Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0471

    Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL għall-għoti ta’ appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lill-Belġju biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad f’sitwazzjoni ta’ emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

    COM/2020/471 final

    Brussell, 24.8.2020

    COM(2020) 471 final

    2020/0225(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    għall-għoti ta’ appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lill-Belġju biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad f’sitwazzjoni ta’ emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Ir-Regolament tal-Kunsill 2020/672 (“ir-Regolament SURE”) jistabbilixxi l-qafas legali għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri, li qed jesperjenzaw taqlib ekonomiku sever ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19, jew huma mhedda serjament minn tali taqlib. L-appoġġ bis-saħħa ta’ SURE jservi għall-finanzjament, primarjament, ta’ skemi ta’ xogħol għal żmien qasir jew miżuri simili mmirati biex jipproteġu l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u b’hekk inaqqsu l-inċidenza tal-qgħad u t-telf tad-dħul, kif ukoll għall-finanzjament, bħala anċillari, ta’ xi miżuri relatati mas-saħħa, b’mod partikolari fuq il-post tax-xogħol.

    Fis-7 ta’ Awwissu 2020, il-Belġju talab assistenza finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament SURE. F’konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament SURE, il-Kummissjoni kkonsultat lill-awtoritajiet Belġjani biex tivverifika ż-żieda f’daqqa u qawwija fin-nefqa reali u ppjanata relatata direttament mal-iskema tal-qgħad temporanju, mal-introjtu ta’ sostituzzjoni b’rabta mal-COVID-19 għall-ħaddiema għal rashom, mal-liv tal-ġenituri b’rabta mal-COVID-19, ma’ numru ta’ skemi reġjonali ta’ appoġġ għall-introjtu u miżuri reġjonali relatati mas-saħħa b’kawża tal-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari, dan jikkonċerna:

    (1)l-iskema ta’ qgħad temporanju, “chômage temporaire / tijdelijke werkloosheid”, li tipprovdi kumpens għall-impjegati li x-xogħol tagħhom naqas jew ġie sospiż minħabba tnaqqis fl-ammont ta’ xogħol jew il-miżuri ta’ tbegħid soċjali imposti mill-gvern. L-iskema tal-qgħad temporanju kienet teżisti qabel il-pandemija tal-COVID-19, imma r-rekwiżiti biex tiġi aċċessata l-iskema ġew adattati għall-COVID-19 u l-proċedura tal-applikazzjoni kompliet tiġi ffaċilitata. Barra minn hekk, il-benefiċċju għall-qgħad temporanju żdied minn 65 % għal 70 % tal-paga medja ta’ kuljum (limitu massimu ta’ EUR 2 754,76 grossi fix-xahar). Barra minn hekk ġie introdott primjum ta’ kuljum ta’ EUR 5,36.

    (2)l-introjtu ta’ sostituzzjoni eżistenti għall-ħaddiema għal rashom, “dritt tranżitorju” (“Droit passerelle/ Overbruggingsrecht”), li ġie estiż bl-introduzzjoni ta’ “dritt tranżitorju b’rabta mal-COVID-19”. Dan huwa benefiċċju li jingħata meta l-miżuri ta’ tbegħid soċjali imposti mill-gvern iwasslu għal interruzzjoni totali jew parzjali tal-attivitajiet ta’ dawk li jaħdmu għal rashom jew għal interruzzjoni volontarja ta’ mill-inqas sebat ijiem kalendarji konsekuttivi matul ix-xahar. Minn Ġunju 2020 ’l hemm, dan il-benefiċċju kien maħsub għal persuni li jaħdmu għal rashom li reġgħu bdew bl-attività tagħhom imma xorta għandhom tnaqqis fil-fatturat meta mqabbel mal-2019. Il-persuni li jaħdmu għal rashom li għadhom ma jistgħux jerġgħu jibdew l-attività tagħhom xorta jistgħu jibbenefikaw mill-benefiċċju imma jridu jagħtu prova li dan huwa dovut għal restrizzjonijiet tal-COVID-19.

    (3)il-liv tal-ġenituri b’rabta mal-COVID-19, li huwa liv speċjali tal-ġenituri li ma jaffettwax id-dritt għal-liv regolari tal-ġenituri u jippermetti lill-ġenituri jieħdu l-liv biex jipprovdu kura addizzjonali għat-tfal tagħhom bejn Mejju u Settembru 2020, b’benefiċċju ogħla minn dik taħt il-liv regolari tal-ġenituri.

    (4)numru ta’ skemi reġjonali li jipprovdu appoġġ għall-introjtu lil dawk li jaħdmu għal rashom, kumpaniji b’membru wieħed u tipi oħra ta’ impjegati, li ma jikkwalifikawx għal tipi oħra ta’ appoġġ għall-introjtu. B’mod partikolari, il-primjums ta’ kumpens għall-kumpaniji u għall-imprendituri fir-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali, il-primjums ta’ inkonvenjent, kumpens u appoġġ fi Flanders u l-primjum ta’ kumpens għall-għeluq tan-negozju f’Walloon jipprovdu appoġġ ġeneralizzat ta’ darba għall-kumpaniji u għal dawk li jaħdmu għal rashom li kellhom bżonn iwaqqfu l-attivitajiet tagħhom minħabba COVID-19 jew li kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ tnaqqis sostanzjali fil-fatturat. Miżuri oħra (il-primjum ta’ kumpens għall-ħaddiema intermittenti fir-Reġjun ta’ Brussell Kapitali, is-sovvenzjoni tan-nurseries u tal-operaturi kulturali fil-Komunità Franċiża tal-Belġju, l-attivitajiet ta’ taħriġ fil-Wallonia, u s-sovvenzjoni tal-operaturi kulturali u ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u s-sovvenzjoni tal-operaturi turistiċi fil-Komunità li titkellem bil-Ġermaniż) jindirizzaw lil dawk li jaħdmu għal rashom u lill-ħaddiema mingħajr aċċess għall-iskema ta’ qgħad temporanju f’setturi speċifiċi (is-settur kulturali u tal-indukrar, l-attivitajiet ta’ taħriġ).

    (5)il-miżuri relatati mas-saħħa fil-Komunità li titkellem bil-Ġermaniż, li jinkludu t-taħriġ tal-iġjene, il-provvediment ta’ materjal protettiv għaċ-ċentri residenzjali u tal-kura, għall-isptarijiet u l-provdituri tas-servizzi mediċi u kampanji ta’ informazzjoni.

    Il-Belġju pprovda lill-Kummissjoni bl-informazzjoni rilevanti.

    B’kont meħud tal-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill biex jadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni biex tingħata assistenza finanzjarja lill-Belġju taħt ir-Regolament SURE b’appoġġ għall-miżuri ta’ hawn fuq.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Il-proposta preżenti hija kompletament konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill 2020/672, li bis-saħħa tiegħu qed issir il-proposta.

    Din il-proposta ġejja apparti strument ieħor tal-liġi tal-Unjoni li jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri f’każ ta’ emerġenza, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) (“ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002”). Ir-Regolament (UE) 2020/461 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda dak l-istrument biex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex ikopri emerġenzi kbar ta’ saħħa pubblika u jiddefinixxi operazzjonijiet speċifiċi eliġibbli għall-finanzjament, ġie adottat fit-30 ta’ Marzu.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Il-proposta hija parti minn firxa ta’ miżuri żviluppati b’rispons għall-pandemija attwali tal-COVID-19 bħall-“Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus”, u tikkomplementa strumenti oħra li jappoġġaw l-impjiegi bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) / InvestEU. Bl-użu ta’ għoti u teħid b’self f’dan il-każ partikolari tat-tifqigħa tal-COVID-19 għall-appoġġ tal-Istati Membri, din il-proposta taġixxi bħala t-tieni linja ta’ difiża biex jiġu ffinanzjati skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, biex jiġu protetti l-impjiegi u b’hekk l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju tal-qgħad.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-bażi ġuridika għal dan l-istrument hija r-Regolament tal-Kunsill 2020/672.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva) 

    Il-proposta ssegwi talba tal-Istati Membri u turi solidarjetà Ewropea billi tipprovdi assistenza finanzjarja tal-Unjoni fil-forma ta’ self temporanju lil Stat Membru affettwat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Bħala t-tieni linja ta’ difiża, tali assistenza finanzjarja tappoġġja ż-żieda fin-nefqa pubblika tal-gvern fuq bażi temporanja fir-rigward tal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili biex tgħinhom jipproteġu l-impjiegi u b’hekk lill-impjegati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju ta’ qgħad u t-telf ta’ introjtu.

    Tali appoġġ se jgħin lill-popolazzjoni affettwata u jgħin biex itaffi l-impatt soċjali u ekonomiku dirett ikkawżat mill-kriżi attwali tal-COVID-19.

    Proporzjonalità

    Il-proposta tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità. Ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-istrument.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Minħabba l-urġenza biex titħejja l-proposta u biex tkun tista’ tiġi adottata fil-ħin mill-Kunsill, ma setgħetx titwettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Minħabba n-natura urġenti tal-proposta, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tikkuntratta self fis-swieq finanzjarji bil-għan li tisilfu lill-Istat Membru li jkun qed jitlob assistenza finanzjarja taħt l-istrument SURE.

    Minbarra l-provvediment tal-garanziji tal-Istati Membri, jiddaħħlu salvagwardji oħra fil-qafas sabiex tiġi żgurata s-solidità finanzjarja tal-iskema:

    ·Approċċ rigoruż u konservattiv għall-ġestjoni finanzjarja;

    ·Kostruzzjoni tal-portafoll ta’ self li jillimita r-riskju ta’ konċentrazzjoni, skopertura annwali u skopertura eċċessiva għal Stati Membri individwali, filwaqt li jiġi żgurat li riżorsi suffiċjenti jistgħu jingħataw lill-Istati Membri li huma l-aktar fil-bżonn; kif ukoll

    ·Possibbiltajiet ta’ riportament tad-dejn.

    2020/0225 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    għall-għoti ta’ appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lill-Belġju biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad f’sitwazzjoni ta’ emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Fis-7 ta’ Awwissu 2020, il-Belġju talab assistenza finanzjarja mill-Unjoni bil-ħsieb li jikkomplementa l-isforzi nazzjonali tiegħu biex jindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tagħha għall-ħaddiema.

    (2)It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati mill-Belġju biex titrażżan it-tifqigħa u l-impatt soċjoekonomiku u marbut mas-saħħa tagħha huma mistennija li jkollhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, il-Belġju kien mistenni li jkollu defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 8,9 % u 113,8 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Skont il-previżjoni interim tas-sajf tal-2020 tal-Kummissjoni, il-PDG tal-Belġju huwa previst li jonqos bi 8,8 % fl-2020.

    (3)It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol fil-Belġju. Dan wassal għal żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika mill-Belġju fir-rigward tal-iskema tal-qgħad temporanju, “chômage temporaire / tijdelijke werkloosheid”, l-introjtu ta’ sostituzzjoni b’rabta mal-COVID-19 għal dawk li jaħdmu għal rashom, “id-dritt ta’ tranżizzjoni b’rabta mal-COVID-19”, il-liv tal-ġenituri b’rabta mal-COVID-19, u numru ta’ skemi reġjonali ta’ appoġġ għall-introjtu u insostenn tal-miżuri tas-saħħa pubblika, kif stipulati fil-premessi minn 4 sa 8.

    (4)L-“Arrêté royal du 30 mars 2020” 2 , kif imsemmi fit-talba tal-Belġju tas-7 ta’ Awwissu 2020, adatta l-iskema ta’ qgħad temporanju, “chômage temporaire / tijdelijke werkloosheid” għall-COVID-19, li tipprovdi kumpens għall-impjegati li x-xogħol tagħhom naqas jew ġie sospiż minħabba tnaqqis fl-ammont ta’ xogħol jew il-miżuri ta’ tbegħid soċjali imposti mill-gvern. L-iskema tal-qgħad temporanju kienet teżisti qabel il-pandemija tal-COVID-19, imma r-rekwiżiti biex tiġi aċċessata l-iskema ġew adattati għall-COVID-19 u l-proċedura tal-applikazzjoni kompliet tiġi ffaċilitata. Barra minn hekk, il-benefiċċju għall-qgħad temporanju żdied minn 65 % għal 70 % tal-paga medja ta’ kuljum (limitu massimu ta’ EUR 2 754,76 grossi fix-xahar). Barra minn hekk ġie introdott primjum ta’ kuljum ta’ EUR 5,36.

    (5)Il-“Loi du 23 mars 2020” 3 , kif imsemmija fit-talba tal-Belġju tas-7 ta’ Awwissu 2020, estendiet l-introjtu ta’ sostituzzjoni eżistenti għall-ħaddiema għal rashom, “dritt ta’ tranżizzjoni” (“Droit passerelle/ Overbruggingsrecht”), bl-introduzzjoni ta’ “dritt ta’ tranżizzjoni b’rabta mal-COVID-19”. Dan huwa benefiċċju li jingħata meta l-miżuri ta’ tbegħid soċjali imposti mill-gvern iwasslu għal interruzzjoni totali jew parzjali tal-attivitajiet ta’ dawk li jaħdmu għal rashom jew għal interruzzjoni volontarja ta’ mill-inqas sebat ijiem kalendarji konsekuttivi matul ix-xahar. Minn Ġunju 2020 ’l hemm, dan il-benefiċċju kien maħsub għal persuni li jaħdmu għal rashom li reġgħu bdew bl-attività tagħhom imma xorta għandhom tnaqqis fil-fatturat meta mqabbel mal-2019. Il-persuni li jaħdmu għal rashom li għadhom ma jistgħux jerġgħu jibdew l-attività tagħhom xorta jistgħu jibbenefikaw mill-benefiċċju imma jridu jagħtu prova li dan huwa dovut għal restrizzjonijiet tal-COVID-19.

    (6)L-“Arrêté royal du 13 mai 2020 n° 23” 4 , kif imsemmi fit-talba tal-Belġju tas-7 ta’ Awwissu 2020, introduċa l-liv tal-ġenituri b’rabta mal-COVID-19, li huwa liv speċjali tal-ġenituri li ma jaffettwax id-dritt għal-liv regolari tal-ġenituri u jippermetti lill-ġenituri biex jieħdu liv biex jipprovdu kura addizzjonali għat-tfal tagħhom bejn Mejju u Settembru 2020, b’benefiċċju ogħla minn dik taħt il-liv regolari tal-ġenituri. Il-liv tal-ġenituri b’rabta mal-COVID-19 jista’ jitqies bħala miżura simili għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2020/672, billi jipprovdi appoġġ għall-introjtu lill-impjegati u jippreserva l-impjiegi, billi jiġi evitat li l-ġenituri li jkollhom jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom waqt li l-iskejjel ikunu magħluqa jkollhom jitterminaw ir-relazzjoni tax-xogħol tagħhom.

    (7)Fuq il-bażi ta’ “Arrêté du Gouvernement de la Région de Bruxelles-Capitale de pouvoirs spéciaux n° 2020/019” 5 , “Arrêté du Gouvernement de la Région de Bruxelles-Capitale de pouvoirs spéciaux n° 2020/030” 6 , “Notification de la réunion du conseil des ministres du gouvernement de la région de Bruxelles-Capitale du jeudi 14 mai 2020” 7 , “Besluit van de Vlaamse Regering van 20 maart 2020 8 , “Besluit van de Vlaamse Regering van 10 april 2020 9 , “Besluit van de Vlaamse Regering van 12 juni 2020 10 , “ Arrêté du Gouvernement de la Communauté française de pouvoirs spéciaux n° 4 du 23 avril 2020” 11 , “Arrêté du Gouvernement de la Communauté française du 7 avril 2020” 12 , “Arrêté ministériel portant exécution de l'arrêté du Gouvernement wallon du 20 mars 2020” 13 , “ Arrêté du Gouvernement wallon du 19 juin” 14 , “Parlament der Deutschsprachigen Gemeinschaft, Corona-Krisendekret I vom 6. April 2020” u “Parlament der Deutschsprachigen Gemeinschaft, Corona-Krisendekret III vom 20. Juli 2020,” kif imsemmija fit-talba tal-Belġju tas-7 ta’ Awwissu 2020, l-awtoritajiet Belġjani introduċew numru ta’ skemi reġjonali li jipprovdu appoġġ għall-introjtu lil dawk li jaħdmu għal rashom, kumpaniji b’membru wieħed u tipi oħra ta’ impjegati, li ma jikkwalifikawx għal tipi oħra ta’ appoġġ għall-introjtu. B’mod partikolari, il-primjums ta’ kumpens għall-kumpaniji u għall-imprendituri fir-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali, il-primjums ta’ inkonvenjent, kumpens u appoġġ fi Flanders u l-primjum ta’ kumpens għall-għeluq tan-negozju f’Walloon jipprovdu appoġġ ġeneralizzat ta’ darba għall-kumpaniji u għal dawk li jaħdmu għal rashom li kellhom bżonn iwaqqfu l-attivitajiet tagħhom minħabba COVID-19 jew li kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ tnaqqis sostanzjali fil-fatturat. Fejn il-miżuri jimmiraw lejn firxa usa’ ta’ benefiċjarji, ġew mitluba biss l-ammonti għan-nefqa relatata mal-appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-kumpaniji b’membru wieħed. Miżuri oħra (il-primjum ta’ kumpens għall-ħaddiema intermittenti fir-Reġjun ta’ Brussell Kapitali, is-sovvenzjoni tan-nurseries u tal-operaturi kulturali fil-Komunità Franċiża tal-Belġju, l-attivitajiet ta’ taħriġ fil-Wallonia, u s-sovvenzjoni tal-operaturi kulturali u ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u s-sovvenzjoni tal-operaturi turistiċi fil-Komunità li titkellem bil-Ġermaniż) jindirizzaw lil dawk li jaħdmu għal rashom u lill-ħaddiema mingħajr aċċess għall-iskema ta’ qgħad temporanju f’setturi speċifiċi (is-settur kulturali u tal-indukrar, l-attivitajiet ta’ taħriġ). Billi s-sovvenzjoni għall-operaturi kulturali u għall-ħaddiema għal rashom fil-Komunità li titkellem bil-Ġermaniż tipprovdi self li jista’ jiġi kkonvertit f’għotjiet, sabiex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li din tkun nefqa pubblika, jenħtieġ li fil-qafas tar-Regolament (UE) 2020/672 tiġi appoġġata biss in-nefqa relatata ma’ self li jiġi kkonvertit f’għotjiet.

    (8)Finalment, il-“Parlament der Deutschsprachigen Gemeinschaft, Corona-Krisendekret III vom 6. April 2020” 15 , kif imsemmija fit-talba tal-Belġju tas-7 ta’ Awwissu 2020, il-miżuri relatati mas-saħħa fil-Komunità li titkellem bil-Ġermaniż, li jinkludu t-taħriġ tal-iġjene, il-provvediment ta’ materjal protettiv għaċ-ċentri residenzjali u tal-kura, għall-isptarijiet u l-provdituri tas-servizzi mediċi u kampanji ta’ informazzjoni.

    (9)Il-Belġju jissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Il-Belġju pprovda lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet b’EUR 7 766 380 000 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-miżuri nazzjonali meħuda biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. Dan jikkostitwixxi żieda għal għarrieda u qawwija minħabba li hija relatata ma’ miżuri ġodda u estensjoni tal-miżuri eżistenti u tkopri proporzjon sinifikanti tal-impriżi u tal-forza tax-xogħol fil-Belġju.

    (10)Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Belġju u vverifikat iż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika attwali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif ukoll ir-rikors għal miżuri rilevanti relatati mas-saħħa marbuta mat-tifqigħa tal-COVID-19 imsemmija fit-talba tas-7 ta’ Awwissu 2020, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

    (11)Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li l-Belġju jiġi megħjun jindirizza l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19.

    (12)Jenħtieġ li din id-deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li jistgħu jitwettqu, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE. Ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 TFUE.

    (13)Jenħtieġ li l-Belġju jinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn il-Belġju implimenta dik in-nefqa.

    (14)Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija tal-Belġju, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Belġju jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672.

    Artikolu 2

    1.L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Belġju self li jammonta għal massimu ta’ EUR 7 766 380 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.

    2.Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 18-il xahar li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

    3.L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lill-Belġju f’massimu ta’ tmien ħlasijiet parzjali. Ħlas parzjali jista’ jingħata f’parti waħda jew iktar. Il-maturitajiet tal-partijiet taħt l-ewwel ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ segmenti oħrajn għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li l-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tiġi rispettata ladarba jsir l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali kollha.

    4.L-ewwel pagament għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

    5.Il-Belġju għandu jħallas il-kost tal-finanzjament tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2020/672 għal kull ħlas parzjali flimkien ma’ kwalunkwe tariffa, kost u spiża tal-Unjoni li jirriżultaw minn kwalunkwe finanzjament.

    6.Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx tal-pagamenti parzjali, kif ukoll dwar id-daqs tal-partijiet.

    Artikolu 3

    Il-Belġju jista’ jiffinanzja l-miżuri li ġejjin:

    a) l-iskema tal-qgħad temporanju, “chômage temporaire / tijdelijke werkloosheid” kif previst fl-Arrêté royal du 30 mars 2020;

    b) l-introjtu ta’ sostituzzjoni għall-ħaddiema għal rashom b’rabta mal-COVID-19, “drittijiet ta’ tranżizzjoni b’rabta mal-kriżi” kif previst fil-Loi du 23 mars 2020;

    c) il-liv tal-ġenituri tal-COVID-19 kif previst fl-Arrêté royal du 13 mai 2020 n° 23;

    d) l-iskemi reġjonali ta’ appoġġ għall-introjtu, kif ġej:

    i)għar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali:

    primjum ta’ kumpens għall-kumpaniji kif previst fl-Arrêté du Gouvernement de la Région de Bruxelles-Capitale de pouvoirs spéciaux n° 2020/019, għall-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għall-ħaddiema għal rashom u għall-kumpaniji b’membru wieħed;

    primjum ta’ kumpens għall-imprendituri kif previst mill-Arrêté du Gouvernement de la Région de Bruxelles-Capitale de pouvoirs spéciaux n° 2020/030, li jikkonċerna biss il-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għall-ħaddiema għal rashom u għall-kumpaniji b’membru wieħed;

    primjum ta’ kumpens għall-ħaddiema intermittenti, kif previst min-Notification de la réunion du conseil des ministres du gouvernement de la région de Bruxelles-Capitale du jeudi 14 mai 2020 point 23;

    ii)għar-Reġjun Fjamming:

    primjum ta’ fastidju kif previst mill-Besluit van de Vlaamse Regering van 20 maart 2020, għall-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għall-ħaddiema għal rashom u għall-kumpaniji b’membru wieħed;

    primjum ta’ kumpens kif previst mill-Besluit van de Vlaamse Regering van 10 april 2020, għal dik il-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għall-ħaddiema għal rashom u l-kumpaniji b’membru wieħed;

    primjum ta’ appoġġ kif previst mill-Besluit van de Vlaamse Regering van 12 juni 2020, għall-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għall-ħaddiema għal rashom u l-kumpaniji b’membru wieħed;

    iii)għall-Komunità Franċiża:

    sovvenzjoni għall-operaturi kulturali kif prevista fl-Arrêté du Gouvernement de la Communauté française de pouvoirs spéciaux n° 4 du 23 avril 2020;

    sovvenzjoni għan-nurseries kif prevista fl-Arrêté du Gouvernement de la Communauté française du 7 avril 2020, għall-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għall-ħaddiema għal rashom u l-kumpaniji b’membru wieħed;

    iv)għar-Reġjun ta’ Walloon:

    primjum ta’ kumpens għall-għeluq tan-negozju kif previst fl-Arrêté ministériel portant exécution de l'arrêté du Gouvernement wallon du 20 mars 2020, għall-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għall-ħaddiema għal rashom u l-kumpaniji b’membru wieħed;

    attivitajiet ta’ taħriġ kif previsti fl-Arrêté du Gouvernement wallon du 19 juin;

    v)għall-Komunità li titkellem bil-Ġermaniż:

    sovvenzjoni għall-operaturi kulturali u għal dawk li jaħdmu għal rashom kif prevista fil-Parlament der Deutschsprachigen Gemeinschaft, Corona-Krisendekret I vom 6. April 2020, Art. 7, għall-parti tan-nefqa relatata ma’ self li jiġi kkonvertit f’għotjiet;

    sovvenzjoni għall-operaturi turistiċi kif prevista fil-Parlament der Deutschsprachigen Gemeinschaft, Corona-Krisendekret III vom 20. Juli 2020, Art. 4, għall-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-kumpaniji b’membru wieħed;

    e) miżuri relatati mas-saħħa fil-Komunità li titkellem bil-Ġermaniż kif previsti fil-Parlament der Deutschsprachigen Gemeinschaft, Corona-Krisendekret I vom 6. April 2020, Art. 7.

    Artikolu 4

    Il-Belġju għandu jinforma lill-Kummissjoni sa [DATA: 6 xhur wara d-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni], u kull 6 xhur wara l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sa dak iż-żmien li n-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata b’mod sħiħ.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    ĠU L 159, 20.5.2020, p.1.
    (2)    Arrêté royal du 30 mars 2020 visant à adapter les procédures dans le cadre du chômage temporaire dû au virus Covid-19 et à modifier l'article 10 de l'arrêté royal du 6 mai 2019 modifiant les articles 27, 51, 52bis, 58, 58/3 et 63 de l'arrêté royal du 25 novembre 1991 portant réglementation du chômage et insérant les articles 36sexies, 63bis et 124bis dans le même arrêté.
    (3)    Loi du 23 mars 2020 modifiant la loi du 22 décembre 2016 instaurant un droit passerelle en faveur des travailleurs indépendants et introduisant les mesures temporaires dans le cadre du COVID-19 en faveur des travailleurs indépendants.
    (4)    Arrêté royal du 13 mai 2020 n° 23 pris en exécution de l'article 5, § 1, 5°, de la loi du 27 mars 2020 accordant des pouvoirs au Roi afin de prendre des mesures dans la lutte contre la propagation du coronavirus COVID-19 (II) visant le congé parental corona.
    (5)    Arrêté du Gouvernement de la Région de Bruxelles-Capitale de pouvoirs spéciaux n° 2020/019 modifiant l’arrêté de pouvoirs spéciaux n° 2020/013 du 7 avril 2020 relatif à une aide en vue de l’indemnisation des entreprises affectées par les mesures d’urgence pour limiter la propagation du coronavirus.
    (6)    Arrêté du Gouvernement de la Région de Bruxelles-Capitale de pouvoirs spéciaux n° 2020/030 relatif à l’aide aux entreprises qui subissent une baisse d’activité en raison de la crise sanitaire du COVID−19
    (7)    Notification de la reunion du conseil des ministres du gouvernement de la région de Bruxelles-Capitale du jeudi 14 mai 2020 point 23 - Mesures de soutien d’urgence au secteur créatif et culturel bruxellois suite à la crise COVID-19.
    (8)    Besluit van de Vlaamse Regering van 20 maart 2020 tot toekenning van steun aan ondernemingen die verplicht moeten sluiten ten gevolge van de maatregelen genomen door de Nationale Veiligheidsraad vanaf 12 maart 2020 inzake het coronavirus.
    (9)    Besluit van de Vlaamse Regering van 10 april 2020 tot toekenning van steun aan ondernemingen die een omzetdaling hebben ten gevolge van de exploitatiebeperkingen opgelegd door de maatregelen genomen door de Nationale Veiligheidsraad vanaf 12 maart 2020 inzake het coronavirus.
    (10)    Besluit van de Vlaamse Regering van 12 juni 2020 tot toekenning van steun aan ondernemingen die een omzetdaling hebben ondanks de versoepelde coronavirusmaatregelen, tot wijziging van de artikelen 1, 9 en 11 van het besluit van de Vlaamse Regering van 10 april 2020 tot toekenning van steun aan ondernemingen die een omzetdaling hebben ten gevolge van de exploitatiebeperkingen opgelegd door de maatregelen genomen door de Nationale Veiligheidsraad vanaf 12 maart 2020 inzake het coronavirus, en tot wijziging van de artikelen 1, 6, 9 en 12 van het besluit van de Vlaamse Regering van 20 maart 2020 tot toekenning van steun aan ondernemingen die verplicht moeten sluiten ten gevolge van de maatregelen genomen door de Nationale Veiligheidsraad vanaf 12 maart 2020 inzake het coronavirus.
    (11)    Arrêté du Gouvernement de la Communauté française de pouvoirs spéciaux n° 4 du 23 avril 2020 relatif au soutien du secteur culturel dans le cadre de la crise sanitaire du COVID-19.
    (12)    Arrêté du Gouvernement de la Communauté française du 7 avril 2020 relatif au soutien des milieux d’accueil dans le cadre de la crise sanitaire du COVID-19.
    (13)    Arrêté ministériel portant exécution de l'arrêté du Gouvernement wallon du 20 mars 2020 relatif à l'octroi d'indemnités compensatoires dans le cadre des mesures contre le coronavirus COVID-19 and Arrêté du Gouvernement wallon relatif à l'octroi d'indemnités compensatoires dans le cadre des mesures contre le coronavirus COVID-19.
    (14)    Arrêté du Gouvernement wallon du 19 juin portant des dispositions diverses relatives aux formateurs et au subventionnement des activités de formation des centres de formation du réseau IFAPME
    (15)    Parlament der Deutschsprachigen Gemeinschaft, Corona-Krisendekret I vom 6. April 2020.
    Top