Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0782

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar ċerti aspetti ta’sikurezza ferrovjarja u ta’ konnettività ferrovjarja fir-rigward tal-infrastruttura transfruntiera li tgħaqqad l-Unjoni mar-Renju Unit permezz taċ-Channel Fixed Link

    COM/2020/782 final

    Brussell, 27.11.2020

    COM(2020) 782 final

    2020/0347(COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar ċerti aspetti ta’sikurezza ferrovjarja u ta’ konnettività ferrovjarja fir-rigward tal-infrastruttura transfruntiera li tgħaqqad l-Unjoni mar-Renju Unit permezz taċ-Channel Fixed Link


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Mill-1 ta’ Frar 2020, ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika 1 (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 2 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020. Il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li matulu d-dritt tal-Unjoni jkompli japplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit f’konformità mal-Artikolu 127 ta’ dak il-ftehim, jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020.

    L-Artikolu 10 tat-Trattat bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit dwar il-bini u t-tħaddim minn konċessjonarji privati ta’ Channel Fixed Link, iffirmat f’Canterbury fit-12 ta’ Frar 1986 (“it-Trattat ta’ Canterbury”) stabbilixxa Kummissjoni Intergovernattiva biex tissorvelja l-kwistjonijiet kollha dwar il-bini u t-tħaddim taċ-Channel Fixed Link. Sat-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ (“perjodu ta’ tranżizzjoni”), il-Kummissjoni Intergovernattiva tikkostitwixxi l-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza fis-sens tad-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 . F’dik il-kapaċità, hija tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni rilevanti għas-sikurezza ferrovjarja u l-interoperabbiltà ferrovjarja fiċ-Channel Fixed Link kollu.

    Wara li jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni, sakemm ma jkunx previst mod ieħor, id-dritt tal-Unjoni mhux se jibqa’ applikabbli għall-parti taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġuriżdizzjoni tar-Renju Unit u, fir-rigward tal-parti taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġuriżdizzjoni Franċiża, il-Kummissjoni Intergovernattiva mhix se tibqa’ tikkostitwixxi awtorità nazzjonali tas-sikurezza skont id-dritt tal-Unjoni. L-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza għall-amministratur tal-infrastruttura taċ-Channel Fixed Link u ċ-ċertifikati tas-sikurezza għall-impriżi ferrovjarji li joperaw fil-Fixed Link maħruġa mill-Kummissjoni Intergovernattiva mhux se jibqgħu validi.

    Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 , Franza ngħatat is-setgħa li tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali mar-Renju Unit dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar is-sikurezza ferrovjarja u l-interoperabbiltà ferrovjarja għaċ-Channel Fixed Link, bl-għan li jinżamm reġim unifikat tas-sikurezza. Madankollu, huwa improbabbli li tali ftehim jidħol fis-seħħ sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

    Fid-dawl tal-importanza ekonomika taċ-Channel Fixed Link għall-Unjoni, huwa essenzjali li wara l-1 ta’ Jannar 2021 iċ-Channel Fixed Link jibqa’ jopera. Għal dan l-għan, l-awtorizzazzjoni tas-sikurezza maħruġa lill-amministratur tal-infrastruttura tagħha mill-Kummissjoni Intergovernattiva abbażi tad-Direttiva 2004/49/KE 5 jenħtieġ li tibqa’ valida għal perjodu ta’ xahrejn wara li jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni stabbilit fil-Ftehim dwar il-Ħruġ. Dan huwa l-perjodu ta’ żmien li l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li huwa meħtieġ sabiex jingħata biżżejjed żmien lill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza Franċiża biex toħroġ l-awtorizzazzjoni tagħha stess għas-sezzjoni taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġurisdizzjoni Franċiża. Il-Kummissjoni tqis li din hija l-estensjoni massima li għandha tingħata b’mod raġonevoli għal dak l-għan. Jekk ftehim kif previst mid-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 jiġi konkluż fi stadju aktar tard, il-Kummissjoni Intergovernattiva tista’ toħroġ awtorizzazzjoni unika tas-sikurezza li tissostitwixxi dik maħruġa mill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza Franċiża, b’kundizzjonijiet li jkunu jridu jiġu stabbiliti.

    Barra minn hekk, il-liċenzji maħruġa mir-Renju Unit skont id-Direttiva 2012/34/UE lill-impriżi ferrovjarji stabbiliti fit-territorju tiegħu qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni mhux se jkunu validi fl-Unjoni wara dik id-data.

    Fl-10 ta’ Novembru 2020, skont l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 , ir-Repubblika Franċiża nnotifikat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tidħol f’negozjati dwar ftehim transfruntier mar-Renju Unit. L-għan ta’ dan il-ftehim ikun li jippermetti lill-impriżi ferrovjarji stabbiliti u li jkollhom liċenzja maħruġa mir-Renju Unit jużaw l-infrastruttura transfruntiera li tgħaqqad l-Unjoni u r-Renju Unit permezz taċ-Channel Fixed Link sal-istazzjon u t-terminal transfruntiera ta’ Calais-Fréthun, mingħajr ma tinkiseb liċenzja skont id-Direttiva 2012/34/UE minn awtorità tal-liċenzjar tal-Unjoni.

    Sabiex tiġi żgurata l-konnettività bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, huwa essenzjali li l-impriżi ferrovjarji jkomplu joperaw sal-istazzjon transfruntier ta’ Calais-Fréthun. Għal dak l-għan, il-perjodu ta’ validità tal-liċenzji tagħhom maħruġa mir-Renju Unit skont id-Direttiva 2012/34/UE u taċ-ċertifikati tas-sikurezza tagħhom maħruġa mill-Kummissjoni Intergovernattiva jenħtieġ li jiġi estiż għal perjodu ta’ disa’ xhur mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dan huwa l-perjodu ta’ żmien mitlub mill-awtoritajiet Franċiżi. Din l-estensjoni tagħti biżżejjed żmien għan-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim transfruntier bejn Franza u r-Renju Unit skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2012/34/UE u ta’ ftehim kif previst mid-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 u għat-teħid ta’ kwalunkwe miżura oħra prevista mid-dritt tal-Unjoni li tkun meħtieġa biex jiġi evitat it-tfixkil. Dan il-perjodu jippermetti bis-sħiħ li dawn il-proċeduri jiġu ffinalizzati, għalhekk il-Kummissjoni tqisu bħala l-estensjoni massima li tista’ tingħata b’mod raġonevoli. Jekk in-negozjati bilaterali ma jiġux konklużi fil-ħin, l-impriżi ferrovjarji inkwistjoni jkollhom jiksbu liċenzja tal-UE skont id-Direttiva 2012/34/UE sad-data li fiha dan ir-Regolament ma jibqax japplika.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika

    Din il-proposta hija maħsuba bħala lex specialis li tindirizza wħud mill-konsegwenzi li jirriżultaw mill-fatt li d-dritt tal-Unjoni mhux se jibqa’ japplika għar-Renju Unit u li sakemm ma jkunx previst mod ieħor, fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, iċ-ċertifikati u l-awtorizzazzjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni Intergovernattiva ma jibqgħux validi skont id-dritt tal-Unjoni. L-istess japplika għal-liċenzji operattivi maħruġa mill-awtorità tal-liċenzjar tar-Renju Unit. It-termini proposti huma strettament limitati għal dak li huwa meħtieġ f’dan ir-rigward, sabiex jiġi evitat it-tfixkil tal-operazzjonijiet transfruntiera. Huma maħsuba wkoll biex japplikaw għal perjodu ta’żmien limitat. Id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ dawk l-atti se jibqgħu japplikaw. Din il-proposta hija kompletament konsistenti mal-leġiżlazzjoni eżistenti.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Il-proposta tikkonċerna s-sikurezza ferrovjarja u l-konnettività ferrovjarja, u tikkomplementa d-Direttiva (UE) 2016/798, li ssostitwiet id-Direttiva 2004/49/KE, kif ukoll id-Direttiva 2012/34/UE. L-intenzjoni hija li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizzi ferrovjarji transfruntiera mar-Renju Unit wara li jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 91(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Peress li l-proposta tikkomplementa d-dritt eżistenti tal-Unjoni, b’dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-applikazzjoni tagħhom kif suppost wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, l-għan tagħha jista’ jinkiseb biss permezz ta’ att fil-livell tal-Unjoni.

    Proporzjonalità

    Ir-Regolament propost jitqies li huwa proporzjonat peress li kapaċi jevita t-tfixkil billi jipprevedi bidla ġuridika limitata u meħtieġa, li tkopri l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizzi ferrovjarji transfruntiera mar-Renju Unit. Ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dan l-għan u joqgħod lura milli jwassal għal xi bidliet usa’ jew xi miżuri permanenti.

    Għażla tal-istrument

    Din il-proposta fiha sett limitat ta’ dispożizzjonijiet biex tiġi indirizzata sitwazzjoni speċifika ħafna u ta’ darba. Għalhekk, mhuwiex xieraq li jiġu emendati d-Direttiva (UE) 2016/798 u d-Direttiva 2012/34/UE. Dan ikun l-aħjar mod kif tiġi indirizzata l-urġenza tas-sitwazzjoni/tal-kuntest, peress li ż-żmien disponibbli qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni huwa qasir wisq biex jippermetti traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu f’Direttiva.

    Meta jitqies dan, jidher li Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huwa l-unika forma adegwata ta’ att ġuridiku.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Dan mhuwiex applikabbli minħabba n-natura eċċezzjonali, temporanja u ta’ darba tal-avveniment li jwassal għall-ħtieġa ta’ din il-proposta.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    L-isfidi li jirriżultaw mit-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni stabbilit fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-ħtieġa ta’ tħejjija għal bidliet inevitabbli fl-1 ta’ Jannar 2021 u miżuri addizzjonali possibbli li għandhom jiġu previsti ġew diskussi mar-rappreżentanti tal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati kkonċernati fil-kuntest ta’ laqgħat speċifiċi.

    Tema komuni fil-fehmiet ippreżentati kienet il-ħtieġa ta’ intervent regolatorju sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-operazzjonijiet fiċ-Channel Fixed Link ladarba d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit.

    Ġbir u użu ta’ għarfien espert

    Din l-informazzjoni ġiet soġġetta għal analiżi legali u teknika interna biex jiġi żgurat li l-miżura proposta tilħaq l-għan maħsub tagħha, iżda fl-istess ħin hija limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Mhijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt minħabba n-natura eċċezzjonali tas-sitwazzjoni u n-natura fuq medda qasira ta’ żmien tal-miżura proposta. Mhija disponibbli l-ebda għażla ta’ politika materjalment u legalment differenti minbarra dik proposta.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Mhux applikabbli.

    Drittijiet fundamentali

    Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq l-applikazzjoni jew il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Mhux applikabbli.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

    Mhux applikabbli minħabba n-natura fuq medda qasira ta’ żmien tal-miżura proposta.

    Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

    Mhux applikabbli.

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Ir-Regolament propost (Artikolu 1) japplika għal:

    (a)awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza maħruġa mill-Kummissjoni Intergovernattiva skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/49/KE lill-amministratur tal-infrastruttura taċ-Channel Fixed Link;

    (b)ċertifikati tas-sikurezza maħruġa mill-Kummissjoni Intergovernattiva skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/49/KE lill-impriżi ferrovjarji stabbiliti fir-Renju Unit u li jużaw iċ-Channel Fixed Link;

    (c)liċenzji maħruġa skont il-Kapitolu III tad-Direttiva 2012/34/UE lill-impriżi ferrovjarji stabbiliti fir-Renju Unit u li jużaw l-infrastruttura transfruntiera li tgħaqqad l-Unjoni u r-Renju Unit permezz tal-mina tal-Kanal Ingliż.

    L-Artikolu 3 jestendi l-validità tal-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza tal-amministratur tal-infrastruttura b’perjodu ta’ xahrejn u taċ-ċertifikati tas-sikurezza u tal-liċenzji tal-impriżi ferrovjarji b’perjodu ta’ disa’ xhur. Jestendi wkoll il-validità tal-liċenzji operattivi maħruġa skont id-Direttiva 2012/34/UE għal perjodu ta’ disa’ xhur. Jillimita l-validità tal-liċenzji hekk estiżi għat-territorju li jinsab bejn l-istazzjon u t-terminal transfruntiera msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament u r-Renju Unit.

    L-Artikolu 4 jistipula li dawn l-awtorizzazzjonijiet, ċertifikati u liċenzji huma soġġetti għad-Direttiva (UE) 2016/798 u għad-Direttiva 2012/34/UE rispettivament u jirrikjedi li d-detenturi tagħhom jikkooperaw mal-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza u mal-awtorità tal-liċenzjar Franċiżi u jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa. Skont l-Artikolu 5, l-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza u l-awtorità tal-liċenzjar Franċiżi jridu jimmonitorjaw li d-detenturi ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet, ċertifikati u liċenzji jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-irtirar tal-benefiċċju mogħti lid-detenturi taċ-ċertifikati, awtorizzazzjonijiet u liċenzji inkwistjoni, meta l-konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni ma tkunx żgurata.

    2020/0347 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar ċerti aspetti ta’sikurezza ferrovjarja u ta’ konnettività ferrovjarja fir-rigward tal-infrastruttura transfruntiera li tgħaqqad l-Unjoni mar-Renju Unit permezz taċ-Channel Fixed Link

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 7 ,

    Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni 8 ,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1) ,

    Billi:

    (1)Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“Ftehim dwar il-Ħruġ”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020. Il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li matulu d-dritt tal-Unjoni jkompli japplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit f’konformità mal-Artikolu 127 ta’ dak il-ftehim, jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020.

    (2)L-Artikolu 10 tat-Trattat bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-bini u t-tħaddim minn konċessjonarji privati ta’ Channel Fixed Link, iffirmat f’Canterbury fit-12 ta’ Frar 1986 (“it-Trattat ta’ Canterbury”) stabbilixxa Kummissjoni Intergovernattiva biex tissorvelja l-kwistjonijiet kollha dwar il-bini u t-tħaddim taċ-Channel Fixed Link.

    (3)Sat-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Kummissjoni Intergovernattiva tikkostitwixxi l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza fis-sens tad-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 . F’dik il-kapaċità, hija tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni rilevanti għas-sikurezza ferrovjarja u, skont id-Direttiva (UE) 2016/797 10 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għall-interoperabbiltà ferrovjarja, fiċ-Channel Fixed Link kollu.

    (4)Wara li jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni, sakemm ma jkunx previst mod ieħor, id-dritt tal-Unjoni ma jibqax applikabbli għall-parti taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġuriżdizzjoni tar-Renju Unit u, fir-rigward tal-parti taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġuriżdizzjoni Franċiża, il-Kummissjoni Intergovernattiva ma tibqax tikkostitwixxi awtorità nazzjonali tas-sikurezza skont id-dritt tal-Unjoni. Mill-1 ta’ Jannar 2021, l-awtorizzazzjoni tas-sikurezza lill-amministratur tal-infrastruttura taċ-Channel Fixed Link u ċ-ċertifikati tas-sikurezza lill-impriżi ferrovjarji li joperaw fiċ-Channel Fixed Link maħruġa mill-Kummissjoni Intergovernattiva skont l-Artikolu 11 u l-Artikolu 10 rispettivament tad-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 ma jibqgħux validi.

    (5)Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 12 , Franza ngħatat is-setgħa li tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali mar-Renju Unit dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar is-sikurezza ferrovjarja u l-interoperabbiltà ferrovjarja għaċ-Channel Fixed Link sabiex jinżamm reġim unifikat tas-sikurezza. Permezz tar-Regolament (UE) 2020/1530 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 13 , id-Direttiva (UE) 2016/798 ġiet emendata b’mod partikolari fir-rigward tar-regoli li jappartjenu għall-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza.

    (6)Abbażi ta’ dawn l-emendi u soġġett għal ftehim kif previst mid-Deċiżjoni (UE) 2020/1531, u taħt ċerti kundizzjonijiet, il-Kummissjoni Intergovernattiva tista’ tibqa’ l-awtorità unika tas-sikurezza għaċ-Channel Fixed Link kollu filwaqt li tikkostitwixxi, fir-rigward tal-parti taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġurisdizzjoni Franċiża, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza skont it-tifsira tal-punt (7) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2016/798. Madankollu, huwa improbabbli li tali ftehim bħal dak previst mid-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 ikun daħal fis-seħħ sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

    (7)Mingħajr tali ftehim, mill-1 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni Intergovernattiva ma tibqax tikkwalifika bħala awtorità nazzjonali tas-sikurezza skont it-tifsira tal-punt (7) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2016/798, fir-rigward tal-parti taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġurisdizzjoni Franċiża. L-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza u ċ-ċertifikati tas-sikurezza maħruġa mill-Kummissjoni Intergovernattiva ma jibqgħux validi. L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza Franċiża ssir l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza kompetenti għas-sezzjoni taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġurisdizzjoni Franċiża.

    (8)Fid-dawl tal-importanza ekonomika taċ-Channel Fixed Link għall-Unjoni, huwa essenzjali li ċ-Channel Fixed Link jibqa’ jopera wara l-1 ta’ Jannar 2021. Għal dak l-għan, l-awtorizzazzjoni tas-sikurezza maħruġa mill-Kummissjoni Intergovernattiva u msemmija fil-premessa 4 jenħtieġ li tibqa’ valida għal perjodu massimu ta’ xahrejn mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, li jkun biżżejjed biex l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza Franċiża tkun tista’ toħroġ l-awtorizzazzjoni tas-sikurezza tagħha stess.

    (9)Fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-liċenzji maħruġa skont il-Kapitolu III tad-Direttiva 2012/34/UE għall-impriżi ferrovjarji stabbiliti fir-Renju Unit mhux se jibqgħu validi. Fl-10 ta’ Novembru 2020, skont l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 14 , Franza nnotifikat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tidħol f’negozjati dwar ftehim transfruntier mar-Renju Unit. L-għan ta’ dan il-ftehim għandu jkun li jippermetti lill-impriżi ferrovjarji stabbiliti u liċenzjati mir-Renju Unit jużaw l-infrastruttura transfruntiera li tgħaqqad l-Unjoni u r-Renju Unit permezz taċ-Channel Fixed Link sal-istazzjon u t-terminal transfruntiera ta’ Calais-Fréthun, mingħajr ma tinkiseb liċenzja skont id-Direttiva 2012/34/UE minn awtorità tal-liċenzjar tal-Unjoni.

    (10)Sabiex tiġi żgurata l-konnettività bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, huwa essenzjali li l-impriżi ferrovjarji msemmija fil-premessa 9 jibqgħu joperaw. Għal dak l-għan, il-perjodu ta’ validità tal-liċenzji tagħhom maħruġa mir-Renju Unit skont id-Direttiva 2012/34/UE u taċ-ċertifikati tas-sikurezza tagħhom maħruġa mill-Kummissjoni Intergovernattiva jenħtieġ li jiġi estiż għal perjodu ta’ disa’ xhur mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, li jkun biżżejjed biex jippermetti lill-Istati Membri kkonċernati jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw il-konnettività f’konformità mad-Direttiva 2012/34/UE, id-Direttiva (UE) 2016/798 u abbażi ta’ ftehim kif previst mid-Deċiżjoni (UE) 2020/1531, skont il-każ.

    (11)Biex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-irtirar tal-benefiċċju mogħti lid-detenturi taċ-ċertifikati, awtorizzazzjonijiet u liċenzji, meta ma tkunx żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (6) . Jenħtieġ li tintuża l-proċedura ta’ eżami għall-adozzjoni ta’ dawk il-miżuri, minħabba l-impatt potenzjali tagħhom fuq is-sikurezza ferrovjarja. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jkunu immedjatament applikabbli fejn, f’każijiet debitament ġustifikati, dawn ikunu meħtieġa minħabba raġunijiet imperattivi ta’ urġenza.

    (12)Minħabba l-urġenza li tirriżulta mit-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi hawn fuq, huwa xieraq li tingħata eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, li huwa anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

    (13)Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi miżuri proviżorji dwar ċerti aspetti ta’ sikurezza ferrovjarja u ta’ konnettività ferrovjarja fir-rigward tat-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fil-premessa 1, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

    (14)Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jidħlu fis-seħħ b’urġenza u li japplikaw mill-jum wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi, fid-dawl tat-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, għal ċerti ċertifikati tas-sikurezza u awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza maħruġa skont id-Direttiva 2004/49/KE u ċerti liċenzji ta’ impriżi ferrovjarji maħruġa skont id-Direttiva 2012/34/UE, imsemmija fil-paragrafu 2.

    2.Dan ir-Regolament għandu japplika għaċ-ċertifikati, awtorizzazzjonijiet u liċenzji li ġejjin, li jkunu validi fil-31 ta’ Diċembru 2020:

    (a)awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza maħruġa skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/49/KE lill-amministraturi tal-infrastruttura għall-ġestjoni u t-tħaddim tal-infrastruttura transfruntiera li tgħaqqad lill-Unjoni mar-Renju Unit permezz tal-mina tal-Kanal Ingliż;

    (b)ċertifikati tas-sikurezza maħruġa skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/49/KE lill-impriżi ferrovjarji stabbiliti fir-Renju Unit u li jużaw l-infrastruttura transfruntiera li tgħaqqad l-Unjoni u r-Renju Unit permezz tal-mina tal-Kanal Ingliż;

    (c)liċenzji maħruġa skont il-Kapitolu III tad-Direttiva 2012/34/UE lill-impriżi ferrovjarji stabbiliti fir-Renju Unit u li jużaw l-infrastruttura transfruntiera li tgħaqqad l-Unjoni u r-Renju Unit permezz tal-mina tal-Kanal Ingliż.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet korrispondenti fid-Direttiva 2012/34/UE u fid-Direttiva (UE) 2016/798 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati skont dawk id-Direttivi u skont id-Direttiva 2004/49/KE.

    Artikolu 3

    Validità tal-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza, taċ-ċertifikati tas-sikurezza u tal-liċenzji operattivi

    1.L-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2) għandhom jibqgħu validi għal xahrejn mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    2.Iċ-ċertifikati tas-sikurezza msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 1(2) għandhom jibqgħu validi għal disa’ xhur mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dawn għandhom ikunu validi biss għall-fini li wieħed jasal fl-istazzjon u t-terminal transfruntiera msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament mir-Renju Unit jew li wieħed jitlaq minn dawk l-istazzjon u t-terminal lejn ir-Renju Unit.

    3.Il-liċenzji msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1(2) għandhom jibqgħu validi għal disa’ xhur mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. B’deroga mill-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2012/34/UE, dawk il-liċenzji għandhom ikunu validi biss fuq it-territorju li jinsab bejn l-istazzjon u t-terminal transfruntiera msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament u r-Renju Unit.

    Artikolu 4

    Regoli u obbligi rigward iċ-ċertifikati tas-sikurezza u l-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza

    1.Iċ-ċertifikati tas-sikurezza, awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza u liċenzji rregolati mill-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament huma soġġetti għar-regoli applikabbli għalihom f’konformità mad-Direttiva 2012/34/UE u d-Direttiva (UE) 2016/798 u f’konformità mal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati skont dawk id-Direttivi.

    2.Id-detenturi ta’ ċertifikati tas-sikurezza, awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza u liċenzji msemmija fl-Artikolu 1(2), u, jekk ikun xieraq, l-awtorità li toħroġhom, meta tkun differenti mill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza li fit-territorju tagħha tinsab l-infrastruttura fl-Unjoni u li taħt il-kompetenza tagħha jaqgħu l-istazzjon u t-terminal transfruntiera elenkati fl-Anness, għandhom jikkooperaw ma’ dik l-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza u jagħtuha l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti kollha.

    3.Fejn l-informazzjoni jew id-dokumenti ma jkunux twasslu fil-limiti ta’ żmien stabbiliti mill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, fit-talbiet tagħha, il-Kummissjoni tista’, malli tirċievi notifika mill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza, tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tirtira l-benefiċċju mogħti lid-detentur skont l-Artikolu 3. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 7(2).

    4.Id-detenturi taċ-ċertifikati tas-sikurezza, awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza u liċenzji msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament għandhom jinfurmaw mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji dwar kwalunkwe azzjoni minn awtoritajiet kompetenti tas-sikurezza oħra, li tista’ tkun f’konflitt mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament, skont id-Direttiva 2012/34/UE jew skont id-Direttiva (UE) 2016/798.

    5.Qabel ma tirtira l-benefiċċji mogħtija skont l-Artikolu 3, il-Kummissjoni għandha, fi żmien xieraq, tinforma lill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, lill-awtorità li ħarġet iċ-ċertifikati tas-sikurezza, awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza u liċenzji msemmija fl-Artikolu 1(2), lid-detenturi ta’ tali ċertifikati, awtorizzazzjonijiet u liċenzji bl-intenzjoni tagħha li tipproċedi għal tali rtirar u tagħtihom l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.

    6.Fir-rigward tal-liċenzji msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1(2), għall-finijiet tal-paragrafi (1) sa (5) ta’ dan l-Artikolu, ir-referenzi għal Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal awtorità tal-liċenzjar kif definita fil-punt (15) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/34/UE.

    Artikolu 5

    Monitoraġġ tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni

    1.L-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza msemmija fl-Artikolu 4(2) għandha timmonitorja l-istandards tas-sikurezza ferrovjarja applikati għall-impriżi ferrovjarji li jużaw l-infrastruttura transfruntiera msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2), u applikati għal dik l-infrastruttura transfruntiera. Barra minn hekk, l-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza għandha tivverifika li l-amministraturi tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-sikurezza stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni. Fejn ikun xieraq, l-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza għandha tipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji b’rakkomandazzjoni għall-Kummissjoni biex taġixxi f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

    L-awtorità tal-liċenzjar imsemmija fl-Artikolu 4(2) flimkien mal-punt (6), ta’ dan ir-Regolament għandha timmonitorja jekk ir-rekwiżiti tal-Artikoli 19 sa 22 tad-Direttiva 2012/34/UE għadhomx jiġu ssodisfati fir-rigward tal-impriżi ferrovjarji liċenzjati mir-Renju Unit imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament.

    2.Meta l-Kummissjoni jkollha dubji ġustifikati dwar jekk l-istandards tas-sikurezza applikati għat-tħaddim ta’ servizzi ferrovjarji jew ta’ infrastruttura transfruntiera koperti mill-kamp tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew tal-parti mill-istess infrastruttura li tinsab fir-Renju Unit humiex konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, hija għandha mingħajr dewmien żejjed, tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tirtira l-benefiċċju mogħti lid-detentur skont l-Artikolu 3. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 7(2). Dan għandu japplika mutatis mutandis meta l-Kummissjoni jkollha dubji ġustifikati dwar jekk ir-rekwiżiti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ġewx issodisfati.

    3.Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza jew l-awtorità tal-liċenzjar imsemmija fl-Artikolu 4(2) flimkien mal-punt (6), tista’ titlob informazzjoni mingħand l-awtoritajiet kompetenti rilevanti, filwaqt li tistabbilixxi limitu ta’ żmien raġonevoli. Meta dawk l-awtoritajiet kompetenti rilevanti ma jipprovdux l-informazzjoni mitluba fil-limitu ta’ żmien stabbilit, jew jipprovdu informazzjoni mhux kompluta, il-Kummissjoni tista’, wara notifika lill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza jew lill-awtorità tal-liċenzjar imsemmija fl-Artikolu 4(2) flimkien mal-punt (6), kif xieraq, tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tirtira l-benefiċċju mogħti lid-detentur skont l-Artikolu 3. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 7(2).

    4.Qabel ma tirtira l-benefiċċji mogħtija skont l-Artikolu 3, il-Kummissjoni għandha, fi żmien xieraq, tinforma lill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza msemmija fl-Artikolu 4(2), lill-awtorità li ħarġet iċ-ċertifikati tas-sikurezza, awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza u liċenzji msemmija fl-Artikolu 1(2), lid-detenturi ta’ tali ċertifikati, awtorizzazzjonijiet u liċenzji, kif ukoll lill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza u l-awtorità tal-liċenzjar tar-Renju Unit bl-intenzjoni tagħha li tipproċedi għal tali rtirar u tagħtihom l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.

    Artikolu 6

    Konsultazzjoni u kooperazzjoni

    1.L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkonsultaw l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit u jikkooperaw magħhom skont il-ħtieġa sabiex jassiguraw l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    2.Fuq talba, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed bi kwalunkwe informazzjoni miksuba skont il-paragrafu 1 jew kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 7

    Kumitat

    1.Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 51 tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament u tal-Kunsill  (7) u mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 62 tad-Direttiva 2012/34/UE. Dawk il-kumitati għandhom ikunu kumitati skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

    Artikolu 8

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    1.Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2.Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

    3.Dan ir-Regolament għandu jieqaf japplika mill-1 ta’ Ottubru 2021.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)    ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.
    (2)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 1).
    (3)    Id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102).
    (4)    Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2020 li tagħti s-setgħa lil Franza biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali li jissupplimenta t-Trattat bejn Franza u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-bini u t-tħaddim minn konċessjonarji privati ta’ Channel Fixed Link (ĠU L 352, 22.10.2020, p. 4).
    (5)    Id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzji tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44).
    (6)    Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32).
    (7)    ĠU C , , p. .
    (8)    ĠU C , , p. .
    (9)    Id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102).
    (10)    Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44).
    (11)    Id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzji tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44).
    (12)    Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2020 li tagħti s-setgħa lil Franza biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali li jissupplimenta t-Trattat bejn Franza u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-bini u t-tħaddim minn konċessjonarji privati ta’ Channel Fixed Link (ĠU L 352, 22.10.2020, p. 4).
    (13)    Ir-Regolament (UE) 2020/1530 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2020 li jemenda d-Direttiva (UE) 2016/798, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli dwar is-sikurezza ferrovjarja u l-interoperabbiltà ferrovjarja fiċ-Channel Fixed Link (ĠU L 352, 22.10.2020, p. 1).
    (14)    Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32).
    Top

    Brussell, 27.11.2020

    COM(2020) 782 final

    ANNESS

    tal-

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    dwar ċerti aspetti ta’sikurezza ferrovjarja u ta’ konnettività ferrovjarja fir-rigward tal-infrastruttura transfruntiera li tgħaqqad l-Unjoni mar-Renju Unit permezz taċ-Channel Fixed Link


    ANNESS

    L-istazzjon u t-terminal transfruntiera msemmija fl-Artikoli 3 u 4 huma dawn li ġejjin:

    FRANZA

    Calais-Fréthun

    Top