Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016TA1216(04)

    Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Komponenti u Sistemi Elettroniċi għal Tmexxija Ewropea (ECSEL) għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta

    ĠU C 473, 16.12.2016, p. 24–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.12.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 473/24


    RAPPORT

    dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Komponenti u Sistemi Elettroniċi għal Tmexxija Ewropea (ECSEL) għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta

    (2016/C 473/04)

    WERREJ

     

    Paragrafu

    Paġna

    INTRODUZZJONI

    1–5

    25

    INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    6

    25

    DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    7–18

    25

    Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

    12

    26

    Bażi għal opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

    13–16

    27

    Opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    17

    27

    KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA U FINANZJARJA

    19–26

    27

    Preżentazzjoni tal-kontijiet

    19–20

    27

    Implimentazzjoni tal-baġit għall-2015

    21–22

    28

    Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali mill-Impriża Konġunta ECSEL taħt l-FP7

    23

    28

    Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali mill-Impriża Konġunta ECSEL taħt Orizzont 2020

    24–26

    28

    KWISTJONIJIET OĦRA

    27–30

    28

    Kontrolli ewlenin u sistemi superviżorji

    27

    28

    Strateġija Kontra l-Frodi

    28–30

    28

    SEGWITU GĦALL-OSSERVAZZJONIJIET PREĊEDENTI

    31–32

    29

    Monitoraġġ u rappurtar tar-riżultati tar-riċerka, tal-proġetti

    31

    29

    Kunflitti ta’ interess

    32

    29

    ANNESS

    30

    INTRODUZZJONI

    1.

    L-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Konġunta Teknoloġika dwar Komponenti u Sistemi Elettroniċi għal Tmexxija Ewropea (l-Impriża Konġunta ECSEL), li tinsab fi Brussell, ġiet stabbilita f’Mejju 2014 (1) taħt il-Programm qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Orizzont 2020 (2), għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2024. L-Impriża Konġunta ECSEL issostitwiet u hija s-suċċessur tal-Impriżi Konġunti ENIAC u ARTEMIS, stabbiliti bir-Regolamenti (KE) Nru 72/2008 u (KE) Nru 74/2008, li ngħalqu uffiċjalment b’effett mis-26 ta’ Ġunju 2014. L-Impriża Konġunta ECSEL bdiet topera b’mod awtonomu fis-27 ta’ Ġunju 2014.

    2.

    L-għan tal-Impriża Konġunta ECSEL huwa li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ industrija ta’ komponenti u sistemi elettroniċi b’saħħithom u kompetittivi globalment fl-Unjoni Ewropea (UE). Hija għandha l-għan ukoll li tiżgura d-disponibbiltà ta’ komponenti u sistemi elettroniċi għas-swieq ewlenin u għall-indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà, u li żżomm u tkabbar il-kapaċità tal-manifattura ta’ semikondutturi u ta’ sistemi intelliġenti fl-Ewropa. Fl-aħħar nett, hija għandha l-għan li tallinja l-istrateġiji mal-Istati Membri biex tattira l-investiment privat u biex tikkontribwixxi għall-effettività tal-appoġġ pubbliku billi tevita d-duplikazzjoni bla bżonn u l-frammentazzjoni tal-isforzi, u billi tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ atturi involuti fir-riċerka u l-innovazzjoni (3).

    3.

    Il-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta huma l-UE, irrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Istati Parteċipanti fl-ECSEL (l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Iżrael, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit) u membri privati rrappreżentati mill-Assoċjazzjonijiet AENEAS, ARTEMISIA u EPoSS ta’ kumpaniji u organizzazzjonijiet oħra ta’ riċerka attivi fil-qasam tas-sistemi inkorporati u ċiberfiżiċi, l-integrazzjoni tas-sistemi intelliġenti u l-mikro u n-nanoelettronika.

    4.

    Il-kontribuzzjoni massima mill-UE taħt Orizzont 2020 għall-Impriża Konġunta ECSEL hija ta’ EUR 1 185 miljun. Jenħtieġ li ammont simili jiġi mill-Istati Parteċipanti fl-ECSEL, u li l-kontribuzzjoni privata tkun mill-inqas EUR 1 657,5 mijun. L-ispejjeż amministrattivi għandhom jiġu koperti kollha kemm huma minn kontribuzzjonijiet finanzjarji (4), filwaqt li l-ispejjeż operazzjonali jiġu koperti minn kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-UE u mill-Istati Parteċipanti fl-ECSEL u minn kontribuzzjonijiet in natura mill-membri privati.

    5.

    L-Impriża Konġunta ECSEL hija responsabbli għall-pagament ta’ impenji li għadhom miftuħa fuq proġetti tal-ENIAC u tal-ARTEMIS iffinanzjati taħt is-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka (FP7) fiż-żmien meta dawk iż-żewġ Impriżi Konġunta ġew uffiċjalment likwidati fis-26 ta’ Ġunju 2014 (ara l-paragragu 23 hawn taħt).

    INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    6.

    L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar tat-tranżazzjonijiet fil-livell tal-Impriża Konġunta u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin fis-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll, inkluża analiżi tal-kontroll tal-kwalità tal-awditi ex post imwettqa mill-Impriża Konġunta (jew minn ditti privati tal-awditjar f’isimha) għand il-benefiċjarji. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol rilevanti ta’ awdituri oħrajn u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

    DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    7.

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

    (a)

    il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ECSEL, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (5) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (6) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2015, u

    (b)

    il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

    Ir-responsabbiltà tal-maniġment

    8.

    Skont l-Artikoli 16 u 22 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 (7), il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi.

    (a)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball, l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (8), u t-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur Eżekuttiv japprova l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta fl-aspetti materjali kollha.

    (b)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, li tagħti bidu għal proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

    Ir-responsabbiltà tal-awditur

    9.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (9) b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

    10.

    L-awditu jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

    11.

    Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

    Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

    12.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2015 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-regoli finanzjarji tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

    Bażi għal opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

    13.

    L-Impriża Konġunta ECSEL ħadet ir-responsabbiltà għall-proġetti taħt l-FP7 tal-Impriżi Konġunti ARTEMIS u ENIAC. Il-pagamenti li saru għal dawn il-proġetti mill-Impriża Konġunta ECSEL fl-2015, kontra ċertifikati ta’ aċċettazzjoni tal-ispejjeż maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ finanzjament (NFAs) tal-Istati Parteċipanti fl-ECSEL, ammontaw għal EUR 94,2 miljun, li jirrappreżenta 65 % tal-pagamenti totali li saru mill-Impriża Konġunta fl-2015.

    14.

    Il-ftehimiet amministrattivi konklużi mill-Impriżi Konġunti ARTEMIS u ENIAC mal-NFAs komplew japplikaw minn meta dawk l-Impriżi Konġunti ngħaqdu flimkien biex jiffurmaw l-Impriża Konġunta ECSEL. Skont dawn il-ftehimiet, l-NFAs iwettqu l-awditi ex post tal-pagamenti għall-proġetti taħt l-FP7 f’isem l-Impriża Konġunta. L-istrateġiji tal-awditjar ex post tal-Impriżi Konġunti ARTEMIS u ENIAC serrħu ħafna fuq l-NFAs għall-awditjar tal-klejms għall-ispejjeż tal-proġetti (10).

    15.

    L-Impriża Konġunta ECSEL ħadet passi biex tivvaluta l-implimentazzjoni tal-awditi ex post imwettqa mill-NFAs u kisbet dikjarazzjonijiet bil-miktub mill-NFAs li jistqarru li l-implimentazzjoni tal-proċeduri nazzjonali tagħhom tipprovdi aċċertament raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet. Madankollu, il-varjazzjoni sinifikanti fil-metodoloġiji u fil-proċeduri użati mill-NFAs ma tippermettix lill-Impriża Konġunta ECSEL tikkalkola rata unika ta’ żball ipponderata u affidabbli jew rata tal-iżball residwu. Għaldaqstant, il-Qorti mhijiex f’pożizzjoni li tikkonkludi jekk l-awditi ex post humiex qed jiffunzjonaw b’mod effettiv u jekk dan il-kontroll ewlieni jipprovdix aċċertament suffiċjenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi għall-proġetti taħt l-FP7 (11).

    16.

    Din il-kwistjoni dwar il-varjazzjoni fil-metodoloġiji u fil-proċeduri użati mill-NFAs mhijiex rilevanti aktar għall-implimentazzjoni tal-proġetti taħt Orizzont 2020, peress li l-awditi ex post se jitwettqu jew mill-Impriża Konġunta ECSEL jew mill-Kummissjoni (12).

    Opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    17.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, bl-eċċezzjoni tal-effetti possibbli tal-kwistjoni deskritta fil-paragrafi 13 sa 15, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2015 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

    18.

    Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

    KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA U FINANZJARJA

    Preżentazzjoni tal-kontijiet

    19.

    Sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, il-membri tal-Impriża Konġunta għajr l-UE (u s-Sħab Assoċjati) huma meħtieġa jirrappurtaw lill-Bord tat-Tmexxija dwar il-valur tal-kontribuzzjonijiet in natura tagħhom li jkunu saru f’kull waħda mis-snin finanzjarji preċedenti (13). Abbażi ta’ din l-informazzjoni, u skont il-gwida pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea lill-Impriża Konġunta, jenħtieġ li l-kontribuzzjonijiet in natura tal-membri jiddaħħlu fil-kontijiet tal-Impriża Konġunta.

    20.

    Fiż-żmien meta l-kontijiet proviżorji kienu qed jitħejjew, il-membri privati tal-Impriża Konġunta ma kinux f’pożizzjoni li jirrappurtaw dwar l-ammonti tal-ispejjeż li effettivament iġġarrbu fl-implimentazzjoni tal-proġetti taħt Orizzont 2020 (14). Konsegwentement, l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet in natura li saru fl-2015 għall-programm Orizzont 2020 u li ddaħħlu fil-kontijiet huwa bbażat fuq stimi, li saru mill-Impriża Konġunta, tal-ispejjeż imġarrba mill-membri sa tmiem l-2015 (15).

    Implimentazzjoni tal-baġit għall-2015

    21.

    Il-baġit finali għall-2015 li kien disponibbli għall-implimentazzjoni kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ EUR 108,5 miljun u approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ EUR 168 miljun. Ir-rati ta’ utilizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u dawk ta’ pagament kienu ta’ 99 % u 91 % rispettivament (16).

    22.

    L-impenji operazzjonali kollha li saru fl-2015 (EUR 102,5 miljun) kienu impenji globali li għalihom il-ftehimiet ta’ għotja kienu għad iridu jiġu ffirmati. Il-livell ta’ impenji globali jirrifletti ż-żmien meħtieġ għall-proċedura ta’ negozjar fir-rigward tas-sejħiet tal-2015 għal proġetti taħt Orizzont 2020.

    Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali mill-Impriża Konġunta ECSEL taħt l-FP7

    23.

    Saż-żmien meta ngħalqu fis-26 ta’ Ġunju 2014, l-Impriżi Konġunti ENIAC u ARTEMIS kienu għamlu impenji ta’ EUR 623 miljun (17) għal attivitajiet operazzjonali li kellhom jiġu ffinanzjati mill-FP7. Il-pagamenti fil-kontijiet tal-Impriża Konġunta ECSEL ammontaw għal EUR 293 miljun (18) (47 % tal-impenji operazzjonali (19)) sa tmiem l-2015.

    Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali mill-Impriża Konġunta ECSEL taħt Orizzont 2020

    24.

    Għall-attivitajiet imnedija mill-Impriża Konġunta ECSEL taħt Orizzont 2020, mill-kontribuzzjoni ta’ massimu ta’ EUR 1 185 miljun mill-UE biex tkopri l-ispejjeż operazzjonali u amministrattivi (20), l-Impriża Konġunta kienet għamlet impenji ta’ EUR 257,5 miljun (22 %) u pagamenti ta’ EUR 56 miljun (22 % tal-impenji) sa tmiem l-2015. Il-kontribuzzjoni fi flus kontanti mill-UE għall-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta kienet ta’ EUR 1,4 miljun.

    25.

    It-28 Stat Parteċipanti fl-ECSEL huma meħtieġa jagħmlu kontribuzzjoni finanzjarja għall-ispejjeż operazzjonali tal-Impriża Konġunta ECSEL li tikkorrispondi għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-UE u li tkun mill-inqas EUR 1 170 miljun (21). Sa April 2016, mill-20 Stat Parteċipant li ħadu sehem fis-sejħiet għal proposti tal-2014, 9 ddikjaraw li ma kien sar l-ebda pagament matul dak il-perjodu, 11 iddikjaraw pagamenti (prinċipalment prefinanzjamenti) b’valur totali ta’ EUR 15,8 miljun.

    26.

    Il-membri l-oħra huma mistennija jagħmlu kontribuzzjonijiet in natura ta’ mill-inqas EUR 1 657,5 miljun (22). L-ammont ta’ kontribuzzjonijiet in natura li saru mill-membri privati għall-2015 ġie stmat li kien ta’ EUR 58,7 miljun. Sal-31 ta’ Diċembru 2015, il-kontribuzzjonijiet fi flus kontanti li saru mill-membri privati għall-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta ammontaw għal EUR 3,6 miljun (23).

    KWISTJONIJIET OĦRA

    Kontrolli ewlenin u sistemi superviżorji

    27.

    L-Impriża Konġunta ECSEL stabbiliet proċeduri ta’ kontroll ex ante bbażati fuq analiżijiet finanzjarji u operazzjonali fl-uffiċċju, u qed tiżviluppa awditi ex post għand il-benefiċjarji tal-għotjiet taħt Orizzont 2020. Għal proġetti taħt l-FP7, l-awditi ex post għand il-benefiċjarji ġew iddelegati lill-NFAs (24). Dawn il-kontrolli huma għodod ewlenin għall-valutazzjoni tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, inklużi l-kontribuzzjonijiet fi flus kontanti u in natura li saru lill-Impriża Konġunta mill-membri tagħha għajr l-UE.

    Strateġija Kontra l-Frodi

    28.

    Ir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta jiddikjaraw li jenħtieġ li l-baġit tal-Impriża Konġunta jiġi implimentat f’konformità ma’ standards ta’ kontroll intern li jkunu effettivi u effiċjenti, inklużi l-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-korrezzjoni u s-segwitu għal frodi u irregolaritajiet (25).

    29.

    Wara l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ Strateġija Kontra l-Frodi f’Ġunju 2011, l-ewwel Strateġija komuni Kontra l-Frodi fil-qasam tar-Riċerka ġiet adottata f’Lulju 2012, u aġġornata f’Marzu 2015 biex tieħu kont tal-bidliet li ġew introdotti minn Orizzont 2020 (26). L-Istrateġija Kontra l-Frodi fil-qasam tar-Riċerka tinkludi pjan ta’ azzjoni li għandu jiġi implimentat mill-Impriżi Konġunti għar-riċerka.

    30.

    Hemm diġà stabbiliti proċeduri ta’ kontroll intern fl-Impriża Konġunta ECSEL biex jipprovdu aċċertament raġonevoli dwar il-prevenzjoni u d-detezzjoni ta’ frodi u irregolaritajiet, (kontrolli ex ante fuq pagamenti, politika dwar kunflitt ta’ interess, awditi ex post għand il-benefiċjarji tal-għotjiet). Madankollu, l-Impriża Konġunta għadha ma wettqitx analiżi komprensiva tal-miżuri l-ġodda introdotti bl-aġġornament tal-Istrateġija Kontra l-Frodi fil-qasam tar-Riċerka.

    SEGWITU GĦALL-OSSERVAZZJONIJIET PREĊEDENTI

    Monitoraġġ u rappurtar tar-riżultati tar-riċerka, tal-proġetti

    31.

    Kif meħtieġ mir-regoli ta’ Orizzont 2020 (27), l-Impriża Konġunta ECSEL iddivulgat indikaturi speċifiċi dwar ir-riżultati tar-riċerka fir-Rapport Annwali tal-Attività tagħha (indikaturi tal-prestazzjoni u indikaturi għall-monitoraġġ ta’ kwistjonijiet trażversali) (28).

    Kunflitti ta’ interess

    32.

    F’Lulju 2015, il-Kummissjoni ħarġet linji gwida lill-Impriżi Konġunti relatati mar-regoli dwar kunflitti ta’ interess, inkluż mudell komuni għad-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess, li jenħtieġ li l-Impriża Konġunta tinkorpora fil-proċeduri tagħha.

    Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Baudilio TOMÉ MUGURUZA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-18 ta’ Ottubru 2016.

    Għall-Qorti tal-Awdituri

    Klaus-Heiner LEHNE

    President


    (1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 561/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ECSEL (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 152).

    (2)  Il-Programm qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Orizzont 2020, adottat bir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

    (3)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi, l-attivitajiet u r-riżorsi disponibbli tal-Impriża Konġunta. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

    (4)  Il-kontribuzzjonijiet li ġejjin għall-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta ECSEL għandhom jitħallsu tul il-perjodu 2014-2017 biex jitlestew l-azzjonijiet imnedija skont ir-Regolamenti (KE) Nru 72/2008 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ENIAC (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 21) u (KE) Nru 74/2008 dwar it-twaqqif tal-Impriża Konġunta ARTEMIS (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 52): (a) EUR 2 050 000 mill-UE; (b) EUR 1 430 000 mill-Assoċjazzjoni AENEAS; (c) EUR 975 000 mill-Assoċjazzjoni ARTEMISIA.

    (5)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u r-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

    (6)  Dawn jinkludu r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit, sommarju tal-prinċipji baġitarji u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

    (7)  ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2.

    (8)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

    (9)  L-Artikolu 47 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 110/2014.

    (10)  Skont l-istrateġiji tal-awditjar ex post adottati mill-ARTEMIS u l-ENIAC, l-Impriża Konġunta trid tivvaluta mill-inqas darba fis-sena jekk l-informazzjoni li tirċievi mill-Istati Membri tipprovdix aċċertament suffiċjenti fir-rigward tar-regolarità u l-legalità tat-tranżazzjonijiet esegwiti.

    (11)  Ara wkoll il-Kapitolu 9 tar-Rapport Annwali tal-Attività 2015 tal-Impriża Konġunta ECSEL.

    (12)  L-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 561/2014.

    (13)  L-Artikoli 4(3) u 4(4) tar-Regolament (UE) Nru 561/2014.

    (14)  L-Artikolu 16(3) tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta jiddefinixxi l-kontribuzzjoni in natura bħala l-ispejjeż imġarrba mill-membri privati neqsin il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Impriża Konġunta ECSEL, l-Istati Parteċipanti u kwalunkwe kontribuzzjoni oħra tal-UE għal dawk l-ispejjeż. Madankollu, kif ġie rikonoxxut mill-gwida tal-Kummissjoni Ewropea li nħarġet f’Lulju 2016, fil-każ speċifiku tal-Impriża Konġunta ECSEL, il-kontribuzzjoni finanzjarja għall-proġetti tista’ tiġi ddeterminata biss fi tmiem il-proġett meta l-membri privati jkunu f’pożizzjoni li jikkalkolaw il-kontribuzzjonijiet in natura rispettivi tagħhom (jiġifieri ħafna Stati Parteċipanti jirrikonoxxu l-ispejjeż fi tmiem il-proġett biss).

    (15)  L-ammont ta’ kontribuzzjonijiet in natura li saru fl-2015 għal Orizzont 2020 huwa stmat li huwa EUR 58,7 miljun. Filwaqt li l-Impriża Konġunta użat l-aktar informazzjoni preċiża disponibbli biex tikkalkola l-istima tal-kontribuzzjonijiet in natura, dan l-ammont ma ġiex iċċertifikat minn awdituri esterni indipendenti (l-Artikolu 4(5) tar-Regolament (UE) Nru 561/2014), u lanqas ma ġie vvalidat mill-Bord tat-Tmexxija tal-Impriża Konġunta.

    (16)  L-approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ EUR 152,4 miljun (91 %) li ġew implimentati kienu jinkludu EUR 64,7 miljun għall-proġetti tal-ENIAC taħt l-FP7, EUR 27,5 miljun għall-proġetti tal-ARTEMIS taħt l-FP7, EUR 55,7 miljun għas-sejħiet tal-2014 għall-proġetti tal-ECSEL taħt Orizzont 2020 u EUR 4,5 miljun f’nefqa amministrattiva.

    (17)  EUR 181 miljun għall-ARTEMIS u EUR 442 miljun għall-ENIAC.

    (18)  EUR 114,5 miljun għall-ARTEMIS, EUR 178,5 miljun għall-ENIAC.

    (19)  63 % għall-ARTEMIS, 40 % għall-ENIAC.

    (20)  L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 561/2014.

    (21)  L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 561/2014.

    (22)  L-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 561/2014.

    (23)  Fi tmiem is-sena, kontribuzzjoni fi flus kontanti ta’ EUR 188 000 li saret minn waħda mill-assoċjazzjonijiet fis-settur tal-industrija kienet għadha ma ġietx riċevuta; l-ammont kollu tħallas fl-2016.

    (24)  Ara wkoll il-paragrafu 14 hawn fuq.

    (25)  L-Artikolu 12 tar-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta ECSEL.

    (26)  Pereżempju, l-istabbiliment taċ-Ċentru ta’ Appoġġ Komuni, b’servizz ċentralizzat tal-awditjar u proċessi kummerċjali armonizzati għall-korpi tar-riċerka tal-UE.

    (27)  L-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013.

    (28)  Ir-Rapport Annwali tal-Attività 2015 tal-Impriża Konġunta ECSEL, l-Annessi 5, 6 u 7, p. 71 sa p. 77.


    ANNESS

    L-Impriża Konġunta ECSEL (Brussell)

    Kompetenzi u attivitajiet

    Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat

    (L-Artikoli 187 u 188 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 561/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ECSEL.

    Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    Kompetenzi tal-Impriża Konġunta

    (Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 561/2014)

    Għanijiet

    L-Impriża Konġunta ECSEL għandu jkollha l-għanijiet li ġejjin:

    (a)

    li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 u b’mod partikolari l-Parti II tad-Deċiżjoni 2013/743/UE;

    (b)

    li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ industrija ta’ komponenti u sistemi elettroniċi b’saħħithom u kompetittivi globalment fl-Unjoni;

    (c)

    li tiżgura d-disponibbiltà ta’ komponenti u sistemi elettroniċi għas-swieq ewlenin u għall-indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà, sabiex l-Ewropa tinżamm fuq quddiem nett tal-iżvilupp tat-teknoloġija, jingħalaq id-distakk bejn ir-riċerka u l-isfruttament, jissaħħu l-kapaċitajiet tal-innovazzjoni u jinħoloq tkabbir ekonomiku u fl-impjiegi fl-Unjoni;

    (d)

    li tallinja l-istrateġiji mal-Istati Membri biex jattiraw l-investiment privat u biex jikkontribwixxu għall-effettività tal-appoġġ pubbliku billi tkun evitata d-duplikazzjoni inutli u l-frammentazzjoni tal-isforzi, u billi tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ atturi involuti fir-riċerka u l-innovazzjoni;

    (e)

    li tinżamm u tikber il-kapaċità tal-manifattura tas-semikondutturi u tas-sistemi intelliġenti fl-Ewropa, inkluż pożizzjoni fuq quddiem nett fit-tagħmir tal-manifattura u l-ipproċessar tal-materjali;

    (f)

    li tiżgura u ssaħħaħ pożizzjoni ta’ kmand fit-tfassil u l-inġinerija tas-sistemi inkluż it-teknoloġiji inkorporati;

    (g)

    li tipprovdi aċċess għall-partijiet interessati kollha għal infrastruttura ta’ klassi dinjija tat-tfassil u l-manifattura ta’ komponenti elettroniċi u sistemi inkorporati/ċiberfiżiċi u intelliġenti; u

    (h)

    li tiżviluppa ekosistema dinamika li tinvolvi l-impriżi żgħar u medji (SMEs), u b’hekk issaħħaħ raggruppamenti eżistenti u trawwem il-ħolqien ta’ raggruppamenti ġodda f’oqsma promettenti ġodda.

    Governanza

    Il-korp governattiv tal-Impriża Konġunta huwa l-Bord tat-Tmexxija. L-Uffiċċju tal-Programmi jitmexxa minn Direttur Eżekuttiv. L-Industrija hija rappreżentata fuq il-Bord tal-Membri Privati. Il-Kummissjoni (li tirrappreżenta l-UE) u l-Istati Parteċipanti jiffurmaw il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi.

    Riżorsi disponibbli għall-Impriża Konġunta fl-2015

    Baġit

    EUR 107 654 814,00 għal impenji

    EUR 161 500 000,00 għal pagamenti

    Persunal fil-31 ta’ Diċembru 2015

    30 post previst fit-tabella tal-persunal (14-il membru tal-persunal temporanju, 15-il membru tal-persunal kuntrattwali u espert sekondat wieħed), li minnhom 28 post kienu okkupati; dawn ġew allokati għal: attivitajiet operazzjonali (13); kompiti amministrattivi (12); kompiti mħallta (3).

    Prodotti u servizzi pprovduti fl-2015

    Ara r-Rapport Annwali tal-Attività għall-2015 tal-Impriża Konġunta ECSEL fuq www.ecsel.eu

    Sors: Informazzjoni pprovduta mill-Impriża Konġunta ECSEL.


    IR-RISPOSTA TAL-IMPRIŻA KONĠUNT

    20.

    Il-kontribuzzjonijiet in natura għas-sena 2015 iddaħħlu fil-kontijiet finali għas-sena finanzjarja 2015, kif adottati mill-Bord ta’ Tmexxija, u f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-metodoloġija relevanti li ġiet validata wkoll mill-Bord ta’ Tmexxija f’Ġunju 2016.

    30.

    L-Istrateġija tar-Riċerka Komuni Kontra l-Frodi tal-familja tar-riċerka ġiet approvata mill-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta fit-13 ta’ Mejju 2015 (Deċiżjoni GB-2015-34). Mill-ħarifa 2015, il-membri kollha tal-persunal ta’ ECSEL JU involuti fil-proċessi tal-ġestjoni ta’ għotja pparteċipaw fis-sessjonijiet ta’ taħriġ organizzati mill-Kummissjoni Ewropea. Hemm ippjanati sessjonijiet ġodda.

    Fl-2016, l-ECSEL JU se tkompli se tkompli timpenja ruħha f’numru ta’ azzjonijiet lejn it-titjib tal-ambjent ta’ kontroll intern fir-rigward tal-politika interna dwar il-prevenzjoni tal-frodi.


    Top