IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.4.2021
COM(2021) 196 final
2018/0202(COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013.
2018/0202 (COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013.
1.Kuntest
Data li fiha ntbagħtet il-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (id-dokument COM(2018) 380 final – 2018/0202/(COD))
|
30 ta’ Mejju 2018
|
Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
|
12 ta’ Diċembru 2018
|
Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari
|
16 ta’ Jannar 2019
|
Data tal-ftehim tal-Kunsill dwar l-Approċċ ġenerali parzjali
Data tat-trilogi
Data tal-ftehim politiku fil-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti
Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari
|
15 ta’ Marzu 2019
4 ta’ Frar 2020
15 ta’ Ottubru 2020
27 ta’ Ottubru 2020
16 ta’ Diċembru 2020
20 ta’ Jannar 2021
19 ta’ April 2021
|
|
|
|
|
2.Objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni
Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) huwa strument speċjali li hu barra u jmur lil hinn mil-limiti massimi tal-qafas finanzjarju pluriennali, li se jkompli jippermetti lill-Unjoni tirreaġixxi f’ċirkostanzi mhux previsti. Il-FEG huwa espressjoni konkreta tas-solidarjetà tal-UE mal-ħaddiema Ewropej li tilfu l-impjieg tagħhom, bħala riżultat ta’ avveniment ta’ ristrutturar sinifikanti. L-għajnuna hija offruta lill-ħaddiema ssensjati fil-forma ta’ pakkett ta’ miżuri personalizzati, li għandhom l-għan li jintegrawhom f’impjieg sostenibbli mill-aktar fis possibbli. L-għan primarju tal-proposta huwa li jiġi żgurat li l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ikompli jopera wara l-31 ta’ Diċembru 2020.
In-novitajiet ewlenin proposti mill-Kummissjoni sabiex il-fond isir aktar effettiv u reattiv kienu:
–Kamp ta’ applikazzjoni usa’ — sabiex jippermetti l-fond biex jirreaġixxi b’mod aktar flessibbli għall-iżviluppi ekonomiċi bħall-awtomatizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, jew it-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx tal-emissjonijiet tal-karbonju, il-kamp ta’ applikazzjoni twessa’; għaldaqstant, minkejja li mhux il-kawża tal-avveniment ta’ ristrutturar, jenħtieġ li l-impatt mistenni tiegħu jiskatta l-mobilizzazzjoni tal-fond;
–Limitu aktar baxx — 250 minflok 500 sensja huma meħtieġa biex tiġi sottomessa applikazzjoni;
–Data ta’ monitoraġġ aktar dettaljata — speċjalment dwar il-kategorija tal-ħaddiema (sfond professjonali jew edukattiv), l-istatus tal-impjieg tagħhom u t-tip ta’ impjieg misjub; ġbir ta’ data kwalitattiv permezz ta’ stħarriġ tal-benefiċjarji;
–Disseminazzjoni tal-ħiliet diġitali — inkluża bħala parti obbligatorja tal-pakkett ta’ miżuri offruti lill-ħaddiema ssensjati;
–Proċedura ta’ mobilizzazzjoni simplifikata u aktar rapida — att wieħed biss (talba tat-trasferiment baġitarju) ikun neċessarju. Proposta tal-Kummissjoni dwar il-mobilizzazzjoni ma tkunx aktar meħtieġa, peress li l-applikazzjonijiet ikunu bbażati fuq l-għadd ta’ sensji f’perjodu referenzjarju ddefinit bħala l-uniku kriterju ta’ intervent;
–Rata ta’ kofinanzjament allinjata mal-ogħla rata ta’ kofinanzjament tal-FSE+ tal-Istat Membru kkonċernat — sabiex tiġi evitata l-kompetizzjoni bejn il-fondi.
3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill
Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq fit-trilogi. Fost l-iktar bidliet importanti li ġew introdotti meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni hemm:
–Isem il-Fond: l-isem jinbidel għal “Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG)”. L-abbrevjazzjoni attwali FEG se tinżamm;
–Kriterji ta’ intervent: tnaqqis akbar tal-limitu għal 200 sensja, filwaqt li jinżammu l-perjodi referenzjarji kif hemm fil-proposta tal-Kummissjoni;
–Rata ta’ kofinanzjament: minbarra l-allinjament mal-ogħla rata ta’ kofinanzjament tal-FSE+ fl-Istat Membru rispettiv, hija introdotta rata ta’ kofinanzjament minima ta’ 60 %;
–Proċedura ta’ mobilizzazzjoni: filwaqt li l-proposta tal-Kummissjoni pprovdiet proċedura ta’ mobilizzazzjoni simplifikata u aktar rapida, waqt in-negozjati orizzontali tal-QFP, il-koleġiżlaturi qablu li jżommu l-proċedura ta’ mobilizzazzjoni attwali. Ir-Regolament tal-FEG ġie adattat skont dan;
–Qafas tal-ġestjoni tal-prestazzjoni: l-indikatur tar-riżultat fuq terminu twil, previst għal 18-il xahar wara t-tmiem tal-implimentazzjoni tal-każ jitħassar. Barra minn hekk, ir-responsabilità li jiġu analizzati r-riżultati tal-istħarriġ tal-benefiċjarji tiġi trasferita mill-Istat Membru rispettiv għall-Kummissjoni. Is-setgħa tal-Kummissjoni biex tbiddel l-indikatur stabbilit mill-att delegat titħassar;
–Tul tar-Regolament tal-FEG: il-Kummissjoni pproponiet tul bla limitu għall-FEG f’konformità ma’ strumenti speċjali oħra li huma barra u jmorru lil hinn mil-limiti tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP). Il-pożizzjoni tal-Kunsill tintroduċi limitu ta’ żmien għall-perjodu tal-QFP (2021-2027);
–Ġbir u pproċessar tad-data dwar il-benefiċjarji: Il-Ftehim Interistituzzjonali dwar dixxiplina baġitarja tas-16 ta’ Diċembru 2020 ikopri l-obbligi għall-Istati Membri biex jiġbru d-data b’mod interoperabbli biex jippermettu l-identifikazzjoni ta’ irregolaritajiet u ta’ frodi, u jeħtieġ ukoll lill-Kummissjoni biex tiżviluppa u tagħmel disponibbli għall-Istati Membri, għodda unika għall-estrazzjoni tad-data għall-użu tagħhom. Skont il-pożizzjoni tal-Kunsill, l-użu tal-għodda unika għall-estrazzjoni tad-data hija sempliċiment imħeġġa u dan jippermetti lill-Istati Membri jiżviluppaw l-għodod tagħhom stess. Peress li dan jitbiegħed mill-Ftehim Interistituzzjonali dwar dixxiplina baġitarja, il-Kummissjoni ħarġet id-dikjarazzjoni kif ippreżentata fl-Anness.
Il-Kummissjoni tilqa’ li l-ftehim li ntlaħaq jippreserva b’mod ġenerali l-objettivi kumplessivi tal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni. Fir-rigward tal-ġbir u tal-ipproċessar tad-data dwar il-benefiċjarji, ħarġet id-dikjarazzjoni kif ippreżentata fl-Anness.
4.Konklużjoni
Il-Kummissjoni taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill. Fir-rigward tal-formulazzjoni dwar l-użu tal-għodda unika għall-estrazzjoni tad-data, il-Kummissjoni tqis li l-eżitu jonqos milli jħares il-Ftehim Interistituzzjonali u ħarġet dikjarazzjoni f’dan ir-rigward. Id-dikjarazzjoni hija annessa.