IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 23.11.2017
COM(2017) 688 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
It-Tielet Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija
{SWD(2017) 384 final}
{SWD(2017) 385 final}
{SWD(2017) 386 final}
{SWD(2017) 387 final}
{SWD(2017) 388 final}
{SWD(2017) 389 final}
{SWD(2017) 390 final}
{SWD(2017) 391 final}
{SWD(2017) 392 final}
{SWD(2017) 393 final}
{SWD(2017) 394 final}
{SWD(2017) 395 final}
{SWD(2017) 396 final}
{SWD(2017) 397 final}
{SWD(2017) 398 final}
{SWD(2017) 399 final}
{SWD(2017) 401 final}
{SWD(2017) 402 final}
{SWD(2017) 404 final}
{SWD(2017) 405 final}
{SWD(2017) 406 final}
{SWD(2017) 407 final}
{SWD(2017) 408 final}
{SWD(2017) 409 final}
{SWD(2017) 411 final}
{SWD(2017) 412 final}
{SWD(2017) 413 final}
{SWD(2017) 414 final}
I.
Daħla
It-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn soċjetà b’livell baxx ta’ karbonju qed tibda sseħħ fir-realtà. L-Unjoni tal-Enerġija, waħda mill-10 prijoritajiet ta’ din il-Kummissjoni, qed toħloq impjiegi ġodda, tkabbir u opportunitajiet għall-investiment. Il-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha tas-sena l-oħra
u l-proposti dwar il-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi ppreżentati f’Novembru 2017 kienu passi importanti f’dan il-proċess
. Inqas minn tliet snin minn meta ġiet ippubblikata l-Istrateġija Qafas tal-Unjoni tal-Enerġija
, il-Kummissjoni ppreżentat kważi l-proposti kollha meħtieġa biex il-prinċipju l-“effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” jagħti riżultati, tappoġġa t-tmexxija dinjija tal-UE fl-azzjoni klimatika u l-enerġija rinnovabbli u tipprovdi arranġament ġust lill-konsumaturi tal-enerġija.
Dan it-tielet Stat tal-Unjoni tal-Enerġija ssegwi l-progress li sar matul is-sena li għaddiet u jħares 'il quddiem lejn is-sena li ġejja. Issa huwa ż-żmien li tiġi mobilizzata s-soċjetà kollha - iċ-ċittadini, il-bliet, iż-żoni rurali, il-kumpaniji, id-dinja akkademika, is-sħab soċjali - biex tassumi sjieda sħiħa tal-Unjoni tal-Enerġija, tmexxija 'l quddiem u timpenja ruħha fl-iżvilupp tas-soluzzjonijiet futuri.
Il-Kummissjoni tilqa’ l-impenn qawwi tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jadottaw, bħala prijorità, l-inizjattivi leġislattivi dwar l-enerġija u l-klima proposti fl-2015 u l-2016, f’konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tat-tliet Presidenti
. Il-Kummissjoni tappella lill-koleġiżlaturi jżommu livell għoli ta’ ambizzjoni u koerenza bejn il-proposti differenti.
Sadanittant, huwa importanti li jibqgħu jittieħdu għadd ta’ miżuri ta’ abilitazzjoni
, biex jiġi żgurat li t-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju tikkontribwixxi bis-sħiħ għall-modernizzazzjoni tal-ekonomija tal-Ewropa. Dan jgħin ukoll lill-Istati Membri jikkonformaw mal-objettivi tal-enerġija u tal-klima 2020 u 2030 li qablu magħhom b’mod konġunt u mal-objettivi usa’ tal-Unjoni tal-Enerġija.
It-tlestija tal-Unjoni tal-Enerġija teħtieġ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-setturi kollha tas-soċjetà. Dan huwa proċess ta’ kokreazzjoni fejn il-preżentazzjoni fil-ħin mill-Istati Membri ta’ abbozzi ta’ pjanijiet nazzjonali integrati tal-enerġija u tal-klima għal wara l-perjodu tal-2020 huwa pass kruċjali. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri diġà bdew iħejju l-pjanijiet nazzjonali tagħhom, iżda kollha kemm huma jeħtiġilhom jagħmlu sforzi sostanzjali biex ilestu l-abbozz ta’ pjanijiet sa kmieni fl-2018
. Huwa ta’ importanza kruċjali li l-pjanijiet jiġu ppreżentati kmieni għax dan jiġġenera l-fiduċja u ċ-ċertezza fl-investituri għall-perjodu ta’ wara l-2020. Huwa importanti wkoll li l-abbozz tal-pjanijiet ikunu lesti sal-bidu tal-2018 għax dan juri l-kapaċità qawwija ta’ tmexxija tal-Unjoni fix-xena dinjija.
Tibdil dinji fil-produzzjoni u fid-domanda tal-enerġija għandhom impatt sinifikanti fuq kwistjonijiet ġeopolitiċi u l-kompetittività industrijali. Dan joħloq sfidi serji għall-Ewropa, iżda joħloq ukoll opportunitajiet uniċi. F’dan il-kuntest, l-UE tixtieq issaħħaħ ir-rwol tagħha bħala mexxejja dinjija fit-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa filwaqt li tipprovdi sikurezza li jkun hemm enerġija għaċ-ċittadini tagħha kollha. Għalhekk, l-ambizzjoni tal-UE biex tlesti u twettaq l-Unjoni tal-Enerġija tibqa’ kbira. Il-ħidma għadha 'l bogħod milli tkun lesta. Huwa important ħafna li tintwera ambizzjoni dwar kwistjonijiet bħall-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-enerġija, l-azzjoni klimatika u innovazzjoni b’enerġija nadifa għax dan jattira l-investiment fil-modernizzazzjoni tal-ekonomija kollha, u bl-istess mod huwa importanti li fis-suq jingħataw sinjali korretti dwar il-prezzijiet.
Għalhekk irridu naċċelleraw l-isforzi fil-kooperazzjoni tagħna u nwettqu l-impenn tagħna li nlestu l-Unjoni tal-Enerġija sa tmiem il-mandat ta’ din l-Kummissjoni. Sal-2019, l-Unjoni tal-Enerġija ma tistax tkun għadha biss linja politika. Trid tkun saret realtà.
II.
XEJRIET U OSSERVAZZJONIJIET POLITIĊI
L-Ewropa qed timxi minn sistema tal-enerġija bbażata fuq il-fjuwils fossili lejn sistema b’emissjonijiet tal-karbonju baxxi u kompletament diġitali u ċċentrata madwar il-konsumatur. Ix-xejriet prinċipali osservati f’dawn l-aħħar snin komplew u f’ċerti oqsma saħansitra tqawwew
.
Is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija tal-UE qed ikompli jiżdied u jinsab fid-direzzjoni t-tajba biex tintlaħaq il-mira ta’ 20 % fl-2020. Fl-2015, l-enerġija rinnovabbli ammontat għall-biċċa l-kbira (77 %) tal-kapaċità ġdida ta’ ġenerazzjoni tal-UE għat-tmien sena konsekuttiva
. L-ispiża tal-enerġija rinnovabbli qed tonqos, pereżempju għall-enerġija mix-xemx (sistemi fotovoltajċi)
kif ukoll mill-parkijiet eoliċi fuq l-art u fuq il-baħar. Dan huwa sinjal ta’ fiduċja tal-investituri fil-progress teknoloġiku, tfassil ta’ politika tajjeb u riformi fis-suq tal-elettriku
. Fil-passat, l-investimenti fl-enerġija rinnovabbli ġew affettwati ħażin meta l-Istati Membri applikaw miżuri retroattivi. F’termini ta’ sigurtà tal-provvista, is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli ffrankaw madwar EUR 16-il biljun f’importazzjonijiet ta’ fjuwil fossili (dejta tal-2015)
.
Figura 1: Ishma ta’ enerġija rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija tal-UE vs. id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u t-trajettorji tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Enerġija Rinnovabbli
Id-diżakkoppjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) kompla, primarjament permezz tal-innovazzjoni
. Fl-2016, l-irkupru tal-ekonomija tal-Ewropa wassal għal żieda fl-attivitajiet industrijali u ekonomiċi u għal żieda kumplessiva ta’ 1,9 % fil-PDG. Dan seta’ wassal għal żieda fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Iżda minflok, l-emissjonijiet naqsu b’0,7 % kumplessivament u saħansitra b’aktar ħeffa (2,9 %) fis-setturi koperti mill-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet. Kumplessivament, bejn l-1990 u l-2016, il-PDG ikkombinat tal-UE żdied bi 53 %
, filwaqt li l-emissjonijiet totali naqsu bi 23 %
. Fis-settur tat-trasport, madankollu, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra qed ikomplu jiżdiedu.
Figura 2: It-tibdil fil-PDG tal-UE (f’termini reali), fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra u fl-intensità tal-emissjonijiet tal-UE mill-ekonomija (proporzjon bejn l-emissjonijiet u l-PDG) Indiċi (1990 = 100)
It-tkabbir ekonomiku u l-konsum tal-enerġija ġew diżakkoppjati wkoll. Id-domanda għall-enerġija li qed tonqos b’mod kostanti fl-UE hija prinċipalment dovuta għal miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija fl-Istati Membri. Għalkemm li l-konsum tal-enerġija żdied bi ftit fl-2015 minħabba tkabbir ekonomiku akbar, prezzijiet taż-żejt u tal-gass aktar baxxi u xitwa aktar kiesħa tax-meta mqabbla mal-2014 li kienet eċċezzjonalment sħuna, tidher xejra ’l isfel fit-tul ċara: fl-2015, l-UE ikkonsmat 2,5 % inqas enerġija primarja milli kkonsmat fl-1990, filwaqt li l-PDG kiber bi 53 % matul l-istess perjodu. Minkejja dan, l-UE għad għandha bżonn tnaqqas il-konsum tagħha tal-enerġija primarja bi 3,1 % bejn l-2015 u l-2020 biex tilħaq il-mira tagħha għall-effiċjenza fl-enerġija
.
Figura 3: L-evoluzzjoni tal-PDG u tal-konsum tal-enerġija primarja tal-UE 28. Sors: Eurostat
It-tranżizzjoni enerġetika li għaddejja bħalissa tikkontribwixxi għall-immodernizzar tal-ekonomija Ewropea. Pereżempju, l-attività tal-ħruġ tal-privattivi fit-teknoloġiji tal-enerġija nadifa fl-Ewropa qed tiżdied. Il-kumpaniji Ewropej qegħdin ukoll dejjem aktar ifittxu protezzjoni internazzjonali għall-invenzjonijiet tagħhom, li juri fiduċja dejjem tikber fil-kompetittività tagħhom fis-suq dinji tat-teknoloġija tal-enerġija. L-UE tikklassifika fit-tieni post wara l-Ġappun fejn jidħlu privattivi internazzjonali.
Figura 4: Ix-xejra tal-privattivi tal-UE fit-teknoloġiji tal-enerġija nadifa. Sors tad-dejta: Il-Kummissjoni Ewropea/Ċentru Konġunt tar-Riċerka (abbażi tad-dejta tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi). Id-dejta għas-snin 2014, 2015 u 2016 hija estimi.
Minkejja dawn ix-xejriet pożittivi, it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa tista’ tkun imxekkla minn kompetizzjoni inġusta jekk l-Istati Membri jkomplu jipprovdu sussidji għall-fjuwil fossili. Dawn jiġu f’ħafna forom, bħal sussidji diretti lil minjieri tal-faħam mhux ekonomiċi
, mekkaniżmi tal-kapaċità għall-impjanti tal-enerġija b’emissjonijiet intensivi, il-ħelsien mit-taxxa għal karozzi tal-kumpaniji jew fuq il-fjuwil diżil u miżuri simili. Is-sussidji għall-fjuwils fossili jżidu wkoll ir-riskju li jsir investiment f’assi mhux irkuprabbli, li jkunu jeħtieġu jiġu ssostitwiti qabel it-tmiem ta’ ħajjithom. Il-pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima jinħtieġ li jikkontribwixxu biex isiru monitoraġġ u valutazzjoni aħjar tal-isforzi tal-Istati Membri biex inaqqsu s-sussidji fuq il-fjuwils fossili. Ir-rapport li jmiss dwar il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija fl-2018 se jipprovdi aġġornamenti dwar is-sussidji fuq il-fjuwils fossili fl-UE.
III.
VALUTAZZJONI TAL-PROGRESS
It-tranżizzjoni tal-enerġija jinħtieġ li tkun soċjalment ġusta, twassal għal innovazzjoni u tkun ibbażata fuq infrastruttura li tibqa’ valida fil-futur, filwaqt li ttejjeb ukoll is-sigurtà tal-provvista. L-istrumenti tal-investiment tal-Unjoni Ewropea u tal-politiki barranin u tal-iżvilupp tagħha jsejsu t-tranżizzjoni tal-enerġija tal-Ewropa. F’dawn l-oqsma kollha, sar progress konsiderevoli fl-2017.
Tranżizzjoni tal-enerġija soċjalment ġusta
It-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju taffettwa ħafna nies, konsumaturi, ħaddiema, impjegati, jew parteċipanti fis-suq tal-enerġija. Filwaqt li mhux kulħadd jista’ jibbenefika mit-tranżizzjoni tal-enerġija fuq perjodu qasir, din għandha, jekk tiġi mmaniġġata bir-reqqa, finalment tkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija kollha tal-UE, billi toħloq opportunitajiet ta’ xogħol ġodda, twassal għall-iffrankar fl-ispejjeż tal-enerġija, jew ittejjeb il-kwalità tal-arja. Ħafna mill-azzjonijiet ta’ abilitazzjoni taħt il-pakkett “Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha” huma maħsuba biex jindirizzaw id-diffikultajiet li xi reġjuni jew gruppi tal-popolazzjoni għandhom biex jaħsdu l-benefiċċji tat-tranżizzjoni tal-enerġija.
L-azzjonijiet ta’ abilitazzjoni f’reġjuni u gżejjer intensivi fl-użu tal-karbonju
Fl-2017, il-Kummissjoni bdiet tipprovdi appoġġ u assistenza mfassla apposta lil reġjuni fit-tranżizzjoni li kienu jew għadhom dipendenti fuq l-industriji intensivi fl-użu tal-faħam u tal-karbonju. Dawn ir-reġjuni jiffaċċjaw sfidi soċjali u ekonomiċi speċifiċi. Beda x-xogħol fir-reġjuni ta’ Trenčín fis-Slovakkja u ta’ Śląsk fil-Polonja, bi sħubija mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali. L-appoġġ jinkludi l-għoti ta’ riċerka dwar is-saħħiet ekonomiċi ta’ dawn ir-reġjuni, l-assistenza teknika u pariri dwar l-użu mmirat ta’ għadd ta’ fondi u programmi disponibbli tal-UE. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mill-qrib ma’ dawn ir-reġjuni u se testendi dan il-proġett pilota fi Stati Membri oħra interessati. Din l-inizjattiva se jkollha l-għan ukoll li tisfrutta l-esperjenzi ta’ dawk ir-reġjuni Ewropej li kellhom suċċess fit-tranżizzjoni. Għal dan il-għan, f’Diċembru 2017, se tiġi stabbilita pjattaforma mal-UE kollha għall-partijiet ikkonċernati.
Għalkemm il-gżejjer spiss ikunu f’pożizzjoni tajba biex jattiraw investimenti fl-enerġija nadifa, huma jiffaċċjaw sfidi speċifiċi minħabba l-ġeografija tagħhom, l-ekonomija żgħira tagħhom u d-dipendenza qawwija fuq il-fjuwil fossili importat. F’Mejju 2017 il-Kummissjoni, flimkien ma’ 14-il Stat Membru, iffirmaw dikjarazzjoni politika f’Malta biex jaċċelleraw it-tranżizzjoni tal-enerġija nadifa fil-gżejjer. L-ewwel forum permezz ta' din l-inizjattiva sar fi Kreta, f’Settembru. L-inizjattiva għandha l-għan li tipprovdi qafas fit-tul lill-2 400 gżira abitata tal-Ewropa biex tgħinhom inaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija billi jagħmlu użu aħjar mis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli tagħhom stess.
It-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju se toħloq impjiegi ġodda fis-settur tal-enerġija
u fl-ekonomija usa’. Dan il-potenzjal ta’ impjiegi jeħtieġ ħiliet u kompetenzi ġodda. Il-Kummissjoni għalhekk għadha kif ippubblikat sejħa għal proposti għal Pjan ta’ Azzjoni għal Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet biex tindirizza l-ħtiġijiet tal-ħiliet fit-teknoloġiji nodfa u l-enerġiji rinnovabbli u fis-settur tal-kostruzzjoni
. Qafas simili għas-settur tal-karozzi tnieda s-sena li għaddiet. Biex jitjieb il-fehim tal-laguni fil-ħiliet bejn il-pajjiżi u s-setturi, iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali (Cedefop) qed iwettaq analiżi kbira tad-dejta fuq il-bażi ta’ interrogazzjoni f’ħin reali ta’ postijiet tax-xogħol battala u l-ewwel riżultati se jkunu disponibbli fl-2018.
Il-faqar enerġetiku fl-UE jaffettwa qrib il-50 miljun persuna. Bħala parti mill-pakkett tal-enerġija nadifa, il-Kummissjoni pproponiet firxa ta’ miżuri li jindirizzaw il-faqar enerġetiku permezz tal-effiċjenza fl-enerġija, salvagwardji kontra d-diskonnessjoni, u definizzjoni u monitoraġġ aħjar tal-problema fil-livell tal-Istati Membri. Għal dan il-għan, sal-aħħar tal-2017, l-Osservatorju Ewropew tal-Faqar Enerġetiku se jippubblika statistika u rapporti fil-portal tal-web interattiv. Fil-fażi li jmiss, se jiffoka fuq l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prassi bejn l-esperti u dawk li jfasslu l-politika. Tnediet kampanja pilota ta’ sensibilizzazzjoni li matul is-sena d-dieħla se tkun fis-seħħ f’erba’ Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, il-Portugall, u r-Rumanija). Il-kampanja tiffoka fuq li żżid is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi b’faqar enerġetiku dwar id-drittijiet tagħhom u se tipprovdi lill-konsumaturi b’pariri dwar l-iffrankar enerġetiku u informazzjoni dwar it-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija bi spiża baxxa.
It-tranżizzjoni tal-enerġija għandha impatt pożittiv fuq is-saħħa ta’ ħafna ċittadini Ewropej. L-emissjonijiet totali tal-inkwinanti atmosferiċi bħad-diossidu tal-kubrit, id-diossidu tan-nitroġenu u l-materja partikolata qed jonqsu fl-UE imma t-tniġġis tal-arja għadu jwassal għal aktar minn 400 000 mewt prematura kull sena
. Bl-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Limiti Nazzjonali tal-Emissjonijiet f’Diċembru 2016
, l-UE qed timmira li tnaqqas bin-nofs l-għadd ta’ mwiet prematuri kkawżati mit-tniġġis tal-arja sal-2030. It-tranżizzjoni tal-enerġija tista’ tnaqqas aktar l-emissjonijiet tossiċi u jaċċelleraw it-titjib fil-kwalità tal-ħajja f’ħafna bliet Ewropej fejn iċ-ċittadini huma ffaċċjati bit-tniġġis tal-arja kuljum
. L-investimenti intelliġenti fi trasport u fit-tisħin domestiku aktar nodfa se jappoġġaw ukoll l-ekonomija billi jitnaqqsu l-ispejjeż għall-kura tas-saħħa u l-ġranet ta’ mard ikkawżati minn mard respiratorju.
Tranżizzjoni tal-enerġija li twassal għall-innovazzjoni
L-Unjoni tal-Enerġija hija mutur ewlieni tal-innovazzjoni fl-enerġija nadifa fl-Ewropa u fil-bqija tad-dinja. Kumpaniji u innovaturi Ewropej jinħtieġ li ikunu fuq quddiem nett ta’ dan il-moviment u jiksbu vantaġġ bikri fejn jidħlu teknoloġiji u mudelli kummerċjali ġodda. Dan huwa wieħed mill-objettivi ewlenin tal-istrateġija Aċċellerazzjoni tal-Innovazzjoni fil-qasam tal-Enerġija Nadifa
.
L-Ewropa hija wieħed mill-aktar reġjuni innovattivi fid-dinja kollha, iżda huma meħtieġa aktar sforzi biex dawn l-innovazzjonijiet jitwasslu sas-suq u biex jinbidlu f’opportunitajiet ta’ tkabbir ekonomiku u impjiegi.
Billi r-riċerka u l-innovazzjoni jieħdu ż-żmien, il-benefiċċji fuq terminu medju fil-prattika jiddependu fuq azzjoni preparatorja immedjata. Għalhekk, is-sena l-oħra żdied il-finanzjament mill-UE. Il-politika ta’ koeżjoni tappoġġa l-innovazzjoni permezz ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti (mill-inqas EUR 2,6 biljun se jkunu mmirati lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni f’teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju), filwaqt li l-Orizzont 2020 se juża aktar minn EUR 2 biljun fil-perjodu 2018-2020, b’enfasi fuq erba’ prijoritajiet ewlenin tal-enerġija u tal-klima: il-ħżin, is-sorsi rinnovabbli, il-bini u l-elettromobbiltà (urbana). Meta jingħaddu l-attivitajiet minn isfel għal fuq, l-ammont totali jista’ anki jitla’ għal EUR 3 biljun. Barra minn hekk, il-baġit tal-faċilità ta’ InnovFin għal Proġetti ta’ Dimostrazzjoni ta’ Enerġija, strument finanzjarju li jappoġġa proġetti li huma tal-ewwel tal-għamla tagħhom relatati mat-teknoloġiji tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, irdoppja għal EUR 300 miljun bl-użu ta’ fondi mill-Orizzont 2020 u issa huwa kapaċi wkoll jiddirezzjona d-dħul addizzjonali mhux żborzat mill-ewwel sejħa NER 300
.
Il-batteriji huma parti strateġika mill-prijoritajiet tal-innovazzjoni definiti f’Novembru li għadda. Biż-żieda fil-prestazzjoni u bit-tnaqqis fl-ispejjeż, il-batteriji se jkunu teknoloġija abilitanti essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija, b’mod partikolari permezz ta’ applikazzjonijiet fl-elettromobbiltà u fil-ħżin tal-elettriku. Fuq in-naħa tal-finanzjament, il-Kummissjoni hija lesta biex timmobilizza appoġġ sostanzjali għat-teknoloġija tal-batteriji u taċ-ċelloli tal-batteriji. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni qed taħdem mal-ekosistema għall-innovazzjoni, mal-Istati Membri u mal-partijiet konċernati industrijali tul il-katina sħiħa tal-valur tal-batteriji biex tidentifika l-prijoritajiet u l-ħtiġijiet, biex tibni Alleanza tal-UE għall-Batteriji li fil-qalba tagħha jkun hemm il-produzzjoni taċ-ċelloli tal-batteriji. Ir-riżultat se jintuża fil-Forum għall-Kompetittività Industrijali għal Enerġija Nadifa li se jsir f’Frar 2018. Dan jikkomplimenta l-azzjoni regolatorja biex jitneħħew id-diżinċentivi għall-ħżin tal-enerġija u tiġi promossa l-elettromobbiltà. Approċċi konġunti simili huma replikati f’oqsma oħra ta’ prijorità, bħall-enerġija rinnovabbli u d-dekarbonizzazzjoni tal-istokk tal-bini tal-Ewropa, li jwasslu għal benefiċċji industrijali u ekonomiċi tanġibbli għall-Ewropa.
Azzjonijiet ta’ abilitazzjoni fil-bliet
Il-bliet huma fejn iseħħu ħafna mill-innovazzjoni u mill-investiment meħtieġ għat-tranżizzjoni tal-enerġija. Fl-2017, il-bliet madwar l-UE ħadu għadd ta’ inizjattivi konkreti biex jiżviluppaw u jimplimentaw teknoloġiji ġodda u innovattivi li jappoġġaw it-tranżizzjoni tal-enerġija. Permezz tal-Azzjonijiet Innovattivi Urbani, il-bliet ta’ Gothenburg, Pariġi u Viladecans bdew jittestjaw soluzzjonijiet innovattivi li jistgħu jiġu trasferiti fi bliet oħra tal-UE
. Permezz tal-inizjattiva tal-Patt tas-Sindki, li issa beda jinfirex lil hinn mill-Ewropa
, il-bliet fl-Ewropa, fil-viċinat u fir-reġjuni tat-tkabbir adottaw approċċ integrat u ħadu azzjoni deċiżiva dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, u l-adattamentu għalih, u dwar l-aċċess għal enerġija affordabbli u sostenibbli. Barra minn hekk, Sħubiji Urbani differenti ġew stabbiliti taħt l-Aġenda Urbana għall-UE
, li joffru approċċ ta’ governanza innovattiv li jinvolvi li l-awtoritajiet lokali, l-Istati Membri, u l-Istituzzjonijiet Ewropej jaħdmu flimkien. Is-Sħubiji dwar it-Tranżizzjoni tal-Enerġija, dwar il-Mobbiltà Urbana, il-Kwalità tal-Arja, l-Użu Sostenibbli tal-Art u soluzzjonijiet ibbażati fuq in-Natura, it-Tranżizzjoni Diġitali, l-Ekonomija Ċirkolari, l-Adattament għall-Klima u l-Akkomodazzjoni se jkollhom rwol importanti biex titwettaq it-tranżizzjoni tal-enerġija innovattiva. Permezz tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni tal-Bliet u l-Komunitajiet Intelliġenti, il-bliet u l-industrija ħadmu lejn l-objettiv li jiġi żgurat li 300 miljun ċittadin Ewropew ikunu moqdija minn bliet bi pjattaformi interoperabbli ta’ dejta urbana sal-2025; ġiet żviluppata wkoll gwida biex tiffaċilita l-addozzjoni minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-bliet.
Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tieħu rwol ta’ mexxej fil-livell globali. Fi Frar 2017, il-Kummissjoni ħadet f’idejha l-presidenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Missjoni tal-Innovazzjoni mingħand l-Istati Uniti, u qed tmexxi ’l quddiem żewġ sfidi għall-innovazzjoni: “Il-konverżjoni tad-dawl tax-xemx f’karburanti solari li jistgħu jinħażnu” u “Tisħin u Tkessiħ Affordabbli”. Bħala koorganizzatur tas-summit tal-Missjoni tal-Innovazzjoni f’Mejju 2018 u l-Forum Ministerjali dwar l-Enerġija Nadifa l-Kummissjoni għandha l-għan li tagħti spazju konsiderevoli lill-partijiet ikkonċernati mhux statali inkluż in-negozji, l-innovaturi, l-investituri privati u l-bliet. Dan jista’ jsir f’kooperazzjoni msaħħa mal-Patt tas-Sindki Globali
, li beda jaħdem fl-2017. Fl-istess ħin, l-Unjoni Ewropea qed taħdem bi sħubija maċ-Ċina u mal-Kanada biex timbotta l-innovazzjoni fl-enerġija nadifa mad-dinji kollha.
Il-Kummissjoni tibqa’ wkoll, f’isem il-Euratom, il-parti ewlenija fil-Proġett innovattiv internazzjonali ITER għall-iżvilupp tal-fużjoni bħala sors ta’ enerġija kummerċjalment vijabbli
.
It-tranżizzjoni tal-enerġija li teħtieġ infrastruttura li tibqa’ valida fil-futur
Mhux se jkun hemm tranżizzjoni tal-enerġija jekk l-infrastruttura ma tkunx adattata għall-ħtiġijiet tas-sistema tal-enerġija futura. L-enerġija, it-trasport u l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni huma dejjem aktar u aktar interkonnessi. Din l-integrazzjoni transettorjali se tkompli, bin-netwerks lokali jsiru dejjem aktar importanti fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini Ewropej, li se jibdew dejjem aktar jagħżlu l-elettromobbiltà, il-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija u rispons għad-domanda. Biex naslu għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ infrastruttura intelliġenti u nottimizzaw l-użu tal-infrastruttura eżistenti, il-Kummissjoni qed tħeġġeġ lill-promoturi tal-proġetti biex japplikaw għal appoġġ finanzjarju biex ifittxu li joħolqu sinerġiji bejn l-enerġija, it-trasport u l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni. Il-Kummissjoni se tevalwa kif tista’ tkompli tippromwovi proġetti ta’ infrastruttura innovattivi bħal dawn fil-perjodu ta’ wara l-2020.
Id-diġitalizzazzjoni dejjem tiżdied tal-infrastruttura diġà tippermetti l-ġestjoni intelliġenti tal-grilja u tar-rispons għad-domanda. Il-pakkett Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha ppreżentat qafas koerenti għar-rispons għad-domanda li jippermetti l-iċċarġjar intelliġenti tal-vetturi elettriċi, jagħti lill-konsumaturi inċentivi biex jiċċarġjaw f’ħinijiet bi prezzijiet tal-elettriku baxxi u jagħti s-setgħa lill-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni biex jimmaniġġaw il-grilja b’mod attiv
. Id-Direttiva dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi rriżultat f’oqfsa ta’ politika nazzjonali u azzjonijiet ta’ appoġġ li l-Kummissjoni vvalutat fid-dettall. Sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati, il-Kummissjoni pproponiet, aktar kmieni dan ix-xahar, azzjonijiet addizzjonali, inkluż finanzjament sa EUR 800 miljun għall-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi.
Fl-era diġitali, il-protezzjoni aħjar tal-infrastruttura tal-enerġija tagħna hija ta’ importanza kruċjali. Il-Pjattaforma tas-Sigurtà Ċibernetikata għall-Esperti fl-Enerġija identifikat l-isfidi u l-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur tal-enerġija li mhumiex attwalment koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE fir-rapport tagħha ppubblikat fi Frar 2017
. Il-Kummissjoni bdiet taħdem mal-partijiet ikkonċernati taħt it-Task Force tal-Grilji Intelliġenti fuq kodiċi tan-netwerk dwar iċ-ċibersigurtà speċifika għall-enerġija sal-aħħar tal-2018. Tnieda studju dwar ir-riskji u l-prevenzjoni tal-inċidenti ċibernetiċi fis-settur tal-enerġija.
Fl-istess waqt, qed titkompla l-ħidma biex titjieb l-integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista. Il-kooperazzjoni reġjonali, li inizjalment kienet maħsuba biex ittejjeb l-infrastruttura fiżika u l-użu effiċjenti tagħha, qed tespandi l-ambitu tagħha u qed tkopri aspetti bħalma huma l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika. Tista’ wkoll tkompli tevolvi lejn proġetti konġunti tal-enerġija rinnovabbli bejn l-Istati Membri u l-promoturi tal-proġetti rispettivi jew saħansitra lejn strateġiji konġunti fuq perjodu itwal dwar l-użu tar-rinnovabbli fuq skala reġjonali.
Madankollu, minkejja l-kisbiet konsiderevoli, jinħtieġ li jiġi enfasizzat li għad hemm ostakli importanti. Erba’ Stati Membri (Ċipru, il-Polonja, Spanja u r-Renju Unit) huma mistennija li jibqgħu taħt il-mira ta’ 10 % għall-interkonnessjoni tal-elettriku fl-2020
. Biex tindirizza dan, il-Kummissjoni llum adottat Komunikazzjoni dwar il-mira tal-2030 tal-interkonnessjoni tal-elettriku. Adottat ukoll it-tielet lista ta’ Proġetti ta’ Interess Komuni. Il-lista tinkludi l-proġetti ewlenin meħtieġa biex jitlaħqu l-objettivi ta’ suq tal-enerġija intern interkonness, b’mod partikolari dawk maqbula mill-erba’ Gruppi ta’ Livell Għoli, bħall-interkonnetturi li jgħaqqdu l-Peniżola Iberika ma’ Franza u mal-bqija tal-UE li jiżguraw l-iżvilupp tar-rinnovabbli, il-proġetti fid-dawl tas-sinkronizzazzjoni Baltika man-netwerks Ewropej, il-proġetti tal-gass li jwasslu għas-sigurtà tal-provvista u għall-kompetizzjoni fl-Ewropa Ċentrali/tax-Xlokk kif ukoll l-ewwel proġetti fid-dawl tal-grilja integrata tal-Ibħra tat-Tramuntana.
L-integrazzjoni reġjonali madwar l-Unjoni Ewropea
F’Settembru 2017, il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Konnettività tal-Gass fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk (CESEC) qabel li jestendi l-ambitu ġeografiku tiegħu biex ikopri r-reġjun kollu tal-Balkani tal-Punent u biex jiffoka wkoll fuq il-bini ta’ suq interkonness għall-elettriku b’tali mod li jagħti spinta lill-investiment fir-rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika. Permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, l-ewwel interkonnettur tal-gass bejn ir-Rumanija u l-Bulgarija ġie mtejjeb b’mod sostanzjali.
Fil-qafas tal-Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku (Baltic Energy Market Interconnection Plan, BEMIP), saret analiżi teknika u ekonomika tas-sinkronizzazzjoni tal-grilja elettrika tal-Istati Baltiċi man-netwerk elettriku tal-UE permess tal-Litwanja / il-Polonja
. Din l-analiżi tipprovdi bażi tajba biex isir avvanz malajr lejn l-indipendenza enerġetika.
Qed ifeġġu l-ewwel proġetti reġjonali li jinvolvu l-kooperazzjoni enerġetika bejn il-Pajjiżi tal-Ibħra tat-Tramuntana u qed jiġu definiti r-raggruppamenti reġjonali. Iċ-Ċentru tal-Enerġija tal-Baħar tat-Tramuntana, gżira artifiċjali ppjanata b’eluf ta’ turbini eoliċi madwarha, se joħloq benefiċċji konkreti għall-ħaddiema u għall-konsumaturi Ewropej.
Il-kostruzzjoni tal-pipeline tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar imxiet ’il quddiem. Dan il-proġett jibqa’ ta’ importanza strateġika għall-isforzi tad-diversifikazzjoni tal-UE, billi jwassal sorsi ġodda ta’ gass permezz ta’ rotta ġdida.
Għalkemm mhux biżżejjed, sar progress importanti biex tiġi interkonnessa aħjar il-Peniżola Iberika mas-suq intern tal-enerġija. Fl-2017, ittieħdet deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż transfruntiera bejn ir-regolaturi ta’ Franza u ta’ Spanja għal-linja tal-Bajja ta’ Biscay, li kważi se tirdoppja l-kapaċità tal-interkonnessjoni tal-elettriku bejn iż-żewġ pajjiżi meta titlesta fl-2025. L-iżvilupp tal-interkonnettur bejn Spanja u l-Portugall jinsab miexi mal-iskeda u meta jiġi kkummissjonat il-Portugall se jikseb il-mira tiegħu ta’ interkonnessjoni ta’ 10 %. L-iżvilupp ta’ Assi tal-Gass tal-Lvant minn Spanja u l-Portugall lejn is-suq intern tal-gass mexa ’l quddiem u pipeline ġdid ippjanat se jneħħi l-konġestjoni fin-netwerk Franċiż.
Lil hinn mill-infrastruttura fiżika, suq tal-enerġija interkonness u mħaddem b’mod sigur jirrikjedi wkoll koordinazzjoni aħjar bejn l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni (transmission system operators, TSOs) u jtemm il-prijoritizzazzjoni tal-iskambji interni fuq dawk transżonali. Biex tingħata flessibilità sħiħa fil-provvista tal-gass, użu aktar effiċjenti tal-faċilitajiet ta’ ħżin tal-gass u l-iżvilupp ta’ suq globali ġenwin tal-gass naturali likwifikat se jkun ta’ importanza kbira
.
It-tranżizzjoni tal-enerġija bħala opportunità ta’ investiment
L-ikkompletar tal-Unjoni tal-Enerġija u t-tħaffif tat-tranżizzjoni tal-enerġija jġibu opportunitajiet ta’ investiment kbar. Għalhekk, waħda mill-prijoritajiet prinċipali tal-Unjoni tal-Enerġija fl-2017 kienet li jinfetħu l-bibien għall-investimenti. L-Unjoni Ewropea kkontribwixxiet għal dan b’diversi modi.
L-Pjan ta’ Investiment Ewropew wassal għal EUR 240,9 biljun ta’ investimenti s’issa permezz tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), bis-settur tal-enerġija jkun l-ewwel f’termini ta’ għadd ta’ operazzjonijiet FEIS approvati. Il-maġġoranza tal-proġetti appoġġati huma investimenti fl-enerġija rinnovabbli, fl-effiċjenza enerġetika u fl-infrastruttura tal-enerġija
.
L-Istati Membri aċċelleraw ukoll l-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’appoġġ tat-tranżizzjoni tal-enerġija: kien hemm żieda qawwija fl-għażla ta’ proġetti fil-prattika fl-ewwel nofs tal-2017. Skont il-prijorità tal-investiment fl-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, madwar 28 % (jew EUR 18-il biljun
) tal-baġit ġie allokat għal aktar minn 8 500 proġett konkret sal-aħħar ta’ Ġunju 2017 (meta mqabbel ma’ 19 % sal-aħħar tal-2016
) bl-implimentazzjoni tibqa’ għaddejja sal-aħħar tal-2023
. Fil-qasam tat-trasport, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (Connecting Europe Facility, CEF) għat-Trasport se tkun impenjat EUR 22,4 biljun sa tmiem l-2017, b’mobilizzazzjoni ta’ madwar EUR 46,7 biljun ta’ investimenti kumplessivi fl-UE.
Is-sena l-oħra, il-Kummissjoni ħabbret ukoll l-Inizjattiva għall-Finanzjament Intelliġenti għal Bini Intelliġenti biex tixpruna l-investiment fir-rinnovazzjoni tal-enerġija tal-istokk tal-bini tal-Ewropa
. L-inizjattiva, li qed tiġi żviluppata f’kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment, se tippermetti lill-Istati Membri jikkombinaw sorsi differenti ta’ finanzjament pubbliku u privat biex jipprovdu lill-unitajiet domestiċi u lill-SMEs b’aċċess għal self għar-rinnovazzjoni mfassla apposta għalihom.
Minħabba l-ħtiġijiet kbar ta’ investiment fir-rinnovazzjoni tal-bini, is-sorsi privati ta’ finanzjament iridu jiġu mmobilizzati fuq skala ferm akbar. Sabiex tinbena l-fiduċja u tingħata għajnuna lill-iżviluppaturi tal-proġett u lill-investituri biex jivvalutaw aħjar ir-riskji u l-benefiċċji tal-investimenti fl-effiċjenza enerġetika, f’Novembru 2016 tnediet il-Pjattaforma għat-Tneħħija tar-Riskji tal-Effiċjenza Enerġetika (De-risking Energy Efficiency Platform, DEEP) mill-Grupp ta’ Istituzzjonijiet Finanzjarji tal-Effiċjenza Enerġetika (Energy Efficiency Financial Institutions Group, EEFIG), bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea
. Din hija l-akbar bażi tad-dejta b’sors miftuħ għall-UE kollha li fiha d-dejta ta’ aktar minn 7 800 proġett u turi li l-effiċjenza enerġetika hija finanzjarjament attraenti. Barra minn hekk, l-Għodod għas-Sottoskrizzjoni għall-istituzzjonijiet finanzjarji tnedew f’Ġunju 2017 biex jgħinu lill-banek u lill-investituri jżidu l-użu tagħhom ta’ kapital fl-effiċjenza enerġetika billi jipprovdu qafas għall-valutazzjoni tar-riskji u l-benefiċċji ta’ dawn l-investimenti
.
Inizjattiva oħra li se titnieda din is-sena hija pjattaforma ta’ konsulenza għall-investimenti urbani. Din il-pjattaforma, li qed tiġi żviluppata mill-Kummissjoni fi sħubija mal-Bank Ewropew tal-Investiment, se tibni fuq strutturi diġà eżistenti taħt is-Servizz Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investiment. Tipprovdi lill-awtoritajiet urbani li jaġixxu bħala promoturi ta’ proġetti u / jew lill-benefiċjarji, b’servizzi ta’ konsulenza u b’possibbiltajiet ta’ finanzjament imfassla apposta għalihom.
L-azzjonijiet ta’ abilitazzjoni fl-investimenti: l-operat tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) jew mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE)
L-INTERKONNETTUR TAL-ELETTRIKU BEJN L-ITALJA U FRANZA (IT-FR): (EUR 170 miljun) Appoġġ lill-parti Taljana tal-link Piedmonte-Savoia ta’ kurrent dirett b’voltaġġ għoli li jikkonnettja lill-Franza u l-Italja mill-Alpi.
L-INTERKONNETTUR HVDC NORDLINK (DE-NO): (EUR 150 miljun) Appoġġ għall-ewwel interkonnessjoni bejn il-Ġermanja u n-Norveġja, li b’hekk ittejjeb id-diversifikazzjoni u s-sigurtà tal-provvista u ssaħħaħ l-integrazzjoni tas-suq tal-elettriku fiż-żewġ pajjiżi u fir-reġjun.
Il-BOND IBRIDU ENERGA (PL): (EUR 250 miljun) Programm ta’ investiment fuq 3 snin (2017-2019) għall-modernizzazzjoni u l-estensjoni tan-netwerk tad-distribuzzjoni tal-elettriku fit-Tramuntana u ċ-ċentru tal-Polonja. Dan se jiffaċilita wkoll il-konnessjoni ta’ utenti ġodda tas-sistema, inklużi ġeneraturi tal-enerġija rinnovabbli.
IL-KUMPANIJA TAT-TRASPORT RIGA (LV): (EUR 175 miljun) self FEIS flimkien ma’ għotja ta’ finanzjament CEF lill-Kumpanija tat-Transport Riga biex tibni l-infrastruttura tagħha tal-fjuwil tal-idroġenu biex tħaddem karozzi tal-linja b’ċelloli tal-fjuwil tal-idroġenu.
IL-FOND TAL-INFRASTRUTTURA BALTCAP (LT, LV, EE): Proġett FEIS li jappoġġa l-investiment tal-BEI (sa EUR 20 miljun) fil-Fond ta’ Infrastruttura BaltCap, fond ta’ infrastruttura ġenerali li jiffoka fuq l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġijetika u proġetti tat-trasport fit-tliet pajjiżi Baltiċi.
Proġett ta’ AKKOMODAZZJONI SOĊJALI F’NAVARRA NZEB (ES): Appoġġat mill-garanzija tal-UE permezz tal-FEIS, dan is-self tal-BEI ta’ EUR 39 miljun se jappoġġa l-kostruzzjoni ta’ 524 unità ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Pamplona, fir-reġjun ta’ Navarra. L-unitajiet ta’ abitazzjoni se jkunu Bini b’Użu Negliġibbli tal-Enerġija.
PROGRAMM TA’ RINNOVAZZJONI TA’ BINI B’GĦADD TA’ APPARTAMENTI (LT): (EUR 314-il miljun f’appoġġ FSIE fl-2014-2020, bil-possibbiltà ta’ żieda mill-FEIS) – Immirat lejn żieda fl-effiċjenza enerġetika tal-aktar bini b’għadd ta’ appartamenti li huwa intensiv fl-użu tas-sħana, permezz ta’ bosta strumenti finanzjarji (self u garanziji).
Jinħtieġ li wieħed jiftakar li bħala parti mir-reviżjoni tal-Iskema tal-Unjoni Ewropea għan-Negozjar ta' Emissjonijiet għall-perjodu ta’ wara l-2020, il-Kummissjoni pproponiet Fond ta’ Innovazzjoni biex tappoġġa l-innovazzjoni fis-settur u fl-industrija tal-enerġija. Fl-2017, il-Kummissjoni nediet sensiela ta’ diskussjonijiet speċjalizzati speċifiċi għas-settur biex tagħti l-ambitu xieraq lil dan il-fond
. Il-proposta tinkludi wkoll il-ħolqien ta’ Fond ta’ Modernizzazzjoni biex jappoġġa l-Istati Membri bi dħul baxx biex jimmodernizzaw is-sistemi tal-enerġija tagħhom.
Minkejja dawn l-isforzi kollha, jista’ jsir aktar biex jinħoloq ambjent favorevoli għall-investiment. Politiki nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima li ma jkunux koordinati u prevedibbli jnaqqsu ċ-ċertezza tal-investimenti. Sa biss ftit taż-żmien ilu, kienu biss ftit Stati Membri li kellhom pjanijiet u strateġiji dwar il-klima u l-enerġija li jmorru lil hinn mill-2020. Ħadd ma kellu pjan komprensiv mifrux fuq il-ħames dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija, u biss għadd limitat ta’ gvernijiet kienu kkunsidraw l-impatt transfruntier meta ddefinixxew il-politiki nazzjonali. Pjanijiet nazzjonali integrati tal-enerġija u l-klima se jippermettu lill-investituri potenzjali jieħdu d-deċiżjonijiet neċċessarji fit-tul dwar l-investiment għall-qafas ta’ żmien ta’ wara l-2020
.
Biex tintlaħaq l-isfida tal-investiment assoċjata mat-tranżizzjoni tal-enerġija, il-finanzjament għandu jkun allinjat mal-għanijiet tal-politika dwar l-enerġija u l-klima. L-investiment sostenibbli sar wieħed mill-azzjonijiet ta’ prijorità ġodda tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. F’Ġunju 2017 saret inizjattiva importanti bil-pubblikazzjoni tal-linji gwida li jgħinu lill-kumpaniji jiddivulgaw informazzjoni ambjentali u soċjali. Il-Kummissjoni nediet il-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar il-Finanzjament Sostenibbli biex jagħti pariri dwar kif jiġi żgurat li s-sostenibbiltà titqies fir-regolamentazzjoni finanzjarja tal-UE u fil-prattiki tas-swieq. Rakkomandazzjonijiet tal-grupp se jingħataw kmieni fl-2018
. Sadanittant, it-tmexxija f’dan id-dominju tkompli ġejja mill-Ewropa, b’mod partikolari bi Franza li ħarġet l-ewwel bond sovran aħdar ta’ riferiment li qatt inħareġ (b’rekord ta’ EUR 7 biljun) f’Jannar. Il-BEI jkompli jkun l-akbar emittent fid-dinja ta’ bonds ħodor b’portafoll dejjem jikber.
Deċiżjoni importanti biex jiġu ffaċilitati l-investimenti fil-prestazzjoni enerġetika tal-bini saret f’Settembru. Il-Gwida reċenti tal-Eurostat dwar ir-reġistrazzjoni tal-kuntratti tal-prestazzjoni enerġetika fil-kontijiet tal-gvern
, tiċċara r-reġistrazzjoni statistika ta’ dawn il-kuntratti, inklużi ċ-ċirkostanzi li fihom dawn il-kuntratti għandhom jiġu rreġistrati barra l-karta bilanċjali tal-gvern. Dan se jagħmilha eħfef biex il-muniċipalitajiet jużaw kuntratti bi prestazzjoni enerġetika biex irendu l-bini pubbliku bħal sptarijiet, skejjel jew akkomodazzjoni soċjali aktar effiċjenti fl-enerġija, mingħajr impatt negattiv fuq id-defiċit u d-dejn pubbliku. Dan se jiffaċilita wkoll l-iżvilupp ta’ suq aktar b’saħħtu ta’ fornituri tal-kuntratti tal-prestazzjoni enerġetika, inklużi ħafna kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju. Il-gwida prattika għall-prattikanti se tinħareġ aktar tard fis-sena.
Id-dimensjoni esterna tat-tranżizzjoni tal-enerġija
Il-politiki esterni u ta’ żvilupp tal-UE huma essenzjali biex jappoġġaw it-tranżizzjoni dinjija lejn enerġija nadifa u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju kif ukoll biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija u l-kompetittività tal-UE.
Fl-2017, l-UE rrinfurzat is-sinerġiji bejn id-diplomaziji tagħha tal-klima u tal-enerġija. B’reazzjoni għall-intenzjoni tal-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti li tirtira mill-Ftehim ta’ Pariġi, l-UE affermat mill-ġdid l-impenn tagħha għall-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima u qed issaħħaħ is-sħubiji globali eżistenti tagħha. L-UE se tkompli tfittex alleanzi ġodda, mill-akbar ekonomiji fid-dinja għall-istati gżejjer l-aktar vulnerabbli. L-UE żiedet b’mod sinifikanti l-finanzjament għall-klima matul is-sena li għaddiet u pprovdiet aktar minn EUR 20 biljun lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp fl-2016
.
L-UE appoġġat bis-sħiħ il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Klima u tal-Enerġija għat-Tkabbir, tal-G20 ta’ Hamburg u saħħet il-kooperazzjoni ma’ għadd ta’ sħab ewlenin, b’mod partikolari fl-Asja. L-UE ffirmat pjan ta’ Ħidma dwar l-Enerġija maċ-Ċina u Memorandum ta’ Kooperazzjoni mal-Ġappun biex tippromwovi suq globali għall-gass naturali likwifikat. Kompla t-tisħiħ tar-rabtiet mal-Indja bid-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-UE u tal-Indja dwar l-Enerġija u l-Klima tiġi approvata fis-6 ta’ Ottubru 2017. L-UE saħħet ukoll ir-relazzjonijiet dwar l-enerġija u l-klima mal-Iran u organizzat l-ewwel Forum li qatt sar dwar in-Negozju bejn l-UE u l-Iran dwar l-Enerġija Sostenibbli.
L-UE ilha tippromwovi l-adozzjoni ta’ Strateġija ambizzjuża dwar it-Tnaqqis tal-Emissjonijiet tal-Gass b’Effett ta’ Serra fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali biex tiżgura li s-settur marittimu internazzjonali jikkontribwixxi għal sforzi globali konġunti biex jintlaħqu l-miri tal-Ftehim ta’ Pariġi u kompliet il-ħidma tagħha fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass serra mill-avjazzjoni.
Il-feġġ ta’ suq dinji tal-karbonju, b’mod partikolari permezz tal-irbit tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, hu għan li l-UE ilha timmira għalih għal żmien twil. Dan is-suq joffri opportunitajiet għal aktar tnaqqis tal-emissjonijiet filwaqt li jnaqqas aktar l-ispiża tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Il-proposti għall-iffirmar u l-konklużjoni ta’ ftehim mal-Iżvizzera dwar l-irbit tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet issa jinsabu għand il-Kunsill u l-Parlament Ewropew. F’partijiet oħra tad-dinja l-UE jkompli jkollha rwol attiv ukoll, kemm permezz ta’ inizjattivi multilaterali
kif ukoll ta’ attivitajiet bilaterali, b’mod partikolari billi żżid il-kooperazzjoni maċ-Ċina, li qed tħejji sistema nazzjonali.
L-enerġija hija l-enfasi ewlenija tal-kooperazzjoni tal-UE mal-ġirien tagħha. Il-prijorità hija fuq ir-riformi regolatorji u tas-suq, il-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija u l-użu tal-enerġiji rinnovabbli, il-bini ta’ interkonnessjonijiet, it-trawwim tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, u l-promozzjoni tal-ogħla standards ta’ sikurezza nukleari. Fl-2017, l-Ukraina għamlet progress sinifikanti fir-riformi regolatorji. Hija rriformat il-qafas ta’ politika tagħha għas-suq tal-elettriku u għall-effiċjenza enerġetika. Barra minn hekk, qed tistabbilixxi fond imdaqqas biex tiffinanzja l-effiċjenza enerġetika fis-settur residenzjali, b’appoġġ finanzjarju mill-UE, fost l-oħrajn.
L-UE tkompli wkoll tiżgura li l-enerġija tkun indirizzata b’mod xieraq f’negozjati kummerċjali attwali u futuri ma’ pajjiżi terzi. Dan huwa kruċjali biex jiġi żgurat aċċess għall-enerġija sostenibbli fis-swieq globali, biex il-kumpaniji Ewropej ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ minn opportunitajiet ta’ negozju fis-swieq tal-esportazzjoni u biex nappoġġaw it-tranżizzjoni tal-enerġija f’pajjiżi terzi permezz tal-għarfien espert u t-teknoloġija tal-UE.
Is-Sħubija fl-Enerġija bejn l-Afrika u l-UE tipprovdi qafas importanti għall-kooperazzjoni fl-enerġija sostenibbli. L-UE qiegħda wkoll tappoġġa l-Inizjattiva għall-Enerġija Rinnovabbli fl-Afrika
. Il-Kummissjoni tikkontribwixxi għall-miri u l-objettivi ta’ din l-inizjattiva, b’mod partikolari permezz tal-istrumenti ta’ taħlit tagħha li jużaw finanzjament ta’ għotjiet biex isir possibbli investiment mis-settur pubbliku jew privat fis-settur tal-enerġija rinnovabbli. Sa issa, dan ingrana total stmat ta’ EUR 4,8 biljun għall-kapaċità addizzjonali tal-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli. Il-Kummissjoni toffri wkoll appoġġ dirett lis-settur privat permezz tal-inizjattiva ElectriFI, li l-portofoll attwali ta’ investiment tagħha huwa ta’ madwar EUR 30 miljun, li f’dan l-istadju huwa mistenni li jirriżulta f’madwar 88 MW ta’ enerġija rinnovabbli installata ġdida. Finalment, il-Kummissjoni koospitat Diskussjoni Madwar Mejda ta’ Livell Għoli dwar l-investimenti fl-enerġija sostenibbli fl-Afrika f’April 2017 biex tagħti spinta lill-involviment tas-settur privat tal-UE fis-settur Afrikan tal-enerġija nadifa. Sħubija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Enerġija Sostenibbli hija mistennija li tiġi approvata matul is-Summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika f’Novembru 2017.
L-UE kompliet ukoll issaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija, billi taħdem ma’ sħab internazzjonali biex tirrinforza s-swieq tal-enerġija globali permezz tat-trasparenza u l-iskambju tal-aħjar prattiki. F’dan il-kuntest, ir-relazzjoni mal-Istati Uniti tibqa’ importanti u tkompli tiġi segwita permezz tal-Kunsill tal-Enerġija bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-gruppi ta’ ħidma tiegħu.
Fid-9 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jawtorizza n-negozjati ta’ ftehim mal-Federazzjoni Russa dwar l-operazzjoni tal-pipeline tal-gass ippjanat, in-Nord Stream 2. Il-Kummissjoni qed tfittex ftehim fil-Kunsill dwar mandat b’saħħtu, li fuq il-bażi tiegħu l-Kummissjoni tkun lesta biex tibda n-negozjati mar-Russja. Il-proposta reċenti għal emenda fid-Direttiva dwar il-Gass tiċċara li l-pipelines lejn u minn pajjiżi terzi huma suġġetti għar-regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali sal-fruntiera tal-ġurisdizzjoni tal-Unjoni. Il-ftehimiet internazzjonali mal-pajjiżi terzi kkonċernati se jibqgħu l-aktar strument xieraq biex jiġi żgurat li jkun hemm qafas regolatorju koerenti għall-pipeline kollu.
IV.
L-Unjoni tal-Enerġija – It-triq lejn l-ikkompletar
Bis-saħħa tal-progress fl-2017, l-UE tinsab fit-triq it-tajba biex timplimenta l-proġett tal-Unjoni tal-Enerġija u toħloq impjiegi, tkabbir u investimenti. Il-Kummissjoni ppreżentat il-biċċa l-kbira tal-proposti leġiżlattivi meħtieġa biex jipprovdu qafas regolatorju prevedibbli, u azzjonijiet abilitanti qed jiġu implimentati biex jaċċeleraw l-investiment pubbliku u privat u jsostnu tranżizzjoni soċjalment ġusta lejn l-enerġija nadifa. Madankollu, aktar sforzi huma meħtieġa b’mod urġenti biex jiżguraw l-ikkompletar tal-Unjoni tal-Enerġija sal-aħħar tal-mandat attwali tal-Kummissjoni fl-2019. Għalhekk, għandu jkun hemm progress reali fl-adozzjoni tal-qafas leġiżlattiv, li jimplimenta l-qafas ta’ abilitazzjoni u jiżgura l-involviment tal-partijiet kollha tas-soċjetà.
It-twettiq tal-qafas leġiżlattiv
F’konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi, id-diskussjonijiet fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill, u bejniethom, jeħtieġ li b’mod rapidu jaslu għal konklużjoni b’suċċess. Il-koleġiżlaturi diġà adottaw Deċiżjoni dwar l-iskambju tal-informazzjoni dwar ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija
u Regolament li jikkonċerna miżuri li jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass
, jiżguraw kooperazzjoni transfruntiera effettiva u aktar solidarjetà f’każ ta’ kriżi. Dan ix-xahar il-koleġiżlaturi waslu għal ftehim politiku dwar ir-rieżami tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet. Dawn l-eżempji juru l-kapaċità tal-Unjoni Ewropea u tal-istituzzjonijiet tagħha li jwettqu kisbiet importanti, meta jkun hemm ir-rieda politika.
Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi wkoll lill-koleġiżlaturi jżommu koerenza kumplessiva bejn il-proposti leġiżlattivi pendenti u biex iżommu l-ambizzjoni għolja sabiex l-UE tikkonsolida r-rwol ta’ tmexxija tagħha fit-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa, b’mod partikolari dwar il-governanza, ir-rinnovabbli, l-azzjoni klimatika, l-effiċjenza enerġetika u l-innovazzjoni tal-enerġija nadifa. Dan jippermetti lill-UE – bħala parti mid-Djalogu ta’ Faċilitazzjoni tal-2018 – tagħmel progress reali fl-impenji tagħha skont il-Ftehim ta’ Pariġi u twettaq l-aspettattivi għolja taċ-ċittadini tal-Ewropa għal tranżizzjoni lejn enerġija nadifa.
It-twettiq tal-qafas ta’ abilitazzjoni
Il-promozzjoni tal-investiment fi proġetti urbani innovattivi, fil-kuntest kumplessiv tal-Aġenda Urbana tal-UE, se tkun prijorità fl-2018. Il-Kummissjoni se taħdem ma’ bliet u reġjuni pijunieri biex tappoġġa proġetti innovattivi transsettorjali li jistgħu jservu bħala test għal mudelli kummerċjali ġodda u teknoloġiji applikati. Dawn il-proġetti innovattivi jinħtieġ li jiġu rreplikati madwar l-Ewropa u globalment. Is-Summit Pjaneta Waħda li ġej f’Diċembru 2017, it-Tielet Laqgħa Ministerjali tal-Missjoni tal-Innovazzjoni f’Mejju 2018 u s-summit dwar il-klima f’San Francisco tal-atturi mhux Stati f’Settembru 2018 huma opportunitajiet biex jintwera r-rwol ta’ tmexxija tal-Ewropa fl-innovazzjoni fl-eneriġja nadifa u r-rwol ewlieni li għandhom il-bliet tal-Ewropa fiha.
Il-Kummissjoni se tintensifika wkoll l-appoġġ tagħha għar-reġjuni intensivi fl-użu tal-karbonju li jinsabu fi tranżizzjoni, billi tgħinhom jiżviluppaw soluzzjonijiet fuq perjodu qasir u strateġiji fit-tul biex imexxu trasformazzjoni ekonomika sostenibbli. Dan se jinkiseb billi titlaqqa’ l-ħidma tat-timijiet tal-pajjiżi tal-UE għal għadd akbar ta’ Stati Membri u tal-Pjattaforma b’Bosta Partijiet Ikkonċernati dwar ir-Reġjuni Intensivi fl-Użu tal-Faħam u tal-Karbonju li se tiġi stabbilita f’Diċembru 2017.
Prijorità oħra se tkun li jiġi żgurat li l-isforzi mill-industrija jkunu konsistenti mal-isforzi ta’ dawk li jfasslu l-politika biex jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa f’setturi strateġiċi bħall-enerġija rinnovabbli, il-kostruzzjoni u l-batteriji. It-tnedija tal-Forum għall-Kompetittività Industrijali għal Enerġija Nadifa se tgħin biex tmexxi l-proċess ’il quddiem.
Finalment, il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi l-investiment fl-enerġija nadifa bħala aspett ewlieni tal-modernizzazzjoni ekonomika fid-diversi inizjattivi ta’ investiment tagħha bħar-Rappreżentanti tal-Investiment, is-Servizz ta’ Appoġġ għar-Riforma Strutturali, u s-Servizz Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti.
L-involviment tal-partijiet kollha tas-soċjetà
L-Unjoni tal-Enerġija tkun ta’ suċċess biss jekk is-segmenti kollha tas-soċjetà jingħaqdu flimkien u jimxu fl-istess direzzjoni bħal ma diġà wrew xi pijunieri
. Fit-Tieni Vjaġġ tal-Unjoni tal-Enerġija, il-Viċi President Šefčovič sa issa żar 17-il Stat Membru, jiddiskuti mal-gvernijiet u mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali l-istat tal-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-laqgħat maż-żgħażagħ, maċ-ċittadini milquta mit-tranżizzjoni tal-enerġija, mas-sħab soċjali u mas-soċjetà ċivili, mas-sindki u ma’ politiċi oħra jipprovdu eżempji pożittivi ta’ kif it-tranżizzjoni tal-enerġija tista’ tintlaħaq fil-prattika. Il-Kummissjoni se tkompli tiżgura l-parteċipazzjoni tal-livelli kollha tas-soċjetà, b’mod partikolari taż-żgħażagħ, u toħloq konnessjonijiet aktar b’saħħithom bejn l-isforzi Ewropej, nazzjonali, u lokali. Se tipprovdi opportunitajiet għat-tnedija ta’ djalogu trasparenti u kostruttiv fost il-partijiet ikkonċernati kollha dwar l-abbozz ta’ pjanijiet integrati nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima li l-Istati Membri huma mitluba jwettqu kmieni fl-2018. Il-Kummissjoni se tivvaluta bir-reqqa l-abbozzi ta’ pjanijiet u tirrapporta lura fir-rapport li jmiss tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija.
V.
KONKLUŻJONI
Il-proġett tal-Unjoni tal-Enerġija laħaq punt kritiku. Bħal fl-aħħar sena, anki l-2018 jinħtieġ li twassal għal riżultati importanti. Il-Kummissjoni għalhekk se tkompli bl-isforzi tagħha biex timplimenta l-azzjonijiet ta’ abilitazzjoni li jġibu bidliet fil-prattika u benefiċċji tanġibbli għall-Ewropej kollha. Hija tappella
·lill-koleġiżlaturi biex jirdoppjaw l-isforzi tagħhom biex jilħqu ftehim malajr dwar il-proposti leġiżlattivi. Il-Kummissjoni se tagħmel l-almu tagħha biex tiffaċilita riżultat ambizzjuż u f’waqtu.
·lill-Istati Membri biex iżidu l-ħidma tagħhom fuq il-pjanijiet integrati nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija u l-klima biex joħolqu l-prevedibbiltà għall-investituri u jippreżentaw abbozzi ta’ pjanijiet fil-ħin biex jippermettu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu juru t-tmexxija bħala parti mid-Djalogu ta’ Faċilitazzjoni globali tal-2018 dwar il-klima. Il-Kummissjoni tinsab lesta biex tipprovdi aktar assistenza.
·lis-soċjetà inġenerali u lill-partijiet ikkonċernati kollha Ewropej, nazzjonali, reġjonali jew lokali biex jinvolvu ruħhom b’mod attiv fit-tranżizzjoni tal-enerġija u jikkontribwixxu għas-suċċess tagħha.