This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52020XC0324(01)
Communication from the Commission on the implementation of the Green Lanes under the Guidelines for border management measures to protect health and ensure the availability of goods and essential services 2020/C 96 I/01
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Korsiji Ħodor skont il-Linji Gwida għall-miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali 2020/C 96 I/01
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Korsiji Ħodor skont il-Linji Gwida għall-miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali 2020/C 96 I/01
C/2020/1897
ĠU C 96I, 24.3.2020, p. 1–7
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
24.3.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CI 96/1 |
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
dwar l-implimentazzjoni tal-Korsiji Ħodor skont il-Linji Gwida għall-miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali
(2020/C 96 I/01)
Sommarju
— |
Il-Linji Gwida għall-miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali (1) adottati mill-Kummissjoni Ewropea fis-16 ta’ Marzu 2020, jenfasizzaw il-prinċipju li l-fruntieri interni kollha tal-UE għandhom jibqgħu miftuħa għall-merkanzija u li l-ktajjen tal-provvista għall-prodotti essenzjali jridu jiġu ggarantiti. Il-fluss liberu tal-oġġetti, speċjalment fi żminijiet ta’ emerġenza u fl-interess ta’ kulħadd, jirrikjedi li l-Istati Membri jirrispettaw u jimplimentaw għalkollox il-Linji Gwida fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri kollha fil-fruntieri interni. Dan id-dokument tfassal biex jgħin lill-Istati Membri jimplimentaw il-Linji Gwida rigward il-korsiji ħodor (green lanes). L-għan tiegħu hu li jwassal għal proċess kooperattiv madwar l-UE biex jiġi żgurat li l-merkanzija kollha, inkluż l-oġġetti essenzjali bħall-ikel u l-provvisti mediċi, iżda mhux limitat għalihom, tasal malajr fid-destinazzjoni tagħha mingħajr dewmien. |
— |
Sabiex jiġi ppreservat it-tħaddim tal-ktajjen tal-provvista fl-UE kollha u jiġi żgurat il-funzjonament tas-Suq Uniku għall-oġġetti, kull fejn jeżistu kontrolli fil-fruntieri interni jew fejn ikunu ġew introdotti, l-Istati Membri mitluba jeddeżjinaw minnufih il-punti ta’ qsim tal-fruntieri interni rilevanti kollha tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) u dawk addizzjonali sa meta jitqies li jkunu meħtieġa, bħala punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn ikun hemm“korsiji ħodor” – għat-trasport fuq l-art (bit-triq u bil-ferroviji), bil-baħar u bl-ajru. |
— |
Il-ħin li wieħed jieħu biex jgħaddi minn dawn il-punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn ikun hemm “korsiji ħodor”, inkluż kwalunkwe kontroll u skrinjar tas-saħħa tal-ħaddiema tat-trasport, ma għandux jaqbeż il-15-il minuta fil-fruntieri interni fuq l-art. Il-punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn ikun hemm “korsiji ħodor” għandhom ikunu miftuħa għall-vetturi tal-merkanzija kollha li jkunu qed iġorru kwalunkwe tip ta’ oġġetti. |
— |
L-Istati Membri għandhom jaġixxu minnufih biex jissospendu temporanjament it-tipi kollha ta’ restrizzjonijiet għall-aċċess għat-toroq li jkunu fis-seħħ fit-territorju tagħhom (projbizzjonijiet ta’ tmiem il-ġimgħa, projbizzjonijiet ta’ billejl, projbizzjonijiet settorjali, eċċ.) għat-trasport tal-merkanzija bit-triq u għall-moviment liberu meħtieġ tal-ħaddiema tat-trasport. |
— |
Il-ħaddiema tat-trasport, irrispettivament min-nazzjonalità u l-post tar-residenza tagħhom, għandhom jitħallew jaqsmu l-fruntieri interni. Ir-restrizzjonijiet bħar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-kwarantina obbligatorja għall-ħaddiema tat-trasport, għandhom jitneħħew, mingħajr preġudizzju għall-awtoritajiet kompetenti biex jieħdu miżuri proporzjonati u adattati speċifikament biex jimminimizzaw ir-riskju ta’ kontaġju. |
1. |
It-tifqigħa tal-COVID-19 qed ikollha impatt ta’ tfixkil kbir fuq it-trasport u l-mobbiltà Ewropej. Il-katina tal-provvista Ewropea hija mirfuda permezz ta’ netwerk estensiv ta’ servizzi tat-trasport tal-merkanzija, inkluż il-modalitajiet kollha tat-trasport. Is-servizzi kontinwi u mingħajr interruzzjoni tat-trasport tal-merkanzija fuq l-art, marittimi u bl-ajru huma ta’ importanza strateġika ewlenija għall-UE kollha. Il-ktajjen tal-provvista bbażati fuq l-art, b’mod partikolari bit-triq, li llum jirrappreżentaw 75 % tat-trasport tal-merkanzija, ġew affettwati partikolarment ħażin bl-introduzzjoni ta’ projbizzjonijiet fuq id-dħul fil-fruntieri interni tal-art, u/jew restrizzjonijiet fuq is-sewwieqa professjonali li jiġu biex jidħlu f’ċerti Stati Membri. Il-ħinijiet ta’ stennija xi drabi f’dawn l-aħħar jiem, f’ċerti fruntieri interni tal-UE, kienu ta’ iktar minn 24 siegħa, anke għall-provvisti mediċi. |
2. |
Din il-Komunikazzjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw għalkollox il-Linji Gwida għall-ġestjoni tal-fruntieri għat-trasport tal-merkanzija intra-UE kollu (2), u tipprovdi gwida addizzjonali speċifika għall-Istati Membri dwar kif għandhom jiġu implimentati l-paragrafi 1 sa 6, 8, 10, 11, 19 u 22 ta’ dawk il-linji gwida. Tistieden lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ il-miżuri operattivi u organizzattivi meħtieġa, bil-fehim li dawn il-miżuri eċċezzjonali se jkunu temporanji għad-durata tal-konteniment tal-coronavirus. |
1. L-iżgurar ta’ flussi kontinwi tul in-Netwerk TEN-T
3. |
In-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (3), li jikkonsisti mill-iktar arterji importanti għat-trasport bit-triq, bil-ferroviji u fuq l-ilmijiet navigabbli interni, u li jintegra l-portijiet, l-ajruporti u t-terminals multimodali, jaqdi rwol essenzjali biex tiġi żgurata ċ-ċirkolazzjoni tal-oġġetti. L-iżgurar tal-fluss bla xkiel tal-oġġetti kollha tul dan in-netwerk huwa kruċjali biex jiġi żgurat rispons sanitarju effiċjenti għall-pandemija, biex il-popolazzjoni tiġi assigurata li l-provvisti se jiġu ssalvagwardjati, u biex jittaffa l-impatt tal-virus fuq l-ekonomija. |
4. |
L-Istati Membri għandhom jimplimentaw minnufih il-miżuri li ġejjin biex jiġi żgurat it-trasport bla xkiel tal-oġġetti tul in-Netwerk TEN-T kollu. |
5. |
Il-vetturi u s-sewwieqa tal-merkanzija kollha għandhom jiġu ttrattati mingħajr diskriminazzjoni, irrispettivament mill-oriġini, id-destinazzjoni, jew il-pajjiż tar-reġistrazzjoni tal-vettura, jew in-nazzjonalità tas-sewwieq. L-Istati Membri ma għandhomx jiddistingwu bejn il-vetturi li jġorru l-oġġetti biex jintużaw fit-territorju tagħhom u dawk li jkunu biss fi tranżitu. |
6. |
Kull fejn jeżistu kontrolli fil-fruntieri interni jew fejn ikunu ġew introdotti, l-Istati Membri huma mistiedna jiddeżinjaw il-punti ta’ qsim tal-fruntieri interni rilevanti tat-TEN-T (4) kif ukoll il-punti maġġuri addizzjonali ta’ qsim tal-fruntieri sa meta jitqies li jkunu meħtieġa, bħala punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn ikun hemm “korsiji ħodor”. |
7. |
Il-ħin li wieħed jieħu biex jgħaddi minn dawn il-punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn ikun hemm “korsiji ħodor”, inkluż kwalunkwe kontroll u skrinjar, ma għandux jaqbeż il-15-il minuta. Għandhom jinfetħu punti addizzjonali ta’ qsim tal-fruntieri, li jkunu ffukati b’mod esklużiv fuq il-passaġġ tal-oġġetti, jekk dawk tan-Netwerk TEN-T ikunu saturati. Dawn għandhom ikunu jinsabu kemm jista’ jkun qrib il-punti ta’ qsim tal-fruntieri tan-Netwerk TEN-T. |
8. |
Il-punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn ikun hemm “korsiji ħodor” għandhom ikunu miftuħa għall-vetturi kollha tal-merkanzija, inkluż il-vetturi tqal u ħfief kollha, u fejn ikun applikabbli, il-ferroviji u l-bastimenti. |
9. |
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li xi Stati Membri jixtiequ jagħtu prijorità lil ċerti tipi ta’ merkanzija f’din il-kriżi. Madankollu, minħabba n-natura kumplessa tal-ktajjen tal-provvista u l-ħtieġa li tiġi żgurata ċ-ċirkolazzjoni libera tal-oġġetti kollha, il-vetturi li jġorru kwalunkwe tip ta’ oġġetti għandhom ikunu jistgħu jużaw il-punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn ikun hemm “korsiji ħodor”. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tesplora jekk ikun meħtieġ jekk huwiex neċessarju li jkun hemm iktar miżuri biex tingħata prijorità lil kategoriji partikolari ta’ oġġetti, filwaqt li tibni wkoll fuq l-aqwa prattiki fil-livell nazzjonali, iżda tisħaq li l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex l-oġġetti kollha jibqgħu jiċċirkolaw. Is-servizzi tat-trasport ta’ emerġenza għandhom dejjem jingħataw prijorità. |
10. |
Fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn ikun hemm “korsiji ħodor”, għandhom jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-proċeduri u dawn għandhom jiġu ssimplifikati għal dak li huwa strettament neċessarju. Is-sewwieqa tal-vetturi tal-merkanzija ma għandhom jintalbu jipproduċu l-ebda dokument ħlief dokument ta’ identifikazzjoni u l-liċenzja tas-sewqan tagħhom u, jekk ikun hemm bżonn, ittra standard ibbażata fuq mudell li jkun ħariġhielhom min jimpjegahom (ara l-Anness 3). Għandu jkun biżżejjed li dawn id-dokumenti jintbagħtu jew jintwerew b’mod elettroniku. |
11. |
Jista’ jsir skrinjar tas-saħħa qabel jew wara l-fruntieri interni, skont l-infrastruttura disponibbli, biex jiġi żgurat li t-traffiku ma jeħilx. L-Istati Membri għandhom jikkoordinaw bejniethom biex l-iskrinjar tas-saħħa jsir fuq naħa waħda biss tal-fruntiera biex ma jkunx hemm xogħol doppju u biex jiġu evitati l-perjodi ta’ stennija. Fil-prinċipju, l-iskrinjar tas-saħħa għandu jissejjes fuq il-kejl elettroniku tat-temperatura tal-ġisem, sakemm ma jkunux disponibbli metodi li jkunu rapidi bl-istess mod, iżda li jkunu iktar effettivi. |
12. |
Għandhom jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-kontrolli l-oħrajn fuq id-dokumenti u fuq il-merkanzija, bħall-kontrolli fil-ġenb tat-triq, u l-ammont tagħhom ma għandux jaqbeż il-livelli normali, biex jiġi żgurat il-moviment liberu tal-oġġetti u jiġi evitat iktar dewmien. |
13. |
Il-kontrolli u l-iskrinjar tas-saħħa għandhom jitwettqu b’tali mod li jnaqqas kemm jista’ jkun id-dewmien u b’hekk is-sewwieqa ma għandhomx ikollhom għalfejn joħorġu mill-vetturi tagħhom għalihom. |
14. |
Il-punti ta’ kuntatt nazzjonali li ġew stabbiliti wara t-telekonferenza li l-Ministri tat-Trasport kellhom fit-18 ta’ Marzu għandhom jaħdmu flimkien biex jiżguraw li l-punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn ikun hemm “korsiji ħodor” jaħdmu b’mod effettiv. Il-Kummissjoni stabbiliet pjattaforma biex tipprovdi informazzjoni dwar il-miżuri rilevanti tat-trasport li l-Istati Membri ħadu b’rabta mal-kriżi (5). |
15. |
Fir-rigward tar-Renju Unit, li qed jiġi ttrattat bħala membru tal-UE sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, tal-pajjiżi ġirien li mhumiex Stati Membri tal-UE, tal-membri taż-ŻEE, tal-Iżvizzera u tal-pajjiżi u tal-ekonomiji tal-Balkani tal-Punent, kif ukoll tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi li jieħdu sehem fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, b’mod partikolari dawk li jiffurmaw parti min-netwerk trans-Ewropew estiż tat-trasport, l-awtoritajiet nazzjonali rispettivi huma mistiedna jaħdmu mill-qrib man-netwerk tal-punti ta’ kuntatt tal-UE. Dan huwa essenzjali biex jiġu allinjati bis-sħiħ il-proċeduri kollha meħtieġa biex jiġi żgurat il-moviment tal-oġġetti kollha, kemm dawk maħsuba għal dawn il-pajjiżi kif ukoll dawk li jkunu għaddejja minn naħa tal-UE (jew ta’ dan il-grupp usa’ ta’ pajjiżi) għall-oħra. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll mill-qrib mas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport biex tiffaċilita l-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri bejn l-UE u s-Sitt pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Mingħajr preġudizzju għall-kontrolli speċifiċi fuq l-oġġetti jew fuq il-ħaddiema tas-settur tat-trasport li huma marbutin b’mod inerenti mal-qsim tal-fruntieri esterni tas-suq uniku, tal-unjoni doganali jew taż-żona Schengen rispettivament u li s-soltu jsiru f’dawn il-punti, l-Istati Membri għandhom japplikaw kemm jista’ jkun il-gwida ta’ implimentazzjoni stabbilita f’din il-Komunikazzjoni fit-tali fruntieri esterni. |
16. |
L-Istati Membri għandhom jissospendu b’mod temporanju kull tip ta’ restrizzjoni fuq is-sewqan li hija fis-seħħ fit-territorji kollha tagħhom b’rabta mat-trasport tal-merkanzija (bħall-projbizzjonijiet marbutin mat-trasport tal-merkanzija fi tmiem il-ġimgħa jew billejl jew mat-trasport tal-merkanzija ta’ setturi speċifiċi, eċċ.). Bis-saħħa tas-sospensjoni ta’ dawn il-projbizzjonijiet fuq is-sewqan, it-traffiku mhux se jeħel daqshekk. |
17. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm faċilitajiet sanitarji adegwati u provvisti tal-ikel jew il-forniment tal-ikel għall-ħaddiema tas-settur tat-trasport fir-rotot ewlenin tat-trasport. Minħabba li tul ir-rotot x’aktarx li ma jkunx hemm faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni, u sabiex jiġi llimitat l-esponiment għall-kontaġju, l-Istati Membri għandhom iqisu s-sospensjoni urġenti tal-projbizzjoni fuq il-fatt li l-ħaddiema tas-settur tat-trasport jgħaddu l-perjodi tal-mistrieħ tagħhom fil-kabini tal-vetturi, f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 (6). Għal perjodi li jaqbżu t-tletin jum, fid-dawl ta’ problemi persistenti, il-Kummissjoni se tqis b’mod favorevoli t-talbiet tal-Istati Membri biex jiġu awtorizzati l-estensjonijiet tat-tali eċċezzjonijiet. |
18. |
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu kurituri tat-tranżitu ta’ passaġġ sikur biex is-sewwieqa privati u l-passiġġieri tagħhom, bħall-ħaddiema tas-settur tas-saħħa u tat-trasport, kif ukoll iċ-ċittadini kollha tal-UE li jkunu qed jiġu ripatrijati, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, ikunu jistgħu jgħaddu direttament bi prijorità mill-pajjiż f’kull direzzjoni meħtieġa tul in-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, filwaqt li jħarsu l-ħtieġa li dawn jibqgħu strettament fuq ir-rotta l-magħżula u li dawn jieħdu l-waqfiet minimi tal-mistrieħ meħtieġa. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li jkollhom mill-inqas ajruport wieħed li jkun miftuħ għat-titjiriet ta’ ripatrijazzjoni u għat-titjiriet internazzjonali ta’ għajnuna. |
2. Applikazzjoni speċifika aħjar tar-regoli għall-ħaddiema tas-settur tat-trasport
19. |
Bħala parti mill-isforz ġenerali biex il-flussi essenzjali tat-trasport jibqgħu għaddejjin, l-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni wkoll biex jiżguraw il-moviment liberu fl-UE tal-ħaddiema kollha involuti fit-trasport internazzjonali bil-mezzi kollha tat-trasport, bħas-sewwieqa, il-baħħara, il-bdoti, il-membri tal-ekwipaġġ, l-ispetturi tal-vaguni, il-ħaddiema tal-manutenzjoni, eċċ. |
20. |
B’mod partikolari, mingħajr preġudizzju għall-awtoritajiet kompetenti biex jieħdu miżuri proporzjonati u adattati b’mod speċifiku biex inaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskju tal-kontaġju, għandhom jitneħħew ir-regoli bħar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-kwarantina obbligatorja għall-ħaddiema tas-settur tat-trasport li ma jkollhomx sintomi. Pereżempju, l-Istati Membri għandhom jabbandunaw ir-rekwiżiti li jobbligaw lill-ħaddiema tas-settur tat-trasport li ma jkollhomx sintomi jipproduċu ċertifikat tat-tabib biex juru li huma f’saħħithom biex dan jiġi spezzjonat. Talbiet bħal dawn ikunu sproporzjonati u ta’ valur limitat, minħabba l-possibbiltà ta’ infezzjoni mingħajr sintomi wara li jinħareġ it-tali ċertifikat u minħabba l-fatt li l-aċċess għat-tobba diġà huwa ristrett minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19. |
21. |
Il-ħaddiema ma għandhomx jinżammu milli jaqsmu fruntiera interna biex iwettqu l-funzjonijiet tat-trasport tagħhom: iċ-ċertifikati ta’ kompetenza professjonali rrikonoxxuti fil-livell internazzjonali għandhom ikunu biżżejjed biex juru li ħaddiem ikun attiv fit-trasport internazzjonali. Dawn iċ-ċertifikati għandhom jitqiesu li huma validi b’mod temporanju għal perjodu raġonevoli wara d-data ta’ skadenza tagħhom waqt it-tifqigħa tal-COVID-19. |
22. |
Jekk ikun hemm bżonn, pereżempju meta ma jkunx hemm ċertifikat professjonali rrikonoxxut fil-livell internazzjonali (pereżempju fil-każ tas-sewwieqa tal-vannijiet) jew f’każ li ċ-ċertifikat ikun skada, l-Istati Membri jistgħu jitolbu li jingħataw ittra mingħand min jimpjega lill-ħaddiema biex jistabbilixxu l-bona fide tagħhom flimkien mad-dokumenti ta’ identifikazzjoni x-xierqa sabiex dawn jitħallew jaqsmu l-fruntiera interna huma u jwettqu xogħolhom. Il-Kummissjoni qed tgħin f’dan il-proċess billi tipprovdi mudell ta’ ittra standard (ara l-Anness 3). |
23. |
Meta l-awtoritajiet nazzjonali jqisu li dan ikun meħtieġ, l-iskrinjar tas-saħħa tal-ħaddiema tas-settur tat-trasport għandu jissejjes fil-prinċipju fuq il-kejl elettroniku tat-temperatura tal-ġisem. Normalment, is-sewwieqa ma għandhomx isirulhom iktar minn tliet kontrolli tat-temperatura fl-istess ġurnata. F’każ li l-ħaddiem tas-settur tat-trasport ikollu d-deni u l-awtoritajiet tal-fruntiera jqisu li huwa ma għandux jitħalla jkompli l-vjaġġ tiegħu, huwa għandu jingħata aċċess għall-kura tas-saħħa x-xierqa. L-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi l-faċilitajiet ix-xierqa għall-ħżin temporanju tal-vetturi, sakemm jaslu s-sewwieqa ta’ sostituzzjoni. |
24. |
Il-Kummissjoni tirrakkomanda wkoll l-użu ta’ miżuri biex ikun hemm iktar iġjene fl-ajruporti, fil-portijiet, fl-istazzjonijiet tal-ferrovija u fi pjattaformi oħrajn tat-trasport fuq l-art. Fil-pjattaformi tat-trasport għandhom jitqiesu wkoll l-għażla tal-persunal ta’ prijorità, kif ukoll il-miżuri biex jiġi żgurat id-diżinfettar, eċċ. Għandhom jiġu segwiti r-rakkomandazzjonijiet biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-ħaddiema tas-settur tat-trasport, bħal dawk li jissemmew fl-Anness 2. |
25. |
Biex ikun żgurat li jibqa’ għaddej il-moviment tal-oġġetti u tal-materjali, b’mod partikolari l-ikel frisk u l-prodotti essenzjali tal-ikel, l-annimali ħajjin u l-għalf, l-inputs għall-produzzjoni agrikola, il-mediċini, fosthom il-mediċini veterinarji, it-tagħmir ta’ protezzjoni personali (il-PPE), is-sustanzi ta’ oriġini umana u l-inputs industrijali għall-produzzjoni u għall-manutenzjoni ta’ dawn il-proċessi, il-ħaddiema tas-settur tat-trasport u l-operaturi ta’ servizzi essenzjali u kritiċi tal-katina tal-provvista fil-mezzi kollha tat-trasport għandhom jitqiesu bħala wieħed mill-gruppi ta’ prijorità – wara li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet strettament mediċi – fid-distribuzzjoni u fl-allokazzjoni tat-tagħmir ta’ protezzjoni personali (il-PPE) bħall-prodotti għad-diżinfettar u l-ingwanti. |
26. |
L-Istati Membri għandhom jikkollaboraw bejniethom biex jiffaċilitaw ir-ripatrijazzjoni tal-ħaddiema tas-settur tat-trasport li jkunu spiċċawlhom il-kuntratti tagħhom u għandhom jipprovdulhom l-assistenza kollha li jkollhom bżonn biex jaslu lura d-dar. |
27. |
Il-prinċipji kollha ta’ hawn fuq għandhom japplikaw ukoll għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jekk dawn ikunu essenzjali biex jipprovdu l-moviment liberu tal-merkanzija fl-UE u lejha. |
(1) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52020XC0316(03)&from=EN
(2) Il-prinċipji relatati mat-trasport tal-oġġetti f’din il-Komunikazzjoni japplikaw mutatis mutandis għal vjeġġi ta’ skart skont ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190, 1.7.2006, p. 1).
(3) https://ec.europa.eu/transport/infrastructure/tentec/tentec-portal/site/en/maps.html
(4) Għar-referenza fl-Anness 1 u online ara: Il-punti ta’ qsim tal-fruntieri interni bit-triq tan-Netwerk TEN-T
(5) https://ec.europa.eu/transport/coronavirus-response_mt; kuntatt: EU-COVID-TRANSPORT@ec.europa.eu.
(6) Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1.)
ANNESS 1
Il-punti ta’ qsim tal-fruntieri bit-triq tan-netwerk TEN-T*
ANNESS 2
Ir-rakkomandazzjonijiet għas-sewwieqa kif ukoll għall-impriżi relatati mat-trasport u għall-awtoritajiet pubbliċi kompetenti rilevanti involuti fit-trasport tal-merkanzija wara t-tifqigħa tal-COVID-19
Dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li jiġu rrispettati r-regoli speċifiċi rigward l-iġjene u t-tbegħid soċjali jew regoli oħra imposti mill-awtoritajiet nazzjonali fit-territorji rispettivi tagħhom.
— |
It-tbegħid soċjali għandu jkun ir-regola u s-sewwieqa għandhom jevitaw kemm jista’ jkun li joħorġu mill-kabina tat-trakk biex jagħmlu interazzjonijiet soċjali. |
— |
Min iħaddem għandu jipprovdi lis-sewwieqa bil-ġell u bis-sapun tas-sanitizzazzjoni/tad-diżinfettar. |
— |
Min iħaddem għandu jinforma lis-sewwieqa bir-rakkomandazzjonijiet ta’ dan l-Anness. |
— |
L-użu ta’ dokumenti diġitali għandu jiġi mħeġġeġ u min iħaddem għandu jagħmel l-almu tiegħu biex jibgħat id-dokumenti bil-quddiem lill-kumpaniji meta jkunu jafu li dawn id-dokumenti jaf ikunu meħtieġa fil-punti tat-tagħbija/tal-ħatt. |
— |
Meta l-interazzjonijiet soċjali ma jkunux jistgħu jiġu evitati, is-sewwieqa għandhom jilbsu tagħmir protettiv rilevanti adegwat bħall-ingwanti. |
— |
Il-kabina tat-trakk għandha tiġi diżinfettata ma’ kull użu ġdid (eż. meta sewwieq ieħor jew il-persunal tal-pjattaformi jiġi biex isuq il-vettura). |
Fil-punti tat-tagħbija u tal-ħatt:
— |
Kemm jista’ jkun, is-sewwieqa għandhom jibqgħu fil-kabina tat-trakk fil-punti tat-tagħbija u tal-ħatt. |
— |
Kemm jista’ jkun, l-attivitajiet tat-tagħbija u tal-ħatt għandhom jitwettqu mill-persunal lokali tal-kumpanija li tirċievi/tibgħat l-oġġetti. Meta s-sewwieqa jkunu meħtieġa jissorveljaw dawn l-attivitajiet, għandhom jżommu distanza sikura minima minn persunal ieħor u għandhom jilbsu l-materjal protettiv disponibbli bħall-ingwanti. |
— |
Meta jkun possibbli, id-dokumenti kollha relatati mal-operat tat-trasport għandhom jintbagħtu b’mod elettroniku minn qabel mill-kumpanija. Jekk jiġu skambjati dokumenti fiżiċi fil-punti tat-tagħbija/tal-ħatt, huwa rrakkomandat li s-sewwieqa/il-persunal jużaw l-ingwanti u l-ġel tal-idejn kontra l-batterji jew jaħslu jdejhom bis-sapun u bl-ilma immedjatament wara. |
Pawżi u ħinijiet ta’ mistrieħ:
— |
Is-sewwieqa għandhom jipprattikaw it-tbegħid soċjali matul il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ fuq it-triq. Matulhom, huwa rrakkomandat li jevitaw il-kuntatti mill-qrib ma’ persuni oħra (sewwieqa, persunal tal-parkeġġi, eċċ). |
— |
Kemm jista’ jkun, is-sewwieqa għandhom jieklu fil-beraħ u mhux ħdejn persuni oħra jew fil-kabina tat-trakk. Meta l-catering ikun disponibbli fil-postijiet ta’ waqfien tagħhom, huwa rrakkomandat li s-sewwieqa ma jiklux ikel fir-ristorant/fil-kafetterija iżda minflok jordnaw ikel take-away sabiex jiklux ħdejn persuni oħra. |
Waqt il-kontrolli u fil-kjuwijiet fil-fruntieri:
— |
Bħala regola ġenerali, is-sewwieqa ma għandhomx ikollhom joħorġu mill-kabina tat-trakk tagħhom għall-kontrolli. |
— |
Waqt li jkunu qed jiġu ċċekkjati d-dokumenti, id-dokumenti stampati għandhom jiġu skambjati b’mod li titħares distanza sikura minima. Meta s-sewwieqa jkunu meħtieġa li jimlew dokumenti, l-uffiċjali nazzjonali tal-kontroll għandhom iħalluhom jimlew id-dokumenti fil-kabina tat-trakk. |
— |
Jekk jiġu skambjati d-dokumenti fiżiċi jew jekk dawn jiġu ċċekkjati, huwa rrakkomandat li jintuża ġel tal-idejn ta’ kontra l-batterji jew li dak li jkun jaħsel idejh bl-ilma u bis-sapun meta dan ikun possibbli. Huwa rrakkomandat li s-sewwieqa u l-persunal jużaw l-ingwanti u l-ġel tal-idejn ta’ kontra l-batterji jew li dawn jaħslu jdejhom bis-sapun u bl-ilma immedjatament wara. |
ANNESS 3
Mudell taċ-ċertifikat għall-ħaddiema tas-settur tat-trasport internazzjonali
|
Ċertifikat għall-ħaddiema tas-settur tat-trasport internazzjonali |
B’dan nikkonferma li l-persuna li ġejja:
Isem u kunjom:
Data tat-twelid:
Residenza:
twettaq attivitajiet fit-trasport internazzjonali bħala*
☐ |
sewwieq ta’ vettura tqila tal-merkanzija |
☐ |
sewwieq tal-karozza tal-linja |
☐ |
membru tal-ekwipaġġ ta’ inġenju tal-ajru tat-trasport |
☐ |
sewwieq tal-ferrovija |
☐ |
membru tal-ekwipaġġ tal-ferrovija |
☐ |
spettur tal-vaguni |
☐ |
kaptan tal-bastiment |
☐ |
membru tal-ekwipaġġ tal-bastiment |
☐ |
membru tal-ekwipaġġ tal-amministrazzjoni tat-toroq |
☐ |
xufier ta’ vettura sa 9 persuna li jkunu qed iġorru waħda mill-kategoriji ta’ persuni ta’ hawn fuq, li tkun impjegata tal-istess impjegatur u tittrasportahom lejn jew mill-post tax-xogħol, u vjaġġi vojta konnessi ma’ tali trasport |
* Immarka b’salib.
Il-post u d-data:
Għall-kumpanija/l-uffiċċju/l-organizzazzjoni (Isem u firma):