Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE5559

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kontribut tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għal Ewropa aktar koeżiva u demokratika” (opinjoni esploratorja fuq talba mill-Presidenza Rumena)

    EESC 2018/05559

    ĠU C 240, 16.7.2019, p. 20–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.7.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 240/20


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kontribut tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għal Ewropa aktar koeżiva u demokratika”

    (opinjoni esploratorja fuq talba mill-Presidenza Rumena)

    (2019/C 240/05)

    Relatur: Alain COHEUR

    Konsultazzjoni

    Ittra tal-20.9.2018

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

    Adottata fis-sezzjoni

    2.4.2019

    Adottata fil-plenarja

    15.5.2019

    Sessjoni plenarja Nru

    543

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    118/1/1

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jipprovdu tweġibiet varjati, fid-diversità tas-setturi ta’ attività tagħhom, biex nimxu lejn soċjetà aktar koeżiva u attenta għall-interess ġenerali. L-ekonomija soċjali hija mutur essenzjali tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali fl-Ewropa, ibbażat fuq 2,8 miljun negozju u 13,6-il miljun impjieg, li jammontaw għal 8 % tal-PDG tal-UE. L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għandhom rwol ewlieni fil-ħolqien u ż-żamma ta’ impjiegi ta’ kwalità, is-suċċess tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.

    1.2.

    Is-sitwazzjoni attwali tal-ekonomija soċjali fl-Ewropa mhijiex ugwali. Hemm Stati Membri fejn is-saħħa storika u l-politika nazzjonali reċenti jappoġġjaw l-iżvilupp tas-settur, filwaqt li f’oħrajn, huwa mrażżan. Dan il-kuntest, li miegħu jingħaqad in-nuqqas ta’ mezzi finanzjarji adegwati, ma jħallix lill-ekonomija soċjali tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u għall-irkupru tad-dinamiżmu tal-intrapriżi, ittaffi t-tensjonijiet soċjali maħluqa miż-żieda fl-inugwaljanzi u fil-faqar, tnaqqas il-qgħad f’ċerti reġjuni, u tiġġieled kontra l-kundizzjonijiet prekarji tax-xogħol, fenomeni li jwasslu għaż-żieda fil-populiżmu.

    1.3.

    Il-KESE jappella biex l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea (KE) jirrikonoxxu l-kontribut tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali fl-iżvilupp ta’ ċittadinanza attiva u fil-ġid komuni, kif ukoll fil-promozzjoni ta’ mudell soċjali Ewropew u fil-ħolqien ta’ identità Ewropea. Dan ir-rikonoxximent huwa sinifikanti biss jekk jitqassmu r-riżorsi adegwati u jiġu mħeġġa t-tixrid u l-promozzjoni tal-użu tal-innovazzjonijiet u tal-għarfien.

    1.4.

    Il-KESE jinnota li essenzjalment, il-mudelli tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali huma kważi nieqsa mill-programmi tat-tagħlim u mill-faċilitajiet ta’ ħolqien u ta’ żvilupp tal-intrapriżi. Il-kwistjoni tat-taħriġ u l-edukazzjoni fl-ekonomija soċjali għandha tkun imniżżla fil-programmi tas-sistemi edukattivi, aċċess ġenwin għall-għarfien u għas-sens ta’ inizjattiva intraprenditorjali. Għalhekk, għandu jiġi promoss l-aċċess tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għall-programm Eramus+.

    1.5.

    Il-KESE jfakkar li huwa essenzjali li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jiġu promossi permezz ta’ politiki pubbliċi ambizzjużi u trasversali u permezz ta’ Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-ekonomija soċjali.

    1.6.

    Il-KESE, kif diġà ntqal f’opinjonijiet preċedenti, jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jiżguraw li jkun hemm appoġġ speċifiku għall-innovazzjoni soċjali, li jinkludi rikonoxximent u appoġġ politiku għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u għas-soċjetà ċivili bħala parti interessata ewlenija fis-soċjetà u l-provvista ta’ ambjent abilitanti.

    1.7.

    Il-KESE jitlob lill-KE tiċċara l-kunċett tal-ekonomija soċjali skont il-karatteristiċi tal-forom differenti attwali tagħha.

    1.8.

    Il-KESE jfakkar lill-KE, lill-Istati Membri u lill-Eurostat fil-ħtieġa li jimplimentaw il-proposti msemmija fil-manwal dwar il-kontijiet satelliti sabiex jinħoloq reġistru tal-istatistika tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali.

    1.9.

    Il-KESE jfakkar fil-ħtieġa li jsiru iktar riċerki biex wieħed jifhem l-iskop u l-mekkaniżmi li permezz tagħhom l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali, tad-demokrazija u jagħtu spinta lill-ekonomija. Dan l-approċċ jippermetti li titnaqqas id-diskrepanza li teżisti bejn l-Istati Membri l-ġodda u l-bqija tal-UE.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1.

    L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali huma kkaratterizzati mill-fatt li jaqdu l-interess ġenerali jew ta’ komunità u m’għandhomx l-għan li jimmassimizzaw il-qligħ tagħhom. L-għan tagħhom jidher biċ-ċar li huwa wieħed soċjali: dan jinvolvi t-titjib tal-benesseri individwali u soċjali billi jitnaqqsu l-inugwaljanzi u tittejjeb il-koeżjoni soċjali. Għandhom l-għan ukoll li jgħinu fl-iżvilupp ta’ impjiegi ta’ kwalità fl-intrapriżi soċjalment responsabbli.

    2.2.

    L-ekonomija soċjali hija forma ta’ organizzazzjoni tal-attivitajiet tal-bniedem, imsejsa fuq is-sjieda kollettiva, is-solidarjetà u d-demokrazija parteċipattiva, li tiddependi fuq l-effiċjenza ekonomika tal-mezzi tagħha u tiżgura l-produzzjoni, it-tqassim u l-iskambju, kif ukoll il-konsum ta’ prodotti u servizzi. Tikkontribwixxi għall-espressjoni ta’ ċittadinanza attiva u għandha sehem fil-prosperità individwali u kollettiva. Tintervjeni fl-oqsma kollha: ekonomiċi, soċjali, soċjetali u ambjentali.

    2.3.

    Huwa ċar li għadd ta’ elementi qed jimminaw progressivament il-pedamenti tas-soċjetajiet tagħna li huma bbażati fuq id-demokrazija u l-koeżjoni soċjali: it-tnaqqis fl-infiq pubbliku u fl-oqfsa ta’ protezzjoni li joffru, il-loġika ta’ profitt u ta’ redditu fuq żmien qasir li jsegwu s-swieq finanzjarji u spekulattivi, iż-żieda fil-populiżmu, iż-żieda fl-inugwaljanzi.

    2.4.

    Sabiex jiġu indirizzati dawn l-iżviluppi soċjetali u l-inċertezzi li kull ma’ jmur dejjem qed jiżdiedu, iżda wkoll biex jinżammu l-ambizzjonijiet tagħha tal-iżvilupp ekonomiku, l-UE għandha tikkontribwixxi għall-ħruġ fid-dieher ta’ soċjetajiet demokratiċi u koeżivi u li huma sinonimi mal-progress ekonomiku u soċjali u mal-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet u l-forom ta’ esklużjoni soċjali. L-UE tista’ tilħaq l-ambizzjonijiet tagħha filwaqt li tiddefendi l-valuri komuni tagħha permezz tal-implimentazzjoni ambizzjuża tal-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali u billi tikseb l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli.

    3.   Koeżjoni soċjali u soċjetà ċivili

    3.1.

    Il-koeżjoni soċjali hija, skont il-Kunsill tal-Ewropa, il-kapaċità ta’ soċjetà li tiżgura l-benesseri tal-membri kollha tagħha, billi tnaqqas id-disparitajiet u tevita l-marġinalizzazzjoni. Għall-KE, l-ambizzjoni tal-politika ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali hija li tnaqqas id-diskrepanzi tal-ġid u l-iżvilupp bejn ir-reġjuni tal-UE. Il-ksur tal-“koeżjoni soċjali” jikkawża żieda fil-frustrazzjonijiet u fl-attitudnijiet introversi u jiffurmaw ambjent fejn jinbtu teoriji antidemokratiċi. Id-demokrazija, il-koeżjoni soċjali u l-organizzazzjoni libera u indipendenti tas-soċjetà ċivili jikkostitwixxu l-proġett Ewropew, anki jekk forsi qegħdin jiġu ddubitati llum. L-ekonomija soċjali, permezz tal-għanijiet soċjali jew l-impatt soċjali tagħha, twieġeb b’mod prammatiku għall-għanijiet ta’ koeżjoni u għall-iżvilupp filwaqt li tappoġġja mudell demokratiku.

    3.2.

    Għal raġunijiet storiċi u kuntestwali, is-soċjetà ċivili għandha definizzjonijiet differenti ħafna u tista’ tieħu suriet differenti skont l-Istati Membri. Il-qofol tagħha huwa t-tradizzjonijiet kulturali u politiċi. Xi wħud mill-organizzazzjonijiet tagħha (trejdjunjins, assoċjazzjonijiet, karitajiet, eċċ) ilhom stabbiliti, xi oħrajn qegħdin jinbtu maż-żminijiet. L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, peress li huma ekonomija tal-persuni u mhux tal-kapital, jistgħu jitqiesu bħala parti minn din is-soċjetà ċivili.

    3.3.

    Is-soċjetà ċivili hija sa ċertu punt inkubatur għall-iżvilupp tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u, għaldaqstant, taċċellera l-koeżjoni. Permezz tal-ħolqien tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, is-soċjetà ċivili tista’ tagħti lil ċerti minoranzi d-dritt li jinstemgħu, jew tiżviluppa attivitajiet ftit li xejn profitabbli, filwaqt li dawn mhux neċessarjament jiġu kkunsidrati permezz tal-intrapriżi iktar tradizzjonali. Fiż-żmien ta’ movimenti ksenofobiċi jew ta’ tnaqqis fid-demokrazija, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jistgħu jikkontribwixxu għal iktar demokrazija u għal iktar koeżjoni (Artiklu 2 tat-Trattat), pereżempju fil-kwistjoni tal-integrazzjoni tal-migranti (1).

    3.4.

    Fil-qasam tal-edukazzjoni, l-ekonomija soċjali kif ukoll il-kontribut tagħha u l-valur miżjud tagħha għas-soċjetajiet tagħna ħafna drabi huma injorati mill-kurrikuli skolastiċi u universitarji. L-istess jgħodd għas-setturi tal-ħolqien ta’ intrapriżi. L-Istati Membri, bħall-korpi tal-UE, għandhom għaldaqstant jiftħu l-possibbiltà ta’ edukazzjoni dwar l-ekonomija soċjali, biex mhux tiġi imposta iżda biex iċ-ċittadini jingħataw il-possibbiltà li jagħmluha tagħhom.

    4.   L-ekonomija soċjali, mudell ekonomiku li jesprimi ruħu b’mod differenti

    4.1.

    Minħabba li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali bdew mill-organizzazzjoni taċ-ċittadini biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali, u anki kulturali, tagħhom, fil-konfront tat-taqlib fis-soċjetà, għall-bidu ġew definiti skont l-istatus ġuridiku tagħhom, kuntratti fundamentali li jorbtu lill-partijiet attivi billi jistabbilixxu liberament ir-regoli interni tal-operat tagħhom. Għalhekk kienu nħolqu l-assoċjazzjonijiet mutwi, il-kooperattivi u l-assoċjazzjonijiet, li magħhom ngħaqdu l-fondazzjonijiet. Illum, dawn il-vetturi ġuridiċi jibqgħu dawk li jintużaw l-aktar ta’ spiss għall-ħolqien ta’ intrapriżi fl-ekonomija soċjali (2).

    4.2.

    Wara li żviluppaw is-soċjetajiet, ingħaqdu magħhom tipi oħrajn ta’ strutturi: l-intrapriżi ta’ integrazzjoni permezz tax-xogħol (WISE) fis-setturi tal-integrazzjoni soċjoprofessjonali u tad-diżabililtà, jew l-intrapriżi b’għan soċjali fir-riklamazzjoni u fir-riċiklaġġ, fil-kura għall-persuni, fil-ħarsien tal-ambjent.

    4.3.

    Il-KE, f’numru ta’ testi differenti (inizjattiva u regolament (3)), ħeġġet l-appoġġ għall-iżvilupp tal-intrapriżi soċjali, li huma essenzjalment intrapriżi minn qasam tal-ekonomija soċjali. Illum, id-dibattitu huwa miftuħ dwar l-integrazzjoni de facto ta’ intraprenditorija soċjali, li d-definizzjoni tagħha mhijiex ċara.

    4.4.

    Il-KESE ilu ħafna jitlob biex ikun hemm Pjan ta’ Azzjoni għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali sabiex jiġu żgurati l-iżvilupp u t-tkabbir u jintlaħaq il-potenzjal sħiħ ta’ dan is-settur fl-Ewropa. Għall-KESE, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali huma parti mill-ekonomija regolari u mhumiex f’kunflitt ma’ mudelli ta’ negozju oħra. Madankollu, il-maġġoranza tal-programmi eżistenti ta’ appoġġ għan-negozju, żvilupp u bidu ta’ negozju kif ukoll kundizzjonijiet neċessarji oħra bħal leġislazzjoni u strumenti finanzjarji ħafna drabi jonqsu milli jappoġġjaw lill-intrapriżi tal-ekonomija soċjali prinċipalment minħabba li huma mfassla għal mudell u loġika ta’ kumpanija standard u aktar tradizzjonali. Barra minn hekk, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għandhom ikun rikonoxxuti b’mod sħiħ u involuti fid-djalogu soċjali.

    5.   Il-kontribut tal-kooperazzjoni u tal-ekonomija soċjali għall-għanijiet tal-koeżjoni soċjali u tad-demokrazija

    5.1.

    Id-demokrazija tinsab fil-qalba tad-definizzjoni tal-ekonomija soċjali u tad-dinamiċi mmexxija mill-intrapriżi tagħha. Id-demokrazija “interna” tagħmel referenza għall-prinċipju ta’ “persuna waħda, vot wieħed” fi ħdan il-korpi regolatorji, u l-parteċipazzjoni ta’ diversi kategoriji ta’ atturi fil-ġestjoni tal-intrapriżi bħall-impjegati, l-utenti jew il-benefiċjarji.

    Madanakollu, ir-rwol tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali fid-demokratizzazzjoni tal-ekonomija tagħna jmur lil hinn mill-metodi interni tagħhom tal-ġestjoni. Fil-fatt, teżisti dimensjoni demokratika li toffri liċ-ċittadini l-possibbiltà li jinvolvu ruħhom fl-attivitajiet kollettivi u jikkontribwixxu f’dibattiti soċjali. Permezz ta’ dan, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jiffurmaw tabilħaqq skola tad-demokrazija parteċipattiva.

    5.2.

    Din il-funzjoni demokratika tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali qiegħda titwettaq f’livelli differenti: permezz tal-prodotti u s-servizzi li joffru, l-alternattivi li jipproponu, it-tweġibiet li jagħtu għall-ħtiġijiet li għalihom ma kienx hemm tweġiba, il-postijiet għall-espressjoni u d-dibattiti li jgħinu biex joħolqu, l-attivitajiet li jmexxu ta’ lobbjar u ta’ sensibilizzazzjoni. Huma għandhom jassumu mudell ta’ intrapriżi li jirrispettaw aktar il-kwistjonijiet ambjentali, ir-relazzjonijiet soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati tagħhom.

    5.3.

    Meta wieħed jagħmel referenza għall-kontribut tal-ekonomija soċjali għall-koeżjoni, wieħed għandu t-tendenza li jirreferi b’mod partikolari għall-kapaċitajiet “restorattivi” tagħha, l-appoġġ tagħha għall-komunitajiet fil-bżonn, u s-sehem tagħha fis-setturi soċjali, mediċi u ta’ benesseri. Din it-tendenza li tiġi assenjata funzjoni restorattiva lill-ekonomija soċjali hija indiskutibbli u inseparabbli mill-attività tas-settur volontarju. Madankollu, il-koeżjoni u d-demokrazija għandhom jitqiesu wkoll mill-angolu tal-politiki u tal-proċeduri implimentati mill-intrapriżi tal-ekonomija soċjali biex ikejlu l-impatt soċjali tagħhom.

    6.   Koeżjoni soċjali u territorjali — il-konsolidazzjoni ta’ żona Ewropea integrata permezz tal-ekonomija soċjali

    6.1.

    Il-globalizzazzjoni, il-ħolqien ta’ suq uniku Ewropew u r-rivoluzzjonijiet industrijali l-kbar ġabu bidliet kbar fit-territorji. Ċerti reġjuni sabu ruħhom, jew għadhom isibu ruħhom, milquta, b’mod partikolari, mid-deindustrijalizzazzjoni u l-qgħad.

    6.2.

    L-ekonomiji tal-Istati Membri l-ġodda għaddew minn proċessi twal u kultant ibsin ta’ sistemi kommunisti tal-ippjanar għall-ekonomiji regolati tas-suq. L-aġġustamenti istituzzjonali u politiki kellhom konsegwenzi fuq is-soċjetajiet u l-ekonomiji rispettivi tagħhom, kif ukoll fuq il-flussi migratorji. Dawn il-bidliet affettwaw ukoll lill-SMEs, b’mod partikolari s-settur tal-kooperattivi f’kull wieħed minn dawn il-pajjiżi, li kien strumentalizzat għal għexieren ta’ snin, saħansitra waqt it-tranżizzjoni għal sistema ta’ suq. L-iżvilupp tal-ekonomija soċjali f’dawn il-pajjiżi jista’ jikkontribwixxi għall-għan imfittex mill-UE li jikkonsisti fil-konsolidazzjoni ta’ żona Ewropea integrata li fiha l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi bejn l-UE-15 u t-12-il pajjiż membru ġdid mill-Lvant u n-Nofsinhar tal-Ewropa jitnaqqsu u jiġu eliminati.

    6.3.

    F’għadd ta’ pajjiżi f’dan ir-reġjun, l-ekonomija soċjali kompliet titlef aktar u aktar prestiġju. Madanakollu, dan is-settur ma ġiex żarmat. Fir-rigward tas-soċjetajiet mutwi, l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet, wara nofs seklu ta’ għajbien kważi totali, esperjenzaw skoperta mill-ġdid u tkabbir gradwali, flimkien mal-iżvilupp tas-soċjetà ċivili, tal-movimenti soċjali u tat-trejdjunjins f’dawn il-pajjiżi. L-iżvilupp ta’ dan it-“tielet pilastru” fl-Istati Membri l-ġodda għandu jitqies bħala parti mill-integrazzjoni adegwata tagħhom fil-mudell soċjali Ewropew.

    6.4.

    Kampanji ta’ edukazzjoni u ta’ informazzjoni fuq l-istorja, it-tradizzjonijiet u l-għeruq nazzjonali tal-ekonomija soċjali u tal-movimenti tal-kooperattivi għandhom jgħinu biex jittaffew il-perċezzjonijiet negattivi assoċjati mal-kooperattivi sfurzati tas-sistemi kommunisti u jorbtu mill-ġdid il-forom ġodda tal-intrapriżi soċjali mat-tradizzjonijiet tal-ekonomija soċjali.

    6.5.

    Bl-istess mod, fil-pajjiżi bi tradizzjoni qawwija ta’ ekonomija soċjali, l-eletti, l-intraprendituri u l-komunitajiet fittxew li jagħtu spinta ġdida lit-territorji tagħhom u li jwieġbu għall-iżbilanċi ekonomiċi u soċjali li dawn kienu ffaċċjaw. Il-forom tradizzjonali jew ġodda tal-ekonomija soċjali sabu ruħhom mill-ġdid fil-qalba tal-ġid politiku lokali u kkontribwixxew għall-koeżjoni u għall-ħajja demokratika.

    7.   L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jġibu l-innovazzjoni soċjali u ekonomika

    7.1.

    L-innovazzjonijiet ħafna drabi jiġu riferuti bħala innovazzjonijiet soċjali jew tas-soċjetà, suġġett li l-KESE esplora f’opinjonijiet preċedenti. L-innovazzjonijiet soċjali huma tajbin għas-soċjetà iżda jtejbu wkoll il-kapaċità tas-soċjetà li taġixxi. Il-pedament tal-innovazzjoni soċjali huwa perspettiva etika, ideoloġika jew ta’ interess ġenerali, li tintwera mir-rwol tas-soċjetà ċivili fit-tfassil ta’ sistemi ta’ protezzjoni soċjali. L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali huma katalisti għall-innovazzjoni soċjali, peress li huma ċċentrati fuq grupp ta’ utenti speċifiku, bżonn mhux issodisfat fis-soċjetà jew l-indirizzar ta’ nuqqas.

    7.2.

    Qed jitfaċċaw għadd ta’ mudelli tan-negozju ġodda li qed jittrasformaw ir-relazzjoni bejn il-produtturi, id-distributuri u l-konsumaturi (bħall-ekonomija funzjonali, l-ekonomija kollaborattiva u l-finanzi responsabbli). L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali mhumiex ġodda iżda jaqblu ma’ din il-kategorija ta’ mudelli ekonomiċi alternattivi għax kollha kemm huma jipprovaw jindirizzaw sfidi ewlenin oħra għan-nies u għall-pjanetà li huma kruċjali għall-iżvilupp sostenibbli, bħall-ġustizzja soċjali, il-governanza parteċipattiva u l-konservazzjoni tar-riżorsi u l-kapital naturali. L-UE tista’ tkun mexxej fil-mudelli ekonomiċi innovattivi li jagħmlu l-idea ta’ prosperità ekonomika waħda li ma tistax tinfired minn protezzjoni soċjali ta’ kwalità għolja u sostenibbiltà ambjentali, u tiddefinixxi “ditta Ewropea”. Għaldaqstant l-UE trid tkun ambizzjuża fir-rigward ta’ din il-kwistjoni.

    7.3.

    Fil-Belġju, l-esperjenza tal-kooperattivi ta’ SMART tippermetti lill-membri impjegati awtonomi tagħha biex jiżviluppaw l-attività ekonomika tagħhom f’ambjent sikur. SMART illum jinsab f’disa’ pajjiżi Ewropej b’total ta’ 120 000 professjonist.

    7.4.

    Fi Spanja, għal aktar minn 70 sena, il-grupp tal-kooperattivi Mondragon kellu rwol importanti fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Pajjiżi Baski. Mondragon Corporation illum tħaddem aktar minn 90 000 persuna.

    7.5.

    Fi Franza, il-kooperattivi b’interess kollettiv (SCIC — social initiative cooperatives) okkupaw, fil-biċċa l-kbira, il-post għall-appoġġ u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-pubbliku fil-bżonn. Dawn saru atturi tal-iżvilupp territorjali u jmexxu proġetti ta’ żvilupp lokali.

    7.6.

    Iżjed u iżjed professjonisti u riċerkaturi tal-qasam diġitali qegħdin jaġixxu taħt forma ta’ kooperattivi, intrapriżi li jsejħu lilhom infushom “beni komuni immaterjali”.

    7.7.

    L-istess jgħodd għall-oqsma tal-kummerċ ġust, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ agrikoltura ta’ kwalità bijoloġika jew “motivata”. L-inizjattivi tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali qed ikomplu jiżdiedu fis-setturi marbuta mal-ambjent.

    7.8.

    L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali mhumiex limitati għal intrapriżi żgħar. Xi wħud minn dawn l-intrapriżi fil-qasam tal-banek u l-assigurazzjoni (bħall-Crédit coopératif fi Franza u l-Groupe P&V fil-Belġju) huma intrapriżi ewlenin fis-swieq nazzjonali tagħhom. Kooperattivi tal-konsum jew tat-tqassim jokkupaw bl-istess mod postijiet importanti fil-kummerċ popolari fl-Ewropa.

    Brussell, il-15 ta’ Mejju 2019.

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Luca JAHIER


    (1)  ĠU C 283, 10.8.2018, p. 1.

    (2)  L-istudju tal-KESE tal-2017 intitulat "Recent Evolutions of the Social Economy in the European Union" (Żviluppi riċenti tal-ekonomija soċjali fl-Unjoni Ewropea”. (mhux disponibbli bil-Malti)

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (“EaSI”) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 238).


    Top