Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0145

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda fil-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet (Linja Baġitarja 12.02.01 Implimentazzjoni u żvilupp tas-suq uniku għas-servizzi finanzjarji)

    COM/2017/0145 final - 2017/065 (NLE)

    Brussell, 29.3.2017

    COM(2017) 145 final

    2017/0065(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea,
    fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda fil-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet
    (Linja Baġitarja 12.02.01 Implimentazzjoni u żvilupp tas-suq uniku għas-servizzi finanzjarji)


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

    Sabiex tiġi żgurata s-sigurtà legali meħtieġa u l-omoġeneità tas-Suq Intern, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jintegra l-leġiżlazzjoni relevanti kollha tal-UE fil-Ftehim ŻEE malajr kemm jista’ jkun wara l-adozzjoni tagħha u għandu jippermetti wkoll il-parteċipazzjoni tal-Istati ŻEE-EFTA fl-azzjonijiet jew il-programmi tal-UE li huma relevanti għaż-ŻEE.

    L-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (anness mal-proposta tad-Deċiżjoni tal-Kunsill) għandu l-għan li jemenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra l-erba' libertajiet sabiex jippermetti lill-Istati tal-EFTA taż-ŻEE (in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein) jipparteċipaw fl-azzjonijiet tal-Unjoni relatati mal-Linja Baġitarja 12 02 01: "Implimentazzjoni u żvilupp tas-suq uniku għas-servizzi finanzjarji”, iddaħħlet fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    L-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt anness hija konsistenti għalkollox mal-għan tal-Ftehim ŻEE li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bilanċjat tal-kummerċ u tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-Partijiet Kontraenti b’kondizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni, u l-osservanza tal-istess regoli, bil-ħsieb li tinħoloq Żona Ekonomika Ewropea omoġenea.

    Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni

    Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt hija wkoll konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari permezz tal-għan li tiġi protetta l-omoġeneità tas-suq intern tal-UE.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    L-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 1 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ŻEE jipprevedi li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni dwar Deċiżjonijiet bħal dawn, fuq proposta mill-Kummissjoni.

    Il-Kummissjoni tissottometti, f'kooperazzjoni mas-SEAE, l-Abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tittama li tkun fil-qagħda li tippreżentah fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE kemm jista’ ikun malajr.

    Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

    Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà għar-raġuni li ġejja.

    L-għan ta’ din il-proposta, jiġifieri li tiġi żgurata l-omoġeneità tas-Suq Intern, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista' għalhekk, minħabba l-effetti, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni.

    Proporzjonalità

    F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan tagħha – li tiġi żgurata l-omoġeneità tas-Suq Intern.

    Għażla tal-istrument

    F'konformità mal-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, l-istrument magħżul huwa d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE. Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jiżgura l-implimentazzjoni u l-operat effettivi tal-Ftehim ŻEE. Għal dan il-għan għandu jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti f'dan il-Ftehim.

    3.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

    L-Istati tal-EFTA għandhom jikkontribwixu finanzjarjament għall-Baġit tal-Unjoni, il-Linja Baġitarja 12 02 01: "Implimentazzjoni u żvilupp tas-suq uniku għas-servizzi finanzjarji”. L-ammont eżatt se jiġi determinat f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE, ladarba dan l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill jiġi adottat.

    4.ELEMENTI OĦRA

    Skont il-politika baġitarja tal-UE, kwalunkwe parteċipazzjoni f’attività tal-UE tista’ sseħħ biss wara li jitħallsu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji korrispondenti. Madankollu, skont il-Protokoll 32 tal-Ftehim ŻEE il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Istati tal-EFTA membri taż-ŻEE qed tasal kull sena sal-31 ta’ Awwissu, wara s-sejħa għal fondi tal-UE stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea stabbiliet u ppreżentata lill-Istati tal-EFTA taż-ŻEE sal-15 ta’ Awwissu.

    Għalhekk, sabiex timtela l-lakuna bejn Jannar u Awwissu, l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt għandu jkunu applikabbli retroattivament minn Jannar ’l hawn. B’dan il-mod, il-kontinwità ta’ kooperazzjoni, kif previst fil-Ftehim ŻEE, hija żgurata matul is-sena kalendarja kollha.

    Ir-retroattività ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi tal-persuni kkonċernati u tirrispetta l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.

    2017/0065 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea,
    fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda fil-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet

    (Linja Baġitarja 12.02.01 Implimentazzjoni u żvilupp tas-suq uniku għas-servizzi finanzjarji)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 2 , u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 3 ("il-Ftehim ŻEE") daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994.

    (2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE ("il-Protokoll 31").

    (3)Il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE fih dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet.

    (4)Huwa xieraq li tiġi estiża l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE fl-azzjonijiet tal-Unjoni ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tas-servizzi finanzjarji.

    (5)Il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista' tibda sseħħ mill-1 ta' Jannar 2017.

    (6)Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' deċiżjoni mehmuż,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta fil-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1) ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6–8
    (2) ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
    (3) ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.
    Top

    Brussell, 29.3.2017

    COM(2017) 145 final

    ANNESS

    għall-

    proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea,
    fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda għall-Protokoll 31 għall-Ftehim taż-ŻEE, rigward kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet
    (Linja Baġitarja 12.02.01 Implimentazzjoni u żvilupp tas-suq uniku għas-servizzi finanzjarji)


    ANNESS

    DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru .../2017

    tal-

    li temenda l-Protokoll 31 għall-Ftehim taż-ŻEE, rigward kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet

    IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b'mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

    Billi:

    (1)Huwa xieraq li titkompla l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE fl-azzjonijiet tal-Unjoni ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-iżvilupp tas-suq uniku għal servizzi finanzjarji.

    (2)Il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista' tibda sseħħ mill-1 ta' Jannar 2017,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 7(11) tal-Protokoll 31 għall-Ftehim ŻEE, il-kliem “is-sena finanzjarja 2016” huwa sostitwit bil-kliem “is-snin finanzjarji 2016 u 2017”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE*.

    1Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2017.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

       Il-President
       
       
       
       Is-Segretarji
       għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

    (1) [Ma huma indikati l-ebda rekwiżiti kostituzzjonali.] [Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]
    Top