IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.3.2018
COM(2018) 109 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Pjan ta' Azzjoni tal-FinTech: Għal settur finanzjarju Ewropew iktar kompetittiv u innovattiv
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018DC0109
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN CENTRAL BANK, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS FinTech Action plan: For a more competitive and innovative European financial sector
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan ta' Azzjoni tal-FinTech: Għal settur finanzjarju Ewropew iktar kompetittiv u innovattiv
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan ta' Azzjoni tal-FinTech: Għal settur finanzjarju Ewropew iktar kompetittiv u innovattiv
COM/2018/0109 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.3.2018
COM(2018) 109 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Pjan ta' Azzjoni tal-FinTech: Għal settur finanzjarju Ewropew iktar kompetittiv u innovattiv
Introduzzjoni
Il-FinTech — l-innovazzjoni abbażi tat-teknoloġija fis-servizzi finanzjarji — żviluppat b’mod sinifikanti matul dawn l-aħħar snin u qed taffettwa l-mod kif is-servizzi finanzjarji jiġu prodotti u konsenjati. Il-FinTech 1 tinsab f’salib it-toroq bejn is-servizzi finanzjarji u s-suq uniku diġitali. Is-settur finanzjarju huwa l-akbar utent ta’ teknoloġiji diġitali u jirrappreżenta mutur ewlieni fit-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija u tas-soċjetà. Jeżistu sinerġiji important bejn l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali tal-Kummissjoni 2 , l-istrateġija taċ-ċibersigurtà tal-UE 3 , ir-Regolament eIDAS 4 u inizjattivi ta’ servizzi finanzjarji bħall-Pjan ta’ Azzjoni tas-Servizzi Finanzjarji tal-Konsumatur 5 u r-Rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) 6 .
Filwaqt li l-innovazzjoni fil-finanzi mhi xejn ġdid, l-investiment fit-teknoloġija u l-pass tal-innovazzjoni żdiedu b’mod konsiderevoli. Qed jiġu implimentati soluzzjonijiet tal-FinTech li jużaw identifikazzjoni diġitali, applikazzjonijiet tal-mowbajl, cloud computing, analitika tal-big data, intelliġenza artifiċjali, blockchain u teknoloġiji ta’ reġistru distribwit. Teknoloġiji ġodda qed jibdlu l-industrija finanzjarja u l-mod li bih il-konsumaturi u l-kumpaniji jaċċessaw is-servizzi, u qed joħolqu opportunitajiet għal soluzzjonijiet abbażi ta’ FinTech sabiex jipprovdu aċċess aħjar għall-finanzi u jtejbu l-inklużjoni finanzjarja għal ċittadini konnessi diġitalment. Il-FinTech ipoġġi lill-konsumaturi f’pożizzjoni ta’ tmexxija, jappoġġa l-effiċjenza operattiva u jkompli jżid il-kompetittività tal-ekonomija tal-UE. Il-FinTech huwa importanti wkoll għall-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Jista’ jgħin japprofonda u jwessa’ s-swieq kapitali tal-UE billi jintegra d-diġitalizzazzjoni biex jinbidlu l-mudelli tan-negozju permezz ta’ soluzzjonijiet iggwidati mid-dejta, pereżempju fl-immaniġġar tal-assi, fl-intermedjazzjoni tal-investiment u fid-distribuzzjoni tal-prodotti 7 .
Il-FinTech jippreżenta wkoll opportunitajiet u sfidi għal konformità u superviżjoni regolatorja. Jista’ jiffaċilita, jissimplifika u jawtomatizza l-konformità u r-rappurtar u jtejjeb is-superviżjoni. Fornituri tas-servizz jistgħu joffru servizzi tal-konformità abbażi tal-FinTech lil entitajiet regolati. Madankollu, l-entitajiet regolati infushom jibqgħu responsabbli biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom. Pereżempju entitajiet soġġetti għal rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta tal-klijent skont ir-regolament kontra l-ħasil tal-flus ma jistgħux jiddelegaw ir-responsabbiltà li jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti lil fornituri tas-servizz esterni.
Il-FinTech jippreżenta wkoll sfidi bħalma huma r-riskji marbuta maċ-ċibernetika, kwistjonijiet ta’ ħarsien tad-dejta, tal-konsumatur u tal-investitur u kwistjonijiet ta’ integrità tas-suq. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u d-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus joffru salvagwardji fundamentali għall-protezzjoni tad-dejta personali u l-integrità tas-sistema finanzjarja tal-UE kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Suq finanzjarju tal-UE megħjun mit-teknoloġija jirrikjedi konformità sħiħa ma’ dawn is-salvagwardji fundamentali. Riskji ċibernetiċi jdgħajfu l-fiduċja u jirrappreżentaw theddida għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Il-fatt li regolarment iseħħ ksur tas-sigurtà 8 jtenni li l-attakki ċibernetiċi huma ta’ tħassib dejjem akbar. Attakki bħal dawn għandhom jiġu indirizzati b’mod deċiżiv sabiex jimpedixxi u jtaffi kwalunkwe konsegwenza negattiva għas-settur finanzjarju u l-klijenti tiegħu. It-tisħiħ ċibernetiku tas-settur finanzjarju huwa ta’ importanza ewlenija biex jiġi żgurat li huwa mħares sew, li s-servizzi finanzjarji huma mogħtija b’mod effettiv u mingħajr xkiel fl-UE, u li l-fiduċja u l-kunfidenza tal-konsumatur u tas-suq jiġu ppreservati.
L-oqfsa regolatorji u superviżorji tal-Ewropa għandhom jippermettu lill-kumpaniji li joperaw fis-Suq Uniku tal-UE li jibbenefikaw mill-innovazzjoni finanzjarja u jipprovdu lill-klijenti bl-iktar prodotti xierqa u aċċessibbli. Oqfsa bħal dawn għandhom jiżguraw ukoll livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi u l-investituri u jiżguraw ir-reżiljenza u l-integrità tas-sistema finanzjarja. Il-benefiċċji tal-innovazzjoni teknoloġika kienu diġà fil-qalba tar-reviżjonijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament 9 u d-Direttiva u r-Regolament dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji 10 .
L-innovazzjoni teknoloġika wasslet għal tipi ġodda ta’ assi finanzjarji bħal kriptoassi. Tali kriptoassi u t-teknoloġija blockchain sottostanti jippromettu għas-swieq u l-infrastrutturi finanzjarji. L-użu tagħhom jippreżenta wkoll riskji, kif ġie mixhud mill-instabbiltà qawwija tal-kriptoassi, il-frodi u dgħufijiet u vulnerabbiltajiet operazzjonali f'boroż tal-kriptoassi. Fil-livell tal-UE, diġà ttieħdet azzjoni biex jiġu indirizzati xi riskji speċifiċi. It-theddida u l-vulnerabbiltà ta’ muniti virtwali u l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ġew evalwati bħala sinifikanti sa sinifikanti ħafna fir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu 11 . F’Diċembru 2017, il-leġiżlaturi Ewropej qablu li jestendu l-ambitu tad-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus 12 kemm lil skambji ta’ muniti virtwali kif ukoll lil fornituri tal-kartieri. L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) ħarġu twissijiet dwar l-ambjent tas-suq spekulattiv għal muniti virtwali u riskji oħra assoċjati mal-kriptoassi 13 . It-twissijiet kollha jippuntaw lejn il-fatt li investiment fil-kriptoassi huwa ta’ riskju għoli u li l-investituri jistgħu jġarrbu telf sostanzjali minħabba l-volatilità tagħhom iżda wkoll minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza tas-suq u l-integrità u dgħjufijiet operazzjonali kif ukoll vulnerabbiltajiet fis-servizzi u ċ-ċentri ta’ negozjar tal-kriptoassi.
Fl-inizjattiva reċenti tagħha li tirrieżamina l-qafas superviżorju Ewropew 14 , il-Kummissjoni pproponiet li jenħtieġ li l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej iqisu b’mod sistematiku il-FinTech fl-attivitajiet kollha tagħhom. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (General Data Protection Regulation, GDPR), li se jibda japplika minn Mejju 2018, huwa wkoll ta’ importanza kritika għall-użu xieraq ta’ servizzi finanzjarji innovattivi xprunati mid-dejta 15 bħalma hija l-proposta għal Regolament dwar qafas għall-fluss ħieles ta’ dejta mhux personali fl-UE 16 , li għandu l-għan jiżgura li dejta mhux personali tkun tista’ tiċċaqlaq b’mod ħieles fis-suq uniku. Barra minn hekk, ir-rikonoxximent transfruntiera ta’ mezzi elettroniċi ta’ identifikazzjoni pprovduti mir-Regolament eIDAS se jipprovdi salvagwardji u jtaffi r-riskji minn teknoloġiji emerġenti, filwaqt jagħmilha iktar faċli li jintlaħqu r-rekwiżiti tad-diliġenza dovuta tal-klijent u awtentikazzjoni b’saħħitha tal-partijiet f’ambjent diġitali.
Il-FinTech huwa qasam ta’ prijorità fil-livell internazzjonali wkoll, pereżempju għall-G20. Il-Kummissjoni tikkontribwixxi għal diskussjonijiet ta’ politika fil-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja u fora internazzjonali oħra. Għadd dejjem jiżdied ta’ ġurisdizzjonijiet żviluppaw oqfsa regolatorji u ta’ sorveljanza biex jindirizzaw forom speċifiċi ta’ innovazzjoni tal-FinTech. Barra l-Ewropa, ir-regolaturi ffukaw l-aktar fuq strumenti u servizzi u forom alternattivi ta’ finanzjament, bħalma huma l-finanzjament kollettiv u s-self bejn il-pari. Għal iktar interazzjoni ma’ żviluppaturi tal-FinTech, għadd ta’ superviżuri (pereżempju l-Awstralja, il-Kanada, l-Istati Uniti, Hong Kong, Singapor u l-Ġappun) stabbilixxew ċentri tal-FinTech. Bosta awtoritajiet żviluppaw ukoll oqfsa ta’ esperimentazzjoni għal kumpaniji innovattivi msejħa “ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja” (eż. l-Awstralja, Hong Kong, Singapore u l-Kanada).
Il-Kummissjoni għandha l-għan li twieġeb għat-talbiet kemm tal-Parlament Ewropew 17 kif ukoll tal-Kunsill Ewropew 18 għal qafas regolatorju aktar orjentat lejn il-futur li jħaddan id-diġitalizzazzjoni u joħloq ambjent fejn prodotti u soluzzjonijiet innovattivi tal-FinTech jistgħu jiġu introdotti fl-UE biex jibbenefikaw mill-ekonomiji tal-iskala tas-suq uniku, mingħajr ma tiġi kompromessa l-istabbiltà finanzjarja jew il-protezzjoni tal-konsumatur u tal-investitur.
Abbażi tal-konklużjonijiet tal-konsultazzjoni pubblika 19 ta’ Marzu-Ġunju 2017 u filwaqt li jitqiesu l-inizjattivi diġà ppreżentati, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-każ għal azzjoni jew riforma leġiżlattiva jew regolatorja wiesgħa fil-livell tal-UE f’dan l-istadju hija limitata. Għadd ta’ inizjattivi mmirati għall-UE biex titħaddan id-diġitalizzazzjoni tas-settur finanzjarju huma, madankollu, meħtieġa.
1.Nippermettu mudelli ta’ negozju innovattivi li jilħqu l-iskala tal-UE
1.1.Nippermettu mudelli ta’ negozju innovattivi li jikbru fl-UE permezz ta’ rekwiżiti ta’ liċenzjar ċari u konsistenti
Fis-settur finanzjarju, kumpaniji huma awtorizzati u ssorveljati abbażi tal-attivitajiet, is-servizzi jew il-prodotti tagħhom, irrispettivament minn jekk jużawx mezzi tradizzjonali jew innovattivi biex jipprovdu dawk is-servizzi. Skont is-servizzi u l-prodotti offruti, kumpaniji jistgħu jkunu awtorizzati u rregolati skont il-liġi tal-UE jew dik nazzjonali, u ma jkunu soġġetti għal ebda regolament speċifiku dwar is-servizzi finanzjarji.
Ir-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni jippermettu li ssir superviżjoni effikaċi tal-fornituri tas-servizzi biex jiżguraw l-istabbiltà, l-integrità u l-imparzjalità tas-swieq. Jiżguraw ukoll li l-konsumaturi u l-investituri jkunu protetti. Fl-istess ħin, kundizzjonijiet uniformi ta’ operazzjoni jippermettu lill-kumpaniji tas-servizzi finanzjarji tal-UE li jkunu awtorizzati u ssorveljati b’mod xieraq mill-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom li jibbenefikaw minn passaport Ewropew. Dan il-passaport jagħti lil dawn il-kumpaniji l-possibilità li jipprovdu s-servizzi tagħhom fl-Istati Membri l-oħra kollha u li jikbru fis-Suq Uniku sħiħ tal-UE.
Dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni tal-FinTech qiesu li l-iktar mudelli ta’ negozju innovattivi jkunu jistgħu jaħdmu skont ir-regoli eżistenti tal-UE, ġaladarba l-qafas leġiżlattiv tal-UE jagħti lok li tiġi applikata l-proporzjonalità fil-proċess ta’ awtorizzazzjoni.
Madankollu, is-superviżuri jistgħu jadottaw approċċi differenti sabiex jidentifikaw il-qafas leġiżlattiv applikabbli tal-UE u japplikaw il-proporzjonalità meta joħorġu liċenzji għal mudelli ta’ negozju innovattivi 20 . L-Awtorità Bankarja Ewropea identifikat differenzi fir-reġimi ta’ awtorizzazzjoni u reġistrazzjoni 21 bħala qasam li jeħtieġ aktar attenzjoni. L-EIOPA osservat xejriet simili 22 . Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ukoll riċentement nieda konsultazzjoni dwar “Gwida għal valutazzjonijiet ta’ applikazzjonijiet ta’ liċenzja għal istituzzjoni ta’ kreditu tal-FinTech” 23 .
Servizzi finanzjarji ġodda mhux dejjem jaqgħu kompletament taħt il-qafas regolatorju eżistenti tal-UE; dan huwa l-każ bl-attivitajiet kollettivi u bejn il-pari għal negozji ġodda u negozji li qed jespandu. Għadd kbir ta’ dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni tal-FinTech enfasizzaw li attivitajiet kollettivi ibbażati fuq investiment jew ibbażati fuq self ikunu jibbenefikaw minn qafas regolatorju tal-UE b’saħħtu u proporzjonat. Ħdax-il Stat Membru diġà adottaw reġimi mfassla apposta li ta’ spiss ikunu konfliġġenti u jfixklu l-iżvilupp ta’ Suq Uniku għal servizzi ta’ finanzjament kollettiv. Nuqqas ta’ qafas komuni tal-UE wkoll ifixkel l-abbiltà ta’ fornituri ta’ finanzjament kollettiv li jespandu fis-Suq Uniku prinċipalment minħabba f’kunflitti bejn reġimi ta’ superviżjoni u regolamentazzjoni nazzjonali. Il-qafas tal-UE propost f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni se joffri reġim Ewropew komprensiv tal-passaportar għal dawk l-atturi tas-suq li jiddeċiedu li joperaw bħala fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv Ewropej (European crowdfunding service providers, ECSP). Dan il-qafas se jipprovdi inċentivi lill-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv biex jikbru filwaqt li jiżguraw biżżejjed ħarsien għal investituri u sidien ta’ proġetti.
Huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu identifikati rekwiżiti ta’ liċenzjar diverġenti li jaffettwaw lil kumpaniji tal-FinTech. Azzjonijiet ta’ segwitu jistgħu jinkludu:
·il-kjarifika tal-qafas leġiżlattiv tal-UE applikabbli għas-servizzi;
·il-valutazzjoni tal-ħtieġa għal qafas tal-UE biex ikopri mudelli ta’ negozju innovattivi ġodda; kif ukoll
·l-għoti ta’ gwida għal superviżuri nazzjonali biex jiżguraw aktar konverġenza bejn ir-reġimi regolatorji nazzjonali.
Barra minn hekk, is-superviżuri kienu qed jivvalutaw l-iżviluppi tas-suq fi kriptoassi u l-ħolqien ta’ offerti inizjali tal-muniti (ICOs), mod ġdid ta’ finanzjament bl-użu tal-hekk imsejħa “muniti” jew “tokens”. Filwaqt li tali bejgħ tat-tokens jista’ joffri lil kumpaniji modi ġodda u innovattivi ta’ ġbir ta’ kapital, jista’ jippreżenta wkoll riskji ċari għall-investituri. Investimenti spekulattivi fi kriptoassi u tokens tal-ICOs jesponu lil investituri għal riskju sinifikanti tas-suq, għal frodi u għal riskji tas-sigurtà ċibernetika li jirriżultaw minn skambji u fornituri tas-servizzi li jippermettu lill-investituri jixtru kriptoassi u tokens, iżommuhom jew jinnegozjawhom. F’Novembru 2017, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) ħarġet żewġ dikjarazzjonijiet 24 li jinformaw lill-investituri dwar ir-riskji potenzjali u sabiex tfakkar lil ICOs li dawn l-attivitajiet jistgħu jaqgħu taħt leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, skont l-istruttura u l-karatteristiċi preċiżi tagħhom. Awtoritajiet fl-UE u madwar id-dinja qed jevalwaw l-ICOs u liem regolamentazzjoni tista’ tkun applikabbli għalihom, filwaqt li ċ-Ċina u l-Korea t’Isfel ipprojbixxewhom.
Iż-żieda rapida fil-prezzijiet u l-volatilità tal-kriptoassi matul dawn l-aħħar xhur teħtieġ fehim aħjar tar-riskji u tal-opportunitajiet li jmorru id f’id mal-użu tagħhom u fehim aħjar tal-applikabbiltà tar-regolamentazzjoni tal-UE. Madankollu, kriptoassi u tokens jistgħu wkoll jiskappaw ir-regolamentazzjoni u l-objettivi tat-trasparenza, tal-governanza u tal-protezzjoni tal-investitur li r-regolamentazzjoni tipprova tikseb. Fi Frar 2018, wara talba mill-Kummissjoni Ewropea, it-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) ippubblikaw twissija konġunta lill-investituri u lill-utenti dwar ir-riskji assoċjati ma’ xiri ta’ kriptoassi 25 . Barra minn hekk, it-tibdiliet li saru fir-raba’ Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus li laħqu qbil dwarhom il-Parlament Ewropew u l-Kunsill f’Diċembru 2017 se jnaqqsu l-anonimità u jżidu t-traċċabbiltà ta’ tranżazzjonijiet billi jitolbu li skambji fi kriptoassi u fornituri ta’ portafolli ta’ kustodja fl-Unjoni Ewropea jwettqu identifikazzjoni tal-konsumatur u jeżerċitaw id-diliġenza dovuta.
Valutazzjoni tal-adegwatezza tal-qafas regolatorju attwali tal-UE fir-rigward tal-Offerti Inizjali tal-Muniti u l-kriptoassi b’mod ġenerali hija meħtieġa. Minn naħa, l-għan għandu jkun li jiġi żgurat li l-kumpaniji, l-investituri u l-konsumaturi tal-UE jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ minn din l-innovazzjoni teknika fi ħdan qafas ġust u trasparenti sabiex l-Ewropa ssir attur ewlieni fl-iżvilupp ta’ modi ġodda biex tiffinanzja rapidament in-negozji li qed jikbru. Min-naħa l-oħra, għandhom jiġu indirizzati kif xieraq l-istabbiltà finanzjarja potenzjali, l-integrità tas-suq, il-ħarsien tal-investitur u tal-konsumatur, il-protezzjoni tal-informazzjoni personali u r-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Peress li l-kriptoassi huma fenomenu dinji, se tkun meħtieġa koordinazzjoni u konsistenza internazzjonali, pereżempju fi ħdan il-G20, il-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (FSB) u dawk li jistabbilixxu l-istandards finanzjarji internazzjonali. Il-Kummissjoni se taħdem ma’ superviżuri, regolaturi, l-industrija u s-soċjetà ċivili, kemm jekk fl-UE kif ukoll ma’ sħab internazzjonalment, biex tiddetermina kwalunkwe kors ta’ azzjoni ulterjuri li jkun xieraq.
Kaxxa 1 |
1.Flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qiegħda tippreżenta proposta għal Regolament tal-UE dwar fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv ibbażat fuq investiment u fuq self (ECSP) għan-negozju. Il-proposta għandha l-għan li tiżgura qafas regolatorju xieraq u proporzjonat li jippermetti pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv li jridu joperaw b’mod transfruntier biex jagħmlu dan b’reġim ta’ passaportar komprensiv taħt superviżjoni unifikata. 2.Il-Kummissjoni tistieden lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, sal-ewwel trimestru 2019, sabiex jimmappjaw il-modi attwali ta’ awtorizzazzjoni u liċenzjar għal mudelli ta’ negozju innovattivi tal-FinTech. B’mod partikulari, għandhom jesploraw kif il-proporzjonalita u l-flessibbiltà fil-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji huma applikati mill-awtoritajiet nazzjonali. Fejn xieraq, l-ASE għandhom joħorġu linji gwida dwar approċċi u proċeduri jew jippreżentaw rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jadattaw il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji. 3.Matul l-2018, il-Kummissjoni se tkompli l-monitoraġġ tal-iżviluppi ta’ kriptoassi u Offerti Inizjali tal-Muniti mal-ASE, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-FSB kif ukoll dawk li jiffissaw l-istandards internazzjonali. Abbażi tal-valutazzjoni tar-riskji, l-opportunitajiet u l-adegwatezza tal-qafas regolatorju applikabbli, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk hix meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-UE. |
1.2.Inżidu l-kompetizzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-atturi fis-suq permezz ta’ standards komuni u soluzzjonijiet interoperabbli
Il-produzzjoni u l-forniment ta’ servizzi finanzjarji jeħtieġu li operaturi differenti fil-katina tal-valur jikkooperaw u jinteraġixxu. Suq tal-FinTech madwar l-UE mhux se jilħaq il-potenzjali sħiħ tiegħu mingħajr l-iżvilupp ta’ standards miftuħa li jżidu l-kompetizzjoni, jsaħħu l-interoperabbiltà u jissimplifikaw l-iskambju tad-dejta bejn l-atturi fis-suq u l-aċċess għaliha.
Hemm modi differenti kif tiġi implimentata l-interoperabbiltà. Kumpaniji jew fornituri ta’ teknoloġija jistgħu jiżviluppaw interfaċċji mfassla apposta li partijiet oħra jkollhom jadattaw għalihom. Approċċ ieħor huwa li jintlaħaq kunsens dwar standards ta’ interoperabbiltà għas-suq sħiħ, u b’hekk inaqqas l-isforzi meħtieġa għall-fornituri tas-servizzi biex jiskambjaw dejta ma’ pjattaformi differenti. Jenħtieġ li proċessi li jistipulaw l-istandards ikunu bbażati fuq il-prinċipji ta’ ftuħ, trasparenza u kunsens, skont ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea. Biex l-istandards ikunu favur il-kompetizzjoni, jenħtieġ li l-parteċipazzjoni ma tkunx ristretta u li l-proċedura għall-adozzjoni tal-istandard tkun trasparenti, b’hekk jippermettu lill-partijiet interessati jinformaw ruħhom b’mod effettiv dwar il-ħidma ta’ standardizzazzjoni. Jenħtieġ li aċċess effettiv għall-istandard jingħata fuq termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji.
Ħafna minn dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni tal-FinTech enfasizzaw li huwa prijorità li jiġu żviluppati l-istandards, tiġi promossa l-adozzjoni tagħhom, u żgurata interoperabbiltà bejn is-sistemi. L-approċċ ippreferut ikun immexxi minn parteċipanti tas-suq u tal-industrija, bi żvilupp ta’ standards globali u mhux lokali jew reġjonali. Teżisti domanda partikolari għal standardizzazzjoni akbar tat-teknoloġiji ta’ reġistri distribwiti/blockchain, interfaċċji tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet u ġestjoni tal-identità. Id-Direttiva tas-Servizzi ta’ Pagament riveduta, applikata minn Jannar tal-2018, isservi bħala każ ta’ prova interessanti: il-banek huma meħtieġa li jiftħu kanali ta’ komunikazzjoni għal kumpaniji FinTech li jipprovdu s-servizzi tagħhom abbażi tal-aċċess għall-kontijiet tal-pagamenti. L-iżvilupp ta’ interfaċċji tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet standardizzati jkun joħloq kundizzjonijiet ekwi li jippermettu servizzi ġodda u mtejba f’ambjent tassew miftuħ, filwaqt li jinżammu standards għoljin tal-protezzjoni tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-konsumatur.
Kaxxa 2 |
1.Il-Kummissjoni se tgħin tiżviluppa modi iktar koordinati dwar l-istandards għall-FinTech sar-raba’ trimestru tal-2018 billi tikkoordina u taħdem ma’ korpi li jistabbilixxu l-istandards, bħall-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni inklużi fiż-żona ta’ blockchain. 2.Il-Kummissjoni tħeġġeġ u se tappoġġa sforzi konġunti mill-atturi fis-suq biex jiżviluppaw, sa nofs l-2019, interfaċċji tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet standardizzati li jkunu konformi mad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament u r-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data Ġenerali bħala bażi għal ekosistema bankarja miftuħa Ewropea li tkopri l-ħlas u kontijiet oħra. |
1.3.Faċilitazzjoni tal-ħolqien ta’ mudelli tan-negozju fl-UE permezz ta’ faċilitaturi ta’ innovazzjoni
Kumpaniji innovattivi jintroduċu prodotti ġodda fis-suq jew jipprovdu modi kif jipprovdu servizzi magħrufa sew f’forom innovattivi jew bi prezzijiet aktar kompetittivi. L-innovaturi jeħtieġu li jkunu jistgħu jestendu s-servizzi tagħhom lil bażi kemm jista’ jkun wiesgħa ta’ utenti, u b’hekk jingranaw ekonomiji ta’ skala. Sabiex jibbenefikaw b’mod sħiħ mis-suq uniku l-innovaturi għandhom ikunu jistgħu jużaw passaport Ewropew. Dan jeħtieġ li jissodisfa rekwiżiti regolatorji li jistgħu jkunu diffiċli biex jiġu ssodisfati. Dan huwa l-każ b’mod partikolari għal negozji stabbiliti ġodda u għal dawk li jużaw teknoloġiji innovattivi jew mudelli li jistgħu jvarjaw mill-prattiki standard fis-seħħ f’dak iż-żmien li r-regoli ġew adottati.
Approċċi u teknoloġiji innovattivi huma ta’ sfida wkoll għal superviżuri meta jiġu biex jiddeċiedu jekk jawtorizzawx jew le kumpanija jew attività u jiddeterminaw kif għandhom jissodisfaw l-obbligi ta’ superviżjoni tagħhom. It-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni jissuġġerixxu li hemm domanda qawwija fost is-superviżuri biex jifhmu aħjar l-aħħar xejriet tal-Fintech u biex isaħħu l-kuntatti mal-kumapniji u fornituri oħra tat-teknoloġija.
Fl-UE, 13-il Stat Membru stabbilixxew dawk li jissejħu “faċilitaturi tal-FinTech” (ċentri ta’ innovazzjoni 26 jew ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja 27 ) biex jipprovdu gwida ġenerali lil kumpaniji matul il-proċess ta’ awtorizzazzjoni. Dan jippermetti lil dawn il-kumpaniji li jiksbu aċċess aktar malajr fis-suq u jifhmu aħjar ir-regoli u l-aspettattivi superviżorji. Il-faċilitaturi jistgħu jipprovdu wkoll gwida għall-istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti. Mill-perspettiva tas-superviżuri, approċċi bħal dawn jipprovdu sors importanti ta’ informazzjoni, jgħinuhom jiksbu għarfien aħjar tal-mudelli tan-negozju innovattivi u l-iżviluppi tas-suq fi stadju bikri.
Ambjenti esperimentali regolatorji jieħdu l-idea ta’ ċentri tal-innovazzjoni pass oltre billi joħolqu ambjent fejn is-sorveljanza tkun imfassla għal kumpaniji jew servizzi innovattivi. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom japplikaw il-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji rilevanti tal-UE. Madankollu, dawn ir-regoli jinkludu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u l-flessibbiltà inkorporati f’dawn ir-regoli. Dan jista’ jkun partikularment utli fil-kuntest ta’ innovazzjoni teknoloġika.
L-approċċ ta’ ambjent esperimentali ġie appoġġat minn dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika min-naħa tal-industrija. L-awtoritajiet nazzjonali esprimew opinjonijiet iktar ambigwi: xi superviżuri jqisu li inizjattivi bħal dawn mhumiex parti mill-mandat tagħhom; superviżuri li mhumiex kontra ambjenti esperimentali, min-naħa l-oħra, iqisu li oħrajn għandhom jieħdu inizjattivi simili. Approċċ konsistenti fost is-superviżuri se jrawwem l-introduzzjoni tal-innovazzjoni fis-suq uniku tal-UE.
Riċentament, kemm l-ABE, l-EIOPA kif ukoll l-ESMA immappjaw il-faċilitaturi ta’ innovazzjoni eżistenti madwar l-UE. Il-Kummissjoni tilqa’ b’sodisfazzjon aktar sforzi biex jiġu identifikati l-aħjar prattiki madwar l-UE u jiġu stabbiliti prinċipji u kriterji komuni għal ċentri ta’ innovazzjoni u ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja. Azzjonijiet oħrajn ta’ segwitu jistgħu jinkludu l-promozzjoni tat-twaqqif ta’ ċentri ta’ innovazzjoni fl-Istati Membri kollha u l-koordinazzjoni tal-operazzjonijiet tagħhom. Dan jista’ jwassal biex jitqies qafas tal-UE għall-esperimentazzjoni għall-adozzjoni u l-adattament għal teknoloġiji ġodda.
Kaxxa 3 |
1.Filwaqt li tibni fuq ħidma reċenti mill-ASE sabiex jimmappjaw il-faċilitaturi tal-FinTech stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza, il-Kummissjoni tistieden lill-ASE jwettqu analiżi ulterjuri u jidentifikaw l-aħjar prattiki sar-raba’ trimestru tal-2018 u, fejn xieraq, joħorġu linji gwida dwar dawn il-faċilitaturi. 2.Il-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet kompetenti fuq il-livelli tal-Istati Membri u tal-UE biex jieħdu inizjattivi biex jiffaċilitaw l-innovazzjoni abbażi ta’ dawn l-aħjar prattiki u tistieden lill-ASE biex jiffaċilitaw kooperazzjoni superviżorja, inklużi l-koordinazzjoni u d-disseminazzjoni ta’ informazzjoni dwar it-teknoloġiji innovattivi, l-istabbiliment u l-operat ta’ ċentri ta’ innovazzjoni u ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja, u konsistenza tal-prattiki superviżorji. 3.Abbażi tal-ħidma tal-ASE, il-Kummissjoni se tippreżenta rapport bl-aħjar prattiki għal ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja sal-ewwel trimestru tal-2019. |
2.Appoġġ għat-tnedija ta’ innovazzjoni teknoloġika fis-settur finanzjarju
2.1.Rieżami tal-adegwatezza tar-regoli tagħna u assigurazzjoni tas-salvagwardji għal teknoloġiji ġodda fis-settur finanzjarju
In-newtralità teknoloġika hija waħda mill-prinċipji gwida tal-politiki tal-Kummissjoni.
Madankollu, regoli tal-UE li saru qabel id-data tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi fil-prattika jistgħu ma jkunux dejjem teknoloġikament newtrali lejn dawn l-innovazzjonijiet. Dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika, pereżempju, indikaw rekwiżiti jew preferenzi għal żvelar fuq il-karta, jew il-ħtieġa ta’ preżenza fiżika. In-nuqqas ta’ proċessi ċari u armonizzati biex jiġu identifikati konsumaturi u negozji onlajn, b’konformità sħiħa mar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta u kontra l-ħasil tal-flus, kien ukoll meqjus bħala sfida għas-soluzzjonijiet tal-FinTech. Bl-istess mod, dawk li wieġbu esprimew tħassib li l-investiment f’softwer huwa inqas attraenti taħt ir-regoli prudenzjali attwali għall-banek fejn investimenti f’softwer magħmula mill-banek tal-UE iridu jitnaqqssu mill-kapital regolatorju tagħhom, b’kuntrast mat-trattament aktar favorevoli li jgawdu minnu l-banek fl-Istati Uniti.
Il-Kummissjoni diġà tat konsiderazzjoni lil xi wħud minn dawn il-kwistjonijiet. Fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur 28 , il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tiffaċilita l-aċċettazzjoni transkonfinali tal-identifikazzjoni elettronika u proċessi remoti ta’ “kun af il-klijent tiegħek”. L-għan huwa li l-banek ikunu jistgħu jidentifikaw konsumaturi diġitalment f’konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta u kontra l-ħasil tal-flus, filwaqt li jagħmlu użu sħiħ mill-għodod ta’ identifikazzjoni u awtentikazzjoni elettroniċi pprovduti skont eIDAS. Biex tiffaċilita l-użu tal-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni elettroniċi, il-Kummissjoni waqqfet 29 grupp ta’ esperti apposta dwar l-identifikazzjoni elettronika u proċessi remoti ta’ “kun af il-klijent tiegħek”. L-użu ta’ teknoloġiji rivoluzzjonarji, bħal teknoloġiji ta’ reġistru distribwit u intelliġenza artifiċjali, jista’ jippreżenta sfidi regolatorji addizzjonali. Jenħtieġ li rekwiżiti għal żvelar fuq il-karta jiġu indirizzati. Tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika jistgħu jqajmu tħassib li l-użu ta’ teknoloġiji bħal dawn jistgħu jiġu pprojbiti jew ristretti mir-regoli eżistenti, pereżempju bil-modi li ġejjin:
·applikazzjonijiet abbażi ta’ blockchain jistgħu jqajmu kwistjonijiet ġurisdizzjonali dwar il-liġi applikabbli u kwistjonijiet ta’ responsabilità;
·il-validità legali u l-infurzabbiltà ta’ kuntratti intelliġenti jistgħu jkunu jeħtieġu kjarifika;
·jeżistu inċertezzi dwar l-istatus legali ta’ ICOs u r-regoli applikabbli għalihom, kif stabbilit diġà fil-punt 1.1 hawn fuq;
Iktar analiżi hija meħtieġa biex jiġi evalwat l-estent sa fejn il-qafas legal għas-servizzi finanzjarji huwa teknoloġikament newtrali u kapaċi jakkomoda innovazzjoni tal-FinTech, jew jekk jeħtieġx jiġi adatt għal dan l-għan. Fl-istess ħin, huwa meħtieġ li niżguraw li jkunu rispettati l-istabbiltà finanzjarja, il-protezzjoni tal-konsumatur u tal-investitur, rekwiżiti kontra l-ħasil tal-flus u l-infurzar tal-liġi.
Kaxxa 4 |
Il-Kummissjoni se tistabbilixxi grupp ta’ esperti biex sat-tieni trimestru tal-2019 jivvaluta jekk hemmx ostakoli regolatorji mhux ġustifikati għall-innovazzjoni finanzjarja fil-qafas regolatorju tas-servizzi finanzjarji. |
2.2.Tneħħija tal-ostakli fis-servizzi tal-cloud
Il-cloud computing jista’ jżid l-effiċjenza tal-infrastruttura diġitali li tirfed is-servizzi finanzjarji. L-esternalizzazzjoni tal-ipproċessar tad-dejta u l-kapaċità tal-ħażna lill-fornituri tas-servizzi tal-cloud tnaqqas il-kost ta’ ospitar, infrastruttura u softwer għall-kumpaniji u tista’ tgħin fis-simplifikazzjoni tan-nefqa għall-IT. Fl-istess ħin, tista’ tiżgura prestazzjoni, flessibbiltà u adattabbiltà akbar.
Kumpaniji regolati li jesternalizzaw attivitajiet lil fornitur tas-servizz tal-cloud għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti legali kollha (pereżempju f’termini ta’ ġestjoni xierqa tar-riskji, protezzjoni tad-dejta u superviżjoni adatta minn superviżuri). Partijiet interessati li rrispondew għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni qajmu tħassib li inċertezzi dwar l-aspettattivi tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza finanzjarja kienu qed jillimitaw l-użu tas-servizzi tal-cloud computing. Tali inċertezzi huma dovuti b’mod partikolari għan-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali u interpretazzjonijiet differenti tar-regoli ta’ esternalizzazzjoni 30 .
L-ABE riċentement ippubblikat rakkomandazzjonijiet dwar l-esternalizzazzjoni tas-servizzi tal-cloud 31 . L-ESMA, fl-irwol tagħha bħal superviżur dirett għal aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u repożitorji tat-tranżazzjonijiet, qed tesplora dawn il-kwistjonijiet u għandha l-għan li fl-2018 tiċċara ma’ liem rekwiżiti dawn il-kumpaniji għandhom ikunu konformi meta jesternalizzaw is-servizzi tal-cloud. L-esternalizzazzjoni tas-servizzi tal-cloud hija wkoll parti mill-mandat tal-EIOPA fiż-żona InsurTech. Madankollu, il-kwistjoni jistħoqqilha attenzjoni lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-inizjattivi eżistenti. Tista’ tinkiseb ċertezza addizzjonali jekk l-aspettattivi superviżorji jiġu espressi fil-forma ta’ linji gwida formali ta’ l-ASE 32 .
Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament li jistabbilixxi qafas għall-fluss liberu ta’ dejta mhux personali fl-UE għandha l-għan li tneħħi r-restrizzjonijiet ta’ lokalizzazzjoni ta’ dejta mhux ġustifikati u b’hekk tindirizza waħda mill-problemi ewlenin identifikati. Il-proposta tindirizza wkoll il-kwistjonijiet addizzjonali relatati mal-cloud, bħalma huma l-prevenzjoni tal-intrappolament tal-bejjiegħa minn fornituri tas-servizzi tal-cloud. Biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tar-Regolament propost b’mod speċifiku f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu tas-servizzi tal-cloud, fl-2018 il-Kummissjoni se tiġbor flimkien lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, li jikkonsistu f’utenti tal-cloud u l-awtoritajiet regolatorji.
Kaxxa 5 |
1.Il-Kummissjoni tistieden lill-ASE biex jesploraw il-ħtieġa għal linji gwida dwar l-esternalizzazzjoni lil fornituri ta’ servizzi cloud sal-ewwel trimestru tal-2019. 2.Fil-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar il-Bini ta’ Ekonomija ta’ Data Ewropea, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet ikkonċernati tal-cloud biex jiżviluppaw kodiċijiet ta’ kondotta awtoregolatorji transsettorjali biex jiffaċilitaw il-bdil bejn il-fornituri tas-servizzi tal-cloud. Il-Kummissjoni se tistieden ukoll rappreżentanti mis-settur finanzjarju biex jippermettu portabbiltà tad-dejta iktar faċli anki għal istituzzjonijiet finanzjarji. 3.F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tħeġġeġ u tiffaċilita l-iżvilupp ta’ klawsoli kuntrattwali standard għall-esternalizzazzjoni tal-cloud minn istituzzjonijiet finanzjarji, tibni fuq l-isforzi tal-partijiet ikkonċernati transettorjali tal-cloud diġà ffaċilitati mill-Kummissjoni, u tiżgura l-involviment tas-settur finanzjarju f’dan il-proċess. Jenħtieġ li din il-ħidma titwettaq permezz ta’ taħlita bbilanċjata ta’ kumpaniji mis-settur finanzjarju u fornituri ta’ servizzi cloud, u jenħtieġ li tindirizza b’mod partikolari r-rekwiżiti tal-awditjar, ir-rekwiżiti tar-rappurtar jew id-determinazzjoni tal-materjalità tal-attivitajiet li se jiġu esternalizzati. |
2.3.Nippermettu applikazzjonijiet tal-FinTech bl-inizjattiva blockchain tal-UE
Teknoloġiji ta’ reġistru distribwit u ta’ blockchain x’aktarx se jwasslu għal kisba sinifikanti li tittrasforma l-mod kif l-assi jew l-informazzjoni jkunu skambjati, validati u aċċessati permezz ta’ netwerks diġitali. X’aktarx li jkomplu jiżviluppaw fis-snin li ġejjin u jsiru komponent ewlieni tal-ekonomija u s-soċjetà diġitali.
Huwa importanti li tiġi evitata l-konfużjoni bejn it-teknoloġiji blockchain u l-kriptoassi (msemmijin hawn fuq), li jirrappreżentaw tip wieħed biss ta’ applikazzjoni ta’ blockchain. Il-blockchain kapaċi jsostni firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet f'setturi varji, li jistgħu ma jkunux limitati għal kriptoassi jew saħansitra qas biss ikunu FinTech.
Is-settur finanzjarju qiegħed imexxi l-esplorazzjoni tal-potenzjal tal-blockchain b’bosta provi ta’ kunċett u proġetti pilota f’firxa wiesgħa ta’ oqsma bħalma huma pagamenti, titoli, depożiti u self, ġbir tal-kapital, ġestjoni tal-investiment, proviżjonament tas-suq, negozjar u wara n-negozjar kif ukoll il-finanzjament u r-rappurtar tal-kummerċ (eż. RegTech).
Teknoloġiji ta’ reġistru distribwit u blockchain għandhom potenzjal kbir li jixprunaw is-sempliċità u l-effikaċja permezz tal-ħolqien ta’ infrastruttura u proċessi ġdida. Dawn it-teknoloġiji jistgħu jsiru ċentrali għall-infrastruttura futura tas-servizzi finanzjarji. L-applikazzjonijiet li l-aktar ikollhom impatt ikunu jesiġu kollaborazzjoni kbira bejn l-operaturi diġà stabbiliti, l-innovaturi u r-regolaturi biex ikun hemm implimentazzjoni b’suċċess u ta’ benefiċċju. L-ambitu ta’ applikazzjoni potenzjali huwa wiesa’ ħafna u għandu jkun sorveljat mill-qrib.
Minkejja li t-teknoloġiji blockchain għadhom fi stadju bikri, jeħtieġ li jiġu indirizzati għadd ta’ sfidi u riskji. L-Osservatorju u l-Forum tal-UE dwar il-Blockchain 33 , li ġie varat fi Frar tal-2018 għal perjodu ta’ sentejn, għandu l-għan li jissorvelja xejriet u żviluppi, jiġbor flimkien l-għarfien espert biex jindirizza kwistjonijiet settorjali u transsettorjali u jesplora soluzzjonijiet konġunti u każijiet transfruntieri ta’ użu tal-blockchain. Il-Parlament Ewropew appoġġa wkoll it-tnedija tal-Portal ta’ Trasparenza Finanzjarja Ewropew (EFTG), proġett pilota li juża t-teknoloġija tar-reġistru distribwit sabiex ikun iffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-kumpaniji kollha elenkati fi swieq regolati tat-titoli tal-UE fil-kuntest tad-Direttiva dwar it-Trasparenza 34 . Din l-inizjattiva għandha l-għan li żżid it-trasparenza tas-swieq regolati tal-UE, trawwem kemm integrazzjoni tas-suq kif ukoll likwidità tas-suq, b’konformità mal-għanijiet ta’ unjoni tas-swieq kapitali. Il-Kummissjoni Ewropea bdiet ukoll, pereżempju, il-blockchain għat-trasformazzjonijiet industrijali (#Blockchain4EU) u l-prova ta’ kunċett biex jintuża l-blockchain biex jiffaċilitaw il-ġbir ta’ dazji tas-sisa.
Waqt li kkunsidrat in-natura trasversali tal-blockchain, li tmur lil hinn mis-servizzi finanzjarji u potenzjalment tinkludi s-setturi kollha tal-ekonomija u s-soċjetà, il-Kummissjoni diġà ħadet passi biex tistabbilixxi inizjattiva tal-blockchain tal-UE permezz tat-tnedija tal-Osservatorju u l-Forum tal-UE dwar il-Blockchain. L-inizjattiva se tipproponi azzjonijiet, finanzjament ta’ miżuri u qafas li jippermetti skalabbiltà, jiżviluppa governanza u standards, u jappoġġja interoperabbiltà. Din l-inizjattiva transettorjali mistennija li tippermetti l-adozzjoni bikrija ta’ din it-teknoloġija fis-settur finanzjarju u żżid il-kompetittività tal-Ewropa u t-tmexxija teknoloġika, f’kollaborazzjoni ma’ azzjonijiet oħra f’dan il-pjan ta’ azzjoni (b’mod partikolari, il-verifika tal-adegwatezza tal-leġislazzjoni finanzjarja tal-UE). Tiddependi fuq azzjonijiet pilota appoġġati permezz tal-programm Orizzont 2020, li se jiġi estiż bejn l-2018 u l-2020. Il-Kummissjoni diġà żviluppat ukoll rabtiet mal-Kumitat Tekniku 307 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni dwar il-blockchain u teknoloġiji ta’ reġistru distribwit. Organizzazzjonijiet tal-Istandardizzazzjoni Ewropej 35 ġew mistiedna jieħdu rwol ta’ tmexxija biex jidentifikaw karatteristiċi speċifiċi tal-UE għal blockchain.
Kaxxa 6 |
1.Il-Kummissjoni se tikkonsulta pubblikament dwar aktar diġitalizzazzjoni ta’ informazzjoni regolata dwar il-kumpaniji elenkati fi swieq regolati tal-UE fit-tieni trimestru tal-2018, inkluża l-implimentazzjoni possibbli ta’ Portal ta’ Trasparenza Finanzjarja Ewropew ibbażat fuq it-teknoloġija ta’ reġistru distribwit. 2.Il-Kummissjoni se tkompli taħdem fuq strateġija komprensiva, waqt li tqis l-implikazzjonijiet legali rilevanti kollha, dwar teknoloġija ta’ reġistru distribwit u l-blockchain u tindirizza s-setturi kollha tal-ekonomija, inkluża li tippermetti applikazzjonijiet FinTech u RegTech fl-UE. 3.Fi Frar 2018, il-Kummissjoni varat Osservatorju u Forum tal-UE dwar il-Blockchain, kif ukoll studju dwar il-fattibbiltà ta’ infrastruttura blockchain pubblika tal-UE għall-iżvilupp ta' servizzi transfruntieri. Se jiġi vvalutat jekk il-blockchain jistax jintuża bħala infrastruttura tas-servizzi diġitali taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa bl-appoġġ tal-Osservatorju u l-Forum tal-UE u l-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni, il-Kummissjoni se tkompli tevalwa l-kwistjonijiet legali, ta’ governanza u tal-iskalabbiltà u tappoġġa sforzi tal-interoperabilità u tal-istandardizzazzjoni, inkluż l-evalwazzjoni ulterjuri ta’ każijiet ta’ użu tal-blockchain u l-applikazzjonijiet tiegħu fil-kuntest tal-Internet tal-Ġenerazzjoni li Jmiss. |
2.4.Bini ta’ kapaċità u għarfien fost ir-regolaturi u s-superviżuri f’Laboratorju tal-FinTech tal-UE
Ostakli maġġuri li qed jimpedixxu l-industrija finanzjarja milli tadotta teknoloġija ġdida jinkludu nuqqas ta’ ċertezza u ta’ gwida dwar kif tintuża, frammentazzjoni u nuqqas ta’ approċċi komuni bejn regolaturi u superviżuri nazzjonali.
Xi fornituri ta’ teknoloġija diġà jagħmlu sforzi biex jinfurmaw lir-regolaturi u lis-superviżuri dwar in-natura tat-teknoloġiji tagħhom u kif dawn jiġu applikati fis-settur finanzjarju. Madankollu, ħafna awtoritajiet isibuha bi tqila biex jirċievu taħriġ jew jinvolvu ruħhom f’diskussjonijiet meta ospitati minn bejjiegħa magħżula.
Il-Kummissjoni se tistabbilixxi laboratorju tal-FinTech tal-UE sabiex tgħolli l-livell tal-kapaċità regolatorja u superviżorja u l-għarfien dwar teknoloġiji ġodda. Se tagħmel dan permezz ta’ dimostrazzjonijiet u diskussjonijiet bejn esperti f’Laboratorju ta’ teknoloġija finanzjarja newtrali u mhux kummerċjali. Il-Laboratorju se jlaqqa’ flimkien diversi bejjiegħa, b’mod partikolari mill-UE, b’regolaturi u superviżuri li jistgħu jqajmu u jiddiskutu kwistjonijiet regolatorji u superviżorji.
It-teknoloġiji indirizzati jistgħu jinkludu:
·teknoloġiji ta’ awtentikazzjoni u identifikazzjoni,
·każijiet speċifiċi li jużaw it-teknoloġija tar-reġistru distribwit, it-teknoloġija tal-cloud, it-tagħlim awtomatiku u l-intelliġenza artifiċjali,
·l-interfaċċji tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet u l-istandards bankarji miftuħa u
·RegTech.
Kaxxa 7 |
Il-Kummissjoni se tospita Laboratorju tal-FinTech tal-UE fejn awtoritajiet Ewropej u nazzjonali se jiġu mistiedna jinteraġixxu ma’ fornituri ta’ soluzzjoni teknoloġika fi spazju newtrali u mhux kummerċjali matul sessjonijiet immirati dwar innovazzjonijiet speċifiċi li jibdew fit-tieni trimestru tal-2018. |
2.5.Ingranaġġ tat-teknoloġija biex tkun appoġġata d-distribuzzjoni tal-prodotti ta’ investiment għall-konsumaturi fis-Suq Uniku
Illum, investituri fil-livell tal-konsumatur li jkollhom x’jaqsmu ma’ swieq kapitali jinsabu megħluba mill-kumplessità enormi, il-kost u l-inċertezza assoċjata ma’ prodotti ta’ investiment. Sar progress sinifikanti fit-titjib ta’ komparabbiltà ta’ prodotti ta’ investiment għall-konsumatur b’mod partikolari permezz ta’ rekwiżiti ta’ żvelar. Filwaqt li dan għandu jtejjeb il-kwalità tal-prodotti, investituri fil-livell ta’ konsumatur xorta jiffaċċjaw kostijiet sostanzjali tat-tiftix fl-għażla tal-aktar prodott ta’ investiment adegwat.
Għaldaqstant jenħtieġ li aktar trasparenza sabiex tistimula l-kompetizzjoni u twessa’ l-għażliet għal investituri fil-livell ta’ konsumatur fis-swieq kapitali tkun mirfuda minn soluzzjonijiet xprunati minn dejta li jkunu jużaw teknoloġiji ġodda u iktar effettivi li jiżguraw li l-informazzjoni hija kompluta, komparabbli u aċċessibbli faċilment. Għodod bħal dawn jistgħu jkunu bbażati fuq żvelar aċċessibbli pubblikament u jipprovdu interfaċċja faċli għall-utent li torbot il-bażijiet ta’ dejta eżistenti jew għodod diġitali bħal kalkolaturi onlajn, għodda ta’ paragun, konsulenti awtomatizzati jew fund supermarkets. Għal dan il-għan, hija meħtieġa ħidma sostanzjali biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tas-settijiet tad-dejta u l-iżvilupp ta’ algoritmi xierqa, filwaqt li jiġi żgurat li r-riżultati jiġu ppreżentati b’mod ġust u faċli biex jinftiehem. Għaldaqstant il-Kummissjoni se teżamina s-sitwazzjoni attwali tal-interfaċċji diġitali xprunati mit-teknoloġija li jgħinu lil individwi sabiex isibu prodotti ta’ investiment fil-livell tal-konsumatur xierqa u effikaċi fis-swieq kapitali tal-UE.
3.Tisħiħ ta’ sigurtà u integrità tas-settur finanzjarju
Iċ-ċibersigurtà għadha fiċ-ċentru tal-azzjoni politika tal-UE u li s-settur finanzjarju tal-UE jsir iktar reżiljenti ċibernetikament hija prijorità politika għall-Kummissjoni. Minkejja dan, attakki ċibernetiċi ta’ profil għoli ġibdu l-attenzjoni fuq il-ħtieġa kontinwa biex jiżguraw ir-reżiljenza u l-integrità tas-sistemi. In-natura transfruntiera ta’ theddid ċibernetiku teħtieġ livell għoli ta’ allinjament tar-rekwiżiti u l-aspettattivi regolatorji u superviżorji nazzjonali. Hekk kif is-settur finanzjarju jsir dejjem iktar dipendenti fuq it-teknoloġija diġitali, huwa essenzjali li jiġi żgurat li s-settur finanzjarju huwa sikur u reżiljenti. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza għal servizzi diġitali biex tinkorpora “approċċ ta’ sigurtà ddiżinjata” u, f’dan ir-rigward, diġà ppreżentat proposta 36 biex toħloq qafas ta’ ċertifikazzjoni tal-UE għal prodotti u servizzi ta’ sigurtà tal-ICT.
Filwaqt li s-settur finanzjarju huwa mħejji aħjar minn setturi oħra, huwa wkoll l-iktar settur li jinsab taħt attakk. Riskji operazzjonali u ċibernetiċi huma ta’ theddida dejjem ikbar għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u jdgħajfu l-fiduċja li hija kruċjali għas-swieq finanzjarji. Il-Parlament Ewropew jirrikonoxxi t-theddida potenzjali lill-istabbiltà tas-settur finanzjaru, u għalhekk jappella lill-Kummissjoni biex “tagħmel iċ-ċibersigurtà l-ewwel prijorità fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-FinTech” 37 . Inċidenti ċibernetiċi ripetuti minħabba li ġew sfruttati nuqqasijiet fis-sigurtà bażika f’sistemi u f’organizzazzjonijiet jenfasizzaw l-importanza kritika li tiġi pprattikata l-iġjene ċibernetika fundamentali 38 fi kwalunkwe organizzazzjoni. Miżuri u rekwiżiti iktar stretti ta’ iġjene ċibernetika huma kruċjali sabiex tiġi żgurata l-integrità. Madankollu, il-livell sa fejn il-kumpaniji jkunu soġġetti għal standards ta’ iġjene ċibernetika u jsaħħuhom ivarjaw madwar l-UE, l-iktar skont prattiki tal-industrija u nazzjonali. Fil-livell tal-UE, il-leġiżlazzjoni attwali dwar is-servizzi finanzjarji, b’mod partikolari dik li tkopri l-infrastrutturi u l-pagamenti tas-suq finanzjarju, diġà fiha rekwiżiti speċifiċi dwar l-integrità tar-riżorsi u s-sistemi tal-IT u l-governanza tagħhom. F’oqsma oħra, ir-rekwiżiti huma aktar ġenerali, pereżempju fil-każ ta’ rekwiżiti tal-kontinwità tan-negozju jew tar-riskju operazzjonali ġenerali.
It-traspożizzjoni mill-Istati Membri tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni 39 (NIS) dwar rekwiżiti ta’ sigurtà f’servizzi finanzjarji oħra għadha għaddejja. Madankollu, jenħtieġ li jimtlew xi lakuni li jista’ għad hemm fil-leġiżlazzjoni tas-settur finanzjarju tal-UE biex tittejjeb ir-reżiljenza tas-settur. Qabel tittieħed tali azzjoni, jenħtieġ li jiġu studjati bir-reqqa l-prattiki u r-rekwiżiti 40 superviżorji. B’dan il-mod, l-aħjar prattiki fl-applikazzjoni ta’ rekwiżiti ġenerali jistgħu jiġu identifikati.
Aċċess għal intelliġence dwar it-theddid u skambju ta’ informazzjoni huma wkoll fundamentali għat-titjib taċ-ċibersigurtà. Kooperazzjoni u koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-iskambju tal-intelligence dwar it-theddid fis-settur finanzjarju tal-UE se jgħinu biex jiġu evitati u mitigati theddidiet ċibernetiċi. Uħud minn dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni tal-FinTech esprimew tħassib li l-iskambju ta’ informazzjoni dwar theddidiet ċibernetiċi jista’ jiġi ristrett mil-leġiżlazzjoni. Pereżempju jista’ jkun li ma jkunx kompatibbli mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data. Madankollu, dan ir-Regolament jagħraf li l-ipproċessar ta’ dejta personali li huwa meħtieġ u proporzjonat għall-fini tal-iżgurar tas-sigurtà tan-netwerk u l-informazzjoni jikkostitwixxi interess leġittimu.
Is-superviżuri qegħdin dejjem iżjed iwettqu ttestjar tal-penetrazzjoni u r-reżiljenza biex jivvalutaw l-effettività ta’ difiżi ċibernetiċi u rekwiżiti ta’ sigurtà. Ittestjar rigoruż diġà jikkostitwixxi l-aqwa prattiki fl-industrija, u t-testijiet u l-modalitajiet ta’ ttestjar qed ikunu dejjem iktar meħtieġa mill-awtoritajiet. Peress li l-infrastrutturi tas-suq finanzjarju u tal-istituzzjonijiet joperaw fuq bażi transfruntiera, il-multiplikazzjoni tal-ittestjar tal-oqfsa hija meqjusa li żżid il-kostijiet bla bżonn u potenzjalment iżżid ir-riskji. Il-partijiet ikkonċernati enfasizzaw il-ħtieġa għal koordinazzjoni regolatorja u superviżorja fil-livell Ewropew. Saħqu li dan għandu jsir flimkien ma’ kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn il-ġurisdizzjonijiet u fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet dwar ir-riżultati tat-testijiet li n-natura sensittiva tagħhom kellha tiġi protetta. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis li l-isforzi li l-BĊE, l-ASE u s-superviżuri nazzjonali qed jagħmlu pereżempju sabiex jiżviluppaw qafas tal-ittestjar Threat Intelligence Based Ethical Red Teaming (TIBER-EU) madwar l-UE huma promettenti. Il-valutazzjoni tar-reżiljenza ċibernetika tal-atturi tas-suq finanzjarju sinifikanti madwar is-settur finanzjarju tal-UE għandha l-potenzjal li b’mod effiċjenti u b’mod effettiv tidentifika vulnerabbiltajiet tal-istabbiltà u l-integrità tas-sistema finanzjarja tal-UE kollha kemm hi.
Reżiljenza ċibernetika soda teħtieġ approċċ wiesa’ u kollettiv kif ukoll taħriġ effettiv u attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni dan l-aħħar adottat il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali biex ittejjeb il-ħiliet diġitali fl-Ewropa kollha, inkluż għaċ-ċibersigurtà 41 . In-natura globali inerenti ta’ theddidiet ċibernetiċi għamlitha ċara li l-kooperazzjoni internazzjonali hija kruċjali biex jiġu indirizzati dawn ir-riskji: għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni hija involuta b’mod attiv fil-ħidma tal-G20 u l-G7 dwar iċ-ċibersigurtà fis-servizzi finanzjarji.
Kaxxa 8 |
1.Fit-tieni trimestru tal-2018, il-Kummissjoni se torganizza workshop pubblika-privata biex tesplora u tevalwa ostakli li jillimitaw il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar theddid ċibernetiku bejn parteċipanti fis-swieq finanzjarji u biex jiġu identifikati soluzzjonijiet potenzjali filwaqt li tiżgura li standards ta’ protezzjoni ta’ data jkunu sodisfatti. 2.Il-Kummissjoni tistieden lill-ASE biex sal-ewwel trimestru tal-2019 jidentifikaw il-prattiki superviżorji eżistenti bejn is-setturi finanzjarji madwar rekwiżiti ta’ sigurtà u governanza tal-ICT, u fejn xieraq: a) li jikkunsidraw joħorġu linji gwida mmirati lejn il-konverġenza u l-infurzar superviżorju tar-rekwiżiti ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ mitigazzjoni tal-ICT fis-settur finanzjarju tal-UE u, b) jekk meħtieġ, jipprovdu lill-Kummissjoni b’pariri tekniċi dwar il-ħtieġa għal titjib leġislattiv. 3.Il-Kummissjoni tistieden lill-ASE biex sar-raba’ trimestru tal-2018 jivvalutaw il-kostijiet u l-benefiċċji tal-iżvilupp ta’ qafas koerenti tal-ittestjar ta’ ċiberreżiljenza għal parteċipanti u infrastrutturi tas-suq sinifikanti fis-settur finanzjarju kollu tal-UE. |
KONKLUŻJONIJIET
L-avvanz rapidu tal-FinTech qed jixpruna bidliet strutturali fis-settur finanzjarju. F’ambjent li jinbidel daqstant malajr, regolamentazzjoni preskrittiva u għaġġelija wisq iġġorr ir-riskju ta’ eżiti mhux mixtieqa. Madankollu, hemm ukoll riskji li jekk wieħed joqgħod lura milli jaġġorna l-oqfsa politiċi u regolatorji l-fornituri ta’ servizzi finanzjarji tal-UE jistgħu jitqegħdu fi żvantaġġ f’suq dejjem aktar globali. Hemm ukoll il-possibbiltà, pereżempju fil-każ ta’ ċibersigurtà, li riskji ewlenin jibqgħu ma jiġux indirizzati.
Dan il-pjan ta’ azzjoni tal-FinTech jikkombina kemm miżuri ta’ appoġġ biex jgħinu biex jintroduċu soluzzjonijiet tal-FinTech u miżuri proattivi biex irawmu u jistimulaw soluzzjonijiet ġodda u jiġu indirizzati b’mod determinat l-isfidi u r-riskji emerġenti. Il-Kummissjoni stipulat il-pjanijiet tagħha għal aktar ħidma fuq l-iffaċilitar, l-akkomodazzjoni u, fejn possibbli, it-tħeġġiġ għal innovazzjoni fis-settur finanzjarju, filwaqt li tiżgura f’kull ħin il-preżervazzjoni tal-istabbiltà finanzjarja u livelli għoljin ta’ protezzjoni tal-investituri u tal-konsumaturi. Huwa pilastru importanti ta’ approċċ ta’ strateġija usa' għar-regolamentazzjoni fl-ambjent ta’ wara l-kriżi. L-għanijiet huma tlieta: li jiġu sfruttati l-avvanzi rapidi fit-teknoloġija għall-benefiċċju tal-ekonomija, iċ-ċittadini u l-industrija tal-ekonomija tal-UE, li jitrawwem settur finanzjarju Ewropew aktar kompetittiv u innovattiv, u li tiġi żgurata l-integrità tas-sistema finanzjarja tal-UE.
https://www.esma.europa.eu/press-news/esma-news/esma-highlights-ico-risks-investors-and-firms , 13 ta’ Novembru 2017
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.3.2018
COM(2018) 109 final
ANNESS
tal-
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Pjan ta' Azzjoni tal-FinTech: Għal settur finanzjarju Ewropew iktar kompetittiv u innovattiv
Anness — Ħidma tal-inizjattivi inklużi fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-FinTech
Dan l-anness jipprovdi idea ġenerali tal-inizjattivi inklużi fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-FinTech.
NIPPERMETTU MUDELLI TA’ NEGOZJU INNOVTATIVI LI JILĦQU L-ISKALA TAL-UE |
|||
Kaxxa 1 |
Rekwiżiti ta’ liċenzjar ċari u konverġenti għal kumpaniji tal-FinTech |
Il-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva għal Regolament tal-UE dwar fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv ibbażat fuq investiment u fuq self (ECSP) għan-negozju. |
L-ewwel trimestru tal-2018 |
Il-Kummissjoni tistieden lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej sabiex jimmappjaw il-modi attwali ta’ awtorizzazzjoni u liċenzjar għal mudelli ta’ negozju innovattivi tal-FinTech. B’mod partikulari, għandhom jesploraw kif il-proporzjonalita u l-flessibbiltà fil-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji huma applikati mill-awtoritajiet nazzjonali. Fejn xieraq, l-ASE (Awtoritajiet ta’ Sorveljanza Ewropej) għandhom joħorġu linji gwida dwar approċċi u proċeduri jew jippreżentaw rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jadattaw il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji. |
L-ewwel trimestru tal-2019 |
||
Il-Kummissjoni se tkompli l-monitoraġġ tal-iżviluppi ta’ kriptoassi u Offerti Inizjali tal-Muniti mal-ASE, il-Bank Ċentrali Ewropew, l-FSB kif ukoll dawk li jiffissaw l-istandards internazzjonali matul l-2018. Abbażi tal-valutazzjoni tar-riskji, l-opportunitajiet u l-adegwatezza tal-qafas regolatorju applikabbli, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk hix meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-UE. |
Sar-raba’ trimestru tal-2018 |
||
Kaxxa 2 |
Standards komuni u soluzzjonijiet interoperabbli għall-FinTech |
Il-Kummissjoni se tgħin tiżviluppa modi iktar koordinati dwar l-istandards għall-FinTech billi tikkoordina u taħdem ma’ korpi li jistabbilixxu l-istandards, bħall-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni inkluż fil-qasam tal-blockchain. |
Ir-raba’ trimestru tal-2018 |
Il-Kummissjoni tħeġġeġ u se tappoġġa sforzi konġunti mill-atturi fis-suq biex jiżviluppaw, sa nofs l-2019, interfaċċji tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet standardizzati li jkunu konformi mad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament u r-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data Ġenerali bħala bażi għal ekosistema bankarja miftuħa Ewropea li tkopri l-ħlas u kontijiet oħra. |
It-tieni trimestru tal-2019 |
||
Kaxxa 3 |
Nippermettu mudelli ta’ negozju innovattivi li jikbru fl-UE permezz ta’ faċilitaturi ta’ innovazzjoni |
Filwaqt li tibni fuq ħidma reċenti mill-ASE sabiex jimmappjaw il-faċilitaturi tal-FinTech stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza, il-Kummissjoni tistieden lill-ASE jwettqu analiżi ulterjuri u jidentifikaw l-aħjar prattiki u, fejn xieraq, joħorġu linji gwida dwar dawn il-faċilitaturi. |
Ir-raba’ trimestru tal-2018 |
Il-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet kompetenti fuq il-livelli tal-Istati Membri u tal-UE biex jieħdu inizjattivi biex jiffaċilitaw l-innovazzjoni abbażi ta’ dawn l-aħjar prattiki u tistieden lill-ASE biex jiffaċilitaw kooperazzjoni superviżorja, inklużi l-koordinazzjoni u d-disseminazzjoni ta’ informazzjoni dwar it-teknoloġiji innovattivi, l-istabbiliment u l-operat ta’ ċentri ta’ innovazzjoni u esperimentazzjoni regolatorja, u konsistenza tal-prattiki superviżorji. |
L-ewwel trimestru tal-2019 |
||
Abbażi tal-ħidma tal-ASE, il-Kummissjoni se tippreżenta rapport bl-aħjar prattiki għall-esperimentazzjoni regolatorja |
Sal-ewwel trimestru tal-2019 |
APPOĠĠ GĦAT-TNEDIJA TA’ INNOVAZZJONI TEKNOLOĠIKA FIS-SETTUR FINANZJARJU |
|||
Kaxxa 4 |
Analiżi tal-Adegwatezza tan-Newtralità tat-Teknoloġija |
Il-Kummissjoni se tistabbilixxi grupp ta’ esperti biex jivvaluta jekk hemmx ostakoli regolatorji mhux ġustifikati għall-innovazzjoni finanzjarja fil-qafas regolatorju tas-servizzi finanzjarji. |
It-tieni trimestru tal-2019 |
Kaxxa 5 |
Tneħħija tal-ostakli għall-użu tas-servizzi tal-cloud |
Il-Kummissjoni tistieden lill-ASE biex jesploraw il-ħtieġa għal linji gwida dwar l-esternalizzazzjoni lil fornituri ta’ servizzi cloud sal-ewwel trimestru tal-2019. |
L-ewwel trimestru tal-2019 |
Fil-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar il-Bini ta’ Ekonomija ta’ Data Ewropea, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet ikkonċernati tal-cloud biex jiżviluppaw kodiċijiet ta’ kondotta awtoregolatorji transsettorjali biex jiffaċilitaw il-bdil bejn il-fornituri tas-servizzi tal-cloud. Il-Kummissjoni se tistieden ukoll rappreżentanti mis-settur finanzjarju biex jippermettu portabbiltà tad-dejta iktar faċli anki għal istituzzjonijiet finanzjarji. |
It-tieni trimestru tal-2018 |
||
Il-Kummissjoni se tħeġġeġ u tiffaċilita l-iżvilupp ta’ klawsoli kuntrattwali standard għall-esternalizzazzjoni tal-cloud minn istituzzjonijiet finanzjarji, tibni fuq l-isforzi tal-partijiet interessati transettorjali tal-cloud diġà iffaċilitati mill-Kummissjoni, u tiżgura l-involviment tas-settur finanzjarju f’dan il-proċess. Jenħtieġ li din il-ħidma titwettaq permezz ta’ taħlita bbilanċjata ta’ kumpaniji mis-settur finanzjarju u fornituri ta’ servizzi cloud, u jenħtieġ li tindirizza b’mod partikolari r-rekwiżiti tal-awditjar, ir-rekwiżiti ta’ rappurtar jew id-determinazzjoni tal-materjalità tal-attivitajiet li se jiġu esternalizzati. |
It-tieni trimestru tal-2019 |
||
Kaxxa 6 |
Inizjattiva Blockchain Pubblika tal-UE |
Il-Kummissjoni se tikkonsulta pubblikament dwar aktar diġitalizzazzjoni ta’ informazzjoni regolata dwar il-kumpaniji elenkati fi swieq regolati tal-UE, inkluża l-implimentazzjoni possibbli ta’ Portal ta’ Trasparenza Finanzjarja Ewropew ibbażat fuq it-teknoloġija ta’ reġistru distribwit. |
It-tieni trimestru tal-2018 |
Il-Kummissjoni se tkompli taħdem fuq strateġija komprensiva, waqt li tqis l-implikazzjonijiet legali rilevanti kollha, dwar teknoloġija ta’ reġistru distribwit u l-blockchain fejn tindirizza s-setturi kollha tal-ekonomija, inkluża li tippermetti applikazzjonijiet FinTech u RegTech fl-UE. |
|||
Fi Frar 2018, il-Kummissjoni varat Osservatorju u Forum tal-UE dwar il-Blockchain, kif ukoll studju dwar il-fattibbiltà ta’ infrastruttura blockchain pubblika tal-UE biex jiġu żviluppati servizzi transfruntieri. Se jkun ivvalutat jekk block chain jistax jintuża bħala infrastruttura ta’ servizzi diġitali skont il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Bl-appoġġ tal-Osservatorju u l-Forum tal-UE u l-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni, il-Kummissjoni se tkompli tevalwa l-kwistjonijiet legali, ta’ governanza u tal-iskalabbiltà u tappoġġa sforzi tal-interoperabilità u tal-istandardizzazzjoni, inkluż l-evalwazzjoni ulterjuri ta’ każijiet ta’ użu tal-blockchain u l-applikazzjonijiet tiegħu fil-kuntest ta’ Internet tal-Ġenerazzjoni li Jmiss. |
Mill-ewwel trimestru tal-2018 |
||
Kaxxa 7 |
Bini ta’ kapaċità u għarfien f’Laboratorju tal-FinTech tal-UE |
Il-Kummissjoni se tospita Laboratorju tal-FinTech tal-UE fejn awtoritajiet Ewropej u nazzjonali se jiġu mistiedna jidħlu f’kuntatt ma’ fornituri ta’ soluzzjoni teknoloġika fi spazju newtrali u mhux kummerċjali matul sessjonijiet immirati dwar innovazzjonijiet speċifiċi. |
It-tieni trimestru tal-2018 |
TISĦIĦ TAS-SIGURTÀ U R-REŻILJENZA TAS-SETTUR FINANZJARJU |
|||
Kaxxa 8 |
Tisħiħ tar-reżiljenza ċibernetika tas-Settur Finanzjarju tal-UE |
Il-Kummissjoni se torganizza workshop pubblika-privata biex tesplora u tevalwa ostakli li jillimitaw il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar theddid ċibernetiku bejn parteċipanti fis-swieq finanzjarji u biex tidentifika soluzzjonijiet potenzjali filwaqt li tiżgura li standards ta’ protezzjoni ta’ data jkunu sodisfatti. |
It-tieni trimestru tal-2018 |
Il-Kummissjoni tistieden lill-ASE biex jidentifikaw il-prattiki superviżorji eżistenti bejn is-setturi finanzjarji madwar rekwiżiti ta’ sigurtà u governanza tal-ICT, u fejn xieraq: a) li jikkunsidraw joħorġu linji gwida mmirati lejn il-konverġenza u l-infurzar superviżorju tar-rekwiżiti ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ mitigazzjoni tal-ICT fis-settur finanzjarju tal-UE u, b) jekk meħtieġ, jipprovdu lill-Kummissjoni b’pariri tekniċi dwar il-ħtieġa għal titjib leġislattiv. |
L-ewwel trimestru tal-2019 |
||
Il-Kummissjoni tistieden lill-ASE biex jivvalutaw il-kostijiet u l-benefiċċji tal-iżvilupp ta’ qafas koerenti tal-ittestjar ta’ ċiberreżiljenza għal parteċipanti u infrastrutturi tas-suq sinifikanti fis-settur finanzjarju kollu tal-UE. |
Ir-raba’ trimestru tal-2018 |