EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019AP0403

P8_TA(2019)0403 Programm Ewropa Diġitali għall-perjodu 2021-2027 ***I Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm Ewropa Diġitali għall-perjodu 2021-2027 (COM(2018)0434 – C8-0256/2018 – 2018/0227(COD)) P8_TC1-COD(2018)0227 Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-17 ta' April 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm Ewropa Diġitali għall-perjodu 2021-2027

ĠU C 158, 30.4.2021, p. 424–458 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 158/424


P8_TA(2019)0403

Programm Ewropa Diġitali għall-perjodu 2021-2027 ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm Ewropa Diġitali għall-perjodu 2021-2027 (COM(2018)0434 – C8-0256/2018 – 2018/0227(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2021/C 158/50)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0434),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 172 u 173(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0256/2018),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta' Ottubru 2018 (1),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-5 ta' Diċembru 2018 (2),

wara li kkunsidra l-ittra mill-President tiegħu lill-presidenti tal-kumitati tal-25 ta’ Jannar 2019 li tispjega l-approċċ tal-Parlament għall-programmi settorjali tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) wara l-2020,

wara li kkunsidra l-ittra mill-Kunsill lill-President tal-Parlament Ewropew tal-1 ta’ April 2019 li tikkonferma l-ftehim komuni milħuq bejn il-koleġiżlaturi matul in-negozjati,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0408/2018),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt (3);

2.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 292.

(2)  ĠU C 86, 7.3.2019, p. 272.

(3)  Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fit-13 ta’ Diċembru 2018 (Testi adottati, P8_TA(2018)0521).


P8_TC1-COD(2018)0227

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-17 ta' April 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm Ewropa Diġitali għall-perjodu 2021-2027

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 172 u 173 (3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-Programm Ewropa Diġitali għall-perjodu 2021-2027 li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza primarja, fit-tifsira ta' [referenza li għandha tiġi aġġornata kif xieraq skont il-ftehim il-ġdid interistituzzjonali: il-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (4)], għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(2)

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/ 1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) ▌(ir-''Regolament Finanzjarju'') japplika għal dan il-Programm. Jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, inklużi r-regoli dwar għotjiet, premjijiet, akkwist pubbliku, implimentazzjoni indiretta, assistenza finanzjarja, strumenti finanzjarji u garanziji baġitarji.

(3)

Skont ir-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2988/95 (7), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (8) u r-Regolament (UE) 2017/1939 (9), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu protetti permezz ta' miżuri proporzjonati, inkluż il-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet inklużi frodi, l-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b'mod mhux korrett u fejn xieraq, l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet amministrattivi. B'mod partikolari, skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) jista' jinvestiga u jressaq każijiet ta' frodi u reati kriminali oħrajn li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Skont ir-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi tal-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-UPPE u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.

(4)

Skont [referenza trid tiġi aġġornata kif xieraq skont id-deċiżjoni l-ġdida dwar il-PTEE: L-Artikolu 88 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill / /UE (11)], persuni u entitatijiet stabbiliti f’pajjiżi u territorji extra-Ewropej (PTEE) għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament soġġett għar-regoli u għall-objettivi tal-Programm u għall-arranġamenti possibbli applikabbli għall-Istat Membru li magħhom il-pajjiż jew territorju extra-Ewropew rilevanti huwa marbut. Jenħtieġ li l-parteċipazzjoni effettiva tagħhom fil-Programm tkun immonitorjata u evalwata b'mod regolari mill-Kummissjoni Ewropea.

(5)

Skont il-paragrafu 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016 (12), hemm il-ħtieġa li dan il-Programm jiġi evalwat abbażi tal-informazzjoni li tinġabar permezz ta' rekwiżiti ta' monitoraġġ speċifiċi, informazzjoni korrelatata mal-ħtiġijiet eżistenti u li tikkonforma mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament u tal-Kunsill  (13), filwaqt li jiġu evitati piżijiet ta' regolamentazzjoni żejda u amministrattivi għall-benefiċjarji kollha, b'mod partikolari fuq l-Istati Membri u b'kunsiderazzjoni tal-kejl u tal-oqfsa ta' evalwazzjoni komparattiva eżistenti fil-qasam diġitali . Dawn ir-rekwiżiti, fejn ikun xieraq, jistgħu jinkludu indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi li jistgħu jitkejlu, bħala bażi biex jiġu evalwati l-effetti tal-Programm fil-prattika.

(5a)

Il-Programm jenħtieġ li jiżgura l-ogħla livell ta' trasparenza u obbligu ta' rendikont u skrutinju demokratiku ta' strumenti u mekkaniżmi finanzjarji innovattivi li jinvolvu l-baġit tal-Unjoni, speċjalment fir-rigward tal-kontribut tagħhom, kemm fir-rigward tal-aspettattivi inizjali kif ukoll tar-riżultati finali li jsiru biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni.

(6)

Is-Summit Diġitali ta' Tallinn (14) ta' Settembru 2017 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (15) tad-19 ta' Ottubru 2017 indikaw il-ħtieġa għall-Ewropa li tinvesti ▌fl-ekonomiji tagħna u tindirizza id-diskrepanza fil-ħiliet biex iżżomm u ssaħħaħ il-kompetittività u l-innovazzjoni Ewropej, il-kwalità tal-ħajja tagħna u n-nisġa soċjali. Il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li t-trasformazzjoni diġitali toffri opportunitajiet kbar għall-innovazzjoni, it-tkabbir u l-impjiegi, se tikkontribwixxi għall-kompetittività globali tagħna, u ttejjeb l-kreattività u d-diversità kulturali. Biex jiġu sfruttati dawn l-opportunitajiet jeħtieġ li jiġu ttrattati ▌ l-isfidi li ġġib magħha t-trasformazzjoni diġitali u jiġu rieżaminati l-politiki affettwati mit-trasformazzjoni diġitali.

(6a)

Il-bini ta' ekonomija u soċjetà diġitali Ewropej sodi se jibbenefika mill-implimentazzjoni tajba tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, Wifi4EU u l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi.

(7)

Il-Kunsill Ewropew ikkonkluda b'mod partikolari li l-Unjoni għandha tindirizza b'mod urġenti t-tendenzi emerġenti: dan jinkludi kwistjonijiet bħall-intelliġenza artifiċjali ▌, filwaqt li fl-istess ħin jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tad-data b'konformità sħiħa mar-Regolament (UE) 2016/679 , tad-drittijiet diġitali , tad-drittijiet fundamentali u tal-istandards etiċi. Il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni tressaq approċċ Ewropew għall-intelliġenza artifiċjali sal-bidu tal-2018 u talab lill-Kummissjoni biex tressaq l-inizjattivi meħtieġa għat-tisħiħ tal-kundizzjonijiet qafas bil-għan li l-UE tkun tista' tesplora swieq ġodda permezz ta' innovazzjonijiet radikali bbażati fuq ir-riskju u tafferma mill-ġdid ir-rwol ewlieni tal-industrija tagħha.

(7c)

L-Ewropa għandha tagħmel investimenti deċiżivi fil-futur tagħha, filwaqt li tibni kapaċitajiet diġitali strateġiċi sabiex tibbenefika mir-rivoluzzjoni diġitali. Irid jiġi żgurat baġit sostanzjali (ta' mill-inqas EUR 9,2 biljun) fil-livell tal-UE għal dan il-għan, li jrid jiġi kkomplementat bi sforzi ta' investimenti mdaqqsa fil-livell nazzjonali u reġjonali, b'mod partikolari b'relazzjoni konsistenti u komplementari ma' fondi strutturali u ta' koeżjoni.

(8)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid u modern għal Unjoni Ewropea li tagħti riżultati fuq il-prijoritajiet tagħha b'mod effiċjenti wara l-2020” (16) jiddeskrivi fost l-għażliet għall-programm tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-futur għat-trasformazzjonijiet diġitali tal-Ewropa li jwasslu “progress qawwi lejn it-tkabbir intelliġenti f'oqsma bħalma huma data ta' kwalità għolja tal-infrastruttura, il-konnettività u ċ-ċibersigurtà”. Din tfittex li tiżgura t-tmexxija Ewropea fis-supercomputing, l-internet tal-ġenerazzjoni li jmiss, l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u l-big data. Hija ssaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija u n-negozji fl-Ewropa fl-ekonomija diġitali kollha u jkollha impatt sinifikanti fuq it-tnaqqis u l-eliminazzjoni tad-diskrepanza tal-ħiliet fl-Unjoni kollha sabiex iċ-ċittadini Ewropej ikollhom il-ħiliet meħtieġa, u l-għarfien biex jiffaċċjaw it-trasformazzjoni diġitali .

(9)

Il-Komunikazzjoni “Għal spazju komuni Ewropew tad-data” (17) tindirizza l-miżura ġdida li trid tittieħed bħala pass fundamentali lejn spazju komuni tad-data fl-UE – qasam diġitali bla xkiel bi skala li tippermetti l-iżvilupp u l-innovazzjoni ta' prodotti u servizzi ġodda bbażati fuq id-data.

(10)

L-objettiv ġenerali tal-Programm jenħtieġ li jkun li jappoġġa t-trasformazzjoni diġitali tal-industrija u li jrawwem l-isfruttament aħjar tal-potenzjal industrijali tal-politiki ta' innovazzjoni, riċerka u żvilupp teknoloġiku, għall-benefiċċju tan-negozji u ċ-ċittadini fl-Unjoni kollha , inkluż ir-reġjuni ultraperiferiċi kif ukoll dawk ekonomikament żvantaġġati . Il-programm jenħtieġ li jkun strutturat f'ħames Objettivi Speċifiċi li jirriflettu oqsma ta' politika ewlenin, jiġifieri: il-computing ta' prestazzjoni għolja ▌, l-intelliġenza artifiċjali, iċ-ċibersigurtà, il-ħiliet diġitali avvanzati u l-iskjerament, l-aħjar użu tal-kapaċitajiet diġitali u l-interoperabbiltà. Għal dawk l-oqsma kollha, il-Programm għandu jkollu l-għan ukoll li jallinja aħjar lill-Unjoni, l-Istati Membri u l-politiki reġjonali, u li jiġbor riżorsi privati u industrijali sabiex jiżdied l-investiment u jiġu żviluppati sinerġiji aktar b'saħħithom. Barra minn hekk, il-Programm jenħtieġ li jsaħħaħ il-kompetittività tal-Unjoni u r-reżiljenza tal-ekonomija tagħha.

(10a)

Il-ħames Objettivi Speċifiċi huma distinti iżda interdipendenti. Pereżempju, l-intelliġenza artifiċjali teħtieġ li ċ-ċibersigurtà tkun affidabbli, il-kapaċitajiet tal-computing ta' prestazzjoni għolja se jkunu fundamentali fl-appoġġ għat-tagħlim fil-kuntest tal-intelliġenza artifiċjali, u t-tliet kapaċitajiet kollha jeħtieġu ħiliet diġitali avvanzati. Minkejja li l-azzjonijiet individwali taħt dan il-programm jistgħu jappartjenu għal objettiv speċifiku uniku, jenħtieġ li l-objettivi ma jitqiesux minn perspettiva waħda, iżda bħala li jiffurmaw il-qalba ta' pakkett koerenti.

(10b)

Jeħtieġ li jingħata appoġġ lill-SMEs li għandhom l-intenzjoni li jużaw it-trasformazzjoni diġitali fil-proċessi ta' produzzjoni tagħhom. Dan se jippermetti lill-SMEs jikkontribwixxu għat-tkabbir tal-ekonomija Ewropea, permezz ta' użu effiċjenti tar-riżorsi.

(11)

Rwol ċentrali fl-implimentazzjoni tal-Programm għandu jingħata lill-Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej , li għandhom jistimolaw l-adozzjoni wiesgħa ta' teknoloġiji diġitali avvanzati mill-industrija, b'mod partikolari mill-SMEs u l-entitajiet li jimpjegaw sa 3 000 impjegat li mhumiex SMEs (kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja), mill-organizzazzjonijiet pubbliċi u mill-akkademji. Sabiex tkun iċċarata d-distinzjoni bejn il-Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali li jikkonformaw mal-kriterji ta' eliġibbiltà skont dan il-Programm u l-Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali stabbiliti wara l-Komunikazzjoni dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea (COM(2016)0180) u ffinanzjati minn sorsi oħra, il-Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali ffinanzjati taħt dan il-Programm jenħtieġ li jissejħu Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej. Jenħtieġ li l-Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej jaħdmu flimkien bħala netwerk deċentralizzat. Huma jservu ta' punti ta' aċċess għall-aħħar kapaċitajiet diġitali, inklużi l-computing ta' prestazzjoni għolja (HPC), l-intelliġenza artifiċjali, iċ-ċibersigurtà, kif ukoll teknoloġiji innovattivi oħra eżistenti bħat-Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali, disponibbli wkoll f'fablabs jew citylabs. Huma għandhom jaġixxu bħala punti uniċi ta' kuntatt biex jaċċessaw teknoloġiji ttestjati u validati u jippromwovu innovazzjoni miftuħa. Huma se jipprovdu wkoll appoġġ fil-qasam tal-ħiliet diġitali avvanzati (eż. billi ssir koordinazzjoni mal-fornituri tal-edukazzjoni għall-provvediment ta' taħriġ fuq terminu qasir għall-ħaddiema u internships għall-istudenti) . In-netwerk tal-Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej jenħtieġ li jiżguraw kopertura ġeografika wiesgħa madwar l-Ewropa  (18) u jenħtieġ li jikkontribwixxi wkoll għall-parteċipazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fis-Suq Uniku Diġitali.

(11a)

Matul l-ewwel sena tal-programm, jenħtieġ li jiġi stabbilit netwerk inizjali tal-Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej permezz ta' proċess miftuħ u kompetittiv minn entitajiet maħtura mill-Istati Membri. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu ħielsa li jipproponu l-kandidati skont il-proċeduri nazzjonali, l-istrutturi amministrattivi u istituzzjonali tagħhom u jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis bis-sħiħ l-opinjoni ta' kull Stat Membru qabel l-għażla ta' Hub ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropew fit-territorju tiegħu. L-entitajiet li diġà qed iwettqu funzjonijiet bħala Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali fil-kuntest tal-Inizjattiva dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea jistgħu, bħala riżultat tal-proċess kompetittiv u miftuħ, jinħatru mill-Istati Membri bħala kandidati. Il-Kummissjoni tista' tinvolvi esperti esterni indipendenti fil-proċess tal-għażla. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jevitaw id-duplikazzjoni bla bżonn tal-kompetenzi u l-funzjonijiet fil-livell nazzjonali u tal-UE. Għalhekk jenħtieġ li jkun hemm flessibbiltà adegwata meta jiġu mfassla l-hubs u meta jiġu determinati l-attivitajiet u l-kompożizzjoni tagħhom. Sabiex tiġi żgurata kopertura ġeografika wiesgħa madwar l-Ewropa kif ukoll bilanċ tal-kopertura tat-teknoloġiji jew tas-setturi, in-netwerk jista' jitkabbar aktar permezz ta' proċess miftuħ u kompetittiv.

(11b)

Jenħtieġ li l-Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej jiżviluppaw sinerġiji xierqa mal-Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali ffinanzjati minn Orizzont Ewropa jew programmi oħra ta' R&Ż, l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, b'mod partikolari l-EIT Diġitali kif ukoll ma' netwerks stabbiliti bħan-netwerk European Enterprise jew il-hubs tal-InvestEU.

(11c)

Jenħtieġ li l-Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej jaġixxu bħala pjattaforma li tlaqqa' lill-industrija, lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet li għandhom bżonn soluzzjonijiet ibbażati fuq teknoloġiji ġodda minn naħa, u ma' kumpaniji, speċjalment in-negozji l-ġodda, li għandhom soluzzjonijiet lesti għas-suq min-naħa l-oħra.

(11d)

Jista' jintgħażel konsorzju ta' entitajiet legali bħala Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej skont id-dispożizzjoni fl-Artikolu 197.2(c) tar-Regolament Finanzjarju li jippermetti entitajiet li ma għandhomx personalità legali skont il-liġi nazzjonali applikabbli biex jipparteċipaw f'sejħiet għall-proposti, dment li r-rappreżentanti tagħhom ikollhom il-kapaċità li jwettqu l-obbligi legali f'isem l-entitajiet u li l-entitajiet jagħtu garanziji għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni ekwivalenti għal dawk mogħtija minn persuni ġuridiċi.

(11e)

Jenħtieġ li l-Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej ikunu jistgħu jirċievu kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri, minn pajjiżi terzi parteċipanti jew minn awtoritajiet pubbliċi fihom, kontribuzzjonijiet minn korpi jew istituzzjonijiet internazzjonali, kontribuzzjonijiet mis-settur privat, b'mod partikolari minn membri, azzjonisti jew sħab tal-Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej, dħul iġġenerat mill-assi u l-attivitajiet tal-Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej stess, legati, donazzjonijiet jew kontribuzzjonijiet minn individwi jew finanzjament fil-forma ta' għotjiet mill-Programm u minn programmi oħra tal-Unjoni.

(12)

Jenħtieġ li l-Programm jiġi implimentat permezz ta' proġetti li jsaħħu l-kapaċitajiet diġitali essenzjali u l-użu wiesa' tagħhom. Jenħtieġ li dan jinvolvi koinvestimenti mal-Istati Membri u, meta jkun meħtieġ, mas-settur privat. Jenħtieġ li r-rata ta' kofinanzjament tkun stabbilita fil-programm ta' ħidma. Huwa biss f'każijiet eċċezzjonali li l-finanzjament tal-Unjoni jista' jkopri sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli. B'mod partikolari, jenħtieġ li din tirrikjedi li tilħaq massa kritika fl-akkwist biex tikseb valur aħjar għall-flus u garanzija li l-fornituri fl-Ewropa jibqgħu fuq quddiem nett tal-avvanzi teknoloġiċi.

(13)

L-objettivi ta' politika ta' dan il-Programm se jiġu indirizzati wkoll permezz ta' strumenti finanzjarji u garanzija baġitarja taħt ▌il-Fond InvestEU.

(14)

Jenħtieġ li jintużaw l-azzjonijiet tal-Programm sabiex jitjiebu aktar il-kapaċitajiet diġitali tal-Unjoni kif ukoll biex jindirizzaw il-fallimenti tas-suq, jew sitwazzjonijiet ta' investiment baxxi, b'mod proporzjonat, mingħajr ma jidduplikaw jew jibdlu l-finanzjament privat u jkollhom valur miżjud Ewropew ċar.

(15)

Sabiex tinkiseb flessibbiltà massima matul il-ħajja tal-programm u jiġu żviluppati sinerġiji bejn il-komponenti tiegħu, kull wieħed mill-objettivi speċifiċi jista' jiġi implimentat permezz tal-istrumenti kollha disponibbli skont ir-Regolament Finanzjarju. Il-mekkaniżmi eżekuttivi li jridu jintużaw huma ġestjoni diretta u ġestjoni indiretta meta il-finanzjament tal-Unjoni jenħtieġ li jiġi kkombinat ma' sorsi oħra ta' finanzjament jew meta l-eżekuzzjoni tirrikjedi l-istabbiliment ta' strutturi regolati b'mod komuni. Barra minn hekk, sabiex tirrispondi, b'mod partikolari għat-teknoloġiji u l-ħtiġijiet, eż. teknoloġiji ġodda, il-Kummissjoni tista', fi ħdan il-proċedura baġitarja annwali u skont ir-Regolament Finanzjarju, tipproponi li tiddevja mill-ammonti indikattivi stabbiliti f'dan ir-Regolament.

(15a)

Sabiex tkun żgurata l-allokazzjoni effiċjenti tal-fondi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, huwa meħtieġ li jkun żgurat il-valur miżjud Ewropew tal-azzjonijiet u l-attivitajiet kollha mwettqa mill-Programm, il-komplementarjetà tagħhom għall-attivitajiet tal-Istati Membri, filwaqt li jenħtieġ li jinstabu konsistenza, komplementarjetà u sinerġiji ma' programmi ta' finanzjament li jappoġġaw oqsma ta' politika b'rabtiet mill-qrib bejniethom. Filwaqt li l-programmi ta' ħidma rilevanti għall-azzjonijiet ġestiti direttament u indirettament jipprovdu għodda li tiżgura konsistenza, jenħtieġ li tiġi stabbilita kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri rilevanti sabiex tkun żgurata konsistenza u komplementarjetajiet anke bejn fondi ġestiti direttament jew indirettament u fondi soġġetti għal ġestjoni kondiviża.

(16)

Il-computing ta' prestazzjoni għolja u l-kapaċitajiet tal-ipproċessar tad-data relatati fl-Unjoni, jenħtieġ li jippermettu li jiżguraw użu usa' tal-computing ta' prestazzjoni għolja mill-industrija u, b'mod aktar ġenerali, f'oqsma ta' interess pubbliku sabiex jaħtfu opportunitajiet uniċi li s-superkompjuters iġibu lis-soċjetà fir-rigward tas-saħħa, l-ambjent u s-sigurtà kif ukoll il-kompetittività tal-industrija, b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs). Li jiġu akkwistati superkompjuters ta' klassi dinjija, se jiżgura s-sistema tal-provvista tal-Unjoni u jgħin biex iforni servizzi għas-simulazzjoni, il-viżwalizzazzjoni u l-ħolqien ta' prototipi filwaqt li jiżgura sistema ta' HPC li tirrispetta l-valuri u l-prinċipji tal-Unjoni.

(17)

L-appoġġ għall-intervent tal-Unjoni f'dan il-qasam ġie espress mill-Kunsill (19) u mill-Parlament Ewropew (20). Barra minn hekk, fl-2017 u l-2018 , dsatax-il Stat Membru ffirmaw id-Dikjarazzjoni EuroHPC (21), ftehim bejn ħafna gvernijiet fejn jintrabtu li jikkollaboraw mal-Kummissjoni biex jibnu u jiskjeraw HPC u infrastrutturi tad-data tal-ogħla livell fl-Ewropa li jkunu disponibbli fl-Unjoni kollha għall-komunitajiet xjentifiċi, is-sħab pubbliċi u privati.

(18)

Għall-objettiv speċifiku tal-computing ta' prestazzjoni għolja, impriża konġunta titqies l-iktar mekkaniżmu ta' implimentazzjoni adattat, b'mod partikolari biex tikkoordina l-istrateġiji nazzjonali u tal-Unjoni u l-investimenti fl-infrastruttura tal-computing ta' prestazzjoni għolja u r-riċerka u l-iżvilupp, biex tiġbor flimkien ir-riżorsi minn fondi pubbliċi u privati, u biex tissalvagwardja l-interessi ekonomiċi u strateġiċi tal-Unjoni (22). Barra minn hekk, iċ-ċentri tal-kompetenzi tal-computing ta' prestazzjoni għolja kif definiti fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1488 fl-Istati Membri se jipprovdu servizzi ta' computing ta' prestazzjoni għolja lill-industrija, inklużi SMEs u negozji ġodda, lill-korpi akkademiċi u l-amministrazzjonijiet pubbliċi.

(19)

L-iżvilupp tal-kapaċità relatata mal-intelliġenza artifiċjali huwa xprun kruċjali għat-trasformazzjoni diġitali tal-industrija , tas-servizzi kif ukoll tas-settur pubbliku. Fil-fabbriki, fl-applikazzjonijiet fil-fond tal-baħar, fid-djar, fl-ibliet u fl-isptarijiet qegħdin jintużaw robots dejjem aktar awtonomi. Il-pjattaformi kummerċjali tal-intelliġenza artifiċjali, mill-ittestjar inbidlu għall-applikazzjonijiet reali fis-saħħa u l-ambjent; il-manifatturi ewlenin kollha tal-karozzi qegħdin jiżviluppaw karozzi mingħajr sewwieq, u tekniki ta' apprendiment awtomatiku jinsabu fil-qalba tal-pjattaformi tal-web ewlenin kollha u fl-applikazzjonijiet tal-big data. Huwa essenzjali għall-Ewropa li tingħaqad fil-livelli kollha biex tkun kompetittiva internazzjonalment. L-Istati Membri rrikonoxxew dan permezz ta' impenji konkreti għall-kollaborazzjoni fi pjan ta' azzjoni kkoordinat.

(19a)

Il-libreriji tal-algoritmi jistgħu jkopru sett kbir ta' algoritmi, inkluż soluzzjonijiet sempliċi bħall-algoritmi ta' klassifikazzjoni, l-algoritmi tan-netwerk newrali jew l-algoritmi tal-ippjanar jew ir-raġunar, jew soluzzjonijiet aktar elaborati, bħall-algoritmi għall-għarfien tad-diskors, l-algoritmi tan-navigazzjoni integrati f'tagħmir awtonomu, bħad-droni jew f'karozzi awtonomi, ir-robots bl-algoritmi tal-intelliġenza artifiċjali mibnija fihom li jippermettulhom l-interazzjoni mal-ambjent tagħhom u l-adattament għalih. Jenħtieġ li l-libreriji tal-algoritmi jkunu aċċessibbli faċilment għal kulħadd abbażi ta' termini ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji.

(19b)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar id-diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea, il-Parlament Ewropew indika l-impatt tal-ostakoli lingwistiċi fuq l-industrija u d-diġitalizzazzjoni tagħha. F'dan il-kuntest, l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-lingwa bbażati fuq l-Intelliġenza Artifiċjali fuq skala kbira, bħat-traduzzjoni awtomatika, ir-rikonoxximent tad-diskors, l-analitika tat-test tal-big data, is-sistemi ta' djalogu u tat-tweġib tal-mistoqsijiet huma essenzjali biex tiġi ppreservata d-diversità lingwistika, tiġi żgurata l-inklużività u tiġi permessa l-komunikazzjoni bejn il-bnedmin u bejn il-bniedem u l-magni.

(19c)

Jenħtieġ li l-prodotti u s-servizzi bbażati fuq l-intelliġenza artifiċjali jkunu faċli biex jintużaw, legalment konformi b'mod awtomatiku u jagħtu aktar għażla u informazzjoni lill-konsumaturi, b'mod partikolari dwar il-kwalità tal-prodotti u s-servizzi.

(20)

Id-disponibbiltà ta' settijiet tad-data fuq skala kbira u l-faċilitajiet tal-ittestjar u tal-esperimentazzjoni għandhom importanza kbira għall-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali , inklużi t-teknoloġiji tal-lingwa .

(21)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea (23), il-Parlament Ewropew enfasizza l-importanza ta' approċċ komuni Ewropew dwar iċ-ċibersigurtà, filwaqt li rrikonoxxa l-ħtieġa li titqajjem il-kuxjenza u jqis li r-reżiljenza ċibernetika bħala responsabbiltà kruċjali għall-mexxejja tan-negozju u għal dawk li jfasslu l-politika nazzjonali u dik Ewropea dwar is-sigurtà industrijali , kif ukoll l-implimentazzjoni tas-sigurtà u l-privatezza b'mod awtomatiku u bid-disinn .

(22)

Iċ-ċibersigurtà hija sfida għall-Unjoni kollha li ma tistax ▌tiġi indirizzata biss b'inizjattivi nazzjonali ▌. Il-kapaċità taċ-ċibersigurtà tal-Ewropa jenħtieġ li tissaħħaħ biex tagħti lill-Ewropa l-kapaċitajiet meħtieġa sabiex tipproteġi liċ-ċittadini , lill-amministrazzjonijiet pubbliċi u lin-negozji minn theddid ċibernetiku. Barra minn hekk, il-konsumaturi jenħtieġ li jkunu protetti meta jużaw il-prodotti konnessi li jistgħu jiġu aċċessi b'mod illegali u jikkompromettu s-sikurezza tagħhom. Dan jenħtieġ li jinkiseb flimkien mal-Istati Membri u s-settur privat billi jiġu żviluppati proġetti ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Ewropa fiċ-ċibersigurtà u fl-istess ħin tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn dawn il-proġetti u b'dan il-mod jiġi żgurat l-iskjerament tal-aħħar soluzzjonijiet taċ-ċibersigurtà fl-ekonomija kollha, kif ukoll permezz tal-aggregazzjoni tal-kompetenzi f'dan il-qasam biex jiġu żgurati l-massa kritika u l-eċċellenza.

(23)

F'Settembru 2017, il-Kummissjoni ressqet pakkett ta' inizjattivi (24) li jistabbilixxu approċċ komprensiv tal-Unjoni għaċ-ċibersigurtà, bil-għan li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Ewropa biex tilqa' l-attakki ċibernetiċi u t-theddid u biex issaħħaħ il-kapaċità industrijali u teknoloġika f'dan il-qasam. Dan jinkludi r-Regolament dwar l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) u ċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà).

(24)

Il-fiduċja hija prerekwiżit biex is-Suq Uniku Diġitali jiffunzjona. It-teknoloġiji taċ-ċibersigurtà bħall-identitajiet diġitali, il-kriptografija jew is-sejbien ta' intrużjoni, u l-applikazzjoni tagħhom f'oqsma bħall-finanzi, l-industrija 4.0, l-enerġija, it-trasport, il-kura tas-saħħa, jew il-gvern elettroniku huma essenzjali għas-salvagwardja tas-sigurtà u l-fiduċja tal-attività online u t-tranżazzjonijiet miċ-ċittadini, mill-amministrazzjonijiet pubbliċi u mill-kumpaniji.

(25)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta' Ottubru 2017, il-Kunsill Ewropew saħaq li biex tinbena Ewropa Diġitali b'suċċess, l-Unjoni teħtieġ b'mod partikolari swieq tax-xogħol, kif ukoll sistemi ta' taħriġ u ta' edukazzjoni li jkunu adattati għall-era diġitali u li hemm il-ħtieġa li jsir investiment fil-ħiliet diġitali, sabiex tingħata s-setgħa u l-awtorità lill-Ewropej kollha;

(26)

Il-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2017 stieden lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jippromwovu l-aġenda tas-Summit Soċjali ta' Gothenburg ta' Novembru 2017 inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali kif ukoll l-edukazzjoni u t-taħriġ u t-twettiq tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa. Il-Kunsill Ewropew talab ukoll lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jeżaminaw miżuri possibbli li jindirizzaw l-isfidi tal-ħiliet marbuta mad-diġitalizzazzjoni, maċ-ċibersigurtà, mal-litteriżmu medjatiku u mal-intelliġenza artifiċjali u l-ħtieġa ta' approċċ għall-edukazzjoni u t-taħriġ li jkun inklużiv, ibbażat fuq it-tagħlim tul il-ħajja u xprunat mill-innovazzjoni. B'rispons għal dan, fis-17 ta' Jannar 2018 il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel pakkett ta' miżuri, li jindirizzaw l-kompetenzi ewlenin, il-ħiliet diġitali (25) kif ukoll il-valuri komuni u l-edukazzjoni inklużiva. F'Mejju 2018, tnieda t-tieni pakkett ta' miżuri li avvanza l-ħidma biex sal-2025, tinbena Żona Ewropea ta' Taħriġ, li tenfasizza wkoll iċ-ċentralità tal-ħiliet diġitali.

(26a)

Il-litteriżmu medjatiku jfisser il-kompetenzi essenzjali (għarfien, ħiliet u attitudnijiet) li jippermettu liċ-ċittadini jinvolvu ruħhom mal-midja u fornituri oħra tal-informazzjoni rispettivament, u jiżviluppaw ħsieb kritiku u ħiliet tat-tagħlim tul il-ħajja għas-soċjalizzazzjoni u jsiru ċittadini attivi;

(26b)

Fid-dawl tal-bżonn ta' approċċ olistiku, jenħtieġ li l-Programm iqis ukoll l-oqsma tal-inklużjoni, il-kwalifiki, it-taħriġ u l-ispeċjalizzazzjoni li, flimkien mal-kompetenzi diġitali avvanzati, huma deċiżivi għall-ħolqien ta' valur miżjud fis-soċjetà tal-għarfien.

(27)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea (26), il-Parlament Ewropew stqarr li l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-apprendiment tul il-ħajja huma l-pedament tal-koeżjoni soċjali f'soċjetà diġitali. Barra minn hekk, huwa talab li l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi tkun inkorporata fl-inizjattivi diġitali kollha, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li tiġi indirizzata d-diskrepanza bejn is-sessi fis-settur tal-ICT, peress li dan huwa essenzjali għat-tkabbir u l-prosperità fit-tul tal-Ewropa;

(28)

It-teknoloġiji diġitali avvanzati appoġġati minn dan il-Programm, bħall-computing ta' prestazzjoni għolja, iċ-ċibersigurtà u l-intelliġenza artifiċjali huma issa maturi biżżejjed biex jimxu lil hinn mill-arena tar-riċerka u jiġu skjerati, implimentati u mkabbra fil-livell tal-Unjoni. Bħal kif l-iskjerament ta' dawn it-teknoloġiji jirrikjedu rispons mill-Unjoni hekk ukoll titlob id-dimensjoni tal-ħiliet. Hemm bżonn li l-opportunitajiet ta' taħriġ f'ħiliet diġitali avvanzati , inklużi l-kompetenzi tal-protezzjoni tad-data, jaraw espansjoni, żieda u jsiru aċċessibbli fl-UE kollha. Nuqqas ta' dan jista' jimpedixxi l-iskjerament bla xkiel tat-teknoloġiji diġitali avvanzati u jfixkel il-kompetittività globali tal-ekonomija tal-Unjoni. L-azzjonijiet appoġġati minn dan il-programm huma komplimentari għal dawk appoġġati mill-FSE, mill-FEŻR , mill-ERASMUS+ u mill-programmi ta' Orizzont Ewropa. Huma se jimmiraw fuq il-forza tax-xogħol, fis-settur privat kif ukoll f'dak pubbliku, b'mod partikolari professjonisti tal-ICT u professjonisti relatati oħra, kif ukoll studenti. Dawn il-kategoriji jinkludu trainees u ħarrieġa. Il-forza tax-xogħol tfisser il-popolazzjoni ekonomikament attiva, u tinkludi kemm dawk b'impjieg (impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom) kif ukoll persuni qiegħda.

(29)

L-immodernizzar tal-amministrazzjonijiet u s-servizzi pubbliċi permezz ta' mezzi diġitali huwa kruċjali biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq iċ-ċittadini ▌billi jitħaffu aktar l-interazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet pubbliċi u jsiru aktar konvenjenti u irħas, kif ukoll billi tiżdied l-effiċjenza , it-trasparenza u l-kwalità tas-servizzi pprovduti liċ-ċittadini u lill-kumpaniji , filwaqt li fl-istess ħin tiżdied l-effiċjenza tal-infiq pubbliku . Peress li għadd ta' servizzi ta' interess pubbliku diġà għandhom dimensjoni tal-Unjoni, l-appoġġ għall-implimentazzjoni u l-iskjerament tagħhom fil-livell tal-Unjoni jenħtieġ li jiżgura li ċ-ċittadini u n-negozji jistgħu jibbenefikaw mill-aċċess għal servizzi diġitali multilingwi ta' kwalità għolja fl-Ewropa kollha. Barra minn hekk, l-appoġġ tal-Unjoni f'dan il-qasam mistenni jinkoraġġixxi l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku.

(29a)

Id-diġitalizzazzjoni tista' tiffaċilita u ttejjeb l-aċċessibbiltà mingħajr ostakoli għal kulħadd, inklużi l-persuni anzjani, il-persuni b'mobbiltà mnaqqsa jew b'diżabbiltà u dawk f'żoni remoti jew rurali.

(30)

It-trasformazzjoni diġitali tal-oqsma ta' interess pubbliku bħalma huma l-kura tas-saħħa (27), il-mobbiltà, il-ġustizzja, il-monitoraġġ ambjentali/tad-dinja, is-sigurtà, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju, l-infrastruttura tal-enerġija, l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-kultura tirrikjedi l-kontinwazzjoni u l-espansjoni tal-Infrastrutturi ta' Servizzi Diġitali, li jagħmlu possibbli l-iskambju sigur tad-data transfruntiera u jrawmu l-iżvilupp nazzjonali. Il-koordinazzjoni tagħhom skont dan ir-Regolament tikseb bl-aħjar mod il-potenzjal għall-isfruttar ta' sinerġiji.

(30a)

It-tnedija tat-teknoloġiji diġitali neċessarji, partikolarment dawk skont l-objettivi speċifiċi ta' computing ta' prestazzjoni għolja, l-intelliġenza artifiċjali u ċ-ċibersigurtà u l-fiduċja huma essenzjali biex jitgawdew il-benefiċċji tat-trasformazzjoni diġitali u jistgħu jkunu kumplementati minn teknoloġiji oħra avangardisti u futuri, bħar-reġistri distribwiti (pereżempju l-blockchain).

(30b)

Jenħtieġ li t-trasformazzjoni diġitali tippermetti liċ-ċittadini tal-UE jaċċessaw, jużaw u jimmaniġġjaw id-data personali tagħhom b'mod sigur fuq livell transfruntier, irrispettivament minn fejn ikunu ċ-ċittadini u d-data;

(31)

Il-Kunsill tal-UE fid-dikjarazzjoni tiegħu ta' Tallinn tas-6 ta' Ottubru 2017 ikkonkluda li l-progress diġitali qed jittrasforma l-qalba tas-soċjetatjiet u l-ekonomiji tagħna, li qed jisfidaw l-effikaċja tal-politiki li kienu ġew żviluppati qabel f'firxa wiesgħa ta' oqsma, kif ukoll ir-rwol u l-funzjoni tal-amministrazzjoni pubblika b'mod ġenerali. Huwa d-dmir tagħna li nantiċipaw u niġġestixxu dawn l-isfidi biex nissodisfaw il-ħtiġijiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini u tan-negozji.

(32)

Il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-Istrateġija għas-Suq Uniku Diġitali. L-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija enfasizzat il-ħtieġa biex tissaħħaħ it-trasformazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkollhom aċċess faċli, affidabbli, u bla xkiel għas-servizzi pubbliċi.

(33)

L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ippubblikat mill-Kummissjoni fl-2017 (28) juri li l-kwalità tal-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej għandha impatt dirett fuq l-ambjent ekonomiku u għalhekk hija kruċjali għall-istimulazzjoni tal-produttività, tal-kompetittività, tal-kooperazzjoni ekonomika, tat-tkabbir sostenibbli u tal-impjiegi ta' kwalità . B'mod partikolari, l-amministrazzjoni pubblika effiċjenti u trasparenti u s-sistemi ġudizzjarji effettivi huma meħtieġa biex jappoġġaw it-tkabbir ekonomiku u jwasslu servizzi ta' kwalità għolja lid-ditti u liċ-ċittadini.

(34)

L-interoperabbiltà tas-servizzi pubbliċi Ewropej tikkonċerna l-livelli kollha tal-amministrazzjoni: Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali. Barra t-tneħħija tal-ostakoli għal funzjonament tas-Suq Uniku, l-interoperabbiltà tiffaċilita l-kooperazzjoni transfruntiera, il-promozzjoni tal-istandards Ewropej, l-implimentazzjoni b'suċċess tal-politiki u toffri potenzjal kbir biex jiġu evitati l-ostakoli elettroniċi transfruntiera, tiżgura aktar l-apparizzjoni ta' servizzi pubbliċi komuni ġodda jew il-konsolidazzjoni ta' servizzi pubbliċi komuni li għadhom qed jiġu żviluppati fil-livell tal-Unjoni. Sabiex tiġi eliminata l-frammentazzjoni tas-servizzi Ewropej, biex jiġu sostnuti l-libertajiet fundamentali u r-rikonoxximent reċiproku operattiv fl-UE, jenħtieġ li jiġi promoss approċċ olistiku transsettorjali u transfruntier lejn l-interoperabbiltà bl-aktar mod effettiv, u bl-aktar mod responsiv għall-utenti finali. Dan jimplika li l-interoperabbiltà trid tinftiehem f'sens wiesa' li jinfirex minn saffi tekniċi għal saffi ġuridiċi u li jinkludi elementi ta' politika f'dan il-qasam.Għaldaqstant, il-firxa ta' attivitajiet imorru lil hinn miċ-ċiklu tal-ħajja normali ta' soluzzjonijiet biex tinkludi l-elementi kollha ta' intervent li jappoġġaw il-kundizzjonijiet ta' qafas meħtieġa għal interoperabbiltà sostnuta b'mod ġenerali. Jenħtieġ li l-Programm jiffaċilita wkoll l-iskambju ta' ideat bejn inizjattivi nazzjonali differenti, li jwassal għall-iżvilupp tas-soċjetà diġitali.

(34a)

Il-programm, għalhekk, jenħtieġ li jinkoraġġixxi soluzzjonijiet ta' sorsi miftuħa sabiex jippermetti użu mill-ġdid, iżid il-fiduċja u jiżgura t-trasparenza. Dan ikollu impatt pożittiv fuq is-sostenibbiltà ta' proġetti ffinanzjati.

(35)

Il-baġit allokat għal attivitajiet speċifiċi ddedikati għall-implimentazzjoni tal-qafas ta' interoperabbiltà u l-interoperabbiltà ta' soluzzjonijiet żviluppati huwa ta' EUR 194 miljun.

(36)

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 (29) dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea tenfasizza l-importanza li jiġi żblukkat biżżejjed finanzjament pubbliku u privat għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija.

(37)

F'April 2016, il-Kummissjoni adottat l-inizjattiva dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea biex tiżgura li “kull industrija fl-Ewropa, ikun xi jkun is-settur tagħha, tinsab fejn tinsab, u irrispettivament mid-daqs tagħha, tkun tista' tibbenefika b'mod sħiħ mill-innovazzjonijiet diġitali”. Dan huwa partikolarment rilevanti għal SMEs fis-setturi kulturali u kreattivi.

(38)

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew laqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni dwar “Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea” u, flimkien mad-dokumenti ta' akkumpanjament, ikkunsidraha bħala “l-ewwel pass fi programm ta' ħidma Ewropew vast li għandu jitwettaq f'kooperazzjoni mill-qrib u reċiproka bejn il-partijiet interessati kollha pubbliċi u privati” (30).

(39)

L-ilħuq tal-objettivi fil-mira jista'jirrikjedi l-ingranaġġ tal-potenzjal ta' teknoloġiji komplimentari f'oqsma ta' netwerking u computing, kif ġie ddikjarat fil-Komunikazzjoni “Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea” (31) li tirrikonoxxi “id-disponibbiltà ta' infrastruttura ta' netwerking u cloud ta' klassi dinjija” bħala komponent essenzjali għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija.

(40)

▌Ir-Regolament (UE) 2016/679 , billi jipprovdi sett wieħed ta' regoli applikabbli direttament fl-ordnijiet ġuridiċi tal-Istati Membri , jiggarantixxi l-fluss ħieles tad-data personali bejn l-Istati Membri tal-UE u jsaħħaħ il-fiduċja u s-sigurtà tal-individwi, żewġ elementi indispensabbli għal Suq Uniku Diġitali reali. L-azzjonijiet kollha meħuda taħt dan il-Programm, meta dawn ikunu jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali, jenħtieġ li jappoġġaw l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 , pereżempju, fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali u fit-teknoloġija ta' katina ta' blokok ta' tranżazzjonijiet. Dawn jenħtieġ li jappoġġaw l-iżvilupp ta' teknoloġiji diġitali li jikkonformaw mal-obbligi tal-“protezzjoni tad-data mit-tfassil”.

(41)

Il-Programm jenħtieġ li jiġi implimentat b'rispett sħiħ tal-qafas internazzjonali u tal-UE għall-protezzjoni u l-infurzar tal-proprjetà intellettwali. Il-protezzjoni effettiva tal-proprjetà intellettwali tilgħab rwol ewlieni fl-innovazzjoni u għalhekk huwa meħtieġ l-implimentazzjoni effettiva tal-Programm.

(42)

Il-korpi li jimplimentaw dan il-Programm għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u mal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda l-ġestjoni tal-informazzjoni, b'mod partikolari informazzjoni mhux klassifikata sensittiva u informazzjoni klassifikata tal-UE. Għall-Objettiv Speċifiku 3, ir-raġunijiet ta' sigurtà jistgħu jirrikjedu l-esklużjoni ta' entitajiet ikkontrollati minn pajjiżi terzi minn sejħiet għal proposti u għall-offerti taħt dan il-programm. F'każijiet eċċezzjonali tali esklużjoni tista' tkun meħtieġa wkoll għall-Objettivi Speċifiċi 1 u 2. Ir-raġunijiet ta' sigurtà għal tali esklużjoni jeħtieġ li jkunu proporzjonati u debitament ġustifikati b'referenza għar-riskji li l-inklużjoni ta' tali entitajiet tkun tirrappreżenta.

(43)

Filwaqt li jirrifletti dwar l-importanza tal-indirizzar tat-tibdil fil-klima skont l-impenji tal-Unjoni biex jimplimenta l-Ftehim ta' Pariġi u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, dan il-Programm se jikkontribwixxi biex jintegra l-azzjonijiet klimatiċi u jwassal għall-kisba ta' mira kumplessiva ta' 25 % ta' nfiq tal-baġit tal-UE li jappoġġaw l-objettivi tal-klima (32). L-azzjonijiet rilevanti jenħtieġ li jiġu identifikati matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Programm, u se jiġu vvalutati mill-ġdid fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet u tal-proċessi ta' rieżami rilevanti.

 

(45)

Jenħtieġ li jiġu adottati programmi ta' ħidma bil-għan li jintlaħqu l-objettivi tal-Programm skont il-prijoritajiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri, filwaqt li jiġu żgurati l-konsistenza, it-trasparenza u l-kontinwità tal-azzjoni konġunta min-naħa tal-Unjoni u l-Istati Membri. Fil-prinċipju, il-programmi ta' ħidma jenħtieġ li jiġu adottati kull sentejn, jew, jekk dan ikun iġġustifikat minn ħtiġijiet marbuta mal-implimentazzjoni tal-programm, fuq bażi annwali. It-tipi ta' finanzjament u l-metodi ta' implimentazzjoni skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jintgħażlu abbażi tal-kapaċità tagħhom li jiksbu l-objettivi speċifiċi tal-azzjonijiet u li jagħtu r-riżultati, filwaqt li b'mod partikolari jitqiesu l-kostijiet tal-kontrolli, il-piż amministrattiv u r-riskju mistenni ta' nuqqas ta' konformità. Dan jenħtieġ li jinkludi konsiderazzjoni tal-użu ta' ammonti f'daqqa, rati fissi u kostijiet unitarji, kif ukoll finanzjament mhux marbut ma' kostijiet kif imsemmi fl-Artikolu 125(1) tar-Regolament Finanzjarju.

(46)

Is-setgħa ta' adozzjoni tal-atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendi tal-Annessi I u II biex jiġu riveduti u/jew ikkomplimentati l-indikaturi. Hu tassew importanti li matul il-ħidma preparatorja tagħha, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa, inkluż fil-livell espert, u li dawn il-konsultazzjonijiet isiru b'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016. B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(47)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari dawk imsemmija skont l-Artikoli [8], [11], [16], [21], [35], [38] u [47] fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà tal-intrapriża, il-projbizzjoni tad-diskrimnazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-protezzjoni tal-konsumatur u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali. Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat mill-Istati Membri bir-rispett ta' dawn id-drittijiet u l-prinċipji.

 

(49)

Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawn ir-regoli huma stipulati fir-Regolament Finanzjarju u b'mod partikolari jiddeterminaw il-proċedura għall-iffissar u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta' għotjiet, akkwist, premjijiet u implimentazzjoni indiretta, filwaqt li jipprevedu t-twettiq ta' verifiki rigward ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 tat-TFUE jikkonċernaw ukoll il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, peress li r-rispett għall-istat tad-dritt huwa prekundizzjoni essenzjali għal ġestjoni finanzjarja soda u effettiva tal-fondi tal-UE.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-programm Ewropa Diġitali (“il-Programm”).

Jistabbilixxi l-objettivi tal-Programm, il-baġit għall-perjodu 2021 – 2027, il-forom ta' finanzjament tal-Unjoni Ewropea u r-regoli għall-għoti ta' dan it-tip ta' finanzjament.

Artikolu 2

Definitizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“Operazzjoni ta' taħlit” tfisser azzjonijiet sostnuti mill-baġit tal-UE, inklużi dawk fi ħdan faċilitajiet ta' taħlit skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolament Finanzjarju, li jikkombinaw forom ta' sostenn li mhumiex rimborsabbli u/jew strumenti finanzjarji mill-baġit tal-UE b'forom ta' sostenn rimborsabbli minn istituzzjonijiet finanzjarji tal-iżvilupp jew minn istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi oħra, kif ukoll minn istituzzjonijiet finanzjarji kummerċjali u minn investituri.

(b)

“Entità ġuridika” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika maħluqa u rikonoxxuta bħala tali skont il-liġi nazzjonali, il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi internazzjonali, li għandha personalità ġuridika u li tista', meta taġixxi f'isimha stess, teżerċita drittijiet u tkun soġġetta għal obbligi, jew entità mingħajr personalità ġuridika skont l-Artikolu 197(2)(c) tar-Regolament Finanzjarju;

(c)

“Pajjiż terz” tfisser pajjiż li mhuwiex Stat Membru tal-Unjoni;

(d)

“Pajjiż assoċjat” tfisser pajjiż terz li huwa parti minn ftehim mal-Unjoni li jippermetti l-parteċipazzjoni tiegħu fil-Programm skont l-Artikolu [10];

(da)

“Organizzazzjoni internazzjonali ta' interess Ewropew” tfisser organizzazzjoni internazzjonali, li l-maġġoranza tal-membri tagħha huma Stati Membri jew li jkollhom il-kwartieri ġenerali tagħhom fi Stat Membru;

(e)

“Hub ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropew ” tfisser entità ġuridika ▌magħżula skont l-Artikolu 16 sabiex twettaq il-kompiti taħt il-Programm, b'mod partikolari billi tipprovdi b'mod dirett jew tiżgura aċċess għall-għarfien espert teknoloġiku u għall-faċilitajiet ta' esperimentazzjoni, bħal tagħmir u għodod ta' softwer li jippermettu t-trasformazzjoni diġitali tal-industrija , kif ukoll tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament . Il-Hub ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropew għandu jkun miftuħ għal negozji ta' kull forma u daqs, b'mod partikolari għall-SMEs, il-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja, il-kumpaniji li jkunu qed jespandu u l-amministrazzjonijiet pubbliċi madwar l-Unjoni.

(f)

“Ħiliet diġitali avvanzati” huma dawk il-ħiliet u l-kompetenzi professjonali li jeħtieġu tagħrif, u esperjenza meħtieġa biex jinftiehmu, ifasslu, jiżviluppaw, jamministraw, jittestjaw, jimplimentaw u jżommu t-teknoloġiji , il-prodotti u s-servizzi appoġġati minn dan ir-Regolament kif imsemmi fl-Artikolu 3(2)(a), (b), (c) u (e) .

(fa)

“Sħubija Ewropea” tfisser inizjattiva kif definita fi [daħħal referenza għar-Regolament Qafas li jistabbilixxi Orizzont Ewropa]

(fb)

“intrapriżi żgħar u ta' daqs medju” jew “SMEs” tfisser intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju kif definiti fl-Artikolu 2 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE;

(g)

“ċibersigurtà” tfisser l-attivitajiet kollha meħtieġa biex jiġu mħarsa n-netwerks u s-sistemi tal-informazzjoni, l-utenti tagħhom u persuni milquta minn theddid ċibernetiku;

(h)

“Infrastrutturi tas-Servizzi Diġitali” tfisser l-infrastrutturi li jippermettu li jingħataw servizzi f'netwerk b'mod elettroniku, tipikament permezz tal-internet.

(i)

“Siġill ta' Eċċellenza” tfisser tikketta ċċertifikata kif iddefinita fi [daħħal referenza għar-Regolament Qafas li jistabbilixxi Orizzont Ewropa]

Artikolu 3

Għanijiet tal-programm

1.   Il-Programm għandu l-objettiv ġenerali li ġej: li jappoġġa u jaċċelera t-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija , tal-industrija u tas-soċjetà Ewropea, li jġib il-benefiċċji tagħha liċ-ċittadini , lill-amministrazzjonijiet pubbliċi u lin-negozji Ewropej madwar l-Unjoni, u jtejjeb il-kompetittività tal-Ewropa fl-ekonomija globali diġitali filwaqt li jikkontribwixxi biex inaqqas id-distakk diġitali madwar l-Unjoni u jsaħħaħ mill-ġdid l-awtonomija strateġika tal-Unjoni . Dan jeħtieġ appoġġ olistiku, transettorjali u transfruntier u kontribuzzjoni aktar b'saħħitha tal-Unjoni . Il-Programm , implimentat f'koordinazzjoni mill-qrib ma' programmi ta' finanzjament oħra tal-Unjoni skont kif japplika, ser:

(a)

isaħħaħ u jippromwowi l-kapaċitajiet tal-Ewropa f'oqsma ta' teknoloġija diġitali prinċipali permezz ta' skjerament fuq skala kbira,

(b)

iwessa' t-tixrid u l-adozzjoni tagħhom fis-settur privat u f'oqsma ta' interess pubbliku , u jippromwovi t-trasformazzjoni diġitali u l-aċċess tagħhom għal teknoloġiji diġitali .

2.   Il-programm se jkollu ħames objettivi speċifiċi interrelatati :

(a)

L-Objettiv Speċifiku 1: Il-Computing ta' Prestazzjoni Għolja

(b)

L-Objettiv Speċifiku 2: L-Intelliġenza Artifiċjali

(c)

L-Objettiv Speċifiku 3: Iċ-Ċibersigurtà u Fiduċja

(d)

L-Objettiv Speċifiku 4: Il-Ħiliet Diġitali Avvanzati

(e)

L-Objettiv Speċifiku 5: L-iskjerament, l-aħjar użu tal-kapaċità diġitali u l-interoperabbiltà

Artikolu 4

Computing ta' Prestazzjoni Għolja

1.    L-intervent finanzjarju mill-Unjoni skont l-Objettiv Speċifiku 1. Il-Computing ta' Prestazzjoni Għolja għandu jsegwi l-objettivi operazzjonali li ġejjin:

(a)

juża, jikkoordina fil-livell tal-Unjoni u jħaddem supercomputing integrat orjentat lejn id-domanda u mmexxi mill-applikazzjoni fuq skala eksa u infrastruttura tad-data fl-Unjoni li għandhom ikunu aċċessibbli faċilment ▌ għall-utenti pubbliċi u privati , notevolment SMEs, irrispettivament minn liema Stat Membru jinsabu, u għal skopijiet ta' riċerka , skont [ir-Regolament li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew] ;

(b)

juża teknoloġija lesta biex tintuża/operattiva li tirriżulta mir-riċerka u l-innovazzjoni biex tinbena ekosistema integrata ta' computing ta' prestazzjoni għolja tal-Unjoni, li tkopri diversi aspetti fis-segmenti kollha tal-katina tal-valur xjentifiċi u industrijali, inkluż il-ħardwer, is-softwer, l-applikazzjonijiet, is-servizzi, l-interkonnessjonijiet u l-ħiliet diġitali , b'livell għoli ta' sigurtà u protezzjoni tad-data ;

(c)

juża u jopera infrastruttura skala posteksa , inkluż l-integrazzjoni ma' teknoloġiji ta' quantum computing u ▌infrastrutturi ta' riċerka għax-xjenza tal-computing ; jinkoraġġixxi l-iżvilupp fi ħdan l-Unjoni tal-ħardwer u s-softwer meħtieġa għal tali użu .

2.     L-azzjonijiet taħt l-Objettiv Speċifiku 1 għandhom jiġu implimentati primarjament permezz tal-Impriża Konġunta stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1488 tat-28 ta' Settembru 2018 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja  (33).

Artikolu 5

Intelliġenza Artifiċjali

1.   L-intervent finanzjarju mill-Unjoni skont l-Objettiv Speċifiku 2. L-intelliġenza artifiċjali għandha ssegwi l-objettivi operazzjonali li ġejjin:

(a)

tibni u ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta' intelliġenza artifiċjali u l-għarfien ewlenin fl-Unjoni, inklużi riżorsi tad-data ta' kwalità l-mekkaniżmi ta' skambju korrispondenti għalihom u libreriji tal-algoritmi b'garanzija li jkun hemm approċċ inklużiv bil-bniedem fil-qofol tiegħu u li jkun jirrispetta l-valuri Ewropej.

B'konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data , is-soluzzjonijiet ibbażati fuq l-intelliġenza artifiċjali u d-data li tkun disponibbli għandha tirrispetta l-prinċipju tal-privatezza u s-sikurezza fid-disinn ;

(b)

tagħmel dawk il-kapaċitajiet aċċessibbli għan-negozji , speċjalment l-SMEs u n-negozji ġodda, is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, l-istituzzjonijiet ta' riċerka, l-universitajiet, u l-amministrazzjonijiet pubbliċi kollha biex jiġi mmassimizzat il-benefiċċju tagħhom għas-soċjetà u l-ekonomija Ewropea ;

(c)

tirrinforza u tinnetwerkja l-ittestjar tal- intelliġenza artifiċjali u l-faċilitajiet ta' esperimentazzjoni ▌fl-Istati Membri.

(ca)

sabiex jiġu żviluppati u msaħħa s-sistemi ta' applikazzjoni u produzzjoni kummerċjali, l-iffaċilitar tal-integrazzjoni tat-teknoloġiji fil-ktajjen tal-valur, l-iżvilupp ta' mudelli ta' negozju innovattivi, u t-tqassir taż-żmien mill-innovazzjoni għall-industrijalizzazzjoni; u biex titrawwem l-adozzjoni ta' soluzzjoni bbażata fuq l-Intelliġenza Artifiċjali f'oqsma ta' interess pubbliku u fis-soċjetà.

1b.     Il-Kummissjoni, b'konformità mal-liġijiet rilevanti tal-Unjoni u internazzjonali, inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'kunsiderazzjoni inter alia tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-Intelliġenza Artifiċjali għandhom jispeċifikaw il-kundizzjonijiet relatati ma' kwistjonijiet etiċi fil-programmi ta' ħidma skont l-Objettiv Speċifiku 2. Is-sejħiet jew il-ftehimiet ta' għotja għandhom jinkludu l-kundizzjonijiet rilevanti kif stabbilit fil-programmi ta' ħidma.

Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha twettaq kontrolli tal-etika. Il-finanzjament għal azzjonijiet li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet ta' kwistjonijiet etiċi jista' jiġi sospiż, terminat jew imnaqqas fi kwalunkwe ħin skont ir-Regolament Finanzjarju.

1c.     L-azzjonijiet skont dan l-objettiv speċifiku għandhom ikunu implimentati primarjament permezz ta' ġestjoni diretta.

Ir-rekwiżiti etiċi u legali previsti f'dan l-Artikolu għandhom japplikaw għall-azzjonijiet kollha tal-Objettiv Speċifiku 2 irrispettivament mill-mod ta' implimentazzjoni.

Artikolu 6

Ċibersigurtà u Fiduċja

1.    L-intervent finanzjarju mill-Unjoni skont l-Objettiv Speċifiku 3. Iċ-Ċibersigurtà u Fiduċja għandhom ssegwi l-objetttivi operazzjonali li ġejjin:

(a)

jappoġġaw, flimkien mal-Istati Membri, l-akkumulazzjoni u l-akkwist ta' tagħmir avvanzati għaċ-ċibersigurtà, għodod u infrastrutturi tad-data sabiex jinkiseb livell komuni ta' ċibersigurtà fil-livell Ewropew, b'konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data u d-drittijiet fundamentali filwaqt li tiġi żgurata awtonomija strateġija tal-UE ;

(b)

jappoġġaw l-akkumulazzjoni u l-aħjar użu tal-għarfien, tal-kapaċità u tal-ħiliet Ewropej relatati maċ-ċibersigurtà; u l-kondiviżjoni u l-integrazzjoni tal-aħjar prattiki;

(c)

jiżguraw skjerament wiesa' tal-aħħar soluzzjonijiet taċ-ċibersigurtà fl-ekonomija kollha; b'attenzjoni speċjali għas-servizzi pubbliċi u l-operaturi ekonomiċi essenzjali bħall-SMEs;

(d)

jirrinforzaw il-kapaċitajiet fl-Istati Membri u s-settur privat biex jgħinuhom jissodisfaw id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni fl-Unjoni kollha79 inkluż permezz ta' miżuri mmirati lejn l-iżvilupp ta' kultura ta' ċibersigurtà fi ħdan l-organizzazzjonijiet .

(da)

itejbu r-reżiljenza kontra l-attakki ċibernetiċi, biex tiżdied il-kuxjenza dwar ir-riskji u l-għarfien tal-proċessi ta' sigurtà bażiċi fost l-utenti, b'mod partikolari s-servizzi pubbliċi, l-SMEs u n-negozji ġodda, biex jiġi żgurat li l-kumpaniji jkollhom livelli bażiċi ta' sigurtà, bħal kriptaġġ minn tarf sa tarf tad-data u aġġornamenti tal-komunikazzjonijiet u tas-softwer, u biex jitħeġġeġ l-użu ta' sigurtà bid-disinn u l-għarfien b'mod awtomatiku tal-proċessi tas-sigurtà bażiċi kif ukoll l-iġjene ċibernetika.

1a.     L-azzjonijiet taħt l-Objettiv Speċifiku 3 “Iċ-Ċibersigurtà u Fiduċja” għandhom jiġu implimentati primarjament permezz taċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà skont [ir-Regolament … tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (34)].

Artikolu 7

Ħiliet Diġitali Avvanzati

1.    L-intervent finanzjarju mill-Unjoni skont l-Objettiv Speċifiku 4. Il-Ħiliet Diġitali Avvanzati għandhom jappoġġaw l-iżvilupp ta' ħiliet diġitali avvanzati f'oqsma appoġġati minn dan il-programm biex b'hekk jikkontribwixxu biex tikber il-ġabra ta' talenti fl-Ewropa, inaqqsu d-distakk diġitali, irawmu aktar professjonaliżmu b'kunsiderazzjoni tal-bilanċ bejn is-sessi , b'mod speċjali fir-rigward tal-computing ta' prestazzjoni għolja u tal-cloud computing , l-analitika tal-big data, iċ-ċibersigurtà, it-teknoloġiji ta' reġistru distribwit (eż. il-blockchain) , it-teknoloġiji tal-kwantum, ir-robotika u l-intelliġenza artifiċjali. Sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u inkoraġġuta l-ispeċjalizzazzjoni f'teknoloġiji u applikazzjonijiet diġitali, l-intervent finanzjarju għandu jsegwi l-objettivi operazzjonali li ġejjin:

(a)

jappoġġa t-tfassil u t-twassil ta' taħriġ fit-tul u korsijiet ta' kwalità għolja, inkluż it-taħriġ imħallat, għall-istudenti ▌u l-forza tax-xogħol;

(b)

jappoġġa t-tfassil u t-twassil ta' taħriġ u korsijiet ta' terminu qasir ta' kwalità għolja għall-forza ▌tax-xogħol , b'mod partikolari l-SMEs u s-settur pubbliku ;

(c)

jappoġġa taħriġ ta' kwalità għolja fuq il-post tax-xogħol u  l-kollokamenti għall-istudenti ▌inklużi traineeships u  l-forza tax-xogħol, b'mod partikolari l-SMEs u fis-settur pubbliku .

2.     L-azzjonijiet skont dan l-Objettiv Speċifiku “Il-Ħiliet Diġitali Avvanzati” għandhom ikunu implimentati primarjament permezz ta' ġestjoni diretta.

Artikolu 8

L-iskjerament, l-aħjar użu tal-kapaċitajiet diġitali u l-Interoperabbiltà

1.    L-intervent finanzjarju mill-Unjoni skont l-Objettiv Speċifiku 5. L-iskjerament, l-aħjar użu tal-kapaċitajiet diġitali u l-Interoperabbiltà għandhom jiksbu l-objettivi operazzjonali li ġejjin filwaqt li jitnaqqas id-distakk diġitali :

(a)

jappoġġaw lis-settur pubbliku u oqsma ta' interessi pubbliċi, bħalma huma s-saħħa u l-kura, l-edukazzjoni, il-ġudikatura, id-dwana , it-trasport, il-mobbiltà, l-enerġija, l-ambjent, is-setturi kulturali u kreattivi, inklużi n-negozji rilevanti stabbiliti fi ħdan l-Unjoni, biex effettivament jużaw u jaċċessaw teknoloġiji diġitali avvanzati, bħall-computing ta' prestazzjoni għolja, l-intelliġenza artifiċjali u ċ-ċibersigurtà;

(b)

jużaw, iħaddmu u jżommu l-Infrastrutturi ta' Servizz Diġitali interoperabbli trans-Ewropej tal-ogħla livell mal-Unjoni kollha (inklużi servizzi relatati) f'komplimentarjetà ma' azzjonijiet nazzjonali u reġjonali;

(ba)

jappoġġaw l-integrazzjoni u l-użu tal-Infrastrutturi Trans-Ewropej tas-Servizzi Diġitali u l-istandards diġitali Ewropej miftiehma fis-settur pubblliku u fl-oqsma ta' interess pubbliku sabiex ikunu ffaċilitati l-implimentazzjoni u l-interoperabbiltà kosteffiċjenti;

(c)

jiffaċilitaw l-iżvilupp, l-aġġornament u l-użu ta' soluzzjonijiet u oqfsa mill-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej, in-negozji u ċ-ċittadini, inkluż is-sors miftuħ u l-użu mill-ġdid ta' soluzzjonijiet u oqsfa ta' interoperabbiltà;

(d)

joffru lis-settur pubbliku u lill-industrija tal-Unjoni, notevolment l-SMEs, aċċess faċli għall-ittestjar u l-pilotaġġ tat-teknoloġiji diġitali kif ukoll li jikber l-użu tagħhom , inkluż l-użu transfruntier tagħhom;

(e)

jappoġġaw it-teħid mis-settur pubbliku u l-industrija tal-Unjoni, notevolment SMEs u negozji ġodda, tat-teknoloġiji avvanzati diġitali u dawk relatati, inkluż b'mod partikolari l-computing ta' prestazzjoni għolja, l-intelliġenza artifiċjali, iċ-ċibersigurtà it-teknoloġiji futuri oħra fuq quddiem nett ▌, bħal reġistri distribwiti (eż. il-blockchain) ;

(f)

jappoġġaw it-tfassil, l-ittestjar, l-implimentazzjoni, u l-iskjerament u l-manutenzjoni tas-soluzzjonijiet diġitali interoperabbli , inklużi soluzzjonijiet diġitali tal-gvern, għas-servizzi pubbliċi fil-livell tal-UE mwassla permezz ta' pjattaforma ta' soluzzjonijiet li jistgħu jerġgħu jintużaw u huma xprunati mid-data, it-trawwim tal-innovazzjoni u l-istabbiliment ta' oqfsa komuni sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-servizzi tal-amministrazzjonijiet pubbliċi għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej;

(g)

jiżguraw il-kapaċità kontinwa fil-livell tal-Unjoni biex imexxu l-iżvilupp diġitali, kif ukoll li josservaw, janalizzaw u jadattaw ix-xejriet diġitali li qed jevolvu malajr, kif ukoll il-kondiviżjoni u l-integrazzjoni tal-aħjar prattiki.

(h)

jappoġġaw il-kooperazzjoni lejn il-kisba ta' ekosistema Ewropea għall-infrastrutturi diġitali u ta' qsim ta' data li jgawdu l-fiduċja bl-użu , inter alia, ta' servizzi u applikazzjonijiet ta' reġistri distribwiti, inkluż l-appoġġ għall-interoperabbiltà u l-istandardizzazzjoni u t-trawwim tal-iskjerament tal-applikazzjonijiet transfruntiera tal-UE bbażati fuq is-sigurtà u l-privatezza bid-disinn, jirrispettaw lill-konsumatur u l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data .

(i)

jibnu u jsaħħu n-netwerk ta' Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej u n-netwerk tagħhom .

2.     L-azzjonijiet skont dan l-Objettiv Speċifiku għandhom ikunu implimentati primarjament permezz ta' ġestjoni diretta.

Artikolu 9

Baġit

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu 2021-2027 għandu jkun ta' EUR  8 192 391 000 fi prezzijiet tal-2018 (EUR  9 194 000 000 fi prezzijiet kurrenti).

2.   Id-distribuzzjoni indikattiva tal-ammont imsemmi għandha tkun:

(a)

sa EUR 2 404 289 438 fi prezzijiet tal-2018 ( EUR 2 698 240 000 fi prezzijiet kurrenti) għall-Objettiv Speċifiku 1, “Il-Computing ta' Prestazzjoni Għolja”

(b)

sa EUR 2 226 192 703 fi prezzijiet tal-2018 ( EUR 2 498 369 000 fi prezzijiet kurrenti) għall-Objettiv Speċifiku 2, “L-Intelliġenza Artifiċjali”

(c)

sa EUR 1 780 954 875 fi prezzijiet tal-2018 ( EUR 1 998 696 000 fi prezzijiet kurrenti) għall-Objettiv Speċifiku 3, “Iċ-Ċibersigurtà u Fiduċja”

(d)

sa EUR  623 333 672 fi prezzijiet tal-2018 (EUR  699 543 000 fi prezzijiet kurrenti) għall-Objettiv Speċifiku 4, “Il-Ħiliet Diġitali Avvanzati”

(e)

sa EUR  1 157 620 312 fi prezzijiet tal-2018 (EUR  1 299 152 000 fi prezzijiet kurrenti) għall-Objettiv Speċifiku 5, “L-iskjerament, l-aħjar użu tal-kapaċità diġitali u l-interoperabbiltà”

3.   L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 jista' jintuża wkoll għal assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Programm, bħal attivitajiet preparatorji, ta' monitoraġġ, ta' kontroll, ta' awditu u ta' evalwazzjoni inklużi sistemi korporattivi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni.

4.   L-impenji baġitarji għal azzjonijiet li jkunu ta' aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jinqasmu fuq diversi snin fi ħlasijiet parzjali annwali.

5.   Riżorsi allokati lill-Istati Membri taħt ġestjoni kondiviża jistgħu, fuq it-talba tagħhom, jiġu ttrasferiti għall-Programm , inkluż biex jiġu kkomplementati għotjiet mogħtija lill-azzjoni sa 100 % tal-kost totali eliġibbli fejn possibbli, mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta' kofinanzjament kif stabbilit fl-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju u r-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat . Il-Kummissjoni għandha timplimenta dawn ir-riżorsi direttament skont il-punt (a) tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju jew indirettament skont il-punt (c) ta' dak l-Artikolu. Dawn ir-riżorsi għandhom jintużaw biss għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat.

6.   Mingħajr preġudizzju għar-Regolament Finanzjarju, in-nefqa għall-azzjonijiet li jirriżultaw minn proġetti inklużi fl-ewwel programm ta' ħidma tista' tkun eliġibbli mill-1 ta' Jannar 2021.

Artikolu 10

Pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm

1.

Il-programm għandu jkun miftuħ għall-Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, b'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea;

2.

Assoċjazzjoni sħiħa jew parzjali għall-programm ta' pajjiżi terzi li mhumiex imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni ta' każ b'każ tal-Objettivi Speċifiċi , ▌ skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fi ftehim speċifiku li jkopri l-parteċipazzjoni tal-pajjiż terz fi kwalunkwe programm tal-Unjoni, sakemm dan il-ftehim speċifiku jirrispetta bis-sħiħ il-kriterji li ġejjin:

il-parteċipazzjoni tal-pajjiż terz tkun fl-interess tal-Unjoni;

il-parteċipazzjoni tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 3;

il-parteċipazzjoni ma tqajjem l-ebda tħassib dwar is-sigurtà u tirrispetta bis-sħiħ ir-rekwiżiti rilevanti tas-sigurtà stabbiliti fl-Artikolu 12;

il-ftehim jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji ta' pajjiż terz li jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni;

il-ftehim jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-programmi, inkluż il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi individwali u l-ispejjeż amministrattivi tagħhom. Dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat b'konformità mal-Artikolu [21(5)] ta' [ir-Regolament Finanzjajru l-ġdid];

il-ftehim ma jagħtix lill-pajjiż terz is-setgħa li jieħu deċiżjonijiet dwar il-programm;

il-ftehim jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni biex tiżgura ġestjoni finanzjarja soda u tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha.

2a.

Meta jkunu qed iħejju l-programmi ta' ħidma, il-Kummissjoni Ewropea jew korpi ta' implimentazzjoni rilevanti oħra, għandhom jivvalutaw fuq bażi ta' każ b'każ jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim imsemmi fil-paragrafu 2 humiex issodisfati għall-azzjonijiet inklużi fil-programmi ta' ħidma.

Artikolu 11

Kooperazzjoni internazzjonali

1.   L-Unjoni tista' tikkoopera ma' pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 10, ma' pajjiżi terzi oħra u ma' organizzazzjonijiet jew korpi internazzjonali stabbiliti f'dawk il-pajjiżi, b'mod partikolari fi ħdan il-qafas tas-Sħubiji Ewro-Mediterranji u tal-Lvant u mal-pajjiżi fil-viċinat, b'mod partikolari dawk tar-reġjuni tal-Balkani tal-Punent u tal-Baħar l-Iswed. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu  18 , il-kostijiet relatati ma għandhomx jiġu koperti mill-programm.

2.   Il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 taħt l-Objettiv Speċifiku  1  – “Il-Computing ta' Prestazzjoni Għolja”, l-Objettiv Speċifiku 2 – “L-Intelliġenza Artifiċjali” u l-Objettiv Speċifiku 3 – “Iċ-Ċibersigurtà u Fiduċja” għandhom ikunu soġġetti għall-Artikolu 12.

Artikolu 12

Sigurtà

1.    L-azzjonijiet imwettqa skont il-Programm għandhom jikkonformaw mar-regoli ta' sigurtà applikabbli u b'mod partikolari mal-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata kontra divulgazzjoni mhux awtorizzata, inkluża konformità ma' kwalunkwe liġi nazzjonali u tal-Unjoni rilevanti. Fil-każ tal-azzjonijiet imwettqa barra mill-Unjoni li jużaw u/jew jiġġeneraw informazzjoni klassifikata, huwa meħtieġ li, minbarra l-konformità mar-rekwiżiti msemmija hawn fuq, irid ikun hemm konkluż ftehim ta' sigurtà bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz li fih titwettaq l-attività.

2.    Fejn xieraq, il-proposti u l-offerti għandhom jinkludu awtovalutazzjoni tas-sigurtà li tidentifika kwalunkwe kwistjoni ta' sigurtà u li tagħti dettalji dwar kif se jiġu indirizzati dawk il-kwistjonijiet sabiex ikunu konformi mal-liġijiet nazzjonali u tal-Unjoni rilevanti.

3.    Fejn xieraq, il-Kummissjoni jew il-korp ta' finanzjament għandu jwettaq proċedura ta' skrutinju tas-sigurtà għall-proposti li jagħtu lok għal kwistjonijiet ta' sigurtà.

4.    Fejn xieraq, l-azzjonijiet għandhom jikkonformaw mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 (35), u r-regoli ta' implimentazzjoni tagħha.

5.    Il-programm ta' ħidma jista' jipprevedi wkoll li l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti f'pajjiżi assoċjati u entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-UE iżda kkontrollati minn pajjiżi terzi ma jkunux eliġibbli għall-parteċipazzjoni fl-azzjonijiet kollha jew uħud minnhom skont l-Objettiv Speċifiku 3 għal raġunijiet ta' sigurtà debitament ġustifikati . F'każijiet bħal dawn, sejħiet għall-proposti u sejħiet għall-offerti għandhom ikunu ristretti għal entitajiet stabbiliti jew meqjusa li huma stabbiliti fl-Istati Membri u kkontrollat mill-Istati Membri u/jew minn ċittadini tal-Istati Membri.

Jekk debitament ġustifikat għal raġunijiet ta' sigurtà, il-programm ta' ħidma jista' jipprovdi wkoll li l-entitajiet legali stabbiliti f'pajjiżi assoċjati u entitajiet legali stabbiliti fl-UE iżda kkontrollati minn pajjiżi terzi jistgħu jkunu eliġibbli biex jipparteċipaw fl-azzjonijiet kollha jew f'xi wħud taħt l-Objettivi Speċifiċi 1 u 2 biss jekk jikkonformaw ma' kundizzjonijiet li jirrelataw mar-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati minn dawk l-entitajiet legali biex jiggarantixxu l-protezzjoni tal-interess essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha u biex jiżguraw il-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata ta' dokumenti. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu stabbiliti fil-programm ta' ħidma.

5a.     Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha twettaq kontrolli tas-sigurtà. Il-finanzjament għal azzjonijiet li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet relatati ma' kwistjonijiet tas-sigurtà jista' jiġi sospiż, terminat jew imnaqqas fi kwalunkwe ħin skont ir-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 13

Sinerġiji ma' programmi oħra tal-Unjoni

1.   Il-Programm tfassal biex jiġi implimentat filwaqt li jippermetti sinerġiji, kif deskritt aktar fl-Anness III, ma' programmi oħra ta' finanzjament tal-Unjoni, b'mod partikolari permezz ta' arranġamenti għall-finanzjament komplementari minn programmi tal-UE fejn il-modalitajiet tal-ġestjoni jippermettu; jew f'sekwenza, f'mod li jalterna, jew permezz tat-tgħaqqid tal-fondi inkluż għall-finanzjament konġunt tal-azzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li meta jissaħħaħ il-karattru komplementari tal-programm ma' programmi oħrajn ta' finanzjament Ewropej, il-kisba tal-Objettivi Speċifiċi 1 sa 5 ma tiġix imfixkla.

2.    Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tiżgura l-konsistenza u l-komplementarjetà ġenerali tal-Programm mal-politiki rilevanti u l-programmi tal-Unjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tiffaċilita t-twaqqif ta' mekkaniżmi xierqa ta' koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti u  bejn l-awtoritajiet u l-Kummissjoni Ewropea u għandha tistabbilixxi ▌ għodod ta' monitoraġġ xierqa sabiex b'mod sistematiku jiġu żgurati sinerġiji bejn il-Programm u kwalunkwe strument ta' finanzjament rilevanti tal-UE. L-arranġamenti għandhom jikkontribwixxi biex tiġi evitata d-duplikazzjoni u jiġi mmassimizzat l-impatt tal-infiq.

Artikolu 14

Implimentazzjoni u forom ta' finanzjament

1.   Il-Programm għandu jiġi implimentat b'ġestjoni diretta skont ir-Regolament Finanzjarju jew b'ġestjoni indiretta flimkien ma' korpi msemmija fl-Artikolu 62(1)(c) ▌tar-Regolament Finanzjarju , b'konformità mal-Artikoli 4 sa 8. Il-korpi ta' finanzjament jistgħu jitbiegħdu mir-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni stabbiliti f'dan ir-regolament jekk biss dan ikun previst fl-att bażiku li jwaqqaf il-korp ta' finanzjament u/jew jafda kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit lilu jew, għall-korpi ta' finanzjament skont l-Artikolu 62(1)(c)(ii), (iii) jew (v) tar-Regolament Finanzjarju, jekk huwa previst fil-ftehim ta' kontribuzzjoni u l-ħtiġijiet operattivi speċifiċi tagħhom jew in-natura tal-azzjoni tirrikjedi hekk.

2.   Il-Programm jista' jipprovdi finanzjament fi kwalunkwe waħda mill-forom stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, inkluż b'mod partikolari l-akkwist pubbliku bħala forma primarja kif ukoll għotjiet u premjijiet.

Fejn il-kisba ta' objettiv tal-azzjoni teħtieġ l-akkwist ta' oġġetti u servizzi innovattivi, l-għotjiet jistgħu jingħataw biss lill-benefiċjarji li huma awtoritajiet kontraenti jew entitajiet kontraenti kif definit fid-Direttivi 2014/24/UE  (36) , 2014/25/UE  (37) u 2009/81/KE  (38).

Fejn il-forniment ta' oġġetti jew servizzi diġitali innovattivi li għadhom mhumiex disponibbli fuq bażi kummerċjali fuq skala kbira huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-azzjoni, il-proċedura ta' akkwist tista' tawtorizza l-għoti ta' diversi kuntratti fi ħdan l-istess proċedura.

Għal raġunijiet debitament ġustifikati ta' sigurtà pubblika, l-awtorità kontraenti tista' timponi l-kundizzjoni għall-post tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt li jkun jinsab fit-territorju tal-Unjoni.

Il-Programm jista' jipprovdi wkoll finanzjament fil-forma ta' strumenti finanzjarji f'operazzjonijiet ta' taħlit.

3.   Kontribuzzjonijiet għal mekkaniżmu ta' assigurazzjoni reċiproka jistgħu jkopru r-riskju assoċjat mal-irkupru ta' fondi dovuti minn riċevituri, u skont ir-Regolament Finanzjarju għandhom jitqiesu bħala garanzija suffiċjenti. Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet stipulati fl-[Artikolu X ▌tar-Regolament XXX ▌is-suċċessur tar-Regolament dwar il-Fond ta' Garanzija].

Artikolu 15

Sħubijiet Ewropej

Il-Programm jista' jiġi implimentat permezz ta' Sħubijiet Ewropej stabbiliti skont ir-Regolament dwar Orizzont Ewropa u fi ħdan il-proċess ta' ppjanar strateġiku bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri . Dawn jistgħu jinkludu b'mod partikolari l-kontribuzzjonijiet għal sħubijiet pubbliċi-privati eżistenti jew ġodda fil-forma ta' impriżi konġunti stabbiliti skont l-Artikolu 187 tat-TFUE. Għal dawn il-kontribuzzjonijiet, japplikaw dispożizzjonijiet relatati mas-Sħubijiet Ewropej skont ir-[Regolament Orizzont Ewropa, għandha tiżdied ref].

Artikolu 16

Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali

1.   Matul l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tal-Programm, għandu jiġi stabbilit netwerk inizjali tal-Hubs Ewropej ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej, li jikkonsistu mill-inqas hub waħda għal kull Stat Membru, mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2 u 3 .

2.   Għall-fini tal-istabbiliment tan-netwerk imsemmi fil-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu jinnomina , b'konformità mal-proċeduri u l-istrutturi amministrattivi u istituzzjonali nazzjonali tagħhom, entitajiet kandidati permezz ta' proċess miftuħ u kompetittiv, abbażi tal-kriterji li ġejjin:

(a)

kompetenzi xierqa relatati mal-funzjonijiet tal-Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej speċifikati fl-Artikolu 16(5) u l-kompetenzi f'qasam wieħed jew aktar identifikat fl-Artikolu 3(2) ;

(b)

il-kapaċità ta' ġestjoni xierqa, il-persunal u l-infrastruttura meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet identifikati fl-Artikolu 16(5) ;

(c)

il-mezzi operattivi u legali biex jiġu applikati r-regoli ta' ġestjoni amministrattiva, kuntrattwali u finanzjarji stabbiliti fuq livell ta' Unjoni;

(d)

vijabbiltà finanzjarja xierqa, li tikkorrispondi mal-livell tal-fondi tal-Unjoni li jkun hemm bżonn preferibbilment maħruġa minn awtorità pubblika, korrispondenti għal-livell ta' fondi tal-Unjoni li hija se tkun imsejħa li tamministra. ▌

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni dwar l-għażla tal-entitajiet li jiffurmaw in-netwerk inizjali skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 27a(2) waqt li tqis bis-sħiħ l-opinjoni ta' kull Stat Membru qabel l-għażla ta' Hub ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropew fit-territorju tiegħu . Dawn l-entitajiet għandhom jintgħażlu mill-Kummissjoni minn fost l-entitajiet kandidati innominati mill-Istati Membri abbażi tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 2 u l-kriterji addizzjonali li ġejjin:

(a)

il-baġit disponibbli għall-finanzjament tan-netwerk inizjali;

(b)

il-ħtieġa li n-netwerk inizjali jiżgura kopertura tal-ħtiġijiet tal-industrija u l-oqsma ta' interess pubbliku u kopertura ġeografika bbilanċjata u komprensiva , li jtejbu l-konverġenza bejn il-pajjiżi ta' koeżjoni u l-Istati Membri l-oħra, eż. billi jitnaqqas id-distakk diġitali f'termini ġeografiċi .

4.    Wara proċess miftuħ u kompetittiv, il-Kummissjoni, b'kunsiderazzjoni sħiħa tal-opinjoni ta' kull Stat Membru qabel l-għażla ta' Hub ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropew fit-territorju tiegħu, għandha tagħżel, jekk meħtieġ, Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej addizzjonali b'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 27a(2), b'mod li jiżgura kopertura ġeografika wiesgħa madwar l-Ewropa. L-għadd ta' entitajiet tan-netwerk għandu jissodisfa d-domanda tas-servizzi tal-hub għal kull Stat Membru. Biex jiġu indirizzati l-limitazzjonijiet speċifiċi affaċċjati mir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, jistgħu jiġu nominati entitajiet speċifiċi biex ikopru l-ħtiġijiet tagħhom.

4a.     Il-Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej għandu jkollhom awtonomija ġenerali sostanzjali sabiex jiddefinixxu l-organizzazzjoni, il-kompożizzjoni u l-metodi ta' ħidma tagħhom.

5 .   Il-Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej ▌għandhom ikunu involuti fl-implimentazzjoni tal-Programm billi jwettqu l-funzjonijiet li ġejjin għall-benefiċċju tal-industrija tal-Unjoni, speċjalment l-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja, kif ukoll is-settur pubbliku :

(a)

jissensibilizzaw u jipprovdu , jew jiżguraw aċċess għat-trasformazzjoni diġitali, l-għarfien espert, in-know-how u s-servizzi, inkluż l-ittestjar u l-esperimentazzjoni tal-faċilitajiet ▌;

(aa)

jappoġġaw lill-kumpaniji, speċjalment l-SMEs u n-negozji l-ġodda, lill-organizzazzjonijiet sabiex isiru aktar kompetittivi u jtejbu l-mudelli kummerċjali tagħhom bl-użu tat-teknoloġiji l-ġodda koperti mill-Programm;

(b)

jiffaċilitaw it-trasferiment tal-għarfien espert u n-know-how bejn ir-reġjuni, b'mod partikolari permezz ta' netwerking għall-SMEs , in-negozji ġodda u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja stabbiliti f'reġjun partikolari mal-Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej stabbiliti f'reġjuni oħra li huma l-aktar adattati biex jipprovdu servizzi rilevanti; jinkoraġġixxu l-iskambji ta' ħiliet, inizjattivi konġunti u prattiki tajbin;

(c)

jipprovdu , jew jiżguraw aċċess għal, servizzi tematiċi, fosthom b'mod partikolari servizzi marbuta mal-computing ta' prestazzjoni għolja, l-intelliġenza artifiċjali u ċ-ċibersigurtà u l-fiduċja lill-amministrazzjonijiet, lill-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku, lill-SMEs jew lill-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja. Il-Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej jistgħu jispeċjalizzaw f'servizzi tematiċi speċifiċi u m'għandhomx għalfejn jipprovdu s-servizzi tematiċi kollha jew jipprovdu dawk is-servizzi lill-kategoriji kollha tal-entitajiet imsemmija f'dan il-paragrafu;

(d)

jipprovdu appoġġ finanzjarju lill-partijiet terzi, taħt l-Objettiv Speċifiku 4, il-Ħiliet Diġitali Avvanzati.

6.     Fejn Hub tal-Innovazzjoni Diġitali Ewropew jirċievi finanzjament minn dan il-programm, il-finanzjament għandu jkun fil-forma ta' għotjiet.

KAPITOLU II

ELIĠIBBILTÀ

Artikolu 17

Azzjonijiet eliġibbli

1.   L-azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi msemmija fl-Artikolu ▌3▌u l-Artikoli ▌4▌-▌8▌ biss għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament.

2.   Il-kriterji ta' eliġibbiltà għall-azzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti fil-programmi ta' ħidma.

Artikolu 18

Entitajiet eliġibbli

1.

L-entitajiet legali li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli:

(a)

entitajiet ġuridiċi stabbiliti fi:

(i)

Stat Membru jew pajjiż jew territorju extra-Ewropew marbut miegħu;

(ii)

▌pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm skont l-Artikoli 10 u 12 ;

(b)

kwalunkwe entità ġuridika maħluqa skont id-dritt tal-Unjoni jew kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali.

2.

L-entitajiet ġuridiċi stabbiliti f'pajjiż terz li mhuwiex assoċjat mal-Programm huma eċċezzjonalment eliġibbli biex jipparteċipaw f'azzjonijiet speċifiċi fejn dan ikun meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Programm. Dawn l-entitajiet għandhom iġarrbu l-ispiża tal-parteċipazzjoni tagħhom sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-programmi ta' ħidma.

3.

Il-persuni fiżiċi ma għandhomx ikunu eliġibbli, ħlief għall-għotjiet mogħtija skont l-Objettiv Speċifiku 4. Il-Ħiliet diġitali avvanzati.

4.

Il-programm ta' ħidma msemmi fl-Artikolu 23 jista' jipprovdi li l-parteċipazzjoni tkun limitata għall-benefiċjarji stabbiliti fl-Istati Membri biss, jew għall-benefiċjarji stabbiliti fl-Istati Membri u pajjiżi terzi speċifikati assoċjati jew oħrajn għal raġunijiet ta' sigurtà jew azzjonijiet direttament relatati mal-awtonomija strateġika tal-UE. Kwalunkwe limitazzjoni fuq il-parteċipazzjoni ta' entitajiet legali stabbiliti fil-pajjiżi assoċjati għandha tkun skont dan ir-Regolament u skont it-termini u l-kundizzjonijiet tal-Ftehim rilevanti.

KAPITOLU III

GĦOTJIET TA' FLUS

Artikolu 19

Għotjiet

Għotjiet li jaqgħu taħt il-Programm għandhom jingħataw u jiġu ġestiti skont it-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju u jistgħu jkopru sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli, mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta' kofinanzjament kif stabbilit fl-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju; u skont l-ispeċifikazzjoni taħt kull objettiv .

Artikolu 20

Kriterji ta' għotja

1.   Il-kriterji tal-għoti għandhom ikunu ddefiniti fil-programmi ta' ħidma u fis-sejħiet għall-proposti, filwaqt li , mill-inqas, jitqiesu l-elementi li ġejjin:

(a)

il-maturità tal-azzjoni fl-iżvilupp tal-proġett;

(b)

kemm hu tajjeb il-pjan ta' implimentazzjoni propost;

 

(c)

il-ħtieġa li jingħeleb xkiel finanzjarju bħan-nuqqas ta' finanzi fis-suq.

2.     L-elementi li ġejjin għandhom jitqiesu fejn applikabbli:

(a)

l-effett stimolanti tal-appoġġ tal-Unjoni fuq l-investiment pubbliku u privat;

(b)

▌l-impatt ekonomiku, soċjali, fuq il-klima u dak ambjentali mistenni;

(c)

l-aċċessibbiltà u l-faċilità ta' aċċess għas-servizzi rispettivi ;

(d)

▌dimensjoni trans-Ewropea;

(e)

▌distribuzzjoni ġeografika bilanċjata fl-Unjoni kollha, inkluż it-tnaqqis tad-distakk ġeografiku u inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi.

(f)

il-preżenza ta' pjan ta' sostenibbiltà fit-tul;

(g)

il-libertà għall-użu mill-ġdid u l-adattament tar-riżultati tal-proġetti;

(h)

is-sinerġija u l-komplementarjetà ma' programmi oħra tal-Unjoni

Artikolu 20a

Evalwazzjoni

B'konformità mal-Artikolu 150 tar-Regolament Finanzjarju, l-applikazzjonijiet għall-għotjiet għandhom ikunu evalwati minn kumitat tal-evalwazzjoni li jista' jkun kollu kemm hu jew parti minnu magħmul minn esperti esterni indipendenti.

KAPITOLU IV

OPERAZZJONIJIET TA' TAĦLIT U FINANZJAMENT IMĦALLAT IEĦOR

Artikolu 21

Operazzjonijiet ta' taħlit

L-operazzjonijiet ta' taħlit deċiżi skont dan il-Programm għandhom jiġu implimentati b'konformità mar-Regolament InvestUE u t-Titolu X tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 22

Finanzjament kumulattiv, kumplementari u kkombinat

1.   Azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni minn programm ieħor tal-Unjoni , inklużi fondi taħt ġestjoni kondiviża, tista' tirċievi wkoll kontribuzzjoni ▌mill-Programm, sakemm il-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess kostijiet. Ir-regoli ta' kull programm kontribwenti tal-Unjoni għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni rispettiva tiegħu għall-azzjoni. Il-finanzjament kumulattiv ma għandux jaqbeż il-kostijiet totali eliġibbli tal-azzjoni u l-appoġġ mill-programmi differenti tal-Unjoni jista' jiġi kkalkulat fuq bażi prorata skont id-dokumenti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-appoġġ.

2.   L-azzjonijiet li jingħataw ċertifikazzjoni tas-Siġill ta' Eċċellenza, jew li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet kumulattivi u komparattivi li ġejjin:

(a)

dawn ikunu ġew ivvalutati f'sejħa għal proposti skont il-Programm;

(b)

dawn iħarsu l-ħtiġijiet minimi ta' kwalità ta' din is-sejħa għal proposti;

(c)

dawn ma jistgħux jiġu ffinanzjati skont din is-sejħa għal proposti minħabba restrizzjonijiet baġitarji.

jistgħu jirċievu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, mill-Fond ta' Koeżjoni, mill-Fond Soċjali Ewropew +, mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, b'konformità mal-paragrafu 5 tal-Artikolu [67] tar-Regolament (UE) XX [ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni] u l-Artikolu [8] jew ir-Regolament (UE) XX [il-finanzjament, l-immaniġġjar u l-monitoraġġ tal-Politika Agrikola Komuni], sakemm tali azzjonijiet ikunu konsistenti mal-objettivi tal-programm ikkonċernat. Ir-regoli tal-Fond li jipprovdi l-appoġġ għandhom japplikaw.

2a.     Fejn azzjoni tkun diġà ngħatat jew irċeviet kontribuzzjonijiet minn programm ieħor tal-Unjoni jew appoġġ minn fond tal-UE, dik il-kontribuzzjoni jew dak l-appoġġ għandhom jitniżżlu fl-applikazzjoni meta tintalab kontribuzzjoni mill-Programm.

KAPITOLU V

PROGRAMMAZZJONI, MONITORAĠĠ, EVALWAZZJONI U KONTROLL

Artikolu 23

Programmi ta' ħidma

1 .   Il-Programm għandu jiġi implimentat permezz tal- programmi ta' ħidma msemmija fl-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju.

2.   Dawk il-programmi ta' ħidma għandhom jiġu adottati bħala programmi multiannwali għall-Programm kollu. Jekk ikunu ġġustifikati bi ħtiġijiet ta' implimentazzjoni speċifiċi, huma jistgħu jiġu adottati wkoll bħala programmi annwali li jkopru Objettiv Speċifiku wieħed jew aktar.

3.    Il-programmi ta' ħidma għandhom jiffukaw fuq l-attivitajiet stabbiliti fl-Anness I u għandhom jiżguraw li l-azzjonijiet appoġġati hemmhekk ma jeskludux il-finanzjament privat.

3a.     Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati b'konformità mal-Artikolu 27 biex temenda l-Anness I biex tirrieżamina jew tikkomplementa l-attivitajiet stabbiliti b'mod konsistenti mal-objettivi ta' dan ir-Regolament, kif stabbiliti fl-Artikoli ▌4 sa 8▌.

4.   Il-programmi ta' ħidma għandhom jistabbilixxu, fejn applikabbli, l-ammont globali riżervat għall-operazzjonijiet ta' taħlit.

Artikolu 24

Monitoraġġ u rappurtar

1.   L-indikaturi li jistgħu jitkejlu għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u l-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-objettivi ġenerali u speċifiċi stipulati fl-Artikolu 3 huma stabbiliti fl-Anness II.

1a.     Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi metodoloġija biex tipprevedi indikaturi għal valutazzjoni preċiża tal-progress miksub lejn il-kisba tal-objettivi ġenerali stipulati fl-Artikolu 3(1).

2.   Biex tiżgura valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Programm biex jikseb l-objettivi tiegħu, il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 27 biex temenda l-Anness II biex tirrevedi jew tikkomplementa l-indikaturi li jistgħu jitkejlu fejn jitqies neċessarju u biex tissuplimenta dan ir-Regolament b'dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta' qafas tal-monitoraġġ u tal-evalwazzjoni.

3.   Is-sistema ta' rapportar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ▌ tal-programm tinġabar b'mod effiċjenti, effettiv, u f'waqtu sabiex ir-riżultati jkunu adattati għal analiżi fil-fond tal-progress miksub u d-diffikultajiet li jinqalgħu . Għal dan il-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti ta' rapportar proporzjonat fuq dawk li jirċievu l-fondi tal-UE u l-Istati Membri.

4.   Għandha tintuża sal-massimu tagħha l-istatistika uffiċjali tal-UE bħall-istħarriġiet regolari tal-ICT bħala indikaturi tal-kuntest . L-istituti Nazzjonali tal-Istatistika għandhom jiġu kkonsultati u involuti flimkien mal-Eurostat fit-tfassil inizjali u l-iżvilupp ulterjuri tal-indikaturi statistiċi użati għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-programm u l-progress li jkun sar fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni.

Artikolu 25

Evalwazzjoni tal-Programm

1.   L-evalwazzjonijiet għandhom jitwettqu f'waqthom sabiex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Dawn għandu jkun fihom valutazzjoni kwalitattiva tal-progress lejn il-kisba tal-objettivi ġenerali tal-programm.

2.    Apparti l-monitoraġġ regolari tal-Programm, il-Kummissjoni għandha twettaq l-evalwazzjoni interim tal-Programm li għandha titwettaq ladarba jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-Programm, iżda mhux aktar tard minn erba' snin wara l-bidu tal-implimentazzjoni tal-programm. L-evalwazzjoni interim għandha tifforma l-bażi biex ikun aġġustat il-programm ta' implimentazzjoni, kif xieraq, b'kunsiderazzjoni ta' żviluppi teknoloġiċi rilevanti ġodda.

L-evalwazzjoni interim għandha titressaq lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

3.   Fi tmiem l-implimentazzjoni tal-Programm, iżda mhux aktar tard minn erba' snin wara t-tmiem tal-perjodu speċifikat fl-Artikolu ▌1▌, għandha titwettaq evalwazzjoni finali tal-Programm mill-Kummissjoni.

L-evalwazzjoni finali għandha tivvaluta l-impatti fit-tul tal-Programm u s-sostenibbiltà tiegħu.

4.   Is-sistema ta' rapportar dwar l-evalwazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-evalwazzjoni tal-programm tinġabar b'mod effiċjenti, effettiv, f'waqtu u f'livell xieraq ta' granularità mir-riċevituri tal-fondi tal-Unjoni;

4a.     Il-Kummissjoni għandha tissottometti r-rapport finali ta' evalwazzjoni ta' nofs it-terminu msemmi fil-paragrafu 3 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Artikolu 26

Awditjar

1.   L-awditi dwar l-użu tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni mwettqa minn persuni jew minn entitajiet, inkluż oħrajn minbarra dawk imqabbda mill-Istituzzjonijiet jew mill-korpi tal-Unjoni, għandhom jiffurmaw il-bażi tal-garanzija kumplessiva skont l-Artikolu 127 tar-Regolament Finanzjarju.

2.   Is-sistema ta' kontroll għandha tiżgura bilanċ xieraq bejn il-fiduċja u l-kontroll, filwaqt li jitqiesu il-kostijiet amministrattivi u kostijiet oħrajn tal-kontrolli fil-livelli kollha.

3.   Awditi tal-infiq għandhom jitwettqu b'mod konsistenti b'konformità mal-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività.

4.   Bħala parti mis-sistema ta' kontroll, l-istrateġija tal-awditu tista' tkun ibbażata fuq l-awditu finanzjarju ta' kampjun rappreżentattiv tal-infiq. Dak il-kampjun rappreżentattiv għandu jiġi kkomplementat b'għażla bbażata fuq valutazzjoni tar-riskji relatati mal-infiq.

5.   L-azzjonijiet li jirċievu finanzjament kumulattiv minn programmi differenti tal-Unjoni għandhom jiġu awditjati darba biss, billi jiġu koperti l-programmi kollha involuti u r-regoli applikabbli rispettivi tagħhom.

Artikolu 27

L-eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 23 u 24 għandha tingħata lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2028.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 23 u 24 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikata f'dik id-Deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li diġà jkun fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti maħtura minn kull Stat Membru b'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 23 u 24 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għalih fi żmien xahrejn minn meta jkunu ġew mgħarrfin bih jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew u kif ukoll il-Kunsill ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw għalih. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 27a

Proċedura ta' kumitat

1.     Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Koordinazzjoni tal-Programm Ewropa Diġitali. Dan il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.     Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 28

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

Meta pajjiż terz jipparteċipa fil-programm permezz ta' deċiżjoni taħt ftehim internazzjonali jew permezz ta' kwalunkwe strument legali ieħor, il-pajjiż terz għandu jagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa mill-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni responsabbli, mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b'mod komprensiv. Fil-każ tal-OLAF, dawn id-drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jsiru investigazzjonijiet, inkluż verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, b'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF).

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI

Artikolu 29

Informazzjoni, komunikazzjoni, pubbliċità, appoġġ ta’ politika u disseminazzjoni

1.   Ir-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni (b'mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom) billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi inkluż lill-midja u lill-pubbliku.

2.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni relatati mal-Programm, u l-azzjonijiet u r-riżultati tagħha. Hi għandha tiżgura wkoll l-integrazzjoni tal-informazzjoni u tal-aċċess għall-applikanti potenzjali għall-finanzjament tal-Unjoni fis-settur diġitali . Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva dwar il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawn ikunu relatati mal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu ▌3▌.

3.   Il-Programm għandu jipprovdi appoġġ lill-iżvilupp tal-politika, il-komunikazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u t-tixrid ta' attivitajiet u jippromwovi kooperazzjoni u l-iskambju ta' esperjenza fl-oqsma msemmija fl-Artikoli 4 sa 8.

Artikolu 30

Tħassir

▌Id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 li tistabbilixxi programm dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà u oqfsa komuni għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej (Programm ISA2) bħala mezz għall-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku titħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2021.

Artikolu 31

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika tal-azzjonijiet ikkonċernati, sal-għeluq tagħhom, skont ir-Regolament ir-Regolament (UE) Nru 283/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (39) u skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 (40), li għandu jkompli japplika għall-azzjonijiet ikkonċernati sal-għeluq tagħhom.

2.   Il-pakkett finanzjarju għall-Programm jista' jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bejn il-Programm u l-miżuri adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 283/2014 u skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240.

3.   Fejn hu meħtieġ, l-approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mill-2027 biex ikopru l-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 9(4), sabiex jippermettu l-ġestjoni ta' azzjonijiet mhux kompletati sal-31 ta' Diċembru 2027.

Artikolu 32

Dħul fis-seħħ

▌Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 292.

(2)  ĠU C 86, 7.3.2019, p. 272.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ April 2019. It-test sottolinjat ma ntlaħaqx qbil dwaru fil- kuntest tan-negozjati interistituzzjonali.

(4)  Ir-referenza trid tiġi aġġornata: ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1. Il-ftehim huwa disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:32013Q1220(01)&from=MT

(5)  Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

(6)  ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1. Ir-regolament jinsab hawn: Ir-regolament jinsab hawn: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:32013R0883&rid=1

(7)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1. Ir-regolament jinsab hawn: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:31995R2988&rid=1

(8)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2. Ir-regolament jinsab hawn: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:31996R2185&rid=1

(9)  ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1. Ir-regolament jinsab hawn: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:32017R1939&rid=1

(10)  Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill / /EU.

(12)  Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016; ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(13)   Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il- Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(14)  https://www.eu2017.ee/news/insights/conclusions-after-tallinn-digital-summit

(15)  https://www.consilium.europa.eu/media/21619/19-euco-final-conclusions-mt.pdf

(16)  COM(2018)0098 final.

(17)  COM(2018)0125 final

(18)  Kif indikat fil-Komunikazzjoni dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea (COM(2016)0180)

(19)  

 

(20)  

 

(21)  

 

(22)  Il-valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja d-dokument “Proposal for a Council Regulation on establishing the EuroHPC Joint Undertaking” (https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/proposal-council-regulation-establishing-eurohpc-joint-undertaking-impact-assessment).

(23)  Id-Dokument ref. A8-0183/2017, jinsab: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P8-TA-2017-0240+0+DOC+XML+V0//MT

(24)  https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/policies/cybersecurity

(25)  Fi ħdan dan il-pakkett, l-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (COM(2018)0022) jistabbilixxi sensiela ta' miżuri biex jappoġġaw lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta' ħiliet u kompetenzi diġitali fl-edukazzjoni formali.

(26)  Id-Dokument ref. A8-0183/2017, jinsab: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P8-TA-2017-0240+0+DOC+XML+V0//MT

(27)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52018DC0233&from=EN

(28)  COM(2016)0725 final.

(29)  

 

(30)  

 

(31)  COM(2016)0180: Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea – Ingawdu l-benefiċċji kollha ta' suq uniku diġitali.

(32)  COM(2018)0321 final, paġna 1

(33)   Ir-Regolament li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja. 10594/18. Brussell, 18 ta' Settembru 2018 (OR. en). http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-10594-2018-INIT/mt/pdf

(34)   Ir-Regolament… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Netwerk ta' Ċentri Nazzjonali ta' Koordinazzjoni.

(35)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni kklassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

(36)   Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

(37)   Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

(38)   Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' ċerti kuntratti ta' xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

(39)  Ir-Regolament (UE) Nru 283/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar linji gwida għal networks trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE (ĠU L 86, 21.3.2014, p. 14).

(40)  Id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 li tistabbilixxi programm dwar soluzzjonijiet ta' interoperabbiltà u oqfsa komuni għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej (Programm ISA2) bħala mezz għall-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku.

ANNESS 1

L-ATTIVITAJIET

Deskrizzjoni teknika tal-programm: l-ambitu tal-attivitajiet

Attivitajiet inizjali tal-Programm għandhom jiġu implimentati skont id-deskrizzjoni teknika li ġejja:

Objettiv Speċifiku 1 – Il-Computing ta' Prestazzjoni Għolja

Il-programm għandu jimplimenta l-istrateġija Ewropea dwar l-HPC bl-appoġġ ta' ekosistema sħiħa tal-UE li tipprovdi l-HPC u l-kapaċitajiet tad-data meħtieġa għall-Ewropa biex tikkompeti globalment. L-istrateġija għandha l-għan li tiskjera HPC u infrastruttura tad-data ta' klassi mondjali b'kapaċitajiet fuq skala eksa sal-2022/2023, u faċilitajiet fuq skala posteksa sal-2026/27, li jagħnu lill-Unjoni bi provvista ta' teknoloġija tal-HPC indipendenti u kompetittiva tagħha stess, biex tilħaq l-eċċellenza fl-applikazzjonijiet tal-HPC u twessa' d-disponibbiltà u l-użu tal-HPC.

L-attivitajiet inizjali għandhom jinkludu:

1.

Qafas ta' akkwist konġunt li jippermetti approċċ ta' kodisinn għall-awkkist ta' netwerk integrat tal-HPC ta' klassi mondjali inkluż supercomputing ta' skala eksa (li kapaċi teżegwixxi għaxar operazzjonijiet b'potenza ta' tmintax kull sekonda) u infrastruttura tad-data. Dan se jkun faċilment aċċessibbli ▌għall-utenti pubbliċi u privati notevolment l-SMEs, irrispettivament f'liema Stat Membru jinsabu, u għal skopijiet ta' riċerka ▌ , skont [ir-Regolament li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja] .

2.

Qafas ta' akkwist konġunt ta' infrastruttura ta' supercomputing ta' skala eksa (li kapaċi teżegwixxi għaxar operazzjonijiet b'potenza ta' tmintax kull sekonda) , inkluż l-integrazzjoni ta' teknoloġiji ta' computing quantum.

3.

Koordinazzjoni fuq il-livell tal-UE u riżorsi finanzjarji xierqa biex jappoġġaw l-iżvilupp, l-akkwist u t-tħaddim ta' din l-infrastruttura.

4.

Netwerking tal-HPC ta' Stat Membru u kapaċitajiet ta' data u appoġġ għal Stati Membri li jkunu jixtiequ jaġġornaw jew jakkwistaw kapaċitajiet ġodda tal-HPC.

5.

Netwerking taċ-Ċentri ta' Kompetenza tal-HPC, mill-inqas wieħed għal kull Stat Membru, u assoċjati maċ-ċentri nazzjonali tas-supercomputing tagħhom biex jipprovdu servizzi ta' HPC lill-industrija (b'mod partikolari lill-SMEs), il-korpi akkademiċi u l-amministrazzjonijiet pubbliċi.

6.

L-iskjerament ta' teknoloġija lesta biex tintuża/operattiva: supercomputing bħala servizz li jirriżulta mill-R&I biex tinbena ekosistema tal-HPC Ewropea integrata, li tkopri s-segmenti tal-katina tal-valur xjentifiku u industrijali kollha (ħardwer, softwer, applikazzjonijiet, servizzi, interkonnessjonijiet u ħiliet diġitali avvanzati).

L-Objettiv Speċifiku 2 – L-Intelliġenza Artifiċjali

Il-Programm għandu jibni u jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Intelliġenza Artifiċjali ewlenin fl-Ewropa, inkluż ir-riżorsi tad-data u r-repożitorji ta' algoritmi filwaqt li jsiru aċċessibbli min-negozji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi kollha kif ukoll ir-rinforz u n-netwerking ta' faċilitajiet eżistenti u stabbiliti reċentement tal-ittestjar u tal-isperimentazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali fl-Istati Membri.

L-attivitajiet inizjali għandhom jinkludu:

1.

Il-ħolqien ta' spazji tad-data komuni Ewropej li jaggregaw l-informazzjoni pubblika fl-Ewropa kollha , inkluż mill-użu mill-ġdid tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku, u jsiru sors ta' input tad-data għal soluzzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali. L-ispazji jkunu miftuħa ▌għas-settur pubbliku u għal dak privat. Għal aktar użu, id-data fi ħdan spazju jenħtieġ li ssir interoperabbli, notevolment permezz ta' formati tad-data li jkunu miftuħa, jinqraw mill-magni, standardizzati u dokumentati , kemm fl-interazzjonijiet bejn is-setturi pubbliċi u privati, kif ukoll fi ħdan is-setturi u bejn is-setturi (l-interoperabbiltà semantika).

2.

L-iżvilupp ta' libreriji jew interfaċċi komuni Ewropej għal libreriji ta' algoritmi li jkunu faċilment aċċessibbli għal kulħadd imsejsa fuq termini ġusti, raġjonevoli u nondiskriminatorji . Il-kumpaniji u s-settur pubbliku jkunu jistgħu jidentifikaw u jakkwistaw dik is-soluzzjoni li taħdem l-aħjar għall-bżonnijiet tagħhom.

3.

Il-koinvestiment mal-Istati Membri f'siti ta' referenza ta' klassi mondjali għall-esperimentazzjoni u l-ittestjar f'ambjent reali li jiffoka fuq l-applikazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali f'setturi essenzjali bħas-saħħa, il-monitoraġġ tad-dinja/tal-ambjent, it-trasport u l-mobbiltà, is-sigurtà, il-manifattura jew il-finanzi, kif ukoll f'oqsma oħra ta' interess pubbliku. Is-siti jenħtieġ li jkunu miftuħa għall-atturi kollha fl-Ewropa kollha u konnessi man-Netwerk ta' Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali. Dawn jentħieġ li jiġu attrezzati jew konnessi ma' faċilitajiet kbar ta' computing u li jipproċessaw id-data kif ukoll bl-aħħar teknoloġiji tal-intelliġenza artifiċjali inklużi oqsma emerġenti, inter alia , il-computing newromorfiku, l-apprendiment profond u r-robotika.

L-Objettiv Speċifiku 3 – Iċ-Ċibersigurtà u Fiduċja

Il-Programm għandu jistimula t-tisħiħ mill-ġdid, il-bini u l-akkwist ta' kapaċitajiet essenzjali biex jiġu żgurati l-ekonomija diġitali, is-soċjetà u d-demokrazija tal-UE permezz tat-tisħiħ tal-potenzjal industrijali taċ-ċibersigurtà u l-kompetittività tal-UE, kif ukoll bit-titjib tal-kapaċitajiet kemm tas-settur privati kif ukoll tas-settur pubbliku biex jiġu protetti ċ-ċittadini u n-negozji Ewropej mit-theddidiet ċibernetiċi, inkluż l-appoġġ għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni.

L-attivitajiet inizjali, taħt dan l-objettiv, għandhom jinkludu:

1.

Il-koinvestiment mal-Istati Membri f'tagħmir avvanzat taċ-ċibersigurtà, infrastrutturi u l-know-how li huma essenzjali għall-ħarsien tal-infrastrutturi kritiċi u d-DSM inġenerali. Dan jista' jinkludi investimenti f'faċilitajiet quantum u riżorsi tad-data għas-ċibersigurtà, l-għarfien tas-sitwazzjoni fiċ-ċiberspazju kif ukoll għodod oħra li jridu jkunu disponibbli għas-settur pubbliku u dak privat fl-Ewropa.

2.

Il-ħolqien tal-kapaċitajiet teknoloġiċi eżistenti u n-netwerking ta' ċentri ta' kompetenza fl-Istati Membri u jiġi żgurat li dawn il-kapaċitajiet jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-settur pubbliku u tal-industrija, inkluż f'dak li jirrigwarda l-prodotti u s-servizzi li jsaħħu ċ-ċibersigurtà u l-fiduċja fi ħdan id-DSM.

3.

Jiġi żgurat l-iskjerament wiesa' taċ-ċibersigurtà u soluzzjonijiet ta' fiduċja effettivi tal-ogħla livell fost l-Istati Membri. Dan jinkludi t-tisħiħ tas-sigurtà u s-sikurezza tal-prodotti , mid-disinn tagħhom għall-kummerċjalizzazzjoni tagħhom .

4.

Appoġġ biex jingħalaq id-distakk fil-ħiliet taċ-ċibersigurtà billi, pereżempju, jiġu allinjati l-programmi tal-ħiliet tas-sigurtà ċibersigurtà, jiġu adattati għall-ħtiġijiet settorjali speċifiċi u jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-korsijiet ta' taħriġ speċjalizzat immirat.

L-Objettiv Speċifiku 4 – Il-Ħiliet Diġitali Avvanzati

Il-Programm għandu jappoġġa opportunitajiet ta' taħriġ dwar il-ħiliet diġitali avvanzati, b'mod partikolari, fil-HPC, fl-analitika tal-big data, fir-reġistru distribwiti, (eż. blockchain) u ċ-ċibersigurtà għall-forza tax-xogħol attwali u futura, billi , inter alia, l-istudenti, il-gradwati reċenti jew iċ-ċittadini tal-etajiet kollha bi bżonn ta' titjib tal-ħiliet , u l-ħaddiema attwali , ikunu fejn ikunu, jiġu offruti l-mezzi biex jakkwistaw u jiżviluppaw dawn il-ħiliet.

L-attivitajiet inizjali għandhom jinkludu:

1.

Aċċess għal taħriġ fuq il-post tax-xogħol bil-parteċipazzjoni f'apprendistati f'ċentri tal-kompetenzi u f'kumpaniji u f'organizzazzjonijiet oħra li qed jużaw teknoloġiji avvanzati diġitali .

2.

Aċċess għal korsijiet f'teknoloġiji diġitali avvanzati li se jiġu offruti mill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, l-istituzzjonijiet ta' riċerka u l-korpi taċ-ċertifikazzjoni professjonali b'kooperazzjoni mal-korpi involuti fil-Programm (is-suġġetti huma mistennija li jinkludu l-intelliġenza artifiċjali, iċ-ċibersigurtà, ir-reġistri distribwiti (eż. blockchain), il-HPC u t-teknoloġiji quantum).

3.

Parteċipazzjoni f'korsijiet ta' taħriġ professjonali speċjalizzat, għal terminu qasir li ġew preċertifikati, pereżempju fil-qasam taċ-ċibersigurtà.

L-interventi għandhom jiffokaw fuq ħiliet diġitali avvanzati relatati ma' teknoloġiji speċifiċi.

Il-Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej , kif definiti fl-Artikolu  16, għandhom jaġixxu bħala faċilitaturi għall-opportunitajiet ta' taħriġ, b'kollegament mal-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ .

L-Objettiv Speċifiku 5 – L-iskjerament, l-aħjar użu tal-kapaċità diġitali u l-interoperabbiltà

I.   L-attivitajiet inizjali relatati mat-trasformazzjoni diġitali ta' oqsma ta' interess pubbliku għandhom jinkludu:

Proġetti li jservu ta' skjerament, l-aħjar użu tal-kapaċitajiet diġitali jew tal-interoperabilità għandhom jikkostitwixxu proġetti ta' interess komuni.

1.   L-immodernizzar tal-amministrazzjonijiet pubbliċi :

1.1.

Appoġġ lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Prinċipji tad-Dikjarazzjoni ta' Tallinn dwar il-Gvern Elettroniku fl-oqsma kollha tal-politika, billi jinħolqu, fejn meħtieġ, ir-reġistri meħtieġa u l-interkonnessjoni tagħhom b'rispett sħiħ tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

1.2.

Appoġġ għat-tfassil, il-pilotaġġ, l-iskjerament, il-manutenzjoni , l-evoluzzjoni u l-promozzjoni ta' ekosistema koerenti tal-infrastruttura tas-servizzi diġitali transfruntiera u jiġu ffaċilitati soluzzjonijiet u oqsfa komuni fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika li huma mingħajr xkiel minn tarf sa tarf, siguri, interoperabbli, multilingwali, interoperabbli transfruntiera jew transsettorjali. Għandhom jiġu inklużi wkoll metodoloġiji għall-valutazzjoni tal-impatt u l-benefiċċji.

1.3.

Appoġġ għall-valutazzjoni, l-aġġornament u l-promozzjoni ta' speċifikazzjonijiet u standards komuni eżistenti kif ukoll l-iżvilupp, l-istabbiliment u l-promozzjoni ta' speċifikazzjonijiet ġodda komuni u speċifikazzjonijiet u standards miftuħa permezz tal-pjattaformi ta' standardizzazzjoni tal-Unjoni u b'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet ta' standardizzazzjoni Ewropej jew internazzjonali kif xieraq.

1.4.

Kooperazzjoni lejn ekosistema Ewropea għal infrastrutturi affidabbli possibbilment bl-użu ta' servizzi ta' reġistri distribwiti (eż. blockchain) u applikazzjonijiet li jinkludu l-appoġġ għal interoperabbiltà u standardizzazzjoni u li jrawmu l-iskjerament ta' applikazzjonijiet transfruntiera tal-UE.

2.   Is-saħħa (1)

2.1.

Jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-UE jkollhom kontroll fuq id-data personali tagħhom u jkunu jistgħu jaċċessaw, jikkondividu, jużaw u jiġġestixxu d-data personali tas-saħħa tagħhom ▌bejn il-fruntieri b'mod sigur u b'mod li jiggarantixxi l-privatezza tagħhom , irrispettivament minn fejn jinsabu jew fejn tinsab id-data , b'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data . Titlesta l-Infrastruttura Ewropea ta' Servizzi Diġitali tas-Saħħa-e u tiġi estiża permezz ta' servizzi diġitali ġodda, relatati mal-prevenzjoni tal-mard, mas-saħħa u l-kura, jiġi appoġġat l-użu tagħhom, abbażi ta' appoġġ wiesa' minn attivitajiet tal-UE u l-Istati Membri, b'mod partikolari n-Netwerk tas-Saħħa-e skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/24/UE .

2.2.

Issir disponibbli data aħjar għar-riċerka, il-prevenzjoni tal-mard u l-kura u s-saħħa personalizzati; Jiġi żgurat li r-riċerkaturi tas-saħħa u prattikanti kliniċi Ewropej ikollhom aċċess għal skala meħtieġa ta' riżorsi (data kondiviża, inkluż il-ħżin tad-data u l-computing, għarfien espert u kapaċitajiet analitiċi) biex jinkisbu s-suċċessi rivoluzzjonarji f'mard ewlieni kif ukoll f'mard rari. Il-mira hija li jiġi żgurat koort ibbażat fuq il-popolazzjoni ta' mill-inqas 10 miljun ċittadin. ▌

2.3.

Isiru disponibbli għodod diġitali għat-tisħiħ tas-setgħat taċ-ċittadini u għall-kura ċċentrata fuq il-persuna billi jiġi appoġġat l-iskambju tal-aħjar prattiki u innovattivi fis-saħħa diġitali, il-bini tal-kapaċità u l-assistenza teknika, b'mod partikolari għaċ-ċibersigurtà, l-intelliġenza artifiċjali u HPC.

3.

Il-ġudikatura: Ikun hemm komunikazzjoni elettronika bla xkiel u sigura bejn il-fruntieri fi ħdan il-ġudikatura u bejn il-ġudikatura u korpi oħra kompetenti oħra fil-qasam tal-ġustizzja ċivili u kriminali. Jitjieb l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-ġustizzja u informazzjoni ġuridika u l-proċeduri għaċ-ċittadini, in-negozji, il-prattikanti ġuridiċi u l-membri tal-ġudikatura b'interkonnessjonijiet ▌ mal-bażijiet tad-data u r-reġistri nazzjonali kif ukoll l-iffaċilitar ta' soluzzjoni tat-tilwim straġudizzjarja online. Jiġu promossi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi għall-qrati u  l-professjoni legali bbażati , inter alia, fuq soluzzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali li probabbilment jissimplifikaw u jħaffu l-proċeduri (pereżempju applikazzjonijiet “tekniċi ġuridiċi”).

4.

It-trasport, il-mobbiltà, l-enerġija u l-ambjent: Jintużaw soluzzjonijiet deċentralizzati u infrastrutturi meħtieġa għal applikazzjonijiet diġitali fuq skala kbira bħal sewqan awtomatiku konness, vetturi tal-ajru mingħajr bdot abbord, kunċetti ta' mobbiltà intelliġenti, bliet intelliġenti, żoni rurali intelliġenti jew reġjuni ultraperiferiċi b'appoġġ għall-politiki tat-trasport, l-enerġija u l-ambjent , f'koordinazzjoni mal-azzjonijiet għad-diġitalizzazzjoni tas-setturi tat-trasport u l-enerġija taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa .

5.

Edukazzjoni, kultura u midja : Jingħata aċċess lill-kreaturi, lill-industrija kreattiva u lis-settur kulturali fl-Ewropa għall-aħħar teknoloġiji diġitali mill-intelliġenza artifiċjali għall-computing avvanzat. Jiġi sfruttat il-wirt kulturali Ewropew , inkluż Europeana, b'appoġġ għall-edukazzjoni u r-riċerka u biex jippromwovi d-diversità kulturali, il-koeżjoni soċjali u  s-soċjetà Ewropea. Jiġi appoġġat it-teħid ta' teknoloġiji diġitali fl-edukazzjoni , kif ukoll fl-istituzzjonijiet kulturali finanzjati privatament jew pubblikament .

 

6.

Attivitajiet oħra li jappoġġaw is-Suq Uniku Diġitali , pereżempju t-trawwim ▌ tal-litteriżmu diġitali u medjatiku u jżidu l-għarfien fost il-minorenni, il-ġenituri u l-għalliema dwar ir-riskji li l-minorenni jistgħu jiltaqgħu magħhom online u l-mezzi sabiex jipproteġuhom, jindirizzaw il-bullying ċibernetiku u t-tixrid ta' materjal tal-abbuż sesswali tat-tfal online b'appoġġ għal netwerk pan-Ewropew ta' Ċentri għal Internet Sikur ; jippromwovu miżuri mmirati lejn id-detezzjoni u l-ġlieda kontra t-tixrid intenzjonat ta' diżinformazzjoni , b'tali mod li tiżdied ir-reżiljenza globali tal-Unjoni ; jappoġġaw osservatorju tal-UE għall-ekonomija tal-pjattaforma diġitali kif ukoll għall-istudji u għall-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni.

L-attivitajiet imsemmija fil-punti 1 sa 6 jistgħu jkunu parzjalment sostnuti mill-Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej permezz tal-istess kapaċitajiet żviluppati biex jgħinu lill-industriji fit-trasformazzjoni diġitali tagħhom (ara l-punt II).

II.   L-attivitajiet inizjali relatati mad-diġitizzazzjoni tal-industrija:

1.

Il-kontribut għall-espansjoni ▌tan-netwerk tal-Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej biex jiġi żgurat aċċess għall-kapaċitajiet diġitali lin-negozju, b'mod partikolari l-SMEs, f'kull reġjun fl-UE kollha. Dan b'mod partikolari jinkludi:

1.1.

Aċċess għall-ispazju ta' Data Komuni Ewropea u l-pjattaformi tal-intelliġenza artifiċjali u għall-faċilitajiet tal-HPC Ewropej għall-analiżi tad-data u għall-applikazzjonijiet intensivi tal-computing

1.2.

Aċċess għall-faċilitajiet ta' ttestjar tal-intelliġenza artifiċjali fuq skala kbira u għodod avvanzati taċ-ċibersigurtà

1.3.

Aċċess għall-ħiliet diġitali avvanzati

2.

L-attivitajiet ser ikunu kkoordinati ma', u se jikkomplimentaw l-azzjonijiet ta' innovazzjoni f'teknoloġiji diġitali appoġġati b'mod partikolari taħt il-Programm Orizzont Ewropa kif ukoll investimenti fil-Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej appoġġati taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Jistgħu jingħataw ukoll għotjiet għar-replikazzjoni tas-suq mill-Programm Ewropa Diġitali b'konformità mar-regoli ta' għajnuna mill-Istat. Appoġġ għall-aċċess biex jiġu ffinanzjati aktar passi fit-trasformazzjoni diġitali tagħhom se jinkiseb bl-istrumenti finanzjarji li jagħmlu użu mill-iskema InvestEU.

(1)  COM(2018)0233 final, dwar l-iffaċilitar tat-trasformazzjoni diġitali tal-kura u tas-saħħa fis-Suq Uniku Diġitali; l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini u t-tiswir ta' soċjetà aktar b'saħħitha

ANNESS 2

Indikaturi tal-prestazzjoni

Objettiv Speċifiku 1 – Il-Computing ta' Prestazzjoni Għolja (HPC)

1.1

Għadd ta' infrastrutturi tal-HPC akkwistati b'mod konġunt

1.2

L-użu totali ta' kompjuters fuq skala eksa u skala posteksa u minn diversi gruppi ta' partijiet ikkonċernati (universitajiet, SMEs eċċ.)

Objettiv Speċifiku 2 – L-Intelliġenza Artifiċjali

2.1

L-ammont totali ko-investit f'siti għall-esperimentazzjoni u l-ittestjar

2.2

L-użu ta' libreriji jew interfaċċi Ewropej komuni għal-libreriji tal-algoritmi, l-użu ta' Spazji tad-Data Ewropej Komuni u l-użu ta' siti għall-isperimentazzjoni u l-ittestjar marbuta mal-attivitajiet f'dan ir-regolament

2.2a

L-għadd ta' każijiet li għalihom l-organizzazzjonijiet jiddeċiedu li jintegraw l-intelliġenza artifiċjali fil-prodott, il-proċessi jew is-servizzi tagħhom, bħala riżultat tal-Programm

Objettiv Speċifiku 3 – Iċ-Ċibersigurtà u Fiduċja

3.1

L-għadd ta' infrastrutturi taċ-ċibersigurtà u/jew għodod akkwistati b'mod konġunt.

3.2

L-għadd ta' utenti u ta' komunitajiet ta' utenti li qed jiksbu aċċess għall-faċilitajiet ta' ċibersigurtà Ewropej

Objettiv Speċifiku 4 – Il-Ħiliet Diġitali Avvanzati

4.1

L-għadd ta' persuni li rċevew taħriġ biex jiksbu ħiliet diġitali avvanzati appoġġati mill-Programm

4.2

L-għadd ta' intrapriżi , b'mod partikolari l-SMEs, li jkollhom diffikultà biex jirreklutaw speċjalisti tal-ICT

4.2b

L-għadd ta' persuni li jirrappurtaw sitwazzjoni ta' impjieg imtejba wara t-tmiem tat-taħriġ appoġġat mill-Programm

Objettiv Speċifiku 5 – L-iskjerament, l-aħjar użu tal-kapaċità diġitali u l-interoperabilità

5.1

It-teħid tas-servizzi pubbliċi diġitali

5.2

L-intrapriżi b'punteġġ għoli ta' intensità diġitali

5.3

Il-livell safejn sar l-allinjament tal-Qafas Nazzjonali ta' Interoperabbiltà mal-Qafas Ewropew tal-Interoperabbiltà

5.4

L-għadd ta' negozji u entitajiet fis-settur pubbliku li użaw is-servizzi tal-Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali Ewropej.

ANNESS 3

Sinerġiji ma' programmi oħra tal-Unjoni

1 .

Is-sinerġiji ma' Orizzont Ewropa għandhom jiżguraw li:

(a)

Filwaqt li diversi oqsma tematiċi indirizzati mill-Ewropa Diġitali u minn Orizzont Ewropa jikkonverġu, it-tip ta' azzjonijiet li jridu jiġu appoġġati, l-outputs mistennija tagħhom u l-loġika ta' intervent tagħhom huma differenti u komplimentari;

(b)

Orizzont Ewropa se jipprovdi appoġġ estensiv għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku, id-dimostrazzjoni, il-pilotaġġ, il-prova tal-kunċett, l-ittestjar l-innovazzjoni inkluż l-iskjerament prekummerċjali ta' teknoloġiji diġitali innovattivi, b'mod partikolari permezz ta' (i) baġit iddedikat fil-pilastru l-Isfidi Globali għat-“Teknoloġija diġitali u l-industrija” biex jiżviluppa teknoloġiji abilitanti (l-Intelliġenza Artifiċjali u r-Robotika, Internet tal-Ġenerazzjoni li jmiss, il-Computing ta' Prestazzjoni Għolja u l-Big Data, Teknoloġiji Diġitali Ewlenin, li jikkombinaw it-teknoloġiji diġitali ma' teknoloġiji oħra); (ii) appoġġ għall-Infrastrutturi elettroniċi taħt il-pilastru tax-Xjenza Miftuħa; (iii) l-integrazzjoni tat-tekonolġija diġitali fl-Isfidi Globali kollha (is-saħħa, is-sigurtà, l-enerġija u l-mobbiltà, il-klima, eċċ.); u (iv) l-appoġġ għall-espansjoni tal-innovazzjonijiet rivoluzzjonarji taħt il-pilastru tal-Innovazzjoni Miftuħa (li ħafna minnhom se jgħaqqdu flimkien it-teknoloġiji diġitali u fiżiċi);

(c)

L-Ewropa Diġitali se jinvesti fi (i) il-bini ta' kapaċità diġitali fil-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, it-teknoloġija tar-reġistru distribwit, l-Intelliġenza Artifiċjali, it-teknoloġija tar-reġistru distribwit, iċ-Ċibersigurtà u l-ħiliet diġitali avvanzati; u (ii) l-iskjerament nazzjonali, reġjonali u lokali fil-qafas tal-UE ta' kapaċitajiet diġitali u l-aħħar teknoloġiji diġitali f'oqsma ta' interess pubbliku (bħas-saħħa, l-amministrazzjoni pubblika, il-ġustizzja u l-edukazzjoni) jew il-falliment tas-suq (bħad-diġitalizzazzjoni tan-negozji, b'mod partikolari intrapriżi żgħar u ta' daqs medju);

(d)

Il-kapaċitajiet u l-infrastrutturi tal-Ewropa Diġitali jsiru disponibbli għall-komunità ta' riċerka u innovazzjoni li jinkludu l-attivitajiet appoġġati minn Orizzont Ewropa inklużi l-ittestjar, l-esperimentazzjoni u d-dimostrazzjoni fis-setturi u d-dixxiplini kollha;

(e)

Billi l-iżvilupp ta' teknoloġiji diġitali ġodda jimmatura matul Orizzont Ewropa, dawn se jiġu akkwistati b'mod progressiv u użati mill-Ewropa Diġitali;

(f)

L-inizjattivi ta' Orizzont Ewropa għall-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi fil-kurrikuli, inklużi dawk imwassla fiċ-ċentri ta' kolokazzjoni tal-KIC-Digital tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, jiġu kkomplimentati mill-bini tal-kapaċitajiet appoġġati mill-Ewropa Diġitali f'ħiliet diġitali avvanzati;

(g)

Jiġu stabbiliti mekkaniżmi b'saħħithom ta' koordinazzjoni għall-programmazzjoni u l-implimentazzjoni filwaqt li jiġu allinjati l-proċeduri kollha għaż-żewġ programmi sa fejn ikun possibbli. L-istrutturi ta' governanza tagħhom se jinvolvi s-servizzi kkonċernati kollha tal-Kummissjoni.

2 .

Is-sinerġiji ma' programmi tal-Unjoni taħt ġestjoni kondiviża, inkluż il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), għandhom jiżguraw li:

(a)

Arranġamenti għal finanzjament komplimentari minn programmi tal-Unjoni taħt ġestjoni kondiviża u l-Programm Ewropa Diġitali jintużaw biex jappoġġaw attivitajiet li jipprovdu pont bejn l-ispeċjalizzazzjonijiet intelliġenti u l-appoġġ għat-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija u s-soċjetà Ewropej.

(b)

Il-FEŻR jikkontribwixxi għall-iżvilupp u t-tisħiħ reġjonali u lokali ta' ekosistemi ta' innovazzjoni, trasformazzjoni industrijali kif ukoll għat-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetà u tal-amministrazzjoni pubblika, b'hekk tiġi stimulata wkoll l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Tallinn dwar il-Gvern-e . Dan jinkludi l-appoġġ għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija u t-teħid tar-riżultati kif ukoll l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda u soluzzjonijiet innovattivi. Il-Programm Ewropa Diġitali se jikkomplimenta u jappoġġa n-netwerking transnazzjonali u l-immappjar tal-kapaċitajiet diġitali biex jagħmluhom aċċessibbli għall-SMEs u biex jagħmlu s-soluzzjonijiet interoperabbli tal-IT aċċessibbli għar-reġjuni kollha tal-UE.

3 .

Is-sinerġiji mal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) għandhom jiżguraw li:

(a)

Id-DEP tal-futur jiffoka fuq il-bini tal-kapaċitajiet u l-infrastruttura diġitali fuq skala kbira tal-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, l-Intelliġenza Artifiċjali, iċ-Ċibersigurtà u l-ħiliet diġitali avvanzati li jimmiraw lejn it-teħid u l-iskjerament wesgħin fl-Ewropa kollha tas-soluzzjonijiet innovattivi kritiċi eżistenti jew ttestjati fil-qafas tal-UE f'oqsma ta' interess pubbliku jew falliment tas-suq. Id-DEP hu prinċipalment implimentat permezz ta' investimenti kkoordinati u strateġiċi mal-Istati Membri, b'mod partikolari permezz ta' akkwist pubbliku konġunt, f'kapaċitajiet diġitali biex jiġu kondiviżi fl-Ewropa kollha u f'azzjonijiet li jappoġġaw l-interoperabbiltà u l-istandardizzazzjoni bħala parti mill-iżvilupp ta' Suq Uniku Diġitali.

(b)

Il-kapaċitajiet u l-infrastrutturi tal-Ewropa Diġitali jsiru disponibbli għall-iskjerament ta' teknoloġiji u soluzzjonijiet innovattivi ġodda fil-qasam tal-mobbiltà u t-trasport. Is-CEF tappoġġa l-introduzzjoni u l-iskjerament ta' teknoloġiji u soluzzjonijiet innovattivi ġodda fil-qasam tal-mobbiltà u t-trasport.

(c)

Se jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' koordinazzjoni b'mod partikolari permezz ta' strutturi xierqa ta' governanza.

4 .

Is-sinerġiji mal-InvestEU għandhom jiżguraw li:

(a)

Appoġġ skont ir-Regolament tal-Fond InvestEU permezz ta' finanzjament ibbażat fis-suq, inkluż billi jiġu segwiti l-objettivi ta' politika taħt dan il-Programm. Tali finanzjament ibbażat fuq is-suq jista' jiġi kkombinat ma' għotja ta' sostenn.

(b)

Aċċess għall-istrumenti finanzjarji mill-kumpaniji se tiġi ffaċilitata permezz tal-appoġġ ipprovdut mill-Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali.

5.

Is-sinerġiji ma' Erasmus għandhom jiżguraw li:

(a)

Il-Programm se jappoġġa l-iżvilupp u l-akkwist ta' ħiliet diġitali avvanzati meħtieġa għall-iskjerament ta' teknoloġiji avvanzati, bħalma huma l-intelliġenza artifiċjali jew il-computing ta' prestazzjoni għolja, f'kooperazzjoni mal-industriji rilevanti.

(b)

Il-ħiliet avvanzati ta' parti mill-programm Erasmus se jikkomplimentaw l-interventi tal-Ewropa Diġitali li jindirizzaw il-kisba ta' ħiliet fl-oqsma kollha u fil-livelli kollha, permezz ta' esperjenzi ta' mobbiltà.

5a.

Is-sinerġiji mal-Ewropa Kreattiva għandhom jiżguraw li:

(a)

is-sottoprogramm MEDIA ta' Ewropa Kreattiva jappoġġa inizjattivi li jistgħu jiġġeneraw impatt reali fuq is-setturi kulturali u kreattivi madwar l-Ewropa, b'hekk jgħinuhom jadattaw għat-trasformazzjoni diġitali.

(b)

Il-Programm Ewropa Diġitali, fost l-oħrajn, jipprovdi aċċess lill-kreaturi, lill-industrija kreattiva u lis-settur kulturali fl-Ewropa għall-aħħar teknoloġiji diġitali mill-intelliġenza artifiċjali għall-computing avvanzat.

6.

Għandhom ikunu żgurati sinerġiji ma Programmi u Inizjattivi oħra tal-UE dwar il-Kompetenzi/Ħiliet.

Top