Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE1752

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 560/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika” [COM(2017) 68 final — 2017/0024 (NLE)]

    ĠU C 246, 28.7.2017, p. 18–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.7.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 246/18


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 560/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika”

    [COM(2017) 68 final — 2017/0024 (NLE)]

    (2017/C 246/03)

    Relatur ġenerali:

    Mihai MANOLIU

    Konsultazzjoni

    Il-Kunsill, 21.3.2017

    Bażi legali

    L-Artikoli 187 u 188 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

    Deċiżjoni tal-Bureau

    28.3.2017

    Adottata fis-sessjoni plenarja

    27.4.2017

    Sessjoni plenarja Nru

    525

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    160/0/4

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jaqbel mal-proposta għal emenda tar-Regolament inkwistjoni bil-għan li ttejjeb id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill u tissemplifikahom aktar favur l-objettivi tal-impriża komuni dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika. Il-proposta hija konsistenti mal-objettivi oriġinali u d-dispożizzjonijiet tal-politiki eżistenti.

    1.2.

    Il-KESE huwa tal-fehma li l-impriża konġunta dwar l-industriji b’bażi bijoloġika tfittex li toħloq sinerġiji ma’ programmi relatati oħrajn tal-Unjoni, pereżempju, mal-politika ta’ koeżjoni, l-edukazzjoni, l-ambjent, l-SMEs, il-kompetittività, kif ukoll il-politika tal-iżvilupp rurali, billi jissaħħu fil-livell reġjonali u nazzjonali l-kapaċitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni, fil-kuntest attwali ta’ politika u strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti.

    1.3.

    Il-Kummissjoni Ewropea qed tagħmel skambji operazzjonali kostanti mal-konsorzju ta’ Industirji b’bażi bijoloġika, li jieħdu l-forma ta’ konsultazzjonijiet u diskussjonijiet dwar il-metodu tal-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-membri tal-Impriża Konġunta tal-Industriji b’Bażi Bijoloġika. Din il-proposta għal emenda m’għandha ebda impatt addizzjonali għajr dak mistenni li jinkiseb mir-Regolament tal-Kunsill oriġinali nnifsu. L-emendi previsti huma ta’ natura teknika, b’tali mod li l-ebda valutazzjoni tal-impatt ma hija meħtieġa għall-inizjattiva għall-istudju.

    1.4.

    Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-proposta attwali tnaqqas il-piż amministrattiv tal-konsorzju tal-industriji b’bażi bijoloġika rigward ir-rwol tiegħu bħala intermedjarju bejn il-membri tal-konsorzju, li huma obbligati jagħtu kontribuzzjonijiet finanzjarji u l-parteċipanti tal-proġetti. Il-konsorzju tal-Industriji b’Bażi Bijoloġika jibqa’ fl-aħħar mill-aħħar responsabbli mill-forniment ta’ ċifri aggregati dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri tiegħu.

    1.5.

    Il-KESE jilqa’ l-kjarifiki importanti magħmula fir-Regolament il-ġdid:

    il-kontribuzzjonijiet finanzjarji ser ikunu jistgħu jingħataw b’żewġ modi differenti, billi jiġu ttrasferiti mill-konsorzju għall-impriża konġunta tal-industriji b’bażi bijoloġika (bħal qabel) u/jew direttament minn membru tal-konsorzju tal-industriji b’bażi bijoloġika għal benefiċjarju tal-proġett;

    il-kategorija tal-partijiet li jistgħu jagħtu kontribuzzjoni finanzjarja (entitajiet kostitwenti tal-konsorzju ta’ industriji b’bażi bijoloġika) ser tiġi estiża;

    l-impenn lejn l-għan finanzjarju globali ser jinżamm;

    il-membri tal-konsorzju ta’ industriji b’bażi bijoloġika se jkunu awtorizzati jiddikjaraw il-kontribuzzjonijiet finanzjarji forniti minnhom fil-livell tal-proġett.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1.

    Il-KESE huwa tal-fehma li l-kunċett ta’ industrija b’bażi bijoloġika huwa parti mill-qasam usa’ tal-bijoekonomija, definita bħala l-produzzjoni u l-estrazzjoni ta’ riżorsi bijoloġiċi rinnovabbli u l-konverżjoni tagħhom fi prodotti mmanifatturati abbażi ta’ elementi bijoloġiċi, bħal ikel, għalf jew anke l-bijoenerġija. Tliet kwarti tar-raba’ fl-UE huwa użat għal dan l-għan u dan is-settur, li l-fatturat tiegħu jammonta għal EUR 2 000 biljun, jimpjega bejn 17 u 19-il miljun Ewropew. L-impriżi fis-settur tal-għarfien fi ħdan il-bijoekonomija għandhom fatturat ta’ EUR 57 biljun u jimpjegaw madwar 305 000 ruħ (2009).

    2.2.

    Fl-Ewropa, il-bijoekonomija tista’ trawwem l-iżvilupp, il-ħolqien ta’ valur miżjud kif ukoll impjiegi ġodda siguri u deċenti, tnaqqas sostanzjalment id-dipendenza fuq l-importazzjoni, tikkontribwixxi bl-aħjar mod għal użu razzjonali tar-riżorsi bijoloġiċi limitati iżda rinnovabbli, u tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-iżvilupp tal-kummerċ dinji.

    2.3.

    Sikwit ikun hemm kompetizzjoni f’livelli differenti, bejn id-diversi teknoloġiji u l-użi differenti tar-riżorsi bijoloġiċi. Din il-problema hija aggravata aktar minħabba d-disponibilità limitata ta’ dawn ir-riżorsi. Għalkemm il-bijoekonomija tista’ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-objettiv ta’ tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra ġġenerati mill-emissjonijiet ta’ CO2, li se jkollu effett pożittiv fuq is-saħħa pubblika, madankollu għad hemm ukoll effett mhux mixtieq, li jwassal għal emissjonijiet addizzjonali ta’ gassijiet b’effett ta’ serra li l-impatt tagħhom fuq l-ambjent ma jistax jiġi injorat.

    2.4.

    Il-qafas tal-politika Ewropea tal-bijoekonomija huwa maqsum bejn diversi politiki settorjali: agrikoltura, sajd, foresti, klima, ekonomija ċirkulari u riċerka, li huma oqsma ta’ attività koperti minn atti leġislattivi u politiki settorjali differenti (1).

    2.5.

    Madankollu, strateġija komprensiva dwar l-industriji b’bażi bijoloġika tnediet fl-2012 sabiex tkun żgurata l-koerenza politika, iżda jidher li għad hemm ċerti inkonsistenzi. L-UE tiżgura l-finanzjament tal-attivitajiet ta’ innovazzjoni fil-qasam tal-bijoekonomija permezz tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni “Orizzont 2020” u permezz ta’ firxa ta’ strumenti oħrajn ta’ finanzjament. Il-KESE jqis li hemm bżonn li tiġi żgurata s-sostenibilità u politika koerenti f’dan il-qasam.

    2.6.

    Diversi komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni jenfasizzaw l-importanza li tiġi kkunsidrata sħubija pubblika-privata għall-industriji b’bażi bijoloġika bħala inizjattiva teknoloġika (2).

    2.7.

    Il-bażi ġuridika ta’ din il-proposta għall-emenda hija meħuda mill-Artikoli 187 u 188 tat-TFUE. Peress li l-Istati Membri ma setgħux jaġixxu waħedhom, hija l-UE li hija kapaċi tibdel il-qafas legali tal-impriża konġunta. Il-proposta inkwistjoni għandha bħala objettiv li taġġusta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill, b’mod li l-membri tal-konsorzju ta’ industriji b’bażi bijoloġika jkollhom b’mod konkret il-possibbiltà li jissodisfaw l-obbligu tagħhom ta’ kontribuzzjoni finanzjarja. Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Din l-emenda kienet meħtieġa wkoll minħabba l-fatt li ma kien hemm ebda possibbiltà biex tinterpreta r-Regolament tal-Kunsill b’mod li jippermetti l-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja fil-livell tal-proġetti.

    3.   Kummenti speċifiċi

    3.1.

    Fuq il-bażi tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea adottat fl-2012 strateġija dwar il-bijoekonomija, bl-għan li tkun żgurata koerenza ta’ politika bejn l-oqsma differenti ta’ azzjoni rilevanti u l-miri rispettivi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE. Dan l-approċċ kien meħtieġ biex jiżdied il-finanzjament pubbliku u l-investimenti privati relatati mal-bijoekonomija. Il-mudelli ta’ governanza parteċipattiva ġew żviluppati. Din l-istrateġija stabbiliet il-pedamenti ta’ pjan ta’ azzjoni li jinkludi 12-il miżura mibnija madwar dawn it-tliet temi ewlenin:

    l-investimenti fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet;

    l-interazzjoni rinfurzata tal-politika u l-involviment tal-partijiet interessati;

    il-kundizzjonijiet favorevoli għas-suq u l-kompetittività fil-kuntest tal-bijoekonomija.

    3.2.

    Il-miżuri li ttieħdu kellhom l-għan li joħolqu assoċjazzjoni tal-partijiet interessati fil-qasam tal-bijoekonomija, kif ukoll osservatorju tal-attivitajiet tal-bijoekonomija, u li jistimolaw l-emerġenza ta’ swieq ġodda permezz tad-definizzjoni ta’ standards, speċjalment fir-rigward tas-sostenibbiltà u l-vijabbiltà, u jipprovdu bażi ta’ għarfien neċessarja għall-intensifikazzjoni fit-tul tal-produzzjoni primarja. Kien ippjanat li din l-istrateġija tiġi riveduta u aġġornata fl-2017.

    3.3.

    Il-proposta tal-Kummissjoni tinkludi emenda teknika tad-dokument fis-seħħ, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 560/2014, li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta tal-Industriji b’Bażi Bijoloġika.

    3.3.1.

    L-Impriża Konġunta tal-Industriji b’Bażi Bijoloġika hija organizzazzjoni li għandha l-għan li timplimenta sħubija pubblika-privata li l-membri tagħha huma l-Unjoni Ewropea, rappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, u l-Konsorzju tal-Industriji b’Bażi Bijoloġika. L-għan ta’ din l-impriża konġunta huwa li timplimenta l-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta għall-Industrija b’Bażi Bijoloġika minn issa sal-31 ta’ Diċembru 2024.

    3.3.2.

    Minħabba d-diffikultajiet tal-konsorzju biex jagħti sehmu finanzjarju skont il-mod previst mir-Regolament tal-Kunsill, huwa propost li tiddaħħal biswit il-metodu eżistenti ta’ ħlas fil-livell tal-programm, il-possibbiltà li jagħmel kontribuzzjoni finanzjarja fil-livell tal-proġetti. Din is-soluzzjoni tindirizza din is-sitwazzjoni b’mod effettiv u taħdem favur il-kisba tal-objettivi oriġinali tar-Regolament tal-Kunsill billi tippermetti lill-membri tal-konsorzju tal-industriji b’bażi bijoloġika jikkonformaw mal-impenn oriġinali tagħhom. Is-soluzzjoni proposta hija simili għal dik prevista għall-Impriża Konġunta IMI 2 (Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2), li tipprovdi li l-membri minbarra l-Unjoni jistgħu jagħmlu kontribuzzjonijiet finanzjarji kemm fil-livell tal-programm, il-metodu użat attwalment mill-fondi fiduċjarji u l-organizzazzjonijiet tal-karità, kif ukoll fil-livell tal-proġett, fejn din il-proċedura hija użata minn entitajiet kummerċjali. Din l-emenda mhijiex parti mill-programm REFIT.

    3.4.

    L-impriża konġunta tal-industriji b’bażi bijoloġika għandha bħala għan l-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata magħmula, minn naħa, mill-Unjoni Ewropea, rappreżentata mill-Kummissjoni, u, min-naħa l-oħra, minn konsorzju ta’ industriji b’bażi bijoloġika stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 560/2014. Is-sħubija timmira li timplimenta l-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta għall-industriji b’bażi bijoloġika, skont l-istatuti tal-impriża konġunta dwar l-industriji b’bażi bijoloġika, minn issa sal-31 ta’ Diċembru 2024.

    3.5.

    L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill jistipula konkretament il-kontribuzzjonijiet ta’ kull parti lill-impriża konġunta, l-ispejjeż amministrattivi u operattivi, li huma kondiviżi u li magħhom jiżdied ammont mhux speċifikat li jirrappreżenta l-kontribuzzjonijiet mhux finanzjarji għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet indiretti (CNCP) u l-kontribuzzjonijiet mhux finanzjarji għall-implimentazzjoni ta’ attivitajiet addizzjonali (CNAC). Jirriżulta mill-interpretazzjoni tar-regolamenti li l-kontribuzzjoni tal-Konsorzju ta’ Industriji b’Bażi Bijoloġika għandha tiddaħħal fil-baġit tal-Impriża Konġunta tal-Industriji b’Bażi Bijoloġika fil-livell tal-programm. L-entitajiet kostitwenti tal-membri minbarra l-Unjoni, li huma dawk li jieħdu sehem fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet indiretti ta’ finanzjament, għandhom jipprovdu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom b’mod dirett għall-azzjonijiet indiretti fil-livell tal-proġetti.

    3.6.

    Bosta membri tal-konsorzju jiffaċċjaw diffikultajiet fir-rigward tal-metodu ta’ ħlas. Huma jaħsbu li kontribuzzjonijiet finanzjarji fil-livell tal-programm mhumiex vijabbli kummerċjalment, għaliex dan il-mod ma joffri l-ebda benefiċċju ggarantit lura, notevolment f’dak li jikkonċerna r-riżultati tal-proġetti u d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati, u minħabba li kontributi fil-livell tal-programm jistgħu jwasslu biex membru wieħed tal-konsorzju jagħti dik il-kontribuzzjoni lill-kompetituri tiegħu stess. Qed jiġi propost metodu alternattiv, il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja fil-livell tal-proġett, fejn ir-riżultati tal-proġett jistgħu jkunu ta’ benefiċċju esklużivament għall-parteċipanti li jikkontribwixxu finanzjarjament. Din il-proċedura hi mingħajr preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni. Huwa mixtieq li jiġu salvagwardjati l-interessi tal-katini ta’ valur bijoekonomiċi, inkluż fil-każ tal-SMEs, iċ-ċentri tar-riċerka u t-teknoloġija u l-universitajiet.

    3.7.

    Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-membri minbarra l-Unjoni għandha tkun konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

    il-kontribuzzjoni finanzjarja fil-livell tal-programm hija unika għall-impriża konġunta ta’ industriji b’bażi bijoloġika;

    il-mudell attwali tal-impriża huwa adegwat għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-fondi fiduċjarji u l-għaqdiet tal-karità;

    huwa neċessarju li jiġi adattat il-qafas legali tal-Impriża Konġunta tal-Industriji b’Bażi Bijoloġika sabiex tiġi ffaċilitata l-kollaborazzjoni mal-impriżi.

    3.8.

    Skont din il-proposta, il-membri tal-konsorzju ta’ industriji b’bażi bijoloġika jistgħu jkomplu jħallsu l-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom fil-livell tal-programm. Minbarra dan il-mod, se jkun hemm ukoll l-opportunità biex tiġi trasferita direttament il-kontribuzzjoni finanzjarja lil parteċipant ieħor fil-proġett, b’konformità mar-regoli miftiehma b’mod komuni (“il-ftehim tal-konsorzju”), mal-qafas legali applikabbli [(trasferiment tal-membri tal-konsorzju ta’ industriji b’bażi bijoloġika lill-konsorzju) u (trasferimenti finanzjarji tal-membri tal-konsorzju ta’ industriji b’bażi bijoloġika lill-benefiċjarji tal-proġett)], il-liġijiet nazzjonali u l-prattiki tal-kontabbiltà tas-soltu tagħhom. Il-konsorzju tal-Industriji b’Bażi Bijoloġika ser jirrapporta, f’forma aggregata, dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji riċevuti.

    3.9.

    Il-mudell ta’ ftehim ta’ għotja tal-Impriża Konġunta tal-Industriji b’Bażi Bijoloġika ser jiġi emendat kif meħtieġ. Għandu jiġi nnutat li l-proposta għal emenda la kellha impatt rilevanti għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, u lanqas fir-rigward ta’ implikazzjonijiet baġitarji. Huwa stmat li tnaqqis fiskali għandu jaffettwa l-ambjent universitarju u l-SMEs ikkonċernati, peress li l-kontribuzzjoni tal-Unjoni hija prinċipalment maħsuba għall-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni.

    3.10.

    L-emenda hija vinkolanti fl-intier tagħha u tapplika direttament fl-Istati Membri kollha. Ma hemm bżonn ta’ ebda dokument ta’ spjegazzjoni.

    Brussell, is-27 ta’ April 2017.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  Il-PAK (Politika Agrikola Komuni), l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti, il-PKS (Politika Komuni tas-Sajd), l-Istrateġija Ewropa 2020, il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew favur l-ekonomija ċirkolari, 50 netwerk taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u tliet inizjattivi ta’ programmazzjoni konġunta.

    (2)  COM(2012) 60 final: Ninnovaw għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa; COM(2014) 14 final: Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew; COM(2013) 494 final: Sħubijiet pubbliċi-privati fil-programm Orizzont 2020: għodda b’saħħitha sabiex twettaq l-innovazzjoni u t-tkabbir fl-Ewropa; COM(2012) 79 final: Is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni “Produttività u Sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu”.


    Top