Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019DC0565

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI rigward l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni transsettorjali ta' attività fiżika favur is-saħħa

    COM/2019/565 final

    Brussell, 6.11.2019

    COM(2019) 565 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    rigward l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni transsettorjali ta' attività fiżika favur is-saħħa


    1.Introduzzjoni u kuntest

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni transsettorjali ta’ attività fiżika favur is-saħħa (HEPA) (“ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill”) 1 , adottata f’Novembru 2013, stiednet lill-Kummissjoni tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tagħha u dwar il-valur miżjud tagħha kull 3 snin. L-ewwel rapport ta’ progress ġie ppubblikat f’Diċembru 2016 li jkopri l-perjodu 2014-2016 2 . Dan huwa t-tieni rapport, li jkopri l-perjodu 2017-2019.

    L-isport u l-attività fiżika jikkontribwixxu għas-saħħa fiżika, mentali u soċjali, iżda l-Ewrobarometru Speċjali tal-2018 dwar l-Isport u l-Attività Fiżika 3 juri li hemm għadd kbir ħafna ta' persuni fl-UE li ma jilħqux il-livelli minimi ta’ attività fiżika rrakkomandati mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). L-għan tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill huwa li tindirizza din il-problema. L-impenn fl-isport u fl-attività fiżika jvarja skont l-età, is-sess, il-livell ta’ edukazzjoni u l-isfond soċjoekonomiku, u bejn il-pajjiżi, u dan jissuġġerixxi li l-politiki u l-linji gwida nazzjonali jistgħu jinfluwenzaw l-imġiba. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jiżviluppaw strateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali biex jippromwovu l-attività fiżika li tinvolvi s-setturi kollha rilevanti, inklużi iżda mhux limitati għall-isport u s-saħħa. Hija tħeġġiġhom ukoll biex jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin u mal-Kummissjoni billi jiskambjaw informazzjoni u l-aħjar prattiki b’mod regolari.

    Din il-ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill turi żviluppi pożittivi, inkluż l-adozzjoni ta’ bosta politiki ġodda, titjib tal-kooperazzjoni bejn is-setturi fil-livell nazzjonali u kooperazzjoni transfruntiera aktar b’saħħitha.

    2.Il-metodu

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tinkludi fl-Anness tagħha sett ta’ 23 indikatur (“il-qafas ta’ monitoraġġ”) li jintużaw għall-monitoraġġ tal-progress li sar fl-Istati Membri dwar il-politiki għall-promozzjoni tal-HEPA u għall-evalwazzjoni tal-livelli ta’ attività fiżika. Indikatur jitqies implimentat meta Stat Membru jkun introduċa politika jew programm li jiġi mmonitorjat bl-użu tal-indikatur.

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill stiednet lil kull Stat Membru biex jinnomina punt fokali nazzjonali tal-HEPA biex jikkoordina l-ġbir ta’ informazzjoni għall-qafas ta’ monitoraġġ fil-livell nazzjonali. In-netwerk ta’ punti fokali ltaqa’ ħames darbiet 4 mill-ewwel rapport ta’ progress dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u tad-WHO. Dawn il-laqgħat intużaw bħala forum biex tiġi estiża l-kooperazzjoni transsettorjali li tinvolvi partijiet ikkonċernati importanti oħra f’dan il-qasam. Il-promozzjoni tal-attività fiżika teħtieġ approċċ multisettorjali. Azzjoni kkoordinata u miftiehma mis-setturi rilevanti kollha tevita d-duplikazzjoni u l-inkonsistenzi. Pereżempju, il-laqgħa ta’ Ottubru 2018 fil-Lussemburgu ġiet organizzata bħala laqgħa konġunta mal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar in-Nutrizzjoni u l-Attività Fiżika stabbilit taħt il-politika tas-saħħa. Il-laqgħa ta’ Ġunju 2019 fi Brussell involviet ir-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Grupp ta’ Livell Għoli dwar in-Nutrizzjoni u l-Attività Fiżika u fil-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli (l-iskema tal-frott, il-ħaxix u l-ħalib fl-iskejjel) stabbilit skont il-politika agrikola.

    Mid-dħul fis-seħħ tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, il-Kummissjoni kkooperat mad-WHO biex tappoġġja lill-Istati Membri u l-punti fokali tagħhom permezz tal-programm Erasmus+. Id-data użata f’dan ir-rapport inġabret mill-punti fokali nazzjonali.

    Dan ir-rapport ta’ progress jirrifletti wkoll il-kontribuzzjonijiet irċevuti mid-WHO 5 u mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Isport.

    3.Il-Gateway tal-Informazzjoni dwar is-Saħħa Ewropea tad-WHO u l-iskedi informattivi tal-pajjiżi tal-HEPA

    Id-data kollha miġbura permezz tal-qafas ta’ monitoraġġ tiddaħħal fil-Gateway tal-Informazzjoni dwar is-Saħħa Ewropea tad-WHO 6 , imnedija mid-WHO fl-2016 biex tissostitwixxi l-bażi tad-data Ewropea tagħha dwar in-nutrizzjoni, l-obeżità u l-attività fiżika. Il-Gateway hija mezz faċli biex it-53 Stat Membru tad-WHO fir-Reġjun Ewropew ikollhom aċċess għad-data, l-informazzjoni u r-riżorsi tas-saħħa, u tgħin biex titjieb is-saħħa tal-Ewropej billi tittejjeb l-informazzjoni li hija l-bażi tal-politika. Dan il-punt uniku ta’ servizz interattiv ta’ informazzjoni dwar is-saħħa jippermetti l-viżwalizzazzjoni u l-analiżi tad-data f’aktar minn 3,500 indikatur.

    Il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib mad-WHO biex tiġbor il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE għal skedi informattivi tal-pajjiżi dwar l-attività fiżika 7 , li ġew ippubblikati f’Settembru 2018. L-iskedi informattivi jagħtu sommarju ta’ kif l-inattività fiżika hija indirizzata fil-livell politiku. Ġew żviluppati wkoll skedi informattivi tematiċi dwar l-attività fiżika li jiffokaw fuq is-saħħa u l-edukazzjoni, li jagħtu sommarju tal-istatus attwali tal-promozzjoni tal-attività fiżika f’dawn iż-żewġ setturi u jippreżentaw għażla ta’ stejjer ta’ suċċess, jew eżempji ta’ prattika tajba, mill-Istati Membri tal-UE. Dawn l-azzjonijiet ta’ politika ta’ suċċess jistgħu jispiraw l-iżvilupp u ż-żieda ta’ inizjattivi ġodda biex jippromwovu l-attività fiżika f’dawn is-setturi.

    4.L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika tal-HEPA fil-livell nazzjonali

    It-28 Stat Membru kollha tal-UE ġabru data dwar l-implimentazzjoni tat-23 indikatur fil-livell nazzjonali. Id-data miġbura tippreżenta ħarsa ġenerali tajba tal-promozzjoni tal-HEPA fl-UE.

    Mill-ewwel rapport ’l hawn, kien hemm żieda ġenerali fl-għadd ta’ pajjiżi b’politiki u bi strateġiji li jippromwovu l-attività fiżika fil-popolazzjonijiet. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi rrapportaw data minn sistemi nazzjonali għall-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-attività fiżika. Dan huwa inkoraġġanti, billi din id-data tippermetti l-analiżi tax-xejriet u l-identifikazzjoni ta’ azzjonijiet effettivi u ta’ oqsma ta’ politika u popolazzjonijiet mhux moqdija biżżejjed. In-numru akbar ta’ pajjiżi b’mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni nazzjonali u b’finanzjament iddedikat għall-HEPA minn diversi setturi huwa wkoll inkoraġġanti. Dan juri li aktar pajjiżi qed jużaw approċċ komprensiv u multisettorjali sabiex jippromwovu l-attività fiżika u li l-importanza tal-attività fiżika qiegħda tiġi rikonoxxuta dejjem aktar.

    Bejn l-2015 u l-2018 jista’ jidher li kien hemm titjib ġenerali f’16-il indikatur, li 11 minnhom tjiebu b’aktar minn 20 % (ara l-Illustrazzjoni 1). Il-paraguni diretti tad-data għall-2015 u l-2018 jirrikjedu attenzjoni, madankollu, peress li l-metodi ta’ stħarriġ kienu ftit differenti, il-punti fokali l-ġodda setgħu ġabru d-data b’mod differenti, u aktar Stati Membri wieġbu għall-istħarriġ fl-2018 milli fl-2015 (il-Greċja ma pparteċipatx fl-istħarriġ fl-2015). L-indikaturi li ntlaħqu minn ftit pajjiżi biss fl-2015 (bħall-indikaturi 7 u 18, it-tnejn li huma dwar l-użu tal-linji gwida), kienu għadhom mhumiex irrapportati biżżejjed. Il-Finlandja hija l-uniku pajjiż li indirizza u implimenta bis-sħiħ it-23 indikatur kollha tal-qafas ta’ monitoraġġ (ara l-Anness).

    Illustrazzjoni 1 - Numru ta’ Stati Membri li jissodisfaw it-23 indikatur

    Ħarsa ġenerali lejn ir-riżultati tal-qafas ta’ monitoraġġ hija ppreżentata hawn taħt. Id-dettalji dwar il-pajjiżi jistgħu jiġu kkonsultati fuq il-Gateway tal-Informazzjoni dwar is-Saħħa Ewropea 8 u fl-iskedi informattivi tal-pajjiżi dwar l-attività fiżika.

    22 pajjiż stabbilew rakkomandazzjonjiet tal-politika nazzjonali dwar il-HEPA. F’disa’ minn dawn, ir-rakkomandazzjonijiet kienu bbażati biss fuq ir-Rakkomandazzjonijiet globali tad-WHO dwar l-attività fiżika għas-saħħa, filwaqt li rakkomandazzjonijiet oħra ntużaw f’ħames pajjiżi. Għaxar pajjiżi segwew rakkomandazzjonijiet internazzjonali oħra jew taħlita tagħhom.

    Tnejn u għoxrin pajjiż irrapportaw li kellhom mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni nazzjonali għall-promozzjoni tal-attività fiżika. Il-mekkaniżmu varja minn gruppi ta’ ħidma żgħar għall-koordinazzjoni tal-komponent ta’ attività fiżika ta’ pjan ta’ azzjoni nazzjonali ta’ mard mhux komunikabbli, sa kunsilli ministerjali ta’ livell għoli.

    L-allokazzjoni ta’ finanzjament speċifiku għall-promozzjoni tal-HEPA hija indikatur qawwi ta’ azzjoni għall-promozzjoni tal-attività fiżika mill-gvernijiet u s-setturi tal-gvern. Sitta u għoxrin pajjiż irrapportaw li pprovdew finanzjament iddedikat sabiex jippromwovu l-HEPA, bis-setturi tal-isport u tas-saħħa jipprovdu l-biċċa l-kbira tal-finanzjament.

    Il-pajjiżi kollha rrapportaw mill-inqas politika nazzjonali waħda relatata mal-isport għal kulħadd jew pjan ta’ azzjoni nazzjonali għall-promozzjoni tal-attività fiżika. B’mod ġenerali, ġew irrapportati 148 politika relatati mal-isport għal kulħadd jew politiki jew pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali oħra tal-HEPA. Is-settur tal-isport kien involut l-aktar fl-implimentazzjoni tal-politiki nazzjonali dwar l-attività fiżika jew tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali.

    Seba’ pajjiżi rrapportaw li ntużaw il-linji gwida għall-“klabbs sportivi għas-saħħa”. Dawn il-linji gwida jħeġġu lill-klabbs sportivi biex jinvestu f’attivitajiet sportivi relatati mas-saħħa u fil-promozzjoni tas-saħħa marbuta mal-attivitajiet sportivi. 10 pajjiżi oħra rrapportaw li qegħdin jużaw programmi, linji gwida jew oqfsa simili għal klabbs sportivi jew federazzjonijiet sportivi.

    Erbgħa u għoxrin pajjiż irrapportaw li kellhom programmi biex jippromwovu l-attività fiżika fost gruppi speċifiċi. Mill-148 politika u pjan ta’ azzjoni rrapportati biex jippromwovu l-HEPA, 72 kienu mmirati lejn gruppi speċifiċi. Il-gruppi l-aktar spiss indirizzati kienu dawk bi status soċjoekonomiku baxx, anzjani u persuni b’diżabilità. Għoxrin pajjiż irrapportaw politiki, programmi jew inċentivi tal-kost speċifiċi biex jiżdied l-aċċess għall-faċilitajiet tal-eżerċizzju għal gruppi soċjalment żvantaġġati, u 13 irrapportaw programmi komunitarji biex tiġi promossa l-attività fiżika fost l-anzjani.

    Wieħed u għoxrin pajjiż kellhom programm jew skema nazzjonali biex jippromwovu l-konsulenza dwar l-attività fiżika mill-professjonisti tas-saħħa (bosta pajjiżi rrapportaw skemi lokali jew reġjonali, jew proġetti li kienu għadhom mhumiex nazzjonali). Sebgħa rrapportaw li l-persuni li taw pariri dwar attività fiżika jew eżerċizzju preskritt ġew rimborżati mill-iskema nazzjonali tal-assigurazzjoni tas-saħħa.

    Tnejn u għoxrin pajjiż irrapportaw li l-attività fiżika għas-saħħa kienet inkluża fil-kurrikulu għal tip wieħed jew aktar ta’ professjonist tas-saħħa. Il-pajjiżi kollha offrew dan lit-tobba, u 18-il pajjiż offrew dan ukoll lill-fiżjoterapisti, 17 lill-infermiera u 11 lil professjonisti oħra tas-saħħa bħalma huma n-nutrizzjonisti, it-terapisti okkupazzjonali, il-kineżjoloġisti u l-ispiżjara.

    Fis-settur tal-edukazzjoni, l-Istati Membri kollha rrapportaw li saru klassijiet tal-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel. L-għadd ta’ sigħat mogħtija f’kull pajjiż huwa ppreżentat fl-iskedi informattivi tal-pajjiżi. Is-sigħat huma obbligatorji għal 21 pajjiż fl-iskejjel primarji u għal 20 pajjiż fl-iskejjel sekondarji. 24 pajjiż irrapportaw mill-inqas skema waħda li ppromwoviet l-attività fiżika fl-iskejjel. L-iskema rrapportata l-aktar spiss (20 pajjiż) kienet programmi ta’ wara l-iskola; 15-il pajjiż irrapportaw inizjattivi nazzjonali għal brejks attivi tal-iskola, u 14 kellhom skemi għal brejks attivi matul il-lezzjonijiet. 15-il pajjiż irrapportaw programm nazzjonali għall-ivvjaġġar attiv lejn l-iskola. It-taħriġ tal-għalliema tal-edukazzjoni fiżika fil-HEPA kien irrapportat minn 21 pajjiż.

    Ħames pajjiżi rrapportaw li implimentaw il-linji gwida Ewropej għat-titjib tal-infrastruttura għal attività fiżika waqt il-ħin liberu fil-livell nazzjonali. Ġew irrapportati għadd ta’ skemi jew programmi nazzjonali relatati biex itejbu l-infrastruttura għal attività fiżika waqt il-ħin liberu jew dik rikreattiva.

    15-il pajjiż irrapportaw li kellhom skema biex jippromwovu l-attività fiżika fuq il-post tax-xogħol, u 19-il pajjiż irrapportaw skemi biex jinkoraġġixxu l-ivvjaġġar attiv lejn ix-xogħol.

    23 pajjiż irrapportaw kampanja nazzjonali stabbilita biex tiġi promossa l-attività fiżika, li fiha ntużaw diversi tipi ta’ midja. Fil-kampanja ntużaw aktar minn tip wieħed f’21 pajjiż.

    B’mod ġenerali, 54 % tal-politiki u l-pjanijiet ta’ azzjoni rrapportati kienu jinkludu pjan għall-evalwazzjoni (77 % fl-2015).

    5.Il-kejl tal-prevalenza tal-attività fiżika

    Huwa importanti li wieħed jifhem sew ir-raġunijiet għal-livelli għoljin ta’ inattività fiżika sabiex ikun jista’ jiggwida u jiżviluppa politiki adegwati u effettivi dwar l-attività fiżika li jistgħu jgħinu biex tiżdied il-parteċipazzjoni u jitnaqqsu l-ostakoli. Id-data tippermetti l-analiżi tax-xejriet u l-identifikazzjoni ta’ azzjonijiet effettivi u oqsma ta’ politika u popolazzjonijiet mhux moqdija biżżejjed.

    26 pajjiż irrapportaw mill-inqas sistema ta’ sorveljanza ta’ attività fiżika waħda f’settur wieħed (meta mqabbel mas-17 fl-2015), u 24 irrapportaw l-eżistenza ta’ sistema waħda fis-settur tas-saħħa. Huwa diffiċli li wieħed iqabbel il-livelli ta’ attività fiżika fil-popolazzjoni bejn il-pajjiżi, billi jintużaw metodi u strumenti differenti biex tiġi mmonitorjata l-attività fiżika. L-ewwel rapport fl-2016 identifika l-pubblikazzjoni ta’ data differenti, u xi kultant kontradittorja, mill-istrumenti differenti tal-istħarriġ bħala kwistjoni li kellha tiġi indirizzata.

    Din is-sitwazzjoni, b’varjetà ta’ strumenti tal-istħarriġ u kwestjonarji użati biex tinġabar id-data fl-Istati Membri kollha, tibqa’ l-istess. 21 pajjiż ipprovdew data dwar il-livelli ta’ attività fiżika tal-adulti minn stħarriġiet nazzjonali indipendenti. Ġiet irrapportata wkoll data minn stħarriġiet tal-UE (ħames pajjiżi rrapportaw data mill-Ewrobarometru dwar l-isport u l-attività fiżika u seba’ pajjiżi użaw ir-riżultati tal-Istħarriġ Ewropew dwar is-Saħħa permezz ta’ Intervisti (EHIS) 9 bħala d-data nazzjonali tagħhom dwar il-livelli ta’ attività fiżika). Id-data rrapportata għat-tfal u l-adolexxenti kienet ġejja l-iżjed minn stħarriġiet nazzjonali jew mill-Imġiba tas-Saħħa fl-istħarriġ dwar it-Tfal tal-Età tal-Iskola 10 .

    Fid-dawl ta’ dan, il-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri żviluppata fi ħdan in-netwerk tal-punti fokali tal-HEPA u mad-WHO wasslet għall-proġett iffinanzjat mill-Erasmus+ EUPASMOS (European Union Physical Activity and Sport Monitoring System - Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Attività Fiżika u tal-Isport fl-Unjoni Ewropea) 11 , li kien jinvolvi 20 Stat Membru tal-UE. Dan il-proġett għandu l-għan li joħloq sistema armonizzata ta’ monitoraġġ tal-isport u tal-attività fiżika billi jiżviluppa proċess metodoloġiku integrat u kondiviż li se jipprovdi data komparabbli, valida u affidabbli dwar l-attività fiżika u l-parteċipazzjoni fl-isport fl-Istati Membri kollha tal-UE. Il-proġett se jipprovdi data u metodoloġija vvalidata sa nofs l-2020. Huwa għandu jagħti wkoll rakkomandazzjonijiet biex l-EHIS jiġi estiż, li bħalissa jinkludi taqsima limitata ħafna dwar l-attività fiżika.

    6.L-istatistika Ewropea dwar l-attività fiżika

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill stiednet lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibbiltà li tipproduċi statistika Ewropea dwar il-livelli ta’ attività fiżika abbażi ta’ data miġbura taħt il-qafas ta’ monitoraġġ.

    Id-data dwar l-attività fiżika tinġabar fi ħdan l-istħarriġiet tal-UE, l-aktar l-EHIS, u hija disponibbli fuq is-sit web tal-Eurostat, taħt id-dominji Eurobase “Saħħa” u “Sport”. Fl-2018, il-Eurostat ħareġ fuljett dwar l-istatistika relatata mal-isport 12 , inkluża data dwar il-livelli ta’ attività fiżika, li ġejja mill-EHIS tal-2014. Il-modulu dwar is-saħħa tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea dwar l-introjtu u l-kondizzjonijiet tal-għajxien (EU-SILC) 13 , li sar fl-2017, inkluda wkoll ftit fatturi varjabbli dwar l-attività fiżika.

    Fil-qafas ta’ monitoraġġ, seba’ Stati Membri biss użaw data mill-EHIS biex jirrapportaw dwar il-livelli ta’ attività fiżika. L-integrazzjoni tal-EHIS ma’ stħarriġiet nazzjonali u reġjonali eżistenti tibqa’ sfida, minħabba l-prijoritajiet differenti tal-istħarriġiet u l-organizzazzjonijiet responsabbli għat-tfassil, il-validazzjoni u l-implimentazzjoni tal-istħarriġiet, speċjalment f’pajjiżi fejn hemm monitoraġġ tajjeb tal-attività fiżika u tal-parteċipazzjoni fl-isport. Skont ir-Regolament Qafas attwali tal-istatistika tas-saħħa pubblika 14 , it-tielet edizzjoni tal-istħarriġ EHIS se ssir fl-2019. Stħarriġiet sussegwenti se jsiru taħt ir-Regolament li ġej dwar l-istatistika soċjali Ewropea integrata 15 . Il-Eurostat, servizzi oħra tal-Kummissjoni u l-Istati Membri qegħdin jaħdmu flimkien biex jiftiehmu dwar, u possibbilment itejbu, l-istrumenti tal-istħarriġ.

    7.Il-kooperazzjoni dwar il-HEPA bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tħeġġeġ lill-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib bejniethom u mal-Kummissjoni biex jippromwovu l-HEPA billi jinvolvu ruħhom fi proċess ta’ skambju regolari tal-informazzjoni u tal-aħjar prattiki. Il-Kummissjoni ġiet mistiedna biex tiffaċilita dawn l-iskambji u biex tappoġġja lill-Istati Membri.

    In-netwerk ta’ punti fokali nazzjonali ppermetta l-iskambju utli ta’ prattiki tajbin u rawwem il-kollaborazzjoni tal-UE. Il-preżentazzjonijiet tal-prattiki tajbin li jippromwovu l-HEPA kienu sistematikament inklużi fil-laqgħat biex jiffaċilitaw l-iskambji ta’ esperjenzi u lezzjonijiet miksuba. Barra minn hekk, ġie kkompilat sett ta’ prattiki tajbin fi skedi informattivi tematiċi dwar is-saħħa u l-edukazzjoni (ara t-taqsima 3 hawn fuq).

    Il-Kummissjoni appoġġjat lid-WHO fil-provvista ta’ assistenza teknika lil pajjiżi individwali biex tgħinhom jiżviluppaw linji gwida dwar l-attività fiżika bbażati fuq l-evidenza, rakkomandazzjonijiet u pjanijiet direzzjonali għal politiki dwar l-attività fiżika f’setturi differenti. Il-linji gwida dwar l-attività fiżika ġew żviluppati għal pajjiż wieħed. Ġew prodotti wkoll żewġ pubblikazzjonijiet li għandhom l-għan li jgħinu lill-pajjiżi jiżviluppaw jew jespandu l-linji gwida nazzjonali tagħhom dwar l-attività fiżika 16 .

    Fl-2017-2019, permezz tal-kapitolu dwar l-isport tal-programm Erasmus+, l-UE kkofinanzjat ukoll total ta’ 33 sħubija kollaborattiva u tmien avvenimenti sportivi Ewropej mingħajr skop ta’ qligħ li għandhom l-għan li jħeġġu l-parteċipazzjoni fl-isport u l-attività fiżika. Dawn il-proġetti kienu jinvolvu varjetà ta’ partijiet ikkonċernati mill-edukazzjoni għolja, l-awtoritajiet pubbliċi, l-NGOs u l-klabbs sportivi fit-28 Stat Membru kollha. Dan ippermetta li l-persuni jiġu sensibilizzati fl-UE kollha fl-ambjenti lokali tagħhom, u li jiġu mmirati diversi sezzjonijiet tal-popolazzjoni inklużi t-tfal, l-anzjani u l-persuni b’diżabilità. F’Diċembru 2017, il-Kummissjoni organizzat laqgħa tematika dwar “L-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni fl-isport u fl-attivitajiet fiżiċi” 17 , li tiġbor flimkien il-proġetti relatati kollha kkofinanzjati mill-UE fl-2014-2016 ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, sabiex tidentifika l-eżiti rilevanti għall-politika u l-użu possibbli tagħhom lil hinn mill-ħajja tal-proġetti.

    Permezz ta' Orizzont 2020, il-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (R&I), il-Kummissjoni tappoġġja l-Inizjattiva tal-Ipprogrammar Konġunt: Dieta Tajba għal Ħajja b’Saħħitha (2016-2021) 18 . Din l-inizjattiva tiġbor flimkien 26 pajjiż minn ġewwa u minn barra l-Ewropa biex tallinja l-istrateġiji nazzjonali ta’ R&I u biex tiffinanzja riċerka ġdida dwar ir-relazzjoni bejn id-dieta, l-attività fiżika u s-saħħa u l-prevenzjoni jew il-minimizzazzjoni ta’ mard mhux komunikabbli relatat mal-istil ta’ ħajja. B’baġit ta’ aktar minn EUR 85 miljun, diġà ġew iffinanzjati aktar minn 50 proġett, bħaċ-ċentru tal-għarfien dwar id-Determinanti tad-Dieta u tal-Attività Fiżika (DEDIPAC) 19 , li laqqa’ flimkien ’il fuq minn 300 xjenzat minn 13-il pajjiż.

    L-Istati Membri u l-Kummissjoni jaħdmu wkoll flimkien fil-kuntest tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport biex iqajmu sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji tal-isport u l-attività fiżika, irrispettivament mill-età, l-isfond u l-livell ta’ saħħa fiżika. Fl-2018, il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport saret fil-pajjiżi kollha tal-programm Erasmus+, u ġiet estiża għas-Sħubija tal-Lvant u r-reġjuni tal-Balkani tal-Punent. Ġew organizzati aktar minn 48,000 avveniment fir-reġjuni parteċipanti kollha u fl-organizzazzjonijiet sħab.

    Barra minn hekk, f’Settembru 2017, Tibor Navracsics, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Vytenis Andriukaitis, il-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari u Phil Hogan, il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, nedew is-sejħa ta’ Tartu għal stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa, sabiex jiġu promossi stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa fl-Ewropa, b’mod partikolari fost it-tfal. Sentejn wara, l-ewwel riżultati juru li l-Kummissjoni qiegħda tuża aktar fondi, tqajjem aktar sensibilizzazzjoni u tiġbor aktar għarfien minn sentejn ilu sabiex tindirizza d-dieti mhux tajbin għas-saħħa u l-inattività fiżika.

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni hija impenjata li jkollha rwol biex tgħin lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jippromwovu l-isport u l-istili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa, peress li dawn huma l-eqreb tal-pubbliku. Pereżempju, fl-2018 il-Kummissjoni nediet l-inizjattiva SHARE (SportHub: Alliance for regional development in Europe) 20 biex jiġi enfasizzat ir-rwol tal-isport fl-iżvilupp reġjonali.

    8.L-evalwazzjoni tal-valur miżjud tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tipprovdi lill-Istati Membri tal-UE bl-impetu biex jindirizzaw l-inattività fiżika permezz tal-politika pubblika. Mill-148 politika u pjan ta’ azzjoni totali rrapportati mill-Istati Membri tal-UE fis-setturi kollha rilevanti għall-promozzjoni tal-HEPA (152 ġew irrapportati matul l-ewwel perjodu ta’ rapportar), 89 ġew adottati wara l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill f’Novembru 2013. L-Istrateġija ta’ Attività Fiżika tad-WHO għar-Reġjun Ewropew 2016–2025 tipprovdi aktar inċentiv għall-Istati Membri tal-UE biex jaġixxu.

    Iż-żamma u t-tisħiħ tan-netwerk tal-punti fokali tal-HEPA huma element ewlieni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Ir-rappreżentanti mill-Istati Membri tal-UE jiltaqgħu regolarment biex jiddiskutu u jitgħallmu dwar xejriet ġodda, evidenza disponibbli u żviluppi reċenti fil-HEPA. Dan jippermettilhom li jibqgħu informati tajjeb dwar kif jippromwovu l-HEPA f’pajjiżhom, u jenfasizzaw l-importanza tagħha. Lil hinn mill-utilità tan-netwerk tal-punti fokali għall-iskambju ta’ prattiki tajbin (inkluż lil hinn mill-qafas strutturat tal-laqgħat), id-data li jiġbru taħt il-qafas ta’ monitoraġġ tipprovdi ħarsa ġenerali riveduta tal-implimentazzjoni tal-politiki u l-azzjonijiet relatati mal-HEPA fl-UE kollha.

    Huwa kruċjali li jintużaw il-pjanijiet ta’ evalwazzjoni biex jiġu vvalutati l-impatt u l-effettività tal-politiki u l-pjanijiet ta’ azzjoni fil-livell nazzjonali. Minkejja dan, 80 biss mill-148 politika jew pjan ta’ azzjoni rrapportati kienu jinkludu wieħed. Lanqas ma ġiet irrapportata xi informazzjoni sistematika dwar jekk dawn l-evalwazzjonijiet twettqux tassew. Dan għandu jiġi indirizzat fis-sessjoni ta’ monitoraġġ li jmiss.

    B’mod ġenerali, il-kontribuzzjonijiet tal-punti fokali għall-qafas ta’ monitoraġġ kienu tajbin ħafna. Għas-sessjonijiet futuri ta’ ġbir ta’ data, l-istrument ta’ stħarriġ jista’ jittejjeb aktar biex jitnaqqas il-marġni ta’ interpretazzjoni, biex il-paraguni ta’ data minn pajjiż għal ieħor isiru aktar faċli u jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn bidliet ta’ punt fokali f’pajjiż iwasslu għal metodi differenti ta’ rapportar.

    Il-kooperazzjoni strutturata mal-Uffiċċju Reġjonali tad-WHO għall-Ewropa fil-kuntest tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill wriet li hija ta’ benefiċċju reċiproku u inkludiet attivitajiet ta’ disseminazzjoni konġunti u titjib tal-Gateway tal-Informazzjoni dwar is-Saħħa Ewropea tad-WHO. B’mod partikolari, il-punti fokali sabu l-appoġġ ipprovdut mill-Kummissjoni u mill-Uffiċċju Reġjonali tad-WHO għall-Ewropa utli.

    Il-Kummissjoni rċeviet feedback pożittiv mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Isport, bl-iskedi informattivi tal-pajjiżi dwar l-attività fiżika meqjusa utli ħafna. Il-parti l-aktar importanti tal-eżerċizzju kienet ix-xogħol li twettaq b’mod konġunt mis-setturi differenti fuq livell nazzjonali. Il-laqgħat tal-punti fokali huma meqjusa wkoll utli ħafna għat-titjib tal-koperazzjoni bejn is-setturi u dik transfruntiera u għall-approfondiment tad-diskussjonijiet. L-iskedi informattivi tematiċi dwar l-edukazzjoni u s-saħħa tqiesu utli jew utli ħafna u għandhom jiġu ripetuti fil-futur, possibbilment bil-ħolqien ta’ skedi informattivi simili għal setturi oħra bħat-trasport, l-ippjanar urban, l-attività fiżika fuq il-post tax-xogħol, is-sigurtà soċjali (l-anzjani) jew it-turiżmu. Jistgħu jiġu organizzati laqgħat tematiċi f’setturi bħall-ippjanar urban u l-attività fiżika.

    9.Konklużjonijiet

    Dan l-eżami mill-ġdid tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-2017-2019 juri żviluppi pożittivi. Ġew adottati diversi politiki ġodda. L-akbar titjib deher fl-għadd ta’ pajjiżi bi programmi nazzjonali għall-konsulenza dwar l-attività fiżika u l-preskrizzjoni tal-eżerċizzju mill-professjonisti tas-saħħa u bi skemi nazzjonali għall-attività fiżika fl-iskola u l-ivvjaġġar attiv lejn l-iskola. Barra minn hekk, aktar pajjiżi rrapportaw programmi biex iżidu l-aċċess għall-faċilitajiet tal-eżerċizzju jew tar-rikreazzjoni għal gruppi soċjalment żvantaġġati, fejn jindikaw rikonoxximent aħjar tal-opportunitajiet mhux indaqs għall-attività fiżika. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex ikomplu jsaħħu l-fokus tal-programmi nazzjonali tagħhom fuq it-tfal u ż-żgħażagħ, u biex jipprovdu regolarment informazzjoni dwar l-isforzi tagħhom.

    Il-kooperazzjoni bejn is-setturi fuq livell nazzjonali kompliet titjieb, u l-punti fokali kibru f’netwerk b’saħħtu u utli għall-kooperazzjoni transfruntiera. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex ikomplu jaqsmu bejniethom prattiki tajbin u jikkooperaw f’inizjattivi rilevanti.

    Id-data miġbura dwar l-attività fiżika tal-popolazzjoni tissuġġerixxi li l-livelli għadhom baxxi wisq. Peress li d-disponibbiltà ta’ data affidabbli hija essenzjali biex jiġi stimolat it-tfassil tal-politika, il-pubblikazzjoni ta’ data kontradittorja minn strumenti differenti tal-istħarriġ għadha kwistjoni li għandha tiġi indirizzata. Il-Kummissjoni tilqa’ l-isforzi tal-Istati Membri tal-UE biex itejbu l-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-HEPA u tinnota li dawn jeħtieġ li jkomplu.

    Minn meta bdiet l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, jista' jidher progress ġenerali dwar il-promozzjoni u l-monitoraġġ tal-HEPA fl-Istati Membri tal-UE, iżda se jkun utli wkoll l-appoġġ kontinwu. Il-Kummissjoni se tkompli tikkoopera mad-WHO biex tappoġġja lill-Istati Membri tal-UE fl-iżvilupp ta’ indikaturi, metodi ta’ ġbir ta’ data, disseminazzjoni u skambji ta’ prattika tajba u għodod għall-bini tal-kapaċità, u l-iżvilupp tal-politika.

    Il-Kummissjoni se tissottometti r-rapport li jmiss dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill fi żmien 3 snin. Hija se tippreċedi dan l-eżerċizzju b’sessjoni ġdida ta’ ġbir ta’ data taħt il-qafas ta’ monitoraġġ, u t-tielet rilaxx ta’ skedi informattivi tal-pajjiżi dwar l-attività fiżika, possibbilment flimkien ma’ skedi informattivi settorjali tematiċi ta’ akkumpanjament.

    Il-ħtieġa li tiġi aġġornata r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, b’mod partikolari biex jitjiebu l-qafas ta’ monitoraġġ u l-indikaturi, tista’ tiġi vvalutata bħala parti mir-rapport li jmiss.


    Anness – Implimentazzjoni tat-23 indikatur fl-Istati Membri

    Illustrazzjoni 2 – 2015

    Illustrazzjoni 3 - 2018

    (1)      Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2013 dwar il-promozzjoni transsettorjali ta' attività fiżika favur is-saħħa,  ĠU C 354, 4.12.2013, p. 1.
    (2)      COM(2016) 768 final
    (3)      Tnejn biss minn kull ħames Ewropej (40 %) jagħmlu eżerċizzju jew jilagħbu sport għall-inqas darba fil-ġimgħa, inklużi 7 % li jagħmlu dan regolarment (għall-inqas ħames darbiet fil-ġimgħa). Barra minn hekk, kważi nofs dawk li wieġbu (46 %) qatt ma jagħmlu eżerċizzju jew jilagħbu sport.
    (4)      Dawn il-laqgħat saru f’April 2017 f’Toledo, f'Novembru 2017 f’Zagreb, f'Ġunju 2018 f’Budapest, f'Ottubru 2018 fil-Lussemburgu u f'Ġunju 2019 fi Brussell.
    (5)      Ara r-rapport finali mill-ftehim ta’ għotja mad-WHO dwar il-Promozzjoni tal-Attività Fiżika fl-Unjoni Ewropea, bl-għan li jikkontribwixxi għall-kisba tal-mira globali tad-WHO li sal-2025 jitnaqqsu b'10 % il-livelli ta’ inattività fiżika fl-Istati Membri tal-UE, billi jappoġġja l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill u tal-Istrateġija ta’ Attività Fiżika tad-WHO għall-Ewropa 2016-2025: www.euro.who.int/__data/assets/pdf_file/0010/414298/PROMPEAU-Technical-report-final_2.pdf
    (6)      https://gateway.euro.who.int/en/themes/obesity-physical-activity-and-nutrition/
    (7)      http://www.euro.who.int/en/health-topics/disease-prevention/physical-activity/data-and-statistics/physical-activity-fact-sheets
    (8)      https://gateway.euro.who.int/en/themes/obesity-physical-activity-and-nutrition/
    (9)       http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Glossary:European_health_interview_survey_%28EHIS%29
    (10)       http://www.hbsc.org/
    (11)      https://eupasmos.com/
    (12)      https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-catalogues/-/KS-07-17-123
    (13)      https://ec.europa.eu/eurostat/web/microdata/european-union-statistics-on-income-and-living-conditions
    (14)      Ir-Regolament (KE) Nru 1338/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-istatistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, ĠU L 354, 31.12.2008, p. 70.
    (15)      COM(2016)551
    (16)      Mhux ippubblikat meta nkiteb dan ir-rapport
    (17)      https://eacea.ec.europa.eu/sites/eacea-site/files/brochureclustermeetingsport_2018_03.pdf
    (18)      https://www.healthydietforhealthylife.eu/
    (19)      https://www.wur.nl/en/project/dedipac.htm
    (20)      https://ec.europa.eu/sport/policy/economy/share_en
    Top