Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016JC0051

    Proposta Konġunta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra

    JOIN/2016/051 final - 2016/0367 (NLE)

    Brussell, 28.11.2016

    JOIN(2016) 51 final

    2016/0367(NLE)

    Proposta Konġunta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.    KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Din il-proposta konġunta tikkonċerna l-konklużjoni tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda u l-Awstralja, min-naħa l-oħra ("il-Ftehim").

    Fl-10 ta' Ottubru 2011, il-Kunsill adotta deċiżjoni 1 li tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea u lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex jinnegozjaw Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra. In-negozjati bdew f'Diċembru 2011 u ġew konklużi b'suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fil-5 ta' Marzu 2015. Il-Ftehim ġie ffirmat fi XXX. Sakemm jidħol fis-seħħ, ċerti partijiet mill-Ftehim, kif deċiż reċiprokament mill-UE u l-Awstralja, se jiġu applikati b'mod proviżorju b'konformità mal-Artikolu 61 tal-Ftehim.

    Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u s-servizzi tal-Kummissjoni kienu involuti fil-proċess ta’ negozjati. L-Istati Membri ġew ikkonsultati matul il-proċess ta’ negozjati f’laqgħat tal-Gruppi ta’ Ħidma rilevanti tal-Kunsill. Il-Parlament Ewropew inżamm infurmat regolarment matul in-negozjati.

    Ir-Rappreżentant l-Għoli u l-Kummissjoni jqisu li l-għanijiet stipulati mill-Kunsill fid-direttivi tiegħu dwar in-negozjati tal-Ftehim intlaħqu, u li l-abbozz tal-Ftehim jista' jitressaq għall-konklużjoni. Din il-proposta konġunta tikkonċerna l-istrument legali li jikkonkludi l-Ftehim f’isem l-UE.

    Il-Ftehim se jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-titjib tas-sħubija bejn l-UE u l-Awstralja, sħubija li hija bbażata fuq valuri u prinċipji kondiviżi, inklużi r-rispett għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem, l-istat tad-dritt, u l-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Il-Ftehim huwa msejjes fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi, u għad-dritt internazzjonali u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li huma l-bażi għall-kooperazzjoni bejn il-Partijiet.

    2.    ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

    2.1    L-għan u l-kontenut tal-ftehim

    L-iskop ta' dan il-Ftehim huwa "li jwaqqaf Sħubija msaħħa bejn il-Partijiet; li jipprovdi qafas biex jiffaċilita u jippromwovi l-kooperazzjoni fuq firxa wiesgħa ta' oqsma ta' interess reċiproku; u li jsaħħaħ il-kooperazzjoni sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet għal sfidi reġjonali u globali" (Artikolu 1 tal-Ftehim).

    Il-kontenut tal-Ftehim ikopri tliet pilastri:

    il-kooperazzjoni politika dwar kwistjonijiet ta' politika barranija u sigurtà ta' interess komuni, inklużi l-armi ta' qerda massiva (AQM), armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW), il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali u l-kooperazzjoni f'fora multilaterali. Il-Ftehim jinkludi klawsoli politiċi vinkolanti bbażati fuq il-valuri kondiviżi. Dawn il-klawsoli huma konformi mal-klawsoli standard li jinsabu fi ftehimiet simili ffirmati mill-UE;

    kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ekonomiċi u kummerċjali, inkluż id-djalogu dwar il-politika ekonomika, il-promozzjoni tal-kummerċ u kwistjonijiet ta’ investiment, u kwistjonijiet ekonomiċi settorjali u kummerċjali bħall-agrikoltura, l-ostakli tekniċi għall-kummerċ, kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji, l-akkwisti pubbliċi u l-proprjetà intellettwali;

    il-kooperazzjoni settorjali, inkluż fl-oqsma tal-ambjent, it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni u l-ażil, it-turiżmu, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-kultura, il-protezzjoni konsulari, il-protezzjoni tad-dejta personali, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità u l-kooperazzjoni ġudizzjarja.

    2.2    Il-bażi ġuridika għad-deċiżjoni proposta

    L-għażla tal-bażi ġuridika għall-konklużjoni ta' ftehim trid tkun imsejsa fuq fatturi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li jinkludi l-għan u l-kontenut tal-miżura.

    Rigward miżura li fl-istess ħin issegwi għadd ta' għanijiet, jew li għandha bosta taqsimiet, li huma marbuta b'mod inseparabbli mingħajr ma' waħda tkun inċidentali għall-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fejn bosta dispożizzjonijiet tat-Trattat huma għalhekk applikabbli, tali miżura għandha tiġi bbażata, b'mod eċċezzjonali, fuq id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti, sakemm il-proċeduri stabbiliti għal kull bażi legali ma jkunux kompatibbli ma' xulxin 2 .

    Il-Ftehim isegwi l-għanijiet u għandu komponenti fl-oqsma tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, il-Politika Kummerċjali Komuni u l-kooperazzjoni tal-iżvilupp. Dawn l-aspetti tal-ftehim huma marbuta b'mod inseparabbli mingħajr ma' wieħed ikun inċidentali għall-ieħor.

    L-Artikolu 218(6)(a)(iii) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li, meta ftehim li jistabbilixxi qafas istituzzjonali speċifiku permezz tal-organizzazzjoni ta’ proċeduri ta’ kooperazzjoni, il-Kunsill irid jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim wara li jkun kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-TFUE jipprevedi li l-Kunsill irid jaġixxi b'mod unanimu meta l-ftehim ikopri qasam li għalih hija meħtieġa l-unanimità għall-adozzjoni ta' att tal-Unjoni.

    Il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni li għalih hija meħtieġa l-unanimità għall-adozzjoni tal-att tal-Unjoni. Bl-istess mod, il-Ftehim jistabbilixxi qafas istituzzjonali billi jorganizza proċeduri ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra.

    Fid-dawl t'hawn fuq, jenħtieġ għalhekk li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Artikolu 207 tat-TFUE u l-Artikolu 212(1) tat-TFUE moqrija flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tat-TFUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-TFUE. Ma huma meħtieġa l-ebda dispożizzjonijiet addizzjonali bħala bażi ġuridika 3 .

    2.3. Il-ħtieġa tad-deċiżjoni proposta

    L-Artikolu 216 tat-TFUE jipprevedi li l-Unjoni tista' tikkonkludi ftehim ma' pajjiż terz wieħed jew aktar meta t-Trattati jipprevedu dan jew meta l-konklużjoni ta' ftehim tkun meħtieġa sabiex jinkiseb, fil-qafas tal-politiki tal-Unjoni, wieħed mill-għanijiet stabbiliti mit-Trattati, jew tkun prevista f'att tal-Unjoni legalment vinkolanti jew x'aktarx tolqot regoli komuni jew li tbiddel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom.

    It-Trattati jipprevedu għall-konklużjoni ta' ftehimiet bħall-Ftehim Qafas, jiġifieri fl-Artikoli 37 tat-TUE, 207 tat-TFUE u 212(1) tat-TFUE.

    2.4.    Aspetti ġuridiċi oħra

    Il-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt, li l-objettiv tiegħu huwa li jissorvelja l-iżvilupp tar-relazzjoni bilaterali bejn il-Partijiet.

    Il-Ftehim jinkludi wkoll mekkaniżmu ta’ sospensjoni. F’każijiet ta’ ksur partikolarment serju u sostanzjali tal-elementi essenzjali tal-Ftehim, il-Ftehim jista’ jiġi sospiż jew mitmum, u miżuri xierqa oħra li jaffettwaw ftehimiet oħrajn jistgħu jittieħdu skont id-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet taħt ftehimiet bħal dawn.

    Ladarba fis-seħħ, il-Ftehim se joħloq qafas ġenerali koerenti u legalment vinkolanti għar-relazzjonijet tal-UE mal-Awstralja.

    2016/0367 (NLE)

    Proposta Konġunta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 207 u l-Artikolu 212(1) flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2016/XXX/UE, il-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), ġie ffirmat fi XXX, u applikat fuq bażi provviżorja skont l-Artikolu 61 tal-Ftehim, sakemm jiġi konkluż f’data aktar tard.

    (2)L-għan tal-Ftehim huwa li jsaħħaħ il-kooperazzjoni f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika li jinkludu d-drittijiet tal-bniedem, in-nonproliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa u l-ġlieda kontra t-terroriżmu; il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ekonomiċi u kummerċjali, is-saħħa, l-ambjent, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, l-edukazzjoni, il-kultura, ix-xogħol, il-ġestjoni tad-diżastri, is-sajd u l-affarijiet marittimi, it-trasport, il-kooperazzjoni legali, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni.

    (3)Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat f'isem l-Unjoni.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra, huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

    It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għandu jippresjedi l-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 56 tal-Ftehim.

    L-Unjoni jew, skont kif ikun il-każ, l-Unjoni u l-Istati Membri, għandhom ikunu rrappreżentati fil-Kumitat Konġunt skont is-suġġett.

    Artikolu 3

    Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna/i li jkollha s-setgħa, li tipproċedi, f'isem l-Unjoni, għan-notifika prevista fl-Artikolu 61(1) tal-Ftehim, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni li tkun marbuta bil-Ftehim.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 14657/11 u d-Deċiżjoni tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu mal-Kunsill 14658/11
    (2) (Kawża C-490/10 il-Parlament v il-Kunsill, ECLI: UE:C:2012:525, paragrafu 46)
    (3) (il-Kawża C-377/12, Il-Kummissjoni v Il-Kunsill ECLI:EU:C:2014:1903)
    Top

    Brussell, 28.11.2016

    JOIN(2016) 51 final

    ANNESS

    għal

    Proposta Konġunta għal
    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra


    Kunsill tal-

    Unjoni Ewropea

    Brussell, 5 ta' Lulju 2016

    (OR. en)

     

    Fajl Interistituzzjonali:

    2016/0113 (NLE)

    9776/16

    COASI 110

    ASIE 41

    AUS 3

    WTO 151

    COCON 14

    ATTI LEĠISLATTIVI U STRUMENTI OĦRA

    Suġġett:

    Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra

    FTEHIM QAFAS

    bejn l-Unjoni Ewropea

    u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda,

    U L-AWSTRALJA, min-naħa l-oħra

    L-Unjoni Ewropea, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,

    u

    IR-RENJU TAL-BELĠJU,

    IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,

    IR-REPUBBLIKA ĊEKA,

    IR-RENJU TAD-DANIMARKA,

    IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,

    L-IRLANDA,

    IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

    IR-RENJU TA' SPANJA

    IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA,

    IR-REPUBBLIKA TALJANA,


    IR-REPUBBLIKA TA' ĊIPRU,

    IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,

    IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

    L-UNGERIJA,

    IR-REPUBBLIKA TA' MALTA,

    IR-RENJU TAN-NETHERLANDS,

    IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,

    IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,

    IR-RUMANIJA,

    IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

    IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,


    IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

    IR-RENJU TAL-IŻVEZJA,

    IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA' FUQ,

    l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Istati Membri”,

       minn naħa waħda, u

    L-AWSTRALJA

       min-naħa l-oħra,

    minn hawn ’il quddiem imsejħa "il-Partijiet",


    FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-valuri komuni tagħhom u r-rabtiet stretti storiċi, politiċi, ekonomiċi u kulturali tagħhom;

    FILWAQT LI JILQGĦU l-progress li sar fl-iżvilupp tar-relazzjoni dewwemija u ta' benefiċċju reċiproku tagħhom permezz tal-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar ir-Relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja fis-26 ta’ Ġunju 1997 u l-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Kooperazzjoni tal-2003;

    FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-interazzjoni u l-kooperazzjoni rivitalizzati bejn l-Awstralja u l-Unjoni li saru sa mill-iżvilupp tal-Qafas ta' Sħubija bejn l-Awstralja u l-Unjoni Ewropea adottat fid-29 ta' Ottubru 2008;

    FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-impenn tagħhom favur l-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (“il-Karta tan-NU”) u għat-tisħiħ tar-rwol tan-Nazzjonijiet Uniti (“NU”);

    FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-impenn tagħhom favur il-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem, kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u strumenti internazzjonali rilevanti oħrajn dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll mal-prinċipji tal-istat tad-dritt u l-governanza tajba;

    FILWAQT LI JENFASIZZAW in-natura komprensiva tar-relazzjoni tagħhom u l-importanza li jingħata qafas koerenti biex jiġi promoss l-iżvilupp ta’ din ir-relazzjoni;

    FILWAQT LI JESPRIMU r-rieda komuni tagħhom biex jelevaw ir-relazzjonijiet tagħhom fi sħubija msaħħa;

    FILWAQT LI JIKKONFERMAW ix-xewqa tagħhom li jintensifikaw u jiżviluppaw id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni tagħhom;

    DETERMINATI li jikkonsolidaw, japprofondixxu u jiddiversifikaw il-kooperazzjoni f’oqsma ta’ interess reċiproku, fil-livelli bilaterali, reġjonali u globali u għall benefiċċju reċiproku tagħhom;


    FILWAQT LI JESPRIMU l-impenn tagħhom li joħolqu ambjent li jwassal għal iktar kummerċ u investiment bilaterali;

    FILWAQT LI JAFFERMAW ir-rieda tagħhom li jsaħħu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà;

    FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-benefiċċji reċiproċi ta' kooperazzjoni msaħħa fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-kultura, ir-riċerka u l-innovazzjoni;

    FILWAQT LI JESPRIMU x-xewqa tagħhom li jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli fid-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tiegħu;

    FILWAQAT LI JIBNU fuq il-ftehimiet konklużi bejn l-Unjoni u l-Awstralja, partikolarment b'rabta max-xjenza, is-servizzi tal-ajru, l-inbid, is-sigurtà tal-informazzjoni klassifikata, il-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità għall-prodotti industrijali u l-iskambju ta' dejta tal-passiġieri bl-ajru;


    FILWAQT LI JINNUTAW li fil-każ li l-Partijiet jiddeċiedu, fil-qafas ta' dan il-Ftehim, li jidħlu fi ftehimiet speċifiċi fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li kellhom jiġu konklużi mill-Unjoni skont Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet ta' tali ftehimiet futuri ma jorbtux lir-Renju Unit u/jew l-Irlanda sakemm l-Unjoni, fl-istess ħin mar-Renju Unit u/jew l-Irlanda fir-rigward tar-relazzjonijiet bilaterali preċedenti rispettivi tagħhom, ma tinnotifikax lill-Awstralja li r-Renju Unit u l-Irlanda intrabat/intrabtu minn tali ftehimiet bħala parti mill-Unjoni b'konformità mal-Protokoll Nru 21 dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizza anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. B'mod simili, kull miżura sussegwenti interna tal-Unjoni li jkollha tiġi adottata skont l-imsemmi Titolu V biex jiġi implimentat dan il-Ftehim, ma torbotx lir-Renju Unit u/jew lill-Irlanda sakemm dawn ma jkunux innotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem jew li jaċċettaw tali miżuri b'konformità mal-Protokoll Nru 21. Filwaqt li jinnutaw ukoll li tali ftehimiet futuri jew tali miżuri interni għall-UE jkunu jaqgħu taħt il-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka annessa ma' dawk it-Trattati,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:


    TITOLU I

    GĦAN U BAŻI TAL-FTEHIM

    ARTIKOLU 1

    Għan tal-Ftehim

    1.    L-għan ta' dan il-Ftehim huwa li:

    (a)    jistabbilixxi sħubija msaħħa bejn il-Partijiet;

    (b)    jipprovdi qafas biex jiffaċilita u jippromwovi l-kooperazzjoni fuq firxa wiesgħa ta' oqsma ta' interess reċiproku; u

    (c)    isaħħaħ il-kooperazzjoni sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet għal sfidi reġjonali u globali.

    2.    F'dan il-kuntest, il-Partijiet jaffermaw l-impenn tagħhom li jintensifikaw id-djalogu politiku fuq livell għoli, u jaffermaw mill-ġdid il-valuri u l-prinċipji komuni li jirfdu r-relazzjonijiet bilaterali tagħhom u jiffurmaw bażi għall-kooperazzjoni.


    ARTIKOLU 2

    Bażi għall-kooperazzjoni

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jsaħħu r-relazzjoni strateġika tagħhom u li jintensifikaw il-kooperazzjoni fil-livelli bilaterali, reġjonali u globali, abbażi tal-valuri u l-interessi komuni.

    2.    Il-Partijiet jikkonfermaw l-impenn tagħhom favur il-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt. Ir-rispett lejn il-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif espressi fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, u strumenti internazzjonali rilevanti oħrajn dwar id-drittijiet tal-bniedem li l-Partijiet irratifikaw jew aderixxew magħhom, u għall-prinċipju tal-istat tad-dritt, jirfed il-politiki domestiċi u internazzjonali tal-Partijiet u jikkonstitwixxi element essenzjali ta' dan il-Ftehim.

    3.    Il-Partijiet jikkonfermaw l-appoġġ qawwi tagħhom lejn il-Karta tan-NU u lejn il-valuri kondiviżi espressi fiha.

    4.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom favur il-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp sostenibbli, li jikkontribwixxu għall-kisba ta' għanijiet ta' żvilupp maqbula internazzjonalment, u li jikkooperaw biex jindirizzaw sfidi ambjentali globali, inkluż it-tibdil fil-klima.

    5.    Il-Partijiet jenfasizzaw l-impenn komuni tagħhom favur in-natura komprensiva tar-relazzjoni bilaterali tagħhom u li jżommu koerenza ġenerali f'dan ir-rigward, abbażi ta' dan il-Ftehim.


    6.    L-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim tkun ibbażata fuq il-prinċipji tad-djalogu, ir-rispett reċiproku, is-sħubija ugwali, il-kunsens, u r-rispett għad-dritt internazzjonali.

    TITOLU II

    DJALOGU POLITIKU U KOOPERAZZJONI
    DWAR POLITIKA ESTERA U KWISTJONIJIET TA' SIGURTÀ

    ARTIKOLU 3

    Djalogu politiku

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jsaħħu d-djalogu politiku regolari tagħhom.

    2.    Id-djalogu politiku jfittex li:

    (a)    jippromwovi l-iżvilupp tar-relazzjoni bilaterali; u

    (b)    isaħħaħ l-approċċi komuni tal-Partijiet u jidentifika fejn hemm lok għal kooperazzjoni dwar sfidi u kwistjonijiet reġjonali u globali.

    3.    Id-djalogu bejn il-Partijiet isir b'mod partikolari bil-modi li ġejjin:

    (a)    konsultazzjonijiet, laqgħat u żjarat fil-livell tal-mexxejja, li jsiru kull meta l-partijiet iqisu li huwa meħtieġ;


    (b)    konsultazzjonijiet, laqgħat u żjarat fuq il-livell ministerjali, inklużi konsultazzjonijiet fil-livell ta' ministri tal-affarijiet barranin, u laqgħat ministerjali dwar il-kummerċ u kwistjonijiet oħra kif determinat mill-Partijiet, li jsiru meta u fejn jiddeterminaw il-Partijiet;

    (c)    laqgħat tal-uffiċjali għolja, li jsiru kif xieraq fuq kwistjonijiet bilaterali, il-politika barranija, is-sigurtà internazzjonali, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kummerċ, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, it-tibdil fil-klima, u kwistjonijiet oħra kif determinat mill-Partijiet;

    (d)    djalogi settorjali dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni; kif ukoll

    (e)    skambji ta' delegazzjonijiet u kuntatti oħrajn bejn il-Parlament tal-Awstralja u l-Parlament Ewropew.

    ARTIKOLU 4

    Impenn favur il-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt

    Il-Partijiet jaqblu li:

    (a)    jippromwovu l-prinċipji fundamentali rigward il-valuri demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, inkluż f'fora multilaterali;

    (b)    jikkollaboraw u jikkoordinaw, fejn xieraq, u inkluż ma' pajjiżi terzi, fir-rigward tal-avvanz prattiku tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;


    (c)    irawmu l-parteċipazzjoni fl-isforzi tal-parti l-oħra biex tippromwovi d-demokrazija, inkluż permezz tal-istabbiliment ta' arranġamenti biex tiġi faċilitata l-parteċipazzjoni f'missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali.

    ARTIKOLU 5

    Ġestjoni tal-kriżijiet

    1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jikkooperaw fil-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

    2.    Għal dan il-għan, jesploraw possibiltajiet biex jikkoordinaw attivitajiet ta' ġestjoni ta' kriżijiet, inkluża kooperazzjoni possibbli f'operazzjonijiet ta' ġestjoni ta' kriżijiet.

    3.    Il-Partijiet jaħdmu biex jimplimentaw il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Awstralja f'operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta' kriżijiet.

    ARTIKOLU 6

    Ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva

    1.    Il-Partijiet jikkunsidraw li l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva (AQM) u s-sistemi ta' kunsinna tagħhom, kemm għand atturi statali kif ukoll mhux statali, tirrappreżenta waħda mill-akbar theddidiet serji għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali.


    2.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw u jikkontribwixxu fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u s-sistemi ta' kunsinna tagħhom permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-obbligi eżistenti tagħhom skont trattati u ftehimiet internazzjonali ta' diżarmament u nonproliferazzjoni, u ftehimiet oħrajn relevanti li l-Partijiet ikunu rratifikaw jew aderixxew għalihom. Il-Partijiet jaqblu li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi element essenzjali ta' dan il-Ftehim.

    3.    Barra minn hekk, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw u jikkontrobwixxu fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u s-sistemi ta' kunsinna tagħhom billi:

    (a)    jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiffirmaw, jirratifikaw jew jaderixxu għal, kif xieraq, u jimplimentaw kompletament l-istrumenti internazzjonali relevanti kollha u li jippromwovu tali strumenti;

    (b)    iżommu sistema effettiva ta' kontrolli fuq l-esportazzjonijiet nazzjonali, li tikkontrolla l-esportazzjoni kif ukoll it-tranżitu tal-prodotti relatati mal-AQM, li tinkludi l-kontroll tal-użu aħħari tal-AQM fuq it-teknoloġiji b'użu doppju, u li tipprevedi sanzjonijiet effettivi għall-ksur tal-kontrolli fuq l-esportazzjoni;

    (c)    jippomwovu l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti relevanti kollha;

    (d)    jikkooperaw f'reġimi ta' kontroll tal-esportazzjoni u f'fora multilateali biex jippromwovu n-nonproliferazzjoni tal-AQM.

    (e)    jikkollaboraw u jikkordinaw attivitajiet ta' lħiq relatati mas-sikurezza, is-sigurtà u n-nonproliferazzjoni kimika, bijoloġika, radjoloġika u nukleari u s-sanzjonijiet; u

    (f)    jiskambjaw informazzjoni relevanti dwar miżuri meħuda taħt dan l-artiklu, fejn xieraq u skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.


    4.    Il-Partijiet jaqblu li jżommu għaddej djalogu politiku li jakkumpanja u jikkonsolida dawn l-elementi.

    ARTIKOLU 7

    Armi ħfief u ta' kalibru żgħir u armi konvenzjonali oħra

    1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-manifattura, it-trasferiment u ċ-ċirkolazzjoni illegali ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW), u l-munizzjon tagħhom, u l-akkumulazzjoni eċċessiva tagħhom, il-ġestjoni ħażina, il-ħażniet li mhumiex adegwatament siguri u t-tixrid mhux ikkontrollat tagħhom, ikomplu joħolqu theddida serja għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

    2.    Il-Partijiet jaqblu li josservaw u jimplimentaw kompletament l-obbligi rispettivi tagħhom biex jittrattaw il-kummerċ illeċitu tas-SALW u l-munizzjoni tagħhom, taħt ftehimiet internazzjonali eżistenti li l-Awstralja u jew l-Unjoni u/jew l-Istati Membri jkunu rratifikaw jew aderixxew magħhom, skont il-kompetenzi tagħhom u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

    3.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta' sistemi ta' kontroll domestiku għat-trasferiment ta' armi konvenzjonali f'konformità ma' standards internazzjonali eżistenti. Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li japplikaw dawn il-kontrolli b'mod responsabbli, bħala kontribut għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali u reġjonali, u għat-tnaqqis tat-tbatija tal-bnedmin, kif ukoll il-prevenzjoni tad-devjazzjoni ta' armi konvenzjonali.


    4.    F'dan ir-rigward, il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jagħmlu ħilithom biex jimplimentaw b'mod sħiħ it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi u li jikkooperaw flimkien fil-qafas tat-Trattat, inkluż fil-promozzjoni tal-universalizzazzjoni u tal-implimentazzjoni sħiħa tat-Trattat mill-Istati Membri kollha tan-NU.

    5.    Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jikkooperaw u li jiżguraw il-koordinazzjoni, il-kumplementarjetà u s-sinerġija fl-isforzi tagħhom biex jittrattaw il-kummerċ illeċitu tas-SALW u l-munizzjoni tagħhom fuq il-livelli globali, reġjonali, sottoreġjonali, u nazzjonali, sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-embargi fuq l-armi deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU b'konformità mal-Karta tan-NU.

    ARTIKOLU 8

    Delitti serji ta' tħassib internazzjonali u l-Qorti Kriminali Internazzjonali

    1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid li l-aktar reati serji ta’ tħassib għall-komunità internazzjonali b’mod ġenerali ma jistgħux ma jiġux penalizzati u li l-prosekuzzjoni tagħhom għandha tiġi żgurata permezz ta' miżuri fil-livell domestiku jew internazzjonali, inkluż permezz tal-Qorti Kriminali Internazzjonali.

    2.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-promozzjoni tal-miri u l-objettivi tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u għal dan il-għan jaqblu li:

    (a)    ikomplu jieħdu passi biex jimplimentaw l-Istatut ta' Ruma u li jikkunsidraw ir-ratifika u l-implimentazzjoni ta' strumenti relatati (bħall-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Qorti Kriminali Internazzjonali);


    (b)    ikomplu jippromwovu l-adeżjoni universali mal-Istatut ta' Ruma, inkluż billi jaqsmu ma' Stati oħra l-esperjenzi tal-adozzjoni ta' miżuri meħtieġa għar-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Istatut ta' Ruma; u

    (c)    jissalvagwardjaw l-integrità tal-Istatut ta' Ruma billi jħarsu l-prinċipji fundamentali tiegħu, inkluż billi jastjenu milli jidħlu fi ftehimiet bilaterali ta' immunità (magħrufin ukoll bħala "Ftehimiet tal-Artikolu 98") ma Stati terzi u billi jħeġġu lil oħrajn biex jastjenu wkoll.

    ARTIKOLU 9

    Kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu

    1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-importanza tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, b'rispett sħiħ lejn l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u b'konformità mad-dritt internazzjonali applikabbli, inkluża l-Karta tan-NU, konvenzjonijiet internazzjonali kontra t-terroriżmu, ir-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, il-liġi dwar ir-refuġjati u l-liġi umanitarja internazzjonali.

    2.    F’dan il-qafas u filwaqt li jqisu l-Istrateġija Globali tan-NU kontra t-terroriżmu, li tinsab fir-Riżoluzzjoni 60/288 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-8 ta’ Settembru 2006 u l-analiżi tal-implimentazzjoni tagħha, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-prevenzjoni u t-trażżin ta' atti terroristiċi, b'mod partikolari billi:

    (a)    jiskambjaw informazzjoni dwar gruppi terroristiċi u n-netwerks li jappoġġjawhom skond il-liġi internazzjonali u nazzjonali;


    (b)    jiskambjaw ideat dwar mezzi u metodi użati kontra t-terroriżmu, inkluż f’oqsma tekniċi u t-taħriġ, u jaqsmu flimkien esperjenzi b’rabta mal-prevenzjoni tat-terroriżmu.

    (c)    jidentifikaw oqsma għall-kooperazzjoni futura, inkluż dwar il-prevenzjoni tar-reklutaġġ u r-radikalizzazzjoni u fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, u permezz ta' sħubijiet ma' pajjiżi terzi;

    (d)    fejn ikun prattiku u xieraq, jappoġġjaw inizjattivi reġjonali għall-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, fuq bażi ta' rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

    (e)    jikkooperaw sabiex japprofondixxu l-kunsens internazzjonali dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-qafas normattiv tiegħu u billi jaħdmu għal ftehim dwar il-Konvenzjoni Komprensiva dwar it-Terroriżmu Internazzjonali;

    (f)    jippromwovu l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri tan-NU biex jimplimentaw b'mod effettiv l-Istrateġija Globali tan-NU Kontra t-Terroriżmu bil-mezzi kollha xierqa; u

    (g)    jiskambjaw l-aħjar prattiki fir-rispett tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

    3.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li, fejn xieraq, jaħdmu flimkien sabiex jipprovdu assistenza għall-bini ta’ kapaċità kontra t-terroriżmu lil stati oħrajn li jeħtieġu riżorsi u għarfien espert biex jevitaw u jirrispondu għal attivitajiet terroristiċi.


    4.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw mill-qrib fil-qafas tal-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu u l-gruppi ta’ ħidma tiegħu.

    5.    Il-Partijiet jaqblu li jżommu għaddej djalogu regolari dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu fuq il-livell ta' uffiċjali.

    ARTIKOLU 10

    Kooperazzjoni f’organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali

    Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jikkooperaw billi jiskambjaw il-fehmiet u, fejn xieraq, jikkoordinaw pożizzjonijiet f'organizzazzjonijiet u fora internazzjonali u reġjonali, inkluż in-NU u l-aġenziji speċjalizzati tagħha, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ ("WTO"), il-Grupp tal-Għoxrin ("G20"), il-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB), l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi ("OECD"), il-Grupp tal-Bank Dinji u l-banek għall-iżvilupp reġjonali, il-Laqgħa Asja-Ewropa ("ASEM"), l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa ("OSCE"), il-Forum Reġjonali tal-ASEAN ("ARF"), il-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku ("PIF") u s-Segretarjat tal-Komunità tal-Paċifiku.

    ARTIKOLU 11

    Sigurtà internazzjonali u ċiberspazju

    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-fehmiet fil-qasam tas-sigurtà internazzjonali u ċ-ċiberspazju, inkluż dwar in-normi ta' kondotta u l-applikazzjoni tad-dritt internazzjonali fiċ-ċiberspazju, l-iżvilupp ta' miżuri li jibnu l-kunfidenza u l-bini ta' kapaċità.


    TITOLU III

    KOOPERAZZJONI DWAR L-IŻVILUPP GLOBALI U L-GĦAJNUNA UMANITARJA

    ARTIKOLU 12

    Żvilupp

    1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar, li jsaħħu l-kooperazzjoni fir-rigward tal-iżvilupp internazzjonali u li jippromwovu l-effettività tal-għajnuna u l-iżvilupp, b'enfasi partikolari fuq l-implimentazzjoni fuq il-livell ta' pajjiż.

    2.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-valur li jaħdmu flimkien biex jiżguraw li l-attivitajiet ta' żvilupp ikollhom impatt, medda u influenza ikbar.

    3.    Għal dan l-għan, il-Partijiet jaqblu li:

    (a)    jkollhom djalogu ta' politika dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

    (b)    jiskambjaw fehmiet u, fejn xieraq, jikkoordinaw pożizzjonijiet dwar kwistjonijiet ta' żvilupp f'fora reġjonali u internazzjonali sabiex jippromwovu t-tkabbir inklussiv u sostenibbli għall-iżvilupp uman;


    (c)    jiskambjaw informazzjoni dwar il-programmi tal-iżvilupp rispettivi tagħhom u, fejn xieraq, jikkoordinaw l-interazzjoni tagħhom fil-pajjiż biex iżidu l-kontribuzzjoni tagħhom lejn it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar billi jippromwovu sinerġiji bejn il-programmi rispettivi tagħhom, li jtejbu t-tqassim tax-xogħol u jsaħħu l-effettività fuq il-post; u

    (d)    jagħmlu kooperazzjoni dwar l-għajnuna delegata f'isem xulxin, fejn xieraq, abbażi ta' arranġamenti determinati reċiprokament mill-Partijiet.

    ARTIKOLU 13

    Għajnuna Umanitarja

    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn komuni tagħhom favur l-għajnuna umanitarja u jagħmlu ħilithom biex joffru risponsi koordinati kif xieraq.


    TITOLU IV

    KOOPERAZZJONI DWAR KWISTJONIJIET EKONOMIĊI U KUMMERĊJALI

    ARTIKOLU 14

    Djalogu dwar il-politika ekonomika

    Il-Partijiet jaqblu li żjommu għaddej id-djalogu bejn l-awtoritajiet tagħhom u li jippromwovu l-iskambju ta' informazzjoni u l-qsim ta' esperjenzi dwar il-politiki u x-xejriet makroekonomiċi rispettivi tagħhom, inkluż l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi fil-kuntest tal-kooperazzjoni ekonomika u integrazzjoni reġjonali.

    ARTIKOLU 15

    Djalogu u kooperazzjoni dwar il-kummerċ u l-investiment

    1.    Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jikkooperaw sabiex jiżguraw il-kondizzjonijiet għal, u l-promozzjoni ta', iktar kummerċ u investiment bejniethom.

    2.    Il-Partijiet huma impenjati favur djalogu u kooperazzjoni f'livell għoli f'oqsma relatati mal-kummerċ u l-investiment sabiex jiffaċilitaw il-flussi bilaterali tal-kummerċ u l-investiment, biex jipprevjenu u jneħħu ostakli nontariffarji għall-kummerċ u l-investiment, li jtejbu t-trasparenza li javvanzaw is-sistema kummerċjali multilaterali.


    3.    Id-djalogu dwar kwistjonijiet ta' kummerċ u investiment jinkludi:

    (a)    djalogu annwali rigward il-politiki fil-livell ta' uffiċjali għolja, ikkumplementat minn laqgħat ministerjali dwar il-kummerċ, meta jiddeċiedu l-Partijiet;

    (b)    djalogi dwar il-kummerċ u l-kummerċjalizzazzjoni agrikoli, kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji; u

    (c)    skambji settorjali oħra, meta jiddeċiedu l-Partijiet;

    4.    Il-Partijiet iżommu lil xulxin infurmati u jiskambjaw fehmiet dwar l-iżvilupp tal-kummerċ bilaterali u internazzjonali, l-aspetti relatati mal-kummerċ u l-investiment ta' politiki oħrajn, inklużi kwistjonijiet regolatorji b'impatt potenzjali fuq il-kummerċ u l-investiment bilaterali.

    5.    Il-Partijiet jiskambjaw informazzjoni dwar l-approċċi tal-politiki tagħhom lejn il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTAs) u l-aġendi FTA rispettivi tagħhom. Dan il-ftehim la jeħtieġ u la jipprekludi n-negozjar u l-konklużjoni ta' FTA bejn il-Partijiet fil-ġejjieni biex jikkomplementa u jestendi d-dispożizzjonijiet ekonomiċi ta' dan il-Ftehim.

    6.    Filwaqt li jirrikonoxxu l-valur tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ bħala mutur tat-tkabbir ekonomiku globali u l-importanza li dan isir permezz ta' sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, il-Partijiet jaffermaw l-impenn tagħhom li jaħdmu flimkien fid-WTO sabiex jiksbu iktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ.


    ARTIKOLU 16

    Investiment

    Il-Partijiet jippromwovu ambjent attraenti u stabbli għall-investiment bidirezzjonali permezz tad-djalogu, immirat li:

    (a)    isaħħaħ il-fehim reċiproku u l-kooperazzjoni bejniethom fuq kwistjonijiet ta' investiment;

    (b)    jesplora mekkaniżmi biex il-flussi ta' investiment jiġu ffaċilitati; u

    (c)    irawwem regoli għall-investituri li huma stabbli, trasparenti, nondiskriminatorji u miftuħa, mingħajr ħsara għall-impenji tal-Partijiet taħt ftehimiet preferenzjali u obbligi internazzjonali oħrajn.

    ARTIKOLU 17

    Akkwist pubbliku

    1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom favur oqfsa tal-akkwist pubbliku miftuħa u trasparenti, konsistenti mal-obbligi internazzjonali tagħhom, li jippromwovu valur tajjeb għall-flus, swieq kompetittivi, u prattiki ta' akkwist nondiskriminatorji u b'hekk jissaħħaħ il-kummerċ bejn il-Partijiet.


    2.    Il-Partijiet jaqblu li jkomplu jsaħħu l-konsultazzjoni, il-kooperazzjoni u l-iskambji ta’ esperjenza u l-aħjar prattiki tagħhom fil-qasam tal-akkwist pubbliku fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ interess reċiproku, inkluż dwar l-oqfsa regolatorji rispettivi tagħhom.

    3.    Il-Partijiet jaqblu li jesploraw modi biex ikomplu jippromwovu l-aċċess għas-swieq ta' xulxin f'dak li jirrigwarda l-akkwist pubbliku, u jiskambjaw fehmiet dwar miżuri u prattiki li jistgħu jaffetwaw b'mod ħażin il-kummerċ tal-akkwist pubbliku bejniethom.

    ARTIKOLU 18

    Ostakli tekniċi għall-kummerċ

    1.    Il-Partijiet għandhom il-fehma komuni li kompattibbiltà ikbar tal-istandards, ir-regolamenti tekniċi u l-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità hija element ewlieni fl-iffaċilitar tal-kummerċ.

    2.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-interess reċiproku tagħhom li jitnaqqsu l-ostakli tekniċi għall-kummerċ, u għal dan il-għan jaqblu li jikkooperaw fil-qafas tal-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ tad-WTO u permezz tal-Ftehim dwar l-għarfien reċiproku b’relazzjoni mal-istima ta’ konformità, ċertifikati u mmarkat bejn il-Komunità Ewropea u l-Awstralja.


    ARTIKOLU 19

    Kwistjonijiet sanitarji, fitosanitarji u tat-trattament xieraq tal-annimali

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jsaħħu l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji ("SPS") biex iħarsu l-ħajja tal-bnedmin, l-annimali u l-pjanti fit-territorju tal-Partijiet, filwaqt li jinnutaw id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet taħt il-Ftehim tad-WTO dwar l-Applikazzjoni tal-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji ("il-Ftehim SPS").

    2.    Fil-qafas tal-Ftehim SPS u l-istandards relevanti internazzjonali tal-Codex Alimentarius, il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti ("IPPC") u l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali ("OIE"), il-Partijiet jaqsmu l-informazzjoni ma' xulxin sabiex isaħħu l-fehim reċiproku tal-miżuri SPS rispettivi tagħhom u jiffaċilitaw il-kummerċ bejn il-Partijiet billi:

    (a)    jiltaqgħu regolarment f'fora xierqa determinati mill-Partijiet biex jiskambjaw fehmiet dwar il-leġiżlazzjoni, l-implimentazzjoni, is-sistemi ta' spezzjoni u ċertifikazzjoni u l-proċeduri ta' sorveljanza relatati mal-SPS u t-trattament xieraq tal-annimali, u li jindirizzaw kwistjonijiet li jinbtu mill-applikazzjoni ta' miżuri SPS;

    (b)    jagħmlu ħilithom biex japplikaw rekwiżiti ta' importazzjoni għat-territorju sħiħ tal-Parti esportatriċi, inkluża l-applikazzjoni tal-prinċipji tar-reġjonalizzazzjoni;


    (c)    b'mod konformi mal-Ftehim SPS:

    (i)    jirrikonoxxu żoni ħielsa mill-pesti u l-mard, u żoni bi prevalenza baxxa ta' pesti jew mard;

    (ii)    iwettqu kontroll sħiħ jew parzjali tas-sistema ta' spezzjoni u ċertifikazzjoni tal-awtoritajiet tal-Parti esportatriċi;

    (d)    jiskambjaw informazzjoni dwar kwistjonijiet SPS u t-trattament xieraq tal-annimali li jaffettwaw jew jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn il-Partijiet, bħal miżuri ta' emerġenza, mard u pesti emerġenti, u evidenza xjentifika ġdida.

    3.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni dwar kwistjonijiet tat-trattament xieraq tal-annimali.

    4.    Il-Partijiet jikkooperaw ukoll fuq kwistjonijiet SPS u tat-trattament xieraq tal-annimali permezz ta' oqfsa multilaterali relevanti, inkluż id-WTO, il-Kummissjoni tal-Codex Alimentarius, l-IPPC u l-OIE.

    ARTIKOLU 20

    Dwana

    Il-Partijiet, suġġett għal-leġiżlazzjoni rispettiva tagħhom, jikkooperaw fil-qasam doganali fuq bażi bilaterali u multilaterali. Għal dan l-għan, jaqblu b'mod partikolari li jaqsmu flimkien l-esperjenzi tagħhom u jeżaminaw il-possibiltajiet li jissimplifikaw il-proċeduri doganali, jiżguraw it-trasparenza u jsaħħu l-kooperazzjoni f'oqsma bħall-faċilitazzjoni tal-kummerċ, is-sigurtà u s-sikurezza tal-kummerċ internazzjonali u l-ġlieda kontra l-frodi doganali.


    ARTIKOLU 21

    Proprjetà intellettwali

    1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-importanza tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inklużi d-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, trademarks, indikazzjonijiet ġeografiċi, disinji industrijali, drittijiet fuq varjetajiet ta' pjanti u privattivi, u l-infurzar tagħhom, f’konformità mal-ogħla standards internazzjonali li kull Parti taderixxi għalihom.

    2.    Il-Partijiet jaqblu li jiskambjaw informazzjoni u li jaqsmu flimkien l-esperjenza dwar il-kwistjonijiet tal-proprjetà intellettwali li jirrelataw mal-amministrazzjoni, il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali permezz ta' forom ta' kooperazzjoni xierqa.

    ARTIKOLU 22

    Politika dwar il-kompetizzjoni

    Il-Partijiet jippromwovu l-kompetizzjoni f'attivitajiet ekonomiċi billi jinfurzaw il-liġijiet u r-regolamenti dwar il-kompetizzjoni rispettivi tagħhom. Il-Partijiet jaqblu li jaqsmu informazzjoni dwar il-politika tal-kompetizzjoni u kwistjonijiet relatati u li jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tagħhom.


    ARTIKOLU 23

    Servizzi

    Il-Partijiet jistabbilixxu djalogu sostantiv immirat li jippromwovi l-kummerċ bilaterali fis-servizzi u li jiskambjaw l-informazzjoni dwar l-ambjenti superviżorji rispettivi tagħhom.

    ARTIKOLU 24

    Servizzi finanzjarji

    Fir-rigward tas-servizzi finanzjarji, il-Partijiet jaqblu li jżommu għaddej l-iskambju ta' informazzjoni u esperjenzi dwar l-ambjenti superviżorji u regolatorji rispettivi tagħhom, u li jsaħħu l-kooperazzjoni bil-ħsieb li jtejbu s-sistemi ta' kontabilità, awditjar, superviżjoni u regolazzjoni għas-setturi bankarji, assigurattivi u partijiet oħrajn mis-settur finanzjarju.

    ARTIKOLU 25

    Tassazzjoni

    1.    Bil-ħsieb li jissaħħu u jiġu żviluppati l-attivitajiet ekonomiċi b'kunsiderazzjoni għall-ħtieġa ta' qafas regolatorju xieraq, il-Partijiet jirrikonoxxu u jimpenjaw ruħhom li fil-qasam tat-taxxi jimplimentaw il-prinċipji tal-governanza tajba, inklużi t-trasparenza, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-evitar ta' prattiki ta' taxxa dannużi.


    2.    Skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom, il-Partijiet jaħdmu flimkien, inkluż permezz ta' fora internazzjonali xierqa, biex itejbu l-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tat-taxxa u jiffaċilitaw il-ġbir ta' dħul leġittimu mit-taxxa, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji tal-governanza tajba mesmmija fil-paragrafu 1.

    ARTIKOLU 26

    Trasparenza

    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tat-trasparenza u l-proċess ġust fl-amministrazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti relatati mal-kummerċ kif stabbilit fl-Artikolu X tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ ("GATT 1994") u l-Artikolu III tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi ("GATS"), u għal dan l-għan jaqblu li jsaħħu l-kooperazzjoni u jiskambjaw l-informazzjoni sabiex jippromwovu l-kwalità u l-prestazzjoni regolatorja u l-prinċipji tal-imġiba amministrattiva tajba.

    ARTIKOLU 27

    Materja prima

    1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu li approċċ trasparenti msejjes fuq is-suq huwa l-aħjar mod li bih jinħoloq ambjent li jiffavorixxi l-investiment fil-produzzjoni u l-kummerċ ta' materja prima, u li jrawwem l-allokazzjoni u l-użu effiċjenti tal-materja prima.


    2.    Il-Partijiet, filwaqt li jqisu l-politiki u għanijiet ekonomiċi tagħhom, u bil-ħsieb li jrawmu l-kummerċ, jaqblu li jsaħħu l-kooperazzjoni fuq kwistjonijiet relatati mal-materja prima, bil-ħsieb li jsaħħu qafas għall-kummerċ tal-materja prima msejjes fuq ir-regoli, u li jippromwovu t-trasparenza fis-swieq globali tal-materja prima.

    3.    Suġġetti għall-kooperazzjoni jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn:

    (a)    kwistjonijiet ta’ provvista u domanda, kwistjonijiet bilaterali dwar il-kummerċ u l-investiment, kif ukoll kwistjonijiet ta’ interess li jinbtu mill-kummerċ internazzjonali;

    (b)    l-oqfsa regolatorji rispettivi tal-Partijiet u

    (c)    l-aħjar prattiki fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli tal-industrija tal-minjieri, inkluża l-politika dwar il-minerali, l-ippjanar tal-użu tal-art u proċeduri ta’ awtorizzazzjoni.

    4.    Il-Partijeit se jikkooperaw permezz tad-djalogu bilaterali jew f'istituzzjonijiet internazzjonali jew kuntesti plurilaterali relevanti.

    ARTIKOLU 28

    Kummerċ u żvilupp sostenibbli

    1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-promozzjoni tal-iżvilupp tal-kummerċ u l-investiment internazzjonali, b'tali mod li jikkontribwixxu għall-objettiv tal-iżvilupp sostenibbli u u se jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li dan l-objettiv jiġi rrealizzat fl-oqsma relevanti tar-relazzjoni ekonomika tagħhom.


    2.    Il-Partijiet jirrikonoxxu d-dritt ta' kull Parti li tistabbilixxi l-livelli proprji ta' protezzjoni domestika tal-ambjent u tax-xogħol, u li tadotta jew timmodifika l-liġijiet u l-politiki rilevanti tagħha, b'mod konsistenti mal-impenn tagħhom favur standards u ftehimiet rikonoxxuti internazzjonalment.

    3.    Il-Partijiet jirrikonoxxu wkoll li għandhom jevitaw li jinkoraġġixxu l-kummerċ jew l-investiment billi jnaqqsu jew joffru li jnaqqsu l-livelli ta' protezzjoni mogħtija fil-liġijiet domestiċi ambjentali u tax-xogħol.

    4.    Il-Partijiet jiskambjaw l-informazzjoni u jaqsmu flimkien l-esperjenza dwar l-azzjonijiet tagħhom biex jippromwovu l-koerenza u l-appoġġ reċiproku bejn l-objettivi kummerċjali, soċjali u ambjentali, inklużi l-aspetti stipulati fit-Titolu VIII, u jsaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' żvilupp sostenibbli li jistgħu jinqalgħu fil-kuntest tar-relazzjonijiet kummerċjali.

    ARTIKOLU 29

    Kooperazzjoni kummerċjali

    1.    Il-Partijiet jinkoraġġixxu konnessjonijet iktar b'saħħithom bejn in-negozji u jsaħħu l-konnessjonijiet bejn il-gvernijiet u n-negozji permezz ta' żjarat bidirezzjonali, kif ukoll permezz ta' attivitajiet li jinvolvu n-negozju, inkluż fil-kuntest tal-ASEM.

    2.    B’mod partikolari, din il-kooperazzjoni jkollha l-għan li ttejjeb il-kompetittività tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Din il-kooperazzjoni tista' tinkludi, fost l-oħrajn:

    (a)    l-istimulazzjoni tat-trasferiment tat-teknoloġija;


    (b)    l-iskambju ta' prattiki tajbin dwar l-aċċess għall-finanzjament;

    (c)    il-promozzjoni tar-responsabbiltà soċjali korporattiva u l-obbligu ta' rendikont; u

    (d)    l-iżvilupp tal-kooperazzjoni eżistenti dwar l-istandards u l-valutazzjoni tal-konformità.

    3.    Il-Partijiet jaqblu li jiffaċilitaw u jiżviluppaw djalogu u kooperazzjoni bejn l-aġenziji li jippromwovu l-kummerċ u l-investiment rispettivi tagħhom.

    ARTIKOLU 30

    Soċjetà ċivili

    Il-Partijiet jinkoraġġixxu d-djalogu bejn l-organizzazzjonijiet governattivi u nongovernattivi, bħalma huma t-trejdjunjins, l-impjegaturi, l-assoċjazzjonijiet tan-negozju, u l-kmamar tal-kummerċ u l-industrija, bil-ħsieb li jippromwovu l-kummerċ u l-investiment f’oqsma ta’ interess reċiproku.

    ARTIKOLU 31

    Turiżmu

    Filwaqt li jirrikonoxxu l-valur tat-turiżmu fl-approfondiment tal-fehim u l-apprezzament reċiproku bejn il-popli tal-Unjoni Ewropea u tal-Awstralja, u l-benefiċċji ekonomiċi li jirriżultaw minn żieda fit-turiżmu, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw bil-għan li jiżdied it-turiżmu fiż-żewġ direzzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Awstralja.


    TITOLU V

    KOOPERAZZJONI DWAR IL-ĠUSTIZZJA, IL-LIBERTÀ U S-SIGURTÀ

    ARTIKOLU 32

    Kooperazzjoni legali

    1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tad-dritt internazzjonali privat u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u legali f'materji ċivili u kummerċjali biex jappoġġjaw ambjent li jiffaċilita l-kummerċ u l-investiment internazzjonali u l-mobilità tal-persuni. Il-Partijiet jaqblu li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom, inkluż permezz tan-negozjar, ir-ratifika u l-implimentazzjoni ta' ftehimiet internazzjonali, bħal dawk adottati fil-qafas tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

    2.    Il-Partijiet jaqblu li jiffaċilitaw u jinkoraġġixxu s-soluzzjoni arbitrali ta’ tilwimiet ċivili u kummerċjali privati internazzjonali, fejn ikun xieraq , skont l-istrumenti internazzjonali applikabbli.

    3.    Rigward il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, il-Partijiet isaħħu l-kooperazzjoni dwar l-għajnuna legali reċiproka abbażi ta' strumenti internazzjonali relevanti. Din tista’ tinkludi, fejn xieraq, l-adeżjoni ma’, u l-implimentazzjoni ta’ strumenti rilevanti tan-NU. Tista’ tinkludi wkoll, fejn xieraq, appoġġ għal strumenti rilevanti tal-Kunsill tal-Ewropa u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet Awstraljani u l-Eurojust.


    ARTIKOLU 33

    Kooperazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi

    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw bejn l-awtoritajiet, l-aġenziji u s-servizzi tal-infurzar tal-liġi u li jikkontribwixxu sabiex ifixklu u jiżmantellaw theddidiet ta’ kriminalità transnazzjonali komuni għall-Partijiet. Din il-kooperazzjoni tista’ tieħu l-forma ta’ assistenza reċiproka fl-investigazzjonijiet, il-kondiviżjoni ta’ metodi investigattivi, edukazzjoni u taħriġ konġunti għall-persunal tal-infurzar tal-liġi u kwalunkwe tip ieħor ta’ attività u għajnuna konġunti kif jista’ jiġi deċiż b’mod reċiproku mill-Partijiet.

    ARTIKOLU 34

    Il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata transnazzjonali

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-prevenzjoni u t-trażżin tat-terroriżmu kif stabbilit fl-Artikolu 9.

    2.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jikkooperaw fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, ekonomika u finanzjarja, il-korruzzjoni, l-iffalsifikar u t-tranżazzjonijiet illegali, billi jikkonformaw b’mod sħiħ mal-obbligi internazzjonali reċiproki tagħhom eżistenti f’dan il-qasam, inklużi dawk dwar il-kooperazzjoni effettiva fl-irkupru ta’ assi jew fondi li ġejjin minn atti ta’ korruzzjoni.

    3.    Fil-kuntest tal-prevenzjoni, id-detezzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi jew ta' kriminalità internazzjonali serja, il-Partijiet jagħrfu l-importanza tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri.


    4.    Il-Partijiet jippromwovu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Protokolli li jissuplimentawha, inkluża l-promozzjoni ta' mekkaniżmi ta' rieżami b'saħħithom u effiċjenti.

    5.    Il-Partijiet jippromwovu wkoll l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni, inkluża l-operazzjoni ta' mekkaniżmu ta' rieżami b'saħħtu, filwaqt li jqisu l-prinċipji tat-trasparenza u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili.

    ARTIKOLU 35

    Ġlieda kontra d-drogi illeċiti

    1.    Fil-kuntest tas-setgħat u l-kompetenzi rispettivi tagħhom, il-Partijiet jikkooperaw biex jiżguraw approċċ bilanċjat u integrat sabiex jiġi mminimizzat id-deni lil individwi, familji, u komunitajiet kaġun tad-drogi illeċiti. Il-politiki u l-azzjonijiet dwar id-drogi jkunu mmirati lejn it-tisħiħ tal-istrutturi għall-ġlieda kontra d-drogi illeċiti, it-tnaqqis fil-provvista, it-traffikar, u d-domanda, tad-drogi, li jiġu indirizzati l-konsegwenzi ta' saħħa u soċjali tal-abbuż tad-droga, li jinbena l-irkupru mid-dependenza, kif ukoll it-tkomplija tal-kooperazzjoni sabiex tiġi miġġielda b'mod effettiv id-diverżjoni ta' prekursuri kimiċi użati fil-manifattura illeċita tad-drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.

    2.    Il-Partijiet jikkooperaw bil-ħsieb li jiżmantellaw in-netwerks kriminali transnazzjonali involuti fit-traffikar tad-droga permezz ta’, fost l-oħrajn, l-iskambju ta’ informazzjoni u intelligence, it-taħriġ jew il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, inklużi tekniki investigattivi speċjali. Isir sforz partikulari kontra l-penetrazzjoni mill-kriminali fl-ekonomija leċita.


    3.    Il-Partijiet jikkooperaw biex jindirizzaw il-kwistjoni ta' sustanza psikoattiva ġdida, inkluż permezz tal-iskambju ta' informazzjoni u intelligence, kif xieraq.

    ARTIKOLU 36

    Ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità

    1.    Il-Partijiet isaħħu l-kooperazzjoni biex jimpedixxu u jiġġieldu r-reati ta’ teknoloġija għolja, ċibernetiċi u elettroniċi u d-distribuzzjoni ta' kontenut illegali, inkluż kontenut terroristiku, permezz tal-internet, billi jiskambjaw l-informazzjoni u l-esperjenzi prattiċi b'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u l-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, fil-limiti tar-responsabbiltà tagħhom.

    2.    Il-Partijiet jiskambjaw informazzjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-investigaturi taċ-ċiberkriminalità, l-investigazzjoni taċ-ċiberkriminalità, u x-xjenza forensika diġitali.

    3.    Il-Partijiet jippromwovu l-Konvenzjoni ta' Budapest dwar iċ-Ċiberkriminalità bħala l-istandard globali kontra ċ-ċiberkriminalità f'kull livell xieraq.


    ARTIKOLU 37

    Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

    1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid il-ħtieġa li jikkooperaw sabiex jipprevjenu li s-sistemi finanzjarji tagħhom jintużaw biex isir il-ħasil tal-qligħ mill-attivitajiet kriminali kollha, inkluż it-traffikar tad-droga u l-korruzzjoni, u sabiex jiġġieldu kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Din il-kooperazzjoni testendi għall-irkupru ta’ assi jew fondi li jkunu ġejjin minn attivitajiet kriminali.

    2.    Il-Partijiet jiskambjaw informazzjoni relevanti fil-qafas tal-leġiżlazzjoni rispettiva tagħhom, u jimplimentaw miżuri adatti biex jiġġieldu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, b'konformità ma' standards adottati minn korpi internazzjonali relevanti attivi f'dan il-qasam, bħalma hi t-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF).

    ARTIKOLU 38

    Migrazzjoni u Ażil

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jintensifikaw id-djalogu u l-kooperazzjoni rigward kwistjonijiet ta' migrazzjoni, ażil, parteċipazzjoni u diversità.

    2.    Il-kooperazzjoni tista' tinkludi l-iskambju ta' informazzjoni dwar approċċi għall-immigrazzjoni irregolari, il-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' persuni, it-traffikar tal-bnedmin, l-ażil, il-parteċipazzjoni soċjali u ekonomika tal-migranti, il-ġestjoni tal-fruntieri, il-viżi, il-bijometrika, u s-sigurtà tad-dokumenti.


    3.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw sabiex jipprevjenu u jikkontrollaw il-migrazzjoni irregolari. Għal dan il-għan:

    (a)    l-Awstralja tieħu lura kull wieħed miċ-ċittadini tagħha li jkunu jinsabu illegalment fit-territorju ta' Stat Membru, fuq talba ta' dan tal-aħħar, mingħajr formalitajiet bla bżonn li jikkawżaw dewmien żejjed;

    (b)    kull Stat Membru jieħu lura kull wieħed miċ-ċittadini tiegħu li jkunu jinsabu illegalment fit-territorju tal-Awstralja, fuq talba ta' din tal-aħħar, mingħajr formalitajiet bla bżonn li jikkawżaw dewmien żejjed; u

    (c)    l-Istati Membri u l-Awstralja jipprovdu wkoll liċ-ċittadini tagħhom b'dokumenti xierqa ta' identità għal dawn l-iskopijiet.

    4.    Il-Partijiet, fuq talba ta' kwalunkwe Parti, jesploraw il-possibiltà li jikkonkludu Ftehim bejn l-Awstralja u l-Unjoni Ewropea dwar ir-riammissjoni. Dan se jinkludi l-konsiderazzjoni ta’ arranġamenti xierqa għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi.


    ARTIKOLU 39

    Protezzjoni konsulari

    1.    L-Awstralja taqbel li l-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta’ kwalunkwe Stat Membru rappreżentat jistgħu jeżerċitaw il-protezzjoni konsulari 1 fl-Awstralja f’isem Stati Membri oħra li ma jkollhomx rappreżentazzjoni permanenti aċċessibbli fl-Awstralja.

    2.    L-Unjoni u l-Istati Membri jaqblu li l-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari tal-Awstralja jistgħu jeżerċitaw protezzjoni konsulari f’isem pajjiż terz u li pajjiżi terzi jistgħu jeżerċitaw protezzjoni konsulari f’isem l-Awstralja fl-Unjoni f’postijiet fejn l-Awstralja jew il-pajjiż terz ikkonċernat ma jkollhomx rappreżentazzjoni permanenti aċċessibbli.

    3.    Il-paragrafi 1 u 2 huma maħsuba biex ineħħu kull rekwiżit għal notifika jew kunsens li b’mod ieħor ikunu jistgħu japplikaw.

    4.    Il-Partijiet jaqblu li jiffaċilitaw djalogu dwar affarijiet konsulari bejn l-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom.


    ARTIKOLU 40

    Protezzjoni tad-dejta personali

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw bil-għan li jiżguraw li l-livelli tal-protezzjoni ta' dejta personali jkunu konsistenti mal-istandards relevanti internazzjonali, inklużi l-Linji Gwida tal-OECD dwar il-Protezzjoni tal-Privatezza u l-Fluss Bejn il-Fruntieri ta’ Informazzjoni Personali.

    2.    Il-kooperazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta personali tista’ tinkludi, fost l-oħrajn, l-iskambju ta’ informazzjoni u kompetenza esperta. Din tista’ wkoll tinkludi l-kooperazzjoni bejn korpi regolatorji simili f'korpi bħall-Grupp ta’ Ħidma dwar is-Sigurtà u l-Privatezza fl-Ekonomija Diġitali tal-OECD u n-Netwerk Globali ta' Infurzar tal-Privatezza.

    TITOLU VI

    KOOPERAZZJONI FL-OQSMA TAR-RIĊERKA, L-INNOVAZZJONI
    U S-SOĊJETÀ TAL-INFORMAZZJONI

    ARTIKOLU 41

    Xjenza, riċerka u innovazzjoni

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fl-oqsma tax-xjenza, ir-riċerka, u l-innovazzjoni, b'appoġġ għal, jew kumplimentari għal, il-Ftehim relatat mal-kooperazzjoni xjentifika u teknika bejn il-Komunità Ewropea u l-Awstralja.


    2.    Il-kooperazzjoni msaħħa tfittex li, fost l-oħrajn:

    (a)    tindirizza sfidi tas-soċjetà ewlenin komuni bejn l-Awstralja u l-Unjoni kif eżaminat u maqbul mill-Kumitat Konġunt dwar Kooperazzjoni fix-Xjenza u t-Teknoloġija stabbilit skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim relatat mal-kooperazzjoni xjentifika u teknika bejn il-Komunità Ewropea u l-Awstralja;

    (b)    tinkludi firxa ta' atturi tal-innovazzjoni mis-settur pubbliku u dak privat, inklużi l-SMEs, biex jiġi ffaċilitat l-isfruttar tar-riżultati tar-riċerka kollaborattiva u l-kisba ta' riżultati kummerċjali u/jew soċjali ta' benefiċċju reċiproku.

    (c)    issaħħaħ iktar l-ambitu għal riċerkaturi tal-Awstralja u l-Unjoni biex japprofittaw mill-opportunitajiet provduti mill-programmi ta' riċerka u innovazzjoni ta' kull parti, inkluż permezz ta':

    (i)    informazjoni komprensiva dwar programmi u opportunitajiet għal parteċipazzjoni;

    (ii)    informazzjoni fil-ħin dwar prijoritajiet strateġiċi emerġenti;

    (iii)    jiġi esplorat l-amitu għall-użu u t-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta' kollaborazzjoni bħat-titwim, is-sejħiet konġunti u s-sejħiet koordinati; u

    (d)    tesplora l-ambitu li fih l-Awstralja u l-Unjoni jistgħu jaħdmu flimkien biex jibdew u jipparteċipaw f'kollaborazzjoni ta' riċerka u innovazzjoni reġjonali u internazzjonali.


    3.    Il-Partijiet, f'konformità mal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom, jinkoraġġixxu lis-settur pubbliku u privat kif ukoll is-soċjetà ċivili fit-territorju tagħhom biex jieħdu sehem f'attivitajiet biex isaħħu l-kooperazzjoni.

    4.    Il-kooperazzjoni msaħħa tiffoka fuq kull qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni ċivili, inkluż, imma mhux limitata għal:

    (a)    li jiġu indirizzati sfidi għas-soċjetà f'oqsma ta' interess reċiproku u li jissaħħu teknoloġiji abilitanti essenzjali, fosthom ix-xjenza spazjali;

    (b)    l-infrastruttura tar-riċerka, inkluża l-e-infrastruttura, u l-iskambju ta' informazzjoni fuq kwistjonijiet bħall-aċċess, il-ġestjoni, il-finanzjament u l-prijoritizzazzjoni tal-infrastrutturi tar-riċerka; u

    (c)    it-tisħiħ tal-mobilità tar-riċerkaturi bejn l-Awstralja u l-Unjoni.

    ARTIKOLU 42

    Soċjetà tal-informazzjoni

    1.    Billi jirrikonoxxu li t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni huma elementi ewlenin tal-ħajja moderna u ta’ importanza vitali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, il-Partijiet jaqblu li jiskambjaw il-fehmiet tagħhom dwar il-linji ta’ politika rispettivi tagħhom f’dan il-qasam.


    2.    Il-kooperazzjoni f’dan il-qasam tista' tiffoka, fost l-oħrajn, fuq:

    (a)    l-iskambju ta' fehmiet dwar aspetti differenti tas-soċjetà tal-informazzjoni, b'mod partikulari politiki u regolamentazzjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, inkluż is-servizz universali, il-liċenzjar u l-awtorizzazzjonijiet ġenerali, il-protezzjoni tal-privatezza u d-dejta personali, il-gvern elettroniku u l-gvern apert, is-sigurtà tal-internet u l-indipendenza u l-effiċjenza tal-awtoritajiet regolatorji;

    (b)    l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tan-netwerks ta' riċerka u infrastrutturi u servizzi tad-dejta tal-kompjuters u x-xjenza, inkluż f'kuntest reġjonali;

    (c)    l-istandardizzazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u t-tixrid ta’ teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni;

    (d)    aspetti ta' sigurtà, fiduċja u privatezza ta' teknoloġiji u servizzi tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, inkluż il-promozzjoni tas-sikurezza online, il-ġlieda kontra l-użu ħażin tat-teknoloġija tal-informatika u kull forma ta' mezz elettroniku, u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni; u

    (e)    l-iskambju ta’ fehmiet dwar miżuri biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-ispejjeż tar-roaming internazzjonali bil-mowbajls, inkluż bħala ostakolu għall-kummerċ wara l-fruntieri.


    TITOLU VII

    KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-EDUKAZZJONI U L-KULTURA

    ARTIKOLU 43

    Edukazzjoni, taħrig u żgħażagħ

    1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-kontribuzzjoni kruċjali li l-edukazzjoni u t-taħriġ jagħmlu għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u t-tkabbir sostenibbli għal ekonomiji bbażati fuq l-għarfien, u jirrikonoxxu li għandhom interess komuni li jikkooperaw fuq l-edukazzjoni, it-taħriġ u fuq kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu maż-żgħażagħ relatati.

    2.    B’mod konformi mal-interessi reċiproċi tagħhom u l-miri tal-politiki tagħhom dwar l-edukazzjoni, il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jkomplu d-djalogu UE-Awstralja dwar il-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ u li flimkien jappoġġjaw attivitajiet adatti ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ, u ż-żgħażagħ. Din il-kooperazzjoni tikkonċerna s-setturi kollha tal-edukazzjoni, u tista' tieħu l-forma ta', fost l-oħrajn:

    (a)    il-mobilità ta' individwi permezz tal-promozzjoni u l-faċilitazzjoni tal-iskambju tal-istudenti, l-istaff akkademiku u amministrattiv ta' istituzzjonijiet tal-edukazzjoni terzjarja, għalliema u dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ;

    (b)    proġetti ta' kooperazzjoni konġunti bejn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Unjoni u l-Awstralja bil-ħsieb li jiġi promoss l-iżvilupp tal-kurrikulu, programmi tal-istudju u lawrji konġunti, u l-mobilità tal-għalliema u l-istudenti.


    (c)    il-kooperazzjoni, il-konnessjonijiet, u s-sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet bil-ħsieb li jiġi promoss l-iskambju tal-esperjenza u l-kompetenzi, u rabtiet effettivi bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni. u

    (d)    l-appoġġ għar-riforma tal-politiki permezz ta' djalogu, studji, konferenzi, seminars, gruppi ta’ ħidma, eżerċizzji ta’ parametraġġ referenzjarju u l-iskambju ta’ informazzjoni u prattika tajba, b’mod partikolari fid-dawl tal-proċessi ta’ Bolonja u ta’ Kopenħagen u l-għodod ta' trasparenza tal-Unjoni.

    ARTIKOLU 44

    Kooperazzjoni kulturali, awdjoviżiva u tal-midja

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu kooperazzjoni eqreb fis-setturi kulturali u kreattivi, sabiex jitjieb, fost l-oħrajn, il-fehim reċiproku u l-għarfien tal-kulturi rispettivi tagħhom.

    2.    Il-Partijiet jaħdmu biex jieħdu miżuri xierqa sabiex jippromwovu skambji kulturali u jwettqu inizjattivi konġunti f'diversi oqsma kulturali filwaqt li jużaw l-istrumenti u l-oqfsa ta' kooperazzjoni disponibbli.

    3.    Il-Partijiet jagħmlu ħilithom biex jippromwovu l-mobilità ta’ professjonisti tal-kultura u xogħlijiet tal-arti bejn l-Awstralja u l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

    4.    Il-Partijiet jinkoraġġixxu d-djalogu interkulturali bejn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll bejn individwi miż-żewġ Partijiet.


    5.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw mill-qrib, b'mod partikolari permezz tad-djalogu ta' politika, f’fora internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, Xjenza u Kultura (UNESCO), bil-għan li jsegwu objettivi komuni u jippromwovu d-diversità kulturali, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali.

    6.    Il-Partijiet jinkoraġġixxu, jappoġġjaw u jiffaċilitaw l-iskambji, il-kooperazzjoni u d-djalogu bejn l-istituzzjonijiet u l-professjonisti fl-oqsma awdjoviżivi u tal-midja.

    7.    Il-Partijiet jaqblu li jappoġġjaw il-kooperazzjoni kulturali fil-qafas tal-ASEM, partikolarment permezz tal-attivitajiet tal-Fondazzjoni Asja-Ewropa ("ASEF").

    TITOLU VIII

    KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-IŻVILUPP SOSTENIBBLI,
    L-ENERĠIJA U T-TRASPORT

    ARTIKOLU 45

    Ambjent u riżorsi naturali

    1.    Il-Partijiet jaqblu dwar il-ħtieġa li jħarsu, jikkonservaw u jamministraw b'manjiera sostenibbli r-riżorsi naturali u d-diversità bijoloġika bħala bażi għall-iżvilupp tal-ġenerazzjonijiet preżenti u tal-futur.


    2.    Il-Partijiet isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom rigward il-ħarsien tal-ambjent u rigward l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fis-setturi kollha ta' kooperazzjoni, inkluż f'kuntest internazzjoni u reġjonali, partikolarment fir-rigward ta':

    (a)    li jinżamm djalogu f'livell għoli dwar kwistjonijiet ambjentali;

    (b)    il-parteċipazzjoni fi ftehimiet multilaterali dwar l-ambjent u l-implimentazzjoni tagħhom, u fejn xieraq, li tinstab bażi komuni bejn il-partijiet dwar kwistjonijiet ambjentali, inkluż permezz ta' parteċipazzjoni f'fora multilaterali;

    (c)    li jiġi promoss u mħeġġeġ l-aċċess għal, u l-użu sostenibbli ta', riżorsi ġenetiċi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u t-trattati internazzjonali applikabbli f'dan il-qasam li l-Partijiet ikunu rratifikaw jew aderixxew magħhom; u

    (d)    il-promozzjoni ta' skambju ta' informazzjoni, għarfien tekniku espert u prattiki ambjentali f'oqsma bħal:

    (i)    l-implimentazzjoni u infurzar tal-liġi ambjentali;

    (ii)    l-effiċjenza fir-riżorsi u l-konsum u produzzjoni sostenibbli;

    (iii)    il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità;


    (iv)    l-immaniġġjar tal-iskart u l-prodotti kimiċi;

    (v)    il-politika tal-ilma; u

    (vi)    il-konservazzjoni tal-ambjent kostali u tal-baħar, u l-kontroll tat-tniġġis u d-degradazzjoni.

    ARTIKOLU 46

    Tibdil fil-klima

    1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu t-theddida globali komuni tat-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li l-pajjiżi kollha jieħdu azzjoni sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet bil-għan li jiġu stabbilizzati l-konċentrazzjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta' serra fl-atmosfera, f’livell li jimpedixxi interferenza antropoġenika perikoluża mas-sistema tal-klima. Fl-ambitu tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, u mingħajr preġudizzju għad-diskussjonijiet f’fora oħra, bħall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCCC), il-Partijiet għandhom iżidu l-kooperazzjoni f’dan il-qasam. Mingħajr ma tkun limitata għalihom, il-kooperazzjoni jkollha dawn il-miri:

    (a)    li jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima bl-għan ġenerali li l-konċentrazzjonijiet tal-gassijiet serra fl-atmosfera jiġu stabilizzati, filwaqt li titqies l-iktar informazzjoni xjentifika u l-ħtieġa li jkun hemm tranżizzjoni lejn ekonomiji li jipproduċu ftit emissjonijijet filwaqt li jitkompla t-tkabbir ekonomiku sostenibbli permezz ta' azzjonijiet ta' mitigazzjoni u adattazzjoni xierqa fuq livell nazzjonali;


    (b)    l-iskambju ta' għarfien espert u informazzjoni rigward id-disinn, l-implimentazzjoni u l-evoluzzjoni tal-politiki u l-approċċi domestiċi rispettivi tagħhom dwar il-migrazzjoni, fosthom mekkaniżmi bbażati fuq is-suq fejn rilevanti;

    (c)    l-iskambju ta' għarfien espert u informazzjoni dwar strumenti ta' finanzjament pubbliċi u tas-settur privat għall-azzjoni dwar il-klima;

    (d)    kollaborazzjoni dwar ir-riċerka, l-iżvilupp, it-tixrid, l-użu u t-trasferiment ta’ teknoloġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra, u l-promozzjoni tal-użu effiċjenti tar-riżorsi, filwaqt li jinżamm it-tkabbir ekonomiku;

    (e)    l-iskambju ta' esperjenza, għarfien espert u l-aħjar prattiki, fejn xieraq, fil-monitoraġġ u l-analiżi tal-effetti tal-gassijiet serra u l-iżvilupp ta' programmi ta' mitigazzjoni u adattazzjoni u strateġiji għal emissjonijiet baxxi;

    (f)    l-appoġġ, fejn xieraq, ta' azzjoni ta' mitigazzjoni u adattament minn pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp;

    (g)    il-ħidma flimkien biex jinkiseb ftehim dwar il-klima internazzjonali robust u legalment vinkolanti applikabbli għall-pajjiżi kollha.

    2.    Għal dawn l-għanijiet, il-Partijiet jaqblu li jżommu djalogu u kooperazzjoni regolari fil-livelli politiċi, ta' politika u tekniċi, kemm bilateralment kif ukoll fil-fora plurilaterali u multilaterali relevanti.


    ARTIKOLU 47

    Protezzjoni ċivili

    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-ħtieġa li l-impatt tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem jiġi minimizzat. Il-Partijiet jaffermaw l-impenn komuni tagħhom li jippromwovu l-miżuri ta' prevenzjoni, mitigazzjoni, tħejjija u rispons, sabiex tiżdied ir-reżiljenza tas-soċjetà u l-infrastruttura, u li jikkooperaw kif xieraq, fuq il-livell politiku bilaterali u multilaterali biex biex jimxu lejn dawn l-għanijiet.

    ARTIKOLU 48

    Enerġija

    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tas-settur tal-enerġija u r-rwol ta' suq tal-enerġija li jaħdem tajjeb għall-iżvilupp sostenibbli, it-tkabbir ekonomiku, biex jikkontribwixxi għall-kisba ta' għanijiet ta' żvilupp maqbula internazzjonalment u l-kooperazzjoni biex jiġu indirizzati sfidi ambjentali u relatati mal-klima, u jistinkaw, fl-ambitu tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, li jtejbu l-kooperazzjoni f'dan il-qasam bil-ħsieb li:

    (a)    jiżviluppaw politiki biex iżidu s-sigurtà tal-enerġija;

    (b)    jippromwovu l-kummerċ u l-investiment globali tal-enerġija;


    (c)    itejbu l-kompetittività;

    (d)    itejbu l-funzjonament tas-swieq globali tal-enerġija;

    (e)    jiskambjaw l-informazzjoni u l-esperjenzi ta' politiki permezz ta’ fora multilaterali eżistenti tal-enerġija;

    (f)    jippromwovu l-iżvilupp u l-adozzjoni ta' teknoloġiji tal-enerġija nodfa, diversi, kosteffiċjenti u sostenibbli, fosthom teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u b'emissjonijiet baxxi;

    (g)    jiksbu użu razzjonali tal-enerġija bil-kontributi kemm ta’ min iforni kif ukoll ta’ min jagħmel id-domanda, billi jippromwovu l-effiċjenza tal-enerġija fil-produzzjoni, it-trasport, id-distribuzzjoni u l-użu finali tal-enerġija; u

    (h)    jikkondividu l-aħjar prattiki fl-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-enerġija.

    ARTIKOLU 49

    Trasport

    1.    Il-Partijiet għandhom jaħdmu sabiex jikkooperaw fl-oqsma rilevanti kollha tal-politika dwar it-trasport, inkluża l-politika integrata dwar it-trasport, bil-ħsieb li jittejjeb il-moviment tal-merkanzija u tal-passiġġieri, jiġu promossi s-sigurtà u s-sikurezza fit-trasport bil-baħar u tal-avjazzjoni, jitħares l-ambjent u tiżdied l-effiċjenza tas-sistemi tat-trasport tagħhom.


    2.    Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet f’dan il-qasam għandha timmira li tippromwovi:

    (a)    l-iskambji ta' informazzjoni dwar il-politiki u l-prattiki rispettivi tagħhom tat-trasport, inklużi li jingħata avviż fil-ħin dwar tibdil propost fir-reġimi regolatorji li jaffettwa s-setturi tat-trasport rispettivi tagħhom;

    (b)    it-tisħiħ tar-relazzjonijiet tal-avjazzjoni bejn l-Awstralja u l-Unjoni, it-titjib tal-aċċess għas-suq u l-opportunitajiet ta' investiment, u l-twessigħ u t-tfannid tal-kooperazzjoni regolatorja fis-sikurezza u s-sigurtà tal-avjazzjoni u r-regolamentazzjoni ekonomika tal-industrija tat-trasport bl-ajru, bil-ħseib li tiġi appoġġjata l-konverġenza regolatorja u t-tneħħija tal-ostakli biex isir in-negozju, kif ukoll kooperazzjoni dwar l-immanniġjar tat-traffiku bl-ajru.

    (c)    djalogu u kooperazzjoni bl-objettivi ta' aċċess bla xkiel għas-swieq u l-kummerċ marittimi internazzjonali bbażati fuq il-kompetizzjoni ġusta fuq bażi kummerċjali;

    (d)    djalogu u kooperazzjoni dwar kwistjonijiet tat-trasport li huma relatati mal-ambjent;

    (e)    djalogu u kooperazzjoni bl-għan li jkun hemm rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan; u

    (f)    kooperazzjoni f'fora dwar it-trasport internazzjonali.


    ARTIKOLU 50

    Agrikoltura u żvilupp rurali

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jinkoraġġixxu il-kooperazzjoni fl-agrikoltura u l-iżvilupp rurali.

    2.    Oqsma li fihom jistgħu jiġu kkunsidrati l-attivitajiet kooperattivi jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, il-politika agrikola, il-politika ta' żvilupp rurali, id-diversifikazzjoni u r-ristrutturar tas-setturi agrikoli u l-agrikoltura sostenibbli.

    ARTIKOLU 51

    Immaniġġar sostenibbli tal-foresti

    Il-Partijiet jaqblu li jrawmu l-kooperazzjoni, fil-livell nazzjonali u dak internazzjonali, fuq il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u politiki u regolamenti relatati, inklużi miżuri biex jiġi miġġieled il-qtugħ illegali tas-siġar u l-kummerċ relatat, kif ukoll il-promozzjoni tal-governanza tajba tal-foresti.


    ARTIKOLU 52

    Affarijiet marittimi u sajd

    1.    Il-Partijiet isaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni fl-oqsma tas-sajd u l-affarijiet marittimi. Il-Partijiet jimmiraw li jippromwovu l-konservazzjoni fuq żmien twil u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi ħajjin marittimi, jiskambjaw l-informazzjoni permezz tal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd ("RFMOs") u arranġamenti, u fora multilaterali bħalma huma l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti ("FAO"), jippromwovu sforzi biex jipprevjenu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat ("sajd IUU"), jimplimentaw ġestjoni bbażata fuq l-ekosistema u jippromwovu l-kollaborazzjoni tar-riċerka dwar is-sostenibblità marittima u tas-sajd.

    2.    Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex:

    (a)    jinkoraġġixxu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta', u l-konformità ma', miżuri effettivi biex jiżguraw il-konservazzjoni fit-tul u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd taħt il-kompetenza tal-RFMOs jew arranġamenti li huma parti minnhom;

    (b)    jiżguraw il-governanza multilaterali fl-RFMO relevanti ta' stokks ta' ħut li jpassu ħafna fil-firxa tagħhom;

    (c)    jippromwovu approċċ integrat lejn l-affarijiet marittimi fil-livell internazzjonali; u

    (d)    jagħmlu milli jistgħu biex jiffaċilitaw is-sħubija fl-RFMOs, kif meqjus xieraq, fejn Parti waħda tkun Membru u l-oħra tkun parti li tikkoopera.


    3.    Il-Partijiet għandu jkollhom djalogu regolari perjodiku flimkien ma' laqgħat oħrajn fil-livell ta' uffiċjali għolja, sabiex isaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni, kif ukoll biex jiskambjaw it-tagħrif u l-esperjenzi fuq il-politika tas-sajd u l-affarijiet marittimi.

    ARTIKOLU 53

    Impjiegi u l-affarijiet soċjali

    1.    Il-Partijiet jaqblu li jtejbu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-impjiegi u l-affarijiet soċjali, inkluż fil-kuntest tal-globalizzazzjoni u t-tibdil demografiku. Għandhom isiru sforzi sabiex jiġu promossi l-kooperazzjoni u l-iskambji ta’ informazzjoni u ta’ esperjenzi rigward l-impjiegi u kwistjonijiet tax-xogħol. Oqsma ta' kooperazzjoni jistgħu jinkludu skambji dwar il-politika tal-impjiegi, il-koeżjoni reġjonali u soċjali, l-integrazzjoni soċjali, is-sistemi tas-sigurtà soċjali, ir-relazzjonijiet industrijali, l-iżvilupp tal-ħiliet matul il-ħajja, l-impjieg taż-żgħażagħ, is-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol, in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, kif ukoll ir-responsabbiltà soċjali korporattiva u x-xogħol deċenti.

    2.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid il-ħtieġa li jippromwovu x-xogħol produttiv u għal kulħadd u x-xogħol diċenti bħala element prinċipali tal-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar. F'dan il-kuntest, il-Partijiet ifakkru d-Dikjarazzjoni dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol ("ILO").

    3.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenji tagħhom sabiex jirrispettaw, jippromwovu u jwettqu standards rikonoxxuti fuq livell internazzjonali dwar ix-xogħol u soċjali, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Fundamentali fuq il-Post tax-Xogħol.


    4.    Il-forom ta’ kooperazzjoni jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, programmi, proġetti u inizjattivi speċifiċi, skont qbil reċiproku dwarhom, kif ukoll djalogu dwar suġġetti ta’ interess komuni fuq livell bilaterali jew multilaterali.

    ARTIKOLU 54

    Saħħa

    Il-Partijiet jaqblu li jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni reċiproka, l-iskambju ta' informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-esperjenzi tal-politiki fl-oqsma tas-saħħa u l-immaniġġjar effettiv tal-problemi tas-saħħa transfruntieri.

    TITOLU IV

    QAFAS ISTITUZZJONALI

    ARTIKOLU 55

    Ftehimiet jew arranġamenti oħrajn

    1.    Il-Partijiet jistgħu jikkumplementaw dan il-Ftehim billi jikkonkludu ftehimiet jew arranġamenti speċifiċi fi kwalunkwe qasam ta’ kooperazzjoni li jaqa’ fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu. Tali ftehimiet speċifiċi għandhom ikunu parti integrali tar-relazzjonijiet bilaterali globali regolati minn dan il-Ftehim.


    2.    Dan il-Ftehim ma għandux jaffettwa jew jippreġudika l-interpretazzjoni, l-operazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ ftehimiet oħra bejn il-Partijiet. B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet għar-riżoluzzjoni tat-tilwim ta’ dan il-Ftehim ma jissostitwix jew jaffettwa b’xi mod id-dispożizzjonijiet għar-riżoluzzjoni tat-tilwim ta’ ftehimiet oħra bejn il-Partijiet.

    3.    Il-Partijiet jirrikonoxxu li każ ta' urġenza speċjali kif definit fl-Artikolu 57(7) jista' wkoll iservi bħala bażi għas-sospensjoni jew it-terminazzjoni ta' ftehimiet oħrajn bejn il-Partijiet. F'tali ċirkostanzi, il-Partijiet għandhom josservaw id-dispożizzjonijiet dwar ir-riżoluzzjoni tat-tilwim, is-sospensjoni u t-terminazzjoni ta' ftehimiet oħrajn bħal dawn biex isolvu kull tilwima minn dawn.

    ARTIKOLU 56

    Kumitat Konġunt

    1.    Il-Partijiet b’dan jistabbilixxu Kumitat Konġunt li jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Partijiet.

    2.    Il-konsultazzjonijiet isiru fil-Kumitat Konġunt sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni u biex jitmexxew 'il quddiem l-għanijiet ġenerali ta’ dan il-Ftehim, kif ukoll biex tinżamm koerenza ġenerali fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Awstralja.

    3.    Il-Kumitat Konġunt għandu:

    (a)    jippromwovi l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan il-Ftehim;


    (b)    jimmonitorja l-iżvilupp tar-relazzjoni komprensiva bilaterali bejn il-Partijiet, inklużi l-ftehimiet;

    (c)    jitlob, kif xieraq, informazzjoni minn kumitati jew korpi oħra stabbiliti taħt ftehimiet oħrajn bejn il-Partijiet u jikkonsidra kwalunkwe rapporti ppreżentati minnhom;

    (d)    jiskambja fehmiet u jagħmel suġġerimenti dwar kull kwistjoni ta’ interess komuni, inklużi azzjonijiet futuri u r-riżorsi disponibbli sabiex jitwettqu;

    (e)    jistipula l-prijoritajiet u, kif xieraq, jiddetermina l-passi jew pjanijiet ta' azzjoni li jmiss b'rabta mal-għan ta' dan il-Ftehim;

    (f)    ifittex metodi adatti biex jiġu evitati l-problemi li jistgħu jinħolqu fl-oqsma koperti minn dan il-Ftehim;

    (g)    jagħmel ħiltu biex isolvi kwalunkwe differenza li tinqala’ fl-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim b'konformità mal-Artikolu 57;

    (h)    jeżamina l-informazzjoni ppreżentata minn Parti b'konformità mal-Artikolu 57; u

    (i)    jadotta deċiżjonijiet, fejn xieraq, biex jiġu implimentati aspetti speċifiċi ta' dan il-Ftehim.

    4.    Il-Kumitat Konġunt jopera b’kunsens. Huwa għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu. Huwa jista’ jistabbilixxi sottokumitati u gruppi ta’ ħidma biex jittrattaw kwistjonijiet speċifiċi.


    5.    Il-Kumitat Konġunt normalment għandu jiltaqa’ darba fis-sena fl-Unjoni u l-Awstralja b'mod li jalterna. Isiru laqgħat speċjali tal-Kumitat Konġunt meta jintalbu minn xi waħda mill-Partijiet. Il-Kumitat Konġunt ikun kopresedut miż-żewġ Partijiet. Normalment għandu jiltaqa’ fil-livell ta’ uffiċjali anzjani, iżda jista' jiltaqa' wkoll fil-livell ministerjali. Il-Kumitat Konġunt jista' wkoll jopera permezz tal-kuntatt bil-vidjo jew bit-telefon, u bl-iskambju ta' informazzjoni bil-posta elettronika.

    ARTIKOLU 57

    Modalitajiet għall-implimentazzjoni u riżoluzzjoni tat-tilwim

    1.    Fl-ispirtu ta’ rispett reċiproku u kooperazzjoni li huma inkorporati b’dan il-Ftehim, il-Partijiet jieħdu kwalunkwe miżuri ġenerali jew speċifiċi meħtieġa biex iwettqu l-obbligi tagħhom skont dan il-Ftehim.

    2.    Il-Partijiet jaqblu li jikkonsultaw malajr kemm jista' jkun, fuq it-talba ta' Parti, rigward kwistjonijiet ta' differenza li jistgħu jinqalgħu fl-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim. Jekk ikun hemm diverġenza ta’ fehmiet fl-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim, kull Parti tista' tirreferi għall-Kumitat Konġunt. Il-Partijiet għandhom jippreżentaw l-informazzjoni kollha rilevanti meħtieġa għal eżami bir-reqqa ta’ din il-kwistjoni lill-Kumitat Konġunt, bil-ħsieb li d-differenzi jiġu riżolti fil-ħin u b'mod amikevoli.


    3.    F'każ ta' urġenza speċjali, Parti minnhom għandha minnufih tirreferi l-kwistjoni lill-Kumitat Konġunt u tippreżenta l-informazzjoni kollha meħtieġa għal eżami bir-reqqa tas-sitwazzjoni, bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni fil-ħin u li tkun reċiprokament aċċettabbli. Fil-każ li l-Kumitat Konġunt fil-livell tal-uffiċjali għoljin ma jkunx kapaċi jsolvi s-sitwazzjoni sa 15-il jum mill-bidu tal-konsultazzjonijiet u mhux iktar tard minn tletin jum mid-data li l-kwistjoni tkun ġiet riferuta lill-Kumitat Konġunt, il-kwistjoni tiġi mressqa lill-ministri għal konsiderazzjoni urġenti għal perjodu ulterjuri ta' 15-il jum.

    4.    Fil-każ improbabbli u mhux mistenni li ma tinstab l-ebda soluzzjoni aċċettabbli wara 15-il jum mill-bidu tal-konsultazzjonijiet fil-livell ministerjali u mhux iktar tard minn 45 jum mid-data li fiha l-kwistjoni tkun ġiet riferuta lill-Kumitat Konġunt, kwalunkwe Parti tista' tiddeċiedi li tieħu miżuri xierqa fir-rigward ta' dan il-Ftehim, fosthom is-sospensjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu jew it-terminazzjoni tiegħu. Il-Partijiet jirrikonoxxu li każ ta' urġenza speċjali jista' jservi wkoll bħala bażi biex jittieħdu miżuri xierqa barra minn dan il-Ftehim, b'konformità mad-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet taħt ftehimiet oħrajn bejn il-Partijiet jew taħt id-dritt internazzjonali ġenerali. Fl-Unjoni, id-deċiżjoni ta' sospensjoni tkun teħtieġ unanimità. Fl-Awstralja, id-deċiżjoni ta’ sospensjoni tittieħed mill-Gvern tal-Awstralja f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tiegħu.

    5.    Il-Partijiet jaqblu li kwalunkwe deċiżjoni biex jittieħdu miżuri xierqa b'konformità mal-paragrafu 4 għandha tkun sostanzjata kif dovut. Id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata immedjatament lill-Parti l-oħra bil-miktub. Il-Partijiet jaqblu li kull miżura minn dawn għandha tkun proporzjonali u tkun konsistenti mal-Artikolu 55(2) kif ukoll mal-prinċipji ġenerali tad-dritt internazzjonali.


    6.    Jekk xi miżura tittieħed b'konformità mal-paragrafu 4, għandha tiġi revokata malli r-raġuni li għaliha tkun ittieħdet tkun tneħħiet. Il-Parti li tinvoka l-paragrafu 4 għandha żżomm taħt eżami kostanti l-iżvilupp tas-sitwazzjoni li tkun wasslet għad-deċiżjoni u għandha tirtira l-miżuri malli dan ikun ġustifikat.

    7.    Il-Partijiet jaqblu, għall-finijiet tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni prattika korretta ta' dan il-Ftehim, li t-terminu "każ ta' urġenza speċjali" jfisser ksur partikolarment serju u sostanzjali tal-obbligi deskritti fl-Artikoli 2(2) u 6(2) ta' dan il-Ftehim minn waħda mill-Partijiet li jwassal għal sitwazzjoni li tkun teħtieġ reazzjoni immedjata mill-Parti l-oħra. Il-Partijiet iqisu li ksur partikolarment serju u sostanzjali tal-Artikolu 2(2) jew l-Artikolu 6(2) irid ikun ta' xorta eċċezzjonali li thedded il-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

    8.    F’każijiet fejn sitwazzjoni li sseħħ f’pajjiż terz tista’ tiġi kkunsidrata bħala ekwivalenti fil-gravità u n-natura għal każ ta’ urġenza speċjali, il-Partijiet jagħmlu ħilithom biex iwettqu konsultazzjonijiet urġenti, wara talba ta’ waħda mill-Partijiet, jaqsmu l-fehmiet dwar is-sitwazzjoni u jikkunsidraw ir-reazzjonijiet possibbli.


    TITOLU Х

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    ARTIKOLU 58

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, it-terminu "il-Partijiet" ifisser l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, jew l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom, minn naħa waħda, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra.

    ARTIKOLU 59

    Kooperazzjoni finanzjarja

    1.    Meta jkunu qegħdin jimplimentaw programmi ta għajnuna fil-kuntest tal-politiki ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħhom, il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jipprevjenu u jiġġieldu l-irregolaritajiet, il-frodi, il-korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra għad-detriment tal-interessi finanzjarji tal-Partijiet.

    2.    Għal dan il-għan, l-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni u l-Awstralja għandhom jiskambjaw l-informazzjoni, inkluża d-dejta personali, b'konformità mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ rispettiva tagħhom u, fuq talba ta' waħda mill-Partijiet, għandhom iwettqu l-konsultazzjonijiet.


    3.    L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u l-awtoritajiet kompetenti Awstraljani jistgħu jaqblu dwar kooperazzjoni ulterjuri fil-qasam ta' kontra l-frodi, inkluża l-konklużjoni ta' arranġamenti operazzjonali.

    ARTIKOLU 60

    Divulgazzjoni ta' informazzjoni

    1.    Il-Partijiet għandhom iħarsu kif xieraq l-informazzjoni kondiviża taħt dan il-Ftehim, b'mod konsistenti mal-interess pubbliku fl-aċċess għall-informazzjoni.

    2.    Xejn f'dan il-Ftehim ma għandu jinftiehem li jirrekjedi li l-Partijiet jikkondividu informazzjoni, jew jippermettu aċċess għal informazzjoni kondiviża, li jekk tiġi divulgata:

    (a)    tippreġudika:

    (i)    is-sigurtà pubblika;

    (ii)    kwistjonijiet ta' intelliġenza, difiża u militari;

    (iii)    ir-relazzjonijiet internazzjonali;

    (iv)    il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika;


    (v)    il-privatezza; jew

    (vi)    interessi kummerċjali jew affarijiet ta' negozju leġittimi; jew

    (b)    tmur b'xi mod ieħor kontra l-interess pubbliku.

    3.    Fil-każ li informazzjoni tax-xorta msemmija f'dan l-Artikolu tiġi kondiviża, il-Parti riċeventi għandha tirrilaxxa jew tiddivulga tali informazzjoni biss bil-kunsens tal-Parti l-oħra, jew fejn dan ikun neċessarju għaliha biex tikkonforma mal-obbligi legali tagħha.

    4.    Xejn f'dan il-Ftehim ma huwa intiż biex jidderoga mid-drittijiet, obbligi jew impenji tal-Partijiet taħt ftehimiet jew arranġamenti bilaterali rigward informazzjoni klassifikata skambjata bejn il-Partijiet.

    ARTIKOLU 61

    Dħul fis-seħħ, applikazzjoni proviżorja, durata u terminazzjoni

    1.    Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ tletin jum wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri legali neċessarji għal dak il-għan.


    2.    Minkejja l-paragrafu 1, l-Awstralja u l-Unjoni jistgħu japplikaw dispożizzjonijiet determinati reċiprokament ta' dan il-Ftehim sakemm jidħol fis-seħħ. Tali applikazzjoni proviżorja tibda tletin jum wara d-data li fiha kemm l-Awstralja kif ukoll l-Unjoni jkunu nnotifikaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi tagħhom neċessarji għal tali applikazzjoni proviżorja.

    3.    Dan il-Ftehim ikun validu għal żmien indefinit. Kwalunkwe Parti tista’ tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub dwar l-intenzjoni tagħha li tiddenunzja dan il-Ftehim. Id-denunzja għandha tidħol fis-seħħ sitt xhur wara n-notifika.

    ARTIKOLU 62

    Notifiki

    In-notifiki magħmula skont l-Artikolu 61 isiru lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew lid-Dipartiment tal-Kummerċ u l-Affarijiet Barranin tal-Awstralja, jew l-organizzazzjonijiet suċċessuri tagħhom.


    ARTIKOLU 63

    Applikazzjoni territorjali

    Dan il-Ftehim japplika, minn naħa waħda, għat-territorji li fihom japplikaw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u bil-kundizzjonijiet stipulati f’dawk it-Trattati, u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tal-Awstralja.

    ARTIKOLU 64

    Testi awtentiċi

    Dan il-Ftehim huwa magħmul b'żewġ kopji fil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Netherlandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża u Żvediża, b'kull test ugwalment awtentiku.

    (1) L-Awstralja tista' taqbel li jintuża t-terminu "protezzjoni konsulari" f'dan l-Artiklu, minflok it-terminu "funzjonijiet konsulari", bil-fehim li dak tal-ewwel ikopri l-funzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/637 tal-20 ta' April 2015 dwar il-miżuri ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsulari għal ċittadini mhux rappreżentati tal-Unjoni f'pajjiżi terzi u li tħassar id-Deċiżjoni 95/553/KE, u li dawk il-funzjonijiet jinkludu l-għoti ta' passaporti ta' emerġenza u/jew dokumenti tal-ivvjaġġar.
    Top