Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0310

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u (UE) 2019/876 fir-rigward tal-aġġustamenti, b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19

    COM/2020/310 final

    Brussell, 28.4.2020

    COM(2020) 310 final

    2020/0066(COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u (UE) 2019/876 fir-rigward tal-aġġustamenti, b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital jew is-CRR - Capital Requirements Regulation) jistabbilixxi, flimkien mad-Direttiva 2013/36/UE 2 (id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital jew is-CRD - Capital Requirements Directive) il-qafas regolatorju prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joperaw fl-Unjoni. Is-CRR u s-CRD ġew adottati wara l-kriżi finanzjarja tal-2008-2009 biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet li joperaw fis-settur finanzjarju tal-UE, fil-biċċa l-kbira bbażati fuq standards dinjija miftiehma mas-sħab internazzjonali tal-UE, b’mod partikolari l-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS, Basel Committee on Banking Supervision).

    Is-CRR sussegwentement ġie emendat biex jindirizza d-dgħufijiet li għad hemm fil-qafas regolatorju prudenzjali u biex jimplimenta xi elementi pendenti tar-riforma globali tas-servizzi finanzjarji li huma essenzjali biex tiġi żgurata r-reżiljenza tal-istituzzjonijiet. Fost id-diversi bidliet sussegwenti, ir-Regolament (UE) Nru 2017/2395 3 daħħal arranġamenti tranżitorji fis-CRR biex jittaffa l-impatt fuq il-fondi proprji mill-introduzzjoni tal-istandard il-ġdid tal-kontabilità, l-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju – Strumenti Finanzjarji (IFRS) 9. Ir-Regolament (UE) 2019/630 4 introduċa fis-CRR rekwiżit għall-kopertura minima għat-telf għal skoperturi improduttivi (l-hekk imsejħa garanzija ta’ kontinġenza prudenzjali). Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 2019/876 5 (CRR II) żied mas-CRR xi wħud mill-elementi finali tar-riformi internazzjonali (il-qafas ta’ Basel III finalizzat), li jinkludu, fost l-oħrajn, definizzjoni ġdida tal-proporzjon ta’ ingranaġġ u tar-riżerva għall-proporzjon ta’ ingranaġġ, li se jżommu lill-istituzzjonijiet milli jżidu l-ingranaġġ b’mod eċċessiv. Dan ir-Regolament tal-aħħar introduċa wkoll fis-CRR trattamenti prudenzjali aktar favorevoli għal ċerti assi tas-softwer, għal ċertu self ggarantit bil-pensjoni u bis-salarji, kif ukoll għal self lil intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u għal proġetti ta’ infrastruttura.

    Ix-xokk ekonomiku qawwi kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri ta’ konteniment eċċezzjonali qed ikollhom impatt mifrux fuq l-ekonomija. In-negozji qed jiffaċċjaw tħarbit fil-ktajjen tal-provvista, għeluq temporanju u tnaqqis fid-domanda, filwaqt li l-unitajiet domestiċi qed iħabbtu wiċċhom ma’ qgħad u tnaqqis fid-dħul. L-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli tal-Unjoni u tal-Istati Membri ħadu azzjonijiet deċiżivi biex jappoġġaw lid-djar u lill-impriżi solventi biex jirreżistu għal dan it-tnaqqis qawwi iżda temporanju fl-attività ekonomika u fil-likwidità li se jinħoloq. Minħabba r-riformi li saru wara l-kriżi finanzjarja tal-2008 l-istituzzjonijiet ta’ kreditu llum huma kapitalizzati tajjeb u ħafna aktar reżiljenti milli kienu fl-2008.  Dan jippermettilhom li jkollhom rwol ewlieni fil-ġestjoni tax-xokk ekonomiku li jirriżulta mill-pandemija tal-COVID-19. Madankollu, l-inċertezza marbuta mal-pass tal-irkupru tal-attività ekonomika inevitabbilment se jkollha impatt fuq is-settur bankarju.

    B’reazzjoni għaċ-ċirkostanzi l-ġodda, l-awtoritajiet kompetenti fl-Unjoni pprovdew kapital temporanju u għajnuna operazzjonali biex jiżguraw kundizzjonijiet favorevoli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex ikomplu s-self fil-kuntest tal-COVID-19. Għaldaqstant huwa importanti li jintuża l-kapital fejn ikun l-aktar meħtieġ u li l-qafas prudenzjali jinteraġixxi mingħajr xkiel mad-diversi miżuri li jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19. Is-CRR joffri biżżejjed flessibbiltà għall-banek biex jappoġġaw inizjattivi pubbliċi u privati ħalli jippromwovu s-self kontinwu fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li jiżguraw approċċ prudenti. Il-flessibbiltà inkorporata fis-CRR hija deskritta fil-Komunikazzjoni Interpretattiva tal-Kummissjoni tas-27 ta’ April 2020 6 dwar l-applikazzjoni tal-oqfsa prudenzjali u tal-kontabilità sabiex jiġi ffaċilitat is-self mill-banek fl-Unjoni fil-kuntest tal-COVID-19.

    Flimkien mal-użu sħiħ tal-flessibbiltà permessa fil-qafas eżistenti, huma meħtieġa xi bidliet limitati fl-aspetti speċifiċi tas-CRR sabiex tiġi massimizzata l-kapaċità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fis-self li jagħtu u biex jassorbu t-telf relatat mal-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li tibqa’tiġi żgurata r-reżiljenza kontinwa tagħhom. Barra minn hekk, fil-livell internazzjonali, il-BCBS qabel li l-iskadenza għall-implimentazzjoni tal-elementi finali tal-qafas ta’ Basel III tittawwal b’sena, li wħud minnhom diġà ġew inkorporati fis-CRR 7 , kif ukoll dwar flessibbiltà akbar għall-introduzzjoni gradwali tal-impatt tal-IFRS 9 fuq il-kapital. Dawn il-bidliet jeħtieġ li jiġu riflessi fir-regoli eżistenti.

    L-ewwel nett, huwa meħtieġ li jiġu aġġustati l-arranġamenti tranżitorji li jippermettu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu jtaffu l-impatt mill-proviżjonament għat-telf mill-kreditu mistenni (ECL, expected credit-loss) skont l-IFRS 9 fuq il-fondi proprji tagħhom. Dan l-aġġustament jippermetti li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jtaffu aħjar l-impatt ta’ xi żieda potenzjali fil-proviżjonament għall-ECL ikkawżat mid-deterjorament fil-kwalità tal-kreditu tal-iskoperturi tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu minħabba l-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija COVID-19.

    It-tieni, sabiex jagħmlu tajjeb għall-impatt tal-garanziji relatati mal-COVID-19, ir-regoli dwar il-kopertura minima għat-telf tal-iskoperturi improduttivi (NPEs, non-performing exposures) għandhom jiġu aġġustati biex jiġi estiż temporanjament it-trattament, li huwa attwalment applikabbli għall-NPEs garantiti jew assigurati mill-aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni, għall-NPEs li jirriżultaw bħala konsegwenza tal-pandemija tal-COVID-19 u li huma koperti mid-diversi skemi ta’ garanzija li ġew stabbiliti mill-Istati Membri. Dan jirrikonoxxi l-karatteristiċi simili kondiviżi mill-garanziji tal-aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni u mill-garanziji relatati mal-COVID-19.

    It-tielet, il-mekkaniżmu ta’ kumpens assoċjat mad-diskrezzjoni tal-awtorità kompetenti li jippermetti lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex temporanjament jeskludu l-iskoperturi fil-forma ta’ riżervi tal-bank ċentrali mill-kalkolu tal-proporzjon ta’ ingranaġġ jeħtieġ li jiġi mmodifikat. Dan jiżgura li l-miżuri ta’ likwidità pprovduti minn banek ċentrali fil-kuntest tal-kriżi jkunu effettivament mgħoddija b’mod effettiv lejn l-ekonomija minn istituzzjonijiet ta’ kreditu.

    Ir-raba’, huwa meħtieġ li tiġi differita, f’konformità mad-deċiżjoni tal-BCBS, id-data tal-applikazzjoni tar-rekwiżit ta’ riżerva l-ġdid għall-proporzjon ta’ ingranaġġ. Dan jillibera l-kapaċità operazzjonali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u jippermettilhom li jiffukaw fuq l-isfidi l-aktar immedjati assoċjati mal-pandemija tal-COVID-19.

    Il-ħames, id-dati tal-applikazzjoni ta’ wħud mill-benefiċċji ta’ kapital previsti fis-CRR iżda li għadhom mhumiex applikabbli jeħtieġ li jiġu antiċipati, jiġifieri d-dispożizzjonijiet dwar it-trattament ta’ ċerti assi tas-softwer, id-dispożizzjonijiet dwar ċertu self sostnut minn pensjonijiet jew salarji, il-fattur ta’ sostenn rivedut għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SME) u l-fattur ta’ sostenn il-ġdid għall-finanzjament tal-infrastruttura. It-tressiq ’il quddiem tad-data tal-applikazzjoni taż-żewġ fatturi ta’ sostenn, it-trattament preferenzjali ta’ ċerti assi tas-softwer, u t-trattament preferenzjali ta’ ċertu self sostnut minn pensjonijiet jew salarji jwasslu biex il-fondi proprji tal-istituzzjonijiet jiġu liberati, u dan jippermettilhom li jagħtu spinta lis-self tant meħtieġ matul il-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha.

    Dawn il-bidliet proposti mhux se jbiddlu b’mod fundamentali l-qafas regolatorju prudenzjali. Dawn jiffurmaw parti mir-rispons tal-Kummissjoni biex tindirizza s-sitwazzjoni ta’ emerġenza kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19. Dawn l-aġġustamenti għall-qafas prudenzjali jiffaċilitaw l-isforzi kollettivi mmirati biex itaffu l-impatt tal-pandemija biex b’hekk nirkupraw b’ħeffa.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-politika

    Il-proposta tintroduċi emendi għal-leġiżlazzjoni eżistenti. Dawn l-emendi huma kompletament konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tar-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet u għas-superviżjoni tagħhom, inkluż bil-Komunikazzjoni Interpretattiva tal-Kummissjoni adottata fl-istess waqt ta’ din il-proposta. Huma wkoll kompletament konsistenti mar-regoli tal-Unjoni dwar il-kontabilità, b’mod partikolari mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/2067 tat-22 ta’ Novembru 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 9. Din il-proposta tikkumplimenta l-miżuri meħuda mill-Bank Ċentrali Ewropew, l-Awtorità Bankarja Ewropea u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali f’dan il-qasam.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Din il-proposta hija parti mir-rispons iktar wiesa’ tal-Kummissjoni Ewropea għall-pandemija tal-COVID-19. Hija strumentali biex tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri adottati mill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew. Hija kompletament konsistenti mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aspetti ekonomiċi tal-kriżi coronavirus maħruġa fit-13 ta’ Marzu 2020 8 , kif ukoll mal-“COVID 19 – Il-Pakkett Ekonomiku – L-użu ta’ kull Euro disponibbli” li tnieda fit-2 ta’ April 2020 9 .

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU), jiġifieri l-istess bażi ġuridika tal-atti leġislattivi li qiegħdin jiġu emendati.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    L-objettivi li l-emendi previsti jfittxu li jilħqu, jiġifieri li tiġi massimizzata l-kapaċità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex isellfu u jassorbu t-telf relatat mal-pandemija tas-COVID-19, filwaqt li tiġi żgurata r-reżiljenza kontinwa tagħhom, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell ta’ Unjoni aktar milli minn inizjattivi nazzjonali differenti billi l-emendi jikkonċernaw id-dati tal-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni jew jirrappreżentaw aġġustamenti għar-regoli eżistenti tal-Unjoni bħala rispons għall-pandemija tal-COVID-19. Il-problemi u l-kawżi sottostanti huma l-istess fl-Istati Membri kollha. Fin-nuqqas ta’ azzjoni mill-Unjoni, il-qafas regolatorju eżistenti jkun anqas effettiv huwa u jappoġġa d-diversi miżuri meħuda minn awtoritajiet pubbliċi kemm fil-livell ta’ Unjoni kif ukoll f’dak nazzjonali, u inqas reattiv għall-isfidi eċċezzjonali tas-suq.

    Il-kapaċità tal-Istati Membri li jadottaw miżuri nazzjonali hija limitata billi s-CRR diġà jirregola dawn il-kwistjonijiet, u l-bidliet fil-livell nazzjonali jkunu f’kunflitt mal-liġi tal-Unjoni li hemm attwalment fis-seħħ. Jekk l-Unjoni kellha tieqaf tirregola dawn l-aspetti, is-suq intern għas-servizzi bankarji jkun soġġett għal ġabriet differenti ta’ regoli, u dan iwassal għall-frammentazzjoni u jdgħajjef il-ġabra unika ta’ regoli li saret reċentement f’dan il-qasam.

    Proporzjonalità

    Din l-azzjoni tal-Unjoni hija meħtieġa biex jinkiseb l-objettiv li tiġi mmassimizzata l-kapaċità ta’ self tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jiġi assorbit it-telf fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li tinżamm il-konsistenza tal-qafas prudenzjali. L-emendi proposti ma jmorrux lil hinn mill-indirizzar tad-dispożizzjonijiet magħżula fil-qafas prudenzjali tal-Unjoni għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li għandhom esklużivament fil-mira l-miżuri li għandhom l-għan jiżguraw l-irkupru fil-kuntest attwali tal-pandemija COVID-19. Barra minn hekk, l-emendi proposti huma limitati għal dawk il-kwistjonijiet li ma jistgħux jiġu indirizzati fil-marġni ta’ diskrezzjoni eżistenti li r-regoli attwali jipprevedu għalihom.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Din il-proposta mhijiex akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt separata, billi din il-proposta ma tbiddilx l-aspetti fundamentali tas-CRR u ma timponix obbligi ġodda fuq il-partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, l-impatt tal-miżuri li qed jiġu emendati minn din il-proposta ġie soġġett għall-analiżijiet li huma inklużi fil-valutazzjonijiet tal-impatt imwettqa għar-Regolament (UE) 2017/2395, ir-Regolament (UE) 2019/876 u r-Regolament (UE) 2019/630 li jemenda s-CRR b’rabta mal-aspetti koperti minn din il-proposta. Il-proposta primarjament għandha l-għan li tipprovdi, għal raġunijiet eċċezzjonali fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 attwali, differimenti fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tas-CRR, jew li tantiċipa l-applikazzjoni ta’ miżuri li jeħilsu lill-banek minn xi rekwiżiti kapitali, jew li jispeċifikaw it-trattament prudenzjali ta’ ċerti skoperturi fid-dawl taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li nħolqu mill-pandemija tas-COVID-19.

    L-emendi proposti jkollhom impatt limitat fuq il-piż amministrattiv għall-banek u l-ispejjeż fuqhom biex jadattaw l-operazzjonijiet interni tagħhom, bl-ispejjeż li mistennija li jiġu paċuti mill-benefiċċji miksuba f’termini ta’ disponibbiltà ta’ kapital. L-emendi proposti jikkonċernaw id-dispożizzjonijiet li jippermettu lill-banek jużaw trattamenti aktar favorevoli, iżda ma jimponux fuqhom dawn it-trattamenti.

    Drittijiet fundamentali

    L-Unjoni hija impenjata li tilħaq standards għoljin ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u hija firmatarja għal ġabra wiesa’ ta’ konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem. F’dan il-kuntest, il-proposta aktarx li mhux se jkollha impatt dirett fuq dawn id-drittijiet, kif elenkati fil-konvenzjonijiet ewlenin tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li hija parti integrali mit-Trattati tal-UE u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB).

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-proposta ma għandhiex impatt baġitarju għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Arranġamenti tranżitorji biex jittaffa l-impatt tad-dispożizzjonijiet tal-IFRS 9 fuq il-kapital regolatorju

    L-Artikolu 473a tas-CRR fih arranġamenti tranżitorji li jippermettu li l-istituzzjonijiet jerġgħu jżidu mal-kapital tal-Grad 1 ta’ ekwità komuni (CET1, Common Equity Tier 1) porzjon ta’ kwalunkwe żieda fil-provvedimenti minħabba l-introduzzjoni ta’ kontabilità tal-ECL skont l-IFRS 9. L-arranġamenti tranżitorji jikkonsistu minn żewġ komponenti: il-komponent statiku u dak dinamiku. Il-komponent statiku jippermetti li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jinnewtralizzaw parzjalment “l-impatt tal-ewwel jum” taż-żieda fil-provvedimenti kontabilistiċi minħabba l-introduzzjoni tal-IFRS 9 fuq il-kapital tas-CET1. Il-komponent dinamiku jippermetti li l-banek jinnewtralizzaw parzjalment l-impatt taż-żieda addizzjonali (jiġifieri ta’ wara l-ewwel jum) fil-provvedimenti għall-assi finanzjarji li ma ġarrbux indeboliment fil-kreditu. L-arranġamenti tranżitorji eżistenti jkopru l-perjodu 2018-2022.

    L-applikazzjoni tal-IFRS 9 matul it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 tista’ twassal għal żieda sinifikanti f’daqqa fil-proviżjonament għat-telf mill-kreditu mistenni (ECL), billi għal bosta skoperturi se jkun meħtieġ li jiġi kkalkulat it-telf mistenni tul ħajjithom. Sabiex jittaffa l-impatt potenzjali li żieda f’daqqa fil-proviżjonament għat-telf mill-kreditu mistenni (ECL) jista’ jkollu fuq il-kapaċità tal-istituzzjonijiet li jagħtu self lill-klijenti fi żminijiet meta huwa l-aktar meħtieġa, l-arranġamenti tranżitorji jenħtieġ li jiġu estiżi. Dan iġib għajnuna addizzjonali għall-impatt li l-pandemija tal-COVID-19 ħalliet fuq il-possibilità ta’ żieda fil-ħtieġa ta’ proviżjonament tal-istituzzjonijiet skont l-IFRS 9, filwaqt li jinżammu l-arranġamenti tranżitorji għall-ammonti tal-ECL stabbiliti qabel il-pandemija tal-COVID-19. Għalhekk, dawn l-emendi jippermettu li tingħata data ġdida għall-perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ ħames snin li beda fl-2018. Il-perjodu ta’ tranżizzjoni l-ġdid għalhekk se jippermetti lill-istituzzjonijiet finanzjarji biex jaġġustaw l-ikkalibrar tal-arranġamenti biex jerġgħu jżidu l-provvedimenti għall-kapital tas-CET1 matul il-perjodu 2020-2024.

    Fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, l-arranġamenti tranżitorji huma estiżi biss għall-komponent dinamiku skont ir-reviżjonijiet immirati 10 tal-istandards prudenzjali miftiehma internazzjonalment (l-Artikolu 1, il-punt (2) tal-proposta) biex jindirizzaw iż-żieda potenzjali fil-proviżjonament għall-ECL wara l-pandemija tal-COVID-19. Sabiex jiġi żgurat li l-għajnuna addizzjonali tiġi mmirata lejn l-ECL li jirriżulta miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID-19 mingħajr ma tiġi introdotta kumplessità żejda, id-data ta’ referenza għal kwalunkwe żieda fil-provvedimenti li tkun soġġetta għall-arranġamenti tranżitorji estiżi qed titressaq mill-1 ta’ Jannar 2018 għall-1 ta’ Jannar 2020, billi minn din id-data ’l quddiem it-telf addizzjonali mġarrab mill-istituzzjonijiet x’aktarx li jkun relatata mal-pandemija tal-COVID-19.

    L-Artikolu 473a(1) tas-CRR fih formula riveduta għall-kalkolu tal-ammonti tal-ECL li jistgħu jiġu inklużi fil-kapital tas-CET1 (jiġifieri “jerġgħu jiġu miżjuda”), li tapplika fatturi differenti għall-komponent statiku u dinamiku rispettivament. Filwaqt li l-kalkolu tal-komponent statiku jibqa’ l-istess wara din il-proposta, il-komponent dinamiku se jkun soġġett għal perjodu tranżitorju estiż u għall-fattur ta’ aġġustament tranżitorju rivedut.

    Id-dati ta’ referenza fil-paragrafi (3) u (5) tal-Artikolu 473a tas-CRR għall-kalkolu taż-żieda possibbli fil-proviżjonament għall-ECL għal assi li ma ġarrbux indeboliment fil-kreditu nhar ir-rapportar, li jistgħu jerġgħu jiġu miżjuda mal-kapital tas-CET1, huma emendati fid-dawl tal-formula riveduta fil-paragrafu 1 u d-data ta’ skadenza l-ġdida.

    Il-perjodu ta’ tranżizzjoni għall-komponent statiku fl-Artikolu 473a(6) tas-CRR huwa aġġustat fid-dawl tal-formula l-ġdida fil-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu.

    Il-paragrafu 6a l-ġdid jestendi t-tranżizzjoni għall-komponent dinamiku, biex jippermetti lill-istituzzjonijiet biex iżidu retroattivament mal-kapital tas-CET1 tagħhom kull żieda fil-provvedimenti l-ġodda rikonoxxuti fl-2020 u fl-2021 għall-assi finanzjarji tagħhom li ma ġarrbux indeboliment fil-kreditu. L-ammont li jista’ jerġa’ jiżdied mill-2022 sal-2024 jonqos b’mod lineari.

    Il-bidliet fl-Artikolu 473a(7) tas-CRR jissimplifikaw il-kalkolu mill-ġdid tar-rekwiżiti kapitali. Huma jissostitwixxu r-riklassifikazzjoni tal-valuri kollha tal-iskoperturi li huma mnaqqsa b’dispożizzjonijiet b’ponderazzjoni tar-riskju standard ta’ 100 % li għandha tiġi assenjata għall-ammonti li jerġgħu jiżdiedu mal-kapital tas-CET1.

    Il-bidliet fl-Artikolu 473a(9) tas-CRR jippermettu lill-istituzzjonijiet li preċedentement għażlu li ma jużawx l-arranġamenti tranżitorji biex ireġġgħu lura dik id-deċiżjoni meta jridu matul il-perjodu tranżitorju, dment li jingħataw l-approvazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tagħhom. Barra minn hekk, l-Artikolu 473a(9) tas-CRR jipprovdi lill-istituzzjonijiet bl-għażla li japplikaw biss il-komponent dinamiku. Fl-aħħar nett, sabiex jiġi mmonitorjat l-għadd ta’ istituzzjonijiet fl-UE li jużaw l-arranġamenti tranżitorji, l-awtoritajiet kompetenti huma meħtieġa jippreżentaw perjodikament lill-EBA informazzjoni dwar l-għadd ta’ istituzzjonijiet li huma jissorveljaw li jużaw dawn l-arranġamenti.

    It-trattament ta’ self iggarantit pubblikament taħt il-Garanzija ta’ kontinġenza prudenzjali għal self improduttiv (NPL)

    L-aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni uffiċjali tipikament joħorġu garanziji f’isem il-gvernijiet nazzjonali biex jipprovdu protezzjoni għall-kreditu għal self li jkun estiż bl-għan li tkun iffinanzjata l-esportazzjoni. Is-self improduttiv iggarantit minn dawn l-aġenziji jirċievi trattament preferenzjali fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ proviżjonament skont l-Artikolu 47c tas-CRR. Id-deroga proposta mill-Artikolu 47c(3) testendi dan it-trattament preferenzjali għal skoperturi garantiti jew kontrogarantiti mis-settur pubbliku fil-kuntest ta’ miżuri mmirati li jtaffu l-impatt ekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19, soġġetti għar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, fejn applikabbli. Din tqis il-profil tar-riskju simili ta’ dawn l-iskoperturi garantiti (l-Artikolu 1, il-punt (3) tal-proposta).

    Data tal-applikazzjoni tar-riżerva għall-proporzjon ta’ ingranaġġ

    Is-CRR II introduċa fis-CRR l-Artikolu 92(1a) il-ġdid li jimponi r-rekwiżit ta’ riżerva għall-proporzjon ta’ ingranaġġ fuq istituzzjonijiet globali sistemikament importanti. Id-data tal-applikazzjoni tar-riżerva kienet oriġinarjament stabbilita għall-1 ta’ Jannar 2022. Fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u f’konformità mal-iskeda ta’ żmien riveduta għall-implimentazzjoni maqbula mill-BCBS, id-data tal-applikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(5) tas-CRR II tiġi differita b’sena, għall-1 ta’ Jannar 2023 (l-Artikolu 2, il-punt (2) tal-proposta).

    Kumpens għall-impatt tal-esklużjoni ta’ ċerti skoperturi mill-kalkolu tal-proporzjon ta’ ingranaġġ

    Is-CRR II mmodifika l-kalkolu tal-proporzjon ta’ ingranaġġ fuq il-bażi tal-istandard ta’ Basel rivedut. Il-bidliet kienu jinkludu l-implimentazzjoni tad-diskrezzjoni li ċerti skoperturi tal-bank ċentrali jiġu esklużi temporanjament minn miżura tal-istituzzjonijiet ta’ skopertura totali f’ċirkostanzi eċċezzjonali (l-Artikolu 429a(1)(n) u minn (5) sa (7) tas-CRR). L-eżenzjoni tista’ tingħata għal perjodu ta’ żmien limitat li ma jaqbiżx sena, fejn l-awtorità kompetenti tal-istituzzjoni tkun iddeterminat, wara konsultazzjoni mal-bank ċentrali rilevanti, u tkun iddikjarat pubblikament li jeżistu ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawn. Kwalunkwe impatt tal-esklużjoni huwa totalment ikkumpensat permezz ta’ mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 429a(7) tas-CRR li jżid ir-rekwiżit tal-proporzjon ta’ ingranaġġ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu b’mod strettament proporzjonat.

    Id-diskrezzjoni, li hija maħsuba biex tiffaċilita t-trasmissjoni effettiva tal-miżuri ta’ politika monetarja, se tkun applikabbli flimkien mar-rekwiżit ta’ proporzjon ta’ ingranaġġ fit-28 ta’ Ġunju 2021. Madankollu, il-kriżi attwali tal-COVID-19 uriet li l-mekkaniżmu ta’ kumpens, meta applikabbli, ikun wisq restrittiv u li l-applikazzjoni tiegħu effettivament ma tiffaċilitax it-trażmissjoni effettiva tal-politika monetarja. Tabilħaqq, minħabba l-mekkaniżmu ta’ kumpens attwali, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu jkunu ristretti fir-rigward tal-livell ta’ żieda fir-riżervi tal-banek ċentrali tagħhom. Il-mekkaniżmu ta’ kumpens attwali jista’ għalhekk jiskoraġġixxi lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu milli jagħmlu użu mill-faċilitajiet ta’ likwidità tal-bank ċentrali f’sitwazzjoni ta’ stress sal-punt li jkun meħtieġ jew li jkun mixtieq. Dan iwassal għal tfixkil fit-trażmissjoni effettiva tal-miżuri tal-politika monetarja u, fl-aħħar mill-aħħar, iwassal biex istituzzjoni tkun obbligata tnaqqas fl-ingranaġġ billi tbigħ assi jew tnaqqas il-livell ta’ self lill-ekonomija reali, jew it-tnejn, minħabba l-flessibbiltà limitata tagħha biex tikkontrolla l-firxa ta’ dawn ir-riżervi matul kriżi.

    Fuq il-bażi ta’ dawn is-sejbiet, u fid-dawl tal-mandat tal-Kummissjoni stabbilit fl-Artikolu 511 tas-CRR li tirrieżamina, fost l-oħrajn, it-trattament ta’ riżervi ta’ bank ċentrali, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li jiġi modifikat il-mekkaniżmu ta’ kumpens qabel ma jsir applikabbli (l-Artikolu 1, il-punt (1)(b) tal-proposta). Dan iżid il-flessibilità biex taġixxi kif jixraq u b’mod immirat waqt xokkijiet u kriżijiet futuri possibbli u jżid l-effettività tal-miżuri. B’mod partikolari, istituzzjoni ta’ kreditu li teżerċita d-diskrezzjoni se tkun obbligata tikkalkula darba biss il-proporzjon ta’ ingranaġġ aġġustat, jiġifieri fil-mument li teżerċita d-diskrezzjoni, u fuq il-bażi tal-valur tar-riżervi eliġibbli tal-bank ċentrali tal-istituzzjoni u tal-miżura ta’ skopertura totali f’dak il-jum meta l-awtorità kompetenti tal-istituzzjoni tiddikjara li jeżistu ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw l-eżerċizzju tad-diskrezzjoni. Il-proporzjon ta’ ingranaġġ aġġustat se japplika matul il-perjodu kollu li matulu tiġi eżerċitata d-diskrezzjoni, u mhux se jinbidel bħalma jseħħ fil-mekkaniżmu ta’ kumpens attwali. Il-modifiki għall-mekkaniżmu ta’ kumpens jirrikjedu wkoll bidliet fl-Artikolu 429a(1)(n), biex jippermettu l-esklużjoni tar-riżervi kollha eliġibbli tal-bank ċentrali aktar milli dawk li nħolqu wara d-dħul fis-seħħ tal-eżenzjoni (l-Artikolu 1, il-punt (1)(a) tal-proposta).

    Data tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni ta’ ċerti assi tas-softwer mit-tnaqqis tal-kapital

    Is-CRR II introduċa dispożizzjonijiet biex jinbidel it-trattament regolatorju ta’ “assi tas-softwer vvalutati b’mod prudenti”, li ma humiex affettwati materjalment f’sitwazzjoni ta’ negozju magħluq (jiġifieri r-riżoluzzjoni, l-insolvenza jew il-likwidazzjoni ta’ istituzzjoni). L-istituzzjonijiet mhux se jkunu obbligati aktar inaqqsu dawn l-assi tas-softwer partikolari mill-kapital tal-Grad 1 ta’ ekwità komuni tagħhom (il-punt (b) tal-Artikolu 36(1) tas-CRR). L-EBA ngħatat il-mandat li tiżviluppa Standard Tekniku Regolatorju (RTS, Regulatory Technical Standard) biex tispeċifika kif din l-eżenzjoni mit-tnaqqis għandha tiġi applikata, billi tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-assi tas-softwer li għandhom jiġu eżentati u kif dawn se jiġu ponderati għar-riskju (l-Artikolu 36(4) tas-CRR). Id-data tal-applikazzjoni tat-trattament rivedut tal-assi tas-softwer ġiet stabbilita għat-12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Istandard Tekniku Regolatorju (l-Artikolu 3(7) tas-CRR II).

    Fil-kuntest tal-użu aċċellerat tas-servizzi diġitali bħala konsegwenza tal-miżuri pubbliċi adottati biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19, id-data tal-applikazzjoni hija emendata sabiex tippermetti li l-eżenzjoni tibda tapplika aktar kmieni, jiġifieri mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-RTS (l-Artikolu 2, il-punt (3) tal-proposta).

    Id-data ta’ applikazzjoni tat-trattament speċifiku previst għal ċertu self sostnut mill-pensjonijiet jew mis-salarji

    Is-CRR II introduċa fl-Artikolu 123 tas-CRR trattament aktar favorevoli għal ċertu self mogħti minn istituzzjonijiet ta’ kreditu lil pensjonanti jew lil impjegati b’kuntratt permanenti. Dan it-trattament favorevoli ġie introdott minħabba l-garanziji addizzjonali marbuta ma’ dan is-self li jirriżultaw mit-trasferiment inkondizzjonat ta’ parti mill-pensjoni jew mis-salarju tal-mutwatarju lill-istituzzjoni ta’ kreditu. L-applikazzjoni ta’ dan it-trattament fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 tinċentiva lill-istituzzjonijiet biex iżidu s-self lill-impjegati u lill-pensjonanti. Sabiex l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jibbenefikaw minn trattament aktar favorevoli diġà matul il-pandemija tal-COVID-19, id-data tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni qed titmexxa ’l quddiem (l-Artikolu 2, il-punt (1) tal-proposta).

    Id-data tal-applikazzjoni tal-fattur ta’ sostenn rivedut għall-SMEs u l-fattur ta’ sostenn għall-infrastruttura

    Is-CRR II għamel bidliet fl-Artikolu 501 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar l-aġġustament tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji għal skoperturi mhux inadempjenti tal-SMEs (il-fattur ta’ sostenn għall-SMEs), u introduċa fl-Artikolu 501a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 aġġustament ġdid għar-rekwiżiti tal-fondi proprji għal skoperturi għal entitajiet li joperaw jew jiffinanzjaw strutturi jew faċilitajiet fiżiċi, sistemi u netwerks li jipprovdu jew jappoġġaw servizzi pubbliċi essenzjali (il-fattur ta’ sostenn għall-infrastruttura). Dawn il-fatturi ta’ sostenn jippermettu t-trattament aktar favorevoli ta’ ċerti skoperturi għall-SMEs u għall-infrastruttura, bil-ħsieb li l-istituzzjonijiet jiġu inċentivati jżidu b’mod prudenti s-self lil dawn l-entitajiet. Fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 huwa essenzjali li l-banek ikomplu jsellfu lill-SMEs u jkomplu jappoġġaw l-investimenti fl-infrastruttura. Għaldaqstant, id-data tal-applikazzjoni taż-żewġ fatturi ta’ sostenn kif stabbiliti fl-Artikolu 3 tas-CRR II tressqet ’l quddiem (l-Artikolu 2, il-punt (1) tal-proposta).

    2020/0066 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u (UE) 2019/876 fir-rigward tal-aġġustamenti, b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 jistabbilixxi, flimkien mad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/36/UE 12 , il-qafas regolatorju prudenzjali għall-istituzzjonijiet li joperaw fl-Unjoni. Adottat wara l-kriżi finanzjarja li żviluppat fl-2007-2008 u fil-biċċa l-kbira tiegħu bbażat fuq standards internazzjonali miftehma fl-2010 mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (Basel Committee on Banking Supervision, BCBS), magħruf bħala l-qafas ta’ Basel III, dak il-qafas prudenzjali kkontribwixxa għat-tisħiħ tar-reżiljenza tal-istituzzjonijiet li joperaw fl-Unjoni u biex iħejjihom aħjar biex jiffaċċjaw diffikultajiet potenzjali, inklużi diffikultajiet li jirriżultaw minn kriżijiet potenzjali futuri.

    (2)Minn mindu daħal fis-seħħ, ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 ġie emendat diversi drabi biex jindirizza d-dgħufijiet li baqa’ fil-qafas regolatorju prudenzjali u biex jimplimenta xi elementi pendenti tar-riforma globali tas-servizzi finanzjarji li huma essenzjali biex tiġi żgurata r-reżiljenza tal-istituzzjonijiet. Fost il-bidliet sussegwenti, ir-Regolament (UE) 2017/2395 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 13 fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 introduċa arranġamenti tranżitorji biex jittaffa l-impatt fuq il-fondi proprji mill-introduzzjoni tal-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju - Strumenti Finanzjarji (IFRS 9). Ir-Regolament (UE) 2019/630 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 14 fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 introduċa rekwiżit għall-kopertura minima għat-telf għal skoperturi improduttivi, l-hekk imsejħa garanzija ta’ kontinġenza prudenzjali. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 15 fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 daħħal uħud mill-elementi finali tal-qafas ta’ Basel III finalizzat, fost l-oħrajn, definizzjoni ġdida tal-proporzjon ta’ ingranaġġ u bafer tal-proporzjon ta’ ingranaġġ, li jipprevjenu lill-istituzzjonijiet milli jżidu l-ingranaġġ b’mod eċċessiv, kif ukoll trattament prudenzjali aktar favorevoli ta’ ċerti assi tas-softwer, trattament aktar favorevoli ta’ ċertu self sostnut minn pensjonijiet jew salarji, fattur ta’ appoġġ rivedut għal self lil intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), u fattur ta’ appoġġ għall-proġetti ta’ infrastruttura.

    (3)Ix-xokk ekonomiku qawwi kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri ta’ konteniment eċċezzjonali għandhom impatt wiesa’ fuq l-ekonomija. In-negozji qed jiffaċċjaw tfixkil fil-ktajjen tal-provvista, għeluq temporanju u tnaqqis fid-domanda, filwaqt li l-unitajiet domestiċi jħabbtu wiċċhom ma’ qgħad u tnaqqis fid-dħul. L-awtoritajiet pubbliċi fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri ħadu azzjonijiet deċiżivi biex jappoġġaw lill-familji u lill-impriżi solventi biex jifilħu għal dan it-tnaqqis sever iżda temporanju fl-attività ekonomika u n-nuqqas ta’ likwidità li jikkawża.

    (4)L-istituzzjonijiet se jkollhom rwol ewlieni biex jikkontribwixxu għall-irkupru. Fl-istess ħin dawn x’aktarx se jiġu affettwati mis-sitwazzjoni ekonomika li sejra għall-agħar. L-awtoritajiet kompetenti pprovdew kapital, likwidità u għajnuna operazzjonali temporanji lill-istituzzjonijiet biex jiżguraw li jkunu jistgħu jkomplu jwettqu r-rwol tagħhom fil-finanzjament tal-ekonomija reali f’ambjent aktar diffiċli. Il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Awtorità Bankarja Ewropea pprovdew ċarezza dwar l-applikazzjoni tal-flessibbiltà diġà inkorporata fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 billi ħarġu interpretazzjonijiet u gwida dwar l-applikazzjoni tal-qafas prudenzjali fil-kuntest tal-COVID-19 16 . B’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, il-BCBS ipprovda wkoll xi flessibbiltà fl-applikazzjoni tal-istandards internazzjonali 17 .

    (5)Huwa importanti li l-istituzzjonijiet jużaw il-kapital tagħhom fejn huwa l-aktar meħtieġ u l-qafas regolatorju tal-Unjoni jiffaċilita dan, filwaqt li jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet jaġixxu b’mod prudenti. B’segwitu għall-flessibbiltà pprovduta fir-regoli eżistenti, il-bidliet immirati għar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiżguraw li dan il-qafas prudenzjali jinteraġixxi mingħajr xkiel ma’ diversi miżuri li jindirizzaw l-emerġenza tal-COVID-19.

    (6)Iċ-ċirkustanzi straordinarji tal-pandemija tal-COVID-19 u l-kobor bla preċedent tal-isfidi li ġew attivati jitolbu azzjoni immedjata biex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ikollhom il-kundizzjonijiet biex effettivament jidderieġu l-fondi lejn in-negozji u l-unitajiet domestiċi u biex jassorbu x-xokk ekonomiku kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19.

    (7)Garanziji pprovduti fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 mill-gvernijiet nazzjonali jew minn entitajiet pubbliċi oħra, li huma eliġibbli bħala fornituri tal-protezzjoni tal-kreditu skont ir-regoli ta’ mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu stabbiliti fil-Kapitolu Erbgħa tal-Parti Tlieta tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 huma komparabbli rigward l-effetti ta’ mitigazzjoni tar-riskju tagħhom għal garanziji pprovduti minn aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni uffiċjali kif imsemmi fl-Artikolu 47c tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Huwa għalhekk ġustifikat li jiġu allinjati r-rekwiżiti ta’ kopertura minima għal skoperturi improduttivi li jibbenefikaw minn garanziji mogħtija minn gvernijiet nazzjonali jew entitajiet pubbliċi oħrajn lil dawk li jibbenefikaw minn garanziji mogħtija minn aġenziji uffiċjali ta’ kreditu għall-esportazzjoni. Għalhekk, garanziji u kontrogaranziji li huma estiżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jenħtieġ li jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-garanziji pprovduti minn aġenziji uffiċjali ta’ kreditu għall-esportazzjoni.

    (8)Evidenza li ħarġet fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 għamlitha ċara li l-possibbiltà li ċerti skoperturi tal-banek ċentrali jiġu esklużi temporanjament mill-kalkolu tal-miżura ta’ skopertura totali ta’ istituzzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 429a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif emendat bir-Regolament (UE) 2019/876, tista’ tkun essenzjali waqt sitwazzjoni ta’ kriżi. Madankollu, l-effettività ta’ din il-miżura tidher li hija mxekkla bil-flessibbiltà mnaqqsa li tirriżulta mill-mekkaniżmu ta’ kumpens marbut ma’ esklużjonijiet temporanji bħal dawn li jillimitaw il-kapaċità tal-istituzzjonijiet li jżidu l-iskoperturi tal-banek ċentrali f’sitwazzjoni ta’ kriżi. Dan jista’, fl-aħħar mill-aħħar, iwassal biex l-istituzzjoni tkun imġiegħla tnaqqas il-livell ta’ self lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji. Sabiex tiġi evitata kwalunkwe konsegwenza mhux mixtieqa marbuta mal-mekkaniżmu ta’ kumpens u sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ dik l-esklużjoni fid-dawl ta’ xokkijiet u kriżijiet futuri possibbli, il-mekkaniżmu ta’ kumpens jenħtieġ li jiġi modifikat qabel ma jsir applikabbli r-rekwiżit tal-proporzjon ta’ ingranaġġ stabbilit fil-punt (d) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, fit-28 ta’ Ġunju 2021. Sakemm jiġu applikati d-dispożizzjonijiet emendati dwar il-kalkolu tal-proporzjon ta’ ingranaġġ kif introdott mir-Regolament (UE) 2019/876, jenħtieġ li l-Artikolu 429a ikompli japplika kif introdott mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/62 18 .

    (9)Mill-1 ta’ Jannar 2018, parti kbira mill-istituzzjonijiet li joperaw fl-Unjoni kienu soġġetti għall-IFRS 9. F’konformità mal-istandards internazzjonali adottati mill-BCBS, ir-Regolament (UE) 2017/2395 introduċa fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 arranġamenti tranżitorji biex jiġi mmitigat l-impatt negattiv potenzjalment sinifikanti fuq il-kapital ta’ Ekwità Komuni ta’ Grad 1 tal-istituzzjonijiet li jirriżulta mill-kontabilità tat-telf ta’ kreditu mistenni skont l-IFRS 9.

    (10)L-applikazzjoni tal-IFRS 9 matul it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 tista’ twassal għal żieda sinifikanti f’daqqa fil-provvedimenti għat-telf ta’ kreditu mistennija, billi għal ħafna skoperturi mistennija telf fuq il-ħajja tagħhom jista’ jkun meħtieġ li jiġi kkalkulat. Fit-3 ta’ April 2020, il-BCBS qabel li jippermetti aktar flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-arranġamenti tranżitorji li jintroduċu bil-mod l-impatt tal-IFRS 9. Biex tiġi limitata l-volatilità possibbli tal-kapital regolatorju li tista’ sseħħ jekk il-kriżi tal-COVID-19 tirriżulta f’żieda sinifikanti fid-dispożizzjonijiet tat-telf ta’ kreditu mistenni, huwa meħtieġ li jiġu estiżi wkoll l-arranġamenti tranżitorji fil-liġi tal-Unjoni.

    (11)Biex jiġi mmitigat l-impatt potenzjali li żieda f’daqqa fil-provvedimenti tat-telf mistenni jista’ jkollha fuq il-kapaċità tal-istituzzjonijiet li jsellfu lill-klijenti fi żminijiet meta tkun l-aktar meħtieġa, l-arranġamenti tranżitorji jenħtieġ li jiġu estiżi b’sentejn u l-istituzzjonijiet għandhom jitħallew iwettqu reintegrazzjoni totali tal-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni tagħhom ta’ kwalunkwe żieda f’dispożizzjonijiet ġodda mistennija ta’ telf ta’ kreditu li huma jirrikonoxxu fl-2020 u l-2021 għall-assi finanzjarji tagħhom, li mhumiex indeboliti fil-kreditu. Dan iwassal għal għajnuna addizzjonali għall-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq il-ħtieġa ta’ żieda fl-istituzzjonijiet għall-ħtiġijiet ta’ proviżjonament skont l-IFRS 9 filwaqt li jinżammu l-arranġamenti tranżitorji għall-ammonti mistennija ta’ telf ta’ kreditu stabbiliti qabel il-pandemija tal-COVID-19.

    (12)L-istituzzjonijiet li għażlu li ma jużawx l-arranġamenti tranżitorji preċedentement jistgħu jreġġgħu lura dik id-deċiżjoni fi kwalunkwe ħin matul il-perjodu tranżitorju, soġġett għal approvazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tagħhom. Sussegwentement u soġġett għal approvazzjoni superviżorja, l-istituzzjonijiet għandhom il-possibbiltà li jagħżlu li ma jużawx l-arranġamenti tranżitorji.

    (13)F’Marzu 2020, il-Grupp tal-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali u l-Kapijiet tas-Superviżjoni (GHOS) irreveda l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-elementi finali tal-qafas ta’ Basel. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-elementi finali għad iridu jiġu implimentati fil-liġi tal-Unjoni, ir-rekwiżit ta’ riżerva għall-proporzjon ta’ ingranaġġ għal istituzzjonijiet globali sistemikament importanti diġà ġie implimentat permezz tal-emendi li saru permezz tar-Regolament (UE) 2019/876. Għalhekk, id-data tal-applikazzjoni għar-rekwiżit ta’ riżerva għall-proporzjon ta’ ingranaġġ jenħtieġ li tiġi differita b’sena sal-1 ta’ Jannar 2023, kif miftiehem internazzjonalment. Id-data tal-applikazzjoni stabbilita fir-Regolament (UE) 2019/876 jenħtieġ li tiġi riveduta skont dan biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi internazzjonalment għall-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni u li joperaw barra mill-Unjoni. Bl-applikazzjoni tar-rekwiżit ta’ riżerva għall-proporzjon ta’ ingranaġġ pospost, matul il-perjodu ta’ posponiment ma jkun hemm l-ebda konsegwenza għan-nuqqas li jiġi ssodisfat dak ir-rekwiżit kif stabbilit fl-Artikolu 141c tad-Direttiva 2013/36/UE u l-ebda restrizzjoni relatata fuq id-distribuzzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 141b ta’ din id-Direttiva.

    (14)Minħabba l-garanziji speċifiċi marbuta ma’ self mogħti minn istituzzjonijiet ta’ kreditu lil pensjonanti jew impjegati b’kuntratt permanenti kontra t-trasferiment inkondizzjonat ta’ parti mill-pensjoni jew mis-salarju ta’ dak li qed jissellef lil dik l-istituzzjoni ta’ kreditu, l-Artikolu 123 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ġie emendat bir-Regolament (UE) 2019/876 biex jippermetti trattament aktar favorevoli ta’ dan is-self. L-applikazzjoni ta’ dan it-trattament fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 tinċentiva lill-istituzzjonijiet biex jiżdied is-self lill-impjegati u lill-pensjonanti. Għalhekk jeħtieġ li d-data tal-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni titmexxa 'l quddiem biex tkun tista’ tintuża minn istituzzjonijiet diġà matul il-pandemija tal-COVID-19.

    (15)Id-dispożizzjonijiet dwar l-aġġustament ta’ skoperturi ponderati għar-riskju ta’ SMEs mhux inadempjenti stabbiliti fl-Artikolu 501 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (il-fattur ta’ sostenn lill-SMEs) ġew emendati permezz tar-Regolament (UE) 2019/876. Dan ir-Regolament fl-Artikolu 501a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, introduċa wkoll aġġustament ġdid għar-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju tal-kreditu għall-iskoperturi għal entitajiet li joperaw jew jiffinanzjaw strutturi jew faċilitajiet fiżiċi, sistemi u networks li jipprovdu jew jappoġġaw servizzi pubbliċi essenzjali (il-fatturi ta’ sostenn għall-infrastruttura). Billi dawk il-fatturi ta’ appoġġ jippermettu trattament aktar favorevoli ta’ ċerti skoperturi għall-SMEs u l-infrastruttura, l-applikazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 tinċentiva lill-istituzzjonijiet biex iżidu s-self tant meħtieġ lil dawk l-entitajiet. Għalhekk jeħtieġ li d-data ta’ applikazzjoni taż-żewġ fatturi ta’ appoġġ tiġi avvanzata biex ikunu jistgħu jintużaw minn istituzzjonijiet diġà matul il-pandemija tal-COVID-19.

    (16)It-trattament prudenzjali ta’ ċerti assi tas-softwer ġie emendat bir-Regolament (UE) 2019/876 biex tkompli tiġi appoġġata t-tranżizzjoni lejn settur bankarju aktar diġitalizzat. Fil-kuntest tal-użu aċċellerat tas-servizzi diġitali bħala konsegwenza tal-miżuri pubbliċi adottati biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li tiġi antiċipata l-applikazzjoni ta’ dawn il-bidliet.

    (17)Ladarba l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li tiġi massimizzata l-kapaċità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex isellfu u jassorbu t-telf marbut mal-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li tibqa’ tiġi żgurata r-reżiljenza kontinwa tagħhom, ma jkunux jistgħu jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, ikunu jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità l-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

    (18)Biex il-miżuri straordinarji ta’ appoġġ adottati biex itaffu l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 ikunu kompletament effettivi fir-rigward taż-żamma tas-settur bankarju aktar reżiljenti u l-għoti ta’ inċentiv lill-istituzzjonijiet biex ikomplu s-self, huwa meħtieġ li l-effett ta’ mitigazzjoni ta’ dawn il-miżuri jiġi rifless immedjatament fil-mod kif jiġu ddeterminati r-rekwiżiti kapitali regolatorji. Wara li titqies l-urġenza ta’ dawn l-aġġustamenti għall-qafas prudenzjali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. 

    (19)Minħabba l-urġenza, tqies li jixraq li tiġi prevista eċċezzjoni mill-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

    (20)Ir-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u (UE) 2019/876 għalhekk jenħtieġ li jiġu emendati skont dan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1
    Emendar tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

    Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 huwa emendat kif ġej:

    (1)L-Artikolu 429a, kif emendat mir-Regolament (UE) 2019/876, huwa emendat kif ġej:

    (a)fil-paragrafu 1, il-frażi introduttorja tal-punt (n) tinbidel b’dan li ġej:

    “(n) l-iskoperturi li ġejjin għall-bank ċentrali tal-istituzzjoni, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 5 u 6:”;

    (b)fil-paragrafu 7, id-definizzjonijiet ta’ “EMLR ” u “CB” huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “EMLR = il-miżura tal-iskopertura totali tal-istituzzjoni kif definita fl-Artikolu 429(4), inklużi l-iskoperturi esklużi f’konformità mal-punt (n) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, fil-jum tad-dikjarazzjoni pubblika msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu; kif ukoll

    CB = il-valur totali tal-iskoperturi tal-istituzzjoni għall-bank ċentrali tiegħu li huma eliġibbli li jiġu esklużi skont il-punt (n) tal-paragrafu 1, fil-jum tad-dikjarazzjoni pubblika msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 5.”;

    (2)L-Artikolu 473a huwa emendat kif ġej:

    (a)il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

    (i) fl-ewwel subparagrafu; il-frażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 50 u sa tmiem il-perjodu tranżizzjonali stabbilit fil-paragrafu 6 u 6a ta’ dan l-Artikolu, is-segwenti jistgħu jinkludu fil-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni l-ammont ikkalkolat f’konformità ma’ dan il-paragrafu:”;

    (ii) it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “L-ammont imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi kkalkulat bħala s-somma ta’ dan li ġej:

    (a)għal skoperturi li huma soġġetti għall-ponderazzjoni tar-riskju f’konformità mal-Kapitolu 2 tat-Titolu II tal-Parti Tlieta, l-ammont (ABSA) ikkalkulat f’konformità mal-formula li ġejja:

    ABSA = (A2,SA – t1) x f1 + (A4,SA – t2) x f2

    fejn:

    A 2,SA = l-ammont ikkalkulat f’konformità mal-paragrafu 2;

    A 4,SA = l-ammont ikkalkulat f’konformità mal-paragrafu 4 abbażi tal-ammonti kkalkulati f’konformità mal-paragrafu 3;

    f1 = il-fattur applikabbli stipulat fil-paragrafu 6;

    f2 = il-fattur applikabbli stipulat fil-paragrafu 6;

    t1 = żieda fil-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni minħabba t-tnaqqis mit-taxxa tal-ammont A2,SA;

    t2 = żieda fil-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni minħabba t-tnaqqis mit-taxxa tal-ammont A4,SA;

    (b)għal skoperturi li huma soġġetti għall-ponderazzjoni tar-riskju f’konformità mal-Kapitolu 3 tat-Titolu II tal-Parti Tlieta, l-ammont (ABIRB) ikkalkulat f’konformità mal-formula li ġejja:

    ABIRB = (A2,IRB – t1) x f1 + (A4,IRB – t2) x f2

    fejn:

    A 2,IRB = l-ammont ikkalkulat f’konformità mal-paragrafu 2 aġġustat f’konformità mal-punt (a) tal-paragrafu 5;

    A 4,IRB = l-ammont ikkalkulat f’konformità mal-paragrafu 4 fuq il-bażi tal-ammonti kkalkulati f’konformità mal-paragrafu 3 li huma aġġustati f’konformità mal-punti (b) u (c) tal-paragrafu 5;

    f1 = il-fattur applikabbli stipulat fil-paragrafu 6;

    f2 = il-fattur applikabbli stipulat fil-paragrafu 6a;

    t1 = żieda fil-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni minħabba t-tnaqqis mit-taxxa tal-ammont A2,IRB;

    t2 = żieda fil-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni minħabba t-tnaqqis mit-taxxa tal-ammont A4,IRB.”;

    (b)fil-paragrafu 3, il-punt (b) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “(b) is-somma tat-telf ta’ kreditu mistenni fi 12-il xahar iddeterminata f’konformità mal-paragrafu 5.5.5 tal-Anness dwar l-IFRS 9 u l-ammont tal-kopertura għal telf ta’ kreditu mistenni tul il-ħajja ddeterminata f’konformità mal-paragrafu 5.5.3 tal-Anness dwar l-IFRS 9, għajr il-kopertura għal telf ta’ kreditu mistenni tul il-ħajja għal assi finanzjarji b’indeboliment fil-kreditu kif definit fl-Appendiċi A għall-Anness dwar l-IFRS 9 mill-1 ta’ Jannar 2020jew fid-data tal-ewwel applikazzjoni tal-IFRS 9, skont liema minnhom tkun l-aktar tard.”;

    (c)fil-paragrafu 5, il-punt (c) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

    “(c) l-istituzzjonijiet għandhom jissostitwixxu l-ammont ikkalkulat f’konformità mal-punt (b) tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu bis-somma tat-telf ta’ kreditu mistenni fi 12-il xahar iddeterminata f’konformità mal-paragrafu 5.5.5 tal-Anness dwar l-IFRS 9 u l-ammont tal-kopertura għal telf ta’ kreditu mistenni tul il-ħajja ddeterminat f’konformità mal-paragrafu 5.5.3 tal-Anness dwar l-IFRS 9, għajr il-kopertura għal telf ta’ kreditu mistenni tul il-ħajja għal assi finanzjarji b’indeboliment fil-kreditu, kif definit fl-Appendiċi A għall-Anness dwar l-IFRS 9 mill-1 ta’ Jannar 2020 jew fid-data tal-ewwel applikazzjoni tal-IFRS 9, imnaqqas bis-somma tal-ammonti relatati ta’ telf mistenni għall-istess skoperturi kkalkulati f’konformità mal-Artikolu 158(5), (6) u (10). Fejn il-kalkolu jirriżulta f’numru negattiv, l-istituzzjoni għandha tistabbilixxi l-valur tal-ammont imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għal żero”;

    (d)il-paragrafu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “6. L-istituzzjonijiet għandhom japplikaw il-fatturi li ġejjin f1 biex jikkalkulaw l-ammonti ABSA u ABIRB imsemmija fil-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 rispettivament:

    (a)0,7 matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020;

    (b)0,5 matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021;

    (c)0,25 matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2022;

    (d)0 matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2024.

    L-istituzzjonijiet li s-sena finanzjarja tagħhom tibda wara l-1 ta’ Jannar 2020 iżda qabel l-1 ta’ Jannar 2021 għandhom jaġġustaw id-dati fil-punti minn (a) sa (d) tal-ewwel subparagrafu sabiex dawn jikkorrispondu għas-sena finanzjarja tagħhom, għandhom jirrapportaw id-dati aġġustati lill-awtorità kompetenti tagħhom u għandhom jiżvelawhom pubblikament.

    L-istituzzjonijiet li jibdew japplikaw standards tal-kontabbiltà kif imsemmi fil-paragrafu 1 fl-1 ta’ Jannar 2021 jew wara dan, għandhom japplikaw il-fatturi rilevanti f’konformità mal-punti minn (b) sa (d) tal-ewwel subparagrafu b’bidu mill-fattur li jikkorrispondi għas-sena tal-ewwel applikazzjoni ta’ dawk l-istandards tal-kontabbiltà.”;

    (e)jiddaħħal il-paragrafu 6a li ġej:

    “6a. L-istituzzjonijiet għandhom japplikaw il-fatturi li ġejjin f2biex jikkalkulaw l-ammonti ABSA u ABIRB imsemmija fil-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 rispettivament:

    (a)1 matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020;

    (b)1 matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021;

    (c)0,75 matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2022;

    (d)0,5 matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023;

    (e)0,25 matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2024

    L-istituzzjonijiet li s-sena finanzjarja tagħhom tibda wara l-1 ta’ Jannar 2020 iżda qabel l-1 ta’ Jannar 2021 għandhom jaġġustaw id-dati fil-punti minn (a) sa (e) tal-ewwel subparagrafu sabiex dawn jikkorrispondu għas-sena finanzjarja tagħhom, għandhom jirrapportaw id-dati aġġustati lill-awtorità kompetenti tagħhom u għandhom jiżvelawhom pubblikament.

    L-istituzzjonijiet li jibdew japplikaw standards tal-kontabbiltà kif imsemmi fil-paragrafu 1 fl-1 ta’ Jannar 2021 jew wara dan, għandhom japplikaw il-fatturi rilevanti f’konformità mal-punti minn (b) sa (e) tal-ewwel subparagrafu b’bidu mill-fattur li jikkorrispondi għas-sena tal-ewwel applikazzjoni ta’ dawk l-istandards tal-kontabbiltà.

    (f)il-paragrafu 7 huwa emendat kif ġej:

    (i) il-punt (b) jitħassar;

    (ii) jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “Meta jiġu kkalkulati mill-ġdid ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament u fid-Direttiva 2013/36/UE għall-fini tal-ewwel subparagrafu, l-ammont ABSA imsemmi fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jiġi assenjat piż tar-riskju ta’ 100%.”;

    (g)il-paragrafu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “8. Matul il-perjodu stipulat fil-paragrafu 6 u 6a ta’ dan l-Artikolu, minbarra li jiżvelaw l-informazzjoni meħtieġa fil-Parti Tmienja, l-istituzzjonijiet li ddeċidew li japplikaw l-arranġamenti tranżitorji stipulati f’dan l-Artikolu għandhom jiżvelaw l-ammonti ta’ fondi proprji, il-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni u l-kapital ta’ Grad 1, il-proporzjon tal-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni, il-proporzjon tal-kapital ta’ Grad 1, il-proporzjon totali tal-kapital u l-proporzjon ta’ ingranaġġ li kien ikollhom f’każ li ma japplikawx dan l-Artikolu.”;

    (h)Il-paragrafu (9) huwa emendat kif ġej:

    (i) fl-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Fejn istituzzjoni tkun irċeviet il-permess minn qabel tal-awtorità kompetenti, hija tista’ tbiddel id-deċiżjoni tagħha matul il-perjodu tranżitorju.”;

    (ii) fit-tieni paragrafu, it-tieni u t-tielet sentenzi jinbidlu b’dan li ġej:

    “F’każ bħal dan, l-istituzzjoni għandha tistabbilixxi l-ammonti A4 u t2imsemmi fil-paragrafu 1 għal żero. Fejn istituzzjoni tkun irċeviet il-permess minn qabel tal-awtorità kompetenti, hija tista’ tbiddel darba biss, matul il-perjodu tranżizzjonali, id-deċiżjoni inizjali tagħha.”;

    (iii) il-paragrafi li ġejjin huma miżjuda:

    “ Istituzzjoni li tkun iddeċidiet li tapplika l-arranġamenti tranżizzjonali stipulati f’dan l-Artikolu tista’ tiddeċiedi li ma tapplikax il-paragrafu 2, f’liema każ għandha tinforma lill-awtorità kompetenti bid-deċiżjoni tagħha mingħajr dewmien. F’każ bħal dan, l-istituzzjoni għandha tistabbilixxi l-ammonti A2 u t1 imsemmi fil-paragrafu 1 għal żero. Istituzzjoni tista’ tirrevoka d-deċiżjoni tagħha matul il-perjodu tranżitorju sakemm tkun irċeviet il-permess minn qabel tal-awtorità kompetenti.

    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-EBA tal-inqas kull sena dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu mill-istituzzjonijiet taħt is-superviżjoni tagħhom.”;

    (3)jiddaħħal l-artikolu li ġej:

    “Artikolu 500a Trattament temporanju ta’ garanziji pubbliċi relatati mal-pandemija tal-COVID-19

    Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 47c(3), sa [data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju + 7 snin], il-fatturi stabbiliti fl-Artikolu 47c(4) għandhom japplikaw ukoll għall-parti tal-iskopertura improduttiva garantita minn fornitur eliġibbli msemmi fil-punti minn (a) sa (e) tal-Artikolu 201(1), fejn, soġġett għall-konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, fejn applikabbli, il-garanzija jew il-kontrogaranzija hija pprovduta bħala parti mill-miżuri ta’ appoġġ biex jiġu assistiti l-mutwatarji fost il-pandemija tal-COVID-19.

    Artikolu 2
    Emendi għar-Regolament (UE) Nru 2019/876

    L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2019/876 huwa emendat kif ġej:

    (1)jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

    “3a. Il-punti li ġejjin tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw minn [data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju]:

    (a)il-punt (59), fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar it-trattament ta’ ċertu self mogħti minn istituzzjonijiet ta’ kreditu lil pensjonanti jew impjegati stabbiliti fl-Artikolu 123 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

    (b)il-punt (133), fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar l-impatt ta' regoli ġodda dwar it-titolizzazzjoni stipulati fl-Artikolu 501 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

    (c) il-punt (134), fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju tal-kreditu għall-iskoperturi għal entitajiet li joperaw jew jiffinanzjaw strutturi jew faċilitajiet fiżiċi, sistemi u netwerks li jipprovdu jew jappoġġaw servizzi pubbliċi essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 501a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.”;

    (2)il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “5. Il-punt (46)(b) tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, fir-rigward tar-rekwiżit il-ġdid għal fondi proprji għall-G-SIIs stabbilit fl-Artikolu 92(1a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023.”;

    (3)il-paragrafu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “7. Il-punt (18) tal-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament, fir-rigward tal-punt (b) tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, li fih id-dispożizzjoni dwar l-eżenzjoni minn tnaqqis ta' assi ta' software valutati b'mod prudenti, għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-Artikolu 36(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.”.

    Artikolu 3
    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    1.Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2.Dan ir-Regolament għandu japplika minn [data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju] bl-eċċezzjoni stabbilita fil-paragrafu 3.

    3.Il-punt (1) tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, fir-rigward tal-bidliet fl-Artikolu 429a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, kif emendat bir-Regolament (UE) 2019/876, fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ tpaċija mehmuż ma’ esklużjoni temporanja ta’ ċerti riżervi tal-bank ċentrali, għandu japplika mit-28 ta’ Ġunju 2021.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)    Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu.
    (2)    Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
    (3)    Ir-Regolament (UE) 2017/2395 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta’ arranġamenti tranżitorji biex jittaffa l-impatt tal-introduzzjoni tal-IFRS 9 fuq il-fondi proprji u għat-trattament tal-iskoperturi l-kbar ta’ ċerti skoperturi fis-settur pubbliku denominati fil-munita domestika ta’ kwalunkwe Stat Membru (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 27).
    (4)    Ir-Regolament (UE) 2019/630 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tal-kopertura minima għat-telf għal skoperturi improduttivi (ĠU L 111, 25.4.2019, p. 4).
    (5)    Ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-proporzjon ta’ lieva finanzjarja, il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett, rekwiżiti għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontropartijiet ċentrali, skoperturi għal impriżi ta’ investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta’ rappurtar u divulgazzjoni, u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 1).
    (6)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Komunikazzjoni Interpretattiva tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-oqfsa prudenzjali u tal-kontabilità biex jiġi ffaċilitat is-self mill-bank tal-UE - Appoġġ għan-negozji u l-unitajiet domestiċi waqt il-COVID-19, COM(2020) 169 tat-28.04.2020.
    (7)    Il-posponiment ikopri kemm ir-regoli riveduti dwar ir-rekwiżiti tal-kapital ibbażat fuq ir-riskju kif ukoll ir-regoli riveduti dwar il-proporzjon ta’ ingranaġġ.
    (8)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-Grupp tal-Euro dwar rispons ekonomiku kkoordinat għat-Tifqigħa tal-COVID-19, COM(2020) 112 final tat-13.3.2020.
    (9)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-Rispons għall-Coronavirus - L-użu ta’ kull euro disponibbli b’kull mod possibbli għall-ħarsien tal-ħajja u tal-għajxien ta’ kuljum, COM(2020) 143 final tat-02.04.2020.
    (10)    Ara l-istqarrija għall-istampa “Il-Kumitat ta’ Basel jistabbilixxi miżuri addizzjonali biex jittaffa l-impatt tal-Covid-19”, it-3 ta’ April 2020, disponibbli fuq: https://www.bis.org/press/p200403.htm .
    (11)    Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
    (12)    Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
    (13)    Ir-Regolament (UE) 2017/2395 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta’ arranġamenti tranżizzjonali biex jittaffa l-impatt tal-introduzzjoni tal-IFRS 9 fuq il-fondi proprji u għat-trattament tal-iskoperturi l-kbar ta’ ċerti skoperturi fis-settur pubbliku denominati fil-munita domestika ta’ kwalunkwe Stat Membru (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 27).
    (14)    Ir-Regolament (UE) 2019/630 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tal-kopertura minima għat-telf għal skoperturi improduttivi (ĠU L 111, 25.4.2019, p. 4).
    (15)    Ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-proporzjon ta' lieva finanzjarja, il-proporzjon ta' finanzjament stabbli nett, rekwiżiti għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju ta' kreditu tal-kontroparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontropartijiet ċentrali, skoperturi għal impriżi ta' investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta' rappurtar u divulgazzjoni, u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 150, 7.6.2019, p.1).
    (16)    Dan jinkludi l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Il-Komunikazzjoni Interpretattiva tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-oqfsa kontabilistiċi u prudenzjali biex jiġi ffaċilitat is-self tal-banek tal-UE - Appoġġ lin-negozji u lill-unitajiet domestiċi fil-kuntest tal-COVID-19, COM(2020) 169 tat-28.04.2020; l-istqarrija għall-istampa “Superviżjoni Bankarja tal-BĊE tipprovdi aktar flessibbiltà lil banek b’reazzjoni għall-coronavirus” u l-FAQs li jakkumpanjawhom, 20 ta’ Marzu 2020, https://www.bankingsupervision.europa.eu/press/pr/date/2020/html/ssm.pr200320~4cdbbcf466.en.html  Dikjarazzjoni tal-ABE dwar l-applikazzjoni tal-qafas prudenzjali rigward l-Inadempjenza, it-Tertenza u l-IFRS 9 fid-dawl tal-miżuri COVID-19, 25 ta’ Marzu 2020, disponibbli fuq: https://eba.europa.eu/eba-provides-clarity-banks-consumers-application-prudential-framework-light-covid-19-measures .
    (17)    Ara l-istqarrija għall-istampa “Il-Kumitat ta’ Basel jistabbilixxi miżuri addizzjonali biex jittaffa l-impatt ta’ Covid-19”, 3 ta’ April 2020, https://www.bis.org/press/p200403.htm
    (18)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/62 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-proporzjon ta' ingranaġġ ĠU L 11, 17.1.2015, p. 37-43
    Top