IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 31.10.2019
COM(2019) 581 final
2019/0254(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-appoġġ mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) fis-sena 2021 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 229/2013 u (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tar-riżorsi u d-distribuzzjoni tagħhom fir-rigward tas-sena 2021 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tar-riżorsi u l-applikazzjoni tagħhom fis-sena 2021
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
(a)Estensjoni tal-applikabbiltà tar-regolamenti eżistenti
Il-proposti ta’ riforma tal-Kummissjoni dwar il-politika agrikola komuni (PAK) lil hinn mill-2020 jipprevedu li l-Istati Membri jibdew jimplimentaw il-Pjanijiet Strateġiċi tagħhom mill-1 ta’ Jannar 2021. Dan jimplika li l-Istati Membri jippreżentaw il-Pjanijiet Strateġiċi tagħhom sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2020 u li l-Kummissjoni tapprova dawn il-pjanijiet matul is-sena. Fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali kemm fil-Parlament kif ukoll fil-Kunsill, huwa ċar li l-atti bażiċi u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni li jirriżultaw mhumiex se jiġu adottati formalment sa Jannar 2020 u li, għalhekk, se jkun meħtieġ li jiġi ppjanat perjodu tranżitorju.
Dan il-perjodu tranżitorju se jirrikjedi l-estensjoni tal-applikabbiltà tal-qafas legali eżistenti u l-adattamenti ta’ ċerti regoli biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-PAK sakemm tiddaħħal fis-seħħ is-sistema l-ġdida.
Ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, 1306/2013, 1307/2013 u 1308/2013 formalment mhumiex limitati fiż-żmien u, għalhekk, se jkomplu japplikaw sakemm jitħassru. Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 se jkompli japplika għall-appoġġ approvat mill-Kummissjoni skont ir-Regolament 1305/2013.
Madankollu, ir-Regolament dwar Pagamenti Diretti (UE) Nru 1307/2013 u r-Regolament dwar l-Iżvilupp Rurali (UE) Nru 1305/2013 ma jinkludux l-ammont ta’ appoġġ tal-Unjoni jew il-limiti massimi nazzjonali għas-snin wara l-2020. Dan huwa minnu wkoll għar-Regolament (UE) Nru 228/2013 dwar miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u r-Regolament (UE) Nru 229/2013 dwar miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew. Għalhekk, mill-2021 ’il quddiem, dawn ir-Regolamenti fil-prattika mhux se jibqgħu japplikaw. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu emendati biex jinkludu l-ammonti/limiti massimi rilevanti, meta jiġu deċiżi għall-QFP il-ġdid għall-2021-2027. Barra minn hekk, fir-Regolament dwar Pagamenti Diretti (UE) Nru 1307/2013, ċerti regoli kienu limitati għall-perjodu sal-2019. Ir-Regolament (UE) 2019/288 li jemenda r-Regolament dwar Pagamenti Diretti jipprevedi regoli għas-sena kalendarja 2020. Dawn ir-regoli se jkollhom bżonn jiġu estiżi għal darb’oħra għall-perjodu tranżitorju. Għall-finijiet ta’ ċarezza u ċertezza legali, jeħtieġ li jiżdiedu wkoll ċerti regoli jew li ċerti regoli eżistenti jiġu emendati sabiex tiġi żgurata l-kontinwità.
Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jipprevedi regoli fir-rigward tal-programmazzjoni 2014-2020. Peress li l-perjodu ta’ programmazzjoni attwali fl-iżvilupp rurali se jkollu jiġi estiż lil hinn minn dan il-perjodu, ċerti skadenzi regolatorji definiti f’dak ir-regolament se jkunu jeħtieġu li jiġu aġġustati kif xieraq.
Id-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-PAK stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jibqgħu japplikaw, iżda jenħtieġ li jsiru ċerti modifiki biex tiġi żgurata l-kontinwità fil-perjodu tranżitorju.
Din il-proposta għandha l-għan li tipprovdi ċertezza u kontinwità fl-għoti ta’ appoġġ lill-bdiewa Ewropej u li tiżgura appoġġ kontinwu għall-iżvilupp rurali fil-perjodu tranżitorju għal dawk l-Istati Membri li jkunu użaw l-allokazzjonijiet tagħhom tal-FAEŻR 2014-2020 billi testendi l-qafas legali attwali sakemm il-PAK il-ġdida ssir applikabbli. Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu l-adattamenti meħtieġa fil-livell nazzjonali, dawn il-bidliet jeħtieġ li jiġu adottati mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew sa nofs l-2020.
(b)It-tranżizzjoni għall-perjodu li jmiss tal-PAK
Il-PAK il-ġdida qiegħda tinbidel b’mod sinifikanti. Hemm bżonn ta’ regoli tranżitorji biex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mill-perjodu attwali għall-perjodu li jmiss tal-PAK.
Fir-rigward tat-tieni pilastru, id-definizzjoni tar-regoli tranżitorji bejn iż-żewġ perjodi ta’ programmazzjoni tirrappreżenta prattika standard. Ġeneralment huma meħtieġa regoli tranżitorji biex jintrabtu żewġ perjodi konsekuttivi ta’ programmazzjoni. Fid-dawl tal-bidliet sinifikanti li jirriżultaw mill-proposti ta’ riforma tal-Kummissjoni, hemm ħtieġa akbar għal arranġamenti tranżitorji, b’mod partikolari rigward il-kontinwazzjoni tal-impenji pluriennali meħuda fil-perjodi ta’ programmazzjoni attwali u preċedenti.
Ir-Regolament dwar l-OKS Unika (UE) Nru 1308/2013 jistipula r-regoli għall-organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli, inkluż skemi ta’ għajnuna għal setturi speċifiċi. Dan jistabbilixxi l-parametri għall-intervent fis-swieq agrikoli u għall-għoti ta’ appoġġ speċifiku lis-settur. Biex tiġi żgurata l-koerenza, ħafna mill-interventi tal-PAK il-ġdida se jkunu parti minn pjan wieħed ta’ appoġġ strateġiku tal-PAK għal kull Stat Membru, inklużi diversi interventi settorjali li qabel kienu stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Skont ir-regoli attwali, il-programmi settorjali differenti jsegwu perjodi ta’ żmien differenti. Biex tiġi żgurata l-koerenza, il-kontinwità u t-tranżizzjoni bla xkiel bejn l-iskemi ta’ għajnuna skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u t-tipi ta’ interventi settorjali skont il-PAK il-ġdida, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar it-tul ta’ żmien ta’ kull waħda minn dawn l-iskemi ta’ għajnuna fir-rigward tad-dħul fis-seħħ tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tal-Istati Membri. Għal skemi ta’ għajnuna fis-settur tal-frott u l-ħxejjex u fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda, jeħtieġ li jiġu rregolati l-kontinwazzjoni u l-modifika tal-programmi operattivi u tal-programmi ta’ ħidma.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta' politika
L-emendi proposti huma konsistenti mar-Regolamenti eżistenti (UE) Nru 1305/2013, 1307/2013 u 1308/2013, u għalhekk il-proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika tal-PAK.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
L-emendi proposti huma konsistenti mal-proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (QFP) u l-proposta għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR).
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikoli 43(2) u l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
It-TFUE jipprevedi li l-kompetenza għall-agrikoltura tinqasam bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. L-Unjoni teżerċita l-kompetenza tagħha permezz tal-adozzjoni ta’ diversi atti leġiżlattivi, u b’hekk tiddefinixxi u timplimenta politika agrikola komuni tal-UE kif previst fl-Artikoli 38 sa 44 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-għan ta’ din il-proposta huwa li jiġi kopert il-perjodu sakemm il-PAK il-ġdida ssir applikabbli billi jiġi estiż il-qafas legali attwali u li tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mill-perjodu attwali għall-perjodu li jmiss tal-PAK. Dawn l-objettivi jistgħu jinkisbu biss permezz ta’ emenda tar-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, Nru 1306/2013, Nru 1307/2013, Nru 1308/2013, Nru 228/2013 u (UE) Nru 229/2013 kif ukoll billi jiġu stipulati ċerti dispożizzjonijiet tranżizzjonali.
•Proporzjonalità
Il-proposta ma tinvolvix xi żviluppi ġodda fil-politika meta mqabbla mal-atti leġiżlattivi li għandha l-għan li temenda u l-qafas leġiżlattiv li għandha l-għan li ssir it-tranżizzjoni għalih. Il-proposta timmodifika r-Regolamenti eżistenti biss sal-punt meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi deskritti hawn fuq.
•Għażla tal-istrument
Peress li l-atti leġiżlattivi oriġinali huma regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-emendi jridu jiġu introdotti wkoll bħala regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta tindirizza l-ħtiġijiet legali li jirriżultaw mill-applikazzjoni tard tal-PAK il-ġdida minħabba s-sitwazzjoni attwali tad-diskussjonijiet bejn l-Istituzzjonijiet fir-rigward tar-riforma tal-PAK. Mingħajr leġiżlazzjoni bħal din, il-bdiewa u benefiċjarji oħrajn tal-PAK jinsabu f’riskju li ma jirċevux appoġġ fl-2021. Huwa għalhekk li l-Istati Membri qed jitolbu lill-Kummissjoni biex tipproponi leġiżlazzjoni bħal din. Din tipproponi wkoll aġġustamenti tranżitorji li huma meħtieġa minħabba l-bidliet sinifikanti li jsiru bil-proposti ta’ riforma tal-Kummissjoni. F’dan il-kuntest, valutazzjoni tal-impatt mhijiex pertinenti.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Ir-Regolamenti attwali (UE) Nru 1305/2013 dwar l-iżvilupp rurali u (UE) Nru 1307/2013 dwar pagamenti diretti ma jistipulawx allokazzjonijiet għall-perjodu tranżitorju (wara s-sena kalendarja 2020). Għalhekk, l-inizjattiva għandha impatt baġitarju fis-sens li żżid l-allokazzjonijiet għall-pagamenti diretti u l-iżvilupp rurali għall-perjodu tranżitorju rilevanti biex tiġi żgurata kontinwità bla xkiel. Dawn l-allokazzjonijiet huma ugwali għal dawk fil-proposta tal-Pjan tal-PAK u huma koerenti mal-proposta tal-Kummissjoni dwar il-QFP 2021-2027. Fejn l-Istati Membri ma jiddeċidux li jestendu l-programmi tal-iżvilupp rurali attwali tagħhom, l-allokazzjonijiet tal-FAEŻR tal-2021 se jiġu trasferiti għall-allokazzjonijiet tal-FAEŻR tal-2022 – 2025.
B’mod simili, għall-perjodu tranżitorju, l-allokazzjonijiet inklużi fir-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) Nru 228/2013 u (UE) Nru 229/2013 jeħtieġ li jiġu aġġustati biex jiġu rrispettati l-ammonti globali għall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) inklużi fil-proposta tal-QFP.
Qed jiġi propost li r-riżerva għall-kriżijiet agrikoli msemmija fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tinżamm tul il-perjodu tranżitorju kollu biex tiġi żgurata l-kontinwità. Dan irid jiġi ffinanzjat permezz ta’ dixxiplina finanzjarja applikata fuq il-pagamenti diretti. Bħala tali, dan ma jinvolvix nefqa addizzjonali.
Din il-proposta hija newtrali f’termini ta’ impenji baġitarji globali. L-impatt fir-rigward tal-iskeda stmata għall-approprjazzjonijiet għal pagament se jiddependi fuq id-deċiżjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-estensjoni tal-programmi attwali ta’ żvilupp rurali.
Bl-istess mod, kwalunkwe deċiżjoni tal-Istati Membri li jittrasferixxu fondi bejn il-pagamenti diretti u l-iżvilupp rurali se tkun newtrali f’termini ta’ impenji baġitarji globali iżda jista’ jkollha impatt f’termini taż-żmien meta jsiru l-pagamenti li madankollu ma jistgħux jiġu stmati.
Aktar dettalji dwar l-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ din il-proposta huma pprovduti fid-dikjarazzjoni finanzjarja mehmuża mal-proposta.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Is-sistema eżistenti bil-pjanijiet inerenti tagħha ta’ implimentazzjoni u l-arranġamenti ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rapportar tiġi estiża.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
•
Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Il-proposta tikkonċerna seba’ regolamenti:
·Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (minn hawn ’il quddiem: CPR)
·Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (minn hawn ’il quddiem: ir-Regolament RD)
·Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni (minn hawn ’il quddiem: ir-Regolament Orizzontali)
·Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni (minn hawn ’il quddiem: ir-Regolament DP)
·Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli (minn hawn ’il quddiem: ir-Regolament dwar l-OKS)
·Ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006
·Ir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006
Il-proposta hija maqsuma f’żewġ titoli.
L-ewwel titolu jinkludi erba’ kapitoli, li jkopru dispożizzjonijiet li jestendu l-qafas legali attwali sabiex jiġi kopert il-perjodu addizzjonali sakemm ikun applikabbli l-Pjan tal-PAK u dispożizzjonijiet tranżizzjonali speċifiċi sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mill-perjodu attwali għall-perjodu li jmiss tal-PAK.
It-tieni titolu jkopri prinċipalment dispożizzjonijiet li jestendu l-qafas legali attwali.
It-Titolu I jistabbilixxi dispożizzjonijiet awtonomi ġodda.
It-Titolu II jemenda d-dispożizzjonijiet eżistenti.
Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (CPR)
Huwa meħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1303/2013, li jistabbilixxi regoli komuni għal diversi fondi, fosthom il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), ikompli japplika għall-programmi appoġġjati mill-FAEŻR għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 kif ukoll għal dawk il-programmi appoġġjati mill-FAEŻR li l-Istati Membri jiddeċiedu li jestendu għall-perjodu tranżitorju. F’dan ir-rigward, ċerti skadenzi regolatorji jeħtieġ li jiġu adattati biex ikopru l-perjodu tranżitorju.
Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013
L-emendi proposti għar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jikkonċernaw l-estensjoni fakultattiva tal-perjodu ta’ programmazzjoni attwali 2014-2020 b’sena oħra. Dawn jinkludu l-ammonti rilevanti tal-appoġġ tal-Unjoni għall-perjodu estiż wara l-2020 f’konformità mal-proposta tal-Kummissjoni dwar il-QFP 2021-2027.
Din il-proposta tiżgura wkoll li l-impenji pluriennali mill-perjodu ta’ programmazzjoni attwali (l-Artikoli 28, 29 u 33) jistgħu jitkomplew fil-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid. L-Istati Membri se jkollhom jiddeterminaw perjodu iqsar għal impenji ġodda.
Barra minn hekk, dan jiżgura l-finanzjament kontinwu ta’ impenji bbażati fuq ir-regoli attwali kif ukoll dawk preċedenti bil-pakketti finanzjarji tal-FAEŻR tal-perjodu li jmiss.
Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013
L-aġġustament ewlieni jikkonċerna r-riżerva għall-kriżijiet agrikoli msemmija fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 li hija proposta li għandha tinżamm matul il-perjodu tranżitorju biex tiġi żgurata l-kontinwità. Il-proposta tindirizza wkoll ċerti skadenzi regolatorji li jeħtieġ li jiġu adattati biex ikopru l-perjodu tranżitorju.
Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013
Ir-Regolament bħalissa jinkludi limiti massimi nazzjonali u netti għall-pagamenti diretti sas-sena kalendarja 2020, bit-tali sena inkluża. Għalhekk, jenħtieġ li jiżdiedu l-limiti massimi għas-sena kalendarja 2021 u l-ammonti ta’ referenza għall-pagament speċifiku għall-għelejjel fil-każ tal-qoton għas-sena kalendarja 2021 jenħtieġ li jiġu adattati wkoll. Il-proposta għandha wkoll l-għan li tindirizza l-iżbalji li saru mill-Istati Membri fl-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament, kemm fir-rigward tal-għadd kif ukoll fir-rigward tal-valur tad-drittijiet għall-pagament. Fl-interess taċ-ċertezza legali, jenħtieġ li mill-2021 tad-drittijiet għall-pagament jiġu regolarizzati. Il-proposta tinkludi l-possibbiltà li l-Istati Membri jkomplu jittrasferixxu l-fondi bejn il-pilastri wara s-sena kalendarja 2020. Din tagħmel ukoll l-għażla għall-Istati Membri li jkomplu l-proċess ta’ konverġenza interna wara l-2019, waħda espliċita. Din tipprevedi l-estensjoni tal-SAPS fil-perjodu tranżitorju.
Ir-Regolament (UE) 1308/2013
L-emendi proposti għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jaġġustaw l-ammonti ta’ appoġġ tal-Unjoni għal skemi ta’ għajnuna speċifiċi għall-perjodu tranżitorju f’konformità mal-proposta tal-Kummissjoni għall-QFP 2021-2027. Dawn jistipulaw ukoll regoli dwar it-tul ta’ żmien ta’ kull waħda minn dawn l-iskemi ta’ għajnuna fir-rigward tad-dħul fis-seħħ tal-Pjanijiet Strateġiċi futuri għall-PAK tal-Istati Membri u għal skemi ta’ għajnuna f’ċerti setturi, regoli dwar il-kontinwazzjoni u l-modifika tal-programmi operattivi u l-programmi ta’ ħidma.
Ir-Regolament (UE) Nru 228/2013
L-emendi proposti għar-Regolament (UE) Nru 228/2013 jikkonċernaw l-ammonti rilevanti ta’ appoġġ tal-Unjoni disponibbli għal miżuri speċifiċi għall-perjodu tranżitorju f’konformità mal-QFP 2021-2027.
Ir-Regolament (UE) Nru 229/2013
L-emendi proposti għar-Regolament (UE) Nru 229/2013 jikkonċernaw l-ammonti rilevanti ta’ appoġġ tal-Unjoni disponibbli għal miżuri speċifiċi għall-perjodu tranżitorju f’konformità mal-QFP 2021-2027.
2019/0254 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-appoġġ mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) fis-sena 2021 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 229/2013 u (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tar-riżorsi u d-distribuzzjoni tagħhom fir-rigward tas-sena 2021 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tar-riżorsi u l-applikazzjoni tagħhom fis-sena 2021
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 349 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni dwar il-politika agrikola komuni (PAK) wara l-2020 kellhom l-għan li jagħmlu l-PAK aktar reattiva għall-isfidi attwali u futuri bħat-tibdil fil-klima jew it-tiġdid ġenerazzjonali, filwaqt li jkomplu jappoġġjaw lill-bdiewa fl-Unjoni għal settur agrikolu sostenibbli u kompetittiv. Dawn il-proposti huma marbuta mill-qrib mal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) tal-Unjoni għas-snin 2021 sal-2027.
(2)Il-Kummissjoni pproponiet li torbot il-PAK mal-implimentazzjoni tal-prestazzjoni (“mudell ta’ implimentazzjoni”). Skont il-qafas legali l-ġdid, l-Unjoni trid tistabbilixxi l-parametri bażiċi tal-politika, bħall-objettivi tal-PAK u r-rekwiżiti bażiċi, filwaqt li l-Istati Membri jridu jerfgħu responsabbiltà akbar fir-rigward ta’ kif jilħqu l-objettivi u jiksbu l-miri. Għalhekk, l-Istati Membri jridu jfasslu Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, li jridu jiġu approvati mill-Kummissjoni u implimentati mill-Istati Membri.
(3)Il-proċedura leġiżlattiva ma ġietx konkluża fil-ħin biex tippermetti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jħejju l-elementi kollha meħtieġa biex japplikaw il-qafas legali l-ġdid u l-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK mill-1 ta’ Jannar 2021, kif kien propost inizjalment mill-Kummissjoni.
(4)Għalhekk, sabiex jiġi żgurat li jista’ jingħata appoġġ lill-bdiewa u lil benefiċjarji oħrajn mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) fl-2021, l-Unjoni jenħtieġ li tkompli tagħti tali appoġġ għal sena oħra skont il-kundizzjonijiet tal-qafas legali eżistenti, li jkopri l-perjodu mill-2014 sal-2020. Il-qafas legali eżistenti huwa stipulat b’mod partikolari fir-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013, (UE) Nru 1307/2013, (UE) Nru 1308/2013, (UE) Nru 228/2013 u (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Barra minn hekk, biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni minn skemi ta’ appoġġ eżistenti għall-qafas legali l-ġdid li jkopri l-perjodu li jibda mill-1 ta’ Jannar 2022, jenħtieġ li jiġu stipulati regoli li jirregolaw kif ċertu appoġġ mogħti fuq bażi pluriennali se jiġi integrat fil-qafas legali l-ġdid.
(5)Fid-dawl tal-fatt li l-Unjoni jenħtieġ li tkompli tappoġġja l-iżvilupp rurali fl-2021, l-Istati Membri, li juru r-riskju li jispiċċawlhom il-fondi u li ma jkunux jistgħu jwettqu impenji legali ġodda skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013, jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jestendu l-programmi ta’ żvilupp rurali tagħhom jew uħud mill-programmi ta’ żvilupp rurali reġjonali tagħhom appoġġjati mill-FAEŻR sal-31 ta’ Diċembru 2021 u li jiffinanzjaw dawn il-programmi estiżi mill-allokazzjoni baġitarja korrispondenti għas-sena 2021. Il-programmi estiżi jenħtieġ li jkollhom l-għan li jżommu tal-anqas l-istess livell ġenerali ta’ ambizzjoni ambjentali u klimatika.
(6)Peress li ċerti Stati Membri jista’ jkun għad għandhom fondi pprovduti mill-Unjoni fis-snin ta’ qabel, l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom ukoll il-possibbiltà li ma jestendux il-programmi ta’ żvilupp rurali tagħhom jew li ma jestendux uħud mill-programmi ta’ żvilupp rurali reġjonali tagħhom. Dawn l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jittrasferixxu l-allokazzjoni baġitarja tal-FAEŻR għall-2021 jew il-parti tal-allokazzjoni baġitarja tal-FAEŻR li tikkorrispondi għall-programmi ta’ żvilupp reġjonali rurali li ma jkunux ġew estiżi, għall-allokazzjonijiet finanzjarji għas-snin mill-2022 sal-2025, f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) …/…[Regolament li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027].
(7)Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tipprovdi l-ippjanar finanzjarju meħtieġ u l-aġġustamenti korrispondenti tat-tqassim annwali tal-appoġġ tal-Unjoni stabbilit fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, l-Istati Membri jenħtieġ li jinfurmaw lill-Kummissjoni malajr wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jekk jiddeċiedu li jestendu l-programmi ta’ żvilupp rurali tagħhom u, fil-każ ta’ programmi ta’ żvilupp rurali reġjonali, liema minn dawn il-programmi jiddeċiedu li jestendu, u konsegwentement, liema ammont korrispondenti tal-allokazzjoni baġitarja għall-2021 ma jridx jiġi ttrasferit għas-snin ta’ wara.
(8)Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jistipula regoli komuni applikabbli għall-FAEŻR u għal ċerti Fondi oħrajn, li joperaw taħt qafas komuni. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkompli japplika għall-programmi appoġġjati mill-FAEŻR għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 kif ukoll għal dawk il-programmi appoġġjati mill-FAEŻR li għalihom l-Istati Membri jiddeċiedu li jestendu dan il-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2021. Għal dawn l-Istati Membri, il-Ftehim ta’ Sħubija mfassal għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jenħtieġ li jibqa’ jintuża bħala dokument strateġiku mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-appoġġ mogħti mill-FAEŻR għas-sena ta’ programmazzjoni 2021.
(9)Ċerti skadenzi stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward tar-rapporti ta’ implimentazzjoni, tal-laqgħat annwali ta’ rieżami, tal-evalwazzjonijiet ex-post u tar-rapporti ta’ sinteżi, tal-eliġibbiltà tan-nefqa u d-diżimpenn kif ukoll tal-impenji baġitarji huma limitati għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Dawn l-iskadenzi jenħtieġ li jiġu adattati biex jitqies it-tul ta’ żmien estiż tal-perjodu li matulu jistgħu jiġu implimentati l-programmi relatati mal-appoġġ mill-FAEŻR.
(10)Ir-Regolament (UE) Nru 1310/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 807/2014 jipprevedu li n-nefqa għal ċerti impenji fit-tul meħuda skont ċerti regolamenti li taw appoġġ għall-iżvilupp rurali qabel ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013, jenħtieġ li tibqa’ titħallas mill-FAEŻR fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 taħt ċerti kundizzjonijiet. Din in-nefqa jenħtieġ li tkompli tkun eliġibbli wkoll għat-tul tal-impenn legali rispettiv tagħhom bl-istess kundizzjonijiet fis-sena ta’ programmazzjoni 2021. Għal raġunijiet ta’ ċarezza u ċertezza legali, jenħtieġ li jiġi ċċarat ukoll li l-impenji legali meħuda skont miżuri li jikkorrispondu għall-miżuri tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, li għalihom tapplika s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, jenħtieġ li jkunu soġġetti għal din is-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u li l-pagamenti relatati ma’ dawn l-impenji legali jridu jsiru fil-perjodu mill-1 ta’ Diċembru sat-30 ta’ Ġunju tas-sena kalendarja ta’ wara.
(11)Għal raġunijiet ta’ koerenza mal-Fondi l-oħra rregolati mir-Regolament (UE) XXXX/XXXX [CPR ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill]. , il-FAEŻR jenħtieġ li jkun jista’ jappoġġja l-iżvilupp lokali mmexxi mill-Komunità stabbilit f’konformità mar-regoli l-ġodda stipulati f’dak ir-Regolament.
(12)Fl-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament (jew fil-kalkolu mill-ġdid għall-Istati Membri li jżommu d-drittijiet eżistenti) fl-2015 skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013, xi Stati Membri għamlu żbalji fl-istabbiliment tan-numru jew tal-valur tad-drittijiet għall-pagament. Ħafna minn dawn l-iżbalji, anke meta seħħew għal bidwi wieħed, jinfluwenzaw il-valur tad-drittijiet għall-pagament għall-bdiewa kollha u għas-snin kollha. Xi Stati Membri għamlu żbalji anke wara l-2015, meta allokaw drittijiet mir-riżerva (eż. fil-kalkolu tal-valur medju). Normalment, dawn in-nuqqasijiet ta’ konformità jkunu soġġetti għal korrezzjoni finanzjarja sakemm jittieħdu miżuri korrettivi mill-Istat Membru kkonċernat. Fid-dawl taż-żmien li għadda mill-ewwel allokazzjoni, l-isforzi li għamlu l-Istati Membri biex jistabbilixxu, u fejn rilevanti, jikkoreġu d-drittijiet, u anke fl-interess taċ-ċertezza legali, l-għadd u l-valur tad-drittijiet għall-pagament jenħtieġ li jitqiesu bħala legali u regolari b’effett minn ċerta data.
(13)Madankollu, il-konferma tad-drittijiet għall-pagament ma tirrappreżentax eżenzjoni mir-responsabbiltà tal-Istati Membri taħt il-ġestjoni kondiviża tal-FAEG biex jiżguraw il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni minn nefqa irregolari. Għalhekk, il-konferma tad-drittijiet għall-pagament allokati lill-bdiewa qabel l-1 ta’ Jannar 2020, mill-1 ta’ Jannar 2021, jenħtieġ li ma tippreġudikax is-setgħa tal-Kummissjoni li tieħu d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 b’rabta ma’ pagamenti irregolari mogħtija fir-rigward ta’ kwalunkwe sena kalendarja sal-2020, bit-tali sena inkluża, li jirriżultaw minn żbalji fl-għadd jew fil-valur ta’ dawn id-drittijiet għall-pagament.
(14)Fid-dawl tal-fatt li l-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK li għandhom jitħejjew mill-Istati Membri skont il-qafas legali l-ġdid għandhom ikunu applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2022, jenħtieġ li jiġu stipulati regoli tranżitorji biex jirregolaw it-tranżizzjoni minn skemi ta’ appoġġ eżistenti għall-qafas legali l-ġdid, b’mod partikolari r-Regolament (UE) .../... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[ir-Regolament dwar il-Pjan Strateġiku tal-PAK].
(15)Ċerta nefqa għal ċerti impenji fit-tul meħuda skont ir-Regolamenti li taw appoġġ għall-iżvilupp rurali qabel ir-Regolament (UE) 1305/2013 kienet għadha eliġibbli fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Bl-eċċezzjoni ta’ każijiet fejn ikun għadda ż-żmien ta’ dawn l-impenji fit-tul, din in-nefqa jenħtieġ li tibqa’ eliġibbli matul il-perjodu kopert mill-Pjan Strateġiku tal-PAK għat-tul ta’ żmien tal-impenji legali rispettivi soġġetti għar-rata ta’ kontribuzzjoni applikabbli f’dan il-perjodu u diment li tiddaħħal fil-Pjan Strateġiku tal-PAK u li n-nefqa titħallas skont ir-Regolament (UE) [HzR]. L-istess jenħtieġ li japplika għal ċerti impenji fit-tul meħuda skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jew ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013. F’dan il-kuntest jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-impenji legali meħuda skont miżuri li jikkorrispondu għal tipi ta’ interventi bbażati fuq iż-żona u l-annimal iddeterminati fil-Pjan Strateġiku tal-PAK jenħtieġ li jkunu soġġetti għas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u li l-pagamenti relatati ma’ dawn l-impenji legali jridu jsiru fil-perjodu mill-1 ta’ Diċembru sat-30 ta’ Ġunju tas-sena kalendarja ta’ wara.
(16)Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula regoli għall-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli u jinkludi ċerti skemi ta’ għajnuna fl-Artikoli 29 sa 60. Dawn l-iskemi ta’ għajnuna jenħtieġ li jiġu integrati fil-Pjanijiet Strateġiċi futuri tal-PAK tal-Istati Membri bħala interventi settorjali msemmija fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) …/… [ir-Regolament tal-Pjan Strateġiku tal-PAK]. Biex jiġu żgurati l-koerenza, il-kontinwità u t-tranżizzjoni bla xkiel bejn dawk l-iskemi ta’ għajnuna tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u t-tipi ta’ interventi settorjali tar-Regolament (UE) …/… [ir-Regolament tal-Pjan Strateġiku tal-PAK], jenħtieġ li jiġu stipulati regoli dwar it-tul ta’ żmien ta’ kull waħda minn dawk l-iskemi ta’ għajnuna fir-rigward tad-data minn meta l-Pjanijiet Strateġiċi futuri tal-PAK tal-Istati Membri jkollhom effetti legali.
(17)Fir-rigward tal-iskema ta’ għajnuna fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda, il-programmi ta’ ħidma eżistenti mfassla għall-perjodu li jibda mill-1 ta’ April 2018 sal-31 ta’ Marzu 2021 jenħtieġ li jiġu estiżi sal-31 ta’ Diċembru 2021. Għal skemi ta’ għajnuna fis-settur tal-frott u l-ħxejjex jenħtieġ li jiġu stipulati regoli dwar il-modifika jew is-sostituzzjoni ta’ programmi operattivi.
(18)Bil-ħsieb li tiġi żgurata l-kontinwità fir-rigward tal-iskemi ta’ għajnuna fis-settur tal-inbid u s-settur tal-apikultura, jeħtieġ li jiġu stipulati regoli li jippermettu li dawn l-iskemi ta’ għajnuna jkomplu jiġu implimentati sa tmiem il-perjodi ta’ programmazzjoni rispettivi tagħhom. Għalhekk, għal dan il-perjodu, ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jenħtieġ li jkomplu japplikaw fir-rigward tan-nefqa mġarrba u l-pagamenti li jsiru għall-operazzjonijiet implimentati skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 wara l-31 ta’ Diċembru 2021 u sa tmiem dawk l-iskemi ta’ għajnuna.
(19)Sabiex jiġi limitat it-trasferiment sinifikanti ta’ impenji mill-perjodu ta’ programmazzjoni attwali għall-iżvilupp rurali għall-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, it-tul tal-impenji pluriennali ġodda fir-rigward tal-klima agroambjentali, tal-biedja organika u tal-ambjent forestali jenħtieġ li jkun limitat għal perjodu massimu ta’ tliet snin. L-estensjoni tal-impenji eżistenti jenħtieġ li tkun limitata għal sena.
(20)Il-FAEŻR jenħtieġ li jkun f’pożizzjoni li jappoġġja l-iżvilupp lokali mmexxi mill-Komunità stabbilit f’konformità mar-regoli l-ġodda stipulati mir-Regolament (UE) XXXX/XXXX [CPR ġdid]. Madankollu, sabiex jiġu evitati fondi mhux minfuqa għall-iżvilupp lokali mmexxi mill-Komunità fis-sena ta’ programmazzjoni 2021, l-Istati Membri li jiddeċiedu li jestendu l-programmi tal-iżvilupp rurali tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2021 u li jużaw ukoll il-possibbiltà li jittrasferixxu l-ammonti minn pagamenti diretti għall-iżvilupp rurali, jenħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw l-allokazzjoni minima ta’ 5 % għall-iżvilupp lokali mmexxi mill-Komunità biss għall-kontribuzzjoni tal-FAEŻR għall-iżvilupp rurali estiż sal-31 ta’ Diċembru 2021 ikkalkulat qabel ma jkun sar it-trasferiment tal-ammonti mill-pagament dirett.
(21)Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fil-perjodu tranżitorju, jenħtieġ li tinżamm ir-riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu għall-2021 u jenħtieġ li jiġi inkluż l-ammont rilevanti tar-riżerva għall-2021.
(22)Fir-rigward tal-arranġamenti ta’ prefinanzjament mill-FAEŻR, jenħtieġ li jiġi ċċarat li fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li jestendu l-perjodu 2014-2020 sal-31 ta’ Diċembru 2021, dan jenħtieġ li ma jwassalx għal xi prefinanzjament addizzjonali mogħti għall-programmi kkonċernati.
(23)L-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 bħalissa jipprevedi biss l-obbligu ta’ notifika għall-Istati Membri fir-rigward tad-deċiżjonijiet tagħhom u l-prodott stmat relatat mat-tnaqqis tal-parti tal-ammont ta’ pagamenti diretti li għandhom jingħataw lil bidwi għal sena kalendarja partikolari li jaqbeż EUR 150 000 għas-snin 2015 sal-2020. Bil-għan li tiġi żgurata kontinwazzjoni tas-sistema eżistenti, l-Istati Membri jenħtieġ li jinnotifikaw ukoll id-deċiżjonijiet tagħhom u l-prodott stmat tat-tnaqqis għas-sena kalendarja 2021.
(24)L-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jippermetti lill-Istati Membri jittrasferixxu fondi bejn il-pagamenti diretti u l-iżvilupp rurali fir-rigward tas-snin kalendarji 2014 sal-2020. Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu l-istrateġija tagħhom stess, il-flessibbiltà bejn il-pilastri jenħtieġ li ssir disponibbli wkoll għas-sena kalendarja 2021 (jiġifieri s-sena finanzjarja 2022).
(25)Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tistabbilixxi l-limiti massimi baġitarji skont l-Artikoli 22(1), 36(4), 42(2), 47(3), 49(2), 51(4) u 53(7) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-allokazzjonijiet finanzjarji skont l-iskema għas-sena kalendarja 2021 sal-1 ta’ Awwissu 2020.
(26)L-Artikolu 22(5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jipprevedi aġġustament lineari tal-valur tad-drittijiet f’każ ta’ bidla fil-limitu massimu għall-iskema ta’ pagament bażiku minn sena għall-oħra minħabba ċerti deċiżjonijiet meħuda mill-Istati Membri u li jaffettwaw il-limitu massimu għall-iskema ta’ pagament bażiku. L-estensjoni tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament dwar il-limiti massimi nazzjonali wara s-sena kalendarja 2020 u l-bidliet annwali possibbli minn din id-data jista’ jkollhom impatt fuq il-limitu massimu għall-iskema ta’ pagament bażiku. Għalhekk, biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrispettaw l-obbligu li t-total tal-valur tad-drittijiet u r-riżerva/i jkun ugwali għal-limitu massimu għall-iskema ta’ pagament bażiku stipulata fl-Artikolu 22(4) ta’ dak ir-Regolament, huwa xieraq li jiġi previst aġġustament lineari biex jadatta għall-estensjoni tal-Anness II jew għall-bidliet fih matul il-perjodu tranżitorju. Barra minn hekk, sabiex tiġi pprovduta flessibbiltà akbar lill-Istati Membri, jidher li huwa xieraq li l-Istati Membri jitħallew jadattaw il-valur tad-drittijiet jew tar-riżerva, possibbilment b’rati differenti ta’ aġġustament.
(27)F’konformità mal-qafas legali attwali, l-Istati Membri fl-2014 innotifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom sas-sena kalendarja 2020, dwar id-diviżjoni tal-limitu massimu nazzjonali annwali għall-iskema ta’ pagament bażiku bejn ir-reġjuni u l-modifiki progressivi annwali possibbli għall-perjodu kopert mir-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Huwa meħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw ukoll dawk id-deċiżjonijiet għas-sena kalendarja 2021.
(28)Il-mekkaniżmu ta’ konverġenza interna huwa l-proċess ewlieni għal distribuzzjoni aktar ekwa ta’ appoġġ dirett għad-dħul fost il-bdiewa. Differenzi individwali sinifikanti bbażati fuq referenzi storiċi antiki jsiru aktar u aktar diffiċli biex jiġu ġġustifikati. Fir-Regolament (UE) Nru 1307/2013, il-mudell bażiku ta’ konverġenza interna jikkonsisti fl-applikazzjoni mill-Istati Membri ta’ rata fissa uniformi għad-drittijiet għall-pagament kollha, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, mill-2015. Madankollu, għall-finijiet tal-iżgurar ta’ tranżizzjoni aktar bla xkiel għal valur uniformi, ġiet stabbilita deroga li tippermetti lill-Istati Membri jiddifferenzjaw il-valuri tad-drittijiet għall-pagament billi japplikaw konverġenza parzjali, li tissejjaħ ukoll il-“mudell mina”, bejn l-2015 u l-2019. Xi Stati Membri għamlu użu minn din id-deroga. Sabiex jitkompla l-proċess lejn distribuzzjoni aktar ekwa tal-pagamenti diretti, l-Istati Membri jistgħu jikkonverġu aktar lejn medja nazzjonali jew reġjonali wara l-2019 minflok ma jmorru għal rata fissa uniformi jew iżommu l-valur tad-drittijiet fil-livell tagħhom tal-2019. Dawn jenħtieġ li jinnotifikaw kull sena d-deċiżjoni tagħhom għas-sena ta’ wara.
(29)L-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jipprevedi l-modifiki progressivi annwali fil-valur tad-drittijiet għall-pagament allokati mir-riżerva biex jirriflettu l-passi annwali tal-limitu massimu nazzjonali stabbilit fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament, li jirriflettu l-ġestjoni “pluriennali” tar-riżerva. Dawk ir-regoli jenħtieġ li jiġu adattati sabiex jirriflettu li huwa possibbli li jiġu emendati kemm il-valur tad-drittijiet allokati kollha kif ukoll tar-riżerva biex jaġġustaw għal bidla fl-ammont f’dak l-Anness II bejn sentejn. Barra minn hekk, f’xi Stati Membri li ma laħqux rata fissa sal-2019, il-konverġenza interna tiġi implimentata fuq bażi annwali. Għas-snin kalendarji 2020 u 2021, il-valur tad-drittijiet għall-pagament tas-sena attwali biss jeħtieġ li jiġi ddeterminat fis-sena tal-allokazzjoni. Il-valur tal-unità tad-drittijiet li jridu jiġu allokati mir-riżerva f’sena partikolari jenħtieġ li jiġi kkalkulat wara aġġustament possibbli tar-riżerva f’konformità mal-Artikolu 22(5) ta’ dak ir-Regolament. Fi kwalunkwe sena sussegwenti, il-valur tad-drittijiet għall-pagament allokati mir-riżerva jenħtieġ li jiġi adattat f’konformità ma’ dak l-Artikolu 22(5).
(30)L-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jipprevedi l-applikazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja (SPUE) sal-31 ta’ Diċembru 2020. Ir-Regolament tal-Pjan Strateġiku tal-PAK (UE) …/… [Ir-Regolament tal-Pjan Strateġiku tal-PAK] jippermetti lill-Istati Membri jimplimentaw appoġġ għall-introjtu bażiku bl-istess modalitajiet, jiġifieri mingħajr l-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament abbażi ta’ referenzi storiċi. Għalhekk, huwa xieraq li fl-2021 is-SPUE tkun tista’ tiġi estiża.
(31)Għall-finijiet ta’ ċertezza legali, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-Artikoli 41 u 42 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jippermettu lill-Istati Membri jirrieżaminaw, fuq bażi annwali, id-deċiżjonijiet tagħhom dwar il-pagament ridistributtiv.
(32)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013, (UE) Nru 1307/2013, (UE) Nru 1308/2013, (UE) Nru 228/2013 u (UE) Nru 229/2013 jiġu emendati kif xieraq.
(33)Fir-rigward tal-kjarifika dwar il-konverġenza mis-sena 2020, il-punt 6 tal-Artikolu 10 jenħtieġ li japplika b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2020.
(34)Barra minn hekk, l-emendi għar-Regolamenti (UE) Nru 228/2013 u (UE) Nru 229/2013 jenħtieġ li japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021 f’konformità mar-Regolament (UE) …/…[Regolament li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027],
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Titolu I
Dispożizzjonijiet Tranżizzjonali
Kapitolu I
Applikazzjoni kontinwa tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għas-sena ta’ programmazzjoni 2021 u l-estensjoni ta’ ċerti perjodi skont ir-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 1310/2013
Artikolu 1
Estensjoni tal-perjodu għall-programmi appoġġjati mill-FAEŻR
1.Għall-programmi appoġġjati mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), l-Istati Membri li qegħdin f’riskju, minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji, li ma jkunux jistgħu jwettqu impenji legali ġodda f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, jistgħu jestendu l-perjodu stipulat fl-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 sal-31 ta’ Diċembru 2021.
L-Istati Membri li jiddeċiedu li jużaw il-possibbiltà pprovduta fl-ewwel subparagrafu għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħhom fi żmien 10 ijiem wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Fejn l-Istati Membri jkunu ssottomettew sett ta’ programmi reġjonali f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, dik in-notifika għandha tinkludi wkoll tagħrif dwar liema mill-programmi reġjonali jridu jiġu estiżi u dwar l-allokazzjoni baġitarja korrispondenti fit-tqassim annwali għas-sena 2021 kif stipulat fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.
Fejn il-Kummissjoni tqis li estensjoni tal-perjodu skont l-ewwel subparagrafu ma tkunx ġustifikata, din għandha tinforma lill-Istat Membru tagħha fi żmien sitt ġimgħat minn meta tirċievi n-notifika msemmija fit-tieni subparagrafu.
In-notifika msemmija fit-tieni subparagrafu għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li titressaq talba biex jiġi emendat programm ta’ żvilupp rurali għas-sena 2021 kif imsemmi fl-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013. Din l-emenda għandu jkollha l-għan li żżomm tal-anqas l-istess livell ġenerali tan-nefqa tal-FAEŻR għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 59(6) ta’ dak ir-Regolament.
2.Għall-Istati Membri li ma jiddeċidux li jużaw il-possibbiltà prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu [8] tar-Regolament (UE) …/…[Regolament li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027] għandu japplika għall-allokazzjoni mhux użata għas-sena 2021 kif stabbilit fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.
Fejn Stat Membru jiddeċiedi li juża l-possibbiltà prevista fil-paragrafu 1 biss fir-rigward ta’ ċerti programmi reġjonali, l-allokazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandha tkun l-ammont stabbilit għal dak l-Istat Membru għall-2021 fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 imnaqqas bl-allokazzjonijiet baġitarji nnotifikati f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 għall-programmi reġjonali li jiġu estiżi.
Artikolu 2
Applikazzjoni kontinwa tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għall-programmi
1.Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għandu jkompli japplika għal programmi appoġġjati mill-FAEŻR skont il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 u għall-programmi li għalihom l-Istati Membri jiddeċiedu li jestendu l-perjodu 2014-2020 f’konformità mal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament.
2.Għall-programmi li għalihom l-Istati Membri jiddeċiedu li jestendu l-perjodu 2014-2020 f’konformità mal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament, ir-referenzi għall-perjodi taż-żmien jew l-iskadenzi fl-Artikoli 50(1), 51(1), 57(2), 65(2) u (4), u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 76 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għandu jiġi estiż b’sena oħra.
3.Għall-Istati Membri li jiddeċiedu li jestendu l-perjodu 2014-2020 f’konformità mal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament, il-Ftehim ta’ Sħubija mfassal għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għandu jibqa’ jintuża bħala dokument strateġiku mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-appoġġ mogħti mill-FAEŻR għas-sena 2021.
4.Id-data finali sa meta l-Kummissjoni trid tipprepara rapport ta’ sinteżi li jispjega l-konklużjonijiet ewlenin tal-evalwazzjonijiet ex-post tal-FAEŻR stabbiliti fl-Artikolu 57(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għandha tkun il-31 ta’ Diċembru 2026.
Artikolu 3
Eliġibbiltà ta’ ċerti tipi ta’ nfiq fl-2021
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, għall-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-Regolament u għall-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, in-nefqa msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 1310/2013 u fl-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 807/2014, għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni tal-FAEŻR mill-allokazzjoni tal-2021 għal programmi appoġġjati mill-FAEŻR li għalihom l-Istati Membri jiddeċiedu li jestendu l-perjodu tal-2014-2020 f’konformità mal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)tali nefqa tkun prevista fil-programm rispettiv tal-iżvilupp rurali għall-2021;
(b)hija applikabbli r-rata ta’ kontribuzzjoni tal-FAEŻR tal-miżura korrispondenti skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013, kif stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1310/2013 u fl-Anness I tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 807/2014;
(c)is-sistema msemmija fl-Artikolu 67(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tapplika għall-impenji legali meħuda taħt miżuri li jikkorrispondu għall-appoġġ mogħti skont il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 21(1) u l-Artikoli 28 sa 31, 33, 34 u 40 ta’ dan ir-Regolament u l-operazzjonijiet rilevanti jiġu identifikati b’mod ċar; u
(d)il-pagamenti għall-impenji legali msemmija fil-punt (c) isiru fil-perjodu stabbilit fl-Artikolu 75 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.
Kapitolu II
Applikazzjoni tal-Artikoli 25 sa 28 tar-Regolament (UE) [CPR ĠDID] għas-sena ta’ programmazzjoni 2021
Artikolu 4
Żvilupp lokali mmexxi mill-Komunità
Għall-programmi appoġġjati mill-FAEŻR fil-perjodu 2014-2020 u għall-programmi li għalihom l-Istati Membri jiddeċiedu li jestendu l-perjodu 2014-2020 skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament, il-FAEŻR jista’ jappoġġja l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità li jinvolvi ħafna fondi skont l-Artikoli 25 sa 28 tar-Regolament (UE) [CPR ĠDID].
Kapitolu III
Drittijiet għall-pagament għal pagamenti diretti lill-bdiewa
Artikolu 5
Drittijiet għall-pagament definittivi
1.Id-drittijiet għall-pagament allokati lill-bdiewa qabel l-1 ta’ Jannar 2020 għandhom jitqiesu legali u regolari mill-1 ta’ Jannar 2021. Il-valur ta’ dawn id-drittijiet li għandhom jitqiesu bħala legali u regolari għandu jkun il-valur għas-sena kalendarja 2020 validu fil-31 ta’ Diċembru 2020. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikoli rilevanti tad-dritt tal-Unjoni dwar il-valur tad-drittijiet għall-pagament għas-snin kalendarji 2021 ’il quddiem, b’mod partikolari l-Artikoli 22(5) u 25(12) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.
2.Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal drittijiet għall-pagament allokati lill-bdiewa abbażi ta’ applikazzjonijiet fattwalment inkorretti, ħlief f’każijiet fejn l-iżball ma setax jiġi raġonevolment identifikat mill-bidwi.
3.Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandux jippreġudika s-setgħa tal-Kummissjoni li tieħu d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 b’rabta man-nefqa mġarrba għall-pagamenti mogħtija fir-rigward tas-snin kalendarji sal-2020, b’tali sena inkluża.
Kapitolu IV
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali relatati mar-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1308/2013 u l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK
Taqsima 1
Żvilupp Rurali
Artikolu 6
Eliġibbiltà ta’ ċerti tipi ta’ nfiq fil-perjodu tal-Pjan Strateġiku tal-PAK
1.In-nefqa relatata mal-impenji legali lill-benefiċjarji mġarrba skont il-miżuri msemmija fl-Artikoli 23, 39 u 43 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 li qed jirċievu appoġġ skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 għandhom jibqgħu eliġibbli għal kontribuzzjoni tal-FAEŻR fil-perjodu 2022-2027 kopert mill-Pjan Strateġiku tal-PAK, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)tali nefqa hija prevista fil-Pjan Strateġiku rispettiv tal-PAK għall-2022-2027 f’konformità mar-Regolament (UE) [ir-Regolament dwar il-Pjan tal-PAK] u hija konformi mar-Regolament (UE) [HzR];
(b)hija applikabbli r-rata ta’ kontribuzzjoni tal-FAEŻR tal-intervent korrispondenti stabbilita fil-Pjan Strateġiku tal-PAK f’konformità mar-Regolament (UE) [ir-Regolament dwar il-Pjan Strateġiku tal-PAK]; Jekk ma jkunx hemm intervent korrispondenti, għandha tapplika r-rata ta’ kontribuzzjoni tal-FAEŻR stabbilita fil-Pjan Strateġiku tal-PAK skont l-Artikolu 85(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru [ir-Regolament dwar il-Pjan Strateġiku tal-PAK];
(c)is-sistema integrata msemmija fl-Artikolu 63(2) tar-Regolament (UE) [HzR] tapplika għall-impenji legali meħuda taħt miżuri li jikkorrispondu għat-tipi ta’ interventi bbażati fuq iż-żona u l-annimal elenkati fil-Kapitoli II u IV tat-Titolu III tar-Regolament (UE) [ir-Regolament dwar il-Pjan Strateġiku tal-PAK] u l-operazzjonijiet rilevanti jiġu identifikati b’mod ċar; u
(d)il-pagamenti għall-impenji legali msemmija fil-punt (c) isiru matul il-perjodu stipulat fl-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) [HzR].
2.In-nefqa relatata mal-impenji legali lill-benefiċjarji mġarrba skont il-miżuri pluriennali msemmija fl-Artikoli 28, 29, 33 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u n-nefqa relatata mal-impenji legali għal perjodu ta’ żmien lil hinn mill-1 ta’ Jannar 2024, jew lil hinn mill-1 ta’ Jannar 2025 fl-Istati Membri li ddeċidew li jestendu l-perjodu 2014-2020 f’konformità mal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament, skont l-Artikoli 14 sa 18, il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 19(1), l-Artikolu 20, l-Artikoli 22 sa 27, 35, 38, 39 u 39a tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għandhom ikunu eliġibbli għal kontribuzzjoni tal-FAEŻR fil-perjodu 2022-2027 kopert mill-Pjan Strateġiku tal-PAK, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)tali nefqa hija prevista fil-Pjan Strateġiku tal-PAK rispettiv għall-2022-2027 f’konformità mar-Regolament (UE) [ir-Regolament dwar il-Pjan Strateġiku tal-PAK] u hija konformi mar-Regolament (UE) [HzR];
(b)hija applikabbli r-rata ta’ kontribuzzjoni tal-FAEŻR tal-intervent korrispondenti stabbilita fil-Pjan Strateġiku tal-PAK f’konformità mar-Regolament (UE) [ir-Regolament dwar il-Pjan Strateġiku tal-PAK];
(c)hija applikabbli s-sistema integrata msemmija fl-Artikolu 63(2) tar-Regolament (UE) [HzR] għall-impenji legali meħuda taħt miżuri li jikkorrispondu għat-tipi ta’ interventi bbażati fuq iż-żona u l-annimal elenkati fil-Kapitoli II u IV tat-Titolu III tar-Regolament (UE) [ir-Regolament dwar il-Pjan Strateġiku tal-PAK] u l-operazzjonijiet rilevanti jiġu identifikati b’mod ċar; u
(d)il-pagamenti għall-impenji legali msemmija fil-punt (c) isiru matul il-perjodu stipulat fl-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) [HzR].
Taqsima 2
skemi ta’ għajnuna msemmija fl-Artikoli 29 sa 60 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013
Artikolu 7
Applikazzjoni estiża tal-iskemi ta’ għajnuna msemmija fl-Artikoli 29 sa 60 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013
1.Il-programmi ta’ ħidma għall-appoġġ tas-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda msemmija fl-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, imfassla għall-perjodu li jibda mill-1 ta’ April 2018 sal-31 ta’ Marzu 2021, għandhom jiġu estiżi u għandhom jintemmu fil-31 ta’ Diċembru 2021. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi rilevanti rikonoxxuti skont l-Artikolu 152 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-assoċjazzjonijiet rilevanti tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti skont l-Artikolu 156 ta’ dak ir-Regolament u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rilevanti rikonoxxuti skont l-Artikolu 157 ta’ dak ir-Regolament għandhom jimmodifikaw il-programmi ta’ ħidma tagħhom biex jikkunsidraw din l-estensjoni. Il-programmi ta’ ħidma modifikati għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2020.
2.Organizzazzjoni tal-produtturi rikonoxxuta fis-settur tal-frott u l-ħxejjex li jkollha programm operazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li ġie approvat minn Stat Membru għal tul ta’ żmien wara l-31 ta’ Diċembru 2021 għandha, sal-15 ta’ Settembru 2021, tissottometti talba lil dak l-Istat Membru sabiex il-programm operazzjonali tiegħu:
(a)jiġi modifikat biex jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) [ir-Regolament dwar il-Pjan Strateġiku tal-PAK]; jew
(b)jiġi sostitwit bi programm operazzjonali ġdid approvat skont ir-Regolament (UE) [ir-Regolament dwar il-Pjan Strateġiku tal-PAK].
Fejn organizzazzjoni tal-produtturi rikonoxxuta ma tissottomettix talba bħal din sal-15 ta’ Settembru 2021, il-programm operazzjonali tagħha approvat skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandu jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2021.
3.Il-programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid imsemmija fl-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom jintemmu fil-15 ta’ Ottubru 2023. L-Artikoli 39 sa 54 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom ikomplu japplikaw wara l-31 ta’ Diċembru 2021 fir-rigward tan-nefqa mġarrba u l-pagamenti li jsiru għal operazzjonijiet implimentati skont dak ir-Regolament qabel is-16 ta’ Ottubru 2023 fi ħdan l-iskema ta’ għajnuna msemmija fl-Artikoli 39 sa 52 ta’ dak ir-Regolament.
4.Il-programmi nazzjonali fis-settur tal-apikultura msemmija fl-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom jintemmu fil-31 ta’ Lulju 2022. L-Artikoli 55, 56 u 57 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom ikomplu japplikaw wara l-31 ta’ Diċembru 2021 fir-rigward tan-nefqa mġarrba u l-pagamenti li jsiru għal operazzjonijiet implimentati skont dak ir-Regolament qabel l-1 ta’ Awwissu 2022 fl-iskema ta’ għajnuna msemmija fl-Artikolu 55 ta’ dak ir-Regolament.
5.Mid-data li minnha Pjan Strateġiku tal-PAK għandu effetti legali f’konformità mal-Artikolu 106(7) tar-Regolament (UE) …./…. [ir-Regolament dwar il-Pjan Strateġiku tal-PAK], it-total tal-pagamenti li jsiru f’sena finanzjarja f’kull waħda mill-iskemi ta’ għajnuna msemmija fl-Artikoli 29 sa 31 u l-Artikoli 39 sa 60 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013; u fi ħdan kull tip ta’ intervent settorjali msemmi fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) …./… [ir-Regolament tal-Pjan Strateġiku tal-PAK] ma għandux jaqbeż l-allokazzjonijiet finanzjarji stipulati għal kull sena finanzjarja għal kull tip ta’ interventi settorjali msemmi fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) …./…. [ir-Regolament dwar il-Pjan Strateġiku tal-PAK].
6.Fir-rigward tal-iskemi ta’ għajnuna msemmija fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikoli 7(3), 9, 21, 43, 51, 52, 54, 59, 67, 68, 70 sa 75, 77, 91 sa 97, 99, 100, 102(2), 110 u 111 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni relatati ma’ dawn l-Artikoli għandhom ikomplu japplikaw wara l-31 ta’ Diċembru 2021 b’rabta man-nefqa mġarrba u l-pagamenti li jsiru għall-operazzjonijiet implimentati skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 wara din id-data u sa tmiem l-iskemi ta’ għajnuna msemmija fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.
Titolu II Emendi
Artikolu 8
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1305/2013
Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 huwa emendat kif ġej:
(1)fl-Artikolu 28(5), jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:
“Sabiex jittieħdu impenji ġodda mill-2021 l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu perjodu iqsar ta’ bejn sena u tliet snin fil-programmi ta’ żvilupp rurali tagħhom. Jekk l-Istati Membri jipprevedu estensjoni annwali tal-impenji wara t-tmiem tal-perjodu inizjali f’konformità mal-ewwel subparagrafu, mill-2021 l-estensjoni ma għandhiex tkun itwal minn sena. Mill-2021, għal impenji ġodda direttament wara impenn imwettaq fil-perjodu inizjali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu perjodu ta’ sena fil-programmi ta’ żvilupp rurali tagħhom.”;
(2)fl-Artikolu 29(3), jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:
“Biex jittieħdu impenji ġodda mill-2021, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu perjodu iqsar ta’ bejn sena u tliet snin fil-programmi ta’ żvilupp rurali tagħhom. Jekk l-Istati Membri jipprevedu estensjoni annwali għaż-żamma tal-biedja organika wara t-tmiem tal-perjodu inizjali f’konformità mal-ewwel subparagrafu, mill-2021 l-estensjoni ma għandhiex tkun itwal minn sena. Mill-2021, għal impenji ġodda rigward il-manutenzjoni li jsegwu direttament l-impenn imwettaq fil-perjodu inizjali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu perjodu ta’ sena fil-programmi ta’ żvilupp rurali tagħhom.”;
(3)fl-Artikolu 33(2) jiżdied it-tielet subparagrafu li ġej:
“Biex jittieħdu impenji ġodda mill-2021 l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu perjodu iqsar ta’ bejn sena u tliet snin fil-programmi ta’ żvilupp rurali tagħhom. Jekk l-Istati Membri jipprevedu tiġdid annwali ta’ impenji wara t-tmiem tal-perjodu inizjali skont l-ewwel subparagrafu, mill-2021 it-tiġdid ma għandux ikun itwal minn sena.”;
(4)fl-Artikolu 42, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1.
Minbarra l-kompiti msemmija fl-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u, fejn applikabbli kif imsemmija fl-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) [CPR ĠDID] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, il-gruppi ta’ azzjoni lokali jistgħu wkoll iwettqu kompiti addizzjonali ddelegati lilhom mill-Awtorità ta’ Ġestjoni u/jew l-aġenzija tal-pagamenti.
-------
*
Ir-Regolament (UE) [CPR ĠDID] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ […] […] (ĠU …..).”;
(5)fl-Artikolu 44, is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:
“L-appoġġ imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u, fejn applikabbli, kif imsemmi fl-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) [CPR ĠDID], għandu jingħata lil:”;
(6)L-Artikolu 58 huwa emendat kif ġej;
(a)fil-paragrafu 1, jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:
“Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 5, 6 u 7, l-ammont totali tal-appoġġ tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali skont dan ir-Regolament għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021 għandu jkun massimu ta’ EUR 11 258 707 816, fi prezzijiet kurrenti, f’konformità mal-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sal-2027.”;
(b)il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“7. Sabiex jitqiesu l-iżviluppi relatati mat-tqassim annwali msemmi fil-paragrafu 4, inklużi t-trasferimenti msemmija fil-paragrafi 5 u 6 u t-trasferimenti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) XXXX/XXXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* [Dan ir-Regolament], biex isiru aġġustamenti tekniċi mingħajr ma jinbidlu l-allokazzjonijiet ġenerali, jew biex titqies kwalunkwe bidla oħra prevista minn att leġiżlattiv wara l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 83 ta’ dan ir-Regolament, biex tirrieżamina l-limiti massimi stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.
-----
*
Ir-Regolament (UE) […] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ […] […] (ĠU …..).”;
(7)fl-Artikolu 59(5), jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:
“Meta l-Istati Membri jużaw il-possibbiltà prevista fis-sitt subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, il-perċentwali stipulati fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni totali tal-FAEŻR għall-programm ta’ żvilupp rurali mingħajr l-appoġġ addizzjonali li jsir disponibbli f’konformità mas-sitt subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013”;
(8)fl-Artikolu 75(1), jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:
“Għal programmi li għalihom Stat Membru jiddeċiedi li jestendi l-perjodu 2014-2020 f’konformità mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) [XXXX/XXXX] [Dan ir-Regolament], dak l-Istat Membru għandu jippreżenta lill-Kummissjoni r-rapport annwali ta’ implimentazzjoni skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu sal-31 ta’ Diċembru 2025.”;
(9)fl-Artikolu 78, jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:
“Għal programmi li għalihom Stat Membru jiddeċiedi li jestendi l-perjodu 2014-2020 f’konformità mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) [XXXX/XXXX] [Dan ir-Regolament], dak l-Istat Membru għandu jippreżenta lill-Kummissjoni r-rapport ta’ evalwazzjoni ex-post skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu sal-31 ta’ Diċembru 2025.”;
(10)L-Anness I huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 9
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1306/2013
Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 huwa emendat kif ġej:
(1)fl-Artikolu 25, jiżdied it-tielet subparagrafu li ġej:
“Għall-2021, l-ammont tar-riżerva għandu jkun ta’ EUR 400 miljun (bil-prezzijiet tal-2011) u għandu jiġi inkluż taħt l-Intestatura 3 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali kif stabbilit fl-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (UE) [xxxx/xxxx]*[QFP].
-----
*
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) […] ta’ […] [li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sal-2027 (ĠU …..)”;
(2)L-Artikolu 33 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 33
Impenji baġitarji
Fir-rigward tal-impenji baġitarji tal-Unjoni għal programmi ta’ żvilupp rurali, għandu japplika l-Artikolu 76 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, fejn applikabbli flimkien mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) [XXXX/XXXX] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* [Dan ir-Regolament].
*
Ir-Regolament (UE) […] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ […] […] (ĠU …..).”;
(3)fl-Artikolu 35, jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:
“5.
Għall-programmi li għalihom l-Istati Membri jiddeċiedu li jestendu l-perjodu 2014-2020 f’konformità mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) [XXXX/XXXX] [Dan ir-Regolament], l-ebda prefinanzjament ma għandu jingħata għall-allokazzjoni tal-2021.”;
(4)fl-Artikolu 37, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. Wara li tirċievi l-aħħar rapport ta’ progress annwali dwar l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ żvilupp rurali, il-Kummissjoni għandha tħallas il-bilanċ, soġġett għad-disponibbiltà tar-riżorsi, abbażi tal-pjan finanzjarju fis-seħħ, il-kontijiet annwali għall-aħħar sena ta’ eżekuzzjoni għall-programm ta’ żvilupp rurali rilevanti u tad-deċiżjoni korrispondenti dwar l-approvazzjoni. Dawn il-kontijiet għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-data finali tal-eliġibbiltà tan-nefqa kif imsemmi fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, fejn applikabbli flimkien mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) [XXXX/XXXX] [Dan ir-Regolament]. Dawn għandhom ikopru n-nefqa effettwata mill-aġenzija tal-pagamenti sal-aħħar data ta’ eliġibbiltà tan-nefqa.”;
(5)fl-Artikolu 38, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2.
Il-parti tal-impenji tal-baġit li tkun għadha miftuħa fl-aħħar data ta’ eliġibbiltà tan-nefqa kif imsemmi fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, u fejn applikabbli flimkien mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) [XXXX/XXXX] [Dan ir-Regolament], li għaliha ma tkun saret l-ebda dikjarazzjoni tal-infiq fi żmien sitt xhur minn dik id-data għandha tkun awtomatikament diżimpenjata.”.
Artikolu 10
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1307/2013
Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 huwa emendat kif ġej:
(1)fl-Artikolu 11(6), jiżdied ir-raba’ subparagrafu li ġej:
“Għas-sena 2021, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjonijiet meħuda f’konformità mal-Artikolu u bi kwalunkwe prodott stmat ta’ tnaqqis sal-1 ta’ Awwissu 2020.”;
(2)L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej;
(a)fil-paragrafu 1, jiżdied is-seba’ subparagrafu li ġej:
“Sal-1 ta’ Awwissu 2020, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu disponibbli, bħala appoġġ addizzjonali ffinanzjat mill-FAEŻR fis-sena finanzjarja 2022, sa 15 % tal-limiti massimi nazzjonali annwali tagħhom għas-sena kalendarja 2021 stabbiliti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament. B’riżultat ta’ dan, l-ammont korrispondenti ma għandux jibqa’ disponibbli għall-għoti ta’ pagamenti diretti. Din id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Awwissu 2020 u għandha tistabbilixxi l-perċentwal magħżul.”;
(b)fil-paragrafu 2, jiżdied is-seba’ subparagrafu li ġej:
“Sal-1 ta’ Awwissu 2020, l-Istati Membri li ma jiħdux id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għas-sena finanzjarja 2022, jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu disponibbli bħala pagamenti diretti sa 15 %, jew fil-każ tal-Bulgarija, l-Estonja, Spanja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Iżvezja sa 25 %, tal-ammont allokat għall-appoġġ iffinanzjat taħt il-FAEŻR fis-sena finanzjarja 2022 bil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni adottata wara l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) [xxxx/xxxx]*[QFP]. B’riżultat ta’ dan, l-ammont korrispondenti ma għandux jibqa’ disponibbli għall-appoġġ iffinanzjat mill-FAEŻR. Din id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Awwissu 2020 u għandha tistabbilixxi l-perċentwal magħżul.
-----
*
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) […] ta’ […] [li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sal-2027 (ĠU …..).”;
(3)l-Artikolu 15a li ġej jiżdied fl-aħħar tal-Kapitolu 1:
“Artikolu 15a
Notifiki għas-sena kalendarja 2021
Għas-sena kalendarja 2021, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-perċentwali tal-limitu massimu nazzjonali annwali msemmi fl-Artikoli 22(2), 42(1), 49(1), 51(1) u 53(6) sal-1 ta’ Awwissu 2020.”;
(4)fl-Artikolu 22(5), jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:
“Għas-sena kalendarja 2021, jekk il-limitu massimu għal Stat Membru stabbilit mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 1 ikun differenti minn dak tas-sena preċedenti bħala riżultat ta’ bidla fl-ammont stabbilit fl-Anness II jew bħala riżultat ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda minn dan l-Istat Membru f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 14(1) jew (2), l-Artikolu 42(1), l-Artikolu 49(1), l-Artikolu 51(1), jew l-Artikolu 53, dak l-Istat Membru għandu jnaqqas jew iżid b’mod lineari l-valur tad-drittijiet kollha għall-pagament u/jew inaqqas jew iżid ir-riżerva nazzjonali jew ir-riżervi reġjonali sabiex tiġi żgurata konformità mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.”;
(5)fl-Artikolu 23(6), jiżdied ir-raba’ subparagrafu li ġej:
“Għas-sena kalendarja 2021, l-Istati Membri li japplikaw l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Awwissu 2020 bid-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.”;
(6)fl-Artikolu 25, jiżdied il-paragrafu 11 li ġej:
“11. Wara li jkunu applikaw l-aġġustament imsemmi fl-Artikolu 22(5), l-Istati Membri li jkunu użaw id-deroga prevista fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiddeċiedu li d-drittijiet għall-pagament li għandhom il-bdiewa fil-31 ta’ Diċembru 2019 b’valur aktar baxx mill-valur tal-unità nazzjonali jew reġjonali għas-sena 2020 kif ikkalkulat f’konformità mat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jiżdidilhom il-valur ta’ unità tagħhom għall-valur ta’ unità nazzjonali jew reġjonali fis-sena 2020. Iż-żieda għandha tiġi kkalkulata skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) il-metodu ta’ kalkolu għaż-żieda deċiża mill-Istat Membru huwa bbażat fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji;
(b) biex tiġi ffinanzjata ż-żieda, id-drittijiet kollha għall-pagament jew parti minnhom li huma proprjetà tal-bdiewa, jew li huma mikrija lilhom fil-31 ta’ Diċembru 2019, li għandhom valur ogħla mill-valur tal-unità nazzjonali jew reġjonali fis-sena 2020 kif ikkalkulat f’konformità mat-tieni subparagrafu, għandhom jitnaqqsu. Dan it-tnaqqis għandu japplika għad-differenza bejn il-valur ta’ dawk id-drittijiet u l-valur tal-unità nazzjonali jew reġjonali fis-sena 2020. L-applikazzjoni ta’ dan it-tnaqqis għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, li jistgħu jinkludu l-iffissar ta’ tnaqqis massimu.
Il-valur tal-unità nazzjonali jew reġjonali għas-sena 2020 imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi kkalkulat billi l-limitu massimu nazzjonali jew reġjonali għall-iskema ta’ pagament bażiku jkun diviż kif stabbilit f’konformità mal-Artikolu 22(1) jew 23(2) għas-sena 2020, minbarra l-ammont tar-riżerva/i nazzjonali jew reġjonali, bin-numru ta’ drittijiet għall-pagament li huma proprjetà ta’ jew li huma mikrija lill-bdiewa fil-31 ta’ Diċembru 2019.
B’deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri li użaw id-deroga prevista fil-paragrafu 4 jistgħu jiddeċiedu li jżommu l-valur tal-drittijiet għall-pagament ikkalkulati f’konformità ma’ dan il-paragrafu soġġett għall-aġġustament imsemmi fl-Artikolu 22(5).
L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-bdiewa fi żmien debitu dwar il-valur tad-drittijiet tagħhom għall-pagament kif ikkalkulati skont dan il-paragrafu.”;
(7)fl-Artikolu 25, jiżdied il-paragrafu 12 li ġej:
“12. Għas-sena kalendarja 2021, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw aktar konverġenza interna billi japplikaw il-paragrafu 11 għas-sena rispettiva.”;
(8)L-Artikolu 29 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 29
Notifiki dwar il-valur tad-drittijiet għall-pagament u l-konverġenza
Għas-sena kalendarja 2020, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom imsemmija fl-Artikolu 25(11) minn [OPOCE fi żmien xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament Tranżitorju].
Għas-sena kalendarja 2021, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom imsemmija fl-Artikolu 25(12) sal-1 ta’ Awwissu 2020.”;
(9)fl-Artikolu 30(8), jiżdied ir-raba’ subparagrafu li ġej:
“Għal allokazzjonijiet mir-riżerva fl-2021, l-ammont tar-riżerva li għandu jiġi eskluż skont it-tieni subparagrafu għandu jiġi aġġustat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(5). Għal allokazzjonijiet mir-riżerva fl-2021, it-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandux japplika.”;
(10)fl-Artikolu 36(1), jiddaħħal it-tieni subparagrafu li ġej:
“L-Istati Membri li fl-2020 se japplikaw l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja għandhom ikomplu jagħmlu dan wara l-31 ta’ Diċembru 2020.”;
(11)fl-Artikolu 41(1) jiżdied it-tielet subparagrafu li ġej:
“L-Istati Membri jistgħu jirrieżaminaw id-deċiżjoni tagħhom imsemmija fl-ewwel subparagrafu sal-1 ta’ Awwissu tas-sena ta’ qabel is-sena ta’ applikazzjoni. Dawn għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe deċiżjoni sa din id-data.”;
(12)fl-Artikolu 42(1), jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:
“L-Istati Membri jistgħu jirrieżaminaw id-deċiżjoni tagħhom imsemmija fl-ewwel subparagrafu sal-1 ta’ Awwissu tas-sena ta’ qabel is-sena ta’ applikazzjoni. Dawn għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe deċiżjoni sa dik id-data.”;
(13)fl-Artikolu 58, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“3.
Għall-2020, l-ammont tal-pagament speċifiku għall-għelejjel għal kull ettaru ta’ erja eliġibbli għandu jiġi kkalkulat billi l-ħsad stabbilit fil-paragrafu 2 jiġi mmultiplikat bl-ammonti ta’ referenza li ġejjin:
–Il-Bulgarija: EUR 649,45,
–Il-Greċja: EUR 234,18,
–Spanja: EUR 362,15,
–Il-Portugall: EUR 228,00.
Għall-2020, l-ammont tal-pagament speċifiku għall-għelejjel għal kull ettaru ta’ erja eliġibbli għandu jiġi kkalkulat billi l-ħsad stabbilit fil-paragrafu 2 jiġi mmultiplikat bl-ammonti ta’ referenza li ġejjin:
–Il-Bulgarija: EUR 624,11,
–Il-Greċja: EUR 225,04,
–Spanja: EUR 348,03,
–Il-Portugall: EUR 219,09.”;
(14)L-Annessi II u III huma emendati f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 11
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013
Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 huwa emendat kif ġej:
(1)fl-Artikolu 29, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2. Għall-2020, il-finanzjament mill-Unjoni tal-programmi ta’ ħidma msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun:
(a) EUR 11 098 000 għall-Greċja;
(b) EUR 576 000 għal Franza;
(c) EUR 35 991 000 għall-Italja.
Għall-2021, il-finanzjament mill-Unjoni għall-programmi ta’ ħidma msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun:
(a) EUR 10 666 000 għall-Greċja;
(b) EUR 554 000 għal Franza;
(c) EUR 34 590 000 għall-Italja.”;
(2)fl-Artikolu 58, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2. Għall-2020, il-finanzjament mill-Unjoni għall-għajnuna lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi previst fil-paragrafu 1 għandu jkun EUR 2 277 000 għall-Ġermanja.
Għall-2021, il-finanzjament mill-Unjoni għall-għajnuna lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi previst fil-paragrafu 1 għandu jkun EUR 2 188 000 għall-Ġermanja.”;
(3)L-AnnessVI huwa sostitwit bit-test fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 12
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 228/2013
Fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 228/2013, il-paragrafi 1, 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“1. Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom jikkostitwixxu intervent maħsub biex jistabbilizza s-swieq agrikoli fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, bl-eċċezzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikoli 22 u 24 ta’ dan ir-Regolament.
2. Fir-rigward ta’ kull sena finanzjarja, l-Unjoni għandha tiffinanzja l-miżuri previsti fil-Kapitoli III u IV sa total annwali ta’:
-fid-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej: EUR 267 580 000,
-L-Azores u Madeira: EUR 102 080 000,
-Il-Gżejjer Kanarji: EUR 257 970 000.
3. L-ammonti totali allokati għal kull sena finanzjarja biex jiġu ffinanzjati l-miżuri previsti fil-Kapitolu III ma jistgħux jaqbżu l-ammonti li ġejjin:
-fid-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej: EUR 25 900 000,
-L-Azores u Madeira: EUR 20 400 000,
-Il-Gżejjer Kanarji: EUR 69 900 000.
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu r-rekwiżiti li f’konformità magħhom l-Istati Membri jistgħu jemendaw l-allokazzjoni tar-riżorsi allokati kull sena għall-prodotti differenti li jibbenefikaw mill-arranġamenti tal-provvista. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).
--
*
Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).”.
Artikolu 13
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 229/2013
Fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 229/2013, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“2. L-Unjoni għandha tiffinanzja l-miżuri previsti fil-Kapitoli III u IV sa ammont ta’ EUR 23 000 000.
3. L-ammont allokat għall-finanzjament tal-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista msemmija fil-Kapitolu III ma għandux jaqbeż EUR 6 830 000.” .
Titolu III
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 14
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Madankollu,
–il-punt (6) tal-Artikolu 10 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2020;
–l-Artikoli 12 u13 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva
1.2.Qasam/oqsma ta’ politika kkonċernat(i) (raggruppament ta’ programmi)
1.3.Natura tal-proposta/tal-inizjattiva
1.4.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva
1.5.Durata u impatt finanzjarju
1.6.Mod(i) ta’ ġestjoni ppjanat(i)
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar
2.2.Sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
3.1.Intestatura(i) tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja(i) baġitarja(i) tan-nefqa affettwata(i)
3.2.Impatt stmat fuq in-nefqa
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa
3.2.2.Impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
3.2.3.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi
3.3.Impatt stmat fuq id-dħul
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva
A) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-appoġġ mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) fis-sena 2021 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013 (UE), (UE) Nru 229/2013 (UE) u Nru 1308/2013 fir-rigward tar-riżorsi u d-distribuzzjoni tagħhom fis-sena 2021 u li jemenda Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tar-riżorsi u l-applikabbiltà tagħhom fis-sena 2021
B) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tad-dixxiplina finanzjarja mis-sena finanzjarja 2021 u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tal-flessibbiltà bejn il-pilastri fir-rigward tas-sena 2020
1.2.Qasam/oqsma ta’ politika kkonċernat(i) (Raggruppament ta’ programmi)
Raggruppament ta’ programmi 8 - Il-Politika Agrikola u Marittima taħt l-Intestatura 3 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-2021-2027 – Ir-Riżorsi Naturali u l-Ambjent
1.3.Il-proposta/l-inizjattiva hija dwar:
◻ azzjoni ġdida
◻ azzjoni ġdida b’segwitu għal proġett pilota/azzjoni preparatorja
⌧ l-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti
◻ fużjoni jew ridirezzjoni ta’ azzjoni waħda jew aktar lejn xulxin/azzjoni ġdida
1.4.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva
1.4.1.Rekwiżit(i) li jridu jiġu ssodisfati fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għall-prosegwiment tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva
Din il-proposta għandha l-għan li tiżgura l-kontinwità ta’ ċerti elementi tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) għal perjodu tranżitorju ta’ sena mill-perjodu 2014-2020 sal-applikazzjoni tar-regoli għall-pjanijiet strateġiċi tal-PAK wara l-proposta tal-Kummissjoni (COM(2018) 392 final). Spjegazzjonijiet ulterjuri huma parti mill-memorandum ta’ spjegazzjoni għal dawn il-proposti u fil-punt 1.4.1 tad-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva li akkumpanjat il-proposta tal-Kummissjoni għall-perjodu wara l-2020 COM(2018) 392 final).
1.4.2.Il-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, eż. il-gwadann mill-koordinazzjoni, iċ-ċertezza tad-dritt, effettività akbar jew il-komplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ dan il-punt, “il-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni” huwa l-valur li jirriżulta mill-intervent tal-Unjoni li jkun addizzjonali għall-valur li altrimenti kien jinħoloq mill-Istati Membri weħidhom.
Ara l-punt 1.4.1 tad-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva għal COM(2018) 392 final.
1.4.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi
1.4.4.Kompatibbiltà u sinerġija possibbli ma’ strumenti xierqa oħra
1.5.Durata u impatt finanzjarju
⌧ durata limitata
–⌧
fis-seħħ mill-01/01/2021 sal-31/12/2021
–⌧
L-impatt finanzjarju fl-2021 għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn (2022 għall-pagamenti diretti) u għall-2021 u wara għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament.
◻ durata mhux limitata
Implimentazzjoni b’perjodu ta’ tnedija minn SSSS sa SSSS, segwita b’operazzjoni fuq skala sħiħa.
1.6.Mod(i) ta’ ġestjoni ppjanat(i)
◻ Ġestjoni diretta mill-Kummissjoni
–◻ mid-dipartimenti tagħha, inkluż mill-persunal tagħha fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni;
–◻
mill-aġenziji eżekuttivi
⌧ Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri
◻ Ġestjoni indiretta billi jiġu fdati kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja:
–◻ lill-pajjiżi terzi jew lill-korpi nnominati minnhom;
–◻ lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u lill-aġenziji tagħhom (iridu jiġu speċifikati);
–◻ lill-BEI u lill-Fond Ewropew tal-Investiment;
–◻ lill-korpi msemmija fl-Artikoli 70 u 71 tar-Regolament Finanzjarju;
–◻ lill-korpi tal-liġi pubblika;
–◻ lill-korpi rregolati mil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku sakemm dawn jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;
–◻ lill-korpi rregolati mil-liġi privata ta’ Stat Membru li jkunu fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata u li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;
–◻ lill-persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fil-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, u identifikati fl-att bażiku rilevanti.
–Jekk jiġi indikat iżjed minn mod ta’ ġestjoni wieħed, jekk jogħġbok ipprovdi d-dettalji fit-taqsima “Kummenti”.
Kummenti
L-ebda emenda sostantiva meta mqabbla mas-sitwazzjoni attwali, jiġifieri l-parti l-kbira tan-nefqa fuq il-PAK se tiġi ġestita b’ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri. Madankollu, parti żgħira ħafna se tkompli taqa’ taħt ġestjoni diretta mill-Kummissjoni.
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar
Speċifika l-frekwenza u l-kundizzjonijiet.
L-ebda emenda sostantiva meta mqabbel mal-leġiżlazzjoni eżistenti
2.2.Sistema(i) ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-mod(i) ta’ ġestjoni, il-mekkaniżmu(i) għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, il-modalitajiet ta’ pagament u l-istrateġija ta’ kontroll proposta
Bil-ħsieb li tiġi żgurata kontinwità bla xkiel fit-tranżizzjoni meħtieġa għall-pjanijiet strateġiċi tal-PAK, din il-proposta żżomm il-modi ta’ ġestjoni eżistenti permezz ta’ ġestjoni kondiviża kif ukoll il-modalitajiet ta’ pagament u ta’ kontroll għall-perjodu meħtieġ. Għalhekk, din tibni fuq is-sistemi li jaħdmu tajjeb li diġà ġew stabbiliti mill-Istati Membri.
2.2.2.Tagħrif dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern li ġew stabbiliti għall-mitigazzjoni tagħhom
Il-livelli baxxi u kostanti tar-rati ta’ żbalji taħt il-PAK f’dawn l-aħħar snin juru li s-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll stabbiliti mill-Istati Membri jaħdmu tajjeb u jipprovdu assigurazzjoni raġonevoli. Id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali jipprevedu status quo fir-rigward tas-sistemi ta’ kontroll.
2.2.3.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon tal-“kostijiet tal-kontroll ÷ il-valur tal-fondi relatati ġestiti”), u valutazzjoni tal-livelli mistennija ta’ riskju ta’ errur (mal-ħlas u fl-għeluq)
Il-proposti jżommu l-istatus quo fir-rigward tal-kontrolli.
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet
Speċifika l-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni eżistenti jew previsti, eż. mill-Istrateġija Kontra l-Frodi.
Ma ġiet proposta l-ebda bidla għall-miżuri eżistenti.
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
L-ammonti inklużi fil-proposta tranżizzjonali huma konformi mal-ammonti proposti għall-PAK taħt l-Intestatura 3 fil-proposta li tkopri l-Qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2021-2027 għas-snin finanzjarji rilevanti f’COM (2018) 322 final/2.
Għalhekk, għan-nefqa relatata mas-suq iffinanzjata mill-FAEG, l-allokazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 se jiġu aġġustati għal-livell li kien propost għall-istess setturi fil-proposta dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi tal-PAK (COM(2018) 392 final), għas-sena finanzjarja 2021. Barra minn hekk l-allokazzjonijiet għar-reġjuni ultraperiferiċi u l-gżejjer tal-Eġew fir-Regolamenti (UE) Nru 228/2013 u (UE) Nru 229/2013 huma aġġustati għal-livell diġà propost għas-sena 2021 (ara COM(2018) 394 final).
L-allokazzjonijiet għall-pagamenti diretti proposti għas-sena kalendarja 2021, li huma ffinanzjati fis-sena finanzjarja 2022, jammontaw għall-allokazzjonijiet proposti għat-tipi ta’ pagamenti diretti ta’ interventi għas-sena kalendarja 2021 f’COM(2018) 392 final.
Għall-finijiet li tiġi żgurata l-kontinwità tal-iżvilupp rurali, il-proposta żżid allokazzjonijiet għall-2021. Dawn huma daqs l-ammonti li ġew proposti għat-tipi ta’ interventi għall-iżvilupp rurali għall-istess sena f’COM(2018) 392 final. Fil-każ fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li ma jestendux il-programmi ta’ żvilupp rurali 2014-2020 tagħhom, l-allokazzjonijiet mhux użati għall-2021 iridu jiġu programmati mill-ġdid għall-allokazzjonijiet tal-2022-2025 għall-Pjan strateġiku tal-PAK.
Qed jiġi propost li tinżamm ir-riżerva għall-kriżijiet agrikoli msemmija fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 kif kienet fil-perjodu 2014-2020 għall-perjodu tranżitorju.
B’mod ġenerali, din il-proposta tfisser li, fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn, il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju għall-perjodu 2021-2027 meta mqabbel ma’ dak li kien propost u deskritt fid-dikjarazzjoni finanzjarja li akkumpanjat il-proposta tal-Kummissjoni għall-PAK għall-perjodu wara l-2020 (COM (2018) 392 final). Fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament, l-impatt potenzjali stmat huwa spjegat hawn taħt, iżda se jiddependi fuq id-deċiżjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-estensjoni tal-programmi tal-iżvilupp rurali 2014-2020.
L-implikazzjonijiet finanzjarji mogħtija hawn taħt jirriflettu l-bidliet stmati meta mqabbla mal-implikazzjonijiet stabbiliti fid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva li akkumpanjat il-proposta tal-Kummissjoni għall-PAK għall-perjodu wara l-2020 (COM (2018) 392 final).
3.1.Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i ġdida/ġodda tan-nefqa proposta/i
Intesatatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Linja baġitarja
|
Type of nefqa
|
Kontribuzzjoni
|
|
Intestatura 3:
Riżorsi Naturali u Ambjent
|
Diff./Mhux diff.
|
minn pajjiżi tal-EFTA
|
minn pajjiżi kandidati
|
minn pajjiżi terzi
|
fis-sens tal-Artikolu [21(2)(b)] tar-Regolament Finanzjarju
|
3
|
|
Mhux diff.
|
LE
|
LE
|
LE
|
LE
|
3.2.Impatt stmat fuq in-nefqa
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa
miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali
|
3
|
Riżorsi naturali u ambjent
|
Għall-FAEG, il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq in-nefqa globali meta mqabbla mal-istimi deskritti fid-dikjarazzjoni finanzjarja li akkumpanjat il-proposta tal-Kummissjoni għall-PAK għall-perjodu wara l-2020 (COM (2018) 392 final). Il-proposta tranżizzjonali, li tiżgura l-kontinwità ta’ għadd ta’ programmi ta’ għajnuna settorjali skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (jiġifieri frott u ħxejjex, żejt taż-żebbuġa, apikultura, inbid u ħops) sakemm dawn il-programmi jiġu integrati skont il-Pjan tal-PAK, timplika li l-impenji stmati għat-tipi settorjali ta’ interventi skont il-Pjan tal-PAK se jibqgħu bħala nefqa relatata mas-suq barra mill-Pjan tal-PAK għall-perjodu tranżitorju. L-istess japplika għall-pagamenti diretti fejn l-impenji previsti skont il-Pjan tal-PAK se jibqgħu bħala pagamenti diretti barra mill-Pjan tal-PAK għall-perjodu tranżitorju. Dawn il-bidliet, kif ukoll il-finanzjament tar-riżerva għall-kriżijiet proposta li għandha tinżamm fil-perjodu tranżitorju, huma newtrali fir-rigward tal-impenji ġenerali ta’ kull sena u għall-perjodu u għalhekk koerenti mal-proposta tal-Kummissjoni fir-rigward tas-sottolimitu tal-FAEG għall-perjodu 2021 – 2027.
Fir-rigward tal-FAEŻR, il-proposta tibqa’ newtrali f’termini ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn għall-perjodu. Id-deċiżjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-estensjoni tal-programmi ta’ żvilupp rurali 2014-2020 se taffettwa ż-żmien tal-impenji peress li l-allokazzjonijiet tal-FAEŻR 2021 għandhom jiġu ttrasferiti għall-allokazzjonijiet tal-FAEŻR 2022-2025 fejn ma tintalab ebda estensjoni mill-Istati Membri.
L-impatt nett fuq iż-żmien tal-approprjazzjonijiet tal-pagament ma jistax jiġi kkwantifikat fil-preżent peress li se jiddependi fuq id-deċiżjonijiet tal-Istati Membri li jistgħu jew idewmu jew jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-pagamenti meta mqabbel maż-żmien stmat fid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva li akkumpanjat il-proposta tal-Kummissjoni għall-PAK għall-perjodu wara l-2020 (COM (2018) 392 final): l-estensjonijiet tal-programmi tal-iżvilupp rurali 2014-2020 huma mistennija jaċċelleraw il-profil tal-pagamenti għall-Istati Membri/programmi partikolari filwaqt li t-trasferimenti tal-allokazzjonijiet mhux użati tal-2021 għall-allokazzjonijiet tal-2022-2025 se jdewmu l-pagamenti. B’mod ġenerali, l-approprjazzjonijiet tal-pagamenti jibqgħu l-istess għall-perjodu.
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
Wara l-2027
|
TOTAL
|
SUBTOTAL TAL-FAEG
|
Impenji
|
(1)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Pagamenti
|
(2)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
SUBTOTAL TAL-FAEŻR
|
Impenji
|
(3)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Pagamenti
|
(4)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprazzjonijiet għall-PAK
|
Impenji
|
(5)=(1+3)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Pagamenti
|
(6)=(2+4)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
7
|
“Nefqa amministrattiva”
|
miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
Wara l-2027
|
TOTAL
|
Riżorsi umani
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Nefqa amministrattiva oħra
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet skont l-INTESTATURA 7 tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
(Total ta’ impenji = Total ta’ pagamenti)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
Wara l-2027
|
TOTAL
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet fl-INTESTATURI
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Impenji
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Pagamenti
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
3.2.2.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
–⌧
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif spjegat hawn taħt:
Il-proposta ma timmodifikax l-impatt stmat fid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva li takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni għall-perjodu wara l-2020 (ara COM(2018) 392).
miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
Snin
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
TOTAL
|
HEADING 7tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Riżorsi umani
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Nefqa amministrattiva oħra
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Subtotal HEADING 7tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Outside HEADING 7tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Riżorsi umani
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Other expenditure ta’ natura amministrattiva
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Subtotal barra mill-INTESTATURA 7 tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
L-approprjazzjonijiet meħtieġa għar-riżorsi umani u nefqa oħra ta’ natura amministrattiva se jiġu koperti minn approprjazzjonijiet mid-DĠ li diġà jkunu assenjati għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkunu ġew riassenjati fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.
3.2.2.1.Rekwiżiti stmati ta’ riżorsi umani
–◻ Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ riżorsi umani.
–⌧
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt:
Il-proposta ma timmodifikax ir-rekwiżiti stmati fid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva li takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni għall-perjodu wara l-2020 (ara COM(2018) 392).
L-istima li trid tiġi espressa f’unitajiet ekwivalenti għall-full time
Snin
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
• Pożizzjonijiet fil-pjan ta' stabbiliment (uffiċjali u aġenti temporanji)
|
Kwartieri ġenerali u Uffiċċji tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni
|
|
|
|
|
|
|
|
Delegazzjonijiet
|
|
|
|
|
|
|
|
Riċerka
|
|
|
|
|
|
|
|
• Persunal estern (f’unità Ekwivalenti għall-Full time: FTE) - AC, AL, END, INT u JED
Intestatura 7
|
Iffinazjati mill-INTESTATURA 7 tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
- fil-Kwartieri Ġenerali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- fid-Delegazzjonijiet
|
|
|
|
|
|
|
|
Iffinanzjati mill-pakkett tal-programm
|
- fil-Kwartieri Ġenerali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- fid-Delegazzjonijiet
|
|
|
|
|
|
|
|
Riċerka
|
|
|
|
|
|
|
|
Oħrajn (speċifika)
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL
|
|
|
|
|
|
|
|
Ir-riżorsi umani meħtieġa se jiġu koperti mill-persunal tad-DĠ li diġà jkun assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkun ġie riassenjat fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.
Deskrizzjoni tal-kompliti li jridu jitwettqu:
Uffiċjali u aġenti temporanji
|
|
Persunal estern
|
|
3.2.3.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi
Il-proposta/l-inizjattiva:
–⌧
ma tipprevedix kofinanzjament minn partijiet terzi
–◻
tipprevedi l-kofinanzjament minn partijiet terzi stmat hawn taħt:
Approprjazzjonijiet f’miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
Snin
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
TOTAL
|
Speċifika l-korp ta’ kofinanzjament
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet kofinanzjati
|
|
|
|
|
|
|
|
|
3.3.Impatt stmat fuq id-dħul
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva għandha l-impatt finanzjarju li ġej:
fuq ir-riżorsi proprji
fuq dħul ieħor
jekk jogħġbok indika, jekk id-dħul huwa assenjat għal-linji tan-nefqa ◻
miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
Linja baġitarja tad-dħul:
|
Impatt tal-proposta/tal-inizjattiva
|
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
67 01 & 67 02
|
|
|
|
|
|
|
|
Għal dħul assenjat, speċifika l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i.
Minbarra l-linji msemmija fid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva li akkumpanjat il-proposta tal-Kummissjoni għall-PAK għall-perjodu wara l-2020 (COM (2018) 392 final), il-linja baġitarja li ġejja se tiġi affettwata fil-perjodu tranżitorju
08 02 SS Pagamenti diretti barra l-Pjan tal-PAK
Rimarki oħra (eż. il-metodu/il-formula li ntużaw għall-kalkolu tal-impatt fuq id-dħul jew kalunkwe tagħrif ieħor).