EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021DC0350

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa

COM/2021/350 final

Brussell, 5.5.2021

COM(2021) 350 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020:
Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa

{SWD(2021) 351 final} - {SWD(2021) 352 final} - {SWD(2021) 353 final}


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020:
Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa

1.Il-ħtieġa ta’ aġġornament: Sfidi emerġenti, prijoritajiet dejjiema

Fl-10 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa ”. 1    Din tistabbilixxi pjan dwar kif l-industrija pijuniera tal-UE tista’ tmexxi t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali doppji, abbażi tas-saħħa tat-tradizzjonijiet tagħha, tan-negozji tagħha u tal-poplu tagħha biex ittejjeb il-kompetittività tagħha. Xprunat approċċ ta’ politika ġdid biex dan ikun jista’ jitwettaq, b’enfasi fuq tlaqqigħ aħjar tal-ħtiġijiet u appoġġ lill-atturi kollha f’kull katina tal-valur, jew ekosistema industrijali 2 . Biex tappoġġa dan, din saħqet fuq il-prinċipji fundamentali tal-industrija – l-innovazzjoni, il-kompetizzjoni u suq uniku b’saħħtu u li jiffunzjona tajjeb – u saħħet il-kompetittività dinjija tagħna bi swieq miftuħa u kundizzjonijiet ekwi.

L-għada li ġiet ippreżentata l-istrateġija industrijali l-ġdida, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ħabbret il-COVID-19 bħala pandemija. Il-lockdowns u t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li kkawżat ħallew effett fuq il-komunitajiet u l-ekonomiji tal-UE, u fuq l-industriji u l-kumpaniji tagħha. Il-Kummissjoni u bosta oħrajn ħadu azzjoni malajr biex jindirizzaw l-impatti fuq in-negozji tal-Ewropa u jiżguraw il-fluss liberu tal-oġġetti u l-moviment tal-ħaddiema u tas-servizzi, l-aktar permezz tal-Korsiji Ħodor. Il-miżuri ta’ emerġenza dwar ir-regoli fiskali, l-għajnuna mill-Istat u x-xogħol b’ħinijiet iqsar 3 għenu biex jappoġġaw lill-aktar setturi u ħaddiema milquta u taffew l-impatt għall-kumpaniji, inkluż l-SMEs. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali baqa’ l-boxxla tal-UE u tal-Istati Membri tagħha biex itaffu l-impatti soċjali.

Tul dan il-perjodu, rajna r-reżiljenza, l-inġenwità u l-adattabbiltà tal-industrija tal-UE iżda ġejna esposti wkoll għal vulnerabbiltajiet ġodda u għal dipendenzi u inugwaljanzi aktar antiki, kif ukoll għal inugwaljanzi soċjoekonomiċi u territorjali li jeħtieġ jiġu indirizzati. Il-kriżi ħarġet fid-dieher l-interdipendenza tal-ktajjen tal-valur dinjin u tal-valur ta’ Suq Uniku integrat madwar id-dinja. Uriet ukoll il-ħtieġa li jitħaffef aktar il-pass tat-tranżizzjoni lejn mudell ekonomiku u industrijali aktar nadif, aktar diġitali u aktar reżiljenti, biex tibqa’ u tissaħħaħ l-ispinta tal-Ewropa lejn kompetittività sostenibbli. Din hija r-raġuni għalfejn il-President von der Leyen, fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea, ħabbret aġġornament tal-istrateġija industrijali tal-UE: biex nitgħallmu mill-kriżi, insaħħu r-reżiljenza ekonomika tagħna u nħaffu t-tranżizzjoni doppja, filwaqt li nħarsu u noħolqu l-impjiegi.

Il-punt tat-tluq għal dan l-aġġornament hu li jingħaraf l-impatt reali tas-sena l-oħra fuq l-ekonomija u l-industrija tal-Ewropa. L-ewwel analiżi u valutazzjoni tal-ħtiġijiet firxu l-pedamenti għall-pjan tal-irkupru tal-Ewropa, NextGenerationEU 4 , li – flimkien mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 – se jagħti appoġġ finanzjarju bla preċedent liċ-ċittadini u lill-kumpaniji tal-UE. Tħares minn fejn tħares, il-konklużjonijiet kienu ċari: kontrazzjoni ta’ 6,3 % fl-ekonomija tal-UE fl-2020, telf kbir fil-fatturat u tnaqqis fl-impjiegi u fl-investiment.

Sena wara, b’kawtela, jidhru xi sinjali ta’ titjib 5 u l-ekonomija tal-UE mistennija tikber ġmielha fl-2021 u fl-2022. Tjiebu wkoll il-prospetti għal irkupru malajr fil-kummerċ dinji, u għalhekk l-isfruttament sħiħ ta’ dawn l-opportunitajiet kummerċjali se jikkontribwixxi parzjalment għall-irkupru tal-kumpaniji madwar l-Ewropa. Madankollu, it-tnaqqis kontinwu fil-pjanijiet tal-investiment privat fuq perjodu qasir, u l-għadd dejjem akbar ta’ kumpaniji b’saħħithom li qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet sinifikanti ta’ likwidità jurina li l-irkupru se jieħu fit-tul u jeħtieġ appoġġ kontinwu.

Biex dak l-appoġġ jitfassal bl-aħjar mod, il-Kummissjoni qed tibni fuq l-approċċ flessibbli bbażat fuq l-ekosistema deskritt fl-istrateġija tal-industrija tas-sena l-oħra. Bħala parti mill-ewwel Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku 6 , f’dan l-istadju ġew identifikati 14-il ekosistema industrijali u ġew analizzati l-ħtiġijiet u l-isfidi differenti tagħhom. Dan juri li l-impatt tal-kriżi – u l-prospetti għal irkupru u kompetittività mġedda – ivarjaw ġmielhom. Filwaqt li t-turiżmu ntlaqat l-aktar, u t-tessuti, il-mobbiltà u l-kumpaniji kulturali u kreattivi qed jiffaċċjaw irkupru aktar kwiet u aktar inugwali, l-ekosistema diġitali żiedet il-fatturat tagħha waqt il-kriżi. Anki n-negozji ż-żgħar qed jibqgħu jkunu aktar vulnerabbli, b’madwar 60 % jirrappurtaw tnaqqis fil-fatturat fit-tieni nofs tal-2020 7 .

In-nisa, iż-żgħażagħ u l-ħaddiema bl-inqas pagi ntlaqtu b’mod partikolari mill-kriżi, parzjalment għax dawn jirrappreżentaw maġġoranza kbira ta’ impjegati fl-aktar setturi affettwati. Il-Kummissjoni qed tagħti attenzjoni partikolari lid-drittijiet u l-opportunitajiet indaqs għal irkupru inklużiv fis-setturi kollha. L-Ewropej huma fost l-assi ewlenin tagħha, u filwaqt li tindirizza d-diskrepanzi fil-ħiliet u l-inugwaljanzi, l-UE jenħtieġ tibni fuq il-qawwiet kollha tal-ħaddiema u tal-intraprendituri b’talent, b’edukazzjoni għolja u inventivi bħala forza għall-innovazzjoni u l-kompetittività.

Din l-analiżi u l-esperjenza tagħna waqt il-kriżi juru li l-prinċipji, il-prijoritajiet u l-azzjonijiet fl-istrateġija industrijali tal-Ewropa għadhom validi. Il-ħtieġa li tissaħħaħ l-awtonomija strateġika miftuħa tal-Ewropa u l-approċċ il-ġdid ta’ sħubija mal-industrija u ma’ sħab internazzjonali simili saru ferm aktar akuti minn sena ilu. Irridu nibqgħu ffokati fuq l-elementi fundamentali deskritti sena ilu u nħaffu l-implimentazzjoni biex l-industrija tkun tista’ taċċellera u tmexxi t-tranżizzjonijiet.

Indikatur ta’ Kunfidenza skont l-Ekosistema

Sors: Analiżi tal-Kummissjoni Ewropea bbażata fuq il-Programm Konġunt Armonizzat tal-UE tal-Istħarriġ dwar in-Negozji u l-Konsumaturi.

Nota: Għall-“bejgħ bl-imnut”, “is-settur agroalimentari”, “il-prossimità u l-ekonomija soċjali”, “l-enerġija rinnovabbli”, u “s-saħħa”, irrappreżentati b’linji bit-tikek, il-kopertura tad-data hi limitata, u għalhekk id-data trid tiġi interpretata b’kawtela.

Grafika 1: Indikatur ta’ Kunfidenza skont l-Ekosistema

Dan l-aġġornament la jissostitwixxi l-Istrateġija Industrijali tal-2020 u lanqas ma jlesti l-proċessi mnedija minnha – ħafna minn dak ix-xogħol għadu għaddej u jeħtieġ sforzi ddedikati. Dan hu aġġornament immirat, li jiffoka fuq dak li jeħtieġ isir aktar u fuq it-tagħlimiet li jeħtieġ jinsiltu. Jistħarreġ fejn is-Suq Uniku tagħna ġie ttestjat u ġġebbed u jipproponi miżuri li jsaħħu r-reżiljenza u l-funzjonament tiegħu. Jippreżenta valutazzjoni mfassla apposta tal-ħtiġijiet ta’ kull ekosistema industrijali u kif l-atturi kollha tas-suq jistgħu jaħdmu flimkien bl-aħjar mod. U jidentifika sett ta’ dipendenzi u kapaċitajiet strateġiċi u jipproponi miżuri li jindirizzawhom u jnaqqsuhom. B’hekk, dan l-aġġornament iwieġeb is-sejħiet tal-Kunsill Ewropew 8 , tal-Parlament Ewropew 9 , tal-Istati Membri 10 u ta’ partijiet ikkonċernati oħra għal analiżi tal-impatt tal-kriżi fuq il-politiki tagħna u għal soluzzjonijiet fejn meħtieġ.

Tliet Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal huma mehmuża mal-Komunikazzjoni. Dawn jirriflettu ċerti riżultati bikrija tal-Istrateġija Industrijali tal-2020 u joffru l-bażi analitika biex jiġu indirizzati talbiet bħal dawn:

·L-ewwel edizzjoni tar-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku 11 tistabbilixxi l-impatt tal-kriżi fuq is-Suq Uniku, u tirrapporta dwar il-progress li sar b’rabta mal-ostakli u mal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet identifikati fil-Pakkett Industrijali tal-2020; tinkludi analiżi ta’ kull waħda mill-14-il ekosistema industrijali; u tippreżenta sett ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni;

·Analiżi inizjali tad-dipendenzi 12  u l-kapaċitajiet strateġiċi tal-UE, b’rieżami fil-fond ta’ bosta oqsma strateġiċi teknoloġiċi u industrijali;

·Saret analiżi illustrattiva ta’ settur industrijali ewlieni wieħed li ffokat fuq l-isfidi u l-opportunitajiet għall-industrija u s-sett ta’ għodod ta’ politika tal-UE disponibbli Lejn azzar Ewropew kompetittiv u nadif b’appoġġ għat-tranżizzjoni doppja.

2.Nisiltu t-tagħlimiet u nħaffu t-tranżizzjonijiet

L-Ewropa għandha ħafna fuq xiex tibni u x’titgħallem miż-żmien ta’ test li qed nesperjenzaw. Tul l-aħħar sena, rajna r-reżiljenza tas-Suq Uniku tagħna u l-aqwa tal-industrija. Abbażi tal-akkomunament tal-eċċellenza fix-xjenzi tal-ħajja, din kienet fuq quddiem nett fl-iżvilupp u fil-produzzjoni dinjin tal-vaċċin kontra l-COVID-19, l-aktar bl-Istrateġija tal-UE għall-Vaċċini u l-appoġġ tal-UE biex tiżdied il-kapaċità industrijali. Rajna kumpaniji jaqilbu l-produzzjoni biex ikunu jistgħu jissodisfaw ħtiġijiet urġenti, fosthom it-tagħmir protettiv personali, is-sanitizzaturi tal-idejn u l-produzzjoni tal-vaċċini. Kumpaniji oħrajn qalbu għall-kummerċ elettroniku mil-lejl għan-nhar jew użaw għodod diġitali biex isibu fornituri jew ktajjen tal-provvista ġodda. Minkejja tnaqqis sinifikanti fid-domanda għall-enerġija u l-impatti fuq l-operaturi kritiċi tal-enerġija, is-suq intern tal-enerġija aġġusta sew, mingħajr interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija 13 .

Madankollu, dan ma kienx fattibbli għal kulħadd. Il-lockdown ġiegħlet lil ħafna negozji jieqfu, għalqet il-fruntieri, waqqfet ktajjen tal-provvista, fixklet id-domanda, u bosta ħaddiema u fornituri tas-servizzi ħabbtu wiċċhom ma’ restrizzjonijiet fil-moviment liberu fl-Ewropa. Meta t-trakkijiet waqfu fil-fruntieri interni, dan uriena kemm huma integrati l-manifattura u l-ekonomija fl-Ewropa llum il-ġurnata. L-imblokki fil-fluss liberu tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-persuni affettwaw mill-qiegħ il-ktajjen tal-valur u l-attività ekonomika, dgħajfu s-solidarjetà Ewropea u xekklu rispons koordinat għall-kriżi. Il-provvisti weħlu fil-fruntieri, il-prezzijiet tal-merkanzija bl-ajru għolew għax bosta ajruplani ma tarux u l-iżbilanċi fil-flussi tal-kummerċ wasslu għal skarsezzi tal-kontejners bil-baħar.

Diġà nistgħu nisiltu xi tagħlimiet importanti:

Qabelxejn, il-kriżi enfasizzat il-ħtieġa essenzjali li jitħalla l-moviment liberu tal-persuni, tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-kapital fis-Suq Uniku u l-ħtieġa li niġbdu ħabel wieħed biex tissaħħaħ ir-reżistenza tiegħu kontra l-interruzzjonijiet. Il-kontrolli u l-għeluq tal-fruntieri, u r-restrizzjonijiet nazzjonali jew reġjonali mhux ikkoordinati, u l-miżuri ta’ konteniment li llimitaw il-moviment liberu tal-persuni, ħafna drabi soġġetti għal aġġustamenti frekwenti, komplew jaggravaw l-inċertezza u l-kostijiet tal-konformità, u dan wassal għal dewmien serju u interruzzjonijiet kbar fil-ktajjen tal-provvista f’ħafna ekosistemi industrijali. Il-korsiji ħodor u miżuri ad hoc 14 oħra tal-UE taffew b’mod sinifikanti l-impatt potenzjalment dannuż ta’ miżuri nazzjonali unilaterali u mhux ikkoordinati fis-Suq Uniku kollu. Anki l-moviment liberu tas-servizzi ġie affettwat bil-qawwa, inkluż bl-għeluq temporanju sfurzat ta’ negozji mhux essenzjali, b’restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, u b’nuqqas ta’ ċarezza fejn jidħlu r-regoli applikabbli dwar il-moviment bejn il-fruntieri. Dan min-naħa tiegħu ħoloq diffikultajiet għall-ħaddiema transfruntieri u skarsezzi ta’ ħaddiema tal-ħsad, biex insemmu xi wħud. Is-Suq Uniku fl-Ewropa jiddependi fuq forza tax-xogħol mobbli u disponibbli ħafna.

It-tieni, dawn is-sitwazzjonijiet wasslu għal għarfien usa’ tal-ħtieġa li jiġu analizzati u indirizzati d-dipendenzi strateġiċi, kemm teknoloġiċi kif ukoll industrijali. L-UE u s-sħab kummerċjali tagħha jiksbu reżiljenza jekk is-swieq dinjin ikunu miftuħa u integrati fil-ktajjen tal-valur dinjin, u dan jgħinhom jassorbu x-xokkijiet u jixprunaw l-irkupru 15 . Il-pandemija tal-COVID-19 urietna li t-tfixkil fil-ktajjen tal-valur dinjin jista’ jaffettwa prodotti u inputs essenzjali speċifiċi, bħall-provvisti mediċi, li huma partikolarment kritiċi għas-soċjetà u għall-ekonomija tal-UE. Waħda mit-tagħlimiet ewlenin tal-kriżi hi li jeħtieġ jinftiehmu aħjar id-dipendenzi strateġiċi attwali u futuri possibbli tal-Ewropa. Fuq dawn jissejjes l-iżvilupp ta’ miżuri ta’ politika bbażati fuq il-fatti, proporzjonati u mmirati biex jindirizzaw dipendenzi strateġiċi filwaqt li jissalvagwardjaw l-ekonomija tal-UE miftuħa, kompetittiva u bbażata fuq il-kummerċ. L-UE se tibqa’ turi l-preferenza tagħha għal kooperazzjoni u djalogu internazzjonali, iżda anki r-rieda tagħha li tiġġieled kontra prattiki inġusti u sussidji barranin li jdgħajfu l-kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku.

Finalment, din is-sena mingħajr preċedent uriet li l-argument kummerċjali għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali hu aktar b’saħħtu minn qatt qabel. Fi żmien medju, l-attività kummerċjali kollha se jkollha ssir sostenibbli, u l-COVID-19 se jħalli effett fuq ħafna xejriet tradizzjonali u jheżżeż id-drawwiet antiki, u għalhekk se jħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika. L-isforzi li jiżguraw aċċess sigur u biżżejjed għal enerġija nadifa pprezzata b’mod kompetittiv madwar is-suq uniku se jkunu ċentri biex ikun żgurat li l-UE tisfrutta l-qawwiet industrijali tagħha filwaqt li twettaq din it-tranżizzjoni. Forza tax-xogħol b’ħiliet hi essenzjali biex ikun żgurat li jirnexxu t-tranżizzjonijiet, li jappoġġaw il-kompetittività tal-industrija Ewropea u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità. Id-diġitalizzazzjoni ħadet rwol strateġiku biex jissoktaw l-attivitajiet ekonomiċi u biddlet ferm u tassew il-mod kif jitmexxa n-negozju. L-ekonomiji, il-kumpaniji u l-impjegati tagħhom jissograw li jinqatgħu lura hekk kif it-tranżizzjoni taċċellera. Il-mudelli u t-teknoloġiji tan-negozju diġitali u ekoloġiċi taw vantaġġ lill-kumpaniji li diġà sfruttaw din it-tranżizzjoni meta mqabbla ma’ dawk li ma sfruttawhiex, u l-kumpaniji li jixprunaw il-bidla se jibqgħu jgawdu l-vantaġġ kruċjali ta’ min jibda l-ewwel. Iż-żieda fil-livelli tal-għarfien fost il-konsumaturi dwar din it-tranżizzjoni u ż-żieda fid-domanda għaliha huma wkoll opportunità li jeħtieġ tiġi ingranata.

Lesti ħafna għall-bidla. L-għan tagħna hu sostenibbiltà kompetittiva msejsa fuq teknoloġiji u servizzi ġodda, ħafna drabi diġitali. In-negozji huma fl-aħjar pożizzjoni biex jagħrfu kif se jsiru kompetittivi u pijunieri fis-settur tagħhom u biex isibu soluzzjonijiet għall-isfidi tagħhom. Meta meħtieġ, il-politika industrijali tagħna jenħtieġ imbagħad tibbenefika minn forom aġli ta’ sħubija pubblika privata u minn forom ġodda ta’ kooperazzjoni bejn is-setturi privati u pubbliċi biex jitħaffef it-twassil ta’ soluzzjonijiet innovattivi li altrimenti ma kinux jinkisbu. Għal tranżizzjoni inklużiva, neħtieġu djalogu soċjali li jiffunzjona tajjeb.

Insegwu t-tendenzi industrijali u l-kompetittività

Ir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku jiddefinixxi sett ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs), abbażi ta’ sorsi tad-data disponibbli pubblikament, biex janalizza żviluppi ekonomiċi u jsegwi l-progress miksub, b’enfasi fuq il-kompetittività, l-integrazzjoni tas-Suq Uniku, l-SMEs, it-tranżizzjoni doppja, u r-reżiljenza ekonomika. Il-KPIs jipprovdu wkoll perspettiva progressiva bbażata fuq l-investiment u indikatur tal-fiduċja, u jagħtu ħarsa ġenerali lejn il-prestazzjoni tal-ekonomija tal-UE, billi jqabbluha ma’ ta’ sħab internazzjonali u jistħarrġu l-ispeċifiċità tal-ekosistemi industrijali. L-analiżi ta’ dawn l-indikaturi, li l-Kummissjoni se tagħmel regolarment, tista’ tgħin biex tittieħed pożizzjoni strateġika dwar l-ekonomija tal-UE, jitbassru l-isfidi, u jiġu infurmati d-deċiżjonijiet ta’ politika u dwar l-investiment.

Minkejja li l-kriżi se tħalli implikazzjonijiet dejjiema, l-irkupru tal-UE beda. Għal diversi ekosistemi industrijali, il-fatturat kważi laħaq il-livelli ta’ qabel il-COVID-19, anki jekk id-dinamika għadha kemxejn baxxa. Dehru wkoll sinjali pożittivi f’analiżi tas-sentiment ekonomiku, li f’April 2021 uriet titjib fl-ekosistemi kollha (ara l-Grafika 1). Madankollu, hu essenzjali li jibqa’ jsir monitoraġġ tat-trajettorja tal-irkupru tal-ekosistemi kollha. Infatti d-data turi li għalkemm l-interventi pubbliċi kienu effettivi biex jillimitaw il-qgħad u l-fallimenti, żdied ir-riskju ta’ żidiet f’daqqa fis-sensji u fl-insolvenzi.

B’sinerġija sħiħa mal-għodod eżistenti tal-monitoraġġ, fosthom it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku, il-Kummissjoni se timmonitorja l-indikaturi ewlenin tal-kompetittività tal-ekonomija tal-UE kollha kemm hi, b’mod partikolari:

- l-integrazzjoni tas-Suq Uniku, abbażi ta’ indikaturi dwar il-kummerċ intra-UE jew id-dispersjoni tal-prezzijiet madwar l-Istati Membri, biex tgħin fil-valutazzjoni tal-politiki li jrawmu ambjent favorevoli għan-negozju u għall-innovazzjoni.

- it-tkabbir fil-produttività, abbażi tal-produttività tax-xogħol.

- il-kompetittività internazzjonali, abbażi tas-sehem tal-UE fis-suq dinji jew tal-kummerċ barra mill-UE, biex tappoġġa politiki għal aċċess miftuħ u ġust għas-swieq tal-esportazzjoni.

- l-investiment pubbliku u privat, abbażi ta’ data dwar l-investiment pubbliku nett u l-investiment privat nett bħala persentaġġ tal-PDG, l-aktar biex tintwera t-trasformazzjoni potenzjali tal-ekonomija bi qbil mal-objettivi tat-tranżizzjoni doppja.

- investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp, abbażi tan-nefqa pubblika u privata fir-riċerka u l-iżvilupp bħala persentaġġ tal-PDG, biex tappoġġa l-innovazzjoni.  


3.Insaħħu r-reżiljenza tas-Suq Uniku

Nattrezzaw aħjar lis-Suq Uniku għall-kriżijiet

Is-Suq Uniku hu l-aktar assi importanti tal-UE, li joffri ċertezza, skala u jagħti spinta dinjija lill-kumpaniji tagħna, u disponibbiltà wiesgħa ta’ prodotti ta’ kwalità għall-konsumaturi. Iżda dan l-assi ma jistax jitqies bħala ovvju. B’mod partikolari, fl-ewwel jiem tal-pandemija, in-negozji u ċ-ċittadini sofrew minħabba għeluq tal-fruntieri, interruzzjonijiet fil-provvista u nuqqas ta’ prevedibbiltà.

Minkejja s-siwi tal-għodod eżistenti tas-Suq Uniku, il-kriżi wriet li dawn jistgħu jittejbu għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Kif ħabbret il-President von der Leyen fi Frar 2021 16 , il-Kummissjoni se tipproponi Strument għas-Suq Uniku f’Emerġenza biex jipprovdi soluzzjoni strutturali li tiżgura d-disponibbiltà u l-moviment liberu tal-persuni, tal-oġġetti u tas-servizzi fil-kuntest ta’ kriżijiet futuri possibbli. Dan l-istrument għandu jiżgura aktar kondiviżjoni tal-informazzjoni, koordinazzjoni u solidarjetà meta l-Istati Membri jadottaw miżuri relatati mal-kriżi. Se jgħin biex jittaffew l-impatti negattivi fuq is-Suq Uniku, inkluż billi tiġi żgurata governanza aktar effettiva. Jenħtieġ jibni wkoll mekkaniżmu li permezz tiegħu l-Ewropa tkun tista’ tindirizza l-iskarsezzi kritiċi tal-prodotti billi tħaffef id-disponibbiltà tal-prodott (eż. l-istabbiliment u l-kondiviżjoni ta’ standards, valutazzjoni rapida tal-konformità) u ssaħħaħ il-kooperazzjoni fl-akkwist pubbliku. Dan se jkun allinjat ma’ inizjattivi ta’ politika rilevanti bħall-proposta li ġejja biex titwaqqaf Awtorità Ewropea ta’ Tħejjija u Reazzjoni għall-Emerġenzi tas-Saħħa (HERA), u l-Pjan ta’ Kontinġenza għat-Trasport u l-Mobbiltà li jmiss u l-prattika internazzjonali rilevanti li għandha l-għan tindirizza s-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza jew tiżgura u tħaffef id-disponibbiltà tal-prodotti essenzjali. 

Grafika 2 Elementi ewlenin tal-Istrument għas-Suq Uniku f’Emerġenza

Suq Uniku li jiffunzjona tajjeb biex jitħaffef l-irkupru

Is-sena l-oħra kkonfermat mill-ġdid il-ħtieġa li jitneħħew l-ostakli persistenti u sinifikanti li jxekklu l-funzjonament tajjeb tas-Suq Uniku 17 . Il-ħidma favur Suq Uniku li jiffunzjona tajjeb titlob sforzi bla heda fuq diversi fronti:

·Ġestjoni permanenti ta’ konformità effettiva mar-regoli eżistenti tas-suq uniku;

·Investiment kontinwu fl-approfondiment tal-integrazzjoni fl-oqsma bl-akbar opportunitajiet;

·Adattament ta’ approċċi ta’ politika eżistenti, meta ġustifikat;

·Strateġiji ġodda, meta meħtieġ, pereżempju biex jakkumpanjaw it-tranżizzjonijiet doppji.

Filwaqt li l-Kummissjoni se twettaq valutazzjonijiet rikorrenti tal-ostakli ewlenin f’kull ekosistema bħala parti mir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku tagħha, is-settur tas-servizzi jistħoqqlu attenzjoni partikolari minħabba d-daqs tiegħu 18 , l-interazzjoni mal-oġġetti u n-natura tal-ekosistema trasversali tiegħu.

Qed isir sforz ġdid biex jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet u l-ostakli, b’mod partikolari permezz tat-Task Force għall-Infurzar fis-Suq Uniku (SMET) 19 u azzjonijiet rilevanti oħra 20 . Il-progress mexa bil-mod wisq tul dawn l-aħħar snin f’diversi oqsma ewlenin, b’mod partikolari s-servizzi. L-infurzar sħiħ tad-Direttiva dwar is-Servizzi se jiżgura li l-Istati Membri jikkonformaw mal-obbligi eżistenti tagħhom, inkluż l-obbligu ta’ notifika biex jiġu identifikati u eliminati ostakli regolatorji potenzjali ġodda.

Is-servizzi tan-negozju bħall-inġinerija, l-arkitettura, l-IT u s-servizzi legali, jikkontribwixxu sa 11 % tal-PDG tal-UE u huma fatturi essenzjali tal-kompetittività għall-kumpaniji. Iżda dawn jinżammu lura minħabba regoli nazzjonali restrittivi, bħal pereżempju rekwiżiti stretti għad-dħul u l-eżerċizzju 21 . Filwaqt li l-istandards tal-prodotti Ewropej kisbu benefiċċji kbar għall-kumpaniji u l-konsumaturi, żiedu l-kwalità u s-sikurezza, tejbu t-trasparenza, naqqsu l-kostijiet u fetħu swieq għan-negozji, l-istandards Ewropej tas-servizzi jammontaw biss għal madwar 2 % tal-istandards kollha. L-istandards tas-servizz jistabbilixxu rekwiżiti tekniċi, eż. livelli ta’ kwalità, prestazzjoni, interoperabbiltà, protezzjoni ambjentali, protezzjoni tas-saħħa jew sikurezza. Dawn jistgħu jżidu l-fiduċja tal-konsumaturi u jintegraw aktar is-swieq tas-servizzi Ewropej. Jistgħu jgħinu biex jingħelbu l-ostakli minħabba rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni nazzjonali differenti. Il-Kummissjoni se tesplora l-merti ta’ proposta leġiżlattiva għal regolamentazzjoni ta’ servizzi kummerċjali ewlenin bl-appoġġ ta’ standards armonizzati, billi qabelxejn twettaq valutazzjoni tal-aktar oqsma pertinenti tas-servizzi tan-negozju fejn standards armonizzati jistgħu jżidu l-valur. 22  

Filwaqt li l-leġiżlazzjoni tal-UE tiżgura sett ta’ drittijiet u kundizzjonijiet tax-xogħol obbligatorji li jridu jiġu applikati għall-ħaddiema stazzjonati fl-UE kollha, ir-rispons min-naħa tal-partijiet ikkonċernati jenfasizza b’mod konsistenti d-diffikultajiet amministrattivi bl-istazzjonar tal-ħaddiema. Il-kumpaniji jistgħu jsibuha diffiċli biex jibagħtu inġiniera jew persunal tekniku lil negozji jew utenti finali fi Stat Membru ieħor, pereżempju fis-settur tal-kostruzzjoni. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri biex tiżgura li d-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Istazzjonar tal-Ħaddiema tiġi trasposta u implimentata kif suppost 23 . Mingħajr ma tikkomprometti l-qafas legali u l-protezzjoni tal-ħaddiema li tiżgura, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tfassal formola komuni b’format elettroniku, għad-dikjarazzjoni tal-istazzjonar tal-ħaddiema. Din il-Formola Diġitali Unika tista’ għall-ewwel tiddaħħal b’mod volontarju.

Il-kriżi enfasizzat ukoll li sorveljanza effettiva tas-suq hi kruċjali, peress li l-awtoritajiet tal-Istati Membri qed jiffaċċjaw kulma jmur prodotti perikolużi u mhux konformi. Dan kien il-każ b’mod partikolari għal xi tagħmir tal-protezzjoni personali u apparat mediku b’domanda qawwija. Għaldaqstant, it-tisħiħ tal-koordinazzjoni, tal-investiment, tar-riżorsi u tad-diġitalizzazzjoni tal-awtoritajiet – kemm fis-Suq Uniku u anki fil-fruntieri tal-Unjoni – hu prijorità 24 . Il-Kummissjoni se tappoġġa u tħeġġeġ lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex iżidu d-diġitalizzazzjoni tal-ispezzjonijiet tal-prodotti u l-ġbir tad-data u l-użu tal-aħħar teknoloġiji biex jinqabdu l-prodotti perikolużi u li ma jkunux konformi, kif tħabbar fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Infurzar fis-Suq Uniku. L-investiment fid-diġitalizzazzjoni tal-informazzjoni dwar is-sikurezza u l-konformità tal-prodotti hu importanti wkoll biex jitjiebu t-traċċabbiltà u l-kontroll tal-prodotti nnegozjati. Barra minn hekk, hemm bżonn jissawru kapaċitajiet apposta ħalli jkunu żgurati kontrolli effettivi u effiċjenti.

Bħala mezz primarju ta’ innovazzjoni fid-diversi ekosistemi, wieħed jeħtieġ iżomm f’moħħu lill-SMEs f’kull azzjoni ta’ din l-Istrateġija. Dan hu rifless b’mod orizzontali b’aktar attenzjoni lill-piż regolatorju permezz tal-approċċ rivedut tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar: bl-introduzzjoni ta’ approċċ “wieħed ġewwa, wieħed barra” adattat għat-tfassil tal-politika fl-UE, tiżdied l-attenzjoni ta’ dawk li jfasslu l-politika għall-implikazzjonijiet u l-kostijiet tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, speċjalment għall-SMEs 25 .  

Fl-Istrateġija għall-SMEs, il-Kummissjoni saħqet fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-ġustizzja fir-relazzjonijiet bejn in-negozji (B2B) ħalli jiġu appoġġati l-SMEs li minħabba asimetriji fis-setgħa tan-negozjar ma’ organizzazzjonijiet akbar ikollhom riskju akbar li jkunu soġġetti għal prattiki kummerċjali u kundizzjonijiet inġusti online u offline. B’mod partikolari, il-kriżi wriet l-importanza u l-ħtieġa tal-kummerċ elettroniku. Għall-ewwel darba, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali jipproponi sett komuni ta’ regoli dwar l-obbligi u l-akkontabbiltà tal-intermedjarji fis-Suq Uniku kollu, li se jiftaħ opportunitajiet għan-negozji kollha, inkluż l-SMEs u jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-utenti kollha. Bl-istess mod, l-Att dwar is-Swieq Diġitali jipproponi regoli armonizzati li jiddefinixxu u jipprojbixxu ċerti prattiki mill-pjattaformi li jaġixxu bħala “gwardjani” diġitali li jistgħu jwaqqfu jew ixekklu lil servizzi prezzjużi u innovattivi milli jaslu għand il-konsumaturi, ħalli tiġi promossa kompetizzjoni effettiva fis-swieq diġitali, b’mod partikolari ambjent ta’ pjattaforma online kontestabbli u ġust, u b’hekk jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-Suq Uniku. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-koleġiżlaturi biex iħaffu l-ħidma ħalli ssir adozzjoni mingħajr dewmien.

L-aġir ta’ pagamenti tard kompla jaggrava tul il-kriżi, u dan ikompli jixħet piżijiet fuq l-SMEs. L-Osservatorju tal-UE tal-ħlasijiet tard, li jimmonitorja l-prattiki inġusti ta’ pagament 26 u jistħarreġ kif il-pagamenti tard jinfirxu tul il-katina tal-provvista, se jestendi ħidmitu fuq l-ekosistema tal-kostruzzjoni lejn oqsma oħra. Biex tindirizza l-prattiki inġusti ta’ pagament li jaggravaw id-dewmien fil-pagamenti u li spiss iwasslu għal tilwim fit-tul 27 , il-Kummissjoni se tfassal u timplimenta skemi pilota ta’ Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim.

Il-pressjoni finanzjarja u l-insolvenzi aktarx jiżdiedu fl-2021 hekk kif gradwalment titneħħa l-eżenzjoni 28 . B’mod partikolari għall-SMEs, jistgħu jiżdiedu r-riskju ta’ ingranaġġ żejjed u l-ħtieġa għal rikapitalizzazzjoni. Żieda fil-fallimenti tista’ tħalli impatt sinifikanti fuq il-ktajjen tal-provvista kollha. Għaldaqstant hemm bżonn koordinazzjoni u tfassil ta’ miżuri li jkunu proporzjonati għall-isfidi li ġejjin. Il-Kummissjoni hi determinata li timmobilizza investiment sinifikanti, u t-tieqa għall-SMEs f’InvestEU tista’ tiskatta investiment ta’ EUR 45 biljun fl-SMEs sa tmiem l-2023.

Biex tgħin tindirizza r-riskju ta’ solvenza li jaffettwa lill-SMEs, il-Kummissjoni se tiffaċilita skambju ta’ prattiki tajba dwar miżuri u inċentivi li ħadu diversi Stati Membri ħalli l-appoġġ ikun immirat fuq kumpaniji vijabbli. Il-Kummissjoni qed taħdem fuq appoġġ kapitali apposta għall-SMEs 29 permezz tal-prodotti finanzjarji ta’ InvestEU, u qed tistieden lill-Istati Membri jikkontribwixxu għal sforzi fl-UE kollha. REACT-EU tkompli tipprovdi appoġġ immirat lill-SMEs.

Hemm bosta possibbiltajiet għall-Istati Membri biex jipprovdu appoġġ ta’ ekwità bi skemi ta’ appoġġ nazzjonali ħalli jsaħħu s-solvenza u t-tkabbir ta’ SMEs u kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja innovattivi skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, inkluż il-Qafas Temporanju tal-għajnuna mill-Istat. Pereżempju, fost dawn hemm skemi li jipprovdu garanziji pubbliċi fuq fondi ta’ investiment privati u dan abbażi tal-idea li l-Istat, minflok ma jipprovdi l-kapital innifsu, jagħti garanzija biex jiġi attirat il-finanzjament privat. Inkella, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħtu ċerti strumenti ripagabbli, li mbagħad jistgħu jissarrfu f’għotjiet, skont l-irkupru tal-kumpaniji u l-abbiltà tagħhom li jħallsu lura.

Il-Kummissjoni se tkompli tagħmel progress biex tipprovdi suq uniku għall-kapital. Ngħidu aħna, il-Kummissjoni qed tħaffef il-ħidma fuq il-finanzjament tal-ekwità għall-SMEs, inkluż li żżid l-appoġġ biex jitwessa’ l-kapital, l-investimenti strateġiċi u għal Offerti Pubbliċi Inizjali (IPO). Dik il-ħidma se jwassal għal investimenti f’teknoloġiji ekoloġiċi u diġitali fl-istadji kollha tal-ħajja tal-SMEs, minn meta jiftħu sal-istadju tat-tkabbir u l-espansjoni, u sal-ħruġ fis-swieq pubbliċi. Fond ta’ IPO pubbliku privat ġdid se jappoġġa lill-SMEs u lill-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja tul u wara l-proċess tal-elenkar 30 . Fit-tieni nofs tal-2021, il-grupp tal-BEI se jippubblika sejħiet għal timijiet interessati fil-ġestjoni tal-fondi.

Anki t-tassazzjoni taqdi rwol kritiku biex niżguraw il-ġustizzja u t-tkabbir: il-Komunikazzjoni li jmiss dwar “It-Tassazzjoni tan-Negozju għas-seklu 21” se tistabbilixxi pjanijiet konkreti biex tappoġġa ż-żewġ objettivi, inkluż miżuri konkreti għall-SMEs.

Il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE taqdi rwol ewlieni biex jinżammu kundizzjonijiet ekwi u hi wieħed mill-akbar assi tagħna biex niżguraw Suq Uniku li jappoġġa lill-kumpaniji biex jinnovaw u jikbru. Il-preservazzjoni tal-kompetizzjoni fis-Suq Uniku tikkontribwixxi għar-reżiljenza u l-kompetittività tal-kumpaniji tagħna fis-swieq dinjin. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja wkoll l-applikazzjoni tal-Qafas Temporanju tal-għajnuna mill-Istat (estiż sa tmiem l-2021) u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat relatati mal-COVID-19, b’rieżami ħalli meta s-sitwazzjoni tippermetti, jitneħħew gradwalment il-miżuri ta’ appoġġ għall-kriżijiet b’mod li jkunu evitati effetti ta’ preċipizju.

AZZJONIJIET EWLENIN

TWAQQIT

Strument għas-Suq Uniku f’Emerġenza

Q1 2022

Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku

Annwali

Formola/mudell komuni possibbli għad-dikjarazzjoni tal-istazzjonar tal-ħaddiema

Q1 2022

Tissaħħaħ is-sorveljanza tas-Suq Uniku tal-prodotti tal-UE u dawk importati

Q4 2022

Permezz ta’ InvestEU, issir ħidma fuq l-appoġġ kapitali u l-finanzjament tal-ekwità biex jiġu appoġġati l-SMEs

għaddejja

4.Nindirizzaw id-dipendenzi: awtonomija strateġika miftuħa fil-prattika

Il-ftuħ għall-kummerċ u għall-investiment hu vantaġġ u sors ta’ tkabbir u reżiljenza għall-UE, bħala importatur u esportatur ewlieni. Madankollu, il-COVID-19 ħalliet impatt negattiv fuq il-ktajjen tal-provvista dinjin u wasslet għal skarsezzi fl-Ewropa. Kif tenfasizza l-Istrateġija Industrijali tal-2020, l-UE jeħtieġ ittejjeb l-awtonomija strateġika miftuħa tagħha f’oqsma ewlenin 31 .

Il-kriżi kompliet tenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ l-abbiltà tal-UE li taffronta kriżi u taġixxi kif meħtieġ. It-tfixkil tul il-katina tal-provvista tal-ekosistema tas-saħħa kien partikolarment diffiċli, minħabba taħlita ta’ domanda dejjem akbar u skarsezzi fil-provvista u fil-forza tax-xogħol, minkejja r-rispons proattiv tal-UE biex tiżgura li r-rotot tat-trasport u l-ktajjen tal-provvista (dinjin) jibqgħu miftuħa u siguri kemm jista’ jkun. Xi sfidi aktar riċenti, bħall-iskarsezzi fis-semikondutturi li ffaċċjat l-industrija awtomobilistika, urew li l-Ewropa għandha bosta dipendenzi speċifiċi oħra. Il-pandemija aċċellerat din is-sensibilizzazzjoni u ġiegħlet lil pajjiżi bħall-Istati Uniti 32 biex jirrieżaminaw il-pożizzjonijiet tagħhom fil-ktajjen tal-valur dinjin.

L-UE għandha wkoll qawwiet u kapaċitajiet importanti. Bħalma l-UE qed tiffaċċja ċerti dipendenzi, hemm pajjiżi oħra li jiddependu fuq l-UE (“dipendenzi bil-kontra”). Id-dipendenzi reċiproċi jistgħu jkunu element ta’ stabbiltà fil-ktajjen tal-valur dinjin. L-UE tikkondividi wkoll dipendenzi barranin mas-sħab tagħna (“dipendenzi komuni”). Dawn jipprovdu opportunitajiet għall-bini ta’ kooperazzjoni ma’ sħab tal-istess fehma biex jinstabu soluzzjonijiet ta’ benefiċċju reċiproku.

Nimmappjaw id-dipendenzi strateġiċi u l-kapaċitajiet tagħna

Uħud mill-interruzzjonijiet ġew fuq l-Ewropa għal għarrieda, u dan juri li jeħtieġ nifhmu aħjar fejn jinsabu d-dipendenzi strateġiċi tagħna, kif jistgħu jiżviluppaw fil-futur u sa liema punt iwasslu għal vulnerabbiltajiet għall-UE. Dawn id-dipendenzi strateġiċi jaffettwaw l-interessi ewlenin tal-UE, b’mod partikolari fejn jidħlu s-saħħa 33 , is-sigurtà u s-sikurezza u l-aċċess għal inputs u teknoloġiji ewlenin meħtieġa għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Bi tweġiba għat-talba tal-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni wettqet “analiżi minn isfel għal fuq” abbażi ta’ data kummerċjali li tipprovdi l-ewwel għarfien dwar l-ambitu tal-kwistjonijiet involuti. Minn fost 5 200 prodott importat fl-UE, l-analiżi tidentifika 137 prodott (jiġifieri 6 % tal-valur totali tal-importazzjoni tal-UE) f’ekosistemi sensittivi li l-UE tiddependi ħafna fuqhom – l-aktar fl-industriji intensivi fl-enerġija (bħall-materja prima 34 ) u fl-ekosistemi tas-saħħa (bħal ingredjenti farmaċewtiċi attivi) u li jikkonċernaw prodotti oħra rilevanti li jappoġġaw it-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali.

Madwar nofs l-importazzjonijiet għal dawn il-prodotti dipendenti joriġinaw miċ-Ċina, u mbagħad mill-Vjetnam u mill-Brażil. Iżda 34 prodott (jiġifieri 0,6 % tal-valur totali tal-importazzjoni tal-UE) huma potenzjalment aktar vulnerabbli minħabba l-potenzjal possibbilment baxx tagħhom għal aktar diversifikazzjoni u sostituzzjoni bil-produzzjoni tal-UE. Madwar 20 minn dawn il-prodotti huma materja prima u sustanzi kimiċi li jappartjenu għall-ekosistema tal-industriji intensivi fl-enerġija, bil-maġġoranza tal-prodotti li jifdal jappartjenu għall-ekosistema tas-saħħa (bħall-ingredjenti farmaċewtiċi attivi u prodotti oħra relatati mas-saħħa). L-analiżi turi wkoll sfidi u dipendenzi fil-qasam tat-teknoloġiji avvanzati bħall-cloud computing u l-mikroelettronika, l-aktar marbutin mal-istruttura tas-suq dinji.

Is-sehem tal-valur tal-importazzjoni tal-UE skont l-oriġini tal-137 prodott identifikat fejn l-UE hi dipendenti f’ekosistemi sensittivi

Sors: il-Kummissjoni Ewropea abbażi tal-bażi tad-dataBACI

L-analiżi tenfasizza wkoll il-kwistjoni ta’ dipendenzi interni possibbli fis-Suq Uniku, relatati ma’ konċentrazzjoni ta’ attivitajiet fil-livell ta’ ditti individwali. F’dawn il-każijiet, il-politika tal-kompetizzjoni u l-infurzar tal-UE jistgħu jaqdu rwol ewlieni biex jiġu indirizzati r-riskji possibbli relatati ma’ dawn id-dipendenzi interni, billi jiżguraw li s-swieq jibqgħu miftuħa u kontestabbli.

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal 35 mehmuż ma’ dan l-aġġornament jippreżenta sitt rieżamijiet fil-fond ta’ oqsma strateġiċi, jiġifieri dwar il-materja prima, il-batteriji, l-ingredjenti farmaċewtiċi attivi, l-idroġenu, is-semikondutturi u t-teknoloġiji cloud u edge, u jipprovdu aktar għarfien dwar l-oriġini tad-dipendenzi strateġiċi u l-impatt tagħhom. Il-Kummissjoni se timpenja ruħha mal-Istati Membri, mal-industrija u mas-sħab soċjali, inkluż bl-appoġġ tal-Forum Industrijali jew bid-Djalogu Strutturat dwar is-sigurtà tal-provvista tal-mediċini 36 u l-istrateġija farmaċewtika, ħalli tfannad din l-analiżi u tindirizza iżjed id-dipendenzi strateġiċi identifikati.

Il-Kummissjoni se tniedi t-tieni stadju ta’ rieżamijiet fil-fond tad-dipendenzi potenzjali f’oqsma ewlenin, inkluż il-prodotti, is-servizzi jew t-teknoloġiji essenzjali għat-tranżizzjoni doppja, bħas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, il-ħżin tal-enerġija u ċ-ċibersigurtà. Barra minn hekk, sistema ta’ monitoraġġ permezz tal-Osservatorju tat-Teknoloġiji Kritiċi 37 tal-Kummissjoni u proċess ta’ rieżami perjodiku se jkopru kemm id-dipendenzi attwali kif ukoll ir-riskji ta’ dipendenzi (teknoloġiċi) futuri.

Noħolqu sett ta’ għodod biex jonqsu u jiġu evitati d-dipendenzi strateġiċi

F’ħafna mill-każijiet, l-industrija nnifisha tkun fl-aħjar pożizzjoni – permezz tal-politiki u d-deċiżjonijiet korporattivi tagħha – biex ittejjeb ir-reżiljenza u tnaqqas xi dipendenzi li jistgħu jwasslu għal vulnerabbiltajiet, inkluż bid-diversifikazzjoni tal-fornituri, b’aktar użu tal-materja prima sekondarja, u bis-sostituzzjoni b’materjali input oħrajn. Iżda xi drabi l-konċentrazzjoni tal-produzzjoni jew tal-kisba f’żona ġeografika waħda biss twassal għal nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ fornituri alternattivi.

F’oqsma ta’ importanza strateġika, il-Kummissjoni qed tidentifika miżuri ta’ politika pubblika li jistgħu jappoġġaw l-isforzi tal-industrija biex tindirizza dawn id-dipendenzi u tiżviluppa ħtiġijiet ta’ kapaċità strateġika: diversifikazzjoni tal-provvista u tad-domanda li jiddependu fuq sħab kummerċjali differenti kull meta jkun possibbli, iżda anki ħżin u aġir awtonomu kull meta jkun meħtieġ. Dawn il-miżuri ġeneralment jenħtieġ ikunu bbażati fuq taħlita ta’ azzjonijiet, immirati u proporzjonati għall-ħtiġijiet tal-ekosistemi u r-riskji identifikati. Il-Kummissjoni se taħdem id f’id mal-partijiet ikkonċernati rilevanti biex tidentifika miżuri li jsaħħu l-pożizzjoni tal-UE fil-ktajjen tal-valur dinjin, inkluż billi jsaħħu u jiddiversifikaw il-kummerċ estern, u jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-pajjiżi b’introjtu baxx u medju. Anki ekonomija aktar ċirkolari u titjib fl-effiċjenza tar-riżorsi jikkontribwixxu biex jonqsu d-dipendenzi u tissaħħaħ ir-reżiljenza. Barra minn hekk, dawn il-miżuri jenħtieġ jippermettu lill-UE ssaħħaħ il-kapaċità tagħha stess, abbażi tal-qawwiet ta’ Suq Uniku li jiffunzjona bis-sħiħ bi swieq miftuħa u kompetittivi. Din tingrana r-relazzjonijiet privileġġati tagħha mal-eqreb ġirien tagħha – b’mod partikolari dawk diġà involuti fil-konverġenza regolatorja mal-UE. 

Il-Kummissjoni, kif deskritt fir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali tagħha 38 , se taħdem biex tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista internazzjonali u tibni sħubijiet internazzjonali biex iżżid it-tħejjija.

Fl-oqsma ta’ dipendenzi komuni ma’ sħabha 39 , l-UE tista’ tagħżel li tagħmel akkomunament tar-riżorsi u tibni ktajjen tal-provvista alternattivi aktar b’saħħithom u aktar diversi mal-eqreb alleati u sħab tagħna. Ir-relazzjoni transatlantika u l-politika tat-tkabbir u tal-viċinat huma pedamenti għal dawn l-isforzi, u daqstant ieħor huma l-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles ma’ sħab u blokok kummerċjali oħra. Dwar tal-ewwel, il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija propost bejn l-UE u l-Istati Uniti jista’ jipprovdi pjattaforma għall-kooperazzjoni.

Il-Kummissjoni se teżamina wkoll aktar dipendenzi bil-kontra u timmappja oqsma fejn xi pajjiżi oħra jiddependu fuq l-UE. Jekk nifhmu aktar fil-fond dawn l-interdipendenzi, ir-rispons ta’ politika tal-UE jkun infurmat aħjar.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa alleanzi industrijali, f’oqsma strateġiċi fejn dawn l-alleanzi jitqiesu bħala l-aħjar għodda biex jitħaffu l-attivitajiet li altrimenti ma jiġux żviluppati, u fejn jgħinu biex jattiraw investituri privati biex jiddiskutu sħubijiet u mudelli kummerċjali ġodda b’mod li jkun miftuħ, trasparenti u konformi bis-sħiħ mar-regoli tal-kompetizzjoni, u fejn hemm il-potenzjal ta’ innovazzjoni u ħolqien ta’ impjiegi ta’ valur għoli. Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lill-inklużività tal-alleanzi, għan-negozji ġodda u għall-SMEs. Dawn l-alleanzi jenħtieġ jikkumplimentaw is-sħubijiet pubbliċi privati 40 u jipprovdu pjattaforma wiesgħa u miftuħa biex jinħolqu pjanijiet direzzjonali strateġiċi u koordinazzjoni effiċjenti ta’ pjanijiet ta’ investiment fir-riċerka, fl-iżvilupp u fl-innovazzjoni għal teknoloġiji f’ekosistemi partikolari. Fi tlieta mis-sitt oqsma li dwarhom il-Kummissjoni qed tippreżenta rieżamijiet fil-fond ma’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni diġà nediet alleanzi industrijali: dwar il-materja prima, il-batteriji u l-idroġenu.

Minn din l-esperjenza pożittiva, il-Kummissjoni qed tħejji t-tnedija taż-żewġ alleanzi li diġà tħabbru fl-Istrateġija Industrijali l-Ġdida u fil-Komunikazzjoni dwar id-Deċennju Diġitali fil-qasam diġitali: l-Alleanza dwar il-proċessuri u t-teknoloġiji tas-semikondutturi u l-Alleanza għad-Data Industrijali, l-Edge u l-Cloud. Bi tlaqqigħ flimkien ta’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, dawn l-alleanzi se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi ewlenin ta’ politika tal-UE fil-mikroelettronika u jsaħħu l-pożizzjoni industrijali tal-Ewropa fis-suq dinji tal-cloud u l-edge computing, b’mod partikolari billi jindirizzaw ix-xejra favur żieda fid-distribuzzjoni u d-deċentralizzazzjoni tal-kapaċitajiet tal-ipproċessar tad-data u l-ħtieġa li tiġi permessa ekosistema tal-cloud federata u anjostika għall-fornituri.

Il-Kummissjoni qed tikkunsidra wkoll it-tħejjija ta’: (i) Alleanza dwar il-Lanċjaturi tal-Ispazju biex tlaqqa’ flimkien l-atturi kollha, kbar u żgħar, ħalli jaħdmu favur aċċess spazjali kompetittiv, kosteffettiv u awtonomu fil-livell dinji; u (ii) Alleanza dwar l-Avjazzjoni b’Emissjonijiet Żero biex tiżgura li tkun lesta għas-suq għal konfigurazzjonijiet fixkiela ta’ inġenji tal-ajru (eż. idroġenu, elettriku), li tingrana l-investimenti eżistenti permezz tal-inizjattiva Clean Sky u tikkontribwixxi għall-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Ewropa għall-2050, b’ħidma f’kumplimentarjetà sħiħa mal-Alleanza tal-Fjuwils Rinnovabbli u b’Livell Baxx tal-Karbonju 41 li qed tiġi kkunsidrata bħalissa.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri għal akkomunament tar-riżorsi pubbliċi permezz ta’ Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEIs) f’oqsma li s-suq waħdu ma jistax jiġġenera innovazzjoni rivoluzzjonarja, kif kien il-każ fl-oqsma tal-batteriji 42 u tal-mikroelettronika 43 . L-Istati Membri u l-kumpaniji esprimew interess b’mod konġunt li jinvolvu ruħhom f’IPCEIs addizzjonali, bħall-cloud computing tal-ġenerazzjoni li jmiss, l-idroġenu, l-industrija b’livell baxx tal-karbonju, il-farmaċewtika u t-tieni IPCEI fuq semikondutturi mill-aktar avvanzati. Il-Kummissjoni se teżamina bir-reqqa dawn il-pjanijiet tal-proġetti u, jekk ikunu jissodisfaw il-kriterji, se takkumpanjahom sa ma jilħqu l-maturità tagħhom. F’każijiet xierqa, bħal fil-każ tal-batteriji, l-alleanzi industrijali jistgħu jgħinu fit-tħejjija ta’ dawn l-IPCEIs.

Il-baġit tal-UE jista’ jappoġġa wkoll investimenti f’oqsma ta’ importanza strateġika. Pereżempju, il-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jistgħu jinkludu kontribuzzjonijiet lill-kompartimenti tal-Istati Membri permezz tal-Programm InvestEU, u l-Istati Membri jistgħu jużaw partijiet mill-allokazzjonijiet nazzjonali tagħhom biex jinvestu f’setturi bħal dawn.

Ċerti dipendenzi strateġiċi jistgħu jħallu impatt partikolari fuq l-SMEs, li jvarja minn aktar kostijiet għall-qlib sa nuqqas ta’ komunitajiet vibranti ta’ negozji ġodda u fornituri iżgħar innovattivi. Fl-2021, b’baġit ikkombinat ta’ EUR 61 miljun permezz tal-Programm tas-Suq Uniku, il-Pjattaforma Ewropea għall-Kollaborazzjoni bejn ir-Raggruppamenti u n-Network Enterprise Europe se jwettqu azzjonijiet imsaħħa biex jassistu lill-SMEs jindirizzaw it-tfixkil u l-vulnerabbiltajiet, jew biex jiddiversifikaw billi jikkollegawhom ma’ sħab lokali u transfruntieri ġodda, u b’hekk iżidu r-reżiljenza tal-SMEs. Ċerti soluzzjonijiet diġitali, bħal spazji tad-data tal-manifattura industrijali, se jwasslu wkoll għal ktajjen tal-provvista aktar flessibbli.

It-tmexxija dinjija fit-teknoloġiji timxi id f’id mat-tmexxija fl-istabbiliment tal-istandards u fl-iżgurar tal-interoperabbiltà. Il-konverġenza dinjija fuq l-istess standards internazzjonali tgħin biex jitnaqqsu l-kostijiet tal-adattament u ssaħħaħ il-ktajjen tal-valur tal-UE u dawk dinjin. Biex l-UE żżomm l-influwenza tagħha fl-istabbiliment tal-istandards dinjin, is-sistema tal-istandardizzazzjoni tagħha stess, li hi l-qofol tas-Suq Uniku, trid tiffunzjona b’mod aġli u effiċjenti. Kemm fejn jidħlu l-idroġenu, il-batteriji, it-teknoloġija mir-riħ offshore, is-sustanzi kimiċi sikuri, iċ-ċibersigurtà jew id-data spazjali, l-industrija tagħna teħtieġ standards Ewropej u internazzjonali li jirfdu t-tranżizzjoni doppja tagħha fil-ħin. Anki l-istabbiliment ta’ tmexxija dinjija f’dawn l-istandards prijoritarji ewlenin hu kwistjoni kritika għall-kompetittività u r-reżiljenza tal-industriji tal-UE.

Il-Kummissjoni se tippreżenta strateġija dwar l-istandardizzazzjoni. Din se tappoġġa pożizzjoni aktar assertiva dwar l-interessi Ewropej fl-istandardizzazzjoni (fl-UE u fid-dinja) u għal ħidma fil-miftuħ ma’ oħrajn dwar ċerti oqsma ta’ interessi reċiproċi (eż. l-Istati Uniti u l-Kanada dwar l-użu legali u etiku tal-AI). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tistħarreġ jekk biex jintlaħqu dawn l-objettivi, hemmx bżonn emendi għar-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni. Task Force Konġunta bejn il-Kummissjoni u l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Istandardizzazzjoni (ESO) se tiddefinixxi soluzzjonijiet miftiehma biex jiġu adottati malajr dawk l-istandards identifikati bħala kruċjali. Il-Kummissjoni se tagħti wkoll attenzjoni partikolari biex tantiċipa l-ħtiġijiet tal-istandardizzazzjoni li jappoġġaw it-tranżizzjoni doppja tal-ekosistemi industrijali.

Il-kumpaniji Ewropej jeħtieġ jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ekwi madwar id-dinja u fis-Suq Uniku. Il-politiki tal-UE dwar il-kompetizzjoni u l-kummerċ iridu jibqgħu assertivi kontra prattiki inġusti u koerċittivi, u jiffavorixxu l-kooperazzjoni internazzjonali biex jissolvew problemi komuni dinjin. Flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tipproponi strument legali biex tindirizza l-effetti potenzjalment distorsivi tas-sussidji barranin fis-Suq Uniku. Se tiżgura li s-sussidji potenzjalment distorsivi mogħtija minn gvernijiet barranin lil impriżi li jixtiequ jakkwistaw kumpanija tal-UE jew jagħmlu offerta fl-akkwist pubbliku, ma jibqgħux bla kontroll. Flimkien mas-sħab kummerċjali tagħna, il-Kummissjoni se tibqa’ tindirizza s-sussidji industrijali distorsivi.

L-infiq pubbliku permezz tal-akkwist jammonta għal 14 % tal-PDG tal-UE kull sena. Il-qafas Ewropew tal-akkwist pubbliku jista’ jgħin biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-kumpaniji, inkluż permezz tal-użu ta’ kriterji strateġiċi b’mod partikolari għall-akkwist ekoloġiku, soċjali u tal-innovazzjoni, filwaqt li jiżgura t-trasparenza u l-kompetizzjoni. Hu importanti wkoll li jiżdied l-akkwist tal-innovazzjoni fis-soluzzjonijiet diġitali u fl-akkwist tar-riċerka u l-iżvilupp 44 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tiżviluppa gwida dwar kif l-akkwist pubbliku jista’ jintuża b’mod effettiv biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekosistemi ewlenin, bl-użu ta’ sett ta’ għodod li jgħin lix-xerrejja pubbliċi jidentifikaw u jindirizzaw ir-riskji u d-dipendenzi strateġiċi tal-provvista u jiddiversifikaw il-bażi tal-fornituri.

AZZJONIJIET EWLENIN

TWAQQIT

Adozzjoni ta’ proposta li tindirizza l-effetti potenzjalment distorsivi tas-sussidji barranin fis-Suq Uniku

Mejju 2021

Rieżami perjodiku tad-dipendenzi strateġiċi u monitoraġġ tar-riskji assoċjati mad-dipendenzi strateġiċi

Bidu fl-2021

Esplorazzjoni ta’ sħubijiet u kooperazzjoni internazzjonali li jindirizzaw id-dipendenzi strateġiċi

Bidu fl-2021

Tnedija ta’ alleanzi dwar proċessuri u teknoloġiji semikondutturi, dwar data industrijali, edge u cloud computing

Q2 2021

Azzjoni msaħħa dwar l-interruzzjonijiet u l-vulnerabbiltajiet tal-katina tal-provvista tal-SMEs

Q4 2021

Adozzjoni ta’ strateġija tal-istandardizzazzjoni

Q3 2021

Gwida dwar l-identifikazzjoni u l-indirizzar tad-dipendenzi strateġiċi permezz tal-akkwist pubbliku

Q1 2022



5.Inħaffu t-tranżizzjonijiet doppji

L-Istrateġija Industrijali tal-2020 inkludiet lista ta’ azzjonijiet li jappoġġaw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-industrija tal-UE, li ħafna minnhom huma diġà implimentati 45 , iżda l-pandemija affettwat b’mod drastiku l-veloċità u l-iskala ta’ din it-trasformazzjoni. Issa hu aktar ċar minn qatt qabel li l-kumpaniji li jsegwu s-sostenibbiltà u d-diġitalizzazzjoni huma aktar probabbli li jirnexxu mill-oħrajn. Din hi r-raġuni għalfejn it-trasformazzjoni diġitali tan-negozji hi waħda mill-erba’ punti kardinali tal-Kumpass Diġitali 46 .

Ħolqien konġunt ta’ perkorsi ta’ tranżizzjoni fl-ekosistemi industrijali rilevanti

Ir-Rapport Annwali tal-2021 dwar is-Suq Uniku 47 jippreżenta l-ewwel analiżi tal-isfidi ffaċċjati mill-14-il ekosistema industrijali kif ġew identifikati s’issa, iżda anki tal-inizjattivi trasformattivi li diġà ttieħdu biex tinkiseb it-tranżizzjoni doppja u tiżdied ir-reżiljenza. Bħala eżempju illustrattiv, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal 48 dwar azzar Ewropew nadif u kompetittiv jistħarreġ fid-dettall xi tfisser it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali għal dan is-settur partikolari u jispjega kif il-miżuri ta’ politika tal-UE jappoġġaw l-industrija fit-twettiq tat-tranżizzjoni. 

Dawn l-analiżijiet jistgħu jservu għal ħolqien konġunt, bi sħubija mal-industrija, l-awtoritajiet pubbliċi, is-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati oħra, perkorsi ta’ tranżizzjoni għall-ekosistemi, meta meħtieġ. B’perkorsi bħal dawn, ikun jistgħu jinftiehmu aħjar, minn isfel għal fuq, l-iskala, il-kost, il-benefiċċji fit-tul u l-kundizzjonijiet tal-azzjoni meħtieġa biex takkumpanja t-tranżizzjoni doppja għall-aktar ekosistemi rilevanti, li twassal għal pjan azzjonabbli favur il-kompetittività sostenibbli. Pjan bħal dan jenħtieġ iqis inputs rilevanti bħall-pjanijiet direzzjonali tat-teknoloġija industrijali mħabbra fil-Komunikazzjoni dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka 49 u dawk żviluppati permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni għas-Sinerġiji bejn l-industriji ċivili, tad-difiża u spazjali 50 .

Jenħtieġ tingħata prijorità lill-ekosistemi u lis-setturi li jiffaċċjaw l-aktar sfidi importanti, li jissodisfaw l-għanijiet klimatiċi u ta’ sostenibbiltà u li jħaddnu t-trasformazzjoni diġitali, u li l-kompetittività tagħhom tiddependi fuq dan, bħall-industriji intensivi fl-enerġija (inkluż is-setturi tal-kimika u tal-azzar) 51 , u l-kostruzzjoni, kif ukoll lis-setturi milquta ħafna mill-kriżi, li jibbenefikaw mill-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni doppja tagħhom biex tingħata spinta lill-irkupru tagħhom (bħat-turiżmu u l-mobbiltà 52 ).

Nappoġġaw il-każ tan-negozju għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali

L-industrija tal-UE laqgħet l-isfidi u l-opportunitajiet li jġibu magħhom it-tranżizzjonijiet doppji. Lesta tinvesti, iżda tappella għall-prevedibbiltà u għal każ tan-negozju reali, b’qafas regolatorju koerenti u stabbli, aċċess għall-kapaċitajiet u l-infrastruttura, finanzjament għall-innovazzjoni u l-iskjerament, materja prima u enerġija dekarbonizzata, miżuri min-naħa tad-domanda għal prodotti ċirkolari u newtrali għall-klima, u l-ħiliet adattati. Dawn huma meħtieġa għal tranżizzjoni kompetittiva.

L-opportunità immedjata tal-UE biex tappoġġa dawn il-każijiet tan-negozju tinsab fl-isforzi tagħha tal-irkupru. Il-baġit tal-UE u NextGenerationEU, u b’mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, jenħtieġ jintużaw bħala lanċjatur biex jitħaffef l-irkupru fl-Ewropa u jissaħħaħ l-impenn għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Abbażi tar-rilevanza tagħhom madwar l-Istati Membri, l-investimenti kbar ħafna meħtieġa, u l-potenzjal tagħhom li joħolqu l-impjiegi u t-tkabbir u jaħsdu l-benefiċċji mit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, il-Kummissjoni ħeġġet bil-qawwa lill-Istati Membri biex fil-Pjanijiet nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza jinkludu l-investiment u r-riformi f’għadd limitat ta’ oqsma ewlenin 53 . Il-Kummissjoni issa qed tistħarreġ bir-reqqa l-pjanijiet nazzjonali u se timmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom biex tiżgura b’mod partikolari li mill-inqas 37 % tal-finanzjament ikun iddedikat għal investimenti ekoloġiċi u mill-inqas 20 % ikun iddedikat għad-diġitalizzazzjoni. Ħafna pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza se jidderieġu l-finanzjament lejn investimenti ekoloġiċi u diġitali tal-SMEs. Il-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni 2021-2027 se jkunu ffukati ħafna fuq it-tranżizzjoni doppja, biex jikkontribwixxu għat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tal-ekonomija tal-UE.

Il-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza joffru opportunità bla preċedent għal tagħqid tal-isforzi fi proġetti multinazzjonali biex jinbnew kapaċitajiet kritiċi diġitali u ekoloġiċi. Għadd ta’ Stati Membri wrew li beħsiebhom li jinkludu proġetti multinazzjonali fl-abbozz tal-pjanijiet nazzjonali tagħhom. Dawn il-proġetti jistgħu jħaffu l-investiment tant meħtieġ fil-qasam tal-idroġenu, fil-kurituri 5G, fl-infrastruttura u fis-servizzi komuni tad-data, fit-trasport sostenibbli, fil-blockchain jew fiċ-Ċentri Ewropej tal-Innovazzjoni Diġitali. Il-Kummissjoni qed tivvaluta l-alternattivi għal mekkaniżmu effettiv li jħaffef l-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti multinazzjonali, u li jippermetti b’mod partikolari kombinament possibbli ta’ finanzjament tal-Istati Membri u tal-UE 54 .

L-infurzar tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, b’mod partikolari r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, se jiżgura li l-fondi pubbliċi għall-irkupru ma jissostitwixxux iżda jiskattaw investimenti privati addizzjonali. Il-Kummissjoni qed twettaq ukoll rieżami estensiv tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE biex tiżgura li huma adattati biex jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali għall-benefiċċju tal-Ewropej, fi żmien meta x-xenarju kompetittiv dinji qed jinbidel ukoll mill-qiegħ. Bir-reviżjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam ambjentali u tal-enerġijal-Istati Membri jkunu jistgħu jappoġġaw aħjar lin-negozji biex jiddekarbonizzaw il-proċessi tal-produzzjoni tagħhom u jadottaw teknoloġiji aktar ekoloġiċi, fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku u tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida. Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-IPCEIs se jgħinu biex jiġi katalizzat l-investiment transfruntier f’innovazzjonijiet rivoluzzjonarji, fejn is-suq waħdu mhux lest jieħu r-riskju, u biss meta l-effetti pożittivi li jissolvew il-fallimenti ċari tas-suq ikunu jisbqu r-riskju ta’ distorsjoni tas-suq fis-Suq Uniku. Filwaqt li l-evalwazzjoni riċenti tal-Komunikazzjoni attwali tal-IPCEI uriet li d-dispożizzjonijiet jaħdmu tajjeb, hemm bżonn xi aġġustamenti mmirati, inkluż biex ikomplu jsaħħu l-ftuħ tagħhom u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-SMEs u biex jipprovdu gwida dwar il-kriterji għall-akkomunament tal-fondi mill-baġits nazzjonali u mill-programmi tal-UE. Il-Linji Gwida l-ġodda dwar l-Għajnuna Reġjonali mill-Istat se jippermettu lill-Istati Membri jappoġġaw lill-inqas reġjuni favoriti biex ilaħħqu u jnaqqsu d-disparitajiet, u lir-reġjuni li qed iġarrbu sfidi ta’ tranżizzjoni jew strutturali, filwaqt li jiżguraw kundizzjonijiet ekwi bejn l-Istati Membri.

Fl-evalwazzjoni tagħha tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Broadband, il-Kummissjoni qed tivvaluta jekk dawk ir-regoli humiex adattati għall-iskop tagħhom u konformi mal-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq riċenti, biex ikunu jistgħu jappoġġaw bis-sħiħ l-ambizzjonijiet tal-UE fir-rigward tal-iskjerament tal-infrastruttura tal-broadband bi qbil mal-objettivi ta’ politika stabbiliti fost l-oħrajn fil-komunikazzjonijiet tas-Soċjetà tal-Gigabits u tad-Deċennju Diġitali. Barra minn hekk, ir-rieżami attwali tar-regoli tal-antitrust applikabbli għal ftehimiet orizzontali bejn il-kumpaniji se jkopri, fost l-oħrajn, kwistjonijiet essenzjali għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, bħal ftehimiet tar-riċerka u l-iżvilupp, u se jipprovdi gwida dwar l-hekk imsejħa “ftehimiet tas-sostenibbiltà” u ftehimiet prokompetittivi dwar il-kondiviżjoni tad-data u l-akkomunament tad-data. Bl-istess mod, ir-rieżami attwali tar-Regolament għal Eżenzjoni ta’ Kategorija Vertikali u l-Linji Gwida Vertikali għandu l-għan li jqarreb ir-regoli applikabbli lejn realtajiet ġodda tas-suq b’mod partikolari l-kummerċ elettroniku u l-bejgħ online, u jipprovdi gwida aġġornata lin-negozji dwar dawn il-materji. Anki l-avviż dwar id-definizzjoni tas-suq qed jiġi rieżaminat, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi bħad-diġitalizzazzjoni u l-globalizzazzjoni. Permezz tar-Rieżami tal-Politika Kummerċjali, il-Kummissjoni stabbiliet pjan għall-politika kummerċjali biex taqdi r-rwol sħiħ tagħha fit-tranżizzjoni doppja. Bħala parti mill-fokus tagħha fuq l-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali u tal-investiment, l-UE se tuża l-flessibbiltajiet intrinsiċi kollha fil-ftehimiet kummerċjali eżistenti tagħha biex dawn ikunu adattati għall-iskop tagħhom u jwieġbu għall-isfidi l-ġodda relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.

Biex tappoġġa l-finanzjament għal irkupru ekoloġiku, il-Kummissjoni qed tħejji l-Istrateġija Mġedda tagħha għal Finanzjament Sostenibbli u inizjattiva leġiżlattiva dwar governanza korporattiva sostenibbli li tipprevedi d-diliġenza dovuta mill-kumpaniji. Barra minn hekk, l-appoġġ għall-investimenti ekoloġiċi se jiġi akkoppjat bl-iżvilupp ta’ standards ġodda għall-finanzjament ekoloġiku.

Qabel il-waqfa tas-sajf 2021, il-Kummissjoni se tippreżenta l-pakkett “Fit-for-55” li jippreżenta reviżjoni koerenti tal-istrumenti ewlenin tal-pakkett dwar il-klima u l-enerġija tal-2030, bil-ħsieb li tinkiseb Ewropa newtrali għall-klima sal-2050. Il-Kummissjoni se tippreżenta Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntiera għal setturi magħżula, biex jindirizza aħjar ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, f’konformità sħiħa mar-regoli tad-WTO. L-għodod eżistenti li jindirizzaw ir-riskji ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju tal-industriji intensivi fl-enerġija u esposti globalment jenħtieġ jibqgħu jintużaw sakemm jiddaħħlu fis-seħħ arranġamenti alternattivi kompletament effettivi. Minħabba d-diversità tal-approċċi għall-ipprezzar tal-karbonju madwar id-dinja, il-Kummissjoni se tibqa’ tikkomunika mas-sħab internazzjonali tal-UE biex issib bażijiet għal kooperazzjoni f’dan il-qasam.

Il-programm Orizzont Ewropa, bl-għodod u bis-sħubijiet kollha tiegħu 55 , il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u l-Istitut tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija – se jappoġġaw l-ekosistema tal-innovazzjoni pan-Ewropea tal-ġenerazzjoni li jmiss għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Il-Fond għall-Innovazzjoni se jibqa’ jipprovdi appoġġ kritiku għad-dimostrazzjoni kummerċjali ta’ teknoloġiji innovattivi b’livell baxx tal-karbonju f’diversi setturi. Bħala parti mill-proposta għal Direttiva riveduta tal-ETS, il-Kummissjoni qed tikkunsidra li tipproponi approċċ Ewropew għall-kuntratti tal-karbonju b’differenza, bl-użu tad-dħul tal-ETS u li jikkumplimenta forom oħra ta’ appoġġ permezz tal-Fond għall-Innovazzjoni.

L-investimenti attwali fis-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, fil-ħżin tal-enerġija, fil-grilji, fl-interkonnessjonijiet u fit-trasformazzjoni industrijali fl-UE mexjin bil-mod wisq 56 . Biex it-tranżizzjoni ekoloġika ġġib kompetittività ġenwinament sostenibbli, l-industrija teħtieġ aċċess għal elettriku abbundanti, affordabbli u dekarbonizzat, u huma meħtieġa sforzi addizzjonali f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex iżżid l-ambizzjoni tagħhom dwar l-enerġiji rinnovabbli u tissimplifika l-proċeduri tal-permessi. Il-Laboratorju Ġeografiku tal-Enerġija u l-Industrija, għodda li qed jiżviluppa ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni b’kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati industrijali, se jipprovdi informazzjoni ġeospazjali għall-kumpaniji u għall-pjanifikaturi tal-infrastruttura tal-enerġija. Il-konsumaturi industrijali, l-SMEs u l-komunitajiet jistgħu jaħdmu wkoll flimkien għas-sigurtà tal-prezzijiet fit-tul għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli u għal titjib fl-impronta ambjentali. Il-Kummissjoni se tikkunsidra miżuri, bħala parti mid-Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli f’Ġunju 2021, biex tappoġġa l-adozzjoni ta’ Ftehimiet korporattivi dwar ix-Xiri tal-Enerġija rinnovabbli, u tneħħi kwalunkwe xkiel mhux ġustifikat.

L-espansjoni tas-suq u ż-żieda dinjija fid-domanda għat-turbini tar-riħ, il-pannelli solari fotovoltajċi, u t-teknoloġiji tal-enerġija intelliġenti huma opportunità ewlenija, għax skala akbar tnaqqas il-kostijiet tal-enerġija għall-industrija u għas-soċjetà inġenerali. Il-Kummissjoni tilqa’ l-isforzi biex tiżdied il-manifattura ta’ dawn it-teknoloġiji fl-UE, bħall-Inizjattiva Solari Ewropea mmexxija mill-industrija. Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll fuq miżuri tal-ekodisinn għall-pannelli solari, inkluż rekwiżiti possibbli dwar l-impronta tal-karbonju.

L-Alleanza Ewropea tal-Materja Prima (ERMA) qed tistabbilixxi sensiela ta’ proġetti għall-ktajjen tal-valur tal-materjali tal-art rari u anki tal-kalamiti u dwar il-ħżin tal-enerġija u l-materjali tal-konverżjoni. Jekk il-proġetti kollha identifikati mill-ERMA kellhom jiġu implimentati, dawn jistgħu jippermettu li sa 60 % tal-kapaċità tal-enerġija mir-riħ installata kull sena fl-UE tkun tiddependi fuq kalamiti tal-art rari magħmula fl-UE sal-2030 u li l-provvista tal-UE tkopri 20 % tad-domanda prevista għan-nikil sal-2030 57 .   

Se jkunu kruċjali sforzi kontinwi favur disinn sostenibbli tal-prodotti, ekonomija ċirkolari u żieda fil-ġbir u fir-riċiklaġġ tal-materja prima, kif ukoll suq li jiffunzjona għall-materja prima sekondarja. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-Batteriji tipprovdi qafas regolatorju innovattiv għall-batteriji li jkopri ċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom.

L-SMEs jistgħu jibbenefikaw mit-tranżizzjoni ekoloġika iżda jeħtieġu pariri u appoġġ finanzjarju biex jisfruttawha bis-sħiħ. In-Network Enterprise Europe diġà qed jistabbilixxi Konsulenti tas-Sostenibbiltà biex jipprovdu pariri ddedikati lill-SMEs u dawn se jkunu fis-seħħ għalkollox mill-2022. Dawn se jippromwovu l-innovazzjoni tal-SMEs fil-ġenerazzjoni tal-elettriku dekarbonizzata, inkluż l-użu ta’ pannelli solari, u anki l-effiċjenza enerġetika. Anki d-diġitalizzazzjoni hi essenzjali għall-SMEs biex il-pjattaformi rilevanti kollha 58 jaġixxu flimkien ħalli jappoġġaw lill-SMEs fl-ekosistemi tagħhom, pereżempju fl-adozzjoni ta’ mudelli ta’ negozju mmexxija mid-data, u ta’ soluzzjonijiet kontra t-theddid ċibernetiku. Sal-2023, il-Programm Ewropa Diġitali se jinjetta EUR 310 miljun fiċ-Ċentri Ewropej ta’ Innovazzjoni Diġitali li se jagħtu appoġġ lokali lill-SMEs fit-trasformazzjoni diġitali u aċċess għall-ittestjar tat-teknoloġija. Fl-2021, il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni se jipprovdi wkoll EUR 1,1 biljun f’għotjiet u f’finanzjament tal-ekwità, l-aktar lil negozji ġodda u SMEs innovattivi.

Il-Kummissjoni se taħdem biex issaħħaħ is-sinerġiji bejn it-tranżizzjonijiet sostenibbli u diġitali. Is-soluzzjonijiet diġitali, bħat-tewmin diġitali fil-manifattura avvanzata, jistgħu jgħinu biex jiġu ottimizzati l-proċessi fl-ekosistemi kollha. Il-Koalizzjoni Diġitali Ekoloġika Ewropea mmexxija mill-industrija se tkejjel l-impatt u tħaffef l-iskjerament ta’ soluzzjonijiet diġitali għal setturi ewlenin ekoloġiċi. Biex twettaq l-impenji li saru fil-Kumpass Diġitali 59 , il-Kummissjoni se tidentifika miżuri addizzjonali biex tintlaħaq il-mira ta’ newtralità tal-karbonju tat-teknoloġiji tal-ICT u biex jiżdied l-użu tat-teknoloġiji diġitali ħalli titnaqqas l-impronta ambjentali ta’ ekosistemi oħra.

It-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali ma jistgħux jitwettqu mingħajr aktar kondiviżjoni tad-data, b’mod partikolari biex tiġi ottimizzata s-sostenibbiltà u biex jiġu żviluppati prodotti u servizzi innovattivi. Biex tgħin ħalli l-kumpaniji u s-settur pubbliku jisfruttaw il-potenzjal tad-data, fl-2021 il-Kummissjoni se tipproponi Att dwar id-Data u se tkompli tappoġġa l-istabbiliment ta’ “Spazji komuni Ewropej tad-data” settorjali, f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali, permezz tal-Programm Ewropa Diġitali li jmiss. Fil-livell internazzjonali, l-UE qed tinvolvi ruħha fin-negozjati tal-inizjattiva tad-Dikjarazzjoni Konġunta tad-WTO dwar il-kummerċ elettroniku biex issawwar ir-regoli dinjin dwar il-kummerċ diġitali. Biex tippromwovi l-iżvilupp ta’ Intelliġenza Artifiċjali sikura u affidabbli, fil-21 ta’ April 2021 il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal qafas regolatorju dwar l-AI u Pjan Ikkoordinat rivedut dwar l-AI.

L-investiment fil-ħiliet hu komponent importanti tal-investiment fin-nies, u se jkun essenzjali biex jappoġġa t-tranżizzjoni doppja u jikkontribwixxi għal irkupru ġust. L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa tappoġġa t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali b’inizjattivi bħall-Patt għall-Ħiliet. Dan jgħin biex jimmobilizza s-settur privat u lil partijiet ikkonċernati oħra ħalli jtejbu l-ħiliet u jħarrġu mill-ġdid il-forza tax-xogħol tal-Ewropa. Il-Patt jappoġġa sħubijiet tal-ħiliet fuq skala kbira għal kull ekosistema, li wħud minnhom diġà għamlu impenji ta’ titjib fil-ħiliet (l-industriji awtomobilistiċi, tal-mikroelettronika u tal-ajruspazju u d-difiża). Id-diskussjonijiet politiċi dwar il-ħiliet li organizzat il-Kummissjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti minn kull ekosistema, se jkunu koprew l-ekosistemi kollha sa nofs l-2021, u se jikkontribwixxu għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-perkorsi. Il-baġit tal-UE għall-2021-2027 jinkludi għadd ta’ strumenti li jistgħu jappoġġaw it-titjib fil-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid 60 . Il-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jistgħu jikkontribwixxu wkoll, bħalma jikkontribwixxi appoġġ attiv effettiv għall-impjiegi 61 .

AZZJONIJIET EWLENIN

TWAQQIT

Ħolqien konġunt ta’ perkorsi tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali għall-ekosistemi rilevanti, li jibdew mit-turiżmu u mill-industriji intensivi fl-enerġija

Mill-Q2 2021

Azzjonijiet li jippromwovu Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija rinnovabbli fil-proposta għal Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli

Q2 2021

Fil-proposta għal Direttiva riveduta dwar l-ETS jitqies approċċ Ewropew għall-kuntratti tal-karbonju b’differenza

Q2 2021

Laboratorju Ġeografiku tal-Enerġija u l-Industrija

Mill-Q4 2021

6.Konklużjoni: niġbdu ħabel wieħed biex nerġgħu fuq saqajna aktar sodi

L-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020 stabbiliet is-sisien għal politika industrijali li tappoġġa t-tranżizzjonijiet doppji, biex l-industrija tal-UE tkun aktar kompetittiva madwar id-dinja u tissaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-Ewropa. Din tistabbilixxi mod industrijali ġdid għall-Ewropa, li jaqbel mal-ambizzjonijiet taż żmienna u mar-realtajiet ta’ għada. Din tibqa tiġi żviluppata, abbażi tal-assi tal-Ewropa bħala d-dar tal-industrija – tad-diversità tagħna u tat-talent tal-poplu tagħna, tal-innovaturi u tal-ħallieqa tagħna, tal-valuri tagħna u tat-tradizzjonijiet soċjali tas-suq. Din l-Istrateġija Industrijali l-Ġdida hi intraprenditorjali fl-ispirtu u fl-azzjoni, u valida daqs qatt qabel.

L-UE, l-Istati Membri tagħha u l-industrija issa qed jisiltu t-tagħlimiet mill-kriżi u lesti jpoġġu l-industrija Ewropea fuq bażi ġdida kompetittiva u sostenibbli. Dan ifisser implimentazzjoni u bini fuq il-miżuri mħabbra għall-industrija, l-SMEs u s-Suq Uniku fil-Pakkett Industrijali ta’ Marzu 2020. Dan ifisser ukoll li nissalvagwardjaw l-assi ċentrali tal-Ewropa, is-Suq Uniku tagħha, niżguraw awtonomija strateġika miftuħa u nħaffu t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali fit-territorju tal-UE. Il-leġiżlazzjoni, il-kokreazzjoni, l-investiment, is-sħubijiet u l-kooperazzjoni internazzjonali lkoll għandhom rwol x’jaqdu. Dan l-aġġornament tal-Pakkett tal-Politika Industrijali se jgħin biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

Biex ikunu effettivi, dawn l-isforzi jridu jiġu appoġġati bi sħubijiet sodi bejn l-UE, l-Istati Membri, is-sħab soċjali, il-partijiet ikkonċernati industrijali u oħrajn rilevanti, bejn u fi ħdan l-ekosistemi industrijali, li jibnu fuq il-Forum Industrijali miftuħ u inklużiv tal-UE. Għall-aktar ekosistemi rilevanti, u flimkien ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, il-Forum se jappoġġa l-iżvilupp ta’ perkorsi tat-tranżizzjoni u l-analiżi tad-dipendenzi strateġiċi. Se jippromwovi l-aqwa prattiki u soluzzjonijiet għall-ekosistemi, u se jidentifika ħtiġijiet ta’ investiment u opportunitajiet ta’ kooperazzjoni transfruntieri u bejn l-ekosistemi.

Il-Kummissjoni se tibqa’ tippromwovi s-sjieda politika tal-istrateġija industrijali, u se tissokta bid-djalogi regolari mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill.

L-UE se tfittex kooperazzjoni internazzjonali kull fejn ikun possibbli biex tibni ekonomija dinjija b’saħħitha, ibbażata fuq il-prinċipji tal-UE, fosthom kundizzjonijiet ekwi tal-kompetizzjoni, tmexxija dwar l-istabbiliment tal-istandards u prijoritajiet regolatorji oħra, u se tfittex ukoll li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista dinjin.

(1)

   COM(2020) 102 final, https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/communication-eu-industrial-strategy-march-2020_en.pdf . “Il-Pakkett tal-Politika Industrijali 2020” jinkludi wkoll Strateġija ddedikata għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs; COM(2020) 103 final) u Azzjonijiet speċifiċi biex jindirizzaw l-ostakli għall-funzjonament tajjeb tas-Suq Uniku u jtejbu l-infurzar tar-regoli maqbula b’mod komuni, COM(2020) 93 final u COM(2020) 94 final.

(2)

   SWD(2021) 351, ir-Rapport Annwali tal-2021 dwar is-Suq Uniku jidentifika l-14-il ekosistema industrijali li ġejjin: 1. Ajruspazju u difiża, 2. Agroalimentari, 3. Kostruzzjoni, 4. Industriji Kulturali u Kreattivi, 5. Diġitali, 6. Elettronika, 7. Industriji Intensivi fl-Enerġija, 8. Enerġija rinnovabbli, 9. Saħħa, 10. Mobbiltà, trasport, settur awtomobilistiku, 11. Prossimità, Ekonomija soċjali u Sigurtà ċivili, 12. Bejgħ bl-imnut, 13. Tessuti, 14. Turiżmu. Abbażi ta’ djalogi mal-partijiet ikkonċernati u ta’ realtajiet li qed jinbidlu, jaf ikun hemm bżonn jiġu identifikati aktar ekosistemi u jiġu delineati.

(3)

   Attivazzjoni tal-Klawsola Liberatorja Ġenerali bir-Ritmu tal-Istabbiltà u t-Tkabbir, Qafas temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li jappoġġaw l-ekonomija waqt il-pandemija tal-COVID-19, strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad f’emerġenza (SURE), jew l-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus.

(4)

   COM(2020) 456 final.

(5)

   SWD(2021) 351, ir-Rapport Annwali tal-2021 dwar is-Suq Uniku.

(6)

   SWD(2021) 351, ir-Rapport Annwali tal-2021 dwar is-Suq Uniku.

(7)

   Il-Kummissjoni Ewropea/il-Bank Ċentrali Ewropew (Novembru 2020), “Survey on the access to finance of enterprises (SAFE)” (Stħarriġ dwar l-aċċess għall-finanzjament tal-intrapriżi).

(8)

   Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-1 u t-2 ta’ Ottubru 2020, EUCO 13/20.

(9)

   Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa, 2020/2076 (INI).

(10)

   Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Kompetittività, il-11 ta’ Settembru 2020, is-16 ta’ Novembru 2020.

(11)

   SWD(2021) 351, ir-Rapport Annwali tal-2021 dwar is-Suq Uniku.

(12)

   Bi tweġiba għat-talba tal-Kunsill Ewropew tat-2 ta’ Ottubru 2020 biex jiġu identifikati dipendenzi strateġiċi, b’mod partikolari fl-aktar ekosistemi industrijali sensittivi u jiġu proposti miżuri li jnaqqsu dawn id-dipendenzi.

(13)

   SWD(2020) 104, Is-sigurtà tal-enerġija: prattiki tajba biex jiġu indirizzati r-riskji tal-pandemija.

(14)

   Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill dwar approċċ ikkoordinat komuni fir-rigward tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar.

(15)

   Il-ħidma analitika tal-OECD ikkonfermat li l-ktajjen tal-valur dinjin mhux biss jimmassimizzaw l-effiċjenza ekonomika, iżda li l-ktajjen tal-provvista reżiljenti huma essenzjali fi żminijiet ta’ kriżi biex jassorbu x-xokkijiet, joffru għażliet biex jaġġustaw u jħaffu l-irkupru. Cf. Shocks, risks and global value chains: insights from the OECD METRO model, Ġunju 2020.

(16)

    https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/speech_21_745 .

(17)

   Ara SWD(2020) 54 final u SWD(2021) 351, ir-Rapport Annwali tal-2021 dwar is-Suq Uniku.

(18)

   Dan jirrappreżenta 70 % tal-PDG tal-UE u sehem ekwivalenti ta’ impjiegi.

(19)

   L-SMET hu l-forum ta’ livell għoli għal kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jinstabu soluzzjonijiet għall-ostakli tas-Suq Uniku kkawżati minħabba nuqqasijiet fl-infurzar jew fl-implimentazzjoni. Tul din l-ewwel sena, dan qeda rwol importanti fil-valutazzjoni tal-miżuri tal-Istati Membri dwar il-fruntieri u l-miżuri dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar li jillimitaw il-moviment liberu fl-UE.

(20)

   SWD(2021) 351, ir-Rapport Annwali tal-2021 dwar is-Suq Uniku, l-Anness I.

(21)

   SWD(2021) 351, ir-Rapport Annwali tal-2021 dwar is-Suq Uniku u COM(2020) 93.

(22)

   Biex jingħarfu l-oqsma ta’ prijorità jeħtieġ issir analiżi bir-reqqa tal-potenzjal tal-istandards armonizzati biex jiffaċilitaw l-attivitajiet transfruntieri, tal-potenzjal tas-suq u l-ftuħ tas-suq, u tal-benefiċċju ekonomiku ġenerali, inkluż għall-SMEs u l-intraprendituri nisa. L-impatti fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet tal-ħaddiema se jkunu soġġetti għal kunsiderazzjonijiet bir-reqqa.

(23)

   COM(2019) 426 final.

(24)

   Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011.

(25)

   COM(2021) 219 Better Regulation: Joining forces to make better laws, https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/better_regulation_joining_forces_to_make_better_laws_en_0.pdf

(26)

   Waħda mill-kawżi ewlenin tad-dewmien fil-pagamenti.

(27)

   Skont l-Osservatorju, l-ekosistema tal-kostruzzjoni tal-UE għandha l-aktar tilwim li jieħu fit-tul fid-dinja (medja ta’ 20 xahar biex tissolva tilwima).

(28)

   L-istimi jissuġġerixxu li 11,4 % tal-kumpaniji kollha aktarx jagħlqu hekk kif jieqaf l-appoġġ u ma jirnexxilhomx jiksbu kreditu minn sorsi ġodda. SWD(2021) 351, ir-Rapport Annwali tal-2021 dwar is-Suq Uniku.

(29)

   Li, skont l-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament InvestEU, intlaqtu ħażin mill-kriżi tal-COVID-19 u ma kinux f’diffikultà mil-lat ta’ għajnuna mill-Istat fi tmiem l-2019.

(30)

   Studju tal-Kummissjoni Ewropea msejjaħ “A Public-Private Fund to Support the EU IPO Market for SMEs” u li jinsab hawn: https://ec.europa.eu/info/evaluation-reports-economic-and-financial-affairs-policies-and-spending-activities_en jissuġġerixxi Fond tal-IPO pubbliku privat b’investiment pubbliku ta’ madwar EUR 740 miljun jista’ jżid l-IPOs tal-SMEs u tal-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja fl-Ewropa b’10 %.

(31)

   Ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika għall-2021 tal-Kummissjoni se jipprovdi wkoll perspettiva fuq terminu twil u trażversali dwar it-tisħiħ tal-awtonomija strateġika miftuħa tal-Ewropa.

(32)

   “Executive Order on America’s Supply Chains”.

(33)

   L-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa tipprevedi azzjonijiet li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet fir-rigward tal-provvista tal-mediċini (COM/2020/761).

(34)

   Sas-sajf tal-2021, il-Kummissjoni se tippubblika analiżi dettaljata addizzjonali dwar ktajjen tal-provvista kritiċi għas-settur tal-enerġija. Din l-analiżi tenfasizza li l-materja prima kritika u l-materja pproċessata huma essenzjali biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija u s-suċċess tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa.

(35)

   SWD dwar Dipendenzi u kapaċitajiet strateġiċi, SWD(2021) 352.

(36)

    https://ec.europa.eu/health/human-use/strategy/dialogue_medicines-supply_en .

(37)

   COM(2021) 70, il-Pjan ta’ Azzjoni għas-sinerġiji bejn l-industriji ċivili, tad-difiża u spazjali.

(38)

   COM(2021) 66.

(39)

   Eż. analiżi ta’ ekosistemi sensittivi tidentifika madwar 20 prodott importati miċ-Ċina li fuqhom l-UE u l-Istati Uniti huma dipendenti ħafna (inkluż fis-saħħa, fl-industriji intensivi fl-enerġija, fl-enerġija rinnovabbli u fl-ekosistemi diġitali/elettroniċi). L-istess jgħodd għal sħab kummerċjali oħra mill-qrib tal-UE.

(40)

   Inkluż l-Aġendi Strateġiċi tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tas-sħubijiet ta’ Orizzont Ewropa appoġġati mill-industrija u mill-Istati Membri, li jibnu l-bażi għall-pjanijiet direzzjonali tat-Teknoloġija Industrijali taż-ŻER (COM(2020) 628), il-paġna 10. Fil-Programm Orizzont Ewropa hemm proposti 49 sħubija pubblika privata, u kontribuzzjoni tal-UE ta’ kważi EUR 25 biljun, bil-għan li mill-inqas jiġi mobilizzat l-istess ammont min-naħa tas-sħab privati u tal-Istati Membri.

(41)

   COM(2020) 789 L-Istrateġija Komprensiva għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti.

(42)

    https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/IP_21_226 .

(43)

    https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/ip_18_6862 .

(44)

   Il-livell ta’ nuqqas ta’ investiment fl-akkwist tal-innovazzjoni fl-Ewropa meta mqabbel mas-sħab kummerċjali ewlenin tagħha hu l-akbar wieħed fl-akkwist tas-soluzzjonijiet diġitali u fl-akkwist tar-riċerka u l-iżvilupp (sottoinvestiment ta’ fattur 3 u fattur 5, rispettivament).

https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/news/final-report-available-benchmarking-innovation-procurement-investments-and-policy-frameworks-across  

(45)

   SWD(2021) 351, ir-Rapport Annwali tal-2021 dwar is-Suq Uniku, it-Taqsima 3 u l-Anness II.

(46)

   COM(2021) 118 final.

(47)

   SWD(2021) 351, ir-Rapport Annwali tal-2021 dwar is-Suq Uniku, l-Anness III.

(48)

   SWD(2021) 353, Lejn Azzar Ewropew Kompetittiv u Nadif.

(49)

   COM(2020) 628 final, ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni.

(50)

   COM(2021) 70 final, il-Pjan ta’ Azzjoni għas-sinerġiji bejn l-industriji ċivili, tad-difiża u spazjali.

(51)

   Jenħtieġ li jiġu żviluppati sinerġiji bejn il-perkorsi tat-tranżizzjoni u l-pjanijiet direzzjonali volontarji indikattivi, kif previst fir-Regolament dwar il-Liġi Ewropea dwar il-Klima.

(52)

   Filwaqt li titqies l-Istrateġija Komprensiva għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti (COM(2020) 789 final).

(53)

   L-Istrateġija Annwali tal-2021 għal Tkabbir Sostenibbli, COM(2020) 575 final. L-inizjattivi ewlenin huma intitolati: Power Up; Renovate; Recharge & refuel; Connect; Modernise; Scale-up; Reskill & upskill.

(54)

   Kif tħabbar fil-Komunikazzjoni “Il-Kumpass Diġitali tal-2030”, COM(2021) 118 final.

(55)

   Ikopru l-azzar nadif, l-industriji tal-ipproċessar, l-idroġenu, il-batteriji, it-trasport bit-triq b’emissjonijiet żero, l-avjazzjoni nadifa, it-trasport fuq l-ilma b’emissjonijiet żero, l-ambjent mibni sostenibbli, u l-manifattura avvanzata, fost l-oħrajn.

(56)

   SWD(2020) 176 final, Valutazzjoni tal-Impatt mehmuża mal-Pjan ta’ Mira Klimatika għall-2030 (it-tabella 12); Agora-Energiewende & EMBER (2021): The European Power Sector in 2020. L-aħħar Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima jindikaw żieda ta’ 72 TWh/sena fil-ġenerazzjoni tal-enerġija mir-riħ u mix-xemx bejn l-2020 u l-2030, iżda biex jintlaħaq l-għan tal-klima ta’ 55 % ikun hemm bżonn 93-100 TWh/sena.

(57)

   Ara l-Kapitolu 5.1 of SWD(2021) 352, Dipendenzi u Kapaċitajiet Strateġiċi għall-kalkoli sottostanti.

(58)

   In-network taċ-Ċentri Ewropej ta’ Innovazzjoni Diġitali (EDIH), il-Pjattaforma Ewropea għall-Kollaborazzjoni bejn ir-Raggruppamenti (ECCP), in-Network Enterprise Europe (EEN), u Startup Europe.

(59)

   COM(2021) 118 final, Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali.

(60)

   Bħall-Fond Soċjali Ewropew, Erasmus jew il-Programm Ewropa Diġitali.

(61)

   Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal Appoġġ Attiv Effettiv għall-Impjiegi (C(2021) 1372 final).

Top