IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.10.2021
COM(2021) 613 final
ANNESSI
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll (2021–2024) dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook
ANNESS I
IL-PROTOKOLL
dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Gżejjer Cook
Artikolu 1
Perjodu ta’ applikazzjoni u opportunitajiet tas-sajd
1.Għal perjodu ta’ tliet snin mid-data tal-applikazzjoni proviżorja tiegħu, l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija skont l-Artikolu 4 tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”) għandhom ikunu kif ġej:
–Erba’ (4) bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni tal-borża biex jistadu għall-ispeċijiet migratorji ħafna kif elenkati fl-Anness 1 tal-Konvenzjoni tal-1982 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar.
2.Il-paragrafu 1 għandu japplika soġġett għall-Artikolu 5 ta’ dan il-Protokoll.
3.Skont l-Artikolu 4 tal-Ftehim, il-bastimenti tal-Unjoni jistgħu jwettqu attivitajiet tas-sajd fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook dment li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd li tkun inħarġet skont dan il-Protokoll u f’konformità mal-Anness.
Artikolu 2
Kontribuzzjoni finanzjarja — Metodi tal-pagamenti
1.Għall-perjodu msemmi fl-Artikolu 1, il-kontribuzzjoni finanzjarja totali msemmija fl-Artikolu 5 tal-Ftehim għandha tkun ta’ EUR żewġ miljuni u mitt elf (2 100 000) għad-durata kollha ta’ dan il-Protokoll.
2.Din il-kontribuzzjoni finanzjarja totali għandha tkun magħmula minn żewġ elementi li mhumiex assoċjati ma’ xulxin:
(a)ammont annwali għall-aċċess għaż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook ta’ EUR tliet mija u ħamsin elf (350 000) fis-sena, u
(b)ammont annwali speċifiku ta’ EUR tliet mija u ħamsin elf (350 000) għall-appoġġ u għall-implimentazzjoni tal-politika settorjali tas-sajd u tal-politika marittima tal-Gżejjer Cook.
3.Fil-każ tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 2(a), il-Gżejjer Cook għandhom jiddisponu mill-inqas 100 jum ta’ sajd fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook lill-bastimenti tal-Unjoni . Jistgħu jsiru disponibbli jiem addizzjonali għall-bastimenti tal-UE skont id-dispożizzjonijiet dettaljati fl-Anness.
4.Il-paragrafu 1 għandu japplika soġġett għall-Artikoli 3 u 5 ta’ dan il-Protokoll.
5.L-Unjoni għandha tħallas l-ammonti stabbiliti fil-paragrafu 2(a) sa mhux aktar tard minn disgħin (90) jum wara li tibda l-applikazzjoni proviżorja għall-ewwel sena u sa mhux aktar tard mid-data tal-anniversarju tal-applikazzjoni proviżorja ta’ dan il-Protokoll għas-snin ta’ wara.
6.L-awtoritajiet tal-Gżejjer Cook u tal-Unjoni għandhom jimmonitorjaw l-iżvilupp tal-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni biex jiżguraw ġestjoni xierqa tal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-Unjoni, filwaqt li jqisu l-qagħda tal-istokkijiet tal-ħut u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni rilevanti.
7.L-awtoritajiet tal-Gżejjer Cook għandu jkollhom diskrezzjoni sħiħa fir-rigward tal-użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja speċifikata fl-Artikolu 2(2)(a).
8.Kull element tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 2 għandu jitħallas ġo kont tal-bank iddeżinjat tal-Gvern miftuħ fil-Gżejjer Cook. Il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 2(b) għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-entità rilevanti li tkun qed timplimenta l-appoġġ settorjali tas-sajd. L-awtoritajiet tal-Gżejjer Cook għandhom jipprovdu fi żmien dovut lill-awtoritajiet tal-Unjoni d-dettalji tal-kont tal-bank u l-informazzjoni dwar il-linja rilevanti tal-liġi baġitarja nazzjonali. Id-dettalji tal-kont tal-bank għandhom jinkludu tal-inqas dan li ġej: isem l-entità benefiċjarja, isem id-detentur tal-kont tal-bank u l-indirizz tad-detentur tal-kont tal-bank; l-isem tal-bank; il-kodiċi SWIFT; in-numru IBAN.
Artikolu 3
Appoġġ settorjali
1.Sa mhux aktar tard minn 120 jum minn meta jibda jiġi applikat b’mod proviżorju l-Protokoll, il-Kumitat Konġunt għandu jiddeċiedi fuq programm settorjali pluriennali u fuq regoli ta’ implimentazzjoni dettaljati li jkunu jkopru, b’mod partikulari, dan li ġej:
(a)il-linji gwida annwali u pluriennali għall-użu tal-ammont speċifiku tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 2(2)(b);
(b)l-objettivi, kemm annwali kif ukoll pluriennali, li għandhom jinkisbu, maż-żmien, bil-ħsieb li jiġi stabbilit il-qafas ta’ governanza, fosthom l-iżvilupp u ż-żamma tal-istituzzjonijiet xjentifiċi u tar-riċerka meħtieġa, sabiex jiġu promossi l-proċessi ta’ konsultazzjoni ma’ gruppi li jkollhom interess fil-qasam, sabiex tissaħħaħ il-ħila li jitwettqu l-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza u jittejbu elementi oħra li jżidu l-kapaċità biex il-Gżejjer Cook jiġu megħjuna jkomplu jtejbu l-politika nazzjonali tagħhom dwar is-sajd sostenibbli. L-objettivi għandhom iqisu l-prijoritajiet li l-Gżejjer Cook ikunu esprimew fil-politiki nazzjonali tagħhom relatati mal-promozzjoni tas-sajd responsabbli u tas-sajd sostenibbli, inklużi ż-żoni protetti tal-baħar, jew f’dawk li jkollhom impatt fuq dan;
(c)il-kriterji u l-proċeduri, inklużi, fejn ikun xieraq, l-indikaturi baġitarji u finanzjarji, sabiex issir l-evalwazzjoni tar-riżultati miksuba kull sena.
2.Il-Kumitat Konġunt irid japprova kull emenda proposta fil-programm settorjali pluriennali.
3.Jekk xi waħda mill-partijiet titlob laqgħa straordinarja tal-Kumitat Konġunt, hija għandha tibgħat talba bil-miktub tal-inqas 14-il jum qabel id-data tal-laqgħa proposta.
4.Kull sena, iż-żewġ partijiet għandhom jevalwaw il-kisba tar-riżultati speċifiċi fl-implimentazzjoni tal-programm settorjali pluriennali maqbul u dan għandhom jagħmluh fil-kuntest tal-Kumitat Konġunt.
(a)Kull sena, il-Gżejjer Cook għandhom jippreżentaw rapport dwar il-progress li jkun sar fl-azzjonijiet implimentati u r-riżultati miksuba permezz tal-appoġġ settorjali, u dan ir-rapport għandu jiġi eżaminat mill-Kumitat Konġunt. Il-Gżejjer Cook għandhom iressqu wkoll rapport finali qabel ma jiskadi l-Protokoll. Jekk ikun hemm bżonn, il-partijiet jistgħu jkomplu jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali wara li jiskadi l-Protokoll.
(b)L-ammont speċifiku tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmi fl-Artikolu 2(2)(b) għandu jitħallas permezz ta’ pagamenti parzjali. Għall-ewwel sena tal-Protokoll, il-pagament parzjali għandu jsir abbażi tal-ħtiġijiet identifikati bħala parti mill-programmazzjoni maqbula. Għas-snin ta’ applikazzjoni ta’ wara, il-pagamenti parzjali għandhom isiru abbażi tal-ħtiġijiet identifikati bħala parti mill-programmazzjoni maqbula u abbażi ta’ analiżi tar-riżultati li jkunu nkisbu fl-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali. Il-pagamenti parzjali għandhom isiru mhux aktar tard minn 45 jum wara d-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt.
5.L-Unjoni żżomm id-dritt li tirrevedi u/jew li tissospendi parti mill-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja speċifika prevista fl-Artikolu 2(2)(b) jew il-pagament kollu tagħha:
(a)jekk, ir-riżultati miksuba jkunu jvarjaw ħafna minn mal-programmazzjoni wara evalwazzjoni min-naħa tal-Kumitat Konġunt;
(b)jekk din il-kontribuzzjoni finanzjarja ma tintużax kif ikun stabbilixxa l-Kumitat Konġunt.
6.Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha terġa’ tibda titħallas mill-ġdid wara konsultazzjoni bejn il-partijiet u qbil fil-Kumitat Konġunt, meta jkun iġġustifikat abbażi tar-riżultati tal-implimentazzjoni tal-programmazzjoni maqbula msemmija fil-paragrafu 1. Madankollu, il-kontribuzzjoni finanzjarja speċifika prevista fl-Artikolu 2(2)(b) ma tistax titħallas wara perjodu ta’ sitt (6) xhur minn meta jiskadi l-Protokoll.
7.Kull sena, jekk ikun hemm bżonn, il-Gżejjer Cook jistgħu jallokaw ammont addizzjonali għall-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 2(2)(b) mill-ammont imsemmi fl-Artikolu 2(2)(a) sabiex jimplimentaw il-programm pluriennali. L-Unjoni għandha tiġi mgħarrfa b’din l-allokazzjoni fi żmien xahrejn (2) mid-data tal-anniversarju ta’ meta jibda jiġi applikat b’mod proviżorju dan il-Protokoll.
8.Il-partijiet jintrabtu li jiżguraw il-viżibbiltà tal-miżuri implimentati bl-appoġġ settorjali.
Artikolu 4
Kooperazzjoni xjentifika għal sajd responsabbli
1.Tul il-perjodu li jkopri dan il-Protokoll, filwaqt li jirrikonoxxu s-sovranità u d-drittijiet sovrani tal-Gżejjer Cook fejn jidħlu r-riżorsi tas-sajd tagħhom, il-partijiet għandhom jikkoperaw fil-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-bastimenti tal-Unjoni u fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook.
2.Il-partijiet għandhom jikkoperaw ukoll, skont il-bżonn, biex jiskambjaw bejniethom l-informazzjoni dwar il-konservazzjoni u l-informazzjoni statistika, bijoloġika, ekonomika u ambjentali rilevanti li taffettwa l-attivitajiet tal-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook għall-finijiet tal-ġestjoni u tal-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar.
3.Il-partijiet jimpenjaw ruħhom li jippromwovu l-kooperazzjoni dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni responsabbli tas-sajd fil-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC) u kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali, reġjonali jew sottoreġjonali rilevanti oħra.
Artikolu 5
Eżami mill-ġdid tal-opportunitajiet tas-sajd u tad-dispożizzjonijiet tekniċi min-naħa tal-Kumitat Konġunt
1.Il-Kumitat Konġunt jista’ jivvaluta mill-ġdid l-opportunitajiet tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 1 u jiddeċiedi li jagħmlilhom eżami mill-ġdid, dment li l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tad-WCPFC ikunu jappoġġaw il-fatt li aġġustament bħal dan ikun jiżgura l-ġestjoni sostenibbli tat-tonn u tal-ispeċijiet li jixbhuh fl-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punent.
2.F’dan il-każ, il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 2(2)(a) għandha tiġi aġġustata b’mod proporzjonat u pro rata temporis. Madankollu, l-ammont totali annwali li tħallas l-Unjoni ma għandux jaqbeż id-doppju taċ-ċifra indikata fl-Artikolu 2(2)(a).
3.Jekk ikun meħtieġ, il-Kumitat Konġunt jista’ jeżamina wkoll id-dispożizzjonijiet tekniċi tal-Protokoll u tal-Anness u jiddeċiedi li jadattahom bi ftehim komuni.
Artikolu 6
Sospensjoni
1.Dan il-Protokoll, inkluż il-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 2(2)(a) u (b), jista’ jiġi sospiż meta xi waħda mill-partijiet teżiġi dan minħabba l-każijiet imniżżla fl-Artikolu 13 tal-Ftehim u bil-kundizzjonijiet stabbiliti fih.
2.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3, il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ terġa’ tibda titħallas minnufih malli s-sitwazzjoni titreġġa’ lura għal kif kienet qabel ma ġara dak li jissemma fl-Artikolu 13 tal-Ftehim jew malli tinstab soluzzjoni f’konformità mal-Ftehim.
Artikolu 7
Terminazzjoni
Dan il-Protokoll jista’ jiġi tterminat meta xi waħda mill-partijiet teżiġi dan minħabba l-każijiet imniżżla fl-Artikolu 14 tal-Ftehim u bil-kundizzjonijiet stabbiliti fih.
Artikolu 8
Kunfidenzjalità
1.Il-partijiet għandhom iżommu l-kunfidenzjalità u s-sigurtà tad-data personali u sensittiva mil-lat kummerċjali fir-rigward tal-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook.
2.Id-data għandha tintuża mill-awtoritajiet kompetenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar is-Sajd, partikolarment għall-finijiet ta’ ġestjoni u għall-monitoraġġ, kontroll u sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd. Jekk tintuża għal skopijiet oħra, il-partijiet għandhom jiżguraw li d-data aggregata biss relatata mal-attivitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd tkun tinsab fid-dominju pubbliku.
3.Għall-implimentazzjoni proprja tal-Protokoll, se jiġu proċessati diversi kategoriji ta’ data personali:
(a)Id-data ta’ identifikazzjoni u ta’ kuntatt
(b)Id-data marbuta mas-sidien u mal-operaturi tal-bastimenti (il-pożizzjoni jew ir-rwol tagħhom), mal-kaptani u mal-membri tal-ekwipaġġ
(c)Id-data l-oħra kollha relatata mas-suġġett tal-Ftehim.
4.Id-data personali ma għandiex tinżamm lil hinn miż-żmien meħtieġ għall-fini li għalih tkun ġiet skambjata, l-aktar għal għaxar snin, ħlief jekk id-data personali tkun meħtieġa għas-segwitu ta’ ksur, ta’ spezzjoni, jew ta’ proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi, jew riċerka xjentifika. F’dawn il-każijiet, id-data personali tista’ tinħażen għal 20 sena. Jekk id-data personali tinżamm għal perjodu itwal, id-data għandha tiġi anonimizzata.
5.Fil-każ tal-Unjoni, il-Kummissjoni Ewropea jew l-Istat Membru tal-bandiera, fil-każ tal-Gżejjer Cook, il-Ministeru tar-Riżorsi tal-Baħar għandhom ikunu l-awtoritajiet responsabbli għall-ipproċessar tad-data.
6.Jistgħu jiġu stabbiliti salvagwardji u rimedji legali xierqa mill-Kumitat Konġunt.
Artikolu 9
Skambji elettroniċi tad-data
1.Il-Gżejjer Cook u l-Unjoni se jimpenjaw ruħhom biex jimplimentaw is-sistemi meħtieġa għall-iskambju elettroniku tal-informazzjoni u tad-dokumenti kollha marbuta mal-implimentazzjoni tal-Ftehim u tal-Protokoll. F’kull waqt, il-forma elettronika ta’ dokument se titqies bħala ekwivalenti għall-verżjoni stampata tiegħu.
2.Il-partijiet għandhom jgħarrfu minnufih lil xulxin b’kull ħsara fis-sistema tal-kompjuter li twaqqaf dawn l-iskambji. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-informazzjoni u d-dokumenti marbuta mal-implimentazzjoni tal-Ftehim u tal-Protokoll għandhom jinbidlu b’mod awtomatiku bil-verżjoni stampata tagħhom, kif iddefinit fl-Anness.
Artikolu 10
Obbligi meta jiskadi l-Protokoll jew meta dan jiġi tterminat
1.Wara li dan il-Protokoll jiskadi jew jiġi tterminat f’konformità mal-Artikolu 14, is-sidien tal-bastimenti tal-Unjoni għandhom ikomplu jkunu responsabbli għal kwalunkwe ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim jew ta’ dan il-Protokoll jew ta’ kwalunkwe liġi tal-Gżejjer Cook li jkun seħħ qabel ma dan il-Protokoll skada jew ġie tterminat, jew għal kwalunkwe tariffa tal-liċenzja jew kwalunkwe ħlas dovut li ma jkunx tħallas fil-mument ta’ tali skadenza jew terminazzjoni.
2.Jekk ikun meħtieġ, il-partijiet għandhom ikomplu jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali previst skont l-Artikolu 2(2)(b) tal-Protokoll, f’konformità mal-Artikolu 3(1) u r-regoli ta’ implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali.
Artikolu 11
Applikazzjoni proviżorja
Malli l-partijiet jiffirmaw dan il-Protokoll tibda l-applikazzjoni proviżorja tiegħu qabel jidħol fis-seħħ.
Artikolu 12
Dħul fis-seħħ
Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ meta l-partijiet ikunu għarrfu lil xulxin li tlestew il-proċeduri meħtieġa.
ANNESS
IL-KUNDIZZJONIJIET BIEX IL-BASTIMENTI TAL-UNJONI JWETTQU ATTIVITAJIET TAS-SAJD SKONT IL-PROTOKOLL LI JISTABBILIXXI L-OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD U L-KONTRIBUZZJONI FINANZJARJA PREVISTI FIL-FTEHIM TA’ SĦUBIJA DWAR IS-SAJD SOSTENIBBLI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-GŻEJJER COOK
Kapitolu I
Dispożizzjonijiet Ġenerali
Taqsima 1
Definizzjonijiet
1. “Awtorità kompetenti” tfisser:
(a)fil-każ tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni”): Il-Kummissjoni Ewropea;
(b)fil-każ tal-Gżejjer Cook: il-Ministeru tar-Riżorsi tal-Baħar.
2. “Awtorizzazzjoni tas-sajd” tfisser liċenzja jew dritt validu biex jitwettqu attivitajiet tas-sajd għal speċijiet speċifiċi bl-użu ta’ rkaptu speċifiku u fiż-żoni tas-sajd speċifikati, f’konformità mat-termini mogħtija f’dan l-Anness.
3. “Force majeure” tfisser it-telfien jew l-immobilizzazzjoni fit-tul ta’ bastiment minħabba ħsara teknika serja.
4. “Jum ta’ sajd” tfisser meta bastiment tas-sajd bit-tartaruni tal-borża tal-Unjoni iwettaq kwalunkwe sajd matul jum kalendarju, jew f’parti mill-perjodu ta’ 24 siegħa (00:00-24:00) ta’ dak il-jum kalendarju, li matulu bastiment tas-sajd bit-tartaruni tal-borża tal-Unjoni ikun fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook, iżda ma jinkludix jum kalendarju, jew parti mill-jum kalendarju definit bħala “jum mhux ta’ sajd” fl-Appendiċi 1.
Taqsima 2
Kuntatti
1. Qabel ma jibda japplika b’mod proviżorju dan il-Protokoll, il-partijiet għandhom jiskambjaw id-dettalji ta’ kuntatt kollha rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll u għandhom jikkomunikawhom lil xulxin kif xieraq.
2. Id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Paċifiku għandha tkun ikkupjata fl-iskambji ta’ komunikazzjoni kollha bejn l-awtoritajiet kompetenti definiti fit-Taqsima 1 li huma relatati mal-implimentazzjoni ta’ dan l-Anness.
Taqsima 3
Żoni tas-sajd
1. Il-bastimenti tal-Unjoni li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd li jkunu ħarġuha l-Gżejjer Cook skont il-Ftehim għandhom ikunu awtorizzati jwettqu attivitajiet tas-sajd fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook, jiġifieri fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook ħlief għaż-żoni protetti u dawk fejn is-sajd huwa pprojbit. Qabel jibda jiġi applikat b’mod proviżorju l-Ftehim, il-Gżejjer Cook għandhom jibagħtu lill-Unjoni l-koordinati tal-ilmijiet tas-sajd tagħhom u taż-żoni protetti u ta’ dawk li fihom ma jistax isir sajd.
2. Il-Gżejjer Cook għandhom jgħarrfu lill-Unjoni b’kull tibdil fiż-żoni msemmija f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tal-Ftehim.
Taqsima 4
Aġent tal-bastiment
Il-bastimenti kollha tal-Unjoni li japplikaw għal awtorizzazzjoni tas-sajd jistgħu jkunu rrappreżentati minn aġent residenti fil-Gżejjer Cook (li jista’ jkun kumpanija jew individwu), u li l-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook tkun ġiet mgħarrfa bih kif xieraq.
Taqsima 5
Bastimenti eliġibbli tal-Unjoni
Biex bastiment tal-Unjoni jkun eliġibbli biex jikseb awtorizzazzjoni tas-sajd, is-sid, il-kaptan u l-bastiment innifsu ma għandhomx ikunu pprojbiti milli jistadu fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook. Dawn iridu jkunu f’qagħda regolari mal-liġijiet tal-Gżejjer Cook u jridu jkunu ssodisfaw kull obbligu preċedenti relatat mal-attivitajiet tas-sajd tagħhom fil-Gżejjer Cook fil-kuntest tal-ftehimiet dwar is-sajd konklużi mal-Unjoni. Barra minn hekk, huma għandhom ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd, ikunu mniżżla fir-reġistru tal-bastimenti tas-sajd tad-WCPFC, ikunu fir-reġistru tal-bastimenti tajbin għat-tbaħħir tal-Aġenzija tas-Sajd tal-Forum (FFA) u ma jkunux fil-lista tal-bastimenti tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (is-sajd IUU) ta’ xi organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (ORĠS).
Kapitolu II
Ġestjoni tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd
Taqsima 1
Perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni tas-sajd
Awtorizzazzjoni tas-sajd hija valida għal sena, u dan il-perjodu jissejjaħ “il-perjodu annwali ta’ validità”. Id-data tal-bidu ta’ dan il-perjodu tikkorrispondi għad-data tal-applikazzjoni proviżorja ta’ dan il-Protokoll. L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd sussegwenti kollha għandhom jintemmu fid-data tal-anniversarju tal-Protokoll.
Taqsima 2
Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tas-sajd
1. Il-bastimenti tal-Unjoni eliġibbli biss, kif iddefiniti fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu I ta’ dan l-Anness, jistgħu jiksbu awtorizzazzjoni tas-sajd skont dan il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarji prevista f’dan il-Ftehim.
2. L-Unjoni għandha tibgħat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Cook applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tas-sajd għal kull bastiment tal-Unjoni li jkun jixtieq jistad skont il-Ftehim tal-inqas 20 jum tax-xogħol qabel id-data meta jkunu mistennija jibdew l-attivitajiet tas-sajd. Il-Gżejjer Cook għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa kollha dwar il-proċess tal-liċenzjar lill-Unjoni qabel ma jidħol fis-seħħ il-Protokoll u sussegwentement kull sena.
3. Is-sidien tal-bastimenti għandhom iħallsu t-tariffi bil-quddiem dovuti għall-perjodu kollu ta’ validità annwali tal-awtorizzazzjoni tas-sajd.
4. Qabel l-applikazzjoni proviżorja ta’ dan il-Protokoll, il-Gżejjer Cook għandhom jgħarrfu lill-Unjoni bid-dettalji tal-kontijiet tat-Teżor Pubbliku tal-Gżejjer Cook li fihom iridu jitħallsu t-tariffi li l-bastimenti tal-Unjoni għandhom iħallsu skont il-Ftehim. Is-sidien tal-bastimenti għandhom iħallsu l-kostijiet tat-trasferimenti bankarji assoċjati ma’ dawn il-ħlasijiet.
5. Għal kull applikazzjoni tal-bidu għal awtorizzazzjoni tas-sajd, jew wara bidla teknika kbira fil-bastiment ikkonċernat, l-Unjoni għandha tibgħat l-applikazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook elettronikament billi tuża l-formola mogħtija, jew permezz tas-sistema elettronika implimentata, mill-Ministeru tar-Riżorsi tal-Baħar u magħha għandha tibgħat id-dokumenti li ġejjin:
(a)evidenza li tħallset it-tariffa bil-quddiem għall-perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni tas-sajd;
(b)ritratti riċenti diġitali bil-kulur tal-bastiment (li jkunu ttieħdu sa 12-il xahar qabel), li jkollhom id-data fuqhom u li jkollhom riżoluzzjoni ta’ 72 dpi u jkunu tal-inqas ta’ 1 400 tikka b’1 050 tikka, u li jkunu juru l-ġenb tal-bastiment, inkluż l-isem tiegħu miktub bl-alfabett bażiku Latin tal-ISO;
(c)kopja taċ-ċertifikat tat-tagħmir ta’ sikurezza tal-bastiment;
(d)kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tal-bastiment;
(e)kopja taċ-ċertifikat ta’ kontroll tal-kundizzjonijiet sanitarji tal-bastiment;
(f)kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru tal-bastimenti tajbin għat-tbaħħir tal-FFA;
(g)il-pjan tal-istivar.
6. Meta tiġi biex tiġġedded l-awtorizzazzjoni tas-sajd ta’ bastiment li ma jkunux inbidlulu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tiegħu, mal-applikazzjoni għat-tiġdid għandhom jintbagħtu biss l-evidenza li tkun tħallset it-tariffa bil-quddiem, iċ-ċertifikat attwali ta’ reġistrazzjoni fir-Reġistru tal-bastimenti tajbin għat-tbaħħir tal-FFA u l-kopji taċ-ċertifikati mġedda mniżżlin fil-punt 5(c), (d) u (e), jekk ikun hemm.
7. It-tariffa bil-quddiem għandha titħallas ġol-kont tal-bank li jkunu pprovdew l-awtoritajiet tal-Gżejjer Cook.
8. Il-pagamenti għandhom jinkludu l-imposti nazzjonali u lokali kollha minbarra t-taxxi tal-portijiet u l-imposti tas-servizzi.
9. Jekk applikazzjoni ma tkunx kompluta jew ma tkunx tissodisfa mod ieħor il-kundizzjonijiet mogħtija fil-punti 5, 6, 7 u 8 t’hawn fuq, fi żmien sebat ijiem tax-xogħol minn meta jirċievu l-applikazzjoni f’forma elettronika, l-awtoritajiet tal-Gżejjer Cook għandhom jgħarrfu lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni, bir-raġunijiet għala l-applikazzjoni qed titqies bħala applikazzjoni mhix kompluta jew li ma tissodisfax mod ieħor il-kundizzjonijiet mogħtija fil-punti 5, 6, 7 u 8.
Taqsima 3
Ħruġ tal-awtorizzazzjoni tas-sajd
1. L-awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tinħareġ mill-Gżejjer Cook fi żmien 15-il jum tax-xogħol minn meta jirċievu l-applikazzjoni sħiħa bil-posta elettronika.
2. L-awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tiġi trażmessa minnufih b’mezzi elettroniċi mill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook lil sid il-vapur u lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni. Fl-istess ħin, kopja stampata tal-awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tintbagħat lil sid il-vapur.
3. Malli toħroġ l-awtorizzazzjoni tas-sajd, l-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook għandha tinkludi l-bastiment f’lista ta’ bastimenti tal-Unjoni li huma awtorizzati jistadu fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook. Din il-lista għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-entitajiet kollha tal-monitoraġġ, tal-kontroll u tas-sorveljanza tal-Gżejjer Cook u għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni.
4. Il-forma stampata tal-awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tieħu post dik elettronika malli dan ikun possibbli.
5. L-awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tinħareġ għal bastiment speċifiku u ma għandhiex tkun tista’ tiġi trasferita.
6. L-awtorizzazzjoni tas-sajd (f’forma elettronika jew stampata meta din tkun disponibbli) trid tinżamm abbord il-bastiment il-ħin kollu.
Taqsima 4
Force majeure
1. Meta jkun hemm prova ta’ force majeure u l-Unjoni titlob dan, l-awtorizzazzjoni tas-sajd ta’ bastiment tista’ tiġi sospiża u ttrasferita għal bastiment ieħor eliġibbli li jkollu karatteristiċi simili għall-perjodu ta’ validità li jkun għad fadal tiegħu u li għalih tista’ tinħareġ awtorizzazzjoni tas-sajd ġdida.
2. Awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tinħareġ lill-bastiment eliġibbli ġdid f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 3 u soġġetta għall-issodisfar tal-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni kif stabbiliti fit-Taqsima 2, mingħajr ir-rekwiżit ta’ pagament ġdid bil-quddiem.
Taqsima 5
Kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd — it-tariffi u l-pagamenti bil-quddiem
1. L-awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tinħareġ meta l-ammonti li ġejjin ikunu tħallsu lill-Gżejjer Cook għal kull bastiment tal-Unjoni:
(a)tariffa annwali ta’ pagament bil-quddiem ta’ EUR mija u tnax-il elf u ħames mija (112 500) li għandha tagħti d-dritt lill-bastiment tas-sajd għal ħamsa u għoxrin (25) jum fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook.
(b)kontribuzzjoni annwali speċjali għall-awtorizzazzjoni tas-sajd ta’ EUR tmienja u tletin elf u ħames mija (38 500).
2. Jekk disponibbli, is-sidien tal-vapuri jistgħu jixtru jiem tas-sajd addizzjonali ta’ dawk mixtrija skont il-paragrafu 1(a) fuq talba mill-awtorità kompetenti tal-Unjoni għall-awtoritajiet tal-Gżejjer Cook. Il-prezzijiet li għandhom jitħallsu mis-sidien tal-vapuri għall-jiem addizzjonali għandhom ikunu ta’ EUR tmient elef (8 000) kull jum. Sakemm isir il-pagament sħiħ għall-jiem addizzjonali mis-sid tal-vapur, dak is-sid tal-vapur ikun jista’ juża biss dawk il-jiem mixtrija skont il-paragrafu 1(a).
3. B’kollox, jistgħu jinxtraw massimu ta’ mija u għaxart (110) ijiem ta’ sajd fis-sena mis-sidien tal-bastimenti tal-Unjoni.
Kapitolu III
Monitoraġġ
Taqsima 1
Ġestjoni u monitoraġġ tal-isforz
1. Il-Gżejjer Cook għandhom jgħarrfu lill-awtoritajiet tal-Unjoni meta l-isforz totali tal-bastimenti tal-Unjoni rrappurtati fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook jilħqu s-70 jum ta’ sajd. Malli jirċievu din in-notifika, l-awtoritajiet tal-Unjoni għandhom jgħarrfu minnufih lill-Istati Membri b’dan.
2. Ladarba jintlaħaq il-livell ta’ sforz ta’ 70 jum ta’ sajd, il-Gżejjer Cook għandhom jimmonitorjaw il-livell tal-isforz tal-bastimenti tal-Unjoni u jgħarrfu minnufih lill-awtoritajiet tal-Unjoni meta jintlaħqu l-95 jum ta’ sajd. Malli jirċievu din in-notifika mingħand il-Gżejjer Cook, l-awtoritajiet tal-Unjoni wkoll għandhom jgħarrfu minnufih lill-Istati Membri b’dan.
3. Dan il-monitoraġġ għandu jinkludi d-deċiżjoni meħuda mill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook dwar it-talbiet tal-operatur tal-bastiment għall-jiem ta’ mingħajr sajd. Meta s-sidien tal-bastimenti ma jaqblux mad-deċiżjoni adottata mill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook dwar it-talbiet tagħhom għall-jiem mhux tas-sajd, jistgħu jitolbu lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni biex tikkonsulta maċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ tas-Sajd tal-Istat tal-Bandiera u/jew ma’ istituzzjonijiet rilevanti oħra bil-għan li tinstab soluzzjoni għat-tilwima.
4. L-użu annwali tal-jiem tas-sajd mill-bastimenti tal-Unjoni għandu jiġi eżaminat mill-ġdid mill-Kumitat Konġunt matul il-laqgħa annwali tiegħu.
Taqsima 2
Ir-reġistrazzjoni tal-qbid u r-rappurtar tiegħu
1. Il-bastimenti tal-Unjoni li huma awtorizzati jistadu fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook skont il-Ftehim għandhom jibagħtu l-informazzjoni dwar il-qabdiet tagħhom lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook kif ġej, sa ma ż-żewġ partijiet ikunu implimentaw sistema elettronika tar-rappurtar tal-qbid (“ERS”).
2. Il-bastimenti tal-Unjoni awtorizzati jistadu fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook għandhom jimlew il-ġurnali tas-sajd reġjonali SPC/FFA tat-tartarun tal-borża disponibbli fuq is-sit web tal-Komunità tal-Paċifiku (SPC) għal kull jum ta’ preżenza fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook. Jekk il-bastimenti ma jaqbdu l-ebda ħuta jew jekk ikunu għaddejjin minn hemm biss fi tranżitu lejn xi mkien ieħor, il-formola xorta waħda trid timtela. Din għandha timtela b’mod ċar u l-kaptan tal-bastiment jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jiffirmaha. Il-ġurnali tas-sajd għandhom jintużaw sakemm jiġu implimentati arranġamenti elettroniċi ta’ rappurtar kompatibbli.
3. Meta l-bastimenti tal-Unjoni jkunu fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook, huma għandhom jibagħtu kull sebat ijiem sommarju tal-ġurnali ta’ abbord tas-sajd imsemmi fil-punt 2 lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook billi jużaw il-Mudell Numru 3 (rapport tal-qabda CAT) mogħti fl-Appendiċi 2.
4. Sa fejn għandu x’jaqsam mat-tressiq tal-ġurnal ta’ abbord tas-sajd imsemmi fil-punt 2, il-bastimenti tal-Unjoni għandhom:
(a)fil-każ li jidħlu f’port tad-dħul tal-Gżejjer Cook (Avatui, Arutanga, Tuanganui, Omoka, Tauhunu, Tukao, Yato), jibagħtu l-formola mimlija lill-awtorità kompetenti rispettiva tal-Gżejjer Cook fi żmien ħamest (5) ijiem minn meta jaslu fil-port, jew inkella qabel ma jħallu dak il-port, skont liema minnhom isseħħ l-ewwel. L-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook għandha tagħtihom irċevuta bil-miktub;
(b)jibagħtu l-kopji tal-folji tal-ġurnal ta’ abbord fi żmien 15-il jum tax-xogħol minn meta joħorġu miż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook meta joħorġu minn dawn iż-żoni tas-sajd mingħajr ma jgħaddu l-ewwel minn port tad-dħul tal-Gżejjer Cook, u dan għandhom jagħmluh kif ġej;
·bil-posta elettronika, fl-indirizz tal-posta elettronika tal-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook; jew
·Il-verżjoni oriġinali ta’ kull ġurnal ta’ abbord tas-sajd għandha tintbagħat fi żmien sebat (7) ijiem tax-xogħol minn meta bastiment jidħol għall-ewwel darba f’port wara li jkun ħareġ miż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook.
·Fl-istess waqt iridu jintbagħtu kopji ta’ dawn il-folji tal-ġurnal ta’ abbord lill-istituti xjentifiċi rilevanti: L-IRD (l-Institut de Recherche pour le Développement) jew l-IEO (l-Instituto Español de Oceanografia).
5. Il-kliem “żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook” għandhom jiddaħħlu fil-folji tal-ġurnal ta’ abbord imsemmija hawn fuq għall-perjodi meta l-bastiment ikun jinsab fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook.
6. Iż-żewġ partijiet se jagħmlu ħilithom biex jimplimentaw rappurtar elettroniku u arranġamenti kompatibbli għall-iskambju elettroniku tad-data u l-informazzjoni dwar l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook.
7. Ladarba tiġi implimentata s-sistema elettronika tad-dikjarazzjoni tal-qabdiet, din tieħu post għalkollox id-dispożizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni deskritti fil-punti 2 sa 4 t’hawn fuq, ħlief jekk ikun hemm xi problemi tekniċi jew ħsarat fis-sistema, f’liema każ id-dikjarazzjonijiet tal-qabdiet għandhom isiru skont il-punti 2 sa 4 t’hawn fuq.
Taqsima 3
Komunikazzjoni dwar id-dħul fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook u l-ħruġ minnhom
1. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tat-Taqsima 1 ta’ dan il-Kapitolu, il-bastimenti tal-Unjoni li huma awtorizzati jistadu skont il-Ftehim għandhom javżaw lill-awtorità tal-Gżejjer Cook li huma beħsiebhom jidħlu fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook jew joħorġu minnhom tal-inqas 24 siegħa qabel ma jagħmlu dan.
2. Meta jibagħtu din in-notifika tad-dħul jew tal-ħruġ, il-bastimenti għandhom jibagħtu wkoll informazzjoni dwar l-ammont u l-ispeċijiet ta’ ħut li għandhom fil-qabdiet abbord. Il-bastimenti għandhom jibagħtu wkoll il-pożizzjoni li probabbli jkunu fiha fil-ħin li fih beħsiebhom jidħlu fiż-żoni tas-sajd jew joħorġu minnhom. Dawn in-notifiki għandhom isiru fil-format mogħti fl-Appendiċi 2, il-Mudelli Numru 1 u Numru 2 u għandhom jintbagħtu bil-posta elettronika lill-kuntatti mniżżlin fihom.
Taqsima 4
Ħatt l-art
1. Il-portijiet magħżula għall-ħatt l-art fil-Gżejjer Cook huma l-portijiet ta’ Avatui u Omoka. L-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook tista’ tawtorizza attivitajiet ta’ ħatt l-art f’portijiet magħżula oħra fil-Gżejjer Cook. L-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha tiġi infurmata kif xieraq.
2. Il-bastimenti tal-Unjoni li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd li jkunu ħarġuha l-Gżejjer Cook u li jkunu jixtiequ jħottu l-art il-qabdiet tagħhom fil-portijiet magħżula tal-Gżejjer Cook għandhom jibagħtu t-tagħrif li ġej lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook tal-inqas 72 siegħa qabel ma jkunu se jagħmlu dan:
a) il-port tal-ħatt l-art;
b) l-isem tal-bastiment tas-sajd li jkun se jħott il-ħut l-art u s-sinjal internazzjonali tas-sejħa bir-radju (l-IRCS) tiegħu;
c) id-data u l-ħin tal-ħatt l-art;
d) il-kwantità ta’ ħut li ser jinħatt l-art, mogħtija f’kilogrammi mqarrba għall-eqreb 100 kilogramma u mqassma skont l-ispeċi;
e) il-preżentazzjoni tal-prodotti.
3. Il-bastimenti jridu jibagħtu d-dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art tagħhom lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook sa mhux aktar tard minn 48 siegħa minn meta jitlesta l-ħatt l-art jew inkella qabel ma l-bastiment iħalli l-port, skont liema minnhom isseħħ l-ewwel.
Taqsima 5
Trasbord
1. Il-bastimenti tal-Unjoni li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd li jkunu ħarġuha l-Gżejjer Cook u li jkunu jixtiequ jittrasbordaw il-qabdiet fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook għandhom jagħmlu dan biss fil-portijiet magħżula tal-Gżejjer Cook kif imsemmi fil-punt 4(a) tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu III. Ma jistax isir trasbord fuq il-baħar ’il barra mill-portijiet u kull persuna li tikser din id-dispożizzjoni għandha tkun soġġetta għall-pieni previsti fil-liġijiet tal-Gżejjer Cook.
2. Sid il-bastiment jew l-aġent li jirrappreżenta l-bastiment iridu jibagħtu t-tagħrif li ġej lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook tal-inqas 72 siegħa minn qabel:
a) il-port tat-trasbord fejn se ssir l-operazzjoni;
b) l-isem tal-bastiment tas-sajd donatur u s-sinjal internazzjonali tas-sejħa bir-radju (l-IRCS) tiegħu;
c) l-isem tal-bastiment tas-sajd riċevitur u s-sinjal internazzjonali tas-sejħa bir-radju (l-IRCS) tiegħu;
d) id-data u l-ħin tat-trasbord;
e) il-kwantità ta’ ħut li ser jiġi ttrasbordat, mogħtija f’kilogrammi mqarrba għall-eqreb 100 kilogramma u mqassma skont l-ispeċi;
f) il-preżentazzjoni tal-prodotti.
3. Il-bastimenti tal-Unjoni għandhom jibagħtu d-dikjarazzjonijiet tat-trasbord tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Cook sa mhux aktar tard minn 48 siegħa minn meta jitlesta t-trasbord jew inkella qabel ma l-bastiment donatur iħalli l-port, skont liema minnhom isseħħ l-ewwel.
Taqsima 6
Sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti (VMS)
Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istat tal-bandiera u għall-obbligi tal-bastimenti tal-Unjoni fil-konfront taċ-Ċentru tal-Monitoraġġ tas-Sajd tal-Istat tal-bandiera tagħhom, kull bastiment tal-Unjoni għandu jkun konformi mas-Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti tal-FFA (il-VMS tal-FFA) li attwalment tapplika fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook.
Taqsima 7
Osservaturi
1. Il-bastimenti tal-Unjoni li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd li jkunu ħarġuha l-Gżejjer Cook, meta jkunu qed jistadu fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook għandhom jiżguraw li jkollhom kopertura tal-osservaturi skont il-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni rilevanti tad-WCPFC u skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Gżejjer Cook.
2. Il-bastimenti tal-Unjoni għandu jkollhom abbord osservatur awtorizzat mill-Programm tal-Osservaturi Reġjonali tad-WCPFC jew osservatur tal-IATTC awtorizzat permezz tal-Memorandum ta’ Qbil maqbul bejn id-WCPFC u l-IATTC dwar l-approvazzjoni reċiproka tal-osservaturi.
Kapitolu IV
Kontroll
1. Il-bastimenti tal-Unjoni għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Gżejjer Cook dwar l-attivitajiet tas-sajd, kif ukoll mal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni adottati mid-WCPFC.
2. Proċeduri ta’ kontroll:
(a) Il-kaptani tal-bastimenti tal-Unjoni li jkunu qed iwettqu attivitajiet tas-sajd fiż-żoni tas-sajd tal-Gżejjer Cook għandhom jikkoperaw ma’ kull uffiċjal awtorizzat tal-Gżejjer Cook li jkun identifikat kif xieraq li jkun qed iwettaq spezzjonijiet u kontrolli tal-attivitajiet tas-sajd;
(b) Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Gżejjer Cook, it-tlugħ abbord għandu jsir b’tali mod li l-pjattaforma tal-ispezzjoni u l-ispetturi jkunu jistgħu jiġu identifikati bħala uffiċjali awtorizzati tal-Gżejjer Cook;
(c) Il-Gżejjer Cook għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni lista tal-pjattaformi kollha tal-ispezzjoni użati għall-ispezzjonijiet fuq il-baħar. Din il-lista għandu jkun fiha tal-inqas dan li ġej:
·l-ismijiet tal-bastimenti tal-għassa tas-sajd (FPVs);
·id-dettalji tal-bastimenti tal-għassa tas-sajd;
·ritratti tal-FPV;
(d) Meta l-Unjoni jew xi korp maħtur minnha jitolbu dan, il-Gżejjer Cook jistgħu jħallu lill-ispetturi tal-Unjoni josservaw l-attivitajiet tal-bastimenti tal-Unjoni, fosthom it-trasbord, matul il-kontrolli li jsiru fuq l-art.
(e) Ladarba spezzjoni tkun tlestiet u l-ispettur ikun iffirma r-rapport tal-ispezzjoni, dan ir-rapport għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-kaptan biex dan ikun jista’ jiffirmah u jżid kwalunkwe kumment li jista’ jkollu dwaru. Din il-firma m’għandhiex tippreġudika d-drittijiet tal-partijiet fil-kuntest ta’ xi proċedura marbuta ma’ allegat ksur. Qabel ma l-ispettur jinżel mill-bastiment, il-kaptan tal-bastiment għandu jingħata kopja tar-rapport tal-ispezzjoni;
(f) l-ispetturi ma għandhomx iqattgħu iżjed ħin abbord il-bastiment milli jkollhom bżonn biex iwettqu dmirijiethom.
3. Il-kaptani tal-bastimenti tal-Unjoni li jkunu qed jittrasbordaw il-ħut jew iħottuh l-art f’port tal-Gżejjer Cook għandhom iħallu lill-uffiċjali awtorizzati tal-Gżejjer Cook jispezzjonaw it-tali attivitajiet u għandhom jiffaċilitawlhom dawn l-ispezzjonijiet.
4. Meta ma jkunx hemm konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu, l-awtorità tal-Gżejjer Cook tirriżerva d-dritt li tissospendi l-awtorizzazzjoni tas-sajd tal-bastiment li jkun qed iwettaq il-ksur sakemm jitlestew il-formalitajiet u li tapplika l-piena stabbilita fil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Gżejjer Cook. L-Istat Membru tal-bandiera u l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandhom jiġu mgħarrfa b’dan minnufih.
Kapitolu V
Infurzar
1. Sanzjonijiet
(a) In-nuqqas ta’ ħarsien ta’ xi waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll, tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd rilevanti jew tal-liġijiet nazzjonali tal-Gżejjer Cook għandu jkun soġġett għall-pieni stabbiliti fil-liġijiet nazzjonali tal-Gżejjer Cook.
(b) L-Istat Membru tal-bandiera u l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandhom jiġu mgħarrfa minnufih u bis-sħiħ b’kull sanzjoni applikata u bil-fatti rilevanti kollha marbutin mal-każ.
(c) Meta s-sanzjoni tieħu l-għamla ta’ sospensjoni jew revoka tal-awtorizzazzjoni tas-sajd, matul il-perjodu li jkun għad fadal li għalih tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tista’ titlob awtorizzazzjoni tas-sajd oħra li kieku kienet tkun applikabbli, għal bastiment ta’ sid ieħor.
2. Arrest u detenzjoni ta’ bastimenti tal-Unjoni
(a) Il-Gżejjer Cook għandhom jgħarrfu lill-Unjoni u lill-Istat Membru tal-bandiera minnufih bl-arrest u/jew bid-detenzjoni ta’ kwalunkwe bastiment tas-sajd li jkollu awtorizzazzjoni tas-sajd skont il-Ftehim.
(b) Il-Gżejjer Cook għandhom jibagħtu kopja tar-rapport tal-ispezzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni u lill-Istat Membru tal-bandiera fi żmien 48-il siegħa mill-arrest u/jew mid-detenzjoni u jispjegawlhom fid-dettall iċ-ċirkustanzi u r-raġunijiet li wasslu għal dan l-arrest u/jew għal din id-detenzjoni.
3. Il-proċedura għall-iskambju tal-informazzjoni fil-każ ta’ arrest u/jew ta’ detenzjoni
(a) Filwaqt li jitħarsu l-iskadenzi u l-proċedimenti ġudizzjarji previsti fil-liġijiet nazzjonali tal-Gżejjer Cook b’rabta mal-arrest u/jew mad-detenzjoni, malli tasal l-informazzjoni t’hawn fuq għandha ssir laqgħa ta’ konsultazzjoni bejn ir-rappreżentanti tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni u dawk tal-Gżejjer Cook, li għaliha jista’ jkun li jattendi wkoll rappreżentant tal-Istat Membru kkonċernat.
(b) Matul il-laqgħa ta’ konsultazzjoni, il-partijiet għandhom jgħaddu lil xulxin kull dokument u/jew tagħrif rilevanti li jista’ jgħin biex jiġu ċċarati l-fatti. Sid il-bastiment, jew l-aġent tiegħu, għandu jiġi mgħarraf bl-eżitu tal-laqgħa u b’kull miżura li toħroġ mill-arrest u/jew mid-detenzjoni.
4. Soluzzjoni għall-arrest u/jew għad-detenzjoni
(a) Għandhom isiru sforzi raġonevoli biex l-allegat ksur jissolva b’mod amikevoli.
(b) F’każ li l-kwistjoni tissolva, l-ammont li għandu jitħallas għandu jiġi stabbilit billi wieħed jirreferi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Gżejjer Cook. Jekk il-ksur allegat ma jkunx jista’ jissolva, għandhom jinbdew il-proċedimenti ġudizzjarji.
(c) Il-bastiment tal-Unjoni għandu jiġi rrilaxxat u l-kaptan tiegħu jinħeles hekk kif ikunu ġew issodisfati l-obbligi li jkunu ġejjin mis-soluzzjoni amikevoli u jkunu tlestew il-proċedimenti ġudizzjarji.
5. L-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha tinżamm infurmata bi kwalunkwe proċediment li jkun inbeda u bi kwalunkwe piena li tkun ġiet imposta.
Kapitolu VI
Koperazzjoni fil-ġlieda kontra s-sajd IUU
1. Sabiex jissaħħu l-monitoraġġ tas-sajd u l-ġlieda kontra s-sajd IUU, il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni se jagħmlu ħilithom biex jirrappurtaw il-preżenza ta’ xi bastiment ieħor tas-sajd fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook.
2. Meta l-kaptan ta’ bastiment tas-sajd tal-Unjoni jinnota bastiment tas-sajd iwettaq attivitajiet suspettati li huma attivitajiet tas-sajd IUU, huwa jiġbor kemm jista’ jkun informazzjoni dwar dak il-bastiment u dwar l-attività tiegħu x’ħin jilmħu. Ir-rapporti tal-osservazzjonijiet għandhom jintbagħtu minnufih lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook u kopja tagħhom għandha tintbagħat liċ-Ċentru tal-Monitoraġġ tas-Sajd (iċ-ĊMS) tal-Istat tal-bandiera.
3. L-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook se tibgħat lill-Unjoni, malajr kemm jista’ jkun, kull rapport tal-osservazzjoni li jkollha dwar bastimenti tas-sajd li jkunu qed iwettqu attivitajiet suspettati li huma attivitajiet tas-sajd IUU fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook.
APPENDIĊI 1
Jiem tal-bastiment
Kalkolu ta’ jiem ta’ sajd u ta’ jiem mhux ta’ sajd
1)Jiem ta’ sajd: Meta bastiment tas-sajd bit-tartaruni tal-borża tal-Unjoni iwettaq kwalunkwe sajd matul jum kalendarju, jew parti mill-perjodu ta’ 24 siegħa (00:00-24:00) ta’ dak il-jum kalendarju, li matulu bastiment tas-sajd bit-tartaruni tal-borża tal-Unjoni fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook, iżda ma jinkludix jum kalendarju, jew parti mill-jum kalendarju definit bħala “jum mhux ta’ sajd”.
2) Kalkolu ta’ jum ta’ sajd:
a) Jekk bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża jirrapporta matul kwalunkwe jum ta’ sajd mill-pożizzjonijiet fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook, dak il-jum ta’ sajd għandu jiġi allokat f’konformità mal-ħinijiet attwali li l-bastiment għamel fl-ilmijiet tal-Gżejjer Cook.
b) Meta bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża jirrapporta li jkun fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook għall-perjodu kollu (00:00-24:00) ta’ jum kalendarju:
i) dak il-jum kalendarju (kollu) għandu jingħadd bħala jum ta’ sajd jekk tkun twettqet kwalunkwe attività tas-sajd matul dak il-jum kalendarju;
ii) dak il-jum kalendarju (kollu) ma għandux jingħadd bħala jum ta’ sajd jekk il-bastiment jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ jum mhux ta’ sajd fil-paragrafi 3 sa 6 ta’ dan l-Appendiċi
c) Meta bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża jirrapporta li jkun fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook għal inqas mill-perjodu kollu (00:00-24:00) ta’ jum kalendarju:
i) dik il-parti tal-jum kalendarju għandha tingħadd bħala parti minn jum ta’ sajd jekk tkun twettqet kwalunkwe attività tas-sajd fiż-żona matul dak il-perjodu;
ii) dik il-parti tal-jum kalendarju ma għandhiex tingħadd bħala jum ta’ sajd jekk il-bastiment jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ jum mhux ta’ sajd fil-paragrafi 3 sa 6 ta’ dan l-Appendiċi
d) Ma għandu jkun hemm l-ebda tnaqqas fil-jiem ta’ sajd fir-rigward ta’ kwalunkwe perjodu li bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża jkun għamel fil-port tal-Gżejjer Cook.
3) Jum mhux ta’ sajd (NFD): Għall-bastimenti liċenzjati, kwalunkwe jum jew parti minn jum fl-ilmijiet tas-sajd għandhom jingħaddu bħala jum mhux ta’ sajd fejn ma tkun twettqet l-ebda attività tas-sajd f’dak il-jum għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet stabbiliti fil-paragrafu 5.
4) Il-bastimenti liċenzjati tal-Unjoni jridu jissottomettu t-talbiet tal-NFD u jissottomettuhom lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook. Kull talba tal-NFD jrid ikollha:
a. l-isem tal-bastiment
b. Is-sinjal internazzjonali tas-sejħa bir-radju (l-IRCS)
c. Id-data, il-ħin u l-pożizzjoni (LT/LG) tad-dħul fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook
d. Id-data, il-ħin u l-pożizzjoni (LT/LG) tal-ħruġ mill-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook
e. Id-data, il-ħin u l-pożizzjoni (LT/LG) tal-waqfien tal-attività tas-sajd
f. Id-data, il-ħin u l-pożizzjoni (LT/LG) tal-bidu mill-ġdid tal-attività tas-sajd
g. Raġuni speċifika għall-NFD kif deskritta fil-paragrafu 5.
5) Raġunijiet speċifiċi għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ attivitajiet tas-sajd:
a) Tranżitu: Jiġi kkwalifikat biss bħala jum mhux ta’ sajd jekk tkun intbagħtet notifika preċedenti lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook li l-bastiment se jkun qiegħed fi tranżitu, filwaqt li tiġi speċifikata d-destinazzjoni tat-tranżitu, il-punt tad-dħul u l-punt tal-ħruġ.
b) Tranżitu ta’ qabda sħiħa2: Jiġi kkwalifikat biss bħala jum mhux ta’ sajd jekk tkun intbagħtet notifika preċedenti lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook li l-bastiment waqqaf l-attivitajiet tas-sajd. Jekk l-attivitajiet tas-sajd ikunu waqfu, l-irkaptu tas-sajd kollu jrid jiġi stivat, u jenħtieġ li l-bastiment ikompli jżomm rotta dritta u veloċità stabbli lejn id-destinazzjoni tal-port. Jenħtieġ li n-notifika tal-waqfien tas-sajd tinkludi:
i) L-isem tal-bastiment
ii) Is-sinjal internazzjonali tas-sejħa bir-radju (l-IRCS)
iii) Il-pożizzjoni attwali (LT/LG)
iv) L-isem tad-destinazzjoni tal-Port.
c) Temp ħażin: Jikkwalifika biss bħala jum mhux ta’ sajd jekk il-bastiment ma jkunx kapaċi jagħmel kalata jew kwalunkwe attività tas-sajd oħra matul il-perjodu ta’ 24 siegħa. Il-kaptan tal-bastiment irid jispeċifika r-raġuni għal temp ħażin:
i) irjieħ qawwija (skala ... )
ii) ibħra qawwija
iii) relatati mal-kurrent
d) L-użu jew l-irkupru tal-FADs: Jikkwalifika biss bħala jum mhux ta’ sajd jekk ma tkun twettqet l-ebda attività tas-sajd matul il-perjodu ta’ 24 siegħa, soġġett għal verifika kontra r-rapport tal-osservatur.
e) Bunkering: Jikkwalifika biss bħala jum mhux ta’ sajd jekk ma tkun twettqet l-ebda attività tas-sajd matul il-perjodu ta’ 24 siegħa, soġġett għal verifika kontra r-rapport tal-osservatur.
f) Is-servizz ta’ manutenzjoni fuq ix-xibka: Jikkwalifika biss bħala jum mhux ta’ sajd jekk il-bastiment ikun qed jagħmel biss servizz ta’ manutenzjoni fuq ix-xibka(xbieki) matul il-perjodu ta’ 24 siegħa.
g) Kalata ta’ tindif tax-xibka (fuq prova): Jikkwalifika biss bħala jum mhux ta’ sajd jekk ma tkun twettqet l-ebda attività tas-sajd matul il-perjodu ta’ 24 siegħa, ix-xibka tkun f’linja dritta u mingħajr il-vajjina mwaħħla, soġġett għal verifika kontra r-rapport tal-osservatur.
h) Ħsarat: Jikkwalifika biss bħala jum mhux ta’ sajd jekk il-bastiment ikun ġralu l-ħsara u ma tkun twettqet l-ebda attività tas-sajd matul il-perjodu ta’ 24 siegħa, u l-ħsarat jipprevjenu lill-bastiment mis-sajd.
i) Emerġenza: Jikkwalifika biss bħala jum mhux ta’ sajd jekk ma tkun twettqet l-ebda attività tas-sajd matul il-perjodu ta’ 24 siegħa, soġġett għal verifika kontra r-rapport tal-osservatur, u l-emerġenza tinvolvi: (i) is-saħħa u s-sikurezza tal-ekwipaġġ; (ii) is-sikurezza tal-bastiment.
j) Tfittxija u Salvataġġ: Jikkwalifika biss bħala jum mhux ta’ sajd soġġett għal verifika kontra r-rapport tal-osservatur u mill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook. Jekk it-tfittxija u s-salvataġġ iwasslu lill-bastiment jirritorna lejn il-port, il-Kaptan jeħtieġ li jinforma minn qabel lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Cook, billi jispeċifika:
i) Il-pożizzjoni tal-bastiment;
ii) Id-destinazzjoni tal-port.
Il-bastiment li jkun qed ibaħħar għall-port għandu jiżgura dawn li ġejjin:
i) L-irkaptu tas-sajd kollu huwa stivat;
ii) Il-bastiment jipproċedi direttament mill-pożizzjoni tiegħu għad-destinazzjoni tal-port; u
iii) Il-bastiment iżomm rotta dritta u veloċità stabbli.
Jekk titwettaq kwalunkwe attività tas-sajd mar-ritorn tal-bastiment lejn il-port, jew jekk kwalunkwe mir-rekwiżiti ta’ hawn fuq ma jiġix rispettat, allura l-jiem kollha tal-vjaġġ tar-ritorn jiġu trattati bħala jiem ta’ sajd.
6) Ir-rapporti kollha għandhom jintbagħtu lill-awtorità kompetenti permezz tal-indirizz elettroniku li ġej:
licensing@mmr.gov.ck
.
APPENDIĊI 2
Mudelli tal-format ta’ komunikazzjoni tar-rapporti
1. Rapport tad-dħul (COE)
|
Kontenut
|
Trażmissjoni
|
|
Id-destinazzjoni tal-messaġġ
|
|
|
Il-kodiċi tal-azzjoni
|
COE
|
|
L-isem tal-bastiment
|
|
|
L-IRCS
|
|
|
Il-pożizzjoni tad-dħul
|
LT/LG
|
|
Id-data u l-ħin tad-dħul (f’UTC)
|
JJ/XX/SSSS — SS:MM
|
|
Il-kwantità ta’ ħut abbord (f’Mt) imqassam skont l-ispeċi:
|
|
|
Tonn isfar (YFT)
|
(f’tunnellati)
|
|
Tonn obeż (BET)
|
(f’tunnellati)
|
|
Palamit (SKJ)
|
(f’tunnellati)
|
|
Tip ta’ ħut ieħor (speċifika liema hu)
|
(f’tunnellati)
|
2. Rapport tal-ħruġ (COX)
|
Kontenut
|
Trażmissjoni
|
|
Id-destinazzjoni tal-messaġġ
|
|
|
Il-kodiċi tal-azzjoni
|
COX
|
|
L-isem tal-bastiment
|
|
|
L-IRCS
|
|
|
Il-pożizzjoni tal-ħruġ
|
LT/LG
|
|
Id-data u l-ħin tal-ħruġ (f’UTC)
|
JJ/XX/SSSS — SS:MM
|
|
Il-kwantità ta’ ħut abbord (f’Mt) imqassam skont l-ispeċi:
|
|
|
Tonn isfar (YFT)
|
(f’tunnellati)
|
|
Tonn obeż (BET)
|
(f’tunnellati)
|
|
Palamit (SKJ)
|
(f’tunnellati)
|
|
Tip ta’ ħut ieħor (speċifika liema hu)
|
(f’tunnellati)
|
3. Format tar-rapport tal-qabdiet (CAT) ladarba l-bastiment ikun jinsab fiż-żoni tas-sajd fl-ilmijiet tas-sajd tal-Gżejjer Cook.
|
Kontenut
|
Trażmissjoni
|
|
Id-destinazzjoni tal-messaġġ
|
|
|
Il-kodiċi tal-azzjoni
|
CAT
|
|
L-isem tal-bastiment
|
|
|
L-IRCS
|
|
|
Id-data u l-ħin tar-rapport (f’UTC)
|
JJ/XX/SSSS — SS:MM
|
|
Il-kwantità ta’ ħut abbord (f’Mt) imqassam skont l-ispeċi:
|
|
|
Tonn isfar (YFT)
|
(f’tunnellati)
|
|
Tonn obeż (BET)
|
(f’tunnellati)
|
|
Palamit (SKJ)
|
(f’tunnellati)
|
|
Tip ta’ ħut ieħor (speċifika liema hu)
|
(f’tunnellati)
|
|
Għadd ta’ kalati li ntefgħu mill-aħħar rapport
|
|
Ir-rapporti kollha għandhom jintbagħtu lill-awtorità kompetenti permezz tal-indirizz elettroniku li ġej:
licensing@mmr.gov.ck
ANNESS II
PROĊEDURA BIEX JIĠU APPROVATI L-EMENDI TAL-PROTOKOLL LI L-KUMITAT KONĠUNT GĦANDU JADOTTA
Meta l-Kumitat Konġunt jintalab jadotta emendi għall-Protokoll skont l-Artikolu 6(3) tal-Ftehim ta’ Sħubija, u skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tapprova l-modifiki proposti f’isem l-Unjoni bil-kundizzjonijiet li ġejjin.
1)
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-approvazzjoni li ssir f’isem l-Unjoni:
(a)
tkun konformi mal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd;
(b)
tkun konsistenti mar-regoli rilevanti adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd u tkun tqis il-ġestjoni konġunta min-naħa tal-Istati kostali;
(c)
tkun tqis l-aħħar informazzjoni statistika, bijoloġika u ta’ tip ieħor rilevanti mibgħuta lill-Kummissjoni.
2)
Qabel ma tapprova l-emendi proposti f’isem l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tressaqhom lill-Kunsill biżżejjed żmien qabel il-laqgħa rilevanti tal-Kumitat Konġunt.
3)
Il-Kunsill għandu jevalwa l-konformità tal-emendi proposti mal-kriterji ddefiniti fil-punt 1 ta’ dan l-Anness.
4)
Il-Kummissjoni għandha tapprova l-emendi proposti f’isem l-Unjoni, dment li għadd ta’ Stati Membri li jkun daqs minoranza li timblokka lill-Kunsill, f’konformità mal-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ma joġġezzjonawx għalihom. F’każ li jkun hemm it-tali minoranza li timblokka, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta l-emendi proposti f’isem l-UE.
5)
Jekk, matul laqgħat ulterjuri tal-Kumitat Konġunt, inkluż fuq il-post, ikun impossibbli li jintlaħaq ftehim, il-kwistjoni għandha terġa’ titressaq lill-Kunsill, f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-punti 2 sa 4, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tkun tista’ tqis l-elementi ġodda.
6)
Il-Kummissjoni mistiedna biex, fi żmien debitu, tieħu kull pass meħtieġ bħala segwitu għad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, inkluż, fejn xieraq, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni rilevanti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe proposta xierqa għall-implimentazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.
Fir-rigward ta’ kwistjonijiet oħrajn li ma jirrigwardawx emendi tal-Protokoll f’konformità mal-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Sħubija, il-pożizzjoni li l-Unjoni għandha tieħu fil-Kumitat Konġunt għandha tiġi stabbilita f’konformità mat-Trattati u skont il-prattiki ta’ ħidma stabbiliti.