Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016SC0169

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva fid-dawl tar-realtajiet tas-suq li qed jinbidlu

    SWD/2016/0169 final - 2016/0151 (COD)

    Brussell, 25.5.2016

    SWD(2016) 169 final

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

    SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

    Li jakkumpanja d-dokument

    Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva fid-dawl tar-realtajiet tas-suq li qed jinbidlu

    {COM(2016) 287 final}
    {SWD(2016) 168 final}
    {SWD(2016) 170 final}
    {SWD(2016) 171 final}


    A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

    X’inhi l-problema u għaliex hija problema?

    Il-Valutazzjoni tal-Impatt saret b’mod parallel mal-evalwazzjoni ex post tal-AVMSD fil-qafas tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT).

    Il-konklużjoni ġenerali hija li l-objettivi tal-AVMSD għadhom rilevanti. 

    L-evalwazzjoni REFIT identifikat tliet gruppi prinċipali ta’ problemi:

    -In-nuqqas ta’ protezzjoni tal-minorenni u tal-konsumaturi fix-xiri ta’ vidjos fuq pjattaformi ta' video-sharing.

    -In-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ekwi bejn ix-xandir tradizzjonali u s-servizzi on-demand, u punti dgħajfa tas-suq intern li jirriżultaw mill-fatt li xi regoli tal-AVMSD mhumiex preċiżi biżżejjed.

    -Xi regoli dwar il-komunikazzjonijiet kummerċjali li m’għadhomx jilħqu l-iskop tagħhom

    L-evalwazzjoni REFIT ikkonkludiet ukoll li hemm lok għas-simplifikazzjoni, speċifikament tal-proċeduri li jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini (COO) u ta' xi regoli dwar il-komunikazzjonijiet kummerċjali.

    X’inhuma l-objettivi?

    L-objettivi ġenerali huma li:

    1.Tittejjeb il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-minorenni

    2.Jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi, tinżamm l-integrità tas-suq intern u tittejjeb iċ-ċertezza legali

    3.Jiġi ssimplifikat il-qafas leġiżlattiv

    X'inhu l-valur miżjud ta' azzjoni fil-livell tal-UE?

    L-AVMSD hija l-qafas regolatorju li jirfed is-suq uniku awdjoviżiv Ewropew. L-iżvilupp tas-servizzi on-demand u tal-pjattaformi ta' video-sħaring kif ukoll il-bidliet korrispondenti fit-tendenzi ta' kif in-nies jaraw it-televiżjoni u r-riskji assoċjati jikkostitwixxu fenomenu li jaffettwa l-Istati Membri kollha.

    Ir-reviżjoni li jmiss tal-AVMSD hija meqjusa li tirrispetta kemm il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif ukoll dak tal-proporzjonalità billi żżomm l-istrateġija ta’ armonizzazzjoni u l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni, u b'hekk tippermetti lill-Istati Membri jqisu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali tagħhom.

    B. Soluzzjonijiet

    X’inhuma l-għażliet varji biex jinkisbu l-objettivi? Hemm xi għażla preferuta? Jekk le, għaliex?

    L-għażliet huma raggruppati skont il-problema speċifika li mistennija jindirizzaw primarjament. Għal kull taqsima, l-għażla preferuta hija indikata speċifikament.

    1.Għażliet li jindirizzaw il-problema tan-nuqqas ta’ protezzjoni tal-minorenni u tal-konsumaturi fi pjattaformi ta' video-sharing

    Għażla A tħeġġeġ l-awtoregolazzjoni għall-protezzjoni tal-minorenni u tal-konsumaturi fil-pjattaformi ta' video-sharing

    Għażla B timponi obbligu ta' mezzi fuq pjattaformi ta' video-sharing għall-protezzjoni tal-minorenni u diskors ta' mibgħeda, implimentata permezz tal-koregolmentazzjoni..

    2.Għażliet li jindirizzaw il-problema ta’ nuqqas ta’ kundizzjonijiet ekwi u ta' punti dgħajfa tas-suq intern

    a) Promozzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej:

    Għażla A tagħti aktar flessibbiltà kemm lix-xandir tat-TV kif ukoll lis-servizzi on-demand fil-mod ta' kif jimplimentaw l-obbligi biex jippromwovu x-xogħlijiet Ewropej. 

    Għażla B iżżomm l-istatus quo għax-xandir tat-TV u ssaħħaħ ir-regoli għall-fornituri tas-servizzi on-demand.

    b) Protezzjoni tal-minorenni fis-servizzi on-demand

    Għażla A żżid il-livell ta’ protezzjoni ta’ minorenni għal servizzi tal-midja awdjoviżiva on-demand, tissimplifika l-kunċett ta’ kontenut li jista' jagħmel ħsara u tħeġġeġ il-koregolamentazzjoni tal-UE dwar id-deskritturi tal-kontenut.

    Il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini

    Għażla A tissimplifika u ttejjeb ir-regoli ta' ġuriżdizzjoni u l-proċeduri ta’ kooperazzjoni

    L-indipendenza tar-regolaturi

    Għażla A teħtieġ li l-Istati Membri jkollhom awtorità regolatorja indipendenti u tistabbilixxi għadd ta’ rekwiżiti b'appoġġ għall-indipendenza u l-effettività tagħhom. Ir-rwol konsultattiv u ta' koordinazzjoni tal-ERGA huwa msaħħaħ u integrat fl-AVMSD.

    3.L-għażla li tindirizza l-problema tar-regoli dwar il-komunikazzjonijiet kummerċjali li ma għadhomx jilħqu l-iskop tagħhom

    Għażla A tirrendi xi regoli dwar il-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi aktar flessibbli.

    Liema huma l-partijiet ikkonċernati differenti? Liema għażla u min jappoġġaha?

    Il-partijiet ikkonċernati l-iktar milquta minn bidliet potenzjali tal-AVMSD huma: ir-regolaturi nazzjonali, ix-xandara tat-TV pubbliċi, ix-xandara tat-TV kummerċjali, is-servizzi on-demand (servizzi ta' programmi tat-TV differiti (catch-up), servizzi ta' video-on-demand, portali tal-aħbarijiet), pjattaformi ta' video-sharing (attwalment barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-AVMSD), l-organizzazzjonijiet awtoregolatorji, il-konsumaturi, inklużi l-minorenni, dawk li jirreklamaw u l-agenziji tar-reklamar (speċjalment fir-rigward tal-komunikazzjonijiet kummerċjali) u l-produtturi u d-distributuri indipendenti tal-kontenut (speċjalment fir-rigward tal-promozzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej).

    L-elementi ewlenin li ġew osservati b’mod ġenerali, fost il-kategoriji tal-partijiet ikkonċernati, fir-rigward tal-għażliet ta’ politika għall-futur:

    -Konverġenza ta’ opinjonijiet bejn il-partijiet ikkonċernati dwar il-ħtieġa għal bidliet possibbli tar-regoli dwar l-ambitu tal-applikazzjoni tad-Direttiva, għalkemm ma hemm l-ebda xejra jew ċarezza fost il-partijiet interessati dwar it-triq ’il quddiem, kif ukoll dwar l-indipendenza tar-regolaturi nazzjonali.

    -Appoġġ fost il-partijiet ikkonċernati għaż-żamma tal-istatus quo fir-rigward tal-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini; must-carry/traċċabilità; aċċessibbiltà għal persuni b’diżabbiltà; avvenimenti importanti għas-soċjetà, rapporti tal-aħbarijiet fil-qosor u d-dritt ta’ tweġiba;

    -M’hemmx kunsens ċar fost il-partijiet ikkonċernati dwar komunikazzjonijiet kummerċjali, il-protezzjoni tal-minorenni u l-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej.

    C. L-impatti tal-għażla preferuta

    X'inhuma l-benefiċċji tal-għażla preferuta (jekk hemm, inkella dawk tal-għażliet prinċipali)?

    L-għażla preferuta hija t-taħlita tal-għażliet indikati speċifikament fit-Taqsima B. Il-benefiċċji prinċipali huma:

    -It-tisħiħ tal-protezzjoni tal-minorenni, inkluż billi jiġi stabbilit obbligu ta’ protezzjoni minn kontenut li jista' jkun ta’ ħsara għall-minorenni u mid-diskors ta’ mibegħda fi pjattaformi ta' video-sharing.

    -L-iżgurar ta' kontribut tas-servizzi tal-midja għad-diversità kulturali adattat għal mudelli ta’ negozju differenti.

    -L-indirizzar tad-defiċit ta’ trattament ġust bejn ix-xandir bit-TV u s-servizzi on-demand inkluż fl-oqsma tal-protezzjoni tal-minorenni, tal-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej u tal-komunikazzjonijiet kummerċjali.

    -Iż-żamma ta' ċerta flessibbiltà fil-mod li bih l-Istati Membri jimplimentaw l-AVMSD, u li tippermetti li jitqiesu s-sussidjarjetà u speċifiċitajiet nazzjonali.

    -It-titjib fl-implimentazzjoni tad-Direttiva.

    X'inhuma l-ispejjeż tal-għażla preferuta (jekk hemm, inkella dawk tal-għażliet prinċipali)?

    L-ispejjeż prinċipali tal-alternattiva preferuta se jitħallsu mis-servizzi on-demand u mill-pjattaformi ta' video-sharing. Dawn ikunu relatati l-aktar mal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet maħsuba biex tittejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur. Madankollu, dawn l-ispejjeż jiġu mitigati mill-fatt li xi Stati Membri diġà daħħlu fis-seħħ regoli aktar stretti u li ċerti pjattaformi ta' video-sharing kbar, skont il-politiki korporattivi tagħhom, u b’mod volontarju, diġà ħadu passi biex jipproteġu l-konsumaturi.

    Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

    L-impatti prinċipali fuq il-baġits u l-amministrazzjoni nazzjonali jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-koregolamentazzjoni għall-protezzjoni tal-minorenni fuq pjattaformi ta' video-sharing u mill-introduzzjoni ta’ rekwiżit legali tal-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u ta' sett minimu ta’ kundizzjonijiet li r-regolaturi jeħtiġilhom jissodisfaw. F’dan il-każ, l-impatt ikun jiddependi fuq il-livell eżistenti ta’ konformità tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali mas-sett ta’ kundizzjonijiet .

    Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?

    Le

    Proporzjonalità?

    L-armonizzazzjoni minima karatteristika tad-Direttiva għandha tiżgura l-proporzjonalità tal-azzjoni tal-UE.

    D. Segwitu

    Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

    Il-monitoraġġ kontinwu għandu jiġi żgurat permezz ta' rappurtar mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

    Top