This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52017AE2946
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Taxation of the collaborative economy — analysis of possible tax policies faced with the growth of the collaborative economy’ (exploratory opinion requested by the Estonian presidency)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tassazzjoni tal-ekonomija kollaborattiva — analiżi ta’ politiki fiskali possibbli b’rabta mat-tkabbir tal-ekonomija kollaborattiva” (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Estonjana)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tassazzjoni tal-ekonomija kollaborattiva — analiżi ta’ politiki fiskali possibbli b’rabta mat-tkabbir tal-ekonomija kollaborattiva” (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Estonjana)
ĠU C 81, 2.3.2018, p. 65–71
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
2.3.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 81/65 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tassazzjoni tal-ekonomija kollaborattiva — analiżi ta’ politiki fiskali possibbli b’rabta mat-tkabbir tal-ekonomija kollaborattiva”
(opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Estonjana)
(2018/C 081/09)
Relatur: |
Giuseppe GUERINI |
Korelatur: |
Krister ANDERSSON |
Konsultazzjoni |
Opinjoni esploratorja (mitluba mill-Presidenza Estonjana), 17.3.2017 |
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa |
|
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali |
Adottata fis-sezzjoni |
5.10.2017 |
Adottata fil-plenarja |
19.10.2017 |
Sessjoni plenarja Nru |
529 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
168/0/1 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-KESE jqis li l-ekonomija kollaborattiva, bil-kapaċità tagħha li toħloq valur soċjali fil-kuntest tal-ekonomija diġitali, tista’ tikkostitwixxi okkażjoni ġdida ta’ tkabbir u żvilupp għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropa, peress li tippermetti l-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi mhux sfruttati u tagħti bidu għall-inizjattiva taċ-ċittadini individwali. Il-KESE jiddistingwi b’mod ċar bejn l-ekonomija kollaborattiva u l-ekonomija diġitali jew tal-pjattaformi, fid-dawl tad-differenzi fl-importanza u l-firxa tad-dimensjoni inklużiva u kollaborattiva tagħhom. |
1.2. |
Għalkemm it-tixrid tal-ekonomija kollaborattiva huwa inkoraġġit u mtejjeb mit-tixrid ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni ġodda, u jinstab b’mod partikolari fil-pjattaformi diġitali u fid-diffużjoni wiesgħa tal-ismartphones, il-KESE jqis importanti li jiġi evalwat il-fenomenu tal-ekonomija kollaborattiva fl-intier tagħha u li ma jiġix assimilat għalkollox mal-ekonomija diġitali. |
1.3. |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-UE ma tistax titlef l-opportunità offruta mill-ekonomija kollaborattiva biex tinnova s-sistema tar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet, l-intrapriżi, iċ-ċittadini u s-swieq. Madankollu, fid-dawl tal-fluwidità u l-veloċità ta’ evoluzzjoni ta’ dan is-settur, huwa essenzjali li s-sistemi ta’ regolazzjoni fiskali u s-sistemi ta’ tassazzjoni jiġu adattati b’mod intelliġenti u flessibbli għall-kuntest il-ġdid tal-ekonomija kollaborattiva u, b’mod aktar ġenerali, tal-ekonomija diġitali. |
1.4. |
Il-KESE ma jħossx li hemm bżonn ta’ sistema tat-taxxa ġdida u speċifika għall-intrapriżi tal-ekonomija kollaborattiva. Iqis minflok essenzjali li jiżdiedu l-forom ta’ kollaborazzjoni u koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u bejn l-amministrazzjonijiet differenti involuti fi ħdan id-diversi Stati Membri, biex b’hekk l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jlaħħqu mar-ritmu u d-dinamiżmu tal-ekonomija diġitali u tal-ekonomija kollaborattiva. |
1.5. |
Il-KESE jirrakkomanda li s-sistema ta’ tassazzjoni għall-ekonomija kollaborattiva tħares il-prinċipju tan-newtralità (jiġifieri li ma għandhiex tinterferixxi fl-iżvilupp tas-suq), filwaqt li jiġu identifikati mekkaniżmi ta’ tassazzjoni adatti u ġusti għad-diversi forom ta’ intrapriżi li joperaw fil-kuntest tal-ekonomija kollaborattiva fil-forom tradizzjonali. |
1.6. |
Il-KESE jispera li tiġi ffurmata malajr sistema Ewropea omoġenja u integrata li tiggarantixxi regoli komuni bejn id-diversi Stati Membri fir-rigward tal-ekonomija kollaborattiva, fid-dawl tat-tendenza naturali tan-netwerks diġitali li joperaw f’kuntest transfruntier. Għalhekk ikun ta’ ħsara jekk jiġu żviluppati forom differenti ta’ regolamentazzjoni f’kull wieħed mill-Istati Membri u huwa meħtieġ approċċ Ewropew ġenwin. |
1.7. |
Il-KESE jistieden lill-awtoritajiet Ewropej biex jagħmlu kull sforz possibbli biex iwaqqfu forom ta’ kooperazzjoni internazzjonali mhux Ewropea bl-għan li jistabbilixxu ċerti regoli ta’ bażi għall-ekonomija kollaborattiva, billi l-potenzjal tan-netwerks diġitali issa jippermetti l-ġestjoni ta’ attivitajiet ta’ servizz u l-kummerċ ta’ oġġetti f’kull parti tad-dinja, permezz ta’ pjattaforma diġitali li tinsab f’post wieħed fid-dinja. |
1.8. |
Il-KESE jħoss ukoll il-ħtieġa li r-regoli u l-prinċipji eżistenti għandhom jiġu aġġustati f’konformità ma’ sitwazzjonijiet ġodda li huma differenti mill-passat, parzjalment minħabba l-opportunitajiet li nħolqu mit-teknoloġiji l-ġodda, sabiex jiġi żgurat trattament uniformi u proporzjonat għall-operaturi ekonomiċi kollha li jwettqu attivitajiet f’forma tradizzjonali jew fi ħdan l-ekonomija kollaborattiva. |
1.9. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien għall-adozzjoni ta’ qafas legali ġenerali għall-ekonomija kollaborattiva li jkun jista’ jikkoordina u jwassal għal uniformità fir-regoli tat-taxxa applikabbli għal dawn il-forom ta’ ekonomija ġodda. |
1.10. |
Anki bil-għan li jkun hemm ġestjoni aktar sempliċi tas-sistema tat-taxxa u b’mod partikolari biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-VAT, il-KESE jqis li l-ittestjar ta’ “organizzazzjoni permanenti virtwali” jista’ jagħti l-frott tiegħu fil-kuntest dejjem aktar transfruntier u inqas territorjali li fih jiżviluppaw l-ekonomija diġitali u l-ekonomija kollaborattiva. |
1.11. |
Il-KESE jqis ukoll importanti li jitfakkar li, minbarra sistema tat-taxxa xierqa, huwa importanti li jiġu żgurati l-protezzjoni u r-rispett: 1) tad-drittijiet tal-konsumatur, ii) tal-privatezza u tar-regoli dwar l-ipproċessar ta’ data personali, iii) tal-ħaddiema u l-fornituri ta’ servizzi involuti fil-mudelli tan-negozju ġodda u fl-attivitajiet tal-pjattaformi kollaborattivi. |
2. Introduzzjoni
2.1. |
L-ekonomija kollaborattiva qed tiżdied fil-volum u tikber b’rata mgħaġġla, kif jidher minn data differenti. Huwa stmat li fl-2015, id-dħul relatat mal-ekonomija kollaborattiva fl-Unjoni Ewropea kien ta’ xi EUR 28 biljun (fis-sena preċedenti, dan kien biss nofs dak l-ammont). |
2.1.1. |
Mill-2015 ’il quddiem, investiment sinifikanti minn pjattaformi ewlenin kompla jagħti spinta lill-iżvilupp tas-settur, tant li huwa stmat li fil-futur, l-ekonomija kollaborattiva tista’ tiġġenera fatturat ta’ bejn EUR 160 biljun u EUR 572 biljun madwar l-UE. |
2.2. |
Kif muri miċ-ċifri, l-ekonomija kollaborattiva qed tinfirex għal aktar u aktar setturi u għandha l-potenzjal li tiġġenera valur miżjud, toħloq impjiegi f’livelli differenti u tiżgura servizzi effiċjenti fil-prezzijiet kompetittivi għall-konsumaturi Ewropej. |
2.3. |
Fl-istess ħin, madankollu, is-settur tal-ekonomija kollaborattiva jirrappreżenta serje ta’ sfidi għal-leġislatur Ewropew, li huwa mitlub jiżgura prinċipji u regoli mfassla biex jistabbilixxu qafas legali ċar u prevedibbli (1). Madankollu, l-azzjoni regolatorja tiegħu, ma għandhiex tikkomprometti l-potenzjal kbir għall-innovazzjoni li s-settur wera s’issa. |
2.4. |
It-terminu “collaborative economy” (ekonomija kollaborattiva) ta’ spiss jintuża minflok “sharing economy” (ekonomija ta’ kondiviżjoni): fl-2015, l-Oxford English Dictionary inkluda “sharing economy” (ekonomija ta’ kondiviżjoni) fost l-entrati l-ġodda tiegħu, filwaqt li ddefinixxiha bħala “sistema ekonomika li fiha l-oġġetti jew is-servizzi jinqasmu bejn l-individwi privati, jew mingħajr ħlas jew inkella b’miżata, ġeneralment permezz tal-Internet”. |
2.5. |
L-opinjoni attwali se tuża t-terminu “ekonomija kollaborattiva” kif adottat mill-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni tagħha tat-2 ta’ Ġunju 2016 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva. |
2.6. |
B’mod aktar speċifiku, “ekonomija kollaborattiva” tirreferi għall-mudelli kummerċjali fejn l-attivitajiet huma ffaċilitati minn pjattaformi kollaborattivi li jippermettu l-użu temporanju ta’ oġġetti jew servizzi li ta’ spiss jiġu pprovduti minn individwi privati. |
2.6.1. |
L-ekonomija kollaborattiva tinvolvi tliet kategoriji ta’ atturi: (i) il-fornituri ta’ servizz li jikkondividu l-assi, ir-riżorsi, il-ħin u/jew il-ħiliet – dawn jistgħu jkunu individwi jew professjonisti privati; (ii) l-utenti ta’ tali servizzi; (iii) intermedjarji li jikkollegaw lill-fornituri ta’ servizz mal-utenti aħħarin permezz ta’ pjattaforma onlajn (pjattaformi kollaborattivi). Ġeneralment, it-tranżazzjonijiet tal-ekonomija kollaborattiva ma jinvolvux bidla fis-sjieda u jistgħu jitwettqu għall-profitt jew mhux għall-profitt. |
2.7. |
B’mod aktar speċifiku, meta mqabbel mal-passat, l-ekonomija kollaborattiva twitti t-triq għal aċċess aktar faċli u effiċjenti tal-oġġetti u s-servizzi permezz ta’ pjattaformi ta’ konnessjoni u dawk kooperattivi, filwaqt li tagħmilha aktar faċli li l-provvista tal-oġġetti u s-servizzi li jistgħu jiġu pprovduti minn professjonisti jew minn dawk mhux professjonisti tlaħħaq mad-domanda tal-konsumatur. |
2.8. |
L-użu tat-teknoloġija u ta’ pjattaformi ta’ konnessjoni ttrasforma diversi setturi, bħal pereżempju t-trasport fuq distanza qasira u fit-tul, minbarra dak tas-settur tal-lukandi jew ta’ ġestjoni tal-kiri tad-djar jew il-kmamar, li jippermettu l-organizzazzjoni ta’ servizzi li jqabblu d-domanda mal-provvista, b’effiċjenza u rapidità kbira. |
2.8.1. |
F’dan il-kuntest stabbilixxew ruħhom uħud mill-aqwa amministraturi, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma bbażati barra mill-Unjoni Ewropea u huma eżempju ċar tas-suċċess dejjem jikber tal-ekonomija kollaborattiva. Dawn l-eżempji wrew il-potenzjal kbir ta’ tkabbir ta’ dan is-settur, iżda anki l-problemi li dan joħloq għal-leġislatur fejn jidħol l-aspett legali, fir-rigward tas-sistema tat-taxxa u b’referenza għall-forom ta’ regolamentazzjoni tax-xogħol u ta’ benefiċċji u assigurazzjoni tal-ħaddiema. |
2.9. |
Minbarra dawn is-setturi, anke setturi oħrajn, bħalma huma ċerti servizzi finanzjarji, servizzi tal-kura personali u tas-saħħa, qed jaqgħu dejjem aktar fl-isfera tal-ekonomija kollaborattiva. Fis-snin li ġejjin se jingħaqdu magħhom setturi oħrajn, filwaqt li saħansitra, se jagħtu lill-ekonomija kollaborattiva pożizzjoni aktar prominenti: b’riżultat ta’ dan, huwa ċar li attwalment, mhux biss huwa utli iżda huwa meħtieġ dibatittu sħiħ dwar l-aspetti regolatorji u fiskali tal-kwistjoni. |
3. L-ekonomija kollaborattiva u mudelli kummerċjali ġodda
3.1. |
It-tixrid tal-għodod tat-Teknoloġija tal-Informatika u tal-Komunikazzjoni u tal-hekk imsejjaħ Internet tal-Oġġetti wassal għall-ħolqien ta’ ħafna kumpaniji tat-teknoloġija ġodda. Illum hemm ħafna mudelli tan-negozju relatati mas-settur tal-ekonomija diġitali u kollaborattiva. Dawn il-mudelli huma identifikati skont l-istruttura tagħhom u d-daqs tal-intrpriża, minbarra r-relazzjoni mal-ambitu tas-swieq ta’ referenza, mal-modi ta’ użu tat-teknoloġiji u mal-mudell organizzattiv. Fir-rigward tat-trattament fiskali, madankollu nistgħu nidentifikaw tliet gruppi ta’ sintesi:
|
3.2. |
Fir-rigward tal-mudell tal-pjattaformi l-kbar ta’ riċerka ġenerali fuq il-web, il-pjattaforma tippermetti l-ipproċessar tad-data u l-ħolqien ta’ valur miżjud, li mbagħad jista’ jiġi aġġustat skont id-domanda speċifika tal-konsumatur u jinbiegħ. |
3.3. |
F’dan il-kuntest, il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni dwar il-valur speċifiku tad-data, li saħansitra ġie kklassifikat bħala “l-munita l-ġdida” (2). Il-valur miżjud huwa soġġett għall-VAT u jiġi applikat il-prinċipju tad-destinazzjoni. Madankollu, il-valutazzjoni tad-daqs tal-ħolqien tal-valur f’diversi stadji tista’ tkun diffiċli u b’konsegwenza ta’ dan anke l-allokazzjoni tal-obbligi tat-tassazzjoni. |
3.4. |
It-tkabbir mgħaġġel tal-mudelli kummerċjali ġodda jeħtieġ valutazzjoni globali tal-ħolqien tal-valur u l-obbligi tat-tassazzjoni. |
3.5. |
Fir-rigward tal-pjattaformi li jagħmluha ta’ intermedjarju bejn id-domanda u l-provvista, (il-Mudell tat-tip Uber), mistoqsija preliminari importanti tikkonċerna l-possibbiltà li jiġu stabbiliti regoli u rekwiżiti ta’ aċċess għas-suq biex ikunu japplikaw għall-pjattaformi diġitali li joperaw fis-settur tal-ekonomija kollaborattiva u, fuq kollox, għall-fornituri ta’ servizz li jużaw tali pjattaformi. |
3.5.1. |
Ir-rekwiżiti ta’ aċċess għas-suq jistgħu jinkludu l-ħtieġa għal awtorizzazzjoni uffiċjali sabiex tkun tista’ titħaddem intrapriża, liċenzja jew obbligi minimi tal-kwalità (pereżempju d-daqs tal-bini jew it-tip ta’ vettura, rekwiżiti ta’ assigurazzjoni jew ta’ depożiti, eċċ.). Id-dħul iġġenerat, ta’ spiss huwa vvalutat u allokat lil individwu jew lil entità kummerċjali, soġġetti għal taxxa korporattiva ta’ profitt. |
3.6. |
Id-Direttiva dwar is-Servizzi tistipula li r-rekwiżiti ta’ aċċess għas-suq previsti fl-Istati Membri differenti għandhom ikunu ġustifikati u proporzjonati, filwaqt li jitqiesu l-mudell kummerċjali partikolari u s-servizzi innovattivi involuti, mingħajr preferenza għal xi mudell ta’ negozju jew ta’ mmaniġġjar tas-servizzi partikolari fuq oħrajn (il-prinċipju tan-newtralità). |
3.7. |
Il-KESE jaqbel mal-kumment tal-Kummissjoni fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2016, skont liema, regolamentazzjoni aktar flessibbli tas-swieq ta’ servizzi, inklużi dawk fl-ekonomija kollaborattiva, twassal għal produttività ogħla, tiffaċilita d-dħul fis-suq ta’ atturi ġodda, tnaqqas il-prezz għas-servizzi u tiżgura għażliet akbar għall-konsumaturi. |
3.8. |
Għalhekk, huwa ttamat li r-rekwiżiti ta’ aċċess għas-suq li japplikaw għall-ekonomija kollaborattiva, kif u meta dawn jeżistu fid-diversi sistemi legali nazzjonali, ikunu konformi mad-Direttiva dwar is-Servizzi u jiżguraw: (i) kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn id-diversi operaturi ekonomiċi fis-setturi fejn jikkoeżistu operaturi konvenzjonali u operaturi tal-ekonomija kollaborattiva; (ii) rekwiżiti regolatorji ċari, sempliċi u li jippromwovu l-potenzjal tal-innovazzjoni u l-opportunitajiet li l-ekonomija kollaborattiva tista’ toffri lil numru dejjem jikber ta’ persuni. |
4. Qafas istituzzjonali
4.1. |
Peress li dan jikkonsisti minn servizzi online pprovduti minn pjattaformi diġitali, is-settur tal-ekonomija kollaborattiva jmur lil hinn, tal-inqas parzjalment, mill-kunċett tat-territorjalità li jikkaratterizza l-attività ekonomika konvenzjonali. Għalhekk, huwa importanti li jiġi żviluppat ukoll qafas regolatorju adegwat u ċar għall-ekonomija kollaborattiva, li jirrifletti l-għan ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, li tintaxxa l-profitti meta dawn isiru. |
4.2. |
Il-KESE josserva li ċ-ċertezza tad-dritt tkun appoġġjata minn regoli sabiex il-kumpaniji li joffru u jippromovu servizzi relatati mal-ekonomija kollaborattiva jitqiesu li għandhom uffiċċju rreġistrat fl-Ewropa. F’dan ir-rigward, preċiżament fir-rigward tal-karatteristiċi speċifiċi tal-intrapriżi diġitali, qed tiġi diskussa l-possibbiltà li tigi identifikata formula ġdida ta’ stabbiliment virtwali tal-intrapriżi, li ġiet iddefinita bħala “organizzazzjoni permanenti virtwali”. Din hija formulazzjoni interessanti biex jingħelbu l-problemi tad-determinazzjoni tal-post ta’ stabbiliment ta’ din it-tip ta’ attività, li madankollu tirrikjedi riflessjoni wiesgħa u studju xieraq li għandu jitwettaq fis-snin li ġejjin. Dan jippermetti li jiġi identifikat uffiċċju fl-UE għall-attivitajiet żviluppati permezz tas-suq diġitali, filwaqt li jiġi żgurat li l-valur ekonomiku tat-tranżazzjonijiet jiġi ntaxxat fl-Ewropa, u b’mod aktar ġenerali, fejn jinħoloq il-valur. |
4.3. |
L-ekonomija kollaborattiva tista’ tiffaċilita xi wħud mill-kompiti tal-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa, bħala riżultat tad-diġitalizzazzjoni tal-ħlasijiet li jsiru permezz tal-pjattaformi kollaborattivi u t-traċċabbiltà sħiħa ta’ tali ħlasijiet. Id-disinn tas-sistemi tal-ħlasijiet jista’ jagħmilha aktar faċli għall-operaturi fis-settur biex jissodisfaw l-obbligi tat-taxxa tagħhom, bħalma huwa l-każ fl-Estonja, fejn il-proċedura għas-sewwieqa u għal xi fornituri ta’ servizz biex jiddikjaraw id-dħul tagħhom, ġiet issemplifikata f’kooperazzjoni mal-pjattaformi diġitali. |
4.4. |
B’mod ġenerali, il-KESE jittama li l-iskambju ta’ informazzjoni preċiża u traċċabbli bejn l-awtoritajiet tat-taxxa, l-operaturi u l-pjattaformi kollaborattivi se jgħin biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fir-rigward tal-ħlas tat-taxxa fis-settur tal-ekonomija kollaborattiva kif ukoll il-piż tal-infurzar fuq l-awtoritajiet finanzjarji, filwaqt li l-kooperazzjoni ssir aktar sempliċi u aktar sigura permezz tal-ambjent teknoloġiku li fih isiru t-tranżazzjonijiet. |
5. It-tassazzjoni tal-ekonomija kollaborattiva
5.1. |
Fir-rigward tat-tassazzjoni tal-ekonomija kollaborattiva, għandu jiġi rrimarkat li fir-rapport tiegħu tat-28 ta’ Mejju 2014, il-Grupp ta’ Esperti dwar it-Tassazzjoni tal-Ekonomija Diġitali mwaqqaf mill-Kummissjoni Ewropea kkonkluda li ma għandux ikun hemm sistema tat-taxxa speċjali għall-ekonomija jew għall-intrapriżi diġitali, u li jitqies aktar adatt li r-regolamenti u l-mudelli tat-taxxa fis-seħħ jiġu aġġustati għall-kuntesti l-ġodda, filwaqt li tintuża t-traċċabbiltà wiesgħa tat-tranżazzjonijiet li jseħħu fuq il-pjattaformi tal-ekonomija kollaborattiva għall-ġestjoni tal-obbligi tat-taxxa. |
5.2. |
F’termini prattiċi, il-mudelli kummerċjali l-ġodda jeħtieġu attenzjoni partikolari mill-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa, b’mod partikolari meta l-pjattaformi huma bbażati barra mill-UE, biex jippruvaw jagħmlu distribuzzjoni ġusta u proporzjonata tal-piż tat-taxxa fuq il-valur ekonomiku ġġenerat mid-diversi atturi: il-fornituri, il-benefiċjarji u l-pjattaformi ta’ intermedjazzjoni. |
5.3. |
Il-KESE jqis li hemm bżonn li jittieħed approċċ raġonevoli u proporzjonat fl-adattament tar-regoli ġenerali u l-prinċipji li jirregolaw il-kwistjonijiet tat-taxxa fis-settur tal-ekonomija kollaborattiva. Dan l-approċċ għandu jipprovdi regoli ċari u prevedibbli għall-operaturi tas-settur, sabiex ma jiġux iġġenerati spejjeż eċċessivi ta’ konformità li jistgħu jipperikolaw it-tkabbir ta’ settur żviluppat reċentement bi prospetti futuri li huma estensivi iżda li għadhom mhux prevedibbli għalkollox jew għadhom ma jistgħux jitkejlu kompletament. |
5.4. |
Kwalunkwe inizjattiva Ewropea futura possibbli dwar it-tassazzjoni tal-mudelli ta’ negozju tal-ekonomija kollaborattiva għandha tqis id-diversi inizjattivi kontra l-evitar li tnedew fis-snin reċenti mill-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tat-taxxa b’tali mod li twassal biex id-diversi inizjattivi regolatorji jiġu kkoordinati b’mod reċiproku f’qafas ta’ interventi organiku u koerenti. |
5.5. |
Hemm bżonn ta’ inizjattiva koordinata dwar it-tassazzjoni tal-ekonomija kollaborattiva sabiex jissaħħaħ is-suq intern Ewropew u jiżdied it-tkabbir tiegħu, peress li dan huwa settur li diġà jifforma parti sinifikanti mill-ekonomija Ewropea u saħansitra għandu jkollu rwol akbar fis-snin li ġejjin. |
5.5.1. |
F’dan ir-rigward, l-Artikoli 113 u 115 tat-Trattat joffru bażi legali solida għat-tfassil ta’ regoli diretti kif ukoll indiretti dwar it-tassazzjoni għall-ekonomija kollaborattiva, immirati lejn it-tisħiħ tas-suq intern u t-titjib tal-mod kif jaħdem. |
5.6. |
Xi Stati Membri ddeċidew li jieħdu azzjoni biex jintaxxaw is-settur tal-ekonomija kollaborattiva permezz ta’ leġislazzjoni ġdida, vinkolanti, filwaqt li oħrajn approvaw linji gwida indirizzati lill-operaturi tas-settur. Madankollu, kif diġà ntqal qabel, hija meħtieġa inizjattiva għat-tassazzjoni tal-ekonomija kollaborattiva fil-livell Ewropew. |
5.7. |
Għalhekk, il-KESE jittama li jista’ jsir intervent leġislattiv fil-livell Ewropew fuq it-tassazzjoni tal-ekonomija kollaborattiva, filwaqt li jiġu previsti koordinazzjoni u involviment adatti tal-Istati Membri bl-objettiv li jissaħħaħ is-suq intern u li jiġu sfruttati bis-sħiħ l-opportunitajiet li joriġinaw mill-ekonomija kollaborattiva. |
5.8. |
Il-fornituri ta’ servizzi tal-ekonomija kollaborattiva huma ċertament soġġetti għall-obbligi ta’ taxxa, madankollu hemm xi diffikultajiet fl-identifikazzjoni tal-kontribwenti, anke minħabba l-fatt li dawn jistgħu joperaw kemm f’kapaċità professjonali (pereżempju joffru provvista kontinwa ta’ servizz), kif ukoll b’mod okkażjonali (fil-forma ta’ appoġġ għad-dħul mingħajr ma dan isir professjoni). Minbarra din id-diffikultà fl-identifikazzjoni tal-kontribwenti, il-kompitu tal-kejl tad-dħul taxxabbli b’mod preċiż huwa ta’ spiss kumpless. |
5.9. |
F’dan ir-rigward, il-KESE jqis l-iffissar ta’ livelli limiti ta’ dħul minimu bħala mezz potenzjalment utli sabiex tittieħed deċiżjoni dwar jekk attività partikolari għandhiex titqies bħala professjonali jew le. Madankollu, huwa jittama li l-għażla ta’ tali livelli limiti tkun ġustifikata b’evidenza jew raġunijiet adatti. |
5.10. |
Fir-rigward tal-mudelli kummerċjali l-ġodda, hemm bżonn ta’ koordinazzjoni madwar l-UE kollha sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja jew l-abbuż tat-taxxa. L-aħjar prattiki ta’ mudelli tat-tassazzjoni, b’mod partikolari għall-intrapriżi li jmexxu u jwettqu l-attivitajiet ta’ tqabbil bejn id-domanda u l-provvista permezz ta’ pjattaformi diġitali, għandhom jiġu introdotti u applikati mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiżgura l-koordinazzjoni bejn ir-regoli billi tidentifika xi regoli komuni u kondiviżi permezz ta’ direttiva. |
5.11. |
Fl-istess ħin, il-KESE jħeġġeġ lill-amministrazzjonijiet finanzjarji nazzjonali jippubblikaw linji gwida sabiex jipprovdu indikazzjonijiet ċari għall-fornituri ta’ servizz li joperaw fi ħdan l-ekonomija kollaborattiva. Peress li l-fornituri ta’ servizz ta’ spiss huma individwi privati, fil-prattika hemm bżonn li tiġi pprovduta informazzjoni dwar l-obbligi ta’ tassazzjoni, peress li ta’ spiss, dawn ma jkunux jafu jekk għandhomx iħallsu t-taxxa. |
5.12. |
Il-KESE jittama li l-liġijiet Ewropej u nazzjonali jipprevedu mekkaniżmi li jrawmu l-kooperazzjoni bejn l-operaturi tal-ekonomija kollaborattiva u l-awtoritajiet tat-taxxa. Permezz tal-użu wiesgħa ta’ data validata u traċċabbli, din il-kollaborazzjoni tista’ twassal għas-semplifikazzjoni u t-trasparenza fiskali, sakemm ikun possibbli li, għal ċerti attivitajiet, il-pjattaformi diġitali jsiru “sostituti għall-ħlas dirett tat-taxxa” f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet fiskali. |
5.12.1. |
F’dan ir-rigward, il-KESE jenfasizza li ċ-ċertezza dwar it-taxxa tirrikjedi attenzjoni partikolari dwar l-evoluzzjoni u t-tkabbir mgħaġġla tal-mudelli kummerċjali l-ġodda, li qed iżidu t-tħassib dwar l-inċertezza fil-qasam tat-taxxa u dwar l-impatt tagħhom fuq il-kummerċ u l-investiment transkonfinali, b’mod partikolari fil-kuntest tat-tassazzjoni internazzjonali (3). |
5.13. |
Il-KESE jenfasizza li l-ekonomija kollaborattiva tista’ potenzjalment tespandi l-bażi tat-taxxa nazzjonali filwaqt li toħloq impjiegi ġodda u twassal riżorsi ġodda għall-ekonomija. Bl-għan li jisfruttaw din il-bażi ġdida, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiżviluppaw sistemi ta’ skambju tal-informazzjoni fi ħdan l-awtorità li huma aktar effiċjenti. Din id-data flimkien ma’ opportunitajiet teknoloġiċi ġodda tista’ toħloq ċertezzi fiskali ikbar bi spejjeż iktar baxxi kemm għall-fornituri tas-servizz kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa. Peress li l-pjattaforma diġitali, il-fornitur tas-servizzi u l-klijent jistgħu jkunu fi Stati Membri differenti, il-kwistjoni għandha tiġi mistħarrġa aktar fil-livell komunitarju biex tingħata attenzjoni adatta għall-protezzjoni tad-data transfruntiera. |
6. VAT
6.1. |
Fir-rigward tal-attivitajiet tal-ekonomija kollaborattiva u jekk dawn humiex soġġetti għall-VAT, qabel kollox għandha ssir distinzjoni bejn l-attivitajiet imwettqa minn mudelli kummerċjali ġodda differenti, pereżempju direttament minn pjattaformi kollaborattivi u dawk ta’ fornituri ta’ servizz individwali rreġistrati ma’ tali pjattaformi, u l-mudelli li permezz ta’ pjattaformi jiżviluppaw attivitajiet differenti, pereżempju l-bejgħ ta’ spazji u data tal-utenti għal reklamar. |
6.2. |
Fir-rigward ta’ dawn l-aħħar każijiet, l-intrapriżi diġà huma soġġetti għal taxxa korporattiva. Dawn jiġbru l-informazzjoni mill-utenti – kull darba li utent jdaħħal tfittxija, il-kumpaniji jiġbru l-informazzjoni. Dawn jistgħu jbigħu dik l-informazzjoni lil min jirreklama u lil partijiet interessati oħra u, jekk jinħoloq il-valur, il-VAT għandha tiġi imposta fuq l-iskambju tad-data (il-ġbir u l-bejgħ tal-informazzjoni). |
6.3. |
Fir-rigward tal-mudelli li jaħdmu fuq it-tqabbil bejn id-domanda u l-provvista, jista’ jitqies li jinħoloq “valur miżjud” meta jiġi pprovdut servizz u meta titħalla ssir tranżazzjoni/skambju bejn il-klijenti u l-ġestjonarji; għalhekk dan għandu jkun soġġett għall-VAT. |
6.4. |
F’termini ġenerali, għall-finijiet ta’ VAT, għandha ssir distinzjoni bejn sitwazzjonijiet differenti li jikkonċernaw il-metodi ta’ ħlas għal servizzi mogħtija fl-ekonomija kollaborattiva: (i) sitwazzjonijiet fejn is-servizzi jingħataw bi ħlas ta’ somma flus; (ii) sitwazzjonijiet li fihom ir-remunerazzjoni għas-servizz ma ssirx bil-flus, iżda b’forma ta’ servizz ieħor jew remunerazzjoni mhux monetarja; u (iii) sitwazzjonijiet li fihom is-servizz jingħata liberament mingħajr ebda ritorn. |
6.5. |
Ir-regoli dwar il-VAT applikabbli għas-sitwazzjoni (i) t’hawn fuq jistgħu jinsiltu mir-regoli u l-prinċipji tal-liġi eżistenti kif stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, filwaqt li s-sitwazzjoni (ii) tista’ ma taqax fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar il-VAT li jeżisti llum. |
6.5.1. |
Fir-rigward taċ-ċirkostanzi prattiċi li possibbilment jaqgħu taħt il-punt (ii), il-KESE jitlob li ssir analiżi bir-reqqa ta’ jekk l-attivitajiet tal-pjattaformi kollaborattivi humiex soġġetti għall-obbligi tal-VAT. Tabilħaqq, il-qafas legali f’dan il-qasam mhuwiex ċar attwalment, b’mod partikolari dwar servizzi li u, kif issemma qabel, ma jeħtiġux ħlas monetarju, iżda jużaw data dwar il-konsumaturi, il-preferenzi u d-drawwiet tagħhom għal skopijiet kummerċjali. |
6.6. |
Fil-fehma tal-KESE, huwa importanti li l-Kummissjoni tindirizza u tirregola l-kwistjoni tal-VAT fl-ekonomija kollaborattiva bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni tagħha, possibbilment billi tapplika regoli u prinċipji semplifikati taħt ċerti livelli limiti tal-fatturat – kif diġà sar f’xi pajjiżi – sabiex jiġu limitati l-ispejjeż tal-konformità, b’mod partikolari għall-SMEs u l-fornituri ta’ servizz okkażjonali. |
6.7. |
Il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali għandhom jippromovu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fl-applikazzjoni tar-regoli dwar il-VAT għas-settur tal-ekonomija kollaborattiva. |
7. Kummenti finali
7.1. |
Il-KESE jappoġġja l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva, fejn il-PE jinnota li “l-intraprendituri Ewropej juru tendenza qawwija li joħolqu pjattaformi kollaborattivi għal skopijiet soċjali, u jagħraf li qed jikber dejjem aktar l-interess fl-ekonomija kollaborattiva abbażi ta’ mudelli ta’ negozju kooperattivi” (4). |
7.2. |
Il-karatteristiċi speċifiċi tal-ekonomija kollaborattiva, il-potenzjal innovattiv tagħha u l-ħtieġa li r-regoli dwar it-taxxa jiġu adattati għat-tkabbir esponenzjali tas-settur jitolbu l-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fl-attivitajiet ta’ konsultazzjoni u analiżi promossi mill-Kummissjoni Ewropa. L-għan ta’ dan il-grupp għandu jkun dak li jlaqqa’ flimkien il-partijiet interessati tas-settur, ir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE/l-amministrazzjonijiet finanzjarji nazzjonali, u l-ispeċjalisti akkademiċi sabiex jitnieda dibatittu konġunt dwar kwistjonijiet relatati mat-tassazzjoni tal-ekonomija kollaborattiva. |
7.3. |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi aktar rakkomandazzjonijiet għal skambju aħjar tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tat-tassazzjoni u għal trattament ugwali tal-fornituri ta’ servizz. Il-Kumitat iqis li jkun meħtieġ titfassal opinjoni ta’ segwitu sabiex jiġu vvalutati aktar ir-rekwiżiti tal-politika dwar it-taxxa, kif ukoll l-impatt u l-eżiti tat-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali. |
7.4. |
Fir-rigward tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-konsumaturi involuti fl-ekonomija kollaborattiva, il-KESE hawnhekk jirreferi għall-Opinjoni dwar L-ekonomija kollaborattiva u l-awtoregolazzjoni (5). Madankollu, f’dan il-kuntest, huwa importanti li wieħed jiftakar li l-impatt tal-ekonomija kollaborattiva fuq is-suq tax-xogħol għandu effetti sinifikanti ħafna, li jirrikjedu attenzjoni speċifika għall-protezzjoni tal-ħaddiema, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet għall-kura tas-saħħa u s-sistema tas-sigurtà soċjali. |
7.4.1. |
F’dan ir-rigward, il-KESE jenfasizza għal darb’oħra l-bżonn li jitqies l-impatt tal-ekonomija kollaborattiva fuq is-suq tax-xogħol u jirrimarka li l-protezzjoni sħiħa tal-ħaddiema u l-fornituri ta’ servizz hija għan li għandu dejjem jitqies mil-leġislaturi tal-UE u dawk nazzjonali. |
Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2017.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) ĠU C 303, 19.8.2016, p. 36 , punt 8.2.4.
(2) Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara l-artiklu tal-Forum Ekonomiku Dinji: https://www.weforum.org/agenda/2015/08/is-data-the-new-currency/
(3) Għal aktar informazzjoni ara d-dokument “IMF/OECD Report for the G20 Finance Ministers Tax Certainty” (Rapport tal-IMF/OECD għat-Taxxa tal-Ministri tal-Finanzi tal-G20 dwar iċ-ċertezza tat-taxxa).
(4) Rapport dwar aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva (2017/2003(INI), 11 ta’ Mejju 2017.
(5) ĠU C 303, 19.8.2016, p. 36, punt 8.2.4.