IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 5.7.2021
COM(2021) 354 final
2021/0175(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet
(Linja baġitarja 07 20 03 01 — Sigurtà Soċjali)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE b’rabta mal-adozzjoni prevista tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt dwar emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar kooperazzjoni f’qosma speċifiċi barra l-erba’ libertajiet.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim dwar iż-ŻEE
Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”) jiggarantixxi drittijiet u obbligi ugwali fis-Suq Intern għaċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi fiż-ŻEE. Jipprevedi l-inklużjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li tkopri l-erba’ libertajiet fit-30 Stat taż-ŻEE li jinkludu l-Istati Membri tal-UE, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein. Barra minn hekk, il-Ftehim dwar iż-ŻEE jkopri l-kooperazzjoni f’oqsma importanti oħra bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni, il-politika soċjali, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, it-turiżmu u l-kultura, li kollettivament huma magħrufa bħala politiki “ta’ appoġġ u orizzontali”. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994. L-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Istati Membri tagħha, hija parti għall-Ftehim.
2.2.Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa responsabbli għall-ġestjoni tal-Ftehim dwar iż-ŻEE. Huwa forum għall-iskambju ta’ fehmiet marbuta mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE. Id-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu permezz ta’ kunsens. F’konformità mat-Trattat ta’ Lisbona, ir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni tal-kwistjonijiet taż-ŻEE fuq in-naħa tal-UE hija tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.
2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mistenni jadotta d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (“l-att previst”) rigward l-emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet.
L-għan tal-att previst huwa li jiżgura l-kontinwazzjoni tal-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim dwar iż-ŻEE fl-azzjonijiet tal-Unjoni ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema, il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali u l-miżuri għall-migranti, inklużi migranti minn pajjiżi terzi (Linja Baġitarja 07 20 03 01), imdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021.
L-att previst se jsir vinkolanti għall-Partijiet f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim dwar iz-ŻEE.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-Kummissjoni tippreżenta l-Abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tittama li tkun fil-qagħda li tippreżentah fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE kemm jista’ jkun malajr.
Il-kontenut u n-natura tal-abbozz tad-Deċiżjoni annessa tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jmorru lil hinn minn dawk li jistgħu jitqiesu bħala sempliċi adattamenti tekniċi fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94. Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.
Skont il-politika baġitarja tal-UE, kull parteċipazzjoni f’attività tal-UE tista’ ssir biss wara li jitħallsu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji korrispondenti. Il-ħlas jista’ madankollu jsir ladarba dan l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill jiġi adottat u wara li s-sejħa għal fondi tal-UE stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea tkun ippreżentata lill-Istati tal-EFTA u taż-ŻEE.
Għalhekk, biex jimtela l-vojt fiż-żmien bejn l-1 ta’ Jannar 2021 u r-riċeviment tal-ħlas rispettiv, l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt se jkun applikabbli b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2021. Ir-retroattività ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi tal-persuni kkonċernati u tirrispetta l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita bi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp ikkonċernat. Jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-UE”.
4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa korp imwaqqaf bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim dwar iż-ŻEE. L-att, li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mitlub jadotta, jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.
L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE b’rabta mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tiġi adottata pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ miri jew żewġ komponenti, u jekk waħda minn dawn il-miri jew wieħed minn dawn il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-mira jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
Fir-rigward ta’ att previst li simultanjament isegwi għadd ta’ objettivi, jew li għandu diversi komponenti, li huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi ġuridika sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE jkollha tinkludi, eċċezzjonalment, id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti.
4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-att previst għandu objettivi u komponenti fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema u l-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali. Il-bażi ġuridika sostantiva għandha għalhekk tkun l-Artikoli 46 u 48 TFUE.
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikoli 46 u 48 TFUE, b’rabta mal-Artikolu 218(9) TFUE u l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.
5.Implikazzjonijiet baġitarji
L-Istati taż-ŻEE u tal-EFTA għandhom jikkontribwixxu finanzjarjament għal-Linja Baġitarja 07 20 03 01: “Moviment liberu tal-ħaddiema, koordinazzjoni ta’ skemi tas-sigurtà soċjali u miżuri għall-migranti inkluż migranti minn pajjiżi terzi”. L-ammont eżatt għandu jiġi ddeterminat ladarba tiġi adottata din id-deċiżjoni tal-Kunsill, fuq il-bażi tal-modalitajiet previsti fil-Protokoll 32 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.
6.Pubblikazzjoni tal-att previst
Billi l-att tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE se jemenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra l-erba’ libertajiet, huwa xieraq li jkun ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.
2021/0175 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet
(Linja baġitarja 07 20 03 01 — Sigurtà Soċjali)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 46 u 48, flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.
(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista' jiddeċiedi li jemenda, inter alia, il-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.
(3)Il-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE fih dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet.
(4)Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim dwar iż-ŻEE titkompla u tinkludi l-kooperazzjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-miżuri għall-migranti, inklużi l-migranti minn pajjiżi terzi.
(5)Il-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat biex jippermetti li din il-kooperazzjoni estiża tkompli mill-1 ta' Jannar 2021.
(6)Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta fil-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President