Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0665

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li temenda Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

COM/2016/0665 final - 2016/0326 (NLE)

Brussell, 20.10.2016

COM(2016) 665 final

2016/0326(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud 1 (minn issa ’l quddiem “id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista' jawtorizza kwalunkwe Stat Membru sabiex japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjoniniet ta' dik id-Direttiva biex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew biex jipprevjeni ċerti forom ta' evażjoni jew ta' evitar tat-taxxa.

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-1 ta' Ġunju 2016, il-Polonja talbet awtorizzazzjoni biex teżenta persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex ogħla mill-ekwivalenti ta' EUR 40 000 fil-munita nazzjonali. F'konformita mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba magħmula mill-Polonja permezz ta' ittri datati t-22 ta' Settembru 2016 . Permezz ta' ittra datata t-23 ta' Settembru 2016, il-Kummissjoni għarrfet lill-Polonja li hija kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri japplikaw skemi speċjali għall-impriżi żgħar, fosthom il-possibbiltà li jeżentaw lill-persuni taxxabbli li jkollhom inqas minn ċertu fatturat annwali. Din l-eżenzjoni timplika li persuna taxxabbli ma għandhiex għalfejn timponi l-VAT fuq il-provvisti tagħha u b'hekk ma tistax tnaqqas il-VAT minn fuq ix-xiri tagħha.

Skont l-Artikolu 287(14) tad-Direttiva tal-VAT, il-Polonja tista' teżenta mill-VAT persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex ogħla mill-ekwivalenti ta' EUR 10 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

Fl-2009, il-Polonja talbet deroga sabiex tissimplifika l-obbligi tal-VAT għan-negozjanti ż-żgħar u sabiex tiffaċilita l-ġbir tat-taxxa għall-amministrazzjoni tat-taxxa nazzjonali. Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/790/KE tal-20 ta' Ottubru 2009 2 , il-Kunsill awtorizza lill-Polonja sabiex teżenta persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex ogħla mill-ekwivalenti ta' EUR 30 000 fil-munita nazzjonali sal-31 ta' Diċembru 2012. Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/769/UE 3 , id-deroga ġiet estiża sal-31 ta' Diċembru 2015 u reġgħet ġiet estiża permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2015/1173/UE 4 , sal-31 ta' Diċembru 2018.

Il-Polonja issa talbet sabiex tiġi awtorizzata żżid il-limitu tal-eżenzjoni minn EUR 30 000 għal EUR 40 000 għall-bqija tal-perjodu tad-deroga attwali. Permezz ta' din it-talba, il-Polonja trid tissimplifika l-piż fuq in-negozju għal għadd akbar ta' persuni taxxabbli li għandhom attività kummerċjali limitata u tistimula l-iżvilupp ta' negozji żgħar bħal dawn. Fl-istess ħin, il-Polonja trid tnaqqas il-piż fuq l-amministrazzjoni tat-taxxa billi tillimita l-ħtieġa li jiġu kkontrollati l-persuni taxxabbli fuq skala żgħira, li hija relattivament għalja meta mqabbla mal-ammont ta' VAT involut, u ssaħħaħ l-attivitajiet ta' kontroll tagħha fir-rigward tal-persuni taxxabbli fuq skala kbira. Huwa f'dan il-kuntest li għandu jiġi nnutat li l-miżura hija u se tibqa' kompletament mhux obbligatorja għall-persuni taxxabbli.

Bħalissa l-miżura ta' deroga hija applikabbli sal-31 ta' Diċembru 2018. Huwa xieraq li tinżamm din id-data finali. Id-derogi mid-Direttiva tal-VAT dejjem għandhom ikunu limitati fiż-żmien sabiex l-effetti tagħhom ikunu jistgħu jiġu vvalutati. Barra minn hekk, bħalissa d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva tal-VAT dwar skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar huma soġġetti għal rieżami. Kif imħabbar fil-Pjan ta' Azzjoni tal-VAT 5 , il-proposta tal-Kummissjoni fil-forma ta' pakkett komprensiv ta’ simplifikazzjoni mistennija tiġi ppreżentata sat-tmiem tal-2017. Direttiva, li temenda d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT dwar skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar, tista' għaldaqstant tidħol fis-seħħ qabel id-data msemmija hawn fuq.

Konsistenza ma' dispożizzjonijiet ta' politika eżistenti fil-qasam tal-politika

Derogi simili ngħataw lil Stati Membri oħrajn. Il-Belġju 6 u l-Lussemburgu 7 ngħataw limitu ta' EUR 25 000, il-Litwanja 8  limitu ta' EUR 45 000, il-Latvja 9  u s-Slovenja 10  limitu ta' EUR 50 000, l-Italja 11 u r-Rumanija 12  limitu ta' EUR 65 000.

Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni

Il-miżura hija skont l-għanijiet tal-Unjoni għan-negozji ż-żgħar, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” – “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa” 13 li tistieden lill-Istati Membri biex iqisu l-karatteristiċi speċjali tal-SMEs meta jfasslu l-leġiżlazzjoni u, għaldaqstant, jissimplifikaw l-ambjent regolatorju eżistenti.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklussiva)

Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Proporzjonalità

Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

Minħabba l-kamp tal-applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan mixtieq, jiġifieri s-simplifikazzjoni għal għadd ta' persuni taxxabbli żgħar addizzjonali u għall-amministrazzjoni tat-taxxa.

Għażla tal-istrument

Strument propost: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni. Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq peress li tista' tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Din il-proposta hija bbażata fuq talba li saret mill-Polonja u tikkonċerna lil dan l-Istat Membru biss.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ma kienx hemm ħtieġa ta' għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill għandha l-għan li testendi miżura ta' simplifikazzjoni li tneħħi ħafna mill-obbligi tal-VAT għan-negozji b'fatturat annwali li mhuwiex ogħla mill-ekwivalenti ta' EUR 40 000 fil-munita nazzjonali u għaldaqstant għandha impatt potenzjalment pożittiv fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għal 24 000 persuna taxxabbli addizzjonali u, sussegwentement, fuq l-amministrazzjoni tat-taxxa. L-impatt baġitarju f'termini tad-dħul tal-VAT għall-Polonja huwa stmat għal PLN 300 miljun.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandhiex implikazzjoni għall-baġit tal-UE peress li l-Polonja se twettaq kalkolu ta' kumpens f'konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE EURATOM) 1553/89.

2016/0326 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud 14 , u b'mod partikolari l-Artikolu 395 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-Artikolu 287(14) tad-Direttiva 2006/112/KE jawtorizza lill-Polonja teżenta mill-VAT persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex ogħla mill-ekwivalenti ta' EUR 10 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

(2)Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/790/KE 15 , il-Polonja kienet awtorizzata, sal-31 ta' Diċembru 2012 u bħala deroga, teżenta mill-VAT persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex ogħla mill-ekwivalenti ta' EUR 30 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha. Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/769/UE 16 , il-miżura ta' deroga prevista fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/790/KE ġiet estiża sal-31 ta' Diċembru 2015 u reġgħet ġiet estiża permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2015/1173/UE 17 sal-31 ta' Diċembru 2018.

(3)F'ittra rreġistrata mal-Kummisjoni fl-1 ta' Ġunju 2016, il-Polonja talbet awtorizzazzjoni biex iżżid dak il-limitu minn EUR 30 000 għal EUR 40 000. Permezz ta' dik il-miżura, għadd addizzjonali ta' persuni taxxabbli żgħar jistgħu jiġu eżentati minn ċerti obbligi, jew mill-obbligi kollha, fir-rigward tal-VAT imsemmija fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE. Għaldaqstant il-piż fuq l-amministrazzjoni tat-taxxa li tivverifika n-negozji żgħar ħafna se jonqos ukoll.

(4)Il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba magħmula mill-Polonja permezz ta' ittri datati t-22 ta' Settembru 2016. Permezz ta' ittra datata t-23 ta' Settembru 2016, il-Kummissjoni għarrfet lill-Polonja li hija kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(5)Mill-informazzjoni pprovduta mill-Polonja, 24 000 persuna taxxabbli addizzjonali jistgħu potenzjalment jagħmlu użu minn din il-miżura sabiex inaqqsu l-obbligi tal-VAT tagħhom. L-impatt baġitarju f'termini tad-dħul tal-VAT kien stmat mill-Polonja għal PLN 300 miljun.

(6)Minħabba li l-iffissar ta' limitu ogħla se jirriżulta fi tnaqqis tal-obbligi tal-VAT għall-iżgħar negozji, filwaqt li dawn tal-aħħar xorta jistgħu jagħżlu l-arranġamenti regolari tal-VAT f'konformità mal-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Polonja għandha tiġi awtorizzata biex tapplika ż-żieda fil-limitu għall-perjodu tal-applikazzjoni li jibqa' tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/790/KE; li huwa sal-31 ta' Diċembru 2018. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar huma soġġetti għal rieżami u għaldaqstant tista' tidħol fis-seħħ Direttiva, li temenda dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT, qabel id-data msemmija hawn fuq.

(7)Il-deroga ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li ġejjin mill-VAT peress li l-Polonja se twettaq kalkolu ta' kumpens f'konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE EURATOM) 1553/89 18 .

(8)Għalhekk, id-Deċiżjoni 2009/790/KE għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2009/790/KE huma sostitwiti minn dawn li ġejjin:

“Artikolu 1

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE ir-Repubblika tal-Polonja hija awtorizzata li teżenta mill-VAT persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex ogħla mill-ekwivalenti ta' EUR 40 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sad-dħul fis-seħħ ta' Direttiva li temenda d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar, jew sal-31 ta' Diċembru 2018, skont liema minnhom tiġi l-ewwel.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/790/KE tal-20 ta' Ottubru 2009 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 283, 30.10.2009, p. 53).
(3) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/769/UE tal-4 ta' Diċembru 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja li tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 338, 12.12.2012, p. 27).
(4) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2015/1173/UE tal-14 ta' Lulju 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 189, 17.7.2015, p. 36).
(5) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar pjan ta' azzjoni dwar il-VAT, Lejn żona unika tal-VAT fl-UE – Iż-żmien biex niddeċiedu (COM(2016)148 final ta' 7.4.2016).
(6) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2348 tal-10 ta' Diċembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/53/UE li tawtorizza lir-Renju tal-Belġju biex jintroduċi miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 330, 16.12.2015, p. 51).
(7) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/677/UE tal-15 ta' Novembru 2013 li tawtorizza lil-Lussemburgu jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 316, 27.11.2013, p. 33).
(8) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/795/UE tas-7 ta' Novembru 2014 li temenda l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/335/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja sabiex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 44).
(9) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/796/UE tas-7 ta' Novembru 2014 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja sabiex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 46).
(10) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/54/UE tat-22 ta' Jannar 2013 li tawtorizza lir-Repubblika tas-Slovenja sabiex tintroduċi miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 22, 25.1.2013, p. 15).
(11) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/678/UE tal-15 ta' Novembru 2013 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 316, 27.11.2013, p. 35).
(12) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/931/UE tas-16 ta' Diċembru 2014 li testendi l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/181/UE li tawtorizza lir-Rumanija ddaħħal miżura ta' deroga speċjali mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 365, 19.12.2014, p. 145).
(13) COM(2008) 394 tal-25 ta' Ġunju 2008.
(14) ĠU L 347, 11.12.2006, p.1.
(15) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/790/KE tal-20 ta' Ottubru 2009 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 283, 30.10.2009, p. 53).
(16) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/769/UE tal-4 ta' Diċembru 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja li tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 338, 12.12.2012, p. 27).
(17) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2015/1173/UE tal-14 ta' Lulju 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 189, 17.7.2015, p. 36).
(18) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tas-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta' riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).
Top