Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0751

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Aġġornament tas-Sorvejanza Msaħħa - il-Greċja, Novembru 2020

    COM/2020/751 final

    Brussell, 18.11.2020

    COM(2020) 751 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    Aġġornament tas-Sorvejanza Msaħħa - il-Greċja, Novembru 2020

    {SWD(2020) 751 final}


    SFOND

    L-iżviluppi ekonomiċi u l-politiki fil-Greċja huma mmonitorjati b’konformità mas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika kif ukoll mal-qafas tas-sorveljanza msaħħa skont ir-Regolament (UE) Nru 472/2013( 1 ). L-implimentazzjoni tas-sorveljanza msaħħa għall-Greċja ( 2 ) tirrikonoxxi li l-Greċja jeħtiġilha tkompli timplimenta miżuri biex tindirizza s-sorsi jew is-sorsi potenzjali tad-diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji, filwaqt li timplimenta riformi strutturali biex tappoġġa tkabbir ekonomiku sod u sostenibbli.

    Is-sorveljanza msaħħa tipprovdi qafas komprensiv għall-monitoraġġ tal-iżviluppi ekonomiċi u t-twettiq tal-politiki meħtieġa biex jiġi żgurat irkupru ekonomiku sostenibbli. Din tippermetti li ssir valutazzjoni regolari tal-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji riċenti fil-Greċja, kif ukoll li jsir monitoraġġ tal-kundizzjonijiet tal-finanzjament sovran u aġġornamenti tal-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn. Is-sorveljanza msaħħa tipprovdi wkoll il-qafas għall-valutazzjoni tal-impenn ġenerali li ngħata lill-Grupp tal-Euro mill-Greċja fit-22 ta’ Ġunju 2018, biex tkompli u tlesti r-riformi adottati skont il-programm tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà u biex tiggarantixxi s-salvagwardja tal-objettivi tar-riformi importanti adottati b’konformità mal-programmi ta’ assistenza finanzjarja. F’dan il-kuntest, is-sorveljanza msaħħa twettaq il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ impenji speċifiċi biex jitlestew ir-riformi strutturali ewlenin li bdew skont il-programm f’sitt oqsma ewlenin bi skadenzi miftiehma sa nofs l-2022, jiġifieri: (i) il-politiki fiskali u fiskali-strutturali, (ii) il-protezzjoni soċjali, (iii) l-istabbiltà finanzjarja, (iv) is-swieq tax-xogħol u tal-prodotti, (v) il-Korporazzjoni Ellenika tal-Assi u Parteċipazzjonijiet u l-privatizzazzjoni, u (vi) il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika ( 3 ).

    Dan huwa t-tmien rapport dwar is-sorveljanza msaħħa għall-Greċja. Ir-rapport jissejjes fuq is-sejbiet ta’ missjoni li saret mill-bogħod fid-19-20 ta’ Ottubru 2020 u fuq djalogu regolari mal-awtoritajiet. Il-missjoni tmexxiet mill-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew ( 4 ); il-Fond Monetarju Internazzjonali pparteċipa fil-kuntest tal-qafas tiegħu ta’ Monitoraġġ ta’ wara l-Programm, filwaqt li l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà pparteċipa fil-kuntest tas-Sistema ta’ Twissija Bikrija tiegħu u f’konformità mal-Memorandum ta’ Qbil tas-27 ta’ April 2018 dwar ir-relazzjonijiet ta’ ħidma bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà. Ir-rapport attwali jivvaluta l-implimentazzjoni tal-impenji tal-Greċja lejn il-Grupp tal-Euro fir-rigward tat-tlestija tar-riforma sa nofs l-2020.

    Dan ir-rapport jista’ jservi bħala l-bażi li fuqha l-Grupp tal-Euro jiddeċiedi dwar il-ħruġ tas-sett ta’ miżuri li jmiss ta’ dejn kontinġenti għall-politika li jiswew EUR 767 miljun. Dawn il-miżuri ġew miftiehma mal-Grupp tal-Euro fit-22 ta’ Ġunju 2018 u jinkludu t-trasferiment ta’ ammonti ekwivalenti ta’ introjtu ġġenerati mill-parteċipazzjonijiet tal-bank ċentrali f’bonds tal-Gvern Grieg skont il-Programm tas-Swieq tat-Titoli u l-Ftehim dwar l-Assi Finanzjarji Netti u deroga mill-marġni ta’ żieda tal-imgħax ta’ ċertu self li jingħata mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja. It-tielet porzjon ta’ miżuri ta’ dejn kontinġenti għall-politika ngħata wara l-laqgħa tal-Grupp tal-Euro fil-11 ta’ Lulju 2020, inter alia fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-impenji tal-Greċja għal nofs l-2019, fosthom ir-rapport dwar is-sorveljanza msaħħa li ġie adottat mill-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 2020 ( 5 ) u meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi straordinarji maħluqa mit-tifqigħa tal-coronavirus.

    VALUTAZZJONI GLOBALI

    Dan ir-rapport tħejja fi żmien meta l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri qed iħabbtu wiċċhom ma’ qawmien mill-ġdid tal-pandemija. Minkejja ż-żieda riċenti fl-infezzjonijiet, il-Greċja sa issa rnexxielha trażżan it-tixrid tal-coronavirus b’mod komparattiv sew, anki bis-saħħa tar-rispons f’waqtu f’reġjuni li qed jiffaċċjaw żieda fl-għadd ta’ każijiet ġodda. L-awtoritajiet qed isaħħu t-tħejjija tas-sistema tal-kura tas-saħħa u qed jespandu l-kapaċità tal-ittestjar, filwaqt li fl-istess ħin jespandu u jadattaw is-sett ta’ miżuri fiskali u ta’ likwidità li jgħinu lill-persuni u lin-negozji affettwati mill-pandemija. Dawn il-miżuri jgħinu biex itaffu l-kost soċjali u ekonomiku tal-pandemija, iżda skont it-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2020, l-ekonomija Griega xorta hija mistennija li ssofri waħda mill-akbar tnaqqis fl-attività ekonomika fl-UE, minħabba l-esponiment għoli tagħha għat-turiżmu u s-sehem kbir ta’ intrapriżi żgħar, li għandhom kapaċità ta’ aġġustament limitata. Il-lockdown nazzjonali ta’ tliet ġimgħat imħabbar fil-5 ta’ Novembru, u l-estensjoni potenzjali tiegħu skont l-evoluzzjoni tal-pandemija, jistgħu jdgħajfu l-prospettiva fi żmien qrib aktar milli mistenni bħalissa. 

    Minkejja ċ-ċirkostanzi diffiċli ħafna, li kienu jeħtieġu enfasi fuq prijoritajiet aktar immedjati, il-Greċja żiedet b’mod sinifikanti l-pass tal-implimentazzjoni tar-riformi fix-xhur li għaddew. L-aktar importanti huwa li l-kodiċi tal-insolvenza ġie adottat fil-Parlament. Din hija riforma ewlenija tal-qafas tal-insolvenza, li hija mistennija li tiffaċilita r-riżoluzzjoni tal-isfidi ewlenin fis-settur finanzjarju. L-awtoritajiet bħalissa qed iħejju leġiżlazzjoni sekondarja, li se tiddefinixxi aspetti importanti tal-qafas il-ġdid, u qed jiżviluppaw l-infrastruttura b’mod parallel, li t-tnejn li huma huma meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva tal-kodiċi mill-1 ta’ Jannar 2021. Qed jiġi indirizzat ostaklu li ilu għaddej għar-riforma tar-riżorsi umani tal-Awtorità Indipendenti għad-Dħul Pubbliku permezz tal-ftehim li titkompla l-leġiżlazzjoni supplimentari tagħha dwar il-pagi, li se ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tattira u żżomm persunal ta’ kalibru għoli. L-awtoritajiet qed javvanzaw ukoll fuq għadd ta’ tranżazzjonijiet ta’ privatizzazzjoni ewlenin, għalkemm oħrajn qed jiddewmu minħabba l-pandemija.

    Barra minn hekk, sar progress tajjeb ukoll fl-oqsma ta’:

    ·Riformi fiskali-strutturali, bit-tlestija tas-sistema tal-Kont Uniku tat-Teżor, riforma maġġuri tal-akkwist pubbliku li għandha tiġi adottata sal-aħħar tas-sena, progress fir-riformi biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-investimenti pubbliċi, u żviluppi pożittivi dwar l-ikklerjar tal-arretrati, li jeħtieġ li jiġu sostnuti;

    ·Amministrazzjoni pubblika , bi progress kostanti fil-modernizzazzjoni tal-ġestjoni tar-riżorsi umani u d-dħul fis-seħħ ta’ proċess ta’ għażla uniformi għal karigi ta’ maniġment superjuri f’entitajiet tas-settur pubbliku. L-awtoritajiet għamlu progress ukoll bl-implimentazzjoni tal-aġenda diġitali ambizzjuża tagħhom.

    ·Enerġija, fejn it-tnedija tal-Mudell fil-Mira għas-suq tal-elettriku seħħet fl-1 ta’ Novembru 2020 li tissodisfa impenn li ilu jeżisti.

    L-awtoritajiet stabbilew ukoll ċarezza dwar it-triq ’il quddiem f’oqsma, fejn it-tlestija sħiħa tal-impenji eżistenti ma setgħetx tintlaħaq minħabba dewmien preċedenti jew l-impatt tal-pandemija. L-awtoritajiet reġgħu bdew il-ġbir tan-nefqa fuq is-saħħa taħt l-irkupru u qablu li jiffinalizzaw il-leġiżlazzjoni tal-kura tas-saħħa primarja saż-żmien tal-għaxar rapport, filwaqt li jwettqu b’mod adegwat il-prinċipji tar-riforma tal-2017, li għadha ma ġietx implimentata bis-sħiħ. Ġew stabbiliti skedi ta’ żmien ċari wkoll għar-riformi tal-liċenzjar tal-investiment immonitorjati taħt sorveljanza msaħħa, filwaqt li ġie osservat progress kostanti fl-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali għall-proġett tal-katast. L-awtoritajiet qablu wkoll li jerġgħu jibdew żewġ riformi speċifiċi li ġew affettwati b’mod sinifikanti mit-tifqigħa tal-coronavirus, jiġifieri r-rivalutazzjoni nazzjonali tal-valuri tat-taxxa fuq il-proprjetà u t-tlestija tal-element ta’ attivazzjoni tal-iskema ta’ Introjtu Minimu Garantit. Proposta finali għal rimedju antitrust relatat mal-ġenerazzjoni tal-linjite tal-Korporazzjoni tal-Enerġija Pubblika ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni u hija mistennija li tkun ittestjata għas-suq hekk kif l-awtoritajiet jipprovdu l-awtorizzazzjoni finali tagħhom. Il-mira tal-persunal stabbilita għall-Awtorità Indipendenti għad-Dħul Pubbliku mhijiex qed tintlaħaq iżda l-awtoritajiet ikkonfermaw li l-proċeduri ta’ reklutaġġ li għaddejjin fil-Ministeru tal-Finanzi ma jkollhomx impatt negattiv fuq il-kapaċità tal-Awtorità.

    L-użu effiċjenti u xieraq tal-fondi disponibbli taħt il-faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jista’ jgħin lill-ekonomija Griega tirkupra mill-kriżi attwali u tindirizza l-isfidi li qed tkompli tiffaċċja, minkejja l-progress miksub. L-isforzi persistenti ta’ riforma biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet li fadal huma essenzjali. Il-fondi sinifikanti li l-Greċja hija intitolata li tirċievi permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, jekk jintużaw b’mod effiċjenti u xieraq, jistgħu jappoġġaw it-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u ż-żewġ tranżizzjonijiet fis-snin li ġejjin. Ir-riformi u l-investimenti, bħala parti mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza li jmiss, huma mistennija li jibnu fuq u jikkomplementaw ir-riformi tal-passat u dawk li għaddejjin fil-kuntest tal-proċess ta’ sorveljanza msaħħa.

    Dan ir-rapport jikkonkludi li, meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi sfavorevoli li nħolqu mit-tifqigħa tal-pandemija, il-Greċja ħadet l-azzjonijiet meħtieġa biex tirrispetta l-impenji speċifiċi tagħha. L-avvenimenti bla preċedent wasslu għal tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku u għal waqfien, fl-ewwel nofs tas-sena, fuq għadd ta’ riformi fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu indirizzati prijoritajiet aktar immedjati. Madankollu, l-awtoritajiet irnexxielhom jerġgħu jibdew il-ħidma fuq l-impenji f’dawn l-aħħar xhur u wettqu għadd ta’ riformi fundamentali. L-istituzzjonijiet Ewropej jilqgħu l-impenn mill-qrib u kostruttiv fl-oqsma kollha u jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet biex iżommu l-momentum u, fejn meħtieġ, isaħħu l-isforzi biex titlesta malajr l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni primarja adottata reċentement. Dan huwa partikolarment il-każ bir-riformi tas-settur finanzjarju, fejn korp kbir ta’ leġiżlazzjoni sekondarja għandu jitlesta u jiġi adottat dalwaqt.

    ŻVILUPPI MAKROEKONOMIĊI

    Il-pandemija tal-coronavirus qed tħalli impatt qawwi fuq l-ekonomija Griega. L-ekonomija naqset b’-14,2 % fit-tieni kwart tal-2020 billi l-attività ekonomika kienet imxekkla biex twaqqaf il-firxa tal-pandemija. Is-settur tas-servizzi ntlaqat partikolarment ħażin ukoll matul l-istaġun tas-sajf minħabba l-importanza tat-turiżmu internazzjonali. Filwaqt li ż-żieda fir-rata tal-qgħad sa issa kienet relattivament baxxa, parzjalment minħabba l-iskemi ta’ protezzjoni stabbiliti f’waqthom mill-awtoritajiet, l-impjiegi sofrew b’mod aktar sinifikanti fid-dawl tad-domanda aktar baxxa għall-ħaddiema staġonali. Il-laxkezza fl-ekonomija, kif ukoll it-tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija, huma mistennija li jwasslu għal tnaqqis temporanju fil-prezzijiet tal-konsumatur fl-2020.

    Hekk kif l-għadd ta’ każijiet ġodda tal-coronavirus qed ikompli jiżdied, l-irkupru x’aktarx li jkun kemxejn aktar kajman milli kien mistenni qabel. Skont it-Tbassir tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2020, il-PDG reali huwa mistenni li jonqos b’9 % fl-2020 u jiżdied b’5 % fl-2021. Il-projezzjonijiet iħaddnu biss żieda gradwali fid-domanda għal servizzi turistiċi, infiq aktar kawt tal-konsumatur, u inċertezza persistenti u profitti aktar baxxi fis-settur korporattiv. L-awtoritajiet adottaw ammont kbir ta’ miżuri biex itaffu l-impatt ekonomiku tal-miżuri ta’ konteniment fl-2020 kif ukoll miżuri li jistimulaw id-domanda aggregata fl-2021. Dawn il-projezzjonijiet ġew iffinalizzati qabel l-avviżi tal-lockdown ta’ 3 ġimgħat fil-5 ta’ Novembru 2020 u l-miżuri ta’ appoġġ rilevanti ( 6 ).

    L-inċertezza u r-riskji madwar il-prospettiva huma għoljin ħafna, minħabba l-iżviluppi inċerti tal-kriżi tas-saħħa globali. Iż-żieda fl-istrettezza tar-restrizzjonijiet diġà implimentati fil-Greċja u f’pajjiżi Ewropej oħra tista’ taffettwa b’mod negattiv il-perspettiva fi żmien qasir. Restrizzjonijiet addizzjonali fuq il-moviment ta’ persuni u merkanzija fix-xhur li ġejjin fil-Greċja, iżda wkoll barra mill-pajjiż - fid-dawl tal-importanza tat-turiżmu internazzjonali - jibqgħu sors sostanzjali ta’ inċertezza. Aktar riskji negattivi huma rappreżentati minn tensjonijiet ġeopolitiċi akbar fir-reġjun u pressjonijiet ta’ migrazzjoni sostnuti. Mil-lat pożittiv, il-miżuri ta’ appoġġ adottati fil-livell tal-UE, inkluż in-NextGenerationEU, jistgħu jappoġġaw id-domanda b’mod sinifikanti fl-2021 u jsaħħu l-prinċipji fundamentali ekonomiċi u r-reżiljenza għall-ġejjieni. B’mod aktar speċifiku, it-tbassir tal-Kummissjoni ma jinkorporax l-impatt tal-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza billi għadu fi stadju bikri ta’ żvilupp. Ladarba jiġu speċifikati, adottati u implimentati bis-sħiħ, ir-riformi u l-investimenti implimentati skont il-Pjan huma mistennija li jkollhom impatt pożittiv fuq il-prospetti tat-tkabbir.

    ŻVILUPPI U PROSPETTIVA FISKALI

    L-impatt fiskali tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u l-ispiża tal-miżuri ta’ emerġenza adottati biex tiġi indirizzata t-tifqigħa tal-coronavirus huma mistennija li jirriżultaw f’defiċit fiskali kbir din is-sena. Il-bilanċ primarju mmonitorjat taħt sorveljanza msaħħa huwa mbassar li jilħaq -4,4 % tal-PDG fl-2020. Minbarra n-nuqqas fid-dħul ikkawżat mir-riċessjoni, il-projezzjoni tqis l-estensjoni tal-miżuri diġà adottati mill-awtoritajiet biex itaffu t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’dawn l-aħħar xhur. Dawn jinkludu żieda fil-pakkett totali tal-“avvanzi rimborsabbli” lill-kumpaniji u estensjonijiet tal-miżuri ta’ appoġġ eżistenti kemm għall-persuni qiegħda kif ukoll għall-impjegati tal-kumpaniji affettwati mill-pandemija. It-tbassir iqis ukoll pagament retroattiv lill-pensjonanti wara s-sentenza tal-Qorti tal-Istat ta’ Lulju 2020, għal perjodu qasir qabel id-dħul fis-seħħ tar-riforma tal-pensjonijiet tal-2016.

    Il-politika fiskali tal-Greċja hija mistennija li tkompli tappoġġa l-irkupru matul l-2021. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-miżuri meħuda fl-2020 kellhom fil-mira l-impatt dirett tal-pandemija (spejjeż tal-kura tas-saħħa, appoġġ għall-perjodu lockdown, differimenti tat-taxxa eċċ.), l-awtoritajiet ħabbru wkoll miżuri temporanji biex jistimulaw b’mod aktar wiesa’ d-domanda u l-impjiegi fl-2021. Dawn jinkludu tnaqqis ta’ tliet punti perċentwali fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u sospensjoni tat-taxxa ta’ solidarjetà soċjali għas-settur privat, u sussidju temporanju ġdid għar-reklutaġġ. Dawn il-miżuri jmorru fid-direzzjoni t-tajba biex inaqqsu l-porzjon għoli ta’ taxxa fuq ix-xogħol u n-natura temporanja tagħhom hija konsistenti mal-objettiv li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fiż-żmien medju. L-istabbiliment tal-politika fiskali ppjanat għall-2021 iqis it-tkomplija tal-applikazzjoni tal-Klawżola Liberatorja Ġenerali fl-2021.

    L-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju tal-2021 jistenna li d-defiċit primarju mmonitorjat taħt sorveljanza msaħħa fl-2021 jilħaq 1,1 % tal-PDG. Il-projezzjoni tal-awtoritajiet tqis il-miżuri l-ġodda, riżerva speċjali, li tista’ tiffinanzja ħtiġijiet immedjati li jistgħu jirriżultaw mill-evoluzzjoni tal-pandemija u programm ambizzjuż ta’ seba' snin għall-infiq għad-difiża. Il-projezzjoni tal-awtoritajiet hija aktar ottimista mit-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2020, li jistenna defiċit primarju ta’ 3,4 % tal-PDG fl-2021. Madankollu, parti kbira mid-differenza hija dovuta għal suppożizzjonijiet metodoloġiċi dwar (a) ir-reġistrazzjoni msemmija hawn fuq ta’ wħud mill-miżuri ta’ emerġenza, li r-regoli tagħhom ġew iċċarati biss wara l-preżentazzjoni tal-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju, u (b) l-inklużjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fix-xenarju makroekonomiku tal-awtoritajiet ( 7 ). Minbarra dawn, it-tbassir tal-Kummissjoni huwa aktar kawt fir-rigward tal-għeluq tad-defiċit fil-kont tas-Sors tal-Enerġija Rinnovabbli preżunt fl-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju, billi l-azzjoni politika li twassal għal dan it-titjib għad trid tiġi speċifikata, u għandha opinjoni aktar gradwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm il-ġdid ta’ difiża.

    Il-progress lejn it-tlestija tar-rivalutazzjoni nazzjonali tal-valuri tat-taxxa fuq il-proprjetà naqas; dan kien impenn speċifiku f’nofs l-2020, li l-finalizzazzjoni tiegħu issa ġiet skedata mill-ġdid għal nofs l-2021. Dewmien inevitabbli seħħ aktar kmieni fis-sena minħabba l-lockdown tal-coronavirus u seħħ aktar dewmien minħabba l-valutazzjoni tal-kwalità meħtieġa minn appelli b’suċċess lill-Kunsill tal-Istat. Il-valutazzjoni mill-ġdid u l-espansjoni tas-sistema eżistenti taż-żona tal-valur issa huma ppjanati li jiġu ffinalizzati f’Marzu 2021, fil-ħin għall-valutazzjoni tat-taxxa fuq il-proprjetà ta’ Awwissu 2021.

    L-inċertezza inerenti fil-valutazzjoni u t-tbassir attwali hija sostanzjali: eskalazzjoni ulterjuri tal-kriżi tas-saħħa tista’ twassal għall-ħtieġa ta’ miżuri fiskali addizzjonali, li għandhom ikunu kemm ta’ natura mmirata kif ukoll temporanja, biex irażżnu l-konsegwenzi u jsaħħu l-irkupru fl-2021. Riskji addizzjonali huma relatati mal-attivazzjoni ta’ garanziji mill-istat li nħarġu reċentement, li kienu parti mis-sett ta’ miżuri ta’ emerġenza. Riskji ulterjuri jirreferu għall-ispiża ta’ każijiet ta’ litigazzjoni li għadhom għaddejjin u l-obbligi ta’ servizz pubbliku li jifdal, li jistgħu jiddeterjoraw il-bilanċ meta jkun miftiehem. L-inċertezza fir-rigward tal-ammont sħiħ tal-kumpens retroattiv għat-tnaqqis fil-pensjonijiet supplimentari u l-bonusijiet staġjonali introdotti mir-riformi tal-pensjonijiet preċedenti tibqa’, billi d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Istat tal-2020 għadha ma ġietx ippubblikata. Fl-aħħar nett, riskju addizzjonali jirriżulta mill-ispiża addizzjonali potenzjali tal-kopertura ta’ individwi mingħajr assigurazzjoni tas-saħħa. Mil-lat pożittiv, il-Greċja mistennija tibbenefika ħafna mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li għandha l-għan li tappoġġa rkupru ekonomiku sostenibbli billi tipprovdi appoġġ finanzjarju fuq skala kbira għal riformi u investimenti li jsaħħu t-tkabbir.

    Analiżi tal-FINANZJAMENT SOVRAN u tas-sostenibbiltà tad-dejn

    Ir-rendimenti sovrani Griegi għadhom baxxi u l-bafer tal-flus tal-gvern huwa qrib il-livelli ta’ qabel il-kriżi. L-awtoritajiet reċentement lestew b’suċċess il-ħruġ ta’ bond ta’ 15-il sena. Il-firxiet tar-rendiment tal-bonds sovrani Griegi fit-tul jibqgħu f’livelli baxxi storiċi. Ir-riżervi tal-flus kontanti tal-amministrazzjoni pubblika issa jammontaw għal EUR 34,5 biljun (fl-aħħar ta’ Settembru), bil-bilanċ tal-kont tal-bafer tal-flus ma jinbidilx għal EUR 15,7 biljun. Ir-riżervi ġenerali ta’ flus kontanti tal-gvern ġenerali jkunu biżżejjed biex ikopru madwar sentejn ta’ ħtiġijiet ta’ finanzjament anki mingħajr ħruġ ulterjuri ta’ bonds.

    L-istituzzjonijiet Ewropej wettqu reviżjoni komprensiva tal-qafas tas-sostenibbiltà tad-dejn, kif imħabbar fil-ħames rapport ta’ sorveljanza msaħħa. Il-qafas rivedut jinkludi xenarju bażi, li huwa allinjat mal-qafas tal-Kummissjoni applikat għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tad-dejn għall-Istati Membri kollha, u analiżi tax-xenarju speċifiku għall-pajjiż. Ir-reviżjoni tagħmel użu minn indikaturi bbażati fuq is-suq li huma faċilment disponibbli u mifhuma tajjeb u tagħmel is-suppożizzjonijiet aktar konsistenti mal-aspettattivi tas-suq għall-medda qasira u medja ta’ żmien. Ir-reviżjoni tqis ukoll it-tkabbir fit-tul u s-suppożizzjonijiet tar-rata tal-imgħax mir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2021. L-analiżi tax-xenarju tkopri riskji li huma partikolarment rilevanti għal pajjiżi b’dejn għoli bħall-Greċja.

    Minkejja l-prospetti deterjorati fuq medda qasira ta’ żmien, ix-xenarju bażi juri ritorn għal tnaqqis fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG. Fuq medda qasira ta’ żmien, id-dejn pubbliku huwa projettat li jiżdied minn 180,5 % tal-PDG fl-2019 għal aktar minn 207 % tal-PDG fl-2020. Madankollu, billi l-miżuri fiskali ta’ emerġenza li ttieħdu matul il-pandemija huma mistennija li jkunu temporanji u l-ekonomija hija mistennija li tibda tirkupra fl-2021, il-proporzjon tad-dejn mal-PDG huwa mistenni li jsegwi xejra ta’ tnaqqis mill-2021. Il-ħtiġijiet ta’ finanzjament gross tal-gvern huma mistennija li jlaħħqu madwar 15 % tal-PDG għall-20 sena li ġejjin, qabel ma jonqsu għal madwar 13 % tal-PDG sal-2060. Ir-riżultati ta’ din is-simulazzjoni tal-linja bażi huma appoġġati prinċipalment mill-kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli preżunti, is-sehem kbir tad-dejn li huwa ffinanzjat b’rati baxxi minn mutwanti uffiċjali u l-maturità medja twila tad-dejn pendenti.

    Iż-żewġ xenarji alternattivi jissuġġerixxu li rati ogħla ta’ rifinanzjament jiddeterjoraw il-perspettiva, u aktar u aktar jekk ikkombinati ma’ tkabbir baxx, li jenfasizzaw l-importanza li titkompla aġenda ambizzjuża għat-tkabbir. Is-suppożizzjonijiet tal-linja bażi huma soġġetti għal inċertezza, li qed tiżdied matul l-orizzont tal-projezzjoni. Il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament jistgħu jirriżultaw inqas favorevoli minn kif preżunt, b’mod partikolari lil hinn mill-perjodu medju. Fix-xenarju tal-primjum tar-riskju ogħla, li jorbot il-primjums tar-riskju mal-livell tad-dejn fuq perjodu medju u twil, il-proporzjon tad-dejn filwaqt li qed jonqos, jibqa’ ogħla b’mod sinifikanti milli fil-projezzjonijiet tal-linja bażi. Il-ħtiġijiet ta’ finanzjament gross huma wkoll ogħla iżda jibqgħu marġinalment taħt l-20 % tal-PDG fit-tul. F’xenarju fejn it-tkabbir tal-PDG huwa aktar baxx mil-linja bażi, minbarra l-eżistenza ta’ primjum tar-riskju ogħla, il-livell tad-dejn jibqa’ għoli fit-tul u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament gross jaqbżu l-20 % tal-PDG min-nofs is-snin 2030, u b’hekk jiġu indikati r-riskji ta’ sostenibbiltà residwi. F’dak ix-xenarju, it-tkabbir jibqa’ taħt dak taż-Żona tal-Euro fit-tul, li jenfasizza l-importanza li titwettaq l-aġenda tat-tkabbir li l-abbozz tagħha tħejja mill-“Kummissjoni Pissarides” u ppubblikat mill-awtoritajiet f’Awwissu 2020. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tirrappreżenta opportunità biex jiżdied it-tkabbir potenzjali permezz ta’ investimenti u riformi.

    AMMINISTRAZZJONI TAD-DĦUL PUBBLIKU

    Il-leġiżlazzjoni tal-grilja tal-pagi supplimentari għall-Awtorità Indipendenti għad-Dħul Pubbliku, li hija pass ewlieni lejn it-tlestija tar-riforma tar-riżorsi umani tagħha, ġiet ippubblikata għall-konsultazzjoni pubblika u hija mistennija li tiġi adottata sal-aħħar ta’ Novembru 2020. Ir-riforma hija mistennija li ssaħħaħ il-kapaċità tal-Awtorità Indipendenti li żżomm u tattira persunal ġdid ta’ kalibru għoli, li fi tmiem it-tielet kwart tas-sena baqa’ ferm taħt il-mira tal-persunal stabbilita għal tmiem l-2019 (11 947 meta mqabbel mal-12 500). L-awtoritajiet ikkonfermaw li l-proċeduri ta’ reklutaġġ li għaddejjin fil-Ministeru tal-Finanzi mhux se jkollhom impatt negattiv fuq il-kapaċità kollettiva tal-Awtorità Indipendenti. Huwa mistenni li r-riforma globali tar-riżorsi umani, sal-1 ta’ Jannar 2021, se ssir operattiva.

    Sar aktar progress biex jissaħħaħ il-qafas kontra l-kuntrabandu. L-abbozz ta’ liġi ġie ppubblikat għall-konsultazzjoni pubblika u huwa mistenni li jiġi adottat sa Novembru 2020. L-abbozz tal-liġi jinkludi dispożizzjonijiet biex tissaħħaħ il-kapaċità taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni Operazzjonali, li jikkoordina l-isforzi kontra l-kuntrabandu, u huwa parti mill-Awtorità Indipendenti għad-Dħul Pubbliku. L-adozzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija mistennija li tiffaċilita aktar il-persunal tagħha.

    B’mod ġenerali, sar progress tajjeb biex jinkisbu l-miri stabbiliti fuq l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, inkluż dwar il-ġbir tad-dejn, filwaqt li tkompli l-ħidma biex tkompli tissaħħaħ il-kapaċità tal-ġbir u tal-awditjar tal-Awtorità Indipendenti. Għadd ta’ indikaturi marru aħjar milli mistenni fiċ-ċirkostanzi attwali, parzjalment minħabba l-iskontijiet ipprovduti għal pagamenti f’waqthom ta’ djun tat-taxxa li ġew introdotti wara t-tifqigħa tal-pandemija. 

    L-awtoritajiet adottaw għadd ta’ arranġamenti speċjalizzati biex iħallsu l-obbligazzjonijiet ta’ taxxa li feġġew matul il-pandemija. Dawn l-iskemi l-ġodda huma relatati mad-differimenti tat-taxxa li ġew stabbiliti fil-bidu tal-pandemija u jiffaċilitaw id-dħul mill-ġdid fil-pjanijiet tas-saldu għall-pagamenti li ġew interrotti matul il-pandemija, fid-dawl tal-penali stretti li altrimenti kienu japplikaw skont il-qafas miftiehem fl-2019. Barra minn hekk, inħolqot ukoll “ċans ieħor” għall-pjanijiet ta’ riżolviment li kienu ġew miftiehma qabel id-dħul fis-seħħ tal-qafas ta’ soluzzjoni tal-2019. L-iskema għad trid issir operattiva u hija mistennija li tissoġġetta lid-debituri għal skrutinju xieraq tar-raġunijiet għat-terminazzjoni u l-istorja tal-konformità tagħhom. Fir-rigward tal-garanziji tal-Istat li ssejħu mill-banek u li bħalissa qed jiġu pproċessati u mħallsa mill-Istat f’isem id-debituri oriġinali (ara t-taqsima finanzjarja), l-awtoritajiet ħolqu wkoll skema ta’ saldu li tippermetti lid-debituri jħallsu lura lill-Istat sa 120 pagament parzjali. Bil-għan li tinżamm id-dixxiplina tal-pagamenti, l-awtoritajiet iċċaraw li dawk li jitilqu minn din l-iskema straordinarja ma jkunux eliġibbli biex jissieħbu fi skemi oħra ta’ saldu u għalhekk ikunu soġġetti għal infurzar. It-twettiq ta’ dawn l-isforzi ta’ infurzar se jiġi mmonitorjat mill-qrib.

    ĠESTJONI TAL-FINANZI PUBBLIĊI u Investimenti pubbliċi

    L-istokk tal-arretrati naqas mill-aħħar rapport iżda huma meħtieġa sforzi sostnuti biex tintlaħaq il-mira ambizzjuża għall-aħħar tas-sena. Filwaqt li l-istokk tal-arretrati għadu ogħla mil-livelli previsti fil-pjan ta’ azzjoni ta’ Ottubru 2019, in-nuqqasijiet li nħolqu kmieni fl-2020 ukoll minħabba l-pandemija ġew irkuprati, ħlief għall-arretrati ta’ talbiet tal-pensjoni mhux ipproċessati, fejn l-ipproċessar awtomatiku u l-għoti tal-pensjonijiet huma mistennija li jwasslu b’mod sħiħ is-sena d-dieħla biss. Il-mira ta’ żero arretrati għal tmiem l-2020 fis-setturi kollha ħlief għat-talbiet tal-pensjoni ġiet ikkonfermata mill-awtoritajiet, iżda għadha soġġetta għal riskji, inkluż fir-rigward tal-qawmien mill-ġdid tal-pandemija. Fid-dawl taż-żieda mhux prevista fl-applikazzjonijiet għall-pensjonijiet, li ġiet ikkawżata minn fatturi legali u tekniċi, l-approvazzjoni sħiħa tal-pretensjonijiet tal-pensjoni hija mistennija sa Diċembru 2021.

    Filwaqt li l-istokk tal-arretrati jonqos, għadhom qed jinħolqu arretrati ġodda, li jissottolinja l-importanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri Ellenika, impenn speċifiku ta’ nofs l-2021, li fosthom huwa essenzjali t-tisħiħ tas-sistema ta’ kontroll intern. It-tisħiħ tas-sistema ta’ kontroll intern ikun ukoll kruċjali għall-ġestjoni tajba tal-proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Liġi li tistabbilixxi l-qafas kunċettwali għall-kontroll intern hija ppjanata li tiġi adottata sal-aħħar tas-sena. L-isfida issa tinsab fil-kisba tal-implimentazzjoni sħiħa tal-komponent tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fl-amministrazzjoni pubblika kollha kif ukoll fl-iżgurar tas-superviżjoni effettiva tiegħu mill-Ministeru tal-Finanzi. Ir-riforma se tibbenefika minn passi reċenti meħuda mill-Qorti Ellenika tal-Awdituri u, fit-terminu medju, is-simplifikazzjoni tal-qafas għall-eżekuzzjoni tal-baġit u l-proċedura ta’ pagament, li bdiet reċentement.

    L-impenn speċifiku ta’ nofs l-2020 dwar l-istabbiliment tas-sistema tal-Kont Uniku tat-Teżor tlesta b’suċċess. Is-sistema tal-Kont Uniku tat-Teżor hija operattiva u toffri ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni tal-flus kontanti tal-istat kif ukoll għodda effiċjenti għall-monitoraġġ tal-likwidità. Il-Ministeru tal-Finanzi waqqaf għodda ddedikata għall-monitoraġġ tat-tbassir tal-flus kontanti tal-entitajiet, li se jiġi introdott gradwalment.

    Ir-riforma tat-Tabella tal-Kontijiet, inklużi l-impenji għal nofs l‑2021 u nofs l-2022, ġeneralment tinsab fit-triq it-tajba, iżda l-implimentazzjoni tagħha fil-Baġit għall-Investiment Pubbliku għadha sfida. Wara l-implimentazzjoni tal-klassifikazzjoni amministrattiva fil-baġit ordinarju fl-2019, bħalissa qed titfassal klassifikazzjoni funzjonali tal-kontijiet, flimkien mal-qafas tal-ibbaġitjar tal-prestazzjoni. Dawn huma milqugħa tajjeb u riformi ambizzjużi. L-implimentazzjoni sħiħa taċ-Ċart tal-Kontijiet fil-Baġit tal-Investiment Pubbliku qed tibda tiġbor il-momentum. Il-passi meħuda biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tagħha mas-sistema ċentrali tal-IT, li għandhom jitlestew sa Marzu 2021, huma mistennija li jħaffu sostanzjalment il-proċess ta’ pagament. Dan se jnaqqas ukoll b’mod sinifikanti l-ambitu għall-ħolqien tal-arretrati. L-implimentazzjoni ta’ miżuri oħra, inkluża l-applikazzjoni għall-fatturazzjoni elettronika għall-akkwist pubbliku u l-aġġornament tas-sistema ċentrali ta’ pagament għall-baġit ordinarju, jinsabu ġeneralment fit-triq it-tajba.

    L-awtoritajiet qed jippjanaw li jadottaw riforma kbira fl-akkwist pubbliku sal-aħħar tas-sena. Ir-riforma tibni fuq l-esperjenza bl-implimentazzjoni tar-regoli stabbiliti fl-2016 u għandha l-għan li fost l-oħrajn tindirizza l-għadd għoli osservat ta’ proċeduri ta’ offerta unika jew kuntratti mogħtija esklussivament abbażi tal-orħos prezz offrut. Hija tkompli tissimplifika wkoll il-proċeduri ta’ għoti li għadhom twal. Ir-riforma hija kruċjali biex jiġi żgurat assorbiment rapidu tar-riżorsi finanzjarji disponibbli u biex jiġi appoġġat l-irkupru. B’mod parallel, l-awtoritajiet qed jipproċedu bid-diġitalizzazzjoni tal-proċedura u qed iħejju strateġija ta’ akkwist pubbliku għall-2021-2025, li hija mistennija tappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika u ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

    B’antiċipazzjoni tal-ammonti kbar ta’ fondi li l-Greċja mistennija tirċievi permezz tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, l-awtoritajiet qed jistabbilixxu Sensiela ta’ Proġetti Strateġiċi għall-għażla ta’ proġetti infrastrutturali kbar u qed jipprogressaw bit-twaqqif ta’ Faċilità ta’ Tħejjija tal-Proġetti. Is-Sensiela ta’ Proġetti Strateġiċi se tiffaċilita l-għażla ta’ proġetti ta’ importanza nazzjonali u se jiġi kkoordinat fil-livell tal-Presidenza tal-Gvern, barra l-istruttura ċentrali tal-ministeri kompetenti. Il-Faċilità ta’ Tħejjija tal-Proġetti hija mistennija li tħaffef it-tħejjija ta’ proġetti inklużi fis-Sensiela ta’ Proġetti Strateġiċi, biex teħodhom b’mod effiċjenti minn stadju kunċettwali għal stadju ta’ implimentazzjoni. Il-Faċilità se tiġi stabbilita fi ħdan il-Fond għall-Iżvilupp tal-Assi tar-Repubblika Ellenika, fejn se jiġu stabbiliti salvagwardji xierqa biex jiġi żgurat li l-Fond ikompli jeżerċita b’mod indipendenti l-mandat ewlieni eżistenti tiegħu. Il-Faċilità se tkun appoġġata minn istituzzjoni finanzjarja internazzjonali bħala sieħeb strateġiku. Il-pjan ta’ azzjoni għat-titjib tal-monitoraġġ u t-tbassir tal-Baġit għall-Investiment Pubbliku jinsab fit-triq it-tajba.

    SERVIZZI SOĊJALI

    L-awtoritajiet qed jagħmlu progress tajjeb fil-finalizzazzjoni tal-istruttura organizzattiva u istituzzjonali tal-Fond Uniku għas-Sigurtà Soċjali (e-EFKA), impenn speċifiku ta’ tmiem l-2020. L-amalgamazzjoni tas-settur pubbliku u l-funzjonijiet tal-pensjoni supplimentari diġà ġiet implimentata inkluż iċ-ċaqliq fiżiku tal-uffiċċji; il-pass li jifdal jikkonċerna l-impjegati tal-fond għall-bdiewa preċedenti (OGA), li huwa mistenni jitlesta kompletament sal-aħħar tas-sena. L-ipproċessar diġitali tal-applikazzjonijiet tal-pensjoni għamel progress ukoll skont il-miri. Il-pass tal-ipproċessar huwa mistenni li jonqos sa Marzu 2021 minħabba kwistjonijiet ta’ disponibbiltà tad-data iżda għandu jerġa’ jaċċellera minn hemm ’il quddiem.

    Il-Greċja qed issaħħaħ l-istat ta’ tħejjija tas-sistema tal-kura tas-saħħa għall-emerġenza tas-saħħa attwali, u l-implimentazzjoni ta’ kura tas-saħħa primarja sħiħa u effettiva, li hija impenn speċifiku , qed tkun kruċjali f’dak ir-rigward. Aktar minn 160 ċentru tal-kura tas-saħħa issa jistgħu jirċievu pazjenti b’sintomi tal-coronavirus u ġew stabbiliti kliniki addizzjonali tal-outpatients fiż-żona ta’ Ateni. L-awtoritajiet qed itejbu wkoll il-kapaċità tal-ittestjar u qed jipproċedu b’reklutaġġi ġodda meħtieġa. Fir-rigward tal-introduzzjoni tar-riforma tal-kura tas-saħħa primarja, li bdiet fl-2018, l-awtoritajiet qed jippjanaw li jestendu r-reġistrazzjoni tal-pazjenti permezz taċ-ċentri tal-kura tas-saħħa fit-terminu qasir, filwaqt li jagħtuhom libertà usa’ tal-għażla fost il-fornituri. L-użu sħiħ tar-rekord elettroniku mediku, li bħalissa mhuwiex kompletament operattiv, ikun kruċjali biex jiġi miġġieled ir-riskju ta’ żjarat doppji u għażla selettiva mill-pazjenti taħt dan il-qafas. Il-funzjoni taż-żamma tan-negozju probabbliment tiġi implimentata permezz ta’ inċentivi, li hija għodda aktar ħafifa meta mqabbla ma’ dik li ġiet illeġiżlata fir-riforma tal-2017, u tkun teħtieġ tfassil bir-reqqa. L-awtoritajiet impenjaw ruħhom li jiffinalizzaw il-qafas legali l-ġdid saż-żmien tal-pubblikazzjoni tal-għaxar rapport ta’ sorveljanza msaħħa mistenni f’nofs l-2021. Huwa tajjeb li l-awtoritajiet iżommu lura l-modalità ta’ qabel ir-riforma tal-kura tas-saħħa primarja permezz ta’ tobba privati (li kienet ibbażata fuq sistema ta’ “tariffa għas-servizz”, flimkien ma’ limitu massimu ta’ 200 żjara), li ġie ppruvat li jillimita l-aċċess għall-kura tas-saħħa għal pazjenti vulnerabbli.

    L-irkupri għadhom għoljin iżda qed jittieħdu passi biex jitjieb il-ġbir tagħhom u biex titrażżan il-ġenerazzjoni ta’ oħrajn ġodda. L-awtoritajiet adottaw leġiżlazzjoni biex jippermettu l-ġbir tal-irkupru tal-2019 għall-prodotti farmaċewtiċi u biex jibdew il-ġbir tal-irkupru tal-fornituri għas-snin 2018 u 2019. L-awtoritajiet qed jagħmlu passi inkrimentali biex jindirizzaw il-konsum żejjed immexxi mill-provvista tas-servizzi tas-saħħa, li jpoġġi pressjoni fuq is-sistema tal-kura tas-saħħa u jżid il-piż finanzjarju fuq il-pazjenti, inkluż l-istabbiliment ta’ protokolli terapewtiċi addizzjonali u ż-żieda fl-enfasi fuq in-negozjar tal-prezzijiet. Madankollu, jidher li huma meħtieġa reviżjonijiet aktar profondi biex tiġi miġġielda b’mod effettiv id-domanda kkawżata mill-provvista. Bħalissa, l-awtoritajiet mhumiex qed jikkunsidraw li jintroduċu element ta’ kondiviżjoni tar-riskju fid-definizzjoni tal-irkupru, li jżid l-inċentivi biex jiġu implimentati miżuri strutturali.

    L-akkwist ċentralizzat għan-nefqa fuq il-kura tas-saħħa, impenn speċifiku f’nofs l-2022, qed jimxi 'l quddiem minkejja s-sitwazzjoni attwali. L-awtoritajiet qed jagħmlu progress lejn l-implimentazzjoni ta’ din il-mira, b’għan intermedju ta’ 30 % li għandu jiġi akkwistat ċentralment sal-ewwel kwart tal-2021. L-awtoritajiet qablu wkoll li jattivaw mill-ġdid l-osservatorju tal-prezzijiet minn Jannar 2021 u li jadottaw l-istatus legali l-ġdid tal-Awtorità Ċentrali Nazzjonali tal-Akkwist tas-Saħħa sa tmiem l-2020.

    L-implimentazzjoni ta’ impenji speċifiċi dwar ir-riformi tas-sussidji tat-trasport u tal-benefiċċji tad-diżabilità miexja 'l quddiem b’mod ġenerali skont l-iskedi ta’ żmien miftiehma, filwaqt li t-tlestija tal-element ta’ attivazzjoni tal-iskema ta’ Introjtu ta’ Solidarjetà Soċjali jeħtieġ li terġa’ tibda. Għal dak li għandu x’jaqsam mas-sussidji tat-trasport, f’Ottubru 2020 ġie adottat impenn speċifiku għal nofs l-2020, il-leġiżlazzjoni sekondarja biex tippermetti rimborż regolari u oġġettiv ta’ biljetti tat-trasport pubbliku ssussidjati għal gruppi vulnerabbli inklużi persuni b’diżabilità u membri ta’ familji kbar, filwaqt li l-leġiżlazzjoni sekondarja li tistabbilixxi livelli ta’ kumpens għall-operaturi ewlenin tat-trasport qed titħejja. Dokument ta’ politika għar-reviżjoni tal-benefiċċji tad-diżabilità, impenn speċifiku tal-2021, qed jiġi ffinalizzat u se jitnieda proġett pilota f’Marzu 2021. Madankollu, fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi ta’ reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol għall-benefiċjarji tal-iskema ta’ Introjtu Minimu Garantit, il-pjanijiet biex jiġu vvalutati s-sejbiet tal-proġett pilota tal-2019 imwettaq f’għadd ta’ muniċipalitajiet sabiex jiggwidaw l-implimentazzjoni nazzjonali tagħha waqfet wara t-tifqigħa tal-coronavirus. L-awtoritajiet qed jippjanaw li jniedu t-tnedija fuq skala nazzjonali f’April 2021.

    ŻVILUPPI FIS-SETTUR FINANZJARJU

    Filwaqt li l-kundizzjonijiet ta’ politika monetarja akkomodanti ppermettew lill-banek Griegi jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ta’ likwidità favorevoli, l-effetti ekonomiċi tal-pandemija huma mistennija li jnaqqsu l-profittabbiltà diġà baxxa tal-banek 'il quddiem. Ir-rilassament temporanju tar-rekwiżiti kollaterali għall-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema u l-kundizzjonijiet għal operazzjonijiet ta’ rifinanzjament immirati aktar fit-tul ippermettew lill-banek iżidu l-bafers tal-flus tagħhom. Dan kien appoġġat ukoll minn żieda fid-depożiti minn Marzu, xprunata prinċipalment minn korporazzjonijiet li jfittxu li jakkumulaw il-likwidità fost il-pandemija u sostnuti minn xejra inqas qawwija iżda kostanti ta’ żieda fid-depożiti tal-unitajiet domestiċi. F’termini ta’ profitti, ir-redditu fuq l-ekwità tal-banek kompla jkun wieħed mill-aktar baxxi fiż-Żona tal-Euro fl-ewwel nofs tal-2020 u huwa mistenni li jaqa’ taħt pressjoni addizzjonali minħabba dispożizzjonijiet ta’ telf għoli fuq is-self, l-inċertezza relatata ma’ self korporattiv ġdid is-sena d-dieħla u l-impatt imħallat tat-titolizzazzjonijiet kontinwi ta’ self improduttiv, li - lil hinn mill-effett pożittiv fuq il-kost tar-riskju tal-banek - se jkunu ta’ piż fuq l-introjtu mill-imgħax nett tagħhom. Il-profittabbiltà baxxa flimkien mal-ispiża tat-titolizzazzjonijiet li ġejjin u l-eliminazzjoni gradwali tal-arranġamenti prudenzjali tranżizzjonali jistgħu joħolqu sfidi għall-pożizzjoni kapitali tal-banek filwaqt li d-dipendenza fuq assi relatati mal-istat hija mistennija li tiżdied. Il-proporzjon medju tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni tal-banek fuq bażi konsolidata kien ta’ 14,7 % tal-assi ponderati għar-riskju fl-aħħar ta’ Ġunju 2020 ’il fuq mir-rekwiżiti kapitali minimi.

    It-tnaqqis tas-self improduttiv kompla fl-ewwel nofs tal-2020, għalkemm b’pass aktar kajman minn qabel, u kien appoġġat minn moratorji tal-banek fuq ir-ripagamenti tas-self, li huma mistennija li jiskadu fi tmiem is-sena. Il-proporzjon tas-self improduttiv kompla fit-triq tan-niżla gradwali u laħaq is-36,7 % f’Ġunju 2020, u baqa’ l-ogħla fiż-Żona tal-Euro. Il-moratorji fuq il-pagamenti tad-dejn, flimkien mal-flessibbiltà superviżorja temporanja fis-seħħ, kienu strumentali biex sa issa jipproteġu l-karti tal-bilanċ tal-banek mill-impatt tal-pandemija fuq ir-riskju tal-kreditu tal-ktieb tas-self tagħhom. Madankollu, is-sehem kbir tas-self produttiv tal-banek taħt moratorji jindika riskju sinifikanti ta’ żieda fil-ħtiġijiet ta’ proviżjonament wara li jiskadu u deterjorament fil-proporzjonijiet tal-kwalità tal-assi korrispondenti, filwaqt li l-kapaċità interna tal-banek li jirristrutturaw is-self b’mod vijabbli tibqa’ sfida. Il-banek bdew jaġġustaw l-istrateġiji tagħhom għat-tnaqqis tas-self improduttiv iżda l-provvedimenti għat-telf mis-self irreġistrati sa issa jistgħu biss ikopru parzjalment l-effett eventwali tal-pandemija fuq il-kwalità tal-assi tal-banek. Element ewlieni tal-istrateġija tal-banek biex jiġi indirizzat is-self improduttiv jibqa’ li nimxu 'l quddiem bit-titolizzazzjonijiet taħt l-iskema Hercules, li huma mistennija li jiġu konklużi fl-ewwel nofs tal-2021.

    L-awtoritajiet implimentaw jew estendew b’suċċess miżuri ta’ appoġġ biex isostnu l-aċċess għall-finanzjament għan-negozji affettwati mill-coronavirus. Il-Bank Elleniku għall-Iżvilupp qed jimplimenta skema ta’ garanzija u sussidju fuq l-imgħax għal self korporattiv ġdid, li jidher li rnexxielu jappoġġa l-kreditu bankarju lil korporattivi kbar u, aktar reċentement, anki lil intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. B’riżultat ta’ dan, ir-rata annwali ta’ tkabbir fil-kreditu bankarju lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji laħqet 8,3 % f’Settembru 2020, l-ogħla valur miksub minn nofs l-2009. B’kuntrast ma’ dan, is-self lill-unitajiet domestiċi kompla jonqos, għalkemm b’pass aktar moderat meta mqabbel ma’ trimestri riċenti. Ir-rati ta’ self nominali komplew ix-xejra 'l isfel tagħhom, u stabbilizzaw flussi kważi storiċi għall-korporazzjonijiet mhux finanzjarji.

    L-azzjonijiet deskritti hawn taħt huma mmonitorjati u vvalutati bħala parti mill-impenn kontinwu fil-qasam tal-politika finanzjarja:

    ·Wara l-adozzjoni tal-Kodiċi l-ġdid dwar l-Insolvenza, l-awtoritajiet qed iħejju l-leġiżlazzjoni sekondarja u l-infrastruttura meħtieġa. Il-kodiċi jipprevedi l-adozzjoni ta’ madwar 53 deċiżjoni amministrattiva, li huwa kompitu diffiċli. Fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi f’Jannar 2021, l-awtoritajiet għandhom l-għan li jlestu l-proċess b’mod inkrementali - flimkien mal-iżvilupp tal-pjattaforma elettronika sottostanti - sal-aħħar ta’ Diċembru 2020. Il-ħidma fuq id-deċiżjonijiet ministerjali ewlenin dwar is-sussidju tas-self, il-bejgħ u l-mekkaniżmu ta’ kiri lura u l-algoritmu għall-komputazzjoni tal-proposti ta’ ristrutturar se jirċievu prijorità u l-awtoritajiet impenjaw ruħhom li jikkondividu abbozzi avvanzati mal-istituzzjonijiet Ewropej sa nofs Novembru. Il-qafas il-ġdid tal-insolvenza huwa pass kbir ’il quddiem u l-effettività tiegħu se tiddependi fuq il-kwalità tal-implimentazzjoni tiegħu. Se jkun meħtieġ monitoraġġ mill-qrib b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt tal-mekkaniżmu ġdid ta’ tfassil barra mill-qorti, kif ukoll l-effetti fiskali u finanzjarji tal-iskema l-ġdida ta’ kiri lura u l-perjodu ta’ sena ta’ qabel il-kwittanza previst f’ċerti każijiet. Huwa kruċjali li l-qafas legali kollu, inkluża l-leġiżlazzjoni sekondarja, kif ukoll l-infrastruttura meħtieġa jkunu fis-seħħ fil-ħin għad-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi dwar l-Insolvenza l-ġdid, sabiex jiġi żgurat li l-qafas il-ġdid isir operattiv b’suċċess u jiġi evitat kwalunkwe effett negattiv mhux intenzjonat fuq is-settur finanzjarju u l-kultura tal-pagamenti b’mod ġenerali.

    ·L-awtoritajiet adottaw sett ta’ dispożizzjonijiet ġodda li jippermettu l-ipproċessar tal-akkumulazzjoni ta’ każijiet ta’ insolvenza tal-unitajiet domestiċi li ilhom pendenti. Il-liġi tistabbilixxi skeda ta’ żmien fissa għall-avvanz tad-dati tas-smigħ li jkun għad fadlilhom ħafna żmien. L-awtoritajiet jistennew li l-iskedar mill-ġdid u l-preżentazzjoni tad-dokumentazzjoni rilevanti kollha jkunu seħħew sat-tielet kwart tal-2021, li jippermetti lill-qrati jipproċessaw il-każijiet kollha sa April 2022. Billi l-implimentazzjoni se tiddependi fuq il-kapaċità ta’ pproċessar tal-każijiet tal-qrati individwali, huwa meħtieġ monitoraġġ mill-qrib. Is-suċċess ta’ dawn id-dispożizzjonijiet se jiddependi fuq il-kapaċità tal-awtoritajiet li jindirizzaw in-nuqqas ta’ persunal u jegħlbu l-isfidi tal-infrastruttura.

    ·L-awtoritajiet adottaw ukoll l-ewwel sett ta’ miżuri mmirati biex itejbu l-funzjonalità u l-faċilità tal-użu tal-pjattaforma tal-irkanti elettroniċi. Il-miżuri jiffaċilitaw il-kondiviżjoni elettronika tad-dokumenti rilevanti permezz tal-pjattaforma tal-irkantijiet elettroniċi. Rigward kwistjonijiet oħra identifikati, prinċipalment relatati mal-mekkaniżmu għall-aġġustament tal-prezz ta’ riżerva u l-interoperabbiltà tal-pjattaforma ta’ rkanti elettroniċi ma’ bażijiet ta’ data oħra tal-istat, l-awtoritajiet ikkonfermaw li dawn jiġu kkunsidrati fil-kuntest tar-rieżami tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. L-abbozz tal-Kodiċi rivedut se jitlesta kmieni fl-2021, kemxejn aktar tard milli kien previst inizjalment iżda qabel Settembru 2021, meta huwa mistenni li jidħol fis-seħħ. L-awtoritajiet impenjaw ruħhom li jippreżentaw rapport ta’ progress f’Novembru 2020.

    ·L-implimentazzjoni tal-pjan miftiehem għall-approvazzjoni tal-garanziji tal-Istat imsejħa tinsab fit-triq it-tajba, filwaqt li x-xogħol b’lura ta’ garanziji msejħa jibqa’ konsiderevoli. L-eżami u l-ħlas ta’ talbiet għat-tielet kwart tal-2020 aċċelleraw, wara n-nuqqasijiet irreġistrati matul il-lockdown. Wara l-bidla tal-qafas legali rilevanti fil-bidu ta’ Ġunju, ir-repożitorju tal-fajls elettroniċi issa huwa operattiv, filwaqt li l-interoperabbiltà mal-uffiċċji tat-taxxa lokali tinsab fil-fażi tal-ittestjar tagħha. L-awtoritajiet qed jirreklutaw ukoll 30 impjegat, li għandhom isiru operattivi f’Novembru. Dawn il-passi importanti huma mistennija li jiżguraw l-aċċelerazzjoni sinifikanti prevista fl-ikklerjar tal-garanziji msejħa matul il-bqija tal-2020.

    ·F’Settembru saret votazzjoni dwar emenda limitata tal-leġiżlazzjoni primarja dwar il-krediti ta’ taxxa differita biex tiġi salvagwardjata l-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf tal-kapital tal-banek fil-każijiet kollha, inkluża r-riżoluzzjoni. Għaddejja ħidma fuq aspetti tekniċi ulterjuri fil-forma ta’ leġiżlazzjoni sekondarja, sabiex l-aspetti kollha tal-qafas isiru operattivi, inkluż fil-kuntest ta’ riżoluzzjoni u likwidazzjoni speċjali.

    Il-Fond Elleniku għall-Istabbiltà Finanzjarja kompla bl-isforzi tiegħu biex jappoġġa l-banek sistemiċi fid-dawl tal-isfidi li ġabet magħha l-pandemija. Il-Fond appoġġa l-banek sistemiċi fit-tħejjija tal-pjanijiet aġġornati tagħhom għat-tnaqqis tas-self improduttiv u t-trasformazzjonijiet korporattivi tagħhom (hive-downs). Il-Fond jinsab ukoll fil-proċess li jirrevedi l-aspettattivi tal-azzjonisti tiegħu billi jqis l-effetti varji li jirriżultaw mill-pandemija.

    SUQ TAX-XOGĦOL

    Is-suq tax-xogħol Grieg wera li huwa partikolarment reżiljenti wara t-tifqigħa tal-coronavirus, iżda t-tul ta’ żmien estiż tal-pandemija joħloq riskji serji għall-impjiegi, li jirrikjedi aktar tisħiħ tal-programmi attivi tas-suq tax-xogħol. L-adozzjoni rapida ta’ miżuri ta’ emerġenza mmirati lejn l-appoġġ lin-negozji u l-protezzjoni tal-impjiegi kkontribwixxew għar-reżiljenza osservata tas-suq tax-xogħol. Kif tipprevali l-pandemija, madankollu, ir-ristrutturar fis-setturi l-aktar affettwati jista’ jsir inevitabbli. Servizz pubbliku tal-impjiegi bi prestazzjoni tajba u sistema effettiva ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol huma meħtieġa biex jappoġġaw proċessi ta’ ristrutturar bħal dawn u jevitaw żieda fil-qgħad. Filwaqt li xi programmi attivi tas-suq tax-xogħol qed jissaħħu, is-sistema ġenerali tkompli tbati minn restrizzjonijiet ta’ kapaċità, li, flimkien ma’ tfixkil ikkawżat mill-pandemija, wasslu għal dewmien fl-implimentazzjoni tar-riforma li għaddejja. B’mod partikolari, kien hemm progress limitat fir-rigward tal-adozzjoni ta’ mudell ta’ implimentazzjoni ġdid ta’ politiki u l-forniment sistematiku ta’ servizzi ta’ riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol lil riċevituri ta’ Dħul Minimu Garantit.

    Il-Gvern ippreżenta proposti biex jimmodernizza diversi aspetti tal-leġiżlazzjoni tax-xogħol. Il-leġiżlazzjoni, li bħalissa qed tiġi kkonsultata mas-sħab soċjali, tipprevedi bidliet sostanzjali li jimmodernizzaw, fost l-oħrajn, ir-regoli dwar il-ħin tax-xogħol u l-liv annwali, il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-impjiegi, it-tkeċċijiet u l-liġi tat-trejdjunjins. Huma jipprovdu wkoll għal estensjoni tal-liv tal-paternità u tal-ġenituri u l-istituzzjonalizzazzjoni tat-telexogħol, filwaqt li jqarrbu l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ix-xogħol lejn l-aħjar prattiki tal-UE. Il-kodifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tax-xogħol, impenn speċifiku ta’ tmiem l-2020, iddewmet minħabba l-pandemija iżda għadha mistennija li tiġi adottata sa tmiem l-2020.

    IS-SWIEQ TAL-PRODOTTI U L-KOMPETITTIVITÀ

    L-awtoritajiet qed javvanzaw bil-biċċa l-kbira tal-impenji speċifiċi ta’ nofs l-2020 taħt il-liċenzjar tal-investiment u jibqgħu impenjati li jimplimentaw aġenda ta’ riforma mwessa’. L-awtoritajiet huma mistennija jippreżentaw għal konsultazzjoni pubblika sal-aħħar ta’ Novembru abbozz li se jissimplifika l-proċeduri ta’ liċenzjar fil-biċċa l-kbira tas-setturi li sa issa għadhom ma ġewx riformati, u żviluppaw skeda ta’ żmien biex titlesta kompletament is-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ liċenzjar tal-investiment fl-attivitajiet kollha li fadal sa Ġunju 2021. B’mod parallel, huma jkomplu jissimplifikaw u jirfinaw l-oqsma relatati mas-setturi li diġà ġew riformati. Fil-qasam tal-ispezzjonijiet, l-għodod kollha tal-bidu fit-tliet oqsma ta’ prijorità miftiehma huma mistennija li jiġu implimentati malajr, flimkien mal-introduzzjoni sħiħa tat-taħriġ. L-elementi li fadal biex jiġi żgurat infurzar u konformità effettivi f’dawn l-oqsma huma mistennija li jiġu indirizzati bis-sħiħ sa April 2021, b’mod parallel mat-tnedija tal-qafas ta’ spezzjonijiet fl-erba’ oqsma li jifdal, li huwa mistenni li jitlesta sa tmiem l-2021. It-tlestija b’suċċess tal-ħidma li fadal tiddependi b’mod kritiku fuq l-inputs f’waqthom mill-ministeri kollha involuti kif ukoll l-impenn tal-partijiet ikkonċernati kollha. L-implimentazzjoni sħiħa tas-sistema tal-IT rilevanti, li hija kruċjali biex tappoġġa l-qafas il-ġdid ta’ liċenzjar tal-investiment, qed tkompli tiġi ttardjata minħabba sfidi legali.

    L-awtoritajiet qed javvanzaw bl-implimentazzjoni ta’ riformi ewlenin fl-ambjent tan-negozju li nbdew taħt il-programmi. Sar progress dwar ċertifikazzjonijiet għall-assessuri u l-ispetturi ambjentali esterni kif ukoll dwar il-qafas legali li jikkonċerna t-turiżmu, bil-ħsieb li jiġi allinjat mal-prinċipji tar-riforma tal-liċenzjar tal-investiment. Il-ħidma tkompli tiffaċilita aktar in-negozju. Minbarra t-titjib notevoli fl-oqfsa tal-insolvenza u s-soluzzjoni tat-tilwim, u riforma futura tal-akkwist pubbliku (ara hawn fuq), l-awtoritajiet tejbu u aċċelleraw il-proċess ta’ rifużjoni għat-taxxa fuq il-valur miżjud. L-interventi ewlenin skedati sa Marzu 2021 għandhom l-għan li jissimplifikaw u jaċċelleraw il-proċessi amministrattivi, inklużi dawk relatati mal-permessi tal-bini, l-istart-ups tan-negozju, il-konnessjonijiet tal-elettriku, u r-reġistrazzjoni tal-proprjetà. Barra minn hekk, bl-appoġġ tekniku pprovdut mill-Kummissjoni permezz tal-Bank Dinji, l-awtoritajiet qed ifasslu miżuri addizzjonali f’oqsma ewlenin. Il-Gvern ħa wkoll passi ulterjuri biex jirriforma s-swieq tal-prodotti u jtejjeb is-sorveljanza tas-suq. Abbozz ta’ liġi ppreżentat lill-Parlament fil-bidu ta’ Novembru jimmira, fost l-oħrajn, li jiżgura l-ġustizzja u t-trasparenza għall-utenti kummerċjali fil-qasam tal-kummerċ elettroniku, filwaqt li jippermetti mekkaniżmi ta’ sorveljanza tas-suq aktar effettivi u kontroll tal-kummerċ illegali, kif ukoll estensjoni tal-kummerċ bl-imnut nhar ta’ Ħadd għal ħwienet u swieq miftuħa taħt ċerti kundizzjonijiet.

    Minkejja l-progress fl-istabbiliment ta’ strateġija ġdida dwar il-promozzjoni tal-kummerċ u tal-investiment dirett barrani, l-arranġamenti istituzzjonali għadhom mhux kompluti, u dan ifixkel l-isforzi biex tiżdied l-estroverżjoni u jiġi sfruttat il-potenzjal tal-Greċja f’setturi ewlenin u fis-swieq tal-esportazzjoni. L-istrateġija l-ġdida tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin li mistennija ssaħħaħ il-potenzjal tal-esportazzjoni tal-pajjiż u tiffaċilita l-investiment dirett barrani 'l ġewwa, għad trid tiġi ppubblikata. L-istabbiliment tal-istrutturi ta’ governanza meħtieġa jkun kruċjali biex wieħed jipproċedi malajr bl-aġġustament tal-pjan direzzjonali biex jirrifletti prijoritajiet ġodda, u biex jitkomplew l-isforzi ta’ simplifikazzjoni ulterjuri, inkluż fil-livell ta’ qabel id-dwana. Sadanittant, l-awtoritajiet qed jagħmlu progress b’inizjattivi diġitali biex jappoġġaw il-kummerċ elettroniku u s-sejħiet għall-offerti ta’ proġetti ta’ promozzjoni tal-esportazzjoni, b’mod partikolari tas-sistema integrata ta’ Tieqa Unika li se tawtomatizza l-proċeduri ta’ importazzjoni u esportazzjoni, li tnediet f’Ottubru.

    L-awtoritajiet għamlu progress fil-qasam tal-mapep tal-foresti u l-immappjar katastali. Fir-rigward tal-mapep tal-foresti, 80 % ta’ dawk li jifdal tħejjew sa Ottubru 2020 u se jibdew jittellgħu gradwalment għall-konsultazzjoni pubblika. L-awtoritajiet impenjaw ruħhom li jtellgħu l-mapep kollha li fadal sa Diċembru 2020 u r-ratifika tal-mapep kollha tal-foresti se titlesta sa Lulju 2021. Filwaqt li l-mira oriġinali ta’ kopertura ta’ 45 % tal-immappjar katastali kellha tiġi posposta għal Diċembru 2021 minħabba l-pandemija u diffikultajiet tekniċi oħra, l-awtoritajiet se jippreżentaw abbozz ta’ liġi lill-Parlament bil-ħsieb li jitħaffef il-ġbir tad-drittijiet li fadal, skedat li jiġi adottat f’Novembru 2020. Sa Ottubru 2020, tlestew 35 % tal-mapep katastali. Is-sejħa għall-offerta għad-diġitizzazzjoni ta’ kuntratti ipotekarji hija lesta biex titnieda, meta jiġi żgurat il-finanzjament. 

    L-Aġenzija katastali hija mistennija li tkun kompletament operattiva sa tmiem l-2021, f’konformità mal-pjan direzzjonali għall-proġett katast. Dan huwa aktar tard milli previst taħt l-impenn oriġinali ta’ nofs l-2020 u jirrifletti d-dewmien li nqala’ minħabba l-pandemija iżda wkoll aktar kmieni. Il-ħatra tat-tim maniġerjali tlestiet u r-reklutaġġ tat-tim tal-migrazzjoni, tim meħtieġ għall-implimentazzjoni tat-tranżizzjoni mill-uffiċċji ipotekarji għall-uffiċċji katastali, miexi mingħajr xkiel.

    Inkisbet riforma ewlenija tas-suq tal-enerġija hekk kif il-Mudell fil-Mira, impenn speċifiku f’nofs l-2020, beda jopera fl-1 ta’ Novembru, li huwa pass kbir lejn li l-Greċja tissodisfa l-obbligi tal-acquis tal-UE dwar l-enerġija. Il-format il-ġdid tas-swieq, b’elementi separati ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata u tal-ibbilanċjar huwa mistenni li jippermetti skoperta aħjar tal-prezzijiet u parteċipazzjoni usa’ u aċċess għas-suq ta’ servizzi differenti. Id-disinn il-ġdid tas-suq huwa kompatibbli ma’ swieq oħra tal-UE, li jippermetti l-akkoppjament futur mas-swieq ġirien tal-Italja u l-Bulgarija. Se jkunu importanti l-isforzi biex jiġi żgurat li d-distorsjonijiet fis-suq bl-ingrossa jitneħħew kompletament, u li s-suq jiġi mmonitorjat b’mod effettiv fid-dawl tas-setgħa fis-suq tal-operatur responsabbli u jinġieb f’konformità sħiħa mal-acquis tal-UE dwar l-enerġija.

    Fit-23 ta’ Ottubru l-awtoritajiet ippreżentaw proposta finali għal rimedju antitrust relatat mal-ġenerazzjoni tal-linjite tal-Korporazzjoni tal-Enerġija Pubblika, li tikkostitwixxi pass ewlieni lejn it-twettiq ta’ dan l-impenn speċifiku. Madankollu, il-Kummissjoni għadha qed tistenna l-awtorizzazzjoni finali mill-awtoritajiet biex tibda twettaq test tas-suq tar-rimedju propost, sabiex il-miżuri jkunu jistgħu jiġu implimentati fis-suq fl-2021. L-implimentazzjoni tar-rimedju tissodisfa l-impenn speċifiku u tikkonforma ma’ sentenza li ilha teżisti mill-Qrati tal-UE. Meta wieħed iqis l-iskeda ta’ żmien stretta ħafna għall-implimentazzjoni tar-rimedju, l-Istituzzjonijiet Ewropej iħeġġu lill-awtoritajiet Griegi biex jikkooperaw b’mod aktar effettiv matul il-perjodu ta’ rapportar li jmiss.

    Kompla l-progress f’oqsma oħra tal-politika tal-enerġija, filwaqt li huwa meħtieġ approċċ sostenibbli biex jiġi indirizzat id-defiċit strutturali tal-Kont tas-Sorsi ta’ Enerġija Rinnovabbli. Hemm tħassib dejjem jikber dwar il-bilanċ tal-Kont tas-Sorsi tal-Enerġija Rinnovabbli u minħabba l-ambizzjonijiet tal-Greċja għaż-żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli, huwa importanti li jinstab approċċ prevedibbli u robust, li ma jiddependix fuq interventi ad hoc u li jkun konsistenti bis-sħiħ mal-leġiżlazzjoni tal-UE. Dan jinkludi s-salvagwardja tal-livell u l-kundizzjonijiet għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli li ngħataw appoġġ. Id-dekummissjonar ta’ impjanti tal-linjite tal-Greċja għadu għaddej, u din is-sena se jitneħħew bosta impjanti. L-awtoritajiet wettqu konsultazzjoni pubblika dwar il-Pjan Regolatorju ta’ tranżizzjoni, il-bażi għall-istrateġiji territorjali u r-riformi futuri biex jgħinu ż-żoni affettwati mid-dekummissjonar tal-linjite sa tmiem l-2023.

    Bħala l-ewwel pass lejn ir-riorganizzazzjoni tal-kumpaniji ferrovjarji pubbliċi, l-awtoritajiet qed itejbu l-governanza tal-kumitat ta’ tmexxija responsabbli għar-razzjonalizzazzjoni tal-implimentazzjoni tal-proġetti ferrovjarji. Il-Kumitat ta’ tmexxija jipprovdi superviżjoni strateġika u gwida u jikkoordina t-tħejjija tal-pjan ta’ azzjoni għall-ferroviji. L-ewwel abbozz tal-pjan direzzjonali għat-trasformazzjoni taż-żewġ kumpaniji b’passi intermedji se jitħejja sal-aħħar ta’ Diċembru.

    IL-KORPORAZZJONI ELLENIKA TAL-ASSI U L-PARTEĊIPAZZJONIJIET U L-PRIVATIZZAZZJONI

    Il-korporazzjoni ħarġet ir-rapport annwali tagħha tal-2019 u r-riżultati finanzjarji fl-aħħar ta’ Settembru 2020, li wrew titjib sinifikanti fiċ-ċifri finanzjarji fil-biċċa l-kbira tas-sussidjarji tal-korporazzjoni, u fir-riżultati finanzjarji proprji tal-Korporazzjoni għall-2019. Filwaqt li huwa mistenni li r-riżultati tal-2020 se jiġu affettwati mill-pandemija, il-governanza u t-titjib operazzjonali fil-portafoll tal-kumpaniji tal-Korporazzjoni jidher li tejbu l-kapaċitajiet tagħhom biex jegħlbu l-impatt tal-pandemija.

    Tkompliet il-ħidma relatata ma’ impenji speċifiċi. Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjan strateġiku tal-Korporazzjoni, (i) l-awtoritajiet jinsabu fil-proċess li jaġġornaw il-Gwida Ministerjali, li tiddeskrivi l-viżjoni ġenerali tal-gvern u l-aspettattivi għall-Korporazzjoni u hija mistennija li tiġi ffinalizzata sa tmiem l-2020. Il-pjan strateġiku se jiġi aġġornat wara l-ħruġ tal-Gwida Ministerjali. (ii) Il-Korporazzjoni u l-intrapriżi tal-Istat qed iwettqu l-fażi li jmiss tal-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu ta’ Koordinazzjoni: id-dikjarazzjoni tal-impenji, li se tistabbilixxi l-objettivi finanzjarji, operattivi u oħrajn tal-intrapriżi tal-Istat u huma mistennija li jiġu ffinalizzati sa Diċembru 2020. Barra minn hekk, l-awtoritajiet iddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jipproċedu bil-preparazzjoni ta’ kuntratti ta’ prestazzjoni li jistabbilixxu obbligi ta’ servizz pubbliku għal sett limitat ta’ intrapriżi tal-istat. Ir-rieżami tal-bordijiet tal-intrapriżi tal-istat, huwa kważi lest b’wieħed biss mit-13-il analiżi tal-bord tal-Istat pendenti, jiġifieri dak tal-Organizzazzjoni Ellenika tal-Wirjiet (HELEXPO), li huwa mistenni jitlesta sa Diċembru 2020. It-trasferiment taċ-Ċentru Atletiku Olimpiku, li huwa kumpless ħafna, qed jara progress minkejja d-dewmien. Ix-xogħol preparatorju għas-sejħa għall-offerti rċieva estensjoni oħra u issa huwa mistenni li jitlesta sa Novembru 2020, filwaqt li x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni għadhom għaddejjin.

    Bil-ħsieb li tiġi stabbilita l-Faċilità ta’ Tħejjija tal-Proġetti b’tali mod li tiġi massimizzata l-kontribuzzjoni tagħha għall-aċċellerazzjoni tal-assorbiment tal-fondi tal-UE fil-Greċja, l-awtoritajiet ipproponew li l-Fond għall-Iżvilupp tal-Assi tar-Repubblika Ellenika jingħata l-mandat biex jassumi din il-funzjoni. Dan il-mandat il-ġdid għall-Fond jirrappreżenta żieda kemm fl-għadd ta’ persuni kif ukoll fir-responsabbiltà tiegħu. Se jkun importanti li jiġi żgurat li ż-żieda ta’ dan il-mandat mal-Fond ma jaffettwax il-kapaċità tal-Korporazzjoni li twettaq il-mandat ewlieni tagħha, u lanqas ma taffettwa l-indipendenza tal-Korporazzjoni.

    Sar xi progress tajjeb fuq għadd ta’ tranżazzjonijiet inklużi fil-pjan ta’ Żvilupp tal-Assi, filwaqt li tranżazzjonijiet oħra sofrew dewmien parzjalment ikkawżat mill-pandemija.

    ·Żewġ tranżazzjonijiet waslu biex jitlestew. L-awtoritajiet komplew l-impenn qawwi tagħhom u l-isforzi biex ilestu l-prerekwiżiti għall-għeluq finanzjarju tat-tranżazzjoni Hellinikon. Wara d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Istat tal-18 ta’ Settembru, li tiċħad il-petizzjoni għal annullament fir-rigward tas-sejħa għall-offerta li għaddejja għall-għoti tal-liċenzja tal-każinò, ġie stabbilit il-mod għall-għeluq finanzjarju tat-tranżazzjoni. Madankollu, għad hemm xi kawżi legali pendenti li għandhom jiġu diskussi f’Novembru 2020. Minkejja xi kwistjonijiet tekniċi, il-konċessjoni Marina ta’ Alimos hija mistennija li tingħalaq finanzjarjament qabel tmiem is-sena.

    ·Filwaqt li l-progress fuq l-azzjonijiet pendenti meħtieġa għall-konċessjoni tal-awtostrada Egnatia kien aktar kajman milli mistenni fix-xhur li għaddew, l-awtoritajiet reċentement ħadu passi sinifikanti lejn il-konklużjoni ta’ din it-tranżazzjoni. B’mod partikolari, għadd sinifikanti ta’ stazzjonijiet tal-pedaġġ tlestew u bdew joperaw fil-bidu ta’ Novembru, għadd addizzjonali huwa mistenni li jitlesta u jibda jopera qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-offerti vinkolanti skedata għall-11 ta’ Diċembru, u l-Ministeru tal-Infrastruttura impenja ruħu li jħaddem l-istazzjonijiet kollha tal-pedaġġ qabel il-bidu tal-ftehim ta’ konċessjoni. Dan huwa mistenni li jiżgura flussi ta’ dħul għall-proġett u juri l-impenn tal-awtoritajiet li jipproċedu bl-implimentazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, sar xi progress matul dawn l-aħħar xahrejn fir-rigward tax-xogħlijiet meħtieġa neċessarji biex joħorġu l-liċenzji tal-14-il mina li fadal. Monitoraġġ mill-qrib se jkompli.

    ·Sar progress f’għadd ta’ tranżazzjonijiet oħra li kienu għaddejjin. Dan jinkludi t-tranżazzjoni tal-Korporazzjoni tal-Gass Pubbliku - Infrastruttura DEPA, li għaliha l-Awtorità Regolatorja għall-Enerġija pprovdiet ċarezza dwar il-qafas tat-tariffi għall-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni, kif ukoll dwar il-perimetru tal-assi biex jiġi żgurat li jibqa’ ass koeżiv u attraenti. Il-fażi tal-istedina għall-espressjoni ta’ interess ġiet konkluża f’Ottubru għal tliet portijiet reġjonali u l-ħażna ta’ gass naturali taħt l-art tan-Nofsinhar Kavala, li attirat interess qawwi mill-investituri.

    ·Xi tranżazzjonijiet kellhom jittardjaw wara tnaqqis sinifikanti fil-valur tal-kapitalizzazzjoni tal-assi minħabba l-pandemija. Dan huwa b’mod partikolari l-każ ta’ Hellenic Petroleum, li qabel kienet diġà sofriet dewmien sinifikanti wara l-falliment tal-ewwel offerta f’nofs l-2019, u l-Fond issa qies xieraq li jdewwem it-tnedija tat-tranżazzjoni għal mument aktar tard. Bl-istess mod, il-bejgħ ta’ 30 % tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Ateni ġie pospost u l-Fond se jiddetermina l-passi li jmiss ladarba s-sitwazzjoni titjieb, x’aktarx tard fl-2021.

    Barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Pjan ta’ Żvilupp tal-Assi implimentat mill-Fond, l-awtoritajiet qed jaħdmu biex jindirizzaw id-dgħufijiet li ilhom jeżistu ta’ ċerti intrapriżi b’sjieda statali. Dan jinkludi l-indirizzar tal-problemi strutturali tal-Industrija Ellenika tal-Aerospazju (Hellenic Aerospace Industry, HAI), u l-proċediment bil-bejgħ tal-assi tal-Industrija Ellenika tal-Vetturi (ELVO), kumpanija taħt likwidazzjoni speċjali. L-awtoritajiet qed jieħdu wkoll passi biex isolvu kwistjonijiet li qamu fil-kuntest tal-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli skont id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li ilhom jeżistu (il-bejgħ tal-assi tal-kumpanija tal-produzzjoni tal-ferronikil Larco, u l-appoġġ għall-Kumpanija Pubblika tal-Proprjetà Immobbli (ETAD) fir-rigward tal-assi preċedenti tat-Tarzni Elleniċi).

    L-AMMINISTRAZZJONI PUBBLIKA U L-GOVERNANZA DIĠITALI

    L-awtoritajiet għamlu aktar progress fir-riformi fl-amministrazzjoni pubblika. Il-modernizzazzjoni tal-ġestjoni tar-riżorsi umani miexja’ l quddiem u l-maġġoranza vasta tal-entitajiet tas-settur pubbliku sa issa lestew l-organigrammi diġitali tagħhom, impenn speċifiku ta’ tmiem l-2020. Sal-aħħar ta’ Ottubru, aktar minn 80 % tal-entitajiet tal-gvern ġenerali kienu lestew l-organigrammi diġitali tagħhom u l-awtoritajiet jistennew li kważi l-entitajiet kollha jlestu dan il-kompitu sa tmiem l-2020. Qed isir progress ukoll fit-tħejjija ta’ deskrizzjonijiet tax-xogħol u l-istabbiliment ta’ rabtiet bejn id-deskrizzjoni tal-impjieg u d-detentur tal-impjieg li se jippermetti konnessjoni mal-Awtorità Unika ta’ Pagament sal-aħħar ta’ din is-sena. Id-depolitiċizzazzjoni u l-professjonalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika komplew bħala proċess ta’ għażla uniformi għal karigi ta’ maniġment superjuri f’entitajiet tas-settur pubbliku, li issa jestendi biex ikopri sehem kbir tal-entitajiet kollha tal-gvern ġenerali. Il-ħatra tas-Segretarji Permanenti kollha tlestiet. L-awtoritajiet għamlu progress ukoll fuq għadd ta’ azzjonijiet oħra mistennija sa tmiem is-sena, li jinkludu l-finalizzazzjoni ta’ liġi biex tkompli ssaħħaħ il-Kunsill Suprem għas-Selezzjoni tal-Persunal Ċivili (li hija mistennija li tiġi ppubblikata għal konsultazzjoni pubblika f’Novembru), u t-tlestija tas-sessjoni ta’ valutazzjoni tal-prestazzjoni għall-2019.

    L-awtoritajiet qed jieħdu passi biex jikkontrollaw id-daqs tas-settur pubbliku. L-evoluzzjoni tal-persunal fl-2020, kemm permanenti kif ukoll temporanja, tibqa’ f’konformità mal-pjanijiet ta’ reklutaġġ. Madankollu, it-tnaqqis mistenni ta’ postijiet temporanji wara l-konverżjoni tagħhom għal pożizzjonijiet permanenti kien bil-mod u l-isforzi jeħtieġ li jiżdiedu biex it-tnaqqis ikun evidenti fiċ-ċifri tal-persunal fi tmiem l-2020. L-awtoritajiet qed jaħdmu biex jistabbilixxu limitu massimu annwali għall-persunal temporanju sa tmiem l-2020. Fi sforz biex jitgħallmu mil-lezzjonijiet tal-passat, l-awtoritajiet qed jiddokumentaw devjazzjonijiet mill-proċeduri ta’ reklutaġġ u mill-grilja unifikata tal-pagi, b’enfasi inizjali fuq il-perjodu minn Lulju 2019, filwaqt li s-snin preċedenti jkunu koperti fit-tieni stadju.

    Bil-ħsieb li jissaħħu ċ-ċertezza legali u l-aċċess għal-liġi, l-awtoritajiet qed iħejju l-kodifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq tax-xogħol, impenn speċifiku ta’ tmiem l-2020, u identifikaw oqsma oħra għall-kodifikazzjoni. Il-proċess huwa distint mill-modernizzazzjoni ta’ xi aspetti tal-leġiżlazzjoni tax-xogħol imsemmija hawn fuq u sofra dewmien minħabba l-pandemija. Huwa mistenni li l-kodiċi l-ġdid tal-liġi tax-xogħol jiġi adottat sal-aħħar tal-2020. Il-pjan ta’ kodifikazzjoni annwali għall-2021, adottat mill-Kunsill tal-Ministri, jinkludi programm ambizzjuż li jinkludi l-ippjanar spazjali u urban, il-kummerċ ta’ prodotti u servizzi, il-ġbir tad-dħul pubbliku u l-finanzjament tal-partiti.

    L-awtoritajiet qed javvanzaw b’riformi ewlenin biex itejbu l-prestazzjoni diġitali tal-Greċja, megħjuna minn strateġija diġitali komprensiva li tinsab għaddejja, u qafas legali unifikat li għadu kif ġie adottat dwar il-governanza diġitali. L-istrateġija diġitali nazzjonali l-ġdida (“Digital Bible”), li hija mistennija li tiġi ppreżentata għal konsultazzjoni pubblika dalwaqt, tiddeskrivi l-aġenda ambizzjuża ta’ trasformazzjoni diġitali u l-prijoritajiet ta’ riforma tal-Greċja għall-erba’ snin li ġejjin. Il-kodiċi tal-Governanza Diġitali ġie adottat fit-22 ta’ Settembru 2020, u jirrappreżenta pass importanti għall-Greċja rigward it-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar l-istabbiliment ta’ Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi. L-awtoritajiet għandhom l-għan li jippreżentaw dalwaqt pjan ta’ azzjoni dwar il-passi meħtieġa biex il-Kodiċi l-ġdid jitħaddem bis-sħiħ.

    Ġie rreġistrat progress tanġibbli fir-rigward tas-simplifikazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-proċessi u d-data tas-settur pubbliku, l-interoperabbiltà tas-sistemi u r-reġistri pubbliċi, it-titjib tal-ħiliet diġitali u kwistjonijiet ta’ konnettività. Il-ħidma fuq is-simplifikazzjoni tal-proċess u d-diġitalizzazzjoni tkompli permezz tal-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali għas-Simplifikazzjoni tal-Proċess, b’mod partikolari fl-oqsma tat-trasport u l-ġustizzja. L-awtoritajiet jinsabu fit-triq it-tajba bl-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali għall-iżvilupp tal-portal tat-tranżazzjonijiet integrati (gov.gr). Tkompli wkoll il-ħidma fuq il-promozzjoni tal-interoperabbiltà tar-reġistri u s-sistemi pubbliċi u tnediet is-sejħa għall-offerti għad-diġitalizzazzjoni tad-data ġeospazjali għall-iżvilupp tal-Mappa Diġitali Unika u r-Reġistru tal-Infrastrutturi tal-Istat. It-titjib fil-ħiliet diġitali, il-konnettività u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda min-negozji jibqgħu prijoritajiet ewlenin għall-Greċja hekk kif l-awtoritajiet ikomplu jimplimentaw l-istrateġija tagħhom dwar it-titjib tal-ħiliet diġitali, inkluż permezz tal-Akkademja Diġitali Nazzjonali u l-Koalizzjoni Nazzjonali għall-ħiliet diġitali u l-impjiegi. Il-kwistjonijiet ta’ konnettività qed jiġu indirizzati permezz tal-irkantar tal-baned pijunieri tal-5G, skedati għal tmiem l-2020, u l-awtoritajiet jistennew li eventwalment jilħqu kopertura tal-5G ta’ 96 %, li se tirrikjedi investiment kbir f’netwerks ta’ kapaċità għolja ħafna. L-iskema innovattiva għal Fond Nazzjonali għall-5G fil-Greċja stabbilita permezz tal-Kodiċi ta’ Governanza Diġitali li ġie adottat reċentement hija mistennija li jkollha rwol ċentrali fl-iżvilupp tal-ekosistema tal-5G.

    IL-ĠUSTIZZJA U L-ĠLIEDA KONTRA L-KORRUZZJONI

    Sar progress kostanti fit-tranżizzjoni lejn l-arkivjar elettroniku obbligatorju u l-ipproċessar tad-dokumenti mal-Qrati u għaddejja ħidma dwar id-distribuzzjoni tal-firem elettroniċi lill-imħallfin u lill-membri tal-professjonijiet legali. L-awtoritajiet impenjaw ruħhom li jippreżentaw dalwaqt pjan ta’ azzjoni dwar inizjattivi relatati mal-mili elettroniku, li jkun fih immappjar tas-sitwazzjoni attwali u li jagħti dettalji dwar l-azzjonijiet ippjanati, inkluża skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni. Il-passi li jmiss jinkludu l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni, sal-aħħar ta’ Diċembru 2020. Fir-rigward tal-ħruġ elettroniku tad-deċiżjonijiet tal-qorti, l-awtoritajiet qed jippjanaw li jqassmu lill-qrati kollha, sal-aħħar ta’ Jannar 2021, software żviluppat għal dan il-għan mill-Qorti ta’ Piraeus. Ġie rreġistrat aktar progress fir-rigward tal-ħruġ elettroniku taċ-ċertifikati tal-qorti. Wara r-riżoluzzjoni tat-tħassib dwar il-protezzjoni tad-data privata, l-awtoritajiet jistennew li jlestu d-distribuzzjoni tal-firem elettroniċi għall-imħallfin u l-persunal klerikali tal-qorti sa Novembru 2020. L-awtoritajiet ikkonfermaw li l-Ministeru tal-Ġustizzja jinsab lest li jieħu inizjattiva leġiżlattiva kif meħtieġ fir-rigward tad-distribuzzjoni ta’ firem elettroniċi lill-membri tal-professjonijiet legali fid-dawl tad-dħul fis-seħħ ta’ e-filing obbligatorju f’ġurisdizzjonijiet amministrattivi f’Jannar 2021.

    L-evalwazzjoni tal-offerti fil-kuntest tal-offerta għat-tieni fażi tas-Sistema Integrata għall-Ipproċessar ta’ Każijiet Ċivili u Penali, impenn speċifiku ta’ tmiem l-2020, tkompli u l-awtoritajiet ikkonfermaw l-intenzjoni tagħhom li jagħtu l-kuntratt lill-offerent magħżul f’Diċembru 2020. Wara l-preżentazzssjoni ta’ valutazzjoni tal-parti teknika tal-offerti lill-Ministeru tal-Ġustizzja għall-approvazzjoni, l-awtoritajiet jipprevedu t-tlestija tal-valutazzjoni tal-parti finanzjarja tal-offerti sal-aħħar ta’ Novembru 2020, fil-ħin biex jipproċedu kif ippjanat mal-għoti tal-kuntratt f’Diċembru 2020.

    Riformi oħra fis-sistema ġudizzjarja mmarkaw progress kostanti kif ġej:

    ·L-awtoritajiet ħadu għadd ta’ inizjattivi biex jappoġġaw il-funzjoni tal-medjazzjoni. Il-Kumitat Ċentrali għall-Medjazzjoni qed iwaqqaf helpdesk għall-professjonisti legali u ċ-ċittadini, biex jipprovdi gwida legali u appoġġ lill-partijiet ikkonċernati. L-awtoritajiet qed jimmonitorjaw l-adozzjoni tal-medjazzjoni.

    ·Rapport ta’ progress li jagħti dettalji dwar il-passi li jmiss fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kmamar speċjali fil-qrati ċivili u amministrattivi se jiġi pprovdut sa Diċembru 2020. Fl-1 ta’ Ottubru 2010, il-formazzjoni plenarja tal-Qorti tal-Appell ta’ Ateni ddeċidiet b’mod unanimu li tifforma żewġ kmamar speċjali biex jittrattaw każijiet fl-oqsma tal-kompetizzjoni, it-tranżazzjonijiet elettroniċi, il-protezzjoni tal-enerġija u tad-data personali, u qrati oħra huma mistennija li jagħmlu l-istess, wara l-ħatra tal-amministrazzjonijiet tal-qorti li għadhom kif ġew eletti f’Ottubru 2020.

    ·Il-fluss ta’ ħidma dwar it-titjib tal-metodi ta’ ħidma fil-qrati, li huwa parti importanti tar-riforma tal-ġustizzja li għaddejja, qed jipproċedi kif ippjanat. Il-kodiċi tal-Persunal Ġudizzjarju għandu jiġi adottat f’Diċembru 2020. L-awtoritajiet qed jimmiraw li jaġġornaw u jżommu standards eżiġenti għall-prestazzjoni minn skrivani ġudizzjarji prinċipalment billi jikkultivaw sens akbar ta’ dmir. Ir-reviżjoni ta’ ċerti sezzjonijiet tal-abbozz tal-Kodiċi dwar l-Istatus tal-Imħallfin u l-Organizzazzjoni tal-Qrati, li huma mistennija li jġibu titjib fil-metodoloġija għall-evalwazzjoni u l-avvanz professjonali tal-imħallfin u għat-trattament ta’ kwistjonijiet dixxiplinari, se tiġi fdata f’idejn kumitat għall-abbozzar tal-liġi f’Jannar 2021 bil-ħsieb tal-adozzjoni tiegħu fil-ħin għall-bidu tas-sena ġudizzjarja li jmiss f’Settembru 2021. Il-ħidma tiegħu se tkun infurmata permezz ta’ appoġġ tekniku pprovdut permezz tal-Kummissjoni Ewropea.

    ·It-tnedija tas-sejħa għall-offerta għall-proġett “JustStat” għall-ħolqien tal-unità tal-informazzjoni statistika għad-data ġudizzjarja hija mistennija li sseħħ sal-aħħar ta’ Diċembru 2020. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet ikkonfermaw li qed titħejja leġiżlazzjoni sekondarja, f’kooperazzjoni mal-Awtorità Statistika Ellenika, rigward il-forniment ta’ għarfien tekniku. 

    L-awtorità Nazzjonali għat-Trasparenza issa hija kompletament operattiva, li hija mistennija ttejjeb il-koordinazzjoni u ttieħdu għadd ta’ passi importanti rigward il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-qasam politiku. L-awtorità Nazzjonali għat-Trasparenza tissorvelja l-implimentazzjoni tal-Pjan Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni, li juri riżultati inkoraġġanti u fost l-oħrajn appoġġa l-abbozzar ta’ strateġija ddedikata kontra l-korruzzjoni mill-Ministeru tas-Saħħa. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-qasam politiku avvanzat, bit-tnedija ta’ proġett ta’ kodifikazzjoni għal-leġiżlazzjoni dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi fl-2021 u l-adozzjoni tal-liġi dwar l-attivitajiet ta’ lobbying li għandha tidħol fis-seħħ minn nofs l-2021. L-awtoritajiet għad iridu jtejbu l-aċċessibbiltà ta’ xi bażijiet tad-data għall-korpi inkarigati mill-awditi tad-dikjarazzjonijiet tal-assi u biex jallinjaw il-lista ta’ persuni esposti politikament soġġetti għal dikjarazzjoni tal-assi mad-definizzjoni aġġornata ta’ persuni esposti politikament. Fl-aħħar nett, riforma kbira, li għandha l-għan li timplimenta sistemi sodi ta’ kontroll intern fl-amministrazzjoni pubblika, hija ssorveljata mill-Awtorità u hija mistennija li jkollha impatt kbir fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-amministrazzjoni pubblika kif ukoll fis-settur tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi.

    L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni rigward it-tnaqqis tas-sanzjonijiet għat-tixħim ta’ uffiċjali pubbliċi għadha għaddejja. L-indirizzar ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet jeħtieġ rieżami komprensiv tal-qafas legali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni tal-uffiċjali pubbliċi qabel l-abbozzar ta’ emendi għall-kodiċijiet rilevanti, li huwa mistenni li jitwassal sa nofs l-2021. Il-grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni stieden lill-awtoritajiet biex jippreżentaw rapport dwar il-miżuri meħuda biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom sal-aħħar ta’ Ottubru 2021. Adozzjoni rapida tad-dispożizzjonijiet li jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni tippermetti lill-Greċja tiġġieled kontra l-korruzzjoni tal-uffiċjali pubbliċi b’mod aktar effettiv kif ukoll tirrispetta l-Konvenzjoni tal-Liġi Kriminali dwar il-Korruzzjoni u l-Protokoll Addizzjonali tagħha.

    (1) ()    Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-Żona tal-Euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b’diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom, ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.
    (2) ()    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1142 tad-29 ta’ Lulju 2020 dwar l-estensjoni tas-sorveljanza msaħħa għall-Greċja, ĠU L 248, 31.7.2020, pp. 20-23.
    (3) ()     https://www.consilium.europa.eu/media/35749/z-councils-council-configurations-ecofin-eurogroup-2018-180621-specific-commitments-to-ensure-the-continuity-and-completion-of-reforms-adopted-under-the-esm-programme_2.pdf
    (4) ()    Il-persunal tal-BĊE pparteċipa fil-missjoni ta’ rieżami skont il-kompetenzi tal-BĊE u b’hekk ipprovda għarfien espert dwar il-politiki tas-settur finanzjarju u l-kwistjonijiet makrokritiċi, bħall-miri fiskali ewlenin u s-sostenibbiltà u l-ħtiġijiet tal-finanzjament. Qabel il-missjoni ta’ rieżami saret missjoni teknika, mill-bogħod ukoll, bejn it-30 ta’ Settembru u t-8 ta’ Ottubru 2020.
    (5) ()     https://ec.europa.eu/info/publications/enhanced-surveillance-report-greece-may2020_en
    (6) ()    It-tbassir tħejja filwaqt li tqieset l-informazzjoni disponibbli sad-data limitu tat-22 ta’ Ottubru 2020. Aktar dettalji dwar it-Tbassir tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2020 jistgħu jinstabu hawnhekk: https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/economic-performance-and-forecasts/economic-forecasts/autumn-2020-economic-forecast_en .
    (7) ()    It-tbassir tal-Kummissjoni ma jinkorporax l-impatt tal-Pjanijiet ta’ Rkupru u Reżiljenza billi l-implimentazzjoni sħiħa tiddependi fuq il-valutazzjoni pożittiva tagħhom mill-Kummissjoni u l-approvazzjoni permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill, kif ukoll fuq il-kisba tal-istadji importanti u l-miri. Barra minn hekk, it-tbassir tal-Kummissjoni ma jirrappreżenta l-ebda nefqa taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, billi l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju ma ppreżentax proġetti bħal dawn f’dettall suffiċjenti.
    Top