EUR-Lex Πρόσβαση στο δίκαιο της Ευρωπαϊκής Ένωσης

Επιστροφή στην αρχική σελίδα του EUR-Lex

Το έγγραφο αυτό έχει ληφθεί από τον ιστότοπο EUR-Lex

Έγγραφο 52017PC0119

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fis-sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi rigward iż-żieda mal-lista tas-sustanzi fit-Tabella I tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffiku Illeċitu fi Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi

COM/2017/0119 final - 2017/049 (NLE)

Brussell, 28.2.2017

COM(2017) 119 final

2017/0049(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fis-sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi rigward iż-żieda mal-lista tas-sustanzi fit-Tabella I tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffiku Illeċitu fi Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi (CND) temenda fuq bażi regolari l-lista ta’ sustanzi li huma annessi mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar it-Traffikar Illeċitu fi Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi tal-1988 (il-Konvenzjoni tan-NU tal-1988) abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet tal-Bord Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi (INCB).

L-UE hija firmatarja għall-Konvenzjoni tan-NU tal-1988 għal kwistjonijiet li huma ttrattati fl-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni 1 . L-Artikolu 12 jittratta sustanzi li huma użati ta’ spiss fil-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi (“prekursuri tad-droga”).

Is-CND hija kummissjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU (ECOSOC) u l-funzjonijiet u s-setgħat tagħha huma stabbiliti, inter alia, fil-Konvenzjoni tan-NU tal-1988. Hija magħmula minn 53 Stat Membru tan-NU eletti mill-ECOSOC. Bħalissa,12-il Stat Membru huma membri tas-CND bid-dritt għall-vot 2 . L-Unjoni għandha status ta’ osservatur fis-CND.

Fl-1 ta’ Frar 2017 l-INCB irrakkomanda li fit-Tabella I tal-Konvenzjoni tan-NU tal-1988 jiġu miżjuda żewġ sustanzi, jiġifieri 4-anilino-N-fenetilpiperidina (ANPP) u N-fenetil-4-piperidon (NPP).

Bidliet fit-Tabelli tal-Konvenzjoni tan-NU tal-1988 ikollhom riperkussjonijiet diretti fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kontroll tal-prekursuri tad-droga minħabba li s-sustanzi miżjuda fit-Tabelli tal-Konvenzjoni tan-NU tal-1988 għandhom jiġu inkorporati fid-dritt tal-Unjoni 3 . Il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tadotta atti delegati sabiex dan jiġi żgurat.

Huwa meħtieġ li l-Istati Membri jippreparaw il-laqgħa tas-CND meta tkun imsejħa biex jiddeċiedu dwar l-iskedar ta’ sustanzi billi jilħqu pożizzjoni komuni fil-Kunsill. Tali pożizzjoni, minħabba l-limitazzjonijiet intrinsiċi tal-istatus ta’ osservatur tal-Unjoni, għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li jkunu membri attwali tas-CND, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni fi ħdan is-CND. L-Unjoni, li fis-CND għandha biss status ta’ osservatur, ma tivvotax fis-CND.

Għal dan l-għan, il-Kummissjoni qed tipproponi pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fis-sittin sessjoni tas-CND li se ssir fi Vjenna mit-13 sas-17 ta’ Marzu 2017 dwar l-iskedar ta’ sustanzi skont il-Konvenzjoni tan-NU tal-1988.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

L-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu, jifformaw il-bażi ġuridika ta’ din il-proposta.

L-iskedar tal-prekursuri għall-għanijiet ta’ monitoraġġ ta’ kummerċ f’dawn is-sustanzi huwa kwistjoni li għandha x’taqsam mal-politika kummerċjali komuni, u l-Artikolu 207(3) tat-TFUE jistipula li fejn ikun meħtieġ li jiġu negozjati u konklużi ftehimiet ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, għandu japplika l-Artikolu 218 soġġett għad-dispożizzjonijiet speċjali ta’ dan l-Artikolu.

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika indipendentement minn jekk l-Unjoni hijiex membru tal-korp, jew firmatarja għall-ftehim in kwistjoni. Is-CND huwa “korp imwaqqaf bi ftehim” skont it-tifsira ta’ dan l-Artikolu, minħabba li huwa korp li ngħata kompiti speċifiċi bħala parti mill-Konvenzjoni tan-NU tal-1988.

Id-deċiżjonijiet ta’ skedar tas-CND huma “atti li għandhom effetti legali” skont it-tifsira tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE. Skont il-Konvenzjoni tan-NU tal-1988, id-deċiżjonijiet tas-CND isiru vinkolanti, sakemm parti ma tkunx ippreżentat id-deċiżjoni għal rieżami lill-ECOSOC fil-perjodu ta’ żmien applikabbli 4 . Id-deċiżjonijiet tal-ECOSOC dwar din il-kwistjoni huma finali.

   Sussidjarjetà

Mhux applikabbli.

   Proporzjonalità

Il-proposta hija proporzjonata u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet, peress li tindirizza prekursuri ġodda tad-droga li huma ta’ tħassib għall-Unjoni.

Għażla tal-istrument

L-użu ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill huwa meħtieġ skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni f’korp stabbilit permezz ta’ ftehim internazzjonali.

2017/0049 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fis-sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi rigward iż-żieda mal-lista tas-sustanzi fit-Tabella I tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffiku Illeċitu fi Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar Illeċitu fi Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi tal-1988 (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/611/KEE 5 u daħlet fis-seħħ fil-11 ta’ Novembru 1990.

(2)Skont l-Artikolu 12(2) sa (7) tal-Konvenzjoni, jistgħu jiġu miżjuda sustanzi fit-Tabelli tal-Konvenzjoni li fihom huma elenkati l-prekursuri tad-droga.

(3)Matul is-sittin sessjoni tagħha li se ssir mit-13 sas-17 ta’ Marzu 2017 fi Vjenna, il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi għandha tieħu deċiżjoni dwar iż-żieda ta’ żewġ sustanzi ġodda fit-Tabella I ta’ dik il-Konvenzjoni.

(4)L-Unjoni għandha status ta’ osservatur fi ħdan il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, li bħalissa 12-il Stat Membru tal-Unjoni huma membri tagħha bi dritt għall-vot. Billi d-deċiżjonijiet dwar iż-żieda ta’ sustanzi ġodda fit-Tabella I tal-Konvenzjoni jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, jeħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri biex jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar iż-żieda fil-lista ta’ sustanzi fit-Tabella I tal-Konvenzjoni.

(5)    Skont il-valutazzjoni Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi, żewġ sustanzi, 4-anilino-N-fenetilpiperidina (ANPP) u N-fenetil-4-piperidon (NPP) huma ta’ spiss użati fil-manifattura illegali tal-fentanil u huma adattati ferm għall-manifattura illeċita tal-fentanil u ta’ għadd ta’ sustanzi analogi tal-fentanil li huma oppjojdi sintetiċi qawwija ħafna. Hemm evidenza li l-volum u l-firxa tal-manifattura illeċita tal-fentanil u tas-sustanzi analogi tal-fentanil joħolqu problemi gravi ta’ saħħa pubblika jew soċjali, u dan jiġġustifika t-tqegħid ta’ dawn is-sustanzi taħt kontroll internazzjonali.

(6)    Għaldaqstant, fl-1 ta’ Frar 2017, il-Bord Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi irrakkomanda lill-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi li żżid l-ANPP u l-NPP fit-Tabella I tal-Konvenzjoni.

(7)    Il-fentanil u s-sustanzi analogi tal-fentanil manifatturati b’mod illeċitu kkawżaw problemi sinifikanti ta’ saħħa pubblika u soċjali f’ċerti Stati Membri.

(8)Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Istati Membri tal-Unjoni jadottaw il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi skont liema l-ANPP u l-NPP għandhom jiġu miżjuda fit-Tabella I tal-Konvenzjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni mill-Istati Membri fis-sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi li se ssir mit-13 sas-17 ta’ Marzu 2017 għandha tkun din li ġejja:

4-anilino-N-fenetilpiperidina u N-fenetil-4-piperidon għandhom jiġu inklużi fit-Tabella I tal-Konvenzjoni.

Il-pożizzjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, filwaqt li dawn jaġixxu b’mod konġunt.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 1990 fir-rigward tal-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) kontra t-Traffiku Illeċitu ta’ Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi tal-1988.
(2) L-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, in-Netherlands, is-Slovakkja, Spanja u r-Renju Unit.
(3) Ir-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 111/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta’ kummerċ fil-prekursuri ta’ drogi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi (ĠU L 22, 26.1.2005, p. 1), u r-REGOLAMENT (KE) Nru 273/2004 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-11 ta’ Frar 2004 dwar prekursuri tad-droga (ĠU L 47, 18.2.2004, p. 1).
(4) L-Artikolu 12(7) tal-Konvenzjoni tan-NU tal-1988.
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 1990 li tikkonċerna l-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar Illeċitu ta’ Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi (ĠU L 326, 24.11.1990, p. 56).
Επάνω