Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0724

    Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Iżvezja biex tapplika rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkonsmat minn familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi li jinsabu f’ċerti żoni fit-Tramuntana tal-Iżvezja b’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

    COM/2017/0724 final - 2017/0320 (NLE)

    Brussell,1.12.2017

    COM(2017) 724 final

    2017/0320(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza lill-Iżvezja biex tapplika rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkonsmat minn familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi li jinsabu f’ċerti żoni fit-Tramuntana tal-Iżvezja b’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    1.1.Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

    Fl-Unjoni, it-tassazzjoni fuq il-prodotti tal-enerġija u fuq l-elettriku tirregolaha d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE 1 (minn hawn ’il quddiem imsejħa “d-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija” jew “id-Direttiva”).

    Skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikoli 5, 15 u 17 tagħha, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza li kwalunkwe Stat Membru jintroduċi aktar eżenzjonijiet jew tnaqqis fil-livell tat-tassazzjoni għal kunsiderazzjonijiet speċifiċi ta’ politika.

    L-għan ta’ din il-proposta huwa li, fil-limiti definiti, l-Iżvezja tingħata ċ-ċans tapplika rata mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkunsmat minn familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi f’ċerti żoni fit-Tramuntana tal-Iżvezja. L-għan ta’ din il-miżura huwa li tikkumpensa għall-ispejjeż ogħla tat-tisħin f’dawn iż-żoni kkawżati mill-kondizzjonijiet klimatiċi speċifiċi tar-reġjun.

    L-Artikolu 19(1) tad-Direttiva jipprevedi li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza li kwalunkwe Stat Membru jintroduċi aktar eżenzjonijiet jew tnaqqis fil-livell tat-tassazzjoni għal kunsiderazzjonijiet speċifiċi ta’ politika.

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/47/UE tawtorizza lill-Iżvezja biex tapplika rata mnaqqsa tat-tassazzjoni fuq l-elettriku kkunsmat minn familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi li jinsabu f’ċerti muniċipalitajiet elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni. It-tnaqqis tat-taxxa għandu jkun proporzjonat għall-ispejjeż addizzjonali tat-tisħin dovuti għaż-żona tat-Tramuntana, meta mqabbla ma’ dawk fil-bqija tal-Iżvezja, filwaqt li r-rata mnaqqsa għandha tkun konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/96/KE, u b’mod partikolari l-livelli minimi tat-tassazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 10 ta’ dik id-Direttiva. Din l-awtorizzazzjoni tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2017.

    Permezz tal-ittra tal-10 ta’ Mejju 2017, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva, l-awtoritajiet Żvediżi informaw lill-Kummissjoni li beħsiebhom jibqgħu japplikaw din ir-rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa. It-tnaqqis ma għandux jaqbeż is-SEK 96 għal kull MWh, jew madwar EUR 10 2 għal kull MWh. L-Iżvezja talbet li t-tnaqqis jiġi awtorizzat għal perjodu ta’ sitt snin, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2023, li huwa l-perjodu massimu indikat fl-Artikolu 19(2) tad-Direttiva.

    Fl-1 ta’ Settembru 2017, l-Iżvezja pprovdiet informazzjoni addizzjonali u kjarifiki.

    L-Iżvezja tiġġustifika l-miżura permezz ta’ għanijiet ambjentali, kif ukoll reġjonali u tal-politika ta’ koeżjoni. L-Iżvezja tenfasizza l-fatt li r-rati tad-dazju tas-sisa nazzjonali fuq l-elettriku jaqbżu b’mod konsiderevoli l-livelli minimi tat-tassazzjoni preskritti fid-Direttiva 2003/96/KE u li għalhekk jingħata inċentiv aktar qawwi għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija permezz tas-sistema fiskali fil-livell nazzjonali milli meħtieġ mir-rati minimi tal-UE. Madankollu, skont l-awtoritajiet Żvediżi, dan il-livell ġenerali għoli tat-tassazzjoni jista’ jinżamm biss jekk iż-żoni tat-Tramuntana, li għandhom żvantaġġ kompetittiv minħabba l-kondizzjonijiet klimatiċi, jingħataw tnaqqis tat-taxxa. Fl-istess ħin, il-miżura għandha tnaqqas id-differenzi fl-ispejjeż tat-tisħin bejn il-partijiet differenti tal-pajjiż u b’hekk tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-politiki reġjonali u ta’ koeżjoni tal-UE.

    Fir-rigward tan-natura tal-iżvantaġġ minħabba d-differenzi klimatiċi, l-awtoritajiet Żvediżi tennew id-dikjarazzjoni li saret f’talbiet preċedenti li bħala medja, l-ispejjeż tat-tisħin huma 30 % ogħla fir-reġjuni tat-Tramuntana għax il-perjodu tat-tisħin f’dawn iż-żoni huwa itwal.

    It-telf fid-dħul li jirriżulta mit-tnaqqis ta’ SEK 96 għal kull MWh huwa stmat li jammonta għal SEK 710 miljun fis-sena jew EUR 74 miljun.

    (1)L-operat tal-miżura

    Il-miżura tingħata fil-forma ta’ rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku. Din ir-rata mnaqqsa tapplika direttament meta tinġabar it-taxxa.

    Kamp ta’ applikazzjoni

    L-awtoritajiet Żvediżi ddikjaraw li d-differenzjazzjoni ġeografika kienet introdotta abbażi ta’ dejta oġġettiva relatata mat-temperaturi medji matul il-perjodu tat-tisħin. Fuq din il-bażi, fil-muniċipalitajiet kollha tal-kontej ta’ Norrbotten, Västerbotten u Jämtland, u fil-muniċipalitajiet kollha ta’ Sollefteå, Ånge, Örnsköldsvik, (fil-kontea ta’ Västernorrland), Ljusdal (fil-kontea ta’ Gävleborg), Malung-Sälen, Mora, Orsa, Älvdalen (fil-kontea ta’ Dalarna) u Torsby (fil-kontea ta’ Värmland) tapplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku. Il-miżura hija limitata għal familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi, li għalihom tapplika r-rata standard tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku ta’ SEK 325 jew EUR 33,83 għal kull MWh. Billi l-elettriku kkunsmat mill-industrija tal-manifattura huwa fi kwalunkwe każ intaxxat b’rata aktar baxxa ta’ EUR 0,50 (SEK 5) għal kull MWh, il-miżura inkwistjoni ma taffettwax lill-kumpaniji ta’ dan is-settur.

    B’din il-miżura, il-gruppi ta’ konsumaturi tal-elettriku f’dawk il-partijiet tal-pajjiż jkollhom l-istess kondizzjonijiet bħall-istess gruppi ta’ konsumaturi fin-Nofsinhar tal-Iżvezja.

    (2)L-argumenti tal-awtoritajiet Żvediżi dwar l-impatt tal-miżura fuq is-suq intern

    L-awtoritajiet Żvediżi ma jidhrilhomx li l-miżura se taffettwa l-funzjonament xieraq tas-suq intern. Huma jqisu li, għalkemm il-miżura jaf ikollha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri billi tnaqqas l-ispejjeż tal-kumpaniji fis-settur tas-servizzi f’ċerti żoni tat-Tramuntana tal-Iżvezja, dan l-effett se jibqa’ limitat għax il-maġġoranza tal-kumpaniji fis-settur tas-servizzi normalment joperaw f’żona ġeografika limitata.

    (3)Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

    Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku.

    1.2.Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

    (1)Kunsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva jaqra kif ġej:

    “Flimkien ma’ dawn id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli ta’ qabel, b’mod partikolari l-Artikolu 5, 15 u 17, il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq xi proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi iktar eżenzjonijiet u tnaqqis għall-konsiderazzjonijiet politiki speċifiċi.”

    Il-miżura prevista mill-Iżvezja tikkonsisti fit-tnaqqis tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkunsmat minn familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi f’ċerti ċoni tat-Tramuntana tal-Iżvezja. L-awtoritajiet Żvediżi jagħmlu enfasi fuq żewġ għanijiet tal-miżura. L-ewwel nett, huma jsostnu li r-rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa għandha effett ambjentali pożittiv indirett għax b’hekk l-Iżvezja tkun tista’ tapplika rata tat-taxxa ogħla fil-bqija tal-pajjiż, li f’dak il-każ ikollha titnaqqas minħabba l-każ speċjali tat-Tramuntana tal-Iżvezja. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li, bħala tali, ir-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali diġà huma parti integrali mid-Direttiva 2003/96/KE 3 u għalhekk fihom infushom ma jikkwalifikawx bħala konsiderazzjonijiet speċifiċi ta’ politika. Madankollu, b’mod ġenerali, id-Direttiva ma tippermettix li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni b’kondizzjonijiet klimatiċi partikolari ħafna. F’kuntest bħal dan, l-għan li l-miżura tikkontribwixxi għaż-żamma ta’ livell relattivament għoli tat-tassazzjoni billi tevita, permezz ta’ rata mnaqqsa, piżijiet eċċessivi b’mod ieħor f’reġjuni soġġetti għal kondizzjonijiet bħal dawn, jista’ għalhekk jitqies bħala konsiderazzjoni speċifika ta’ politika.

    It-tieni, l-awtoritajiet Żvediżi jsostnu li t-tnaqqis iqarreb l-ispejjeż ġenerali tat-tisħin għall-konsumaturi f’ċerti żoni tat-Tramuntana tal-Iżvezja mal-ispejjeż imġarrba mill-konsumaturi f’partijiet oħrajn tal-pajjiż u għalhekk isegwi għanijiet reġjonali u tal-politika ta’ koeżjoni.

    Abbażi ta’ dan, bl-istess mod, l-awtorizzazzjoni mitluba tista’ titqies li hija bbażata fuq konsiderazzjonijiet speċifiċi ta’ politika.

    1.3.Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Ir-rata standard tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku li hija applikabbli għal familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi fl-Iżvezja hija SEK 325, jew EUR 33,83 għal kull MWh 4 . Bit-tnaqqis propost, ir-rata applikabbli f’ċerti ċoni tat-Tramuntana tal-Iżvezja hija mill-inqas SEK 229 għal kull MWh jew EUR 26,13 għal kull MWh. Minħabba li l-livelli tat-tassazzjoni fuq l-elettriku huma ferm ogħla mil-livelli minimi kemm fit-Tramuntana tal-Iżvezja kif ukoll fil-bqija tal-pajjiż, huwa plawżibbli li wieħed jassumi li t-tnaqqis tat-taxxa inkwistjoni fil-fatt jikkontribwixxi indirettament biex jintlaħaq livell globali ogħla ta’ protezzjoni ambjentali kif deskritt mill-awtoritajiet Żvediżi.

    F’dan il-kuntest, l-għan tal-miżura huwa li tikkontrobilanċja parzjalment l-ispejjeż ogħla tat-tisħin fiż-żoni li għalihom tapplika r-rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa. Skont l-awtoritajiet Żvediżi, il-kondizzjonijiet klimatiċi f’dawn iż-żoni jwasslu għal konsum tal-elettriku li, bħala medja, hu madwar 30 % ogħla mill-bqija tal-pajjiż, l-aktar minħabba perjodu ta’ tisħin itwal.

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li abbażi tal-prezzijiet reċenti tal-elettriku fl-Iżvezja, it-tnaqqis fil-prezzijiet wara l-miżura proposta għandu jkun ferm inqas minn 25 % għall-gruppi rilevanti kollha ta’ konsumaturi. Abbażi tal-aktar dejta reċenti dwar il-prezzijiet disponibbli mill-Eurostat, dan it-tnaqqis ivarja minn 2,7 % sa 7 %, skont il-livell ta’ konsum tal-familji 5 .

    Għalhekk, l-ammont tal-eżenzjoni jibqa’ inqas mill-ispejjeż addizzjonali tat-tisħin fir-reġjuni kkonċernati. Għalhekk, l-inċentiv fiskali għall-użu effiċjenti tal-enerġija qed jinżamm f’livell li mill-inqas huwa daqs dak prevalenti fil-bqija tal-Iżvezja.

    Il-miżura hi kompatibbli mal-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tas-saħħa, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport.

    Skont iċ-ċirkostanzi deskritti, il-miżura tidher aċċettabbli anki fid-dawl tal-funzjonament xieraq tas-suq intern u l-ħtieġa li tkun żgurata kompetizzjoni ġusta. B’mod partikolari, minħabba n-natura remota taż-żoni li tapplika għalihom u l-fatt li hija limitata għal familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi, mhuwiex mistenni li din twassal għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni jew għal bidliet fil-mudelli kummerċjali bejn l-Istati Membri. Fl-aħħar nett, ta’ min ifakkar li t-tnaqqis tat-taxxa għaż-żoni inkwistjoni ilu fis-seħħ għal tletin sena mingħajr ma wassal, sa fejn hija konxja l-Kummissjoni, għal xi problemi fir-rigward tal-funzjonament xieraq tas-suq intern jew għanijiet oħrajn tal-politika tal-UE.

    Wara t-tnaqqis previst mill-awtoritajiet Żvediżi, ir-rati tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku fir-reġjuni kkonċernati xorta waħda se jibqgħu jirrispettaw il-livell minimu tat-tassazzjoni skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE. Dejjem jekk il-miżura tirrispetta l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 44 tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014) 6 , din il-miżura tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika minn qabel.

    (1)Il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżura u l-iżvilupp tal-qafas tal-UE dwar it-tassazzjoni fuq l-enerġija

    Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-perjodu ta’ applikazzjoni għandu jiġi stabbilit skont il-perjodu massimu permess mid-Direttiva 2003/96/KE, jiġifieri sitt snin. Dan il-perjodu jidher li huwa adatt sabiex il-konsumaturi kkonċernati jiġu pprovduti b’livell suffiċjenti ta’ ċertezza.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    2.1.Bażi ġuridika

    L-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE.

    2.2.Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

    Il-qasam tat-tassazzjoni indiretta kopert mill-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fih innifsu mhux fil-kompetenza esklużiva tal-UE skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tat-Trattat.

    Madankollu, b’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, il-Kunsill ingħata kompetenza esklużiva, bħala kwistjoni ta’ liġi sekondarja, biex jawtorizza lil Stat Membru jintroduċi iżjed eżenzjonijiet jew tnaqqis skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni. Għalhekk l-Istati Membri ma jistgħux jieħdu post il-Kunsill. Għaldaqstant, il-prinċipju tas-sussidjarjetà mhux applikabbli għal din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.

    2.3.Proporzjonalità

    Il-proposta tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità. It-tnaqqis tat-taxxa ma jaqbiżx dak meħtieġ biex jintlaħaq l-għan inkwistjoni.

    2.4.Għażla tal-istrument

    L-istrument propost: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    3.1.Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Il-miżura ma teħtieġx l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti.

    3.2.Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Din il-proposta hija bbażata fuq talba tal-Iżvezja u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.

    3.3.Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

    Ma kienx hemm bżonn għarfien espert estern.

    3.4.Valutazzjoni tal-impatt

    Din il-proposta tikkonċerna awtorizzazzjoni lil Stat Membru individwali b’talba tiegħu stess u ma teħtieġx valutazzjoni tal-impatt.

    L-informazzjoni pprovduta mill-Iżvezja tissuġġerixxi li l-miżura se jkollha impatt limitat fuq id-dħul mit-taxxa, u r-rata tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku fit-Tramuntana tal-Iżvezja tibqa’ ogħla mil-livell minimu tat-tassazzjoni stabbiliti fid-Direttiva 2003/96/KE. L-Iżvezja tistenna li l-miżura jkollha impatt pożittiv fil-kisba tal-għanijiet tal-politika soċjali u ta’ koeżjoni tagħha.

    3.5.Idoneità u simplifikazzjoni regolatorja

    Il-miżura ma tipprevedix simplifikazzjoni. Dan hu riżultat ta’ talba li għamlet l-Iżvezja u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.

    3.6.Drittijiet fundamentali

    Il-miżura ma tħalli l-ebda impatt fuq id-drittijiet fundamentali.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-miżura ma timponi l-ebda piż finanzjarju u amministrattiv fuq l-UE. Għaldaqstant il-proposta ma tħalli l-ebda impatt fuq il-baġit tal-UE.

    5.ELEMENTI OĦRAJN

    5.1.Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Artikolu 1 - l-Iżvezja se titħalla tkompli tapplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku f’ċerti żoni tat-Tramuntana.

    Il-livell tat-tassazzjoni wara t-tnaqqis ma jista’ qatt ikun inqas mill-minimu tal-UE stabbilit fid-Direttiva 2003/96/KE u t-tnaqqis ikun japplika għall-konsumaturi kollha tal-elettriku li jħallsu r-rata standard tad-dazju tas-sisa fit-Tramuntana tal-Iżvezja.

    Din il-miżura se tgħin lir-reġjuni żvantaġġati biex itaffu l-ispejjeż ogħla tal-elettriku minħabba l-klima kiesħa.

    Artikolu 2 - L-awtorizzazzjoni mitluba tingħata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2018 għal perjodu ta’ sitt snin, kif mitlub mill-Iżvezja.

    2017/0320 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza lill-Iżvezja biex tapplika rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkonsmat minn familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi li jinsabu f’ċerti żoni fit-Tramuntana tal-Iżvezja b’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku 7 , u b’mod partikolari l-Artikolu 19(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/47/KE 8 tawtorizza lill-Iżvezja biex, sal-31 ta’ Diċembru 2017, tapplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa għall-elettriku kkonsmat minn familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi f’ċerti żoni fit-Tramuntana tal-Iżvezja skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE.

    (2)Permezz tal-ittra tal-10 ta’ Mejju 2017, l-Iżvezja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa għall-elettriku kkonsmat mill-istess benefiċjarji għal perjodu ta’ sitt snin oħra, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2023. Jenħtieġ li t-tnaqqis ikun limitat għal SEK 96 għal kull MWh. Permezz tal-ittra tal-1 ta’ Settembru 2017, l-Iżvezja bagħtet informazzjoni addizzjonali u kjarifiki.

    (3)Fiż-żoni kkonċernati, l-ispejjeż tat-tisħin huma, bħala medja, 30 % ogħla milli huma fil-bqija tal-pajjiż, minħabba l-perjodu ta’ tisħin itwal. Għalhekk, it-tnaqqis tal-ispejjeż tal-elettriku għall-familji u l-kumpaniji fis-settur tas-servizzi f’dawn iż-żoni jnaqqas id-distakk bejn l-ispejjeż globali tat-tisħin għall-konsumaturi fit-Tramuntana tal-Iżvezja u dawk imġarrba mill-konsumaturi fil-bqija tal-pajjiż. Għalhekk, il-miżura tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet reġjonali u tal-politika ta’ koeżjoni. Jenħtieġ li t-tnaqqis tat-taxxa ma jaqbiżx dak li huwa meħtieġ sabiex jikkumpensa għall-ispejjeż addizzjonali tat-tisħin għal familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi fit-Tramuntana tal-Iżvezja.

    (4)Ir-rati mnaqqsa tat-tassazzjoni se jkunu ogħla mir-rati minimi stabbiliti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.

    (5)Fid-dawl tan-natura remota taż-żoni li għalihom tapplika, il-fatt li t-tnaqqis ma jenħtieġx jaqbeż l-ispejjeż addizzjonali tat-tisħin fit-Tramuntana tal-Iżvezja u l-limitazzjoni tal-miżura għal familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi, il-miżura mhijiex mistennija li twassal għal distorsjonijiet sinifikanti tal-kompetizzjoni jew għal bidliet fil-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    (6)Għalhekk, il-miżura hija aċċettabbli mill-aspett tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern u tal-ħtieġa biex tkun żgurata kompetizzjoni ġusta. Hija kompatibbli wkoll mal-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tas-saħħa, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport.

    (7)Mill-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE jirriżulta li hemm il-ħtieġa li kull awtorizzazzjoni mogħtija skont dan l-Artikolu jkollha żmien strettament limitat. Sabiex tipprovdi lill-konsumaturi kkonċernati b’livell suffiċjenti ta’ ċertezza, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tingħata għal perjodu ta’ sitt snin.

    (8)Huwa importanti li jiġi żgurat li l-awtorizzazzjoni mogħtija skont id-Deċiżjoni 2012/47/UE tibqa’ tapplika sabiex jiġi evitat li jinħoloq distakk bejn l-iskadenza ta’ dik id-Deċiżjoni u d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

    (9)Din id-deċiżjoni hi mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.L-Iżvezja hija b’dan awtorizzata li tapplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkonsmat minn familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi li jinsabu fil-muniċipalitajiet elenkati fl-Anness.

    It-tnaqqis mir-rata nazzjonali standard tad-dazju tas-sisa għall-elettriku ma għandux jaqbeż dak li huwa meħtieġ sabiex jikkumpensa għall-ispejjeż addizzjonali għat-tisħin fiż-żona tat-Tramuntana, meta mqabbel mal-bqija tal-Iżvezja, u ma għandux jaqbeż is-SEK 96 għal kull MWh.

    2.Ir-rati mnaqqsa jridu jkunu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/96/KE, u b’mod partikolari mar-rati minimi stabbiliti fl-Artikolu 10 tagħha.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2023.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Iżvezja.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.
    (2)    Abbażi tar-rata tal-kambju tat-2 ta’ Ottubru 2017 (SEK  9,6055 = EUR 1), cf. l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2003/96/KE u ĠU C 331, 3.10.2017, p. 3.
    (3)    Cf. b’mod partikolari l-premessi (6) u (7).
    (4)    Abbażi tal-Artiklu 5 tad-Direttiva 2003/96/KE, l-Istati Membri jistgħu japplikaw rati ddifferenzjati ta’ tassazzjoni bejn l-użu kummerċjali u l-użu mhux kummerċjali. Abbażi tal-Artiklu 11(4) tad-Direttiva 2003/96/KE, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-livell imnaqqas tat-tassazzjoni għall-użu kummerċjali. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Iżvezja, din illimitat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rata għall-użu kummerċjali tal-elettriku fis-settur tal-manifattura. Minħabba f’hekk, ir-rata tat-taxxa għall-użu mhux kummerċjali tiġi applikata kemm għall-familji kif ukoll għall-kumpaniji fis-settur tas-servizzi. Fl-UE, il-livell minimu tat-tassazzjoni għall-użu mhux kummerċjali hu EUR 1 għal kull MWh.
    (5)    Sors: Iċ-ċifri tal-prezzijiet tal-Eurostat għat-tieni semestru tal-2016. Iċ-ċifri huma għall-użu mhux industrijali tal-konsumaturi domestiċi b’konsum annwali ta’ inqas minn 1 MWh għall-konsumaturi domestiċi b’konsum annwali ta’ aktar minn 15-il MWh.
    (6)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1-78).
    (7)    ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.
    (8)    ĠU L 26, 28.01.2012, p. 33.
    Top

    Brussell, 1.12.2017

    COM(2017) 724 final

    ANNESS

    tal-

    Proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill

    li tawtorizza lill-Iżvezja biex tapplika rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku kkonsmat minn familji u kumpaniji fis-settur tas-servizzi li jinsabu f’ċerti żoni fit-Tramuntana tal-Iżvezja b’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE


    ANNESS

    Reġjuni

    Muniċipalitajiet

    Norrbottens län

    Il-muniċipalitajiet kollha

    Västerbottens län

    Il-muniċipalitajiet kollha

    Jämtlands län

    Il-muniċipalitajiet kollha

    Västernorrlands län

    Sollefteå, Ånge, Örnsköldsvik,

    Gävleborgs län

    Ljusdal,

    Dalarnas län

    Malung, Mora, Orsa, Älvdalen

    Värmlands län

    Torsby

    Top