Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0117

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-emendi għall-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992

    COM/2022/117 final

    Brussell, 21.3.2022

    COM(2022) 117 final

    2022/0082(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-konklużjoni tal-emendi għall-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    L-Unjoni hija parti għall-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor 11 (“il-Ftehim”) u Membru tal-Organizzazzjoni Internazzjonali taz-Zokkor (“ISO”). Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2242 tat-30 ta’ Novembru 2017 22 u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2136 33, il-Kummissjoni ġiet awtorizzata mill-Kunsill biex tiftaħ in-negozjati mal-partijiet l-oħra għall-Ftehim bil-għan li l-Ftehim jiġi mmodernizzat, b’mod partikolari fir-rigward tad-diskrepanzi bejn l-għadd ta’ voti u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Membri u l-pożizzjoni relattiva tagħhom fis-suq dinji taz-zokkor.

    L-emenda tal-Ftehim ġiet innegozjata b’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar Prodotti Bażiċi (PROBA) u tirrifletti kif xieraq id-direttivi tan-negozjar maħruġa mill-Kunsill. Il-bidliet jikkonċernaw it-tliet oqsma li ġejjin: il-baġit amministrattiv u l-kontribuzzjonijiet tal-Membri skont l-Artikolu 25; it-twessigħ tal-objettivi, tal-istudji, tal-evalwazzjonijiet u tal-attivitajiet ta’ riċerka, li jippermetti l-inklużjoni ta’ prodotti oħra relatati maz-zokkor (b’mod partikolari l-bijoetanol) fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 1, 32, 33 u 34; u r-regoli għall-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv skont l-Artikolu 23.

    Waqt id-59 laqgħa tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor tas-26 ta’ Novembru 2021, il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor (“ISC”) ivvota unanimament favur ir-rakkomandazzjoni tal-Membri tal-ISO biex jemendaw il-Ftehim, f’konformità mal-eżitu tan-negozjati.

    L-objettiv ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kunsill huwa li tapprova l-emendi u taħtar lill-persuna/i li jkollha/jkollhom is-setgħa li tiddepożita/jiddepożitaw, f’isem l-Unjoni, in-notifika dwar l-aċċettazzjoni tal-emenda fil-post magħżul.

    2.BAŻI ĠURIDIKA

    F’konformità mal-Artikoli 207(4) u 218(6), il-punt (a)(v) tat-TFUE, jenħtieġ li l-Kummissjoni, bħala n-negozjatur tal-emendi għall-Ftehim, tagħmel proposta lill-Kunsill biex jikkonkludi, wara li jkollu l-kunsens tal-Parlament Ewropew, l-emendi għall-Ftehim.

    3.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Skont ir-regoli attwali dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-ISO, is-sehem tal-Unjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja baqa’ prattikament l-istess mill-1992 ’l hawn, għalkemm is-suq dinji taz-zokkor, u b’mod partikolari l-pożizzjoni relattiva tal-Unjoni fih, inbidlu b’mod sostanzjali minn dak iż-żmien ’il hawn. Bħala riżultat, l-Unjoni assumiet sehem sproporzjonalment kbir tal-kostijiet baġitarji 44.

    Bl-approvazzjoni tal-emenda tal-Artikolu 25 tal-Ftehim, li jirregola l-adozzjoni tal-baġit amministrattiv u tal-kontribuzzjonijiet tal-Membri, il-kalkolu għad-distribuzzjoni tal-voti se jkun allinjat aħjar mas-suq dinji taz-zokkor attwali. Huwa previst perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ massimu ta’ għaxar snin, li fih il-bidla annwali fl-għadd ta’ voti hija limitata għal 15 % fl-ewwel ħames snin u għal 20 % għall-bqija tal-perjodu ta’ tranżizzjoni. Il-bidla fil-metodu ta’ kalkolu se tbaxxi l-ammont ta’ voti mqassma lill-UE għal finijiet baġitarji, li min-naħa tagħha se tnaqqas il-kontribuzzjoni tal-UE għall-ISO.

    4.ELEMENTI OĦRA

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    F’konformità mal-Artikolu 44(1) tal-Ftehim, kull Membru għandu jinnotifika lid-depożitarju dwar l-aċċettazzjoni tiegħu tal-emenda fiż-żmien stabbilit mill-ISC. Abbażi tal-iskeda ta’ żmien kif miftiehma mill-ISC, il-Membri għandhom sal-25 ta’ Novembru 2022 biex jiksbu l-approvazzjoni għall-emendi f’konformità mal-proċeduri kostituzzjonali tagħhom. Wara li tinkiseb l-approvazzjoni, il-Membri għandhom jipprovdu notifika depożitarja dwar l-aċċettazzjoni tal-emendi lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York qabel it-30 ta’ Ġunju 2023.

    2022/0082 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-konklużjoni tal-emendi għall-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)L-Unjoni hija Parti għall-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (“il-Ftehim”), li ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE 5 u hija membru tal-Organizzazzjoni Internazzjonali taz-Zokkor (“ISO”).

    (2)Abbażi tal-awtorizzazzjoni mogħtija bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2017/2242 6 u (UE) 2019/2136 7 , il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, innegozjat ma’ membri oħra tal-ISO biex temenda l-Ftehim, taħt il-gwida tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp.

    (3)In-negozjati dwar l-emendi għall-Ftehim tlestew u l-formulazzjoni ġiet approvata mill-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor matul is-57 sessjoni tiegħu f’Novembru 2020 u t-58 sessjoni f’Ġunju 2021.

    (4)Kwalunkwe emenda miftiehma fin-negozjati trid tiġi rrakkomandata lill-membri tal-ISO mill-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 44 tal-Ftehim.

    (5)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1851 8 awtorizzat lill-Kummissjoni biex tivvota favur ir-rakkomandazzjoni lill-membri tal-ISO biex jemendaw il-Ftehim, matul il-votazzjoni speċjali li saret fid-59 sessjoni tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor f’Novembru 2021. Il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor ivvota unanimament favur.

    (6)Skont l-Artikolu 44(1) tal-Ftehim, kull Membru tal-ISO għandu jinnotifika lid-depożitarju dwar l-aċċettazzjoni tiegħu tal-emendi.

    (7)Jenħtieġ li l-emendi għall-Ftehim jiġu approvati mill-Unjoni,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-emendi għall-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992, huma b’dan approvati f’isem l-Unjoni.

    It-test tal-emendi huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-Kummissjoni għandha, f’isem l-Unjoni, tinnotifika lid-depożitarju dwar l-aċċettazzjoni tal-emendi kif previst fl-Artikolu 44(1) tal-Ftehim, bil-għan li tesprimi l-kunsens tal-Unjoni li tkun marbuta bil-Ftehim emendat.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi [ ] 9 .

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President



    DIKJARAZZJONI FINANZJARJA

    FinancSt/10/
    PSH/cl/830164

    6.22.2022.1

    DATA: 01.02.2022

    1.

    INTESTATURA TAL-BAĠIT:

    14 20 03 06 Organizzazzjonijiet u ftehimiet internazzjonali

    APPROPRJAZZJONIJIET:

    B2022 EUR 5 300 000

    2.

    TITOLU:

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-emendi għall-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992.

    3.

    BAŻI ĠURIDIKA: L-Artikolu 207(4) u l-Artikolu 218(6), il-punt (a)(v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    4.

    GĦANIJIET:

    L-objettiv ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kunsill huwa li tapprova l-emendi u taħtar lill-persuna/i li jkollha/jkollhom is-setgħa li tiddepożita/jiddepożitaw, f’isem l-Unjoni, in-notifika dwar l-aċċettazzjoni tal-emendi fil-post magħżul, skont l-Artikolu 44(1) tal-Ftehim.

    L-emenda tikkonċerna l-baġit amministrattiv u l-kontribuzzjonijiet tal-Membri (l-Artikolu 25); it-twessigħ tal-objettivi, tal-istudji, tal-evalwazzjonijiet u tal-attivitajiet ta’ riċerka, li jippermetti l-inklużjoni ta’ prodotti oħra relatati maz-zokkor (l-Artikoli 1, 32, 33 u 34), u r-regoli għall-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv (l-Artikolu 23).

    B’mod partikolari, l-Artikolu 25 joffri metodu ta’ kalkolu rivedut u mekkaniżmu ta’ aġġornament ta’ aġġustament aktar effettiv sabiex jiġi normalizzat is-sehem tal-UE tal-kostijiet baġitarji u tar-responsabbiltà fi ħdan l-ISO.

    5.

    IMPLIKAZZJONIJIET FINANZJARJI

    PERJODU TA’ 12-IL XAHAR


    (f’miljuni ta’ EUR)

    SENA FINANZJARJA ATTWALI

    2022

    (f’miljuni ta’ EUR)

    SENA FINANZJARJA TA’ WARA

    2023

    (f’miljuni ta’ EUR)

    5.0

    NEFQA

    -    IDDEBITATA LILL-BAĠIT TAL-UE
    (RIFUŻJONIJIET/INTERVENTI)

    -    AWTORITAJIET NAZZJONALI

    -    OĦRAJN

    -

    -

    -

    5.1

    DĦUL

    -    RIŻORSI PROPRJI TAL-UE
    (IMPOSTI/DAZJI TAD-DWANA)

    -    NAZZJONALI

    2024 (f’miljuni ta’ EUR)

    5.0.1

    NEFQA PROĠETTATA

           -

    5.1.1

    DĦUL PROĠETTAT

    5.2

    METODU TAL-KALKOLU:

    6.0

    IL-PROĠETT JISTA’ JIĠI FFINANZJAT MILL-APPROPRJAZZJONIJIET IMDAĦĦLA FIL-KAPITOLU RILEVANTI TAL-BAĠIT ATTWALI?

    IVA

    6.1

    IL-PROĠETT JISTA’ JIĠI FFINANZJAT PERMEZZ TA’ TRASFERIMENT BEJN KAPITOLI TAL-BAĠIT ATTWALI?

    -

    6.2

    SE JKUN HEMM BŻONN TA’ BAĠIT SUPPLIMENTARI?

    -

    6.3

    SE JKUN HEMM BŻONN LI JIDDAĦĦLU L-APPROPRJAZZJONIJIET F’BAĠITS FUTURI?

    IVA

    OSSERVAZZJONIJIET:

    Il-proposta jista’ jkollha konsegwenzi finanzjarji mill-2024 iżda dawn ma jistgħux jiġu kwantifikati fil-preżent. Is-sehem tal-Unjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja jvarja skont l-għadd finali ta’ voti attribwiti lill-UE wara l-ftehim ta’ emenda. X’aktarx is-sehem tal-UE se jonqos.

    (1) 1    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 1992 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (92/580/KEE) (ĠU L 379 tat-23.12.1992, p. 15).
    (2) 2    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2017/2242 tat-30 ta’ Novembru 2017 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati għall-emendar tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (ĠU L 322, 7.12.2017, p. 29).
    (3) 3    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2136 tal-5 ta’ Diċembru 2019 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati biex jiġi emendat il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (ĠU L 324, 13.12.2019, p. 3–4).
    (4) 4    L-għadd ta’ voti ddeterminati skont l-Artikolu 25 flimkien mal-ammont għal kull vot jintużaw biex tiġi kkalkulata l-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ kull Membru għall-baġit annwali tal-ISO.
    (5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 1992 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (92/580/KEE) (ĠU L 379 tat-23.12.1992, p. 15).
    (6)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2017/2242 tat-30 ta’ Novembru 2017 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati għall-emendar tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (ĠU L 322, 7.12.2017, p. 29).
    (7)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2136 tal-5 ta’ Diċembru 2019 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati biex jiġi emendat il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (ĠU L 324, 13.12.2019, p. 3–4).
    (8)    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1851 tal-15 ta’ Ottubru 2021 dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor fir-rigward tal-emendi tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 u l-iskeda taż-żmien għall-implimentazzjoni tagħhom (ĠU L 374, 22.10.2021, p. 49–51).
    (9)    Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
    Top

    Brussell, 21.3.2022

    COM(2022) 117 final

    ANNESS

    tal-

    Proposta għal
    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-konklużjoni tal-emendi għall-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992


    ANNESS

    Il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (“il-Ftehim”) huwa emendat kif ġej:

    (1) L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 1

    Objettivi

    L-objettivi tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “dan il-Ftehim”), fid-dawl tat-termini tar-riżoluzzjoni 93 (IV) adottati mill-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp, huma:

    (a)li tiġi żgurata kooperazzjoni internazzjonali msaħħa dwar il-kwistjonijiet dinjija taz-zokkor u tal-prodotti dolċifikanti kif ukoll dwar il-kwistjonijiet relatati, inkluż il-bijoenerġija u l-produzzjoni tal-fjuwil tal-etanol abbażi ta’ għelejjel taz-zokkor;

    (b)li jiġi pprovdut qafas għall-konsultazzjonijiet intergovernattivi dwar is-swieq taz-zokkor u tal-prodotti dolċifikanti, kif ukoll dwar il-prodotti sekondarji tal-industrija taz-zokkor u l-fjuwil tal-etanol abbażi ta’ għelejjel taz-zokkor;

    (c)li jiġi ffaċilitat in-negozjar billi tinġabar u tiġi pprovduta l-informazzjoni dwar is-suq dinji taz-zokkor u ta’ prodotti dolċifikanti oħra, kif ukoll dwar il-bijoenerġija u l-fjuwil tal-etanol abbażi ta’ għelejjel taz-zokkor;

    (d)li titħeġġeġ żieda fid-domanda għaz-zokkor u għall-għelejjel taz-zokkor, b’mod partikolari għal użi mhux tal-ikel.”;

    (2)fl-Artikolu 23, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1. Il-Kunsill għandu jaħtar id-Direttur Eżekuttiv permezz ta’ votazzjoni speċjali għal perjodu ta’ erba’ snin. Il-ħatra mill-Kunsill għandha sseħħ mill-inqas sitt xhur qabel il-bidu tal-mandat tad-Direttur Eżekuttiv. Il-Kunsill jista’ jaħtar mill-ġdid lid-Direttur Eżekuttiv permezz ta’ votazzjoni speċjali għal perjodu ieħor ta’ erba’ snin. Id-Direttur Eżekuttiv ma għandux jinħatar għal aktar minn żewġ mandati. It-termini speċifiċi tal-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv għandhom jiġu deċiżi mill-Kunsill.”;

    (3)L-Artikolu 25 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 25

    Adozzjoni tal-baġit amministrattiv u kontribuzzjonijiet tal-Membri

     1. Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, il-Membri għandu jkollhom 2000 vot.

    2. (a)Kull Membru għandu jkollu għadd ta’ voti, li għandhom jiġu ddeterminati f’konformità mal-paragrafu 3 hawn taħt.

    (b)L-ebda Membru ma għandu jkollu inqas minn sitt voti.

    (c)Ma għandu jkun hemm l-ebda vot frazzjonat. L-ittondjar għandu jkun permess fil-proċess tal-kalkolu u biex jiġi żgurat li jiġi allokat l-għadd ta’ voti totali.

    3.Il-voti għandhom jiġu ddeterminati annwalment skont il-proċedura li ġejja: kull sena mill-2023 ’il quddiem, fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tal-Annwarju taz-Zokkor mill-Organizzazzjoni Internazzjonali taz-Zokkor, l-għadd ta’ voti għal kull Membru għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-indikaturi li ġejjin u l-ponderazzjoni relattiva tagħhom:

    ·għal 20 % tal-voti, l-attribuzzjoni tkun pro rata tas-sehem ta’ dak il-membru fuq it-total tal-esportazzjonijiet tal-membri, flimkien ma’

    ·għal 20 % tal-voti, l-attribuzzjoni tkun pro rata tas-sehem ta’ dak il-membru fuq it-total tal-importazzjonijiet tal-membri, flimkien ma’

    ·għal 20 % tal-voti, l-attribuzzjoni tkun pro rata tas-sehem ta’ dak il-membru fuq it-total tal-produzzjoni tal-membri, flimkien ma’

    ·għal 20 % tal-voti, l-attribuzzjoni tkun pro rata tas-sehem ta’ dak il-membru fuq it-total tal-konsum tal-membri, flimkien ma’

    ·għal 20 % tal-voti, l-attribuzzjoni tkun pro rata tas-sehem ta’ dak il-membru fuq it-total tal-Fattur tal-Kapaċità ta’ Ħlas (APF) tal-membri. L-APF huwa ekwivalenti għall-aħħar valutazzjonijiet ippubblikati dwar it-tqassim tal-ispejjeż tan-Nazzjonijiet Uniti.

    L-għadd ta’ voti ta’ kull Membri għandu jiġi kkalkulat, għal kull wieħed mill-indikaturi ta’ hawn fuq, bl-użu tal-medja ta’ dak l-indikatur għall-aħħar ħames snin ippubblikata fl-aktar edizzjoni reċenti tal-Annwarju taz-Zokkor tal-Organizzazzjoni. Is-sehem ta’ kull Membru fit-total tal-Membri kollha għall-indikaturi msemmija hawn fuq għandu jiġi kkalkulat mid-Direttur Eżekuttiv. Id-data kollha ta’ hawn fuq se tiġi ddistribwita lill-Membri fil-ħin li fih isiru l-kalkoli.

    4.Fil-każ ta’ adeżjoni ta’ Membru jew Membri wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, il-voti tagħhom għandhom jiġu ddeterminati skont il-kjavi tal-kalkolu skont il-paragrafi 2 u 3 hawn fuq. Il-voti tal-Membri eżistenti għandhom jiġu kkalkulati mill-ġdid kif xieraq sabiex it-total tal-voti jibqa’ ta’ 2000.

    5.Fil-każ tal-ħruġ ta’ Membru jew Membri, il-voti tal-Membru jew il-Membri li joħorġu għandhom jitqassmu mill-ġdid lill-Membri li jibqgħu, abbażi tal-ishma kkalkulati mill-ġdid tal-ħames indikaturi tal-Membri sabiex it-total tal-voti tal-Membri kollha jibqa’ 2000.

    6. Arranġament tranżitorju:

    (a)Għall-fini li jiġi stabbilit punt tat-tluq għall-kalkolu tal-aġġustamenti, is-Sħubija u s-sitwazzjoni tal-votazzjoni fis-sena 2022 se jkunu punt ta’ referenza.

    (b)Matul l-ewwel ħames snin tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, l-għadd ta’ voti ta’ kull Membru ma jistax ikun aktar minn 15 % ogħla jew inqas minn dak miftiehem għas-sena preċedenti, u, fit-tieni ħames snin tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, l-għadd ta’ voti ta’ kull Membru ma jistax ikun aktar minn 20 % ogħla jew inqas minn dawk miftiehma għas-sena preċedenti. Iċ-ċifri jistgħu jiġu ttondjati ħlief f’każijiet fejn l-ittondjar tal-għadd ta’ voti allokati lil Membru, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2(c), iwassal biex jinqabżu l-persentaġġi miftiehma.

    (c)Għall-finijiet li tiġi stabbilita l-kontribuzzjoni għal kull vot, il-voti li ma jiġux allokati minħabba l-applikazzjoni tal-paragrafu 6(b) hawn fuq ma għandhomx jitqassmu fost il-Membri l-oħra. Għalhekk, il-kontribuzzjoni għal kull vot se tiġi ddeterminata abbażi tal-għadd ta’ voti ġenerali kkalkulati mill-ġdid, dment li dawn ma jaqbżux l-2000 vot.

    (d)L-arranġament tranżitorju se jitlesta fi żmien 10 snin.

    7. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26, il-paragrafu 2 dwar is-sospensjoni mid-dritt għall-vot minħabba n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi, ma għandhomx japplikaw għal dan l-Artikolu.

    8. Matul it-tieni nofs ta’ kull sena, il-Kunsill għandu jadotta l-baġit amministrattiv tal-Organizzazzjoni għas-sena ta’ wara u għandu jiddetermina l-kontribuzzjoni għal kull vot tal-Membri meħtieġa biex jintlaħaq dak il-baġit, wara li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.

    9.Il-kontribuzzjoni ta’ kull Membru għall-baġit amministrattiv għandha tiġi kkalkulata billi l-kontribuzzjoni għal kull vot tiġi mmultiplikata bl-għadd ta’ voti li jkollu skont dan l-Artikolu, kif ġej:

    (a)Għal dawk li jkunu Membri fiż-żmien tal-adozzjoni finali tal-baġit amministrattiv, l-għadd ta’ voti li jkollhom dakinhar; kif ukoll

    (b)Għal dawk li jsiru Membri wara l-adozzjoni tal-baġit amministrattiv, l-għadd ta’ voti li jirċievu meta jissieħbu, aġġustat skont il-bqija tal-perjodu kopert mill-baġit jew mill-baġits; il-valutazzjonijiet li jsiru fir-rigward ta’ Membri oħra ma għandhomx jinbidlu.

    10.Il-Kunsill jista’, permezz ta’ votazzjoni speċjali, jieħu dik il-miżura li jqis xierqa sabiex jimmitiga l-effetti fuq il-kontribuzzjonijiet tal-Membri li jirriżultaw minn sħubija possibbilment limitata fiż-żmien tal-adozzjoni tal-baġit amministrattiv għall-2024 jew minn kwalunkwe tnaqqis kbir fis-sħubija minn hemm ’il quddiem.”;

    (4)L-Artikolu 32 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 32

    Informazzjoni u studji

    1.L-Organizzazzjoni għandha taġixxi bħala ċentru għall-ġbir u l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni statistika u studji dwar il-prezzijiet, l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet, il-konsum u l-istokkijiet tal-prodotti taz-zokkor, kif ukoll it-taxxi fuq il-prodotti taz-zokkor u l-produzzjoni dinjija.

    2. Il-membri jimpenjaw ruħhom li jipprovdu, fiż-żmien mogħti lilhom mir-regoli ta’ proċedura, l-istatistika u l-informazzjoni kollha disponibbli li jkunu meħtieġa biex l-Organizzazzjoni tkun tista’ twettaq il-funzjonijiet tagħha skont dan il-ftehim. Jekk dan ikun meħtieġ, l-Organizzazzjoni għandha tuża dik l-informazzjoni rilevanti li tista’ tkun disponibbli għaliha minn sorsi oħra. L-Organizzazzjoni ma għandha tippubblika l-ebda informazzjoni li tista’ sservi biex jiġu identifikati l-operazzjonijiet tal-persuni jew tal-kumpaniji li jipproduċu, jipproċessaw jew jikkummerċjalizzaw il-prodotti taz-zokkor.”;

    (5)L-Artikolu 33 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 33

    Evalwazzjoni tas-suq, konsum u statistika

    1. Il-Kunsill għandu jistabbilixxi Kumitat dwar l-Evalwazzjoni tas-Suq tal-Prodotti taz-Zokkor, il-Konsum u l-Istatistika, magħmul mill-Membri kollha, taħt il-Presidenza tad-Direttur Eżekuttiv.

    2. Il-Kumitat għandu jżomm il-kwistjonijiet relatati mal-ekonomija dinjija tal-prodotti taz-zokkor taħt rieżami kontinwa u għandu jinforma lill-Membri dwar ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tiegħu, għal liema skop għandu jorganizza laqgħat, normalment darbtejn fis-sena. Fir-rieżami tiegħu, il-Kumitat għandu jqis l-informazzjoni rilevanti kollha miġbura mill-Organizzazzjoni skont l-Artikolu 32.

    3. Il-Kumitat għandu jwettaq il-ħidma fl-oqsma li ġejjin:

    (a)It-tħejjija tal-istatistika dwar il-prodotti taz-zokkor u l-analiżi statistika tal-produzzjoni, il-konsum, l-istokkijiet, il-kummerċ internazzjonali u l-prezzijiet tal-prodotti taz-zokkor;

    (b)L-analiżi tal-imġiba tas-suq u l-fatturi li jaffettwawha, b’referenza speċjali għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-kummerċ dinji;

    (c)L-analiżi tad-domanda għall-prodotti taz-zokkor, inklużi l-effetti tal-użu ta’ kwalunkwe forma ta’ sostituti naturali u artifiċjali għall-prodotti taz-zokkor fuq il-kummerċ dinji, u l-konsum tal-prodotti taz-zokkor;

    (d)Kwistjonijiet oħra kif approvati mill-Kunsill.

    4. Kull sena, il-Kunsill għandu jikkunsidra abbozz ta’ programm ta’ ħidma bil-quddiem, akkumpanjat mill-istimi tar-riżorsi meħtieġa, imħejji mid-Direttur Eżekuttiv.”;

    (6)L-Artikolu 34 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 34

    Riċerka u żvilupp

    Sabiex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1, il-Kunsill jista’ jassisti kemm fir-riċerka xjentifika u l-iżvilupp fl-ekonomiji tal-prodotti taz-zokkor kif ukoll fit-tixrid tar-riżultati miksuba f’dan il-qasam. Għal dan il-għan, il-Kunsill jista’ jikkoopera mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-istituzzjonijiet tar-riċerka bil-kundizzjoni li ma jkun hemm l-ebda obbligu finanzjarju addizzjonali min-naħa tal-Kunsill.”;

    (7)it-titolu tal-Anness huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Allokazzjoni tal-voti miftiehma oriġinarjament fl-1992”.

    Top