Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017BP1627

    Riżoluzzjoni (UE) 2017/1627 tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima VIII — L-Ombudsman Ewropew

    ĠU L 252, 29.9.2017, p. 137–138 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2017/1627/oj

    29.9.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 252/137


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2017/1627 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tas-27 ta' April 2017

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima VIII — L-Ombudsman Ewropew

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima VIII — L-Ombudsman Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0142/2017),

    A.

    billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u fl-obbligu ta' rendikont, permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' baġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani,

    1.

    Jinnota b'sodisfazzjon li l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”) ma osservat l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tal-elementi awditjati b'relazzjoni ma' riżorsi umani u proċeduri ta' akkwist għall-Ombudsman Ewropew (l-“Ombudsman”);

    2.

    Jenfasizza l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri stmat li, fuq il-bażi tax-xogħol ta' awditu tagħha, il-pagamenti għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2015 għall-infiq amministrattiv tal-Ombudsman kienu ħielsa minn żbalji materjali;

    3.

    Jisħaq fuq il-fatt li l-baġit tal-Ombudsman huwa wieħed purament amministrattiv u fl-2015 ammonta għal EUR 10 346 105 (EUR 9 857 002 fl-2014); jenfasizza, madankollu, li l-introduzzjoni ta' baġitjar abbażi tal-prestazzjoni ma għandiex tapplika għall-baġit tal-Ombudsman kollu kemm hu, iżda għandha tinkludi wkoll l-iffissar ta' objettivi speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u jinkisbu, realistiċi u marbuta mal-ħin (SMART) għall-pjanijiet annwali tad-dipartimenti individwali, l-unitajiet u l-persunal; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Ombudsman tintroduċi l-prinċipju ta' baġitjar abbażi tal-prestazzjoni b'mod aktar mifrux fl-operazzjonijiet ta' kuljum tagħha;

    4.

    Jinnota li mill-approprjazzjonijiet totali, ġew impenjati 92,32 % (meta mqabbel ma' 97,87 % fl-2014) u ġew imħallsa 86,19 % (meta mqabbel ma' 93,96 % fl-2014) b'rata ta' użu ta' 92,32 % (meta mqabbel ma' 97,87 % fl-2014); jinnota li r-rata ta' użu kompliet tonqos fl-2015;

    5.

    Jieħu nota tal-fatt li t-tnaqqis fir-rata ta' użu fl-2015 influwenza lid-deċiżjoni tal-Ombudsman biex tnaqqas bosta linji baġitarji — missjonijiet, spejjeż ta' rappreżentazzjoni, pubblikazzjonijiet u traduzzjonijiet — u konsegwentement naqqset il-baġit ta' dawn il-linji;

    6.

    Jirrikonoxxi li l-Ombudsman tinsab minn ta' quddiem fit-trasparenza fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jitlob xorta li titjieb aktar it-trasparenza tal-kundizzjonijiet u l-proċessi ta' reklutaġġ; jitlob lill-Ombudsman tindika l-kompiti tal-Konsulent Prinċipali u tiċċara l-pożizzjoni tiegħu/tagħha fl-organigramma; fid-dawl tat-tibdil qabel l-adozzjoni tal-istruttura organizzazzjonali tal-istituzzjoni f'Novembru 2015, jitlob lill-Ombudsman tiżgura li l-verżjoni aġġornata tal-organigramma tkun disponibbli fuq is-sit web tagħha;

    7.

    Jilqa' t-tkomplija tal-investigazzjonijiet tal-Ombudsman f'każijiet tat-tip “bibien iduru” fil-Kummissjoni; iqajjem tħassib dwar il-“bibien iduru interni” bejn l-Ombudsman u l-istituzzjonijiet l-oħra li setgħu kienu taħt l-iskrutinju tal-Ombudsman jew bejn l-istituzzjonijiet l-oħra li jistgħu jkunu qegħdin jiskrutinizzaw xogħol xulxin; jistieden lill-Ombudsman tanalizza s-sitwazzjoni u tfassal regoli sabiex jiġu evitati kunflitti ta' interess jekk tqis li dan ikun meħtieġ;

    8.

    Jilqa' l-implimentazzjoni effiċjenti tal-pjan ta' ġestjoni annwali fl-2015 fi ħdan l-istrateġija lejn l-2019; jinnota li l-maġġoranza l-kbira tal-miri stabbiliti mill-Ombudsman biex tivvaluta l-prestazzjoni tagħha permezz ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni ġew milħuqa; għandu fiduċja li din ix-xejra se tinżamm fis-snin li ġejjin;

    9.

    Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni li l-Ombudsman kellha fil-proċess tal-introduzzjoni ta' regoli interni għall-protezzjoni tal-informaturi skont l-Artikolu 22(a), 22(b) u 22(c) tar-Regolamenti tal-Persunal fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni sa tmiem l-2015; jitlob lill-Ombudsman biex timmonitorja l-implimentazzjoni ta' dawk ir-regoli fuq bażi kontinwa u tevalwa jekk dawn jipprovdux protezzjoni xierqa għall-assistenti parlamentari akkreditati tal-Parlament;

    10.

    Iħeġġeġ lill-Ombudsman fit-tħejjija tagħha ta' regoli dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-fastidju;

    11.

    Jirrikonoxxi l-importanza tal-inizjattivi strateġiċi u proprji tal-Ombudsman u jistieden lill-Ombudsman tinforma lill-awtorità ta' kwittanza regolarment dwar l-impatt tal-inkjesti tagħha; itenni li l-ewwel prijorità tal-Ombudsman għandha tkun li tindirizza l-ilmenti taċ-ċittadini fi żmien raġonevoli; jistieden lill-Ombudsman tinterpreta l-amministrazzjoni ħażina b'mod kemm jista' jkun wiesa' meta twettaq dmirijietha u biex tiżviluppa kooperazzjoni iktar mill-qrib mal-Kumitat għall-kontroll tal-baġit tal-Parlament fil-ħidma strateġika tagħha;

    12.

    Jirrikonoxxi d-definizzjonijiet il-ġodda ta' interess pubbliku u mhux pubbliku introdotti permezz tad-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni għall-għażla tal-ilmenti riċevuti; jitlob lill-Ombudsman tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar kif dawk id-definizzjonijiet affettwaw il-prestazzjoni tagħha;

    13.

    Jilqa' l-fatt li l-Ombudsman tippubblika l-identità u d-dettalji l-oħra tal-partijiet interessati esterni li tiltaqa' magħhom fuq is-sit web tagħha;

    14.

    Jinnota r-riżultati li nkisbu fl-2015 fir-rigward tal-ġestjoni tal-ilmenti u jilqa' l-fatt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kkonformaw mal-proposti tal-Ombudsman b'rata ta' 90 %; jistieden lill-Ombudsman tipprovdi analiżi tal-konformità tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni bil-proposti tagħha fir-rapporti ta' attività annwali tagħha; jitlob lill-Ombudsman tipprovdi analiżi tar-raġunijiet possibbli tan-nuqqas ta' konformità u jitlob lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jtejbu aktar ir-rata ta' konformità tagħhom;

    15.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-kisba tal-bilanċ bejn is-sessi fil-livell maniġerjali fl-2015; japprova l-appoġġ tal-Ombudsman għal miżuri biex isostnu l-parteċipazzjoni ugwali ta' rġiel u nisa fil-forza tax-xogħol tagħha;

    16.

    Jiddispjaċih, madankollu, dwar l-iżbilanċ ġeografiku ċar fil-livell maniġerjali medju u għoli, u, b'mod partikolari r-rappreżentanza żejda ta' maniġers mill-Istat Membru ta' liema għandha n-nazzjonalità l-Ombudsman; jistieden lill-Ombudsman sabiex tiżgura korrezzjoni sostnuta ta' din is-sitwazzjoni;

    17.

    Jinnota l-pjan tal-Ombudsman biex tikkonforma mal-ftehim interistituzzjonali biex il-persunal jitnaqqas b'5 % fuq perjodu ta' ħames snin u jitlob li jiġi infurmat dwar kif dan it-tnaqqis jaqbel mal-istimi tal-2016 biex jinħolqu ħames impjiegi ġodda;

    18.

    Jinsab imħasseb dwar iż-żewġ ilmenti li saru lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data kontra l-Ombudsman fl-2015 u jitlob li d-dettalji ta' dawn l-ilmenti jingħataw lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament;

    19.

    Jilqa' l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli tal-Iskema ta' Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiċi (EMAS), id-dematerjalizzazzjoni ta' dokumenti, il-ħolqien ta' skema permanenti ta' mobbiltà ekoloġika u l-użu tal-vidjokonferenzi għal-laqgħat; jinkoraġġixxi li jiġu applikati aktar il-prinċipji tal-akkwist pubbliku ekoloġiku u jistieden lill-Ombudsman tistabbilixxi regoli u baġit għall-kumpens għal emissjonijiet ta' karbonju;

    20.

    Jilqa' l-kjarifika tal-Ombudsman għan-nuqqas ta' politika tal-bini, peress li s-servizzi tagħha huma ospitati mill-Parlament, u jitlob li jiġi infurmat bi kwalunkwe żviluppi jew bidliet fir-rigward tas-sitwazzjoni attwali;

    21.

    Jilqa' l-għoti ta' informazzjoni eżawrjenti dwar ir-riżorsi umani kollha għad-dispożizzjoni tal-Ombudsman, imqassma skont il-grad, is-sess u n-nazzjonalità u jitlob li dik l-informazzjoni tiġi inkluża awtomatikament fir-rapport ta' attività annwali tal-Ombudsman;

    22.

    Jistenna li l-Ombudsman tkompli tirsisti għal kwalità konsistenti fir-rapport ta' attività annwali tagħha u jitlob lill-Ombudsman tipprovdi rapport ta' impatt annwali komprensiv, li huwa għodda importanti għall-valutazzjoni tal-ħidma tagħha.

    23.

    Jesprimi x-xewqa li l-ombudsmen nazzjonali, l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgħinu iktar lill-Ombudsman billi jiġbdu l-attenzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni lejn il-possibbiltà li jirrikorru lejn l-Ombudsman f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina minn kwalunkwe istituzzjoni jew korp tal-Unjoni.


    Top