EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022DC0467

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-eżerċizzju tad-delega mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2018/842 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta' Pariġi u li jemenda r-Regolament (UE) 525/2013

COM/2022/467 final

Brussell, 16.9.2022

COM(2022) 467 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tad-delega mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2018/842 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta' Pariġi u li jemenda r-Regolament (UE) 525/2013


1. Introduzzjoni

Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 (“ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi”) jistabbilixxi l-miri għall-Unjoni u l-Istati Membri fir-rigward tat-tnaqqis sal-2030 tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, li la huma koperti mis-Sistema tal-Unjoni għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet 2 , u lanqas mir-Regolament dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija 3 .

L-Artikoli 7(2) u 12(1) tar-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati bil-għan li, rispettivament, temenda t-titolu tal-Anness III tar-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi, u tiżgura l-kontabbiltà preċiża skont ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi permezz tar-Reġistru tal-Unjoni stabbilit skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 dwar is-Sistema tal-Unjoni għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet.

Skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ 5 snin mid-9 ta’ Lulju 2018, jiġifieri sad-9 ta’ Lulju 2023. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni.

B’dan ir-rapport, il-Kummissjoni għandha l-għan li tissodisfa l-obbligu stabbilit mill-Artikolu 13(2) tar-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi, li skontu l-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn 9 xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ 5 snin.

2. Eżerċizzju tad-delega

Mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi, il-Kummissjoni adottat att delegat wieħed, jiġifieri r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1124 5 li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1122 dwar il-funzjonament tar-Reġistru tal-Unjoni (“ir-Regolament dwar ir-Reġistru tal-Unjoni”) stabbilit skont id-Direttiva 2003/87/KE.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1124 ġie adottat fit-13 ta’ Marzu 2019 u ġie ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-iskrutinju. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma qajmu l-ebda oġġezzjoni għall-adozzjoni tal-att delegat. L-objettiv ewlieni tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1124 huwa li jiżdiedu d-dispożizzjonijiet mar-Regolament dwar ir-Reġistru tal-Unjoni li jiżguraw il-kontabbiltà preċiża tat-tranżazzjonijiet skont ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi, inkluż, b’mod partikolari, l-użu tal-flessibilitajiet previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (self, tfaddil u trasferiment ta’ allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet).

Kif imsemmi hawn fuq, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta att delegat sabiex temenda t-titolu tal-Anness III tiegħu. Fl-14 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni adottat proposta għal regolament li jemenda r-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi 6 . Il-proposta tinkludi emenda għat-titolu tal-Anness III. Ladarba tiġi adottata l-proposta mill-koleġiżlaturi, l-għan tal-awtonomizzazzjoni se jiġi mwettaq, u b’hekk ma jkunx meħtieġ li tadotta att delegat.

4. Konklużjoni    

Il-Kummissjoni adottat att delegat wieħed skont ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi, jiġifieri r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1124 tat-13 ta’ Marzu 2019 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2019/1122 fir-rigward tal-funzjonament tar-Reġistru tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma qajmu l-ebda oġġezzjoni.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

(1)

Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26).

(2)

Is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) ġiet stabbilita mid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(3)

Ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni 529/2013/UE (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 1).

(4)

Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(5)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1124 tat-13 ta’ Marzu 2019 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2019/1122 fir-rigward tal-funzjonament tar-Reġistru tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (ĠU L 177, 2.7.2019, p. 66).

(6)

COM(2021) 555 final.

Top