EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0462

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lis-Slovakkja biex jittaffew r-riskji tal-qgħad f’sitwazzjoni ta’ emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

COM/2020/462 final

Brussell, 24.8.2020

COM(2020) 462 final

2020/0215(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lis-Slovakkja biex jittaffew r-riskji tal-qgħad f’sitwazzjoni ta’ emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Ir-Regolament tal-Kunsill 2020/672 (“ir-Regolament SURE”) jistabbilixxi l-qafas legali għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri, li qed jesperjenzaw taqlib ekonomiku sever ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19, jew huma mhedda serjament minn tali taqlib. L-appoġġ bis-saħħa ta’ SURE jservi għall-finanzjament, primarjament, ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar jew miżuri simili mmirati biex jipproteġu l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u b’hekk inaqqsu l-inċidenza tal-qgħad u t-telf tad-dħul, kif ukoll għall-finanzjament, bħala anċillari, ta’ xi miżuri relatati mas-saħħa, b’mod partikolari fuq il-post tax-xogħol.

Fis-6 ta’ Awwissu 2020, is-Slovakkja talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament SURE. F'konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament SURE, il-Kummissjoni kkonsultat lill-awtoritajiet Slovakki biex tivverifika ż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa reali u ppjanata direttament marbuta mal-iskema nazzjonali ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili kaġun tal-pandemija tal-COVID-19. L-iskema nazzjonali ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar għandha l-għan li tipproteġi lill-impjegati u lil min jaħdem għal rasu, biex b’hekk tnaqqas l-inċidenza tal-qgħad u t-telf ta’ dħul. Din tippermetti li n-negozji li jkunu qed jesperjenzaw diffikultajiet ekonomiċi jnaqqsu b’mod temporanju s-sigħat maħduma mill-impjegati tagħhom, li jingħataw appoġġ pubbliku għall-introjtu għas-sigħat mhux maħduma. L-iskema tista’ tintuża minn impjegaturi li taw l-assenza bil-permess lil xi wħud mill-impjegati tagħhom bejn Marzu 2020 u Diċembru 2021. Tali impjegaturi jistgħu jitolbu rimborż tal-ispejjeż tal-paga li jasal sa 80 % tas-salarju gross tas-soltu tal-impjegat assenti bil-permess, sa mhux aktar minn EUR 880 fix-xahar, dment li l-impjegat jinżamm. Minbarra l-iskema nazzjonali ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, is-Slovakkja introduċiet ukoll il-miżuri akkumpanjatorji li ġejjin: (a) kontribuzzjoni b’ammont fiss għal kull impjegat minn Marzu sa tmiem Settembru 2020 li tiddependi fuq tnaqqis fil-bejgħ ta’ mill-inqas 20 % (b’appoġġ kull xahar li jmur minn EUR 180 għal EUR 540, skont it-tnaqqis fil-bejgħ); (b) kontribuzzjoni b’ammont fiss sa tmiem Settembru 2020 pagabbli lil min jaħdem għal rasu b’assigurazzjoni soċjali obbligatorja li tiddependi fuq tnaqqis fil-bejgħ ta’ mill-inqas 20 % (appoġġ ta’ kull xahar ta’ bejn EUR 180 u EUR 540, skont it-tnaqqis fil-bejgħ); (c) rimborż ta’ 80 % tas-salarju gross tal-impjegat (sa massimu ta’ EUR 1 100) sa tmiem Settembru 2020 għall-impriżi magħluqa b’digriet; u (d) għotja b’rata fissa ta’ EUR 210 fix-xahar sa tmiem Settembru 2020 għall-ħaddiema li jaħdmu b’kuntratt, kumpaniji b’persuna waħda, u min jaħdem għal rasu.

Is-Slovakkja tat l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni.

Wara li qieset l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill biex jadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni biex tingħata assistenza finanzjarja lis-Slovakkja bis-saħħa tar-Regolament SURE b’appoġġ għall-miżuri ta’ hawn fuq.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta preżenti hija kompletament konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill 2020/672, li bis-saħħa tiegħu qed issir il-proposta.

Din il-proposta ġejja apparti strument ieħor tal-liġi tal-Unjoni li jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri f’każ ta’ emerġenza, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) (“ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002”). Ir-Regolament (UE) 2020/461 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda dak l-istrument biex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex ikopri emerġenzi kbar ta’ saħħa pubblika u jiddefinixxi operazzjonijiet speċifiċi eliġibbli għall-finanzjament, ġie adottat fit-30 ta’ Marzu.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija parti minn firxa ta’ miżuri żviluppati b’reazzjoni għall-pandemija attwali tal-COVID-19 bħall-“Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus”, u tikkomplementa strumenti oħra li jappoġġjaw l-impjiegi bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)/InvestEU. Bl-użu ta’ għoti u teħid b’self f’dan il-każ partikolari tat-tifqigħa tal-COVID-19 għall-appoġġ tal-Istati Membri, din il-proposta taġixxi bħala t-tieni linja ta’ difiża biex jiġu ffinanzjati skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, biex jiġu protetti l-impjiegi u b’hekk l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju tal-qgħad.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal dan l-istrument hija r-Regolament tal-Kunsill 2020/672.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta ssegwi talba tal-Istati Membri u turi solidarjetà Ewropea billi tipprovdi assistenza finanzjarja tal-Unjoni fil-forma ta’ self temporanju lil Stat Membru affettwat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Bħala t-tieni linja ta’ difiża, tali assistenza finanzjarja tappoġġja ż-żieda fin-nefqa pubblika tal-gvern fuq bażi temporanja fir-rigward tal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili biex tgħinhom jipproteġu l-impjiegi u b’hekk lill-impjegati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju ta’ qgħad u t-telf ta’ introjtu.

Tali appoġġ se jgħin lill-popolazzjoni affettwata u jgħin biex itaffi l-impatt soċjali u ekonomiku dirett ikkawżat mill-kriżi attwali tal-COVID-19.

Proporzjonalità

Il-proposta tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità. Ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-istrument.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Minħabba l-urġenza biex titħejja l-proposta u biex tkun tista’ tiġi adottata fil-ħin mill-Kunsill, ma setgħetx titwettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba n-natura urġenti tal-proposta, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tikkuntratta self fis-swieq finanzjarji bil-għan li tisilfu lill-Istat Membru li jkun qed jitlob assistenza finanzjarja taħt l-istrument SURE.

Minbarra l-provvediment tal-garanziji tal-Istati Membri, jiddaħħlu salvagwardji oħra fil-qafas sabiex tiġi żgurata s-solidità finanzjarja tal-iskema:

·Approċċ rigoruż u konservattiv għall-ġestjoni finanzjarja;

·Kostruzzjoni tal-portafoll ta’ self li jillimita r-riskju ta’ konċentrazzjoni, skopertura annwali u skopertura eċċessiva għal Stati Membri individwali, filwaqt li jiġu żgurati riżorsi suffiċjenti li jistgħu jingħataw lill-Istati Membri li huma l-aktar fil-bżonn; kif ukoll

·Possibbiltajiet ta’ riportament tad-dejn.

2020/0215 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lis-Slovakkja biex jittaffew r-riskji tal-qgħad f’sitwazzjoni ta’ emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fis-6 ta’ Awwissu 2020, is-Slovakkja talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tagħha biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tagħha għall-ħaddiema.

(2)It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati mis-Slovakkja biex titrażżan it-tifqigħa u l-impatt soċjoekonomiku kif ukoll dak sanitarju tagħha mistennija jkollhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, is-Slovakkja kienet mistennija jkollha defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 8,5 % u 59,5 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Skont il-previżjoni interim tas-sajf tal-2020 tal-Kummissjoni, il-PDG tas-Slovakkja huwa projettat li jonqos b’9,0 % fl-2020.

(3)It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol fis-Slovakkja. Dan wassal għal żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika tas-Slovakkja fir-rigward tal-iskema nazzjonali tax-xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif stipulat fil-premessa 4.

(4)B’mod aktar speċifiku, “l-Att Nru 5/2004 Coll. dwar is-Servizz għall-Impjiegi”, kif jissemma fit-talba tas-Slovakkja tas-6 ta’ Awwissu 2020, kien il-bażi għall-introduzzjoni ta’ għadd ta’ miżuri biex jindirizzaw l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19, inkluża skema għall-appoġġ tal-impjegaturi li kellhom jagħtu assenzi bil-permess lill-impjegati bejn Marzu 2020 u Diċembru 2021. Tali impjegaturi jistgħu jitolbu rimborż tal-ispejjeż tal-paga li jasal sa 80 % tas-salarju gross tas-soltu tal-impjegat assenti bil-permess, sa mhux aktar minn EUR 880 fix-xahar, dment li l-impjegat jinżamm. Barra minn hekk, ġie introdott għadd ta’ miżuri akkumpanjatorji: (a) kontribuzzjoni b’ammont fiss għal kull impjegat minn Marzu sa tmiem Settembru 2020 li tiddependi fuq tnaqqis fil-bejgħ ta’ mill-inqas 20 % (b’appoġġ kull xahar li jmur minn EUR 180 għal EUR 540, skont it-tnaqqis fil-bejgħ); (b) kontribuzzjoni b’ammont fiss sa tmiem Settembru 2020 pagabbli lil min jaħdem għal rasu b’assigurazzjoni soċjali obbligatorja li tiddependi fuq tnaqqis fil-bejgħ ta’ mill-inqas 20 % (appoġġ ta’ kull xahar ta’ bejn EUR 180 u EUR 540, skont it-tnaqqis fil-bejgħ); (c) rimborż ta’ 80 % tas-salarju gross tal-impjegat (sa massimu ta’ EUR 1 100) sa tmiem Settembru 2020 għall-impriżi magħluqa b’digriet; u (d) għotja b’rata fissa ta’ EUR 210 fix-xahar sa tmiem Settembru 2020 għall-ħaddiema li jaħdmu b’kuntratt, kumpaniji b’persuna waħda, u min jaħdem għal rasu. L-għotja b’rata fissa tista’ titqies bħala miżura li tixbah l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2020/672, minħabba li għandha l-mira li tipproteġi lil min jaħdem għal rasu jew kategoriji simili ta’ ħaddiema mit-tnaqqis jew it-telf tal-introjtu.

(5)Is-Slovakkja tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Is-Slovakkja pprovdiet lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet b’EUR 1 077 457 000 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-miżuri nazzjonali meħuda biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. Din tikkostitwixxi żieda għal għarrieda u qawwija minħabba li l-miżuri jkopru proporzjon sinifikanti ta’ impriżi u tal-forza tax-xogħol fis-Slovakkja. Is-Slovakkja beħsiebha tiffinanzja EUR 390 262 000 tal-ammont miżjud tan-nefqa permezz tal-fondi tal-Unjoni u EUR 56 311 400 permezz tal-finanzjament tagħha stess.

(6)Il-Kummissjoni kkonsultat lis-Slovakkja u vverifikat iż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika reali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili msemmija fit-talba tas-6 ta’ Awwissu 2020, f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

(7)Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li s-Slovakkja tiġi megħjuna tindirizza l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku gravi kkawżati mit-tifqigħa tal-COVID-19.

(8)Jenħtieġ li din id-deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li jistgħu jitwettqu, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE. Din ma teliminax il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 TFUE.

(9)Jenħtieġ li s-Slovakkja tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn is-Slovakkja implimentat dik in-nefqa.

(10)Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija tas-Slovakkja, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-Slovakkja tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672.

Artikolu 2

1.L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tas-Slovakkja self li jammonta għal massimu ta’ EUR 630 883 600. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.

2.Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 18-il xahar li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

3.Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni disponibbli għas-Slovakkja f’massimu ta’ tmien pagamenti parzjali. Ħlas parzjali jista’ jingħata f’parti waħda jew iktar. Il-maturitajiet tal-partijiet taħt l-ewwel ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ segmenti oħrajn għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li l-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tiġi rispettata ladarba jsir l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali kollha.

4.L-ewwel pagament għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

5.Is-Slovakkja għandha tħallas il-kost tal-finanzjament tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2020/672 għal kull ħlas parzjali flimkien ma’ kwalunkwe tariffa, kost u spiża tal-Unjoni li jirriżultaw minn kwalunkwe finanzjament.

6.Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx tal-pagamenti parzjali, kif ukoll dwar id-daqs tal-partijiet.

Artikolu 3

Is-Slovakkja tista’ tiffinanzja l-iskema nazzjonali ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u l-miżuri akkumpanjatorji kif previst mill-Artikolu 54(1)(e) tal-Att Nru 5/2004 Coll. dwar is-Servizz għall-Impjiegi.

Artikolu 4

Is-Slovakkja għandha tinforma lill-Kummissjoni sa [DATA: 6 xhur wara d-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni], u kull 6 xhur wara l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sa dak iż-żmien li n-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata b’mod sħiħ.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Slovakka.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 159, 20.5.2020, p.1.
Top