Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0134

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-Unjoni Ewropea għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, u l-iskemi tal-kwalità għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2017/1001 u (UE) 2019/787 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012

    COM/2022/134 final

    Brussell, 31.3.2022

    COM(2022) 134 final

    2022/0089(COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-Unjoni Ewropea għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, u l-iskemi tal-kwalità għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2017/1001 u (UE) 2019/787 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    L-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (IĠ) jidentifikaw prodotti li jkollhom kwalitajiet, karatteristiċi jew reputazzjoni minħabba fatturi naturali u umani marbuta mal-post tal-oriġini tagħhom. Dawn huma dritt ta’ proprjetà intellettwali (DPI) imfassal biex jippromwovi kompetizzjoni ġusta fost il-produtturi billi jipprevjeni l-użu b’mala fide ta’ isem u prattiki frodulenti u qarrieqa. L-IĠ jiggarantixxu l-awtentiċità lill-konsumaturi u jiddistingwu prodott fis-suq li jiżgura bejgħ u esportazzjonijiet ta’ valur ogħla. L-IĠ ilhom jiġu rikonoxxuti internazzjonalment mill-1883 1 , u ġew protetti fi stadji mill-Unjoni mis-snin 70 (inbid) sal-1992 (prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel), inkluż l-ikkompletar tar-reġistri 2 fl-2020. Illum, ir-reġistru tal-UE tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi fih kważi 3 500 isem ta’ nbejjed, xorb spirituż, prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel.

    Is-sistema tal-Unjoni tal-IĠ hija soda, madankollu, l-evalwazzjoni tal-politika kif ukoll il-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt urew lok għal titjib, b’mod partikolari bil-ħsieb li tissaħħaħ is-sistema tal-IĠ, bħala element ewlieni għall-provvista ta’ ikel ta’ kwalità għolja u għall-protezzjoni tal-wirt kulturali, gastronomiku u lokali madwar l-Unjoni. Dan jikkonċerna prinċipalment:

    Kif l-aħjar jingħata effett lid-dritt fundamentali tal-produtturi li d-DPI fl-IĠ tagħhom jiġu protetti. Il-produtturi li għandhom l-assi intanġibbli ta’ IĠ għandhom id-dritt li din tiġi protetta u l-Unjoni tipprova tagħmel dan bl-aktar mod effiċjenti u effettiv possibbli, anke fi żmien fejn l-internet jintuża dejjem iktar;

    Kif jiġi evitat l-isfruttament b’mala fide ta’ ismijiet ta’ prodotti minn operaturi li ma għandhom l-ebda dritt jew assoċjazzjoni mal-prodott awtentiku. L-infurzar, b’mod partikolari fuq l-internet, u l-verifika tal-konformità jeħtieġ li jiġu rieżaminati wkoll;

    Kif tiżdied il-produzzjoni sostenibbli ta’ prodotti b’IĠ. Bħala strument li jivvalorizza l-prodotti intrinsikament marbuta mal-fatturi naturali u mal-għarfien espert tal-produtturi f’żona lokali, l-IĠ ma jintużawx biżżejjed għal dan il-għan;

    Kif il-konsumaturi jistgħu jiġu infurmati aħjar dwar il-prodotti awtentiċi biex tiġi indirizzata l-informazzjoni asimetrika. Ir-rikonoxximent mill-konsumatur tas-simboli ddedikati tal-Unjoni huwa baxx ħafna, u dan jindika diffikultà fil-komunikazzjoni;

    Kif jiġi żgurat li l-produtturi jirċievu redditu ġust għall-prodott tagħhom bil-kwalitajiet tiegħu marbuta mal-produzzjoni tiegħu, u jistgħu jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fil-katina tal-provvista alimentari.

    L-iskema tal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti (STG) ma pprovdietx il-benefiċċji mistennija lill-produtturi u lill-konsumaturi wara 30 snin ta’ eżistenza. Jenħtieġ li l-iskema tal-STG tiġi ssimplifikata u ċċarata sabiex jiġu identifikati u promossi aħjar il-prodotti agrikoli tradizzjonali fl-Unjoni.

    Il-proposta tikkontribwixxi għall-objettivi segwiti mill-Politika Agrikola Komuni (PAK), b’mod partikolari biex ittejjeb ir-rispons tal-agrikoltura tal-Unjoni għad-domandi tas-soċjetà fuq l-eżiti tas-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali tal-produzzjoni agrikola. Din se ssaħħaħ is-sistema attwali tal-IĠ bħala DPI. Il-proposta se żżid l-eżiti ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta’ prodotti b’IĠ, tagħti lill-produtturi aktar setgħat u responsabbiltajiet, tnaqqas forom ġodda ta’ ksur (internet), ittejjeb l-effettività tal-infurzar u tal-kontrolli li jiggarantixxu l-awtentiċità tal-prodotti, tindirizza lakuni leġiżlattivi, u tagħmel il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni aktar effiċjenti. Minbarra l-IĠ, il-proposta tindirizza wkoll ir-regoli għall-STG, b’mod partikolari fil-kjarifika tad-definizzjoni tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-proposta ma tagħmilx bidliet fir-regoli għat-termini tal-kwalità fakultattivi; dawn ġew introdotti biss fl-2012 u l-potenzjal tagħhom jeħtieġ li l-ewwel jiġi esplorat bis-sħiħ mill-Istati Membri. Fl-aħħar nett, il-proposta ma tindirizzax IĠ mhux agrikoli; l-intenzjoni tal-Kummissjoni hija li tipproponi att leġiżlattiv separat għalihom.

    L-għan ġenerali tar-reviżjoni tal-IĠ huwa li jiġi ffaċilitat l-użu tal-IĠ madwar l-Unjoni, bħala strumenti tal-PI aċċessibbli għall-bdiewa u l-produtturi kollha tal-prodotti, marbuta b’karatteristiċi jew reputazzjoni, u mal-post tal-produzzjoni tagħhom. Mhumiex qed jiġu proposti bidliet fl-istruttura fundamentali tas-sistemi tal-IĠ, u b’hekk qed jinżamm ir-rwol tal-Istati Membri fil-proċedura għall-applikazzjonijiet relatati mal-IĠ u mal-STG; il-livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; speċifiċitajiet għall-IĠ fis-setturi tal-inbid u x-xorb spirituż; u l-infurzar nazzjonali fil-qafas kemm tar-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali kif ukoll tal-għodod tal-PI.

    Għalkemm il-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli ta’ kwalità hija saħħa tal-agrikoltura Ewropea, hemm żbilanċi ġeografiċi fir-rigward tal-għadd ta’ IĠ irreġistrati madwar l-Unjoni. Dawn jirriflettu “punti ta’ tluq” u esperjenzi differenti fil-preservazzjoni tal-wirt gastronomiku u kulturali tal-Istati Membri. Ir-reviżjoni tal-IĠ għandha tħeġġeġ l-użu tal-IĠ b’mod partikolari f’dawk l-Istati Membri fejn l-IĠ mhumiex sfruttati biżżejjed. L-IĠ jippremjaw lill-produtturi għall-isforzi tagħhom biex jipproduċu firxa varjata ta’ prodotti ta’ kwalità, li min-naħa tagħhom jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-ekonomija rurali. Dan huwa l-każ b’mod partikulari f’żoni żvantaġġati, fir-reġjuni muntanjużi u f’reġjuni remoti, fejn is-settur tal-biedja jifforma parti sinifikanti mill-ekonomija u il-kostijiet tal-produzzjoni u d-diffikultajiet huma kbar. Objettiv ieħor huwa wkoll li jikber l-għadd ta’ IĠ rreġistrati għall-medja tal-Unjoni f’kull Stat Membru b’użu aktar baxx.

    Għalhekk, il-proposta tindirizza l-objettivi ġenerali li ġejjin:

    1.l-iżgurar ta’ protezzjoni effettiva tad-DPI fl-Unjoni, inklużi proċessi effiċjenti ta’ reġistrazzjoni, biex il-produtturi jiġu ppremjati b’mod ġust għall-isforzi tagħhom;

    2.iż-żieda fl-użu tal-IĠ madwar l-Unjoni għall-benefiċċju tal-ekonomija rurali.

    Dawn iż-żewġ objettivi ġenerali huma dettaljati f’sitt objettivi speċifiċi:

    1.jissaħħaħ l-infurzar tar-regoli dwar l-IĠ biex jipproteġu aħjar id-DPI u jipproteġu aħjar l-IĠ fuq l-internet, inkluż kontra reġistrazzjonijiet b’mala fide u prattiki frodulenti u qarrieqa, u użi fis-sistema tal-ismijiet ta’ dominju, u tiġi miġġielda l-falsifikazzjoni;

    2.jiġi ssimplifikat u kkjarifikat il-qafas legali biex jiġu ssimplifikati u armonizzati l-proċeduri għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ ismijiet ġodda u għal emendi fl-Ispeċifikazzjonijiet tal-Prodott;

    3.jingħata kontribut sabiex is-sistema tal-ikel tal-Unjoni ssir aktar sostenibbli bl-integrazzjoni ta’ kriterji speċifiċi ta’ sostenibbiltà;

    4.tingħata s-setgħa lill-produtturi u lill-gruppi ta’ produtturi biex jimmaniġġjaw aħjar l-assi tal-IĠ tagħhom u jiġi mħeġġeġ l-iżvilupp ta’ strutturi u sħubijiet fil-katina tal-provvista alimentari;

    5.tiżdied il-perċezzjoni korretta tas-suq u tal-għarfien tal-konsumatur dwar il-politika dwar l-IĠ u s-simboli tal-Unjoni biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati ta’ xiri;

    6.tiġi salvagwardata l-protezzjoni tal-ismijiet tradizzjonali tal-ikel biex jiġu vvalorizzati u ppreservati aħjar il-prodotti u l-metodi ta’ produzzjoni tradizzjonali.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika

    Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni pprevediet il-protezzjoni tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi fir-rigward tal-inbid mill-bidu tas-snin 70, ix-xorb spirituż mill-1989 u l-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel mill-1992. Din tippermetti r-reġistrazzjoni ta’ ismijiet ta’ prodotti ta’ valur prodotti skont l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott f’żona ġeografika partikolari minn produtturi b’għarfien rikonoxxut. Il-proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-IĠ. L-għan tagħha huwa li ttejjeb id-dispożizzjonijiet eżistenti u li tipprevedi sett simplifikat ta’ regoli filwaqt li ssaħħaħ ċerti elementi ta’ protezzjoni tal-IĠ, b’mod partikolari billi tagħti s-setgħa lill-gruppi tal-produtturi u żżid il-livell ta’ protezzjoni fuq l-internet. Din tinkoraġġixxi lill-gruppi ta’ produtturi tal-IĠ biex jinkludu fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott rekwiżiti b’eżiti ta’ sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali ogħla fuq bażi volontarja. Sabiex ittejjeb il-kwalità tar-reġistrazzjonijiet u t-trattament tal-applikazzjonijiet, hija tipprovdi setgħat lill-Kummissjoni biex tuża l-assistenza teknika ta’ aġenzija biex teżamina l-applikazzjonijiet filwaqt li tħalli r-reġistrazzjoni tal-IĠ u r-responsabbiltà ġenerali għall-politika dwar l-IĠ f’idejn il-Kummissjoni.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Il-proposta hija konsistenti mal-qafas legali ġenerali stabbilit għall-PAK. Il-proposta tikkomplementa miżuri oħra mmirati biex jiżguraw il-kwalità u d-diversità tal-produzzjoni agrikola, tal-inbid u tax-xorb spirituż tal-Unjoni, billi tippremja lill-produtturi b’mod ġust għall-isforz tagħhom, filwaqt li tipproteġi d-drittijiet fundamentali tal-produtturi fil-qasam tal-proprjetà, u tinforma liċ-ċittadini u l-konsumaturi dwar il-karatteristiċi speċifiċi identifikabbli tal-prodotti tas-setturi msemmija hawn fuq, b’mod partikolari dawk marbuta mal-oriġini ġeografika tagħhom.

    Il-Kummissjoni impenjat ruħha fl-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt 3 li tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn sistema tal-ikel sostenibbli biex issaħħaħ il-qafas leġiżlattiv tal-IĠ u, fejn xieraq, li tinkludi kriterji speċifiċi ta’ sostenibbiltà. L-IĠ jissemmew ukoll b’rabta ma’ regoli mtejba għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bdiewa u tal-gruppi ta’ produtturi fil-katina tal-valur. Il-Pjan ta’ Azzjoni mill-Għalqa sal-Platt iħabbar inizjattivi oħra li jaffettwaw il-prodotti tal-IĠ, b’mod partikolari proposta għal qafas leġiżlattiv għal sistemi tal-ikel sostenibbli, li għandha tiġi ppreżentata fl-2023. Din l-inizjattiva dwar l-IĠ ġiet inkluża fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2021 4 taħt inizjattivi REFIT 5 , marbuta mal-Patt Ekoloġiku Ewropew 6 .

    Fir-rigward tal-objettiv tan-newtralità klimatika u l-miri klimatiċi tal-Unjoni għall-2030 u l-2040, din il-proposta mhijiex se taffettwa l-klima b’mod negattiv.

    Barra minn hekk, fil-Komunikazzjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni għall-Proprjetà Intellettwali 7 , il-Kummissjoni ħabbret li se ssaħħaħ is-sistema ta’ protezzjoni tal-IĠ biex tagħmilha aktar effettiva, inkluż biex tiġġieled il-ksur tad-DPI.

    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt 8 laqgħu integrazzjoni aħjar tal-iżvilupp sostenibbli fil-politika Ewropea dwar il-kwalità, u stiednu lill-Kummissjoni biex tafferma mill-ġdid ir-rilevanza u l-importanza tal-iskemi ta’ kwalità Ewropej u ssaħħaħ il-qafas leġislattiv dwar l-IĠ.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-proposta taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-PAK (l-Artikolu 43 tat-TFUE 9 ) u tad-DPI (l-Artikolu 118 tat-TFUE).

    Fir-rigward tal-PAK, ir-rekwiżiti u r-regoli għat-tqegħid ta’ prodotti agrikoli, oġġetti tal-ikel, inbejjed, prodotti tal-inbid aromatizzat u xorb spirituż fis-suq intern u l-iżgurar tal-integrità tas-suq intern huma kwistjonijiet essenzjalment ta’ kompetenza tal-Unjoni.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Permezz tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ir-Regolament (UE) 2019/787 u r-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-Unjoni stabbiliet sistema eżawrjenti għall-protezzjoni tal-ismijiet ta’ prodotti speċifiċi biex tippromwovi l-karatteristiċi uniċi tagħhom, marbuta mal-oriġini ġeografika tagħhom kif ukoll mal-għarfien tradizzjonali fil-qasam tal-prodotti agrikoli, tal-inbid u tax-xorb spirituż.  Għalhekk, l-Istati Membri ma jistgħux jaġixxu individwalment biex jilħqu dan l-objettiv ta’ politika. It-tisħiħ tas-sistema attwali tal-IĠ jista’ jinkiseb biss b’azzjoni fil-livell tal-Unjoni, jiġifieri b’reviżjoni ta’ dawn ir-Regolamenti.

    Proporzjonalità

    Il-proposta tinkludi bidliet limitati u mmirati fil-qafas leġiżlattiv attwali għall-IĠ li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv tat-tisħiħ tas-sistema tal-IĠ. Hija żżomm fis-seħħ l-ispeċifiċitajiet tas-setturi filwaqt li tarmonizza dawk ir-regoli li huma komuni għas-setturi kollha, b’mod partikolari l-proċeduri għar-reġistrazzjoni ta’ isem jew għall-emendar tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, il-protezzjoni tal-ismijiet, u l-kontrolli u l-infurzar.

    Għażla tal-istrument

    Il-politika dwar l-IĠ teħtieġ l-applikabbiltà diretta tagħha fl-Istati Membri. Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huwa l-istrument xieraq għal reviżjoni tas-sistema tal-IĠ, meta jitqies li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ bħalissa tikkonsisti minn:

    IĠ għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel — ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 10 ;

    IĠ għall-inbid — Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 11 ;

    IĠ għax-xorb spirituż — ir-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, il-protezzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ xorb spirituż, l-użu ta’ alkoħol etiliku u distillati ta’ oriġini agrikola f’xorb alkoħoliku, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 12 .

    Il-proposta se tinvolvi t-tħassir tal-ewwel Regolament imsemmi hawn fuq u emendi għat-tnejn l-oħra.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Twettqet evalwazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar l-IĠ u l-STG protetti fl-Unjoni. Is-sejbiet tagħha ġew ippubblikati fil-21 ta’ Diċembru 2021 fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni 13 . Din kopriet b’kollox kważi 3 400 IĠ u 64 STG li joriġinaw mill-Istati Membri. L-għan tal-evalwazzjoni kien li jiġi vvalutat sa liema punt il-politika dwar l-IĠ u l-STG laħqet l-objettivi tagħha. L-evalwazzjoni eżaminat l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-qafas tal-IĠ u tal-STG fil-livell tal-Unjoni. 

    L-objettivi tal-IĠ u tal-STG huma ġeneralment milħuqa b’mod effettiv. Firxa wiesgħa ta’ benefiċċji possibbli għall-partijiet ikkonċernati hija assoċjata mal-politika, bħall-iżgurar ta’ redditu u kompetizzjoni ġusti għall-produtturi. Madankollu, dawn mhumiex sistematiċi fl-Istati Membri kollha. Il-limitazzjonijiet ewlenin huma n-nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni u fehim tal-konsumaturi dwar il-politika f’xi Stati Membri u ċerti dgħufijiet fil-kontrolli fl-istadji downstream tal-katina tal-valur. L-objettivi ewlenin l-oħrajn tal-politika — l-iżgurar tar-rispett tal-IĠ bħala DPI u tal-integrità tas-suq intern, u ta’ STG biex jgħinu lill-produtturi ta’ prodotti tradizzjonali jissalvagwardjaw metodi tradizzjonali ta’ produzzjoni u riċetti — ġeneralment huma milħuqa.

    Il-qafas għall-IĠ/STG huwa vvalutat li huwa effiċjenti. L-IĠ u l-STG jipprovdu diversi benefiċċji għall-produtturi 14 , filwaqt li l-kostijiet għall-korpi pubbliċi (fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali) huma baxxi, stmati għal 0,12 % tal-valur totali tal-bejgħ taħt l-IĠ/STG. Madankollu, hemm lok għal simplifikazzjoni u tnaqqis tal-piż amministrattiv, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċeduri twal ta’ reġistrazzjoni u emenda, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-Unjoni.

    Il-politika hija vvalutata bħala rilevanti kemm għall-partijiet ikkonċernati privati kif ukoll għall-awtoritajiet pubbliċi. L-objettivi tal-IĠ u tal-STG qed jindirizzaw il-ħtiġijiet attwali tad-diversi partijiet ikkonċernati. L-IĠ u l-STG huma meqjusa bħala assi b’saħħtu għat-territorji rurali u għodda importanti għall-promozzjoni tal-identità reġjonali. It-tisħiħ tal-IĠ u tal-STG permezz ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali jwieġeb primarjament għall-ħtieġa li tittejjeb l-integrazzjoni. Għalkemm il-protezzjoni ambjentali u t-trattament xieraq tal-annimali mhumiex l-objettivi ewlenin għall-produzzjoni tal-IĠ/STG, il-gruppi ta’ produtturi mistħarrġa ddikjaraw li xi Speċifikazzjonijiet tal-Prodott iqisu kwistjonijiet ambjentali u tat-trattament xieraq tal-annimali.

    Meta titqies il-koerenza, ma ġiet identifikata l-ebda inkompatibbiltà kbira fir-rigward tal-IĠ u t-trademarks tal-Unjoni, l-IĠ/STG u l-iskemi nazzjonali/reġjonali, u l-IĠ/STG u politiki oħra tal-Unjoni.

    Barra minn hekk, hemm valur miżjud ċar tal-Unjoni minħabba li l-IĠ u l-STG jikkontribwixxu b’mod partikolari kemm għall-integrità tas-suq intern kif ukoll għall-kummerċ ġust ma’ pajjiżi terzi.

    Fir-rigward tat-tagħlimiet meħuda, minbarra d-dgħufijiet imsemmija hawn fuq fil-qasam tal-kontroll u l-infurzar (suq downstream), u n-nuqqas ta’ għarfien u fehim mill-konsumaturi, jistgħu jiġu enfasizzati l-punti li ġejjin:

    Id-differenzi fl-implimentazzjoni joħolqu diffikultajiet għall-infurzar tad-DPI tal-produtturi barra mill-Istat Membru tal-produzzjoni. Barra minn hekk, l-IĠ jkopru firxa wiesgħa ta’ prodotti u jinbiegħu minn diversi swieq (inkluż il-bejgħ online) li jkompli jxekkel l-infurzar effettiv tagħhom. 

    Kwistjoni oħra hija marbuta mill-qrib mal-objettivi politiċi l-ġodda tal-Kummissjoni, b’mod partikolari l-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt. Peress li t-tħassib dwar is-sostenibbiltà sar aktar evidenti f’dawn l-aħħar snin, il-produzzjoni tal-IĠ u tal-STG mhijiex qed tqisu jew mhijiex qed tqisu b’mod sistematiku.

    Il-gruppi ta’ produtturi għandhom rwol ċentrali fl-implimentazzjoni tal-IĠ u tal-STG. Madankollu, l-evalwazzjoni sabet li l-kompiti li huma intitolati li jwettqu jvarjaw ħafna fost id-diversi setturi u bejn l-Istati Membri peress li huma definiti fil-livell tal-Unjoni għas-settur agroalimentari biss iżda mhux għall-inbejjed u x-xorb spirituż.

    Il-proċeduri twal u kumplessi għar-reġistrazzjoni u l-emendi, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew, huma meqjusa l-akbar inkonvenjent għall-produtturi u sors ta’ piż amministrattiv.

    L-għadd limitat ta’ prodotti rreġistrati bħala STG, li ma jikkostitwixxux DPI, jindika nuqqas ta’ interess f’din l-iskema u d-diffikultà biex jiġu protetti l-metodi ta’ produzzjoni tradizzjonali madwar l-Unjoni.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    L-istrateġija ta’ konsultazzjoni mfassla għal din l-inizjattiva kopriet l-aspetti kollha tal-inizjattiva li għandha l-għan li ssaħħaħ is-sistema tal-IĠ. Din indirizzat diversi kategoriji ta’ partijiet ikkonċernati: awtoritajiet pubbliċi, organizzazzjonijiet mis-settur tal-biedja, organizzazzjonijiet mis-settur tal-ipproċessar, federazzjonijiet u kumpaniji privati Ewropej, nazzjonali u settorjali, organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, organizzazzjonijiet mis-settur tal-kummerċ u setturi tal-bejgħ bl-imnut; pajjiżi terzi, istituti akkademiċi u tar-riċerka, il-pubbliku ġenerali u oħrajn.

    L-attivitajiet kollha mħabbra fl-istrateġija ta’ komunikazzjoni twettqu kif ippjanat: Pjan direzzjonali — feedback dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu, konferenza tal-partijiet ikkonċernati, laqgħat u kwestjonarju tal-Grupp ta’ Djalogu Ċivili, laqgħat u kwestjonarju tal-Istati Membri, u konsultazzjonijiet immirati ma’ esperti mis-settur mhux governattiv.

    Pjan direzzjonali — Feedback dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu 

    B’mod ġenerali, il-partijiet ikkonċernati laqgħu l-orjentazzjonijiet stabbiliti fil-Pjan Direzzjonali – Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu 15 ppubblikati għal feedback fit-28 ta’ Ottubru 2020. Il-Pjan Direzzjonali rċieva 51 feedback.

    Il-maġġoranza l-kbira tar-rispondenti laqgħu l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tissaħħaħ is-sistema tal-Unjoni tal-IĠ. Il-feedback iffoka l-aktar fuq aspetti ta’ sostenibbiltà li għandhom jagħmlu parti mill-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, u l-ħtieġa ta’ protezzjoni mtejba u kjarifiki leġiżlattivi. Dawk li kkummentaw dwar il-futur tal-iskema tal-STG qiesu li din għandha titkompla, tiġi ċċarata u ssimplifikata. Għadd iżgħar ta’ rispondenti semmew kwistjonijiet relatati mas-simplifikazzjoni, il-kontrolli u l-infurzar, l-għoti tas-setgħa lill-gruppi ta’ produtturi tal-IĠ u kwistjonijiet relatati mal-użu tas-simbolu tal-Unjoni fuq it-tikketta.

    Konferenza dwar “it-Tisħiħ tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi”, 25–26 ta’ Novembru 2020

    Ġiet organizzata konferenza ta’ livell għoli b’mod konġunt mill-Kummissjoni u mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), li serviet bħala l-punt fokali għall-partijiet ikkonċernati biex jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar il-firxa ta’ kwistjonijiet indirizzati fil-proċess ta’ reviżjoni tal-IĠ. Udjenza kbira magħmula minn produtturi tal-IĠ, minn partijiet ikkonċernati tul il-katina tal-valur alimentari, minn uffiċjali tal-Istati Membri, minn organizzazzjonijiet internazzjonali u tas-soċjetà ċivili, minn uffiċjali tal-UE kif ukoll minn studenti u minn pubbliku interessat ħadet sehem fl-avveniment.

    Minbarra s-sessjonijiet tal-ftuħ u tal-għeluq fil-plenarja, saru ħmistax-il panel biex jiġu diskussi kwistjonijiet differenti tar-rieżami tal-IĠ. Ġew diskussi wkoll il-kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà u l-għoti tas-setgħa lill-produtturi biex tiġi indirizzata l-inizjattiva mill-Għalqa sal-Platt, kif ukoll modi biex tiżdied l-attraenza tal-IĠ u biex jiġu modernizzati u infurzati aħjar l-IĠ f’konformità mal-pjan ta’ azzjoni dwar il-PI.

    Il-konferenza rrekordjata u l-materjal kollu (ppt. /vidjo/awdjo/ġabra ta’ ritratti) huma disponibbli fuq il-paġna web ta’ EUROPA sa Novembru 2022 16 .

    Konsultazzjoni pubblika

    Mill-15 ta’ Jannar 2021 sad-9 ta’ April 2021, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika miftuħa fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE permezz ta’ EU-SURVEY. L-għan tagħha kien li tiġbor il-fehmiet tal-awtoritajiet pubbliċi, tal-partijiet ikkonċernati u tal-pubbliku. Waslu 302 kontribuzzjoni minn rispondenti minn 21 Stat Membru.

    Ir-rispondenti identifikaw l-isfidi ewlenin għar-reviżjoni tal-IĠ:

    Minħabba żieda fl-isfruttament tar-reputazzjoni tal-IĠ fuq l-internet, hemm bżonn li tiġi evitata l-frodi u l-falsifikazzjoni tal-prodotti tal-IĠ.

    Il-gruppi ta’ produtturi tal-IĠ għandu jkollhom setgħat u responsabbiltajiet akbar biex jimmaniġġjaw, jippromwovu u jinfurzaw l-IĠ tagħhom. Għalissa, dawn ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet vinkolanti fuq il-membri tagħhom.

    Hemm nuqqas ta’ għarfien dwar il-logo, li jirriżulta minn nuqqas ta’ informazzjoni u pubbliċità dwar il-benefiċċji tal-IĠ.

    Konsultazzjoni tal-Grupp ta’ Djalogu Ċivili (CDG) dwar il-Kwalità u l-Promozzjoni

    Il-membri tas-CDG jirrappreżentaw l-interessi tal-produtturi, tal-proċessuri, tal-bejjiegħa bl-imnut, tal-konsumaturi, tal-ambjentalisti u ta’ oħrajn. Il-Kummissjoni kkonsultat lis-CDG Kwalità u Promozzjoni matul il-laqgħat nhar:

    il-5 ta’ Novembru 2020: informazzjoni dwar il-proċess; l-ewwel diskussjoni dwar ir-reviżjoni tal-IĠ;

    id-9 ta’ Marzu 2021: diskussjoni dwar il-ħtiġijiet ewlenin għar-reviżjoni tal-IĠ, b’enfasi fuq xi elementi inkluża s-sostenibbiltà;

    l-1 ta’ Lulju 2021: ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika u l-konsultazzjoni mmirata tas-CDG; diskussjoni dwar l-objettivi u l-opzjonijiet;

    it-30 ta’ Novembru 2021: preżentazzjoni tal-eżitu tal-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt.

    Bl-istess mod, kif spjegat hawn fuq, il-Kummissjoni kkonsultat ukoll lis-CDG dwar l-Inbid waqt il-laqgħat tiegħu fil-5 ta’ Mejju u fit-8 ta’ Novembru 2021, u s-CDG dwar ix-Xorb Spirituż fid-9 ta’ Marzu u fid-29 ta’ Ottubru 2021.

    Il-Kummissjoni kkonsultat ukoll lill-membri tas-CDG dwar il-Kwalità u l-Promozzjoni permezz ta’ kwestjonarju bil-miktub dwar is-sostenibbiltà tal-IĠ, it-tikkettar u l-STG.

    Ġbir u użu tal-għarfien espert

    Il-Kummissjoni kkonsultat esperti mill-Istati Membri fil-qafas tal-Grupp ta’ Esperti għall-Kwalità u s-Sostenibbiltà tal-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali. Saru laqgħat ta’ dan il-Grupp ta’ Esperti nhar:

    it-23 ta’ Frar 2021: il-kuntest, l-isfidi u l-objettivi, u l-feedback dwar il-Pjan Direzzjonali;

    it-22 ta’ April 2021: ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika u l-konsultazzjoni mmirata tal-Grupp ta’ Esperti; approċċ ġenerali;

    it-23 ta’ Settembru 2021: l-għażliet ta’ politika.

    Qabel dawn il-laqgħat, il-Kummissjoni ġabret ukoll esperjenza dwar l-implimentazzjoni tal-iskema tal-STG fil-laqgħa tal-Kumitat dwar il-Kwalità tal-Politika Agrikola fid-19 ta’ Ottubru 2020, inkluż fil-forma ta’ kwestjonarju.

    Il-Kummissjoni kkonsultat ukoll lill-membri tal-Grupp ta’ Esperti permezz ta’ kwestjonarju bil-miktub dwar is-sostenibbiltà tal-IĠ, is-simplifikazzjoni tas-sistema tal-IĠ b’enfasi fuq il-proċess nazzjonali, ir-relazzjonijiet mal-politika dwar l-iżvilupp rurali u l-iskema tal-STG.

    Fir-rigward tas-sostenibbiltà, l-opinjoni prinċipali kienet li s-sostenibbiltà ma għandhiex tiġi imposta fuq il-produtturi tal-IĠ, iżda mħeġġa u akkumpanjata. Il-prattiki eżistenti fir-rigward tas-sostenibbiltà għandhom jiġu rikonoxxuti u promossi. L-esperti tal-Istati Membri enfasizzaw b’mod partikolari l-importanza ta’ integrazzjoni gradwali ta’ rekwiżiti tas-sostenibbiltà. Hemm bżonn ta’ aktar appoġġ (eż. għaċ-ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà, l-investimenti rilevanti) u forom oħra ta’ inċentivi (eż. prijorità fil-finanzjament) kif ukoll azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni. Fir-rigward tat-tħassib dwar l-ikel nutrittiv u d-dieta tajba għas-saħħa, l-opinjoni ewlenija kienet li l-enfasi fuq il-valuri nutrizzjonali u l-ħtiġijiet tad-dieta ma għandhiex iddgħajjef il-kunċett tal-oriġini fl-IĠ, jiġifieri tal-kwalità miksuba permezz tal-korrelazzjoni bejn il-fatturi umani u l-fatturi naturali f’żona ġeografika partikolari.

    Għalkemm l-esperti laqgħu aktar simplifikazzjoni tal-proċeduri u tnaqqis tal-piż amministrattiv, huma indikaw ukoll li l-eżami bir-reqqa u akkurat tal-applikazzjonijiet tal-IĠ għandu jieħu preċedenza fuq il-ħeffa. Diversi esperti kienu favur armonizzazzjoni aħjar tar-regoli proċedurali għas-setturi kollha u favur linji gwida aħjar u skambju ta’ informazzjoni biex tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni tal-aħjar prattiki, flimkien ma’ applikazzjoni tal-IT li taħdem aħjar.

    Fir-rigward tad-diffikultajiet ewlenin fil-proċedura nazzjonali, jispikkaw żewġ elementi ewlenin. L-ewwel nett, jidher li huwa diffiċli li l-produtturi jinġabru flimkien f’organizzazzjoni attiva, minħabba żmien u riżorsi limitati. Il-produtturi juru nuqqas ta’ rieda li jikkooperaw fi stadju bikri ta’ reġistrazzjoni tal-IĠ, u jistgħu ma jaqblux dwar id-definizzjoni tal-proċess ta’ produzzjoni fi Speċifikazzjoni tal-Prodott. L-abbozzar tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott huwa t-tieni diffikultà li jiltaqgħu magħha l-produtturi: diffikultà fil-ġbir ta’ evidenza li turi li l-prodott jissodisfa r-rekwiżiti għal IĠ, deskrizzjoni mhux ċara tal-ispeċifiċitajiet tal-prodott, nuqqas ta’ għarfien dwar liema informazzjoni hija meħtieġa, eċċ.

    Fir-rigward tar-relazzjoni mal-interventi għall-iżvilupp rurali, il-maġġoranza tal-esperti indikaw li l-objettiv ma għandux ikun biss li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi u li tiġi promossa l-politika dwar l-IĠ, iżda wkoll li tiżdied il-kompetittività tal-produtturi, li jiġu mħeġġa japplikaw għall-protezzjoni u jtejbu s-sostenibbiltà.

    L-esperti spjegaw li l-proċedura ta’ reġistrazzjoni għall-STG hija meqjusa kkumplikata u ta’ piż, u għalhekk tista’ tiġi prevista kjarifika tal-kriterji. Huma saħqu fuq il-fatt li l-permess li l-STG jiġu prodotti liberament barra mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom iżomm lill-produtturi milli jipparteċipaw fl-iskema, peress li ma jarawx il-benefiċċju li jitgħabbew bil-piż tar-reġistrazzjoni.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Il-ħidma fuq il-Valutazzjoni tal-Impatt saret minn Ottubru 2020 sa Settembru 2021, u matul dan il-perjodu grupp ta’ tmexxija bejn is-servizzi ltaqa’ erba’ darbiet. Ipparteċipaw fil-grupp rappreżentanti minn tnax-il Direttorat Ġenerali u Servizz tal-Kummissjoni (ISSG), u mill-EUIPO. Il-kontenut tar-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt ġie żviluppat u mtejjeb bil-kontributi u l-kummenti tas-servizzi li pparteċipaw b’mod attiv f’dan l-ISSG.

    Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju ħareġ opinjoni negattiva dwar l-abbozz tar-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt wara l-laqgħa tat-30 ta’ Ġunju 2021. L-osservazzjonijiet ewlenin tal-Bord kienu jinkludu:

    Ir-rapport ma jipprovdix raġunament ċar u evidenza suffiċjenti biex jappoġġaw il-ħtieġa għal azzjoni fl-oqsma tas-sostenibbiltà, tad-dieti tajbin għas-saħħa, l-użu ta’ logos u l-iżbilanċi fil-katina tal-provvista.

    Ir-rapport ma jispjegax b’mod ċar biżżejjed l-għażliet ta’ politika disponibbli. Ma jesplorax biżżejjed kombinazzjonijiet alternattivi ta’ azzjonijiet ta’ politika li jistgħu joffru taħlita aħjar jew li huma politikament l-aktar rilevanti.

    Ir-rapport mhuwiex ċar biżżejjed dwar l-involviment ta’ aġenzija u l-kostijiet relatati.

    Ir-rapport ma jagħmilx biżżejjed differenza bejn il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati differenti dwar kwistjonijiet ewlenin.

    L-ISSG ġie kkonsultat bil-miktub matul il-perjodu ta’ bejn l-10 u l-15 ta’ Settembru 2021 dwar il-verżjoni riveduta tar-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt, wara l-kummenti tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju. Il-kummenti tqiesu kif xieraq fil-verżjoni riveduta.

    Il-kjarifiki u s-supplimenti meħtieġa ġew miżjuda fir-Rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt u fl-Annessi tiegħu u ġew sottomessi mill-ġdid lill-Bord fil-25 ta’ Settembru 2021. Abbażi ta’ dan, il-Bord ħareġ opinjoni pożittiva b’riżervi 17 fl-24 ta’ Ottubru 2021. Filwaqt li rrikonoxxa t-titjib fir-rapport, il-Bord talab kjarifiki ulterjuri dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:

    L-għażla tas-sett preferut ta’ azzjonijiet ta’ politika mhijiex koerenti mal-bqija tar-rapport. Ir-rapport ma jipprovdix identifikazzjoni ċara u valutazzjoni u tqabbil konsistenti ta’ pakketti alternattivi ta’ azzjoni politika.

    Ir-rapport ma jiġġustifikax biżżejjed l-azzjoni politika ppreferuta fir-rigward tal-involviment ta’ aġenzija.

    Il-fehmiet ta’ kategoriji differenti ta’ partijiet ikkonċernati mhumiex riflessi biżżejjed fir-rapport ewlieni.

    Il-kummenti kollha tal-Bord ġew indirizzati fil-verżjoni finali tar-Rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt u s-sommarju eżekuttiv tiegħu 18 .

    Il-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt ittestja tliet opzjonijiet ta’ politika għar-reviżjoni tal-IĠ.

    L-ewwel opzjoni — Titjib u appoġġ — għandha l-għan li ttejjeb l-istrumenti diġà fis-seħħ u li tipprovdi aktar appoġġ lill-produtturi, lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u lil partijiet ikkonċernati oħra. L-enfasi ewlenija hija fuq il-gwida (eż. marbuta mal-infurzar, il-valutazzjoni tal-fajls u l-interpretazzjoni/kjarifika legali), il-kooperazzjoni msaħħa mill-ġdid fost l-Istati Membri u l-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità, inkluż dwar kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà. Il-proċeduri jittejbu billi jiġu allinjati fis-setturi kollha. Approċċ aktar flessibbli lejn il-logos tal-Unjoni qed jimmira lejn l-użu akbar tagħhom mill-produtturi.

    L-iskema STG hija sostitwita b’rikonoxximent uffiċjali ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel tradizzjonali mill-awtoritajiet tal-Istati Membri b’lista limitata ta’ kriterji li għandha tiġi stabbilita fil-livell tal-Unjoni filwaqt li l-Istati Membri jinnotifikaw l-ismijiet ta’ prodotti tradizzjonali lill-Kummissjoni sabiex isiru pubbliċi.

    It-tieni opzjoni — Aktar definizzjoni u tisħiħ — issaħħaħ il-protezzjoni tal-IĠ u ttejjeb il-kundizzjonijiet ekwi fost l-operaturi permezz ta’ sett uniku ta’ proċeduri ta’ kontroll għas-setturi kollha u l-iżvilupp ta’ regoli dettaljati dwar ir-rispett tal-IĠ b’rabta mal-bejgħ fuq l-internet. Tiddefinixxi wkoll ir-rwol li jista’ jkollhom il-gruppi ta’ produtturi tal-IĠ, fuq bażi volontarja, fil-kontribut għall-indirizzar tat-tħassib tas-soċjetà dwar is-sostenibbiltà billi jinkludu kriterji ta’ sostenibbiltà fl-Ispeċifikazzjonijiet tal-Prodott, u billi jsaħħu l-ġestjoni u l-infurzar tal-assi tal-IĠ tagħhom. Ir-rwoli speċifiċi tal-gruppi ta’ produtturi tal-IĠ, rikonoxxuti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, jiġu estiżi għas-setturi kollha. L-użu tal-logo fuq it-tikketta tal-prodott mhuwiex obbligatorju u l-produtturi jistgħu jiddeċiedu dwar id-daqs u l-post tiegħu fuq it-tikketta. Il-leġiżlazzjoni tibbenefika minn kjarifiki tat-terminoloġija legali, minn flessibbiltajiet integrati fir-rigward tal-proċess tal-produzzjoni u mill-ħolqien ta’ sett uniku ta’ regoli proċedurali ssimplifikati.

    Bħala parti minn din l-opzjoni, l-istrutturi ta’ ġestjoni tal-Unjoni għall-valutazzjoni tal-IĠ għandhom jissaħħu permezz tal-involviment ta’ aġenzija eżistenti fil-proċedura ta’ reġistrazzjoni. Filwaqt li l-valutazzjoni fil-livell nazzjonali tibqa’ f’idejn l-Istati Membri, aġenzija tipprovdi assistenza teknika lill-Kummissjoni matul l-iskrutinju tal-applikazzjonijiet u l-oppożizzjonijiet fil-livell tal-UE. Għalkemm ir-Rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt jipprevedi b’mod impliċitu li aġenzija wkoll tieħu deċiżjonijiet, il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjonijiet legali kollha biex jinżamm kontroll leġiżlattiv strett.

    It-tielet opzjoni — Armonizzazzjoni u aġġornament — tiżgura armonizzazzjoni sħiħa permezz tal-ħolqien ta’ Regolament uniku li jkun fih regoli unifikati ta’ infurzar u kontroll. Bl-istess mod, id-dispożizzjonijiet relatati mar-regoli ta’ protezzjoni u dawk proċedurali jiġu ssimplifikati f’att bażiku wieħed. L-użu tal-logos preskritti huwa obbligatorju fis-setturi kollha. Madankollu, l-armonizzazzjoni ma taffettwax id-definizzjonijiet tal-IĠ u żżomm l-ispeċifiċitajiet ta’ setturi partikolari. Il-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-produzzjoni tal-IĠ jiġu ddefiniti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u infurzati permezz tal-integrazzjoni tagħhom fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, li tagħmilhom suġġetti għal kontrolli uffiċjali. Minbarra l-azzjonijiet previsti taħt l-opzjoni ta’ politika preċedenti, linji gwida speċifiċi dwar il-funzjonament tal-gruppi ta’ produtturi tal-IĠ jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fil-ktajjen tal-valur tal-IĠ u jippermettu ġestjoni aħjar tal-assi tal-IĠ tagħhom.

    Din l-opzjoni tipprevedi l-esternalizzazzjoni sħiħa tal-proċess ta’ reġistrazzjoni lil aġenzija eżistenti, u tipprovdi l-possibbiltà ta’ appell quddiem korp tal-appell. Din tippermetti diversi gradi ta’ involviment tal-Istati Membri: valutazzjoni inizjali fil-livell nazzjonali skont ir-regoli attwali, konsultazzjoni mal-Istati Membri jew l-ebda involviment tal-Istati Membri.

    L-iskema tal-STG tiġi abbandunata. Dawk l-ismijiet tradizzjonali tal-ikel li jistgħu jissodisfaw il-kriterji għal DOP jew IĠP jistgħu jiġu rreġistrati bħala tali filwaqt li ismijiet tradizzjonali oħra jistgħu jiġu rreġistrati bħala trademark.

    Il-valutazzjoni tal-impatt ikkonkludiet li t-tieni opzjoni għandha l-aktar merti. Din l-opzjoni għandha l-ogħla punteġġ fir-rigward tat-tqabbil tal-kostijiet u l-benefiċċji għall-produtturi tal-IĠ. Filwaqt li l-produtturi jibbenefikaw minn protezzjoni aktar rapida u mtejba, jonqsu l-kostijiet relatati b’mod partikolari mat-tul tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni u mar-riżorsi meħtieġa. L-inklużjoni volontarja mill-grupp ta’ produtturi ta’ IĠ ta’ kriterji ta’ sostenibbiltà fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tkun tinvolvi kostijiet addizzjonali ta’ konformità u ċertifikazzjoni li jistgħu jiġu parzjalment paċuti minn miżuri ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika tal-iżvilupp rurali; dan jissodisfa l-aspettattivi tal-konsumaturi għal prodotti b’ambizzjoni ogħla fl-aspetti tas-sostenibbiltà.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Il-proposta hija bbażata fuq kontroll regolatorju tal-idoneità u l-analiżi tal-potenzjal ta’ simplifikazzjoni.

    Ir-Regolament propost jissimplifika l-amministrazzjoni tal-IĠ billi jipprevedi sett wieħed ta’ regoli proċedurali u ta’ kontroll għas-setturi kollha. Dan jarmonizza wkoll id-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni għas-setturi kollha. B’hekk jiżgura l-koerenza u jagħmilha aktar faċli għall-partijiet ikkonċernati li jifhmu s-sistema tal-IĠ.

    L-elementi ewlenin tas-simplifikazzjoni huma:

    sett uniku ta’ regoli għall-proċessi tal-applikazzjoni u tal-kontrolli, b’benefiċċji f’termini ta’ koerenza tar-regoli fis-setturi kollha, li jtemmu d-diverġenzi attwali fil-proċeduri;

    jiġu introdotti kjarifiki b’mod partikolari fir-rigward tad-DPI;

    jiġu introdotti kunċetti aktar sempliċi, b’mod partikolari fl-iskema tal-STG, biex il-produtturi u l-konsumaturi jifhmuhom aktar

    Fir-rigward tat-tnaqqis tal-piż amministrattiv, il-proposta tipprevedi assistenza teknika fil-proċedura ta’ reġistrazzjoni minn aġenzija eżistenti tal-UE u sfruttament sħiħ tal-għodod diġitali. Il-valutazzjoni tal-impatt turi li l-assistenza teknika tirriżulta f’titjib fit-tul ta’ żmien, fil-kwalità tal-applikazzjonijiet (minħabba ċ-ċiklu ta’ feedback), fil-kwalità tal-valutazzjonijiet u fit-tnaqqis tal-piż fuq il-produtturi u fuq l-Istati Membri. Dan jirrikjedi inqas kapaċità u riżorsi tal-amministrazzjoni pubblika, u jqassar iż-żmien tar-reġistrazzjoni.

    Is-sistema l-ġdida ta’ informazzjoni u twissija dwar l-isem tad-dominju li għandha tiġi stabbilita mill-EUIPO għandha tipprovdi lill-applikanti tal-IĠ b’għodda diġitali addizzjonali bħala parti mill-proċess ta’ applikazzjoni biex jipproteġu u jinfurzaw aħjar id-drittijiet tal-IĠ tagħhom.

    Drittijiet fundamentali

    L-Unjoni hija obbligata skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE 19 (l-Artikolu 17(2)) li tipproteġi l-proprjetà intellettwali. Il-miżuri previsti se joħolqu kundizzjonijiet aħjar għall-protezzjoni tal-IĠ u jnaqqsu r-riskju ta’ usurpazzjoni, ta’ imitazzjoni u ta’ evokazzjoni tal-ismijiet tal-IĠ, u b’hekk jikkontribwixxu biex jiġi żgurat l-introjtu tal-produtturi. Approċċ aktar armonizzat għar-regoli proċedurali għandu jirriżulta fi proċess ta’ reġistrazzjoni aktar effiċjenti, b’ħinijiet iqsar ta’ reġistrazzjoni, piżijiet imnaqqsa fuq il-produtturi u proċessi ta’ reġistrazzjoni ta’ kwalità ogħla, u b’hekk jiġi rrispettat l-obbligu tal-Kummissjoni li tittratta l-applikazzjonijiet tal-IĠ b’mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    L-implimentazzjoni tal-miżuri tiġi mmonitorjata u rrapportata abbażi tal-indikaturi ewlenin ta’ monitoraġġ għall-objettivi operazzjonali ewlenin, elenkati fir-Rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt.

    Sabiex jiġi mmonitorjat il-kontribut tal-IĠ għall-iżvilupp sostenibbli u tiġi żgurata t-trasparenza, il-viżjoni tal-IĠ tinkludi taqsima għal kull Indikazzjoni Ġeografika rreġistrata fejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri se jinkludu d-dikjarazzjoni ta’ sostenibbiltà.

    Il-Ftehim Interistituzzjonali tal-2016 dwar Regolamentazzjoni Aħjar jipprevedi li t-tliet Istituzzjonijiet jaqblu li jikkunsidraw b’mod sistematiku l-użu ta’ klawżoli ta’ rieżami fil-leġiżlazzjoni, u li jitqies iż-żmien meħtieġ għall-implimentazzjoni u għall-ġbir ta’ evidenza dwar ir-riżultati u l-impatti. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni mhux aktar kmieni minn ħames snin wara d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament. L-evalwazzjoni ssir skont il-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar.

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Il-proposta tikkonsisti f’sett ta’ regoli mfassla biex jistabbilixxu sistema koerenti għall-IĠ bl-għan li jgħinu lill-produtturi jikkomunikaw aħjar il-kwalitajiet, il-karatteristiċi u l-attributi tal-prodotti tal-IĠ tagħhom, u li jiżguraw informazzjoni xierqa għall-konsumatur. Barra minn hekk, il-proposta tiċċara u ttejjeb l-iskema tal-STG filwaqt li ma tagħmel l-ebda bidla fl-iskema għal termini tal-kwalità fakultattivi.

    Il-proposta tinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    Titolu I: Dispożizzjonijiet ġenerali

    Id-dispożizzjonijiet ġenerali jiddefinixxu s-suġġett bħala l-IĠ, il-protezzjoni tal-ismijiet ta’ nbejjed, xorb spirituż u prodotti agrikoli. Huma jipprovdu wkoll id-definizzjonijiet tat-termini użati speċifikament fir-Regolament, kif ukoll ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data.

    Titolu II: Indikazzjonijiet ġeografiċi

    Kapitolu 1: Dispożizzjonijiet ġenerali

    Id-dispożizzjonijiet ġenerali jispjegaw li l-objettiv tas-sistema tal-IĠ huwa li tipprovdi sistema unitarja u esklużiva li tipproteġi l-ismijiet ta’ nbejjed, xorb spirituż u prodotti agrikoli li jkollhom karatteristiċi, attributi u reputazzjoni marbuta mal-post tal-produzzjoni tagħhom. [LS: Dawn jipprovdu l-klassifikazzjoni tal-prodotti koperti. Jipprovdu wkoll id-definizzjonijiet tat-termini użati speċifikament f’dan it-Titolu.

    Kapitolu 2: Reġistrazzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi

    Dan il-Kapitolu jipprevedi b’mod partikolari r-regoli uniformi għar-reġistrazzjoni, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-Unjoni inkluża l-proċedura ta’ oppożizzjoni; jiddefinixxi l-applikant u jelenka r-rekwiżiti għall-applikant; jispeċifika l-kontenut tad-dokumenti tal-applikazzjoni, u jiddefinixxi r-rwol tar-reġistru. Dan jistabbilixxi l-protezzjoni tranżizzjonali u l-miżuri tranżizzjonali. Jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar l-emendi għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u dwar il-kanċellazzjoni tal-IĠ rreġistrata.

    Kapitolu 3: Protezzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi

    Il-livell ta’ protezzjoni tal-IĠ huwa stabbilit f’dan il-Kapitolu. Il-Kapitolu jistabbilixxi wkoll regoli għall-IĠ meta jintużaw bħala ingredjenti, jiċċara t-termini ġeneriċi u r-reġistrazzjoni ta’ IĠ omonimi, kif ukoll ir-relazzjoni mat-trademarks. Dan jipprovdi regoli għall-gruppi ta’ produtturi rikonoxxuti. Ir-relazzjoni mal-użu tat-termini fl-ismijiet ta’ dominju tal-internet hija ddefinita. Fl-aħħar nett, dan il-Kapitolu jinkludi r-regoli għall-użu ta’ simboli tal-Unjoni, indikazzjonijiet u taqsiriet fuq it-tikkettar u l-materjal ta’ reklamar tal-prodott ikkonċernat.

    Kapitolu 4: Kontrolli u infurzar

    Ir-regoli dwar il-kontrolli huma stabbiliti f’dan il-Kapitolu, inkluż kemm il-verifika li prodott identifikat minn IĠ ikun ġie prodott f’konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott korrispondenti; u l-monitoraġġ tal-użu tal-IĠ fis-suq. Jippreskrivi wkoll l-assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Fl-aħħar nett, jirrikjedi li l-prova taċ-ċertifikazzjoni jenħtieġ li tiġi pprovduta mill-awtoritajiet tal-infurzar fuq talba minn produttur.

    Kapitolu 5: Elementi supplimentari tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni

    F’dan il-Kapitolu ġew stabbiliti kriterji għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) li se jipprovdi assistenza teknika lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iskrutinju tal-applikazzjonijiet.

    Kapitolu 6: Indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli

    Dan il-Kapitolu jipprevedi d-definizzjoni ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta u Indikazzjoni Ġeografika Protetta għall-prodotti agrikoli. Dan jippreskrivi l-kontenut tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u tad-Dokument Uniku għall-IĠ ta’ prodotti agrikoli. Barra minn hekk, jinkludi regoli li huma speċifiċi għal dan is-settur, b’mod partikolari dwar il-varjetajiet tal-pjanti u r-razez tal-annimali, l-akkwist tal-għalf u tal-materja prima.

    Kapitolu 7: Dispożizzjonijiet proċedurali

    Dan il-Kapitolu jistabbilixxi li l-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

    Kapitolu 8: Dispożizzjonijiet tranżizzjonali u finali (Indikazzjonijiet Ġeografiċi)

    Dan il-Kapitolu jistabbilixxi li l-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi. Dan jipprevedi wkoll il-kontinwità tar-reġistri u jiċċara r-regoli għall-applikazzjonijiet ippreżentati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Titolu III: Skemi tal-kwalità

    Kapitolu 1: Speċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti

    Dan il-Kapitolu jistabbilixxi r-regoli għall-iskema tal-STG. Meta mqabbel mar-regoli eżistenti, dan jiċċara l-kriterji għar-reġistrazzjoni tal-STG; b’mod partikolari, ma għadux jirrikjedi li dawn ikollhom karattru speċifiku. Ir-regoli proċedurali huma ċċarati u ssimplifikati wkoll.

    Kapitolu 2: Termini tal-kwalità fakultattivi

    Dan il-Kapitolu jistabbilixxi r-regoli għat-termini tal-kwalità fakultattivi. Ma sar l-ebda tibdil fil-leġiżlazzjoni eżistenti f’dan il-qasam.

    Kapitolu 3: Dispożizzjonijiet proċedurali

    Dan il-Kapitolu jistabbilixxi li l-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għall-Kwalità Agrikola.

    Titolu IV: Emendi għar-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2017/1001 [BT: ordni tar-Regolamenti]

    Dan it-Titolu jinkludi d-dispożizzjonijiet li jemendaw ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-Regolament (UE) 2019/787, b’mod partikolari minħabba sett ġdid armonizzat ta’ regoli għall-protezzjoni, il-proċedura tar-reġistrazzjoni u l-kontroll u l-infurzar, stabbiliti fil-kapitoli preċedenti ta’ dan ir-Regolament. Dan jemenda r-Regolament (UE) 2017/1001 biex jagħti lill-EUIPO l-kompiti ta’ amministrazzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

    Titolu V: Dispożizzjonijiet tranżizzjonali u finali

    Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dan il-Kapitolu jiċċara wkoll ir-regoli tranżizzjonali, b’mod partikolari li l-applikazzjonijiet ippreżentati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament iridu jirrispettaw ir-regoli applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu. Id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament huwa ddefinit fil-[…] jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2022/0089 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-Unjoni Ewropea għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, u l-iskemi tal-kwalità għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2017/1001 u (UE) 2019/787 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 118 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 20 ,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 21 ,

    Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

    Billi:

    (1)Il-Patt Ekoloġiku Ewropew 22 inkluda t-tfassil ta’ sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent (“mill-għalqa sal-platt”) fost il-politiki biex tinbidel l-ekonomija tal-Unjoni għal futur sostenibbli.

    (2)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 2020 dwar “Strateġija ‘Mill-Għalqa sal-Platt’ – għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent” li talbet għal tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel sostenibbli, tappella wkoll biex jissaħħaħ il-qafas leġiżlattiv dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u, fejn xieraq, jiġu inklużi kriterji speċifiċi ta’ sostenibbiltà. Fil-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ntrabtet li ssaħħaħ, fost atturi oħra, il-pożizzjoni tal-produtturi ta’ prodotti b’Indikazzjonijiet Ġeografiċi, il-kooperattivi u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi tagħhom fil-katina tal-provvista alimentari.

    (3)Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-25 ta’ Novembru 2020 intitolata “Nagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal innovattiv tal-UE Pjan ta’ azzjoni għall-proprjetà intellettwali b’appoġġ għall-irkupru u r-reżiljenza tal-UE”, il-Kummissjoni ntrabtet li tħares lejn modi kif issaħħaħ, timmodernizza, tissimplifika u tinforza aħjar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għall-prodotti agrikoli, l-inbid u x-xorb spirituż.

    (4)Il-kwalità u d-diversità tal-inbid, tax-xorb spirituż u tal-produzzjoni agrikola tal-Unjoni huma waħda mis-saħħiet importanti tagħha, li tagħti vantaġġ kompetittiv lill-produtturi tal-Unjoni u tagħti kontribut kbir għall-wirt kulturali u gastronomiku ħaj tagħha. Dan huwa dovut għall-ħiliet u d-determinazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni li żammew it-tradizzjonijiet ħajjin filwaqt li qiesu l-iżviluppi ta’ metodi tal-produzzjoni u ta’ materjali ġodda.

    (5)Iċ-ċittadini u l-konsumaturi fl-Unjoni qed jitolbu dejjem iżjed prodotti ta’ kwalità kif ukoll tradizzjonali. Huma jixtiequ wkoll iżommu d-diversità tal-produzzjoni agrikola fl-Unjoni. Dan jiġġenera domanda għal inbid, xorb spirituż u prodotti agrikoli b’karatteristiċi speċifiċi identifikabbli, b’mod partikolari dawk marbuta mal-oriġini ġeografika tagħhom.

    (6)Il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali hija dritt fundamentali. Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 23 jipprovdi regoli dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data. Ir-rwoli tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fil-proċeduri li huma kompetenti għalihom jeħtieġ li jiġu ddefiniti b’mod ċar sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni. L-ipproċessar ta’ data personali jkun legali meta jkun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompiti mwettqa fl-interess pubbliku. Il-proċeduri għar-reġistrazzjoni, l-emenda jew il-kanċellazzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi u ta’ Speċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti mwettqa fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 24 u r-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 25 jenħtieġ li jitwettqu kif xieraq. L-ipproċessar ta’ referenzi dwar applikanti fi proċedura ta’ reġistrazzjoni, emenda jew kanċellazzjoni, dwar opponenti, benefiċjarji ta’ perjodi tranżizzjonali u korpi u persuni fiżiċi delegati għal ċerti kompiti ta’ kontroll uffiċjali, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ reġistrazzjoni, emenda jew kanċellazzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi u ta’ Speċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti, huwa meħtieġ għall-ġestjoni korretta ta’ dawn il-proċeduri. Barra minn hekk, dawk il-proċeduri huma ta’ natura pubblika. It-trasparenza hija meħtieġa biex tippermetti kompetizzjoni ġusta bejn l-operaturi u biex tidentifika pubblikament l-interessi ekonomiċi privati u pubbliċi marbuta ma’ dawn il-proċeduri. Bil-ħsieb li jiġi mminimizzat l-esponiment tad-data personali, id-dokumenti li jridu jiġu ppreżentati matul il-proċeduri rilevanti jenħtieġ li kemm jista’ jkun jevitaw rekwiżiti għas-sottomissjoni ta’ data personali. Madankollu, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jista’ jkollhom bżonn jipproċessaw informazzjoni li jkun fiha data personali bħal ismijiet personali u dettalji ta’ kuntatt. F’dan il-qafas, għal raġunijiet ta’ interess pubbliku u f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jipproċessaw tali data personali u jiddivulgawha jew jipubblikawha meta dan ikun meħtieġ biex jiġu identifikati l-applikanti fi proċedura ta’ reġistrazzjoni, emenda jew kanċellazzjoni, l-opponenti fi proċedura ta’ oppożizzjoni, il-benefiċjarji ta’ perjodu tranżizzjonali mogħti biex jidderogaw mill-protezzjoni ta’ isem irreġistrat u l-korpi delegati biex iwettqu l-verifika dwar il-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. 

    (7)Għall-fini tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1725 il-Kummissjoni hija l-awtorità li magħha s-sidien tad-data personali jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet relatati, billi jibagħtu kummenti, jistaqsu mistoqsijiet jew jesprimu tħassib, jew billi jressqu lment dwar il-ġbir u l-użu tad-data personali. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-Kummissjoni hija meqjusa bħala l-kontrollur skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2018/1725 fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fil-proċeduri li għalihom hija responsabbli skont dan ir-Regolament, ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ir-Regolament (UE) 2019/787 u d-dispożizzjonijiet adottati skont dawn.  

    (8)Ir-Regolament (UE) 2016/679 26 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-Istati Membri matul il-proċeduri rilevanti. Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huma l-awtoritajiet li magħhom is-sidien tad-data personali jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet relatati, billi jibagħtu kummenti, jistaqsu mistoqsijiet jew jesprimu tħassib, jew billi jressqu lment dwar il-ġbir u l-użu tad-data personali. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-Istati Membri huma meqjusa kontrolluri skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2016/679 fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fil-proċeduri li għalihom huma responsabbli skont dan ir-Regolament, ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ir-Regolament (UE) 2019/787 u d-dispożizzjonijiet adottati skont dawn. 

    (9)L-iżgurar ta’ rikonoxximent u protezzjoni uniformi madwar l-Unjoni għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-ismijiet protetti fl-Unjoni huwa prijorità li tista’ tinkiseb b’mod effettiv biss fil-livell tal-Unjoni. L-Indikazzjonijiet Ġeografiċi li jipproteġu l-ismijiet ta’ nbejjed, xorb spirituż u prodotti agrikoli li għandhom karatteristiċi, attributi jew reputazzjoni marbuta mal-post tal-produzzjoni tagħhom huma kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Għalhekk jeħtieġ li tiġi pprovduta sistema unitarja u esklużiva ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi. L-Indikazzjonijiet Ġeografiċi huma dritt kollettiv tal-produtturi eliġibbli kollha f’żona indikata li jkunu lesti jaderixxu mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Il-produtturi li jaġixxu b’mod kollettiv għandhom aktar setgħat mill-produtturi individwali u jassumu responsabbiltajiet kollettivi biex jimmaniġġjaw l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tagħhom, inkluż li jirreaġixxu għad-domandi tas-soċjetà għal prodotti li jkunu ġejjin minn produzzjoni sostenibbli. L-Indikazzjonijiet Ġeografiċi operattivi jippremjaw lill-produtturi b’mod ġust għall-isforzi tagħhom biex jipproduċu firxa diversa ta’ prodotti ta’ kwalità. Fl-istess ħin, dan jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija rurali, li huwa partikolarment il-każ f’żoni b’restrizzjonijiet naturali jew restrizzjonijiet speċifiċi oħra, bħal żoni muntanjużi u l-aktar reġjuni remoti, fejn is-settur tal-biedja jifforma parti sinifikanti mill-ekonomija u l-kostijiet tal-produzzjoni huma għoljin. B’dan il-mod, l-iskemi tal-kwalità jistgħu jikkontribwixxu għall-politika tal-iżvilupp rurali kif ukoll għall-politiki ta’ appoġġ tas-suq u tal-introjtu tal-PAK u jikkomplementawhom. B’mod partikolari, dawn jistgħu jikkontribwixxu għall-iżviluppi fis-settur tal-biedja u, b’mod speċjali, fiż-żoni żvantaġġati. Qafas tal-Unjoni li jipproteġi l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi billi jipprevedi l-inklużjoni tagħhom f’reġistru fil-livell tal-Unjoni jiffaċilita l-iżvilupp tas-settur agrikolu, peress li l-approċċ aktar uniformi li jirriżulta jiżgura kompetizzjoni ġusta bejn il-produtturi ta’ prodotti li jkollhom indikazzjonijiet bħal dawn u jsaħħaħ il-kredibbiltà tal-prodotti f’għajnejn il-konsumaturi. Is-sistema tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għandha l-għan li tippermetti lill-konsumaturi jagħmlu għażliet ta’ xiri aktar infurmati u, permezz tat-tikkettar u r-reklamar, tgħinhom jidentifikaw b’mod korrett il-prodotti tagħhom fis-suq. L-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, li huma tip ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, jgħinu lill-operaturi u lill-kumpaniji jivvalorizzaw l-assi intanġibbli tagħhom. Sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet inġusti ta’ kompetizzjoni u biex jiġi sostnut is-suq intern, kwalunkwe produttur, inkluż produttur ta’ pajjiż terz, jenħtieġ li jkun jista’ juża isem irreġistrat u prodotti tas-suq identifikati bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi madwar l-Unjoni u fil-kummerċ elettroniku, dment li l-prodott ikkonċernat ikun jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Ispeċifikazzjoni rilevanti u li l-produttur ikun kopert minn sistema ta’ kontrolli. Fid-dawl tal-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 27 , hemm bżonn li jiġu indirizzati ċerti kwistjonijiet legali, li jiġu ċċarati u ssimplifikati xi regoli u li jiġu ssimplifikati l-proċeduri.

    (10)Sabiex ikun hemm konformità mad-definizzjoni ta’ prodotti agrikoli fil-qafas internazzjonali, jiġifieri l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, jenħtieġ li jiġi previst l-użu tan-Nomenklatura Magħquda għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

    (11)L-Unjoni ilha għal xi żmien timmira li tissimplifika l-qafas regolatorju tal-Politika Agrikola Komuni. Dan l-approċċ jenħtieġ li japplika wkoll għar-regolamenti fil-qasam tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, mingħajr ma jqajjem dubji dwar il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull settur. Sabiex jiġu ssimplifikati l-proċeduri twal ta’ reġistrazzjoni u ta’ emenda, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli proċedurali armonizzati għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli fi strument legali wieħed, filwaqt li jinżammu dispożizzjonijiet speċifiċi għall-prodott għall-inbid fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, għax-xorb spirituż fir-Regolament (UE) 2019/787 u għall-prodotti agrikoli f’dan ir-Regolament. Il-proċeduri għar-reġistrazzjoni, l-emendi għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u l-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni fir-rigward tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi li joriġinaw fl-Unjoni, inklużi l-proċeduri ta’ oppożizzjoni, jenħtieġ li jitwettqu mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. L-Istati Membri u l-Kummissjoni jenħtieġ li jkunu responsabbli għal stadji distinti ta’ kull proċedura. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu responsabbli għall-ewwel stadju tal-proċedura, li jikkonsisti f’li jirċievu l-applikazzjoni mill-grupp ta’ produtturi, u li jivvalutawha, li jinkludi li jwettqu proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni, u, wara r-riżultati tal-valutazzjoni, jippreżentaw l-applikazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun responsabbli għall-iskrutinju tal-applikazzjoni fit-tieni stadju tal-proċedura, inkluż li twettaq proċedura ta’ oppożizzjoni dinjija, u li tieħu deċiżjoni dwar l-għoti tal-protezzjoni lill-Indikazzjoni Ġeografika jew le. L-Indikazzjonijiet Ġeografiċi jenħtieġ li jiġu rreġistrati biss fil-livell tal-Unjoni. Madankollu, b’effett mid-data tal-applikazzjoni mal-Kummissjoni għar-reġistrazzjoni fil-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħtu protezzjoni tranżizzjonali fil-livell nazzjonali mingħajr ma jaffettwaw is-suq intern jew il-kummerċ internazzjonali. Il-protezzjoni mogħtija b’dan ir-Regolament mar-reġistrazzjoni jenħtieġ li tkun disponibbli bl-istess mod għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ pajjiżi terzi li jissodisfaw il-kriterji korrispondenti u li huma protetti fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom. Il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq il-proċeduri korrispondenti għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi li joriġinaw f’pajjiżi terzi.

    (12)Sabiex jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn sistema tal-ikel sostenibbli u jwieġbu għad-domandi tas-soċjetà għal metodi ta’ produzzjoni sostenibbli, li jirrispettaw l-ambjent u l-klima, li jiżguraw il-benesseri tal-annimali, li jkunu effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, soċjalment u etikament responsabbli, il-produtturi tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi jenħtieġ li jiġu mħeġġa jaderixxu ma’ standards ta’ sostenibbiltà li huma aktar stretti minn dawk obbligatorji u jmorru lil hinn mill-prattika tajba. Tali rekwiżiti speċifiċi jistgħu jiġu stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. 

    (13)Sabiex jiġi żgurat teħid ta’ deċiżjonijiet koerenti fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni u tal-kontestazzjonijiet ġudizzjarji kontrihom, ippreżentati fil-proċedura nazzjonali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi infurmata fil-ħin u b’mod regolari meta jinbdew proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali jew korpi oħra rigward applikazzjoni għar-reġistrazzjoni mibgħuta mill-Istat Membru lill-Kummissjoni u dwar ir-riżultati finali tagħhom. Għall-istess raġuni, meta Stat Membru jqis li deċiżjoni nazzjonali li fuqha tkun bbażata l-applikazzjoni għall-protezzjoni x’aktarx li tiġi invalidata bħala riżultat ta’ proċedimenti ġudizzjarji nazzjonali, dan jenħtieġ li jinforma lill-Kummissjoni b’dik il-valutazzjoni. Jekk l-Istat Membru jitlob is-sospensjoni tal-iskrutinju ta’ applikazzjoni fil-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun eżentata mill-obbligu li tirrispetta l-iskadenza għall-iskrutinju stabbilita fiha. Sabiex l-applikant ikun protett minn azzjonijiet legali vessatorji u sabiex jinżamm id-dritt tal-applikant li jiżgura l-protezzjoni ta’ isem fi żmien raġonevoli, l-eżenzjoni jenħtieġ li tkun limitata għal każijiet li fihom l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tkun ġiet invalidata fil-livell nazzjonali b’deċiżjoni ġudizzjarja applikabbli immedjatament iżda mhux finali jew li fihom l-Istat Membru jqis li l-azzjoni biex tiġi kkontestata l-validità tal-applikazzjoni tkun ibbażata fuq raġunijiet validi.

    (14)Sabiex l-operaturi, li l-interessi tagħhom ikunu affettwati mir-reġistrazzjoni ta’ isem, jitħallew ikomplu jużaw dak l-isem għal perjodu ta’ żmien limitat, filwaqt li jkunu qed jiksru r-reġim ta’ protezzjoni stabbilit fl-Artikolu 27, jenħtieġ li jingħataw derogi speċifiċi għall-użu tal-ismijiet fil-forma ta’ perjodi tranżizzjonali. Perjodi bħal dawn jistgħu jkunu permessi wkoll biex jingħelbu diffikultajiet temporanji u bl-objettiv fit-tul li jiġi żgurat li l-produtturi kollha jikkonformaw mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

    (15)Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-uniformità madwar l-Istati Membri, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit u jinżamm reġistru elettroniku tal-Unjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, irreġistrati bħala Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti jew Indikazzjonijiet Ġeografiċi protetti. Ir-reġistru jenħtieġ li jipprovdi informazzjoni lill-konsumaturi u lil dawk involuti fil-kummerċ. Ir-reġistru jenħtieġ li jkun bażi tad-data elettronika maħżuna f’sistema tal-informazzjoni, u jenħtieġ li jkun aċċessibbli għall-pubbliku. 

    (16)L-Unjoni tinnegozja ftehimiet internazzjonali, inklużi dawk li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, mas-sħab kummerċjali tagħha. Sabiex jiġi ffaċilitat l-għoti lill-pubbliku ta’ informazzjoni dwar l-ismijiet protetti minn dawk il-ftehimiet internazzjonali, u b’mod partikolari biex jiġu żgurati l-protezzjoni u l-kontroll tal-użu li jingħataw dawk l-ismijiet, dawk l-ismijiet jistgħu jiddaħħlu fir-reġistru tal-Unjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi. Sakemm ma jkunux identifikati b’mod speċifiku bħala denominazzjonijiet ta’ oriġini f’dawk il-ftehimiet internazzjonali, l-ismijiet jenħtieġ li jiddaħħlu fir-reġistru bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi protetti.

    (17)Għall-aħjar funzjonament tas-suq intern, huwa importanti li l-produtturi u operaturi oħra kkonċernati, l-awtoritajiet u l-konsumaturi jista’ jkollhom aċċess rapidu u faċli għall-informazzjoni rilevanti dwar Denominazzjoni ta’ Oriġini protetta jew Indikazzjoni Ġeografika protetta rreġistrata. Din l-informazzjoni jenħtieġ li tinkludi, fejn applikabbli, l-informazzjoni dwar l-identità tal-grupp ta’ produtturi rikonoxxut fil-livell nazzjonali.

    (18)Jenħtieġ li tingħata protezzjoni lill-ismijiet imdaħħla fir-reġistru tal-Unjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi bil-għan li jiġi żgurat li jintużaw b’mod ġust u sabiex jiġu evitati prattiki li jistgħu jiżgwidaw lill-konsumaturi. Sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u tiġi miġġielda l-falsifikazzjoni b’mod aktar effettiv, il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi jenħtieġ li tapplika wkoll għall-ismijiet ta’ dominju fuq l-internet.

    (19)Sabiex jiġi stabbilit jekk prodotti jkunux komparabbli mal-prodotti rreġistrati bħala Indikazzjoni Ġeografika, jenħtieġ li jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha. Dawk jenħtieġ li jinkludu jekk il-prodotti jkollhomx karatteristiċi oġġettivi komuni, bħall-metodu ta’ produzzjoni, id-dehra fiżika jew l-użu tal-istess materja prima; f’liema ċirkostanzi l-prodotti jintużaw mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti; jekk dawn jiġux distribwiti ta’ spiss permezz tal-istess kanali; u jekk ikunux suġġetti għal regoli simili dwar il-kummerċjalizzazzjoni.

    (20)Fid-dawl tal-prattiki kummerċjali u tal-ġurisprudenza tal-Unjoni, hija meħtieġa ċarezza dwar l-użu ta’ Indikazzjoni Ġeografika fl-isem tal-bejgħ ta’ prodott ipproċessat li tiegħu l-prodott identifikat mill-Indikazzjoni Ġeografika jkun ingredjent. Jenħtieġ li jiġi żgurat li dan l-użu jsir f’konformità ma’ prattiki kummerċjali ġusti u ma jdgħajjifx, ma jnaqqasx jew ma jagħmilx ħsara lir-reputazzjoni tal-prodott li jkollu l-Indikazzjoni Ġeografika. Jenħtieġ li jkun meħtieġ kunsens ta’ maġġoranza kbira tal-produtturi tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi kkonċernati biex dan l-użu jkun jista’ jsir. 

    (21)Jenħtieġ li r-regoli dwar l-użu kontinwu ta’ ismijiet ġeneriċi jiġu ċċarati sabiex it-termini ġeneriċi li jkunu simili għal jew li jiffurmaw parti minn isem jew terminu li jkun protett jenħtieġ li jżommu l-istatus ġeneriku tagħhom.

    (22)Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni mogħtija skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi ċċarat, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawk il-limitazzjonijiet fuq ir-reġistrazzjoni ta’ trademarks ġodda stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 28 li jkunu kunfliġġenti mar-reġistrazzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi. Tali kjarifika hija meħtieġa wkoll fir-rigward tad-detenturi ta’ drittijiet preċedenti ta’ proprjetà intellettwali, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw trademarks u ismijiet omonimi rreġistrati bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

    (23)Il-gruppi ta’ produtturi għandhom rwol essenzjali fil-proċess ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, kif ukoll fl-emenda tal-ispeċifikazzjonijiet u tat-talbiet għall-kanċellazzjoni. Jenħtieġ li jkunu mgħammra bil-mezzi biex jidentifikaw u jikkummerċjalizzaw aħjar il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodotti tagħhom. Għalhekk, ir-rwol tal-grupp ta’ produtturi jenħtieġ li jiġi ċċarat.

    (24)Peress li l-produtturi ta’ prodotti li jkollhom Indikazzjonijiet Ġeografiċi jkunu fil-biċċa l-kbira intrapriżi żgħar jew ta’ daqs medju, dawn jiffaċċjaw kompetizzjoni minn operaturi oħra tul il-katina tal-provvista tal-ikel li tista’ toħloq kompetizzjoni inġusta bejn il-produtturi lokali u dawk li joperaw fuq skala aktar wiesgħa. F’dan il-kuntest, fl-interess tal-produtturi kollha kkonċernati, huwa meħtieġ li grupp ta’ produtturi wieħed ikun jista’ jwettaq azzjonijiet speċifiċi f’isem il-produtturi. Għal dak il-għan, jenħtieġ li tiġi stabbilita l-kategorija tal-grupp ta’ produtturi rikonoxxut, flimkien mal-kriterji meħtieġa biex grupp ta’ produtturi jikkwalifika bħala grupp rikonoxxut u d-drittijiet addizzjonali speċifiċi relatati, b’mod partikolari sabiex il-gruppi ta’ produtturi rikonoxxuti jingħataw l-għodod it-tajbin biex jinfurzaw aħjar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom kontra prattiki inġusti.

    (25)Ir-relazzjoni bejn l-ismijiet ta’ dominju tal-internet u l-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi jenħtieġ li tiġi ċċarata fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri ta’ rimedju, ir-rikonoxximent tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi fis-soluzzjoni tat-tilwim, u l-użu ġust tal-ismijiet ta’ dominju. Il-persuni li jkollhom interess leġittimu fuq Indikazzjoni Ġeografika li għaliha tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għar-reġistrazzjoni qabel ir-reġistrazzjoni tal-isem ta’ dominju jenħtieġ li jingħataw is-setgħa li jitolbu r-revoka jew it-trasferiment tal-isem ta’ dominju f’każ ta’ kunflitt.

    (26)Ir-relazzjoni bejn it-trademarks u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi jenħtieġ li tiġi ċċarata fir-rigward tal-kriterji għar-rifjut tal-applikazzjonijiet għat-trademarks, l-invalidazzjoni tat-trademarks u l-koeżistenza bejn it-trademarks u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

    (27)Sabiex jiġi evitat li jinħolqu kundizzjonijiet inġusti ta’ kompetizzjoni, kwalunkwe produttur, inkluż produttur ta’ pajjiż terz, jenħtieġ li jkun jista’ juża Indikazzjoni Ġeografika rreġistrata, dment li l-prodott ikkonċernat ikun jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott rilevanti jew mad-Dokument Uniku jew ma’ ekwivalenti għal dan tal-aħħar, jiġifieri sommarju sħiħ tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Is-sistema stabbilita mill-Istati Membri jenħtieġ li tiggarantixxi wkoll li l-produtturi li jikkonformaw mar-regoli jkunu intitolati li jkunu koperti mill-verifika tal-konformità tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

    (28)Is-simboli, l-indikazzjonijiet u t-taqsiriet li jidentifikaw Indikazzjoni Ġeografika rreġistrata, u d-drittijiet fiha li jappartjenu lill-Unjoni, jenħtieġ li jkunu protetti fl-Unjoni kif ukoll f’pajjiżi terzi bil-għan li jiġi żgurat li jintużaw fuq prodotti ġenwini u li l-konsumaturi ma jiġux imqarrqa rigward il-kwalitajiet tal-prodotti. 

    (29)It-tikkettar tal-inbid, tax-xorb spirituż u tal-prodotti agrikoli jenħtieġ li jkun suġġett għar-regoli ġenerali stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 29 , u b’mod partikolari għad-dispożizzjonijiet immirati biex jipprevjenu tikkettar li jista’ jfixkel jew jiżgwida lill-konsumaturi.

    (30)L-użu ta’ simboli jew indikazzjonijiet tal-Unjoni fuq l-imballaġġ ta’ prodotti identifikati minn Indikazzjoni Ġeografika jenħtieġ li jsir obbligatorju sabiex din il-kategorija ta’ prodotti, u l-garanziji marbuta magħhom, ikunu magħrufa aħjar mill-konsumaturi u sabiex jippermettu identifikazzjoni aktar faċli ta’ dawn il-prodotti fis-suq, u b’hekk jiffaċilitaw il-kontrolli. Madankollu, fid-dawl tan-natura speċifika tal-prodotti koperti minn dan ir-Regolament, jenħtieġ li jinżammu dispożizzjonijiet speċjali dwar it-tikkettar għall-inbid u x-xorb spirituż. L-użu ta’ dawn is-simboli jew indikazzjonijiet jenħtieġ li jibqa’ volontarju għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ oriġini ta’ pajjiżi terzi.

    (31)Il-valur miżjud tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi huwa bbażat fuq il-fiduċja tal-konsumatur. Is-sistema tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tiddependi b’mod sinifikanti fuq l-awtokontroll, id-diliġenza dovuta u r-responsabbiltà individwali tal-produtturi, filwaqt li huwa r-rwol tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jieħdu l-passi meħtieġa biex jipprevjenu jew iwaqqfu l-użu tal-ismijiet tal-prodotti li jkunu qed jiksru r-regoli li jirregolaw l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi. Ir-rwol tal-Kummissjoni huwa li tintervjeni f’każ ta’ nuqqas sistemiku fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. L-Indikazzjonijiet Ġeografiċi jenħtieġ li jkunu suġġetti għas-sistema ta’ kontrolli uffiċjali, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 30 , li jenħtieġ li tinkludi sistema ta’ kontrolli fl-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni. Kull operatur jenħtieġ li jkun suġġett għal sistema ta’ kontroll li tivverifika l-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Meta jitqies li l-inbid huwa suġġett għal kontrolli speċifiċi definiti fil-leġiżlazzjoni settorjali, dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi kontrolli għax-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli biss.

    (32)Sabiex jiġi żgurat li jkunu imparzjali u effettivi, l-awtoritajiet kompetenti maħtura biex iwettqu l-verifika tal-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jenħtieġ li jissodisfaw għadd ta’ kriterji operazzjonali. Jenħtieġ li jiġu previsti dispożizzjonijiet dwar id-delega ta’ xi kompetenzi ta’ twettiq ta’ kompiti speċifiċi ta’ kontroll lil korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti biex jiġi ffaċilitat il-kompitu tal-awtoritajiet ta’ kontroll u biex is-sistema ssir aktar effettiva. 

    (33)Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti u l-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti tiġi ppubblikata biex tiġi żgurata t-trasparenza u biex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jikkuntattjawhom.

    (34)L-istandards Ewropej żviluppati mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni u l-istandards internazzjonali żviluppati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni jenħtieġ li jintużaw għall-akkreditazzjoni tal-korpi ta’ kontroll kif ukoll minn dawk il-korpi għall-operazzjonijiet tagħhom. Jenħtieġ li l-akkreditazzjoni ta’ dawk il-korpi ssir f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 31 .

    (35)L-infurzar tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi fis-suq huwa importanti biex jiġu evitati prattiki frodulenti u qarrieqa u b’hekk jiġi żgurat li l-produtturi jiġu ppremjati kif xieraq għall-valur miżjud tal-prodotti tagħhom li jkollhom Indikazzjoni Ġeografika u li l-utenti illegali ta’ dawk l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi ma jitħallewx ibigħu l-prodotti tagħhom. Jenħtieġ li jitwettqu kontrolli abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju jew notifiki mill-operaturi, u jenħtieġ li jittieħdu passi amministrattivi u ġudizzjarji xierqa biex jiġi evitat jew jitwaqqaf l-użu ta’ ismijiet fuq prodotti jew servizzi li jmorru kontra l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi protetti.

    (36)Il-pjattaformi online qed isiru dejjem aktar użati għall-bejgħ ta’ prodotti, inkluż ta’ dawk identifikati bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi, u f’xi każijiet jistgħu jirrappreżentaw spazju importanti fir-rigward tal-prevenzjoni tal-frodi. F’dan ir-rigward, dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi regoli biex jiġi żgurat tikkettar xieraq tal-prodotti mibjugħa permezz ta’ pjattaformi online, u biex jingħataw setgħat lill-Istati Membri biex jiddiżattivaw l-aċċess għall-kontenut li jikser ir-regoli. Dawn ir-regoli jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 2022/XX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 32 .

    (37)Meta jitqies li prodott identifikat minn Indikazzjoni Ġeografika li jkun prodott fi Stat Membru wieħed jista’ jinbiegħ fi Stat Membru ieħor, jenħtieġ li tiġi żgurata l-assistenza amministrattiva bejn l-Istati Membri biex ikunu jistgħu jsiru kontrolli effettivi u jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-prattiċitajiet tagħha.

    (38)Għall-aħjar funzjonament tas-suq intern, huwa importanti li l-produtturi juru malajr u faċilment f’diversi kuntesti li jkunu awtorizzati jużaw isem protett, bħal fil-kontrolli doganali, fl-ispezzjonijiet tas-suq jew fuq talba mill-operaturi kummerċjali. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-produttur ikollu disponibbli ċertifikat uffiċjali, jew prova oħra taċ-ċertifikazzjoni tal-intitolament tiegħu li jipproduċi l-prodott identifikat minn Indikazzjoni Ġeografika.

    (39)Il-proċeduri għar-reġistrazzjoni, l-emenda u l-kanċellazzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, inkluż l-iskrutinju u l-proċedura ta’ oppożizzjoni, jenħtieġ li jitwettqu bl-aktar mod effiċjenti. Dan jista’ jinkiseb bl-użu tal-assistenza għall-iskrutinju tal-applikazzjonijiet ipprovduta mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO). Għalkemm ġiet ikkunsidrata esternalizzazzjoni parzjali lill-EUIPO, il-Kummissjoni tibqa’ responsabbli għar-reġistrazzjoni, għall-emenda u għall-kanċellazzjoni, minħabba rabta qawwija mal-Politika Agrikola Komuni u l-għarfien espert meħtieġ biex jiġi żgurat li l-ispeċifiċitajiet tal-inbid, tax-xorb spirituż u tal-prodotti agrikoli jiġu vvalutati b’mod adegwat.

    (40)Jenħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji biex tiġi vvalutata l-prestazzjoni tal-EUIPO. Dawn il-kriterji jenħtieġ li jiżguraw il-kwalità, il-koerenza u l-effiċjenza tal-assistenza pprovduta. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tħejji rapport lill-Parlament u lill-Kunsill dwar ir-riżultati u l-esperjenza tal-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kompiti mill-EUIPO.

    (41)Fid-dawl tal-prattika eżistenti, jenħtieġ li jinżammu ż-żewġ strumenti differenti għall-identifikazzjoni tar-rabta bejn il-prodott u l-oriġini ġeografika tiegħu, jiġifieri d-Denominazzjoni ta’ Oriġini u l-Indikazzjoni Ġeografika. Ir-regoli għall-varjetajiet ta’ pjanti u għar-razez ta’ annimali u d-definizzjonijiet tagħhom jenħtieġ li jiġu ċċarati sabiex tinftiehem aħjar il-konnessjoni tagħhom mal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi f’każ ta’ kunflitt. Ir-regoli dwar l-akkwist tal-għalf u tal-materja prima jenħtieġ li jibqgħu l-istess.

    (42)Prodott li jkollu Indikazzjoni Ġeografika jenħtieġ li jissodisfa ċerti kundizzjonijiet stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Sabiex din l-informazzjoni tkun tista’ tinftiehem faċilment ukoll mill-partijiet interessati, l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jenħtieġ li tinġabar fil-qosor f’Dokument Uniku.

    (43)Il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun assistita minn kumitat, magħmul mid-delegati tal-Istati Membri sabiex timplimenta r-regoli relatati mal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

    (44)L-objettiv speċifiku tal-iskema għall-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti huwa li tgħin lill-produtturi ta’ prodotti tradizzjonali jikkomunikaw lill-konsumaturi l-attributi li jżidu l-valur tal-prodott tagħhom. Sabiex jiġi evitat li jinħolqu kundizzjonijiet inġusti ta’ kompetizzjoni, kwalunkwe produttur, inkluż produttur minn pajjiż terz, jenħtieġ li jkun jista’ juża isem irreġistrat ta’ Speċjalità Tradizzjonali Garantita, dment li l-prodott ikkonċernat jikkonforma mar-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni rilevanti u li l-produttur ikun kopert minn sistema ta’ kontrolli.

    (45)Peress li ġew irreġistrati biss ftit ismijiet, l-iskema attwali għall-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti naqset milli tirrealizza l-potenzjal tagħha. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet attwali jenħtieġ li jittejbu, jiġu ċċarati u rfinati sabiex l-iskema tkun tinftiehem aktar faċilment, aktar operazzjonali u attraenti għall-applikanti potenzjali. Sabiex ikun żgurat li jiġu rreġistrati l-ismijiet ta’ prodotti tradizzjonali ġenwini, jenħtieġ li l-kriterji u l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ isem jiġu adattati, b’mod partikolari billi titneħħa l-kundizzjoni li l-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti jkollhom karattru speċifiku.

    (46)Sabiex jiġi żgurat li l-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti jikkonformaw mal-ispeċifikazzjoni tagħhom u jkunu konsistenti, jenħtieġ li l-produtturi organizzati fi gruppi jiddefinixxu huma stess il-prodott fi speċifikazzjoni. L-għażla li wieħed jirreġistra isem bħala Speċjalità Tradizzjonali Garantita jenħtieġ li tkun miftuħa għall-produtturi ta’ pajjiżi terzi.

    (47)Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, l-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti jenħtieġ li jiddaħħlu fir-reġistru.

    (48)Sabiex jiġi evitat li jinħolqu kundizzjonijiet inġusti ta’ kompetizzjoni, kwalunkwe produttur, inkluż produttur minn pajjiż terz, jenħtieġ li jkun jista’ juża isem irreġistrat ta’ Speċjalità Tradizzjonali Garantita, dment li l-prodott ikkonċernat jikkonforma mar-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni rilevanti u li l-produttur ikun kopert minn sistema ta’ kontrolli. Għall-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti prodotti fl-Unjoni, is-simbolu tal-Unjoni jenħtieġ li jiġi indikat fuq it-tikkettar u jenħtieġ li jkun possibbli li dan jiġi assoċjat mal-indikazzjoni “Speċjalità Tradizzjonali Garantita”. L-użu tal-ismijiet, is-simbolu tal-Unjoni u l-indikazzjoni jenħtieġ li jiġu rregolati biex jiġi żgurat approċċ uniformi fis-suq intern kollu.

    (49)L-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti jenħtieġ li jiġu protetti b’mod effettiv fis-suq sabiex il-produtturi tagħhom jiġu ppremjati kif xieraq għall-valur miżjud tagħhom u biex l-utenti illegali tal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti ma jitħallewx ibigħu l-prodotti tagħhom. 

    (50)Sabiex il-konsumaturi ma jiġux imqarrqa, l-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti rreġistrati jenħtieġ li jiġu protetti kontra kwalunkwe użu ħażin jew imitazzjoni, inkluż fir-rigward ta’ prodotti użati bħala ingredjenti, jew kontra kwalunkwe prattika oħra li x’aktarx tiżgwida lill-konsumatur. Sabiex jintlaħaq l-istess objettiv, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli għal użi speċifiċi ta’ speċjalitajiet tradizzjonali garantiti, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu ta’ termini li huma ġeneriċi fl-Unjoni, tikkettar li jkun fih jew jinkludi d-denominazzjoni ta’ varjetà ta’ pjanti jew razza ta’ annimali u trademarks.

    (51)Il-parteċipazzjoni fl-iskema ta’ speċjalitajiet tradizzjonali garantiti jenħtieġ li tiżgura li kwalunkwe operatur li jikkonforma mar-regoli ta’ din l-iskema jkun intitolat li jkun kopert mill-verifika tal-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

    (52)Il-proċeduri għar-reġistrazzjoni, l-emendi għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u l-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni fir-rigward tal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti li joriġinaw fl-Unjoni, inklużi l-proċeduri ta’ oppożizzjoni, jenħtieġ li jitwettqu mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. L-Istati Membri u l-Kummissjoni jenħtieġ li jkunu responsabbli għal stadji distinti ta’ kull proċedura. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu responsabbli għall-ewwel stadju tal-proċedura, li jikkonsisti f’li jirċievu l-applikazzjoni mill-grupp ta’ produtturi, u li jivvalutawha, li jinkludi li jwettqu proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni, u, wara r-riżultati tal-valutazzjoni, jippreżentaw l-applikazzjoni tal-Unjoni lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun responsabbli għall-iskrutinju tal-applikazzjoni, inkluż billi twettaq proċedura ta’ oppożizzjoni fil-livell dinji, u tiddeċiedi tagħtix il-protezzjoni ta’ Speċjalità Tradizzjonali Garantita jew le. Il-protezzjoni mogħtija b’dan ir-Regolament mar-reġistrazzjoni jenħtieġ li tkun disponibbli bl-istess mod għall-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti ta’ pajjiżi terzi li jissodisfaw il-kriterji korrispondenti u li jkunu protetti fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom. Il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq ukoll il-proċeduri korrispondenti għall-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti li joriġinaw minn pajjiżi terzi.

    (53)L-iskema tat-termini tal-kwalità fakultattivi ġiet introdotta permezz tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Din tirreferi għal karatteristiċi orizzontali speċifiċi, ta’ kategorija waħda jew aktar ta’ prodotti, metodi tal-biedja jew attributi tal-ipproċessar li japplikaw f’żoni speċifiċi. It-terminu tal-kwalità fakultattiv “prodott tal-muntanja” issodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti għat-termini tal-kwalità fakultattivi u ġie stabbilit permezz ta’ dak ir-Regolament. Dan ipprovda għodda effettiva lill-produtturi tal-muntanji biex jikkummerċjalizzaw aħjar il-prodott tagħhom u biex inaqqsu r-riskji attwali ta’ konfużjoni tal-konsumatur dwar il-provenjenza mill-muntanji tal-prodotti fis-suq. Jenħtieġ li tinżamm il-possibbiltà għall-produtturi li jużaw termini tal-kwalità fakultattivi, peress li l-iskema għadha ma laħqitx bis-sħiħ il-potenzjal tagħha fl-Istati Membri minħabba li ma ilhiex tiġi applikata.

    (54)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi megħjuna minn kumitat magħmul mid-delegati tal-Istati Membri, sabiex timplimenta r-regoli relatati mal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti u t-termini tal-kwalità fakultattivi, stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    (55)Id-dispożizzjonijiet dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi fir-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, fil-każ tas-settur tal-inbid, u (UE) 2019/787, fil-każ tas-settur tax-xorb spirituż, jeħtieġ li jiġu emendati sabiex jiġu allinjati mar-regoli komuni dwar ir-reġistrazzjoni, l-emenda, l-oppożizzjoni, il-kanċellazzjoni, il-protezzjoni u l-kontrolli tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi stabbiliti f’dan ir-Regolament. B’mod partikolari għall-inbid, huma meħtieġa bidliet addizzjonali għad-definizzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi protetti f’konformità mal-Ftehim dwar il-Proprjetà Intellettwali Relatata mal-Kummerċ. Għal raġunijiet ta’ konsistenza ma’ dan ir-Regolament, id-dispożizzjoni dwar il-kompiti tal-EUIPO stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 33 jenħtieġ li tiġi emendata wkoll.

    (56)Sabiex tissupplimenta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-definizzjoni tal-istandards ta’ sostenibbiltà u l-istabbiliment ta’ kriterji għar-rikonoxximent tal-istandards ta’ sostenibbiltà eżistenti; il-kjarifika jew iż-żieda ta’ punti li għandhom jiġu pprovduti bħala parti mill-informazzjoni ta’ akkumpanjament; l-inkarigar lill-EUIPO bil-kompiti relatati mal-iskrutinju għall-oppożizzjoni u l-proċedura ta’ oppożizzjoni, it-tħaddim tar-reġistru, il-pubblikazzjoni ta’ emendi standard għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, il-konsultazzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ kanċellazzjoni, l-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ sistema ta’ twissija li tinforma lill-applikanti dwar id-disponibbiltà tal-Indikazzjoni Ġeografika tagħhom bħala isem ta’ dominju, l-iskrutinju tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ pajjiżi terzi minbarra l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi skont l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi 34 , proposti għall-protezzjoni skont negozjati internazzjonali jew ftehimiet internazzjonali; l-istabbiliment ta’ kriterji xierqa għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-EUIPO fl-eżekuzzjoni tal-kompiti fdati lilu; l-istabbiliment ta’ regoli addizzjonali dwar l-użu ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi biex jiġu identifikati l-ingredjenti fi prodotti pproċessati; l-istabbiliment ta’ regoli addizzjonali biex jiġi ddeterminat l-istatus ġeneriku tat-termini; l-istabbiliment tar-restrizzjonijiet u d-derogi fir-rigward tal-akkwist ta’ għalf fil-każ ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini; l-istabbiliment tar-restrizzjonijiet u d-derogi fir-rigward tat-tbiċċir ta’ annimali ħajjin jew fir-rigward tal-akkwist ta’ materja prima; l-istabbiliment ta’ regoli biex jiġi ddeterminat l-użu tad-denominazzjoni ta’ varjetà ta’ pjanta jew ta’ razza ta’ annimali; l-istabbiliment ta’ regoli li jillimitaw l-informazzjoni li tinsab fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u għall-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti; l-istabbiliment ta’ dettalji ulterjuri dwar il-kriterji tal-eliġibbiltà għall-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti; l-istabbiliment ta’ regoli addizzjonali li jipprevedu proċeduri xierqa ta’ ċertifikazzjoni u akkreditazzjoni li għandhom japplikaw fir-rigward tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti; l-istabbiliment ta’ regoli addizzjonali biex jingħataw aktar dettalji dwar il-protezzjoni tal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti; l-istabbiliment għall-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti ta’ regoli addizzjonali għad-determinazzjoni tal-istatus ġeneriku tat-termini, il-kundizzjonijiet għall-użu tad-denominazzjonijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti u ta’ razez tal-annimali, u r-rabta mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; id-definizzjoni ta’ regoli addizzjonali għal applikazzjonijiet konġunti li jikkonċernaw aktar minn territorju nazzjonali wieħed u li jikkomplementaw ir-regoli tal-proċess tal-applikazzjoni għal speċjalitajiet tradizzjonali garantiti; l-ikkomplimentar tar-regoli għall-proċedura ta’ oppożizzjoni għall-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti biex jiġu stabbiliti proċeduri u skadenzi dettaljati; is-supplimentar tar-regoli dwar il-proċess ta’ applikazzjoni għal emenda għall-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti; is-supplimentar tar-regoli dwar il-proċess ta’ kanċellazzjoni għall-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti; l-istabbiliment ta’ regoli dettaljati relatati mal-kriterji għat-termini tal-kwalità fakultattivi; ir-riżerva ta’ terminu tal-kwalità fakultattiv addizzjonali, filwaqt li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-użu tiegħu; l-istabbiliment ta’ derogi mill-użu tat-terminu “prodott tal-muntanja” u l-istabbiliment tal-metodi ta’ produzzjoni, u kriterji oħra rilevanti għall-applikazzjoni ta’ dak it-terminu tal-kwalità fakultattiv, b’mod partikolari, l-istabbiliment tal-kundizzjonijiet li taħthom il-materja prima jew l-għalf jitħallew jiġu minn barra ż-żoni muntanjużi. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar ir-Regolamentazzjoni Aħjar 35 . B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed iħejju atti delegati.          

    (57)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-definizzjoni tal-preżentazzjoni teknika tal-klassifikazzjoni tal-prodotti identifikati minn Indikazzjonijiet Ġeografiċi skont in-Nomenklatura Magħquda u l-aċċess online għaliha; id-definizzjoni ta’ preżentazzjoni armonizzata tal-impenji ta’ sostenibbiltà; id-definizzjoni tal-format u tal-preżentazzjoni online tad-dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament u l-previżjoni tal-esklużjoni jew l-anonimizzazzjoni ta’ data personali protetta; l-istabbiliment ta’ regoli dettaljati dwar il-proċeduri, il-forma u l-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni, inkluż għal applikazzjonijiet li jikkonċernaw aktar minn territorju nazzjonali wieħed; id-definizzjoni tal-format u tal-preżentazzjoni online tal-oppożizzjonijiet u l-kummenti uffiċjali u l-previżjoni tal-esklużjoni jew l-anonimizzazzjoni ta’ data personali protetta; l-għoti ta’ perjodu tranżizzjonali biex ikun permess l-użu ta’ isem irreġistrat flimkien ma’ ismijiet oħra li altrimenti jmorru kontra isem irreġistrat u l-estensjoni ta’ tali perjodu tranżizzjonali; ir-rifjut tal-applikazzjoni; it-teħid ta’ deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni ta’ Indikazzjoni Ġeografika jekk ma jkunx intlaħaq qbil; ir-reġistrazzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ prodotti ta’ pajjiżi terzi li jkunu protetti fl-Unjoni taħt ftehim internazzjonali li għalih l-Unjoni tkun parti kontraenti; id-definizzjoni tal-kontenut u l-preżentazzjoni tar-reġistru tal-Unjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi; id-definizzjoni tal-format u tal-preżentazzjoni online tal-estratti mir-reġistru tal-Unjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, u l-previżjoni tal-esklużjoni jew l-anonimizzazzjoni ta’ data personali protetta; l-istabbiliment ta’ regoli dettaljati dwar il-proċeduri, il-forma u l-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għal emenda tal-Unjoni u dwar il-proċeduri, il-forma u l-komunikazzjoni lill-Kummissjoni ta’ emenda standard; il-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ Indikazzjoni Ġeografika; l-istabbiliment ta’ regoli dettaljati dwar il-proċeduri u l-forma tal-kanċellazzjoni ta’ reġistrazzjoni u dwar il-preżentazzjoni tat-talbiet għall-kanċellazzjoni; l-istabbiliment tas-simboli tal-Unjoni għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, id-definizzjoni tal-karatteristiċi tekniċi tas-simboli u l-indikazzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll ir-regoli tal-użu tagħhom fuq prodotti kkummerċjalizzati taħt Indikazzjoni Ġeografika rreġistrata, inklużi regoli dwar il-verżjonijiet lingwistiċi xierqa li għandhom jintużaw; l-ispjegazzjoni tan-natura u t-tip ta’ informazzjoni li għandha tiġi skambjata u l-metodi għall-iskambju ta’ informazzjoni skont l-assistenza reċiproka għall-finijiet ta’ kontrolli u infurzar; l-istabbiliment ta’ regoli dwar il-forma tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli; id-definizzjoni tal-format u tal-preżentazzjoni online tad-Dokument Uniku ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli u l-previżjoni tal-esklużjoni jew l-anonimizzazzjoni ta’ data personali protetta; għall-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti: l-istabbiliment ta’ regoli dwar il-forma tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott; l-istabbiliment ta’ regoli dettaljati dwar il-forma u l-kontenut tar-reġistru tal-Unjoni tal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti; l-istabbiliment tas-simbolu tal-Unjoni tal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti; l-istabbiliment ta’ regoli għall-protezzjoni uniformi tal-indikazzjonijiet, it-taqsiriet u s-simbolu tal-Unjoni, regoli dwar l-użu tagħhom u dwar il-karatteristiċi tekniċi tas-simbolu tal-Unjoni; l-istabbiliment ta’ rekwiżiti proċedurali u formali għall-protezzjoni ta’ speċjalitajiet tradizzjonali garantiti; l-istabbiliment ta’ regoli dettaljati dwar il-proċeduri, il-forma u l-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni, inkluż għal applikazzjonijiet li jikkonċernaw aktar minn territorju nazzjonali wieħed, tal-oppożizzjonijiet u tal-applikazzjonijiet għal emendi ta’ Speċifikazzjoni tal-Prodott u l-applikazzjonijiet għall-kanċellazzjoni ta’ reġistrazzjoni; perjodi tranżizzjonali għall-użu ta’ speċjalitajiet tradizzjonali garantiti; ir-rifjut ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni; it-teħid ta’ deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni ta’ Speċjalità Tradizzjonali Garantita jekk ma jkunx intlaħaq ftehim; il-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ Speċjalità Tradizzjonali Garantita; għat-termini u l-iskemi tal-kwalità fakultattivi: l-istabbiliment tad-dettalji tekniċi meħtieġa għan-notifika tat-termini u l-iskemi tal-kwalità fakultattivi; l-istabbiliment ta’ regoli relatati ma’ forom, proċeduri jew dettalji tekniċi oħra; l-istabbiliment tar-regoli għall-użu ta’ termini tal-kwalità fakultattivi. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 36 .            

    (58)Il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni mingħajr ma tapplika r-Regolament (UE) Nru 182/2011 fir-rigward ta’: ir-reġistrazzjoni ta’ isem jekk ma jkun hemm l-ebda oppożizzjoni ammissibbli jew, f’każ ta’ oppożizzjoni ammissibbli, meta jkun intlaħaq il-ftehim għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u għall-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti u jekk ikun meħtieġ l-emenda tal-informazzjoni ppubblikata, dment li dawn l-emendi ma jkunux sostanzjali; l-istabbiliment u ż-żamma ta’ reġistru elettroniku ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi u reġistru elettroniku ta’ speċjalitajiet tradizzjonali garantiti aċċessibbli għall-pubbliku; l-għoti ta’ perjodu tranżizzjonali għall-użu ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi wara oppożizzjoni ppreżentata fil-proċedura nazzjonali; il-kanċellazzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi rreġistrati bi ksur ta’ Indikazzjoni Ġeografika kompletament jew parzjalment omonima li diġà tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għaliha jew ġiet irreġistrata; id-definizzjoni tal-mezzi li bihom għandhom jiġu ppubblikati l-isem u l-indirizz tal-awtoritajiet kompetenti u tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti għall-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti.

    (59)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2017/1001 u (UE) 2019/787 jiġu emendati kif xieraq u jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 jitħassar.  

    (60)Id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti, l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti u l-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti diġà rreġistrati skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012, id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti diġà rreġistrati skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi diġà rreġistrati skont ir-Regolament (UE) 2019/787 jenħtieġ li jkomplu jiġu protetti skont dan ir-Regolament, u jenħtieġ li dawn jiġu inklużi awtomatikament fir-reġistru rispettiv.

    (61)Jenħtieġ li jiġu previsti arranġamenti xierqa biex tiġi ffaċilitata tranżizzjoni bla xkiel mir-regoli previsti fir-Regolamenti (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 1308/2013 u (UE) 2019/787 għar-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Titolu I
    Dispożizzjonijiet ġenerali

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar:

    (a) Indikazzjonijiet Ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli.

    (b) Speċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti u termini tal-kwalità fakultattivi għall-prodotti agrikoli. 

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    1.Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)“grupp ta’ produtturi” tfisser kwalunkwe assoċjazzjoni, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha, magħmula prinċipalment minn produtturi jew proċessuri tal-istess prodott;

    (b)“tradizzjonali” u “tradizzjoni”, assoċjati ma’ prodott li joriġina f’żona ġeografika, ifissru użu storiku ppruvat mill-produtturi f’komunità għal perjodu li jippermetti t-trażmissjoni bejn il-ġenerazzjonijiet; dan il-perjodu għandu jkun ta’ mill-inqas 30 sena u l-użu msemmi jista’ jinkludi modifiki meħtieġa minn bidliet fil-prattiki tal-iġjene u tas-sikurezza;

    (c)id-definizzjoni ta’ “tikkettar” fl-Artikolu 2(2)(j), tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011;

    (d)“stadju tal-produzzjoni” tfisser kwalunkwe stadju tal-produzzjoni, tal-ipproċessar, tal-preparazzjoni jew tat-tqaddim, sal-punt fejn il-prodott ikun f’forma li għandha titqiegħed fis-suq intern;

    (e)“prodotti pproċessati” tfisser ikel li jirriżulta mill-ipproċessar ta’ prodotti mhux ipproċessati skont it-tifsira tal-Artikolu 2(m) u (o) tar-Regolament 852/2004;

    (f)“korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti” tfisser korpi skont it-tifsira tat-Titolu II, il-Kapitolu III, tar-Regolament (UE) 2017/625 li jiċċertifikaw li l-prodotti identifikati minn Indikazzjonijiet Ġeografiċi jew l-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti jikkonformaw mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

    (g)“terminu ġeneriku” tfisser:

    (i) l-isem ta’ prodotti li, għalkemm ikun marbut mal-post, mar-reġjun jew mal-pajjiż fejn oriġinarjament ġie magħmul jew mibjugħ, ikun sar l-isem komuni ta’ prodott fl-Unjoni; u

    (ii) terminu komuni li jiddeskrivi tipi ta’ prodotti, attributi tal-prodotti jew termini oħra li ma jirreferux għal prodott speċifiku;

    (h)“denominazzjoni ta’ varjetà ta’ pjanti” tfisser id-denominazzjoni ta’ varjetà partikolari, li tkun tintuża b’mod komuni jew li huma uffiċjalment irreġistrati skont id-Direttivi tal-Kunsill 2002/53/KE 37 , 2002/55/KE 38 , 2008/90/KE 39 jew ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2100/94 40 , bil-lingwa jew bil-lingwi li b’dan il-mod jintużaw jew jiġu elenkati, fid-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika kkonċernata; 

    (i)“denominazzjoni ta’ razza tal-annimali” tfisser l-ismijiet ta’ razez skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 41 li huma elenkati f’kotba tat-tnissil jew f’reġistri tat-tnissil, bil-lingwa jew bil-lingwi li b’dan il-mod huma elenkati, fid-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika kkonċernata.

    Artikolu 3

    Protezzjoni tad-data

    1.Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jipproċessaw u jippubblikaw id-data personali riċevuta matul il-proċeduri għar-reġistrazzjoni, l-approvazzjoni ta’ emendi, il-kanċellazzjoni, l-oppożizzjoni, l-għoti ta’ perjodu tranżizzjonali u l-kontroll skont dan ir-Regolament, ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-Regolament (UE) 2019/787, f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2018/1725 u (UE) 2016/679. 

    2.Il-Kummissjoni għandha tkun kontrollur skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2018/1725 fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fil-proċedura li hija kompetenti għaliha f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 2019/787, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2021/1235 42 u dan ir-Regolament.

    3.L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom ikunu kontrolluri fit-tifsira tar-Regolament (UE) 2016/679 fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fil-proċeduri li huma kompetenti għalihom f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/787, ir-Regolament Delegat (UE) 2021/2014 u dan ir-Regolament.

    Titolu II
    Indikazzjonijiet ġeografiċi

    Kapitolu 1
    Dispożizzjonijiet ġenerali

    Artikolu 4

    Objettivi

    1.Dan it-Titolu jipprevedi sistema unitarja u esklużiva ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi, li tipproteġi l-ismijiet ta’ nbid, xorb spirituż u prodotti agrikoli li għandhom karatteristiċi, attributi jew reputazzjoni marbuta mal-post tal-produzzjoni tagħhom, u b’hekk tiżgura dan li ġej:

    (a)il-produtturi li jaġixxu b’mod kollettiv ikollhom is-setgħat u r-responsabbiltajiet meħtieġa biex jimmaniġġjaw l-Indikazzjoni Ġeografika tagħhom, inkluż biex jissodisfaw id-domandi tas-soċjetà għall-prodotti li jirriżultaw minn produzzjoni sostenibbli fit-tliet dimensjonijiet tagħha ta’ valur ekonomiku, ambjentali u soċjali, u biex joperaw fis-suq; 

    (b)kompetizzjoni ġusta għall-produtturi fil-katina tal-kummerċjalizzazzjoni;

    (c)il-konsumaturi jirċievu informazzjoni affidabbli u garanzija ta’ awtentiċità ta’ tali prodotti u jkunu jistgħu jidentifikawhom faċilment fis-suq inkluż fil-kummerċ elettroniku;

    (d)reġistrazzjoni effiċjenti tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi filwaqt li titqies il-protezzjoni xierqa tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; u

    (e)l-infurzar u l-kummerċjalizzazzjoni effettivi madwar l-Unjoni u fil-kummerċ elettroniku li jiżguraw l-integrità tas-suq intern.

    Artikolu 5

    Kamp ta’ applikazzjoni

    1.Dan it-Titolu jkopri l-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, inklużi l-oġġetti tal-ikel u l-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, elenkati fil-Kapitoli 1 sa 23 tan-Nomenklatura Magħquda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 43 , u l-prodotti agrikoli addizzjonali taħt l-intestaturi u l-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

    2.Ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi huma mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-produtturi li jikkonformaw ma’ regoli oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk relatati mat-tqegħid ta’ prodotti fis-suq, mar-regoli sanitarji u fitosanitarji, mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, ir-regoli tal-kompetizzjoni u l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi.

    3.Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 44 ma għandhiex tapplika għas-sistema tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi stabbilita f’dan ir-Regolament.

    Artikolu 6

    Klassifikazzjoni

    1.Il-prodotti identifikati minn Indikazzjonijiet Ġeografiċi għandhom jiġu kklassifikati skont in-Nomenklatura Magħquda fil-livell ta’ żewġ, erba’ jew sitt ċifri. Meta Indikazzjoni Ġeografika tkopri prodotti ta’ aktar minn kategorija waħda, kull entrata għandha tiġi speċifikata. Il-klassifikazzjoni tal-prodotti għandha tintuża biss għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni, statistika u żamma ta’ rekords. Din il-klassifikazzjoni ma għandhiex tintuża biex jiġu ddeterminati prodotti komparabbli għall-finijiet ta’ protezzjoni kontra l-użu kummerċjali dirett u indirett imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 27(1). 

    2.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddefinixxu l-preżentazzjoni teknika tal-klassifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u l-aċċess online għaliha. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 53(2)

    Artikolu 7

    Definizzjonijiet

    1.Għall-finijiet ta’ dan it-Titolu, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)“Indikazzjoni Ġeografika”, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor, tfisser Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ nbid, kif definiti fl-Artikolu 93 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli, kif definiti fl-Artikolu 48 ta’ dan ir-Regolament u Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ xorb spirituż, kif definit fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament (UE) 2019/787, li tiġi ppreżentata applikazzjoni għalihom jew li jiddaħħlu fir-reġistru tal-Unjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi msemmi fl-Artikolu 23;

    (b)“inbid” tfisser il-prodotti msemmija fil-punti 1, 3 sa 6, 8, 9 , 11, 15 u 16 tal-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

    (c)“xorb spirituż” kif definiti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/787;

    (d)“prodotti agrikoli” tfisser il-prodotti msemmija fl-Artikolu 5(1) minbarra nbid u xorb spirituż;

    (e)“Nomenklatura Magħquda” tfisser in-nomenklatura tal-merkanzija stabbilita bl-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87;

    (f)“grupp ta’ produtturi rikonoxxut” tfisser assoċjazzjoni formali li jkollha personalità ġuridika u rikonoxxuta mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bħala l-uniku grupp li jaġixxi f’isem il-produtturi kollha;

    (g)“produttur” tfisser operatur involut fi kwalunkwe pass tal-produzzjoni ta’ prodott protett b’Indikazzjoni Ġeografika, inklużi attivitajiet ta’ pproċessar, koperti mill-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott;

    Kapitolu 2
    Reġistrazzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi

    Artikolu 8

    Applikant

    1.L-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi jistgħu jiġu ppreżentati biss minn grupp ta’ produtturi ta’ prodott (“grupp ta’ produtturi applikant”), li l-isem tiegħu jiġi propost għar-reġistrazzjoni. Il-korpi pubbliċi reġjonali jew lokali jistgħu jgħinu fit-tħejjija tal-applikazzjoni u fil-proċedura relatata. 

    2.Awtorità maħtura minn Stat Membru tista’ titqies bħala grupp ta’ produtturi applikant għall-finijiet ta’ dan it-Titolu, fir-rigward tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ xarba spirituża jekk ma jkunx fattibbli għall-produtturi kkonċernati li jiffurmaw grupp minħabba n-numru, il-pożizzjoni ġeografika jew il-karatteristiċi organizzattivi tagħhom. F’każ bħal dan, l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(2) għandha tiddikjara dawk ir-raġunijiet.

    3.Produttur wieħed jista’ jitqies bħala grupp ta’ produtturi applikant għall-finijiet ta’ dan it-Titolu meta jintwera li ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin huma ssodisfati:

    (a)il-persuna kkonċernata tkun l-uniku produttur li lest jippreżenta applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ Indikazzjoni Ġeografika; u

    (b)iż-żona ġeografika kkonċernata tkun iddefinita minn karatteristiċi naturali mingħajr referenza għall-konfini tal-proprjetà u jkollha karatteristiċi li jvarjaw b’mod sinifikanti minn dawk taż-żoni ġirien jew il-karatteristiċi tal-prodott ikunu differenti minn dawk prodotti f’żoni ġirien.

    4.Fil-każ ta’ Indikazzjoni Ġeografika li tindika żona ġeografika transfruntiera, diversi gruppi ta’ produtturi minn Stati Membri differenti jew minn pajjiżi terzi jistgħu jippreżentaw applikazzjoni konġunta għar-reġistrazzjoni ta’ Indikazzjoni Ġeografika.

    Artikolu 9

    Stadju nazzjonali tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni 

    1.Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ Indikazzjoni Ġeografika li tikkonċerna prodott li joriġina fl-Unjoni għandha tiġi indirizzata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li minnu joriġina l-prodott.

    2.L-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu (1) għandha tinkludi:

    (a)l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott prevista fl-Artikolu 11;

    (b)id-Dokument Uniku previst fl-Artikolu 13;

    (c)id-dokumenti ta’ akkumpanjament imsemmija fl-Artikolu 14(1)(b), (c) u (d).

    3.L-Istat Membru għandu jiskrutinizza l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni sabiex jivverifika li din tissodisfa l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tad-dispożizzjonijiet rispettivi għall-inbid, ix-xorb spirituż jew il-prodotti agrikoli kif xieraq.

    4.Bħala parti mill-iskrutinju msemmi fil-paragrafu (3), l-Istat Membru għandu jwettaq proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni. Il-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni għandha tiżgura l-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u tipprevedi perjodu ta’ mill-inqas xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni li fih kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti fit-territorju tal-Istat Membru li minnu joriġina l-prodott ikkonċernat, tista’ tippreżenta oppożizzjoni għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ma’ dak l-Istat Membru.

    5.L-Istat Membru għandu jistabbilixxi l-modalitajiet tal-proċedura ta’ oppożizzjoni. Dawn il-modalitajiet jistgħu jinkludu kriterji għall-ammissibbiltà ta’ oppożizzjoni, perjodu ta’ konsultazzjoni bejn il-grupp ta’ produtturi applikant u kull opponent, u l-preżentazzjoni ta’ rapport mill-grupp ta’ produtturi applikant dwar l-eżitu tal-konsultazzjonijiet, inkluża kwalunkwe bidla li l-grupp ta’ produtturi applikant ikun għamel fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

    6.Jekk, wara l-iskrutinju tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u l-valutazzjoni tar-riżultati ta’ kwalunkwe oppożizzjoni riċevuta u kwalunkwe bidla fl-applikazzjoni miftiehma mal-grupp ta’ produtturi applikant, l-Istat Membru jqis li r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament ikunu ssodisfati, huwa jista’ jieħu deċiżjoni favorevoli u jippreżenta applikazzjoni tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 15.

    7.L-Istat Membru għandu jiżgura li d-deċiżjoni favorevoli jew le tiegħu tiġi ppubblikata u li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu jkollha l-opportunità li tressaq appell. L-Istat Membru għandu jiżgura wkoll li tiġi ppubblikata l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott li fuqha tkun ibbażata d-deċiżjoni favorevoli tiegħu, u għandu jipprovdi aċċess elettroniku għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

    Artikolu 10

    Protezzjoni nazzjonali tranżizzjonali

    1.Stat Membru jista’, fuq bażi temporanja, jagħti protezzjoni tranżizzjonali lil isem fil-livell nazzjonali, b’effett mid-data li fiha applikazzjoni tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni.

    2.Tali protezzjoni nazzjonali għandha tieqaf fid-data li fiha jew jidħol fis-seħħ l-att ta’ implimentazzjoni li jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, adottat f’konformità mal-Artikolu 22, jew l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiġi rtirata.

    3.Meta isem ma jiġix irreġistrat skont dan ir-Regolament, il-konsegwenzi tal-protezzjoni nazzjonali tranżizzjonali għandhom ikunu r-responsabbiltà unika tal-Istat Membru kkonċernat.

    4.Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandhom jipproduċu effetti fil-livell nazzjonali biss, u ma għandu jkollhom l-ebda effett fuq is-suq intern jew fil-kummerċ internazzjonali.

    Artikolu 11

    Speċifikazzjoni tal-prodott

    Għall-finijiet ta’ dan it-Titolu, l-“Ispeċifikazzjoni tal-Prodott” ta’ Indikazzjoni Ġeografika għandha tkun id-dokument imsemmi fi:

    (a)l-Artikolu 94 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għall-inbid;

    (b)l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2019/787 għax-xorb spirituż;

    (c)l-Artikolu 51 ta’ dan ir-Regolament għall-prodotti agrikoli.

    Artikolu 12

    Impenji ta’ sostenibbiltà

    1.Grupp ta’ produtturi jista’ jaqbel dwar impenji ta’ sostenibbiltà li għandhom jiġu rrispettati fil-produzzjoni tal-prodott identifikat minn Indikazzjoni Ġeografika. Dawn l-impenji għandu jkollhom l-għan li japplikaw standard ta’ sostenibbiltà ogħla minn dak ordnat mid-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali u li jmorru lil hinn mill-prattika tajba f’aspetti sinifikanti f’termini ta’ impenji soċjali, ambjentali jew ekonomiċi. Dawn l-impenji għandhom ikunu speċifiċi, għandhom iqisu l-prattiki ta’ sostenibbiltà eżistenti użati għall-prodotti identifikati minn Indikazzjonijiet Ġeografiċi, u jistgħu jirreferu għal skemi ta’ sostenibbiltà eżistenti.

    2.L-impenji ta’ sostenibbiltà msemmija fil-paragrafu (1) għandhom jiġu inklużi fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

    3.L-impenji ta’ sostenibbiltà msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti għall-konformità mal-istandards tal-iġjene, tas-sikurezza u mar-regoli tal-kompetizzjoni.

    4.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84 li jiddefinixxu l-istandards ta’ sostenibbiltà f’setturi differenti u li jistabbilixxu kriterji għar-rikonoxximent tal-istandards ta’ sostenibbiltà eżistenti li magħhom jistgħu jaderixxu l-produtturi tal-prodotti identifikati minn Indikazzjonijiet Ġeografiċi. 

    5.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddefinixxu preżentazzjoni armonizzata tal-impennji ta’ sostenibbiltà. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 53(2).

    Artikolu 13

    Dokument Uniku

    1.Id-“Dokument Uniku” għal Indikazzjoni Ġeografika jirreferi għal:

    (a)id-dokument li jiġbor fil-qosor l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott imsemmija fl-Artikolu 94 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għall-inbid;

    (b)id-dokument imsemmi fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2019/787 għax-xorb spirituż;

    (c)id-dokument imsemmi fl-Artikolu 52 ta’ dan ir-Regolament għall-prodotti agrikoli.

    Artikolu 14

    Dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament

    1.Id-dokumentazzjoni li takkumpanja l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għandha tinkludi:

    (a)informazzjoni dwar kwalunkwe limitazzjoni proposta fuq l-użu jew fuq il-protezzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika, u, fejn rilevanti, kwalunkwe miżura tranżizzjonali, proposta mill-grupp ta’ produtturi applikant jew mill-awtoritajiet nazzjonali b’mod partikolari wara l-proċedura nazzjonali ta’ skrutinju u oppożizzjoni;

    (b)l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-grupp ta’ produtturi applikant;

    (c)l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti u/jew tal-korp taċ-ċertifikazzjoni tal-prodott li jivverifika l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott skont:

    (i)l-Artikolu 116a tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-inbid;

    (ii) l-Artikolu 39 ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ prodotti agrikoli u xorb spirituż;

    (d)kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa xierqa mill-Istat Membru, jew mill-grupp ta’ produtturi applikant fejn applikabbli.

    2.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84 li jissupplimentaw dan ir-Regolament b’dispożizzjonijiet li jiċċaraw ir-rekwiżiti jew li jelenkaw punti addizzjonali tad-dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament li għandha tiġi pprovduta.

    3.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddefinixxu l-format u l-preżentazzjoni online tad-dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament prevista fil-paragrafu (1), u dwar l-esklużjoni jew l-anonimizzazzjoni ta’ data personali protetta. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 53(2).

    Artikolu 15

    Applikazzjoni tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni

    1.Għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi li jikkonċernaw prodotti li joriġinaw fl-Unjoni, l-applikazzjoni tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni għandha tinkludi:  

    (a)id-Dokument Uniku msemmi fl-Artikolu 13;

    (b)id-dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament imsemmija fl-Artikolu 14;

    (c)dikjarazzjoni mill-Istat Membru li lilu tkun ġiet indirizzata inizjalment l-applikazzjoni, li tikkonferma li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni; u

    (d)ir-referenza tal-pubblikazzjoni elettronika tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott li għandha tinżamm aġġornata.

    2.Għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi li jikkonċernaw prodotti li joriġinaw barra mill-Unjoni, l-applikazzjoni tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni għandha tinkludi:

    (a)l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott bir-referenza tal-pubblikazzjoni tagħha,

    (b)id-Dokument Uniku msemmi fl-Artikolu 13;

    (c)id-dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament imsemmija fl-Artikolu 14

    (d)prova legali tal-protezzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika fil-pajjiż tal-oriġini tagħha; u

    (e)prokura meta l-applikant ikun irrappreżentat minn aġent.

    3.Applikazzjoni konġunta għar-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(4) għandha tiġi sottomessa minn wieħed mill-Istati Membri kkonċernati jew minn grupp ta’ produtturi applikant f’pajjiż terz, direttament jew permezz tal-awtoritajiet ta’ dak il-pajjiż terz.

    4.L-applikazzjoni konġunta għar-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(4) għandha tinkludi, kif rilevanti, id-dokumenti elenkati fil-paragrafu (1) jew (2) mill-Istati Membri kollha jew mill-pajjiżi terzi kkonċernati. Il-proċeduri nazzjonali relatati, inkluż l-istadju ta’ oppożizzjoni, għandhom jitwettqu fl-Istati Membri kollha kkonċernati.

    5.Id-dokumenti msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jiġu abbozzati b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

    6.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84 li jiddefinixxu l-proċeduri u l-kundizzjonijiet applikabbli għat-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni.

    7.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar il-proċeduri, il-forma u l-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni, inkluż għal applikazzjonijiet li jikkonċernaw aktar minn territorju nazzjonali wieħed. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 53(2).

    Artikolu 16

    Preżentazzjoni tal-applikazzjoni tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni 

    1.Applikazzjoni tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni ta’ Indikazzjoni Ġeografika għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni b’mod elettroniku, permezz ta’ sistema diġitali. Is-sistema diġitali għandu jkollha l-kapaċità li tippermetti l-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat Membru, u li tintuża mill-Istat Membru fil-proċedura nazzjonali tiegħu.

    2.Meta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tkun tirrigwarda żona ġeografika barra mill-Unjoni, l-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni, jew direttament jew permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat. Is-sistema diġitali, imsemmija fil-paragrafu 1, għandu jkollha l-kapaċità li tippermetti l-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet minn grupp ta’ produtturi applikant stabbilit barra mill-Unjoni u mill-awtoritajiet nazzjonali fil-pajjiż terz ikkonċernat.

    3.L-applikazzjoni tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni għandha tiġi ppubblikata mill-Kummissjoni permezz tas-sistema diġitali msemmija fil-paragrafu (1)

    Artikolu 17

    Skrutinju mill-Kummissjoni u pubblikazzjoni għal oppożizzjoni

    1.Il-Kummissjoni għandha tiskrutinizza kwalunkwe applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tirċievi skont l-Artikolu 16(1). Tali skrutinju għandu jikkonsisti f’verifika li ma jkun hemm l-ebda żball manifest, li l-informazzjoni pprovduta f’konformità mal-Artikolu 15 tkun kompluta u li d-Dokument Uniku msemmi fl-Artikolu 13 ikun preċiż u tekniku. Dan għandu jqis l-eżitu tal-proċedura nazzjonali mwettqa mill-Istat Membru kkonċernat. L-iskrutinju għandu jiffoka b’mod partikolari fuq id-Dokument Uniku msemmi fl-Artikolu 13.

    2.L-iskrutinju ma għandux idum aktar minn sitt xhur. F’każ li ż-żmien ta’ skrutinju jaqbeż jew x’aktarx jaqbeż is-sitt xhur, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-applikant bil-miktub dwar ir-raġunijiet għad-dewmien.

    3.Il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni supplimentari mingħand l-applikant.

    4.Meta, abbażi tal-iskrutinju mwettaq skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament u fir-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u (UE) 2019/787, kif xieraq, ikunu ssodisfati, hija għandha tippubblika d-Dokument Uniku u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    5.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84 li jissupplimentaw dan ir-Regolament b’regoli dwar l-inkarigu lill-EUIPO bil-kompiti stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    Artikolu 18

    Kontestazzjoni nazzjonali għal applikazzjoni għar-reġistrazzjoni

    1.L-Istati Membri għandhom iżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar kwalunkwe proċediment nazzjonali amministrattiv jew ġudizzjarju li jista’ jaffettwa r-reġistrazzjoni ta’ Indikazzjoni Ġeografika.

    2.Il-Kummissjoni għandha tkun eżentata mill-obbligu li tirrispetta l-iskadenza għat-twettiq tal-iskrutinju msemmija fl-Artikolu 17(2) u li tinforma lill-applikant bir-raġunijiet għad-dewmien meta tirċievi komunikazzjoni minn Stat Membru, rigward applikazzjoni għar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 9(6), li:

    (a) tinforma lill-Kummissjoni li d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 9(6) ġiet invalidata fil-livell nazzjonali b’deċiżjoni ġudizzjarja applikabbli immedjatament iżda mhux finali; jew

    (b) titlob lill-Kummissjoni tissospendi l-iskrutinju minħabba li jkunu nbdew proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji nazzjonali biex tiġi kkontestata l-validità tal-applikazzjoni u l-Istat Membru jqis li dawk il-proċedimenti jkunu bbażati fuq raġunijiet validi.

    3.L-eżenzjoni għandu jkollha effett sakemm il-Kummissjoni tiġi infurmata mill-Istat Membru li l-applikazzjoni oriġinali tkun ġiet stabbilita mill-ġdid jew li l-Istat Membru qed jirtira t-talba tiegħu għal sospensjoni.

    4.Jekk l-applikazzjoni tkun ġiet invalidata b’deċiżjoni finali meħuda minn qorti nazzjonali, l-Istat Membru għandu jqis azzjoni xierqa bħall-irtirar jew il-modifika tal-applikazzjoni tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni, kif meħtieġ.

    Artikolu 19

    Proċedura ta’ oppożizzjoni tal-Unjoni

    1.Fi żmien tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tad-Dokument Uniku u r-referenza għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropeaskont l-Artikolu 17(4), l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu, stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, tista’ tippreżenta oppożizzjoni jew avviż ta’ kumment lill-Kummissjoni.

    2.Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu, stabbilita jew residenti fi Stat Membru differenti minn dak li minnu tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni, tista’ tressaq oppożizzjoni mal-Istat Membru li fih tkun stabbilita jew residenti, f’terminu li jippermetti l-preżentazzjoni ta’ oppożizzjoni jew ta’ avviż ta’ kummenti skont il-paragrafu (1).

    3.Oppożizzjoni għandha tiddikjara li l-applikazzjoni tista’ tikser il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, fir-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 jew (UE) 2019/787, kif xieraq, u tagħti r-raġunijiet. Oppożizzjoni li ma tkunx tinkludi din id-dikjarazzjoni għandha tkun nulla. 

    4.Il-Kummissjoni għandha tivverifika l-ammissibbiltà tal-oppożizzjoni. Jekk il-Kummissjoni tqis li l-oppożizzjoni tkun ammissibbli, hija għandha, fi żmien ħames xhur mid-data tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tistieden lill-awtorità jew lill-persuna li tkun ippreżentat l-oppożizzjoni u lill-awtorità jew lill-grupp ta’ produtturi applikant li ppreżenta l-applikazzjoni biex jikkonsultaw ma’ xulxin kif xieraq għal perjodu raġonevoli li ma għandux jaqbeż it-tliet xhur. Fi kwalunkwe ħin matul dak il-perjodu, il-Kummissjoni tista’, fuq talba tal-awtorità jew tal-grupp ta’ produtturi applikant, testendi l-iskadenza għall-konsultazzjonijiet b’massimu ta’ tliet xhur.

    5.L-awtorità jew il-persuna li tkun ippreżentat l-oppożizzjoni u l-awtorità jew il-grupp ta’ produtturi applikant li ppreżentaw l-applikazzjoni għandhom jibdew il-konsultazzjonijiet xierqa mingħajr dewmien żejjed. Huma għandhom jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni rilevanti biex jivvalutaw jekk l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, mar-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 jew (UE) 2019/787, kif xieraq.

    6.Fi żmien xahar mit-tmiem tal-konsultazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu (4), il-grupp ta’ produtturi applikant stabbilit fil-pajjiż terz jew l-awtoritajiet tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz li minnu tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-riżultat tal-konsultazzjonijiet, inkluża l-informazzjoni kollha skambjata, jekk intlaħaqx ftehim ma’ wieħed mill-opponenti jew mal-opponenti kollha, u dwar kwalunkwe tibdil konsegwenti fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. L-awtorità jew il-persuna li tkun ippreżentat oppożizzjoni lill-Kummissjoni tista’ tinnotifika wkoll lill-Kummissjoni bil-pożizzjoni tagħha fi tmiem il-konsultazzjonijiet.

    7.Meta, wara t-tmiem tal-konsultazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu (4), id-data ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(4) tkun ġiet immodifikata, il-Kummissjoni għandha tirrepeti l-iskrutinju tagħha tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni kif modifikata. Meta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tkun ġiet immodifikata b’mod sostanzjali, u l-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni modifikata tissodisfa l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni, hija għandha tippubblika l-applikazzjoni għal darba oħra f’konformità ma’ dak il-paragrafu. 

    8.Id-dokumenti msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jiġu abbozzati b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

    9.Wara li tlesti l-proċedura ta’ oppożizzjoni, il-Kummissjoni għandha tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha tal-applikazzjoni tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni, filwaqt li tqis kwalunkwe talba għal perjodi tranżizzjonali, l-eżitu tal-proċedura ta’ oppożizzjoni, kwalunkwe avviż ta’ kummenti riċevut u kwalunkwe kwistjoni oħra li tirriżulta wara l-iskrutinju tagħha li tista’ timplika bidla fid-Dokument Uniku.

    10.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 84 li jissupplimentaw dan ir-Regolament bi proċeduri u skadenzi dettaljati għall-proċedura ta’ oppożizzjoni, għall-preżentazzjoni uffiċjali ta’ kummenti mill-awtoritajiet nazzjonali u minn persuni b’interess leġittimu, li ma jkunux se jiskattaw il-proċedura ta’ oppożizzjoni u b’regoli dwar l-inkarigu lill-EUIPO bil-kompiti tagħha stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    11.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddefinixxu l-format u l-preżentazzjoni online tal-oppożizzjonijiet u l-kummenti uffiċjali, jekk applikabbli, u li jipprevedu l-esklużjoni jew l-anonimizzazzjoni ta’ data personali protetta. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 53(2).

    Artikolu 20

    Raġunijiet għal oppożizzjoni

    1.Oppożizzjoni ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 19 għandha tkun ammissibbli biss jekk l-opponent juri li:

    (a)l-Indikazzjoni Ġeografika proposta ma tikkonformax mad-definizzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika jew mar-rekwiżiti msemmija f’dan ir-Regolament, fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jew fir-Regolament (UE) 2019/787 skont il-każ;

    (b)ir-reġistrazzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika proposta tkun ipprojbita minn waħda jew aktar miċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 29, fl-Artikolu 30, fl-Artikolu 31 jew fl-Artikolu 49(1);

    (c)ir-reġistrazzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika proposta thedded l-eżistenza ta’ isem jew ta’ trademark li tkun kompletament jew parzjalment identika jew l-eżistenza ta’ prodotti li jkunu ilhom legalment fis-suq għal mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 17(4).

    2.L-ammissibbiltà ta’ oppożizzjoni għandha tiġi vvalutata mill-Kummissjoni fir-rigward tat-territorju tal-Unjoni.

    Artikolu 21

    Perjodu tranżizzjonali għall-użu ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi

    1.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jagħtu perjodu tranżizzjonali sa ħames snin biex tippermetti, għal prodotti li joriġinaw fi Stat Membru jew f’pajjiż terz li d-denominazzjoni tagħhom tikkonsisti f’isem, jew tinkludi isem, li jikser l-Artikolu 27(1), il-kontinwità tal-użu ta’ dik id-denominazzjoni, li taħtha ġew kummerċjalizzati, dment li oppożizzjoni ammissibbli, skont l-Artikolu 9(4) jew l-Artikolu 19, għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika li l-protezzjoni tagħha tiġi miksura turi li:

    (a)ir-reġistrazzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika kkonċernata thedded l-eżistenza ta’ isem kompletament jew parzjalment identiku fid-denominazzjoni tal-prodott; jew

    (b)tali prodotti jkunu nbiegħu legalment b’dak l-isem fid-denominazzjoni tal-prodott fit-territorju kkonċernat għal mill-inqas ħames snin qabel il-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 17(4)(a).

    2.L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 53(2) ħlief dawk fejn tiġi ppreżentata oppożizzjoni ammissibbli skont l-Artikolu 9(4), li għandhom jiġu adottati mingħajr ma tiġi applikata dik il-proċedura ta’ eżami. 

    3.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jestendu l-perjodu tranżizzjonali mogħti skont il-paragrafu (1) sa 15-il sena, jew li jippermettu użu kontinwu għal mhux aktar minn 15-il sena, dment li jintwera wkoll li:

    (a)l-isem fid-denominazzjoni msemmija fil-paragrafu (1) ta’ dan l-Artikolu kien ilu jintuża legalment b’mod konsistenti u ġust għal mill-inqas 25 sena qabel ma l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika kkonċernata ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni;

    (b)l-iskop tal-użu tal-isem fid-denominazzjoni msemmija fil-paragrafu (1) fl-ebda ħin ma kien li jsir profitt mir-reputazzjoni tal-isem tal-prodott li jkun ġie rreġistrat bħala Indikazzjoni Ġeografika; u

    (c)il-konsumatur ma ġiex jew ma setax ġie mqarraq fir-rigward tal-oriġini vera tal-prodott.

    4.L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 53(2) ħlief dawk fejn tiġi ppreżentata oppożizzjoni ammissibbli skont l-Artikolu 9(4), li għandhom jiġu adottati mingħajr ma tiġi applikata dik il-proċedura ta’ eżami.

    5.Meta tintuża denominazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 3, l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini għandha tidher b’mod ċar u viżibbli fuq it-tikkettar.

    6.Sabiex jingħelbu d-diffikultajiet temporanji bl-objettiv fit-tul li jiġi żgurat li l-produtturi kollha ta’ prodott identifikat taħt Indikazzjoni Ġeografika fiż-żona kkonċernata jikkonformaw mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott relatata, Stat Membru jista’ jagħti perjodu tranżizzjonali ta’ mhux aktar minn 10 snin għall-konformità, b’effett mid-data li fiha l-applikazzjoni tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni, dment li l-operaturi kkonċernati jkunu biegħu legalment il-prodotti inkwistjoni, ikunu użaw kontinwament l-ismijiet ikkonċernati għal mill-inqas ħames snin qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni lill-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru u rreferew għal dak il-fatt fil-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni msemmija fl-Artikolu 9(4).

    7.il-paragrafu (6) għandu japplika mutatis mutandis għal Indikazzjoni Ġeografika li tirreferi għal żona ġeografika li tinsab f’pajjiż terz, bl-eċċezzjoni tal-proċedura ta’ oppożizzjoni.

    Artikolu 22

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni

    1.Meta, abbażi tal-informazzjoni li tikseb il-Kummissjoni mill-iskrutinju mwettaq skont l-Artikolu 17, il-Kummissjoni tqis li kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti msemmija fih ma jkunx issodisfat, hija għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jirrifjutaw l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 53(2).

    2.Meta ma tirċievi l-ebda oppożizzjoni ammissibbli, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni, mingħajr ma tapplika l-proċedura msemmija fl-Artikolu 53(2), li jirreġistraw l-Indikazzjoni Ġeografika. Il-Kummissjoni tista’ tqis l-avviżi tal-kummenti riċevuti f’konformità mal-Artikolu 19(1).   

    3.Meta tirċievi oppożizzjoni ammissibbli, wara l-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 19(4) u filwaqt li tqis ir-riżultati tagħhom, il-Kummissjoni għandha, 

    (a)tadotta att ta’ implimentazzjoni li jirreġistra l-Indikazzjoni Ġeografika mingħajr ma tapplika l-proċedura msemmija fl-Artikolu 53(2), jekk ikun intlaħaq ftehim, wara li tivverifika li l-ftehim jikkonforma mad-dritt tal-Unjoni, u, jekk ikun meħtieġ, temenda l-informazzjoni ppubblikata skont l-Artikolu 17(4) dment li tali emendi ma jkunux sostanzjali; jew

    (b)tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, jekk ma jkunx intlaħaq ftehim. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 53(2).

    4.L-atti li jirreġistraw Indikazzjoni Ġeografika għandhom jipprevedu kwalunkwe kundizzjoni applikabbli għar-reġistrazzjoni u għall-pubblikazzjoni mill-ġdid għal informazzjoni tad-Dokument Uniku ppubblikat għall-oppożizzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’każ ta’ kwalunkwe emenda meħtieġa li ma tkunx sostanzjali.

    5.Ir-regolamenti tar-reġistrazzjoni u d-deċiżjonijiet dwar ir-rifjut għandhom jiġu ppubblikati fis-serje L ta’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 23

    Reġistru tal-Unjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

    1.Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni, mingħajr ma tapplika l-proċedura msemmija fl-Artikolu 53(2), li jkun fihom dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment u ż-żamma ta’ reġistru elettroniku aċċessibbli għall-pubbliku ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi protetti skont dan ir-Regolament (ir-“reġistru tal-Unjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi”). Ir-reġistru għandu jkollu tliet partijiet li jikkorrispondu għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-inbid, tax-xorb spirituż u tal-prodotti agrikoli rispettivament.

    2.Kull Indikazzjoni Ġeografika tal-inbid u tal-prodotti agrikoli għandha tiġi identifikata fir-reġistru tal-Unjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi bħala “Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta” jew “Indikazzjoni Ġeografika Protetta” skont il-każ, u kull Indikazzjoni Ġeografika tax-xorb spirituż għandha tiġi identifikata bħala “Indikazzjoni Ġeografika”.

    3.L-Indikazzjonijiet Ġeografiċi li jikkonċernaw prodotti minn pajjiżi terzi li jkunu protetti fl-Unjoni skont ftehim internazzjonali li għalih l-Unjoni hija parti kontraenti jistgħu jiddaħħlu fir-reġistru tal-Unjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi. Il-Kummissjoni għandha tirreġistra dawn l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 53(2). Fir-rigward tal-inbid u l-prodotti agrikoli, sakemm ma jkunux identifikati b’mod speċifiku f’dawk il-ftehimiet bħala Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti, l-ismijiet ta’ tali prodotti għandhom jiddaħħlu fir-reġistru tal-Unjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti.

    4.Kull Indikazzjoni Ġeografika għandha tiddaħħal fir-reġistru tal-Unjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi fil-kitba oriġinali tagħha. Fejn il-kitba oriġinali ma tkunx f’karattri Latini, l-Indikazzjoni Ġeografika għandha tiġi traskritta f’karattri Latini u ż-żewġ verżjonijiet tal-Indikazzjoni Ġeografika għandhom jiddaħħlu fir-reġistru tal-Unjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u għandu jkollhom status ugwali.

    5.Il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna regolarment il-lista tal-ftehimiet internazzjonali msemmija fil-paragrafu (3) kif ukoll il-lista tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi protetti taħt dawk il-ftehimiet.

    6.Il-Kummissjoni għandha żżomm dokumentazzjoni relatata mar-reġistrazzjoni ta’ Indikazzjoni Ġeografika f’forma diġitali jew stampata għall-perjodu ta’ validità tal-Indikazzjoni Ġeografika, u f’każ ta’ kanċellazzjoni għal 10 snin wara dan.

    7.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84 li jissupplimentaw dan ir-Regolament b’regoli dwar l-inkarigu lill-EUIPO biex jopera r-reġistru tal-Unjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

    8.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddefinixxu l-kontenut u l-preżentazzjoni tar-reġistru tal-Unjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 53(2).

    Artikolu 24

    Estratti mir-reġistru tal-Unjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

    1.Kwalunkwe persuna għandha tkun tista’ tniżżel estratt uffiċjali mir-reġistru tal-Unjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi li jipprovdi prova tar-reġistrazzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika, u d-data rilevanti inkluża d-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika jew data ta’ prijorità oħra. Dan l-estratt uffiċjali jista’ jintuża bħala ċertifikat awtentiku fi proċedimenti legali, f’qorti tal-liġi, f’qorti tal-arbitraġġ jew f’korp simili.

    2.Fejn grupp ta’ produtturi jkun ġie rikonoxxut mill-awtoritajiet nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 33, dak il-grupp għandu jiġi identifikat bħala d-detentur tad-drittijiet tal-Indikazzjoni Ġeografika fir-reġistru tal-Unjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u fl-estratt uffiċjali msemmi fil-paragrafu (1).

    3.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddefinixxu l-format u l-preżentazzjoni online ta’ estratti mir-reġistru tal-Unjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, u li jipprevedu l-esklużjoni jew l-anonimizzazzjoni ta’ data personali protetta. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 53(2).

    Artikolu 25

    Emendi għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

    1.Grupp ta’ produtturi li jkollu interess leġittimu jista’ japplika għall-approvazzjoni ta’ emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Indikazzjoni Ġeografika rreġistrata.

    2.L-emendi għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għandhom ikunu kklassifikati f’żewġ kategoriji:

    (a)emendi tal-Unjoni, li jirrikjedu proċedura ta’ oppożizzjoni fil-livell tal-Unjoni; u

    (b)emendi standard li għandhom jiġu ttrattati fil-livell tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz.

    3.Emenda għandha tkun emenda tal-Unjoni jekk tinvolvi bidla fid-Dokument Uniku u:

    (a)tinkludi bidla fl-isem, jew fl-użu tal-isem, jew, għall-inbid u x-xorb spirituż, fil-kategorija ta’ prodott jew prodotti identifikati mill-Indikazzjoni Ġeografika, jew, għax-xorb spirituż, fl-isem legali; jew

    (b)tirriskja li xxejjen ir-rabta maż-żona ġeografika msemmija fid-Dokument Uniku; jew

    (c)tkun tinvolvi aktar restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.

    4.Kwalunkwe emenda oħra għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Indikazzjoni Ġeografika rreġistrata, li ma tkunx emenda tal-Unjoni f’konformità mal-paragrafu 3, għandha titqies bħala emenda standard.

    5.Emenda standard għandha titqies bħala emenda temporanja meta tikkonċerna bidla temporanja fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott li tirriżulta mill-impożizzjoni ta’ miżuri sanitarji u fitosanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi jew emenda temporanja meħtieġa minħabba diżastru naturali jew kundizzjonijiet ħżiena tat-temp rikonoxxuti formalment mill-awtoritajiet kompetenti.

    6.L-emendi tal-Unjoni għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni. Il-proċedura ta’ approvazzjoni għandha ssegwi, mutatis mutandis, il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 8 sal-Artikolu 22.

    7.L-applikazzjonijiet għall-emendi tal-Unjoni ppreżentati minn pajjiż terz jew minn produtturi f’pajjiż terz għandu jkun fihom prova li l-emenda mitluba tikkonforma mal-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi fis-seħħ f’dak il-pajjiż terz. 

    8.Jekk applikazzjoni għal emenda tal-Unjoni għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Indikazzjoni Ġeografika rreġistrata tkun tinkludi wkoll emendi standard jew emendi temporanji, il-Kummissjoni għandha tiskrutinizza l-emenda tal-Unjoni biss. Kwalunkwe emenda standard jew emenda temporanja għandha titqies li ma tkunx ġiet sottomessa. L-iskrutinju ta’ tali applikazzjonijiet għandu jiffoka fuq l-emendi tal-Unjoni proposti. Fejn xieraq, il-Kummissjoni jew l-Istat Membru kkonċernat jistgħu jistiednu lill-applikant jimmodifika elementi oħra tal-Ispeċifikazzjonijiet tal-Prodott.

    9.L-emendi standard għandhom jiġu approvati mill-Istati Membri jew mill-pajjiżi terzi li fit-territorju tagħhom tinsab iż-żona ġeografika tal-prodott ikkonċernat u jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dawk l-emendi. 

    10.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84 li jissupplimentaw dan ir-Regolament permezz ta’ dispożizzjonijiet li jinkarigaw lill-EUIPO bil-pubblikazzjoni tal-emendi standard imsemmija fil-paragrafu (9).

    11.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar il-proċeduri, il-forma u l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda tal-Unjoni u dwar il-proċeduri, il-forma u l-komunikazzjoni ta’ emendi standard lill-Kummissjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 53(2).

    Artikolu 26

    Kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni

    1.Il-Kummissjoni tista’, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba debitament sostanzjata minn Stat Membru, pajjiż terz jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu, tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tikkanċella r-reġistrazzjoni ta’ Indikazzjoni Ġeografika fil-każijiet li ġejjin:

    (a)meta ma tkunx tista’ tibqa’ tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott; jew

    (b)meta l-ebda prodott ma jkun tqiegħed fis-suq bl-Indikazzjoni Ġeografika għal mill-inqas seba’ snin konsekuttivi.

    2.Il-Kummissjoni tista’ tadotta wkoll atti ta’ implimentazzjoni li jħassru r-reġistrazzjoni fuq talba tal-produtturi tal-prodott ikkummerċjalizzat taħt l-isem irreġistrat.

    3.L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 53(2).

    4.L-Artikolu 9, l-Artikoli mill-Artikolu 15sal-Artikolu 20 u l-Artikolu 22 għandhom japplikaw mutatis mutandisgħall-proċedura ta’ kanċellazzjoni.

    5.Qabel ma tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet tal-Istat Membru, lill-awtoritajiet tal-pajjiż terz jew, fejn possibbli, lill-produttur tal-pajjiż terz li oriġinarjament kien applika għar-reġistrazzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika kkonċernata, sakemm il-kanċellazzjoni ma tintalabx direttament minn dawk l-applikanti oriġinali.

    6.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84 li jissupplimentaw dan ir-Regolament b’regoli li jinkarigaw lill-EUIPO bil-kompiti stabbiliti fil-paragrafu (5).

    7.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar il-proċeduri u l-forma tal-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjonijiet, kif ukoll dwar il-preżentazzjoni tat-talbiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 53(2).

    Kapitolu 3
    Protezzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi

    Artikolu 27

    Protezzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi

    1.L-Indikazzjonijiet Ġeografiċi mdaħħla fir-reġistru tal-Unjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għandhom ikunu protetti kontra:

    (a)kwalunkwe użu kummerċjali dirett jew indirett tal-Indikazzjoni Ġeografika fir-rigward ta’ prodotti mhux koperti mir-reġistrazzjoni, fejn dawk il-prodotti jkunu komparabbli mal-prodotti rreġistrati taħt dak l-isem jew fejn l-użu ta’ isem ikun qed jisfrutta, idgħajjef, inaqqas ir-reputazzjoni tal-isem protett, jew ikun ta’ detriment għaliha;

    (b)kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, anke jekk l-oriġini vera tal-prodotti jew tas-servizzi tkun indikata jew jekk l-isem protett ikun tradott jew akkumpanjat minn espressjoni bħal “stil”, “tip”, “metodu”, “kif prodott fi”, “imitazzjoni”, “togħma”, “bħal” jew espressjonijiet simili.

    (c)kwalunkwe indikazzjoni oħra falza jew li tiżgwida dwar il-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott li tintuża fuq l-imballaġġ ta’ ġewwa jew ta’ barra, fuq il-materjal ta’ reklamar, dokumenti jew informazzjoni pprovduta fuq siti web relatata mal-prodott ikkonċernat, u l-ippakkjar tal-prodott f’kontenitur li jista’ jagħti impressjoni falza dwar l-oriġini tiegħu;

    (d)kwalunkwe prattika oħra li tista’ tiżgwida lill-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott.

    2.Għall-finijiet tal-paragrafu (1)(b), l-evokazzjoni ta’ Indikazzjoni Ġeografika għandha tirriżulta, b’mod partikolari, meta terminu, sinjal, jew apparat ieħor tat-tikkettar jew tal-imballaġġ jippreżenta rabta diretta u ċara mal-prodott kopert mill-Indikazzjoni Ġeografika rreġistrata f’moħħ il-konsumatur raġonevolment prudenti, u b’hekk jisfrutta, idgħajjef, inaqqas ir-reputazzjoni tal-isem irreġistrat jew ikun ta’ detriment għaliha.

    3.il-paragrafu (1) għandu japplika wkoll għal isem ta’ dominju li jkun fih l-Indikazzjoni Ġeografika rreġistrata, jew li jkun jikkonsisti minnha.

    4.Il-protezzjoni msemmija fil-paragrafu (1) tapplika wkoll għal:

    (a)oġġetti li jidħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera ġewwa dak it-territorju; u

    (b)oġġetti li jinbiegħu permezz ta’ bejgħ mill-bogħod, bħall-kummerċ elettroniku. 

    5.Il-grupp ta’ produtturi rikonoxxut jew kwalunkwe operatur li jkun intitolat juża d-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta jew l-Indikazzjoni Ġeografika Protetta għandu jkun intitolat li jipprevjeni lill-partijiet terzi kollha milli jġibu merkanzija fl-Unjoni, waqt il-kummerċ, mingħajr ma tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera hemmhekk, meta tali merkanzija, inkluż l-imballaġġ, tkun ġejja minn pajjiżi terzi u tikser il-paragrafu (1).

    6.L-Indikazzjonijiet Ġeografiċi protetti skont dan ir-Regolament ma għandhomx isiru ġeneriċi fl-Unjoni.

    7.Fejn Indikazzjoni Ġeografika tkun isem kompost li jkun fih terminu li jitqies li huwa ġeneriku, l-użu ta’ dak it-terminu ma għandux jikkostitwixxi mġiba msemmija fil-paragrafu (1)(a) u (b).

    Artikolu 28

    Ingredjenti fi prodotti pproċessati

    1.L-Artikolu 27 huwa mingħajr preġudizzju għall-użu ta’ Indikazzjoni Ġeografika mill-operaturi f’konformità mal-Artikolu 36 biex jindikaw li prodott ipproċessat fih, bħala ingredjent, prodott identifikat minn dik l-Indikazzjoni Ġeografika dment li dan l-użu jsir f’konformità ma’ prattiki kummerċjali onesti u ma jdgħajjifx jew ma jtellifx ir-reputazzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika jew ma jkunx ta’ detriment għaliha.

    2.L-Indikazzjoni Ġeografika li tidentifika ingredjent ta’ prodott ma għandhiex tintuża fl-isem tal-ikel tal-prodott ipproċessat relatat, ħlief f’każijiet ta’ ftehim ma’ grupp ta’ produtturi li jirrappreżenta żewġ terzi tal-produtturi. 

    3.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84 li jissupplimentaw dan ir-Regolament b’regoli addizzjonali dwar l-użu ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi għall-identifikazzjoni ta’ ingredjenti fi prodotti pproċessati msemmi fil-paragrafu (1) ta’ dan l-Artikolu.

    Artikolu 29

    Termini ġeneriċi

    1.It-termini ġeneriċi ma għandhomx jiġu rreġistrati bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

    2.Sabiex jiġi stabbilit jekk terminu jkunx sar ġeneriku jew le, għandhom jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha, b’mod partikolari:

    (a) is-sitwazzjoni eżistenti fiż-żoni ta’ konsum;

    (b) l-atti legali rilevanti nazzjonali jew tal-Unjoni.

    3.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84 li jissupplimentaw dan ir-Regolament b’regoli addizzjonali għad-determinazzjoni tal-istatus ġeneriku tat-termini msemmija fil-paragrafu (1) ta’ dan l-Artikolu.

    Artikolu 30

    Indikazzjonijiet ġeografiċi omonimi

    1.Indikazzjoni ġeografika li tkun tressqet applikazzjoni għaliha wara li tkun tressqet applikazzjoni għal Indikazzjoni Ġeografika kompletament jew parzjalment omonima jew din l-indikazzjoni tkun ġiet protetta fl-Unjoni, ma għandhiex tiġi rreġistrata sakemm ma jkunx hemm biżżejjed distinzjoni fil-prattika bejn il-kundizzjonijiet tal-użu lokali u tradizzjonali u l-preżentazzjoni taż-żewġ indikazzjonijiet omonimi, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġi żgurat trattament ekwu tal-produtturi kkonċernati u li l-konsumaturi ma jiġux imqarrqa fir-rigward tal-identità vera jew tal-oriġini ġeografika tal-prodotti.

    2.Isem kompletament jew parzjalment omonimu li jiżgwida lill-konsumatur b’mod li dan jemmen li l-prodotti ġejjin minn territorju ieħor ma għandux jiġi rreġistrat anke jekk l-isem tat-territorju, tar-reġjun jew tal-post tal-oriġini attwali tal-prodotti inkwistjoni jkun akkurat.

    3.Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, Indikazzjoni Ġeografika omonima li tkun tressqet applikazzjoni għaliha jew li tkun protetta fl-Unjoni tirreferi għal:

    (a)Indikazzjonijiet Ġeografiċi mdaħħla fir-reġistru tal-Unjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi;

    (b)Indikazzjonijiet Ġeografiċi li tkun tressqet applikazzjoni għalihom dment li sussegwentement jiddaħħlu fir-reġistru tal-Unjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi;

    (c)Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti fl-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 45 ; u

    (d)Indikazzjonijiet Ġeografiċi, ismijiet ta’ oriġini u termini ekwivalenti protetti skont ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u pajjiż terz wieħed jew aktar.

    4.Il-Kummissjoni għandha tikkanċella l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi rreġistrati bi ksur tal-paragrafu (1) u (2).

    5.L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu (4) għandhom jiġu adottati mingħajr ma tiġi applikata l-proċedura msemmija fl-Artikolu 53(2).

    Artikolu 31

    Trademarks

    Isem ma għandux jiġi rreġistrat bħala Indikazzjoni Ġeografika meta, fid-dawl tar-reputazzjoni u tal-fama ta’ trademark, ir-reġistrazzjoni tal-isem propost bħala Indikazzjoni Ġeografika tista’ tiżgwida lill-konsumatur fir-rigward tal-identità vera tal-prodott.

    Artikolu 32

    Gruppi ta’ produtturi

    1.Għandu jiġi stabbilit grupp ta’ produtturi fuq l-inizjattiva tal-partijiet ikkonċernati interessati, inklużi l-bdiewa, il-fornituri tal-azjendi agrikoli, il-proċessuri intermedjarji u l-proċessuri finali, kif speċifikat mill-awtoritajiet nazzjonali u skont in-natura tal-prodott ikkonċernat. L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li l-grupp ta’ produtturi jopera b’mod trasparenti u demokratiku u li l-produtturi kollha tal-prodott identifikat mill-Indikazzjoni Ġeografika jgawdu d-dritt ta’ sħubija fil-grupp. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-uffiċjali pubbliċi, u partijiet ikkonċernati oħra bħall-gruppi tal-konsumaturi, il-bejjiegħa bl-imnut u l-fornituri, jipparteċipaw ukoll fix-xogħlijiet tal-grupp ta’ produtturi.

    2.Grupp ta’ produtturi jista’ jeżerċita b’mod partikolari s-setgħat u r-responsabbiltajiet li ġejjin:

    (a)l-iżvilupp tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u l-ġestjoni tal-kontrolli interni li jiżguraw il-konformità tal-passi tal-produzzjoni tal-prodott identifikat mill-Indikazzjoni Ġeografika mal-ispeċifikazzjoni msemmija;

    (b)it-teħid ta’ azzjoni legali biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika u tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jkunu direttament marbuta magħha; 

    (c)il-qbil dwar impenji ta’ sostenibbiltà, kemm jekk ikunu inklużi fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott kif ukoll jekk bħala inizjattiva separata, inkluż dwar arranġamenti għall-verifika tal-konformità ma’ dawk l-impenji u l-iżgurar ta’ pubbliċità adegwata għalihom b’mod partikolari f’sistema ta’ informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni; 

    (d)it-teħid ta’ azzjoni biex itejbu l-prestazzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika, inklużi:

    (i)l-iżvilupp, l-organizzazzjoni u t-twettiq ta’ kampanji kollettivi ta’ kummerċjalizzazzjoni u reklamar;

    (ii)it-tixrid ta’ informazzjoni u attivitajiet ta’ promozzjoni li jkollhom l-għan li jikkomunikaw l-attributi tal-prodott identifikat minn Indikazzjoni Ġeografika lill-konsumaturi;

    (iii)it-twettiq ta’ analiżijiet fil-prestazzjoni ekonomika, is-sostenibbiltà tal-produzzjoni, il-profil nutrizzjonali, u l-profil organolettiku tal-prodott identifikat mill-Indikazzjoni Ġeografika;  

    (iv)it-tixrid ta’ informazzjoni dwar l-Indikazzjoni Ġeografika u s-simbolu rilevanti tal-Unjoni; u

    (v)l-għoti ta’ pariri u taħriġ lill-produtturi attwali u futuri, inkluż dwar l-integrazzjoni tal-ġeneru u l-ugwaljanza.

    (e)il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-użi frodulenti ssuspettati fis-suq intern ta’ Indikazzjoni Ġeografika li tidentifika prodotti li ma jkunux konformi mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, billi jiġi mmonitorjat l-użu tal-Indikazzjoni Ġeografika fis-suq intern kollu u fis-swieq ta’ pajjiżi terzi fejn l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi jkunu protetti, inkluż fuq l-internet, u, kif meħtieġ, l-informar lill-awtoritajiet tal-infurzar bl-użu ta’ sistemi kunfidenzjali disponibbli.

    Artikolu 33

    Gruppi ta’ produtturi rikonoxxuti

    1.Fuq talba ta’ gruppi ta’ produtturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jaħtru, f’konformità mad-dritt nazzjonali tagħhom, grupp ta’ produtturi wieħed bħala l-grupp ta’ produtturi rikonoxxut għal kull Indikazzjoni Ġeografika li toriġina fit-territorju tagħhom li tkun irreġistrata jew li tkun suġġetta għal applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew għal ismijiet ta’ prodotti li huma suġġetti potenzjali għal applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

    2.Grupp ta’ produtturi jista’ jinħatar bħala l-grupp ta’ produtturi rikonoxxut suġġett għal ftehim minn qabel konkluż bejn mill-inqas żewġ terzi tal-produtturi tal-prodott li jkollu Indikazzjoni Ġeografika, li jammontaw għal mill-inqas żewġ terzi tal-produzzjoni ta’ dak il-prodott fiż-żona ġeografika msemmija fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Bħala eċċezzjoni, awtorità, kif imsemmi fl-Artikolu 8(2), u produttur wieħed, kif imsemmi fl-Artikolu 8(3), għandhom jitqiesu bħala grupp ta’ produtturi rikonoxxut.

    3.Minbarra s-setgħat u r-responsabbiltajiet imsemmija fl-Artikolu 32(2), grupp ta’ produtturi rikonoxxut jista’ jeżerċita s-setgħat u r-responsabbiltajiet li ġejjin:

    (a)jikkollabora ma’ korpi tal-infurzar tal-proprjetà intellettwali u korpi ta’ kontra l-falsifikazzjoni u jipparteċipa f’networks tal-infurzar tal-proprjetà intellettwali bħala d-detentur tad-dritt tal-Indikazzjoni Ġeografika;

    (b)jieħu azzjonijiet ta’ infurzar, inkluż jippreżenta applikazzjonijiet għal azzjonijiet mal-awtoritajiet doganali, jipprevjeni jew jiġġieled kwalunkwe miżura li tkun, jew li jkun hemm riskju li tkun, ta’ detriment għall-immaġni tal-prodotti tiegħu;

    (c)jirrakkomanda lill-awtoritajiet nazzjonali r-regoli vinkolanti li għandhom jiġu adottati f’konformità mal-Artikolu 166a tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għall-ġestjoni tal-provvista ta’ prodotti identifikati minn Indikazzjoni Ġeografika;

    (d)bil-għan li jipproteġi l-Indikazzjoni Ġeografika fis-sistemi tal-ismijiet ta’ dominju tal-internet barra mill-ġuriżdizzjoni tal-Unjoni, jirreġistra trademark individwali, kollettiva jew ta’ ċertifikazzjoni skont is-sistema tat-trademark ikkonċernata, li jkun fiha, bħala wieħed mill-elementi prominenti tagħha, Indikazzjoni Ġeografika u ristretta għal prodott li jikkonforma mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott korrispondenti.

    4.Is-setgħat u r-responsabbiltajiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu suġġetti għal ftehim minn qabel konkluż bejn mill-inqas żewġ terzi tal-produtturi tal-prodott identifikat minn Indikazzjoni Ġeografika, li jammontaw għal mill-inqas żewġ terzi tal-produzzjoni ta’ dak il-prodott fiż-żona ġeografika msemmija fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

    5.L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli sabiex jiżguraw li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 jiġu rrispettati. Meta l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jsibu li dawn il-kundizzjonijiet ma ġewx irrispettati, l-Istati Membri għandhom jannullaw id-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent tal-grupp ta’ produtturi.

    Artikolu 34

    Protezzjoni tad-drittijiet tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi fl-ismijiet ta’ dominju

    1.Ir-reġistri tal-ismijiet ta’ dominji tal-ogħla livell bil-kodiċi tal-pajjiż stabbiliti fl-Unjoni jistgħu, fuq talba ta’ persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess jew drittijiet leġittimi, jirrevokaw jew jittrasferixxu isem ta’ dominju rreġistrat taħt tali dominju tal-ogħla livell bil-kodiċi tal-pajjiż lill-grupp ta’ produtturi rikonoxxut tal-prodotti bl-Indikazzjoni Ġeografika kkonċernata, wara proċedura alternattiva xierqa għas-soluzzjoni tat-tilwim jew proċedura ġudizzjarja, jekk tali isem ta’ dominju jkun ġie rreġistrat mid-detentur tiegħu mingħajr drittijiet jew interess leġittimu fl-Indikazzjoni Ġeografika jew jekk ikun ġie rreġistrat jew ikun qed jintuża b’mala fide u l-użu tiegħu jikser l-Artikolu 27.

    2.Ir-reġistri tal-ismijiet ta’ dominju tal-ogħla livell bil-kodiċi tal-pajjiż stabbiliti fl-Unjoni għandhom jiżguraw li kwalunkwe proċedura alternattiva għas-soluzzjoni tat-tilwim stabbilita biex issolvi t-tilwim relatat mar-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta’ dominju msemmija fil-paragrafu (1), għandha tirrikonoxxi l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi bħala drittijiet li jistgħu jipprevjenu li isem ta’ dominju jiġi rreġistrat jew użat b’mala fide.

    3.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84 li jissupplimentaw dan ir-Regolament permezz ta’ dispożizzjonijiet li jinkarigaw lill-EUIPO biex jistabbilixxi u jimmaniġġja sistema ta’ informazzjoni u twissija tal-ismijiet ta’ dominju li tipprovdi lill-applikant, mas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għal Indikazzjoni Ġeografika, b’informazzjoni dwar id-disponibbiltà tal-Indikazzjoni Ġeografika bħala isem ta’ dominju u, fuq bażi fakultattiva, ir-reġistrazzjoni ta’ isem ta’ dominju identiku għall-Indikazzjoni Ġeografika tiegħu. Dak l-att delegat għandu jinkludi wkoll l-obbligu għar-reġistri tal-ismijiet ta’ dominju tal-ogħla livell bil-kodiċi tal-pajjiż, stabbiliti fl-Unjoni, li jipprovdu lill-EUIPO bl-informazzjoni u d-data rilevanti. 

    Artikolu 35

    Trademarks kunfliġġenti

    1.Ir-reġistrazzjoni ta’ trademark li l-użu tagħha jikser l-Artikolu 27 għandha tiġi rrifjutata jekk l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademark tiġi ppreżentata wara d-data tal-preżentazzjoni lill-Kummissjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika.

    2.It-trademarks irreġistrati bi ksur tal-paragrafu (1) għandhom jiġu invalidati mill-EUIPO u, fejn applikabbli, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

    3.Trademark li l-użu tagħha jikser l-Artikolu 27, li tkun tressqet applikazzjoni għaliha, ġiet irreġistrata jew stabbilita bl-użu b’bona fide fit-territorju tal-Unjoni, jekk dik il-possibbiltà tkun prevista mil-leġiżlazzjoni kkonċernata, qabel id-data li fiha l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni, tista’ tkompli tintuża u tiġġedded minkejja r-reġistrazzjoni ta’ Indikazzjoni Ġeografika, dment li ma tkun teżisti l-ebda raġuni għall-invalidità jew għar-revoka tat-trademark skont id-Direttiva (UE) 2015/2436 jew ir-Regolament (UE) 2017/1001. F’każijiet bħal dawn, l-użu tal-Indikazzjoni Ġeografika, jekk imbagħad tiġi rreġistrata, u dak tat-trademark rilevanti għandu jkun permess.

    4.Għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi rreġistrati fl-Unjoni mingħajr il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni, id-data tal-ewwel jum tal-protezzjoni għandha titqies bħala d-data tal-preżentazzjoni lill-Kummissjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 3.   

    5.Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, il-marki ta’ garanzija jew ta’ ċertifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 28(4) tad-Direttiva (UE) 2015/2436 u l-marki kollettivi msemmija fl-Artikolu 29(3) ta’ dik id-Direttiva jistgħu jintużaw fuq it-tikketti flimkien mal-Indikazzjoni Ġeografika.

    Artikolu 36

    Dritt ta’ użu

    Indikazzjoni Ġeografika rreġistrata tista’ tintuża minn kwalunkwe operatur li jbiegħ prodott li jkun konformi mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jew mad-Dokument Uniku korrispondenti jew ekwivalenti għal dan tal-aħħar.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe operatur li jikkonforma mar-regoli stabbiliti f’dan it-Titolu jkun kopert mill-verifika tal-konformità tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott stabbilita skont l-Artikolu 39 . L-Istati Membri jistgħu jitolbu tariffa biex ikopru l-kostijiet tagħhom tal-ġestjoni tas-sistema ta’ kontrolli. 

    Iċ-ċirkostanza li permezz tagħha Indikazzjoni Ġeografika tkun tikkonsisti minn jew ikun fiha l-isem tal-proprjetà ta’ produttur applikant wieħed ma għandhiex tipprevjeni lil produtturi u lil operaturi oħrajn milli jużaw l-Indikazzjoni Ġeografika rreġistrata sakemm din tintuża biex tidentifika prodott li jkun konformi mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

    Artikolu 37

    Simboli tal-Unjoni, indikazzjonijiet u abbrevjazzjonijiet

    1.Għandhom jiġu stabbiliti s-simboli tal-Unjoni, imfassla biex jimmarkaw u jippubbliċizzaw Indikazzjonijiet Ġeografiċi, li ġejjin:

    (a)simbolu li jidentifika d-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti tal-inbid u ta’ prodotti agrikoli; u

    (b)simbolu li jidentifika Indikazzjonijiet Ġeografiċi protetti ta’ nbid u ta’ prodotti agrikoli u Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ xorb spirituż.

    2.Fil-każ ta’ prodotti li joriġinaw fl-Unjoni li jiġu kkummerċjalizzati taħt Indikazzjoni Ġeografika, is-simboli tal-Unjoni assoċjati magħhom għandhom jidhru fuq it-tikkettar u l-materjal tar-reklamar. L-Indikazzjoni Ġeografika għandha tidher fl-istess kamp viżiv bħas-simbolu tal-Unjoni. Ir-rekwiżiti tat-tikkettar stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 għall-preżentazzjoni ta’ dettalji obbligatorji għandhom japplikaw għall-Indikazzjoni Ġeografika.

    3.B’deroga mill-paragrafu (2), fil-każ ta’ nbid u xorb spirituż li joriġinaw fl-Unjoni li jkunu kkummerċjalizzati taħt Indikazzjoni Ġeografika, is-simboli tal-Unjoni jistgħu jitħallew barra mill-materjal ta’ tikkettar u ta’ reklamar tal-prodott ikkonċernat.

    4.Is-simbolu tal-Unjoni għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi protetti stabbilit skont il-paragrafu (1) jista’ jintuża fid-deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni u fit-tikkettar ta’ xorb spirituż li l-ismijiet tiegħu jkunu Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

    5.Meta l-inbid, il-prodotti agrikoli jew ix-xorb spirituż jiġu identifikati minn Indikazzjoni Ġeografika, l-indikazzjonijiet “Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta” jew “Indikazzjoni Ġeografika Protetta” għandhom jidhru fuq it-tikkettar tal-inbid, l-indikazzjonijiet “Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta” jew “Indikazzjoni Ġeografika protetta” jistgħu jidhru fuq it-tikkettar ta’ prodotti agrikoli u l-indikazzjoni “Indikazzjoni Ġeografika” tista’ tidher fuq it-tikkettar ta’ xorb spirituż, rispettivament. 

    It-taqsiriet “DOP” jew “IĠP”, li jikkorrispondu għall-indikazzjonijiet “Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta” jew “Indikazzjoni Ġeografika Protetta”, jistgħu jidhru fuq it-tikkettar tal-inbid u tal-prodotti agrikoli identifikati minn Indikazzjoni Ġeografika.

    6.L-indikazzjonijiet, it-taqsiriet u s-simboli tal-Unjoni jistgħu jintużaw fit-tikkettar u fil-materjali tar-reklamar ta’ prodotti pproċessati meta l-Indikazzjoni Ġeografika tirreferi għal ingredjent tagħhom. F’dak il-każ, l-indikazzjoni, it-taqsira jew is-simbolu tal-Unjoni għandu jitqiegħed ħdejn l-isem tal-ingredjent li jkun identifikat b’mod ċar bħala ingredjent. Is-simbolu tal-Unjoni ma għandux jitqiegħed f’assoċjazzjoni mal-isem tal-ikel skont it-tifsira tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jew b’mod li jissuġġerixxi lill-konsumatur li l-prodott ipproċessat, u mhux l-ingredjent, huwa s-suġġett tar-reġistrazzjoni.

    7.Wara l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni ta’ Indikazzjoni Ġeografika, il-produtturi jistgħu jindikaw fuq it-tikkettar u fil-preżentazzjoni tal-prodott li tkun tressqet applikazzjoni għar-reġistrazzjoni f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

    8.Simboli tal-Unjoni li jindikaw id-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta jew l-Indikazzjoni Ġeografika Protetta u l-indikazzjonijiet tal-Unjoni “Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta”, “Indikazzjoni Ġeografika Protetta” u “Indikazzjoni Ġeografika” u t-taqsiriet “DOP” jew “IĠP” kif rilevanti, jistgħu jidhru fuq it-tikkettar biss wara l-pubblikazzjoni tal-att ta’ reġistrazzjoni ta’ dik l-Indikazzjoni Ġeografika.

    9.Meta applikazzjoni tiġi rrifjutata, kwalunkwe prodott tikkettat f’konformità mal-paragrafu (6) jista’ jiġi kkummerċjalizzat sakemm jispiċċaw l-istokkijiet.

    10.Dan li ġej jista’ jidher ukoll fuq it-tikkettar:

    (a)rappreżentazzjonijiet taż-żona ġeografika tal-oriġini msemmija fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott; u

    (b)test, grafika jew simboli li jirreferu għall-Istat Membru u r-reġjun li fih tinsab dik iż-żona ġeografika tal-oriġini. 

    11.Is-simboli tal-Unjoni assoċjati mal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi mdaħħla fir-reġistru tal-Unjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi li jidentifikaw prodotti li joriġinaw f’pajjiżi terzi, jistgħu jidhru fuq it-tikkettar u fuq il-materjal ta’ reklamar tal-prodotti, f’liema każ is-simboli għandhom jintużaw f’konformità mal-paragrafu (2) u (4).

    12.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu s-simboli tal-Unjoni għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, li jiddefinixxu l-karatteristiċi tekniċi tas-simboli tal-Unjoni għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi kif ukoll ir-regoli dwar l-użu tagħhom u l-użu tal-indikazzjonijiet u t-taqsiriet fuq il-prodotti kkummerċjalizzati taħt Indikazzjoni Ġeografika rreġistrata, inklużi regoli dwar il-verżjonijiet lingwistiċi xierqa li għandhom jintużaw. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 53(2).

    Kapitolu 4
    Kontrolli u infurzar

    Artikolu 38

    Kamp ta’ applikazzjoni

    1.Dan il-Kapitolu jkopri l-kontrolli u l-infurzar tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ xorb spirituż u ta’ prodotti agrikoli.

    2.Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-kontrolli jinkludu:

    (a)verifika li prodott identifikat minn Indikazzjoni Ġeografika jkun ġie prodott f’konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott korrispondenti; u

    (b)il-monitoraġġ tal-użu tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi fis-suq.

    3.Meta jwettqu l-kontrolli u l-attivitajiet ta’ infurzar previsti f’dan it-Titolu, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli u l-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/625. Madankollu, it-Titolu VI, il-Kapitolu 1, tar-Regolament (UE) 2017/625 ma għandux japplika għall-kontrolli tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

    Artikolu 39

    Verifika tal-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

    1.L-Istati Membri għandhom ifasslu u jżommu aġġornata lista ta’ produtturi ta’ prodotti identifikati minn Indikazzjoni Ġeografika mdaħħla fir-reġistru tal-Unjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi li joriġinaw fit-territorju tagħhom.

    2.Il-produtturi huma responsabbli għall-kontrolli interni li jiżguraw il-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ prodotti identifikati minn Indikazzjonijiet Ġeografiċi qabel ma l-prodott jitqiegħed fis-suq.

    3.Minbarra l-kontrolli interni msemmija fil-paragrafu 2, qabel it-tqegħid fis-suq ta’ prodott identifikat minn Indikazzjoni Ġeografika u li joriġina fl-Unjoni, il-verifika minn parti terza tal-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, għandha titwettaq minn:

    (a)awtorità kompetenti waħda jew aktar skont it-tifsira tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2017/625; jew

    (b)korp taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti wieħed jew aktar li lilhom ikunu ġew iddelegati r-responsabbiltajiet kif imsemmi fit-Titolu II, Kapitolu III, tar-Regolament (UE) 2017/625. 

    4.Fir-rigward tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi li jidentifikaw prodotti li joriġinaw f’pajjiż terz, il-verifika tal-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, qabel ma l-prodott jitqiegħed fis-suq, għandha titwettaq minn:

    (a)awtorità kompetenti pubblika maħtura mill-pajjiż terz; jew

    (b)korp wieħed jew diversi korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti.

    5.Meta, f’konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, pass fil-produzzjoni jsir minn produttur wieħed jew aktar f’pajjiż differenti mill-pajjiż tal-oriġini tal-Indikazzjoni Ġeografika, id-dispożizzjonijiet għall-verifika tal-konformità ta’ dawk il-produtturi għandhom jiġu stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Jekk il-pass tal-produzzjoni rilevanti jseħħ fl-Unjoni, il-produtturi għandhom jiġu nnotifikati lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn iseħħ il-pass tal-produzzjoni u jkunu suġġetti għal verifika bħala produttur tal-prodott identifikat mill-Indikazzjoni Ġeografika.

    6.Meta Stat Membru japplika l-Artikolu 8(2), il-verifika tal-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għandha ssir minn awtorità differenti minn dik meqjusa bħala grupp ta’ produtturi skont dak il-paragrafu.

    7.Il-kostijiet tal-verifika tal-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jistgħu jitħallsu mill-operaturi li jkunu suġġetti għal dawk il-kontrolli. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu wkoll għal dawk il-kostijiet.

    Artikolu 40

    Informazzjoni pubblika dwar l-awtoritajiet kompetenti u l-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti

    1.L-Istati Membri għandhom jippubblikaw l-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti u tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 39(3) u għandhom iżommu dik l-informazzjoni aġġornata.

    2.Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti u tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 39(4) u taġġorna dik l-informazzjoni minn żmien għal żmien.

    3.Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi portal diġitali fejn l-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti u tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jiġu ppubblikati.

    Artikolu 41

    Akkreditazzjoni tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti

    1.Il-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 39(3)(b) u fl-Artikolu 39(4)(b) għandhom jikkonformaw u jkunu akkreditati f’konformità ma’:

    (a)l-istandard Ewropew ISO/IEC 17065:2012 “Valutazzjoni tal-konformità – Rekwiżiti għall-korpi li jiċċertifikaw il-prodotti, il-proċessi u s-servizzi", inkluż l-istandard Ewropew ISO/IEC 17065:2012 “Valutazzjoni tal-konformità — Rekwiżiti għall-operat ta’ diversi tipi ta’ korpi ta’ spezzjoni”; jew 

    (b)standards oħra xierqa u rikonoxxuti internazzjonalment, inkluż kwalunkwe reviżjoni jew verżjoni emendata tal-istandards Ewropej imsemmija fil-punt (a).

    2.L-akkreditazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha ssir minn korp ta’ akkreditazzjoni rikonoxxut f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008, li jkun membru tal-Akkreditazzjoni Ewropea, jew minn korp ta’ akkreditazzjoni barra l-Unjoni li jkun membru tal-Forum Internazzjonali ta’ Akkreditazzjoni.

    Artikolu 42

    Kontrolli u infurzar ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi fis-suq

    1.L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità tal-infurzar waħda jew aktar, li tista’ tkun l-istess bħall-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 39(3), responsabbli għall-kontrolli fis-suq u għall-infurzar tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi wara li l-prodott identifikat minn Indikazzjoni Ġeografika jkun temm il-passi kollha tal-produzzjoni, kemm jekk ikun maħżun, fi tranżitu, jew qed jiġi mqassam, kif ukoll jekk ikun offrut għall-bejgħ fil-livell tal-operaturi jew tal-konsumaturi, inkluż fil-kummerċ elettroniku.

    2.L-awtorità tal-infurzar għandha twettaq kontrolli tal-prodotti identifikati minn Indikazzjonijiet Ġeografiċi biex tiżgura l-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jew mad-Dokument Uniku jew ma’ ekwivalenti għal dan tal-aħħar.

    3.L-Istati Membri għandhom jieħdu passi amministrattivi u ġudizzjarji xierqa biex jipprevjenu jew iwaqqfu l-użu ta’ ismijiet ta’ prodotti jew servizzi li jiġu prodotti, operati jew ikkummerċjalizzati fit-territorju tagħhom u li jiksru l-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi previsti fl-Artikolu 27 u fl-Artikolu 28.

    4.L-awtorità maħtura f’konformità mal-paragrafu 1 għandha tikkoordina l-infurzar tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi fost id-dipartimenti, l-aġenziji u l-korpi rilevanti, inklużi l-pulizija, l-aġenziji kontra l-falsifikazzjoni, id-dwana, l-uffiċċji tal-proprjetà intellettwali, awtoritajiet tal-liġi dwar l-ikel u spetturi tal-bejgħ bl-imnut.

    Artikolu 43

    Obbligi applikabbli għall-fornituri ta’ servizzi intermedjarji

    1.Il-bejgħ ta’ merkanzija li għaliha għandhom aċċess il-persuni stabbiliti fl-Unjoni, li jikser l-Artikolu 27, għandu jitqies bħala kontenut illegali skont it-tifsira tal-Artikolu 2(g) tar-Regolament (UE) 2022/xxx tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 46 .

    2.L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu joħorġu ordni biex jaġixxu f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2022/xxx kontra l-kontenut illegali kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. 

    3.Skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2022/xxx, kwalunkwe individwu jew entità jistgħu jinnotifikaw lill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting bil-preżenza ta’ kontenut speċifiku li jkun qed jikser l-Artikolu 27 ta’ dan ir-Regolament.

    4.Dan ir-regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2022/xxx.

    Artikolu 44

    Assistenza reċiproka u skambju ta’ informazzjoni

    1.L-Istati Membri għandhom jassistu lil xulxin għall-fini tat-twettiq tal-kontrolli u l-infurzar previsti f’dan il-Kapitolu f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/625.

    2.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jagħtu dettalji dwar in-natura u t-tip tal-informazzjoni li għandha tiġi skambjata u l-metodi għall-iskambju ta’ informazzjoni għall-fini ta’ kontrolli u infurzar skont dan il-Kapitolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 53(2).

    3.L-assistenza amministrattiva tista’ tinkludi, fejn xieraq, u, bi ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, il-parteċipazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru f’kontrolli fuq il-post li jwettqu l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor.

    4.F’każ ta’ ksur possibbli tal-protezzjoni mogħtija lil Indikazzjoni Ġeografika, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw it-trażmissjoni, mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, mill-prosekuturi pubbliċi u mill-awtoritajiet ġudizzjarji, ta’ informazzjoni dwar tali ksur possibbli lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 39(3).

    5.Għall-fini speċifiku li jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ konformità jew il-frodi fir-rigward tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi rreġistrati, l-Istati Membri għandhom jużaw is-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni stabbilita skont ir-Regolament (UE) 2017/625 jew kwalunkwe sistema oħra li tista’ tiġi stabbilita fil-futur għal dak il-fini.

    Artikolu 45

    Ċertifikati ta’ awtorizzazzjoni għall-produzzjoni

    1.Produttur li l-prodott tiegħu, wara l-verifika tal-konformità msemmija fl-Artikolu 39 jinstab li jikkonforma mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Indikazzjoni Ġeografika Protetta f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandu jkun intitolat għal ċertifikat uffiċjali, jew prova oħra ta’ ċertifikazzjoni, tal-eliġibbiltà għall-produzzjoni tal-prodott identifikat mill-Indikazzjoni Ġeografika kkonċernata fir-rigward tal-passi tal-produzzjoni mwettqa mill-produttur imsemmi.

    2.Il-prova ta’ ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun magħmula disponibbli fuq talba lill-awtoritajiet tal-infurzar, lid-dwana jew lil awtoritajiet oħra fl-Unjoni involuti fil-verifika tal-użu ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi fuq merkanzija ddikjarata għaċ-ċirkolazzjoni libera jew imqiegħda fis-suq intern. Il-produttur jista’ jagħmel il-prova taċ-ċertifikazzjoni disponibbli għall-pubbliku jew għal kwalunkwe persuna li titlob tali prova matul in-negozju.

    Kapitolu 5
    Assistenza teknika

    Artikolu 46

     Skrutinju tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ pajjiżi terzi

    Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84 li jissupplimentaw dan ir-Regolament b’regoli dwar l-inkarigar tal-EUIPO bl-iskrutinju ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ pajjiżi terzi, minbarra l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi skont l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, proposti għall-protezzjoni skont negozjati internazzjonali jew ftehimiet internazzjonali.

    Artikolu 47

    Monitoraġġ u rapportar

    1.Meta l-Kummissjoni teżerċita kwalunkwe setgħa prevista f’dan ir-Regolament sabiex tafda kompiti lill-EUIPO, hija għandha tingħata wkoll is-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84 biex tissupplimenta dan ir-Regolament bi kriterji għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni fit-twettiq ta’ tali kompiti. Dawn il-kriterji jistgħu jinkludu:

    (a)il-firxa tal-integrazzjoni ta’ fatturi agrikoli fil-proċess ta’ skrutinju;

    (b)il-kwalità tal-valutazzjonijiet;

    (c)il-koerenza tal-valutazzjonijiet tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi minn sorsi differenti;

    (d)l-effiċjenza tal-kompiti; u

    (e)is-sodisfazzjon tal-utenti.

    2.Mhux aktar tard minn ħames snin wara l-ewwel delega ta’ kwalunkwe kompitu lill-EUIPO, il-Kummissjoni għandha tħejji u tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati u l-esperjenza tal-eżerċizzju ta’ dawn il-kompiti mill-EUIPO.

    Kapitolu 6
    Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli

    Artikolu 48

    Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u Indikazzjonijiet Ġeografiċi

    1.“Denominazzjoni ta’ Oriġini” ta’ prodott agrikolu hija isem li jidentifika prodott:

    (a)li joriġina f’post, f’reġjun jew, f’każijiet eċċezzjonali, f’pajjiż speċifiku;

    (b)li l-kwalità jew il-karatteristiċi tiegħu huma essenzjalment jew esklużivament dovuti għal ambjent ġeografiku partikolari bil-fatturi naturali u umani inerenti tiegħu; u

    (c)li l-passi ta’ produzzjoni tiegħu jseħħu kollha fiż-żona ġeografika ddefinita.

    2. “Indikazzjoni Ġeografika” ta’ prodott agrikolu hija isem li jidentifika prodott:

    (a)li joriġina f’post, f’reġjun jew f’pajjiż speċifiku;

    (b)li l-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra partikolari tiegħu hija essenzjalment attribwibbli għall-oriġini ġeografika tiegħu; u

    (c)tal-anqas wieħed mill-passi tal-produzzjoni tiegħu jsir fiż-żona ġeografika ddefinita.

    3.Il-prodotti agrikoli li ġejjin huma esklużi milli jkunu s-suġġett ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta jew ta’ Indikazzjoni Ġeografika Protetta:

    (a)prodotti li min-natura tagħhom ma jistgħux jiġu nnegozjati fis-suq intern u jistgħu jiġu kkonsmati biss fil-post tal-manifattura tagħhom jew qrib tiegħu, bħal f’ristoranti;

    (b)prodotti li, mingħajr preġudizzju għar-regoli msemmija fl-Artikolu 5(2), imorru kontra l-politika pubblika jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità u ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq intern.

    4.Minkejja l-paragrafu 1, ċerti ismijiet għandhom jiġu rreġistrati bħala Denominazzjonijiet ta’ Oriġini anke jekk il-materja prima għall-prodotti kkonċernati tkun ġejja minn żona ġeografika akbar miż-żona ġeografika ddefinita, jew differenti minnha, dment li:

    (a)iż-żona tal-produzzjoni tal-materja prima tkun iddefinita;

    (b)ikunu jeżistu kundizzjonijiet speċjali għall-produzzjoni tal-materja prima;

    (c)ikun hemm arranġamenti ta’ kontroll biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt (b) jiġu rrispettati; u

    (d)id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini inkwistjoni ġew rikonoxxuti bħala Denominazzjonijiet ta’ Oriġini fil-pajjiż ta’ oriġini qabel l-1 ta’ Mejju 2004.

    Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, jistgħu jitqiesu bħala materja prima annimali ħajjin, laħam u ħalib biss.

    5.Għall-finijiet tal-paragrafu (2)(b), “karatteristika oħra” tista’ tinkludi prattiki ta’ produzzjoni tradizzjonali, attributi tradizzjonali tal-prodotti u prattiki tal-biedja li jipproteġu l-valur ambjentali inklużi l-bijodiversità, ħabitats, żoni ambjentali u pajsaġġ rikonoxxuti fil-livell nazzjonali.

    6.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84 dwar ir-restrizzjonijiet u d-derogi fir-rigward tal-akkwist ta’ għalf fil-każ ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini.

    7.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84 dwar ir-restrizzjonijiet u d-derogi fir-rigward tat-tbiċċir ta’ annimali ħajjin jew fir-rigward tal-akkwist ta’ materja prima. Dawn ir-restrizzjonijiet u d-derogi għandhom iqisu l-kwalità jew l-użu u l-għarfien espert rikonoxxut jew il-fatturi naturali abbażi ta’ kriterji oġġettivi.

    Artikolu 49

    Varjetajiet ta’ pjanti u razez ta’ annimali

    1.Isem ma jistax jiġi rreġistrat bħala Indikazzjoni Ġeografika meta jkun f’kunflitt ma’ denominazzjoni ta’ varjetà ta’ pjanti jew ta’ razza ta’ annimali u x’aktarx li jiżgwida lill-konsumatur dwar l-identità jew l-oriġini vera tal-prodott identifikat mill-Indikazzjoni Ġeografika jew joħloq konfużjoni bejn il-prodotti identifikati mill-Indikazzjoni Ġeografika u l-varjetà jew ir-razza inkwistjoni.

    2.Il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu (1)għandhom jiġu vvalutati fir-rigward tal-użu attwali tal-ismijiet f’kunflitt, inkluż l-użu tad-denominazzjoni tal-varjetà tal-pjanti jew tar-razza tal-annimali barra miż-żona ta’ oriġini tagħha u l-użu tad-denominazzjoni ta’ varjetà ta’ pjanti protetta minn drittijiet tal-Komunità ta’ varjetà ta’ pjanti.

    3.Dan ir-Regolament ma għandux jipprevjeni t-tqegħid fis-suq ta’ prodott li ma jikkonformax mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Indikazzjoni Ġeografika rreġistrata, li t-tikkettar tiegħu jinkludi l-isem jew parti mill-isem ta’ dik l-Indikazzjoni Ġeografika, li jkun fih jew jinkludi d-denominazzjoni ta’ varjetà ta’ pjanti jew ta’ razza ta’ annimali, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)il-prodott inkwistjoni jkun jinkludi l-varjetà jew ir-razza indikata, jew ikun derivat minnha;

    (b)il-konsumaturi ma jiġux żgwidati;

    (c)l-użu tad-denominazzjoni tal-varjetà jew tal-isem tar-razza jikkostitwixxi kompetizzjoni ġusta;

    (d)l-użu ma jisfruttax ir-reputazzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika rreġistrata; u

    (e)il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott inkwistjoni kienu nfirxu lil hinn miż-żona tal-oriġini tiegħu qabel id-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika.

    4.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84 dwar ir-regoli għad-determinazzjoni tal-użu ta’ denominazzjonijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti u ta’ razez ta’ annimali.

    Artikolu 50

    Regoli speċifiċi dwar l-akkwist ta’ għalf u materja prima

    1.Għall-finijiet tal-Artikolu 48, l-għalf għandu jiġi akkwistat kompletament miż-żona ġeografika ddefinita fir-rigward ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali li l-isem tagħhom ikun irreġistrat bħala Denominazzjoni ta’ Oriġini.

    2.Sa fejn ma jkunx teknikament prattikabbli li l-akkwist isir kollu miż-żona ġeografika ddefinita, jista’ jiġi miżjud għalf li jkun ġie akkwistat minn barra dik iż-żona, dment li l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott li essenzjalment ikollu minħabba l-ambjent ġeografiku ma jiġux affettwati. L-għalf li jkun ġej minn barra ż-żona ġeografika ddefinita ma għandux jaqbeż il-50 % tal-materja niexfa fuq bażi annwali.

    3.Kwalunkwe restrizzjoni għall-oriġini tal-materja prima pprovduta fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ prodott li l-isem tiegħu jkun irreġistrat bħala Indikazzjoni Ġeografika għandha tkun iġġustifikata fir-rigward tar-rabta msemmija fl-Artikolu 51(1)(f).

    Artikolu 51

    Speċifikazzjoni tal-Prodott

    1.Prodotti li l-ismijiet tagħhom ikunu rreġistrati bħala Denominazzjoni ta’ Oriġini jew Indikazzjoni Ġeografika għandhom jikkonformaw ma’ Speċifikazzjoni tal-Prodott li għandha tinkludi mill-inqas:

    (a)l-isem li għandu jiġi protett bħala Denominazzjoni ta’ Oriġini jew Indikazzjoni Ġeografika, li jista’ jkun jew isem ġeografiku tal-post ta’ produzzjoni ta’ prodott speċifiku, jew isem użat fil-kummerċ jew b’lingwa komuni biex jiddeskrivi l-prodott speċifiku fiż-żona ġeografika ddefinita;

    (b)deskrizzjoni tal-prodott, inkluż fejn rilevanti, il-materja prima, il-varjetajiet tal-pjanti u r-razez tal-annimali kkonċernati, inkluża d-denominazzjoni kummerċjali tal-ispeċi u l-isem xjentifiku tagħha, kif ukoll il-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, mikrobijoloġiċi jew organolettiċi ewlenin tal-prodott;

    (c)id-definizzjoni taż-żona ġeografika delimitata li toħloq ir-rabta msemmija fil-punt (f)(i) jew (ii), u, fejn xieraq, id-dettalji li jindikaw il-konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 48(4);

    (d)evidenza li l-prodott joriġina miż-żona ġeografika ddefinita speċifikata f’konformità mal-Artikolu 48(1)(c), jew mal-Artikolu 48(2)(c);

    (e)deskrizzjoni tal-metodu ta’ kif jinkiseb il-prodott u, fejn xieraq, il-metodi tradizzjonali u l-prattiki speċifiċi użati; kif ukoll informazzjoni dwar l-ippakkjar, jekk il-grupp applikant jiddetermina hekk u jagħti ġustifikazzjoni suffiċjenti speċifika għall-prodott għaliex l-ippakkjar ikun irid isir fiż-żona ġeografika ddefinita biex tiġi salvagwardata l-kwalità, biex tkun żgurata l-oriġini jew ikun żgurat il-kontroll, b’kont meħud tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dik dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u l-forniment liberu tas-servizzi;

    (f)dettalji li jistabbilixxu dan li ġej:

    (i)fir-rigward ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini, ir-rabta bejn il-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott u l-ambjent ġeografiku msemmi fl-Artikolu 48(1)(b). Id-dettalji dwar il-fatturi umani ta’ dak l-ambjent ġeografiku jistgħu, fejn rilevanti, ikunu limitati għal deskrizzjoni tal-ġestjoni tal-ħamrija u tal-pajsaġġ, tal-prattiki ta’ kultivazzjoni jew kwalunkwe kontribut uman rilevanti ieħor għaż-żamma tal-fatturi naturali tal-ambjent ġeografiku msemmija f’dik id-dispożizzjoni;

    (ii)fir-rigward ta’ Indikazzjoni Ġeografika, ir-rabta bejn kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott, u l-oriġini ġeografika msemmija fl-Artikolu 48(2)(b);  

    (g)kwalunkwe regola speċifika dwar it-tikkettar għall-prodott inkwistjoni;

    (h)rekwiżiti applikabbli oħra fejn previst mill-Istati Membri jew minn grupp ta’ produtturi, jekk applikabbli, filwaqt li jitqies il-fatt li tali rekwiżiti jridu jkunu oġġettivi, nondiskriminatorji u kompatibbli mad-dritt nazzjonali u tal-Unjoni.

    2.L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tista’ tinkludi wkoll impenji ta’ sostenibbiltà.

    3.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84dwar regoli li jillimitaw l-informazzjoni li tinsab fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, meta tali limitazzjoni tkun meħtieġa biex jiġu evitati applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni eċċessivament voluminużi.

    4.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dwar il-forma tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 53(2)

    Artikolu 52

    Dokument Uniku

    1.Id-Dokument Uniku għandu jinkludi:

    (a)il-punti ewlenin tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, jiġifieri: l-isem, deskrizzjoni tal-prodott, inklużi, fejn xieraq, regoli speċifiċi dwar l-ippakkjar u t-tikkettar u definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika;

    (b)deskrizzjoni tar-rabta bejn il-prodott u l-ambjent ġeografiku jew l-oriġini ġeografika msemmija fl-Artikolu 51(1)(f), inklużi, fejn xieraq, l-elementi speċifiċi tad-deskrizzjoni tal-prodott jew tal-metodu ta’ produzzjoni li jiġġustifikaw dik ir-rabta.

    2.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddefinixxu l-format u l-preżentazzjoni online tad-Dokument Uniku previst fil-paragrafu 1 u li jipprevedu l-esklużjoni jew l-anonimizzazzjoni ta’ data personali protetta. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 53(2).

    Kapitolu 7
    Dispożizzjonijiet proċedurali

    Artikolu 53

    Proċedura ta’ kumitat

    1.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat, imsejjaħ il-Kumitat dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. 

    2.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Titolu III
    Skemi tal-kwalità

    Kapitolu 1
    Speċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti

    Artikolu 54

    Objettiv u kamp ta’ applikazzjoni

    1.Qed tiġi stabbilita skema għall-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti biex jiġu ssalvagwardjati l-metodi tradizzjonali tal-produzzjoni u riċetti tradizzjonali billi l-produtturi tal-prodott tradizzjonali jiġu megħjuna jikkummerċjalizzaw u jikkomunikaw l-attributi li jżidu l-valur tar-riċetti u l-prodotti tradizzjonali tagħhom lill-konsumaturi.

    2.Dan il-Kapitolu japplika għall-prodotti agrikoli.

    Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, prodotti agrikoli tfisser prodotti agrikoli maħsuba għall-konsum mill-bniedem elenkati fl-Anness I tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel oħrajn elenkati fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    Dan il-Kapitolu ma għandux japplika għax-xorb spirituż, l-inbejjed aromatizzati jew il-prodotti tad-dwieli kif iddefiniti fil-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, bl-eċċezzjoni tal-ħall tal-inbid.

    3.Ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni tal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti huma mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-produtturi li jikkonformaw ma’ regoli oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk relatati mat-tqegħid ta’ prodotti fis-suq, mal-organizzazzjoni komuni unika tas-swieq, u mat-tikkettar tal-ikel.

    Artikolu 55

    Kriterji ta’ eliġibbiltà

    1.Isem għandu jkun eliġibbli għar-reġistrazzjoni bħala Speċjalità Tradizzjonali Garantita meta dan jiddeskrivi prodott speċifiku li:

    (a)jirriżulta minn mod ta’ produzzjoni, ipproċessar jew kompożizzjoni li jikkorrispondi għall-prattika tradizzjonali għal dak il-prodott jew oġġett tal-ikel; jew

    (b)ikun prodott minn materja prima jew minn ingredjenti li jintużaw tradizzjonalment.

    2.Sabiex isem jiġi rreġistrat bħala Speċjalità Tradizzjonali Garantita, dan għandu:

    (a)ikun intuża tradizzjonalment biex jirriferi għall-prodott; jew

    (b)jidentifika l-karattru tradizzjonali tal-prodott.

    3. Jekk fil-proċedura ta’ oppożizzjoni taħt l-Artikolu 51 jintwera li l-isem jintuża wkoll fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz, sabiex issir distinzjoni bejn prodotti simili jew prodotti li jkollhom isem identiku jew simili, id-deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni meħuda f’konformità mal-Artikolu 65(3) tista’ tipprevedi li l-isem tal-iIspeċjalità Tradizzjonali Garantita jkun akkumpanjat mid-dikjarazzjoni “magħmul skont it-tradizzjoni ta’” immedjatament segwita mill-isem ta’ pajjiż jew reġjun tiegħu.

    4.Isem ma jistax jiġi rreġistrat jekk jirreferi biss għal dikjarazzjonijiet ta’ natura ġenerali użati għal sett ta’ prodotti, jew għal dikjarazzjonijiet previsti minn leġiżlazzjoni partikolari tal-Unjoni.

    5.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84 li jissupplimentaw dan ir-Regolament b’aktar dettalji tal-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    Artikolu 56

    Speċifikazzjoni tal-Prodott

    1.Speċjalità Tradizzjonali Garantita għandha tkun konformi mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott li għandha tinkludi:

    (a)l-isem tal-prodott propost għar-reġistrazzjoni, fil-verżjonijiet lingwistiċi xierqa;

    (b)deskrizzjoni tal-prodott inklużi l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, mikrobijoloġiċi jew organolettiċi ewlenin tiegħu;

    (c)deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni li l-produtturi jridu jsegwu, inkluż, fejn xieraq, in-natura u l-karatteristiċi tal-materja prima jew tal-ingredjenti użati, jekk rilevanti inkluża d-denominazzjoni kummerċjali tal-ispeċi involuta u l-isem xjentifiku tagħha, u l-metodu li bih jitħejja l-prodott; u

    (d)l-elementi ewlenin li jistabbilixxu l-karattru tradizzjonali tal-prodott.

    2.Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84 li jistabbilixxu regoli li jillimitaw l-informazzjoni fl-ispeċifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, meta tali limitazzjoni tkun meħtieġa biex jiġu evitati applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni eċċessivament voluminużi.

    3.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dwar il-forma tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 80(2).

    Artikolu 57

    Stadju nazzjonali tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni 

    1.L-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ Speċjalità Tradizzjonali Garantita jistgħu jiġu sottomessi biss minn gruppi ta’ produtturi ta’ prodotti bl-isem li għandu jiġi protett. Diversi gruppi minn Stati Membri differenti jew minn pajjiżi terzi jistgħu jippreżentaw applikazzjoni konġunta għar-reġistrazzjoni. 

    2.Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem bħala Speċjalità Tradizzjonali Garantita għandha tinkludi:

    (a) l-isem u l-indirizz tal-grupp applikant ta’ produtturi ;

    (b) l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott kif prevista fl-Artikolu 56 .

    3.Meta l-applikazzjoni titħejja minn grupp ta’ produtturi stabbiliti fi Stat Membru, l-applikazzjoni għandha tiġi indirizzata lill-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru. L-Istat Membru għandu jiskrutinizza l-applikazzjoni sabiex jivverifika li hija ġġustifikata u li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-kriterji ta’ eliġibbiltà msemmija fl-Artikolu 55. Bħala parti mill-iskrutinju, l-Istat Membru għandu jiġġestixxi proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni. Jekk l-Istat Membru jqis li r-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu jkunu ssodisfati, jista’ jieħu deċiżjoni favorevoli u jippreżenta applikazzjoni tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni mal-Kummissjoni.

    4.L-Istat Membru għandu jiżgura li d-deċiżjoni tiegħu, kemm jekk tkun favorevoli kif ukoll jekk le, issir pubblika u li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu jkollha opportunità li tikkontesta dik id-deċiżjoni. L-Istat Membru għandu jiżgura wkoll li tiġi ppubblikata l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott li fuqha tkun ibbażata d-deċiżjoni favorevoli tiegħu, u għandu jipprovdi aċċess elettroniku għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

    5.Meta l-applikazzjoni, inkluża applikazzjoni konġunta, titħejja minn grupp jew gruppi ta’ produtturi stabbiliti f’pajjiż terz, l-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata jew direttament jew permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat.

    Artikolu 58

    Applikazzjoni tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni 

    1.Applikazzjoni tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni ta’ Speċjalità Tradizzjonali Garantita għandha tinkludi:

    (a) l-elementi msemmija fl-Artikolu 57(2); u

    (b) għall-Istati Membri biss, dikjarazzjoni mill-Istat Membru li jqis li l-applikazzjoni ppreżentata mill-grupp applikant tissodisfa l-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni.

    2.Meta tiġi sottomessa applikazzjoni konġunta, imsemmija fl-Artikolu 57(1), l-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni minn wieħed mill-Istati Membri kkonċernati. Din għandha tinkludi, kif rilevanti, l-elementi msemmija fl-Artikolu 57(2) kif ukoll id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(b) ta’ dan l-Artikolu mill-Istati Membri kollha kkonċernati. Il-proċeduri nazzjonali relatati, inkluż l-istadju ta’ oppożizzjoni, għandhom jitwettqu fl-Istati Membri kollha kkonċernati. 

    3.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84 li jissupplimentaw dan ir-Regolament b’regoli addizzjonali għal applikazzjonijiet konġunti għar-reġistrazzjoni ta’ Speċjalità Tradizzjonali Garantita li tikkonċerna aktar minn territorju nazzjonali wieħed u għall-proċess ta’ applikazzjoni. 

    4.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar il-proċeduri, il-forma u l-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni, inkluż għal applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ Speċjalità Tradizzjonali Garantita li tikkonċerna aktar minn territorju nazzjonali wieħed. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 80(2).

    Artikolu 59

    Preżentazzjoni tal-applikazzjoni tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni

    1.Applikazzjoni tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni ta’ Speċjalità Tradizzjonali Garantita għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni b’mod elettroniku, permezz ta’ sistema diġitali. Is-sistema diġitali għandu jkollha l-kapaċità li tippermetti l-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat Membru, u għandu jkollha l-kapaċità li tintuża minn Stat Membru fil-proċedura nazzjonali tiegħu.

    2.Is-sistema diġitali għandu jkollha l-kapaċità li tippermetti l-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet minn applikanti stabbiliti barra mill-Unjoni u minn awtoritajiet nazzjonali ta’ pajjiżi terzi.

    3.L-informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni għandha tiġi ppubblikata mill-Kummissjoni malli dawn jiġu ppreżentati permezz tas-sistema diġitali msemmija fil-paragrafu (1).

    Artikolu 60

    Skrutinju mill-Kummissjoni u pubblikazzjoni għal oppożizzjoni

    1.Il-Kummissjoni għandha tiskrutinizza kwalunkwe applikazzjoni li tirċievi skont l-Artikolu 65(1) sabiex tivverifika li ma jkun fiha l-ebda żball manifest, li l-informazzjoni pprovduta f’konformità mal-Artikolu 58 tkun kompluta, li l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tkun preċiża u teknika u li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 55 u fl-Artikolu 56 ikunu ssodisfati. Tali skrutinju għandu jqis l-eżitu tal-istadju nazzjonali tal-proċedura mwettqa mill-Istat Membru kkonċernat.

    2.L-iskrutinju ma għandux jieħu aktar minn sitt xhur. F’każ li ż-żmien ta’ skrutinju jaqbeż jew x’aktarx jaqbeż is-sitt xhur, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-applikant bil-miktub dwar ir-raġunijiet għad-dewmien.

    3.Il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni supplimentari mingħand l-applikant.

    4.Meta, abbażi tal-iskrutinju mwettaq skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu jkunu ssodisfati, hija għandha tippubblika l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 61

    Kontestazzjoni nazzjonali għal applikazzjoni għar-reġistrazzjoni

    1.L-Istati Membri għandhom iżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar kwalunkwe proċediment nazzjonali amministrattiv jew ġudizzjarju li jista’ jaffettwa r-reġistrazzjoni ta’ Speċjalità Tradizzjonali Garantita. F’każ bħal dan, l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tissospendi l-proċedura ta’ eżami għal perjodu ta’ 12-il xahar li jista’ jiġġedded.

    2.L-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien jekk l-applikazzjoni lill-Kummissjoni tkun ġiet invalidata fil-livell nazzjonali b’deċiżjoni ġudizzjarja applikabbli immedjatament iżda mhux finali. F’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tkun eżentata mill-obbligu li tirrispetta l-iskadenza biex twettaq l-iskrutinju msemmi fl-Artikolu 60(2) u biex tinforma lill-applikant bir-raġunijiet għad-dewmien.

    3.Jekk l-applikazzjoni lill-Kummissjoni tkun ġiet invalidata b’deċiżjoni finali meħuda minn qorti nazzjonali, l-Istat Membru għandu jqis azzjoni xierqa bħall-irtirar jew il-modifika tal-applikazzjoni, kif meħtieġ.

    Artikolu 62

    Proċedura ta’ oppożizzjoni tal-Unjoni

    1.Fi żmien tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 60(4), l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita f’pajjiż terz, tista’ tippreżenta oppożizzjoni lill-Kummissjoni.

    2.Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu, li tkun stabbilita jew residenti fi Stat Membru differenti minn dak li minnu tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni, tista’ tippreżenta oppożizzjoni lill-Istat Membru li fih tkun stabbilita, f’limitu ta' żmien li jippermetti li tiġi ppreżentata oppożizzjoni skont l-ewwel paragrafu.

    3.Oppożizzjoni għandha tiddikjara li l-applikazzjoni tista’ tikser il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu u tagħti r-raġunijiet. Oppożizzjoni li ma tkunx tinkludi din id-dikjarazzjoni għandha tkun nulla. 

    4.Il-Kummissjoni għandha tivverifika l-ammissibbiltà tal-oppożizzjoni. Jekk il-Kummissjoni tqis li l-oppożizzjoni tkun ammissibbli, hija għandha, fi żmien ħames xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tistieden lill-awtorità jew lill-persuna li ppreżentat l-oppożizzjoni u lill-awtorità jew lill-applikant li ppreżenta l-applikazzjoni biex jidħlu f’konsultazzjonijiet xierqa bejniethom għal perjodu raġonevoli li ma għandux jaqbeż it-tliet xhur. Fi kwalunkwe ħin matul dak il-perjodu, il-Kummissjoni tista’, fuq talba tal-awtorità jew tal-applikant, testendi l-iskadenza għall-konsultazzjonijiet b’massimu ta’ tliet xhur.

    5.L-awtorità jew il-persuna li tkun ippreżentat l-oppożizzjoni u l-awtorità jew l-applikant li ppreżentat l-applikazzjoni għandhom jibdew il-konsultazzjonijiet mingħajr dewmien żejjed. Huma għandhom jipprovdu l-informazzjoni rilevanti lil xulxin biex jivvalutaw jekk l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tikkonformax mal-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

    6.Fi żmien xahar mit-tmiem tal-konsultazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu (4), l-applikant stabbilit fil-pajjiż terz jew l-awtoritajiet tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz li minnu tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-riżultat tal-konsultazzjonijiet, inkluża l-informazzjoni kollha skambjata, jekk intlaħaqx ftehim ma’ wieħed mill-opponenti jew mal-opponenti kollha, u dwar kwalunkwe tibdil konsegwenti fl-applikazzjoni. L-awtorità jew il-persuna li tkun ippreżentat oppożizzjoni lill-Kummissjoni tista’ tinnotifika wkoll lill-Kummissjoni bil-pożizzjoni tagħha fi tmiem il-konsultazzjonijiet.

    7.Meta, wara li jintemmu l-konsultazzjonijiet, l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ippubblikata skont l-Artikolu 60(4) tkun ġiet immodifikata, il-Kummissjoni għandha tirrepeti l-iskrutinju tagħha tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni kif modifikata. Meta l-applikazzjoni tkun ġiet immodifikata b’mod sostanzjali, u l-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni modifikata tissodisfa l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni, hija għandha tippubblika l-applikazzjoni għal darba oħra f’konformità ma’ dak il-paragrafu.

    8.Id-dokumenti msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jiġu abbozzati b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

    9.Wara li tlesti l-proċedura ta’ oppożizzjoni, il-Kummissjoni għandha tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha tal-applikazzjoni tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni, filwaqt li tqis kwalunkwe talba għal perjodi tranżizzjonali, l-eżitu tal-proċedura ta’ oppożizzjoni u kwalunkwe kwistjoni oħra li tirriżulta sussegwentement għall-iskrutinju tagħha li tista’ timplika bidla fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

    10.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84 li jikkomplementaw ir-regoli għall-proċedura ta’ oppożizzjoni biex tistabbilixxi proċeduri u skadenzi dettaljati.

    11.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar il-proċeduri, il-forma u l-preżentazzjoni tal-oppożizzjonijiet. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 80(2).

    Artikolu 63

    Raġunijiet għal oppożizzjoni

    1.Oppożizzjoni ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 62 għandha tkun ammissibbli biss jekk l-opponent:

    (a) jagħti raġunijiet debitament sostanzjati għall-inkompatibbiltà tar-reġistrazzjoni proposta mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu; jew

    (b) juri li l-użu tal-isem huwa legali, magħruf u ekonomikament sinifikanti għal prodotti agrikoli simili.

    2.Il-kriterji msemmija fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu għandhom jiġu vvalutati fir-rigward tat-territorju tal-Unjoni.

    Artikolu 64

    Perjodi tranżizzjonali għall-użu ta’ Speċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti

    1.Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tagħti perjodu tranżizzjonali sa massimu ta’ ħames snin biex tippermetti, għal prodotti li d-denominazzjoni tagħhom tkun tikkonsisti minn, jew ikun fiha, isem li jikser l-Artikolu 69, il-kontinwità tal-użu ta’ dik id-denominazzjoni, li taħtha ġew ikkummerċjalizzati, dment li oppożizzjoni ammissibbli skont l-Artikolu 57(3) jew l-Artikolu 62 għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-Ispeċjalità Tradizzjonali Garantita li l-protezzjoni tagħha tkun inkisret, turi li tali denominazzjoni tkun intużat legalment fis-suq intern għal mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 60(4).

    2.L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 80(2) ħlief dawk fejn tiġi ppreżentata oppożizzjoni ammissibbli skont l-Artikolu 57(3), li għandhom jiġu adottati mingħajr ma tiġi applikata dik il-proċedura ta’ eżami.

    Artikolu 65

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni

    1.Meta, abbażi tal-informazzjoni li l-Kummissjoni jkollha għad-dispożizzjoni tagħha mill-iskrutinju mwettaq skont l-Artikolu 58(3), il-Kummissjoni tqis li kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti msemmija fih ma jkunx issodisfat, hija għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jirrifjutaw l-applikazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 80(2).

    2.Meta ma tirċievi l-ebda oppożizzjoni ammissibbli, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni, mingħajr ma tapplika l-proċedura msemmija fl-Artikolu 80(2), li jirreġistraw l-Ispeċjalità Tradizzjonali Garantita.   

    3.Meta tkun waslet oppożizzjoni ammissibbli, il-Kummissjoni għandha:

    (a) tirreġistra l-isem permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati mingħajr ma tapplika l-proċedura msemmija fl-Artikolu 80(2), jekk ikun intlaħaq ftehim, wara li tivverifika li l-ftehim jikkonforma mad-dritt tal-Unjoni, u, jekk ikun meħtieġ, temenda l-informazzjoni ppubblikata skont l-Artikolu 60(4) sakemm dawn l-emendi ma jkunux sostanzjali; jew

    (b) tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jekk ma jkunx intlaħaq ftehim. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 80(2).

    4.L-atti li jirreġistraw Speċjalità Tradizzjonali Garantita għandhom jipprevedu kwalunkwe kundizzjoni applikabbli għar-reġistrazzjoni u għall-pubblikazzjoni mill-ġdid għal informazzjoni tad-Dokument Uniku ppubblikat għall-oppożizzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’każ ta’ kwalunkwe emenda meħtieġa li ma tkunx sostanzjali.

    5.Ir-regolamenti tar-reġistrazzjoni u d-deċiżjonijiet dwar ir-rifjut għandhom jiġu ppubblikati fis-serje L ta’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 66

    Reġistru tal-Unjoni tal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti

    1.Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni, mingħajr ma tapplika l-proċedura msemmija fl-Artikolu 80(2), li jistabbilixxu u jżommu reġistru elettroniku aċċessibbli għall-pubbliku tal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti rikonoxxuti skont dan ir-Regolament (ir-“reġistru tal-Unjoni tal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti”).

    2.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar il-forma u l-kontenut tar-reġistru tal-Unjoni tal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 80(2).

    Artikolu 67

    Emendi għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott  

    1.Grupp ta’ produtturi li jkollu interess leġittimu jista’ japplika għall-approvazzjoni ta’ emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta' Speċjalità Tradizzjonali Garantita. L-applikazzjonijiet għandhom jiddeskrivu u jagħtu r-raġunijiet għall-emendi mitluba.

    2.Il-proċedura għall-emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għandha ssegwi, mutatis mutandis, il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 57 sal-Artikolu 65.

    3.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84 li jissupplimentaw ir-regoli rigward il-proċedura għall-emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

    4.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar il-proċeduri, il-forma u l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 80(2).

    Artikolu 68

    Kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni

    1.Il-Kummissjoni tista’, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu, tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tikkanċella r-reġistrazzjoni ta’ Speċjalità Tradizzjonali Garantita fil-każijiet li ġejjin:

    (a)meta ma tkunx żgurata l-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott;

    (b)meta l-ebda prodott ma jitqiegħed fis-suq taħt l-Ispeċjalità Tradizzjonali Garantita għal mill-inqas seba’ snin.

    2.Il-Kummissjoni tista’ tadotta wkoll atti ta’ implimentazzjoni li jikkanċellaw reġistrazzjoni fuq talba tal-produtturi tal-prodott kummerċjalizzat taħt l-isem irreġistrat.

    3.L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 80(2).

    4. L-Artikolu 57 sal-Artikolu 63 u l-Artikolu 65 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-proċedura ta’ kanċellazzjoni.

    5.Qabel ma tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat, lill-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat jew, meta possibbli, lill-produttur tal-pajjiż terz li oriġinarjament kien applika għar-reġistrazzjoni tal-Ispeċjalità Tradizzjonali Garantita, sakemm il-kanċellazzjoni ma tintalabx direttament minn dawk l-applikanti oriġinali.

    6.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84 li jissupplimentaw ir-regoli rigward il-proċedura ta’ kanċellazzjoni.

    7.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar il-proċeduri, il-forma u l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-kanċellazzjoni ta’ reġistrazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 80(2).

    Artikolu 69

    Restrizzjoni fuq l-użu ta’ Speċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti Rreġistrati

    1.L-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti rreġistrati għandhom ikunu protetti kontra kwalunkwe użu ħażin jew imitazzjoni, inkluż fir-rigward ta’ prodotti użati bħala ingredjenti, jew kontra kwalunkwe prattika oħra li tista’ tiżgwida lill-konsumatur.

    2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ismijiet tal-ikel użati fil-livell nazzjonali ma jagħtux lok għal konfużjoni ma’ Speċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti rreġistrati.

    3.Il-protezzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapplika wkoll għall-prodotti mibjugħa permezz ta’ bejgħ mill-bogħod, bħall-kummerċ elettroniku.

    4.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84 li jistabbilixxu regoli addizzjonali biex tkompli tagħti aktar dettalji dwar il-protezzjoni tal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti. 

    5.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu rekwiżiti proċedurali u formali għall-protezzjoni tal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 80(2).

    Artikolu 70

    Eċċezzjonijiet għal ċerti użi

    1.Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal:

    (a)l-użu ta’ termini li huma ġeneriċi fl-Unjoni, anke jekk it-terminu ġeneriku jkun parti minn isem li jkun protett bħala Speċjalità Tradizzjonali Garantita;

    (b)it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li t-tikkettar tagħhom ikun fih jew jinkludi d-denominazzjoni ta’ varjetà ta’ pjanti jew razza ta’ annimali li tintuża b’bona fide;

    (c)l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni jew dawk tal-Istati Membri li jirregolaw il-proprjetà intellettwali, u b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u t-trademarks u d-drittijiet mogħtija skont dawk ir-regoli.

    2.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84 li jissupplimentaw dan ir-Regolament b’regoli addizzjonali għad-determinazzjoni tal-istatus ġeneriku tat-termini, il-kundizzjonijiet għall-użu tal-varjetà tal-pjanti u tad-denominazzjonijiet tar-razez tal-annimali għal Speċjalità Tradizzjonali Garantita, u r-relazzjoni tagħhom mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali msemmija f’dan l-Artikolu.

    Artikolu 71

    Isem, simbolu tal-Unjoni u indikazzjoni ta’ Speċjalità Tradizzjonali Garantita

    1.Isem irreġistrat bħala Speċjalità Tradizzjonali Garantita jista’ jintuża minn kwalunkwe operatur li jikkummerċjalizza prodott li jkun konformi mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott korrispondenti.

    2.Għandu jiġi stabbilit simbolu tal-Unjoni għall-użu fuq it-tikkettar ta’ prodotti identifikati bħala Speċjalità Tradizzjonali Garantita. L-indikazzjoni “Speċjalità Tradizzjonali Garantita”, it-taqsira “STG”, u s-simbolu tal-Unjoni li jirreferu għall-Ispeċjalità Tradizzjonali Garantita jistgħu jintużaw biss b’rabta ma’ prodotti manifatturati f’konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott rilevanti.

    3.Fil-każ ta’ prodotti li joriġinaw fl-Unjoni li jiġu kkummerċjalizzati bħala Speċjalità Tradizzjonali Garantita rreġistrati f’konformità ma’ dan ir-Regolament, is-simbolu tal-Unjoni msemmi fil-paragrafu 2 għandu jidher fuq it-tikkettar u l-materjali ta’ reklamar. Ir-rekwiżiti tat-tikkettar stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 għall-preżentazzjoni ta’ dettalji obbligatorji għandhom japplikaw għall-Ispeċjalità Tradizzjonali Garantita rreġistrata. L-indikazzjoni “Speċjalità Tradizzjonali Garantita” jew it-taqsira korrispondenti “STG” tista’ tidher fuq it-tikkettar.

    4.Is-simbolu tal-Unjoni għandu jkun fakultattiv fuq it-tikkettar tal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti li jiġu prodotti barra mill-Unjoni.

    5.Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu s-simbolu tal-Unjoni u l-kundizzjonijiet għall-użu obbligatorju tiegħu, li jistabbilixxu regoli għall-protezzjoni uniformi tal-indikazzjoni, it-taqsira u s-simbolu tal-Unjoni msemmi fil-paragrafu (2), l-użu u l-karatteristiċi tekniċi tiegħu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 80(2).

    Artikolu 72

    Parteċipazzjoni fl-iskemi tal-kwalità

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe operatur li jikkonforma mar-regoli stabbiliti f’dan il-Kapitolu jkun kopert mill-verifika tal-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott stabbilita skont l-Artikolu 73. L-Istati Membri jistgħu jitolbu tariffa biex ikopru l-kostijiet tagħhom tal-verifika tal-konformità.

    2.L-operaturi li jħejju u jaħżnu prodott kummerċjalizzat taħt l-iSpeċjalità Tradizzjonali Garantita jew li jqiegħdu tali prodotti fis-suq għandhom ikunu suġġetti wkoll għall-kontrolli u l-miżuri ta’ infurzar imsemmija fl-Artikolu 73.

    Artikolu 73

    Kontrolli u infurzar

    1. Il-kontrolli tal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti jinkludu:

    (a)verifika li prodott identifikat minn Speċjalità Tradizzjonali Garantita jkun ġie prodott f’konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott korrispondenti; u

    (b)il-monitoraġġ tal-użu ta’ Speċjalità Tradizzjonali Garantita fis-suq, inkluż fuq l-internet.

    2.F’konformità mar-Regolament (UE) 2017/625, l-Istati Membri għandhom jaħtru:

    (a)awtorità kompetenti waħda jew aktar responsabbli għall-kontrolli tal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti; u

    (b)awtorità tal-infurzar waħda jew aktar, li tista’ tkun l-istess bħall-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-punt (a), responsabbli għall-infurzar ta’ regoli dwar Speċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti. 

    3.Il-kompiti msemmija fil-paragrafu (2)(a), jistgħu jiġu ddelegati lil korp taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti wieħed jew aktar f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/625.

    4.L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli, abbażi ta’ analiżi tar-riskju, biex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu u, fil-każ ta’ ksur, għandhom japplikaw penali xierqa.

    5.Meta jwettqu l-kontrolli u l-attivitajiet ta’ infurzar previsti f’dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti u l-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti rispettivi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/625. Madankollu, it-Titolu VI tal-Kapitolu I tar-Regolament (UE) 2017/625 ma għandux japplika għall-kontrolli tal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti.

    6.Fir-rigward tal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti li jidentifikaw prodotti li joriġinaw f’pajjiż terz, il-verifika tal-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott qabel it-tqegħid tal-prodott fis-suq għandha titwettaq minn:

    (a)awtorità pubblika waħda jew diversi awtoritajiet pubbliċi minn dawk maħtura mill-pajjiż terz; u/jew

    (b)korp wieħed jew diversi korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti.

    7.L-Istati Membri għandhom jippubblikaw l-isem u l-indirizz tal-awtoritajiet kompetenti u tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti msemmija fil-paragrafi 2(a) u 3 rispettivament, u jżommu dik l-informazzjoni aġġornata.

    8.Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-isem u l-indirizz tal-awtoritajiet kompetenti u tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 6 u taġġorna dik l-informazzjoni minn żmien għal żmien.

    9.Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi portal diġitali fejn jiġu ppubblikati l-isem u l-indirizz tal-awtoritajiet kompetenti u tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti msemmija fil-paragrafi 2(a), 3 u 6.

    10.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84 li jissupplimentaw dan ir-Regolament b’regoli addizzjonali li jipprevedu proċeduri xierqa ta’ ċertifikazzjoni u akkreditazzjoni li għandhom japplikaw fir-rigward tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti msemmija fil-paragrafi 2 u 5.

    11.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni, mingħajr ma tapplika l-proċedura msemmija fl-Artikolu 80(2), li jiddefinixxu l-mezzi li bihom għandhom jiġu ppubblikati l-isem u l-indirizz tal-awtoritajiet kompetenti u tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti msemmija f’dan l-Artikolu.

    Kapitolu 2
    Termini tal-kwalità fakultattivi

    Artikolu 74

    Objettiv u kamp ta’ applikazzjoni

    1.Qed tiġi stabbilita skema għal termini tal-kwalità fakultattivi sabiex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni fi ħdan is-suq intern dwar il-karatteristiċi jew l-attributi li jżidu l-valur tal-prodotti agrikoli mill-produtturi tagħhom. 

    2.Dan il-Kapitolu jkopri l-prodotti agrikoli.

    Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, prodotti agrikoli tfisser prodotti agrikoli maħsuba għall-konsum mill-bniedem elenkati fl-Anness I tat-Trattat u prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel oħrajn elenkati fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    Dan il-Kapitolu ma għandux japplika għax-xorb spirituż, l-inbejjed aromatizzati jew il-prodotti tad-dwieli kif iddefiniti fil-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, bl-eċċezzjoni tal-ħall tal-inbid.

    Artikolu 75

    Regoli nazzjonali

    1.L-Istati Membri jistgħu jżommu regoli nazzjonali dwar termini u skemi tal-kwalità fakultattivi li mhumiex koperti minn dan ir-Regolament, dment li tali regoli jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni.

    2.Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi sistema diġitali għall-inklużjoni tat-termini u l-iskemi msemmija fil-paragrafu 1 bil-għan li trawwem għarfien dwar il-prodotti u l-iskemi madwar l-Unjoni. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu d-dettalji tekniċi, meħtieġa għan-notifika tat-termini tal-kwalità fakultattivi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 80(2).

    Artikolu 76

    Termini tal-kwalità fakultattivi

    1.It-termini tal-kwalità fakultattivi għandhom jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

    (a)ikunu relatati ma’ karatteristika ta’ kategorija waħda jew aktar ta’ prodotti, jew ma’ attribut tal-biedja jew tal-ipproċessar li japplika f’żoni speċifiċi;

    (b)l-użu tagħhom iżid il-valur tal-prodott meta mqabbel ma’ prodotti ta’ tip simili; u

    (c)dawn ikollhom dimensjoni tal-Unjoni.

    2.Termini tal-kwalità fakultattivi li jiddeskrivu l-kwalitajiet tekniċi tal-prodott bil-għan li jimplimentaw standards obbligatorji tal-kummerċjalizzazzjoni u li mhumiex maħsuba biex jinfurmaw lill-konsumaturi dwar dawk il-kwalitajiet tal-prodott jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu.

    3.It-termini tal-kwalità fakultattivi għandhom jeskludu termini riżervati fakultattivi li jappoġġaw u jikkomplementaw standards speċifiċi tal-kummerċjalizzazzjoni determinati fuq il-bażi tas-settur jew tal-kategorija tal-prodott.

    4.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84 li jissupplimentaw dan ir-Regolament b’regoli dettaljati relatati mal-kriterji msemmija fil-paragrafu 1.

    5.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli relatati ma’ forom, proċeduri jew dettalji tekniċi oħra, meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 80(2).

    6.Meta tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-paragrafi 4 u 5, il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe standard internazzjonali rilevanti.

    Artikolu 77

    Riżerva ta’ termini tal-kwalità fakultattivi addizzjonali

    1.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84 li jirriżervaw termini tal-kwalità fakultattivi addizzjonali u li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

    Artikolu 78

    Prodott tal-muntanja

    1.It-terminu “prodott tal-muntanja” huwa stabbilit bħala terminu tal-kwalità fakultattiv. Dan it-terminu għandu jintuża biss biex jiddeskrivi prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem elenkati fl-Anness I tat-Trattat li fir-rigward tagħhom:

    (a)kemm il-materja prima kif ukoll l-għalf għall-annimali tar-razzett essenzjalment jiġu minn żoni muntanjużi;

    (b)fil-każ ta’ prodotti pproċessati, l-ipproċessar isir ukoll f’żoni muntanjużi.

    2.Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, iż-żoni muntanjużi fl-Unjoni huma dawk delimitati skont l-Artikolu 32(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 47 . Għal prodotti ta’ pajjiżi terzi, iż-żoni muntanjużi jinkludu żoni uffiċjalment identifikati bħala żoni muntanjużi mill-pajjiż terz jew li jissodisfaw kriterji ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dak il-paragrafu.

    3.F’każijiet debitament ġustifikati, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84 li jistabbilixxu derogi mill-kundizzjonijiet tal-użu msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet li taħthom il-materja prima jew l-għalf jistgħu jiġu minn barra ż-żoni muntanjużi, il-kundizzjonijiet li taħthom l-ipproċessar tal-prodotti jitħalla jsir barra miż-żoni muntanjużi f’żona ġeografika li għandha tiġi ddefinita, u d-definizzjoni ta’ dik iż-żona ġeografika.

    4.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 84 dwar l-istabbiliment tal-metodi ta’ produzzjoni, u kriterji oħra rilevanti għall-applikazzjoni tat-terminu tal-kwalità fakultattiv stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    Artikolu 79

    Restrizzjonijiet fuq l-użu u monitoraġġ

    1.Terminu tal-kwalità fakultattiv jista’ jintuża biss biex jiddeskrivi prodotti li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tal-użu korrispondenti.

    2.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli għall-użu ta’ termini tal-kwalità fakultattivi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 80(2).

    3.L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli, abbażi ta’ analiżi tar-riskju, biex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu u, fil-każ ta’ ksur, għandhom japplikaw penali amministrattivi xierqa.

    Kapitolu 3
    Dispożizzjonijiet proċedurali 

    Artikolu 80

    Proċedura ta’ kumitat

    1.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat imsejjaħ il-Kumitat dwar il-Kwalità Agrikola. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Titolu IV
    Emendi għar-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2017/1001 u (UE) 2019/787

    Artikolu 81

    Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013

    Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 huwa emendat kif ġej:

    (1) fl-Artikolu 93(1), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej

    (b) “Indikazzjoni Ġeografika” tfisser isem, inkluż isem użat tradizzjonalment, li jidentifika prodott imsemmi fl-Artikolu 92(1):

    (i) li l-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tiegħu huma attribwibbli għall-oriġini ġeografika tiegħu;

    (ii) li joriġina f’post, f’reġjun jew f’pajjiż speċifiku;

    (iii) li tal-anqas 85 % tal-għeneb użat għall-produzzjoni tiegħu jiġi esklużivament minn dik iż-żona ġeografika;

    (iv) li l-produzzjoni tiegħu ssir f’dik iż-żona ġeografika; u

    (v) li jinkiseb minn varjetajiet ta’ dwieli tal-ispeċi Vitis vinifera jew minn inkroċju bejn l-ispeċi Vitis vinifera u speċijiet oħra tal-ġenus Vitis.”;

    (2) l-Artikolu 94 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 94

    Speċifikazzjoni tal-Prodott

    1. L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għandha tippermetti lill-partijiet interessati jivverifikaw il-kundizzjonijiet rilevanti tal-produzzjoni relatati mad-denominazzjoni tal-oriġini jew mal-Indikazzjoni Ġeografika. L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għandha tinkludi:

    (a)l-isem li għandu jkun protett;

    (b)it-tip ta’ Indikazzjoni Ġeografika, li hija Denominazzjoni ta’ Oriġini protetta jew Indikazzjoni Ġeografika protetta;

    (c)deskrizzjoni tal-inbid jew tal-inbejjed, inklużi l-karatteristiċi organolettiċi analitiċi prinċipali;

    (d)fejn applikabbli, il-prattiki enoloġiċi speċifiċi użati biex isir l-inbid jew l-inbejjed, kif ukoll ir-restrizzjonijiet rilevanti fuq il-produzzjoni tagħhom;

    (e)id-definizzjoni taż-żona ġeografika delimitata fir-rigward tar-rabta msemmija fil-punt (h);

    (f)ir-rendimenti massimi għal kull ettaru;

    (g)indikazzjoni tal-varjetà jew tal-varjetajiet tal-għeneb tal-inbid li minnhom jinkiseb l-inbid jew l-inbejjed;

    (h)id-dettalji dwar ir-rabta msemmija fl-Artikolu 93(1)(a)(i), jew, skont il-każ, (b)(i):

    (i)fir-rigward ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini protetta, ir-rabta bejn il-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott u l-ambjent ġeografiku msemmi fl-Artikolu 93(1)(a)(i); id-dettalji dwar il-fatturi umani ta’ dak l-ambjent ġeografiku jistgħu, fejn rilevanti, ikunu limitati għal deskrizzjoni tal-ġestjoni tal-ħamrija u tal-pajsaġġ, tal-prattiki ta’ kultivazzjoni jew kwalunkwe kontribut uman rilevanti ieħor għaż-żamma tal-fatturi naturali tal-ambjent ġeografiku msemmi f’dik id-dispożizzjoni;

    (ii)fir-rigward ta’ Indikazzjoni Ġeografika protetta, ir-rabta bejn kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott, u l-oriġini ġeografika msemmija fl-Artikolu 93(1)(b)(i);

    (i)rekwiżiti applikabbli oħra fejn previst mill-Istati Membri jew minn grupp ta’ produtturi rikonoxxut, jekk applikabbli, filwaqt li jitqies il-fatt li tali rekwiżiti jridu jkunu oġġettivi, nondiskriminatorji u kompatibbli mad-dritt nazzjonali u tal-Unjoni.

    2. L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jista’ jkun fiha impenji ta’ sostenibbiltà skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [Regolament dwar l-IĠ]*.

    3. Meta l-inbid jew l-inbejjed ikunu jistgħu jiġu parzjalment dealkoħolizzati, l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għandu jkun fiha wkoll deskrizzjoni tal-inbid jew tal-inbejjed parzjalment dealkoħolizzati f’konformità mal-paragrafu (2)(c), mutatis mutandis, u, fejn applikabbli, il-prattiki enoloġiċi speċifiċi użati biex isir l-inbid jew l-inbejjed parzjalment dealkoħolizzati, kif ukoll ir-restrizzjonijiet rilevanti fuq il-produzzjoni tagħhom.

    * Ir-Regolament (UE) …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ […] […] (ĠU L […, p….]).”;

    (3) jitħassru l-Artikoli 95 sa 99, l-Artikoli 101 sa 106 u l-Artikolu 107.

    Artikolu 82

    Emendi għar-Regolament (UE) 2017/1001

    Ir-Regolament (UE) Nru 2017/1001 huwa emendat kif ġej:

    (1) fl-Artikolu 151(1), jiddaħħal il-punt li ġej:

    “(f) l-amministrazzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, b’mod partikolari l-kompiti mogħtija lilu permezz ta’ atti delegati tal-Kummissjoni adottati skont l-Artikolu […] tar-Regolament (UE) …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [ir-Regolament dwar l-IĠ]*

    * Ir-Regolament (UE) …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ […] […] (ĠU L […, p….]).”.

    Artikolu 83

    Emendi għar-Regolament (UE) 2019/787

    Ir-Regolament (UE) Nru 2019/787 huwa emendat kif ġej:

    (1) fl-Artikolu 3, jitħassru l-punti 6 u 7;

    (2) jitħassru l-Artikoli 16 u 21;

    (3) l-Artikolu 23 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 23

    Dokument Uniku

    Id-Dokument Uniku għandu jistabbilixxi dan li ġej:

    (a) il-punti ewlenin tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, inkluż l-isem li għandu jiġi protett, il-kategorija li għaliha jappartjeni x-xorb spirituż jew it-terminu “xorb spirituż”, il-metodu ta’ produzzjoni, deskrizzjoni tal-karatteristiċi tax-xorb spirituż, definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika, u, fejn xieraq, regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ u t-tikkettar;

    (b) deskrizzjoni tar-rabta bejn ix-xorb spirituż u l-oriġini ġeografika tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 3(4), inkluż, fejn xieraq, l-elementi speċifiċi tad-deskrizzjoni tal-prodott jew tal-metodu ta’ produzzjoni li jiġġustifikaw dik ir-rabta.”;

    (4) jitħassru l-Artikoli 24 sa 33 u l-Artikoli 35 sa 40.

    Titolu V
    Delega tas-setgħat, dispożizzjonijiet tranżizzjonali u dispożizzjonijiet finali

    Artikolu 84

    Delega ta’ setgħat

    1.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 12(4), fl-Artikolu 14(2), fl-Artikolu 15(6), fl-Artikolu 17(5), fl-Artikolu 19(10), fl-Artikolu 23(7), fl-Artikolu 25(10), fl-Artikolu 26(6), fl-Artikolu 28(3), fl-Artikolu 29(3), fl-Artikolu 34(3), fl-Artikolu 46(1), fl-Artikolu 46, fl-Artikolu 47(1), fl-Artikolu 48(6), fl-Artikolu 48(7), fl-Artikolu 49(4), fl-Artikolu 51(3), fl-Artikolu 55(5), fl-Artikolu 56(2), fl-Artikolu 73(10), fl-Artikolu 69(4), fl-Artikolu 70(2), fl-Artikolu 58(3), fl-Artikolu 62(10), fl-Artikolu 67(3), fl-Artikolu 68(6), fl-Artikolu 76(4), fl-Artikolu 77(1), fl-Artikolu 78(3), fl-Artikolu 78(4), għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ seba’ snin minn [data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ seba’ snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

    3.Id-delega tas-setgħa relatata mal-Artikoli msemmija fil-paragrafu 2 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar Regolamentazzjoni Aħjar.

    5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.Att delegat adottat skont l-Artikoli msemmija fil-paragrafu 2 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 85

    Dispożizzjoni tranżizzjonali għall-klassifikazzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi

    Il-klassifikazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 6(1), ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi rreġistrati jew li tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għalihom qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandha ssir f’konformità mat-tabella stabbilita fl-Anness III.

    Artikolu 86

    Dispożizzjonijiet tranżizzjonali għal applikazzjonijiet pendenti

    1.Ir-regoli applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandhom ikomplu japplikaw għall-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni, għall-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u għat-talbiet għall-kanċellazzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi li jaslu għand il-Kummissjoni qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. 

    2.Madankollu, l-Artikolu 19 sal-Artikolu 22 għandhom japplikaw għal dawk l-applikazzjonijiet u t-talbiet li għalihom il-pubblikazzjoni għall-oppożizzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, tal-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jew tat-talba għall-kanċellazzjoni ta’ Indikazzjoni Ġeografika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sseħħ wara [data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament].

    3.Ir-regoli applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandhom ikomplu japplikaw għall-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni, l-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u t-talbiet għall-kanċellazzjoni ta’ Speċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti li jaslu għand il-Kummissjoni qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. 

    4.Madankollu, l-Artikolu 62 sal-Artikolu 65 għandhom japplikaw għal dawk l-applikazzjonijiet u t-talbiet li għalihom il-pubblikazzjoni għall-oppożizzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, tal-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jew tat-talba għall-kanċellazzjoni ta’ Speċjalità Tradizzjonali Garantita f’Iil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sseħħ wara [data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament]. 

    Artikolu 87

    Kontinwità tar-reġistri 

    1.Kull Denominazzjoni ta’ Oriġini u Indikazzjoni Ġeografika ta’ nbid u ta’ prodotti agrikoli, u kull Indikazzjoni Ġeografika ta’ xorb spirituż, bid-data rilevanti kollha, u d-data dwar applikazzjonijiet pendenti għar-reġistrazzjoni, l-emenda jew il-kanċellazzjoni, imdaħħla fir-reġistri tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi rispettivi għandhom jiddaħħlu awtomatikament fir-reġistru tal-Unjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi. 

    2.Kull Speċjalità Tradizzjonali Garantita mdaħħla fir-reġistru tal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti, bid-data rilevanti kollha, u d-data dwar applikazzjonijiet pendenti għall-emenda jew għall-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni, fil-jum ta’ qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, għandha tiddaħħal awtomatikament fir-reġistru tal-Unjoni tal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti.

    Artikolu 88

    Tħassir

    Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 huwa mħassar.

    Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 89

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-[…] jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    [...]    [...]

    (1)    https://www.wipo.int/treaties/en/ip/paris/
    (2)    https://ec.europa.eu/info/food-farming-fisheries/food-safety-and-quality/certification/quality-labels/geographical-indications-register/
    (3)    https://ec.europa.eu/food/horizontal-topics/farm-fork-strategy_en
    (4)    https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/2021_commission_work_programme_annexes_en.pdf
    (5)    https://ec.europa.eu/info/law/law-making-process/evaluating-and-improving-existing-laws/refit-making-eu-law-simpler-less-costly-and-future-proof_mt
    (6)    https://ec.europa.eu/info/strategy/priorities-2019-2024/european-green-deal_mt
    (7)    https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12510-Pjan-ta%E2%80%99-azzjoni-g%C4%A7all-proprjeta-intellettwali_mt
    (8)    https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-12099-2020-INIT/mt/pdf
    (9)    https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:12012E/TXT&from=MT
    (10)    ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.
    (11)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
    (12)    ĠU L 130, 17.5.2019, p. 1.
    (13)    https://ec.europa.eu/info/food-farming-fisheries/key-policies/common-agricultural-policy/cmef/products-and-markets/geographical-indications-and-traditional-specialities-guaranteed-protected-eu_en
    (14)    Il-prezz medju tal-prodotti b’IĠ/STG huwa d-doppju ta’ dak ta’ prodotti komparabbli mhux b’IĠ/STG; varjabbiltà relattiva aktar baxxa fil-prezzijiet għall-prodotti b’IĠ; kompetizzjoni ġusta għall-produtturi fil-katina tal-valur tal-IĠ/STG; diversifikazzjoni tal-attivitajiet fl-azjendi agrikoli, eż. proċessar, tipi ġodda ta’ bejgħ (bejgħ dirett, bejgħ elettroniku) u agrituriżmu.
    (15)    file:///C:/Users/dufouva/Downloads/090166e5d5274a42%20(1).pdf
    (16)    https://ec.europa.eu/info/events/strengthening-geographical-indications-digital-conference-2020-nov-25_en
    (17)    Daħħal l-iperlink meta tiġi ppubblikata
    (18)    Daħħal l-iperlink meta tiġi ppubblikata
    (19)    https://ec.europa.eu/info/aid-development-cooperation-fundamental-rights/your-rights-eu/eu-charter-fundamental-rights_mt
    (20)    ĠU C XX, XX.X.2022, p. XX.
    (21)    ĠU C XX, XX.X.2022, p. XX.
    (22)    https://ec.europa.eu/info/publications/communication-european-green-deal_en
    (23)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39–98).
    (24)    Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671–854).
    (25)    Ir-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, il-protezzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ xorb spirituż, l-użu ta’ alkoħol etiliku u distillati ta’ oriġini agrikola f’xorb alkoħoliku, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 1–54).
    (26)    referenza
    (27)    Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).
    (28)    ĠU L 336, 23.12.2015, p. 1.
    (29)    ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.
    (30)    ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.
    (31)    ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30.
    (32)    Ir-Regolament (UE) […] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ […] dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali (DSA) u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (ĠU L …, XXX, jj/xx/ssss, p. X).
    (33)    Ir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 154, 16.6.2017, p. 1).
    (34)    https://www.wipo.int/publications/en/details.jsp?id=3983
    (35)    ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
    (36)    ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
    (37)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-varjetajiet komuni ta’ katalgi ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 1).
    (38)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-marketing ta’ żrieragħ tal-ħxejjex (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 33).
    (39)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott (ĠU L 267, 8.10.2008, p. 8).
    (40)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU L 227, 1.9.1994, p. 1)
    (41)    Ir-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi għat-tnissil, kummerċ u dħul fl-Unjoni ta’ annimali ta’ razza pura għat-tnissil, ħnieżer tat-tnissil ibridi u tal-prodotti ġerminali tagħhom u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 652/2014, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE u 90/425/KEE u jħassar ċerti atti fil-qasam tat-tnissil tal-annimali (“ir-Regolament dwar it-Tnissil tal-Annimali”) (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 66).
    (42)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1235 tat-12 ta’ Mejju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ xorb spirituż, emendi għall-Ispeċifikazzjonijiet tal-Prodott, kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni u r-reġistru (ĠU L 270, 29.7.2021, p. 1).
    (43)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).
    (44)    Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).
    (45)    Ir-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (ĠU L 271, 24.10.2019, p. 1).
    (46)    Ir-Regolament (UE) […] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ […] dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali (DSA) u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (ĠU L …, XXX, jj/xx/ssss, p. X).
    (47)    Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).
    Top

    Brussell, 31.3.2022

    COM(2022) 134 final

    Proposta għal

    ANNESS

    tal-

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-Unjoni Ewropea għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, u l-iskemi ta’ kwalità għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2017/1001 u (UE) 2019/787 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012


    ANNESS I

    Prodotti agrikoli addizzjonali msemmija fl-Artikolu 5(1)

    Prodotti

    L-intestatura NM 25.01 (melħ)

    L-intestatura NM 29.05.43 (mannitol)

    L-intestatura NM 29.05.44 (sorbitol)

    L-intestatura NM 32.03 (kuċċinilja)

    L-intestatura NM 33.01 (żjut essenzjali)

    L-intestaturi NM minn 35.01 sa 35.05 (sustanzi albuminojdali, lamti modifikati, kolol)

    Il-kodiċi NM 38.09.10 (aġenti għall-finitura)

    Il-kodiċi NM 38.23.60 (sorbitol n.e.p.)

    L-intestaturi NM minn 41.01 sa 41.03 (ġlud u ġilda)

    L-intestatura NM 43.01 (ġlud tal-pelliċċerija grezzi)

    L-intestatura NM 45.01 (sufra)

    L-intestaturi NM minn 50.01 sa 50.03 (ħarir grezz u skart tal-ħarir)

    L-intestaturi NM minn 51.01 sa 51.03 (suf u xagħar tal-annimali)

    L-intestaturi NM minn 52.01 sa 52.03 (qoton grezz, skart u qoton imqardax jew mimxut)

    L-intestatura NM 53.01 (kittien grezz)

    L-intestatura NM 53.02 (qanneb grezz)

    Top

    Brussell, 31.3.2022

    COM(2022) 134 final

    Proposta għal

    ANNESS

    tal-

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-Unjoni Ewropea għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, u l-iskemi ta’ kwalità għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2017/1001 u (UE) 2019/787 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012


    ANNESS II

    Il-prodotti agrikoli addizzjonali msemmija fl-Artikolu 54(2)

    Speċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti

    (a) ikliet ippreparati,

    (b) birra,

    (c) ċikkulata u prodotti derivati,

    (d) ħobż,

    (e) għaġina u kejkijiet,

    (f) ħelu,

    (g) gallettini u prodotti oħra tal-furnara,

    (h) xorb magħmul minn estratti tal-pjanti,

    (i) għaġin,

    (j) melħ.

    Top

    Brussell, 31.3.2022

    COM(2022) 134 final

    Proposta għal

    ANNESS

    tal-

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-Unjoni Ewropea għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, u l-iskemi ta’ kwalità għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2017/1001 u (UE) 2019/787 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012


    ANNESS III

    It-tabella ta’ korrispondenza msemmija fl-Artikolu 85

    Klassifikazzjoni ta’ prodotti eżistenti

    Intestaturi tan-Nomenklatura Magħquda li jikkorrispondu għall-klassifikazzjoni ta’ prodotti eżistenti

    Inbejjed

    NM 22 04

    Xarbiet spiritużi

    NM 22 08

    Klassi 1.1. Laħam frisk (u l-ġewwieni)

    NM 02

    Klassi 1.2. Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ)

    NM 16

    Klassi 1.3. Ġobon

    NM 04 06

    Klassi 1.4. Prodotti oħrajn li joriġinaw mill-annimali (bajd, għasel, diversi prodotti mill-ħalib għajr butir, eċċ.)

    NM 04

    Klassi 1.5. Żjut u xaħmijiet (butir, marġerina, żejt, eċċ.)

    NM 15

    Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

    NM 07; NM 08; NM 10; NM 11; NM 20

    Klassi 1.7. Ħut frisk, molluski, krustaċji u prodotti derivati minnhom

    NM 03; NM 16

    Klassi 1.8. Prodotti oħrajn elenkati fl-Anness I tat-Trattat (ħwawar, eċċ.)

    Il-Klassi 1.8 tkopri diversi intestaturi tan-Nomenklatura Magħquda

    Klassi 2.1. Birra,

    NM 22 03

    Klassi 2.2. Ċikkulata u prodotti derivati

    NM 18 06

    Klassi 2.3. Ħobż, għaġina, kejkijiet, ħelu, gallettini u prodotti oħra tal-furnara

    NM 19 05

    Klassi 2.4. Xorb magħmul minn estratti tal-pjanti,

    NM 22 05; NM 22 06

    Klassi 2.5. Għaġin

    NM 19 02

    Klassi 2.6. Melħ

    NM 25 01

    Klassi 2.7. Gomom u reżina naturali

    NM 13 01

    Klassi 2.8. Pejst tal-mustarda

    NM 21 03

    Klassi 2.9. Ħuxlief

    NM 12 14 90

    Klassi 2.10. Żjut essenzjali

    NM 33 01

    Klassi 2.11. Sufra

    NM 45 01

    Klassi 2.12. Kuċċinilja

    NM 32 03

    Klassi 2.13. Fjuri u pjanti ornamentali

    NM 06 02; NM 06 03; NM 06 04

    Klassi 2.14. Qoton

    NM 52 01

    Klassi 2.15. Suf

    NM 51 01

    Klassi 2.16. Qasab

    NM 14 01

    Klassi 2.17. Kittien imħabbat

    NM 53 01 21

    Klassi 2.18. Ġilda

    NM 41

    Klassi 2.19. Fer

    NM 43 01

    Klassi 2.20. Rix

    NM 05 05

     Klassi 2.21. Inbejjed aromatizzati

     NM 22 05

     Klassi 2.22 Xorb alkoħoliku ieħor

     NM 22 06

    Klassi 2.23. Xemgħa tan-naħal

    NM 15 21 90

    Top