IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.10.2018
COM(2018) 683 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċizjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea,fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness IX (Servizzi Finanzjarji) tal-Ftehim taż-ŻEE
ANNESS 2
DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE
Nru
tal-Anness IX emendatorju (Servizzi Finanzjarji) tal-Ftehim taż-ŻEE
IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea ("il-Ftehim ŻEE"), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,
Billi:
(1)Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE jenħtieġ li tiġi inkorporata fil-Ftehim taż-ŻEE.
(2)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 tal-14 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi jenħtieġ li jiġi inkorporat fil-Ftehim taż-ŻEE.
(3)Id-Direttiva (UE) 2015/849 tħassar id-Direttiva tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE, li huma inkorporati fil-Ftehim taż-ŻEE u li konsegwentement jeħtieġ li jitħassru skont il-Ftehim taż-ŻEE.
(4)L-Anness IX tal-Ftehim ŻEE għalhekk jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness XI tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:
1.It-test tal-punt 23b (id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) jinbidel b'dan li ġej:
‘32015 L 0849: Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).
Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandhom, għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, jinqraw bl-adattament li ġej:
(a)
Il-punt (d) tal-Artikolu 3(4) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:
“frodi li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, fejn tkun mill-inqas serja, kif definit hawn taħt:
(i)fir-rigward tal-infiq, kwalunkwe att jew ommissjoni intenzjonali li għandhom x'jaqsmu ma':
–l-użu jew il-preżentazzjoni ta' dikjarazzjonijiet jew dokumenti foloz, mhux korretti jew mhux kompluti, li jkollhom bħala effett l-approprjazzjoni jew iż-żamma bla dritt ta' fondi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew mill-baġits amministrati minn, jew f'isem, l-Unjoni Ewropea,
–in-nuqqas ta' divulgazzjoni ta' informazzjoni bi ksur ta' obbligu speċifiku, bl-istess effett,
–l-użu ħażin ta' tali fondi għal skopijiet oħra għajr dawk li għalihom ġew mogħtija oriġinarjament;
(ii)fir-rigward ta' dħul kif imfisser fid-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej kull att jew omissjoni maħsuba li għandhom x'jaqsmu ma':
–l-użu jew il-preżentazzjoni ta' dikjarazzjonijiet jew dokumenti foloz, mhux korretti jew mhux kompluti, li jkollhom bħala effett it-tnaqqis illegali tar-riżorsi tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropej jew ta' baġits amministrati minn, jew f'isem, l-Unjoni Ewropea,
–in-nuqqas ta' divulgazzjoni ta' informazzjoni bi ksur ta' obbligu speċifiku, bl-istess effett,
–l-użu ħażin ta' xi benefiċċju miksub legalment, bl-istess effett.
Frodi serju għandu jitqies bħala frodi li jinvolvi ammont minimu li ma jkunx stipulat bħala li jaqbeż l-EUR 50 000.”’
2.It-test tal-punt 23ba (id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE) għandu jinbidel b'dan li ġej:
‘32016 R 1675: Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 tal-14 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi (ĠU L 254, 20.9.2016, p. 1)
3.L-inċiż li ġej jiżdied mal-punt 31bc (ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):
‘-32015 L 0849: Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).’
Artikolu 2
It-testi tad-Direttiva (UE) 2015/849 u tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 bil-lingwa Iżlandiża u b'dik Norveġiża, li se jiġu ppubblikati fis-Suppliment dwar iż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi […], dment li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-President
Is-Segretarji
għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Dikjarazzjoni mill-Istati tal-EFTA
għad-Deċiżjoni Nru […] li tinkorpora d-Direttiva (UE) 2015/849 fil-Ftehim taż-ŻEE
[għall-adozzjoni mad-Deċiżjoni u għall-pubblikazzjoni fil-ĠU]
Id-Direttiva (UE) 2015/849 fiha dispożizzjonijiet b’referenzi għal atti adottati skont it-Titolu V tat-TFUE. Ta’ min ifakkar li l-inkorporazzjoni ta’ atti b’tali dispożizzjonijiet fil-Ftehim taż-ZEE hi bla ħsara għall-fehim li l-leġiżlazzjoni tal-UE adottata skont it-Titolu V TFUE taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE.
Dikjarazzjoni Konġunta mill-Partijiet Kontraenti
għad-Deċiżjoni Nru […] li tinkorpora d-Direttiva (UE) 2015/849 fil-Ftehim taż-ŻEE
[għall-adozzjoni mad-Deċiżjoni u għall-pubblikazzjoni fil-ĠU]
Il-partijiet Kontraenti qablu li jinkludu l-frodi serju li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea fil-lista ta’ reati predikati għall-ħasil tal-flus. Għal raġunijiet prattiċi, ir-Raba’ Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus (Direttiva (UE) 2015/849) ġiet inkorporata mingħajr ftehim reċiproku biex jipproteġi wkoll l-interessi finanzjarji tal-Istati tal-EFTA membri taż-ŻEE. Madankollu, il-prinċipji ta’ reċiproċità u l-omoġeneità kif stabbiliti fil-Ftehim taż-ŻEE, b’mod partikolari fil-Premessa 4 tiegħu u l-Artikolu 1, jibqgħu applikabbli bis-sħiħ ukoll għall-protezzjoni reċiproka kontra attività kriminali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Partijiet Kontraenti fit-tifsira ta’ [din id-Deċiżjoni].