IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.8.2021
COM(2021) 469 final
2021/0263(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet
(Orizzont Ewropa)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE b’rabta mal-adozzjoni prevista tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt dwar emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra l-erba’ libertajiet
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim ŻEE
Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) jiggarantixxi drittijiet u obbligi ugwali fis-Suq Intern għaċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi fiż-ŻEE. Jipprevedi l-inklużjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li tkopri l-erba’ libertajiet fit-30 Stat taż-ŻEE li jinkludu l-Istati Membri tal-UE, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein. Barra minn hekk, il-Ftehim ŻEE jkopri l-kooperazzjoni f’oqsma importanti oħra bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni, il-politika soċjali, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, it-turiżmu u l-kultura, li kollettivament huma magħrufa bħala politiki “ta’ appoġġ u orizzontali”. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994. L-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Istati Membri tagħha, hija parti għall-Ftehim.
2.2.Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa responsabbli mill-ġestjoni tal-Ftehim ŻEE. Huwa forum għall-iskambju ta’ fehmiet marbuta mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE. Id-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu b’ kunsens. F’konformità mat-Trattat ta’ Lisbona, ir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni tal-kwistjonijiet taż-ŻEE fuq in-naħa tal-UE hija tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.
2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mistenni jadotta d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (“l-att previst”) rigward l-emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet.
L-għan tal-att previst huwa li jestendi l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE biex jinkludi l-parteċipazzjoni tal-Istati taż-ŻEE-EFTA fil-programm Orizzont Ewropa. Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni tiegħu u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 u r-Regolament (UE) 2021/819 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (riformulazzjoni) għandhom jiġu inkorporati fil-Ftehim ŻEE.
Peress li l-Liechtenstein ma esprimiex l-interess tiegħu li jipparteċipa f’Orizzont Ewropa, l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jikkonċerna biss lin-Norveġja u lill-Iżlanda.
Skont il-politika baġitarja tal-UE, kull parteċipazzjoni f’attività tal-UE tista’ sseħħ biss wara li jitħallsu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji korrispondenti. Madankollu, il-ħlas jista’ jsir ladarba sseħħ l-adozzjoni ta’ dan l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill u wara l-preżentazzjoni tas-sejħa għal fondi tal-UE, stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati tal-EFTA u taż-ŻEE.
Għalhekk, biex jimtela l-vojt fiż-żmien bejn l-1 ta’ Jannar 2021 u r-riċeviment tal-ħlas rispettiv, l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt se jkun applikabbli b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2021. Ir-retroattività ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi tal-persuni kkonċernati u tirrispetta l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.
L-att previst se jsir vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.
3.Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-Kummissjoni tippreżenta l-Abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tittama li tkun fil-qagħda li tippreżentah fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE kemm jista’ jkun malajr.
Il-kontenut u n-natura tal-abbozz tad-Deċiżjoni annessa tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jmorru lil hinn minn dawk li jistgħu jitqiesu bħala sempliċi adattamenti tekniċi fis-sens tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94. Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede kkonċernata. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa korp imwaqqaf bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim ŻEE. L-att li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.
L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE b’rabta mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li dwarhom trid tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew minn dawk il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun biss wieħed inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
Fir-rigward ta’ att previst li simultanjament isegwi għadd ta’ objettivi, jew li għandu diversi komponenti, li huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi ġuridika sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE jkollha tinkludi, eċċezzjonalment, id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta għandha tikkorrispondi mal-bażi ġuridika sostantiva tal-att legali li tinkorpora fil-Ftehim ŻEE.
Il-“programm Orizzont Ewropa” huwa bbażat fuq it-Titoli tat-TFUE “Industrija” u “Riċerka u żvilupp teknoloġiku u spazju” (Artikoli 173, 182, 183 u 188).
Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hi magħmula mid-dispożizzjonijiet li ġejjin: l-Artikolu 173(3), l-Artikolu 182(1), l-Artikolu 183 t-tieni paragrafu tal-Artikolu 188 TFUE.
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 173(3), l-Artikolu 182(1), l-Artikolu 183 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 188 TFUE, b’rabta mal-Artikolu 218(9) TFUE u l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.
5.Implikazzjonijiet baġitarji
In-Norveġja u l-Iżlanda għandhom jikkontribwixxu finanzjarjament għall-Baġit tal-Unjoni. L-ammont eżatt jiġi determinat f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, ladarba dan l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill jiġi adottat.
6.Pubblikazzjoni tal-att previst
Billi l-att tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE se jemenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra l-erba’ libertajiet, huwa xieraq li jkun ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.
2021/0263 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet
(Orizzont Ewropa)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 173(3), l-Artikolu 182(1), l-Artikolu 183 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 188, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.
(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, li fih dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet.
(3)Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.
(4)Ir-Regolament (UE) 2021/819 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.
(5)Għaldaqstant, il-Protokoll 31 (dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet) tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.
(6)Għaldaqstant, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE ippreżentat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Protokoll 31 (dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet) tal-Ftehim ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President