Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0529

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Aġġornament tas-Sorveljanza Msaħħa - Il-Greċja, Mejju 2020

    COM/2020/529 final

    Brussell, 20.5.2020

    COM(2020) 529 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    Aġġornament tas-Sorveljanza Msaħħa - Il-Greċja, Mejju 2020

    {SWD(2020) 91 final}


    Sfond

    L-iżviluppi ekonomiċi u l-politiki fil-Greċja huma mmonitorjati b’konformità mas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika kif ukoll mal-qafas tas-sorveljanza msaħħa skont ir-Regolament (UE) Nru 472/2013( 1 ). L-implimentazzjoni tas-sorveljanza msaħħa għall-Greċja ( 2 ) tirrikonoxxi li l-Greċja jeħtiġilha tkompli timplimenta miżuri biex tindirizza s-sorsi jew is-sorsi potenzjali tad-diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji, filwaqt li timplimenta riformi strutturali biex tappoġġa tkabbir ekonomiku sod u sostenibbli.

    Is-sorveljanza msaħħa tipprovdi qafas komprensiv għall-monitoraġġ tal-iżviluppi ekonomiċi u t-twettiq tal-politiki meħtieġa biex jiġi żgurat irkupru ekonomiku sostenibbli. Din tippermetti li ssir valutazzjoni regolari tal-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji riċenti fil-Greċja, kif ukoll li jsir monitoraġġ tal-kundizzjonijiet tal-finanzjament sovran u aġġornamenti tal-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn. Is-sorveljanza msaħħa tipprovdi wkoll il-qafas għall-valutazzjoni tal-impenn ġenerali li ngħata lill-Grupp tal-Euro mill-Greċja fit-22 ta’ Ġunju 2018, biex tkompli u tlesti r-riformi adottati skont il-programm tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà u biex tiggarantixxi s-salvagwardja tal-objettivi tar-riformi importanti adottati b’konformità mal-programmi ta’ assistenza finanzjarja. F’dan il-kuntest, is-sorveljanza msaħħa twettaq il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ impenji speċifiċi biex jitlestew ir-riformi strutturali ewlenin li bdew skont il-programm f’sitt oqsma ewlenin bi skadenzi miftiehma sa nofs l-2022, jiġifieri: (i) il-politiki fiskali u fiskali-strutturali, (ii) il-protezzjoni soċjali, (iii) l-istabbiltà finanzjarja, (iv) is-swieq tax-xogħol u tal-prodotti, (v) il-Korporazzjoni Ellenika tal-Assi u Parteċipazzjonijiet u l-privatizzazzjoni, u (vi) il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika ( 3 ). Dan ir-rapport jinkludi l-valutazzjoni ta’ għaxar impenji speċifiċi li mistennija jitlestew, flimkien ma’ azzjonijiet ta’ segwitu għal impenji preċedenti.

    Dan huwa s-sitt rapport dwar is-sorveljanza msaħħa tal-Greċja. Qiegħed jinħareġ flimkien mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi fir-rigward tal-Greċja fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-valutazzjoni tal-Programm ta’ Stabbiltà tal-Greċja għall-2020. Ir-rapport jissejjes fuq is-sejbiet ta’ missjoni li saret mill-bogħod fit-8 u t-23 ta’ April 2020 u fuq djalogu regolari mal-awtoritajiet. Il-missjoni tmexxiet mill-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew ( 4 ); il-Fond Monetarju Internazzjonali pparteċipa fil-kuntest tal-qafas tiegħu ta’ Monitoraġġ ta’ wara l-Programm, filwaqt li l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà pparteċipa fil-kuntest tas-Sistema ta’ Twissija Bikrija tiegħu u b’konformità mal-Memorandum ta’ Qbil tas-27 ta’ April 2018 dwar ir-relazzjonijiet ta’ ħidma bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà.

    Dan ir-rapport jista’ jservi bħala l-bażi li fuqha l-Grupp tal-Euro jiddeċiedi dwar il-ħruġ tas-sett ta’ miżuri li jmiss ta’ dejn kontinġenti għall-politika li jiswew EUR 748 miljun. Dawn il-miżuri ġew miftiehma mal-Grupp tal-Euro fit-22 ta’ Ġunju 2018 u jinkludu t-trasferiment ta’ ammonti ekwivalenti ta’ introjtu ġġenerati mill-parteċipazzjonijiet tal-bank ċentrali f’bonds tal-Gvern Grieg skont il-Programm tas-Swieq tat-Titoli u l-Ftehim dwar l-Assi Finanzjarji Netti u deroga mill-marġni ta’ żieda tal-imgħax ta’ ċertu self li jingħata mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja. It-tieni segment ta’ miżuri ta’ dejn kontinġenti għall-politika ngħata wara l-laqgħa tal-Grupp tal-Euro fl-4 ta’ Diċembru 2019, fost l-oħrajn fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-impenji tal-Greċja għal nofs l-2019, fosthom ir-rapport dwar is-sorveljanza msaħħa li ġie adottat mill-Kummissjoni tal-20 ta’ Novembru 2019 ( 5 ).

    Valutazzjoni Kumplessiva

    It-tifqigħa tal-Coronavirus biddlet fundamentalment ir-realtà soċjali u ekonomika fil-Greċja, bħal fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri l-oħra. Il-Gvern Grieg irreaġixxa minnufih u fi tmien Frar kien diġà beda jimplimenta miżuri biex irażżan it-tixrid tal-Coronavirus. Bħal ma għamlu Stati Membri oħrajn, il-miżuri ta’ konteniment liġġmu l-attività ekonomika b’mod gravi u laqtu, kemm direttament kif ukoll indirettament, parti kbira mill-forza tax-xogħol.

    L-awtoritajiet aġġustaw il-prijoritajiet ta’ politika tagħhom b’mod responsabbli, u mmobilizzaw minnufih ammont kbir ta’ appoġġ għall-introjtu u miżuri ta’ likwidità filwaqt li baqgħu impenjati li jsostnu r-riformi li se jappoġġaw l-irkupru ladarba jonqos it-taqlib marbut mal-pandemija. Bħala tweġiba immedjata, ġew adottati firxa wiesgħa ta’ miżuri fiskali biex jappoġġaw l-introjtu tal-unitajiet domestiċi u n-negozju li kienu qed iħabbtu wiċċhom ma’ tnaqqis fid-domanda, u li jinjettaw likwidità fl-ekonomija, fosthom permezz ta’ differimenti tat-taxxa u garanziji lill-banek kummerċjali li jappoġġaw l-għoti ta’ self ġdid. Il-Gvern żied ukoll b’mod sostanzjali l-finanzjament tas-sistema tal-kura tas-saħħa u qiegħed jimmodernizza l-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol biex jiffaċilita l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet aqsar.

    Il-Greċja se tibbenefika wkoll mill-appoġġ mogħti fil-livell tal-UE. Il-Bank Ċentrali Ewropew ħabbar Programm ta’ Xiri ta’ Emerġenza fil-każ ta’ Pandemija ta’ EUR 750 biljun, li jinkludi bonds sovrani Griegi, u ddeċieda li jillaxka fuq bażi temporanja r-rekwiżiti kollaterali tal-Eurosistema u li jillaxka wkoll ċerti rekwiżiti regolatorji għas-settur bankarju bil-għan li jappoġġa d-disponibbiltà tal-kreditu. Il-Greċja qiegħda tibbenefika wkoll mill-inizjattiva tal-Kummissjoni li tagħmel l-aħjar użu mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej biex twieġeb għall-pandemija (l-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus), mill-Appoġġ temporanju ppjanat biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE - Support to mitigate Unemployment Risks in an Emergency), u mill-appoġġ tal-Bank Ewropew tal-Investiment biex jittaffa l-impatt fuq l-investiment. L-appoġġ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni se tkun disponibbli permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni għal miżuri immedjati għall-għajnuna lill-Greċja u permezz tal-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE.

    Biex jissaħħaħ il-momentum tar-riforma u tingħata għajnuna biex jerġa’ jinbeda l-irkupru ekonomiku sostenibbli wara t-tifqigħa tal-Coronavirus, l-awtoritajiet Griegi wettqu għadd ta’ impenji komplimentari f’diversi oqsma ta’ politika. Dawn l-inizjattivi jikkomplimentaw l-isforzi eżistenti tal-awtoritajiet biex jindirizzaw id-dgħufijiet strutturali li għad fadal u se jwasslu għall-funzjonament aħjar tal-amministrazzjoni pubblika u għat-titjib tal-ambjent tan-negozju. L-impenji komplimentari jinkludu azzjonijiet fl-oqsma li ġejjin: (i) it-titjib tal-qafas regolatorju għan-negozju; (ii) it-titjib u l-modernizzazzjoni tal-qafas tal-liġi tax-xogħol individwali; (iii) it-titjib tal-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja; (iv) it-titjib tal-kapaċità tal-Kunsill Suprem għall-Għażla tal-Persunal taċ-Ċivil u t-tisħiħ tal-kontroll tar-reklutaġġ ta’ persunal temporanju; (v) l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju tat-Trasport Nazzjonali, kif ukoll ir-reviżjoni tal-qafas legali għall-approvazzjoni tal-pjanijiet ta’ mobbiltà urbana sostenibbli u t-tkomplija bl-elaborazzjoni tal-pjanijiet ta’ mobbiltà urbana sostenibbli għaċ-ċentri urbani ewlenin; (vi) it-tħejjija ta’ strateġija olistika għall-ħarsien, il-protezzjoni u l-isfruttament orjentat lejn l-investiment tal-proprjetà immobbli pubblika Griega; (vii) l-iżviluppar sħiħ ta’ Riżerva ta’ Proġetti Strateġiċi għall-proġetti infrastrutturali kbar; (viii) l-iżviluppar u d-dħul fis-seħħ ta’ mekkaniżmu mtejjeb ta’ appoġġ u twettiq - Faċilità għat-Tħejjija tal-Proġetti — għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ proġetti infrastrutturali tas-settur pubbliku u s-Sħubijiet Pubbliċi Privati; (ix) l-adozzjoni ta’ strateġija ġdida għall-akkwist pubbliku għall-2021–2025; (x) l-introduzzjoni u l-estensjoni tal-ambitu tal-proġetti tas-saħħa elettronika; (xi) l-iżviluppar ta’ qafas ta’ politika strateġiku nazzjonali għall-kura tas-saħħa; (xii) it-titjib tal-ippjanar tal-kura tas-saħħa permezz tal-immappjar tal-ħtiġijiet fit-tul b’rabta mas-saħħa u l-kura b’riżorsi disponibbli; (xiii) it-titjib tas-sistema tal-edukazzjoni permezz ta’ riformi fl-edukazzjoni għolja u vokazzjonali, u l-ħolqien ta’ sistema ta’ evalwazzjoni; (xiv) l-implimentazzjoni ta’ proġetti diġitali għall-promozzjoni tal-governanza elettronika; u (xv) l-implimentazzjoni ta’ proġetti għad-diġitalizzazzjoni tad-data ġeospazjali.

    Dan ir-rapport jikkonkludi li, meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi straordinarji li nħolqu mit-tifqigħa tal-Coronavirus, il-Greċja ħadet l-azzjonijiet meħtieġa biex tirrispetta l-impenji speċifiċi tagħha b’rabta mar-riforma. Il-pandemija wasslet għal tħarbit ekonomiku bla preċedent u ġġustifikat tweġiba tal-politika ta’ emerġenza min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, b’appoġġ minn inizjattivi madwar l-UE. Il-miżuri ta’ konteniment biex tiġi indirizzata t-tifqigħa tal-Coronavirus mhux biss allokaw riżorsi għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet immedjati, iżda bħala konsegwenza laqtu l-kapaċità tal-implimentazzjoni tar-riformi, speċjalment f’oqsma li jiddependu fuq proċessi li jirrikjedu ħafna ħaddiema kif ukoll dawk li huma dipendenti fuq gruppi ta’ ħidma interministerjali jew fuq azzjonijiet leġiżlattivi jew ġudizzjarji. L-impenn mill-qrib tal-awtoritajiet Griegi mal-istituzzjonijiet intlaqa’ tajjeb u l-ħtieġa li tingħata prijorità lil dawk il-politiki li jiffokaw fuq il-ħtiġijiet immedjati biex jiġu indirizzati l-impatti tat-tifqigħa tal-Coronavirus fuq is-saħħa u l-ekonomija huma rikonoxxuti bis-sħiħ. Ta’ min jilqa’ wkoll li l-awtoritajiet Griegi qegħdin jissoktaw bl-isforzi tagħhom li fejn possibbli jibqgħu għaddejjin bil-ħidma fuq ir-riforma u li ddeċidew li jipproċedu b’sensiela ta’ impenji ta’ politika komplementari. Fil-futur, il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi biex jiżdiedu l-isforzi f’oqsma milquta minn dewmien preċedenti, fosthom ir-riformi tas-settur finanzjarju, se tkun importanti biex tissaħħaħ il-fiduċja u jingħata appoġġ għal irkupru sostenibbli. L-awtoritajiet Griegi qegħdin jagħmlu progress simultanju fuq l-impenji tagħhom ta’ nofs l-2020 li, flimkien mal-azzjonijiet ta’ segwitu tal-impenji preċedenti, se jiġu vvalutati fit-tieni nofs tas-sena.

    Żviluppi Makroekonomiċi

    L-impatt ekonomiku tal-miżuri ta’ konteniment jaffettwa lill-Greċja fuq livelli diversi. Bħal ma ġara fl-Istati Membri l-oħra, l-għeluq tan-negozji mhux essenzjali kollha u l-problemi marbuta mal-provvista ta’ ħaddiema għall-forniment tal-prodotti u s-servizzi għaliex il-miżuri ta’ konteniment jobbligaw lill-persunal jibqa’ d-dar. Fl-istess waqt, id-domanda ntlaqtet ħażin mit-tnaqqis korrispondenti fl-introjti, li jista’ biss jittaffa parzjalment mill-miżuri ta’ emerġenza tal-awtoritajiet, kif ukoll mill-possibbiltajiet limitati ta’ konsum. Barra minn hekk, x’aktarx li ż-żieda fl-inċertezza u t-tnaqqis tal-likwidità u l-għoti ta’ kreditu se jħallu impatt negattiv fuq l-investiment.

    It-turiżmu u t-trasport marittimu — li huma żewġ setturi importanti għall-ekonomija tal-Greċja — huma mistennija jintlaqtu partikolarment ħażin. Huwa inevitabbli li t-turiżmu se jintlaqat minn restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-Greċja u f’pajjiżi barranin u t-tnaqqis fil-prenotazzjonijiet li kieku kienu jsiru fir-rebbiegħa għall-istaġun tas-sajf se jittrasformaw l-effett tal-pandemija f’wieħed aktar persistenti milli f’setturi oħra. Is-settur tat-turiżmu professjonali li tant kien qiegħed jiffjorixxi x’aktarx li jintlaqat ħażin ħafna, billi jiddependi fuq konferenzi b’attendenza ta’ għadd kbir ta’ parteċipanti. It-trasport marittimu, li huwa industrija importanti oħra tal-esportazzjoni, se jintlaqat ħażin mit-tnaqqis fil-kummerċ globali li mistenni fl-2020.

    Fl-2020 il-qgħad mistenni jiżdied u l-kriżi ekonomika jaf treġġa’ lura t-titjib li sar dan l-aħħar fir-rati tal-faqar. Filwaqt li l-miżuri li jappoġġaw ix-xogħol b’ħinijiet aqsar u l-liv bla ħlas għal kemm idumu l-miżuri ta’ konteniment se jgħinu biex jittaffa x-xokk, skont it-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2020 ir-rata tal-qgħad mistennija titla’ għal madwar l-20% minn 17,3% fl-2019, li jfisser li ntilfu l-kisbiet li saru fit-tliet snin ta’ qabel. Is-sehem partikolarment kbir ta’ ħaddiema għal rashom u mikroimpriżi fil-Greċja u l-għadd kbir ta’ ħaddiema staġonali jfisser li l-unitajiet domestiċi huma esposti għal perjodu twil ta’ introjtu baxx, li jista’ jwassal għal żieda sinifikanti fis-sehem tan-nies fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali fl-2020 u wara. Fl-2019 dan is-sehem kien diġà ta’ 31 % u kien diġà ferm 'il fuq mill-21% tal-medja taż-Żona tal-Euro, iżda kien qiegħed jonqos.

    Il-livell estremament baxx tal-prezzijiet taż-żejt u t-tnaqqis tal-pagi se jaffettwaw l-inflazzjoni b’mod negattiv. Dawn il-pressjonijiet ta’ tnaqqis mistennija jkunu kkaġunati mit-tnaqqis fl-introjti speċjalment fis-settur tas-servizzi. Fl-istess waqt, it-tnaqqis fil-prezzijiet taż-żejt se jiġi bbilanċjat parzjalment mill-effett fuq l-introjti reali.

    Kumplessivament, fuq il-bażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2020, fl-2020 il-PDG reali tal-Greċja mistenni li jonqos b’madwar 10% u mbagħad jirkupra b’mod moderatament qawwi fl-2021. It-tbassir huwa suġġett għal livell għoli ta’ inċertezza. Il-projezzjoni tiddependi fuq l-irtirar gradwali tal-miżuri ta’ konteniment minn nofs Mejju billi dan jillimita t-tnaqqis fl-attività ekonomika għat-tieni trimestru f’bosta industriji u għat-tielet trimestru fis-setturi relatati mat-turiżmu. Restrizzjonijiet twal fuq l-ivvjaġġar li jibqgħu għaddejjin sat-tieni nofs tas-sena jirrappreżentaw riskju negattiv minħabba l-impatt fuq is-settur tat-turiżmu. Il-miżuri ta’ politika mistennija jtaffu d-daqs tar-riċessjoni u jirfdu progress sinifikanti tal-PDG fl-2021. Il-projezzjoni tiddependi fuq il-livell tal-inċertezza b’rabta mad-dewmien tal-miżuri ta’ konteniment, fuq il-progress tal-pandemija kif ukoll fuq l-effett tax-xokk fuq l-output potenzjali, it-tfaddil tal-unitajiet domestiċi u l-kwalità tal-assi tal-banek.

    Żviluppi u perspettiva fiskali

    Il-Greċja daħlet f’din il-kriżi f’pożizzjoni fiskali relattivament favorevoli, b’riżervi sostanzjali ta’ flus, surplus primarju b’saħħtu, u ħtiġijiet ta’ rifinanzjament baxxi fi żmien medju fuq id-dejn pubbliku għoli tagħha. L-aġġustament fiskali straordinarju li ġie implimentat matul u wara l-programmi poġġa lill-Greċja f’pożizzjoni aħjar biex tlaħħaq mat-tifqigħa tal-Coronavirus meta mqabbel mal-kriżi finanzjarja globali ta’ 10 snin ilu. Għal diversi snin il-baġit kien qiegħed ikun f’surpluses strutturali għolja filwaqt li l-miri fiskali ntlaħqu jew inqabżu. Il-Greċja għandha wkoll riżervi ta’ flus li jqarrbu l-EUR 34 biljun, u dan huwa punt pożittiv importanti fid-dawk tat-tnaqqis tad-dħul u l-infiq straordinarju biex tiġi indirizzata l-kriżi.

    Fl-2019 il-Greċja laħqet l-ewwel mira tagħha għal surplus primarju ta’ 3,5%, u b’hekk laħqet il-mira għall-ħames sena konsekuttiva. Il-bilanċ nominali laħaq il-1,5% tal-PDG, perċentwali li jaqbeż il-medja taż-Żona tal-Euro ta’ 0,8% tal-PDG.

    L-awtoritajiet adottaw sett imdaqqas ta’ miżuri fiskali biex jipproteġu l-ekonomija b’konformità mar-rispons koordinat miftiehem mill-Grupp tal-Euro. Il-pakkett ta’ miżuri fiskali inkluda skema speċjali fir-rigward tal-qgħad ta’ persuni bil-paga, l-impjegati għal rashom u tan-negozji individwali li ntlaqtu mill-kriżi, il-ħlas ta’ avvanzi ripagabbli li kumpaniji bi tnaqqis sinifikanti fil-fatturat tagħhom minħabba l-kriżi, il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegati b’kuntratti tax-xogħol sospiżi, u s-sussidju fuq l-imgħax tas-self lil impriżi żgħar u medji u nefqa ogħla fuq il-kura tas-saħħa. Miżuri fiskali oħrajn jinkludu s-sospensjoni tal-ħlas ta’ djun fuq il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, skonti għall-ħlas f’waqtu tal-obbligi tat-taxxa u tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, u għadd ieħor ta’ miżuri iżgħar.

    Apparti mill-pandemija tal-Coronavirus li ilha għaddejja minn Marzu, il-Greċja qiegħda tħabbat wiċċha wkoll mal-pressjonijiet migratorji li reġgħu tfaċċaw. Fl-2019 il-Greċja rreġistrat żieda ta’ 46 % f’wasliet ta’ migranti u l-influssi komplew jiżdiedu fl-ewwel trimestru tal-2020. Biex tappoġġa u tirrikonoxxi l-isforzi tal-Greċja biex tlaħħaq mal-kriżi tal-migrazzjoni l-UE wiegħdet li tagħtiha EUR 700 miljun f’appoġġ ta’ emerġenza. Fl-2019 l-ispejjeż relatati mal-migrazzjoni li ma ġewx iffinanzjati mill-fondi tal-UE, u li għaldaqstant huma esklużi mill-bilanċ primarju li huma mmonitorjat skont is-sorveljanza msaħħa, laħqu il-0,1 % tal-PDG u mistennija jiżdiedu għal 0,2 % tal-PDG fl-2020. L-awtoritajiet ħadu passi biex jirreġistraw dawn l-ispejjeż madwar l-amministrazzjoni pubblika u ċċaraw li l-firxa tal-ispejjeż eliġibbli jinkludu l-pagi tal-uffiċjali tal-pulizija allokati għall-ġestjoni tal-kriżi tal-migrazzjoni.

    It-tbassir aġġornat tal-istituzzjonijiet Ewropej( 6 ) jipprevedi li fl-2020 il-bilanċ primarju se jinbidel f’defiċit, u mbagħad jerġa’ lura għal surplus fl-2021, iżda l-inċertezza hija eċċezzjonalment għolja. Matul l-abbozzar ta’ dan ir-rapport, l-unika data disponibbli li tikkonferma d-daqs u l-gravità tal-konsegwenzi ekonomiċi u fiskali hija preliminari ħafna. L-ispiża finali tal-miżuri li ġew adottati biex tiġi indirizzata l-kriżi kif ukoll it-tneħħija gradwali tagħhom, u l-effetti kollha tal-istabbilizzaturi awtomatiċi fuq il-finanzi pubbliċi wkoll huma inċerti. Hekk kif il-miżuri jibdew jitneħħew gradwalment u l-ekonomija tibda tirkupra l-bilanċ primarju mistenni jerġa’ lura f’surplus fl-2021. Fid-dawl tal-inċertezza daqstant għolja, il-valutazzjoni ta’ bħalissa se tiġi aġġornata fil-ħarifa.

    Il-Greċja tibbenefika mill-istess arranġamenti ta’ flessibilità bħall-Istati Membri l-oħra fil-kuntest tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Minħabba l-implikazzjonijiet emerġenti tat-tifqigħa tal-Coronavirus, fis-16 ta’ Marzu 2020 il-Grupp tal-Euro ddikjara li l-Istati Membri kollha se jkunu jistgħu jużaw il-flessibilità fil-qafas tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. F’Komunikazzjoni li ġiet adottata fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni kkondividiet il-fehma tagħha mal-Kunsill li t-tnaqqis gravi tar-ritmu ekonomiku li jirriżulta mit-tifqigħa tal-Coronavirus kien jiġġustifika l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir ( 7 ). Fit-23 ta’ Marzu l-Ministri tal-Finanzi tal-UE appoġġaw din il-fehma. Il-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti t-tluq temporanju mir-rekwiżiti baġitarji, fosthom il-miri fiskali tal-Greċja li huma mmonitorjati fil-qafas tas-sorveljanza msaħħa, sakemm dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju. Dan ma jissospendix il-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jew l-impenji tal-Greċja iżda se tippermetti lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jieħdu l-miżuri ta’ koordinazzjoni ta’ politika meħtieġa biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija.

    Il-finanzi pubbliku qed jiffaċċjaw aktar riskji fir-rigward tal-każijiet pendenti fil-qrati u l-obbligi ta’ servizz pubbliku. Skont l-analiżi fir-rapport preċedenti, il-Kunsill tal-Istat mistenni joħroġ deċiżjoni importanti dwar il-ħlasijiet retroattivi lill-pensjonanti. Riskju fiskali ieħor joħroġ mill-każijiet imsemmija fil-5es rapport ta’ sorveljanza msaħħa kontra l-Kumpanija tal-Proprjetà Immobbli Pubblika (Public Real Estate Company), fejn il-kwistjoni tal-validità tal-għotjiet arbitrali riċenti tinsab pendenti quddiem Qorti tal-Appell. Riskji fiskali oħrajn jikkonċernaw l-ispejjeż tar-ristrutturar tal-Posta Ellenika (Hellenic Post) fosthom il-ħlas possibbli tal-obbligu ta’ servizz pubbliku li għad fadal għall-2013–2020.

    Investiment pubbliku

    L-isfruttament tal-potenzjal kollu tal-investiment pubbliku għadu prijorità kif ukoll rekwiżit ewlieni għal irkupru malajr wara t-tifqigħa tal-Coronavirus. Fl-2019 l-investiment tal-amministrazzjoni pubblika kien 1,2% tal-PDG anqas mill-pjanijiet inizjali, bħal fis-snin ta’ qabel. Billi l-ammont anqas ta’ infiq fl-2019 kien ibbilanċjat minn użu aktar baxx tal-fondi tal-UE, l-impatt nett fuq il-bilanċ primarju kien fil-parti l-kbira newtrali. Madankollu, il-fatt li l-livell tan-nefqa fuq l-investiment fuq l-iżvilupp ma jintlaħaqx fuq bażi rikorrenti joħloq tħassib fid-dawl tal-ħtiġijiet kbar ta’ investiment fil-pajjiż, u b’hekk huwa essenzjali li jsir l-aħjar użu tal-fondi tal-UE u, fl-aħħar mill-aħħar, jingħata l-istimulu meħtieġ biex it-tkabbir jerġa’ jieħu r-ruħ.

    L-awtoritajiet Griegi ddeċidew li jieħdu għadd ta’ passi importanti biex jindirizzaw id-dgħufijiet sottostanti. Huma stabbilixxew il-pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni mgħaġġla tal-Progamm Nazzjonali tal-Iżvilupp li ġie adottat fl-2019. Barra minn hekk, l-awtoritajiet qablu li jistabbilixxu faċilità għat-tħejjija tal-proġetti żviluppaw riżerva ta’ proġetti ġodda. Dawn il-miżuri mistennija jħaffu t-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-proġetti. Ir-riżerva ta’ proġetti strateġiċi mistennija tiġi żviluppata bis-sħiħ sa Jannar 2021 u l-faċilità għat-tħejjija tal-proġetti se tibda taħdem f’Marzu 2021. L-awtoritajiet ħeġġew ukoll li tittejjeb il-prevedibbiltà u l-koordinazzjoni tal-proċeduri arkeoloġiċi u tal-esproprjazzjoni fuq il-bażi ta’ rieżami ta’ żewġ riformi li saru qabel. 

    L-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni ta’ Novembru 2019 għat-titjib tal-monitoraġġ u l-previżjoni tal-Baġit għall-Investiment Pubbliku tinsab fit-triq it-tajba. Il-baġit għall-investiment jitħejja u jiġi eżegwit b’mod indipendenti mill-parti tal-baġit tal-Istat li mhix ta’ investiment (“ordinarja”), li tirrekjedi standards ta’ trasparenza u flussi ta’ informazzjoni għoljin ħafna. F’Novembru 2019 il-Greċja adottat pjan ta’ azzjoni dettaljat biex tirrimedja d-dgħufijiet f’dan ir-rigward, bi skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni sal-2021. B’mod ġenerali l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tinsab fit-triq it-tajba u l-awtoritajiet jistennew li d-dewmien possibbli minħabba l-Coronavirus se jkun minuri.

    L-awtoritajiet impenjaw ruħhom ukoll mal-istituzzjonijiet Ewropej fir-rigward tal-użu possibbli tal-ammonti ekwivalenti ta’ introjtu tal-SMP-ANFA biex jitnaqqsu l-ħtiġijiet ta’ finanzjament gross jew il-finanzjament ta’ investimenti miftiehma oħra. L-awtoritajiet Griegi indikaw l-intenzjoni tagħhom li jużaw l-ammonti disponibbli tas-segment li jmiss tal-ammonti ekwivalenti ta’ introjtu tal-SMP-ANFA biex jitnaqqsu l-ħtiġijiet ta’ finanzjament gross. Fis-segwitu tal-mandat li ngħata fil-laqgħa tal-Grupp tal-Euro ta’ Diċembru 2019, l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet Ewropew wettqu ħidma teknika biex idaħħlu fis-seħħ id-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro ta’ Ġunju 2018. Din il-ħidma se tiġi segwita ulterjorment fil-ħarifa 2020, fil-kuntest tal-progress li jsir fuq it-titjib tal-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-investimenti pubbliċi msemmija aktar ’il fuq.

    L-amministrazzjoni tat-tassazzjoni u tad-dħul pubbliku

    Fl-isfond tas-sitwazzjoni dejjem tinbidel tal-pandemija tal-Coronavirus, l-awtoritajiet ma setgħux jiffinalizzaw l-eżerċizzju li għaddej fil-pajjiż kollu dwar il-valwazzjoni tat-taxxa fuq il-proprjetà, li huwa impenn speċifiku ta’ nofs l-2020, bil-lest għaċ-ċiklu ta’ valutazzjoni tat-taxxa tas-sena kurrenti. Dan id-dewmien se jipposponi l-implimentazzjoni tar-riforma aktar ġenerali tat-taxxa fuq il-proprjetà għall-2021 u se jkollu effett fiskali li jżid id-defiċit b’madwar EUR 150 miljun fuq id-dħul tal-2020. L-awtoritajiet impenjaw li jiskedaw mill-ġdid l-eżerċizzju tal-ħarifa bil-għan li jallinjaw il-valur tat-taxxa fuq il-proprjetà mal-prezzijiet tas-suq sa Jannar 2021.

    L-Awtorità Indipendenti għad-Dħul Pubbliku kienet fil-qalba tal-isforzi tal-awtoritajiet li ġew implimentati sal-lum biex jiġġieldu l-impatt ekonomiku tal-pandemija tal-Coronavirus. L-Awtorità Indipendenti amministrat id-differimenti tat-taxxa u l-ħlasijiet parzjali fuq id-djun ta’ taxxa, ospitat pjattaforma għall-implimentazzjoni tal-avvanzi ripagabbli u ħarġet ċertifikati ta’ residenza elettroniċi biex tiffaċilita l-moviment ta’ persuni li jirrisjedu fil-gżejjer wara l-impożizzjoni tal-miżuri ta’ konteniment.

    L-Awtorità Indipendenti tinsab f’pożizzjoni tajba biex tissodisfa l-maġġoranza tal-indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenin għall-ewwel trimestru tal-2020 u l-għadd ta’ persunal tagħha żdied b’ritmu diċenti matul dan il-perjodu, għalkemm għadu ferm anqas mill-mira (impenn ta’ tmiem l-2019). Il-ġbir tad-dejn issokta fuq ritmu simili matul l-ewwel trimestru tal-2020 mill-istess perjodu fir-rigward tas-sena ta’ qabel, filwaqt li l-proporzjon ta’ każijiet ta’ awditi ġodda żdied. Il-livelli tal-persunal komplew jiżdiedu matul l-ewwel trimestru u bħalissa laħqu l-11 916, meta mqabbel mal-għadd ta’ 12 500 li kien stabbilit bħala l-mira sa tmiem l-2019.

    Sar progress limitat f’dak li jikkonċerna l-miżuri komplementari fl-oqsma tal-ħtiġijiet marbuta mar-riżorsi umani, mal-IT u mal-akkomodazzjoni. Il-leġiżlazzjoni primarja dwar ir-riforma tar-riżorsi primarji għadha pendenti u l-iskeda taż-żmien biex tiġi implimentata bis-sħiħ se tintlaqat mill-pandemija tal-Coronavirus, iżda għadha ma ġietx stabbilita skeda ta’ żmien riveduta. Ma sar l-ebda progress konkret b’rabta mal-infrastruttura tal-IT u biex jiġu ċċarati l-oqsma ta’ kompetenza tal-Awtorità Indipendenti. Dawn l-isforzi mistennija jingħataw spinta b’aktar urġenza, hekk kif l-interoperabbiltà tad-diversi bażijiet ta’ data se ssaħħaħ il-kapaċità fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u tiffaċilita l-ġbir f’waqtu tat-taxxi. Fir-rigward tar-rilokazzjoni tal-kwartieri ġenerali tal-Awtorità Indipendenti f’post wieħed, il-bini li kien ġie identifikat ingħata lil korp pubbliku ieħor. Bħalissa l-awtoritajiet qegħdin jippjanaw li jibnu żewġ binjiet ġodda biex jospitaw l-Awtorità Indipendenti maġenb il-Ministeru tal-Finanzi fil-periferija ta’ Ateni, li mistennija jitlestew fl-2024.

    L-awtoritajiet qegħdin jieħdu passi biex isaħħu l-kapaċità operazzjonali taċ-Ċentru tal-Koordinazzjoni Operazzjonali li jikkoordina l-isforzi kontra l-kuntrabandu, u għamlu progress fuq għadd ta’ proġetti li jtejbu l-ġbir tat-taxxa u l-konformità mar-regoli tat-taxxa. L-abbozzi tad-dispożizzjonijiet bil-għan li tittejjeb il-kapaċità u l-governanza taċ-Ċentru mistennija jiġu adottati sa tmiem Mejju 2020. L-awtoritajiet qegħdin jippjanaw li jirrevedu l-liġi doganali biex, fost l-oħrajn, javvanzaw l-użu ta’ metodi ta’ intelligence bl-operazzjonijiet kontra l-kuntrabandu. Is-sistema ta’ fatturi elettroniċi mistennija titnieda kif ippjanat f’Lulju 2020 u l-Mudell tal-Uffiċċju tal-Ġbir, li ngħata appoġġ tekniku mill-Kummissjoni Ewropea, dalwaqt jitlesta, għalkemm il-persunal meħtieġ għad irid jiġi identifikat u ttrasferit.

    Fl-ewwel trimestru tal-2020 iċ-Ċentru Konġunt għall-Ġbir tad-Dejn tas-Sigurtà Soċjali kompla jilħaq il-miri tiegħu marbuta mal-ġbir. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni li tispjega l-klassifikazzjoni tad-dejn li ma jistax jinġabar, li ilha pendenti għal xi żmien, ġiet adottata u hija konsistenti mal-klassifikazzjoni ta’ dejn tat-taxxa li ma jkunx jista’ jinġabar.

    Il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi

    It-tifqigħa tal-Coronavirus ħalliet effett negattiv fuq l-implimentazzjoni tal-pjan tas-saldu tal-arretrati, iżda sar progress fuq it-titjib tal-proċessi sottostanti u l-awtoritajiet għadhom impenjati li jagħmlu dan skont l-iskeda ta’ żmien li ġiet stabbilita fil-pjan ta’ Ottubru 2019. F’Jannar 2020 l-istokk tal-arretrati laħaq il-EUR 1,3 biljun, EUR 69 miljun aktar mil-livell ta’ Diċembru 2019 u EUR 340 miljun aktar mill-mira tas-saldu. L-awtoritajiet ma kinux f’pożizzjoni li jagħtu data aggregata sħiħa għall-perjodu ta’ wara Jannar u rrapportaw li l-istokk tal-arretrati f’xi sottosetturi jista’ jiżdied temporanjament minħabba t-tħarbit fuq il-proċessi assoċjati li jirrikjedu ħafna ħaddiema. Minkejja dan, l-awtoritajiet fasslu żewġ miżuri li għandhom iwettqu s-saldu ta’ 15 % tal-istokk kollu tal-arretrati ladarba x-xogħol ikompli. Dawn għandhom l-għan li jħaffu s-saldu tal-arretrati fil-konfront ta’ fornituri tal-kura tas-saħħa u jippermettu s-saldu immedjat ta’ ċerti rifużjonijiet tat-taxxa. Biex jiġi evitat li jiġu akkumulati arretrati ġodda, l-awtoritajiet qegħdin jippjanaw li jimplimentaw sistema ġdida tal-IT fil-Fond Uniku tas-Sigurtà Soċjali (EFKA) biex jaċċelleraw sostanzjalment il-pass tas-saldu tat-talbiet pendenti għal pensjoni. L-awtoritajiet irrapportaw titjib fl-akkwist ċentralizzat fis-settur tal-kura tas-saħħa, implimentaw il-maġġoranza tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri Ellenika u qegħdin isaħħu l-kontrolli interni. 

    Is-sistema ta’ Kont Uniku tat-Teżor qiegħda taħdem u tipprovdi ħarsa ġenerali utli lejn l-istat tas-sitwazzjoni tal-flus filwaqt li qiegħed isir progress fuq l-proġett ta’ tbassir tal-flus (impenn speċifiku ta’ tmiem l-2019). Għaldaqstant, l-Aġenzija ta’ Ġestjoni tad-Dejn Pubbliku, il-Ministeru tal-Finanzi u l-Bank tal-Greċja jistgħu jimmonitorjaw il-parti l-kbira tal-bilanċi tal-flus u l-flussi tal-amministrazzjoni ġenerali kważi f’ħin reali. Il-proġett pilota tat-tbassir tal-flus li jkopri l-maġġoranza tar-riżervi tal-flus tal-Gvern se jiġi implimentat b’konformità mal-abbozz ta’ strateġija ta’ Marzu 2020. Gradwalment, f’Jannar 2021 il-proġett pilota se jiġi rfinut u estiż għall-entitajiet bi spejjeż baġitarji ta’ aktar minn EUR 50 miljun, li huwa meqjus bħala l-livell limitu meta jiġi kkunsidrat li proġett pilota nnifsu diġà jkopri lill-entitajiet li għandhom 70 % tar-riżervi totali ta’ flus tal-Istat.

    Fil-parti l-kbira tagħha l-implimentazzjoni tar-riforma tat-Tabella tal-Kontijiet tinsab fit-triq it-tajba (impenji ta’ nofs l-2021 u nofs l-2022), iżda l-implimentazzjoni tagħha fil-Baġit għall-Investiment Pubbliku għadha diffiċli. Il-pandemija tal-Coronavirus kkaġunat dewmien fil-proċess tal-akkwist għal sistema ġdida tal-IT bħala appoġġ għar-riforma iżda l-iskeda taż-żmien tal-proġett baqgħet l-istess. L-awtoritajiet qegħdin ifasslu klassifikazzjoni funzjonali biex it-Tabella tal-Kontijiet tiżgura l-konsistenza mal-qafas tal-ibbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni. Qiegħed ukoll isir progress fuq l-implimentazzjoni tal-klassifikazzjoni tat-Tabella tal-Kontijiet fl-eżekuzzjoni tal-Baġit għall-Investiment Pubbliku, filwaqt li bħalissa it-tħejjija tal-baġit għadha qed issir fuq klassifikazzjoni anqas dettaljata. L-awtoritajiet se jippruvaw jagħmlu titjib ulterjuri permezz ta’ appoġġ tekniku mingħand il-Kummissjoni Ewropea.

    Sa tmiem l-2020 l-awtoritajiet impenjaw li jadottaw strateġija ġdida tal-akkwist pubbliku għall-2021-2025 li se tikkontribwixxi għal użu aktar sostenibbli u effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi (impenn komplimentari). Sistema ta’ akkwist pubbliku li tiffunzjona tajjeb hija element ewlieni fil-proċess tal-investimenti li se jkunu kruċjali għall-irkupru ta’ wara t-tifqigħa tal-Coronavirus. L-indirizzar tad-dgħufijiet fil-proċess tal-akkwist jista’ jgħin fir-razzjonalizzazzjoni tal-infiq pubbliku, fiż-żieda tat-tkabbir u biex jiġi garantit ambjent tan-negozju kompetittiv. L-awtoritajiet qablu li jirrieżaminaw il-qafas legali u l-implimentazzjoni b’konsistenza mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.

    Finanzjament sovran

    Il-ħtiġijiet tas-servizzjar tad-dejn tal-Greċja huma baxxi fis-snin li ġejjin. Minn meta feġġet il-pandemija, il-Greċja ħarġet kemm kambjali tat-teżor kif ukoll bonds fit-tul li kellhom suċċess, li jindika aċċess tajjeb għall-finanzjament ibbażat fuq is-suq. L-ispejjeż tal-servizzjar tad-dejn tal-Greċja fl-2020 u l-2021 huma baxxi u jirreflettu l-aktar ir-rifinanzjament ta’ bonds fi żmien qasir. Wara perjodu ta’ tnaqqis, il-firxiet tal-bonds tal-Gvern Ġermaniż bdew jiżdiedu hekk kif il-kriżi bdiet tinfirex, u sa nofs Marzu laħqu punt massimu ta’ madwar 400 punt bażi fuq maturità ta’ 10 snin, b’volatilità għolja. Wara li l-Bank Ċentrali Ewropew ħabbar il-Programm ta’ Akkwist ta’ Emerġenza tal-Pandemija u l-inklużjoni tal-bonds tal-Gvern Grieg f’dan il-programm, il-volatilità naqset u l-firxa naqset għal madwar 200 punt bażi. Madankollu, il-firxiet żdiedu aktar bil-mod il-mod, u laħqu livelli li fi tmiem April kienu 130 punt bażi ogħla mill-aktar livelli baxxi ta’ Frar.

    Ir-riżervi ta’ flus konsiderevoli jgħinu biex jittaffew l-assorbiment ta’ xokkijiet marbuta mal-likwidità, iżda jekk il-kriżi taqleb għall-agħar dan jista’ jwassal għal żidiet mhux trivjali tal-ħtiġijiet tal-finanzjament. Ir-riżervi tal-flus tal-amministrazzjoni pubblika laħqu madwar l-EUR 34 biljun sa tmiem Marzu 2020, li EUR 26 biljun minnhom jappartjenu lill-Istat u l-bqija huma tal-entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika. Meta wieħed iqis il-ħtiġijiet limitati tal-finanzjament tad-dejn, ir-riżervi tal-flus huma disponibbli għall-assorbiment tax-xokkijiet marbuta mal-likwidità fix-xhur li ġejjin. Il-Greċja wriet li qiegħda tippjana li żżomm il-preżenza tagħha fis-swieq tal-bonds u li ħa tiġbor aktar flus biex tindirizza r-riskji negattivi tal-finanzjament. Ir-riskju ewlieni jista’ jkun ta’ waqfien ekonomiku li jdum ħafna aktar wara Mejju, li jista’ jirrikjedu l-użu addizzjonali tal-bafer ta’ flus fl-ewwel xhur tas-sajf.

    Benessri soċjali

    Il-Greċja tat reazzjoni qawwija għall-emerġenza tas-saħħa billi daħħlet fis-seħħ miżuri ta’ tbegħid soċjali stretti ftit wara li nqabdu l-ewwel każijiet. Permezz tal-għeluq tal-ħwienet mhux essenzjali u l-limitazzjoni fuq il-moviment mhux essenzjali minn kmieni, il-Greċja tat prijorità lis-saħħa pubblika u lis-sikurezza tal-pazjenti. Il-miżuri biex titrażżan il-firxa tal-Coronavirus fost il-grupp vulnerabbli, li mhux biss huma esposti għal riskji akbar f’termini ta’ saħħa fiżika iżda wkoll tal-għajxien u tal-livelli tal-għajxien, jirrikjedu monitoraġġ bir-reqqa min-naħa tal-awtoritajiet.

    Ir-riformi strutturali li diġà ġew implimentati u l-finanzjament addizzjonali ta’ EUR 200 miljun qegħdin jappoġġaw ir-rispons tas-sistema tas-saħħa għall-Coronavirus, iżda jista’ jkun hemm bżonn aktar riżorsi finanzjarji fi żmien qasir. Il-miżuri li ġew adottati qabel iddisinjati biex jipprovdu sistema tal-kura tas-saħħa effettiva, aċċessibbli, effiċjenti u reżiljenti, bħall-introduzzjoni ta’ kopertura tal-kura tas-saħħa universali, network komprensiv tal-kura primarja u tal-akkwist pubbliku, qegħdin juru l-importanza tagħhom fir-rispons għall-pandemija hekk kif żguraw aċċess għall-kura tas-saħħa mingħajr xkiel u provvista xierqa u stokks ta’ riżorsi.

    Il-ġbir tal-irkupru, li huwa impenn kontinwu, miexi ’l quddiem mingħajr dewmien, u mhux kollu huwa imputabbli għas-sitwazzjoni ta’ emerġenza ta’ bħalissa. L-għan tal-awtoritajiet huwa li jilħqu l-miri li ġew miftiehma oriġinarjament, b’xi dewmien minħabba l-miżuri ta’ konteniment iżda oħrajn li nġemgħu minn qabel l-emerġenza tas-saħħa ta’ bħalissa. L-awtoritajiet qegħdin jippjanaw li jieħdu miżuri biex irażżnu ż-żieda fl-ammonti li jridu jiġu rkuprati iżda x’aktarx se jkun hemm bżonn ta’ miżuri oħrajn biex din ix-xejra titranġa. L-introduzzjoni ta’ eżenzjonijiet b’test tal-mezzi għall-kopagamenti ssaħħaħ il-ħarsien tal-pazjenti iżda mhijiex qiegħda tiġi kkunsidrata fil-preżent.

    L-introduzzjoni tal-kura tas-saħħa primarja, impenn speċifiku ta’ nofs l-2020, kellha tiġi sospiża minħabba t-tifqigħa tal-pandemija tal-Coronavirus. L-awtoritajiet qegħdin jaħdmu fuq għodda ġdida għall-ħarsien tal-popolazzjoni, bħat-telemediċina, u żiedu l-għadd ta’ sodod permezz ta’ ftehimiet mas-settur privat. Żiedu wkoll l-isforzi tagħhom biex jattiraw persunal mediku, speċjalment tobba. L-introduzzjoni tar-riforma se tkompli dwar l-emerġenza ta’ bħalissa, filwaqt li l-unitajiet eżistenti tal-kura primarja diġà qed jintużaw bħala reazzjoni għall-pandemija.

    L-akkwist ċentralizzat, li huwa impenn speċifiku ta’ nofs l-2020, għadu għaddej b’enfasi fuq il-ħtiġijiet urġenti tas-sistema tas-saħħa. Il-governanza ċentrali tal-akkwist reġjonali qiegħda twassal għal aktar effiċjenza, li tista’ tittejjeb aktar permezz tar-riattivazzjoni tal-Osservatorju tal-Prezzijiet. Filwaqt li għadu qiegħed jiġi żviluppat abbozz ta’ leġiżlazzjoni biex il-korp ċentrali għall-akkwist fil-qasam tas-saħħa jinbidel f’entità ġuridika privata, l-emerġenza ta’ bħalissa qiegħda tagħmel testijiet ta’ prova tas-sistema l-ġdida.

    L-awtoritajiet aġġornaw il-pjan ta’ azzjoni tagħhom biex jiffinalizzaw l-istruttura tal-Fond Uniku tas-Sigurtà Soċjali (EFKA), li huwa impenn speċifiku ta’ nofs l-2020. Il-mira tal-pjan hija trasformazzjoni diġitali komprensiva sa tmiem l-2020 li twassal għal struttura operazzjonali u istituzzjonali ġdida. Il-miżuri organizzattivi maġġuri li jridu jitlestew sa nofs Ġunju 2020 jikkonċernaw il-fużjoni tal-Fond tal-Pensjoni Supplementari (ETEAEP) fil-Fond Unika tas-Sigurtà Soċjali u l-ħolqien u l-bidu tal-ħidma tad-dipartiment tal-Pensjonijiet tas-Settur Pubbliku fi ħdanu. Ir-riformi organizzattivi li għad fadal inħolqu mis-sussidjarji lokali għall-bdiewa u l-impjegati għal rashom, u dawn iddewmu minħabba t-tifqigħa tal-Coronavirus iżda huwa ppjanat li se jitlestew erba’ xhur wara li l-ħidma tkompli.

    Intlaħaq ftehim dwar it-tfassil tal-qafas għall-benefiċċju tad-diżabbli, li huwa impenn speċifiku ta’ nofs l-2019. Wara li saret diskussjoni dwar l-aħjar prattika tal-UE, se jiġi adottat approċċ ġdid ta’ riforma fuq il-bażi ta' valutazzjonijiet ta’ diżabbiltà funzjonali fuq il-bażi tal-eżamijiet fiżiċi minn esperti kwalifikati. Dawn il-valutazzjonijiet qegħdin jintużaw b’mod mifrux minn Stati Membri oħrajn bir-rwol doppju li ssir il-valutazzjoni tal-eliġibbiltà għall-benefiċċju u li jsiru proposti speċifiċi għall-mitigazzjoni u riabilitazzjoni tad-diżabbiltajiet. Il-pjan direzzjonali li ġie miftiehem fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-tfassil il-ġdid tal-impenn li jibda bi proġett pilota minn Jannar 2021.

    Bħala parti mill-impenn biex titlesta l-introduzzjoni tat-tliet pilastri kollha tal-iskema tal-Introjtu ta’ Solidarjetà Soċjali, l-awtoritajiet lestew l-evalwazzjoni tas-sistema pilota l-ġdida li twettaq politiki attivi tas-suq tax-xogħol, impenn ta’ nofs l-2019, u stabbilixxew pjanijiet inizjali biex jagħmlu aktar piloti għall-espansjoni tal-mudell il-ġdid. L-evalwazzjoni tal-pilota mill-Bank Dinji, fil-kuntest tal-appoġġ tekniku li qiegħed jingħata mill-Kummissjoni Ewropea, identifikat modi biex isir titjib, pereż. f’termini ta’ kapaċità ta’ riżorsi umani, l-użu, il-kumplessità amministrattiva u l-ġbir tad-data. L-awtoritajiet se jieħdu dawn it-tagħlimiet u se jipproċedu bl-espansjoni tal-pilota f’oqsma ġeografiċi addizzjonali b’karatteristiċi differenti tas-suq tax-xogħol, it-twessigħ tal-grupp fil-mira u t-tisħiħ tal-ġbir tad-data u tal-analiżi biex jittieħdu t-tagħlimiet għall-introduzzjoni b’mod aktar mifrux.

    Rigward ir-rieżami tas-sistema tas-sussidji għat-trasport pubbliku lokali, l-istudju ta’ evalwazzjoni (impenn speċifiku ta’ tmiem l-2019) ddewwem minħabba t-tifqigħa tal-Coronavirus, iżda l-leġiżlazzjoni ta’ riforma mistennija titlesta xorta sa tmiem Settembru 2020.    

    żviluppi fis-settur finanzjarju

    Is-settur bankarju Grieg sar aktar stabbli u reżiljenti għal xokkijiet minn tmiem il-programm, iżda r-riskji ta’ legat u vulnerabbiltajiet sottostanti sinifikanti jibqgħu, imsaħħa mill-impatt negattiv sinifikanti probabbli tat-tifqigħa tal-Coronavirus. Il-likwidità kompliet titjieb matul l-2019 u baqgħet reżiljenti. Minkejja t-titjib li sar fl-2019, il-kwalità tal-assi għadha sfida kbira, anki mingħajr l-impatt tal-pandemija tal-Coronavirus. Il-pożizzjoni kapitali tal-banek Griegi hija konformi mar-rekwiżiti kapitali iżda tibqa’ esposta għal żieda fid-domanda kapitali fil-futur qrib u tiddependi ħafna mis-sovran permezz tas-sehem għoli ta’ krediti ta’ taxxa differita fil-kapital tal-banek. Sa tmiem l-2019, il-banek reġgħu lura għall-profittabbiltà, iżda għadha baxxa u fraġli. Tiddependi fuq it-tkabbir tas-self, espost għal tiġdid fid-deterjorament tal-kwalità tal-assi u, sa ċertu punt, il-volatilità tal-firxa sovrana. 

    Il-pass ta’ tnaqqis ta’ self improduttiv aċċellera fl-2019 iżda s-sehem tiegħu għadu għoli. L-istokk tagħhom laħaq EUR 68,5 biljun (40,6 % tas-self tal-klijenti) fi tmiem l-2019, bi EUR 13,3 biljun meta mqabbel mas-sena qabel u EUR 38,7 biljun inqas mill-quċċata ta’ Marzu 2016. Minħabba l-impatt negattiv mistenni tat-tifqigħa tal-Coronavirus fis-suq sekondarju għal self improduttiv, hemm aktar pressjoni fuq ir-ristrutturar ta’ suċċess tagħhom permezz tal-proċeduri interni tal-banek sabiex tinżamm tendenza ta’ titjib fil-kwalità tal-assi. Il-kriżi qed taffettwa l-istrateġiji tal-banek għat-tnaqqis tas-self improduttivi, li jeħtieġ li jiġu riveduti. L-implimentazzjoni tal-iskema Hercules ġiet posposta temporanjament, għalkemm tranżazzjoni waħda ta’ titolizzazzjoni hija fil-proċess li tiġi ffinalizzata. Il-bejgħ ippjanat ta’ self improduttiv huwa wkoll sospiż, filwaqt li l-miżuri ta’ infurzar tad-dejn ġew sospiżi b’mod temporanju, fost l-oħrajn minħabba l-għeluq ta’ qrati.

    L-awtoritajiet qed jieħdu passi biex isostnu l-aċċess għall-finanzi għal negozji affettwati, li jikkomplementaw l-inizjattivi fil-livell ta’ banek u servizzjanti kummerċjali. Il-Gvern ipprovda garanziji u għotjiet diretti biex jgħin fiż-żamma tal-impjiegi u l-likwidità fl-ekonomija, li se jappoġġa wkoll il-kwalità tal-assi fis-settur bankarju wara l-moratorji ta’ dejn volontarju temporanju applikati mill-banek u mis-servizzjanti. Il-flessibbiltà superviżorja mħabbra fil-livell Ewropew se tikkontribwixxi għall-kapaċità ta’ self tal-banek. B’ħarsa aktar ’il quddiem, li jiġi limitat — sa fejn hu possibbli — l-impatt negattiv fuq il-kwalità tal-assi u jkompli jiġi indirizzat il-legat ta’ self improduttiv se tkun instrumentali biex jitrawwem self vijabbli matul il-fażi ta’ rkupru.

    Il-pandemija tal-Coronavirus ddevjat ir-riżorsi fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika, u llimitat il-progress u rriżultat f’dewmien fl-avvanz tar-riformi fis-settur finanzjarju. Madankollu, l-awtoritajiet jibqgħu impenjati li jarmonizzaw il-qafas tal-insolvenza u jtejbu l-għodod eżistenti għar-riżoluzzjoni tas-self improduttiv. Dan huwa milqugħ tajjeb minħabba li bil-mod li qed tiżviluppa l-pandemija tal-Coronavirus, qafas ta’ insolvenza effiċjenti qed isir dejjem aktar importanti. L-azzjonijiet deskritti hawn taħt huma mmonitorjati u vvalutati bħala parti minn impenn kontinwu fil-qasam tal-politika finanzjarja.

    ·L-awtoritajiet għamlu progress fit-tħejjija ta’ Kodiċi ta’ Insolvenza ġdid. Il-kodiċi l-ġdid se jintegra r-reġimi ta’ insolvenza korporattivi u personali. Huwa mistenni li jiġi adottat sa l-aħħar ta’ Ġunju u li jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021. Filwaqt li valutazzjoni sħiħa tkun possibbli biss ladarba jkun disponibbli test stabbli, l-abbozz attwali jipprovdi modernizzazzjoni u unifikazzjoni mixtieqa tal-liġi dwar l-insolvenza, ibbażata fuq l-aħjar prattiki internazzjonali. Rekwiżit ewlieni għall-applikazzjoni effettiva tal-Kodiċi se jkun qafas ta’ pproċessar u infurzar sod, kemm f’termini ta’ leġiżlazzjoni kif ukoll ta’ kapaċità ta’ implimentazzjoni prattika. L-abbozz ta’ Kodiċi fih ukoll proposta għal skema ta’ kiri lura, fejn ir-residenza primarja ta’ mutwatarji eliġibbli jistgħu jinxtraw minn entità statali u mikrija lura lid-debitur, bil-possibbiltà ta’ riakkwisti, filwaqt li mutwatarji eliġibbli vulnerabbli se jkunu intitolati għal sussidju fuq il-kera tal-proprjetà mikrija lura. Filwaqt li jeżistu skemi simili f’pajjiżi oħra (bħall-Irlanda), il-proposta tirriskja li toħloq involviment sinifikanti tas-settur pubbliku fis-suq tal-proprjetà kif ukoll riskji fiskali, u tappella għal prudenza kbira fl-avvanz f’dawn il-linji. L-iskema kif proposta bħalissa tqajjem ukoll kwistjonijiet dwar l-infurzabbiltà, l-immirar tal-kamp ta’ applikazzjoni / benefiċjarji, u t-trikkib potenzjali ma’ strumenti oħra.

    ·L-awtoritajiet illeġiżlaw estensjoni ta’ tliet xhur tal-iskema ta’ Protezzjoni ta’ Residenza Primarja, li kellha tiskadi f’April, sal-aħħar ta’ Lulju. Id-Deċiżjoni ttieħdet minkejja l-appell limitat tal-iskema u rriflettiet id-diffikultajiet li ħabbtu wiċċhom magħhom l-applikanti biex japplikaw fil-ħin minħabba t-tifqigħa tal-pandemija. Ma ġiet introdotta l-ebda modifika fir-rigward tas-self kopert mill-iskema jew mal-kriterji ta’ eliġibbiltà. L-awtoritajiet ħabbru wkoll l-intenzjoni tagħhom li jestendu l-iskadenza għall-applikazzjoni ta’ Soluzzjoni Ekstraġudizzjarja, sal-aħħar ta’ Lulju. 

    ·Sabiex jittaffa l-impatt fuq il-gruppi soċjali affettwati finanzjarjament mill-pandemija tal-Coronavirus, l-awtoritajiet ħabbru sussidju temporanju parzjali għas-self ipotekarju, is-self għall-konsumatur u n-negozju garantit minn residenza primarja. Il-mekkaniżmu, li huwa distint mill-iskema msemmija hawn fuq ta’ bejgħ b'lokazzjoni lura skont il-kodiċi ta’ insolvenza, se tkun disponibbli għal persuni fiżiċi eliġibbli u se tkopri self produttiv, skoperturi mrażżna improduttivi u skoperturi improduttivi oħra fuq il-bażi ta’ data ta’ skadenza speċifika. L-iskema se tkun miftuħa għall-applikazzjonijiet għal xahar mill-1 ta’ Lulju 2020 u se tkun disponibbli biss għad-debituri affettwati mill-pandemija. Prerekwiżit għall-parteċipazzjoni fl-iskema se jkun li s-self ikkonċernat jiġi ristrutturat bi ftehim bejn il-banek u d-debituri. L-offerta ta’ ristrutturar se tiġi estiża mill-banek fuq bażi diskrezzjonali. Minħabba l-perimetru wiesa’ tas-self eliġibbli, se jkun essenzjali li jiġu inklużi salvagwardji b’saħħithom biex jiġi żgurat li s-self vijabbli biss jiġi ristrutturat u li l-impatti negattivi fuq id-dixxiplina tal-ħlas jiġu mitigati.

    ·L-awtoritajiet ippreżentaw pjan ta’ azzjoni u proposta leġiżlattiva korrispondenti għall-aċċellerazzjoni tal-approvazzjoni tal-akkumulazzjoni tal-insolvenza tal-unitajiet domestiċi, li kompliet tiżdied bħala riżultat tas-sospensjoni tal-proċedimenti tal-qorti. L-awtoritajiet impenjaw ruħhom li jadottaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħha sa tmiem Mejju 2020, filwaqt li jaffermaw li pjattaforma elettronika għas-sostituzzjoni ta’ dati ta’ smigħ mill-bogħod b’oħrajn aktar f’waqthom tista’ tkun operattiva fi żmien 45 jum mill-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni.

    ·L-awtoritajiet qed jieħdu passi li huma kkunsidrati fattibbli fl-istadju attwali biex jiġi implimentat il-pjan ta’ azzjoni ta’ erba’ snin għall-approvazzjoni tal-akkumulazzjoni tal-garanziji msejħa, li għadha konsiderevoli. L-eżami u l-pagamenti mistennija tal-pretensjonijiet għall-ewwel kwart tal-2020 qed jipproċedu skont il-pjan, filwaqt li t-twaqqif ta’ repożitorju tal-fajl elettroniku tjieb permezz ta’ leġiżlazzjoni sekondarja fil-bidu ta’ Mejju. Ir-riallokazzjoni tal-persunal u ta’ riżorsi oħra bdiet, iżda l-ipproċessar tat-talbiet naqas minħabba r-restrizzjonijiet imposti mill-pandemija. L-awtoritajiet beħsiebhom iħaffu sa fejn hu possibbli l-ipproċessar tat-talbiet fit-tieni nofs tal-2020 meta mqabbla mal-miri, filwaqt li jeżaminaw modi biex l-iskeda tal-pagamenti tiġi antiċipata aktar sal-2023. Diġà din is-sena, aċċellerazzjoni tal-ipproċessar tal-pretensjonijiet se tappoġġa l-likwidità tas-settur bankarju.

    ·It-twettiq tal-irkanti elettroniċi waqaf b’riżultat tal-għeluq tal-qrati u l-uffiċċji notarili iżda l-ħidma għadha għaddejja biex jittejjeb il-proċess 'il quddiem. L-awtoritajiet ippreżentaw deskrizzjoni ġenerali tal-emendi għall-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili biex jiġu indirizzati l-ostakli u l-impedimenti proċedurali, kif ukoll proposti biex titjieb il-faċilità tal-użu għall-utent tal-pjattaforma tal-irkant elettroniku. L-emendi legali meħtieġa se jiġu elaborati mill-kumitat għall-abbozzar tal-liġi għar-reviżjoni li għaddejja tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili li għandha tikkonkludi l-ħidma tagħha, flimkien ma’ rapport ta’ spjegazzjoni, sal-aħħar ta’ Settembru 2020, minflok sal-aħħar ta’ Marzu kif previst oriġinarjament.

    Il-Fond Elleniku għall-Istabbiltà Finanzjarja kien involut f’inizjattivi biex jiġu vvalutati u mmonitorjati aħjar l-effetti tal-pandemija tal-Coronavirus fuq il-finanzi tal-banek sistemiċi. It-tifqigħa tal-pandemija kienet teħtieġ li l-Fond isaħħaħ ir-rwol ta’ monitoraġġ tiegħu — u potenzjalment rwoli oħra — fi ħdan il-qafas legali attwali.

    Is-suq tax-xogħol

    Il-pandemija bdiet ikollha impatt sinifikanti fuq is-suq tax-xogħol, u l-awtoritajiet qed jieħdu firxa ta’ miżuri biex inaqqsu t-telf ta’ impjiegi u dannu ekonomiku aktar fit-tul. Dawn jinkludu żieda fil-flessibbiltà tal-ħin tax-xogħol u liv tal-ġenituri speċjali wara l-għeluq tal-iskejjel; il-projbizzjoni temporanja għal min iħaddem li jwettaq sensji, flimkien ma’ allowance għall-paga għall-impjegati kkonċernati minn sospensjoni b’mandat mill-gvern ta’ attivitajiet (b’mod ġenerali attwalment sa 1,7 miljun impjegat fis-settur privat u 500 000 persuna li jaħdmu għal rashom); u l-estensjoni tal-benefiċċji tal-qgħad sal-aħħar ta’ Mejju. L-awtoritajiet qed jikkunsidraw ukoll li jimplimentaw skema ġdida, usa’ u temporanja ta’ xogħol għal żmien qasir, li tipprovdi aktar flessibbiltà lill-kumpaniji biex jaġġustaw il-ħinijiet tax-xogħol, filwaqt li l-ħaddiema jirċievu kumpens parzjali għas-sigħat mhux maħduma. Id-Deċiżjoni dwar id-disinn preċiż u ż-żmien se tkun ibbażata fuq l-ispejjeż fiskali. L-iskema x’aktarx li tikkwalifika għal appoġġ mill-Appoġġ temporanju tal-Unjoni Ewropea biex tnaqqas ir-Riskji tal-Qgħad fi skema ta’ Emerġenza (Support to mitigate Unemployment Risks in an Emergency, SURE) jew inizjattivi oħra (il-Fond Soċjali Ewropew).

    L-awtoritajiet lestew l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni 2017-2019 biex jiġi miġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat, impenn speċifiku ta’ tmiem l-2019, u issa se jimplimentaw pjan ta’ segwitu. Pjan direzzjonali għall-pjan ta’ azzjoni ta’ segwitu huwa mistenni li jiġi adottat dalwaqt.

    Fid-dawl tal-pandemija tal-Coronavirus, l-awtoritajiet iddeċidew, bi qbil mas-sħab soċjali, li jipposponu l-aġġornament tal-paga minima minn Ġunju 2020 sa Jannar 2021. Skont valutazzjoni preliminari taż-żieda mdaqqsa fil-paga minima għall-2019 imwettqa mill-Bank Dinji, hemm evidenza limitata li l-impjiegi u l-qgħad f’setturi b’sehem għoli ta’ ħaddiema b’paga minima nbidlu f’setturi li jħaddmu ħaddiema b’paga ogħla, għalkemm analiżi ulterjuri tkun ġustifikata. B’ħarsa 'l quddiem, it-tifqigħa tal-Coronavirus qed toħloq inċertezza kbira u qed tfixkel l-iskeda ta’ żmien tal-proċess ta’ konsultazzjoni previst fil-qafas legali. L-atturi kollha involuti fil-proċess għalhekk talbu lill-gvern jipposponi l-aġġornament tal-paga minima sa Jannar 2021, li huwa raġonevoli.

    is-swieq tal-prodotti u l-kompetittività

    L-awtoritajiet qed ikomplu jaħdmu biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-qafas ekonomiku u jagħtu spinta lill-kompetittività, minkejja li l-prijoritajiet li qed jinbidlu u d-diffikultajiet ffaċċjati minħabba t-tifqigħa tal-Coronavirus. Dan se jkun kruċjali sabiex jiġi żgurat li l-ekonomija Griega toħroġ mis-sitwazzjoni attwali fuq bażi soda u tkun tista’ tiġġenera rkupru robust u sostenibbli. Inevitabbilment u b’mod xieraq, riżorsi sinifikanti ġew iddevjati lejn l-iżgurar tal-kontinwità tan-negozju matul il-pandemija, li serviet bħala katalist biex tmexxi ‘' quddiem l-aġenda tal-governanza diġitali. L-awtoritajiet impenjaw ruħhom li jwettqu azzjonijiet komplementari f’inizjattivi diġitali biex jitħaffef aktar il-piż amministrattiv għan-negozji u ċ-ċittadini, kif ukoll biex tiżdied it-trasparenza għall-investituri fuq ir-regoli dwar l-użu tal-art. Fir-rigward tad-diplomazija ekonomika, l-enfasi immedjata mxiet lejn l-indirizzar tal-pandemija, filwaqt li azzjonijiet biex jippromwovu l-esportazzjonijiet, inkluża t-tħejjija ta’ strateġija fuq perjodu qasir u medju, qed jipprogressaw. L-implimentazzjoni determinata, inkluż permezz tal-adozzjoni rapida ta’ leġiżlazzjoni li tikkonsolida r-responsabbiltajiet fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-istabbiliment tal-istrutturi ta’ tmexxija interministerjali meħtieġa, se tkun ċentrali.

    Il-ħidma fuq l-għoti ta’ liċenzji għall-investiment għaddejja minn diversi lati, minkejja d-dewmien ikkawżat minn fatturi li fil-biċċa l-kbira tagħhom ma jaqgħux fil-kontroll tal-awtoritajiet, għalkemm għad hemm riskji. L-iżviluppi f’impenji speċifiċi kienu irregolari. L-offerta għas-sistema tal-IT li tappoġġa r-riforma tal-liċenzjar tal-investiment, impenn speċifiku ta’ tmiem l-2019, qed tiġi ttardjata b’deċiżjonijiet tal-qorti. Il-ħidma fuq l-implimentazzjoni tal-liġi qafas dwar l-ispezzjonijiet u simplifikazzjoni ulterjuri tal-proċeduri, żewġ impenji ta’ nofs l-2020, qed timxi ’l quddiem b’xi dewmien, sa ċertu punt attribwibbli għat-tifqigħa tal-Coronavirus. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet għandhom l-għan li jikkonkludu r-reviżjoni tal-klassifikazzjoni tal-inkonvenjenzi sa nofs l-2020, ferm qabel l-iskadenza ta’ impenn speċifiku ta’ nofs l-2021. Barra minn hekk, l-awtoritajiet adottaw leġiżlazzjoni biex itejbu l-proċess tal-permessi ambjentali, u qed jaħdmu fuq leġiżlazzjoni sekondarja għaċ-ċertifikazzjoni ta’ spetturi esterni u ta’ valutaturi ambjentali, li għandhom jitlestew sa nofs l-2020. Minn perspettiva ta’ governanza, it-tisħiħ ulterjuri tal-koordinazzjoni interministerjali se ikun strumentali biex tiġi żgurata implimentazzjoni sostnuta tar-riforma tal-liċenzjar ta’ investiment fis-setturi kollha.

    Bil-għan li jkompli jittejjeb l-ambjent tan-negozju, l-awtoritajiet qed isegwu azzjonijiet komplementari biex inaqqsu l-burokrazija, jgħinu biex jiġu stabbiliti regoli ċari għal interazzjonijiet bejn gvern u ieħor, u jżidu l-prevedibbiltà ta’ tranżazzjonijiet ekonomiċi. Bl-għajnuna ta’ appoġġ tekniku mill-Kummissjoni Ewropea, l-awtoritajiet għandhom l-għan li jtejbu l-prestazzjoni tal-Greċja fir-rigward tal-indikaturi Doing Business tal-Bank Dinji, filwaqt li jaħdmu wkoll biex jidentifikaw il-problemi u jtejbu l-aspetti rilevanti li mhumiex inklużi fl-ambitu ta’ dan il-proġett.

    It-tifqigħa tal-Coronavirus affettwat il-proġett katast, u hemm riskju ta’ dewmien ulterjuri fil-pjan direzzjonali li ġie aġġornat dan l-aħħar jekk il-miżuri ta’ trażżin jippersistu. Għadd ta’ flussi ta’ ħidma, bħall-ħatriet ta’ maniġment superjuri, it-tħejjija tal-istrateġija korporattiva tal-Katast Elleniku, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-istrateġija ta’ diġitalizzazzjoni arkivistika u l-għoti tal-ħames kuntratti finali mexjin ’il quddiem. Ir-reklutaġġ ta’ persunal speċjalizzat jibqa’ sfida u ġiet adottata emenda legali biex jiġi ffaċilitat il-proċess f’Mejju. Il-ftuħ ta’ uffiċċji katastali reġjonali ġie sospiż u jerġa’ jibda ladarba s-sitwazzjoni terġa lura għan-normal. Il-preżentazzjoni pubblika tal-mapep kollha li fadal tal-foresta li huma ppjanati li jibdew f’Jannar 2020 u li għandhom jitlestew gradwalment sa Ġunju 2020 ġiet iffriżata, għal raġunijiet mhux relatati mat-tifqigħa tal-Coronavirus. Din hija kwistjoni ta’ tħassib, billi d-dewmien fl-uploading tar-riskju tal-mapep għandu impatt fuq it-tlestija tal-immappjar katastali b’mod ġenerali.

    It-tifqigħa tal-Coronavirus kellha impatt fuq is-settur tal-enerġija Grieg, bi prezzijiet taż-żejt u tal-gass aktar baxxi, b’miżuri ta’ tbegħid soċjali li jaffettwaw xejriet ta’ domanda u ċerti proġetti tekniċi; hija kkawżat ukoll problema ta’ likwidità għal atturi tas-suq minħabba t-tnaqqis fil-ħlasijiet tal-kontijiet. Riżultat wieħed ta’ dan huwa li l-mudell fil-mira “go-live”, impenn ta’ nofs l-2020, se jittardja, minħabba kwistjonijiet bl-implimentazzjoni ta’ proġett tekniku għas-suq tal-ibbilanċjar, b’rabta mad-diffikultajiet tal-kuntratturi fl-istazzjonar ta’ persunal b’riżultat tal-miżuri ta’ trażżin. Madankollu, il-Greċja għamlet progress f’diversi oqsma, b’mod partikolari t-tnedija tas-suq forward għall-elettriku. L-aggravazzjoni tan-nuqqas ta’ ħlas tal-kontijiet fis-suq tal-konsumatur heddet kriżi ta’ likwidità fost il-fornituri tal-enerġija, u sa issa l-awtoritajiet wieġbu b’miżuri li għandhom l-għan li jtaffu din il-pressjoni mingħajr distorsjoni tas-suq. F’nofs it-terminu, l-iskeda ta’ żmien tal-Greċja għad-dekummissjonar tal-impjanti tal-linjite tibqa’ intatta għal issa, u l-Greċja indikat l-intenzjonijiet tagħha li tagħmel l-akbar sforzi possibbli f’dan il-proġett. Il-Kont Speċjali ta’ Sorsi ta’ Enerġija Rinnovabbli ġie wkoll taħt pressjoni partikolari bħala riżultat ta’ prezzijiet aktar baxxi tal-enerġija u tal-emissjonijiet tal-UE.

    Ikomplu d-diskussjonijiet dwar l-ispeċifiċitajiet tar-rimedju tal-antitrust, bil-għan li tiġi ppreżentata proposta stabbli fis-suq, pass ewlieni finalment fl-implimentazzjoni tar-rimedju u l-għeluq ta’ dan l-impenn ta’ tmiem l-2020. L-għan huwa li jkun hemm rimedju strutturali li jkun jista’ jżid il-kompetizzjoni fil-livelli kollha tas-suq u li ma jkunx preġudikat iżżejjed lejn profil speċifiku tal-utent, u b’hekk jissodisfa t-tħassib dwar l-antitrust ikkawżat mill-aċċess esklussiv u kontinwu tal-Kumpanija tal-Enerġija Pubblika għas-sorsi ta’ karga bażika. Dan l-impenn ewlieni, propost bħala alternattiva għaċ-ċessjoni falluta ta’ tnejn mill-impjanti tal-linjite tal-kumpanija, se jkun importanti fil-ftuħ tas-suq għall-kompetizzjoni u l-inkoraġġiment ta’ investiment ġdid matul it-tranżizzjoni tal-enerġija tal-Greċja.

    Il-Pjan Nazzjonali tal-Greċja dwar l-Enerġija u l-Klima bħalissa qed jiġi rivedut mill-Kummissjoni Ewropea. Dan il-pjan ambizzjuż għad-dekummissjonar tal-linjite se jeħtieġ żieda fl-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-gass bħala sostituzzjoni tal-enerġija, u pjan reġjonali biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjoekonomiċi. Il-liġi tal-liċenzjar li se toħroġ dalwaqt li għandha l-għan li ttejjeb it-twaqqif u l-iżvilupp ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli se tikkontribwixxi għal dan. Il-muftieħ għas-suċċess tal-pjan ta’ dekummissjonar se jkun it-tranżizzjoni ta’ wara l-linjite f’żoni li jiddependu b’mod partikolari fuq is-settur. Il-Greċja stabbilixxiet kumitat interministerjali biex jiżviluppa Pjan Regolatorju ta’ Tranżizzjoni Ġusta biex jidderieġi dan il-proġett, appoġġat mill-Mekkaniżmu tal-UE ta’ Tranżizzjoni Ġusta.

    Rigward is-settur tat-trasport, l-awtoritajiet adottaw il-Pjan Regolatorju Nazzjonali tat-Trasport u qed jipproċedu għal speċifikazzjoni ulterjuri fil-livell reġjonali. L-ispeċifikazzjoni tal-Pjan Regolatorju Nazzjonali tat-Trasport hija kundizzjoni abilitanti tal-perjodu ta’ programmazzjoni tal-Fondi Strutturali li jmiss għall-ippjanar komprensiv tat-trasport u se tkun strumentali fl-introduzzjoni ta’ sensiela ta’ proġetti għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss. L-awtoritajiet ħadu wkoll passi biex itejbu l-provvista tal-kundizzjonijiet tat-trasport f’Tessaloniki permezz ta’ kuntratt ta’ konċessjoni mal-Impriża Konġunta għat-Trasport Reġjonali (KTEL), u qed iħejju pjan strateġiku għar-riforma futura tiegħu li tintegra l-metro ta’ Tessaloniki.

    korporazzjoni Ellenika ta’ assi u PARTEĊIPAZZJONIJIET U PRIVAZZJONI

    Inevitabbilment, il-pandemija tal-PRIVATISATIONaffettwat il-funzjonament tal-Korporazzjoni Ellenika tal-Assi u l-Parteċipazzjonijiet (HCAP) u l-kumpaniji tal-portafoll tagħha u wasslet għal aġġustamenti u/jew bidla fil-prijoritajiet tagħha kif ukoll tal-iskeda ta’ parti mill-impenji tal-Greċja. Filwaqt li l-awtoritajiet ikomplu bl-impenn qawwi tagħhom mal-Korporazzjoni, l-adozzjoni ta’ Gwida Ministerjali aġġornata, li hija meħtieġa għall-implimentazzjoni kontinwa tal-pjan strateġiku tal-Korporazzjoni (impenn kontinwu), kif ukoll l-aġġornament ippjanat tagħha għall-pjan tan-negozju tagħha, se tittardja sakemm is-sitwazzjoni tal-Coronavirus tkun stabbli. Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu ta’ Koordinazzjoni, il-mandati tal-intrapriżi pubbliċi rispettivi ġew approvati mill-Kumitat tal-Kabinett fit-12 ta’ Marzu, iżda f’dan l-istadju mhijiex qed tiġi rrakkomandata l-finalizzazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ impenji rigward kull intrapriża, għal darba oħra minħabba l-inċertezza maħluqa mill-Coronavirus. Il-korporazzjoni kompliet ittejjeb il-governanza korporattiva f’intrapriżi tal-istat permezz ta’ reviżjonijiet u ħatriet tal-bord. Sfida ewlenija hija relatata ma’ kwistjonijiet operazzjonali u finanzjarji sinifikanti fil-Posta Ellenika. Il-pandemija se tillimita wkoll it-titjib fil-prestazzjoni tal-portafoll tal-proprjetà immobbli tal-Korporazzjoni matul l-2020, għalkemm it-titjib operazzjonali għandu jibqa’ fattibbli. Ħidma teknika dwar it-trasferiment taċ-Ċentru Atletiku Olimpiku ta’ Ateni lill-Korporazzjoni kompliet bis-sottomissjoni ta’ rapport mill-konsulent tekniku f’April 2020.

    Il-prijorità attwali tal-Korporazzjonijiet hija l-iżgurar ta’ operazzjoni kontinwa ta’ intrapriżi pubbliċi f’setturi ewlenin, u s-saħħa u s-sikurezza tal-persunal. F’dan il-kuntest, il-provvista bla waqfien tal-elettriku, l-ilma u s-servizzi postali hija ta’ importanza kbira, bħalma hija s-salvagwardja tal-kontinwità tan-negozju fis-sistemi tat-trasport pubbliku u s-swieq ċentrali f’Ateni u t-Tessaloniki. Ir-riperkussjonijiet ekonomiċi negattivi tal-pandemija tal-Coronavirus huma mistennija li jkunu partikolarment severi għall-Organizzazzjoni tat-Trasport Urban ta’ Ateni u l-Posta Ellenika.

    Il-momentum fil-proċess ta’ privatizzazzjoni osservat matul ix-xhur preċedenti ma setax jinżamm minħabba t-tifqigħa tal-Coronavirus. Il-pandemija qed ikollha impatt fuq l-implimentazzjoni tal-programm ta’ privatizzazzjoni f’ħafna modi, fost l-oħrajn permezz ta’ diffikultajiet fl-involviment ma’ investituri potenzjali, l-impatti fuq il-valutazzjonijiet tal-assi, kapaċità amministrattiva mnaqqsa biex jiġu implimentati l-azzjonijiet meħtieġa, u l-interruzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.

    Minkejja l-ambjent kummerċjali negattiv ġenerali kkawżat mill-pandemija, il-Fond għall-Iżvilupp tal-Assi tar-Repubblika Ellenika qed javvanza b’azzjonijiet ta’ maturazzjoni fuq it-tranżazzjonijiet tiegħu, u l-awtoritajiet huma ta’ appoġġ u qed jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa min-naħa tagħhom. Dan se jagħmel possibbli t-tnedija tal-passi li jmiss fit-tranżazzjonijiet rispettivi, fi żmien li s-sitwazzjoni terġa' lura għan-normal. F’dan l-istadju, is-sitwazzjoni rigward it-tranżazzjonijiet li għaddejjin bħalissa hija kif ġej:

    ·Hellinikon (impenn speċifiku għall-2018): Minkejja l-impenn qawwi kontinwu tal-awtoritajiet biex ilestu l-kundizzjonijiet preċedenti biex jippermettu t-trasferiment tal-ishma lill-investitur preferut (Lamda), l-għeluq finanzjarju huwa ttardjat b’kumplikazzjonijiet fil-proċess tal-offerta għall-għoti tal-liċenzja tal-każinò. Wara ċ-ċaħda tal-ewwel appell, l-offerent eskluż ippreżenta petizzjoni għal annullament flimkien ma’ miżuri ta’ rimedju interim quddiem il-Kunsill tal-Istat. Il-Kunsill tal-Istat ċaħad il-petizzjoni għal miżuri proviżorji ta’ rimedju fis-7 ta’ Mejju 2020. Dan iwitti t-triq għall-kontinwazzjoni tal-proċess tal-offerti għalkemm il-finalizzazzjoni tiegħu teħtieġ li tistenna d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Istat dwar il-mertu tal-petizzjoni għal annullament. L-awtoritajiet qed isegwu passi biex jindirizzaw il-kwistjonijiet pendenti li fadal.

    ·Konċessjoni tal-Marina ta’ Alimos (impenn speċifiku ta’ nofs l-2019): il-marina ta’ Alimos hija waħda mill-akbar marini fix-Xlokk tal-Mediterran, li tinsab fix-xatt tax-Xlokk ta’ Ateni. L-Att tal-Kabinett li jawtorizza l-iffirmar tal-ftehim ta’ konċessjoni ġie ppubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali fis-7 ta’ April 2020 u l-ftehim ta’ konċessjoni ġie ffirmat mill-partijiet interessati kollha fit-13 ta’ Mejju 2020. L-għeluq finanzjarju tat-tranżazzjoni huwa mistenni li jsegwi fi żmien 120 jum mill-iffirmar tal-ftehim ta’ konċessjoni.

    ·Hellenic Petroleum (impenn speċifiku ta’ nofs l-2019): L-awtoritajiet għad iridu jiddeċiedu dwar l-approċċ li għandu jiġi segwit wara l-falliment tal-ewwel offerta f’nofs l-2019. Il-Fond qed jikkunsidra l-għażliet kollha. Madankollu, wara l-waqgħa sinifikanti reċenti fil-valur ta’ kapitalizzazzjoni tal-kumpanija, il-Fond ikkunsidra xieraq li jdewwem aktar it-tnedija tat-tranżazzjoni għal stadju aktar tard.

    ·Il-bejgħ ta’ 30 % tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Ateni (impenn speċifiku ta’ tmiem l-2019): Fi tmiem Jannar 2020, disa’ partijiet ta’ investiment ġew ikkunsidrati kkwalifikati biex jipproċedu għall-fażi tal-offerti vinkolanti. Madankollu, minħabba l-impatt tal-pandemija, l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-offerti vinkolanti kellha tiġi aġġustata u l-proċess se jerġa’ jibda ladarba s-sitwazzjoni titjieb.

    ·Public Gas Corporation — DEPA Commercial (impenn speċifiku ta’ tmiem l-2019) — Infrastruttura tad-DEPA (impenn speċifiku ta’ nofs l-2021): Inkiseb progress tajjeb bl-offerti li jattiraw interess qawwi ta’ investiment. Disa’ partijiet interessati ppreżentaw Espressjonijiet ta’ Interess f’kull waħda miż-żewġ offerti internazzjonali. L-evalwazzjoni tagħhom tinsab għaddejja iżda t-tnedija tal-fażi tal-offerti vinkolanti għaż-żewġ tranżazzjonijiet se tittardja minħabba t-tifqigħa tal-Coronavirus.

    ·Egnatia (impenn speċifiku ta’ tmiem l-2019): L-awtoritajiet enfasizzaw l-impenn tagħhom li jipproċedu bit-tranżazzjoni u ħadu għadd ta’ azzjonijiet f’April u fil-bidu ta’ Mejju 2020, inkluż l-iffirmar ta’ Deċiżjoni Ministerjali Konġunta dwar l-elementi ewlenin tal-ftehim ta’ konċessjoni u passi amministrattivi ulterjuri. Sadanittant, l-awtoritajiet u Egnatia S.A. huma mistennija jipproċedu bl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet pendenti kollha li fadal relatati mal-ispeċifikazzjoni tax-xogħlijiet għall-pontijiet biex jikkwalifikaw bħala sikuri, il-liċenzjar tal-mini, it-tlestija tal-bini tal-istazzjonijiet tan-nolijiet kollha u r-riżoluzzjoni minn Egnatia S.A. tal-kwistjonijiet miftuħa relatati mal-kuntratti ta’ erba’ stazzjonijiet ta’ servizz tal-vetturi li ilhom inattivi mill-2011. 

    ·Portijiet Reġjonali (impenn speċifiku ta’ tmiem l-2019): Wara perjodu twil ta’ dewmien, sar progress tajjeb tul dawn l-aħħar xhur, bil-Fond jagħti l-flessibilità tat-tfassil tat-tranżazzjonijiet fuq bażi ta’ każ b’każ u jingħata bidu għal xogħol ta’ tħejjija fuq l-offerti għal erba’ portijiet. Madankollu, minħabba l-ambjent mhux favorevoli, tqies raġonevoli li tiġi posposta t-tnedija tat-tranżazzjonijiet.

    Amministrazzjoni pubblika

    L-amministrazzjoni pubblika kienet iffaċċjata b’sfida doppja fl-indirizzar tal-pandemija tal-Coronavirus, billi hija mexxiet ir-rispons tal-awtoritajiet filwaqt li ffaċċjat limitazzjonijiet kbar ta’ kapaċità. B’mod ġenerali, ir-rispons tal-amministrazzjoni pubblika ppermetta li ċ-ċittadini u n-negozji jserrħu rashom li jkomplu fil-biċċa l-kbira tagħhom mingħajr interruzzjoni. Dan ġie appoġġat mit-tnedija ta’ għadd ta’ għodod diġitali matul il-perjodu ta’ trażżin.

    L-awtoritajiet għamlu progress fil-ħatra ta’ maniġers superjuri u t-tisħiħ tal-qafas ġenerali, għalkemm il-proċess ġie mfixkel mill-pandemija tal-Coronavirus u għad hemm xi tħassib. Il-ħatriet ta’ 13-il Segretarji Permanenti ġodda tlestew, filwaqt li l-proċess ta’ għażla għal Diretturi waqaf b’mod temporanju. F’Marzu 2020, l-awtoritajiet adottaw dispożizzjonijiet legali li jestendu l-proċess tal-għażla mill-amministrazzjoni ċentrali wkoll għal-livell lokali, li huwa milqugħ tajjeb. Tħejja wkoll abbozz ta’ leġiżlazzjoni biex jiġi stabbilit proċess ta’ għażla uniformi għal karigi ta’ maniġment superjuri f’entitajiet tas-settur pubbliku, li huwa mistenni li jidħol fis-seħħ f’Settembru 2020. Jintlaqa’ r-rwol ċentrali previst għall-Kunsill Suprem għall-Għażla tal-Persunal Ċivili fil-proċess tal-għażla. Fuq nota aktar problematika, il-proċeduri ta’ għażla li għaddejjin bħalissa għall-istrutturi li jamministraw il-fondi strutturali tal-UE (Qafas ta’ Referenza Strateġiku Nazzjonali) ma għamlux progress u pjanijiet li jiġi kkanċellat dan il-proċess u jitnieda wieħed ġdid jista’ jaffettwa l-istabbiltà u l-funzjonament effettiv tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll stabbiliti, u l-awtoritajiet huma mħeġġa jikkunsidraw għażliet alternattivi.

    B’mod ġenerali, sar progress tajjeb fl-iżvilupp ta’ Sistema ta’ Ġestjoni tar-Riżorsi Umani, inkluż it-tlestija ta’ numru sinifikanti ta’ organigrammi diġitali u deskrizzjonijiet ta’ xogħol (impenn speċifiku ta’ tmiem l-2019). Sa nofs Marzu, l-entitajiet tal-Gvern li jirrappreżentaw madwar żewġ terzi tal-persunal totali kienu lestew organigrammi diġitali, b’rabta bejn id-deskrizzjoni tax-xogħol u l-persuna li tokkupa kariga stabbilita għal 75 % tal-postijiet okkupati. L-offerta ffinanzjata mill-UE dwar is-Servizzi ta’ Appoġġ tas-Sistema tar-Riżorsi Umani hija mistennija li titnieda sa Ġunju 2020, filwaqt li l-aġġornament tal-bażi tad-data taċ-ċensiment qed jagħmel progress bħala soluzzjoni interim. Iċ-ċiklu ta’ mobilità għall-2020 ġie varat skont leġiżlazzjoni ġdida li għandha l-għan li tkompli ttejjeb din ir-riforma, b’mod partikolari billi ssaħħaħ ir-rabta bejn l-iskema ta’ mobilità u l-ippjanar ta’ reklutaġġ annwali. Iċ-ċiklu ta’ valutazzjoni tal-prestazzjoni għall-2019 iddewwem minħabba l-pandemija, iżda l-awtoritajiet qed jimxu 'l quddiem bi pjanijiet biex isaħħu l-qafas ta’ valutazzjoni u jorbtuha mal-pjanijiet ta’ azzjoni annwali ta’ kull Ministeru u l-proċess tal-għażla tal-maniġers.

    L-awtoritajiet impenjaw ruħhom li jsaħħu s-sistema ta’ għażla tal-persunal billi jaġġornaw il-liġi abilitanti tal-Kunsill Suprem għall-Għażla tal-Persunal Ċivili u biex iżidu l-kapaċità globali tiegħu (impenn komplementari). L-impenn il-ġdid jinvolvi liġi riveduta li għandha tiġi adottata sa Ottubru 2020 u pjan ta’ azzjoni dettaljat għar-riorganizzazzjoni tal-Kunsill se jiġi ffinalizzat sa tmiem l-2020, bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ewlenin speċifiċi li jkunu qed jiġu ssorveljati mill-2021 ’il quddiem. Diġà nbdiet ħidma, b’għadd ta’ flussi ta’ ħidma li ġew definiti, inkluż il-proċess ta’ applikazzjoni, dispożizzjonijiet speċjali dwar l-impjegar (inkluż għal persunal temporanju) u kwistjonijiet organizzattivi.

    L-awtoritajiet qed ifittxu li jimxu 'l quddiem bil-ħidma li għaddejja dwar il-kodifikazzjoni legali, minkejja l-interruzzjonijiet attwali. Il-Kumitat ta’ Kodifikazzjoni Ċentrali ġie stabbilit mill-ġdid u huwa mistenni li jkollu rwol ewlieni fil-promozzjoni ta’ proġett ta’ kodifikazzjoni legali. Minħabba t-tifqigħa tal-Coronavirus, l-awtoritajiet dewmu ftit il-pjanijiet tagħhom li jadottaw liġi ġdida ta’ kodifikazzjoni għall-Kodiċi tal-Liġi tax-Xogħol u l-Kodiċi ta’ Dispożizzjonijiet Regolatorji dwar ix-Xogħol (impenn speċifiku ta’ nofs l-2020), iżda huma impenjati li jadottaw il-liġi l-ġdida ta’ kodifikazzjoni sa Settembru 2020. L-offerta għall-proġett ewlieni biex jiġi stabbilit il-portal nazzjonali għal kodifikazzjoni legali (impenn speċifiku għal nofs l-2022) hija mistennija li titnieda dalwaqt.

    L-implimentazzjoni tal-Liġi Eżekuttiva tal-Istat qed timxi 'l quddiem. L-ewwel nett, l-awtoritajiet adottaw manwal leġiżlattiv dettaljat dwar il-metodoloġija u mudell għal valutazzjoni komprensiva tal-impatt, li tħejjew bl-appoġġ tekniku pprovdut mill-Kummissjoni Ewropea, u jikkostitwixxu għodod ewlenin biex jinfurzaw id-dispożizzjonijiet dwar it-tfassil tajjeb tal-liġijiet li daħlu fis-seħħ f’Jannar 2020. It-tieni, skont sejbiet preliminari, id-delega ta’ setgħat ta’ firem għal-livell mhux politiku li daħal fis-seħħ fi Frar 2020 qed tiġi applikata b’mod effiċjenti fl-amministrazzjoni ċentrali kollha. Dan jinvolvi riforma ewlenija fil-qalba tal-amministrazzjoni pubblika, u huwa stmat li madwar 80 % tad-deċiżjonijiet kollha meħuda f’kull ministeru għandhom jiġu ffirmati fil-livell amministrattiv.

    Ir-reklutaġġ ta’ persunal permanenti fl-2019 kien konformi mal-pjan tal-persunal, u l-pjan tal-persunal għall-2020 jirrispetta r-regola ta’ sostituzzjoni 1:1. Fl-istess ħin, meta wieħed iqis iż-żieda qawwija ta’ persunal temporanju mill-2018 'l hawn, l-awtoritajiet qablu fuq impenn komplementari ġdid li jerġa’ jdaħħal limitu massimu ta’ persunal temporanju mill-2021 ’il quddiem. Filwaqt li l-għadd ta’ persunal temporanju ilu fuq xejra ta’ tnaqqis sa mill-ogħla livell tiegħu f’nofs l-2019, jibqa’ ferm ogħla mil-livell fl-2018 meta l-Greċja ħarġet mill-programm MES. L-impenn il-ġdid huwa mistenni li jikkontribwixxi għall-ambizzjoni tal-awtoritajiet li jsaħħu l-kontroll ċentrali tal-proċeduri ta’ reklutaġġ. Id-dispożizzjoni adottata reċentement li tittrasferixxi entitajiet muniċipali speċifiċi barra l-mandat tal-Awtorità ta’ Pagament Uniku hija ta’ tħassib. Sabiex it-tielet u l-aħħar fażi tar-riforma tar-rimunerazzjoni tkun għadha għaddejja, huwa importanti li l-mandat tal-Awtorità Unika ta’ Pagament jibqa’ intatt.

    Il-ġustizzja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni

    Bħala parti mill-proġett biex tissaħħaħ l-e-justice, ġie rreġistrat xi progress fit-tranżizzjoni għal preżentazzjoni elettronika obbligatorja u l-ipproċessar ta’ dokumenti legali f’ġurisdizzjonijiet ċivili u penali u fil-ħruġ elettroniku ta’ ċertifikati u deċiżjonijiet tal-qorti. Filwaqt li l-arkivjar elettroniku sar obbligatorju għall-fergħa amministrattiva tal-ġudikatura mill-1 ta’ Jannar 2021, dan jibqa’ fakultattiva u huwa disponibbli biss parzjalment f’ġurisdizzjonijiet ċivili u penali. L-awtoritajiet impenjaw ruħhom li jħejju pjan ta’ azzjoni sa nofs l-2020 għat-tnedija ta’ arkivjar elettroniku f’ġurisdizzjonijiet ċivili u kriminali, u jimmappjaw is-sitwazzjoni attwali territorjalment u tematikament u jistabbilixxu skeda ta’ żmien. Prekondizzjoni għall-arkivjar elettroniku ġeneralizzat u obbligatorju hija l-kisba ta’ firem diġitali ċċertifikati minn imħallfin, persunal amministrattiv tal-qorti u professjonisti legali, u l-awtoritajiet impenjaw ruħhom li jieħdu miżuri ta’ faċilitazzjoni għal dan il-għan.

    Fil-15 ta’ April 2020, l-awtoritajiet ippubblikaw is-sejħa għal offerti li ilha li saret għat-tieni fażi tas-Sistema Integrata ta’ Ġestjoni tal-Każijiet, impenn speċifiku ta’ nofs l-2020. L-offerti għandhom jiġu ppreżentati sas-26 ta’ Mejju 2020 u l-kompetizzjoni għall-għoti tal-kuntratt se ssir fl-1 ta’ Ġunju 2020. It-twettiq tal-proġett kuntrattwali huwa ppjanat li jitlesta fi żmien 36 xahar mill-iffirmar tal-ftehim.

    L-aħħar stadju tad-dħul fis-seħħ tal-qafas ta’ medjazzjoni obbligatorju tlesta f’Marzu. Minħabba s-sospensjoni tal-funzjoni tal-qrati fil-kuntest tat-tifqigħa tal-Coronavirus, l-effetti tal-qafas il-ġdid se jkunu jistgħu jitkejlu biss aktar tard fl-2020.

    L-awtoritajiet qed jipproċedu wkoll bl-inizjattiva li jinħolqu awli speċjalizzati fi qrati ċivili u amministrattivi (impenn komplementari). L-awli l-ġodda se jittrattaw kategoriji speċifiċi ta’ każijiet u se jkollhom persunal ta’ mħallfin b’esperjenza professjonali rilevanti jew bi kredenzjali akkademiċi. 

    Il-kapaċità operazzjonali tal-Awtorità Nazzjonali għat-Trasparenza qed tissaħħaħ gradwalment bil-ħsieb li din issir kompletament operazzjonali sa Novembru 2020. L-awtorità Nazzjonali għat-Trasparenza tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-Pjan Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni, li juri riżultati tajbin sa issa, u tikkollabora mal-Qorti tal-Awdituri Ellenika dwar it-tisħiħ tas-sistemi ta’ kontroll intern kemm fil-livell ċentrali kif ukoll f’dak lokali. L-Awtorità hija wkoll involuta fis-sorveljanza tal-finanzjament tal-partiti politiċi u tal-kontrolli tad-dikjarazzjonijiet tal-assi. L-awtoritajiet impenjaw ruħhom li jirrappurtaw dalwaqt dwar l-implimentazzjoni tal-qafas istituzzjonali dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi s’issa. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni se jiġu kkunsidrati minn kumitat iddedikat, li se jipproponi kwalunkwe emenda leġiżlattiva meħtieġa sa Diċembru 2020.

    (1) ()    Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-Żona tal-Euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b’diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom, ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.
    (2) ()    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020, C(2020)901, tad-19 ta’ Frar 2020 dwar l-estensjoni tas-sorveljanza msaħħa għall-Greċja.
    (3) ()     https://www.consilium.europa.eu/media/35749/z-councils-council-configurations-ecofin-eurogroup-2018-180621-specific-commitments-to-ensure-the-continuity-and-completion-of-reforms-adopted-under-the-esm-programme_2.pdf .
    (4) ()    Il-persunal tal-BĊE pparteċipa fil-missjoni ta’ rieżami skont il-kompetenzi tal-BĊE u b’hekk ipprovda għarfien espert dwar il-politiki tas-settur finanzjarju u l-kwistjonijiet makrokritiċi, bħall-miri fiskali ewlenin u s-sostenibbiltà u l-ħtiġijiet tal-finanzjament. Qabel il-missjoni ta’ rieżami saret missjoni teknika, mill-bogħod ukoll, bejn is-26 ta’ Marzu u s-7 ta’ April 2020.
    (5) ()     https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/economy-finance/ip116_en.pdf .
    (6) ()    Ippubblikat bħala t-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2020:  https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/economic-performance-and-forecasts/economic-forecasts_mt  
    (7) () https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/economy-finance/2_en_act_part1_v3-adopted_text.pdf
    Top