ teknoloġiji bħal dawn. Il-pakkett tal-lum huwa pass ieħor lejn qafas legali ewlieni globalment li jiffaċilita l-finanzjament tat-tranżizzjoni.

    Il-finanzjament ta’ tranżizzjoni jista’ jinġabar mhux biss minn kumpaniji bl-ogħla prestazzjoni ta’ sostenibbiltà, iżda wkoll minn kumpaniji b’punti tat-tluq differenti u b’objettivi ċari ta’ sostenibbiltà. Il-qafas regolatorju tal-finanzi sostenibbli diġà jirrikonoxxi l-investimenti fit-tranżizzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi, assi u kumpaniji lejn objettivi klimatiċi u ambjentali, pereżempju permezz tat-tassonomija 25 . Fuq il-bażi tal-informazzjoni u l-għodod dwar is-sostenibbiltà pprovduti permezz tal-qafas, l-investituri privati u l-istituzzjonijiet finanzjarji se jkunu jistgħu progressivament jidentifikaw investimenti u investimenti sostenibbli fi proġetti ta’ tranżizzjoni b’mod aktar effettiv u sistematiku. Dawn id-divulgazzjonijiet u l-għodod jipprovdu wkoll opportunità għall-kumpaniji biex jartikolaw il-miri ta’ sostenibbiltà tagħhom u l-perkorsi ta’ tranżizzjoni lill-investituri u lill-partijiet ikkonċernati b’mod standardizzat.

    It-Tassonomija tinkludi attivitajiet tranżizzjonali li għalihom bħalissa ma hemm l-ebda alternattiva teknoloġikament u/jew ekonomikament fattibbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju disponibbli iżda fejn madankollu, jista’ jinkiseb titjib sinifikanti għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima 26 . Barra minn hekk, it-tassonomija tirrikonoxxi investimenti f’attivitajiet ekonomiċi li se jsiru allinjati mat-tassonomija fil-ħames (10 f’każijiet speċjali) snin. Tali investimenti jistgħu jiġu divulgati bħala nefqa kapitali allinjata mat-tassonomija u jistgħu jiġu ffinanzjati permezz tal-ħruġ ta’ bonds ekoloġiċi Ewropej. Tali bonds jistgħu mbagħad jiġu inklużi fil-kompożizzjoni ta’ parametru referenzjarju jew ta’ prodott finanzjarju b’karatteristiċi ta’ sostenibbiltà jew b’għanijiet ta’ sostenibbiltà.

    Fl-istadju inizjali tat-tranżizzjoni, il-livelli ta’ allinjament tat-tassonomija f’termini ta’ dħul se jkunu aktar baxxi, speċjalment għal ċerti kumpaniji u setturi ekonomiċi. Madankollu, il-livelli ta’ allinjament diġà huma mistennija li jkunu ogħla f’termini ta’ nefqa kapitali. Dan huwa kkonfermat mill-ewwel data li turi li għadd kbir ta’ kumpaniji qed jirrapportaw nefqa kapitali allinjata mat-tassonomija li hija materjalment ogħla mid-dħul allinjat tagħhom, speċjalment f’setturi b’emissjonijiet għoljin fejn il-finanzjament ta’ tranżizzjoni huwa l-aktar meħtieġ, u li l-allinjament medju tat-tassonomija għal ċerti setturi huwa ogħla b’mod sinifikanti f’termini ta’ nefqa kapitali meta mqabbel mad-dħul. Pereżempju, fis-settur tal-utilitajiet, medja ta’ 70 % tan-nefqa kapitali allinjata meta mqabbla mad-dħul allinjat ta’ 40 % u fis-settur tal-enerġija medja ta’ 23 % tan-nefqa kapitali allinjata meta mqabbla mad-dħul allinjat ta’ 7 % 27 .

    Hemm ukoll sinerġiji importanti bejn l-għodod u d-divulgazzjonijiet, pereżempju fil-kuntest ta’ kumpaniji li jiddeċiedu li jistabbilixxu miri ta’ tranżizzjoni u jiżviluppaw pjanijiet ta’ tranżizzjoni. Sal-lum, aktar minn 13 000 kumpanija madwar id-dinja stabbilixxew miri ta’ tranżizzjoni 28 , u xi wħud għażlu pjan ta’ tranżizzjoni biex jispeċifikaw dawn il-miri. L-istandards Ewropej li jmiss tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà se jiżguraw li l-kumpaniji jkunu jistgħu jikkomunikaw il-pjanijiet u l-miri ta’ tranżizzjoni klimatika tagħhom, jekk ikollhom dawn, b’mod standardizzat. Dan jista’ jgħin lil dawn il-kumpaniji jirċievu finanzjament minn atturi tas-suq finanzjarju biex jappoġġaw l-isforzi ta’ tranżizzjoni tagħhom. Il-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli se timmonitorja l-prattiki tas-suq relatati mal-miri u l-pjanijiet ta’ tranżizzjoni kif ukoll il-flussi kapitali lejn l-objettivi ta’ sostenibbiltà tal-UE.

    Atti Delegati dwar it-Tassonomija fir-rigward tal-ambjent u tal-klima

    It-Tassonomija hija pedament tal-qafas ta’ finanzi sostenibbli tal-UE u għodda importanti għat-trasparenza tas-suq li tgħin l-investimenti jiġu diretti lejn l-attivitajiet ekonomiċi l-aktar meħtieġa għal tranżizzjoni ekoloġika. L-Att Delegat dwar it-Tassonomija fir-rigward tal-Klima li jkopri l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih ilu fis-seħħ minn Jannar 2022 u jinkludi total ta’ 107 attivitajiet ekonomiċi li huma responsabbli għal 64 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-EU-27 29 . L-adozzjoni l-Att Delegat dwar it-Tassonomija fir-rigward tal-Ambjent, li jinkludi kriterji għall-erba’ objettivi ambjentali li jifdal, hija pass kruċjali fl-iżvilupp tal-qafas tat-tassonomija. L-inklużjoni ta’ aktar attivitajiet ekonomiċi li jkopru s-sitt objettivi ambjentali kollha, u konsegwentement aktar setturi u kumpaniji ekonomiċi, iżżid il-potenzjal ta’ investimenti sostenibbli fl-UE. Biex jikkomplementaw dan, l-emendi mmirati għall-Att Delegat dwar it-Tassonomija fir-rigward tal-Klima jespandu fuq attivitajiet ekonomiċi li sa issa għadhom mhumiex inklużi 30 . Dawn iż-żidiet jiffaċilitaw l-investimenti fit-teknoloġiji ekoloġiċi, il-kapaċità tal-manifattura u l-provvista tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li jsaħħu l-politika industrijali tal-UE kif imħabbar fil-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għall-Era Żero Netta 31

    L-atti delegati huma infurmati fil-biċċa l-kbira mir-rakkomandazzjonijiet tal-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli 32 . Madankollu, il-pakkett ippreżentat illum ma jinkludix l-attivitajiet ekonomiċi kollha li għalihom il-Pjattaforma għamlet rakkomandazzjonijiet. Il-Kummissjoni tat prijorità lil dawk l-attivitajiet ekonomiċi bl-akbar potenzjal li jagħtu kontribut sostanzjali, u li għalihom kien possibbli li jiġu approvati jew irfinati l-kriterji rakkomandati fi żmien qasir. L-attivitajiet ekonomiċi li jeħtieġu valutazzjoni u kalibrazzjoni aktar fil-fond tal-kriterji se jkomplu jiġu vvalutati u rieżaminati mill-Kummissjoni bil-ħsieb li jiġu indirizzati fi stadju aktar tard.

    It-Tassonomija tiddefinixxi l-kriterji li l-attivitajiet ekonomiċi jeħtieġ li jiksbu biex isiru sostenibbli u għalhekk tistabbilixxi t-triq tat-trasformazzjoni tagħhom. Il-livell ta’ assi allinjati mat-tassonomija se jiżdied hekk kif it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u sostenibbli tavvanza. Se jiżdiedu setturi u attivitajiet ekonomiċi ġodda, u dawk eżistenti se jiġu rfinuti u aġġornati, fejn meħtieġ f’konformità mal-iżviluppi regolatorji u teknoloġiċi; din hija ħaġa li l-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli se tipprovdi pariri dwarha skont il-mandat attwali tagħha 33 .

    It-tassonomija hija fuq kollox għodda għall-kumpaniji, biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għall-finanzjament għat-tranżizzjoni ekoloġika, u għas-settur finanzjarju, biex jiġi appoġġat il-bini ta’ portafolli ta’ finanzjament sostenibbli u jitkejjel il-grad ta’ sostenibbiltà tal-investimenti. Mhijiex lista obbligatorja li wieħed jinvesti fiha. L-investituri jistgħu jużaw ukoll it-tassonomija biex jieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment infurmati aħjar. Xorta jistgħu jagħżlu li jinvestu f’kumpaniji li jwettqu attivitajiet li għandhom gradi differenti ta’ prestazzjoni ambjentali, jew attivitajiet li ma jikkonformawx mal-kriterji tat-tassonomija. Is-sempliċi fatt li kumpanija ma jkollhiex attivitajiet allinjati mat-tassonomija ma jfissirx li jistgħu jinsiltu konklużjonijiet dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-kumpanija jew il-kapaċità tagħha li taċċessa l-finanzjament. Il-kumpaniji jistgħu jużaw b’mod volontarju t-tassonomija bħala għodda biex jispeċifikaw il-miri ta’ tranżizzjoni għall-attivitajiet ekonomiċi, pereżempju flimkien ma’ pjan ta’ tranżizzjoni. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li takkumpanjaha dwar il-finanzjament ta’ tranżizzjoni tkompli tispjega kif it-tassonomija tista’ tintuża b’mod volontarju għal dak l-għan.

    Għal impriżi mhux finanzjarji kbar, id-divulgazzjoni tal-grad ta’ allinjament tat-tassonomija fir-rigward tal-objettivi klimatiċi bdiet fl-2023. Id-divulgazzjonijiet se jiddaħħlu gradwalment matul is-snin li ġejjin għal atturi u objettivi ambjentali oħra. L-introduzzjoni tat-tassonomija u r-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni assoċjati se jkomplu jiġu żviluppati bil-ħsieb li l-SMEs jiġu megħjuna jagħmlu użu minn dak il-qafas fuq bażi volontarja, mingħajr ma jiġu imposti piżijiet fuqhom.

    B’mod parallel, il-Kummissjoni se tkompli tinvolvi ruħha f’fora globali biex tħeġġeġ l-adozzjoni ta’ tassonomiji internazzjonalment u tirfina l-approċċi għall-interoperabbiltà tagħhom. L-użu xieraq tal-prinċipji tat-tassonomija se jkompli jidher ukoll bħala parti mill-ħidma tal-Pjattaforma Internazzjonali dwar il-Finanzi Sostenibbli.

    Klassifikazzjonijiet ESG u klassifikazzjonijiet tal-kreditu

    Bl-implimentazzjoni tal-qafas tal-finanzi sostenibbli miexja ’l quddiem, wasal iż-żmien li jiġi kkunsidrat il-funzjonament tas-suq tal-klassifikazzjonijiet ESG 34 . Klassifikazzjonijiet ESG trasparenti, affidabbli u kwalitattivi jikkontribwixxu għall-effettività u l-integrità tas-swieq finanzjarji u l-protezzjoni tal-investituri.

    Wara konsultazzjonijiet, studji u sensibilizzazzjoni, illum il-Kummissjoni qed tadotta proposta għal regolament dwar il-funzjonament tas-suq tal-klassifikazzjonijiet ESG. L-għan ewlieni tal-proposta tal-Kummissjoni huwa li tiżdied it-trasparenza dwar il-metodoloġiji, l-objettivi, il-karatteristiċi u s-sorsi tad-data tal-klassifikazzjonijiet ESG. Barra minn hekk, għandha l-għan li żżid iċ-ċarezza dwar l-operazzjonijiet tal-fornituri tal-klassifikazzjoni ESG, b’mod partikolari biex tipprevjeni u timmitiga r-riskji potenzjali assoċjati mal-kunflitti ta’ interess. Ekosistema ta’ klassifikazzjoni ESG aktar trasparenti twassal għal identifikazzjoni aktar ċara tat-tliet dimensjonijiet tas-sostenibbiltà 35 .

    Fuq il-bażi tas-sett ta’ rakkomandazzjonijiet għall-fornituri u r-regolaturi tal-klassifikazzjoni ESG ippubblikati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (International Organization of Securities Commissions, IOSCO) f’Novembru 2021, il-proposta tipprevedi l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-fornituri tal-klassifikazzjoni ESG mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (European Securities and Markets Authority, ESMA). Barra minn hekk, jipprovdi rekwiżiti dwar id-divulgazzjonijiet madwar il-metodoloġiji u l-objettivi tal-klassifikazzjonijiet tagħhom, u jintroduċi rekwiżiti organizzazzjonali bbażati fuq il-prinċipji dwar l-attivitajiet tagħhom. Minħabba l-istruttura u l-kumplessità tas-suq tal-klassifikazzjonijiet ESG, li jinkludi ħafna fornituri iżgħar tal-klassifikazzjoni ESG, l-inizjattiva tinkorpora għadd ta’ salvagwardji u miżuri ta’ mitigazzjoni għal dawk l-atturi iżgħar tas-suq. L-objettiv huwa li titrawwem l-aċċessibbiltà u tiġi promossa l-innovazzjoni fis-suq, b’mod partikolari matul il-fażi inizjali tal-applikazzjoni tar-Regolament.

    Dawn l-aħħar snin ġabu wkoll bidliet u titjib relatati mad-divulgazzjoni u l-inkorporazzjoni tal-fatturi ESG fil-klassifikazzjonijiet tal-kreditu. Xi aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu qed jagħmlu żvelar ogħla minn dak li huwa meħtieġ mir-Regolament 1060/2009 dwar l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu 36 u mil-Linji Gwida tal-ESMA. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni qed tfittex parir mill-ESMA dwar ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u l-prospetti ta’ klassifikazzjoni, kif ukoll dwar ir-regoli għall-valutazzjoni tal-konformità tal-metodoloġiji użati mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Dan għandu l-għan li jindirizza n-nuqqasijiet relatati ma’: (i) kif il-fatturi ESG huma inkorporati fil-metodoloġiji; u (ii) divulgazzjonijiet ta’ kif il-fatturi ESG iħallu impatt fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu 37 .

    Standards Ewropej li ġejjin għar-rappurtar dwar is-sostenibbiltà

    Is-sostenibbiltà hija fattur importanti fil-kompetittività tal-kumpaniji fit-tul, u s-sostenibbiltà u l-kompetittività jistgħu jimxu id f’id. Id-divulgazzjonijiet dwar is-sostenibbiltà huma sors kritiku ta’ informazzjoni għall-istituzzjonijiet finanzjarji biex jgħinuhom jidderieġu l-kapital lejn investimenti fi tranżizzjoni u joħolqu prodotti finanzjarji b’objettivi ta’ sostenibbiltà. Is-CSRD huwa pass importanti fl-għoti ta’ trasparenza dwar ir-riskji, l-impatti u l-opportunitajiet għas-sostenibbiltà għall-impriżi. Hija wkoll il-bażi għall-kumpaniji biex jipprovdu informazzjoni affidabbli, preċiża u komparabbli dwar is-sostenibbiltà ta’ kwalità għolja lill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u lil partijiet ikkonċernati oħra.

    L-istandardizzazzjoni tal-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà li għandha tiġi rrapportata mill-kumpaniji hija element ewlieni tal-qafas legali u dalwaqt se tkun possibbli bl-istandards Ewropej tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà (European sustainability reporting standards, ESRS) li jmiss. Il-Kummissjoni bħalissa qed tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati dwar il-verżjoni finali tal-ewwel sett ta’ ESRS abbażi ta’ abbozz ta’ standards imħejji mill-EFRAG L-istandards se jipprovdu l-gwida li l-kumpaniji jeħtieġu meta jiddeterminaw liema data għandhom jirrapportaw u kif jiżguraw li l-informazzjoni li jipprovdu tkun materjali għalihom u utli għall-istituzzjonijiet finanzjarji. Il-Kummissjoni u l-EFRAG ilhom jaħdmu mill-qrib mal-Bord tal-Istandards Internazzjonali tas-Sostenibbiltà (International Sustainability Standards Board, ISSB) u mal-Inizjattiva Globali ta’ Rappurtar (Global Reporting Initiative, GRI) biex jiżguraw livell għoli ħafna ta’ interoperabbiltà bejn is-settijiet differenti ta’ standards. Hija l-intenzjoni aħħarija tal-Kummissjoni li meta kumpanija tirrapporta informazzjoni dwar is-sostenibbiltà f’konformità mal-ESRS, dawn jitqiesu konformi mal-istandards globali.

    Ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà huwa mistenni li jsaħħaħ l-aċċess tal-impriżi għall-kapital finanzjarju u l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji u l-opportunitajiet proprji, filwaqt li jgħin biex jiżdied il-vantaġġ kompetittiv billi jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni. Il-Kummissjoni għamlet sforzi biex tiżgura li l-att delegat tal-ESRS jilħaq l-objettivi ta’ politika maħsuba b’mod proporzjonat, filwaqt li jimminimizza kemm jista’ jkun il-piżijiet regolatorji. Il-Kummissjoni qieset l-approċċ għall-materjalità, fażijiet addizzjonali, li jagħmlu xi divulgazzjonijiet volontarji u flessibbiltajiet addizzjonali f’xi rekwiżiti ta’ divulgazzjoni, u interoperabbiltà ulterjuri mal-ISSB, u se tivvaluta bir-reqqa l-kummenti li rċeviet fil-konsultazzjoni pubblika qabel ma tiffinalizza l-att delegat. Standards uniformi se jgħinu wkoll biex jillimitaw l-ispejjeż dejjem jikbru li jiffaċċjaw il-kumpaniji milli jkollhom jissodisfaw id-diversi talbiet individwali għal informazzjoni minn partijiet ikkonċernati differenti.

    Barra minn hekk, se jiġu żviluppati standards separati għall-SMEs elenkati li huma proporzjonati u rilevanti għall-kapaċitajiet u l-karatteristiċi tal-SMEs u għall-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom. L-istandards se jiffukaw fuq l-informazzjoni rilevanti għall-finanzjament meħtieġa mill-istituzzjonijiet finanzjarji 38 u se jikkostitwixxu wkoll limitu għall-informazzjoni li l-ESRS jista’ jirrikjedi li impriżi kbar jiddivulgaw mill-SMEs fil-ktajjen tal-valur tagħhom. Din hija salvagwardja importanti speċifikata fis-CSRD biex jiġu limitati l-effetti indiretti fuq l-SMEs tar-rekwiżiti ta’ rapportar tal-katina tal-valur imposti fuq impriżi kbar. Il-SMEs mhux elenkati, li mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, jistgħu madankollu jiffaċċjaw aktar talbiet għal informazzjoni minn kumpaniji akbar fil-ktajjen tal-valur tagħhom u minn istituzzjonijiet finanzjarji. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-isfida li l-SMEs mhux elenkati jistgħu jiffaċċjaw f’dan ir-rigward minħabba d-daqs tagħhom u r-riżorsi aktar limitati. Għalhekk, il-Kummissjoni tħeġġeġ lil korporattivi kbar u intermedjarji finanzjarji biex japplikaw il-prinċipju tal-proporzjonalità meta jinvolvu ruħhom mal-SMEs u biex jeżerċitaw trażżin meta jitolbu informazzjoni mis-sħab fil-katina tal-valur tal-SMEs.

    Barra minn hekk, il-SMEs jistgħu jkunu jridu jirrapportaw informazzjoni ewlenija dwar is-sostenibbiltà biex jiġbru finanzjament sostenibbli jew ta’ tranżizzjoni. Għal dak il-għan, waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni hija li l-EFRAG jiżviluppa standard volontarju għall-SMEs mhux elenkati, li jistgħu jużawh biex jistandardizzaw l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà li jixtiequ jirrapportaw, u li jista’ jagħmilha aktar faċli għalihom biex jipparteċipaw fit-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli.

    Konklużjoni

    L-evidenza bikrija turi li l-aġenda tal-UE għall-finanzi sostenibbli qed taħdem fil-prattika u li l-għodod ta’ finanzjament sostenibbli qed jibdew jiffaċilitaw l-investimenti fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u sostenibbli. Il-qafas ta’ finanzjament sostenibbli tal-UE se jkompli jiġi żviluppat u rfinat biex tiġi żgurata l-effettività tiegħu fil-kisba tal-għanijiet maħsuba tiegħu u fl-appoġġ tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

    Il-Kummissjoni hija impenjata għal kooperazzjoni b’saħħitha fil-livell internazzjonali. L-iżvilupp ta’ oqfsa ta’ finanzjament sostenibbli flimkien ma’ sħab u ġurisdizzjonijiet internazzjonali oħra kemm jista’ jkun se jgħin biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà internazzjonali, jippermetti lill-UE tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tal-finanzjament internazzjonali għat-tranżizzjoni, u jevita l-kumplessità, is-swieq frammentati u l-kostijiet żejda għan-negozji.

    Il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi gwida prattika lill-parteċipanti fis-suq, biex tappoġġa l-applikazzjoni tar-regoli eżistenti b’mod ċar u effettiv. Se tkompli wkoll tivvaluta l-lakuni u t-tħassib dwar l-użu u l-inċertezzi u kif għandhom jiġu indirizzati. Se ssir enfasi speċifika fuq il-valutazzjoni ta’ kif il-qafas ta’ finanzjament sostenibbli jista’ jsir aktar utilizzabbli u inklużiv għall-SMEs mingħajr ma jintefa’ piż żejjed fuq dawn id-ditti. Prijorità oħra se tkun li titkompla l-ħidma fuq l-iffaċilitar tal-finanzjament ta’ tranżizzjoni, inkluż billi jiġi esplorat kif it-tassonomija tista’ tiġi integrata aħjar fil-qafas b’mod sempliċi u faċli għall-utent. Il-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli u l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej se jipprovdu kontribut ewlieni f’dan il-kuntest. Se jsir sett ta’ attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni għall-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati għal dawn il-finijiet.

    Din il-ħidma se tinvolvi wkoll kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab internazzjonali permezz tal-Pjattaforma Internazzjonali dwar il-Finanzi Sostenibbli u fil-G20 kif ukoll mal-Banek Multilaterali tal-Iżvilupp u l-Istituzzjonijiet ta’ Finanzjament għall-Iżvilupp tal-UE, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (Neighbourhood, Development and International Cooperation Instrument, NDICI – Global Europe) u l-Global Gateway. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem fuq kif tista’ tgħin lill-pajjiżi sħab, b’mod partikolari l-Pajjiżi bi Dħul Baxx u Medju, biex jiżviluppaw oqfsa ta’ finanzjament sostenibbli robusti u kredibbli bl-għan li jittejbu l-komparabbiltà u l-interoperabbiltà globali.

    Il-passi li jmiss deskritti hawn fuq se jissolidifikaw aktar l-applikazzjoni prattika tal-qafas ta’ finanzjament sostenibbli mill-kumpaniji, l-intermedjarji finanzjarji u l-investituri, u b’hekk jippermettu ż-żieda tal-investiment imdaqqas meħtieġ biex titkompla t-tranżizzjoni ekoloġika u titwitta t-triq lejn ekonomija newtrali għall-klima u sostenibbli sal-2050.

    (1)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, COM(2019) 640.

    (2)

     Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ investiment u d-disponibbiltajiet ta’ finanzjament biex tissaħħaħ il-kapaċità ta’ manifattura ta’ teknoloġija b’emmissjonijiet Żero Netti tal-UE, SWD(2023) 68 final.

    (3)

     Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, L-ekonomija tal-UE wara l-COVID-19: implikazzjonijiet għall-governanza ekonomika, COM(2021) 662 final.

    (4)

     Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088

    (5)

    Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji, ĠU L 317, 9.12.2019.

    (6)

    Ir-Regolament (UE) 2019/2089 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward ta’ Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE, ta’ Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi u ta’ divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà għall-parametri referenzjarji, ĠU L 317, 9.12.2019.

    (7)

     Il-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bonds ekoloġiċi Ewropej, COM/2021/391 final. Ftehim politiku milħuq mill-koleġiżlaturi fit-28 ta’ Frar 2023.

    (8)

    Id-Direttiva (UE) 2022/2464 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li temenda r-Regolament (UE) Nru 537/2014, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u d-Direttiva 2013/34/UE, fir-rigward tar-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà, ĠU L 322, 16.12.2022.

    (9)

     Id-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni li temenda d-Direttiva 2010/43/UE fir-rigward tar-riskji għas-sostenibbiltà u l-fatturi ta’ sostenibbiltà li għandhom jitqiesu għall-Impriżi ta’ Investiment Kollettiv f’Titoli Trasferibbli (Undertakings for Collective Investment in Transferable Securities, UCITS); ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 231/2013 fir-rigward tar-riskji għas-sostenibbiltà u l-fatturi ta’ sostenibbiltà li għandhom jitqiesu minn Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi; ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolamenti Delegati (UE) 2017/2358 u (UE) 2017/2359 fir-rigward tal-integrazzjoni tal-fatturi ta’ sostenibbiltà, tar-riskji għas-sostenibbiltà u tal-preferenzi ta’ sostenibbiltà fir-rekwiżiti ta’ sorveljanza u ta’ governanza tal-prodotti għall-impriżi tal-assigurazzjoni u għad-distributuri tal-assigurazzjoni u fir-regoli tal-kondotta tal-operazzjonijiet u l-konsulenza dwar l-investiment għall-prodotti ta’ investiment fl-assigurazzjoni; id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni li temenda d-Direttiva Delegata (UE) 2017/593 fir-rigward tal-integrazzjoni tal-fatturi ta’ sostenibbiltà fl-obbligi ta’ governanza tal-prodotti; ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/35 fir-rigward tal-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà fil-governanza tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni; ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/565 rigward l-integrazzjoni tal-fatturi, tar-riskji u tal-preferenzi ta’ sostenibbiltà f’ċerti rekwiżiti organizzazzjonali u kundizzjonijiet għall-operat għal ditti tal-investiment;

    (10)

     Il-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tar-rekwiżiti għar-riskju tal-kreditu, ir-riskju tal-aġġustament tal-valutazzjoni tal-kreditu, ir-riskju operazzjonali, ir-riskju tas-suq u l-minimu tal-output (COM/2021/664 final) u l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/36/UE fir-rigward tas-setgħat superviżorji, is-sanzjonijiet, il-fergħat ta’ pajjiżi terzi, u r-riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza, u li temenda d-Direttiva 2014/59/UE (COM/2021/663 final).

    (11)

     Il-Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/138/KE fir-rigward tal-proporzjonalità, il-kwalità tas-superviżjoni, ir-rappurtar, il-miżuri ta’ garanzija fit-tul, l-għodod makroprudenzjali, ir-riskji għas-sostenibbiltà, is-superviżjoni tal-gruppi u s-superviżjoni transfruntiera (COM/2021/581 final).

    (12)

     Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/3851 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet li taħthom, attività ekonomika tikkwalifika li tikkontribwixxi sostanzjalment għall-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma u tal-baħar u l-protezzjoni tagħhom, għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, għall-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis, jew għall-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u tal-ekosistemi u għad-determinazzjoni ta’ jekk dik l-attività ekonomika tikkawżax ħsara sinifikanti għal kwalunkwe wieħed mill-objettivi ambjentali l-oħrajn u li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/2178 fir-rigward ta’ divulgazzjonijiet pubbliċi speċifiċi għal dawk l-attivitajiet ekonomiċi; Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/3850 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/2139 li jistabbilixxi kriterji tekniċi addizzjonali ta’ skrinjar biex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li taħthom ċerti attivitajiet ekonomiċi jikkwalifikaw bħala li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew għall-adattament għat-tibdil fil-klima u biex jiġi ddeterminat jekk dawk l-attivitajiet jikkawżawx ħsara sinifikanti lil xi wieħed mill-objettivi ambjentali l-oħra;

    (13)

    Is-sitt objettivi ambjentali taħt it-Tassonomija tal-UE huma: (i) il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; (ii) l-adattament għat-tibdil fil-klima; (iii) il-protezzjoni sostenibbli u r-restawr tar-riżorsi tal-ilma u tal-baħar; (iv) it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari; (v) il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis; u (vi) l-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi.

    (14)

     Il-Proposta għal regolament dwar it-trasparenza u l-integrità tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (ESG), (COM(2023) 314 final).

    (15)

     Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-iffaċilitar tal-finanzi għat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli (C(2023) 3844).

    (16)

     Id-Dokument ta’ ħidma tal-persunal dwar “It-titjib tal-użabbiltà tal-użu tat-Tassonomija tal-UE u l-qafas ġenerali tal-finanzi sostenibbli tal-UE” (SWD(2023) 209), li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar qafas ta’ finanzjament sostenibbli li jaħdem fil-prattika (COM(2023) 317).

    (17)

     Il-pedamenti għal qafas ta’ finanzjament sostenibbli tal-UE huma deskritti fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli (COM/2018/097 final) u fl-Istrateġija għall-Finanzjament tat-Tranżizzjoni lejn Ekonomija Sostenibbli (COM/2021/390 final).

    (18)

     Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi punt ta’ aċċess uniku Ewropew li jipprovdi aċċess ċentralizzat għal informazzjoni disponibbli għall-pubbliku ta’ rilevanza għas-servizzi finanzjarji, għas-swieq kapitali u għas-sostenibbiltà (COM/2021/723 final). Ftehim politiku milħuq mill-koleġiżlaturi fit-23 ta’ Mejju 2023.

    (19)

     Mis-17 ta’ Mejju 2023, 63 % tal-impriżi STOXX Europe 600 diġà ddivulgaw l-eliġibbiltà u l-allinjament tat-tassonomija tagħhom għas-sena finanzjarja 2022; sors: Bloomberg.

    (20)

    Kważi tnejn minn kull tliet kumpaniji li ddivulgaw nefqa kapitali eliġibbli għat-tassonomija rrappurtaw ċifra ta’ allinjament mhux żero u waħda minn kull żewġ kumpaniji li ddivulgaw dħul eliġibbli rrappurtaw livell mhux żero ta’ dħul allinjat; Sors: Bloomberg.

    (21)

     L-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku skont ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku,(ĠU L 57, 18.2.2021).

    (22)

     L-avviż tal-Kummissjoni C(2023) 3719 dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet legali tar-Regolament dwar it-Tassonomija tal-UE u r-rabta tiegħu mar-Regolament dwar id-Divulgazzjoni tal-Finanzi Sostenibbli (SFDR) jiċċara li l-investimenti f’ekonomija “ambjentalment sostenibbli” allinjata mat-tassonomija jistgħu jiġu kkwalifikati awtomatikament bħala “investimenti sostenibbli” skont l-SFDR.

    (23)

     Fil-5 ta’ April 2023, il-Kummissjoni adottat sett ta’ mistoqsijiet u tweġibiet biex tiċċara li l-SFDR iqis li l-prodotti li jsegwu b’mod passiv il-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika u l-Parametri Referenzjarji allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi għandhom “investimenti sostenibbli”, kif definiti fl-SFDR, bħala l-objettiv tagħhom.

    (24)

     L-attivitajiet tranżizzjonali huma definiti fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija bħala attività li għaliha ma hemm l-ebda alternattiva teknoloġikament u ekonomikament fattibbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fejn tappoġġa t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima konsistenti ma’ perkors biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5 C ogħla mil-livelli preindustrijali, inkluż bl-eliminazzjoni gradwali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, b’mod partikolari l-emissjonijiet minn fjuwils fossili solidi, u fejn dik l-attività: ikollha livelli ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jikkorrispondu għall-aħjar prestazzjoni fis-settur jew fl-industrija; ma tfixkilx l-iżvilupp u l-użu ta’ alternattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju; u ma twassalx għal intrappolament ta’ assi b’livell għoli ta’ karbonju, meta titqies il-ħajja ekonomika ta’ dawk l-assi. 

    (25)

    It-Tassonomija tkopri sitt objettivi ambjentali: il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; l-adattament għat-tibdil fil-klima; l-użu sostenibbli u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma u tal-baħar; it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari; il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis; il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi.

    (26)

     Ara n-nota 24 f’qiegħ il-paġna.

    (27)

     Data bbażata fuq ir-rapportar tal-allinjament mat-tassonomija ta’ 455 kumpanija sas-16 ta’ Mejju 2023; sors: GS SUSTAIN Goldman Sachs Global Investment Research.

    (28)

    Sors: Portal Globali dwar l-Azzjoni Klimatika, Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima.

    (29)

    Fuq il-bażi tal-kodiċijiet NACE Rev. 2 inklużi fl-Att Delegat dwar it-Tassonomija fir-rigward tal-Klima u d-data mill-Eurostat 2021, https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/env_ac_ainah_r2/default/table?lang=en.

    (30)

    L-att delegat jagħmel ukoll emendi mmirati u korrezzjonijiet klerikali għal kriterji klimatiċi eżistenti magħżula.

    (31)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti, COM(2023) 62 final.

    (32)

    Ara https://finance.ec.europa.eu/system/files/2022-03/220330-sustainable-finance-platform-finance-report-remaining-environmental-objectives-taxonomy-annex_en.pdf and https://finance.ec.europa.eu/system/files/2022-11/221128-sustainable-finance-platform-technical-working-group_en.pdf. Ir-rapporti tal-Pjattaforma jinfurmaw il-ħidma tal-Kummissjoni, iżda huma ta’ natura konsultattiva. Dawn ma jorbtux lill-Kummissjoni dwar l-inklużjoni ta’ setturi u attivitajiet speċifiċi fit-Tassonomija tal-UE.

    (33)

    Il-partijiet ikkonċernati se jkollhom ukoll l-opportunità li jinnotifikaw lill-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli dwar l-attivitajiet li jemmnu li għandhom ikunu koperti fit-Tassonomija tal-UE.

    (34)

    Il-proposta ma tkoprix il-fornituri tad-data ESG. L-evidenza għal intervent regolatorju f’dan il-qasam kienet inqas konvinċenti u għadd ta’ inizjattivi oħra, bħas-CSRD jew il-Punt ta’ Aċċess Uniku Ewropew (European Single Access Point, ESAP), jenħtieġ li jikkontribwixxu għat-titjib tal-kwalità u d-disponibbiltà tad-data dwar is-sostenibbiltà. Din l-inizjattiva ma tkoprix ukoll klassifikazzjonijiet interni żviluppati minn istituzzjonijiet finanzjarji bħal banek jew maniġers tal-assi billi jintużaw għal deċiżjonijiet ta’ investiment li jikkonċernaw il-prodotti tagħhom stess, jirriskjaw inqas kunflitti ta’ interess potenzjali u ma għandhomx l-istess skop bħall-klassifikazzjonijiet ESG, li huma kkummerċjalizzati f’investituri istituzzjonali u kumpaniji.

    (35)

    Il-Kummissjoni qed tagħmel studju biex tivvaluta s-sitwazzjoni attwali tad-dimensjoni soċjali tal-ESG li tinvesti fl-UE, li jiffoka fuq id-diskrepanzi fl-investiment, l-isfidi li jiffaċċjaw il-parteċipanti fis-suq u l-prattiki tas-suq. L-istudju se jesplora modi biex jissaħħaħ il-qafas ta’ investiment soċjali fis-swieq kapitali, filwaqt li jidentifika l-ostakli u l-għażliet ta’ politika possibbli għal azzjoni futura.

    (36)

     Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1).

    (37)

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 447/2012 tal-21 ta’ Marzu 2012 li jieħu post ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu.

    (38)

    F’dan ir-rigward, l-obbligu li tiġi rrapportata informazzjoni dwar is-sostenibbiltà għall-SMEs elenkati jibda japplika biss mis-sena finanzjarja 2026 ’il quddiem. Id-Direttiva tipprovdi esklużjoni fakultattiva ta’ sentejn oħra, li jfisser li l-SMEs elenkati ma għandhomx għalfejn jirrapportaw informazzjoni dwar is-sostenibbiltà sas-sena finanzjarja 2028.

    Top