Επιλέξτε τις πειραματικές λειτουργίες που θέλετε να δοκιμάσετε

Το έγγραφο αυτό έχει ληφθεί από τον ιστότοπο EUR-Lex

Έγγραφο 52020DC0556

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI Is-Slovakkja Rapport imħejji skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    COM/2020/556 final

    Brussell, 20.5.2020

    COM(2020) 556 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

    Is-Slovakkja

    Rapport imħejji skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea


    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

    Is-Slovakkja

    Rapport imħejji skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    1.    Introduzzjoni

    Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-klawżola, kif stipulata fl-Artikoli 5 (1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 u l-Artikoli 3 (5) u 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku. Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għarrfet lill-Kunsill bil-fehma tagħha li, minħabba t-tnaqqis qawwi mistenni fir-ritmu ekonomiku, li jirriżulta mit-tifqigħa tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet attwali jippermettu l-attivazzjoni tal-klawżola. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti tluq temporanju mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fi żmien medju, sakemm dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju. Għall-parti korrettiva, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi wkoll, b’rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta trajettorja fiskali riveduta. Il-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Dan jippermetti li l-Istati Membri jiddevjaw mir-rekwiżiti baġitarji li normalment japplikaw filwaqt li jippermetti lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iwettqu l-miżuri ta’ koordinazzjoni tal-politika meħtieġa fil-qafas tal-Patt.

    Id-data nnotifikata mill-awtoritajiet Slovakki fl-14 ta’ April 2020 u sussegwentement ivvalidata mill-Eurostat 1 turi li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika fis-Slovakkja laħaq iż-0,3 % tal-PDG fl-2019, filwaqt li d-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika kien ta’ 48 % tal-PDG. Skont l-ittra mibgħuta mill-awtoritajiet Slovakki lill-Kummissjoni fil-11 ta’ Mejju, is-Slovakkja tippjana defiċit ta’ 8,4 % 2 tal-PDG fl-2020, filwaqt li d-dejn huwa ppjanat għal 61,2 % tal-PDG.

    Id-defiċit ippjanat għall-2020 jipprovdi evidenza prima facie tal-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv kif definit mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

    F’dan l-isfond, il-Kummissjoni għalhekk ħejjiet dan ir-rapport, li janalizza l-konformità tas-Slovakkja mal-kriterji ta’ defiċit tat-Trattat. Il-kriterju tad-dejn jista’ jitqies li ġie sodisfatt billi l-proporzjon tad-dejn huwa inqas fl-2019, il-valur ta’ referenza tat-Trattat ta’ 60 % tal-PDG. Dan jieħu kont tal-fatturi rilevanti kollha u jqis kif xieraq ix-xokk ekonomiku kbir marbut mal-pandemija tal-COVID-19.

    Tabella 1. Defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika (% tal-PDG)

    2016

    2017

    2018

    2019

    2020

    COM

    2021

    COM

    Kriterju tad-defiċit

    Bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika

    -2,5

    -1,0

    -1,0

    -1,3

    -8,5

    -4,2

    Kriterju tad-dejn

    Dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika

    52,0

    51,3

    49,4

    48,0

    59,5

    59,9

    Sors: Il-Eurostat, it-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni

    2.Kriterju tad-defiċit

    Fuq il-bażi tal-ittra mibgħuta mill-awtoritajiet Slovakki lill-Kummissjoni fil-11 ta’ Mejju, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika huwa mistenni li jilħaq it-8,4 % tal-PDG, ’il fuq u mhux qrib il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG. Iż-żieda fid-defiċit tirrifletti l-istimolu ppjanat ta’ 2,5 % tal-PDG u l-effetti tat-tnaqqis ekonomiku.

    L-eċċess ippjanat fuq il-valur referenzjarju tat-Trattat fl-2020 huwa eċċezzjonali, minħabba li jirriżulta minn tnaqqis ekonomiku qawwi. B’kont meħud tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, it-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni jipprevedi kontrazzjoni tal-PDG reali fl-2020 b’6,7 %.

    L-eċċess ippjanat fuq il-valur referenzjarju tat-Trattat mhuwiex temporanju fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, li jipprojetta li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika jkun iżjed mit-3 % tal-PDG fl-2021.

    Kollox ma’ kollox, id-defiċit ippjanat għall-2020 huwa 'l fuq u mhux qrib il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG stabbilit fit-Trattat. L-eċċess ippjanat huwa meqjus bħala eċċezzjonali iżda mhux temporanju kif definit fit-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Għalhekk, l-analiżi tissuġġerixxi li l-kriterju tad-defiċit prima facie għall-iskop tat-Trattat u tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 ma jintlaħaqx.

    3.    Fatturi rilevanti

    L-Artikolu 126(3) tat-Trattat jistipula li, jekk Stat Membru ma jissodisfax il-ħtiġijiet ta’ wieħed minn dawn il-kriterji jew tat-tnejn li huma, il-Kummissjoni jkollha tħejji rapport. Dan ir-rapport irid ukoll “iqis jekk id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika jkunx jeċċedi n-nefqa tal-amministrazzjoni pubblika f'investiment u jqis il-fatturi kollha relevanti, inkluża l-pożizzjoni ekonomika u tal-estimi għall-futur medju tal-Istat Membru”.

    Dawn il-fatturi huma ċċarati aktar fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, li jistipula wkoll li “kwalunkwe fattur ieħor li, fl-opinjoni tal-Istat Membru kkonċernat huwa rilevanti sabiex tkun ivvalutata b’mod komprensiv il-konformità mal-kriterji tad-defiċit u d-dejn u li l-Istat Membru ressaq quddiem il-Kunsill u l-Kummissjoni” jeħtieġ li jingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta.

    Fis-sitwazzjoni attwali, fattur addizzjonali ewlieni li għandu jitqies fir-rigward tal-2020 huwa l-impatt ekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19, li għandha impatt sostanzjali ħafna fuq is-sitwazzjoni baġitarja u tirriżulta f’perspettiva inċerta ħafna. Il-pandemija wasslet ukoll għall-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali.

    3.1.        Il-pandemija tal-COVID-19

    Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal xokk ekonomiku kbir li qed ikollu impatt negattiv sinifikanti fl-Unjoni Ewropea kollha. Il-konsegwenzi għat-tkabbir tal-PDG se jiddependu fuq kemm se ddum il-pandemija kif ukoll il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali u fuq livell Ewropew u dinji biex titnaqqas il-firxa tagħha, jiġu protetti l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u tiġi appoġġata d-domanda aggregata. L-Istati Membri diġà adottaw, jew qed jadottaw, miżuri baġitarji biex iżidu l-kapaċità tas-sistemi tas-saħħa u jipprovdu l-għajnuna lill-individwi u lis-setturi partikolarment milquta. Ġew adottati wkoll miżuri ta’ appoġġ ta’ likwidità sinifikanti u garanziji oħra. Soġġett għal informazzjoni aktar dettaljata, l-awtoritajiet kompetenti tal-istatistika għandhom jeżaminaw jekk dawn il-miżuri jinvolvux impatt immedjat fuq il-bilanċ ġenerali tal-amministrazzjoni pubblika jew le. Flimkien mat-tnaqqis fl-attività ekonomika, dawn il-miżuri se jikkontribwixxu għal pożizzjonijiet ta’ defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika sostanzjalment ogħla.

    3.2    Pożizzjoni ekonomika fiż-żmien medju

    It-tkabbir ekonomiku laħaq it-2,3 % fl-2019, l-iktar minħabba l-prestazzjoni b’saħħitha tad-domanda domestika fis-Slovakkja. Madankollu, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, it-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni jipprevedi li l-PDG jonqos b’6,7 % fl-2020, li jirrifletti t-tfixkil fl-attività ekonomika kkawżata mill-miżuri ta’ lockdown u tnaqqis bla preċedent fid-domanda esterna. Il-konsum privat huwa previst li jintlaqat ħażin minħabba żieda fil-qgħad, tnaqqis qawwi fit-tkabbir tal-pagi u fiduċja tal-konsumatur dgħajfa. L-investiment huwa wkoll mistenni li jaqa’ ħafna fl-2020 billi qed tiżdied l-inċertezza u l-aspettattivi ta’ domanda aktar baxxa x’aktarx li jkollhom impatt fuq il-pjanijiet ta’ investiment tal-kumpaniji. Il-produzzjoni hija mistennija li taqa’ ħafna fl-ewwel nofs tal-2020 u mbagħad tirkupra gradwalment mit-tielet trimestru ’l quddiem. Dan huwa fattur mitiganti fil-valutazzjoni tal-konformità tas-Slovakkja mal-kriterju tad-defiċit fl-2020. Barra minn hekk, il-perspettiva ekonomika fiż-żmien medju hija mmarkata b’livell eċċezzjonali ta’ inċertezza dwar it-tul tal-pandemija u l-impatt ekonomiku tagħha.

    3.3        Pożizzjoni baġitarja fiż-żmien medju

    Fit-13 ta’ Lulju 2018, is-Slovakkja ġiet irrakkomandata tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa primarja netta tal-amministrazzjoni pubblika ma taqbiżx l-4,6 % fl-2019 (“il-parametru referenzjarju tan-nefqa”), li jikkorrispondi għal aġġustament strutturali ta’ 0,3 % tal-PDG 3 . Il-valutazzjoni kumplessiva turi devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament irrakkomandat lejn l-objettiv baġitarju fi żmien medju fl-2019. Valutazzjoni simili tinkiseb billi wieħed iħares lejn l-2018-2019 meħuda flimkien.

    Matul l-2019, is-Slovakkja adottat diversi miżuri li komplew jheddu l-pożizzjoni fiskali (b’mod partikolari fil-pensjonijiet).

    L-ittra mibgħuta mill-awtoritajiet Slovakki lill-Kummissjoni fil-11 ta’ Mejju tipprovdi informazzjoni dwar infiq ġdid sostanzjali biex titrażżan il-pandemija u biex tiġi appoġġata l-ekonomija. Dawn il-miżuri fiskali, adottati mill-amministrazzjoni pubblika, ħafna drabi ma jkunux limitati b’mod ċar fit-tul ta’ żmien. L-ittra mibgħuta mill-awtoritajiet Slovakki lill-Kummissjoni fil-11 ta’ Mejju tistma l-impatt baġitarju ta’ dawk il-miżuri ta’ appoġġ dirett għal 2,5 % tal-PDG fl-2020. Il-perspettiva fiskali fiż-żmien medju tibqa’ soġġetta għal livell għoli ta’ inċertezza.

    3.4        Il-pożizzjoni tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika fiż-żmien medju

    Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika huwa mistenni li jiżdied minn 48,0 % tal-PDG fl-2019 għal 59,5 % fl-2020.

    L-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn ġiet aġġornata bit-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni. B’mod ġenerali, il-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tad-dejn tindika li minkejja xi riskji, il-pożizzjoni tad-dejn tibqa’ sostenibbli matul iż-żmien medju, anki minħabba fatturi ta’ mitigazzjoni importanti (inkluż il-profil tad-dejn). B’mod partikolari, filwaqt li l-pożizzjoni tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika qed tiddeterjora minħabba l-kriżi tal-COVID-19, il-proporzjon tad-dejn fil-linja bażi huwa mistenni li jkun fuq trajettorja sostenibbli (li qed tonqos) tul iż-żmien medju 4

    Grafika 1: Dejn tal-amministrazzjoni pubblika (% tal-PDG)

    Sors: Is-servizzi tal-Kummissjoni

    3.5    Fatturi oħrajn ippreżentati mill-Istat Membru

    Fil-11 ta’ Mejju 2020, l-awtoritajiet Slovakki tbagħtu ittra bil-fatturi rilevanti skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97. L-analiżi ppreżentata fit-taqsimiet preċedenti diġà tkopri b’mod wiesa’ l-fatturi ewlenin ippreżentati mill-awtoritajiet.

    4.    Konklużjonijiet

    Skont l-ittra mibgħuta mill-awtoritajiet Slovakki lill-Kummissjoni fil-11 ta’ Mejju, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika fis-Slovakkja fl-2020 huwa ppjanat li jiżdied għal 8,4 % tal-PDG, ’il fuq u mhux qrib il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat. L-eċċess ippjanat fuq il-valur referenzjarju huwa kkunsidrat bħala eċċezzjonali iżda mhux temporanju.

    F’konformità mat-Trattat u l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, dan ir-rapport eżamina wkoll fatturi rilevanti. B’mod ġenerali, peress li d-defiċit ippjanat huwa ferm 'il fuq minn 3 % tal-PDG u l-eċċess mhux temporanju, u filwaqt li jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha, l-analiżi tissuġġerixxi li l-kriterju tad-defiċit kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/1997 mhuwiex issodisfat.

    (1) https://ec.europa.eu/eurostat/documents/2995521/10294648/2-22042020-AP-EN.pdf/6c8f0ef4-6221-1094-fef7-a07764b0369f
    (2) Il-Programm ta’ Stabbiltà ġie ppreżentat uffiċjalment fit-18 ta’ Mejju.
    (3) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2018 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tas-Slovakkja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 tas-Slovakkja, ĠU C 320, 10.9.2018, p. 107.
    (4) Il-linja bażi hija bbażata fuq it-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni. Lil hinn mill-2021, qed jiġi preżunt aġġustament gradwali tal-politika fiskali, konsistenti mal-oqfsa ta’ koordinazzjoni u ta’ sorveljanza ekonomika u fiskali tal-UE. It-tkabbir reali tal-PDG huwa previst skont l-hekk imsejħa metodoloġija EPC/OGWG T+10. B’mod partikolari, it-tkabbir attwali tal-PDG (reali) huwa xprunat mit-tkabbir potenzjali tiegħu u huwa affettwat minn kull aġġustament fiskali addizzjonali kkunsidrat (permezz tal-multiplikatur fiskali). L-inflazzjoni hija mistennija li tersaq gradwalment lejn 2 %. Is-suppożizzjonijiet tar-rati tal-imgħax huma stabbiliti f’konformità mal-aspettattivi tas-suq finanzjarju. Fix-xenarju avvers, rati tal-imgħax ogħla (b’500 punt bażi) u tkabbir tal-PDG aktar baxx (b’-0,5 punt bażi), fir-rigward tal-linja bażi, huma preżunti (matul l-orizzont ta’ proġettazzjoni)
    Επάνω