IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.11.2016
COM(2016) 745 final
2016/0368(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1101/89, u r-Regolamenti (KE) Nru 2888/2000 u (KE) Nru 685/2001
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
Il-proposta li ġejja biex jitħassru r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1101/89, u r-Regolamenti (KE) Nru 2888/2000 u (KE) Nru 685/2001 hija ppreżentata fil-kuntest tal-programm REFIT tal-Kummissjoni u tal-impenn tagħha għal regolamentazzjoni aħjar. L-għan huwa li jiġi żgurat qafas leġiżlattiv li huwa idoneu u ta’ kwalità għolja, kif imsemmi fil-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar regolamentazzjoni aħjar. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni identifikat dawn ir-Regolamenti skaduti li l-Kummissjoni qed tipproponi li jitħassru.
1.1.Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1101/89
Abbażi tal-Artikolu 91 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ir-Regolament (KEE) Nru 1101/89 introduċa arranġamenti għal titjib strutturali fis-settur tal-passaġġi fuq l-ilma interni fil-każ tal-flotot li joperaw f’sistemi ta’ passaġġi fuq l-ilma interni konġunti fil-Belġju, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu, in-Netherlands u l-Awstrija.
L-għan ta’ dak ir-Regolament kien li jnaqqas il-kapaċità żejda tal-flotot fil-passaġġi fuq l-ilma interni permezz ta’ skemi ta’ rimi tal-bastimenti koordinati fil-livell Komunitarju. Ir-Regolament (KEE) Nru 1101/89 kien maħsub li jkun limitat fiż-żmien kif spjegat fl-Artikolu 8(1). Dan waqaf jipproduċi effett mit-28 ta’ April 1999.
Fid-29 ta’ Marzu 1999 ġie adottat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 718/1999 dwar il-politika ta’ kapaċità tal-flotta tal-Komunità biex tippromwovi t-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni sabiex jiġi żgurat li l-għodod adatti baqgħu ikunu għad-dispożizzjoni tas-settur tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni u għall-ġestjoni tal-kapaċità tal-flotta. Dan ir-Regolament daħal fis-seħħ fid-29 ta’ April 1999 biex jissostitwixxi r-Regolament (KEE) Nru 1101/89.
1.2.Ir-Regolament (KE) Nru 2888/2000
Abbażi tal-Artikolu 91 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ir-Regolament (KE) Nru 2888/2000 qassam bejn l-Istati Membri tal-Komunità l-kwoti għal vetturi li jġorru tagħbijiet tqal li l-Komunità rċeviet mill-Isvizzera għas-snin 2001 sal-2004.
L-Artikolu 8 tal-
Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq
, li kien iffirmat fil-21 ta’ Ġunju 1999 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002, kien jipprevedi tali kwoti għal vetturi b’piż totali ta’ bejn 34 tunnellata u 40 tunnellata bħala arranġamenti tranżizzjonali għas-snin 2001 sa 2004.
Skont l-Artikolu 8(6) tal-Ftehim u b’effett mill-1 ta’ Jannar 2005, il-vetturi kollha li jissodisfaw l-istandards tekniċi tad-Direttiva 96/53/KE (jiġifieri sa piż massimu ta’ 40 tunnellata) “għandhom ikunu eżentati, skont l-Artikolu 32, minn kull kwota jew arranġament ta’ awtorizzazzjoni.”
B’seħħ mill-2005, ma hemmx aktar bżonn li jitqassmu l-kwoti bejn l-Istati Membri, billi r-Regolament (KE) Nru 2888/2000 skada u għandu jitħassar.
1.1.Ir-Regolament (KE) Nru 685/2001
Abbażi tal-Artikolu 91 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ir-Regolament (KE) Nru 685/2001 jistabbilixxi r-regoli għat-tqassim bejn l-Istati Membri tal-awtorizzazzjonijiet li huma għad-disposizzjoni tal-Komunità bis-saħħa tal-Artikolu 6(2) tal- ftehimiet bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija u bejn il-Komunità Ewropea u r-Rumanija li jistabbilixxu ċerti kondizzjonijiet għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq u l-promozzjoni tat-trasport ikkombinat.
Ir-Regolament huwa skadut peress li l-Bulgarija u r-Rumanija ssieħbu mal-Unjoni u bħala Stati Membri ma għadhomx soġġetti għal sistema ta’ awtorizzazzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-aċċess għas-suq tat-trasport tal-merkanzija.
2.IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT
Mhux applikabbli
3.ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA
Il-proposta tikkonċerna t-tħassir tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1101/89, u r-Regolamenti (KE) Nru 685/2001 u (KE) Nru 2888/2000.
2016/0368 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1101/89, u r-Regolamenti (KE) Nru 2888/2000 u (KE) Nru 685/2001
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 91 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea kkonfermaw l-impenn konġunt tagħhom biex jaġġornaw u jissimplifikaw il-leġiżlazzjoni fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet tat-13 ta’ April 2016.
(2)Sabiex jindaf u jitnaqqas il-volum tal-acquis leġiżlattiv, jeħtieġ li dan jiġi analizzat regolarment u li tiġi identifikata l-leġiżlazzjoni skaduta. It-tħassir tal-leġiżlazzjoni skaduta hija utli għaż-żamma ta’ qafas leġiżlattiv trasparenti, ċar u faċli biex jintuża mill-Istati Membri u għall-partijiet ikkonċernati rilevanti, f’dan il-każ is-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq.
(3)Il-Kunsill adotta r-Regolament (KEE) Nru 1101/89 fl-1989. Għaxar snin wara, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 718/1999 sabiex jiġi żgurat li l-għodod adatti jibqgħu jkunu għad-dispożizzjoni tas-settur tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni u għall-ġestjoni tal-kapaċità tal-flotta. Dak ir-Regolament kien ikopri l-istess suġġett bħal dak tar-Regolament (KEE) Nru 1101/89, mingħajr ma jħassar dan tal-aħħar.
(4)Skont l-Artikolu 8(6) tal-
Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri permezz tal-linji tal-ferroviji u tat-triq
, il-vetturi kollha li jissodisfaw l-istandards tekniċi tad-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE ġew eżentati minn kwalunkwe kwota jew arranġament ta’ awtorizzazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2005. Ir-Regolament (KE) Nru 2888/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqassim ta' permessi għal vetturi li jġorru tagħbijiet tqal u li jivvjaġġaw fl-Isvizzera jenħtieġ għalhekk li jitqies bħala skadut.
(5)Wara l-adeżjoni mal-Unjoni fl-1 ta’ Jannar 2007 kemm tar-Repubblika tal-Bulgarija kif ukoll tar-Rumanija, ir-Regolament Nru 685/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ma għadux meħtieġ għaliex dawn l-Istati Membri mhumiex aktar meħtieġa li jiksbu l-awtorizzazzjoni għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq u l-promozzjoni tat-trasport ikkombinat.
(6)B’konsegwenza ta’ dan, jenħtieġ li jitħassru r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1101/89, u r-Regolamenti (KE) Nru 685/2001 u (KE) Nru 2888/2000,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1101/89, u r-Regolamenti (KE) Nru 2888/2000 u (KE) Nru 685/2001 huma mħassra.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President