Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0091

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL It-Tieni Rapport Annwali dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija

    COM/2018/091 final

    Brussell, 14.3.2018

    COM(2018) 91 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    It-Tieni Rapport Annwali dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija


    Werrej

    1. Introduzzjoni    

    1.1 It-Turkija u l-kriżi tar-refuġjati    

    1.2 Ir-rispons tal-UE għall-kriżi u l-istabbiliment tal-Faċilità    

    2. Kif taħdem il-Faċilità    

    3. Il-kapaċità finanzjarja, it-tul ta’ żmien u n-natura tal-finanzjament.    

    4. Implimentazzjoni tal-Faċilità    

    4.1 Għajnuna umanitarja    

    4.2 Għajnuna mhux umanitarja    

    5. Il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-awditjar    

    5.1 Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni    

    5.2 L-Awditu    

    6. Il-komunikazzjoni u l-viżibbiltà    

    7. Il-konklużjoni u l-passi li jmiss    



    1. Introduzzjoni

    Skont l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Novembru 2015 1 dwar il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri permezz ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni (“id-Deċiżjoni”)– il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati regolarment dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija (minn hawn ’il quddiem “il-Faċilità”). L-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità. L-ewwel Rapport Annwali dwar il-Faċilità kien ippreżentat f’Marzu 2017. Dan ir-rapport jiddeskrivi l-funzjonijiet tal-Faċilità, l-ewwel azzjonijiet li ttieħdu biex tiġi implimentata, il-monitoraġġ, is-sistema tal-evalwazzjoni, kif ukoll l-attivitajiet relatati ta’ komunikazzjoni. 

    1.1 It-Turkija u l-kriżi tar-refuġjati

    Il-pożizzjoni ġeografika tat-Turkija tagħmilha pajjiż prominenti għall-wasla u t-tranżitu ta’ refuġjati u migranti. B’riżultat ta’ influss bla preċedent, prinċipalment minħabba l-kunflitti fis-Sirja u fl-Iraq, il-pajjiż qed jospita aktar minn 3,8 miljun refuġjat u migrant, l-ikbar għadd fid-dinja. Dan jinkludi 3,5 miljun refuġjat Sirjan irreġistrat 2 , li minnhom inqas minn 7 % jirrisjedu fil-21 kamp imwaqqfa mill-gvern Tork, u aktar minn 300 000 rifuġjat irreġistrat u persuna li qed tfittex l-ażil, l-aktar mill-Iraq, mill-Afganistan, mill-Iran u mis-Somalja 3 . Disaggregazzjoni tal-għadd ta’ refuġjati u persuni li qed ifittxu l-ażil tinsab fil-mappa f’paġna 3 4 . Dan l-influss kellu impatt sinifikanti fuq il-komunitajiet ospitanti. It-Turkija qed tkompli tagħmel sforzi ta’ min ifaħħarhom meta tirċievi, issostni u tospita għadd kbir ta’ refuġjati u migranti.

    1.2 Ir-rispons tal-UE għall-kriżi u l-istabbiliment tal-Faċilità

    Fl-2015, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha ddeċidew li jżidu l-involviment politiku u finanzjarju tagħhom biex jappoġġaw lit-Turkija fl-isforzi tagħha biex tilqa’ lir-refuġjati. Intlaħaq qbil dwar kooperazzjoni komprensiva bbażata fuq responsabbiltà kondiviża, impenji reċiproki u riżultati bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija fil-qafas tad-Dikjarazzjonijiet UE-Turkija tad-29 ta’ Novembru 2015 u tat-18 ta’ Marzu 2016 5 . Il-laqgħa tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern mat-Turkija fid-29 ta’ Novembru 2015 attivat l-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija 6 biex it-Turkija tingħata għajnuna biex tindirizza l-konsegwenzi tal-kunflitt fis-Sirja.

    Bi tweġiba għas-sejħa mill-Istati Membri tal-UE għal finanzjament addizzjonali sinifikanti biex jiġu appoġġjati r-refuġjati fit-Turkija, il-Kummissjoni ddeċidiet, fl-24 ta’ Novembru 2015, li tistabbilixxi l-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija 7 . Il-Faċilità hija mekkaniżmu għall-koordinazzjoni tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi li tqiegħdu għad-dispożizzjoni kemm taħt il-baġit tal-UE kif ukoll taħt kontribuzzjonijiet addizzjonali mill-Istati Membri integrati fil-baġit tal-UE bħala dħul assenjat estern li jammonta għal total ta’ EUR 3 biljun għall-perjodu bejn l-2016 u l-2017 8 .

    Dan il-kontribut jikkomplementa u żżid b’mod sostanzjali l-fondi eżistenti fil-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’Reazzjoni għall-Kriżi Sirjana 9 (il-Fond Fiduċjarju tal-UE), fl-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi, fl-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem, u fil-programmi nazzjonal tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni, li ppermettew li ssir ħidma fuq il-front fi kwistjonijiet relatati mar-refuġjati ma’ sħab ewlenin.

    L-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016 (minn hawn ’il quddiem “id-Dikjarazzjoni”) kellha rwol ewlieni matul l-2017 biex jiġi żgurat li l-isfida tal-migrazzjoni tiġi indirizzata b’mod effettiv u b’mod konġunt mill-UE u t-Turkija. Id-Dikjarazzjoni baqgħet tikseb riżultati konkreti fit-tnaqqis tal-vjaġġi irregolari u perikolużi u biex jiġu salvati ħajjiet fil-Baħar Eġew. Kumplessivament, fl-2017, fl-UE, waslu 41 720 migrant permezz tar-rotta tal-Lvant tal-Mediterran meta mqabbel mal-182 227 li waslu fl-2016. L-għadd ta’ ħajjiet mitlufa fil-baħar naqas sew, fejn fl-2017 għerqu 62 persuna, meta mqabbel ma’ 434 fl-2016.

    Ir-risistemazzjonijiet mit-Turkija lejn l-UE qed ikomplu jsiru b’pass mgħaġġel; mill-4 ta’ April 2016 sal-14 ta’ Frar 2018, 12 170 refuġjat Sirjan ġew risistemati mit-Turkija lejn Ewropa 10 . Bħal fil-każ tal-Iskema Volontarja ta’ Ammissjoni Umanitarja, bil-Proċeduri Operattivi Standard ġew approvati mill-Istati Membri f’Diċembru 2017, dan għandu jiġi attivat. L-elementi u l-kundizzjonijiet kollha issa huma fis-seħħ għal attivazzjoni, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni UE-Turkija. Dan se jiżgura l-kontinwazzjoni tar-risistemazzjonijiet u jipprovdi alternattiva sikura u legali għall-migrazzjoni irregolari lejn l-UE.

    L-implimentazzjoni kontinwa u sħiħa tad-Dikjarazzjoni teħtieġ sforzi kontinwi u determinazzjoni politika min-naħat kollha. 

    2. Kif taħdem il-Faċilità

    Il-Faċilità hija mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni li jippermetti l-mobilizzazzjoni mħaffa, effettiva u effiċjenti ta’ għajnuna tal-UE lir-refuġjati fit-Turkija. Il-Faċilità tiżgura l-aħjar mobilizzazzjoni ta’ strumenti ta’ finanzjament eżistenti fl-UE, f’forma ta’ għajnuna umanitarja jew bħala għajnuna mhux umanitarja, sabiex jiġi żgurat li l-bżonnijiet tar-refuġjati u tal-komunitajiet li jospitawhom jiġu indirizzati b’mod komprensiv u koordinat 11 .

    Il-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Faċilità jipprovdi gwida strateġika fir-rigward tal-prijoritajiet ġenerali, it-tip ta’ azzjonijiet li għandhom jiġu appoġġati, l-ammonti li għandhom jiġu allokati u l-istrumenti finanzjarji li għandhom jiġu mobilizzati, kif ukoll, fejn ikun xieraq, dwar il-kundizzjonijiet marbutin mal-implimentazzjoni tal-impenji tat-Turkija skont il-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt UE-Turkija 12 . Tul it-tieni sena ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità, saru erba’ laqgħat tal-Kumitat ta’ Tmexxija, fit-12 ta’ Jannar, fil-31 ta’ Marzu, fit-28 ta’ Ġunju, u fit-8 ta’ Novembru 2017. Il-Kummissjoni laqqgħet id-disa’ laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija fid-9 ta’ Marzu 2018 u l-laqgħa li jmiss hija ppjanata għar-Rebbiegħa 2018.

    Il-prinċipji ewlenin li jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-Faċilità huma l-ħeffa, l-effiċjenza u l-effettività, filwaqt li jiġi żgurat li ssir ġestjoni finanzjarja korretta. Is-sostenibbiltà tal-interventi tal-Faċilità hija importanti wkoll, kif inhi s-sjieda kondiviża mal-awtoritajiet Torok. L-identifikazzjoni tal-oqsma prijoritarji għal assistenza mill-Faċilità hija bbażata fuq valutazzjoni komprensiva u indipendenti tal-bżonnijiet 13 , b’attenzjoni partikolari mogħtija lill-gruppi vulnerabbli.

    Il-Faċilità tikkoordina l-finanzjament mill-istrumenti ta' finanzjament esterni li ġejjin: Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 rigward l-għajnuna umanitarja 14 , l-Istrument Ewropew tal-Viċinat 15 , l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp 16 , l-Istrument għall-Assistenza ta’ qabel l-Adeżjoni 17 u l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi 18 . Il-miżuri li se jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni huma implimentati skont ir-regoli u r-regolamenti finanzjarji tagħha - li jinkludu kemm il-ġestjoni diretta u indiretta kif ukoll jinvolvu lill-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’Rispons għall-Kriżi fis-Sirja. Id-disaggregazzjoni tal-proġetti tal-Faċilità għal kull strument tal-UE 19 hija kif ġej:

    L-implimentazjoni tal-għajnuna ssir bil-kundizzjoni tal-konformità stretta mit-Turkija mal-impenji riflessi fil-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt UE-Turkija, u fid-Dikjarazzjonijiet UE-Turkija tad-29 ta’ Novembru 2015 u tat-18 ta’ Marzu 2016.

    3. Il-kapaċità finanzjarja, it-tul ta’ żmien u n-natura tal-finanzjament.

    Il-baġit totali kkoordinat mill-Faċilità fil-perjodu 2016–2017 huwa ta’ EUR 3 biljun. Dan huwa magħmul minn EUR 1 biljun mill-baġit tal-UE, u EUR 2 biljun minn finanzjament mill-Istati Membri 20 . Il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri jsiru direttament lill-Baġit Ġenerali tal-UE f’forma ta’ dħul assenjat estern skont l-Artikolu 21(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju u jiġu assenjati lil-linji baġitarji tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni u tal-għajnuna umanitarja Mill-EUR 1 biljun mill-baġit tal-UE, EUR 250 miljun kienu mobilizzati fl-2016 u EUR 750 miljun fl-2017.

    L-Istati Membri ħallsu EUR 677 miljun lill-faċilità fl-2016 u 847 miljun fl-2017, li minnhom EUR 1 332 miljun jew madwar 87 % ġew żborzati sa tmiem l-2017 21 . Għall-2018 u l-2019, it-tqassim tal-pagamenti tal-Istati Membri se ikun ta’ EUR 396 miljun u EUR 80 miljun rispettivament.

    Fi tmiem l-2016 u wara d-diskussjonijiet fir-raba’ Kumitat ta’ Tmexxija u fil-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, l-iskadenza għall-pagamenti finali mill-Faċilità ġiet estiża minn tmiem l-2019 għal tmiem l-2021 għal raġunijiet tekniċi sabiex jippermettu l-iffirmar ta’ xi kuntratti itwal previsti fil-Miżura Speċjali adottata f’Lulju 2016. Din l-estensjoni la se jkollha impatt negattiv fuq l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ikkonċernati, u lanqas se jkollha impatt fuq it-twaqqit tal-pagamenti tal-Istati Membri jew tal-Kummissjoni lill-Faċilità.

    Hemm qbil sodisfaċenti bejn ir-rata tal-ħlas mill-Istati Membri tal-kontribuzzjonijiet tagħhom lill-Faċilità u r-rata tal-iżburżar iffinanzjat minn dawn il-kontribuzzjonijiet mill-Faċilità.

    4. Implimentazzjoni tal-Faċilità

    Il-Faċilità hija implimentata bħala għajnuna umanitarja u mhux umanitarja, b’EUR 1,4 biljun u EUR 1,6 biljun allokati għall-fergħat rispettivi:

    L-assistenza umanitarja tappoġġa r-refuġjati l-aktar vulnerabbli u persuni oħra fil-bżonn permezz ta’ appoġġ prevedibbli u dinjituż li jindirizza l-ħtiġijiet bażiċi u l-protezzjoni. Hija tindirizza wkoll id-distakki fil-forniment ta’ servizz permezz ta’ aġenziji speċjalizzati u s-sħab fis-saħħa u fl-edukazzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

    L-għajnuna li mhijiex umanitarja tappoġġa l-għajxien fuq terminu ta' żmien twil u l-prospetti soċjoekonomiċi, tas-saħħa u edukattivi tar-refuġjati. Din tiffoka wkoll fuq gruppi vulnerabbli, pereżempju l-protezzjoni tan-nisa u l-bniet kontra l-vjolenza sesswali u dik ibbażata fuq il-ġeneru u tipprovdi aċċess għal kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva.

    Tingħata attenzjoni partikolari tar-refuġjati mhux Sirjani u lill-persuni li qed ifittxu ażil. L-interventi tal-faċilità dejjem għandhom l-għan li jinkludu lill-komunitajiet lokali li qed jospitaw lir-refuġjati.

    Minn perspettiva operazzjonali, il-pakkett sħiħ tal-Faċilità ta' EUR 3 biljun ġie impenjat u kkuntrattat 22 permezz ta’ 72 proġett 23 sal-aħħar tal-2017. L-iżborżi laħqu aktar minn EUR 1,85 biljun 24 , jew 62 % tal-pakkett totali, bil-bilanċ li se jitħallas matul l-implimentazzjoni tal-proġetti tal-Faċilità, u sa mhux aktar tard minn tmiem l-2021. Id-detallji sħaħ jinsabu fit-tabbella tal-proġetti onlajn 25 .

    L-assistenza hija disponibbli mal-pajjiż kollu, iżda l-biċċa l-kbira tal-implimentazzjoni ma ssirx fil-kampijiet iżda prinċipalment fl-għaxar provinċji l-aktar milqutin — Istanbul, Sanliurfa, Hatay, Gaziantep, Mersin Adana, Bursa, Kilis, Iżmir, u Kahramanmaras 26 .

    4.1 Għajnuna umanitarja

    L-għajnuna umanitarja tal-UE hija gwidata mill-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja tal-2007 27 , li jistipula li l-UE bħala attur umanitarju taderixxi mal-prinċipji umanitarji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza, kif stabbilit fit-Trattat ta’ Lisbona (l-Artikolu 214 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE) u fir-Regolament dwar l-Għajnuna Umanitarja (Nru 1257/96) 28 29 .

    EUR 1,389 biljun ġew allokati mill-fergħa umanitarja tal-Faċilità u l-45 proġett umanitarju kollha ġew ikkuntrattati ma’ 19-il sieħeb u koprew ir-rispons għall-ħtiġijiet bażiċi, il-protezzjoni, l-edukazzjoni u s-saħħa. Sal-lum ġew żborżati EUR 1,11 biljun, u bbenefikaw minnhom total ta’ 1 561 940 refuġjat 30 . Il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Umanitarja kien ippubblikat f’Mejju 2017 31 . Xi riżultati tal-għajnuna umanitarja ewlenija tal-Faċilità fl-2017 32 jinsabu hawn taħt.

    Is-Sistema ta' Protezzjoni Soċjali ta' Emerġenza

    L-UE kompliet tindirizza l-ħtiġijiet tar-refuġjati b’livell għoli ta’ vulnerabbiltà soċjoekonomika permezz tal-Sistema ta' Protezzjoni Soċjali ta' Emerġenza. Din hija programm ta’ assistenza soċjali umanitarja li tikkonsisti f’kard ta’ debitu waħda li ta’ kull xahar, u mingħajr restrizzjoni, tforni flus għal bosta skopijiet. Minn Frar 2018, kważi 1,2 miljun refuġjat kienu bbenefikaw minn trasferimenti ta’ flus ta’ kull xahar permezz tal-programm. Barra minn hekk, id-Direttorat Ġenerali tal-Ġestjoni tal-Migrazzjoni, bl-appoġġ tal-Faċilità, ivverifika d-dejta ta’ aktar minn miljun ċittadin Sirjan bi Protezzjoni Temporanja li jgħixu fit-Turkija. Dan l-eżerċizzju jgħin lit-Turkija, lill-UE u lis-sħab tagħha biex jipprovdu appoġġ immirat aħjar lejn dawk li jeħtieġu protezzjoni.

    Edukazzjoni f’emerġenzi

    L-UE kompliet tiffaċilita l-aċċess tal-popolazzjonijiet tar-refuġjati għas-sistemi edukattivi formali billi naqqset l-ostakli u pprovdiet il-mezzi biex it-tfal f’riskju jkunu jistgħu jmorru l-iskola. Il-programm tat-Trasferiment Kondizzjonali ta’ Flus għall-Edukazzjoni (Conditional Cash Transfer for Education) tnieda fl-2017 u huwa l-ikbar programm tal-edukazzjojni qatt iffinanzjat mill-UE. Minn Frar 2018 il-familji ta’ aktar minn 266,000 tifel u tifla li jattendu l-iskola rċievew appoġġ finanzjarju permezz tal-programm Trasferiment Kondizzjonali ta’ Flus għall-Edukazzjoni. Barra minn hekk, medja ta’ 6 683 tifel u tifla kull xahar ibbenefikaw minn għajnuna għat-trasport tal-iskejjel u 3 487 tifel u tifla refuġjati bbenefikaw minn attivitajiet ta’ edukazzjoni mhux formali. Attivitajiet bħal dawn jinkludu l-għoti ta’ korsijiet f’edukazzjoni mhux formali fil-lingwa Torka u/jew Għarbija, inizjattivi ta’ tagħlim mid-dar u klabbs tal-homework. Dawn il-programmi se jiffaċilitaw id-dħul tat-tfal fl-edukazzjoni formali fil-grad skont l-età tagħhom.

    Is-saħħa

    L-UE ffukat fuq li timla l-vojt potenzjali fil-forniment tas-servizzi tal-kura tas-saħħa primarja kif ukoll f’li tipprovdi servizzi speċifikament meħtieġa mir-refuġjati u persuni oħra fil-bżonn. Saru total ta’ 311 447 konsultazzjoni tal-kura tas-saħħa primarja lir-refuġjati fil-provinċji bl-akbar popolazzjonijiet ta’ refuġjati. Barra minn hekk, 17 913-il mara tqila bbenefikat minn servizzi ta’ kura qabel u wara t-twelid, 4 912 rifuġjat ibbenefikaw minn kura tas-saħħa mentali u appoġġ psikosoċjali u 5 228 rifuġjat ibbenefikaw minn servizzi wara l-operazzjonijiet u rijabilitattivi bejn Jannar u l-aħħar ta’ Diċembru 2017.

    4.2 Għajnuna mhux umanitarja

    Taħt il-fergħa nonumanitarja tal-Faċilità ġew allokati EUR 1,611-il biljun, is-27 proġett kollha ingħataw b’kuntratt 33 u ġew żborżati EUR 747 miljun 34 .

    Il-programmar u l-ikkuntrattjar jiffaċċjaw għadd ta’ sfidi fejn tidħol l-infrastruttura muniċipali, speċjalment fir-rigward tal-inklużjoni ta’ elementi ta’ self u ta’ kreditu. Fid-dawl ta’ nuqqas ta’ maturità fl-iżvilupp tal-proġett finalment ma setgħet tingħata l-ebda għajnuna għall-infrastruttura muniċipali mill-Faċilità. Għalhekk il-Miżura Speċjali 35 adottata f’Lulju 2016 36 , ġiet immodifikata darbtejn fl-2017. Il-modifiki kif approvati mill-Kumitat tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni jsegwu l-istess prinċipji tal-Miżura Speċjali oriġinali.

    Barra minn hekk, minħabba l-għadd aktar baxx milli mistenni ta’ persuni ritornati, il-Miżura Speċjali dwar ir-ritorni, adottata f’April 2016 37 , ġiet immodifikata biex id-Direttorat Ġenerali Tork għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni itejjeb il-kapaċità tiegħu li jimmaniġġja, jirċievi u jospita l-migranti u l-persuni ritornati, speċjalment fejn jidħlu riżorsi umani u infrastruttura. L-ambitu tal-Miżura Speċjali żdied biex ikopri lill-migranti ritornati kollha mill-UE.

    Minbarra l-allokazzjoni mmaniġġjata direttament permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni 38 , il-fergħa nonumanitarja tal-Faċilità tappoġġa serje ta’ miżuri minn isfel għal fuq permezz ta’ 15-il proġett għal ammont totali ta’ EUR 293 miljun taħt il-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’Reazzjoni għall-Kriżi Sirjana.

    Id-disaggregazzjoni tal-allokazzjonijiet skont il-qasam ta’ prijorità, minbarra l-assistenza umanitarja, hija kif ġej:

    Peress li l-maġġoranza tal-kuntratti ġew iffirmati lejn l-aħħar tal-2017, l-implimentazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-proġetti bdiet fl-2018. Madankollu, xi proġetti diġà bdew iħallu impatt sinifikanti fuq il-post.

    L-edukazzjoni

    L-UE qed tappoġġa fl-istadji kollha tas-sistema edukattiva, minn kmieni fit-tfulija sal-edukazzjoni għolja, sabiex ma tintilifx ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ.

    Il-pilastru prinċipali tal-assistenza mill-Faċilità għall-edukazzjoni huwa l-proġett “Il-promozzjoni tal-Integrazzjoni tat-Tfal Sirjani fis-Sistema Edukattiva Torka” 39 , għotja diretta ta’ EUR 300 miljun lill-Ministeru Tork tal-Edukazzjoni Nazzjonali biex jippromwovi l-integrazzjoni tat-tfal Sirjani fis-sistema edukattiva Torka. Mill-31 ta’ Ottubru 2017, 312 151 tifel u tifla rċevew taħriġ fil-lingwa Torka minn 5 486 għalliem tat-Tork impjegati minn dan il-proġett. Ġew impjegat ukoll 93 għalliem tal-Għarbi u 489 counsellor. 10 085 tifel u tifla Sirjani barra mill-iskola jirċivew taħriġ ta’ rkupru biex jiġi ffaċilitat id-dħul tagħhom fl-iskola u 43 388 student qegħdin jibbenefikaw minn taħriġ ta’ sostenn kontinwu, bi 32 351 jibbenefikaw minn trasport għall-iskola. 500 000 student bdew jirċievu l-kartolerija u l-kotba tal-korsijiet. L-għan huwa wkoll li jiġi appoġġjat il-Ministeru u tiżdied il-kapaċità tiegħu ta’ implimentazzjoni u ta’ ġestjoni.

    L-attivitajiet iffinanzjati mill-Faċilità tal-Edukazzjoni — kemm minn mill-fergħa umanitarja tal-Faċilità bit-Trasferiment Kondizzjonali ta’ Flus għall-Edukazzjoni u l-edukazzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza kif ukoll mil-linja nonumanitarja — minn organizzazzjonijiet mhux governattivi u mill-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti jikkomplementaw il-proġett “Il-Promozzjoni tal-Integrazzjoni tat-Tfal Sirjani fis-Sistema Edukattiva Torka”. Qed tingħata attenzjoni partikolari għall-appoġġ psikosoċjali u għall-programmi ta’ koeżjoni soċjali. Il-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal, pereżempju, diġà wettaq programmi bħal dawn għal aktar minn 35 000 tifel u tifla, adoloxxenti u żgħażagħ.

    Biex jingħataw opportunitajiet fl-edukazzjoni għolja lir-refuġjati, 332 student universitarju qed jirċievu boroż ta’ studju permezz ta’ tliet proġetti u l-għadd ta’ studenti megħjuna huwa ppjanat li jiżdied fis-sena akkademika 2018-2019.

    L-interventi tal-faċilità fil-qasam prijoritarju tal-edukazzjoni għandhom perspettivi fuq perjodu ta’ żmien qasir, medju u twil. Bl-appoġġ tal-Kreditanstalt für Wiederaufbau u tal-Bank Dinji, il-bini u l-armar ta’ 125 skola solida u 50 skola prefabbrikata għandhom ikunu ta’ benefiċċju għal 124 000 tifel u tifla refuġjati kull sena 40 . Il-bini tal-ewwel skola beda.

    Is-saħħa

    Il-pilastru prinċipali tal-assistenza mill-Faċilità fil-qasam prijoritarju tas-saħħa huwa l-proġett SIHHAT, li huwa għotja diretta ta’ EUR 300 miljun lill-Ministeru Tork tas-Saħħa biex jiżgura l-aċċess tar-refuġjati għas-servizzi tal-kura tas-saħħa. Taħt il-proġett SIHHAT, mill-31 ta’ Diċembru 2017, saru operazzjonali 12-il Ċentru tas-Saħħa għall-migranti biex jitjiebu s-servizzi tal-kura tas-saħħa primarja. F’dawn iċ-ċentri, u fis-86 ċentru l-ieħor li kien diġà waqqaf il-Ministeru qabel beda l-proġett, ġew impjegati 813-il persuna. Ir-refuġjati bbenefikaw minn 763 963 konsultazzjoni tal-kura tas-saħħa primarja u 217 511-il tarbija refuġjata Sirjana tlaqqmu kompletament 41 . Il-proġett SIHHAT għandu jipprovdi servizzi ta’ riabilitazzjoni tas-saħħa mentali lil sa miljun refuġjat. Barra minn hekk, se jiġu pprovduti attivitajiet ta’ ppjanar tal-familja, prevenzjoni ta’ mard li jittieħed, reklutaġġ u taħriġ ta’ persunal tal-kura tas-saħħa u se jsiru attivitajiet ta’ outreach.

    Fi sforz sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa fuq perjodu medju u twil, bdiet l-implimentazzjoni ta’ żewġ sptarijiet f’Kilis u Hatay, b’kapaċità ta’ 300 u 250 sodda rispettivament.

    Appoġġ Soċjoekonomiku

    L-appoġġ soċjoekonomiku jaqdi rwol kruċjali fl-integrazzjoni tar-refuġjati fis-soċjetà Torka u jrawwem il-koeżjoni ekonomika u soċjali tant meħtieġa. Peress li l-ostaklu tal-lingwi joħloq waħda mill-akbar diffikultajiet għall-integrazzjoni effettiva, il-Faċilità qed tipprovdi korsijiet tal-lingwa Torka lir-refuġjati.

    Biex jitjiebu l-impjegabbiltà u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tar-refuġjati u ta’ dawk vulnerabbli fil-komunitajiet ospitanti, il-proġetti l-ġodda se jipprovdu taħriġ vokazzjonali lil 15 100 ruħ u 7 400 ruħ se jibbenefikaw minn tiftix ta’ impjieg u minn sessjonijiet ta’ konsulenza. L-intraprenditorija se tiġi appoġġjata, permezz ta’ attivitajiet ta’ konsulenza ta’ appoġġ, inkluż b’mikrogħotjiet.

    Bħala għajnuna istituzzjonali lis-servizzi tal-impjiegi se tissaħħaħ il-kapaċità tal-aġenzija Torka tal-impjieg biex tipprovdi pariri u għajnuna fl-impjiegi u se tissaħħaħ il-kapaċità tas-sistemi tal-Ministeru Tork tax-Xogħol u tal-Politika Soċjali biex jimmonitorja l-għoti tal-permessi tax-xogħol u tas-servizzi tal-impjiegi.

    Ċentri fil-komunità ffinanzjati mill-Faċilità jipprovdu firxa estensiva ta’ servizzi, minn korsijiet ta’ taħriġ għal informazzjoni u servizzi ta’ referenza, għal servizzi kulturali u avvenimenti ta’ netwerking sabiex tiżdied ir-reżiljenza u l-awtodependenza tar-refuġjati u tal-komunitajiet ospitanti.

    Il-ġestjoni tal-migrazzjoni

    Il-faċilità kopriet l-ispejjeż marbuta mal-ġestjoni tar-ritorn (it-trasport, l-ospitalità) ta’ 212-il Sirjan u 1 076 persuna mhux Sirjani, kif ukoll tat-tagħmir loġistiku u x-xogħol fuq ċentru ta’ tneħħija għal 750 persuna. Minn Awwissu 2017 sa tmiem Ottubru, 16 733 migrant irċevew għajnuna ffinanzjata mill-Faċilità f’ċentri ta’ tneħħija.

    Il-Faċilità għenet ukoll biex żdiedet il-kapaċità tal-Gwardja tal-Kosta Torka biex twettaq operazzjonijiet ta’ tfittix u salvataġġ. Ġew fornuti sitt dgħajjes u 939 Gwardja tal-Kosta Torka ġew imħarrġa dwar l-istandards umanitarji għal ġestjoni tal-fruntieri tal-baħar.

    5. Il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-awditjar

    5.1 Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni

    L-ewwel abbozz tal-Qafas tar-Riżultati tal-Faċilità ġie ppreżentat lill-Kumitat ta’ Tmexxija f’Marzu 2017 u ta bidu għall-monitoraġġ fil-livell tal-Faċilità. L-ewwel ċiklu ta’ monitoraġġ tnieda f’Mejju 2017 bħala proġett pilota, segwit bi tlett ċikli oħra fl-2017. B’mod parallel il-Kummissjoni adottat Miżura Speċjali ta’ EUR 14,3-il miljun għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, l-awditjar u l-komunikazzjoni tal-Faċilità.

    Il-konstatazzjonijiet tal-monitoraġġ ġew ippreżentati lill-Kumitat tat-Tmexxija f’Ġunju 2017 u f’Novembru 2017. Il-Qafas tar-Riżultati qed jiġi revedut skont id-dejta li waslet mill-erba’ ċikli ta’ monitoraġġ ħalli fl-2018 u wara lill-Kumitat tat-Tmexxija jingħatawlu aġġornamenti komprenżivi.

    Is-sistema tal-monitoraġġ tal-Faċilità hija maħsuba biex tkun sostnuta teknikament minn pjattaforma ta’ monitoraġġ onlajn li għandha tiffaċilita l-aggregazzjoni u l-analiżi tad-dejta 42 , u l-viżwalizzazzjoni tal-progress. Il-pjattaforma għandha tkun operattiva b’mod sħiħ sa nofs l-2018.

    B’mod parallel, qed tiġi mobilizzata assistenza teknika biex tiffaċilita l-integrazzjoni tal-komponenti differenti tal-mekkaniżmu tal-monitoraġġ u biex tappoġġja l-obbligi tal-monitoraġġ fuq il-post li jinsabu fil-kuntratti b’ġestjoni diretta.

    Il-komponenti kollha tas-sistema komprenżiva ta’ monitoraġġ tal-Faċilità għandhom ikunu operazzjonali bis-sħiħ matul fl-2018. Il-pass li jmiss se jkun li tibda l-evalwazzjoni tal-Faċilità.

    5.2 L-Awditu

    Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri nediet uffiċjalment l-awditu tagħha tal-prestazzjoni tal-Faċilità fis-17 ta’ Ottubru 2017. Il-pubblikazzjoni tal-aħħar rapport tal-Qorti hija mistennija sal-aħħar tal-2018. L-awditu jiffoka fuq il-kumplimentarjetà tal-għajnuna mill-Faċilità, ir-riżultati u l-monitoraġġ u fuq kampjun ta’ proġetti umanitarji.

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jeżerċitaw superviżjoni finanzjarja fuq il-Faċilità peress li din tifforma parti integrali mill-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

    6. Il-komunikazzjoni u l-viżibbiltà

    Mill-bidu nett, il-viżibbiltà u l-komunikazzjoni tal-Faċilità ngħataw prijorità ewlenija. Il-Faċilità hija ċentrali biex jasal il-messaġġ tal-appoġġ qawwi u kontinwu tal-UE lir-refuġjati u lill-komunitajiet ospitanti fit-Turkija.

    Il-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet Torok hija tajba ħafna, u bosta avvenimenti ta’ viżibilità konġunta ta’ livell għoli, bħal ċerimonji ta’ ftuħ b’Kummissarji tal-UE, kienu ta’ suċċess. Dawn l-avvenimenti kienu koperti b’mod estensiv mill-midja Torok u dik internazzjonali. Pereżempju, it-tnedija tal-proġett SIHHAT ġie kopert f’aktar minn 100 artikolu fil-midja Torka, li laħqu 7,7 miljun qarrej. Żjara għall-istampa flimkien ma’ ċerimonja liema bħala għall-ftuħ ta’ skejjel prefabbrikati saret fix-Xlokk tat-Turkija f’Novembru 2017 u ġġenerat kopertura estensiva mill-midja 43 .

    Il-Kummissjoni żviluppat strateġija ta’ komunikazzjoni fil-bidu tal-2017. Din isservi ta’ qafas kumplessiv għall-attivitajiet ta’ komunikazzjoni u tal-għodod li nħolqu taħt il-Faċilità sal-lum, u għandha l-għan li żżid il-viżibilità tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Faċilità. Minn mindu bdiet tiġi implimentata l-istrateġija, ġie prodott għadd ta’ materjal ta’ komunikazzjoni biex jispjega l-iskop tal-Faċilità u l-attivitajiet prinċipali.

    Il-Faċilità għandha paġna web dedikata 44 li tinkludi mappa interattiva li turi l-proġetti implimentati sal-lum u tabella deskrittiva dettaljata tal-proġetti tal-Faċilità. Il-paġna web dedikata 45 tad-Delegazzjoni tal-UE irċeviet madwar 4 890 vista minn mindu tnediet f’Jannar 2017.

    Il-Kummissjoni żviluppat varjetà ta’ materjal ta’ komunikazzjoni stampat u onlajn. Tqassmu bullettini lill-Kumitat ta’ Tmexxija, u kards bl-informazzjoni li juru l-attivitajiet tal-Faċilità ġew ippubblikati matul is-sena kollha fuq il-midja soċjali. Is-sħab tal-UE u l-persunal tal-UE ipproduċew 36 storja fi blogs u xi 54 vidjow dwar proġetti differenti tal-Faċilità 46 . Tħejjew bosta films li jippromwovu proġetti tal-Faċilità b’enfasi fuq stejjer ta’ interess uman, ġew ippubblikati fuq YouTube u tqassmu fuq il-midja soċjali u fis-sit web tad-Delegazzjoni tal-UE bl-Ingliż u bit-Tork 47 . Isiru wkoll diversi vidjos ta’ interess uman u se jiġu ppubblikati f’okkażjonijiet relatati 48 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħarġet 21 stqarrija għall-istampa u d-Delegazzjoni tal-UE f’Ankara ħarġet 19 oħra lokalment 49 . Aktar minn 350 artiklu dwar il-Faċilità dehru f’midja stampata u fuq l-internet bit-Tork.

    7. Il-konklużjoni u l-passi li jmiss

    Il-pakkett operazzjonali tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija ġie kkuntrattat kollu. Il-faċilità diġà pprovdiet għajnuna tant meħtieġa lir-refuġjati u lill-komunitajiet ospitanti fil-pajjiż. Il-passi li jmiss huma dawn:

    ·L-implimentazzjoni effettiva tal-proġetti kollha tal-Faċilità għall-benefiċċju tar-refuġjati u tal-komunitajiet ospitanti, f’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba.

    ·L-implimentazzjoni sħiħa tas-sistema tal-monitoraġġ tal-Faċilità fl-2018.

    ·L-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tal-Faċilità.

    ·Jitlaqqgħu Kumitati ta’ Tmexxija f’intervalli regolari. Il-laqgħa li jmiss hija ppjanata għar-Rebbiegħa 2018.

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9500 tal-24.11.2015 dwar il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri permezz ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni - il-Faċilità għar-Refuġjati għat-Turkija, kif ġiet emendata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 855 tal-10.2.2016.

    (2)

    3 506 532 “Sirjan bi Protezzjoni Temporanja” ġew irreġistrati fit-8 ta’ Frar 2018, sors: id-Direttorat Ġenerali Tork għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni: http://www.goc.gov.tr/icerik6/temporary-protection_915_1024_4748_icerik

    (3)

    Partikolarità tas-sistema tal-ażil tat-Turkija hija marbuta mal-fatt li l-pajjiż iffirma b’riżerva l-Protokoll ta’ New York tal-1967 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951. Għaldaqstant, il-maġġoranza l-kbira tar-refuġjati fit-Turkija ma jistgħux japplikaw għal status sħiħ ta’ refuġjat iżda biss għal status ta’ “Refuġjat Kondizzjonali”, li jekk jingħata, jillimita l-permanenza fil-pajjiż sal-mument li refuġjat rikonoxxut jiġi “risistemat f’pajjiż terz”.

    (4)

    Sors: il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati, u d-Direttorat Ġenerali għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni, l-awtur: il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati, ċifri fis-7 ta’ Diċembru 2017. Id-deżinjazzjonijiet użati u l-preżentazzjoni tal-materjal f’din il-mappa ma jimplikawx l-espressjoni ta’ xi opinjoni, tkun xi tkun, min-naħa tal-Unjoni Ewropea dwar l-istatus legali ta’ xi pajjiż, territorju, belt jew żona jew dwar l-awtoritajiet tagħhom, jew dwar id-delimitazzjoni tal-fruntieri jew tal-konfini tagħhom.

    (5)

      http://www.consilium.europa.eu/mt/meetings/international-summit/2015/11/29/ ; http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/03/18/eu-turkey-statement/  

    (6)

      http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-15-5860_en.htm  

    (7)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 60/03 tal-10.02.2016 dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9500 tal-24 ta’ Novembru 2015.

    (8)

    Mill-2011 ‘l hawn, l-UE u l-Istati Membri kollettivament mobilizzaw kważi EUR 10,4 biljun b’rispons għall-kriżi Sirjana; li minnhom EUR 4,8 biljun mill-baġit tal-UE.

    (9)

      https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/neighbourhood/countries/syria/madad_mt  

    (10)

    Sors: Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali.

    (11)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9500 tal-24.11.2015, l-Artikolu 2 - L-Għanijiet tal-Faċilità.

    (12)

    Ara l-Artikolu 5 (1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015)9500, kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016)855.

    (13)

      http://avrupa.info.tr/fileadmin/Content/2016__April/160804_NA_report__FINAL_VERSION.pdf  

    (14)

    ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1.

    (15)

    Ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat, ĠU L 77, 15.3.2014, p. 27.

    (16)

    Ir-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44.

    (17)

    Ir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni, ĠU L 77, 15.3.2014, p. 11.

    (18)

    Ir-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi, ĠU L 77, 15.3.2014, p. 1.

    (19)

    L-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u l-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, il-kontribuzzjonijiet kienu rispettivament ittrasferiti u implimentati taħt l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni u l-Fond Fiduċjarju tal-UE.

    (20)

    It-tqassim totali tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri jinsab fuq  http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/02/03-refugee-facility-for-turkey/ .

    (21)

    Minħabba li dan huwa dħul assenjat estern, il-kontribuzzjonijiet li ma jiġux implimentati f’sena partikolari jiġu riportati awtomatikament għas-sena ta’ wara, dment li l-azzjoni li għaliha jkunu assenjati tkun qed titwettaq.

    (22)

    F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, in-nefqa amministrattiva u ta’ appoġġ tekniku, kif ukoll il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-awditu, jistgħu jingħataw b’kuntratt lil hinn mill-2017.

    (23)

    Għadha pendenti il-kontrofirma għal proġett wieħed.

    (24)

    Inklużi l-ammonti mħallsa mill-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’Reazzjoni għall-Kriżi Sirjana iżda li għadhom ma ġewx rimborżati mill-baġit tal-UE.

    (25)

      https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/news_corner/migration_en

    (26)

    Id-distribuzzjoni tar-refuġjati Sirjani fil-provinċji hija disponibbli fuq: http://www.goc.gov.tr/icerik6/temporary-protection_915_1024_4748_icerik  

    (27)

    Dikjarazzjoni Konġunta mil-laqgħa tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri

    (28)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta' Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja.

    (29)

    L-għajnuna umanitarja tal-Kummissjoni Ewropea hija bbażata fuq Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Umanitarja (Humanitarian Implementation Plans) annwali speċifiċi għall-pajjiż. Il-qafas għall-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u s-sħab tagħha fil-qasam tal-għajnuna umanitarja huwa stabbilit bil-Ftehimiet Qafas Finanzjarji u Amministrattivi tal-Kummissjoni (Financial and Administrative Framework Agreements) ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u bil-Ftehimiet Qafas ta’ Sħubija (Framework Partnership Agreements) ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi.

    (30)

    Inkluż kemm ir-refuġjati li bbenefikaw mis-Sistema ta' Protezzjoni Soċjali ta' Emerġenza kif ukoll minn programmi simili preċedenti.

    (31)

    Disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/echo/sites/echo-site/files/hip_turkey_2017_ver_2.pdf  

    (32)

    Jista’ jkun li r-refuġjati jkunu rċevew aktar minn servizz wieħed u t-total taċ-ċifri ma jgħoddx għad-duplikazzjoni.

    (33)

    Għadha pendenti il-kontrofirma għal proġett wieħed.

    (34)

    Din iċ-ċifra tinkludi wkoll l-iżborżi taħt proġetti implimentati mill-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’rispons għall-kriżi fis-Sirja, iżda li għadhom ma ġewx debitati lill-baġit tal-UE.

    (35)

    L-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Komuni applikabbli għall-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni jippermetti lill-Kummissjoni tadotta Miżuri Speċjali f’każijiet iġġustifikati kif dovut. Miżuri Speċjali jiġu adottati b’opinjoni favorevoli tal-Kumitat tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni u kkomunikati lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri.

    (36)

     C(2016) 4999 id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-28.7.2016 li tadotta Miżura Speċjali dwar l-edukazzjoni, is-saħħa, l-infrastruttura muniċipali u l-appoġġ soċjoekonomiku għar-refuġjati fit-Turkija, li għandha tiġi ffinanzjata mill-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-snin 2016 u 2017.

    (37)

    C(2016) 2435 id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad-19.04.2016 li tadotta Miżura Speċjali dwar il-migranti mibgħuta lura t-Turkija, li għandha tiġi ffinanzjata mill-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

    (38)

    Il-fondi tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni mill-Faċilità huma ġestiti f’konformità mar-regoli għall-azzjoni esterna stipulati fit-Titolu IV tat-tieni parti tar-Regolament Finanzjarju u r-Regoli ta’ Applikazzjoni tiegħu. Għal aktar dettalji, ara l-ewwel Rapport Annwali dwar il-Faċilità.

    (39)

    PICTES tfisser “Il-promozzjoni tal-Integrazzjoni tat-Tfal Sirjani fis-Sistema Edukattiva Torka”. (Promoting Integration of Syrian Children into Turkish Education System)

    (40)

    Il-kuntratti jikkumplimentaw proġett simili mal-Kreditanstalt für Wiederaufbau ffinanzjat mill-Fond Fiduċjarju tal-UE li għandu valur ta’ EUR 70 miljun u li ma jaqax taħt il-qafas tal-Faċilità.

    (41)

    Mill-31 ta’ Ottubru 2017.

    (42)

    Se tagħmel diżaggregazzjoni skont il-ġeneru, l-età, id-diżabbiltà (fejn ikun possibbli u f’loku) u l-lokalità ġeografika.

    (43)

    Aktar minn 500 ħarġa rrapportaw dwar iż-żjara.

    (44)

      https://ec.europa.eu/neighbourhood-enlargement/news_corner/migration_en

    (45)

      https://www.avrupa.info.tr/en/eu-response-refugee-crisis-turkey-710  

    (46)

    Pereżempju, vidjow dwar il-Faċilità li fih jidher fiċ-ċentru ta’ protezzjoni tat-tfal f’Ankara laħaq aktar minn 300 000 ruħ.

    (47)

    https://www.youtube.com/watch?time_continue=5&v=qRVSqKYeZKE

    (48)

    Ara pereżempju: https://www.youtube.com/watch?v=57bSP91KqnY

    (49)

    L-istqarrijiet għall-istampa kollha relatati mal-Faċilità jinsabu fil-bażi tad-dejta tal-istqarrijiet għall-istampa tal-Kummissjoni Ewropea “Rapid”: http://europa.eu/rapid/search.htm

    Top