IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.5.2018
COM(2018) 323 final
2018/0137(NLE)
Proposta għal
Ftehim Interistituzzjonali
bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba
IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U L-KUMMISSJONI EWROPEA,
minn hawn 'il quddiem imsejħa l-istituzzjonijiet,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
1.L-iskop ta’dan il-Ftehim, li ġie adottat skont l-Artikolu 295 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), huwa li tiġi implimentata d-dixxiplina baġitarja u jittejjeb il-funzjonament tal-proċedura baġitarja annwali u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet dwar kwistjonijiet baġitarji kif ukoll sabiex jiġi żgurat immaniġġjar finanzjarju tajjeb.
2.Id-dixxiplina baġitarja f’dan il-Ftehim tkopri n-nefqa kollha. Dan il-Ftehim jorbot l-istituzzjonijiet kollha interessati sakemm jibqa' jseħħ.
3.Dan il-Ftehim ma jbiddilx is-setgħat baġitarji rispettivi tal-istituzzjonijiet kif stabbilit mit-Trattati, fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru XXXX/20XX (“ir-Regolament QFP”)] u fir-Regolament (UE, Euratom) Nru XXXX/20XX] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ("ir-Regolament Finanzjarju")].
4.Kull emenda għal dan il-Ftehim tirrikjedi l-ftehim komuni tal-istituzzjonijiet kollha.
5.Dan il-Ftehim jikkonsisti fi tliet taqsimiet:
–
Il-Parti I fiha dispożizzjonijiet relatati mal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) u mal-istrumenti speċjali.
–
Il-Parti II hija relatata mal-kooperazzjoni interistituzzjonali waqt il-proċedura baġitarja.
–
Il-Parti III fiha dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi tal-Unjoni.
6.Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ fil-XX/XX/XXXX u jissostitwixxi l-Ftehim Interistituzzjonali tat 2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u t-tmexxija finanzjarja tajba.
PARTI I
QFP U STRUMENTI SPEĊJALI
A. Dispożizzjonijiet relatati mal-QFP
7.Għall-għanijiet ta' ġestjoni finanzjarja tajba, l-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw kemm jista’ jkun waqt il-proċedura baġitarja u fil-ħin tal-adozzjoni tal-baġit li jitħallew marġini suffiċjenti disponibbli taħt il-limiti għall-intestaturi diversi tal-QFP.
L-aġġornament tal-previżjonijiet għal approprjazzjonijiet ta' pagament wara l-2027
8.Fl-2024, il-Kummissjoni għandha taġġorna l-previżjonijiet għal approprjazzjonijiet ta' pagament wara l-2027.
Dan l-aġġornament għandu jqis l-informazzjoni kollha rilevanti, inkluż l-implimentazzjoni reali tal-approprjazzjonijiet tal-baġit għal impenji u approprjazzjonijiet baġitarji ta’ pagamenti, kif ukoll it-tbassir għall-implimentazzjonijiet. Għandu jqis ukoll ir-regoli mfassla biex jiżgura li l-approprjazzjonijiet ta' pagament jiżiluppaw b’mod ordnat meta mqabbla mal-approprjazzjonijiet ta' impenn u mat-tbassir tat-tkabbir tal-Introjtu Nazzjonali Gross tal-Unjoni.
B. Dispożizzjonijiet relatati mal-istrumenti speċjali
Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
9.Meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-immobilizzar tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, kif stabbilit fl-att bażiku legali, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta għal trasferiment għall-linji baġitarji rilevanti.
Trasferimenti relatati mal-Fond ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandhom isiru f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.
Il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea
10.Meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea kif stabbilit fl-att bażiku rilevanti, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta għal strument baġitarju xieraq f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.
Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza
11.Meta l-Kummissjoni tqis li jkun hemm bżonn li jsir rikors għar-Riżerva għal għajnuna f’emerġenza, għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta ta’ trasferiment mir-Riżerva għal-linji baġitarji korrispondenti, skont ir-Regolament Finanzjarju.
Strument ta' Flessibbiltà
12.Il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta għall-immobilizzar tal-Istrument ta' Flessibbiltà wara li tkun eżaminat il-possibbiltajiet kollha għall-allokazzjoni mill-ġdid tal-approprjazzjonijiet taħt l-intestatura li teħtieġ nefqa addizzjonali.
Il-proposta għandha tidentifika l-bżonnijiet li għadhom jiġu koperti u l-ammont. Proposta bħal din tista’ ssir b’rabta mal-abbozz ta' baġit jew mal-abbozz ta' baġit emendatorju.
L-Istrument ta’ Flessibbiltà jista’ jiġi mobilizzat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja stabbilita fl-Artikolu 314 TFUE.
Marġni ta' Kontinġenza
13.Il-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta' Kontinġenza, jew parti minnu, għandha tiġi proposta mill-Kummissjoni wara analiżi bir-reqqa tal-possibbiltajiet finanzjarji kollha l-oħra. Proposta bħal din tista’ ssir b’rabta mal-abbozz ta' baġit jew mal-abbozz ta' baġit emendatorju.
Il-Marġni ta' Kontinġenza jista’ jiġi mobilizzat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja stabbilita fl-Artikolu 314 TFUE.
PARTI II
TITJIB TAL-KOOPERAZZJONI INTERISTITUZZJONALI FI KWISTJONIJIET BAĠITARJI
A. Il-Proċedura ta’ Kooperazzjoni Interistituzzjonali
14.Id-dettalji ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali matul il-proċedura baġitarja huma stabbiliti fl-Anness.
Trasparenza Baġitarja
15.Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport annwali biex jakkumpanja l-baġit ġenerali tal-Unjoni, u tiġbor l-informazzjoni disponibbli u mhux kunfidenzjali marbuta ma’:
l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-Unjoni, inklużi dawk derivati minn operazzjonijiet mutwatarji u mutwanti mwettqa mill-Unjoni f’konformità mas-setgħat tagħha skont it-Trattati,
id-dħul, in-nefqa, l-attiv u l-passiv tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), tal-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (European Financial Stability Facility, EFSF), tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES), u ta' mekkaniżmi oħra possibbli futuri,
-
in-nefqa mġarrba mill-Istati Membri fil-qafas tal-kooperazzjoni msaħħa, sal-punt li ma tiġix inkluża fil-baġit ġenerali tal-Unjoni
B. L-inkorporazzjoni tad-dispożizzjonijiet finanzjarji f'atti leġiżlattivi
16.Kull att leġiżlattiv, li jikkonċerna programm pluriennali, adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja għandu jkun fih dispożizzjoni li fiha l-leġiżlatur jistabbilixxi l-pakkett finanzjarju għall-programm.
Dan l-ammont jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza primarja għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u l-Kummissjoni meta din tħejji l-abbozz tal-baġit, jintrabtu li ma jitbegħdux minn dak l-ammont b’aktar minn 15 % għall-medda kollha tal-programm ikkonċernat, sakemm ma jinqalgħux ċirkustanzi ġodda, oġġettivi u għat-tul li għalihom jingħataw raġunijiet espliċiti u preċiżi filwaqt li jiġu kkunsidrati r-riżultati li nġabru wara l-implimentazzjoni tal-programm, imsejsa b’mod partikolari fuq valutazzjonijiet. Kull żieda li tirriżulta minn varjazzjoni bħal din għandha tibqa’ taħt il-limitu massimu eżistenti għall-intestatura kkonċernata, mingħajr preġudizzju għall-użu ta’ strumenti msemmija fir-Regolament QFP u f'dan ir-Regolament.
Dan il-punt ma japplikax għall-approprjazzjonijiet għal koeżjoni adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u allokati minn qabel mill-Istati Membri, li fihom pakkett finanzjarju għal kemm idum il-programm u lanqas għal proġetti fuq skala kbira msemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament QFP.
17.Atti legalment vinkolanti tal-Unjoni li jirrigwardaw programmi pluriennali li mhumix suġġetti għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja ma għandux ikun fihom "ammont meqjus neċessarju".
Jekk il-Kunsill ikun jixtieq jinkludi ammont ta' referenza finanzjarja, dak l-ammont għandu jittieħed bħala li juri r-rieda tal-leġiżlatur u ma għandux jaffettwa s-setgħat baġitarji tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif stabbilit fit-TFUE. Għandha tiġi inkluża dispożizzjoni f'dan ir-rigward fl-atti legalment vinkolanti kollha tal-Unjoni li fihom ammont simili ta' referenza finanzjarja.
C. In-nefqa rigward ftehimiet dwar is-sajd
18.Nefqa fuq arranġamenti tas-sajd għandha tkun soġġetta għar-regoli speċifiċi li jmiss.
Il-Kummissjoni timpenja ruħha li jżomm lill-Parlament Ewropew informat regolarment dwar it-tħejjija u t-tmexxija tan-negozjati, inklużi l-implikazzjonijiet baġitarji tagħhom.
Fil-kors tal-proċedura leġiżlattiva marbuta mal-ftehimiet dwar is-sajd, l-istituzzjonijiet jimpenjaw ruħhom li jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li l-proċeduri kollha jitwettqu kemm jista' jkun malajr.
L-ammonti li hemm provvediment għalihom fil-baġit għal ftehimiet ġodda dwar is-sajd jew għat-tiġdid tal-ftehimiet tas-sajd li jidħlu fis-seħħ wara l-1 ta’ Jannar tas-sena finanzjarja kkonċernata għandhom jitpoġġew fir-riżerva.
Jekk l-approprjazzjonijiet li jirrelataw mal-ftehim dwar is-sajd (inkluża r-riżerva) jirriżultaw li ma jkunux biżżejjed, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-informazzjoni meħtieġa, dwar il-kawżi tas-sitwazzjoni, u l-miżuri li jistgħu jiġu adottati taħt il-proċeduri stabbiliti. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tipproponi miżuri xierqa.
Kull tlett xhur il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar is-sajd fis-seħħ u l-previżjonijiet finanzjarji għall-bqija tas-sena.
19.Mingħajr preġudizzju għall-proċedura rilevanti li tiggverna n-negozjati tal-ftehimiet dwar is-sajd, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom, fil-qafas ta’ kooperazzjoni baġitarja, li jaslu għal ftehim fil-ħin dwar l-iffinanzjar xieraq tal-ftehimiet dwar is-sajd.
D. Il-finanzjament tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK)
20.L-ammont totali tan-nefqa amministrattiva tal-PESK għandu jiddaħħal kollu kemm hu f’kapitoli tal-baġit wieħed, bit-titlu PESK. Dan l-ammont għandu jkopri l-bżonnijiet reali prevedibbli, evalwati fil-qafas tal-elaborazzjoni tal-abbozz ta' baġit, fuq il-bażi ta’ previżjonijiet imfassla kull sena “mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, (ir-“Rappreżentant Għoli”). Għandu jitħalla marġni raġonevoli biex ikopri azzjonijiet mhux previsti. L-ebda fondi ma jistgħu jiddaħħlu f'riżerva.
21.Fir-rigward tan-nefqa għall-PESK, li huwa addebitat lill-baġit ġenerali tal-Unjoni skont l-Artikolu 41 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, u fuq il-bażi tal-abbozz ta’ baġit stabbilit mill-Kummissjoni, għandhom jippruvaw li kull sena jaqblu dwar l-ammont ta' nefqa amministrattiva u dwar id-distribuzzjoni ta' dan l-ammont bejn l-artikoli tal-kapitolu baġitarju tal-PESK. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim, huwa mifhum li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom idaħħlu fil-baġit l-ammont li jidher fil-baġit preċedenti jew l-ammont propost fl-abbozz tal-baġit, skont liema minnhom huwa l-aktar baxx.
L-ammont totali ta’ nefqa amministrattiva tal-PESK għandha titqassam bejn l-artikoli tal-kapitolu tal-baġit tal-PESK kif issuġġerit fit-tielet paragrafu. Kull artikolu għandu jkopri azzjonijiet diġà adottati, azzjonijiet li huma previsti iżda li għadhom ma ġewx adottati u ammonti għal azzjonijiet futuri – jiġifieri mhux imbassra – li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill matul is-sena finanzjarja in kwistjoni.
Fil-kapitolu dwar l-estimi għall-PESK, l-artikoli li fihom jistgħu jiddaħħlu l-azzjonijiet PESK jistgħu jaqraw skont dawn il-linji li ġejjin:
-
missjonijiet ewlenin individwali kif imsemmija fl-Artikolu 52(1)(f) tar-Regolament Finanzjarju,
-
missjonijiet oħra (għal operazzjonijiet tal-ġestjoni tal-kriżi, prevenzjoni tal-kunflitt, riżoluzzjoni u stabbilizzazzjoni, u monitoraġġ u implimentazzjoni ta’ proċessi ta’ paċi u sigurtà),
-
nonproliferazzjoni u diżarm,
-
miżuri ta’ emerġenza,
-
miżuri ta’ tħejjija u ta’ segwitu,
-
Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni Ewropea.
Billi, skont ir-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni għandha l-awtorità, li b'mod awtonomu tittrasferixxi approprjazzjonjiet bejn l-artikoli fil-kapitolu tal-baġit PESK, il-flessibbiltà li titqies meħtieġa għall-implimentazzjoni minnufih tal-azzjonijiet CFSP għandha tkun żgurata skont dan. Fil-każ li l-ammont tal-kapitolu tal-baġit tal-PESK waqt is-sena finanzjarja ma jkunx biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż neċessarji, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ifittxu soluzzjoni b'urġenza, fuq proposta tal-Kummissjoni.
22.Kull sena, ir-Rappreżentant Għoli għandu jikkonsulta lill-Parlament Ewropew dwar dokument li jħares 'il quddiem li għandu jiġi trażmess sal-15 ta’ Ġunju tas-sena inkwistjoni, u jistabbilixxi aspetti ewlenin u għażliet bażiċi tal-PESK, inklużi l-implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, evalwazzjoni tal-miżuri mnedija fis-sena n-1 u valutazzjoni tal-koordinazzjoni u kumplimentarjetà tal-PESK mal-istrumenti finanzjarji esterni l-oħra tal-Unjoni. Barra minn hekk, ir-Rappreżentant Għoli għandu jżomm lill-Parlament Ewropew informat b’mod regolari billi jagħmel laqgħat konġunti ta’ konsultazzjoni mill-anqas ħames darbiet f’sena, fil-qafas tad-djalogu politiku regolari dwar il-PESK, li għandu jiġi miftiehem mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru kull sena. Il-parteċipazzjoni f’dawn il-laqgħat għandha tiġi determinata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill rispettivament, meta jiġi kkunsidrat l-objettiv u n-natura tal-informazzjoni skambjata f’dawn il-laqgħat.
Il-Kummissjoni għandha tiġi mistiedna tipparteċipa f’dawn il-laqgħat.
Jekk il-Kunsill jadotta deċiżjoni fil-qasam tan-nefqa li tinvolvi l-PESK, ir-Rappreżentant Għoli għandu minnufih u f'kull każ jibgħat lill-Parlament Ewropew stima tal-ispejjeż previsti ("prospett finanzjarju") mhux aktar tard minn ħamest’ijiem tax-xogħol wara, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw termini ta' perjodu, persunal impjegat, użu ta' bini u infrastrutturi oħra, faċilitajiet ta' trasport, ħtiġijiet għat-taħriġ u arranġamenti dwar is-sigurtà.
Darba kull tliet xhur il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-PESK u t-tbassir finanzjarju għall-bqija tas-sena finanzjarja.
E. L-involviment tal-istruzzjonijiet fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ politika tal-iżvilupp
23.Il-Kummissjoni għandha twaqqaf djalogu informali mal-Parlament Ewropew dwar kwistjonijiet ta’ politika tal-iżvilupp irrelevantement mis-sors ta’ finanzjament tagħhom.
PARTI III
ĠESTJONI FINANZJARJA TAJBA TAL-FONDI TAL-UNJONI
A. Ipprogrammar Finanzjarju
24.Il-Kummissjoni darbtejn f’sena għandha tippreżenta pprogrammar finanzjarju komplut għall-intestaturi I, II (ħlief għas-sottolimitu għal “koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali”), III (għal “ambjent u klima” u “marittimu u sajd”), IV, V u VI tal-QFP, l-ewwel darba b’dokumenti li jakkumpanjaw l-abbozz ta' baġit u t-tieni darba wara l-adozzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Dan l-ipprogrammar, strutturat skont l-intestatura, qasam politiku u linja baġitarja, jinħtieġ li jidentifika:
(a)Il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, b’distinzjoni bejn programmi pluriennali u azzjonijiet annwali:
–Għal programmi pluriennali, jinħtieġ li l-Kummissjoni tindika l-proċedura li skontha ġew adottati (proċedura leġiżlattiva ordinarja jew proċedura leġiżlattiva speċjali), it-tul tagħhom, il-pakkett finanzjarju totali u s-sehem allokat għan-nefqa amministrattiva,
–għal azzjonijiet annwali (relatati ma’ proġetti pilota, azzjonijiet preparatorji u aġenziji) u azzjonijiet iffinanzjati skont il-prerogattivi tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni jinħtieġ li tipprovdi estimi pluriennali.
(b)Proposti leġiżlattivi pendenti: Proposti leġiżlattivi li għaddejjin, bl-aħħar aġġornament.
Jinħtieġ li l-Kummissjoni tqis modi ta’ kontroreferenzjar tal-ipprogrammar finanzjarju l-ipprogrammar finanzjarju tagħha li għandu jipprovdi tbassir aktar preċiż u affidabbli. Għal kull proposta leġiżlattiva, jinħtieġ li l-Kummissjoni tindika jekk hijiex inkluża fl-ipprogrammar ikkomunikat fil-ħin tal-Abbozz ta' Baġit jew wara l-adozzjoni finali tal-Baġit. Jinħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jiġu infurmati b’mod partikolari:
(a)bl-atti leġiżlattivi kollha ġodda adottati u l-proposti pendenti kollha ppreżentati li iżda mhumiex inklużi fl-ipprogrammar ikkomunikat fiż-żmien tal-Abbozz ta’ Baġit jew wara l-adozzjoni finali tal-Baġit (bl-ammonti korrispondenti);
(b)bil-leġiżlazzjoni prevista fil-programm ta' ħidma annwali leġiżlattiv tal-Kummissjoni, b’indikazzjoni ta’ jekk l-azzjonijiet humiex probabbli li jkollhom impatt finanzjarju.
Kull fejn ikun meħtieġ, jinħtieġ li l-Kummissjoni tindika l-ipprogrammar li jirriżulta mill-ġdid mill-proposti leġiżlattivi l-ġodda.
B. Aġenziji u skejjel Ewropej
25.Qabel ma tippreżenta proposta għall-ħolqien ta’ aġenzija ġdida, jinħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi valutazzjoni tal-impatt tajba, kompleta u oġġettiva, filwaqt li tikkunsidra fost oħrajn il-massa kritika tal-persunal u tal-kompetenzi, aspetti tal-kost-benefiċċji, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, l-impatt fuq l-attivitajiet nazzjonali u tal-Unjoni u l-implikazzjonijiet baġitarji għall-intestatura ta’ nefqa kkonċernata. Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni u mingħajr preġudizzju għall-proċedura rilevanti li tiggverna t-twaqqif tal-aġenzija, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom, fil-qafas ta’ kooperazzjoni baġitarja, li jaslu għal ftehim fil-ħin dwar l-iffinanzjar fuq l-aġenzija proposta.
Għandhom jiġu applikati l-passi proċedurali li jmiss:
-
l-ewwel nett, b’mod sistematiku, il-Kummissjoni għandha tippreżenta kull proposta għat-twaqqif ta’ aġenzija ġdida lill-ewwel trilogu li jsegwi l-adozzjoni tal-proposta tagħha, u għandha tippreżenta l-abbozz ta’ att legali li jipproponi l-ħolqien tal-aġenzija u għandha tispjega l-konsegwenzi tiegħu għall-bqija tal-perjodu tal-ipprogrammar finanzjarju;
-
It-tieni nett, matul il-proċess leġiżlattiv, il-Kummissjoni għandha tassisti lil-leġislatur fil-valutazzjoni tal-konsegwenzi finanzjarji tal-emendi proposti. Jinħtieġ li dawn il-konsegwenzi finanzjarji jiġu kkunsidrati matul it-trilogi leġiżlattivi rilevanti,
-
it-tielet, qabel il-konklużjoni tal-proċess leġiżlattiv, il-Kummissjoni għandha tippreżenta dikjarazzjoni finanzjarja aġġornata li tqis il-modifiki potenzjali li jsiru mil-leġiżlatur; din id-dikjarazzjoni finanzjarja finali għandha titqiegħed fuq l-aġenda tat-trilogu leġiżlattiv finali u tiġi approvata formalment mil-leġiżlatur. Għandha titqiegħed ukoll fuq l-aġenda tat-trilogu baġitarju sussegwenti (f'każijiet urġenti, f'forma simplifikata), bil-għan li jintlaħaq qbil dwar il-finanzjament;
-
ir-raba', il-qbil milħuq waqt trilogu, b'kont meħud tal-valutazzjoni baġitarja tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kontenut tal-proċess leġiżlattiv, għandu jiġi kkonfermat f'dikjarazzjoni konġunta. Dan il-ftehim għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kull wieħed f'konformità mar-regoli ta ' proċedura tiegħu.
L-istess proċedura għandha tiġi applikata fil-każ ta’ xi emenda għal att legali li jikkonċerna aġenzija, li jista' jkollha impatt fuq ir-riżorsi tal-aġenzija kkonċernata.
Jekk il-ħidma ta’ aġenzija tiġi mmodifikata b’mod sostanzjali mingħajr ma ssir emenda fl-att legali li jistabbilixxi l-aġenzija kkonċernata, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill permezz ta’ rendikont finanzjarju rivedut, sabiex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jilħqu ftehim f’waqtu dwar l-iffinanzjar tal-aġenzija.
26.Id-dispożizzjonijiet rilevanti mill-Approċċ Komuni anness mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati ffirmata fid-19 ta ' Lulju 2012 jinħtieġ li jitqiesu b'mod xieraq fil-proċedura baġitarja.
27.Meta jkun previst il-ħolqien ta’ Skola Ewropea ġdida mill-Bord tal-Gvernaturi, għandha tiġi applikata, mutatis mutandis, proċedura simili għall-implikazzjonijiet baġitarji tagħha fuq il-baġit ġenerali tal-Unjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Għall-Kummissjoni
Il-President
Il-President
Il-President