Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0191

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Tuvalu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir

    COM/2016/0191 final - 2016/0101 (NLE)

    Brussell, 8.4.2016

    COM(2016) 191 final

    2016/0101(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Tuvalu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 1 jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa. Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa applikat mill-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda u r-Renju Unit.

    Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 emenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 billi ttrasferixxa 19-il pajjiż għall-Anness II, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mir-rekwiżit tal-viża. Dawn id-19-il pajjiż huma: il-Kolombja, Dominica, Grenada, Kiribati, il-Gżejjer Marshall, il-Mikroneżja, Nauru, Palau, il-Perù, Saint Lucia, Saint Vincent u l-Grenadini, Samoa, il-Gżejjer Solomon, Timor Leste, Tonga, Trinidad u Tobago, Tuvalu, l-Emirati Għarab Magħquda u Vanuatu. Ir-referenza għal kull wieħed minn dawn il-pajjiżi fl-Anness II hija akkumpanjata b'nota f'qiegħ il-paġna li tispeċifika li "l-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni Ewropea".

    Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 ġie adottat fl-20 ta’ Mejju 2014 u daħal fis-seħħ fid-9 ta’ Ġunju 2014. F'Lulju 2014, il-Kummissjoni ppreżentat Rakkomandazzjoni lill-Kunsill biex jawtorizzaha biex tibda negozjati dwar ftehimiet ta’ eżenzjoni mill-viża ma’ kull wieħed mis-17-il pajjiż li ġejjin: Dominica, Grenada, Kiribati, il-Gżejjer Marshall, il-Mikroneżja, Nauru, Palau, Saint Lucia, Saint Vincent u l-Grenadini, Samoa, il-Gżejjer Solomon, Timor Leste, Tonga, Trinidad u Tobago, Tuvalu, l-Emirati Għarab Magħquda u Vanuatu 3 . Fid-9 ta’ Ottubru 2014, il-Kunsill ħareġ direttivi ta’ negozjati lill-Kummissjoni.

    Fl-ewwel serje ta' ftehimiet ta' eżenzjoni mill-viża, il-ftehimiet ġew iffirmati fis-6 ta’ Mejju 2015 (l-Emirati Għarab Magħquda), fis-26 ta’ Mejju 2015 (Timor-Leste) u t-28 ta’ Mejju 2015 (Dominica, Grenada, Saint Lucia, Saint Vincent u l-Grenadini, Samoa, Trinidad u Tobago, u Vanuatu) u japplikaw b’mod proviżorju mid-data tal-iffirmar sakemm jidħlu fis-seħħ. Il-Kunsill awtorizza l-iffirmar tat-tieni serje ta' ftehimiet ta' eżenzjoni mill-viża ma' Tonga (iffirmat fl-20 ta' Novembru 2015), il-Kolombja (iffirmat fit-2 ta' Diċembru 2015), Kiribati (id-data tal-iffirmar għad trid tiġi determinata u Palau (iffirmat fis-7 ta' Diċembru 2015). Dawn l-erba' ftehimiet japplikaw b'mod proviżorju mill-ġurnata ta' wara d-data tal-iffirmar sakemm jidħlu fis-seħħ.

    In-negozjati ma' Tuvalu nfetħu fid-19 ta' Novembru 2014. Waqt dik il-laqgħa, l-abbozz sħiħ tat-test seta' jiġi eżaminat, u ntlaħaq ftehim fuq l-aspetti kollha fi skambji li saru wara. Il-Ftehim ġie inizjalat fi Brussell min-negozjaturi ewlenin nhar it-8 ta’ Diċembru 2015. L-Istati Membri ġew mgħarrfa waqt il-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Viża tal-Kunsill li saret fis-26 ta' Ottubru 2015.

    2.BAŻI ĠURIDIKA

    Min-naħa tal-Unjoni, il-bażi ġuridika għall-ftehim hija l-punt (a) tal- Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), flimkien mal-Artikolu 218 tiegħu.

    Il-proposta mehmuża tikkostitwixxi l-istrument legali għall-iffirmar tal-ftehim. Il-Kunsill se jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata.

    Filwaqt li jitqies il-fatt li Tuvalu se jkun jista' jtemm il-proċedura ta’ ratifika interna tiegħu malajr, u l-perjodu twil ta’ żmien li għadda mindu l-Kummissjoni pproponiet għall-ewwel darba li teżenta liċ-ċittadini ta' Tuvalu mill-ħtieġa tal-viża (Novembru 2012), id-deċiżjoni proposta dwar l-iffirmar tistabbilixxi l-applikazzjoni proviżorja tal-ftehim mill-jum ta' wara d-data tal-iffirmar tagħha skont l-Artikolu 218(5) TFUE. Billi jinħtieġ il-kunsens tal-Parlament Ewropew qabel ma jiġi konkluż il-ftehim, il-Kummissjoni se tinforma lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-ftehim.

    3.L-EŻITU TAN-NEGOZJATI

    Il-Kummissjoni tqis li l-għanijiet stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati tiegħu nkisbu, u li l-abbozz ta’ ftehim għall-eżenzjoni mill-viża hu aċċettabbli għall-Unjoni.

    Il-kontenut finali tiegħu jista’ jitqassar kif ġej:

    Skop

    Il-ftehim jipprovdi għal vjaġġar mingħajr il-viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini ta' Tuvalu meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għal perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.

    Sabiex jitħares it-trattament ugwali taċ-ċittadini kollha tal-UE, ġiet inkluża dispożizzjoni fil-ftehim li tiddikjara li Tuvalu jista’ jissospendi jew itemm il-ftehim fir-rigward biss tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea u li l-Unjoni tista' wkoll tissospendi jew ittemm il-ftehim fir-rigward tal-Istati Membri kollha tagħha.

    Is-sitwazzjoni speċifika tar-Renju Unit u tal-Irlanda hi riflessa fil-preambolu.

    Kamp ta' applikazzjoni

    L-eżenzjoni mill-viża tkopri l-kategoriji kollha ta’ persuni (detenturi ta' passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz/uffiċjali jew speċjali) li jkunu qed jivvjaġġaw għal skopijiet diversi, ħlief bl-iskop tat-twettiq ta' attività bi ħlas. Għal din il-kategorija tal-aħħar, kull Stat Membru kif ukoll Tuvalu jibqgħu liberi li jimponu r-rekwiżit tal-viża fuq iċ-ċittadini tal-Parti l-oħra skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli. Sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni armonizzata, hawn mehmuża mal-ftehim dikjarazzjoni konġunta dwar l-interpretazzjoni tal-kategorija ta' persuni li jkunu qed jivvjaġġaw għall-għan ta’ attivitajiet bi ħlas.

    Tul tas-soġġorn

    Il-ftehim jipprovdi għal vjaġġar mingħajr il-viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini ta' Tuvalu meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għal perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum. Mehmuża mal-ftehim hawn dikjarazzjoni konġunta dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-perjodu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.

    Il-ftehim jikkunsidra s-sitwazzjoni tal-Istati Membri li għalissa ma japplikawx l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ. Sakemm ma jkunux parti miż-żona Schengen mingħajr fruntieri interni, l-eżenzjoni mill-viża tagħti dritt liċ-ċittadini ta' Tuvalu jibqgħu għal 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum fit-territorju ta’ kull wieħed minn dawk l-Istati Membri (preżentement il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija), irrispettivament mill-perjodu kkalkulat għaż-żona Schengen kollha.

    Applikazzjoni territorjali

    Il-ftehim għandu dispożizzjonijiet relatati mal-applikazzjoni territorjali tiegħu: fil-każ ta’ Franza u n-Netherlands, l-eżenzjoni mill-viża tintitola liċ-ċittadini ta' Tuvalu biex jibqgħu biss f’dawk it-territorji Ewropej tal-Istati Membri.

    Dikjarazzjonijiet

    Flimkien mad-dikjarazzjonijiet konġunti msemmija aktar ’il fuq, żewġ dikjarazzjonijiet konġunti oħra jinsabu mehmuża mal-ftehim:

    dwar l-assoċjazzjoni tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen;

    dwar it-tixrid totali tal-informazzjoni dwar il-kontenut u l-konsegwenzi tal-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża u kwistjonijiet relatati, bħal kundizzjonijiet għad-dħul fit-territorju.

    4.KONKLUŻJONI

    Fid-dawl tar-riżultati msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill

    jiddeċiedi li l-ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u jawtorizza lill-President tal-Kunsill biex jaħtar lill-persuna/i bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw f’isem l-Unjoni;

    japprova l-applikazzjoni proviżorja tal-ftehim sakemm dan jidħol fis-seħħ;

    2016/0101 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Tuvalu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 ittrasferixxa r-referenza għal Tuvalu mill-Anness I għall-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 5 .

    (2)Dik ir-referenza għal Tuvalu hija akkumpanjata b'nota f'qiegħ il-paġna li tispeċifika li l-eżenzjoni mir-rekwiżit ta' viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni Ewropea.

    (3)Fid-9 ta' Ottubru 2014, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati ma' Tuvalu għall-konklużjoni ta' ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Tuvalu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (il-“Ftehim”).

    (4)In-negozjati dwar il-Ftehim infetħu fid-19 ta' Novembru 2014 u ġew iffinalizzati b'suċċess bl-inizjalar tiegħu fit-8 ta' Ottubru 2015.

    (5)Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat, u d-dikjarazzjonijiet mehmuża mal-Ftehim għandhom jiġu approvati, f'isem l-Unjoni. Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja, mill-jum wara d-data tal-iffirmar tiegħu, sakemm jintemmu l-proċeduri għall-konklużjoni formali tiegħu.

    (6)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jiħux sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE 6 ; b’hekk ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

    (7)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE 7 ; għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Tuvalu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (il-“Ftehim”) huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

    It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Id-dikjarazzjonijiet mehmuża ma' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu approvati f'isem l-Unjoni.

    Artikolu 3

    Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna/i bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

    Artikolu 4

    Il-Ftehim japplika b’mod proviżorju mill-jum wara d-data tal-iffirmar tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għal konklużjoni.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa, ĠU L 81, 21.03.2001, p. 1.
    (2) Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa, ĠU L 149, 20.5.2014, p. 67
    (3) COM(2014) 467, 17.7.2014
    (4) Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa, ĠU L 149, 20.5.2014, p. 67.
    (5) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa, ĠU L 81, 21.03.2001, p. 1.
    (6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).
    (7) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
    Top

    Brussell, 8.4.2016

    COM(2016) 191 final

    ANNESSI

    għall-

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

    dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Tuvalu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir


    ANNESSI

    għall-

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

    dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Tuvalu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir



    FTEHIM

    bejn l-Unjoni Ewropea u Tuvalu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir

    L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni” jew “l-UE”, u

    TUVALU,

    minn hawn 'il quddiem flimkien imsejħin il-“Partijiet Kontraenti”,

    BIL-ĦSIEB li jiġu żviluppati ulterjorment relazzjonijiet ta' ħbiberija bejn il-Partijiet Kontraenti u bix-xewqa li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar billi jiġi żgurat dħul u soġġorn għal perjodu qasir mingħajr viża għaċ-ċittadini tagħhom,

    FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa 1 , billi, fost l-oħrajn, jittrasferixxi 19-il pajjiż terz, inkluż Tuvalu, għal-lista ta' pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mir-rekwiżit tal-viża għal soġġorni qosra fl-Istati Membri,

    FILWAQT LI HUMA KONXJI li l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 509/2014 jistipula li għal dawk id-19-il pajjiż, l-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni,

    FILWAQT LI JIXTIEQU li jitħares il-prinċipju ta' trattament indaqs taċ-ċittadini kollha tal-UE,

    FILWAQT LI JQISU li l-persuni li jivvjaġġaw bil-għan li jwettqu attività bi ħlas matul is-soġġorn qasir tagħhom mhumiex koperti b'dan il-Ftehim u għalhekk għal dik il-kategorija r-regoli rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u tal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u tal-liġi nazzjonali ta' Tuvalu dwar l-obbligu jew l-eżenzjoni mill-viża u dwar l-aċċess għall-impjiegi jibqgħu japplikaw,

    FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    ARTIKOLU 1

    Skop

    Dan il-Ftehim jipprovdi għal vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għaċ-ċittadini ta' Tuvalu meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għall-perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.

    ARTIKOLU 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim:

    (a)    “Stat Membru” tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda;

    (b)    “ċittadin tal-Unjoni” tfisser ċittadin ta' Stat Membru kif definit fil-punt (a);

    (c)    "ċittadin ta’ Tuvalu" tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Tuvalu;

    (d)    "żona Schengen" tfisser iż-żona mingħajr fruntieri interni li tinkludi t-territorji tal-Istati Membri kif stipulat fil-punt (a) li japplikaw l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ.



    ARTIKOLU 3

    Kamp ta' applikazzjoni

    1.    Iċ-ċittadini tal-Unjoni li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, ta' servizz, uffiċjali jew speċjali, li hu validu u maħruġ minn Stat Membru, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju ta' Tuvalu għall-perjodu ta' soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(1).

    Iċ-ċittadini ta' Tuvalu li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, ta' servizz, uffiċjali jew speċjali, li hu validu u maħruġ minn Tuvalu, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju tal-Istati Membri għall-perjodu tas-soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(2).

    2.    Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma japplikax għall-persuni li jivvjaġġaw bil-għan li jwettqu attività bi ħlas.

    Għal din il-kategorija ta’ persuni, kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi b’mod individwali li jimponi l-ħtieġa ta' viża fuq iċ-ċittadini ta' Tuvalu jew li jirtiraha skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 2 .

    Għal din il-kategorija ta’ persuni, Tuvalu jista' jiddeċiedi dwar il-ħtieġa tal-viża jew l-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini ta’ kull Stat Membru b’mod individwali skont il-liġi nazzjonali tiegħu.

    3.    L-eżenzjoni mill-viża li dan il-Ftehim jipprovdi għaliha għandha tapplika mingħajr ħsara għal-liġijiet tal-Partijiet Kontraenti marbutin mal-kundizzjonijiet ta' dħul u soġġorn qasir. L-Istati Membri u Tuvalu jirriżervaw id-dritt li jirrifjutaw id-dħul u s-soġġorn qasir fit-territorji tagħhom jekk waħda jew aktar minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfata.

    4.    L-eżenzjoni mill-viża tapplika irrispettivament mill-metodu ta' trasport użat biex jinqasmu l-fruntieri tal-Partijiet Kontraenti.

    5.    Kwistjonijiet li mhumiex koperti minn dan il-Ftehim għandhom ikunu regolatimil-liġi tal-Unjoni, mil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u mil-liġi nazzjonali ta' Tuvalu.

    ARTIKOLU 4

    Tul tas-soġġorn

    1.    Iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jibqgħu fit-territorju ta' Tuvalu għal perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.

    2.    Iċ-ċittadini ta' Tuvalu jistgħu jibqgħu fit-territorju tal-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen fl-intier tiegħu għal perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum. Dak il-perjodu għandu jiġi kkalkulat indipendentement minn kwalunkwe soġġorn fi Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta' Schengen fl-intier tiegħu.

    Iċ-ċittadini ta' Tuvalu jistgħu jibqgħu għal perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum fit-territorju ta' kull Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta' Schengen fl-intier tiegħu, indipendentement mill-perjodu tas-soġġorn ikkalkulat għat-territorju tal-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen fl-intier tiegħu.

    3.    Dan il-Ftehim ma jaffettwax il-possibbiltà ta' Tuvalu u tal-Istati Membri li jestendu l-perjodu tas-soġġorn għal aktar minn 90 jum f'konformità mal-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom u l-liġi tal-Unjoni.

    ARTIKOLU 5

    Applikazzjoni territorjali

    1.    Fir-rigward tar-Repubblika Franċiża, dan il-Ftehim għandu japplika biss għat-territorju Ewropew tar-Repubblika Franċiża.

    2.    Fir-rigward tar-Renju tan-Netherlands, dan il-Ftehim għandu japplika biss għat-territorju Ewropew tar-Renju tan-Netherlands.

    ARTIKOLU 6

    Kumitat Konġunt għall-ġestjoni tal-Ftehim

    1.    Il-Partijiet Kontraenti għandhom jistabbilixxu Kumitat Konġunt ta' esperti (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Kumitat”), magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni u minn rappreżentanti ta' Tuvalu. L-Unjoni għandha tkun irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea.

    2.    Il-Kumitat għandu jkollu, fost l-oħrajn, il-kompiti li ġejjin:

    (a)    li jissorvelja l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim;

    (b)    li jissuġġerixxi emendi jew żidiet għal dan il-Ftehim;

    (c)    li jsolvi tilwimiet li jinbtu mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim.

    3.    Il-Kumitat għandu jitlaqqa' kull meta jkun meħtieġ, fuq talba ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti.

    4.    Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tiegħu stess.

    ARTIKOLU 7

    Ir-relazzjoni ta’ dan il-Ftehim ma’ ftehimiet bilaterali eżistenti ta’ eżenzjoni mill-viża
    bejn l-Istati Membri u Tuvalu

    Dan il-Ftehim għandu jkollu preċedenza fuq kwalunkwe ftehim jew arranġament bilaterali konkluż bejn l-Istati Membri individwali u Tuvalu, sa fejn dawn ikopru kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu.

    ARTIKOLU 8

    Dispożizzjonijiet finali

    1.    Dan il-Ftehim għandu jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti f'konformità mal-proċeduri interni rispettivi tagħhom u jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data tal-aħħar waħda miż-żewġ notifiki li bihom il-Partijiet Kontraenti jinnotifikaw lil xulxin li dawk il-proċeduri jkunu tlestew.

    Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mill-jum wara d-data tal-iffirmar tiegħu.

    2.    Dan il-Ftehim qed jiġi konkluż għal perjodu indefinit, kemm-il darba ma jiġix terminat f'konformità mal-paragrafu 5.

    3.    Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat bi ftehim bil-miktub mill-Partijiet Kontraenti. L-emendi jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal dan il-għan.

    4.    Kull Parti Kontraenti tista' tissospendi l-Ftehim kollu jew parti minnu, b'mod partikolari għal raġunijiet tal-ordni pubbliku, il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, l-immigrazzjoni illegali, jew l-introduzzjoni mill-ġdid tal-ħtieġa tal-viża minn kwalunkwe Parti Kontraenti. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni għandha tiġi notifikata lill-Parti Kontraenti l-oħra mhux aktar tard minn xahrejn qabel id-dħul fis-seħħ ippjanat tagħha. Il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandha tgħarraf minnufih lill-Parti Kontraenti l-oħra f'każ li r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jibqgħux jeżistu aktar u għandha tneħħi dik is-sospensjoni.

    5.    Kull Parti Kontraenti tista' ttemm dan il-Ftehim billi tavża lill-Parti l-oħra b'dan bil-miktub. Dan il-Ftehim jieqaf milli jibqa' fis-seħħ 90 jum wara.

    6.    Tuvalu jista' jissospendi jew itemm dan il-Ftehim biss fil-konfront tal-Istati Membri kollha.

    7.    L-Unjoni tista' tissospendi jew ittemm dan il-Ftehim biss fil-konfront tal-Istati Membri kollha tagħha.

    Magħmul f'żewġ kopji bl-ilsien Bulgaru, Kroat, Ċek, Daniż, Olandiż, Ingliż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ungeriż, Taljan, Latvjan, Litwan, Malti, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol u Żvediż, b'kull test ikollu l-istess awtentiċità.

    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD TAL-IŻLANDA, IN-NORVEĠJA, L-IŻVIZZERA
    U L-LIECHTENSTEIN

    Il-Partijiet Kontraenti jirrimarkaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, b'mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta' Mejju 1999 u tas-26 ta' Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen.

    F'ċirkostanzi bħal dawn ikun mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, min-naħa, u Tuvalu, min-naħa l-oħra, jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir f'termini simili għal dawk ta' dan il-Ftehim.

    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INTERPRETAZZJONI TAL-KATEGORIJA TA’ PERSUNI LI JIVVJAĠĠAW BI SKOP TA’ ATTIVITÀ
    BI ĦLAS KIF JIDDISPONI L-ARTIKOLU 3(2) TA’ DAN IL-FTEHIM

    Xewqana li tkun żgurata interpretazzjoni komuni, il-Partijiet Kontraenti jaqblu li, għall-għan ta' dan il-Ftehim, il-kategorija ta' persuni li jwettqu attività bi ħlas tkopri l-persuni li jidħlu b'għan li jkollhom mestier bi qligħ jew attività b'remunerazzjoni fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra bħala impjegat jew fornitur ta' servizz.

    Din il-kategorija ma għandhiex tkopri:

       negozjanti, jiġifieri persuni li jivvjaġġaw bl-għan ta' deliberazzjonijiet tan-negozju (mingħajr ma jkunu impjegati fil-pajjiż tal-Parti Kontraenti l-oħra),

       sportivi jew artisti li jkunu qed iwettqu attività fuq bażi ad-hoc,

       ġurnalisti mibgħuta mill-midja tal-pajjiż ta' residenza tagħhom, u,

       apprendisti intrakorporattivi.

    L-implimentazzjoni ta' din id-Dikjarazzjoni għandha tkun immonitorjata mill-Kumitat Konġunt fi ħdan ir-responsabbiltà tiegħu skont l-Artikolu 6 ta' dan il-Ftehim, li jista' jipproponi modifiki meta, fuq il-bażi tal-esperjenzi tal-Partijiet Kontraenti, iqis li jkunu meħtieġa.



    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INTERPRETAZZJONI TAL-PERJODU TA' 90 JUM
    FI KWALUNKWE PERJODU TA' 180 JUM KIF STABBILIT FL-ARTIKOLU 4 TA' DAN IL-FTEHIM

    Il-Partijiet Kontraenti jifhmu li l-perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum kif previst mill-Artikolu 4 ta' dan il-Ftehim ifisser soġġorn kontinwu jew bosta soġġorni konsekuttivi, li t-tul ta' żmien totali tagħhom ma jaqbiżx id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.

    Il-kunċett ta' “kwalunkwe” jimplika l-applikazzjoni ta' perjodu ta' referenza mobbli ta' 180 jum, billi wieħed iħares lura lejn kull ġurnata tas-soġġorn fl-aħħar perjodu ta' 180 jum, sabiex jiġi vverifikat jekk ir-rekwiżit tad-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum għadux jiġi ssodisfat. Fost l-oħrajn, dan ifisser li assenza għal perjodu mhux interrott ta' 90 jum tippermetti li jkun hemm soġġorn ġdid ta' mhux aktar minn 90 jum.

    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INFURMAR TAĊ-ĊITTADINI
    DWAR IL-FTEHIM BILATERALI TA' EŻENZJONI MILL-VIŻA

    Filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza tat-trasparenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini ta' Tuvalu, il-Partijiet Kontraenti jiftiehmu li jiżguraw it-tixrid totali ta' informazzjoni dwar il-kontenut u tal-konsegwenzi tal-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża u kwistjonijiet relatati, bħall-kundizzjonijiet għad-dħul fit-territorju.

    _________________

    (1) ĠU L 149, 20.5.2014, p. 67.
    (2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).
    Top