Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0710

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea Strumentarju ta' opportunitajiet

COM/2020/710 final

Brussell, 2.12.2020

COM(2020) 710 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea





Strumentarju ta' opportunitajiet

{SWD(2020) 540 final}


1.Introduzzjoni

L-aċċess għall-ġustizzja u l-iffaċilitar tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri huma fost l-objettivi ewlenin tal-UE dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja minqux fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea 1 . Fl-Artikolu 47 tagħha l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tiggarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust 2 . Sistemi ġudizzjarji effikaċi huma essenzjali wkoll għall-funzjonament tas-suq intern u huma prerekwiżit għat-tkabbir ekonomiku. Hemm bżonn li jibqa’ jkun hemm aċċess għall-ġustizzja u li jinżamm il-pass mal-bidla, inkluża t-trasformazzjoni diġitali li taffettwa l-aspetti kollha ta’ ħajjitna.

F’dawn l-aħħar għaxar snin, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għarfu l-bżonn li jkun hemm sistemi effikaċi tal-ġustizzja u ħadu għadd ta’ inizjattivi li pproduċew riżultati pożittivi fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja . Madankollu, għad hemm ħafna xi jsir. Barra minn hekk, lil hinn mill-impatt immedjat fuq is-saħħa u l-ekonomija, il-kriżi tal-COVID-19 ħolqot varjetà usa’ ta’ sfidi anke għas-sistemi ġudizzjarji fl-Unjoni u lil hinn mill-fruntieri immedjati tagħha.

Minn naħa waħda, il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat il-ħtieġa li l-UE taċċellera r-riformi nazzjonali biex tiddiġitalizza t-trattament tal-każijiet, tal-partijiet u tal-avukati mill-istituzzjonijiet ġudizzjarji, ta’ informazzjoni u ta’ dokumenti, u ta’ aċċess faċli kontinwu għall-ġustizzja għal kulħadd 3 . B’hekk tat spinta addizzjonali lill-isforzi mwettqa mill-Istati Membri biex jagħmlu l-aħjar użu mill-għodod tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) fis-sistemi ġudizzjarji tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-kriżi kellha wkoll impatt konsiderevoli fuq il-funzjonament tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali u affettwat b’mod negattiv il‑kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera tal-UE, u f’ħafna każijiet wasslet biex ikun hemm dewmien u ostakli sostanzjali fl-aċċess għall-ġustizzja kemm għall-individwi kif ukoll għall-impriżi 4 .

Il-kriżi tal-COVID-19 għalhekk enfasizzat il-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema ġudizzjarja madwar l-UE. Il-kriżi enfasizzat ukoll l-importanza li jkun hemm aktar kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali tagħha, u li ssir promozzjoni tal-aħjar prattiki anke f’dan il-qasam ta’ politika. Dan jirrappreżenta komponent importanti ta’ soċjetà bbażata fuq il-valuri Ewropej, u ta’ ekonomija aktar reżiljenti.

Fil-linji gwida politiċi tagħha 5 , il-President tal-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha li tiggarantixxi li l-Ewropa “tirsisti għal aktar” billi taħtaf l-opportunitajiet mill-era diġitali f’limiti siguri u etiċi. Ir-rapport ta’ Prospettiva Strateġika 2020 6 ta' dan l-aħħar jirrikonoxxi l-importanza kruċjali tat-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u tas-sistemi ġudizzjarji madwar l-UE. Jenħtieġ li t-tranżizzjoni taħdem għal kulħadd, tpoġġi lin-nies l-ewwel u tiftaħ opportunitajiet ġodda għal partijiet ikkonċernati differenti. Għalhekk jenħtieġ li tindirizza firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet.

Il-Kunsill Ewropew 7 u l-Parlament Ewropew 8 it-tnejn irrikonoxxew ir-rwol kruċjali tad-diġitalizzazzjoni biex tgħin fit-tnedija mill-ġdid u l-immodernizzar tal-ekonomija tal-UE wara l-kriżi tal-COVID‑19.

Fl-Istrateġija dwar l-Unjoni tas-Sigurtà ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni impenjat ruħha favur azzjonijiet biex tiżgura li l-professjonisti tal-infurzar tal-liġi u tal-ġustizzja jkunu jistgħu jadattaw ruħhom aħjar għat-teknoloġiji l-ġodda, b’mod partikolari billi jkollhom aċċess għal għodod ġodda, jiksbu ħiliet ġodda u jiżviluppaw tekniki investigattivi alternattivi 9 .

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Aċċess għall-Ġustizzja — naħtfu l-opportunitajiet tad-diġitalizzazzjoni 10 tat-13 ta’ Ottubru 2020 jistabbilixxu proposti speċifiċi għat-tisħiħ reċiproku ta’ politiki relatati mal-aċċess effettiv għall-ġustizzja u d-diġitalizzazzjoni.

F’dan l-isfond, huwa essenzjali li l-UE iżżid sew ir-ritmu għad-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja. Filwaqt li diġà sar ħafna xogħol, għad trid titwettaq ħidma sinifikanti kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew biex tissaħħaħ aktar ir-reżiljenza tas-sistemi ġudizzjarji u tingħata spinta lill-kapaċità tagħhom li jaħdmu online. L-esperjenza tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Gvern elettroniku hija li t-trasformazzjoni diġitali hija aspett wieħed tar-riformi strutturali tas-sistemi ġudizzjarji li jenħtieġ li jkollhom impatt pożittiv fuq is-sistemi. Bħala parti minn tali riformi, il-proċessi u t-tfassil tas-sistemi li jappoġġawhom jeħtieġ li dejjem jiġu żviluppati filwaqt li jitqiesu ċ-ċittadini u n-negozji.

Sabiex jinkisbu l-benefiċċji kollha tat-teknoloġiji diġitali fi proċedimenti ġudizzjarji, l-objettiv ta’ din il-Komunikazzjoni huwa għalhekk doppju: fil-livell nazzjonali, għandha l-għan li tkompli tappoġġa lill-Istati Membri biex jagħmlu progress fis-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom lejn l-era diġitali, billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni u l-adozzjoni diġitali tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali differenti, għall-benefiċċju sħiħ taċ-ċittadini u tal-impriżi; u fil-livell Ewropew għandha l-għan li tkompli ttejjeb il-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera bejn l-awtoritajiet kompetenti. Dan ikun jikkonċerna b’mod partikolari d-diġitalizzazzjoni ulterjuri tas-servizzi tal-ġustizzja pubblika, il-promozzjoni tal-użu ta’ teknoloġija tal-komunikazzjoni mill-bogħod sigura u ta’ kwalità għolja (vidjokonferenzi), l-iffaċilitar tal-interkonnessjoni ta’ bażijiet tad-data u reġistri nazzjonali, u l-promozzjoni tal-użu ta’ kanali siguri ta’ trażmissjoni elettronika bejn l-awtoritajiet kompetenti.

Din il-Komunikazzjoni qed tistabbilixxi approċċ ġdid għad-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja bbażat fuq “sett ta’ għodod” – sett komprensiv ta’ strumenti legali, finanzjarji u tal-IT li għandhom jintużaw mid-diversi atturi fis-sistemi ġudizzjarji tagħna skont il-ħtieġa.

It-tfassil u l-implimentazzjoni tad-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja jridu jiggarantixxu r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, kif minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea 11 . Dan l-approċċ għalhekk de facto jiżgura li kulħadd fl-Unjoni tagħna jkun jista’ jagħmel użu sħiħ minn għodod diġitali ġodda jew addizzjonali fil-qasam tal-ġustizzja. Huwa għalhekk essenzjali li jiġi żgurat li anki l-persuni b’diżabilità u t-tfal ikollhom aċċess effettiv għall-ġustizzja fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor 12 . Li tiġi kkunsidrata s-sigurtà fit-tfassil u l-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet diġitali fil-qasam tal-ġustizzja huwa essenzjali biex jiġi promoss l-użu tagħhom u biex tinbena l-fiduċja taċ-ċittadini. Barra minn hekk, billi ttejjeb l-aċċess għall-ġustizzja, id-diġitalizzazzjoni se tgħin ukoll biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt fl-UE.

2.Sfidi għas-sistemi ġudizzjarji fl-era diġitali

Hemm diversi sfidi inerenti għall-Istati Membri u differenzi bejniethom. Kull sena mill-2013 ’l hawn, il-Kummissjoni ppubblikat tabella ta’ valutazzjoni tal-ġustizzja tal-UE 13 li tippreżenta stampa wkoll fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji fl-Istati Membri kollha, pereżempju fir-rigward tal-aċċess online għas-sentenzi jew il-preżentazzjoni ta’ talbiet online u s-segwitu tagħhom. Żewġ studji reċenti janalizzaw l-użu ta’ teknoloġiji innovattivi 14 u l-kwistjoni partikolari tal-ġustizzja kriminali diġitali 15 .

Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond u qed tippreżenta mmappjar tad-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri kollha fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal 16 li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni. Dan juri livell differenti ta’ progress fost l-Istati Membri.

Pereżempju:

-persuna tista’ taċċessa fajl elettroniku tal-każijiet pendenti tagħha f’għaxar Stati Membri f’kull tip ta’ proċedura ċivili;

-fil-kuntest tal-liġi kriminali, il-vittmi jistgħu jaċċessaw fajl elettroniku f’seba’ Stati Membri u l-imputati f’disgħa;

-l-evidenza tista’ tiġi ppreżentata lil qorti esklużivament f’format diġitali fil-kuntest tat-tipi kollha ta’ proċedimenti kriminali fi 13-il Stat Membru;

-fil-liġi ċivili u kummerċjali, l-evidenza diġitali hija ammissibbli f’kull tip ta’ proċediment f’għaxar Stati Membri.

Kollox ma’ kollox, ir-riżultati jirriflettu xenarju varjat ħafna madwar l-Istati Membri. It-tabella ta’ valutazzjoni tal-ġustizzja tal-UE u l-immappjar juru li ħafna oqsma tal-ġustizzja jistgħu jibbenefikaw minn diġitalizzazzjoni ulterjuri.

B’ċerti eċċezzjonijiet 17 , qasam fejn kien hemm pass kajman tad-diġitalizzazzjoni jirrigwarda r-reġistri u l-bażijiet tad-data. Persuni privati, l-impriżi u l-ġuristi lkoll għandhom diffikultajiet biex jaċċessaw l-informazzjoni li huma intitolati għaliha. F’ħafna każijiet, tali aċċess mhuwiex disponibbli online, li de facto jirriżulta f’għadd ta’ ineffiċjenzi.

Kwistjoni oħra fil-ġustizzja tal-UE hija l-użu persistenti ta’ fajls kartaċji, li jkompli jiddomina l-proċedimenti ġudizzjarji nazzjonali u transfruntiera. Il-proċeduri legali tal-UE jirrikjedu l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li spiss jinvolvu l-użu ta’ formoli standardizzati jew volumi kbar ta’ data. Madankollu, il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE ma tistipulax il-mezz jew l-arranġamenti dettaljati għal tali trasferimenti. B’riżultat ta’ dan, il-biċċa l-kbira tal-komunikazzjoni għadha bbażata fuq il-karta, u b’hekk tiġġenera ineffiċjenzi fl‑iskambji transfruntiera (prinċipalment fir-rigward tal-veloċità, l-affidabbiltà, it-traċċabbiltà u l-ispiża), tikkomplika l-aċċess tal-persuni u tal-impriżi għall-informazzjoni, u tnaqqas ir-ritmu tal-iskambji bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri.

In-nuqqas ta’ ppjanar bil-quddiem u ta’ koordinazzjoni wassal biex tinħoloq varjetà ta’ għodod tal-IT nazzjonali, li rriżultaw f’diffikultajiet biex tinkiseb interoperabbiltà transfruntiera rapida. Dan wassal għal żieda fl-użu ta’ fajls kartaċji fil-livell nazzjonali. Biex jindirizzaw din il-kwistjoni, filwaqt li jipproteġu l-investimenti li diġà saru, l-Istati Membri esploraw diversi approċċi għad-diġitalizzazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera. Dawn l-isforzi seħħew l-aktar bħala inizjattivi volontarji bejn l-Istati Membri, l-assoċjazzjonijiet tal-ġuristi u l-Kummissjoni. Filwaqt li din il-kooperazzjoni pproduċiet għadd ta’ għodod effettivi (b’mod partikolari l-e-CODEX 18 ), l-Istati Membri għadhom ma għamlux użu konsistenti minn dawn is-soluzzjonijiet.

Sabiex jappoġġaw b’mod effettiv lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera, l-aġenziji u l-korpi tal-ġustizzja u l-affarijiet interni tal-UE (ĠAI) identifikaw il-ħtieġa li jsaħħu l-kapaċitajiet ta’ kooperazzjoni diġitali tagħhom 19 . Kellhom jiffaċċjaw għadd ta’ sfidi, bħal nuqqas ta’ infrastruttura diġitali mill-aktar avvanzata, kanal ta’ komunikazzjoni affidabbli u l-applikazzjonijiet meħtieġa għall-iskambju ta’ evidenza bejn l-awtoritajiet nazzjonali u bejn dawn l-awtoritajiet u l-aġenziji u l-korpi tal-UE. Għalhekk huwa essenzjali li l-aġenziji u l-korpi bħall-Aġenzija tal-UE għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (l-Eurojust), l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (l-UPPE), l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (l-OLAF) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (l-Europol) jaqblu dwar approċċ komuni li jiggarantixxi kooperazzjoni ordnata u sigura mal-Istati Membri, filwaqt li jikkonforma mal-qafas legali applikabbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali.

Fil-qosor, huwa essenzjali li l-UE u l-Istati Membri tagħha jegħlbu dawn l-ostakli sabiex l-aċċess għall-ġustizzja jsir parti integrali mid-Deċennju Diġitali tal-Ewropa. Dan jikkonċerna l-atturi kollha fis-sistema ġudizzjarja.

3. Sett ta’ għodod għad-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja

Din il-Komunikazzjoni tipproponi sett ta’ għodod għad-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja, sabiex jiġu ttrattati l-isfidi identifikati hawn fuq u biex is-settur tal-ġustizzja jimxi ’l quddiem fil-qasam diġitali. Il-Kummissjoni qed tipproponi approċċ li jqis iċ-ċirkostanzi nazzjonali differenti tal-Istati Membri u l-kompetenzi nazzjonali tagħhom, u li jirrispetta għalkollox il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Fl-istess ħin, biex jinkiseb spazju veru u proprju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, huwa importanti li l-Istati Membri kollha jaħdmu biex inaqqsu d-distakki li jeżistu fid-diġitalizzazzjoni, il-frammentazzjoni bejn is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali u jisfruttaw l-opportunitajiet disponibbli fil-mekkaniżmi ta’ finanzjament rilevanti tal-UE.

L-għodod tas-sett ta’ għodod propost huma kategorizzati b’mod wiesa’ kif ġej:

1.Appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri, biex jiġi sfruttat il-potenzjal għall-ħolqien ta’ impatt fit-tul;

2.Inizjattivi leġiżlattivi, biex jiġu stabbiliti r-rekwiżiti għad-diġitalizzazzjoni għall-promozzjoni ta’ aċċess aħjar għall-ġustizzja u ta’ kooperazzjoni transfruntiera mtejba, inkluż fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali;

3.Għodod tal-IT, li jistgħu jiġu żviluppati f’terminu ta’ żmien qasir sa medju u użati fl-Istati Membri kollha. Huwa importanti li l-għodod tal-IT eżistenti u dawk ġodda jkunu interoperabbli b’mod awtomatiku, aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà, iffukati fuq lutent, rapidi, siguri, affidabbli, reżiljenti u mmexxija mid-data 20 , u jiggarantixxu l-privatezza, il-protezzjoni tad-data u t-trasparenza;

4.Il-promozzjoni ta’ strumenti nazzjonali ta’ koordinazzjoni u monitoraġġ li jippermettu monitoraġġ, koordinazzjoni, evalwazzjoni u skambju regolari ta’ esperjenzi u tal-aħjar prattiki.

Is-sett ta’ għodod jinkludi miżuri vinkolanti u mhux vinkolanti. Id-diġitalizzazzjoni obbligatorja tidher meħtieġa, pereżempju, fil-qasam tal-proċeduri ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera, biex ikun hemm komunikazzjoni transfruntiera effettiva u rapida. Għodod oħra li jistgħu ma jkunux vinkolanti jinkludu opportunitajiet għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u għall‑iskambju tal-aħjar prattiki.

Kull azzjoni relatata mad-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja trid tiġi implimentata f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali, bħad-drittijiet għall-protezzjoni tad-data personali, għal proċess ġust u għal rimedju effettiv, u mal-prinċipji tal-proporzjonalità u s-sussidjarjetà.

Barra minn hekk, il-proċess ta’ diġitalizzazzjoni jrid jieħu kont sħiħ tal-ħtiġijiet tal-gruppi żvantaġġati . It-teknoloġiji diġitali qed isiru dejjem aktar faċli għall-utent u aċċessibbli għal maġġoranza kbira, irrispettivament mill-età u l-livell ta’ edukazzjoni kif ukoll aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità. Fl-istess ħin, il-miżuri istituzzjonali, organizzattivi u tekniċi jridu jiżguraw aċċess sħiħ għall-ġustizzja minn gruppi żvantaġġati u persuni f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà, bħat-tfal jew l-anzjani, li jista’ ma jkollhomx il-mezzi meħtieġa jew il-ħiliet diġitali. Jenħtieġ li l-vittmi tal-kriminalità wkoll ikunu jistgħu jibbenefikaw minn għodod diġitali f’konformità mal-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull vittma.

Id-dritt għal proċess ġust u rimedju legali effettiv iridu jiġu ggarantiti. B’mod partikolari, fi proċedimenti kriminali f’ambjent diġitali, għandha tingħata attenzjoni biex tiġi evitata kull interferenza mad-drittijiet tad-difiża, inkluż id-dritt ta’ aċċess għal avukat u d-dritt ta’ aċċess għal provi materjali. Bl-istess mod, fi proċedimenti ċivili, trid tiġi ggarantita l-ugwaljanza tal-partijiet.

3.1.    Appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri

L-iżvilupp ta’ sistemi adegwati tal-IT għall-użu fil-qasam tal-ġustizzja jeħtieġ iż-żmien u, aktar importanti minn hekk, ir-riżorsi. Għalhekk, strateġija komprensiva biex tiġi ttrattata d-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja fl-UE jeħtieġ li tindirizza l-aċċess għall-finanzjament.

Id-diġitalizzazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji, l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet diġitali eżistenti u l-introduzzjoni ta’ oħrajn ġodda jeħtieġu investimenti sinifikanti fl-infrastruttura, id-disinn, l-implimentazzjoni, il-manutenzjoni u t-taħriġ 21 . Sabiex jinkiseb ritmu suffiċjenti ta’ bidla, hemm bżonn ta’ approċċ doppju:

·appoġġ finanzjarju għall-Istati Membri biex jibdew verament it-trasformazzjoni diġitali tas-sistemi ġudizzjarji tagħhom; kif ukoll

·appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ inizjattivi madwar l-UE kollha.

Jenħtieġ li jintuża kull mezz disponibbli biex jappoġġa t-tranżizzjoni għall-ġustizzja diġitali, inklużi l-istrumenti l-ġodda tal-politika ta’ koeżjoni, il-programmi l-ġodda “Ġustizzja” u “Ewropa diġitali”, kif ukoll il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għandha l-għan li tappoġġa l-investimenti u r-riformi nazzjonali li huma essenzjali għal irkupru sostenibbli 22 . Din hija r-raġuni għaliex, meta tistabbilixxi gwida biex tgħin lill-Istati Membri jħejju u jippreżentaw il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza għall-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Kummissjoni enfasizzat li t-trasformazzjoni diġitali tas-settur tal-ġustizzja hija waħda mill-oqsma li fihom l-Istati Membri huma mħeġġa bil-qawwa biex jiffukaw ir-riformi u l-investimenti 23 . L-inizjattivi nazzjonali f’dan ir-rigward jistgħu jingħaddu mal-mira ta’ nefqa diġitali ta’ 20 % fil-kuntest tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, sabiex titwettaq “Ewropa lesta għall-era diġitali”.

Il-proposti tal-Kummissjoni għall-2021-2027 dwar il-politika ta’ koeżjoni jirrikonoxxu l-ħtieġa wiesgħa għad-diġitalizzazzjoni u jsaħħu r-rabta mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż skont is-Semestru Ewropew, li identifikaw id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja bħala prijorità għal xi Stati Membri sa mill-2016 24 . Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet fil-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 25 u l-Fond Soċjali Ewropew Plus.

L-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku 26 se jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri kollha fl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali inkluż fil-qasam tal-ġustizzja. Il-Kummissjoni diġà għandha esperjenza konsiderevoli fl-implimentazzjoni ta’ proġetti relatati mad-diġitalizzazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji f’diversi Stati Membri fil-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali attwali.

L-esperjenza tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Gvern-e hija li t-trasformazzjoni diġitali hija aspett wieħed tar-riformi strutturali tas-sistemi ġudizzjarji li għandu jkollu impatt pożittiv fuq is-sistemi nfushom (Governanza, Ġestjoni tar-Riżorsi Umani, Ġestjoni tal-Kawżi, eċċ.). Prerekwiżit għad-diġitalizzazzjoni tas-sistemi huwa t-tfassil mill-ġdid ta’ dawk il-proċessi u t-tfassil tas-sistemi li jappoġġawhom, dejjem filwaqt li jitqiesu ċ-ċittadini u l-impriżi. Ir-riforma strutturali tat-trasformazzjoni diġitali mingħajr tfassil mill-ġdid tal-proċess ta’ livell għoli, ikollha impatt limitat.

Fir-rigward ta’ inizjattivi ta’ diġitalizzazzjoni b’dimensjoni tal-UE, jenħtieġ li l-appoġġ ikun disponibbli skont il-programm il-ġdid “Ġustizzja” u l-programm “Ewropa diġitali”. Iż-żewġ strumenti jrawmu d-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja, pereżempju billi jappoġġaw l-istabbiliment ta’ soluzzjonijiet interoperabbli 27 għal kooperazzjoni transfruntiera aktar effiċjenti u l-interkonnessjoni tar-reġistri u l-bażijiet tad-data. Il-programm Ewropa Diġitali se jipprovdi wkoll opportunitajiet għall-pilotaġġ ta’ inizjattivi teknoloġiċi innovattivi multisettorjali, b’mod partikolari dawk ibbażati fuq Intelliġenza Artifiċjali u teknoloġiji ta’ reġistru distribwit (blockchain).

Azzjonijiet proposti

Minn min?

Sa meta?

Appoġġ għall-forniment ta’ servizzi ġodda għaċ-ċittadini u l-kumpaniji permezz tad-diġitalizzazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji u s-servizzi pubbliċi rilevanti skont l-istrumenti l-ġodda tal-Politika ta’ Koeżjoni

Il-Kummissjoni / l-Istati Membri

Għaddejja sal-2027

Tingħata prijorità lill-inklużjoni tad-diġitalizzazzjoni tal-azzjonijiet tal-ġustizzja fil-Pjanijiet ta’ Rkupru u Reżiljenza nazzjonali

L-Istati Membri

Għaddejja sal-2026

Il-preżentazzjoni ta’ talbiet fil-qafas tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku għad-diġitalizzazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji

L-Istati Membri

Għaddejja sal-2027

Appoġġ finanzjarju skont il-programmi “Ġustizzja” u “Ewropa Diġitali” (2021‑2027) għal inizjattivi li jippermettu d-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja fil-livell tal-UE

Il-Kummissjoni / l-Istati Membri

Għaddejja sal-2027

Jiġu implimentati proġetti konkreti għad-diġitalizzazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali u s-servizzi pubbliċi rilevanti, eż. il-bini ta’ reġistri u bażijiet tad-data elettroniċi, sistemi ta’ ġestjoni tal-kawżi u kanali ta’ komunikazzjoni siguri, u l-forniment ta’ faċilitajiet ta’ vidjokonferenzi lill-awtoritajiet ġudizzjarji u l-iżgurar tal-aċċessibbiltà fid-diġitalizzazzjoni

L-Istati Membri

Għaddejja sal-2027

3.2.    Il-kanal diġitali jsir l-għażla awtomatika fil-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera tal-UE

Sal-lum, id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera kienet ibbażata l-aktar fuq inizjattivi volontarji bejn l-Istati Membri 28 . Madankollu, dan l-approċċ jidher li laħaq il-limiti tiegħu. Pereżempju 29 , fil-qasam tal-liġi ċivili u kummerċjali, seba’ Stati Membri jużaw għodod ta’ komunikazzjoni diġitali għall-istrumenti legali rilevanti kollha tal-UE meta jikkomunikaw ma’ awtoritajiet kompetenti oħra, sitta jużawhom f’kuntest limitat, u sebgħa attwalment ma jużawhom xejn. Din il-frammentazzjoni tiġġenera ineffiċjenzi kostanti – inter alia, l-użu kontinwu tal-mezz kartaċju jirriżulta fi spejjeż finanzjarji bla bżonn u impatt ambjentali negattiv. Barra minn hekk, l-użu ta’ għodod ta’ komunikazzjoni diġitali waħdu ma jindirizzax il-ħtiġijiet ta’ proċeduri kompletament diġitalizzati, li jirrikjedu arranġamenti legali xierqa.

Il-Kummissjoni diġà pproponiet approċċ ġdid għad-diġitalizzazzjoni fir-rigward ta’ ċerta leġiżlazzjoni tal-UE. Fil-31 ta’ Mejju 2018, ipproponiet emendi għar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti 30 u r-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda 31 . Fost affarijiet oħra, dawn ir-Regolamenti jistabbilixxu qafas legali għall-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-kooperazzjoni transfruntiera. Il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni 32 wrew biċ-ċar li l-kooperazzjoni attwali bbażata fuq dokumenti kartaċji tippreżenta għadd ta’ nuqqasijiet, b’impatt negattiv fuq l-ispejjeż u fuq l-effettività tal-proċedimenti ġudizzjarji. Sabiex tiġi ggarantita r-rilevanza tal-proċeduri f’dinja dejjem aktar diġitali, l-emendi proposti jipprevedu t-trażmissjoni elettronika bħala l-mezz awtomatiku għall-komunikazzjoni u l-iskambju tad-dokumenti 33 . F’Ġunju 2019, l-UE adottat id-Direttiva dwar ir-Ristrutturar u t-Tieni Opportunità 34 , li tippermetti li impriżi vijabbli f’diffikultà jiġu salvati u persuni onesti iżda falluti jingħataw ċans ieħor. Wieħed mill-objettivi tagħha huwa li gradwalment jiġu diġitalizzati l-proċeduri ta’ insolvenza, li jgħinu biex jitnaqqsu l-ispejjeż u t-tul tagħhom.

Abbażi ta’ din l-esperjenza, kif imħabbar fil-Programm ta’ Ħidma tagħha tal-2021 35 , il-Kummissjoni se tagħmel pass ieħor u tipproponi leġiżlazzjoni dwar id-diġitalizzazzjoni ulterjuri tal-proċeduri ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili, kummerċjali u kriminali. Proposta bħal din tista’:

·Tirrikjedi li l-Istati Membri jużaw b’mod awtomatiku kanali diġitali għal komunikazzjoni transfruntiera u skambji ta’ data bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti;

·Tirrikjedi li l-Istati Membri jaċċettaw komunikazzjoni elettronika għal proċeduri transfruntiera li jinvolvu liċ-ċittadini u lill-impriżi, mingħajr ma jiġi eskluż l-użu tal-karta;

·Tiggarantixxi li s-soluzzjonijiet u l-prinċipji stabbiliti fir-Regolament eIDAS 36 ikunu referenzjati u użati, b’mod partikolari:

oil-prinċipju li dokument elettroniku ma għandux jiġi miċħud effett legali u ammissibilità bħala evidenza fi proċedimenti ġudizzjarji għas-sempliċi raġuni li jkun f’forma elettronika;

ol-identifikazzjoni elettronika 37 u l-firem/is-siġilli jenħtieġ li jsiru aċċettabbli għat-trażmissjoni diġitali ta’ dokumenti ġudizzjarji u l-livelli ta’ assigurazzjoni xierqa tagħhom maqbula.

·Tipprovdi bażi għall-ipproċessar ta’ data personali, skont it-tifsira tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data 38 u r-regoli applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u tiddetermina r-responsabbiltajiet ta’ kontrolluri u proċessuri differenti;

·Tiżgura li kull punt ta’ aċċess elettroniku stabbilit għall-użu mill-pubbliku ġenerali jkun aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità 39 ;

·Sabiex jiġi żgurat li s-sistemi tal-IT nazzjonali jkunu interoperabbli u kapaċi jikkomunikaw ma’ xulxin, tistabbilixxi l-arkitettura wiesgħa tas-sistema tal-IT sottostanti għall-komunikazzjoni diġitali.

Il-proċess tad-diġitalizzazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja tal-UE ċertament ikun jinvolvi spejjeż mhux negliġibbli. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ finanzjarju tal-UE. Soluzzjonijiet ġeneriċi tal-IT żviluppati fil-livell tal-UE, għall-użu mill-Istati Membri kollha, jistgħu jkunu miżura ewlenija għat-tnaqqis tal-ispejjeż.

Azzjoni proposta

Minn min?

Sa meta?

Proposta leġiżlattiva dwar id-diġitalizzazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera (ara l-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2021)

Il-Kummissjoni

Ir-raba’ trimestru tal-2021

3.3.    L-intelliġenza artifiċjali (IA):

Studju tal-Kummissjoni 40 wera li r-rata ta’ adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, bħall-intelliġenza artifiċjali (IA), tvarja bejn l-Istati Membri u fihom, iżda l-adozzjoni tagħhom hija ġeneralment bil-mod kullimkien. L-użu tal-applikazzjonijiet tal-IA jista’ jġib miegħu ħafna benefiċċji, bħall-użu ta’ informazzjoni b’modi ġodda u effiċjenti ħafna, u jtejjeb l-aċċess għall-ġustizzja, inkluż billi jnaqqas it-tul ta’ żmien tal-proċedimenti ġudizzjarji. Fl-istess ħin, il-potenzjal ta’ nuqqas ta’ trasparenza jew preġudizzji inkorporati f’ċerti applikazzjonijiet tal-IA jista’ jwassal ukoll għal riskji u sfidi għar-rispett u l-infurzar effettiv tad-drittijiet fundamentali, inkluż b’mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv u proċess ġust 41 .

Biex tagħmel użu mill-opportunitajiet li joffru t-teknoloġiji tal-IA, filwaqt li tindirizza r-riskji assoċjati, fis-segwitu għall-White Paper dwar l-IA minn Frar 2020, il-Kummissjoni fetħet konsultazzjoni pubblika u rċeviet opinjonijiet minn diversi partijiet ikkonċernati dwar l-użu tal-applikazzjonijiet tal-IA fil-qasam tal-ġustizzja bħala każ possibbli ta’ użu ta’ riskju għoli, b’mod partikolari jekk jintuża bħala parti minn proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet b’effetti sinifikanti fuq id-drittijiet tal-persuni 42 . Ir-rekwiżiti proposti fil-White Paper dwar aktar trasparenza, sorveljanza umana, akkuratezza u sodezza ta’ dawn is-sistemi għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-użu ta’ benefiċċju tagħhom, filwaqt li jiżguraw li d-drittijiet fundamentali (inkluża n-nondiskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali) jiġu rispettati u l-prinċipji tal-istat tad-dritt u tal-proċess ġust jiġu mħarsa. L-użu tal-għodod tal-Intelliġenza Artifiċjali jista’ jappoġġa, iżda ma għandux jinterferixxi mas-setgħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-imħallfin jew mal-indipendenza ġudizzjarja.

Riċerka reċenti tal-Kummissjoni 43 wriet li l-awtoritajiet ġudizzjarji qed jadottaw dejjem aktar applikazzjonijiet ibbażati fuq l-IA. Ta’ interess partikolari fil-qasam tal-ġustizzja huma l-anonimizzazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qorti, il-konverżjoni u t-traskrizzjoni tad-diskors mitkellem għal miktub, it-traduzzjoni awtomatika, iċ-chatbots li jappoġġaw l-aċċess għall-ġustizzja u l-awtomatizzazzjoni robotika tal-proċess 44 .

Bħal f’setturi oħra, l-użu tal-applikazzjonijiet tal-IA fis-settur tal-ġustizzja jista’ jkun ta’ benefiċċju kbir. Koordinazzjoni aħjar fil-livell tal-UE tista’ tevita d-duplikazzjoni tal-isforzi nazzjonali u toħloq sinerġiji sinifikanti. Dan jista’ jiggarantixxi wkoll l-interoperabbiltà u fl-aħħar mill-aħħar jittrasforma proġetti pilota tajbin f’soluzzjonijiet mifruxa mal-UE kollha. Ħafna mis-soluzzjonijiet tal-IA li qed jintużaw bħalissa huma bbażati fuq teknoloġiji ta’ tagħlim awtomatiku, li jirrikjedu li s‑sistemi jiġu “mħarrġa” b’data rilevanti. Għalhekk, iż-żieda fid-disponibbiltà ta’ settijiet ta’ data pubbliċi prodotti mill-ġudikatura 45 għall-użu mill-ġdid, inter alia, b’diversi soluzzjonijiet tal-IA jenħtieġ li tiġi esplorata u segwita, f’konformità sħiħa mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali, kif stabbilit fl-istrateġija Ewropea għall-Komunikazzjoni tad-data 46 .

Filwaqt li l-vantaġġi tal-introduzzjoni ta’ applikazzjonijiet ibbażati fuq l-IA fis-sistema ġudizzjarja huma ċari, hemm ukoll riskji konsiderevoli assoċjati mal-użu tagħhom għat-teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzati u għall-“policing predittiv”/“ġustizzja predittiva”. Il-Kummissjoni tqis li ċerti każijiet ta’ użu ta’ applikazzjonijiet tal-IA fis-settur tal-ġustizzja jġorru theddida reali għad-drittijiet fundamentali. Din il-perspettiva ġiet kondiviża mill-partijiet ikkonċernati bħall-assoċjazzjonijiet tal-avukati Ewropej u nazzjonali, il-ġuristi, l-akkademiċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-reazzjonijiet tagħhom għall-konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar il-White Paper dwar l-IA (Frar - Ġunju 2020) 47 . Bħala segwitu għall-White Paper, il-Kummissjoni qed taħdem fuq qafas ġenerali biex tindirizza r-riskji tat-teknoloġiji tal-IA, inkluż b’mod partikolari l-applikazzjonijiet tal-IA b’riskju għoli. Għall-applikazzjonijiet li jippreżentaw riskju għoli, jeħtieġ li jiġu indirizzati l-preġudizzji potenzjali. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni qed tikkunsidra rekwiżiti dwar l-ittestjar possibbli tal-applikazzjonijiet, u l-ħtieġa li tiġi pprovduta dokumentazzjoni rilevanti dwar l-iskopijiet u l-funzjonalitajiet tagħhom.

Fejn jintuża t-tagħlim awtomatiku, ir-riskji ta’ riżultati preġudikati u diskriminazzjoni potenzjali kontra n-nisa u gruppi partikolari, bħal persuni bi sfond etniku jew razzjali minoritarju, huma għoljin u jridu jiġu indirizzati. Għalhekk, jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lill-kwalità tad-data dwar it-taħriġ użata 48 , inkluż ir-rappreżentattività u r-rilevanza tagħha fir-rigward tal-iskop u l-kuntest tal-applikazzjoni maħsuba u kif dawn is-sistemi huma mfassla u żviluppati biex jiġi żgurat li dawn jistgħu jintużaw f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali. In-nuqqas ta’ trasparenza ta’ ċerti applikazzjonijiet tal-IA jista’ jkun sfida fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu ġġustifikati d-deċiżjonijiet, l-opportunitajiet ugwali għall-partijiet fi proċedimenti ġudizzjarji, u prinċipji oħra. Huma meħtieġa salvagwardji xierqa biex jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, inkluż it-trattament ugwali u l-protezzjoni tad-data, u biex jiżguraw l-iżvilupp responsabbli u ċċentrat fuq il‑bniedem u l-użu tal-għodod tal-IA fejn l-użu tagħhom huwa fil-prinċipju xieraq.

Għalhekk, it-teħid finali tad-deċiżjonijiet irid jibqa’ attività u deċiżjoni mmexxija mill-bniedem. Imħallef biss jista’ jiggarantixxi rispett ġenwin għad-drittijiet fundamentali, jibbilanċja interessi konfliġġenti u jirrifletti l-bidliet kostanti fis-soċjetà fl-analiżi ta’ każ. Fl-istess ħin, huwa importanti li s-sentenzi jingħataw minn imħallfin li jifhmu kompletament l-applikazzjonijiet tal-IA u l-informazzjoni kollha meqjusa fihom li jistgħu jużaw fil-ħidma tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jispjegaw id-deċiżjonijiet tagħhom. L-użu tal-applikazzjonijiet tal-IA ma għandux jipprevjeni lil xi korp pubbliku milli jagħti spjegazzjonijiet għad-deċiżjonijiet tiegħu. Għalhekk huwa importanti li l-imħallfin u l-prosekuturi jitħarrġu dwar l-użu tal-applikazzjonijiet tal-IA 49 .

Filwaqt li dawn il-kwistjonijiet se jkunu soġġetti għal aktar analiżi, ċerti miżuri mmirati diġà jistgħu jiġu proposti, kif ġej:

Azzjonijiet proposti

Minn min?

Sa meta?

Jiġu skambjati l-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda dwar l-użu ta’ teknoloġiji innovattivi fil-ġustizzja mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, l-aġenziji u l-korpi tal-ĠAI, u l-organizzazzjonijiet professjonali ġudizzjarji; għal dan il-għan, il-Kummissjoni se torganizza webinars esperti trimestrali skont is-suġġett.

Il-Kummissjoni / l-Istati Membri / l-Aġenziji tal-ĠAI

L-ewwel trimestru tal-2021 u wara

Jiġu esplorati modi kif tiżdied id-disponibbiltà ta’ data rilevanti li tinqara mill-magni prodotta mill-ġudikatura għall‑istabbiliment ta’ soluzzjonijiet affidabbli tal-IA għat-tagħlim awtomatiku għall-użu mill-partijiet ikkonċernati, bħall-awtoritajiet ġudizzjarji u l-ġuristi, inkluż is-settur privat

Il-Kummissjoni / l-Istati Membri

2021 u wara

3.4.    Għodod aħjar għall-aċċess għall-informazzjoni permezz tal-interkonnessjoni tar-reġistri

Sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jkollhom aċċess sħiħ għall-ġustizzja, l-individwi jeħtieġu aċċess għall-informazzjoni. Huma diġà jistgħu jużaw għodod ta’ informazzjoni pubblika bħall-EUR-Lex 50 , li jagħti aċċess għal informazzjoni legali, u l-portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika 51 , li jagħti aċċess għal informazzjoni dwar il-ġustizzja, iżda jeħtieġu modi aħjar u aktar effiċjenti biex jaċċessaw informazzjoni u dokumenti personali. F’dan il-kuntest, huwa importanti wkoll li tiġi ggarantita l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità. L-impriżi jeħtieġu għodod diġitali biex jaċċessaw l-informazzjoni, jinteraġixxu mal-awtoritajiet nazzjonali u jgawdu aċċess effettiv għall-ġustizzja. L-aċċess diġitali għall-ġustizzja jista’ jiffaċilita l-operazzjonijiet, inaqqas l-ispejjeż u l-piż regolatorju, kif ukoll itejjeb l-aċċess tal-impriżi kollha għas-Suq Uniku, b’mod partikolari l-SMEs. Il-ġuristi jeħtieġ li jkunu jistgħu jagħtu l-aħjar appoġġ possibbli lill-klijenti tagħhom, b’mod partikolari billi jikkomunikaw mal-qrati u jippreżentaw dokumenti b’mod sikur u effiċjenti. Huwa importanti li l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom l-għodod xierqa biex jikkomunikaw b’mod sigur bejn il-fruntieri u biex jiskambjaw evidenza u dokumenti. L-aġenziji tal-ġustizzja u l-affarijiet interni tal-UE jeħtieġu mezzi effiċjenti biex jappoġġaw lill-awtoritajiet nazzjonali u biex jikkooperaw b’mod effettiv bejniethom.

F’dawn l-aħħar għaxar snin, flimkien mal-ħidma tagħhom fuq il-gvern elettroniku 52 , il-Kummissjoni u l-Istati Membri ħadu għadd ta’ inizjattivi li pproduċew riżultati pożittivi fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja 53 . Iċ-ċittadini, l-awtoritajiet pubbliċi u l-kumpaniji diġà jibbenefikaw minn għodod diġitali li jtejbu t-trasparenza, jiffaċilitaw l-aċċess għall-evidenza fi proċedimenti kriminali u jnaqqsu d-dewmien u l-ispejjeż amministrattivi bla bżonn. Pereżempju, il-portal tal-Ġustizzja elettronika huwa s-sors ewlieni tal-UE ta’ informazzjoni legali u prattika fil-qasam tal-ġustizzja għall-pubbliku inġenerali. Huwa jipprovdi wkoll aċċess għal reġistri interkonnessi, fost l-oħrajn, permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali (BRIS) 54 , li tiġbor flimkien ir-reġistri kummerċjali tal-Istati Membri u tal-pajjiżi taż-ŻEE, tipprovdi aċċess pubbliku għal informazzjoni dwar aktar minn 20 miljun kumpanija b’responsabbiltà limitata madwar l-Ewropa, u tippermetti li r-reġistri kummerċjali jiskambjaw informazzjoni dwar kawżi transfruntiera.

Minn repożitorji tal‑każistika għal informazzjoni dwar il-kumpaniji, l-Istati Membri diġà joperaw għadd ta’ reġistri u bażijiet tad-data li fihom informazzjoni ta’ interess pubbliku jew speċifiku. Dawn jgħinu lill-individwi u lill-impriżi u ħafna drabi huma kruċjali għall-ħidma tal-ġuristi. Ħafna reġistri bħal dawn diġà marru online u f’xi każijiet ġew stabbiliti jew qed jiġu stabbiliti interkonnessjonijiet madwar l-UE kollha.

L-Istati Membri skambjaw informazzjoni ta’ rekords kriminali minn April 2012 55 bl-użu ta’ software ta’ implimentazzjoni ta’ referenza magħmul disponibbli mill-Kummissjoni 56 . Dan l-approċċ issaħħaħ f’April 2019, bl-adozzjoni ta’ Regolament 57 li jistabbilixxi sistema ċentralizzata għall-identifikazzjoni ta’ Stati Membri li għandhom informazzjoni dwar kundanni ta’ ċittadini mhux tal-UE u persuni apolidi (ECRIS-TCN) 58 . Bl-istess mod, l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-aċċess għal informazzjoni multilingwi ġew iffaċilitati permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali (BRIS), li tagħti aċċess għal aktar minn 20 miljun kumpanija b’responsabbiltà limitata tal-UE, u s-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri tal-insolvenza (IRI) 59 . Id-Direttivi (UE) 2019/1151 60 u 2019/2121 61 jintroduċu rekwiżiti ġodda għad-diġitalizzazzjoni tar-reġistri kummerċjali u l-forniment tal-informazzjoni bejn ir-reġistri kummerċjali u lill-pubbliku permezz tal-BRIS 62 . L-interkonnessjoni tar-reġistri tal-artijiet (LRI) qed tiġi pilotata minn għadd żgħir ta’ Stati Membri, iżda biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tagħha jenħtieġ li testendi madwar l-UE kollha. Id-Direttiva (UE) 2015/849 63 teżiġi li l-Istati Membri jagħmlu interkonnessjoni tar-reġistri nazzjonali tagħhom tas-sjieda benefiċjarja. Is-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja (BORIS) se sservi bħala servizz ta’ tiftix ċentrali għall-informazzjoni kollha relatata. Dan se jtejjeb it-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja fid-dawl ta’ prevenzjoni aħjar tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu.

Aċċess għall-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali f’forma li tinqara minn magna huwa wkoll prekundizzjoni għal, fost affarijiet oħra, trasparenza akbar, l-applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-UE u l-bini ta’ sistemi interoperabbli tal-IT. L-identifikatur tal-każistika Ewropea (ECLI) 64 , identifikatur uniformi li juża l-istess format rikonoxxibbli għall-Istati Membri kollha u l-qrati tal-UE, ġie żviluppat biex jiffaċilita l-kwotazzjoni akkurata tas-sentenzi tal-qorti. Il-Kummissjoni se tikkunsidra modi kif tippromwovi l-użu tal-ECLI u possibbilment tagħmlu obbligatorju.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jsegwu l-istabbiliment ta’ reġistri u bażijiet tad-data elettroniċi bħala prijorità. Huwa faċli li l-bażijiet tad-data elettroniċi jiġu kkonsultati, jimminimizzaw il-ħin u l-ispejjeż għall-utenti, u huma reżiljenti għal kriżijiet bħall-COVID-19. Id-diġitalizzazzjoni tal-bażijiet tad-data u tar-reġistri hija prekundizzjoni għall-interkonnessjoni tagħhom fil-livell tal-UE għall-benefiċċju tal-utenti transfruntiera u għall-appoġġ tas-suq uniku. Ir-Regolament dwar il-Portal Diġitali Uniku 65 jeżiġi diġitalizzazzjoni sħiħa tal-interfaċċa tal-utent ta’ ċerti avvenimenti u proċeduri ewlenin tal-ħajja għall-utenti transfruntiera. L-interkonnessjonijiet inaqqsu wkoll ir-riskju ta’ frodi billi jiffaċilitaw ir-riċerka mmirata f’diversi pajjiżi fl-istess ħin.

Id-diġitalizzazzjoni tar-reġistri u tal-bażijiet tad-data hija wkoll faċilitatur ewlieni biex tinkiseb il-konformità mal-prinċipju ta’ “darba biss” u l-istabbiliment ta’ spazji tad-data komuni għall-ġustizzja Ewropea f’konformità mal-Komunikazzjoni dwar Istrateġija Ewropea għad-data.

Barra minn hekk, kull meta jkun possibbli, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrikorru għall-użu tal-vidjokonferenzi. L-użu tal-vidjokonferenzi fi proċedimenti ġudizzjarji, fejn ikun permissibbli bil-liġi, inaqqas sostanzjalment il-ħtieġa għal vjaġġar oneruż u li jiswa ħafna flus u jista’ jiffaċilita l-proċedimenti. Filwaqt li ħafna soluzzjonijiet ta’ vidjokonferenzi diġà jintużaw fil-livell nazzjonali, il-pjan ta’ azzjoni 2019-2023 dwar il-“ġustizzja elettronika” 66 jsemmi l-użu tal-vidjokonferenzi fi proċedimenti transfruntiera bħala prijorità. Madankollu, dan se jinvolvi l-iżvilupp ta’ sistemi nazzjonali f’koordinazzjoni mill-qrib fil-livell tal-UE, sabiex jiġu ggarantiti l-fiduċja reċiproka, l-interoperabbiltà u s-sigurtà. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri regolarment jiskambjaw informazzjoni dwar il-ħidma li għaddejja f’dan il-qasam u l-aħjar prattiki. L-użu tal-vidjokonferenzi ma għandux jikser id-dritt għal proċess ġust u d-drittijiet tad-difiża, bħad-drittijiet li wieħed jattendi għall-proċess tiegħu, li jikkomunika b’mod kunfidenzjali mal-avukat, li jagħmel mistoqsijiet lix-xhieda u li jikkontesta l-provi.

Azzjonijiet proposti

Minn min?

Sa meta?

Il-parteċipazzjoni sħiħa tal-Istati Membri fis-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri ta’ insolvenza meħtieġa mir-Regolament (UE) 2015/848

L-Istati Membri

30 ta’ Ġunju 2021

Titjib tal-BRIS biex jiġu appoġġati funzjonalitajiet ġodda meħtieġa mid-Direttiva (UE) 2019/1151

Il-Kummissjoni / l-Istati Membri

L-ewwel sett ta’ bidliet:

1 ta’ Awwissu 2021

It-tieni sett ta’ bidliet: 1 ta’ Awwissu 2023

Titjib tal-BRIS biex jiġu appoġġati funzjonalitajiet ġodda meħtieġa mid-Direttiva (UE) 2019/2121

Il-Kummissjoni / l-Istati Membri

31 ta’ Jannar 2023

Parteċipazzjoni sħiħa tal-Istati Membri fl-interkonnessjoni tar-reġistri tal-artijiet

Il-Kummissjoni / l-Istati Membri

2024

L-Istati Membri jiġu mħeġġa jiżviluppaw faċilitajiet ta’ vidjokonferenzi f’konformità mal-liġi nazzjonali f’koordinazzjoni mill-qrib ma’ xulxin u, fejn possibbli, jużaw il-finanzjament tal-UE f’dan ir-rigward

L-Istati Membri

L-ewwel trimestru tal-2021 u wara

3.5.    Għodod tal-IT għal kooperazzjoni transfruntiera sigura f’materji ċivili, kummerċjali u kriminali

L-e-CODEX isir il-parametru referenzjarju għal komunikazzjoni diġitali sigura fi proċedimenti ġudizzjarji transfruntiera

L-e-CODEX huwa l-għodda ewlenija għall-istabbiliment ta’ network ta’ komunikazzjoni interoperabbli, sigur u deċentralizzat bejn is-sistemi tal-IT nazzjonali fi proċedimenti transfruntiera tal-liġi ċivili, kummerċjali u kriminali 67 . Dan huwa pakkett ta’ software li jippermetti konnessjoni bejn is-sistemi nazzjonali, jippermetti lill-utenti, bħall-awtoritajiet ġudizzjarji, il-ġuristi u l-membri tal-pubbliku, jibagħtu u jirċievu dokumenti, formoli legali, evidenza u informazzjoni oħra b’mod rapidu u sikur. L-e-CODEX diġà jintuża mis-sistema ta’ skambju diġitali ta’ evidenza elettronika (eEDES) u minn ċerti proġetti pilota 68 . Huwa maħsub ukoll biex jirfed is-sistema tal-IT deċentralizzata li għandha tiġi stabbilita fil-kuntest tar-Regolamenti l-ġodda dwar in-Notifika ta’ Dokumenti u l-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda.

Fil-preżent, l-e-CODEX huwa ġestit minn konsorzju ta’ Stati Membri u organizzazzjonijiet oħra 69 . Biex tiżgura s-sostenibbiltà fit-tul tagħha, il-Kummissjoni adottat proposta 70 biex tinkariga l-iżvilupp u l-manutenzjoni ulterjuri tagħha lill-Aġenzija tal-UE għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) 71 . Huwa importanti li tali leġiżlazzjoni tkun lesta għall-akkwiżizzjoni prevista tal-e‑CODEX minn eu-LISA mill-1 ta’ Lulju 2023 u għalhekk il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal‑koleġiżlaturi biex issegwi l-proposta tagħha. Barra minn hekk, l-istrateġija tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà li jmiss se tipprovdi qafas trasversali, akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ is-sigurtà tas-sistemi tan-networks u tal-informazzjoni.

Twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-eEDES

Is-sistema ta’ skambju diġitali ta’ evidenza elettronika (eEDES) hija għodda tal-IT li permezz tagħha l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jiskambjaw b’mod sigur l-ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropej, it-talbiet għal assistenza legali reċiproka u l-evidenza assoċjata f’format diġitali. Bħalissa, l-awtoritajiet jibagħtu talbiet u jirċievu evidenza b’mezzi postali (tradizzjonali) jew elettroniċi li mhux dejjem jiggarantixxu l-livelli meħtieġa ta’ sigurtà. F’dan l-isfond u l-ħtieġa dejjem tikber li tiġi żgurata l-evidenza elettronika malajr fl-investigazzjonijiet kriminali transfruntiera, l-Istati Membri appellaw biex tinħoloq pjattaforma sigura 72 . L-eEDES hija mfassla biex ittejjeb direttament l-effiċjenza u l-ħeffa tal-proċeduri ta’ kooperazzjoni eżistenti, filwaqt li tiżgura s-sigurtà tal-iskambji u tippermetti l-verifika tal-awtentiċità u l-integrità tad-dokumenti trażmessi. Hija mfassla wkoll biex tkun interoperabbli mas-sistemi nazzjonali ta’ ġestjoni tal-kawżi. L-Istati Membri kollha għandhom jikkollegaw malajr mal-eEDES sabiex jiġġeneraw valur miżjud reali tal-UE.

Jenħtieġ li l-eEDES tiġi żviluppata aktar. B’mod partikolari, dan għandu jiġi estiż biex jippermetti komunikazzjoni sigura bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-fornituri ta’ servizzi rilevanti fil-qafas tar-Regolament il-ġdid dwar l-evidenza elettronika 73 , meta jiġi adottat, u bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-aġenziji rilevanti tal-ĠAI. Għall-ġejjieni, il-komponenti tekniċi żviluppati għall-eEDES jistgħu jevolvu f’għodod li jistgħu jerġgħu jintużaw għad-diġitalizzazzjoni tal-atti legali transfruntiera ċivili, kummerċjali u kriminali tal-UE. F’dan ir-rigward, il-kamp ta’ applikazzjoni futur tal-eEDES se jiġi stabbilit fil-proposta leġiżlattiva dwar id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja.

Azzjoni proposta

Minn min?

Sa meta?

Jingħata appoġġ lill-Istati Membri billi l-għodod komuni għad-diġitalizzazzjoni tal-kooperazzjoni transfruntiera f’materji ċivili, kummerċjali u kriminali jiġu żviluppat u estiżi (abbażi tal-ħidma fuq l-eEDES)

Il-Kummissjoni

2024

3.6.    Ġustizzja kriminali diġitali

Il-modernizzazzjoni tal-għodod diġitali għall-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-iskambju ta’ informazzjoni f’investigazzjonijiet u proċedimenti kriminali madwar l-UE huma kruċjali fid-dawl tat-theddid għas-sigurtà li qed jevolvi u tar-ritmu tal-bidla teknoloġika. L-aġenziji u l-korpi tal-ĠAI bħall-UPPE, l-Eurojust u l-Europol jeħtieġ li jkunu fornuti kif xieraq biex iwettqu l-missjoni tagħhom, jikkooperaw bejniethom u mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, u jiżguraw koordinazzjoni dwar materji kriminali.

Il-miżuri segwenti ġew identifikati bħala l-aktar urġenti fil-qasam tal-liġi kriminali:

·Hemm kunsens wiesa’ 74 dwar il-ħtieġa li tiġi mmodernizzata s-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet (CMS) tal-Eurojust . Dan jeħtieġ li jkollu sostenn finanzjarju. Il-Kummissjoni se tfittex li tappoġġa lill-Eurojust f’din il-ħidma permezz tal-programm “Ewropa diġitali” 75 ;

·Konnessjonijiet ta’ “hit/no-hit” 76 bejn is-CMSs tal-Eurojust, l-Europol u l-UPPE se jiżguraw li jkunu konxji f’kull ħin ta’ kwalunkwe rabta bejn l-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjonijiet li jkunu qed jaħdmu fuqhom, f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom. Dawn l-interkonnessjonijiet, li se jippermettu lil dawn l-organizzazzjonijiet jaraw jekk hemmx “hit” bejn l-informazzjoni li jkollhom u l-informazzjoni minn aġenziji u korpi oħra tal-UE, diġà huma previsti fil-biċċa l-kbira tal-atti legali rispettivi li jistabbilixxu dawn l-organizzazzjonijiet – il-qofol huwa li issa jiġi żgurat li dawn l-interkonnessjonijiet jaħdmu kif maħsub mil-leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, bħalissa ma hemm l-ebda dispożizzjoni dwar rabtiet ta’ hit/no-hit bejn l-UPPE u l-Europol. Għalhekk jenħtieġ li l-qafas legali tal-Europol jiġi emendat skont dan. Il-Kummissjoni dan se tindirizzah bħala parti mill-proposta tagħha biex issaħħaħ il-mandat tal-Europol, li se jiġi ppreżentat f’Diċembru 2020.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni rigward reati terroristiċi 77  u r-reġistru tal-Eurojust kontra t-terroriżmu jeħtieġ jittejbu. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill hija waħda mill-ftit strumenti li jirrikjedu li l-Istati Membri jikkondividu informazzjoni dwar il-każijiet tagħhom tal-ġlieda kontra t-terroriżmu mal-Europol u l-Eurojust, u bħala tali hija s-sinsla tal-ħidma ta’ dawk l-aġenziji biex jgħinu lill-Istati Membri jiġġieldu t-terroriżmu. Sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji, l-atturi kollha jeħtieġ li jaqblu dwar liema informazzjoni għandha tingħata u f’liema stadju tal-proċedura. Fl-istess ħin, il-protezzjoni tad-data u s-sigurtà tad-data jridu jiġu ggarantiti f’konformità mad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi 78 , u r-reġistru tal-Eurojust kontra t-terroriżmu jrid jiġi integrat b’mod sigur fil-qafas legali u tekniku tagħha. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar skambji dwar każijiet ta’ terroriżmu diġitali transfruntiera, u tidentifika titjib ulterjuri possibbli fil-qafas tal-ipproċessar tad-data tal‑Eurojust.

Il-formazzjoni ta’ skwadra ta’ investigazzjoni konġunta (SIK) ġiet rikonoxxuta b’mod wiesa’ bħala wieħed mill-aktar passi effiċjenti fit-twettiq ta’ investigazzjoni transfruntiera. L-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunta jlaqqgħu flimkien investigaturi u prosekuturi mill-Istati Membri u pajjiżi mhux tal-UE, fejn meħtieġ appoġġati mill-Europol u mill-Eurojust. L-effiċjenza tagħhom tista’ tissaħħaħ aktar permezz ta’ ambjent speċifiku tal-IT imfassal speċifikament għall-ħtiġijiet tagħhom. Dan jagħmel il-kooperazzjoni aktar faċli u aktar rapida, u jippermetti li l-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunta jiġu stabbiliti u jaħdmu b’mod aktar effettiv, eż. permezz ta’ komunikazzjoni u ħażna ta’ dokumenti/evidenza u għodod ta’ skambju. Il-Kummissjoni biħsiebha tippreżenta proposta leġiżlattiva għal Regolament dwar pjattaforma ta’ kollaborazzjoni bejn l-SIK.

Jenħtieġ li l-iskambji diġitali transfruntiera jiġu adattati wkoll biex jiġi żgurat l-iskambju ta’ fajls kbar.

Jenħtieġ li l-ġuristi jkunu jistgħu jidentifikaw u jikkollegaw il-każijiet. Kemm l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi kif ukoll dawk ġudizzjarji jeħtieġ li jkunu jistgħu jsiru jafu jekk individwu partikolari huwiex diġà qed jiġi investigat jew imħarrek fi Stat Membru ieħor. Fir-rigward tal-iskambju ta’ fajls kbar (ara hawn fuq), alternattivi ċentralizzati u deċentralizzati għat-trattament ta’ din il-kwistjoni ġew issuġġeriti mill-istudju transfruntiera dwar il-ġustizzja kriminali diġitali, li jibni fuq soluzzjonijiet parzjali li diġà huma disponibbli. Kull azzjoni f’dan ir-rigward trid titwettaq f’konformità sħiħa mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali.

Azzjoni proposta

Minn min?

Sa meta?

Il-ħolqien ta’ sistema ġdida ta’ ġestjoni tal-każijiet għall-Eurojust fil-programm “Ewropa diġitali”

Il-Kummissjoni / Eurojust

Mill-ewwel trimestru tal-2021 ’il quddiem

Il-ħolqien ta’ taskforce teknika li tlaqqa’ flimkien il-Kummissjoni u l-atturi tal-ĠAI biex tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ “hit/no-hit” bejn l-aġenziji rilevanti

Il-Kummissjoni, Eurojust, Europol, UPPE, OLAF

L-ewwel trimestru tal-2021

L-inklużjoni ta’ dispożizzjoni dwar interkonnessjoni “hit/no-hit” bejn l-UPPE u l-Europol fil-qafas legali tal-Europol (għad trid tiġi kkonfermata)

Il-Kummissjoni

Ir-raba’ trimestru tal-2020

Proposta leġiżlattiva dwar skambji dwar każijiet ta’ terroriżmu transfruntiera diġitali (ara l-programm ta’ ħidma tal‑Kummissjoni għall-2021)

Il-Kummissjoni

Ir-raba’ trimestru tal-2021

Proposta leġiżlattiva għal Regolament dwar pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tas-SIK (ara l-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2021)

Il-Kummissjoni

Ir-raba’ trimestru tal-2021

Pjan dettaljat dwar il-kondiviżjoni ta’ fajls kbar u l-ħolqien ta’ mekkaniżmu transfruntier għall‑kontroll tal-kawżi ġudizzjarji

Il-Kummissjoni

2021

3.7.    L-ispazju tiegħi tal-Ġustizzja elettronika

F’għadd ta’ Stati Membri, l-individwi diġà għandhom aċċess elettroniku għal diversi servizzi li joffru l-ġudikatura u l-amministrazzjonijiet pubbliċi, eż. il-forniment ta’ kopji ċċertifikati (ta’ verifika ta’ rekord kriminali nadif għall-użu meta persuna tapplika għal impjieg, dikjarazzjoni tal-istat ċivili, ċertifikat tat-twelid jew testment).

Servizzi bħal dawn jiffrankaw il-ħin, jistgħu jiġu aċċessati minn kullimkien 79 u huma disponibbli anke f’sitwazzjonijiet diffiċli, bħall-pandemija tal-COVID-19. Madankollu, l-individwi u l-impriżi spiss ma jkunux kompletament konxji tal-eżistenza tagħhom. Barra minn hekk, minkejja l-obbligi li għandhom il-korpi tas-settur pubbliku li jagħmlu s-siti web u l-kontenut tagħhom aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà, ir-realtà hija li ħafna minnhom għadhom jiffaċċjaw ostakli biex jużawhom. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li jiġi stabbilit “L-ispazju tiegħi tal-Ġustizzja elettronika” bħala punt ta’ dħul b’links għas-servizzi nazzjonali disponibbli. Jenħtieġ li dan l-ispazju jkun parti mill-portal tal-Ġustizzja elettronika u ġestit f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri kollha. L-għodda tkun tapplika biss għal dokumenti ġudizzjarji li persuna, jew ir-rappreżentant legali tagħha, titħalla tikkonsulta u/jew tikseb. Ma għandhiex tipprovdi aċċess għad-dokumenti ġudizzjarji kollha li jikkonċernaw persuna, b’mod partikolari dawk fi proċedimenti kriminali fejn irid jinstab bilanċ bejn il-kunfidenzjalità tal-investigazzjoni, id-dritt tal-persuna suspettata/akkużata għall-informazzjoni u d-dritt tal-vittma għall-informazzjoni u l-protezzjoni, u fejn hemm dispożizzjonijiet speċifiċi skont il-liġi tal-UE 80 .

Bħala l-ewwel pass, tista’ tiġi ppubblikata ġabra komprensiva ta’ links fuq il-portal tal-Ġustizzja elettronika biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-servizzi elettroniċi nazzjonali disponibbli pprovduti mill-ġudikatura u l-amministrazzjonijiet pubbliċi rilevanti. Imbagħad jista’ jiġi kkunsidrat li l-għodda tiġi akkoppjata aktar mill-qrib mas-sistemi nazzjonali, sabiex l-individwi u l-impriżi jkunu jistgħu jagħmlu talbiet u jirċievu dokumenti direttament mill-portal tal-Ġustizzja elettronika. Dan jiggarantixxi esperjenza uniformi tal-utent fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, filwaqt li s-sistemi nazzjonali spiss ikunu limitati għal-lingwa/i nazzjonali. L-għan ma jkunx li jiġu sostitwiti s-sistemi nazzjonali eżistenti jew futuri.

Jenħtieġ li “l-ispazju tiegħi tal-Ġustizzja elettronika” jiffaċilita wkoll l-aċċess għall-ġustizzja fil-proċeduri transfruntiera tal‑UE, b’mod partikolari fir-rigward ta’ talbiet żgħar Ewropej 81 u ordnijiet ta’ pagament Ewropej 82 . F’dak il-kuntest, dan jipprovdi punt ta’ aċċess fil-livell tal-UE lill-individwi, lill-impriżi u lir-rappreżentanti legali tagħhom li minnu jkunu jistgħu jressqu t-talbiet b’mod elettroniku u jikkomunikaw bla xkiel mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Dan jista’ jgħin biex jiġu indirizzati l-ostakli prattiċi għall-faċilità tal-użu u l-ħeffa tal-applikazzjoni tal-istrumenti rilevanti; bħalissa, it-talbiet normalment jintbagħtu bil-posta, u dan iġib miegħu riskju u dewmien inerenti.

Azzjoni proposta

Minn min?

Sa meta?

Tinħoloq fuq il-portal tal-Ġustizzja elettronika ġabra ta’ links għal servizzi elettroniċi nazzjonali pprovduti mill-ġudikatura u mill-amministrazzjonijiet pubbliċi

Il-Kummissjoni / l-Istati Membri

2023

Jiġi pprovdut punt ta’ aċċess fil-livell tal-UE biex l-individwi u l-impriżi jkunu jistgħu jippreżentaw talbiet żgħar u ordnijiet ta’ ħlas Ewropej, u jikkomunikaw b’mod elettroniku mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti

Il-Kummissjoni / l-Istati Membri

2024

3.8.    Għodod ta’ kooperazzjoni, koordinazzjoni u monitoraġġ

L-istat tad-diġitalizzazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji diġà huwa rifless regolarment f’diversi oqfsa ta’ monitoraġġ, bħat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE, ir-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt u s-Semestru Ewropew. Peress li għadd ta’ għodod tal-IT se jiġu żviluppati aktar, se jkun importanti li tiġi żgurata wkoll koerenza fost id-diversi strumenti, u li tiġi promossa kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri tal-UE u l-aġenziji tal-ĠAI tal-UE, u aktar koordinazzjoni fost l-Istati Membri. Għalhekk, il-Kummissjoni se tkompli ssegwi l-iżviluppi tad-diġitalizzazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji u ssaħħaħ il-kooperazzjoni permezz ta’ inizjattivi ġodda u tiżgura rendikont regolari.

It-tabella ta’ valutazzjoni tal-ġustizzja tal-UE

It-tabella ta’ valutazzjoni tal-ġustizzja tal-UE diġà tipprovdi data komparattiva dwar diversi aspetti tad-diġitalizzazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali, bħad-disponibbiltà u l-użu tal-ICT. Mill-2021 ’il quddiem, il-Kummissjoni għandha l-għan li tinkludi aktar data dwar id-diġitalizzazzjoni fl-Istati Membri. Dan għandu jippermetti monitoraġġ aktar fil-fond tal‑oqsma u l-isfidi tal-progress.

Kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar inizjattivi nazzjonali ta’ diġitalizzazzjoni

Il-Kummissjoni se tagħmel proposti lill-Istati Membri dwar it-twaqqif ta’ taqsima ddedikata fil-portal tal-Ġustizzja elettronika dwar inizjattivi nazzjonali dwar id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja. Din se tipprovdi dehra ġenerali komprensiva tal-proġetti, u b’hekk tinċentiva l-konverġenza bejn il-pajjiżi.

Forum Ministerjali dwar il-Ġustizzja Diġitali u rendikont regolari

It-tranżizzjoni diġitali għadha għaddejja u tinvolvi ħidma mas-sħab kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE. Approċċ koordinat għall-appoġġ tad-diġitalizzazzjoni u ħidma kontinwa mas-sħab kollha huma kruċjali u hemm bżonn ta’ impetu politiku b’saħħtu.

Biex jinżamm il-momentum, fl-2021 il-Kummissjoni se torganizza “Forum Ministerjali dwar il-Ġustizzja Diġitali” online, b’parteċipazzjoni ta’ livell għoli mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-partijiet ikkonċernati ewlenin. Fuq medda itwal ta’ żmien, se tikkunsidra aktar forom ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni dwar id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja, peress li jeħtieġ li s-soluzzjonijiet jaħdmu fil-prattika għal kull min hu kkonċernat. Kwistjonijiet nazzjonali u tal-UE li jeħtieġu koordinazzjoni jinkludu żviluppi kontinwi, attivitajiet ippjanati, opportunitajiet ta’ finanzjament fil-livell nazzjonali u tal‑UE, u previżjonijiet ta’ teknoloġiji futuri. Skambji regolari se jrawmu l-fehim u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattika, u jagħmluha possibbli li jsir monitoraġġ tal-azzjoni li tittieħed, inkluż dik proposta f’din il-Komunikazzjoni.

Azzjonijiet proposti

Minn min?

Sa meta?

Jissaħħaħ il-monitoraġġ tal-progress fid-diġitalizzazzjoni fil-livell nazzjonali permezz tat-tabella ta’ valutazzjoni tal-ġustizzja tal-UE

Il-Kummissjoni

2021 u wara

Tinġabar informazzjoni fil-portal tal-Ġustizzja elettronika dwar inizjattivi nazzjonali rigward id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja

Il-Kummissjoni / l-Istati Membri

L-ewwel trimestru tal-2021 u wara

Organizzazzjoni ta’ Forum Ministerjali dwar il-Ġustizzja Diġitali

Il-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-partijiet ikkonċernati

2021

Rendikont regolari tal-progress fid-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja

Il-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-partijiet ikkonċernati

2021 ’il quddiem

3.9.    Id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja — lesta għall-futur

It-teknoloġija diġitali qed tevolvi kontinwament. Approċċi u soluzzjonijiet ġodda għall-ġestjoni, l-iżgurar u l-iskambju ta’ informazzjoni jitfaċċaw kontinwament. Dawn l-iżviluppi għandhom impatt ukoll fuq id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja. Mingħajr stampa ċara u aġġornata tad-direzzjoni li sejrin fiha, hemm ir-riskju li l-investimenti fis-sistemi tal-ġustizzja diġitali ma jkunux effikaċi u ma jiksbux l-aħjar rapport bejn valur u prezz. Barra minn hekk, l-emerġenza ta’ teknoloġija ġdida ġġib magħha l-bżonn ta’ valutazzjoni kontinwa tal-impatt tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data, kif juru l-iżviluppi fl-intelliġenza artifiċjali.

Kull min jaħdem fuq id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja jeħtieġ li jibqa’ aġġornat dwar l-iżviluppi. Jenħtieġ li l-atturi kollha jkollhom aċċess għal informazzjoni aġġornata regolarment sabiex ikunu jistgħu jivvalutawha mill-aspett legali, tekniku u baġitarju qabel ma jieħdu xi deċiżjoni dwar l-investimenti u s-salvagwardji. Barra minn hekk, il-kapaċità sinifikanti ta’ riċerka kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll f’dak tal-UE tista’ tintuża biex jiġu investigati aspetti tat-teknoloġija li huma importanti għas-soċjetà inġenerali, iżda peress li jiġġeneraw interess kummerċjali aktar baxx, għadhom sottożviluppati.

L-attivitajiet kontinwi ta’ riċerka u prospettiva mwettqa minn diversi entitajiet, pereżempju ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, jistgħu jkunu ffukati aħjar, u l-attivitajiet jistgħu jkunu kkoordinati aħjar, biex jiġi żgurat li l-aspetti kollha tad-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja jirċievu l-attenzjoni li jistħoqqilhom. Jenħtieġ li tiġi segwita l-possibbiltà ta’ sinerġiji mal-ħidma dwar l-innovazzjoni u l-prospettiva fil-kuntest ta’ hub tal-innovazzjoni tal-UE għas-sigurtà interna li qed jiġi stabbilit bħalissa.

Barra minn hekk, bħal f’ħafna politiki oħra, il-kooperazzjoni hija meħtieġa mhux biss fil-livell Ewropew, iżda wkoll mas-sħab tagħna internazzjonalment sabiex isir l-aħjar użu tad-diġitalizzazzjoni għal ġustizzja aktar sigura u effiċjenti. Il-kriminali jisfruttaw ukoll il-vantaġġi tad-diġitalizzazzjoni, kemm billi jwettqu reati online kif ukoll billi jużaw għodod diġitali biex iwettqu attivitajiet kriminali. Malajr ħatfu opportunitajiet ġodda li ħolqot il-kriżi tal-COVID-19. Għalhekk huwa ta’ importanza assoluta li l-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi fil-livell Ewropew u fil-qafas tal-kooperazzjoni internazzjonali jkunu fornuti bl-għodod xierqa biex jaċċessaw l-evidenza elettronika rilevanti meħtieġa għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ tali reati b’mod effettiv. Il-pakkett dwar l-evidenza elettronika 83 se jipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji b’Ordnijiet ta’ Produzzjoni Ewropej u Ordnijiet ta’ Preservazzjoni Ewropej biex jiksbu evidenza diġitali mill-fornituri tas-servizzi għal investigazzjonijiet kriminali, irrispettivament mill-post tal-istabbiliment tal-fornitur jew il-ħażna tal-informazzjoni. Huwa importanti li l-koleġiżlaturi jmexxu ’l quddiem il-proposti tal-Kummissjoni malajr. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġu konklużi n-negozjati li jinsabu għaddejjin mas-sħab internazzjonali tagħna, kemm mal-Istati Uniti kif ukoll fil-qafas tan-negozjati dwar it-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni ta’ Budapest tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità.

Azzjoni proposta

Minn min?

Sa meta?

Flimkien maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, jiġi żviluppat programm ta’ monitoraġġ, analiżi u prospettiva dwar it-teknoloġija diġitali rilevanti għall-ġustizzja

Il-Kummissjoni / l-Istati Membri

It-tieni trimestru tal-2021

Jinħoloq mekkaniżmu fuq il-portal tal-Ġustizzja elettronika għar-rappurtar, l-analiżi, il-feedback u l-iskambju regolari tal-aħjar prattiki dwar l-IT rilevanti għall‑ġustizzja

Il-Kummissjoni / l-Istati Membri

It-tieni trimestru tal-2021

4. Konklużjonijiet

Filwaqt li l-isforzi fl-UE diġà taw riżultati, id-data turi li hemm bżonn ta’ bidla gradwali biex jiġi sfruttat il-potenzjal kollu tal-għodod diġitali moderni, b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali.

Il-kriżi tal-COVID-19 kixfet l-isfidi u r-riskji fir-rigward tal-funzjonament effettiv tas-sistemi ġudizzjarji f’ċirkostanzi eċċezzjonali u enfasizzat il-bżonn li r-reżiljenza tas-sistema ġudizzjarja madwar l-UE tissaħħaħ. Min-naħa l-oħra, dan attiva wkoll ċaqliq sinifikanti favur l-adozzjoni ta’ teknoloġiji diġitali fis-soċjetajiet tagħna. Abbażi ta’ dan iċ-ċaqliq, huwa importanti li jingħata impetu ġdid għall-ħolqien ta’ approċċ ġenerali dwar id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja fl-UE, u jinħatfu l-opportunitajiet kollha possibbli filwaqt li jiġu garantiti salvagwardji xierqa.

(1)

     L-Artikolu 67 TFUE.

(2)

     Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391–407).

(3)

Ara r-rapport tal-2020 dwar l-istat tad-dritt — is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea (COM(2020) 580 final).

(4)

     Sabiex tibni ħarsa panoramika tal-isfidi li kienu qed jiffaċċaw is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali matul il-kriżi tal-COVID-19, il-Kummissjoni ġabret informazzjoni dwar l-impatt tagħha u l-miżuri ta’ rispons nazzjonali.    
https://e-justice.europa.eu/content_impact_of_the_covid19_virus_on_the_justice_field-37147-mt.do

Fil-kuntest tal-mandat ta’ arrest Ewropew, pereżempju, filwaqt li l-ebda Stat Membru ma ssospenda b’mod ġenerali l-estradizzjonijiet, f’xi każijiet kien sar impossibbli li l-persuna rikjesta tiġi ttrasferita lejn l-istat emittenti, l-aktar minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-kanċellazzjonijiet ta’ titjiriet. Il-fattibbiltà ta’ kull trasferiment ġiet ivvalutata każ b’każ. It-trasferimenti bl-art (eż. bejn stati ġirien) ġeneralment komplew isiru sakemm ma ngħalqux il-fruntieri.

(5)

      https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/political-guidelines-next-commission_mt.pdf

(6)

      https://ec.europa.eu/info/strategy/priorities-2019-2024/new-push-european-democracy/strategic-foresight/2020-strategic-foresight-report_mt  

(7)

     Pjan direzzjonali għall-irkupru - lejn Ewropa aktar reżiljenti, sostenibbli u ġusta, approvat fit-23 ta’ April 2020.

(8)

     Ir-riżoluzzjoni tas-17 ta’ April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha.

(9)

     COM/2020/605 final

(10)

     ĠU C 342I, 14.10.2020, p. 1

(11)

   Bħad-drittijiet għall-protezzjoni tad-data personali, għal proċess ġust u għal rimedju ġust, inkluż għal dawk li ma għandhomx aċċess għal għodod diġitali jew li ma għandhomx il-ħiliet meħtieġa biex jużawhom, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni tal-anzjani u tal-persuni żvantaġġati.

(12)

     Kif indikat fl-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità li l-UE u l-Istati Membri kollha huma parti fiha.

(13)

      https://ec.europa.eu/info/policies/justice-and-fundamental-rights/upholding-rule-law/eu-justice-scoreboard_en  

(14)

     Studju dwar l-użu tat-teknoloġiji fil-qasam tal-ġustizzja;    
https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/4fb8e194-f634-11ea-991b-01aa75ed71a1/language-en

(15)

     Il-ġustizzja kriminali diġitali transfruntiera;    
https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/e38795b5-f633-11ea-991b-01aa75ed71a1/language-en  

(16)

SWD(2020) 540

(17)

     Bħad-diġitalizzazzjoni tar-reġistri kummerċjali tal-Istati Membri, interkonnessi permezz tas-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali - ara t-Taqsima 3.4 ta’ din il-Komunikazzjoni.

(18)

     Komunikazzjoni dwar il-Ġustizzja Elettronika permezz ta’ Skambju ta’ Data Online;

(19)

     Bħala parti mill-istudju dwar il-ġustizzja kriminali diġitali (ara n-nota 29 f’qiegħ il-paġna), fost l-oħrajn, l-aġenziji u l-korpi tal-ĠAI segwenti taw kontribut: L-Eurojust, l-Europol u l-UPPE.

(20)

     L-użu tad-data li qed issir dejjem aktar disponibbli, skont l-istrateġija Ewropea għad-data deskritta fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Strateġija Ewropea għad-data (COM(2020) 66 final).

(21)

     It-taħriġ għall-professjonisti tal-ġustizzja dwar l-għodod u t-teknoloġiji diġitali huwa indirizzat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, L-iżgurar tal-ġustizzja fl-UE — Strateġija Ewropea għat-taħriġ ġudizzjarju għall-2021-2024 (COM(2020) 713).

(22)

     Il-Kummissjoni se tħaddem skrutinju biex tiżgura li l-istess investimenti ma jiġux iffinanzjati darbtejn. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għandha l-għan li tiffinanzja investimenti addizzjonali u mhux li teskludi investimenti li jistgħu jinkisbu permezz ta’ mekkaniżmi oħra.

(23)

      https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/3_en_document_travail_service_part1_v3_en_0.pdf

(24)

     Il-Kroazja mill-2016, Ċipru mill-2017, il-Belġju mill-2018 u l-Greċja fl-2020.

(25)

     B’mod partikolari, skont l-Objettiv ta’ Politika “Ewropa aktar intelliġenti” permezz tal-promozzjoni ta’ trasformazzjoni ekonomika innovattiva u intelliġenti, l-Objettiv Speċifiku “Naħsdu l-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni għaċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-gvernijiet”. Jenħtieġ li l-investimenti jkunu konsistenti mal-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti nazzjonali jew reġjonali u jikkontribwixxu għal trasformazzjoni ekonomika intelliġenti.

(26)

     Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (COM/2020/409 final).

(27)

     Il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjonijiet tagħha li tevalwa l-qafas Ewropew għall-interoperabbiltà (QEI) sabiex tivvaluta l-appoġġ li tagħti lill-gvernijiet biex jistabbilixxu servizzi pubbliċi diġitali interoperabbli (jiġifieri servizzi li huma kompletament disponibbli online u li jistgħu jintużaw mill-impriżi u ċ-ċittadini f’kull pajjiż tal-UE). L-inizjattiva se tipproponi wkoll strateġija ġdida ta’ interoperabbiltà għall-gvernijiet tal-UE. https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12579-Interoperable-digital-public-services-European-Interoperability-Framework-evaluation-strategy

(28)

     Bħalissa, ftit Stati Membri biss qed jieħdu sehem fi proġett pilota għall-iskambju diġitali tal-ordnijiet ta’ pagament Ewropej.

(29)

     Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż.

(30)

     Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) (COM/2018/379 final).

(31)

     Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (COM/2018/378 final).

(32)

     SWD/2018/285 final.

(33)

   Ir-Regolamenti ġew adottati fl-aħħar ta’ Novembru 2020.

(34)

     Id-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar oqfsa ta' ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar l-insolvenza). (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 18).

(35)

      https://ec.europa.eu/info/publications/2021-commission-work-programme-key-documents_mt

(36)

     Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE, (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

(37)

     L-Identità Diġitali hija faċilitatur essenzjali tas-Suq Uniku u mutur ewlieni tat-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika. Abbażi tal-mandat politiku li rċeviet mingħand il-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni tar-Regolament eIDAS sabiex l-Ewropej ikunu jistgħu jibbenefikaw minn Identità Diġitali Ewropea aċċettata universalment, li tista’ tintuża fil-proċedimenti online kollha, pubbliċi jew privati, li jirrikjedu l-użu ta’ identifikazzjoni u awtentikazzjoni elettronika online. Dawn l-iżviluppi huma wkoll rilevanti u importanti għall-qasam tal-ġustizzja u jenħtieġ li jitqiesu.

(38)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE).

(39)

     F’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70-115) .

(40)

     Study on the use of innovative technologies in the justice field;    
https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/4fb8e194-f634-11ea-991b-01aa75ed71a1/language-en

(41)

     Dawn il-kwistjonijiet huma ppreżentati fil-Karta Etika Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-użu tal-IA fis-sistemi ġudizzjarji. Il-Karta tinkludi wkoll gwida dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-isfidi u kif għandhom jintużaw it-teknoloġiji tal-IA b’mod li jirrispetta d-drittijiet tal-partijiet kollha kkonċernati. https://www.coe.int/en/web/cepej/cepej-european-ethical-charter-on-the-use-of-artificial-intelligence-ai-in-judicial-systems-and-their-environment

(42)

     Il-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali - Approċċ Ewropew għall-eċċellenza u għall-fiduċja 19.02.2020, COM(2020) 65 final.

(43)

     Kif spjegat aktar fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni u Study on the use of innovative technologies in the justice field; (l-Istudju dwar l-użu ta’ teknoloġiji innovattivi fil-qasam tal-ġustizzja)    
https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/4fb8e194-f634-11ea-991b-01aa75ed71a1/language-en

(44)

     Awtomatizzazzjoni ta’ proċessi bħall-organizzazzjoni, l-ippjanar u l-ġestjoni tal-faċilitajiet, il-prijoritizzazzjoni, il-kategorizzazzjoni u l-allokazzjoni ta’ dokumenti u kompiti mir-robots.

(45)

     Fil-kuntest tad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1024 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 56) .

(46)

     COM/2020/66 final

(47)

      https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12270-White-Paper-on-Artificial-Intelligence-a-European-Approach/public-consultation

(48)

     Il-kwalità tad-data tat-taħriġ tfisser li d-data jenħtieġ li tkun rilevanti, preċiża u rappreżentattiva fir-rigward tal-għan u l-kuntest tal-applikazzjoni maħsuba.

(49)

     COM(2020) 713

(50)

      https://eur-lex.europa.eu/

(51)

      https://e-justice.europa.eu/

(52)

     Filwaqt li l-Gvern elettroniku jittratta l-proċess ġenerali tat-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, hemm bżonn li ssir enfasi settorjali. Il-fokus tal-ġustizzja elettronika huwa fuq id-diġitalizzazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji, l-interazzjonijiet bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u awtoritajiet kompetenti oħra, u dawk is-servizzi pubbliċi ta’ rilevanza għall-proċedimenti ġudizzjarji. Aktar informazzjoni dwar il-ħidma tal-Kummissjoni dwar il-Gvern elettroniku tinstab hawnhekk: https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/egovernment_mt

    https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/egovernment-action-plan

(53)

     B’segwitu għall-implimentazzjoni ta’ diversi strateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni suċċessivi tal-ġustizzja elettronika (attwalment l-istrateġija 2019-2023 dwar il-ġustizzja elettronika (il-Kunsill, 2019/C 96/04) u l-pjan ta’ azzjoni 2019-2023 dwar il-ġustizzja-elettronika Ewropea (2019/C 96/05)).

(54)

     Stabbilita bid-Direttiva 2012/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-13 ta’ Ġunju 2012 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill89/666/KEE u d-Direttivi 2005/56/KE u 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpanniji (ĠU L 156, 16.6.2012, p. 1), issa kkodifikata bid-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46 ).

(55)

     Abbażi tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI (ĠU L 93, 7.4.2009, p. 23) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI (ĠU L 93, 7.4.2009, p. 33 ).

(56)

     It-tieni rapport ta’ implimentazzjoni dwar l-ECRIS se jiġi adottat dalwaqt.

(57)

     Ir-Regolament (KE) 2019/816 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jistabbilixxi sistema ċentralizzata għall-identifikazzjoni ta’ Stati Membri fil-pussess ta’ informazzjoni dwar kundanni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi (ECRIS-TCN) biex tissupplimenta s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 1)

(58)

     Is-sistema ECRIS-TCN issa qed tiġi żviluppata minn eu-LISA.

(59)

     Ir-Regolament (UE) Nru 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta' insolvenza (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 19–72).

(60)

     Id-Direttiva (UE) 2019/1151 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 fir-rigward tal-użu ta’ għodod u proċessi diġitali fil-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 80–104) .

(61)

     Id-Direttiva (UE) 2019/2121 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 fir-rigward ta’ konverżjonijiet, mergers u diviżjonijiet transkonfinali (ĠU L 321, 12.12.2019, p. 1–44) .

(62)

     Id-Direttiva (UE) 2019/1151 tippermetti u ssaħħaħ l-użu ta’ għodod u proċessi diġitali fis-Suq Uniku. Din id-Direttiva tagħmilha possibbli li tiġi ffurmata kumpanija u li tiġi rreġistrata fergħa kompletament online, u li jiġu ppreżentati, kompletament online, id-dokumenti tal-kumpanija meħtieġa mir-reġistri kummerċjali. Id-Direttiva tipprovdi lis-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali (BRIS) b’funzjonalitajiet ġodda, inklużi skambji ġodda ta’ informazzjoni bejn ir-reġistri kummerċjali tal-UE (i) dwar diretturi skwalifikati (ii) fergħat transfruntiera u dwar bidliet fl-informazzjoni dwar il-kumpaniji (iii) settijiet ġodda ta’ data tal-kumpaniji disponibbli mingħajr ħlas permezz tal-interfaċċa tat-tiftix fuq il-Portal tal-Ġustizzja elettronika. Id-Direttiva (UE) 2019/2121 tkompli ssaħħaħ il-BRIS bi skambju ġdid ta’ informazzjoni bejn ir-reġistri kummerċjali tal-UE u informazzjoni pubblika ġdida dwar il-konverżjonijiet, il-fużjonijiet u d-diviżjonijiet transfruntiera.

(63)

     Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE, ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73-117.

(64)

     Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-identifikatur Ewropew tal-każistika (ECLI) u sett minimu ta’ metadata uniformi għall-każistika (ĠU C 360, 24.10.2019, p. 1) .

(65)

     Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1–38).

(66)

     Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar il-Ġustizzja elettronika 2019-2023 (ĠU C 96, 13.3.2019, p. 9).

(67)

     e-CODEX ġie żviluppat u miżmum bl-appoġġ finanzjarju tal-UE.

(68)

     e-EDES (għall-iskambju ta’ ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropej u talbiet għal assistenza legali reċiproka fi proċedimenti kriminali); l-iskambju diġitali volontarju ta’ talbiet skont l-ordni ta’ ħlas Ewropea u l-proċedura għal talbiet żgħar; iSupport (ġestjoni elettronika tal-każijiet u sistema ta’ komunikazzjoni sigura għall-irkupru transfruntiera tal-obbligi ta’ manteniment).

(69)

     L-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, Jersey, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, in-Netherlands, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, Spanja, it-Turkija, ir-Renju Unit; Il-Kunsill tal-Avukati u s-Soċjetajiet Legali tal-Ewropa u l-Kunsill tan-Nutara tal-Unjoni Ewropea.

(70)

     Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sistema kompjuterizzata għall-komunikazzjoni ta’ proċedimenti ċivili u kriminali transfruntiera (is-sistema e-CODEX), u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726 (COM(2020) 712) .

(71)

     Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99–137).

(72)

     Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-titjib tal-ġustizzja kriminali fiċ-ċiberspazju tad-9 ta’ Ġunju 2016    
https://www.consilium.europa.eu/media/24300/cyberspace-en.pdf

(73)

 Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet ir-Regolament dwar l-Evidenza Elettronika f’April 2018 (COM (2018) 225 final 2018/0108 (COD)). Il-Kunsill qabel fuq Approċċ Ġenerali dwar ir-Regolament fil-Kunsill ĠAI fis-7 ta’ Diċembru 2018. Il-proposta għal Regolament hija inkluża fil-lista ta’ proposti pendenti prijoritarji tal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2021.

(74)

     Wara diskussjonijiet dwar il-kunċett ta’ “ġustizzja kriminali diġitali” fil-Kunsill ĠAI f’Diċembru 2018, il-Kummissjoni bdiet taħdem fuq studju, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Eurojust. Ir-rapport sussegwenti tiegħu (14 ta’ Settembru 2020) jippreżenta sett komprensiv ta’ sfidi li jaffettwaw b’mod partikolari s-sistemi tal-ġustizzja kriminali. F’konformità mal-konklużjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi l-azzjonijiet konkreti deskritti hawn taħt.

(75)

     COM/2018/434 final.

(76)

     “Hit/no-hit” hija approċċ ta’ data minima li tiddivulga għarfien limitat u data personali. Dan jippermetti lill-parti rikjedenti tivverifika jekk teżistix informazzjoni pertinenti dwar persuna fiżika, entità oħra jew każ f’sistema/i tal-IT ta’ kontroparti, mingħajr il-ħtieġa li din tal-aħħar tiżvela dettalji lil hinn minn “iva, jeżisti tqabbil tad-data” jew “le, ma hemm l-ebda konkordanza fir-rekords tagħna”.

(77)

     Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI tal-20 ta' Settembru 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni fir-rigward ta' reati terroristiċi (ĠU L 253, 29.9.2005, p. 22).

(78)

     Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(79)

     Soġġett għal livell xieraq ta’ sigurtà, eż. l-użu ta’ identifikazzjoni u awtorizzazzjoni elettronika.

(80)

     Id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali, (ĠU L 142, 1.6.2020, p. 1); Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal- kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57).

(81)

     Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 1).

(82)

     Ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU L 399, 30.12.2006, p. 1).

(83)

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordnijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Preżervazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika f’materji kriminali COM/2018/225 final - 2018/0108 (COD); Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-ħatra ta’ rappreżentanti legali għall-finijiet tal-ġbir tal-evidenza fi proċeduri kriminali COM/2018/226 final - 2018/0107 (COD)

Top