IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.10.2019
COM(2019) 474 final
2019/0227(NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tas-Senegal u l-Unjoni Ewropea
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Abbażi tad-Direttivi tan-negozjati rilevanti, il-Kummissjoni nnegozjat mal-Gvern tar-Repubblika tas-Senegal (minn hawn ’il quddiem “is-Senegal”) bil-ħsieb li tikkonkludi Protokoll ġdid tal-Ftehim tas-sajd eżistenti. Wara dawn in-negozjati, fis-19 ta’ April 2019 ġie inizjalat Protokoll ġdid. Il-Protokoll ikopri perjodu ta’ ħames snin mid-data tal-applikazzjoni provviżorja tiegħu, jiġifieri mid-data tal-iffirmar tiegħu, kif imsemmi fl-Artikolu 16 tiegħu.
Il-Protokoll jipprevedi l-opportunitajiet tas-sajd li ġejjin għall-bastimenti tal-Unjoni:
–28 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni mgħammra bi friża;
–10 bastimenti tas-sajd bil-bastun u x-xlief;
–5 bastimenti tas-sajd bil-konz;
–2 bastimenti tat-tkarkir.
Għandu jiġi stabbilit il-metodu għall-allokazzjoni ta’ dawn l-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Skont il-prijoritajiet tar-riforma tal-politika tas-sajd, il-Protokoll il-ġdid joffri opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet tas-Senegal skont l-aqwa parir xjentifiku disponibbli u filwaqt li jħares ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (l-ICCAT). Dan il-Protokoll ġdid iqis ir-riżultati ta’ evalwazzjoni li saret fuq l-aħħar Protokoll (2014-2019) u ta’ evalwazzjoni li tħares lejn il-futur dwar jekk għandux jiġi konkluż Protokoll ġdid. It-tnejn li huma twettqu minn esperti esterni. Il-Protokoll se jippermetti wkoll lill-Unjoni Ewropea u lis-Senegal jaħdmu aktar mill-qrib bejniethom biex jippromwovu l-użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet tas-Senegal u biex jappoġġaw l-isforzi tas-Senegal biex jiżviluppa s-settur tiegħu tas-sajd, fl-interess taż-żewġ partijiet.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
In-negozjar ta’ Protokoll ġdid għall-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd mas-Senegal jidħol fil-qafas tal-azzjoni esterna tal-UE mal-pajjiżi tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), u jqis b’mod partikulari l-objettivi tal-Unjoni fil-qasam tal-ħarsien tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem.
Minkejja li f’livell lokali, l-attività ekonomika ġġenerata fis-settur tas-sajd tas-Senegal tgħin biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari.
1.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika magħżula hija t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li l-Artikolu 43(3) tiegħu jistabbilixxi li l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-qasam ta’ azzjoni huwa kompetenza esklużiva.
2.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati waqt l-evalwazzjonijiet ex post u ex ante dwar Protokoll potenzjali ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u s-Senegal. Waqt laqgħat tekniċi ġew ikkonsultati wkoll l-esperti mill-Istati Membri u mis-settur. Minn dawn il-konsultazzjonijiet ħareġ li huwa fl-interess tal-Unjoni Ewropea u tas-Senegal li jikkonkludu Protokoll ġdid tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd.
•Konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati
L-Istati Membri, ir-rappreżentanti tas-settur, l-organizzazzjonijiet internazzjonali tas-soċjetà ċivili kif ukoll l-amministrazzjoni tas-sajd u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tas-Senegal ġew ikkonsultati fil-kuntest tal-evalwazzjoni. Saru wkoll konsultazzjonijiet fil-qafas tal-Kunsill Konsultattiv għall-Flotta ta’ Distanzi Twal.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-Kummissjoni użat konsulent indipendenti għall-evalwazzjonijiet ex post u ex ante, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(10) tar-Regolament li jistabbilixxi l-politika komuni tas-sajd.
3.L-IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA
L-abbozz tar-Regolament ma għandu l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.
4.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
Din il-proċedura qed tinbeda b’mod parallel mal-proċeduri marbutin mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn ir-Repubblika tas-Senegal u l-Unjoni Ewropea, kif ukoll ma’ dawk marbutin mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tiegħu. Dan ir-Regolament irid jibda japplika ladarba jkunu jistgħu jibdew isiru l-attivitajiet tas-sajd skont il-Ftehim, jiġifieri mid-data tal-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll.
2019/0227 (NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tas-Senegal u l-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Fit-2 ta' Marzu 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) Nru 2015/384 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta' Sħubija fil-qasam tas-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tas-Senegal u l-Unjoni Ewropea (minn hawn ’l quddiem “il-Ftehim”). Dan il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Novembru 2014 u għadu fis-seħħ.
(2)L-aħħar Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim skada fid-19 ta’ Novembru 2019.
(3)Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2019/.../UE, fid-19 ta’ Lulju 2019 ġie inizjalat Protokoll ġdid li jimplimenta l-Ftehim (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”).
(4)Jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd previsti fil-Protokoll jiġu allokati fost l-Istati Membri għall-perjodu kollu tal-applikazzjoni tiegħu.
(5)Il-Protokoll jibda japplika b’mod provviżorju mid-data tal-iffirmar tiegħu sabiex ikun żgurat li l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni jinbdew malajr. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mill-istess data,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti skont il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ sħubija fis-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tas-Senegal u l-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”) għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri kif ġej:
(a)bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni mgħammra bi friża:
Spanja:
[16]
bastimenti
Franza:
[12]
bastimenti
(b)bastimenti tas-sajd bil-qasab u x-xlief:
Spanja:
[8]
bastimenti
Franza:
[2]
bastimenti
(c)bastimenti tas-sajd bil-konz:
Spanja:
[3]
bastimenti
Il-Portugall:
[2]
bastimenti
(d)bastimenti tat-tkarkir:
Spanja:
[2]
bastimenti
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu jibda japplika mid-data tal-applikazzjoni tal-Protokoll.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President