Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021XC0531(02)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 17(6) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 2021/C 205/09

    C/2021/3878

    ĠU C 205, 31.5.2021, p. 13–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.5.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 205/13


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 17(6) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89

    (2021/C 205/09)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

    SPEĊIFIKAZZJONIJIET EWLENIN TAL-FAJL TEKNIKU

    MADARASI BIRSPÁLINKA

    Nru tal-UE: PGI-HU-02489 — 6.3.2019

    1.   Indikazzjoni ġeografika li trid tiġi rreġistrata

    “Madarasi birspálinka”

    2.   Kategorija tax-xorb spirituż

    9.

    Spirtu tal-Frott

    3.   Deskrizzjoni tax-xorb spirituż

    3.1.   Karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u/jew organolettiċi

    Karatteristiċi kimiċi u fiżiċi

    Qawwa alkoħolika

    minimu ta’ 43 % V/V

    Kontenut ta’ metanol

    massimu ta’ 1 250  g/hl ta’ 100 % vol. alkoħol

    Kontenut totali ta’ sustanzi volatili

    massimu ta’ 400 g/hl ta’ 100 % vol. alkoħol

    Kontenut ta’ aċetat tal-etil

    massimu ta’ 300 g/hl ta’ 100 % vol. alkoħol

    Karatteristiċi organolettiċi

    Il-“Madarasi birspálinka” għandha kulur ċar qisu l-ilma u l-ingredjent bażiku tagħha tagħtiha t-togħma distinta u rikka karatteristika tagħha.

    Il-prodott joffri taħlita armonjuża ta’ togħmiet rotob, taċ-ċitru u qarsa kif ukoll in-noti ħelwin u qishom tax-xemgħa tal-isfarġel. In-noti prominenti ta’ sfarġel huma kkomplementati minn noti pikkanti u ta’ frott imsajjar, li jħallu togħma ftit qarsa u kremuża qisha tal-ħarir fil-palat.

    3.2.   Karatteristiċi speċifiċi (imqabbla max-xorb spirituż tal-istess kategorija)

    Għall-kuntrarju ta’ pálinkas tal-isfarġel oħrajn, il-“Madarasi birspálinka” għandha noti rikki ta’ frott imsajjar li jsaħħu t-togħma taċ-ċitru tal-isfarġel. Għandha noti aktar ħelwin ta’ frott imsajjar minn pálinkas tal-isfarġel oħrajn, u dawn jagħtuha karattru aktar artab u lixx. It-togħma taċ-ċitru tad-distillat tkompli ssaħħaħ dawn in-noti ta’ frott imsajjar.

    4.   Żona ġeografika kkonċernata

    Il-“Madarasi birspálinka” tista’ tiġi prodotta f’distilleriji kummerċjali tal-pálinka li jinsabu fil-Kontea ta’ Bács-Kiskun, fejn tista’ tiġi mmaxxjata, iffermentata, iddistillata u titħalla toqgħod. L-isfarġel użat bħala l-ingredjent bażiku jista’ joriġina minn din iż-żona biss.

    5.   Metodi biex isir ix-xorb spirituż

    Il-proċess tal-produzzjoni tal-pálinka:

    a)

    Għażla u aċċettazzjoni tal-frott

    b)

    Immaxxjar u fermentazzjoni

    c)

    Distillazzjoni

    d)

    Il-pálinka titħalla toqgħod u tinħażen

    e)

    Trattament u produzzjoni tal-pálinka

    a)   Għażla u aċċettazzjoni tal-frott

    Il-frott tal-isfarġel irid ikun b’saħħtu, sħiħ u ħieles minn kwalunkwe sinjal ta’ taħsir.

    Il-frott irid jitkejjel mal-aċċettazzjoni, u trid titwettaq evalwazzjoni organolettika (dewqan, u jekk ikun hemm mezz disponibbli, eżami tal-kontenut ta’ materja niexfa (kontenut ta’ zokkor u kejl tal-pH)) biex tiġi vverifikata l-kwalità tiegħu.

    Jista’ jintuża biss l-isfarġel li jkun matur kif xieraq u li jkollu kontenut ta’ materja niexfa ta’ mill-inqas 12 ref. % bħala ingredjent bażiku.

    b)   Immaxxjar u fermentazzjoni

     

    Immaxxjar:

    Il-bażi tal-immaxxjar huwa frott immaturat kif xieraq u ta’ kwalità. Pass speċjali fil-produzzjoni tal-“Madarasi birspálinka” huwa l-post-maturazzjoni tal-isfarġel qabel l-ipproċessar. Dan il-proċess jista’ jdum sa ħames ijiem jekk ikun meħtieġ. Matul dak iż-żmien, il-ħżin tal-frott f’post frisk (biex b’hekk jiġi evitat li jitħassar) jiżgura proċess ta’ maturazzjoni mingħajr difetti u jippermetti li jinkiseb livell simili ta’ maturazzjoni. Il-materjali aromatiċi fil-frott isiru aktar ikkonċentrati, u dan jagħti lill-pálinka t-togħma unika tagħha.

    Iż-żajbar li jgħatti s-superfiċe tal-isfarġel irid jitneħħa, għax jekk jidħol fil-maxx fi kwantitajiet kbar, jagħti lill-pálinka togħma mhux pjaċevoli u punġenti. Kwantitajiet żgħar ta’ żajbar ma jipproduċux bidliet mhux pjaċevoli fil-prodott finali. Iż-żajbar jitneħħa billi jinħasel, jingħorok u jintmesaħ.

    Il-frott imqaxxar jitqatta’ u jintaħan. Jista’ jiżdied l-ilma mal-frott imqatta’ biex tinkiseb il-konsistenza t-tajba. Il-maxx lest jiġi ppumpjat f’kontenituri tal-fermentazzjoni (tal-azzar jew tal-plastik).

     

    Fermentazzjoni:

    Il-proċess huwa l-fermentazzjoni kkontrollata. Jistgħu jintużaw il-materjali anċillari li ġejjin: ilma (tajjeb għax-xorb); ħmira (ippressata jew imnixxfa); aċidi biex jiġi aġġustat il-valur tal-pH; enzimi (għall-ħmira); enzimi pektinolittiċi; u aġenti kontra r-ragħwa.

    Fil-fermentazzjoni kkontrollata, huwa importanti li t-temperatura tal-maxx tiġi stabbilita b’mod preċiż, għal 16-22 °C. Il-kontenut tal-aċidu tal-maxx irid jiġi aġġustat għal valur tal-pH ta’ madwar 3-3,2, li fih il-ħmira u l-enzimi jkomplu jaħdmu b’mod effettiv, iżda l-batterji dannużi ma jibqgħux ħajjin.

    L-użu tal-ħmira jiżgura li l-fermentazzjoni tibda malajr u l-proċess ikompli mingħajr xkiel u mingħajr żbalji, u jiżgura wkoll li jinkisbu l-aroma u l-kontenut ta’ alkoħol ottimali.

    Il-fermentazzjoni trid tiġi ċċekkjata billi tiġi mmonitorjata t-temperatura tal-ispazju tal-fermentazzjoni, filwaqt li l-maxx irid jiġi ċċekkjat permezz ta’ spezzjoni viżwali kuljum u billi jiġi ċċekkjat il-kontenut taz-zokkor jekk ikun meħtieġ.

    Il-fermentazzjoni tista’ titqies kompluta jekk il-kontenut ta’ zokkor tal-maxx jaqa’ taħt il-5 g għal kull 100 g ta’ maxx. Biex jiġi evitat li ssirlu l-ħsara, il-maxx iffermentat għandu jiġi distillat mill-aktar fis possibbli.

    c)   Distillazzjoni

    Il-“Madarasi birspálinka” tista’ tiġi prodotta permezz ta’ apparat tad-distillazzjoni adattat għad-distillazzjoni frazzjonali doppja, bl-użu ta’ tip ta’ lambik imsejjaħ pot-still tradizzjonali li jinkorpora superfiċe tar-ram.

    Pot-still huwa kaldarun li jesa’ 1 000 litru jew inqas. Għall-“Madarasi birspálinka”, il-kaldaruni użati tipikament ikollhom kapaċità ta’ 300-500 litru. Id-distillazzjoni sseħħ f’żewġ stadji. Fl-ewwel stadju jiġi prodott kontenut baxx ta’ alkoħol li diġà jkun fih l-aromi tal-frott, u l-qawwa alkoħolika hija 15-28 % V/V. Fit-tieni stadju, ir-raffinar, huwa essenzjali li jiġi separat adegwatament id-distillat tar-ras, tal-qalb u tat-tarf. Matul id-distillazzjoni, id-distillat tar-ras jista’ biss jiġi ddeterminat permezz ta’ kontrolli organolettiċi, filwaqt li d-distillat tat-tarf jista’ jiġi sseparat bl-użu tal-valuri empiriċi tal-alkoħol imkejjel kontinwament.

    d)   Il-pálinka titħalla toqgħod u tinħażen

    Wara d-distillazzjoni, il-pálinka għandha titħalla toqgħod qabel ma tiġi bbottiljata barra mid-dawl, f’damiġġana jew f’kontenitur tal-azzar inossidabbli, fi stat mhux dilwit (ġeneralment 60-70 % V/V), biex ikunu jistgħu jiffurmaw l-aromi skwiżiti.

    Huwa importanti wkoll li l-pálinka titħalla toqgħod u tinħażen f’kamra b’livell moderat ta’ umdità u b’temperatura uniformi.

    e)   Trattament u produzzjoni tal-pálinka

    Wara li titħalla toqgħod, il-qawwa alkoħolika tad-distillat trid tiġi aġġustata għal-livell meħtieġ (± 0,3 % V/V) biż-żieda ta’ ilma tajjeb għax-xorb skont l-ispeċifikazzjonijiet legali.

    L-ilma jista’ jkun iddistillat, desalinat, demineralizzat jew imrattab.

    Il-pálinka aġġustata għall-qawwa alkoħolika meħtieġa tista’ tiġi bbottiljata biss fi fliexken tal-ħġieġ jew taċ-ċeramika nodfa.

    6.   Rabta maż-żona ġeografika jew l-oriġini

    6.1.   Dettalji taż-żona ġeografika rilevanti għar-rabta

    Il-Kontea ta’ Bács-Kiskun tinsab f’wieħed mill-aktar reġjuni xemxin tal-Ungerija. Il-ħamrija ramlija tipikament laxka tisħon malajr, u dan jipprovdi ambjent eċċellenti għall-isfarġel.

    L-isfarġel jikber l-aħjar f’ħamrija sħuna, laxka jew b’densità medja, umda u arjata bi proprjetajiet tajbin ta’ ġestjoni tal-ilma, u hija l-aktar komuni fil-Kontea ta’ Bács-Kiskun, fejn il-kundizzjonijiet huma favorevoli.

    Matul l-istaġun tat-tkabbir, ix-xemx tiddi għal 250-300 siegħa, it-temperatura medja annwali hija ta’ 11,2 °C, u il-medja tal-ammont ta’ xita hija 475 mm.

    6.2.   Karatteristiċi speċifiċi tax-xorb spirituż attribwibbli għaż-żona ġeografika

    Ir-rabta bejn il-“Madarasi birspálinka” u ż-żona ġeografika hija bbażata fuq il-kwalità u r-reputazzjoni tal-prodott.

    Il-karatteristiċi speċifiċi tal-isfarġel imkabbar fil-Kontea ta’ Bács-Kiskun huma l-prodott tal-karatteristiċi ekoloġiċi partikolari tal-ambjent fiżiku. Il-kundizzjonijiet klimatiċi tal-Kontea ta’ Bács-Kiskun jagħtu lill-pálinkas prodotti mill-isfarġel prodott fir-reġjun it-togħma u l-aroma skwiżiti.

    Il-ħamrija ramlija tal-kontea tipprovdi lill-isfarġel substrat favorevoli, arjat u ffurmat sew li jagħti lill-frott l-uniċità tiegħu. In-noti taċ-ċitru u pikkanti tal-isfarġel huma l-prodott tal-ħamrija ramlija laxka.

    Il-ħamrija ramlija fiha ħafna mikronutrijenti. Il-granuli tal-ħamrija jirriflettu d-dawl tax-xemx fuq il-frott, u dan jipprovdi ambjent dejjem sħun kontinwu matul il-perjodu tal-maturazzjoni.

    It-temperatura medja għolja u x-xemx abbundanti tal-Kontea ta’ Bács-Kiskun jagħtu lill-isfarġel kontenut ta’ zokkor għola minn dak tal-isfarġel imkabbar f’reġjuni oħra, minħabba li jħallu lill-isfarġel jimmatura sew. Għalhekk, id-distillat prodott minn dan l-isfarġel huwa aktar ħelu, b’noti ta’ frott imsajjar, u dan jagħti lill-ispirtu karattru aktar artab u lixx minn pálinkas tal-isfarġel oħrajn.

    Dawn in-noti ta’ frott imsajjar huma msaħħa mit-togħma taċ-ċitru tad-distillat, bis-saħħa tal-aċidità bbilanċjata tal-isfarġel matur.

    Il-ħamrija b’kontenut għoli ta’ mikronutrijenti tagħti lill-isfarġel, li jinqata’ meta jkun immaturat sew (b’kontenut ta’ materja niexfa ta’ mill-inqas 12 ref. %), it-togħma rikka li tikkaratterizza l-“Madarasi birspálinka”.

    Il-produzzjoni ta’ dawn in-noti aromatiċi fid-distillat tirrikjedi għarfien espert u esperjenza konsiderevoli, li tingħadda minn ġenerazzjoni għal oħra. Tali għarfien espert jinvolvi l-post-maturazzjoni tal-isfarġel, it-tneħħija taż-żajbar mill-qoxra, l-immaxxjar u s-separazzjoni u r-raffinar xierqa tad-distillat.

    Premjijiet mirbuħa mill-“Madarasi birspálinka” f’kompetizzjonijiet:

    2008: Festival ta’ Zsindelyes – Dewqan tal-Pálinka – Medalja tal-fidda

    2012: Kompetizzjoni HunDeszt Pálinka – Medalja tal-fidda

    2012: It-Tielet Kompetizzjoni Miftuħa tal-Pálinka u tax-Xorb Spirituż tal-Kontea ta’ Vas – Medalja tad-deheb

    2013: Ir-raba’ Kompetizzjoni Miftuħa tal-Pálinka u tax-Xorb Spirituż tal-Kontea ta’ Vas – Medalja tad-deheb

    2014: It-Tielet Kompetizzjoni Reġjonali tal-Palóc Pálinka u tax-Xorb Spirituż – Medalja tal-fidda

    2014: Il-Ħames Kompetizzjoni Miftuħa tal-Pálinka u tax-Xorb Spirituż tal-Kontea ta’ Vas – Medalja tal-fidda

    2015: Is-Sitt Kompetizzjoni Miftuħa tal-Pálinka u tax-Xorb Spirituż tal-Kontea ta’ Vas – Medalja tad-deheb

    2016: Kompetizzjoni Nazzjonali tad-Dewqan tal-Pálinka – Medalja ta’ Eċċellenza tal-Pálinka

    2016: Is-Seba’ Kompetizzjoni Miftuħa tal-Pálinka u tax-Xorb Spirituż tal-Kontea ta’ Vas – Medalja tad-deheb

    2017: Brillante – Kompetizzjoni tal-Pálinka tad-Distilleriji Kummerċjali – Medalja tal-fidda

    2017: Kompetizzjoni Nazzjonali tad-Dewqan tal-Pálinka – Medalja ta’ Eċċellenza tal-Pálinka

    2017: Kompetizzjoni tal-Pálinka u tax-Xorb Spirituż tal-Baċir Karpazjan – Medalja tal-fidda

    7.   Dispożizzjonijiet nazzjonali/reġjonali jew tal-Unjoni Ewropea

    L-att XI tal-1997 dwar il-protezzjoni ta’ trademarks u indikazzjonijiet ġeografiċi

    L-att LXXIII tal-2008 dwar il-pálinka, il-pálinka mill-karfa tal-għeneb u l-Kunsill Nazzjonali tal-Pálinka

    Id-Digriet tal-Gvern Nru 158/2009 tat-30 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel u għall-verifika tal-prodotti

    Id-Digriet tal-Gvern Nru 22/2012 tad-29 ta’ Frar 2012 dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tas-Sikurezza tal-Katina Alimentari

    Id-Digriet Nru 28/2017 tat-30 ta’ Mejju 2017 tal-Ministru tal-Agrikoltura dwar ir-rekwiżiti biex is-sistema ta’ awto-spezzjoni titħaddem min-negozji tal-ikel

    Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 716/2013 tal-25 ta’ Lulju 2013 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż

    8.   Applikant

    8.1.   Stat Membru, Pajjiż Terz jew persuna ġuridika/fiżika:

    Márton Lakatos (kummerċjant waħdieni)

    8.2.   Indirizz sħiħ (in-numru u l-isem tat-triq, il-belt/ir-raħal u l-kodiċi postali, il-pajjiż):

    Szent István utca 105, H-6456 Madaras

    9.   Suppliment mal-isem tal-Indikazzjoni Ġeografika

    10.   Regoli speċifiċi għall-ittikkettar

    Minbarra l-elementi speċifikati fil-leġiżlazzjoni, id-denominazzjoni tinkludi wkoll dan li ġej:

    “földrajzi árujelző” [Indikazzjoni Ġeografika] (separata mill-isem)


    (1)  ĠU L 130, 17.5.2019, p. 1.


    Top