Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0671

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor dwar l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992

    COM/2020/671 final

    Brussell, 30.10.2020

    COM(2020) 671 final

    2020/0303(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor dwar l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.Suġġett tal-proposta

    Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor (“ISC”) b’rabta mal-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992.

    2.Kuntest tal-proposta

    2.1.Il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992

    Il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 1 (“il-Ftehim”) għandu l-għan li jtejjeb il-kooperazzjoni internazzjonali b’rabta ma' kwistjonijiet dinjija taz-zokkor u oħrajn relatati, li jipprovdi forum għal konsultazzjonijiet intergovernattivi dwar iz-zokkor u dwar metodi biex tittejjeb l-ekonomija dinjija taz-zokkor, li jiffaċilita l-kummerċ billi jiġbor u jipprovdi informazzjoni dwar is-suq dinji taz-zokkor u dolċifikanti oħrajn, u li jinkoraġġixxi żieda fid-domanda għaz-zokkor, b’mod partikolari għal użi mhux tradizzjonali.

    Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1993.

    L-Unjoni hija parti tal-Ftehim 2 .

    2.2.L-Organizzazzjoni Internazzjonali taz-Zokkor

    L-Organizzazzjoni Internazzjonali taz-Zokkor (“ISO”) li tamministra l-Ftehim hija organizzazzjoni intergovernattiva bbażata f’Londra li tara li tissodisfa l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1 tal-Ftehim.

    Dawn l-objettivi tipprova tiksibhom billi ttejjeb it-trasparenza tas-suq permezz tal-ġbir u l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni statistika u studji dwar il-produzzjoni dinjija, il-prezzijiet, l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet, il-konsum u l-ħażniet taz-zokkor.

    Bħalissa, l-ISO għandha 87 membru, li jinkludu ħafna mill-akbar produtturi u importaturi taz-zokkor fid-dinja. Minbarra l-Unjoni, il-membri tagħha huma, fost oħrajn, il-Brażil, l-Indja, it-Tajlandja, l-Awstralja, il-Federazzjoni Russa u Kuba. L-aħħar pajjiż li ngħaqad mal-ISO kien is-Sri Lanka, li sar membru fis-6 ta’ Awwissu 2013. Is-87 membru tal-ISO għandhom total ta’ 2 000 vot.

    Għall-proċeduri baġitarji (ara l-Artikolu 25 tal-Ftehim), jiġifieri għall-iffissar tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji annwali tal-membri, fl-2020 l-Unjoni għandha 538 vot 3 . In-numru ta’ voti jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 25 u aġġustat kull sena abbażi tal-bidla fis-sehem tal-Membri fit-total tal-bażijiet ta’ tunnellaġġ kompost tal-Membri kollha minn dak għall-istess sħubija għas-sena ta’ qabel. It-tunnellaġġ kompost huwa kkalkulat bħala 35 % tal-esportazzjonijiet ta’ dak il-Membru lejn is-suq ħieles flimkien ma’ 15 % tal-esportazzjonijiet totali ta’ dak il-Membru skont arranġamenti speċjali flimkien ma’ 35 % tal-importazzjonijiet fis-suq ħieles ta’ dak il-Membru flimkien ma’ 15 % tal-importazzjonijiet totali ta’ dak il-Membru skont arranġamenti speċjali. Id-data użata għall-kalkolu tal-bażi tat-tunnellaġġ kompost ta’ kull Membru hija, għal kull kategorija ta’ hawn fuq, il-medja ta’ dik il-kategorija għall-ogħla tlieta mill-aħħar erba’ snin ippubblikata fl-edizzjoni l-aktar riċenti tal-Year Book taz-Zokkor tal-organizzazzjoni.

    Għat-teħid tad-deċiżjonijiet, id-drittijiet tal-vot huma distribwiti skont l-Artikolu 11 tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor, li jqis ir-ridistribuzzjoni tal-voti tal-Membri li għandhom id-dritt tal-vot tagħhom sospiż minħabba li ma ħallsux il-kontribuzzjoni tagħhom għall-baġit amministrattiv. Skont l-aħħar distribuzzjoni tal-voti skont l-Artikolu 11, l-Unjoni Ewropea għandha 697 vot.

    Fil-laqgħat tal-ISO, l-Unjoni hija rrappreżentata mill-Kummissjoni bis-saħħa tal-Artikolu 17 tat-TUE. L-Istati Membri jistgħu jattendu l-laqgħat tal-ISO, b’mod partikolari s-Sessjonijiet tal-Kunsill.

    2.3.L-att previst tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor (ISC)

    Fit-2 ta’ Ottubru 2020, ir-Renju Unit 4 applika formalment għall-adeżjoni mal-Ftehim. Fid-9 ta’ Ottubru 2020, is-Segretarjat tal-ISO għarraf lill-Membri tiegħu dwar l-applikazzjoni tar-Renju Unit. Ir-Renju Unit japplika għas-sħubija fl-ISO mill-1 ta’ Jannar 2021, jiġifieri wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ tranżizzjoni b’segwitu għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

    Skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim, l-ISC iwettaq jew jagħmel arranġamenti għat-twettiq tal-funzjonijiet kollha kif ikun meħtieġ biex jitwettqu d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim.

    Skont l-Artikolu 41 tal-Ftehim, l-adeżjoni hija miftuħa għall-Gvernijiet tal-Istati kollha bil-kundizzjonijiet li l-ISC iqis xierqa. Skont l-Artikolu 25(4) tal-Ftehim, fil-każ tal-adeżjoni ta’ Membru wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, meta l-Membru li jkun se jissieħeb ma jkunx elenkat fl-anness tal-Ftehim, l-ISC għandu jiddeċiedi fuq in-numru ta’ voti li għandhom jiġu allokati lil dak il-Membru. Wara li l-Membru li jkun se jissieħeb jaċċetta n-numru ta’ voti allokati mill-ISC, il-voti tal-Membri eżistenti għandhom jiġu kkalkulati mill-ġdid sabiex it-total tal-voti jibqa’ 2000. Il-voti allokati lir-Renju Unit, abbażi tad-distribuzzjoni attwali tal-voti, jammontaw għal 55 vot u jitnaqqsu mill-voti allokati lill-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 25 tal-ISA. Konsegwentement, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni Ewropea titnaqqas kif xieraq għas-sena finanzjarja 2021.

    Ma kien hemm l-ebda diskussjoni formali dwar l-applikazzjoni tar-Renju Unit fil-Kumitat Amministrattiv tal-ISO jew fil-laqgħat tal-ISC qabel in-notifika datata d-9 ta’ Ottubru 2020 5 ippubblikata mis-Segretarjat tal-ISO dwar l-ittra, datata t-2 ta’ Ottubru 2020 tal-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq. Matul is-57 sessjoni tal-ISC fis-27 ta’ Novembru 2020, l-ISC se jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq f’konformità mal-Artikolu 41 tal-Ftehim.

    Il-Ftehim dwar il-Ħruġ

    F’konformità mal-Artikolu 129(2) tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika 6 (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”), waqt il-perjodu ta’ tranżizzjoni l-Unjoni se tibqa’ tirrappreżenta lir-Renju Unit fil-ħidma ta’ kwalunkwe korp stabbilit bil-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni. Waqt il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit jenħtieġ li jżomm lura minn kwalunkwe azzjoni jew inizjattiva li tista’ tippreġudika l-interessi tal-Unjoni. Madankollu, kif stabbilit bl-Artikolu 129(4) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, ir-Renju Unit jista’ jinnegozja, jiffirma u jirratifika ftehimiet internazzjonali li jidħol għalihom fil-kapaċità tiegħu stess fl-oqsma ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni, diment li dawk il-ftehimiet ma jidħlux fis-seħħ jew ma jkunux japplikaw matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

    3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

    Il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE 7 sal-31 ta’ Diċembru 1995. Kull darba, il-Ftehim jiġi estiż għal perjodu massimu ta’ sentejn f’konformità mal-Artikolu 45(2) tal-Ftehim. Fid-19 ta’ Lulju 2019, l-ISC iddeċieda li jestendi l-ISA għal sentejn, sal-31 ta’ Diċembru 2021 8 .

    L-Unjoni minn dejjem kienet membru attiv tal-ISO u appoġġat l-espansjoni tal-organizzazzjoni.

    Ir-Renju Unit huwa produttur importanti tal-prodotti agrikoli, inkluż iz-zokkor li huwa l-prodott agrikolu ewlieni kopert mill-ISO. Waqt li kien membru tal-Unjoni, ir-Renju Unit kellu kummerċ sinifikanti ta’ zokkor u prodotti li fihom iz-zokkor mal-Istati Membri.

    Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, ir-Renju Unit jibqa’ marbut bil-ftehimiet internazzjonali tal-Unjoni u l-Unjoni tkompli tirrappreżenta lir-Renju Unit fl-ISO.

    Skont l-Artikolu 26(1) tal-Ftehim, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji annwali tal-Membri jsiru dovuti fl-ewwel jum tas-sena finanzjarja filwaqt li l-kontribuzzjonijiet tal-Membri fir-rigward tas-sena li fiha jissieħbu fl-ISO jsiru dovuti fid-data li fiha jsiru Membri. Għaldaqstant, l-Unjoni tħallas il-kontribuzzjonijiet annwali tagħha lill-ISO fil-bidu ta’ Jannar għas-sena finanzjarja kollha kkonċernata, li tibda’ f’Jannar u tintemm f’Diċembru. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-2020 tħallset mill-baġit tal-Unjoni għall-2020, li r-Renju Unit jikkontribwixxi għalih ukoll. B’konsegwenza ta’ dan, fir-rigward tas-sena finanzjarja kollha tal-2020, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-ISO tkopri wkoll lir-Renju Unit. Bl-adeżjoni tar-Renju Unit fl-1 ta’ Jannar 2021, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-ISO fir-rigward tas-sena finanzjarja 2021 mhux se tibqa’ tkopri lir-Renju Unit.

    L-għan ta’ din il-proposta hu li tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni fl-ISO dwar l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim mill-1 ta’ Jannar 2021. Peress li l-proċedura tal-adeżjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim hija soġġetta għal deċiżjoni mill-ISC, il-pożizzjoni tal-Unjoni se tiġi stabbilita abbażi tal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE).

    4.Bażi legali

    4.1.Bażi legali proċedurali

    4.1.1.Prinċipji

    L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi għal deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita bi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

    Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti ġuridiċi” jinkludi l-atti li jkollhom effetti ġuridiċi skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede kkonċernata.

    4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

    L-att previst tal-ISC għandu l-effett li jespandi s-sħubija tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992. L-att previst tal-ISC għandu effetti legali għaliex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ tali adeżjoni, b’mod partikolari minħabba li jaffettwa l-bilanċ deċiżjonali fl-ISC, li d-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu u rakkomandazzjonijiet isiru, fil-prinċipju, b’kunsens. Fin-nuqqas ta’ kunsens, id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet isiru b’vot ta’ maġġoranza sempliċi, sakemm dan il-Ftehim ma jipprevedix vot speċjali 9 , u jorbtu lill-Membri tiegħu, kif iddikjarat fl-Artikolu 13 tal-Ftehim. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji rispettivi tal-Membri se jiġu affettwati wkoll mill-espansjoni tas-sħubija tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni.

    L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

    Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    4.2.Bażi ġuridika sostantiva

    4.2.1.Prinċipji

    Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew minn dawn il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

    4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

    L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst jirrigwardaw il-kummerċ fil-prodotti agrikoli.

    Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) tat-TFUE.

    4.3.Konklużjoni

    Il-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    2020/0303 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor dwar l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Filwaqt li:

    (1)Il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE 10 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1993. Il-Ftehim ġie konkluż inizjalment għal perjodu ta’ tliet snin.

    (2)Skont l-Artikolu 45(2) tal-Ftehim, il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor jista' jestendi l-Ftehim għal perjodi suċċessivi ta' mhux aktar minn sentejn kull darba. Sa mill-konklużjoni tiegħu, il-Ftehim ġie estiż regolarment għal perjodi ulterjuri ta’ sentejn. Il-Ftehim ġie estiż l-aħħar permezz tad-Deċiżjoni dwar il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor fl-10 ta’ Lulju 2019 11 , u se jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2021.

    (3)Skont l-Artikolu 41 tal-Ftehim, hu miftuħ għall-adeżjoni mill-Gvernijiet tal-Istati kollha f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor.

    (4)Fit-2 ta’ Ottubru 2020, ir-Renju Unit applika formalment għall-adeżjoni mal-Ftehim mill-1 ta’ Jannar 2021 ’il quddiem.

    (5)Matul is-57 sessjoni tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor skedata għas-27 ta’ Novembru 2020, il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor huwa ppjanat li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq f’konformità mal-Artikolu 41 tal-Ftehim.

    (6)Għaldaqstant, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor.

    (7)Ir-Renju Unit huwa produttur ewlieni taz-zokkor. L-approvazzjoni tal-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni hija fl-interess tal-Unjoni.

    (8)Il-voti allokati lir-Renju Unit mid-data tal-adeżjoni tiegħu mal-Ftehim għandhom jitnaqqsu mill-voti allokati lill-Unjoni skont l-Artikolu 25 ta’ dak il-Ftehim. Konsegwentement, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni Ewropea għandha titnaqqas kif xieraq mis-sena finanzjarja 2021.

    (9)L-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim għandha tidħol fis-seħħ biss wara li jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Ftehim ma għandux jiġi applikat b’mod proviżorju fir-rigward tar-Renju Unit qabel tmiem dak il-perjodu,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul is-57 sessjoni tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor fis-27 ta’ Novembru 2020 għandha tkun li tapprova l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (il-Ftehim), soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4.

    2.L-adeżjoni ma għandhiex tidħol fis-seħħ u l-Ftehim ma għandux jiġi applikat b’mod proviżorju fir-rigward tar-Renju Unit qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

    3.Mid-data tal-adeżjoni tiegħu mal-Ftehim, ir-Renju Unit se jiġi allokat numru ta’ voti ddeterminat skont l-Artikolu 25 tal-Ftehim u stabbilit matul is-57 sessjoni tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor tas-27 ta’ Novembru 2020, li se jitnaqqsu mill-voti allokati lill-Unjoni Ewropea.

    4.Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni se titnaqqas skont l-Artikolu 25 tal-Ftehim.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Kummissjoni.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    DIKJARAZZJONI FINANZJARJA

    Fin Stat/20/PSHMK/pl/62220293413793

    agri.ddg3.g.4(2020) 6175239

    6.22.2020

    DATA: 13/10/2020

    1.

    INTESTATURA TAL-BAĠIT:

    Kapitolu 15 20 PROĠETTI PILOTA, AZZJONIJIET PREPARATORJI, PREROGATTIVI U AZZJONIJIET OĦRA

    15 20 03 06 Organizzazzjonijiet u ftehimiet internazzjonali    

    APPROPRJAZZJONIJIET:

    B2021:EUR 15 605 027

    2.

    TITOLU:
    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor dwar l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992

    3.

    BAŻI ĠURIDIKA: L-Artikolu 207(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu, jifformaw il-bażi ġuridika ta’ din il-proposta.

    4.

    GĦANIJIET:

    Li tiġi approvata l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992.

    5.

    IMPLIKAZZJONIJIET FINANZJARJI

    PERJODU TA’ 12-IL XAHAR

    (EUR)

    SENA FINANZJARJA KURRENTI 2020

    (EUR)

    SENA FINANZJARJA LI JMISS 2021

    (EUR)

    5.0

    NEFQA

    -    IDDEBITATA LILL-BAĠIT TAL-UE
    (RIFUŻJONIJIET/INTERVENTI)

    -    AWTORITAJIET NAZZJONALI

    -    OĦRAJN

    - 42 937-

    5.1

    DĦUL

    -    RIŻORSI PROPRJI TAL-UE
    (IMPOSTI/DAZJI DOGANALI)

    -    NAZZJONALI

    5.0.1

    NEFQA PROĠETTATA

    5.1.1

    DĦUL PROĠETTAT

    5.2

    METODU TAL-KALKOLU: 55 voti inqas għall-UE, 686 GBP/ vot

    6.0

    IL-PROĠETT JISTA’ JIĠI FFINANZJAT MILL-APPROPRJAZZJONIJIET IMDAĦĦLA FIL-KAPITOLU RILEVANTI TAL-BAĠIT KURRENTI?

    M.A.

    6.1

    IL-PROĠETT JISTA’ JIĠI FFINANZJAT PERMEZZ TA’ TRASFERIMENT BEJN KAPITOLI TAL-BAĠIT ATTWALI?

    M.A.

    6.2

    SE JKUN HEMM BŻONN TA’ BAĠIT SUPPLIMENTARI?

    LE

    6.3

    SE JKUN HEMM BŻONN LI JIDDAĦĦLU L-APPROPRJAZZJONIJIET F’BAĠITS FUTURI?

    LE

    Id-deċiżjoni se jkollha impatt pożittiv żgħir għall-baġit tal-UE mill-baġit tal-2021. Il-kontribuzzjoni tal-UE mistennija tkun EUR 42 937 inqas, peress li r-Renju Unit se jħallas it-tariffa tas-sħubija tiegħu stess. L-ammont jista’ jvarja skont l-ammont li jkun se jitħallas għal kull vot f’GBP u skont ir-rata tal-kambju tal-EUR/GBP. Għal din l-istima, intuża l-iskambju ta’ GBP/EUR tal-BĊE tat-12/10/2020 (GBP 1 = EUR 1.1380).

    (1)    Il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (ĠU L 379, 23.12.1992, p. 16).
    (2)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE tat-13 ta’ Novembru 1992 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (ĠU L 379, 23.12.1992, p. 15).
    (3)    L-Organizzazzjoni Internazzjonali taz-Zokkor topera fuq bażi ta’ sena finanzjarja, li tibda mill-1 ta’ Jannar u tispiċċa fil-31 ta’ Diċembru.
    (4)    Bl-ittra tas-Sotto-Segretarju Parlamentari tal-Istat għad-Dipartiment għall-Ikel, l-Ambjent u l-Affarijiet Rurali.
    (5)    Memo (20)68.
    (6)    Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.
    (7)    ĠU L 379, 23.12.1992, p. 15.
    (8)    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor b’rabta mal-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 - COM(2019) 286 final - approvata mill-Kunsill fil-laqgħa dwar l-Affarijiet Ġenerali fil-25 ta’ Settembru 2017.
    (9)    L-Artikolu 2(4) tal-Ftehim jiddefinixxi vot speċjali bħala vot li jeħtieġ mill-inqas żewġ terzi tal-voti mitfugħa mill-Membri preżenti u li għandhom vot, bil-kundizzjoni li jivvutaw mill-inqas żewġ terzi tan-numru ta’ Membri preżenti u li għandhom vot.
    (10)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE tat-13 ta’ Novembru 1992 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (ĠU L 379, 23.12.1992, p. 15).
    (11)    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor b’rabta mal-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 - COM(2019) 286 final - approvata mill-Kunsill fil-laqgħa dwar l-Affarijiet Ġenerali fil-25 ta’ Settembru 2019.
    Top