IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.9.2018
COM(2018) 647 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Attur dinji aktar b'saħħtu: teħied tad-deċiżjonijet aktar effiċjenti għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018DC0647
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN COUNCIL, THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL A stronger global actor: a more efficient decision-making for EU Common Foreign and Security Policy
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Attur dinji aktar b'saħħtu: teħied tad-deċiżjonijet aktar effiċjenti għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Attur dinji aktar b'saħħtu: teħied tad-deċiżjonijet aktar effiċjenti għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE
COM/2018/647 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.9.2018
COM(2018) 647 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Attur dinji aktar b'saħħtu: teħied tad-deċiżjonijet aktar effiċjenti għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE
1.Daħla
Matul l-aħħar 60 sena, il-passi li saru lejn l-integrazzjoni Ewropea ħolqu destin komuni għaċ-ċittadini tal-Unjoni. Il-kwistjoni li qed tiffaċċja l-Ewropa hija waħda sempliċi: jekk l-Ewropej humiex se jiddeċiedu huma stess dwar id-destin komuni tagħhom, jew jekk hux se jkun ħadd ieħor li jiddeċiedi dwar dak id-destin. Jekk l-Unjoni Ewropea tixtieqx tkun pilastru fl-ordni globali multipolari li qed jinħoloq jew jekk hix se tikkuntenta li tinġarr minnu.
L-isfidi li qed tiffaċċja l-Ewropa llum mhumiex se jogħsfru fix-xejn. Il-kompetizzjoni globali se tiħrax. Il-pass tal-bidla teknoloġika se jiżdied. L-instabbiltà ġeopolitika se tiżdied. L-effetti tat-tibdil fil-klima se jinħassu. Ix-xejriet demografiċi jfissru li l-migrazzjoni lejn l-UE se tkompli għaddejja.
Id-dikjarazzjoni ta’ Ruma tal-2017 1 , adottata fl-okkażjoni tas-60in anniversarju mit-Trattat ta’ Ruma, għarfet il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tkun aktar b’saħħitha. Il-Mexxejja enfasizzaw b’mod partikolari li l-UE għandha ssir attur globali aktar b’saħħtu. Trid tkun kapaċi ssawwar aktar l-avvenimenti globali u trid tkun mgħammra aħjar biex iġġorr ir-responsabbiltajiet internazzjonali. L-Unjoni Ewropea trid iżżid il-kapaċità tagħha li “taġixxi b’mod kredibbli fix-xena dinjija” (“Weltpolitikfähigkeit”) 2 . Din il-Komunikazzjoni hija kontribut għad-dibattitu bejn il-Mexxejja li se jsir fil-laqgħa tagħhom f’Sibiu fid-9 ta’ Mejju 2019.
Fid-dinja kumplessa, konnessa u kontestata tal-lum 3 , l-UE trid tipproteġi liċ-ċittadini tagħha, tippromwovi l-valuri u l-interessi tagħha, issostni l-ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli u tesporta l-istabbiltà lejn il-viċinat tagħha u lil hinn. L-UE trid ukoll tkun kapaċi twieġeb għall-aspettattivi ta’ pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali u atturi internazzjonali oħra jekk trid li jkollha rwol fl-indirizzar tal-isfidi reġjonali u globali.
L-ebda Stat Membru ma jista’ jilqa’ dawn l-isfidi jew jisfrutta dawn l-opportunitajiet waħdu. L-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jiġbru flimkien is-saħħa tagħhom fil-promozzjoni tal-interessi u tal-valuri komuni.
Fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2018, il-President Juncker identifika għadd ta’ politiki li jridu jiġu segwiti għal dan l-għan. L-UE trid taħdem aktar mill-qrib mas-sħab tagħha madwar id-dinja. Għandha żżid is-sħubija tagħha mal-Afrika, b’mod partikolari bit-tnedija ta’ Alleanza għal investimenti u impjiegi sostenibbli. L-UE trid tkun kapaċi toqgħod fuq saqajha waħedha. Pereżempju, trid issaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro. L-UE trid titkellem ukoll b’leħen wieħed, ċar u b’saħħtu bi tweġiba għal avvenimenti internazzjonali.
Biex tilħaq dawn l-għanijiet u ssir attur globali aktar b’saħħtu, l-UE trid tgħammar lilha nnifisha bl-istrumenti meħtieġa, b’mod partikolari billi t-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha jsir aktar effiċjenti.
Għal dan il-għan, fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017, il-President Juncker issuġġerixxa li l-Istati Membri għandhom “jaraw liema deċiżjonijiet ta’ politika barranija jistgħu jinbidlu minn unanimità għal votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata” 4 . Dan jista’ jsir fuq il-bażi tat-Trattati kif inhuma.Id-Dikjarazzjoni ta' Meseberg ta’ Ġunju 2018 dwar it-Tiġdid tal-wegħdiet ta’ sigurtà u prosperità tal-Ewropa, bil-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel u mill-President Franċiż Emmanuel Macron, indirizzat l-istess kwistjoni. Din id-dikjarazzjoni sejħet biex “jiġu miflija modi ġodda kif tista’ tiżdied il-ħeffa u l-effikaċja tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE fil-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tagħna” u “jiġu esplorati l-possibilitajiet tal-użu tal-vot tal-maġġoranza fil-qasam tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni fi ħdan il-qafas ta’ dibattitu aktar wiesa’ fuq vot maġġoritarju rigward il-politiki tal-UE.” 5 .
Din id-diskussjoni ilha għaddejja ħafna żmien. L-UE mxiet gradwalment mill-unanimità għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata diversi drabi fl-istorja tagħha. Il-maġġoranza kwalifikata, li ddaħħlet għall-ewwel darba permezz tal-Att Uniku Ewropew 6 , illum hija r-regola standard ta’ votazzjoni għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, inkluż fil-qasam tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni. Ir-raġuni biex l-unanimità tiġi ssostitwita bil-maġġoranza kwalifikata hija sempliċi, konvinċenti u dejjem kienet l-istess. L-Istati Membri għarfu li meta jintlaħaq ċertu livell ta’ ambizzjoni f’qasam ta’ politika partikolari, jiġi mument meta r-regola tal-unanimità xxekkel il-progress u f’xi każijiet tipprevjeni lill-UE milli taġġusta għar-realtajiet li jkun qed jinbidlu. F’dan is-sens, kull pass lejn il-maġġoranza kwalifikata kien pass kbir ’il quddiem għall-UE.
Il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata, li hija bbażata fuq il-kultura tal-kompromess, tiftaħ aktar spazju għal diskussjoni u għal riżultati prammatiċi li jirriflettu l-interessi ta’ kulħadd. Għalhekk, it-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod flessibbli, effiċjenti u b’ħeffa, ippermetta lill-Unjoni ssir referenza u standard globali f’oqsma ta’ politika bħall-protezzjoni ambjentali u tal-konsumatur, il-protezzjoni tad-data kif ukoll tal-kummerċ ħieles u ġust.
L-UE qed issir attur dinji dejjem aktar importanti u titqies minn bosta madwar id-dinja bħala l-aqwa difensur tal-valuri universali. Mill-iffaċilitar tan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn Belgrad u Pristina, ir-reazzjoni għall-ksur tad-dritt internazzjonali mill-Federazzjoni Russa fil-penisula tal-Krimea u fil-Lvant tal-Ukraina, il-bidu tan-negozjati u s-senserija tagħhom fir-rigward tal-programm nukleari Iranjan, l-Unjoni appoġġat b’mod konsistenti l-paċi u l-prosperità fil-viċinat tagħha u lil hinn minnu.
Madankollu, iktar votazzjonijiet b’maġġoranza kwalifikata jkunu ta’ benefiċċju għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-loġika għal teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod aktar effiċjenti f’xi oqsma tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, tesplora l-possibbiltajiet li jeżistu fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea biex isir dan u tidentifika oqsma konkreti u fattibbli, fejn il-Kunsill jista’ jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata minflok ma’ jippersisti bl-unanimità. L-ispeċifiċitajiet tal-politika estera huma riflessi fit-Trattati. Jeżistu salvagwardji mfassla apposta u se jkomplu japplikaw. Fi stadju aktar tard, il-Kummissjoni tista’ tesplora kif votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata tista’ tintuża biex isaħħaħ aktar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi.
2.Ir-raġunijiet favur aktar votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni
Fil-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, il-biċċa l-kbira tad-deċiżjonijiet tal-UE jiġu adottati b’unanimità. Normalment, dan ma impedixxiex lill-Unjoni milli tkun attiva u milli tieħu pożizzjonijiet qawwija fi kwistjonijiet ta’ politika barranija. Iżda dan affettwa dejjem aktar il-ħeffa u l-ħila tal-UE li taġixxi fl-arena dinjija. Fil-politika internazzjonali, iż-żmien huwa essenzjali u l-kredibbiltà ta’ attur internazzjonali tiddependi fuq il-kapaċità tiegħu li jirreaġixxi malajr u b’mod koerenti għall-kriżijiet u l-avvenimenti internazzjonali. Bl-istess mod, is-saħħa, l-effettività u l-impatt ta’ attur globali jiddependu fuq il-ħila tiegħu li jaġixxi b’mod konsistenti u effiċjenti fix-xena internazzjonali u f’fora globali.
Mit-Trattat ta’ Maastricht tal-1992, fejn l-Istati Membri taw is-setgħa lill-Unjoni għall-ewwel darba biex taġixxi fi kwistjonijiet ta’ politika barranija u ta’ sigurtà, sar progress konsiderevoli permezz tal-iżvilupp sostanzjali tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-UE u tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni. Madankollu, għad hemm każijiet fejn l-UE ma jirnexxilhiex tasal għal pożizzjonijiet komuni, jew inkella ma jkunux sodi jew fil-pront biżżejjed (ara t-taqsima 3).
Dawk il-każijiet għandhom kost politiku reali għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha: L-istituzzjonijiet tal-UE ma jkunux jistgħu jaġixxu b’mod deċiżiv, l-Istati Membri li huma aktar attivi internazzjonalment jiġu limitati biex jirrappreżentaw il-pożizzjonijiet individwali tagħhom minflok il-piż kombinat ta’ 28, u l-Istati Membri li ma għandhomx siġġu mal-mejda tan-negozjati ma jkunux jistgħu jeżerċitaw influwenza diretta fuq il-kwistjoni involuta.
Il-fatt li tali każijiet għadhom iseħħu juri li r-regola tal-unanimità timpedixxi lill-Unjoni milli tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha fil-politika barranija. F’perspettiva tal-2025, se jkun essenzjali li dawn il-limiti jingħelbu minħabba t-tkabbir possibbli tal-UE. L-UE trid tkun aktar b’saħħitha u aktar soda, qabel ma tista’ tkun akbar 7 .
Fil-ġejjieni, għalhekk, ċerti deċiżjonijiet tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni għandhom jittieħdu b’maġġoranza kwalifikata. L-użu tal-maġġoranza kwalifikata jista’ jagħmel l-Unjoni attur internazzjonali aktar b’saħħtu, aktar effettiv u aktar kredibbli, peress li jista’ jagħmilha aktar faċli għall-Unjoni:
·Li taġixxi fix-xena globali fuq il-bażi ta’ pożizzjonijiet sodi u konsistenti;
·Li tirreaġixxi b’ħeffa u effiċjenza għal sfidi tal-politika barranija pressanti, kemm fejn hemm bżonn li tiġi stabbilita pożizzjoni ġdida u kemm fl-implimentazzjoni ta’ strateġija miftiehma;
·Biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE billi tipproteġi lill-Istati Membri milli jitpoġġew taħt pressjoni mmirata minn pajjiżi terzi li jippruvaw jifirdu l-UE.
Meħuda flimkien, dawn għandhom jgħinu lill-Unjoni tuża l-piż tagħha, għax meta taġixxi flimkien dan il-piż ikun aktar mis-somma tal-partijiet tagħha. L-esperjenza minn oqsma oħra ta’ politika fejn il-maġġoranza kwalifikata hija r-regola turi li l-maġġoranza kwalifikata trawwem soluzzjonijiet komuni. Il-prattika wriet li fejn tapplika l-maġġoranza kwalifikata, fil-fatt il-biċċa l-kbira tad-deċiżjonijiet jittieħdu b’kunsens. Il-prospett ta’ vot b’maġġoranza kwalifikata huwa katalist qawwi sabiex l-atturi kollha jagħmlu sforz biex jintlaħqu kompromessi, riżultat aċċettabbli għal kulħadd billi wieħed jasal għal kunsens effettiv, u jikseb l-unità. Sforz biex jintlaħaq ftehim ifisser pussess akbar tad-deċiżjonijiet meħuda, li għandhom jiġu implimentati fi “spirtu ta’ lealtà u solidarjetà reċiproka” 8 .
Barra minn hekk, b’riflessjoni tal-ispeċifiċitajiet tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, u sabiex jiġu protetti l-interessi u l-prerogattivi ewlenin tal-Istati Membri, it-Trattat jipprevedi salvagwardji importanti f’każ li tintuża’ l-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata (ara t-taqsima 4).
Meta wieħed iqis il-kultura ta’ kompromess tal-UE, u meta jitqiesu dawn is-salvagwardji, il-maġġoranza kwalifikata tiffunzjona tajjeb fil-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni daqstant ieħor kif tiffunzjona tajjeb f’oqsma oħra tal-politika tal-UE.
|
L-eżempju tal-Politika Kummerċjali Il-politika kummerċjali hija qasam fejn tapplika l-maġġoranza kwalifikata 9 . Hija politika tal-UE li fiha l-Kunsill ta’ spiss jieħu deċiżjonijiet. Madankollu, minkejja l-eżistenza ta’ interessi ekonomiċi nazzjonali diverġenti, sal-ġurnata tal-lum il-Kunsill kważi qatt ma wasal sa vot formali. L-Istati Membri dejjem ippreferew jiddeċiedu b’kunsens. Dak li ppredomina huwa l-interess komuni tal-Unjoni, li huwa aktar mis-somma tal-interessi tal-Istati Membri miġbura flimkien. U dan wassal biex l-UE tkun f’pożizzjoni li tirrealizza l-potenzjal kollu tagħha fil-kummerċ dinji. |
Aktar votazzjonijiet b’maġġoranza kwalifikata fihom infushom mhux se jsolvu l-problemi kollha li qed tiffaċċja l-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni. Jifdal sfidi oħrajn, bħat-trawwim ta’ konverġenza akbar bejn l-interessi tal-Istati Membri u l-ħolqien ta’ kultura ta’ politika barranija komuni. Dan huwa l-għan ewlieni tal-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà, milqugħa tajjeb mill-Istati Membri kollha. Maż-żmien, madankollu, il-bini ta’ pożizzjonijiet tal-UE permezz tal-proċess prammatiku li tinċentiva l-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata, jista’ wkoll jgħin biex b’mod progressiv jitrawwem sens ta’ skop u interessi komuni li l-Istati Membri kollha jkunu kuntenti jsegwu. Hemm ukoll sfida biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jimplimentaw u jiddefendu b’mod effettiv il-pożizzjonijiet maqbula fil-Kunsill fir-relazzjonijiet bilaterali tagħhom ma’ pajjiżi terzi. L-ambizzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni għandhom jiġu riflessi wkoll fil-kapaċità baġitarja tal-Unjoni fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.
3.Eżempji fejn ir-regola tal-unanimità ddgħajjef il-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni tal-UE
F’dawn l-aħħar snin ittieħdu ħafna deċiżjonijiet importanti fil-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni. Barra minn hekk, l-Unjoni użat strumenti oħra tal-politika esterna tagħha biex tippromwovi l-valuri tagħha madwar id-dinja u għamlet dan billi użat il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata.
|
Eżempji ta’ atti tal-UE li jippromwovu l-valuri tagħha fir-relazzjonijiet esterni tagħha rregolati bil-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata ·Il-preferenzi kummerċjali jingħataw lil pajjiżi terzi skont is-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi. Il-pajjiżi li ma jirrispettawx id-drittijiet bażiċi tal-bniedem jista' jkollhom dawn il-preferenzi sospiżi, b’konsegwenzi ekonomiċi kbar. L-UE ssospendiet jew irtirat il-preferenzi kummerċjali taħt din is-sistema mill-Myanmar, il-Belorussja u s-Sri Lanka wara ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. ·L-oqfsa ġuridiċi tal-UE kemm dwar il-kontrolli fuq l-esportazzjoni ta’ strumenti użati għat-tortura u għall-piena tal-mewt u fuq oġġetti b’użu doppju jiġu adottati b’maġġoranza kwalifikata. |
Kien hemm eżempji fejn minħabba l-użu tal-unanimità, deċiżjonijiet tal-UE dwar kwistjonijiet importanti tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, b’mod partikolari dwar id-drittijiet tal-bniedem, sanzjonijiet tal-UE jew reġjuni ewlenin ta’ interess għall-UEġew imbblukkati, meħuda bil-mod wisq jew imdgħajfa. Dawn il-każijiet juru l-ħtieġa li tiżdied l-effiċjenza tal-Unjoni fil-politika estera tagħha.
|
Każijiet fejn l-unanimità impedixxiet jew ittardjat b’mod sostanzjali jew ħalliet impatt negattiv fuq is-sustanza tad-deċiżjonijiet tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni Id-Drittijiet tal-Bniedem Wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Unjoni huwa li tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem. F’dawn l-aħħar snin kien hemm ċerti każijiet, fejn Stat Membru jew diversi Stati Membri, għal raġunijiet mhux relatati mad-drittijiet tal-bniedem, dewmu, imblokkaw jew naqqsu l-impatt tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni. Dan seħħ kemm fil-qafas tar-relazzjonijiet bilaterali tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi kif ukoll f’organizzazzjonijiet internazzjonali. Kull wieħed minn dawn il-każijiet dgħajjef l-abbiltà tal-Unjoni biex tippromwovi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fuq livell internazzjonali, kellu impatt negattiv fuq il-kredibbiltà tagħha u waqqafha milli tilħaq l-objettivi tagħha. ·Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti f’Ġinevra huwa l-forum ewlieni globali fejn jiġu diskussi d-drittijiet tal-bniedem. Il-programm tiegħu huwa strutturat fuq għaxar (10) punti. Is-sitwazzjonijiet l-aktar importanti marbuta ma’ pajjiż speċifiku huma diskussi taħt il-Punt 4. F’Ġunju 2017, l-UE ma setgħetx għall-ewwel darba tagħmel Dikjarazzjoni dwar il-Punt 4 fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan seħħ minħabba oġġezzjonijiet minn għadd limitat ta’ Stati Membri, li ma kinux ipoġġu f’dubju s-sustanza tal-valutazzjonijiet li saru. L-Istati Membri opponew referenzi espliċiti għal żewġ pajjiżi terzi li l-Istati Membri l-oħra kollha riedu jsemmu minħabba r-rekord tagħhom tad-Drittijiet tal-Bniedem. Peress li dan l-istaġnar ma ngħelibx l-UE spiċċat biex ma semmgħetx leħinha. ·F’Settembru 2017, Stat Membru dewwem b’mod sostanzjali l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma Strateġika tal-UE għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u d-Dikjarazzjoni tal-UE dwar il-Punt 4 minħabba kwistjoni speċifika ma’ Stat terz. F’Ottubru, l-istess Stat Membru mblokka l-abbozz tad-Dikjarazzjoni tal-UE li se tiġi ppreżentata quddiem it-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, u dan wassal biex iġiegħel lill-oħrajn kollha jaċċettaw dik li ġeneralment kienet meqjusa bħala referenza sproporzjonata għal każ speċifiku kemm fis-sustanza kif ukoll fit-tul meta mqabbel mar-referenzi l-oħra kollha fid-Dikjarazzjoni. ·Fi Frar 2018, għadd ta’ oġġezzjonijiet iżolati minn għadd limitat ta’ Stati Membri ttardjaw b’mod sostanzjali u fl-aħħar mill-aħħar ġiegħlu lill-oħrajn kollha jaċċettaw li jnaqqsu s-saħħa tal-adozzjoni tal-prijoritajiet annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li għandhom jiġu segwiti mill-UE fil-fora tan-Nazzjonijiet Uniti. ·Diffikultajiet bħal dawn inħolqu wkoll fir-relazzjonijiet bilaterali tal-UE ma’ pajjiżi terzi. Fl-isfond ta’ liġi ġdida li tirrestrinġi severament l-ispazju għall-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi fl-Eġittu, għadd limitat ta’ Stati Membri mblukkaw u fl-aħħar mill-aħħar marru sostanzjalment kontra x-xewqa tal-Istati Membri l-oħra kollha li jinkludu lingwaġġ ċar fl-abbozz tal-Prijoritajiet tas-Sħubija tal-UE mal-Eġittu fir-rigward tar-rispett għad-Drittijiet tal-Bniedem u s-Soċjetà Ċivili. B’riżultat ta’ dan, il-qafas tar-relazzjonijiet bilaterali mal-Eġittu ma setax jiġi mġedded fil-ħin u kien għadu mhux lest sal-bidu tal-2017. Stqarrijiet oħra tal-politika estera tal-UE ·F’Lulju 2016, l-UE ma setgħetx tappoġġa b’ħeffadeċiżjoni ta’ tribunal tal-arbitraġġ skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina minħabba l-oġġezzjoni minn għadd limitat ta’ Stati Membri, mhux relatati mad-deċiżjoni inkwistjoni. Fl-aħħar, wara bosta jiem ta’ negozjati intensi, intlaħaq qbil dwar dikjarazzjoni. Madankollu, filwaqt li l-UE irnexxielha, tard, issejjaħ biex jiġi rrispettat id-dritt internazzjonali, ma setgħetx titlob li d-deċiżjoni tiġi implimentata. Dan kien partikolarment problematiku fid-dawl tas-Samit bejn l-UE u ċ-Ċina u tas-Samit tal-Laqgħa Asja Ewropa (ASEM) li kienu qed iseħħu b’mod parallel. ·F’Diċembru 2017 u f’Mejju 2018, ir-rekwiżit tal-unanimità dwar kull aspett ta’ abbozzi komprensivi żamm lill-UE milli toħroġ dikjarazzjonijiet unifikati dwar l-iżviluppi fir-rigward ta’ Ġerusalemm, minkejja l-qbil kontinwu tal-Istati Membri dwar pożizzjoni antika u stabbilita sew dwar l-istatus ta’ Ġerusalemm f’konformità mad-dritt internazzjonali. Fiż-żewġ każijiet, l-Unjoni ma setgħetx tirreaġixxi fil-ħin u bis-saħħa għal żvilupp internazzjonali li l-pożizzjoni tagħha dwaru kienet ċara u stabbilita sew. Sanzjonijiet tal-UE ·Fi Frar 2017, Stat Membru imblokka t-tiġdid tal-embargo fuq l-armi kontra l-Belarussja sakemm l-Istati Membri l-oħra kollha finalment qablu li jeżentaw ċerta kategorija ta’ armi żgħar biex jiġi evitat li l-embargo li jiskadi għal kollox. Sena wara, l-istess Stat Membru kkundizzjona t-tiġdid għal żieda fl-eċċezzjoni ta’ kategorija addizzjonali ta’ armi, li għal darb’oħra l-Istati Membri l-oħra kollha finalment aċċettaw għall-istess raġuni. ·Fis-sajf tal-2017, Stat Membru imblokka l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi tal-UE mmirati kontra l-Venezwela li kienu se jiġu adottati b’reazzjoni għall-iżviluppi politiċi domestiċi, liema miżuri aktar kmieni l-UE kienet indikat li se jiġu adottati jekk iseħħu l-iżviluppi. Il-miżuri restrittivi inkwistjoni finalment ġew adottati f’Novembru 2017 wara deterjorament sostanzjali ulterjuri tas-sitwazzjoni fuq il-post. Għal darb’ oħra, dawn l-eżempji juru li l-votazzjoni unanima fil-Kunsill tfixkel il-kapaċità tal-Unjoni Ewropea li tirreaġixxi malajr u b’sodizza għall-iżviluppi internazzjonali. -Filwaqt li l-istabbiliment ta’ reġimi ta’ sanzjonijiet taħt il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni jiġu deċiżi b’unanimità, ir-reġim tal-kontrosanzjonijiet tal-UE, li jissejjaħ ukoll Blocking Statute 10 huwa rregolat b’maġġoranza kwalifikata, li jippermetti li jiġi aġġornat b’reazzjoni għal avvenimenti internazzjonali bla telf ta’ żmien. Missjonijiet ċivili tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni ·Aktar reċentement, fl-2018, ġiet imblukkata l-estensjoni ta’ missjoni ta’ bini ta’ kapaċità fis-Saħel minn Stat Membru wieħed sakemm Stat Membru ieħor neħħa r-riżervi tiegħu dwar missjoni separata fl-Iraq. Sfortunatament, dan ma kienx l-ewwel każ fejn Stat Membru oppona jew dewwem l-iżvilupp ta’ fajl speċifiku tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni, minħabba li Stat Membru ieħor għamel l-istess fuq fajl ieħor. Sitwazzjonijiet bħal dawn qatt ma waqqfu lill-UE milli finalment timxi 'l quddiem iżda — f’xi każijiet — ittardjaw l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet meħtieġa. Id-dewmien fit-teħid tad-deċiżjonijiet minħabba l-unanimità jmorru lil hinn minn deċiżjonijiet biex jitnedew u jiġu stabbiliti missjonijiet ċivili tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni, iżda jkopru wkoll aspetti ta’ implimentazzjoni prattika, bħall-approvazzjoni tar-Rapporti mandatorji ta’ Kull Sitt Xhur li kull missjoni ċivili tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni trid tippreżenta regolarment lill-Kunsill. |
Dawn u sitwazzjonijiet simili ma ġewx ikkawżati minn differenzi f’interessi fit-tul li ma setgħux jintgħelbu, iżda minħabba li l-possibbiltà li jużaw il-veto tippermetti lill-Istati Membri jimblokkaw il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għal raġunijiet mhux dejjem relatati mal-kwistjoni speċifika kkonċernata u tiskoraġġihom milli jfittxu kompromess kostruttiv.
Huwa importanti li wieħed jinnota li fil-biċċa l-kbira tal-eżempji mogħtija hawn fuq, bis-saħħa tax-xogħol iebes tal-partijiet kollha involuti, spiss instabu soluzzjonijiet. Madankollu, dawn is-soluzzjonijiet kellhom prezz. Ħafna drabi, id-diskussjonijiet imtawla minħabba l-użu tal-“veto” ta’ spiss ġabu firda u għamlu ħsara lill-influwenza u lill-koeżjoni tal-UE.
4.Il-qafas eżistenti tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni
It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi r-regola ġenerali li l-Kunsill jadotta d-deċiżjonijiet dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni b’unanimità (l-Artikoli 24(1) u 31(1) tat-Trattat) 11 . Din ir-regola baqgħet l-istess sa mit-Trattat ta’ Maastricht. Fl-istess ħin, teżisti r-regola tal-maġġoranza kwalifikata u diġà hija applikabbli f’ċerti każijiet fil-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni.
4.1.Filwaqt li l-unanimità hija r-regola ġenerali għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni...
Ir-regola tal-unanimità fil-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni hija f’kuntrast ma’ oqsma oħra ta’ azzjoni esterna tal-UE (bħall-politiki tal-Unjoni dwar l-iżvilupp u l-kooperazzjoni internazzjonali jew il-kummerċ) fejn ir-regola ġenerali hija li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’maġġoranza kwalifikata 12 .
Biex jirrifletti d-diffikultajiet li din ir-regola tista’ twassal għalihom, it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprevedi regola li għandha l-għan li tiffaċilita l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet b’unanimità, li tagħti marġni ta’ flessibbiltà li jappoġġa l-effettività mtejba fid-dawl tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet.
L-hekk imsejħa “astensjoni kostruttiva” (l-Artikolu 31(1) it-2 paragrafu TUE) tipprevedi d-dritt li Stat Membru jastjeni minn vot unanimu fil-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni u li jikkwalifika l-astensjoni tiegħu billi jagħmel dikjarazzjoni formali. L-Istat Membru ma jkunx obbligat japplika d-deċiżjoni. Madankollu, fi spirtu ta’ solidarjetà, l-Istat Membru huwa obbligat iżomm lura minn azzjonijiet li jimpedixxu l-isforzi tal-Unjoni biex timplimenta d-deċiżjoni inkwistjoni.
Sa issa, l-astensjoni kostruttiva ntużat darba biss, minn Stat Membru meta fl-2008 13 l-UE ddeċidiet li tistabbilixxi missjoni Ċivili tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni għall-Kosovo*.
|
Tfakkira — il-proċeduri tal-votazzjoni fil-Kunsill Maġġoranza sempliċi (l-Artikolu 238 TFUE ): Maġġoranza sempliċi hija ta’ 15 minn 28 Stat Membru. Maġġoranza kwalifikata (l-Artikolu 16 TUE u l-Artikolu 238(3) TFUE): Il-maġġoranza kwalifikata wara l-2014 tintlaħaq jekk 55 % tal-Istati Membri jivvutaw favur, li fil-prattika jfisser 16 minn 28, u jekk l-Istati Membri favur jirrappreżentaw mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni totali tal-UE. Astensjoni tgħodd bħala vot kontra. L-unanimità (l-Artikolu 238(4) TFUE): Iridu jaqblu l-Istati Membri kollha qabel ma tiġi adottata deċiżjoni. Astensjoni ma żżommx milli jiġu adottati deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu. |
4.2.... hija prevista votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata u hija diġà applikabbli f’ċerti każijiet għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni...
Fl-1990, il-Kunsill Ewropew diġà kien iddikjara li votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata għandha titqies għall-implimentazzjoni tal-Politiki Esteri u ta’ Sigurtà Komuni li diġà kien hemm qbil dwarhom 14 . Fid-dawl ta’ dan l-għan, l-Istati Membri qablu, permezz ta’ emendi suċċessivi fit-trattat, li jkun hemm żvilupp gradwali lejn li deċiżjonijiet jibdew jittieħdu b’maġġoranza kwalifikata. L-Artikolu 31(2) TUE għandu potenzjal kbir li, sa issa, baqa’ ma ġiex sfruttat.
|
L-Artikolu 31(2) TUE jipprevedi li l-Kunsill jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata dwar il-kwistjonijiet tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni fil-każijiet li ġejjin 15 : Każijiet li fihom l-Artikolu 31(2) TUE jippermetti li ssir votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata ·“azzjoni jew pożizzjoni tal-Unjoni abbażi ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew relatata mal-interessi u l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 22(1) TUE”. Din id-dispożizzjoni toffri lill-Kunsill Ewropew il-possibbiltà li jadotta Deċiżjoni unanima, li tistabbilixxi l-interessi u l-objettivi strateġiċi tal-UE f’qasam speċifiku wieħed jew aktar tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni. Ladarba l-Kunsill Ewropew jistabbilixxi l-objettivi u l-prinċipji strateġiċi tal-azzjoni jew tal-pożizzjoni prevista, il-Kunsill imbagħad jadotta d-deċiżjonijiet kollha li jimplimentaw id-deċiżjonijiet strateġiċi tal-Kunsill Ewropew b’maġġoranza kwalifikata. ·“meta jadotta deċiżjoni li tiddefinixxi azzjoni jew pożizzjoni tal-Unjoni, fuq proposta ppreżentata mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà wara talba speċifika lilu mill-Kunsill Ewropew fuq inizjattiva ta' dan stess jew fuq dik tar-Rappreżentant Għoli” Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Kunsill Ewropew (jew fuq inizjattiva tiegħu stess jew wara proposta mir-Rappreżentant Għoli) biex b’mod unanimu jitlob lir-Rappreżentant Għoli jissottometti proposta lill-Kunsill għal deċiżjoni li tiddefinixxi azzjoni jew pożizzjoni tal-Unjoni. F’każijiet bħal dawn, il-Kunsill jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata. Il-kontenut potenzjali ta’ talba bħal din tal-Kunsill Ewropew mhuwiex definit fit-Trattati u għalhekk jista’ jinkludi l-oqsma kollha tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni. Każijiet li fihom l-Artikolu 31(2) TUE jeżiġi li ssir votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata ·“implimentazzjoni ta’ deċiżjoni li tiddefinixxi azzjoni jew pożizzjoni tal-Unjoni”. Dan jikkonċerna s-sitwazzjoni wara l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ azzjoni jew pożizzjoni inizjali b’unanimità, il-Kunsill jadotta d-deċiżjonijiet ulterjuri kollha ta’ implimentazzjoni permezz ta’ maġġoranza kwalifikata. · “ħatra ta’ rappreżentant speċjali (fuq proposta mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President) skont l-Artikolu 33 TUE”. Ir-rappreżentanti speċjali għandhom mandat fir-rigward ta’ kwistjonijiet partikolari tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni. Il-maġġoranza kwalifikata ħadmet tajjeb fil-prattika u dan wassal għal deċiżjonijiet b’ħeffa, mingħajr lanqas biex ma kellhom isiru votazzjonijiet formali. Bħal f’oqsma oħra ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet b’maġġoranza kwalifikata, il-ħatra ta’ rappreżentanti speċjali minn dejjem ġiet deċiża b’kunsens. |
It-TUE jistabbilixxi żewġ salvagwardji importanti li jinkwadraw l-użu tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fi kwistjonijiet tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni.
|
Salvagwardji għall-użu tal-maġġoranza kwalifikata fil-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni ·L-Artikolu 31(2) TUE jipprevedi “pawża ta’ emerġenza” li tippermetti lil Stat Membru joġġezzjona li deċiżjoni tittieħed b’maġġoranza kwalifikata għal “raġunijiet vitali u dikjarati ta’ politika nazzjonali”, f’liema każ ma jittiħedx vot. Jekk il-konsultazzjonijiet bejn ir-Rappreżentant Għoli u l-Istat Membru inkwistjoni ma jirnexxux, il-Kunsill tal-UE jista’, permezz ta’ talba b’maġġoranza kwalifikata, jirreferi l-kwistjoni lill-Kunsill Ewropew għal deċiżjoni b’unanimità. ·L-Artikolu 31(4) TUE jeskludi deċiżjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża mill-ambitu tal-Artikolu 31(2) TUE, u jiżgura li deċiżjoni b’dawn l-implikazzjonijiet ma titteħidx b’maġġoranza kwalifikata. |
4.3.. . .u l-użu tal-maġġoranza kwalifikata fil-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tista’ tiġi estiża aktar
It-Trattat ta’ Lisbona introduċa l-possibbiltà li jkompli jitwessa’ l-użu tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata. Abbażi tal-hekk imsejħa “klawżola passerelle” stabbilita fl-Artikolu 31(3) TUE, il-Kunsill Ewropew jista’ jawtorizza, b’unanimità, lill-Kunsill biex jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata f’każijiet oħra tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni minbarra dawk previsti fl-Artikolu 31(2) TUE.
Għalhekk, l-Istati Membri pprevedew b’mod ċar li biex l-Unjoni Ewropea ssir attur verament effettiv u effiċjenti fl-affarijiet barranin u tas-sigurtà, jista’ jkun xieraq li l-Kunsill jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata lil hinn mill-każijiet speċifiċi kkontemplati fl-Artikolu 31(2) TUE.
Iż-żewġ salvagwardji deskritti fit-Taqsima 4.2 se jkomplu japplikaw wara li tkun intużat l-“passerelle” tal-Artikolu 31(3) TUE.
5.Proposti konkreti biex jittejjeb it-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni permezz ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata
Il-Kummissjoni għalhekk tistieden lill-Istati Membri biex jisfruttaw il-potenzjal tat-TEU fir-rigward tal-maġġoranza kwalifikata dwar kwistjonijiet tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni. Il-Kummissjoni mhijiex qed tipproponi li l-Kunsill jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fl-oqsma kollha tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni. Minflok, l-attenzjoni għandha tkun fuq oqsma fejn il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata twassal b’mod ċar għal differenza pożittiva.
Ir-regoli tat-Trattat dwar “l-astensjoni kostruttiva” skont l-Artikolu 31(1) TUE u dwar l-użu tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata skont l-Artikolu 31(2) TUE għandhom potenzjal kbir. Dawn l-għodod, kieku ntużaw, kienu jippermettu li xi wħud mis-sitwazzjonijiet deskritti fit-taqsima 3 jiġu indirizzati. Il-Kummissjoni għalhekk tinkoraġġixxi lill-Istati Membri fil-Kunsill biex jisfruttaw dan il-potenzjal b’mod sħiħ billi japplikaw it-Trattati skont il-kontenut u l-ispirtu tagħhom.
F’dan il-kuntest, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill huma għodda utli biex jintlaħaq qbil politiku dwar il-pożizzjonijiet tal-UE dwar kwistjonijiet speċifiċi tal-politika estera. Madankollu, il-Kunsill għandu joqgħod lura milli jaqbel dwar pożizzjonijiet bi qbil komuni 16 dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni u dwar kwistjonijiet relatati oħrajn, permezz ta’ proċeduri paralleli jew informali, meta jkun possibbli li jintużaw l-għodod previsti fit-Trattat. Dan jippermetti l-użu tal-potenzjal tal-Artikolu 31(1), l-Artikolu 31(2) u l-Artikolu 31(3) TUE.
Barra minn hekk, meta kwistjoni ma tkunx relatata mal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni iżda ma’ aspetti esterni ta’ politika rregolata mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għandhom jintużaw il-bażijiet ġuridiċi korrispondenti biex jittieħdu d-deċiżjonijiet, u b’hekk ma tiġix applikata r-regola tal-unanimità. Il-potenzjal tan-netwerk mifrux tad-Delegazzjoni tal-UE madwar id-dinja u f’organizzazzjoni internazzjonali għandu jintuża bis-sħiħ 17 .
Nisfruttaw il-potenzjal tad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata skont l-Artikolu 31(2) TUE
Il-Kunsill diġà uża votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata meta emenda l-listi taħt il-miżuri restrittivi tal-UE (persuni u entitajiet soġġetti għall-iffriżar tal-assi u l- projbizzjoni tal-ivvjaġġar), essenzjalment f’każijiet li jirriflettu bidliet fis-sanzjonijiet internazzjonali adottati min-Nazzjonijiet Uniti u okkażjonalment għall-emenda tal-listi skont ir-reġim awtonomu tas-sanzjonijieti tal-UE fejn l-emenda nnifisha ma kinitx meqjusa sensittiva mill-Kunsill tal-UE 18 . Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li, il-Kunsill b’mod konsistenti juża votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata biex jiġu emendati l-listi tar-reġimi kollha ta’ sanzjonijiet tal-UE — inklużi miżuri awtonomi — skont il-proċeduri fl-Artikolu 31(2) TUE (it-tielet inċiż).
Il-Kunsill Ewropew għandu l-prerogattiva li jidentifika l-interessi u l-objettivi strateġiċi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-UE, inkluż b’mod tematiku u fir-rigward tar-relazzjonijiet ma’ pajjiż jew reġjun speċifiku 19 . Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-Kunsill Ewropew jadotta deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-istrateġiji tematiċi jew ġeografiċi, prijoritajiet jew linji gwida, li jistipulaw l-ambitu u l-kundizzjonijiet li taħthom il-Kunsill jista’ jaġixxi permezz ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata biex jimplimentawhom, skont l-Artikolu 31(2) TUE (l-ewwel inċiż).
Filwaqt li jekk jiġi sfruttat il-potenzjal tad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-maġġoranza kwalifikata skont 31(2) TUE jkun jirrappreżenta titjib sinifikanti, dan ma jkoprix ħafna min-nuqqasijiet identifikati. Sabiex tindirizzahom, il-Kummissjoni tissuġġerixxi wkoll li jiġu esplorati soluzzjonijiet aktar strutturali, li jsaħħu t-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni skont l-Artikolu 31(3) TUE bl-użu tal-“klawżola passerelle”.
Il-Kummissjoni identifikat tliet oqsma speċifiċi li jistgħu jibbenefikaw immedjatament mill-applikazzjoni tal-klawżola “passerelle” prevista fl-Artikolu 31(3) TUE.
5.1.Il-pożizzjonijiet tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem f’fora multilaterali
L-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem huwa wieħed mill-prinċipji ewlenin li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tal-UE u li jiggwida l-azzjonijiet esterni tagħha 20 . L-għaqda politika dwar id-drittijiet tal-bniedem hija kruċjali biex tinżamm il-kredibbiltà internazzjonali u s-setgħa ta’ persważjoni tal-UE, fil-fora multilaterali u lil hinn minnhom.
Meta jiġu diskussi l-pożizzjonijiet tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li jkunu jridu jittieħdu f’fora internazzjonali fil-kuntest tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, bħalissa dawn jiġu miftiehma bi qbil komuni, normalment fil-forma ta’ Konklużjonijiet tal-Kunsill. Il-bidla għal votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata se tippermetti azzjoni tal-UE aktar f’waqtha u aktar effiċjenti. Sitwazzjonijiet bħal dawk ta’ Ġunju 2017, meta l-Unjoni ma rnexxiliex tagħmel dikjarazzjoni dwar il-Punt 4 (Sitwazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li jeħtieġu l-attenzjoni tal-Kunsill) fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti ma jibqgħux possibbli.
Il-Kummissjoni għalhekk tissuġġerixxi li l-Kunsill Ewropew unanimament jadotta deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 31(3) TUE li tipprevedi li l-pożizzjonijiet tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem f’fora internazzjonali jiġu adottati b’maġġoranza kwalifikata fil-forma ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill.
5.2.Adozzjoni u emendar tar-reġimi tas-sanzjonijiet tal-UE
Il-politika tas-sanzjonijiet tal-UE hija waħda mill-aktar strumenti saħħithom tal-politika estera u tad-difiża tal-UE, peress li tingrana s-setgħa ekonomika sinifikanti tal-Unjoni biex tippromwovi l-objettivi esteri tagħha. L-unità tal-azzjoni hija essenzjali sabiex jiġu ppreservati kundizzjonijiet ekwi fil-funzjonament tas-suq intern u l-effiċjenza tar-regoli komuni skont Schengen.
Matul l-aħħar snin, l-użu ta’ miżuri restrittivi mill-UE żdied fil-frekwenza u fl-intensità, u dan juri r-rieda tal-UE li tirreaġixxi, tiskoraġġixxi u tinfluwenza l-iżviluppi permezz ta’ pressjoni politika u ekonomika. Bħal fil-każ tal-politika kummerċjali fejn tapplika l-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata, id-definizzjoni ta’ livell ta’ ambizzjoni politika u l-identifikazzjoni ta’ bilanċ xieraq bejn l-interessi ekonomiċi tal-Istati Membri hija fil-qalba ta’ kwalunkwe negozjar ta’ sanzjonijiet. Il-kapaċità tal-UE li taġixxi b’mod deċiżiv fl-interess ġeopolitiku tagħha, aktar ta’ spiss milli le bħala parti minn mobilizzazzjoni internazzjonali kontra ksur serju tad-dritt internazzjonali, hija fl-interess komuni tal-Istati Membri kollha.
Il-Kummissjoni għalhekk tissuġġerixxi li l-Kunsill Ewropew unanimament jadotta deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 31(3) TUE li tipprevedi li l-pożizzjonijiet tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem f’fora internazzjonali jiġu adottati b’maġġoranza kwalifikata fil-forma ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill 21 .
5.3.Missjonijiet ċivili tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni
Il-missjonijiet Ċivili tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni għandhom rwol importanti fl-impenn dinji tal-UE lejn il-paċi u s-sigurtà. Sal-lum, meta jniedi u jiddeċiedi dwar l-implimentazzjoni ta’ missjonijiet ċivili, il-Kunsill jaġixxi b’unanimità 22 .
F’ambjent internazzjonali dinamiku, l-UE trid tkun kapaċi tuża s-sett ta’ għodod tagħha b’ħeffa biex tirrispondi u tinvolvi ruħha f’ambjenti ta’ kriżi jew ta’ wara kriżi b’mod viżibbli u b’appoġġ dirett għall-awtoritajiet nazzjonali u/jew għall-komunitajiet lokali. Hekk kif l-UE tipprova tesporta l-istabbiltà fil-viċinat tagħha, l-għadd ta’ missjonijiet ċivili x’aktarx li jiżdied. Minħabba l-ambjenti fluwidi li fihom dawn il-missjonijiet tipikament joperaw ladarba jkunu stabbiliti, dawn il-missjonijiet ikunu jeħtieġu ġestjoni effettiva u aġli.
Il-Kummissjoni għalhekk tissuġġerixxi li l-Kunsill Ewropew unanimament jadotta deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 31(3) TUE li tipprevedi li d-deċiżjonijiet kollha dwar il-missjonijiet Ċivili tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni jiġu adottati b’votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata mill-Kunsill.
L-ewwel nett, għandhom jiġu kkunsidrati b’mod partikolari l-missjonijiet kollha ta’ Riforma tas-Settur tal-Bini tal-Kapaċità tal-Istat tad-Dritt u tas-Sigurtà, minħabba li dawn normalment joperaw mill-qrib ma’ strumenti oħra tal-UE rregolati b’votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill.
Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill Ewropew jista’ jiddeċiedi li ladarba jiġu stabbiliti b’mod unanimu, id-deċiżjonijiet kollha dwar l-implimentazzjoni tal-missjonijiet Ċivili tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni jittieħdu mill-Kunsill b’votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata 23 .
6.Konklużjoni
Il-politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-UE ssaħħet b’mod konsiderevoli sa mill-bidu tagħha. Il-kisbiet tagħha, pereżempju fil-Balkani tal-Punent, biex tappoġġa lill-Ukraina u b’relazzjoni mal-programm nukleari tal-Iran huma sinifikanti. Is-sħab tal-UE fid-dinja qed jistennewha tiddefendi l-valuri tagħha u r-regoli internazzjonali bbażata fuq regoli multilaterali.
Hemm għarfien dejjem jikber li x-xena internazzjonali diffiċli li qed niffaċċjaw teħtieġ “ħeġġa ġdida” fil-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni. L-UE trid issir attur dinji aktar b’saħħtu, sabiex tkun tista’ tkompli tifforma l-futur tagħna, issostni s-sovranità kondiviża tagħna u teżerċita influwenza internazzjonali pożittiva.
L-effiċjenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet tista’ tittejjeb f’ċerti oqsma tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni. Dan għandu jgħin lill-Unjoni Ewropea biex toqgħod fuq saqajha stess.
Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tirrakkomanda li jiġi sfruttat il-potenzjal tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea billi tintuża l-firxa sħiħa ta’ possibbiltajiet fil-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, b’mod partikolari billi jiżdied l-użu tal-votazzjonijiet b’maġġoranza kwalifikata.
Sabiex tikkontribwixxi għall-bini ta’ Unjoni aktar magħquda, aktar b’saħħitha u aktar demokratika f’perspettiva tal-2025, il-Kummissjoni Ewropea tistieden lill-Mexxejja fil-laqgħa tad-9 ta’ Mejju 2019 f’Sibiu biex japprovaw il-proposti li jinsabu f’din il-Komunikazzjoni. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fit-tliet oqsma li ġejjin tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni:
·Fir-rigward tal-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem f’fora multilaterali;
·Rigward il-politika dwar is-sanzjonijiet;
·Fir-rigward tal-missjonijiet ċivili tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni.