Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0266

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tiġi adottata fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni Komprensivi bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt, u l-istabbiliment ta’ gruppi ta’ ħidma speċjalizzati

    COM/2016/0266 final - 2016/0143 (NLE)

    Brussell, 20.5.2016

    COM(2016) 266 final

    2016/0143(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tiġi adottata fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni Komprensivi bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt, u l-istabbiliment ta’ gruppi ta’ ħidma speċjalizzati


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Il-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni Komprensivi bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra, (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fid-9 ta' Novembru 2009 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2014.

    Il-Ftehim jipprovdi qafas legali li jkopri kwistjonijiet li jvarjaw mid-djalogu politiku regolari għall-kooperazzjoni settorjali. Huwa jenfasizza d-determinazzjoni tal-UE li timpenja ruħha mal-Indoneżja u li tieħu r-relazzjonijiet bilaterali għal livell ogħla.

    Il-Ftehim isaħħaħ il-kooperazzjoni f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, in-nonproliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, il-kummerċ, il-migrazzjoni, l-ambjent, l-enerġija, it-tibdil fil-klima, it-trasport, ix-xjenza u t-teknoloġija, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, l-edukazzjoni, l-agrikoltura, l-għajnuna għall-iżvilupp, il-kultura, eċċ.

    Skont l-Artikolu 41 tal-Ftehim, ġie stabbilit Kumitat Konġunt, magħmul minn rappreżentanti taż-żewġ naħat fl-ogħla livell possibbli. Il-Kumitat Konġunt għandu jiżgura l-funzjonament u l-implimentazzjoni korretti tal-Ftehim, jistabbilixxi prijoritajiet fir-rigward tal-għanijiet tal-Ftehim u jsolvi d-differenzi li jinqalgħu fl-applikazzjoni jew fl-interpretazzjoni tiegħu.

    Sabiex jassisti lill-Kumitat Konġunt u jiġu ffaċilitati d-diskussjonijiet fuq livell ta’ esperti dwar uħud mill-oqsma ewlenin li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim, huwa ssuġġerit li jitwaqqfu gruppi ta’ ħidma speċjalizzati, dwar:

    (1)    il-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

    (2)    il-kummerċ u l-investiment;

    (3)    id-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem;

    (4)    id-djalogu politiku; kif ukoll

    (5)    id-djalogu dwar is-sigurtà.

    Barra minn hekk, l-UE se tipproponi l-isabbiliment tas-sitt grupp ta’ ħidma speċjalizzat dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konġunt skont l-Artikolu 14(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat.

    L-għan ta’ din il-proposta huwa li tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-UE fil-Kumitat Konġunt dwar:

    (i)    li tadotta r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt; kif ukoll

    (ii)    li tistabbilixxi l-gruppi ta' ħidma speċjalizzati.

    Il-pożizzjoni tal-UE se tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjonijiet mehmuż tal-Kumitat Konġunt.

    2016/0143 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tiġi adottata fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni Komprensivi bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt, u l-istabbiliment ta’ gruppi ta’ ħidma speċjalizzati

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 207, 209 u 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)Il-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni Komprensivi bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra ("il-Ftehim") daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2014.

    (2)Skont l-Artikolu 41 tal-Ftehim, ġie stabbilit Kumitat Konġunt, sabiex jiżgura, fost l-oħrajn, il-funzjonament u l-implimentazzjoni korretti tal-Ftehim.

    (3)Sabiex isir kontribut għall-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim, ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt għandhom jiġu adottati.

    (4)Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt, f'dak li għandu x'jaqsam mal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjonijiet mehmuż tal-Kumitat Konġunt,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.    Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 41 tal-Ftehim, dwar:

    li tadotta r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt; kif ukoll

    li tistabbilixxi gruppi ta’ ħidma speċjalizzati,

    tissejjes fuq l-abbożż ta' Deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt, mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    2.    Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt jistgħu jaqblu dwar bidliet żgħar fl-abbozz ta' Deċiżjonijiet mingħajr ma jirreferu lura għall-Kunsill.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    Top

    Brussell, 20.5.2016

    COM(2016) 266 final

    ANNESSI

    tal-

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

    dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tiġi adottata fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni Komprensivi bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt, u l-istabbiliment ta’ gruppi ta’ ħidma bejn il-kumitati speċjalizzati


    ANNESSI

    tal-

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

    dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tiġi adottata fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni Komprensivi bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt, u l-istabbiliment ta’ gruppi ta’ ħidma bejn il-kumitati speċjalizzati

    ANNESS 1

    DEĊIŻJONI Nru 1/2016 TAL-KUMITAT KONĠUNT UE-INDONEŻJA

    ta’ …

    li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu

    IL-KUMITAT KONĠUNT UE-INDONEŻJA,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni Komprensivi bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

    Billi:

    (1)Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2014.

    (2)Sabiex isir kontribut lejn l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jiġi stabbilit mill-aktar fis possibbli.

    (3)Skont l-Artikolu 41(5) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu stess,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu uniku

    Ir-regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt, kif stipulat fl-Anness, huma b'dan adottati.

    Magħmul fi …,

    Għal Kumitat Konġunt UE-Indoneżja

    Il-President

    ANNESS A

    Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Konġunt

    Artikolu 1

    Il-kompożizzjoni u l-President

    1. Il-Kumitat Konġunt, stabbilit skont l-Artikolu 41 tal-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra (minn issa 'l quddim "il-Ftehim"), iwettaq il-ħidmiet tiegħu kif previst fl-Artikolu 41 tal-Ftehim.

    2. Il-Kumitat Konġunt ikun magħmul minn rappreżentanti taż-żewġ Partijiet fl-aktar livell għoli possibbli.

    3. Il-Kumitat Konġunt ikun ippresedut b'mod alternat mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Indoneżja u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà. Huma jistgħu jiddelegaw l-awtorità lil uffiċjal għoli biex jippresjedi fuq il-laqgħat kollha tal-Kumitat Konġunt jew fuq parti minnhom.

    Artikolu 2

    Rappreżentanza

    1. Il-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin dwar il-lista tar-rappreżentanti tagħhom fil-Kumitat Konġunt (il-“Membri”). Il-lista tiġi amministrata mis-Segretarju tal-Kumitat Konġunt.

    2. Membru li jixtieq jiġi rrappreżentat minn rappreżentant sostitut jinnotifika bil-miktub lill-President tal-Kumitat bl-isem tar-rappreżentant sostitut tiegħu jew tagħha qabel issir dik il-laqgħa. Ir-rappreżentant sostitut ta’ Membru għandu jeżerċita d-drittijiet kollha ta’ dak il-Membru.

    Artikolu 3

    Delegazzjonijiet

    1. Il-Membri tal-Kumitat Konġunt jistgħu jkunu akkumpanjati minn uffiċjali oħra. Qabel kull laqgħa, il-Partijiet jiġu informati, permezz tas-Segretarjat, dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjonijiet li jattendu l-laqgħa.

    2. Meta jkun xieraq u bi ftehim reċiproku mal-Partijiet, persuni fil-kapaċità tagħhom ta’ esperti jew rappreżentanti ta’ korpi oħra jistgħu jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Kumitat Konġunt bħala osservaturi jew sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġett partikolari.

    Artikolu 4

    Laqgħat

    1. Il-Kumitat Konġunt normalment jiltaqa’ mhux inqas minn kull sentejn, jew b’xi mod ieħor bi qbil bejn iż-żewġ partijiet. Il-laqgħa tal-Kumitat Konġunt tissejjaħ mill-President. Il-laqgħa ssir fl-Indoneżja u fi Brussell alternattivament, f’data stabbilita bi ftehim reċiproku. Laqgħat straordinarji tal-Kumitat Konġunt jistgħu jsiru bi ftehim bejn il-Partijiet.

    2. F’każijiet eċċezzjonali, u jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt jistgħu jsiru wkoll permezz ta’ mezzi tekniċi, pereżempju permezz ta’ konferenzi bil-vidjo jew telekonferenza.

    3. Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ fl-ogħla livell possibbli, kif miftiehem mill-Partijiet. F’dan ir-rigward, iż-żewġ Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw parteċipazzjoni f'livell ministerjali kull meta dan ikun possibbli.

    4. Meta l-Kumitat Konġunt hu ppresedut fil-livell ministerjali, dan jitħejja permezz ta' laqgħa f'livell ta’ uffiċjali għolja li għandha ssir qabel.

    Artikolu 5

    Pubbliċità

    1. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt ma jkunux pubbliċi. Meta Parti tippreżenta informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali lill-Kumitat Konġunt, il-Parti l-oħra tittratta dik l-informazzjoni bħala tali.

    2. Il-Kumitat Konġunt jista’ joħroġ dikjarazzjonijiet lill-pubbliku kif meqjus xieraq.

    Artikolu 6

    Segretarjat

    Rappreżentant tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u rappreżentant tal-Gvern tar-Repubblika tal-Indoneżja jservu b'mod konġunt bħala Segretarji tal-Kumitat Konġunt. Il-komunikazzjonijiet kollha lil u mingħand il-President tal-Kumitat Konġunt jingħaddu lis-Segretarji. Il-korrispondenza lil u mill-President tal-Kumitat Konġunt tista’ ssir permezz ta’ kull mezz bil-miktub, inkluż permezz tal-posta elettronika.

    Artikolu 7

    Aġendi għal-laqgħat

    1. Il-President ifassal l-aġenda provviżorja ta' kull laqgħa. Din tiġi trażmessa, flimkien mad-dokumenti rilevanti, lill-Parti l-oħra mhux iktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa.

    2. Il-President jista’ jipproponi esperti biex jattendu l-laqgħat tal-Kumitat Konġunt sabiex tiġi pprovduta informazzjoni dwar xi punt partikolari tal-aġenda.

    3. Il-Kumitat Konġunt jadotta l-aġenda fil-bidu ta’ kull laqgħa. Kwistjonijiet għajr dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jistgħu jitqiegħdu fuq l-aġenda jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

    4. F'ċirkostanzi partikolari u bi qbil maż-żewġ Partijiet, il-President jista' jqassar l-iskadenzi stipulati fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet ta' każ partikolari.

    Artikolu 8

    Minuti Miftiehma

    1. L-eżitu tal-laqgħa tal-Kumitat Konġunt jkun fil-forma ta’ Minuti Miftiehma.

    2. Iż-żewġ Segretarji jfasslu b'mod konġunt l-abbozz tal-Minuti Miftiehma ta' kull laqgħa, mal-preżentazzjoni min-naħa tal-ospitant, normalment fi żmien 30 jum kalendarju mid-data tal-laqgħa. L-abbozz tal-Minuti Miftiehma jkun ibbażat fuq sinteżi mill-President tal-konklużjonijiet li jkun wasal għalihom il-Kumitat Konġunt.

    3. Il-Minuti Miftiehma jiġu approvati miż-żewġ Partijiet fi żmien 45 jum kalendarju mid-data tal-laqgħa jew sa kwalunkwe data oħra li jiftiehmu dwarha l-Partijiet. Malli jintlaħaq qbil dwar il-minuti, iż-żewġ Partijiet jiffirmaw żewġ kopji oriġinali. Kull Parti tirċievi kopja oriġinali waħda.

    Artikolu 9

    Deċiżjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

    1. Għall-fini tal-implimentazzjoni ta’ dan il-kompitu tal-Kumitat Konġunt kif previst fl-Artikolu 41 tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt jista’ jaqbel li jadotta deċiżjoni u/jew rakkomandazzjoni. Din id-deċiżjoni u/jew ir-rakkomandazzjoni jkollha numru tas-serje, id-data tal-adozzjoni tagħha u deskrizzjoni tas-suġġett.

    2. Id-deċiżjoni u/jew ir-rakkomandazzjoni f’ċerti ċirkostanzi jistgħu jiġu miftiehma bi proċeduri bil-miktub.

    3. Minkejja l-Artikolu 5 dwar il-Pubbliċità, kull Parti tista’ tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ dan il-Kumitat Konġunt fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

    Artikolu 10

    Korrispondenza

    1. Korrispondenza indirizzata lill-Kumitat Konġunt tintbagħat lis-Segretarju ta' waħda mill-Partijiet, li min-naħa tiegħu jgħarraf lis-Segretarju l-ieħor.

    2. Is-Segretarjat jiżgura li l-korrispondenza indirizzata lill-Kumitat Konġunt tintbagħat lill-President u tiġi ċċirkolata, fejn xieraq, bħala dokumenti kif imsemmi fl-Artikolu 11 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

    3. Il-korrispondenza mill-President tintbagħat lill-Partijiet mis-Segretarjat u fejn xieraq tiġi ċċirkolata, bħala dokumenti kif imsemmi fl-Artikolu 11 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura.

    Artikolu 11

    Dokumenti

    1. Meta d-deliberazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt ikunu bbażati fuq dokumenti ġustifikattivi bil-miktub, tali dokumenti jiġu nnumerati u ċċirkolati mis-Segretarjat lill-Membri.

    2. Kull Segretarju jkun responsabbli għaċ-ċirkolazzjoni tad-dokumenti lill-Membri xierqa tal-Parti tiegħu jew tagħha fil-Kumitat Konġunt filwaqt li sistematikament jikkopja lis-Segretarju l-ieħor.

    Artikolu 12

    Spejjeż

    1. Kull Parti tieħu ħsieb l-ispejjeż li ġġarrab bħala riżultat tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt, kemm fir-rigward tal-persunal, tan-nefqa tal-għajxien kif ukoll fir-rigward tan-nefqa tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.

    2. In-nefqa marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti titħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

    Artikolu 13

    Emenda tar-Regoli ta' Proċedura

    Kull Parti tista' titlob rieżami bil-miktub u r-Regoli ta’ Proċedura jistgħu jiġu emendati permezz ta’ qbil komuni tal-Partijiet, f’konformità mal-Artikolu 9.

    Artikolu 14

    Gruppi ta’ ħidma bejn il-kumitati u Mekkaniżmi Oħra

    1. Il-Kumitat Konġunt jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma bejn il-kumitati speċjalizzati jew mekkaniżmi oħra sabiex jassistuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. Il-gruppi ta’ ħidma bejn il-kumitati speċjalizzati u mekkaniżmi oħra jirrapportaw lill-Kumitat Konġunt.

    2. Il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jneħħi kull grupp ta’ ħidma bejn il-kumitati speċjalizzat eżistenti, jew mekkaniżmi oħra jew jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma bejn il-kumitati speċjalizzati oħra jew mekkaniżmi oħra sabiex jgħinuh fil-qadi ta’ dmirijietu.

    4. Il-gruppi ta’ ħidma bejn il-kumitati speċjalizzati jkollhom biss is-setgħa li jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Konġunt.



    ANNESS 2

    DEĊIŻJONI Nru 2/2016 TAL-KUMITAT KONĠUNT UE-INDONEŻJA

    ta’ …

    dwar l-istabbiliment ta’ gruppi ta’ ħidma bejn il-kumitati speċjalizzati u mekkaniżmi oħrajn

    IL-KUMITAT KONĠUNT UE-INDONEŻJA,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni Komprensivi bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

    Billi:

    (1)Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2014.

    (2)Sabiex isir kontribut lejn l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim, għandu jiġi stabbilit il-qafas istituzzjonali tiegħu mill-aktar fis possibbli.

    (3)Skont l-Artikolu 41(3) tal-Ftehim u l-Artikolu 14 tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt, il-Kumitat Konġunt jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma bejn il-kumitati speċjalizzati sabiex jgħinuh fil-prestazzjoni tal-kompiti tiegħu.

    (4)Bied jiġu permessi diskussjonijiet fil-livell ta’ esperti dwar l-oqsma ewlenin li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Ftehim, jistgħu jiġu stabbiliti gruppi ta' ħidma bejn il-kumitati speċjalizzati jew mekkaniżmi oħra. Il-Partijiet jistgħu jaqblu wkoll li jemendaw il-lista ta’ gruppi ta’ ħidma bejn il-kumitati speċjalizzati jew ta' mekkaniżmi oħra u/jew il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom.

    (5)Skont l-Artikolu 9 tar-regoli ta’ proċedura, il-Kumitat Konġunt jista’ wkoll jieħu deċiżjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub.

    (6)Din id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt għandha tiġi adottata sabiex il-gruppi ta’ ħidma bejn il-kumitati speċjalizzati jew il-mekkaniżmi jsiru operattivi f'waqthom,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu uniku

    Il-gruppi ta' ħidma bejn il-kumitati speċjalizzati mniżżla fl-Anness huma b'dan stabbiliti.

    Magħmul fi,

    Għall-Kumitat Konġunt UE-Indoneżja

    Il-President

    ANNESS A

    Il-Kumitat Konġunt UE-Indoneżja

    Gruppi ta’ ħidma bejn il-kumitati speċjalizzati u mekkaniżmi oħra

    (1)    Grupp ta’ ħidma bejn il-kumitati speċjalizzat dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp

    (2)    Grupp ta’ ħidma bejn il-kumitati speċjalizzat dwar il-kummerċ u l-investiment

    (3)    Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem

    (4)    Djalogu politiku

    (5)    Djalogu dwar is-sigurtà

    Top